Proċedura : 2018/0122M(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0385/2018

Testi mressqa :

A8-0385/2018

Dibattiti :

PV 11/12/2018 - 14
CRE 11/12/2018 - 14

Votazzjonijiet :

PV 12/12/2018 - 12.9

Testi adottati :

P8_TA(2018)0507

RAPPORT     
PDF 628kWORD 60k
23.11.2018
PE 629.442v02-00 A8-0385/2018

li fih mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra

(08462/2018 – C8-0417/2018 – 2018/0122M(NLE))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Alojz Peterle

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI MHUX LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI MHUX LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra

(08462/2018 – C8-0417/2018 – 2018/0122M(NLE))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (08462/2018),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra(1) (08463/2018),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 212(1), l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), u l-Artikolu 218(8), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0417/2018),

–    wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija Strateġika (SPA) UE-Ġappun iffirmat f'Tokyo fis-17 ta' Lulju 2018,

–    wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (FSE) UE-Ġappun iffirmat f'Tokyo fis-17 ta' Lulju 2018,

–    wara li kkunsidra l-25 summit bilaterali li sar f'Tokyo fis-17 ta' Lulju 2018 u d-dikjarazzjoni konġunta tiegħu,

–    wara li kkunsidra l-ewwel summit bilaterali li sar the Hague fl-1991 u l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni konġunta dwar ir-relazzjonijiet bejn KE-Ġappun,

–  wara li kkunsidra l-20 Summit UE-Ġappun, li sar fl-2010,

–    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tad-19 ta' Settembru 2018 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Bank Ewropew tal-Investiment dwar "Nikkollegaw l-Ewropa u l-Asja - Elementi fundamentali għal Strateġija tal-UE",

–    wara li kkunsidra l-istrateġija globali dwar il-politika estera u ta' sigurtà tal-Unjoni Ewropea ppubblikata mill-VP/RGħ f'Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-UE fl-Asja tal-Lvant, approvati mill-Kunsill fil-15 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Ġappun dwar kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija li ġie ffirmat fl-2009(2),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni UE-Ġappun tal-2001,

–  wara li kkunsidra ż-żjara tad-delegazzjoni ad hoc tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin f'Tokyo, il-Ġappun, u l-Korea t'Isfel bejn it-3 u s-6 ta' April 2018,

–  wara li kkunsidra t-38 Laqgħa Interparlamentari UE-Ġappun, li saret f'Tokyo fid-9 u l-10 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra ż-żjara tad-delegazzjoni ad hoc tas-Sottokumitat dwar id-Difiża u s-Sigurtà f'Tokyo bejn it-22 u l-25 ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2014 li fih ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar in-negozjati dwar ftehim ta' sħubija strateġika UE-Ġappun(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu ta'... dwar l-abbozz ta' deċiżjoni(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0385/2018),

A.  billi l-UE u l-Ġappun ilhom sħab strateġiċi sa mill-2003 u jkomplu jikkooperaw fil-qrib f'għadd kbir ta' fora multilaterali;

B.  billi l-UE u l-Ġappun bħala sħab globali li jikkondividu l-istess prinċipji, jaqsmu responsabbiltà speċjali għat-trawwim tal-paċi, l-istabbiltà, il-multilateraliżmu, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-prosperità u d-difiża ta' ordni bbażat fuq ir-regoli f'dinja li qed tinbidel b'mod rapidu;

C.  billi madwar terz tal-produzzjoni ekonomika globali se tkun koperta mill-SPA/FTA UE-Ġappun;

D.  billi l-gvern Ġappuniż vara riformi fil-politika ta' sigurtà li jinkludu t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' difiża, it-tiġdid tal-alleanza mal-Istati Uniti u l-kooperazzjoni ma' demokraziji oħrajn fir-reġjun u lil hinn minnu;

E.  billi il-kontribut tal-Ġappun għas-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali żdied; billi l-Istrateġija ta' Sigurtà Nazzjonali tal-Ġappun tal-2013 tagħmel referenza għal politika ta' "Kontribut proattiv favur il-Paċi" li hija bbażata fuq il-prinċipju ta' kooperazzjoni internazzjonali;

F.  billi l-Ġappun huwa l-aktar sieħeb antik tan-NATO u ffirma l-ftehimiet ta' kooperazzjoni dwar l-informazzjoni kklassifikata, iċ-ċibersigurtà, kontra l-piraterija, u dwar l-għajnuna f'każ ta' diżastru u l-assistenza umanitarja;

G.  billi l-Ġappun f'dawn l-aħħar deċennji rebaħ akklamazzjoni internazzjonali għall-politika tiegħu ta' restrizzjoni militari li bl-ebda mod ma kienet ta' ostakolu biex jikber u jsir wieħed mill-iżjed parteċipanti ekonomiċi u politiċi importanti fid-dinja;

H.  billi f'Lulju, il-Ġappun mexxa l-isforzi ta' reviżjoni tal-Ftehim Kummerċjali Trans-Paċifiku (TPP) wara l-irtirar tal-Istati Uniti, u rratifika l-ftehim rivedut, il-Ftehim Komprensiv u Progressiv għal Sħubija Trans-Paċifika (CPTPP jew TPP-11), f'Lulju 2018; billi l-Ġappun wera nteress ukoll fis-Sħubija Ekonomika Komprensiva Reġjonali (RCEP), li jinkludi wkoll liċ-Ċina;

I.  billi l-Ġappun huwa membru attiv tal-Bank Asjatiku tal-Iżvilupp (ADB), tal-Bank Afrikan tal-Iżvilupp (AfDB), tal-Bank Inter-Amerikan tal-Iżvilupp (IADB), tal-Kummissjoni Ekonomika u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Asja u l-Paċifiku (UNESCAP), u ta' aġenziji speċjalizzati oħra tan-NU, kif ukoll tal-Laqgħa Asja-Ewropa (ASEM) u tad-Djalogu għall-Kooperazzjoni Asjatika (ACD); billi l-Ġappun huwa membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), tal-Bank Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (IBRD), tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), il-Grupp tas-Seba' (G7) u tal-Grupp tal-Għoxrin (G20);

J.  billi l-gvern tal-Ġappun approva Karta ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp ġdida fi Frar 2015;

Ftehim u r-relazzjonijiet UE-Ġappun

1.  Jilqa' bi pjaċir il-konklużjoni tal-abbozz ta' Ftehim ta' Sħubija Strateġika, li jipprovdi qafas legali vinkolanti, isaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali UE-Ġappun u jqawwi l-kooperazzjoni f'aktar minn 40 qasam, bħal kwistjonijiet ta' politika estera u ta' sigurtà, inkluża l-promozzjoni tal-paċi u l-istabbiltà, l-operazzjonijiet tal-għajnuna ta' emerġenza, l-iżvilupp globali u l-għajnuna umanitarja, il-kwistjonijiet ekonomiċi, ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, is-sikurezza tal-ikel, il-politika agrikola, il-politika dwar l-ICT, it-teknoloġija spazjali, il-kultura u l-isport, kif ukoll dwar l-isfidi globali li jirrikjedu koordinazzjoni globali, bħat-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, it-theddid ċibernetiku, is-saħħa pubblika, il-kriminalità transkonfinali, l-operazzjonijiet ta' konsolidazzjoni tal-paċi, il-ġestjoni tal-kriżijiet u tad-diżastri u l-ġlieda kontra t-terroriżmu;

2.  Jenfasizza r-rabtiet bejn l-iSPA u l-FSE, l-akbar ftehim bilaterali ta' kummerċ ħieles fid-dinja; iqis il-konklużjoni taż-żewġ ftehimiet bħala titjib tas-sħubija, li għandhom l-għan li jipprovdu benefiċċji konkreti għall-popli tal-UE u tal-Ġappun, u jappoġġja aktar kooperazzjoni fil-fora multilaterali; jilqa' bi pjaċir ir-rispett u l-fiduċja reċiproka li ssaħħew waqt il-proċess ta' negozjati;

3.  Jilqa' bi pjaċir ir-referenza li saret fl-Artikolu 1(3) tal-iSPA għal dimensjoni parlamentari li għandha l-għan li ssaħħaħ is-sħubija permezz tad-djalogu u l-kooperazzjoni fl-oqsma ta' kwistjonijiet politiċi, ta' politika estera u ta' sigurtà u ta' kooperazzjoni settorjali oħra; jissuġġerixxi, f'dan il-kuntest, li d-Diet u l-Parlament Ewropew ikomplu jiżviluppaw is-sorveljanza u d-djalogu parlamentari bil-għan li jiżguraw l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni miftiehma; jistieden lill-Parlament Ewropew jissorvelja l-laqgħat tal-Kumitat Konġunt u d-dokumentazzjoni tagħhom; iħeġġeġ parteċipazzjoni u promozzjoni akbar tas-sjieda mis-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-iSPA; itenni l-konvinzjoni tiegħu li t-twettiq konkret tal-kooperazzjoni ġenerali u settorjali għandha, fil-prinċipju, tkun ibbażata fuq l-objettivi u l-miri ta' sostenibbiltà li għandhom jiġu implimentati sal-2030, li ġew adottati b'mod konġunt min-NU u approvati wkoll mill-partijiet kontraenti;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' ħidma konġunta fuq livell multilaterali bil-għan li tiġi promossa l-adeżjoni għat-Trattat dwar il-Kummerċ fl-Armi u l-implimentazzjoni tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni, il-prevenzjoni tal-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-ġlieda kontra l-impunità tal-aktar delitti serji kontra d-dritt internazzjonali u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

5.   Ifakkar li jeħtieġ li jkun hemm approċċ diplomatiku, ekonomiku, kulturali u ta' sigurtà komprensiv u koerenti fid-dinja li qed tiżviluppa, fejn is-sigurtà u l-iżvilupp jimxu id f'id, viżjoni li hija kondiviża kemm mill-UE kif ukoll mill-Ġappun;

Drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali

6.  Itenni l-impenji kondiviżi ta' rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, il-libertajiet fundamentali, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt, u l-valuri komuni minquxa fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u biex titkompla l-ħidma konġunta favur il-promozzjoni u l-protezzjoni globali ta' dawn il-valuri u tal-ordni internazzjonali bbażat fuq il-valuri;

7.  Jinnota li l-Ġappun ma rratifikax żewġ konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO (dwar id-Diskriminazzjoni u dwar l-Abolizzjoni tax-Xogħol Furzat) u jilqa' d-deċiżjoni tal-Ġappun li jistabbilixxi qafas interministerjali bil-għan li jittratta l-implimentazzjoni tal-impenji għall-iżvilupp sostenibbli skont l-FSE, inkluża r-ratifika ta' tali konvenzjonijiet;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa għal aktar kooperazzjoni dwar id-drittijiet tan-nisa sabiex jiġi garantit li l-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri tkun wieħed mill-objettivi ewlenin tas-sħubija; iħeġġeġ lid-Diet Ġappuniż ikompli jaħdem fuq il-leġiżlazzjoni li tindirizza d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneri;

9.  Jappoġġja l-isforzi tan-NU rigward l-eliminazzjoni gradwali tal-piena kapitali; jistieden lill-UE tidħol fi djalogu mal-Gvern Ġappuniż dwar moratorju rigward il-piena kapitali bil-ħsieb li eventwalment, din tiġi abolita;

Relazzjonijiet reġjonali u internazzjonali

10.  Ifakkar li l-Istrateġija Globali tal-UE tal-2016 tidentifika konnessjoni diretta bejn il-prosperità Ewropea u s-sigurtà Asjatika u stiednet lill-UE twettaq kontributi prattiċi akbar, kif ukoll ħidma mal-imsieħba, bħall-Ġappun, biex tiġi promossa l-paċi fil-peniżola Koreana u tinstab soluzzjoni paċifika importanti immens għat-tilwim marittimu u territorjali fl-Ibħra tal-Lvant u taċ-Ċina tan-Nofsinhar, abbażi tad-dritt u tal-konvenzjonijiet internazzjonali; jissottolinja l-importanza tat-tisħiħ tal-fiduċja u tad-diplomazija preventiva; jenfasizza trid tiġi rispettata l-libertà tan-navigazzjoni internazzjonali; jilqa' bi pjaċir il-laqgħa bejn il-Prim Ministru Abe u l-President Xi f'Beijing fit-26 ta' Ottubru 2018 u t-tħabbir ta' impenn biex jinfetaħ kapitolu ġdid ta' relazzjonijiet, bħala pass lejn it-titjib tar-rabtiet bilaterali u t-tnaqqis tat-tensjonijiet reġjonali;

11.  Jirrikonoxxi li l-influwenza Ċiniża u Russa fir-reġjun tal-Asja-Paċifiku hija sfida ta' sigurtà kbira għall-Ġappun, kif ukoll għall-interessi tal-UE, u għalhekk jilqa' l-impenji tal-iSPA intiżi li japprofondixxu l-kooperazzjoni tas-sigurtà UE-Ġappun bħala bastjun ta' difiża kontra tali theddid;

12.  Jilqa' bi pjaċir l-istabbiliment tal-Missjoni tal-Ġappun lejn in-NATO fl-1 ta' Lulju 2018;

13.  Jilqa' bi pjaċir l-istrateġija l-ġdida tal-UE favur it-titjib fil-konnettività mal-Asja permezz tal-promozzjoni ta' djalogu, ta' stabbiltà, ta' kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali, ta' trasport interoperabbli, ta' netwerks enerġetiċi u diġitali, u tal-konnessjonijiet interpersonali; jissottolinja l-opportunitajiet offruti mill-konnettività biex jiżdied l-iskambji fl-oqsma tal-edukazzjoni, ix-xjenza, ir-riċerka u l-kultura;

14.  Jitlob li tiġi estiża l-kooperazzjoni bilaterali u plurilaterali UE-Ġappun mal-Korea t'Isfel, l-RDPK, l-Istati Uniti u ċ-Ċina bħala appoġġ għall-isforzi ta' garanzija tal-paċi u taż-żamma ta' stabbiltà fir-reġjun, għall-koeżistenza paċifika fil-peniżola Koreana, u d-denuklearizzazzjoni totali, verifikabbli u irriversibbli tal-RDPK; jesprimi l-importanza tat-tkabbir tal-kooperazzjoni Ġappun-Korea t'Isfel u tar-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat, li jistgħu joffru kontribut favur l-istabbiltà reġjonali u jindirizzaw ir-riskji ta' sigurtà, bħall-RDPK; iwiegħed li jappoġġja l-pressjoni internazzjonali kontinwa fuq l-RDPK biex jiġi żgurat li jittieħdu passi konkreti lejn id-denuklearizzazzjoni; jappoġġja l-kooperazzjoni internazzjonali dwar is-soluzzjoni tal-kwistjoni ta' ċittadini Ġappuniżi neqsin, li hemm il-biża' li ġew maħtufa mir-reġim tal-Korea ta' Fuq; jenfasizza li l-istabbiltà fil-Grigal tal-Asja tikkorrispondi mal-interessi ewlenija għall-Ewropa;

15.  Jissuġġerixxi li l-UE u l-Ġappun jaħdmu flimkien biex iżidu l-kapaċitajiet tal-ASEAN rigward l-integrazzjoni reġjonali u l-aġenda ta' kooperazzjoni u l-kapaċità li jsolvu l-kunflitti fir-reġjun b'mod kollettiv u jsaħħu ċ-ċentralità attwali tal-ASEAN fl-ordni multilaterali tal-Asja tax-Xlokk; jappoġġja d-deċiżjoni meħuda waqt it-33 Forum ASEAN-Ġappun f'Tokyo favur it-tisħiħ akbar tar-rabtiet u ħalli jiġu indirizzati l-kwistjonijiet reġjonali u internazzjonali ta' interess komuni u wkoll biex issir ħidma konġunta favur il-promozzjoni tal-paċi u l-istabbiltà; jemmen li l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem jikkontribwixxu b'mod effettiv għal dawn iż-żewġ objettivi; jitlob għal sinerġiji bejn l-istrateġija Ġappuniża Indo-Paċifika Ħielsa u Miftuħa u l-inizjattivi tal-UE, inkluż il-Pjan ta' Investiment tal-UE u n-Netwerks Trans-Ewropej ta' Trasport tal-UE estiżi, bil-għan li tiġi promossa l-kooperazzjoni globali fil-konnettività;

16.  Jinnota l-ambizzjoni tal-Ġappun li jsir membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għall-2023-2024, u jilqa' l-kontribut tiegħu lin-NU f'oqsma bħad-diżarm u n-nonproliferazzjoni, iż-żamma tal-paċi u l-konsolidazzjoni tal-paċi u s-sigurtà;

Kooperazzjoni settorjali

17.  Jenfasizza l-opportunitajiet u l-ispinta li l-iSPA jagħti lill-iżvilupp tar-relazzjonijiet kulturali u l-kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u l-isport; jinnota l-livelli baxxi attwali ta' skambji interpersonali u tal-ostakli lingwistiċi; jissuġġerixxi li jsir aktar investiment favur it-tisħiħ tal-interazzjoni bejn iċ-ċittadini, id-djalogu edukattiv u kulturali, il-programmi ta' mobbiltà akkademika taħt l-Erasmus+, u d-diplomazija pubblika, bil-għan li jiġi promoss il-fehim reċiproku u d-diversità kulturali;

18.  Jiġbed l-attenzjoni għall-impetu li l-iSPA joffri fit-titjib tal-kooperazzjoni settorjali dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u l-iskambji ta' reġimi regolatorji u superviżorji għas-settur finanzjarju;

19.  Iqis li l-UE u l-Ġappun, bħala donaturi globali ewlenin bi storja twila ta' Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) diretta lejn pajjiżi anqas żviluppati fl-Asja tal-Lvant u aktar reċentement, fl-Afrika, fil-Lvant Nofsani u fl-Amerika Latina, huma sħab naturali, flimkien mal-gvernijiet benefiċjarji, biex jikkoordinaw l-għajnuna jiżguraw il-koerenza; jenfasizza li l-għan ewlieni tal-għajnuna għall-iżvilupp huwa t-tnaqqis tal-faqar permezz tal-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, u jistenna bil-ħerqa l-kooperazzjoni reċiproka biex jintlaħqu dawn l-għanijiet;

20.  Jilqa' bi pjaċir ir-ratifika min-naħa tal-Ġappun tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima fl-2016, u jħeġġeġ l-implimentazzjoni effettiva tiegħu, bil-Ġappun jieħu rwol ta' tmexxija biex b'mod proattiv jiġġieled it-tibdil fil-klima u jintensifika l-isforzi ta' mitigazzjoni; jistieden lill-UE u lill-Ġappun jintensifikaw il-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija sostenibbli, pereżempju fl-iżvilupp ta' forom ta' trasport b'emissjonijiet baxxi; jissottolinja li l-bord konsultattiv tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin dwar it-tibdil fil-klima ħareġ ir-rapport tiegħu fi Frar 2018, li poġġa l-ħtieġa għal tranżizzjoni tal-enerġija lejn l-enerġija rinnovabbli fil-qalba tal-istrateġija tad-diplomazija dwar l-enerġija tal-Ġappun;

21.  Jilqa' bi pjaċir l-inklużjoni fil-ftehim tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, u jistenna bil-ħerqa li jkun hemm aktar skambju ta' prattiki tajba fir-rigward tal-qtugħ illegali tas-siġar, filwaqt li tiġi kkonsolidata l-esperjenza tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam, bil-għan li tiġi introdotta diliġenza dovuta obbligatorja fil-leġiżlazzjoni Ġappuniża;

22.  Jiddispjaċih dwar it-tentattiv tal-Ġappun li jiżgura t-tmiem tal-moratorju fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni fil-laqgħat ta' Settembru 2018 tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni (IWC), u jappella għas-sospensjoni tal-kaċċa għall-balieni għal skopijiet xjentifiċi;

23.  Jenfasizza li l-Ġappun huwa t-tieni l-akbar suq tal-kożmetiċi fid-dinja; ifakkar li l-ittestjar tal-kożmetiċi fuq l-annimali u l-bejgħ ta' prodotti kożmetiċi impurtati ttestjati fuq l-annimali huma pprojbiti fl-UE; f'dan il-kuntest, iħeġġeġ lill-Partijiet jiskambjaw informazzjoni u jikkooperaw bil-għan li jintemm l-ittestjar tal-prodotti kożmetiċi fuq l-annimali fil-Ġappun;

24.  Jenfasizza l-importanza tal-preservazzjoni tad-diversità bijoloġika, u jħeġġeġ lill-Ġappun ineħħi r-riżervi tiegħu għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES);

25.  Jappella lill-parlamenti tal-Istati Membri jirrattifikaw il-ftehim b'mod rapidu u jimplimentaw il-ftehim provviżorju fis-setturi kollha;

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lid-Diet Nazzjonali tal-Ġappun.

(1)

ĠU L 216, 24.8.2018, p. 1.

(2)

ĠU L 90, 6.4.2011, p. 2.

(3)

ĠU C 443, 22.12.2017, p. 49.

(4)

Testi adottati, P8_TA(0000)0000.


PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra

Referenzi

2018/0122M(NLE)

Data tal-konsultazzjoni / talba għal approvazzjoni

8.11.2018

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AFET

15.11.2018

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Alojz Peterle

9.10.2018

 

 

 

Data tal-adozzjoni

21.11.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

43

2

9

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Nikos Androulakis, Petras Auštrevičius, Bas Belder, Victor Boştinaru, Elmar Brok, Klaus Buchner, James Carver, Lorenzo Cesa, Georgios Epitideios, Eugen Freund, Michael Gahler, Iveta Grigule-Pēterse, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Arne Lietz, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Tonino Picula, Kati Piri, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Michel Reimon, Sofia Sakorafa, Jean-Luc Schaffhauser, Anders Sellström, Alyn Smith, Jordi Solé, Dobromir Sośnierz, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, László Tőkés, Miguel Urbán Crespo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Doru-Claudian Frunzulică, Takis Hadjigeorgiou, Marek Jurek, Antonio López-Istúriz White, David Martin, Gilles Pargneaux, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Eleni Theocharous, Mirja Vehkaperä, Željana Zovko

Data tat-tressiq

23.11.2018


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

43

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Iveta Grigule-Pēterse, Javier Nart, Marietje Schaake, Mirja Vehkaperä

ECR

Bas Belder, Marek Jurek, Eleni Theocharous

PPE

Michèle Alliot-Marie, Elmar Brok, Lorenzo Cesa, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Antonio López-Istúriz White, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Alojz Peterle, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Anders Sellström, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, László Tőkés, Željana Zovko

S&D

Nikos Androulakis, Victor Boştinaru, Eugen Freund, Doru-Claudian Frunzulică, Arne Lietz, Andrejs Mamikins, David Martin, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Gilles Pargneaux, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Kati Piri

VERTS/ALE

Michel Reimon, Alyn Smith

2

-

ENF

Jean-Luc Schaffhauser

NI

Georgios Epitideios

9

0

GUE/NGL

Takis Hadjigeorgiou, Sabine Lösing, Sofia Sakorafa, Helmut Scholz, Miguel Urbán Crespo

NI

James Carver, Dobromir Sośnierz

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Jordi Solé

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Diċembru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza