RAPPORT dwar id-WTO: it-triq 'il quddiem

22.11.2018 - (2018/2084(INI))

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteurs: Bernd Lange, Paul Rübig

Proċedura : 2018/2084(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0379/2018
Testi mressqa :
A8-0379/2018
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar id-WTO: it-triq 'il quddiem

(2018/2084(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Doha tad-WTO tal-14 ta' Novembru 2001[1],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-WTO, b'mod partikolari dawk tal-24 ta' April 2008 dwar "Lejn Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ riformata"[2] u tal-15 ta' Novembru 2017 dwar "in-negozjati multilaterali fid-dawl tal-11-il Konferenza Ministerjali tad-WTO"[3],

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Eżitu adottat b'kunsens fl-10 ta' Diċembru 2017 waqt is-Sessjoni Annwali tal-Konferenza Parlamentari dwar id-WTO fi Buenos Aires[4],

–  wara li kkunsidra r-riżultati, li jinkludu serje ta' Deċiżjonijiet Ministerjali, tal-11-il Konferenza Ministerjali li saret fi Buenos Aires f'Diċembru 2017, li fiha ma kienx possibbli li tiġi adottata Dikjarazzjoni Ministerjali[5],

–  wara li kkunsidra s-6 Rieżami Globali tal-Għajnuna għall-Kummerċ, li sar f'Ġinevra mill-11 sat-13 ta' Lulju 2017[6],

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU[7],

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi fi ħdan il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, fis-seħħ minn Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-aħħar rapport tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima, ippubblikat fit-8 ta' Ottubru 2018, li juri li l-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1.5 C għadha possibbli jekk il-pajjiżi jżidu l-Kontribut tagħhom Stabbilit fil-Livell Nazzjonali sal-2020,

–  wara li kkunsidra l-paragrafu 16 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2018[8],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta dwar il-laqgħa trilaterali tal-Ministri tal-Kummerċ tal-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Unjoni Ewropea adottata fil-31 ta' Mejju 2018[9],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-20 Summit bejn l-UE u ċ-Ċina li tistabbilixxi grupp konġunt ta' ħidma dwar ir-riforma tad-WTO, ippresedut fil-livell tal-Viċi-Ministerjali[10];

–  wara li kkunsidra d-dokument kunċettwali tal-Kummissjoni tat-18 ta' Settembru 2018 dwar il-modernizzazzjoni tad-WTO[11],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0379/2018),

A.  billi sa mill-ħolqien tagħha, id-WTO żvolġiet rwol ċentrali fit-tisħiħ tal-multilateraliżmu, billi tippromwovi ordni ekonomiku dinji inklużiv u trawwem sistema kummerċjali multilaterali miftuħa, ibbażata fuq ir-regoli u nondiskriminatorja; billi llum il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp jirrappreżentaw nofs il-kummerċ dinji, li tfisser żieda mit-33 % rreġistrat fl-2000, u li l-għadd ta' persuni li qegħdin jgħixu f'faqar estrem naqas bin-nofs mill-1990, għal ftit inqas minn biljun persuna; billi d-WTO hija mibnija fuq sistema ta' drittijiet u obbligi, li tobbliga lill-membri jiftħu s-swieq tagħhom u ma jiddiskriminawx;

B.  billi d-WTO għandha tibqa' l-punt ewlieni ta' referenza għall-gvernijiet u n-negozji f'kuntest ta' stipular ta' regoli u tilwim kummerċjali;

C.  billi l-UE kienet konsistenti favur approċċ kummerċjali b'saħħtu, multilaterali, ibbażat fuq ir-regoli, peress li l-ekonomija tal-UE, u l-ħaddiema u l-konsumaturi fl-UE u s-sħab tagħha, huma integrati ħafna ma' katini ta' valur mondjali u jiddependu fuq żviluppi prevedibbli fil-kummerċ internazzjonali kemm għall-importazzjonijiet kif ukoll għall-esportazzjonijiet u fil-kundizzjonijiet soċjali u ambjentali;

D.  billi r-riżultati tal-11-il Konferenza Ministerjali tad-WTO fi Buenos Aires f'Diċembru 2017 kienu diżappuntanti, u wrew biċ-ċar li l-funzjoni tan-negozjar tal-organizzazzjoni hija pparalizzata;

E.  billi s-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli qed tiffaċċja l-agħar kriżi tagħha sa mill-ħolqien tad-WTO, u qed thedded il-funzjonijiet bażiċi tal-organizzazzjoni, b'mod partikolari t-twaqqif ta' regoli u struttura essenzjali għall-kummerċ internazzjonali u t-twettiq tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim l-aktar effikaċi u żviluppat ta' kwalunkwe organizzazzjoni multilaterali;

F.  billi minkejja eċċezzjonijiet importanti bħall-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ, ir-riforma tal-kummerċ tad-WTO waqgħet lura mis-snin 2000;

G.  billi l-Korp tal-Appell huwa l-"ġojjell fil-kuruna" tad-WTO minħabba n-natura vinkolanti tad-deċiżjonijiet tiegħu u l-istatus tiegħu bħala korp ta' rieżami indipendenti u imparzjali; billi s-sħubija tal-Korp tal-Appell naqset mill-għadd minimu ta' mħallfin li għandu bżonn biex tiffunzjona wara t-tmiem tal-mandat tal-Imħallef Shree Baboo Chekitan Servansing, u tħalli biss tliet imħallfin maħtura; billi dan in-nuqqas ta' ftehim, ikkawżat mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti, jista' jwassal għall-kollass ta' sistema li hija essenzjali għall-ġestjoni ta' kwistjonijiet fost il-membri kollha tad-WTO;

1.  Itenni l-impenn sħiħ tiegħu favur il-valur dejjiemi tal-multilateraliżmu, u jappella għal aġenda kummerċjali bbażata fuq kummerċ ġust u bbażat fuq ir-regoli għall-benefiċċju ta' kulħadd, li tikkontribwixxi għall-paċi, is-sigurtà u għall-aġenda tal-iżvilupp sostenibbli billi tinkludi u ssaħħaħ id-drittijiet soċjali, ambjentali u d-drittijiet tal-bniedem, u tiżgura regoli miftiehma b'mod multilaterali u armonizzati, applikati b'mod uniformi għal kulħadd u rispettati b'mod effettiv; jenfasizza li d-WTO trid tikkontribwixxi wkoll għall-promozzjoni tal-kummerċ ġust u għall-ġlieda kontra l-prattiki inġusti; jenfasizza li l-kummerċ mhuwiex għan fih innifsu iżda għodda biex jintlaħqu l-għanijiet ta' żvilupp definiti b'mod globali;

2.  Iqis li issa hija kwistjoni ta' urġenza li jitkompla l-proċess ta' modernizzazzjoni tad-WTO fid-dawl tal-aħħar żviluppi iżda wkoll minħabba n-nuqqas ta' progress għal snin twal dwar l-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp (DDA), u li jiġu rieżaminati b'mod fundamentali diversi aspetti tal-funzjonament tad-WTO bil-ħsieb li jiżdiedu kemm l-effikaċja u l-leġittimità tagħha; jikkunsidra li huwa essenzjali, f'din il-perspettiva, li s-Segretarjat tad-WTO joħloq opportunitajiet lill-membri kollha tad-WTO biex ikunu involuti fid-dibattitu mill-bidu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE fid-WTO biex jilħqu lill-membri l-oħra tad-WTO, b'mod partikolari s-sħab kummerċjali ewlenin tagħna bħall-Istati Uniti, il-Ġappun, iċ-Ċina, il-Kanada, il-Brażil u l-Indja, sabiex jintlaħaq qbil dwar pożizzjonijiet komuni; huwa mħeġġeġ mill-istqarrijiet inizjali mis-summit bejn l-UE u ċ-Ċina dwar ir-riforma tad-WTO;

3.  Jilqa' f'dan ir-rigward il-mandat mogħti mill-Kunsill Ewropew lill-Kummissjoni fit-28 u d-29 ta' Ġunju 2018, u jieħu nota tal-approċċ deskritt fil-konklużjonijiet, kif ukoll tad-dokument kunċettwali tal-Kummissjoni dwar il-modernizzazzjoni tad-WTO tat-18 ta' Settembru 2018 u l-proposti tal-Kanada għar-riforma tad-WTO tal-25 ta' Settembru 2018; jistenna bil-ħerqa l-pubblikazzjoni ta' aktar proposti, speċjalment minn pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, kif ukoll minn gruppi ta' ħidma diġà stabbiliti fost l-Istati Membri tad-WTO;

4.  Jesprimi t-tħassib kollu tiegħu dwar il-fatt li ntlew biss tliet postijiet tax-xogħol fil-Korp tal-Appell, b'hekk jimmina l-funzjonament kurrenti u kif suppost tal-proċess tas-soluzzjoni ta' tilwim, u jistieden bil-qawwa lill-Istati Uniti biex issolvi din is-sitwazzjoni b'mod li tippermetti li jimtlew minnufih il-postijiet vakanti tal-Korp tal-Appell; jilqa' l-proposti inizjali mressqa mill-Kummissjoni fid-dokument kunċettwali dwar il-modernizzazzjoni tad-WTO biex jiġi solvut in-nuqqas ta' ftehim billi jiġu indirizzati xi wħud mit-tħassib li tqajjem, inkluż permezz ta' regoli tranżizzjonali għall-membri li jkunu temmew il-mandat tagħhom jew bidliet fit-tul tat-termini dwar il-Korp tal-Appell jew dwar iż-żmien massimu permess qabel il-pubblikazzjoni ta' rapport, kif ukoll l-istipular tal-ġurisprudenza l-ġdida mill-Korp tal-Appell; jinnota li t-tħassib espress mill-Istati Uniti rigward il-Korp tal-Appell imur lil hinn mill-bidliet proċedurali u jinvolvi riformi sinifikanti għad-deċiżjonijiet tal-imħallfin tal-korp;

5.  Iqis bħala inġustifikabbli d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li timponi tariffi fuq prodotti tal-azzar u tal-aluminju fil-31 ta' Mejju 2018 għal raġunijiet ta' "sigurtà nazzjonali" skont it-Taqsima 232 tal-Att ta' Espansjoni tal-Kummerċ tal-1962 u jqis li tonqos milli tindirizza l-isfida ppreżentata minn azzar eċċessiv fis-swieq globali u li ma tikkonformax mar-regoli tad-WTO; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex taħdem mal-Istati Uniti biex tindirizza n-nuqqas ta' qbil kummerċjali u biex tneħħi l-ostakli għall-kummerċ fi ħdan il-qafas tad-WTO ibbażat fuq ir-regoli dwar is-soluzzjoni ta' tilwim;

6.  Huwa tal-fehma li, bħala mezz biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-kriżi kurrenti, huwa meħtieġ li d-WTO tadatta għad-dinja li qed tinbidel filwaqt li twettaq uħud mill-kwistjonijiet pendenti tad-DDA, speċjalment fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel; iqis għalhekk li huwa neċessarju li:

a)  jiġu indirizzati l-lakuni attwali fil-ġabra ta' regoli sabiex jiġu bbilanċjati l-kundizzjonijiet ekwi fir-rigward ta' sussidji li jfixklu s-suq u l-intrapriżi tal-istat, kif ukoll li jinżammu aġġornati l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u l-aċċess għas-suq tal-investiment; jiġu indirizzati wkoll kwistjonijiet ta' protezzjoni u żvelar obbligatorju tal-kodiċi sors u attivitajiet oħrajn diretti mill-Istat li jwasslu għal kapaċitajiet żejda, kif ukoll ostakli regolatorji għal servizzi u investiment inklużi trasferimenti teknoloġiċi, rekwiżiti ta' impriżi konġunti u rekwiżiti ta' kontenut lokali; u jiġu sorveljati l-implimentazzjoni, l-amministrazzjoni u l-operat ta' ftehimiet eżistenti;

b)  jinħoloq il-qafas regolatorju meħtieġ biex ilaħħaq mal-iżviluppi teknoloġiċi billi jkopri l-kummerċ elettroniku, il-katini ta' valur globali, l-akkwist pubbliku, ir-regolament nazzjonali aġġornat għas-servizzi, u l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (MSMEs);

c)  jiġu ġestiti l-aktar sfidi ambjentali u soċjali globali urġenti, filwaqt li tiġi żgurata l-koerenza politika sistematika bejn l-aġendi kummerċjali, tax-xogħol u dawk ambjentali;

d)  jintlaqgħu, f'dan ir-rigward, id-dikjarazzjonijiet konġunti li ġew adottati fi Buenos Aires dwar il-kummerċ elettroniku, ir-regolamentazzjoni nazzjonali, il-faċilitazzjoni tal-investiment u l-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa, kif ukoll il-ħidma li saret dwar dawn il-kwistjonijiet minn dak iż-żmien 'il hawn;

7.  Jenfasizza li l-UE għandha tenfasizza r-regoli tagħha dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data sabiex ikunu jistgħu jiġu promossi fil-livell internazzjonali u jsiru punt ta' riferiment għall-iżvilupp ta' standards internazzjonali u multilaterali;

8.  Ifakkar li l-aċċess għall-akkwist pubbliku huwa wieħed mill-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea fin-negozjati kummerċjali tagħha u li, f'dan is-sens, it-twettiq tal-impenji tal-membri tad-WTO biex jingħaqdu mal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA) u t-titjib fil-funzjonament tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-ftehim u r-rispett għalihom huma mistennija fi spirtu ta' reċiproċità u benefiċċju reċiproku; jinnota li l-effikaċja sħiħa tat-titjib potenzjali fil-qafas tal-għajnuna mill-Istat u r-rwol tal-intrapriżi pubbliċi tiddependi parzjalment mill-progress f'dan il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni taħdem ma' dawk il-membri li jinsabu fil-proċess ta' adeżjoni mal-GPA biex taċċellera l-isforzi tagħhom sabiex jiġu estiżi l-benefiċċji tal-liberalizzazzjoni tal-akkwist fost il-membri tad-WTO;

9.  Huwa konvint li d-differenzazzjoni kurrenti bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk fil-fażi tal-iżvilupp ma tirriflettix ir-realtà ekonomika u s-sitwazzjoni effettiva fid-WTO u li din kienet ta' xkiel għall-progress fiċ-Ċiklu ta' Doha, għad-detriment tal-pajjiżi l-aktar fil-bżonn; iħeġġeġ lill-pajjiżi fil-fażi avvanzata tal-iżvilupp biex jassumu s-sehem tagħhom ta' responsabbiltà u jagħmlu kontribuzzjonijiet proporzjonati mal-livell tagħhom ta' żvilupp u kompetittività (settorjali); jinnota li d-dokument kunċettwali tal-Kummissjoni jitlob regoli li skonthom il-pajjiżi fil-fażi tal-żvilupp mhux se jibqa' jkollhom l-istatus tagħhom ta' dħul baxx hekk kif dawn jiżviluppaw aktar; jemmen li l-mekkaniżmu ta' trattament speċjali u differenzjali (S&DT) għandu jiġi eżaminat mill-ġdid sabiex jirrifletti aħjar l-indiċijiet tal-iżvilupp tal-bniedem, bħala għodda ta' politika li tippermetti lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp jorbtu l-implimentazzjoni ta' ftehimiet multilaterali ma' assistenza li jirċievu minn pajjiżi aktar sinjuri u organizzazzjonijiet donaturi;

10.  Jilqa' b'sodisfazzjon kbir ir-ratifika minn żewġ terzi tas-sħubija fid-WTO tal-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ (TFA) fi Frar 2017; huwa konvint li t-TFA jistabbilixxi eżempju importanti u jista' jipprovdi mudell għal ftehimiet futuri tad-WTO, filwaqt li jqis id-differenzi fl-istatus u l-ħtiġijiet tal-iżvilupp tal-membri tad-WTO; iħeġġeġ lill-membri tad-WTO jerfgħu r-responsabbiltà u jżommu l-impenji tagħhom skont is-setgħa u l-kapaċitajiet ekonomiċi reali tagħhom; iqis li l-isfidi li jmiss se jkunu r-ratifika sħiħa tal-ftehim, speċjalment mill-membri Afrikani li huma mistennija jibbenefikaw l-aktar mill-ftehim, l-implimentazzjoni effettiva tat-TFA, u n-notifika tal-għajnuna għall-iżvilupp skont il-ftehim;

11.  Jirrikonoxxi li b'mod ġenerali l-adeżjoni taċ-Ċina mad-WTO fl-2001 żiedet l-aċċess għas-suq nazzjonali tagħha, li kien ta' benefiċċju għall-ekonomija globali; jinsab imħasseb li ċ-Ċina ma tapplikax l-ispirtu u l-prinċipji tal-valuri tad-WTO dwar trattament nazzjonali;

12.  Huwa tal-fehma li huwa neċessarju li jiġi rivedut il-funzjonament tal-proċess ta' negozjar billi tiġi introdotta aktar flessibbiltà milli hemm bħalissa skont ir-regola tal-kunsens, filwaqt li jiġi rikonoxxut li l-approċċ tal-Impriża Unika illimita l-effikaċja tal-governanza tal-kummerċ multilaterali; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-kunċett ta' multilateraliżmu flessibbli, fejn il-membri tad-WTO interessati li jsegwu kwistjoni partikolari fejn il-kunsens sħiħ għadu mhux possibbli għandhom ikunu jistgħu jagħmlu progress u jikkonkludu ftehimiet plurilaterali jew permezz tal-hekk imsejħa ftehimiet tad-WTO tal-Anness 4, skont l-Artikolu II:3, l-Artikolu III:1, u l-Artikolu X:9 tal-Ftehim ta' Marrakesh, jew permezz ta' ftehimiet ta' "massa kritika" li jestendu l-konċessjonijiet negozjati għas-sħubija tad-WTO fuq il-bażi ta' nazzjon l-aktar iffavorit; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ma tużax dawn l-Artikoli bħala alternattiva għal djalogu kostruttiv mal-Membri tad-WTO biex jiġu indirizzati l-ostakli għall-kummerċ u r-riforma tad-WTO u għall-funzjonijiet tagħha; iqis, f'dan ir-rigward, li l-membri tiegħu għandhom jagħtu spinta lill-bini tal-kapaċità tad-WTO biex jiġi żgurat li din tkun mgħammra b'riżorsi finanzjarji u umani skont il-ħtiġijiet estiżi sabiex tinżamm l-istess kwalità ta' xogħol; jemmen li, b'mod ġenerali, il-kontribuzzjonijiet monetarji tal-membri l-ġodda għandhom iżidu l-baġit tad-WTO u ma jwasslux għal miżati tas-sħubija aktar baxxi għall-membri eżistenti;

13.  Jirrikonoxxi li filwaqt li l-multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli jibqa' l-parti ewlenija tal-istruttura tad-WTO, hemm possibbiltajiet għal kooperazzjoni plurilaterali aktar profonda u aktar flessibbli fost l-Istati interessati f'oqsma fejn kien diffiċli li jintlaħaq kunsens; jinnota li ftehimiet bħal dawn iridu jikkomplementaw u ma jdgħajfux l-aġenda multilaterali u għandhom jintużaw mhux bħala fora alternattivi biex jiġu indirizzati l-ostakoli għall-kummerċ, iżda pjuttost bħala stadji li jwasslu għall-progress fil-livell multilaterali; jitlob li jissoktaw in-negozjati plurilaterali għall-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali (EGA) u l-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TISA), u jitlob regoli speċjali għall-SMEs fil-ftehimiet plurilaterali u multilaterali; jisħaq fuq l-importanza li d-WTO tkompli u tapprofondixxi l-ħidma tagħha fil-kooperazzjoni internazzjonali ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra bħal, iżda mhux biss, in-NU, l-OECD, id-WCO, u l-ILO;

14.  Jisħaq fuq ir-rwol li l-kummerċ jista' u jrid jkollu fil-kontribuzzjoni għall-iżvilupp u l-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tal-2030 u tal-impenji tal-Ftehim ta' Pariġi fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jiddispjaċih li l-EGA ġie mblukkat fl-2016 u jfakkar fil-potenzjal tiegħu li jipprovdi aktar aċċess għal teknoloġiji ekoloġiċi u jgħin biex jiġu ssodisfati l-impenji msemmija hawn fuq; jissottolinja li lil hinn min-negozjati dwar is-sussidji tas-sajd, id-WTO trid minnufih tiddefinixxi l-azzjoni l-aktar konkreta li hemm bżonn li tittieħed f'dan ir-rigward biex titħares il-ħajja tal-baħar; ifakkar li l-kunċett tad-WTO ta' Metodi ta' Proċess u Produzzjoni (PPM) joffri possibbiltajiet li ssir distinzjoni bejn l-hekk imsejħa "prodotti simili" għall-impatt ambjentali tagħhom; jissuġġerixxi li jiġi rivitalizzat il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Ambjent (CTE) tad-WTO, bil-mandat li jitfasslu kriterji għall-ġlieda kontra l-parassitiżmu ambjentali u li jiġu stabbiliti rabtiet aktar mill-qrib mas-Segretarjat tal-UNFCCC;

15.  Jafferma mill-ġdid ir-rabtiet bejn l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-iżvilupp inklużiv, kif espress ukoll fl-SDG 5, filwaqt li jenfasizza li l-emanċipazzjoni tan-nisa hija fundamentali għall-qerda tal-faqar u li t-tneħħija tal-ostakli għall-parteċipazzjoni tan-nisa fil-kummerċ hija fundamentali għall-iżvilupp ekonomiku; jilqa' b'sodisfazzjon l-attenzjoni akbar tad-WTO dwar kwistjonijiet relatati mal-kummerċ u l-ġeneru, u jħeġġeġ lill-121 firmatarju tad-Dikjarazzjoni ta' Buenos Aires dwar il-Kummerċ u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni Ekonomika tan-Nisa tal-2017 biex iwettqu l-impenji tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ sistematiku dwar il-ġeneru fl-oqsma kollha tat-tfassil tar-regoli tad-WTO fil-forma ta' valutazzjonijiet tal-impatt speċifiċi għall-ġeneru; jinnota l-importanza ta' inizjattivi bħal SheTrades li jenfasizzaw ir-rwol pożittiv tan-nisa fil-kummerċ u li jħeġġu parteċipazzjoni akbar tan-nisa fil-kummerċ internazzjonali madwar id-dinja;

16.  Jiġbed l-attenzjoni għall-konklużjonijiet tas-6 Rieżami Globali tal-Għajnuna għall-Kummerċ, li sar f'Ġinevra f'Lulju 2017, intitolat "Il-promozzjoni tal-kummerċ, l-inklużività u l-konnettività għal żvilupp sostenibbli"; jappoġġja l-fehma li dan għandu jiġi tradott f'azzjoni konkreta sabiex jiffaċilita l-kummerċ elettroniku, u jibdel l-opportunitajiet diġitali, bħall-blockchain, f'realtajiet kummerċjali, għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp ukoll; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-investiment fl-infrastruttura fiżika kif ukoll f'dik diġitali, li huwa kruċjali biex jinkiseb progress f'dan il-qasam, għadu sfida ewlenija; jappella, għalhekk, biex il-membri tad-WTO jippromwovu l-investiment fl-infrastruttura fiżika kif ukoll f'dik diġitali, filwaqt li jinkoraġġixxu, fost inizjattivi oħra, sħubiji pubbliċi-privati;

17.  Itenni l-appell tiegħu lill-UE biex tiżgura li l-attivitajiet tagħha mal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, kemm fil-qasam tal-iżvilupp kif ukoll f'dak tal-kummerċ, ikunu bbażati fuq qafas ibbilanċjat bejn sħab ugwali, allinjati mal-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp stabbilit fl-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u mmirati lejn il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

18.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-11-il Konferenza Ministerjali tad-WTO ma kellha l-ebda progress dwar kwistjonijiet ta' importanza fundamentali għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp; jilqa', madankollu, it-trattament preferenzjali msaħħaħ li ġie assigurat fid-WTO għall-pajjiżi l-anqas żviluppati, li jinkludi regoli preferenzjali tal-oriġini u trattament preferenzjali għall-fornituri ta' servizzi, u jenfasizza l-ħtieġa li jitwettqu miżuri ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet li jippermettu lill-fornituri minn pajjiżi l-anqas żviluppati jibbenefikaw mill-eżenzjoni fuq is-servizzi tal-pajjiżi l-anqas żviluppati;

19.  Jenfasizza li t-trasparenza hija element ewlieni biex jiġi żgurat ambjent kummerċjali u ta' investiment stabbli u prevedibbli; jemmen li huwa importanti li tiżdied it-trasparenza ta' proċeduri ta' monitoraġġ billi jiżdiedu l-inċentivi għall-membri tad-WTO biex jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' notifika, jitnaqqsu l-kumplessità u l-ostakoli tagħhom u billi jiġi pprovdut bini ta' kapaċità jekk ikun meħtieġ, filwaqt li n-nuqqas ta' konformità b'mod deliberat għandu jiġi skoraġġit u oġġezzjonat;

20.  Jenfasizza li r-rwol tas-Segretarjat tad-WTO li jiffaċilita u jissalvagwardja approċċ minn isfel għal fuq għall-parteċipazzjoni attiva tal-membri kollha huwa fundamentali u li għandu jiġi msaħħaħ aktar u jsir aktar flessibbli b'appoġġ għad-diversi proċessi ta' negozjar, kif ukoll fil-funzjonijiet ta' implimentazzjoni u monitoraġġ; iqis li jeħtieġ li jissaħħu l-mezzi finanzjarji u umani, kif ukoll ir-riżorsi disponibbli għas-Segretarjat tad-WTO, u jħeġġeġ lill-membri tad-WTO jissodisfaw b'mod reċiproku r-responsabbiltajiet tagħhom f'dan ir-rigward; jesprimi l-fehma li l-ħidma regolari tal-kumitati tad-WTO għandha tiġi rivitalizzata wkoll billi l-presidenti tagħhom jingħataw rwol aktar attiv biex jiżviluppaw u jipproponu soluzzjonijiet u kompromessi, u b'hekk imorru lil hinn mis-sempliċi moderazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tal-membri, u li dan il-kompitu estiż għandu jkun appoġġjat mis-Segretarjat;

21.  Jitlob lill-membri tad-WTO biex jiżguraw il-leġittimità demokratika u t-trasparenza billi jsaħħu d-dimensjoni parlamentari tad-WTO, u biex jappoġġjaw memorandum ta' qbil li jistabbilixxi relazzjoni ta' ħidma formali mal-Konferenza Parlamentari dwar id-WTO; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jkun żgurat li l-parlamentari jkollhom aċċess sħiħ għan-negozjati kummerċjali u jkunu involuti fil-formulazzjoni u fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tad-WTO, u li l-politiki kummerċjali jkunu analizzati adegwatament fl-interessi taċ-ċittadini tagħhom;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lid-Direttur Ġenerali tad-WTO.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-Parlament Ewropew minn dejjem kien jiddefendi bil-qawwa s-sistema kummerċjali multilaterali u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fil-qalba tal-politika tiegħu, sa mill-ħolqien tad-WTO fl-1994. Il-Parlament Ewropew segwa mill-qrib ix-xogħol fid-WTO u appoġġja b'mod attiv il-ħolqien ta' dimensjoni parlamentari flimkien mal-Unjoni Interparlamentari, permezz tal-inizjattiva konġunta tal-Konferenza Parlamentari dwar id-WTO. Il-Membri tal-Parlament Ewropew ħadu sehem fil-Konferenzi Ministerjali tad-WTO, b'mandat mir-riżoluzzjonijiet li jistabbilixxu l-pożizzjoni tal-Parlament qabel dawn id-delegazzjonijiet.

Fl-2008, il-Parlament Ewropew diġà adotta riżoluzzjoni, li fiha jappella għal rieżami tal-funzjonament tad-WTO, peress li n-negozjati dwar l-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp twaqqfu. Wara l-aħħar Konferenza Ministerjali tad-WTO fi Buenos Aires f'Diċembru 2017, fejn sar evidenti li l-funzjoni tan-negozjar tal-organizzazzjoni kienet paralizzata, dan il-kompitu saħansitra sar aktar urġenti.

Fil-fatt, is-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli qed tiffaċċja l-agħar kriżi li qatt kellha, fejn kemm il-funzjoni ta' negozjar tagħha kif ukoll il-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim huma mhedda.

Il-kriżi tista' tkompli tikber fix-xhur li ġejjin, jekk jiġu mhedda u imposti aktar miżuri unilaterali, filwaqt li fl-istess ħin jiġu mblukkati ħatriet ta' membri ġodda fil-Korp tal-Appell, u tista' tpoġġi f'riskju is-sistema kollha tas-soluzzjoni ta' tilwim.

Fiċ-ċirkostanzi tal-lum, id-WTO teħtieġ modernizzazzjoni biex tindirizza l-isfidi ffaċċjati mis-sistema kummerċjali globali u tiżgura li tibqa' vitali, rilevanti u effikaċi. Dan ifisser li għandhom jiġu riveduti kemm ir-regoli kif ukoll il-proċessi tad-WTO, sabiex jiġi żgurat li jiġu indirizzati l-isfidi tar-realtajiet kummerċjali tas-seklu 21. Is-sistema trid tkun flessibbli biżżejjed biex takkomoda settijiet differenti ta' ambizzjoni fost il-membri tagħha, ir-regoli jridu jiġu infurzati b'mod effettiv u effiċjenti u għandu jkun hemm sistema ta' kontrokontrolli sabiex tiżgura li l-Membri tagħha jsegwu l-għanijiet tal-ftuħ tas-suq u tan-nondiskriminazzjoni.

Id-WTO ssir aktar rilevanti u tadatta ruħha għad-dinja li qed tinbidel

Bl-eċċezzjoni tal-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ u s-sussidji tal-esportazzjoni agrikola, ma kienx possibbli li jsir progress fin-negozjati fid-WTO għal numru ta' snin. Minn banda, dan kien minħabba n-nuqqas ta' flessibbiltà fis-sistema, li jista' jfixkel lill-Membri tal-istess fehma li jixtiequ jimxu 'l quddiem fit-tfassil tar-regoli fi ħdan id-WTO bħala grupp.

L-inizjattivi mnedija fi Buenos Aires b'dikjarazzjonijiet konġunti minn gruppi kbar ta' Membri li jimpenjaw ruħhom li jesploraw negozjati f'xi oqsma speċifiċi, bħad-dikjarazzjonijiet dwar il-kummerċ elettroniku, ir-regolamentazzjoni domestika kif ukoll il-faċilitazzjoni tal-investiment, huma pass tajjeb fid-direzzjoni ta' aktar flessibbiltà fin-negozjati.

Dawn il-proċessi plurilaterali għandhom jiġu mħeġġa, iżda l-proċess irid ikun miftuħ għall-Membri kollha tad-WTO.

Nemmnu wkoll li wasal iż-żmien li d-WTO tkun involuta b'mod aktar attiv fil-mod kif il-kummerċ jista' jgħin biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, lil hinn min-negozjati dwar is-sussidji tas-sajd, li huwa kontribut importanti. Aħna nilqgħu l-passi pożittivi li ttieħdu rigward il-kummerċ u l-ġeneru, u rridu niżguraw li dawn l-isforzi jkomplu.

Fattur ieħor tal-intopp fil-funzjoni tad-WTO li tinnegozja hija l-kwistjoni tal-iżvilupp u t-trattament speċjali u differenzjali. Sa mill-ħolqien tad-WTO, it-tkabbir ekonomiku rapidu fost il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp wassal għall-ħolqien ta' differenzi sinifikanti fl-iżvilupp ekonomiku. Filwaqt li l-UE tirrikonoxxi li jistgħu jkunu meħtieġa regoli speċjali biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi ta' żvilupp, iżda huwa ġustifikat eżami mill-ġdid tal-mod kif jaħdmu l-flessibilitajiet tal-iżvilupp u min jista' jibbenefika minnhom, sabiex tiġi żgurata assistenza xierqa u mmirata u dixxiplini ambizzjużi.

Fl-istess ħin, il-kawżi ewlenin tal-kriżi kurrenti jinsabu wkoll f'lakuni fil-ġabra ta' regoli li jwasslu għal distorsjonijiet, li ħafna minnhom huma assoċjati ma' politiki u prattiki mhux tas-suq fin-nazzjonijiet kummerċjali ewlenin, li d-WTO ma tidhirx li kapaċi tindirizza b'mod adegwat.

Tissaħħaħ l-effikaċja tad-WTO

Il-funzjoni tas-soluzzjoni ta' tilwim tad-WTO tinsab f'periklu serju, u hija meħtieġa azzjoni rapida mill-UE biex tipproteġiha. Għalhekk, għandu jkun hemm proposta komprensiva biex jiġi indirizzat it-tħassib imqajjem mill-Membru tad-WTO li jimblokka l-ħatriet tal-Korp tal-Appell, sakemm ikun ġustifikat, filwaqt li jiġu protetti u jissaħħu aktar l-karatteristiċi u l-prinċipji ewlenin tas-sistema tas-soluzzjoni ta' tilwim tad-WTO.

It-trasparenza hija element ewlieni biex jiġi żgurat ambjent kummerċjali u ta' investiment stabbli u prevedibbli, iżda wkoll biex jiġu infurzati r-regoli. Madankollu, spiss ikun hemm konformità fqira mar-rekwiżiti ta' notifika, filwaqt li x-xogħol ta' monitoraġġ tal-kumitati regolari tad-WTO huwa subottimali. L-UE għandha taħdem biex:

•  issaħħaħ it-trasparenza billi żżid l-inċentivi għall-Membri ħalli jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' notifika u billi toġġezzjona n-nuqqas ta' konformità b'mod deliberat; u

•  tuża aħjar il-kumitati regolari biex tindirizza l-kwistjonijiet kummerċjali billi tagħti s-setgħa lis-Segretarjat tad-WTO.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (11.10.2018)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar id-WTO: it-triq 'il quddiem
(2018/2084(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Lola Sánchez Caldentey

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li liberalizzazzjoni tal-kummerċ, jekk tkun akkumpanjata minn politiki xierqa u istituzzjonijiet li jimmassimizzaw u jiddistribwixxu aħjar il-benefiċċji tal-kummerċ, tista’ tkun pożittiva f’termini tat-tnaqqis tal-faqar u tal-inugwaljanzi, iżda mhijiex biżżejjed sabiex jiġi avvanzat l-iżvilupp sostenibbli; ifakkar li l-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku mhumiex biss għanijiet, iżda wkoll mezzi biex jintużaw għall-benefiċċju tal-bnedmin; jissottolinja, f’dan il-kuntest, li l-kummerċ għandu jibqa’ għodda għall-iżvilupp sostenibbli; jilqa’ l-fatt li l-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp illum jirrappreżentaw nofs il-kummerċ dinji, li tfisser żieda mit-33 % rreġistrat fis-sena 2000, u li l-għadd ta’ persuni li qegħdin jgħixu f’faqar estrem naqas bin-nofs mill-1999, għal ftit inqas minn biljun persuna;

2.  Itenni l-importanza tal-promozzjoni ta’ riformi ta’ politika fis-sistema kummerċjali multilaterali li jappoġġaw objettivi relatati mal-iżvilupp, b’mod partikolari permezz tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli; jissottolinja l-potenzjal tad-WTO bħala forum effiċjenti ta' negozjati multilaterali bbażat fuq ir-regoli li jipprovdi pjattaforma għal diskussjoni miftuħa dwar kwistjonijiet relatati mal-kummerċ globali; jinsisti li l-UE għandha tkompli tippromwovi modernizzazzjoni u demokratizzazzjoni ulterjuri tad-WTO sabiex jiġi żgurat li l-pajjiżi kollha jkunu rappreżentati fuq l-istess livell;

3.  Ifakkar li n-nuqqas ta’ integrazzjoni ta’ normi u standards tad-drittijiet tal-bniedem f’regoli globali li jirregolaw il-kummerċ u l-investiment jagħmilha diffiċli biex il-kumpaniji jinżammu responsabbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ ġdid bejn id-dritt dwar il-kummerċ u l-investiment ma’ dak dwar id-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari fil-ktajjen ta’ provvista globali; jistieden lill-UE, għal dan l-għan, tieħu inizjattivi fid-WTO għar-regolamentazzjoni ta’ ktajjen ta’ provvista globali speċifiċi, b’mod partikolari fis-settur tal-ħwejjeġ bħala l-ewwel pass; itenni wkoll l-importanza li l-UE tkun involuta b’mod attiv fil-proċess tal-grupp ta’ ħidma intergovernattiv miftuħ dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħrajn fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem (OEIGWG) u li tħares il-primat tad-drittijiet tal-bniedem fuq l-interessi kummerċjali;

4.  Jappella għal aġenda tal-kummerċ dinji bbażata fuq il-prinċipju ta’ kummerċ ġust għall-benefiċċju ta’ kulħadd, li tpoġġi l-iżvilupp u d-drittijiet soċjali, ambjentali u tal-bniedem fil-qalba tal-proċess u li tiffoka b’mod speċjali fuq il-ħtiġijiet tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp b’introjtu baxx u tal-pajjiżi l-anqas żviluppati; jenfasizza f’dan ir-rigward il-ħtieġa li jiġu promossi dispożizzjonijiet komprensivi, vinkolanti u infurzabbli dwar l-istandards soċjali, tax-xogħol u ambjentali fi ftehimiet kummerċjali;

5.  Iħeġġeġ sabiex id-drittijiet tal-bniedem ikunu ġenwinament protetti u sabiex mekkaniżmi ta’ rimedju li jkunu effettivi u aċċessibbli għall-individwi jintużaw għar-riżoluzzjoni ta’ nuqqas ta’ qbil dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar fl-importanza li l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa jiġu integrati fil-politiki kummerċjali kollha, inkluż fir-regoli tad-WTO;

6.  Huwa tal-fehma li, mindu tnieda ċ-Ċiklu ta’ Doha fl-2001, id-dinja nbidlet b’mod drammatiku f’termini ekonomiċi, politiċi u teknoloġiċi; iħeġġeġ, għalhekk, lid-WTO tirrifletti aħjar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) fl-Aġenda ta’ Doha għall-Iżvilupp sabiex tindirizza kif xieraq sfidi ġodda, bħall-kummerċ elettroniku, il-kummerċ diġitali, it-trasparenza fl-investiment, is-sussidji u l-kapaċità żejda, il-ktajjen ta' valur globali, l-akkwist pubbliku, u r-regolamentazzjoni domestika fis-servizzi, l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ riforma tad-WTO, inkluż il-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim, sabiex tiġi żgurata sistema kummerċjali multilaterali ġusta u bbilanċjata; jissottolinja l-importanza għall-membri tad-WTO li huma fil-fażi tal-iżvilupp li jissodisfaw l-obbligi tagħhom u li jiddeċiedu fuq il-pass u s-sekwenza tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tagħhom stess skont il-livell tal-iżvilupp tagħhom;

7.  Jitlob żieda fl-appoġġ għall-proġetti ta’ Għajnuna għall-Kummerċ fil-qafas tal-għajnuna għall-iżvilupp sabiex opportunitajiet diġitali jinbidlu f’realtajiet ta’ kummerċ għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp;

8.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jirrikonoxxu kif xieraq id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-obbligi tagħhom skont il-ftehimiet tad-WTO; jinnota li dawn il-problemi jinkludu (a) il-projbizzjoni ta’ miżuri u sussidji ta’ investiment, li tagħmilha diffiċli biex titħeġġeġ l-industrija domestika; (b) il-liberalizzazzjoni tal-importazzjoni fl-agrikoltura, li thedded il-vijabbiltà u l-għajxien ta’ bdiewa żgħar fejn il-prodotti tagħhom jikkompetu ma’ ikel importat li jkun orħos; (c) l-impatt negattiv ta’ reġim ta’ livell għoli tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fuq l-aċċess għall-mediċina u t-trasferiment tat-teknoloġiji; u (d) iż-żieda fil-pressjonijiet fuq il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp biex jiftħu s-setturi tas-servizzi tagħhom, li tista’ timmina l-vijabbiltà tal-fornituri tas-servizzi lokali;

9.  Itenni l-appell tiegħu lill-UE biex tiżgura li l-attivitajiet tagħha mal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, kemm fil-qasam tal-iżvilupp kif ukoll f'dak tal-kummerċ, ikunu bbażati fuq qafas ibbilanċjat bejn sħab ugwali, allinjati mal-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp stabbilit fl-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u mmirati lejn il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

10.  Jilqa’ d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Kummerċ tad-WTO fit-22 ta’ Frar 2017, u jinnota li dan il-ftehim għandu jirriżulta f’benefiċċji sinifikanti b’mod partikolari għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp; ifakkar fl-importanza li tingħata assistenza mmirata u sostenibbli fil-livell tekniku, finanzjarju u tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, bl-għan li jiġu appoġġati l-membri tad-WTO li huma l-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, b’mod partikolari lill-pajjiżi l-anqas żviluppati, sabiex jimplimentaw il-ftehim u jaġġustaw għall-proċess ta’ riforma;

11.  Huwa tal-fehma li r-regoli tad-WTO u ftehimiet kummerċjali multilaterali oħra għandhom iwessgħu l-ambitu għal trattament speċjali u differenzjali sabiex jippermettu użu aktar attiv ta’ għodod li jippromwovu l-industriji li għadhom jibdew; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw il-prinċipju ta’ trattament speċjali u differenzjali għall-membri kollha tad-WTO kklassifikati mill-Bank Dinji bħala pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp;

12.  Jenfasizza l-fatt li l-ftehimiet kummerċjali jista' jkollhom impatt negattiv fuq is-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp; jiddispjaċih dwar il-fatt li ż-żewġ strumenti proposti mill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp fi ħdan il-qafas tan-negozjati fid-WTO bl-għan li jippromwovu l-għajxien tal-bdiewa żgħar, is-sigurtà tal-ikel u l-iżvilupp rurali, jiġifieri Prodotti Speċjali u Mekkaniżmu ta’ Salvagwardja Speċjali, ma ġewx stabbiliti; jappella lill-UE tappoġġa t-talbiet tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp sabiex jipproteġu s-sistemi tal-produzzjoni tal-ikel tagħhom minn effetti potenzjalment distruttivi b’riżultat ta’ importazzjonijiet irħas, inkluż fl-ambitu tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika;

13.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-ħdax-il Konferenza Ministerjali tad-WTO ma kellha l-ebda progress dwar kwistjonijiet ta’ importanza fundamentali għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp; jilqa’, madankollu, it-trattament preferenzjali msaħħaħ li ġie assigurat fid-WTO għall-pajjiżi l-anqas żviluppati, li jinkludi regoli preferenzjali tal-oriġini u trattament preferenzjali għall-fornituri ta’ servizzi, u jenfasizza l-ħtieġa li jitwettqu miżuri ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet li jippermettu lill-fornituri minn pajjiżi l-anqas żviluppati jibbenefikaw mid-deroga għas-servizzi tal-pajjiżi l-anqas żviluppati;

14.  Jisħaq fuq il-fatt li l-objettiv tal-iżvilupp sostenibbli għandu jsir il-prinċipju li jiggwida l-ħidma tad-WTO, li r-regoli u l-operazzjonijiet tagħhom għandhom jitfasslu abbażi tiegħu u jkunu allinjati mal-Aġenda 2030 u mal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima, li jridu jintużaw bħala punti ta’ riferiment għal impenji ulterjuri; jissottolinja, barra minn hekk, l-importanza li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-ktajjen ta’ valur globali u li dawn jiġu allinjati mad-drittijiet tal-bniedem u mal-istandards soċjali u ambjentali;

15.  Jenfasizza l-importanza tal-forniment ta’ kwantità suffiċjenti ta’ ikel ta’ kwalità tajba, ilma nadif u l-bini ta’ faċilitajiet addizzjonali ta’ rimi ta’ ilma mormi sabiex jitwettqu l-SDGs Nri 2 u 6; jiġbed l-attenzjoni, barra minn hekk, fuq l-iskala u l-implikazzjonijiet tal-faqar enerġetiku fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, u jitlob azzjoni addizzjonali biex jitnaqqas il-faqar enerġetiku skont l-SDG Nru 7, b’mod partikolari f’żoni rurali remoti f'reġjuni u li mhumiex mqabbdin mal-grilja tal-enerġija;

16.  Jinsisti li l-Ftehim tad-WTO dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (TRIPS) għandhom ikunu aktar iffukati fuq l-iżvilupp; ifakkar fl-importanza assoluta li jiġi żgurat aċċess għal mediċini għal kulħadd, u għal dan l-għan, iħeġġeġ użu aktar komprensiv tal-flessibilitajiet tat-TRIPS kif imnaqqxa fid-Dikjarazzjoni ta’ Doha; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ix-xejriet kurrenti tal-privatizzazzjoni taż-żerriegħa, li jimminaw id-dritt tal-poplu għall-ikel; jistieden lill-Kummissjoni tesplora u tadotta aktar miżuri kontra l-bijopiraterija;

17.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-mekkaniżmu ta’ aġġustamenti tat-taxxa tal-fruntieri tal-karbonju bħala għodda importanti biex tiġi ggarantita kompetizzjoni ġusta għall-kumpaniji li jieħdu azzjoni biex inaqqsu l-impatt tagħhom fuq il-klima;

18.  Jiddeplora l-fatt li l-obbligi fl-ambitu tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Applikazzjoni tal-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji ma jirrikonoxxux id-dritt tal-istati li jadottaw regolamentazzjoni abbażi tal-prinċipju ta’ prekawzjoni; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jiddefendu r-rikonoxximent sħiħ ta’ dan il-prinċipju fl-obbligi tad-WTO;

19.  Jinsab imħasseb, fil-kuntest imsemmi hawn fuq, li l-proliferazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali bilaterali u plurilaterali jistgħu jwasslu għal frammentazzjoni tal-politika kummerċjali internazzjonali u b'hekk jimminaw ir-rwol tad-WTO; ifakkar il-fatt li l-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp huma l-aktar fil-bżonn ta’ sistema multilaterali biex jiddefendu l-interessi tagħhom; jappella, għalhekk, lill-UE u lill-Istati Membri jagħmlu sforzi addizzjonali biex għal darba oħra jpoġġu lid-WTO fiċ-ċentru tal-governanza tal-kummerċ globali u joqogħdu lura milli jimponu fuq il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp dispożizzjonijiet WTO+ fi trattati plurilaterali jew bilaterali, u li b’hekk jimminaw il-mekkaniżmi ta’ flessibbiltà tad-WTO, li huma mfassla b’mod espliċitu biex jipproteġu l-interessi tagħhom;

20.  Jesprimi l-akbar tħassib tiegħu li għad fadal diversi postijiet vakanti fil-Korp tal-Appell tad-WTO u li din iċ-ċirkostanza qiegħda xxekkel il-funzjonament tajjeb tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tressaq proposti konkreti biex issolvi dan l-impass sfortunat;

21.  Jappella lill-UE tkompli tinsisti li jeħtieġ li tiżdied l-importanza tad-dimensjoni parlamentari tad-WTO, b’mod partikolari permezz ta’ żieda fl-appoġġ finanzjarju u tal-persunal lis-segretarjat responsabbli; jistieden lill-membri tad-WTO jiżguraw il-leġittimità demokratika u t-trasparenza billi jsaħħu d-dimensjoni parlamentari tad-WTO; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jkun żgurat li l-parlamentari jkollhom aċċess aħjar għan-negozjati kummerċjali u jkunu involuti fil-formulazzjoni u fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tad-WTO, u li l-politiki kummerċjali jkunu analizzati adegwatament fl-interessi taċ-ċittadini tagħhom;

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

9.10.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

14

2

10

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Ignazio Corrao, Mireille D’Ornano, Nirj Deva, Enrique Guerrero Salom, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Stelios Kouloglou, Linda McAvan, Norbert Neuser, Vincent Peillon, Lola Sánchez Caldentey, Eleni Theocharous, Mirja Vehkaperä, Bogdan Brunon Wenta, Joachim Zeller, Željana Zovko, Anna Záborská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Thierry Cornillet, Cécile Kashetu Kyenge, Ádám Kósa, Florent Marcellesi, Paul Rübig, Kathleen Van Brempt

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Krzysztof Hetman, Kati Piri

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

14

+

ALDE

Mirja Vehkaperä

EFDD

Ignazio Corrao, Mireille D’Ornano

GUE/NGL

Stelios Kouloglou, Lola Sánchez Caldentey

S&D

Enrique Guerrero Salom, Cécile Kashetu Kyenge, Linda McAvan, Norbert Neuser, Vincent Peillon, Kati Piri, Kathleen Van Brempt

VERTS/ALE

Maria Heubuch, Florent Marcellesi

2

-

PPE

Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Paul Rübig

10

0

ALDE

Beatriz Becerra Basterrechea, Thierry Cornillet

ECR

Nirj Deva, Eleni Theocharous

PPE

Krzysztof Hetman, Ádám Kósa, Bogdan Brunon Wenta, Joachim Zeller, Željana Zovko, Anna Záborská

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.11.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

3

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Maria Arena, Tiziana Beghin, David Borrelli, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Salvatore Cicu, Santiago Fisas Ayxelà, Christofer Fjellner, Eleonora Forenza, Christophe Hansen, Nadja Hirsch, Yannick Jadot, France Jamet, Elsi Katainen, Jude Kirton-Darling, Danilo Oscar Lancini, Bernd Lange, David Martin, Emma McClarkin, Anne-Marie Mineur, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Adam Szejnfeld, William (The Earl of) Dartmouth, Iuliu Winkler

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Nicola Danti, Paul Rübig, Jarosław Wałęsa

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Karin Kadenbach, Rupert Matthews

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

31

+

ALDE

Nadja Hirsch, Elsi Katainen, Marietje Schaake

ECR

David Campbell Bannerman, Emma McClarkin, Rupert Matthews, Joachim Starbatty

EFDD

William (The Earl of) Dartmouth

GUE/NGL

Helmut Scholz

NI

David Borrelli

PPE

Laima Liucija Andrikienė, Daniel Caspary, Salvatore Cicu, Santiago Fisas Ayxelà, Christofer Fjellner, Christophe Hansen, Sorin Moisă, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Paul Rübig, Adam Szejnfeld, Jarosław Wałęsa, Iuliu Winkler

S&D

Maria Arena, Nicola Danti, Karin Kadenbach, Jude Kirton-Darling, Bernd Lange, David Martin, Alessia Maria Mosca, Joachim Schuster

3

-

ENF

France Jamet, Danilo Oscar Lancini

GUE/NGL

Anne-Marie Mineur

3

0

EFDD

Tiziana Beghin

GUE/NGL

Eleonora Forenza

VERTS/ALE

Yannick Jadot

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Novembru 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza