RAPPORT dwar il-valutazzjoni ta' kif il-baġit tal-UE jintuża għar-riforma tas-settur pubbliku
22.11.2018 - (2018/2086(INI))
Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Brian Hayes
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-valutazzjoni ta' kif il-baġit tal-UE jintuża għar-riforma tas-settur pubbliku
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-istudju intitolat "Public Sector Reform: How the EU budget is used to encourage it" (Riforma tas-Settur Pubbliku: kif jintuża l-baġit tal-UE biex jinkoraġġiha) ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni fl-2016[1],
– wara li kkunsidra l-istrateġija Ewropa 2020,
– wara li kkunsidra l-perjodu ta' finanzjament attwali tal-UE (2014-2020) u l-proposta tal-Kummissjoni għal qafas finanzjarju pluriennali ġdid (2021-2028),
– wara li kkunsidra l-ftehim li laħqu l-koleġiżlaturi f'Lulju 2018 biex jiżdied il-baġit tal-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali (SRSP),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 197 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0378/2018),
A. billi fl-Istati Membri l-amministrazzjoni pubblika hija fundamentali għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE u meta taħdem b'mod effikaċi tista' tgħin ħalli jinħolqu sistemi moderni kapaċi jtejbu l-prosperità u l-benesseri fl-UE;
B. billi l-proposta dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) il-ġdid ma tinkludix, fil-verżjoni attwali tagħha, objettiv speċifiku għall-amministrazzjoni pubblika;
1. Josserva li l-amministrazzjoni pubblika u l-kompetenzi huma mqassma fuq id-diversi servizzi tal-Kummissjoni, u dan jikkomplika l-koordinament effikaċi tas-servizzi kompetenti, kif ukoll l-inizjattivi u l-programmi ffinanzjati mill-UE; jitlob li jkun hemm koordinament akbar tal-programmi kollha ta' assistenza teknika bil-għan li tiġi evitata d-duplikazzjoni ta' miżuri kif ukoll in-nuqqas ta' effikaċja tagħhom, li jxejnu l-isforzi kollha tal-Kummissjoni għall-promozzjoni ta' koordinament tal-fondi fid-dawl tal-isfruttament tas-sinerġiji; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb is-sistemi tagħha għall-iskambju tal-prattiki t-tajba biex tgħin lill-Istati Membri jimplimentaw l-aħjar prattiki, iżda mingħajr ma timponi politiki orjentati lejn l-iżvalutazzjoni tal-pagi u riformi soċjalment insostenibbli;
2. Jistieden lill-President tal-Kummissjoni li jmiss jassenja lil Kummissarju r-responsabilità tal-kwistjonijiet marbuta mat-titjib tal-amministrazzjoni pubblika u l-governanza;
3. Huwa tal-fehma li riforma effikaċi tas-settur pubbliku hija essenzjali biex tgħin lill-Istati Membri jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni taċ-ċirkostanzi, iżidu r-reżiljenza biex ikunu evitati kriżijiet futuri, jespandu l-amministrazzjoni pubblika online (eGovernment) u jtejbu l-forniment ta' servizzi fl-UE kollha, speċjalment fir-rigward tat-teknoloġiji l-ġodda u tas-sistemi informatiċi l-ġodda, u li din tkun tassisti notevolment fit-tnaqqis tal-ħela, tal-espożizzjoni għall-ħela u tat-telf jew tal-użu frawdolenti tal-fondi tal-Unjoni; jitlob, għalhekk, li anki fil-perjodi ta' programmazzjoni futuri jkun previst il-finanzjament ta' interventi biex ixerrdu l-amministrazzjoni elettronika online b'mod konsistenti mal-prinċipji u mal-prijoritajiet stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-eGovernment;
4. Jinnota li bħal ma jiġri ta' spiss, b'mod partikolari fir-reġjuni anqas żviluppati, hemm diffikultajiet ta' aċċess għall-finanzjamenti jew ta' użu tagħhom, minħabba l-burokrazija żejda, il-kwistjonijiet ta' kapaċità amministrattiva jew irregolaritajiet; jittama għaldaqstant li jiġu promossi fi ħdan l-Istati Membri riformi li jagħmlu aktar konkreta l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u jħaffu l-proċedimenti ġudizzjarji;
5. Josserva li l-baġit tal-UE jipprevedi madwar EUR 9 biljun f'appoġġ lill-Istati Membri tal-UE għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tgħaqqad dan l-appoġġ finanzjarju mal-kondiviżjoni mmirata tal-għarfien, tal-esperjenzi u tal-prattiki t-tajba fost l-Istati Membri;
6. Jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-kooperazzjoni mal-Istati Membri bil-għan li ssostni lir-reġjuni anqas żviluppati, iżżid il-kapaċità u l-governanza amministrattiva;
7. Jitlob li jittieħed miżuri maħsuba biex iħeġġu l-implimentazzjoni tal-programmi li jippromwovu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tar-riżorsi umani, pereżempju permezz ta' skambji tal-aħjar prattika fost l-Istati Membri, anki bl-involviment ta' diriġenti u ta' persuni f'karigi għoljin oħrajn;
8. Jindika li spiss instabu sovrapożizzjonijiet, fir-rigward ta' bosta aspetti, bejn programmi operattivi speċifiċi u riżorsi finanzjarji oħrajn tal-UE u jitlob li jitressqu proposti f'dan ir-rigward; jittama għaldaqstant li jkun hemm titjib tal-assistenza, b'mod li jinkisbu koordinament, komplementarjetà u semplifikazzjoni;
9. Jissottolinja l-importanza li jkun żgurat li l-programmi operattivi jiġu implimentati bil-mod l-aktar effikaċi u faċli possibbli; iqis essenzjali li l-Istati Membri jastjenu milli jżidu regoli li jikkomplikaw l-użu tal-fondi għall-benefiċjarju;
10. Josserva li l-Kummissjoni la għandha l-qafas ta' valutazzjoni tagħha għall-amministrazzjoni pubblika u lanqas metodu ta' ġbir sistematiku tad-data; josserva bi tħassib li, minħabba n-nuqqas ta' dawn l-istrumenti, il-Kummissjoni tipproduċi analiżijiet inkompluti tal-kwistjonijiet fir-rigward tal-Istati Membri kollha; jipproponi r-reintroduzzjoni ta' kapitolu ddedikat għall-amministrazzjoni pubblika u l-governanza fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir;
11. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta minn qabel il-kapaċità ammministrattiva tal-istrutturi responsabbli mill-implimentazzjoni tal-politiki ta' żvilupp, u, għall-proġetti ta' importanza strateġika partikolari, tinkoraġġixxi l-użu ta' korpi u aġenziji nazzjonali li għandhom il-kapaċità li jsaħħu l-programmi u l-azzjonijiet individwali ħalli titħaffef l-implimentazzjoni tagħhom;
12. Jemmen li l-QFP għandu jintuża biex jinċentiva programmi li jtejbu l-amministrazzjoni pubblika u l-governanza, partikolarment biex jgħinu lill-Istati Membri fi żminijiet ta' reċessjoni ekonomika, u biex jirrikonoxxi li, f'ċirkostanzi bħal dawn, ir-riformi fil-qasam tas-sistemi tal-amministrazzjoni pubblika jistgħu jgħinu lill-Istati Membri milquta;
13. Jilqa' pożittivament il-fatt li tressqu proposti fil-kuntest tal-QFP li jmiss bl-iskop li jiġu evitati sovrapożizzjonijiet ta' programmi u jinkoraġġixxu semplifikazzjoni akbar;
14. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiżviluppa, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, qafas ta' valutazzjoni speċifiku li jkopri l-aspetti kwantitattivi u kwalitattivi ta' amministrazzjoni pubblika ta' kwalità għolja u toħloq il-kapaċità analitika proprja tiegħu; jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jiġu ddeterminati l-punti dgħajfa ta' kull Stat Membru u, bis-saħħa tar-riżorsi disponibbli, jiġu promossi miżuri li jegħlbu l-problemi billi jsir aktar strett il-kriterju tal-kundizzjonalità ex ante u jiġu ffissati objettivi;
15. Jipproponi li l-Kummissjoni ssaħħaħ id-djalogu politiku mal-Istati Membri billi tiżgura l-ħolqien ta' forum speċifiku;
16. Jipproponi li fil-kalendarju parlamentari jiġi ffissat djalogu strutturat mal-parlamenti nazzjonali dwar il-kwistjonijiet marbuta mat-titjib tal-amministrazzjoni pubblika fl-UE kollha; jistieden lill-UE ttejjeb il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (SIE) fl-ambitu tal-objettiv tematiku 11, bl-inklużjoni ta' indikaturi speċifiċi li għandhom l-għan li jivvalutaw il-progress li jkun sar biex jinkisbu l-objettivi u l-prijoritajiet tal-UE għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika;
17. Jilqa' pożittivament l-iżvilupp ta' parametru ta' riferiment li jippermetti li ssir valutazzjoni tal-kapaċità tal-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni mal-UE biex jerfgħu r-responsabilitajiet tal-adeżjoni mal-UE; jittama li jiġu promossi fi ħdan l-Istati Membri riformi li jagħmlu aktar konkreta l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba;
18. Josserva li l-Premju Ewropew għas-Settur Pubbliku (European Public Sector Award, EPSA) huwa kofinanzjat mill-Kummissjoni u minn xi Stati Membri, li jgħaqqad lill-pajjiżi li ġabru l-aħjar riżultati, dawk l-aktar innovattivi u l-aktar effiċjenti fis-settur pubbliku Ewropew; huwa tal-fehma li jkun tajjeb li l-Kummissjoni tiggarantixxi skambju aħjar ta' informazzjoni u ta' tagħlim u timmira lejn dimensjoni usa' fl-Ewropa kollha;
19. Iqis li għandhom ikunu promossi, fi ħdan l-amministrazzjonijiet pubbliċi, proċessi innovattivi li jiffavorixxu konnettività aħjar u diġitalizzazzjoni u servizzi diġitali ta' kwalità għaċ-ċittadini, għall-impriżi u għall-awtoritajiet pubbliċi, filwaqt li jinżamm kontinwament il-pass mal-iżvilupp rapidu tat-teknoloġiji l-ġodda fl-oqsma kkonċernati; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-proposta l-ġdida għal Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR) tforni lill-benefiċjarji futuri l-informazzjoni neċessarja biex tippermettilhom jużaw is-sistemi kemm jista' jkun malajr;
20. Jirrikonoxxi li l-impenn tal-amministrazzjoni lokali huwa prerekwiżit biex jinkisbu objettivi fil-livell tal-UE f'dan is-settur; jiġbed l-attenzjoni fuq il-proposta tad-Dikjarazzjoni ta' Tallinn biex "jissaħħu l-istrutturi komuni ta' governanza mal-awtoritajiet lokali u reġjonali" fil-livell nazzjonali[2];
21. Jilqa' favorevolment in-netwerks eżistenti[3] li jlaqqgħu lir-rappreżentanti tal-Istati Membri, partikolarment dawk li jirċievu finanzjamenti tal-UE, bil-għan li titjieb l-amministrazzjoni pubblika permezz tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u t-tagħlim reċiproku;
22. Huwa tal-fehma li n-netwerks eżistenti jafu jtejbu konsiderevolment il-prestazzjoni tagħhom billi jiffissaw objettivi aktar ambizzjużi u jiżviluppaw approċċi aktar proattivi, bħat-tagħlim komparattiv, li jgħaqqad l-awtovalutazzjoni tal-Istati Membri ma' sistema avvanzata ta' valutazzjoni bejn il-pari;
23. Jemmen li amministrazzjoni pubblika ta' kwalità għolja hija prekundizzjoni essenzjali biex jinkisbu l-objettivi politiċi tal-UE fl-ambitu tal-QFP u f'oqsma oħra; jisħaq fuq l-importanza ta' komunikazzjoni tajba u sensibilizzazzjoni politika biex tinħoloq klima ta' fiduċja u jkunu stimolati azzjonijiet u programmi ta' riforma pożittiva;
24. Jemmen li hemm bżonn ta' valutazzjoni kontinwa biex jiġi aċċertat jekk il-politiki ta' koeżjoni jirrispettawx il-prinċipju ta' addizzjonalità u ta' komplementarjetà fir-rigward tal-interventi ffinanzjati bir-riżorsi ordinarji, anki biex ikun evitat li l-politiki ta' koeżjoni jsiru sostituti tal-politiki ordinarji nazzjonali;
25. Josserva li, minkejja r-riżorsi tal-Fond SIE għall-pjan ta' implimentazzjoni reġjonali (PIR) żdiedu mil-lat kwantitattiv fl-aħħar perjodu ta' programmazzjoni, il-monitoraġġ jista' jitjieb għal finijiet ta' valutazzjoni tal-impatt ta' dan il-finanzjament fuq il-PIR;
26. Jitlob it-tkomplija tal-attivitajiet tal-Gruppi ta' Ħidma tal-Kummissjoni responsabbli biex jassistu lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri biex jimplimentaw aħjar il-fondi tal-politika ta' koeżjoni f'dawk l-Istati Membri li għadhom lura f'termini ta' assorbiment tar-riżorsi tal-Fond SIE;
27. Jisħaq fuq l-importanza tal-programm ta' appoġġ għar-riforma u jittama li dan jissaħħaħ fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, billi jiġi definit sew ir-rwol tiegħu ta' faċilitatur aktar milli ta' għajn ta' assistenza teknika, u jittejjeb f'termini ta' effikaċja u effiċjenza, mingħajr ma jitnaqqas il-baġit tal-koeżjoni bl-ammonti proposti attwalment mill-Kummissjoni fil-QFP 2021-2027.
28. Josserva li l-UE, minkejja li ma għandhiex kompetenzi ġuridiċi diretti fis-settur amministrattiv, tħalli impatt pożittiv fuq l-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri u b'mod partikolari tiżvolġi rwol indirett permezz tad-definizzjoni ta' standards amministrattivi fl-acquis communautaire, l-iskambju tal-aħjar prattiki fl-Unjoni kollha, kif ukoll bis-saħħa ta' strumenti tal-baġit li jsostnu u jinċentivaw ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika billi jsaħħu l-kapaċità amministtrativa, l-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet u jrawmu l-innovazzjoni tas-settur pubbliku;
29. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] Studju – "Public Sector Reform: How the EU budget is used to encourage it", Parlament Ewropew, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku D – Affarijiet Baġitarji, 2016.
- [2] https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/ministerial-declaration-egovernment-tallinn-declaration
- [3] In-Netwerk tal-Amministrazzjoni Pubblika Ewropea (EUPAN); in-Netwerk Tematiku għall-Amministrazzjoni Pubblika u l-Governanza (PAG), kif ukoll pjattaformi u netwerks oħrajn, b'attenzjoni partikolari fuq il-ġustizzja, il-korruzzjoni, id-diġitalizzazzjoni, l-akkwist pubbliku, eċċ.
NOTA SPJEGATTIVA
Ir-rapport jissejjes fuq studju tad-DĠ IPOL, ippubblikat f'Awwissu 2016, bit-titolu "Riforma tas-Settur Pubbliku: kif jintuża l-baġit tal-UE biex jinkoraġġiha" u ġie diskuss matul seduta ta' smigħ pubbliku fi ħdan il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (CONT).
L-istudju enfasizza li mill-2007 ssaħħaħ ir-rwol tal-baġit tal-UE favur ir-riformi amministrattivi. Madankollu, l-inizjattivi tal-UE u l-istrumenti baġitarji tal-UE maħsuba biex jiżviluppaw u jtejbu r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika kienu frammentarji u inkoerenti.
L-istudju wera li, avolja l-baġit tal-UE kellu impatt pożittiv fuq ir-riformi tal-amministrazzjoni pubblika f'diversi Stati Membri, hemm bosta possibilitajiet li l-baġit tal-UE jintuża f'dan is-settur. L-istudju juri li l-potenzjal tas-soluzzjonijiet tal-amministrazzjoni pubblika online (eGovernment) jistgħu jkunu element ċentrali tar-riformi tal-amministrazzjoni pubblika promossi mill-UE, peress li jippermettu liċ-ċittadini jaċċedu b'mod aktar faċli għas-servizzi pubbliċi.
L-approċċ ibbażat fuq il-prinċipji għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika għandu għadd ta' lakuni. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ma jidentifikawx b'mod konsistenti in-nuqqasijiet amministrattivi jew in-nuqqasijiet amministrattivi partikolarment problematiċi u dan jista' jittejjeb.
Fost ir-rakkomandazzjonijiet l-oħra li jinsabu fl-istudju nsibu:
– titjib tal-evalwazzjoni u tal-indikaturi tal-prestazzjoni għall-fondi strutturali;
– allinjament tal-programm Ġustizzja tal-UE mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;
– żvilupp tas-sinerġiji u l-komplementarjetajiet fl-ambitu tal-e-Government u tal-assistenza teknika;
– promozzjoni ta' skambju bejn il-pari fil-qasam tar-riformi tal-amministrazzjoni pubblika;
– realizzazzjoni totali tal-potenzjal tas-Servizz ta' Sostenn għar-Riforma Strutturali (SRSS).
Dan huwa studju twil 114-il paġna kkummissjonat mill-Parlament Ewropew u rikjest mill-Kumitat CONT. Huwa xieraq li l-Kumitat CONT jagħti segwitu lill-istudju b'ġabra ta' rakkomandazzjonijiet politiċi tiegħu stess permezz ta' rapport INI.
Din il-proposta m'għandha x'taqsam assolutament xejn mal-privatizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi. Anzi, tirrigwarda t-titjib tal-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika tal-Istati Membri u l-użu għal dan l-għan tal-baġit tal-UE. L-Istati Membri għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom possibilitajiet wiesgħa biex jikkollaboraw u jaqsmu bejniethom l-aħjar prattiki, filwaqt li l-UE tista' tiżvolġi r-rwol ta' koordinament tar-riformi tal-amministrazzjoni pubblika.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (26.10.2018)
għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
dwar il-valutazzjoni ta' kif il-baġit tal-UE jintuża għar-riforma tas-settur pubbliku
(2018/2086(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Raffaele Fitto
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jinnota li l-UE, minkejja li ma għandhiex kompetenzi ġuridiċi diretti fis-settur amministrattiv, tħalli impatt pożittiv fuq is-servizzi pubbliċi tal-Istati Membri, u b'mod partikolari taqdi rwol indirett bl-istabbiliment ta' standards amministrattivi fl-acquis communautaire, bl-iskambju tal-aħjar prattiki madwar l-Unjoni, u saħansitra bl-użu ta' strumenti baġitarji li għandhom l-għan li jsostnu u jixprunaw ir-riforma tas-servizz pubbliku billi tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva, l-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet u wkoll billi titħeġġeġ l-innovazzjoni fis-settur pubbliku;
2. Jinnota li minkejja li fl-aħħar perjodu ta' programmazzjoni kien hemm żieda fin-numru tar-riżorsi tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) għal Pjan ta' Implimentazzjoni Reġjonali (PAR), jista' jiġi mtejjeb il-monitoraġġ bil-għan li jiġi vvalutat l-impatt li dan il-finanzjament għandu fuq il-PAR;
3. Jilqa' bi pjaċir il-fatt li tressqu proposti għall-QFP li jmiss bil-għan li jiġi evitat it-trikkib tal-programm u biex tiffavvorixxi simplifikazzjoni akbar;
4. Jindika li nstab li spiss kien hemm trikkib bejn għadd ta' programmi operazzjonali speċifiċi u riżorsi ta' finanzjament oħrajn tal-UE, u jitlob li jitressqu proposti f'dan ir-rigward; jittama għaldaqstant li jkun hemm titjib fl-interventi li għandhom l-għan li jiffavorixxu l-koordinament, il-komplementarjetà u s-simplifikazzjoni;
5. Jissottolinja l-importanza li jiġi garantit li l-programmi operazzjonali jiġu implimentati bl-iktar mod effikaċi u faċli għall-utent possibbli; jikkunsidra li huwa essenzjali li l-Istati Membri joqogħdu lura milli jżidu regoli li jikkumplikaw l-użu tal-Fondi għall-benefiċjarji;
6. Jemmen li hemm bżonn ta' valutazzjoni kontinwa sabiex jiġi vverifikat jekk il-politiki ta' koeżjoni jikkonformawx mal-prinċipju ta' addizzjonalità u komplimentarjetà fir-rigward tal-operazzjonijiet iffinanzjati minn riżorsi ordinarji, u mhux l-anqas, biex jiġi żgurat li dawn il-politiki ta' koeżjoni ma jissostitwixxux r-riżorsi nazzjonali ordinarji;
7. Jitlob li jkun hemm koordinament aktar mill-qrib tal-programmi kollha ta' assistenza teknika bil-għan li jiġi evitat it-trikkib u jiġi żgurat li l-miżuri jkunu aktar effikaċi bi qbil mal-isforzi kollha tal-Kummissjoni għall-promozzjoni ta' koordinament tal-użu tal-fondi fid-dawl tal-isfruttar tas-sinerġiji;
8. Jindika l-bżonn li jiġu stabbiliti d-diffikultajiet partikolari ta' kull Stat Membru, u bl-użu tar-riżorsi ppjanati, jiġu promossi miżuri ta' appoġġ mill-awtoritajiet responsabbli biex jiġu indirizzati l-problemi billi jiġi mtejjeb il-kriterju ta' kundizzjonijiet abilitanti u biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti;
9. Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa minn qabel il-kapaċità amministrattiva tal-istrutturi responsabbli mill-implimentazzjoni tal-politiki ta' żvilupp u, għal proġetti ta' importanza strateġika partikolari, tħeġġeġ l-użu tal-korpi u l-aġenziji nazzjonali li għandhom il-kapaċità li jsaħħu u jħaffu l-implimentazzjoni tal-programmi u tal-operazzjonijiet individwali;
10. Jinnota li bħal ma jiġri ta' spiss, b'mod partikolari fir-reġjuni anqas żviluppati, hemm diffikultajiet ta' aċċess għall-finanzjamenti jew ta' użu tagħhom, minħabba l-burokrazija, il-kwistjonijiet ta' kapaċità amministrattiva jew irregolaritajiet; jittama għalhekk f'dan ir-rigward, li l-Istati Membri jippromwovu riformi li jwasslu effett aktar konkreta tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, u li jiffavorixxu l-ħeffa tal-proċedimenti ġudizzjarji;
11. Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-kooperazzjoni mal-Istati membri sabiex tappoġġja r-reġjuni li għadhom lura u biex issaħħaħ il-kapaċità u l-governanza amministrattiva;
12. Iqis li fi ħdan l-amministrazzjonijiet pubbliċi, il-proċessi tal-innovazzjoni għandhom jiġu promossi sabiex ikun hemm servizzi ta' konnettività aħjar, diġitalizzazzjoni u ta' kwalità diġitali għaċ-ċittadini, għan-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi, filwaqt li jinżamm kontinwament il-pass mal-iżvilupp rapidu ta' teknoloġiji ġodda fl-oqsma ikkonċernati; jilqa' bi pjaċir il-fatt li l-proposta għal CPR ġdid tipprovdi finanzjament għall-ipprogrammar futur ta' operazzjonijiet ta' skjerament ta' gvern -elettroniku, b'konformità mal-prinċipji u l-prijoritajiet stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku, filwaqt li benefiċjarji futuri jingħataw l-informazzjoni meħtieġa li tippermettielhom l-użu ta' sistemi possibbli malajr kemm jista' jkun;
13. Jitlob miżuri li jinkoraġġixxu l-implimentazzjoni ta' programmi li jħeġġu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġiji ta' riżorsi umani, pereżempju permezz ta' skambji tal-aħjar prattika fost l-Istati Membri, li jinvolvu wkoll mexxejja u persuni f'karigi għoljin oħrajn;
14. Jitlob li titkompla l-ħidma tal-Gruppi ta' Ħidma tal-Kummissjoni li huma responsabbli biex jassistu lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri jimplimentaw aħjar il-fondi tal-politika ta' koeżjoni f'dawk l-Istati Membri li għadhom lura f'termini ta' assorbiment tal-fondi FSIE;
15. Jenfasizza l-importanza tal-programm ta' appoġġ għar-riforma, u jittama li dan se jissaħħaħ fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, billi jiddefinixxi biċ-ċar ir-rwol tiegħu bħala faċilitatur aktar milli bħala sors ta' assistenza teknika, u li se jittejjeb ukoll f'termini ta' effikaċja u effiċjenza, u mingħajr ma jitnaqqas il-baġit ta' koeżjoni bl-ammonti li attwalment qed jiġu proposti mill-Kummissjoni fil-QFP 2021–2027 .
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
25.10.2018 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
35 1 2 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Pascal Arimont, Franc Bogovič, Victor Boştinaru, Mercedes Bresso, Andrea Cozzolino, Rosa D’Amato, Tamás Deutsch, Aleksander Gabelic, Iratxe García Pérez, Michela Giuffrida, Ivan Jakovčić, Marc Joulaud, Constanze Krehl, Louis-Joseph Manscour, Martina Michels, Iskra Mihaylova, Andrey Novakov, Younous Omarjee, Konstantinos Papadakis, Mirosław Piotrowski, Stanislav Polčák, Liliana Rodrigues, Fernando Ruas, Monika Smolková, Ruža Tomašić, Ramón Luis Valcárcel Siso, Ángela Vallina, Monika Vana, Matthijs van Miltenburg, Lambert van Nistelrooij, Derek Vaughan, Kerstin Westphal |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Daniel Buda, Raffaele Fitto, Elsi Katainen, Ivana Maletić, Bronis Ropė, Milan Zver |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
35 |
+ |
|
ALDE |
Ivan Jakovčić, Elsi Katainen, Iskra Mihaylova, Matthijs van Miltenburg |
|
ECR |
Raffaele Fitto, Mirosław Piotrowski, Ruža Tomašić |
|
EFDD |
Rosa D’Amato |
|
GUE/NGL |
Martina Michels, Younous Omarjee, Ángela Vallina |
|
PPE |
Pascal Arimont, Franc Bogovič, Daniel Buda, Tamás Deutsch, Marc Joulaud, Ivana Maletić, Andrey Novakov, Stanislav Polčák, Fernando Ruas, Ramón Luis Valcárcel Siso, Milan Zver, Lambert van Nistelrooij |
|
S&D |
Victor Boştinaru, Mercedes Bresso, Andrea Cozzolino, Aleksander Gabelic, Iratxe García Pérez, Michela Giuffrida, Constanze Krehl, Louis-Joseph Manscour, Liliana Rodrigues, Monika Smolková, Derek Vaughan, Kerstin Westphal |
|
1 |
- |
|
NI |
Konstantinos Papadakis |
|
2 |
0 |
|
VERTS/ALE |
Bronis Ropė, Monika Vana |
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
20.11.2018 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
16 0 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Tamás Deutsch, Luke Ming Flanagan, Ingeborg Gräßle, Wolf Klinz, Bogusław Liberadzki, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Bart Staes, Tomáš Zdechovský |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Richard Ashworth, Caterina Chinnici, Julia Pitera, Miroslav Poche |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
John Howarth, Tiemo Wölken |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
16 |
+ |
|
ALDE |
Nedzhmi Ali, Wolf Klinz |
|
PPE |
Richard Ashworth, Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Julia Pitera, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Tomáš Zdechovský |
|
S&D |
Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Caterina Chinnici, John Howarth, Bogusław Liberadzki, Miroslav Poche, Tiemo Wölken |
|
VERTS/ALE |
Bart Staes |
|
0 |
- |
|
|
|
|
1 |
0 |
|
GUE/NGL |
Luke Ming Flanagan |
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni