RAPPORT dwar l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni
26.11.2018 - (2018/2222(INI))
Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
Rapporteur: Marian‑Jean Marinescu
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni 2007/198/Euratom li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxilha l-vantaġġi (COM(2018)0445),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxilha vantaġġi[1],
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri tat-13 ta' Novembru 2017 dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummisssjoni tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-kontribuzzjoni tal-UE lejn il-proġett ITER riformat (COM(2017)0319),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0393/2018),
A. billi l-fużjoni jista' jkollha rwol ewlieni fix-xenarju tal-enerġija Ewropew u globali futur bħala sors potenzjali ta' enerġija ineżawribbli, sikur, favur il-klima, ambjentalment responsabbli u ekonomikament kompetittiv;
B. billi l-fużjoni diġà qed tagħti opportunitajiet konkreti lill-industrija u qed ikollha effett pożittiv fuq l-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku u l-innovazzjoni, b'impatt pożittiv lil hinn mill-oqsma tal-fużjoni u l-enerġija;
C. billi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni tikkoordina l-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp xjentifiċi u teknoloġiċi fil-qasam tal-fużjoni;
D. billi sa mill-bidu l-Ewropa kellha rwol ewlieni fil-proġett ITER, żviluppat f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-firmatarji mhux Ewropej għall-Ftehim ITER (l-Istati Uniti, ir-Russja, il-Ġappun, iċ-Ċina, il-Korea t'Isfel u l-Indja), u billi l-kontribuzzjoni Ewropea, indirizzata permezz tal-Impriża Konġunta, tirrappreżenta 45 % tal-ispejjeż tal-kostruzzjoni tal-proġett;
E. billi l-proposta tal-Kummissjoni li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom għandha l-għan li tiżgura l-finanzjament għal parteċipazzjoni kontinwa Ewropea fil-proġett ITER għat-tul kollu tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss sabiex tiggarantixxi kontinwità għall-proġett immirat lejn skoperti xjentifiċi rivoluzzjonarji fl-iżvilupp tal-fużjoni għall-użu ċivili, li fl-aħħar mill-aħħar għandu jiffaċilita l-produzzjoni ta' enerġija sikura u vijabbli li tissodisfa l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi;
1. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni 2007/198/Euratom billi tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxilha vantaġġi (COM(2018)0445), li se jipprovdi l-bażi għall-finanzjament tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta għall-perjodu 2021-2027 skont it-Trattat Euratom;
2. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kunsill ma kkonsultax mal-Parlament dwar l-approvazzjoni ta' dik il-proposta u jilqa' l-intenzjoni ddikjarata tal-Kummissjoni bħala parti mill-Istat tal-Unjoni 2018 li tikkunsidra "għażliet għal votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata msaħħa u għal riforma possibbli tat-Trattat Euratom"; jistenna li riforma bħal din neċessarjament se twassal għal setgħat koleġiżlattivi għall-Parlament;
3. Ifakkar fid-dewmien fil-kostruzzjoni tar-reattur sperimentali, minħabba li oriġinarjament kien ippjanat li l-ITER għandu jinbena sal-2020, iżda fl-2016 il-Kunsill tal-ITER approva skeda ġdida ta' żmien biex l-istadju tal-Ewwel Plażma jintlaħaq f'Diċembru 2025, l-aktar data bikrija teknikament possibbli għall-kostruzzjoni tal-ITER;
4. Jenfasizza li l-kontribuzzjoni tal-Euratom lill-Impriża Konġunta għall-perjodu 2021-2027 m'għandhiex tinqabeż;
5. Jenfasizza li sabiex jiġu evitati reviżjonijiet suċċessivi 'l fuq tal-ispiża prevista tal-proġett, jiġi evitat dewmien fid-dati mistennija tal-istadji operazzjonali importanti u jiġi żgurat l-ogħla grad possibbli ta' affidabbiltà tal-iskeda, l-Organizzazzjoni ITER għandha tinkludi dispożizzjonijiet ta' kontinġenza raġonevoli fi kwalunkwe skeda riveduta; jappoġġa, f'dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet ta' kontinġenza sa 24 xahar f'termini ta' skeda u ta' 10-20 % f'termini ta' baġit propost mill-Kummissjoni;
6. Jilqa' l-approċċ il-ġdid għall-ġestjoni tar-riskju meħud mill-Organizzazzjoni ITER u jinkoraġġixxi lill-Kunsill tal-ITER biex ikompli jnaqqas l-għadd ta' sottokumitati, jissimplifika l-funzjoni tagħhom u jelimina t-trikkib;
7. Jistieden lill-Kunsill japprova l-proposta tal-Kummissjoni filwaqt li jintroduċi l-modifiki li ġejjin:
– jindika l-kontribuzzjoni tal-Euratom fl-Impriża Konġunta kemm fi prezzijiet kostanti kif ukoll f'dawk attwali,
– juża, għal finijiet ta' ċarezza, il-kelma "Euratom" minflok "Komunità" tul it-test kollu,
– jinkludi dispożizzjonijiet ċari rigward il-kumitati li jassistu lill-Bord tat-Tmexxija tal-Impriża Konġunta, b'mod partikolari l-Kumitat Amministrattiv u ta' Ġestjoni, il-Kumitat dwar l-Akkwisti u l-Kuntratti, u l-Bord Konsultattiv Tekniku, fir-rigward tal-kompożizzjoni tagħhom, l-istatus permanenti jew temporanju, in-numru ta' laqgħat u l-metodu ta' remunerazzjoni tal-membri tagħhom,
– jevalwa u jelimina responsabbiltajiet li jikkoinċidu bejn il-Kumitat Amministrattiv u ta' Ġestjoni u l-Bord Konsultattiv Tekniku fir-rigward ta' pjanijiet ta' proġetti u programmi ta' ħidma,
– jintroduċi dispożizzjonijiet rigward il-kontribuzzjonijiet tal-Istat ospitanti tal-ITER,
– jinkludu fl-Anness III ("Regolament Finanzjarju: Prinċipji Ġenerali") rekwiżit li jistipula, fir-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta, regoli u proċeduri għall-evalwazzjoni ta' kontribuzzjonijiet mhux finanzjarji,
– jinkludi dispożizzjonijiet fl-Artikolu 5 u fl-Anness II li jippermettu lill-Impriża Konġunta tirċievi finanzjament fil-forma ta' strumenti finanzjarji b'rabta mal-operazzjonijiet ta' taħlit implimentati f'konformità mal-Programm InvestEU futur,
– jikkjarifika r-rwol u l-kontribuzzjoni tar-Renju Unit fid-dawl tal-istatus tagħha fil-Euratom, b'mod partikolari fir-rigward ta' parteċipazzjoni potenzjali fl-ITER,
– jinkludu dispożizzjonijiet dwar sinerġiji u kooperazzjoni bejn l-ITER u l-Programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Euratom għall-perjodu 2021-2025,
– jikkunsidra kooperazzjoni ma' atturi xekkiela privati żgħar u ta' daqs medju, bħal negozji ġodda li jesperimentaw b'approċċi u teknoloġiji ġodda, fil-programm ta' riċerka u n-netwerk tal-organizzazzjonijiet innominati fil-qasam tar-riċerka tal-fużjoni xjentifika u teknoloġika,
– jiċċara d-dispożizzjonijiet dwar ir-rapporti u l-valutazzjonijiet annwali mfassla mill-Impriża Konġunta,
– jinkludi fil-proposta rakkomandazzjoni biex jiġi investigat l-użu ulterjuri possibbli tal-materjali li attwalment qegħdin jintużaw fil-proġett ITER;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58.
NOTA SPJEGATTIVA
1. L-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni ("F4E")
L-impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni ("F4E") ġiet stabbilita għal perjodu ta' 35 sena li bdew mid-19 ta' April 2007. Din inħolqot taħt it-Trattat Euratom permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sabiex jintlaħqu tliet objettivi:
(a) li tipprovdi l-kontribuzzjoni tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) lill-Organizzazzjoni Internazzjonali ITER għall-Enerġija mill-Fużjoni;
(b) li tipprovdi l-kontribuzzjoni tal-Euratom għal attivitajiet ta' approċċ usa' mal-Ġappun għar-realizzazzjoni rapida tal-enerġija mill-fużjoni;
(c) li tħejji u tikkoordina programm ta' attivitajiet bi tħejjija għall-bini ta' reattur tal-fużjoni ta' dimostrazzjoni u faċilitajiet relatati inkluża l-Faċilità Internazzjonali ta' Irradjazzjoni ta' Materjali ta' Fużjoni (IFMIF).
L-Impriża Konġunta (F4E) hija responsabbli biex tipprovdi l-kontribuzzjoni tal-Ewropa għall-ITER, l-akbar sħubija xjentifika fid-dinja li għandha l-għan li turi l-fużjoni bħala sors ta' enerġija vijabbli u sostenibbli. L-ITER tiġbor flimkien seba' partijiet li jirrappreżentaw nofs il-popolazzjoni tad-dinja – l-UE, ir-Russja, il-Ġappun, iċ-Ċina, l-Indja, il-Korea t'Isfel u l-Istati Uniti.
Bħala l-Parti Ospitanti tal-proġett skont il-Ftehim ITER, l-Ewropa għandha impenn legali aktar b'saħħtu u qed tmexxi dan il-proġett b'sehem ta' 45 % tal-ispejjeż tal-kostruzzjoni (l-ishma l-oħra tal-Membri tal-ITER huma madwar 9 % kull wieħed) biex tiżgura t-tlestija fil-ħin tal-kostruzzjoni.
2. Il-kuntest tal-proposta tal-Kummissjoni
Il-proposta attwali tfittex li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom billi tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxilha vantaġġi biex tipprovdi l-bażi għall-finanzjament tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta għall-perjodu 2021-2027 skont it-Trattat Euratom.
Din id-Deċiżjoni għandha tikkostitwixxi l-att bażiku għall-perjodu kopert mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss u għandha tkun il-bażi għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet finanzjarji annwali. Dawn id-deċiżjonijiet se jippermettu lill-Kummissjoni tittrasferixxi l-fondi lill-F4E matul il-perjodu 2021-2027.
Il-kontribuzzjoni indikattiva tal-Euratom għall-Impriża Konġunta għall-perjodu 2021-2027 u n-nefqa ta' appoġġ relatata għall-istess perjodu huma stabbiliti għal EUR 6 070 000 000 (f'valuri attwali).
3. Il-pożizzjoni tar-Rapporteur
Ir-rapporteur jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom. Il-proposta se tipprovdi kontinwità għall-proġett, b'mod partikolari fil-konfront tas-sħab internazzjonali, u se tiżgura l-finanzjament tal-ITER għat-tul kollu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.
Billi l-bażi ġuridika tal-proposta tal-Kummissjoni hija l-Artikoli 47 u 48 tat-Trattat Euratom, ma hemm l-ebda obbligu għall-Kunsill li jikkonsulta l-Parlament Ewropew. Għalhekk, il-Parlament Ewropew iddeċieda li jesprimi l-pożizzjoni tiegħu permezz ta' rapport fuq inizjattiva proprja.
Ir-rapporteur jistieden lill-Kunsill japprova l-proposta tal-Kummissjoni filwaqt li jintroduċi għadd ta' modifiki. Minħabba l-kamp ta' applikazzjoni limitat tal-proposta tal-Kummissjoni, ir-rapporteur qed jipproponi wkoll xi modifiki ta' natura aktar ġenerali li mhumiex marbuta biss mal-finanzjament tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta matul il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
21.11.2018 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
49 11 3 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Zigmantas Balčytis, Bendt Bendtsen, Xabier Benito Ziluaga, David Borrelli, Jonathan Bullock, Cristian-Silviu Buşoi, Jerzy Buzek, Edward Czesak, Jakop Dalunde, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Fredrick Federley, Ashley Fox, Adam Gierek, Igor Gräzin, Theresa Griffin, András Gyürk, Rebecca Harms, Barbara Kappel, Krišjānis Kariņš, Jaromír Kohlíček, Peter Kouroumbashev, Zdzisław Krasnodębski, Miapetra Kumpula-Natri, Christelle Lechevalier, Janusz Lewandowski, Paloma López Bermejo, Edouard Martin, Tilly Metz, Angelika Mlinar, Csaba Molnár, Nadine Morano, Dan Nica, Angelika Niebler, Morten Helveg Petersen, Miroslav Poche, Carolina Punset, Massimiliano Salini, Algirdas Saudargas, Neoklis Sylikiotis, Dario Tamburrano, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Vladimir Urutchev, Kathleen Van Brempt, Henna Virkkunen, Lieve Wierinck, Hermann Winkler, Anna Záborská, Flavio Zanonato, Carlos Zorrinho |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Amjad Bashir, Soledad Cabezón Ruiz, Françoise Grossetête, Werner Langen, Olle Ludvigsson, Marian-Jean Marinescu, Clare Moody, Dennis Radtke, Davor Škrlec |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Michael Detjen, Bolesław G. Piecha, Bronis Ropė |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
49 |
+ |
|
ALDE |
Fredrick Federley, Morten Helveg Petersen, Lieve Wierinck |
|
ECR |
Amjad Bashir, Edward Czesak, Ashley Fox, Zdzisław Krasnodębski, Bolesław G. Piecha, Evžen Tošenovský |
|
ENF |
Barbara Kappel, Christelle Lechevalier |
|
GUE/NGL |
Jaromír Kohlíček |
|
PPE |
Bendt Bendtsen, Cristian-Silviu Buşoi, Jerzy Buzek, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Françoise Grossetête, András Gyürk, Krišjānis Kariņš, Werner Langen, Janusz Lewandowski, Marian-Jean Marinescu, Nadine Morano, Angelika Niebler, Dennis Radtke, Massimiliano Salini, Algirdas Saudargas, Vladimir Urutchev, Henna Virkkunen, Hermann Winkler, Anna Záborská |
|
S&D |
Zigmantas Balčytis, Soledad Cabezón Ruiz, Michael Detjen, Adam Gierek, Theresa Griffin, Peter Kouroumbashev, Miapetra Kumpula-Natri, Olle Ludvigsson, Edouard Martin, Csaba Molnár, Clare Moody, Dan Nica, Miroslav Poche, Patrizia Toia, Kathleen Van Brempt, Flavio Zanonato, Carlos Zorrinho |
|
11 |
- |
|
EFDD |
Jonathan Bullock, Dario Tamburrano |
|
GUE/NGL |
Xabier Benito Ziluaga, Paloma López Bermejo, Neoklis Sylikiotis |
|
NI |
David Borrelli |
|
VERTS/ALE |
Jakop Dalunde, Rebecca Harms, Tilly Metz, Bronis Ropė, Davor Škrlec |
|
3 |
0 |
|
ALDE |
Igor Gräzin, Angelika Mlinar, Carolina Punset |
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni