RAPPORT dwar l-integrazzjoni differenzjata
27.11.2018 - (2018/2093(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Rapporteur: Pascal Durand
Rapporteur għal opinjoni (*):Doru-Claudian Frunzulică, Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-integrazzjoni differenzjata
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tal-1 ta' Marzu 2017 dwar il-ġejjieni tal-Ewropa: riflessjonijiet u xenarji għall-UE27 sal-2025 (COM(2017)2025), u d-dokumenti ta' riflessjoni ta' akkumpanjament dwar il-ġejjieni tal-finanzi tal-UE, dwar il-ġejjieni tad-Difiża Ewropea, dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, dwar il-ġestjoni tal-globalizzazzjoni u dwar id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar problemi kostituzzjonali ta’ governanza b’diversi livelli fl-Unjoni Ewropea[3],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0402/2018),
A. billi l-integrazzjoni differenzjata hija kunċett polisemiku li jista' jiddefinixxi diversi fenomeni mil-lat kemm politiku kif ukoll tekniku;
B. billi l-proċessi tal-integrazzjoni fl-UE huma kkaratterizzati minn żieda qawwija fl-għadd u d-diversità ta' sitwazzjonijiet li jinvolvu integrazzjoni differenzjata, kemm fil-kuntest ta' leġiżlazzjoni primarja kif ukoll dik sekondarja;
C. billi l-perċezzjonijiet politiċi tal-integrazzjoni differenzjata jvarjaw b'mod sinifikanti skont il-kuntest nazzjonali; billi f'xi Stati Membri li ilhom membri tal-Unjoni minn iżjed żmien, jista' jkollha konnotazzjonijiet pożittivi u tista' tiġi assoċjata mal-idea li jinħoloq "grupp pijunier" imfassal biex joħloq aktar progress rapidu fit-tisħiħ tal-integrazzjoni, filwaqt li fl-Istati Membri li ssieħbu fl-Unjoni fi żmien aktar reċenti, din ta' spiss tinħass bħala perkors li jwassal għall-ħolqien ta' Stati Membri tal-ewwel u tat-tieni klassi;
D. billi l-integrazzjoni differenzjata tirreferi wkoll għal firxa wiesgħa ta' mekkaniżmi differenti, li kull wieħed minnhom għandu impatt differenti ħafna fuq l-integrazzjoni Ewropea; billi wieħed jista' jagħmel distinzjoni bejn id-differenzjazzjoni temporali, jew Ewropa b'veloċitajiet differenti, fejn l-għanijiet huma l-istess iżda ż-żmien meħtieġ biex jintlaħqu jvarja, id-differenzjazzjoni tal-modi, jew Europe à la carte, u d-differenzjazzjoni spazjali, spiss iddefinita "ġeometrija varjabbli";
E. billi d-differenzjazzjoni kienet karatteristika stabbli tal-integrazzjoni Ewropea, mhux biss fl-oqsma li fihom l-UE għandha kompetenzi, iżda anke f'oqsma oħra, u xi kultant ippermettiet li t-tisħiħ u t-twessigħ tal-UE jiġu segwiti b'mod simultanju; billi, b'konsegwenza ta' dan, wieħed ma jistax jopponi d-differenzjazzjoni u l-integrazzjoni, u lanqas ma jista' jippreżenta d-differenzjazzjoni bħala triq innovattiva għall-ġejjieni tal-Unjoni;
F. billi, jekk l-integrazzjoni differenzjata tista' tkun soluzzjoni pragmatika biex tixpruna 'l quddiem l-integrazzjoni Ewropea, din għandha tintuża b'kawtela u fi ħdan limiti ddefiniti b'mod strett, fid-dawl tar-riskju tal-frammentazzjoni tal-Unjoni u tal-qafas istituzzjonali tagħha; billi l-għan aħħari tal-integrazzjoni differenzjata għandu jkun li tiġi promossa l-inklużjoni u mhux l-esklużjoni tal-Istati Membri;
G. billi l-esperjenza turi li filwaqt li l-interdipendenza tikkostitwixxi fattur ta' integrazzjoni, il-politiċizzazzjoni tagħmilha sikwit ta' ostakolu għaliha; billi, b'konsegwenza ta' dan, l-oqsma politiċi tal-UE bi grad akbar ta' integrazzjoni bħall-armonizzazzjoni u r-regolamentazzjoni tas-suq intern huma, fil-biċċa l-kbira tagħhom, dawk l-inqas politiċizzati, filwaqt li l-integrazzjoni differenzjata tidher interessanti aktar għal dawk l-oqsma kkaratterizzati minn polarizzazzjoni politika għolja, bħall-politika monetarja, id-difiża, il-kontroll tal-fruntieri, id-drittijiet fundamentali jew it-tassazzjoni;
H. billi l-istabbiliment ta' rabtiet politiċi u ta' interdipendenza bejn l-Istati Membri jagħti kontribut deċiżiv għall-integrazzjoni tagħhom fi ħdan l-Unjoni;
I. billi t-Trattati jipprevedu l-possibbiltà għall-Istati Membri biex iwettqu perkorsi differenti ta' integrazzjoni, jiġifieri permezz ta' kooperazzjoni msaħħa (l-Artikolu 20 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE)) u kooperazzjoni strutturata permanenti (l-Artikolu 46 tat-TUE) mingħajr, madankollu, ma jinkludu dispożizzjonijiet għal flessibbiltà permanenti jew integrazzjoni differenzjata bħala għan jew prinċipju fit-tul tal-integrazzjoni Ewropea; billi dawn il-perkorsi differenti tal-integrazzjoni għandhom jiġu applikati biss għal għadd limitat ta' politiki, għandhom ikunu inklużivi, sabiex l-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jieħdu sehem, u ma għandhomx idgħajfu l-proċess tal-ħolqien ta' Unjoni dejjem eqreb kif preskritt fl-Artikolu 1 tat-TUE;
billi, barra minn hekk, kooperazzjoni msaħħa skont il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni issa hija realtà, li tikkontribwixxi għall-bini ta' Unjoni Ewropea tad-Difiża ġenwina;
J. billi bl-eċċezzjoni tat-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji, il-każijiet eżistenti kollha ta' integrazzjoni differenzjata setgħu ġew adottati fil-Kunsill permezz ta' votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata kieku dan kien previst fl-Artikolu 329(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) minflok l-unanimità;
K. billi xi forom ta' integrazzjoni differenzjata jista' jkollhom effetti ċentripeti, billi jattiraw aktar Stati Membri biex jissieħbu fl-inizjattiva fi stadju aktar tard;
L. billi l-proċess tad-differenzazzjoni wassal għall-ħolqien ta' inizjattivi fi ħdan il-qafas ġuridiku tal-UE, iżda anke għal xi arranġamenti ġuridiċi intergovernattivi aktar flessibbli, li wasslu għall-ħolqien ta' sistema kumplessa inkomprensibbli għaċ-ċittadini;
M. billi l-Istati Membri mhumiex l-uniċi atturi potenzjali tal-integrazzjoni differenzjata; billi r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar ir-raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) diġà jippermetti l-kooperazzjoni transnazzjonali fuq il-bażi ta' interess komuni;
1. Jinsisti fuq il-fatt li d-dibattitu dwar l-integrazzjoni differenzjata ma għandux ikun dwar l-argument favur id-differenzjazzjoni u dak kontra, iżda dwar l-aħjar mod għat-tħaddim tal-integrazzjoni differenzjata – li diġà hija realtà politika– fi ħdan il-qafas istituzzjonali tal-UE fl-aħjar interessi tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha;
2. Ifakkar fil-konklużjonijiet tiegħu li l-istrutturi u l-proċessi deċiżjonali intergovernattivi jżidu l-kumplessità tar-responsabbiltà istituzzjonali, inaqqsu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont demokratiku u li, għall-funzjonament tal-Unjoni, il-metodu Komunitarju huwa l-aħjar wieħed;
3. Iqis li l-integrazzjoni differenzjata għandha tirrifletti l-idea li l-Ewropa ma taħdimx abbażi ta' approċċ ta' universalità u għandha tadatta ruħha għall-ħtiġijiet u għax-xewqat taċ-ċittadini tagħha; jemmen li xi kultant id-differenzjazzjoni tista' tkun meħtieġa sabiex jinbdew proġetti Ewropej ġodda u jingħeleb l-impass li jirriżulta minn ċirkostanzi politiċi nazzjonali mhux relatati mal-proġett komuni; jemmen, barra minn hekk, li din għandha tintuża b'mod pragmatiku bħala għodda kostituzzjonali biex tiġi żgurata l-flessibbiltà mingħajr ma jiddgħajjef l-interess ġenerali tal-Unjoni u d-drittijiet u l-opportunitajiet ugwali taċ-ċittadini tagħha; itenni li d-differenzjazzjoni għandha titqies biss bħala pass temporanju fil-perkors lejn tfassil ta' politika aktar effettiv u integrat;
4. Iqis li l-Kunsill tal-Ewropa għandu jieħu ż-żmien li jeħtieġ biex isawwar l-aġenda Ewropea billi juri l-benefiċċju ta' azzjonijiet komuni u jipprova jikkonvinċi lill-Istati Membri kollha biex jieħdu sehem fihom; jenfasizza li kwalunkwe tip ta' integrazzjoni differenzjata li jintlaħaq qbil dwarha hija għalhekk it-tieni l-aħjar għażla, u mhux prijorità strateġika;
5. Itenni l-konvinzjoni tiegħu li, kif previst fl-Artikoli 20 u 46 tat-TUE, l-integrazzjoni differenzjata trid tibqa' miftuħa għall-Istati Membri kollha u trid tibqa' sservi bħala eżempju ta' integrazzjoni Ewropea aktar b'saħħitha fejn l-ebda Stat Membru ma jitħalla barra minn politika fit-tul, u ma għandhiex titqies bħala mezz biex jiġu ffaċilitati soluzzjonijiet à la carte li jheddu li jdgħajfu l-metodu tal-Unjoni u s-sistema istituzzjonali tal-UE;
6. Jafferma li kwalunkwe forma ta' inizjattiva relatata mad-differenzjazzjoni li twassal għall-ħolqien ta' Stati Membri tal-Unjoni tal-ewwel u tat-tieni klassi, jew għall-perċezzjoni ta' dan, tkun falliment politiku kbir b'konsegwenzi detrimentali għall-proġett tal-UE;
7. Jappella biex kwalunkwe mudell ta' integrazzjoni differenzjata jitfassal b'tali mod li jingħataw inċentivi u appoġġ lill-Istati Membri li jaspiraw għal "inklużjoni fakultattiva" fl-isforzi tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam ma' żvilupp u konverżjoni mil-lat ekonomiku bil-ħsieb li jissodisfaw il-kriterji meħtieġa fi żmien raġonevoli;
8. Iqis li tweġiba xierqa għall-ħtieġa ta' għodod flessibbli hija li tiġi indirizzata waħda mill-kawżi tal-problema; jitlob, għalhekk, li ssir bidla ulterjuri fil-proċeduri tal-votazzjoni tal-Kunsill mill-unanimità għall-maġġoranza kwalifikata, billi tagħmel possibbli l-użu ta' "klawżola passerelle" (l-Artikolu 48(7) tat-TUE);
9. Jemmen li l-integrazzjoni differenzjata għandha ssir dejjem fi ħdan id-dispożizzjonijiet tat-Trattati, għandha żżomm l-għaqda tal-istituzzjonijiet tal-UE u ma għandhiex twassal għall-ħolqien ta' arranġamenti istituzzjonali paralleli jew arranġamenti li indirettament imorru kontra l-ispirtu u l-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, iżda minflok għandha tippermetti li jiġu stabbiliti korpi speċifiċi fejn xieraq, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi u għar-rwol tal-istituzzjonijiet tal-UE; jirrimarka li l-flessibbiltà u l-adattament għall-ispeċifiċitajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali jistgħu jiġu żgurati wkoll permezz ta' dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni sekondarja;
10. Jenfasizza li l-integrazzjoni differenzjata ma għandhiex twassal għal proċessi kumplessi ta' teħid tad-deċiżjonijiet li jdgħajfu l-obbligu ta' rendikont demokratiku tal-istituzzjonijiet tal-UE;
11. Iqis il-Brexit bħala opportunità biex, minn mudelli ta' "esklużjoni fakultattiva", nimxu lejn mudelli nondiskriminatorji u solidali ta' "inklużjoni fakultattiva"; jenfasizza li dawn il-mudelli ta' "inklużjoni fakultattiva" ma jillimitawx il-progress lejn "għaqda dejjem akbar" għall-aktar denominatur komuni baxx ta' soluzzjoni waħda għal kulħadd, iżda jippermettu l-flessibbiltà meħtieġa għall-progress filwaqt li jitħalla l-bieb miftuħ għall-Istati Membri li jkunu lesti u kapaċi jissodisfaw il-kriterji meħtieġa;
12. Jitlob li r-reviżjoni li jmiss tat-Trattat iġġib ordni fil-proċess attwali tad-differenzjazzjoni billi ttemm il-prattika ta' nonparteċipazzjonijiet u eċċezzjonijiet permanenti mid-dritt primarju tal-Unjoni għal Stati Membri individwali, peress li dawn iwasslu għal differenzjazzjoni negattiva fid-dritt primarju tal-Unjoni, ixekklu l-omoġeneità tad-dritt tal-Unjoni b'mod ġenerali u jipperikolaw il-koeżjoni soċjali tal-UE;
13. Jirrikonoxxi, madankollu, li xi perjodi tranżitorji jistgħu jkunu meħtieġa għal membri ġodda fuq bażi strettament eċċezzjonali, temporanja u ta' każ b'każ; jinsisti fuq il-fatt li għandhom jiġu introdotti ċerti dispożizzjonijiet legali ċari u infurzabbli sabiex tiġi evitata t-tkomplija ta' dawn il-perjodi;
14. Jinsisti, għalhekk, li mbagħad is-sħubija tal-UE tkun tirrikjedi konformità sħiħa mad-dritt primarju tal-Unjoni fl-oqsma ta' politika kollha, filwaqt li dawk il-pajjiżi li jixtiequ relazzjoni mill-qrib mal-UE mingħajr ma jkunu lesti li jimpenjaw ruħhom biex jikkonformaw bis-sħiħ mal-liġi primarja u li jew mhux se jissieħbu jew ma jistgħux jissieħbu fl-UE għandhom jiġu offruti xi forma ta' sħubija; iqis li din ir-relazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn obbligi li jikkorrispondu għad-drittijiet rispettivi, bħal kontribuzzjoni għall-baġit tal-UE, u għandha tkun kontinġenti fir-rigward tal-aderenza mal-valuri fundamentali tal-Unjoni, mal-istat tad-dritt u, fir-rigward tal-parteċipazzjoni fis-suq intern, mal-erba' libertajiet;
15. Jissottolinja l-fatt li r-rispett u s-salvagwardja tal-valuri fundamentali tal-UE huma l-pedament tal-Unjoni Ewropea, komunità msejsa fuq il-valuri, u jgħaqqdu lill-Istati Membri flimkien; iqis, għalhekk, li d-differenzjazzjoni ma għandhiex tkun permissibbli fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet u l-valuri fundamentali eżistenti stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE; jinsisti, barra minn hekk, li d-differenzjazzjoni ma għandhiex tkun possibbli f'oqsma ta' politika fejn l-Istati Membri mhux parteċipanti jistgħu joħolqu esternalitajiet negattivi, bħal dumping ekonomiku u soċjali; jitlob li l-Kummissjoni teżamina bir-reqqa l-effetti ċentrifuġi potenzjali, inkluż fit-terminu twil, meta tressaq il-proposti tagħha għal kooperazzjoni msaħħa;
16. Ifakkar fir-rakkomandazzjoni tiegħu sabiex tiġi definita sħubija bil-għan li tiġi stabbilita għaqda ta' sħab madwar l-UE għall-istati li ma jistgħux jew mhux se jissieħbu fl-Unjoni, iżda li madankollu jixtiequ relazzjoni mill-qrib mal-UE[4];
17. Jissuġġerixxi li, wara ċertu numru ta' snin, meta titnieda kooperazzjoni msaħħa minn għadd ta' stati li jirrappreżentaw maġġoranza kkwalifikata fil-Kunsill u wara li jinkiseb il-kunsens tal-Parlament, tiġi stabbilita proċedura speċjali li tippermetti l-integrazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni msaħħa fl-acquis tal-UE;
18. Jissottolinja l-fatt li l-flessibbiltà u d-differenzjazzjoni għandhom jimxu id f'id mat-tisħiħ ta' regoli komuni f'oqsma ewlenin sabiex jiġi żgurat li d-differenzjazzjoni ma twassalx għal frammentazzjoni politika; iqis, għalhekk, li qafas istituzzjonali Ewropej ġejjieni għandu jinkludi Pilastri Ewropej inevitabbli dwar id-drittijiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u ambjentali;
19. Jirrikonoxxi l-fatt li l-kooperazzjoni reġjonali taqdi rwol importanti fit-tisħiħ tal-integrazzjoni Ewropea u jqis li l-iżvilupp ulterjuri tagħha għandu potenzjal b'saħħtu biex jikkonsolida u jsaħħaħ l-integrazzjoni billi din tiġi adattata għall-ispeċifiċitajiet lokali u għar-rieda ta' kooperazzjoni;
20. Jissuġġerixxi li għandhom jiġu żviluppati għodod adattati fi ħdan id-dritt tal-Unjoni u baġit stabbilit għall-ittestjar ta' inizjattivi transkonfinali fi ħdan l-UE dwar kwistjonijiet ta' interess għall-UE kollha, li eventwalment ikunu jistgħu jinbidlu fi proposti leġiżlattivi jew f'każijiet ta' kooperazzjoni msaħħa;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
NOTA SPJEGATTIVA
L-integrazzjoni differenzjata fl-UE tassumi forom differenti ħafna: nonparteċipazzjonijiet, inizjattivi ta' kooperazzjoni msaħħa, kooperazzjoni strutturata permanenti u formazzjonijiet intergovernattivi barra mill-qafas tat-Trattat. Fil-fatt, il-firxa wiesgħa ta' soluzzjonijiet flessibbli li jippermettu lil xi Stati Membri jipproċedu b'integrazzjoni aktar profonda f'ċerti oqsma politiċi tant saret varjata li qed issir dejjem aktar diffiċli għaċ-ċittadini Ewropej, iżda wkoll għad-deċiżuri politiċi, jidentifikaw il-każijiet kollha ta' integrazzjoni differenzjata u joħorġu sens minnhom.
Madankollu, l-integrazzjoni differenzjata mhijiex fenomenu ġdid. Id-diskussjonijiet dwar il-possibbiltà tal-integrazzjoni differenzjata bdew saħansitra fis-sebgħinijiet u qabdu ritmu mgħaġġel fid-disgħinijiet biex intlaħaq wieħed mill-eżempji prinċipali ta' differenzjazzjoni – il-ħolqien tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja fl-1993. Minn dak iż-żmien, il-firxa wiesgħa ta' soluzzjonijiet flessibbli ħadet bixriet ferm differenti u llum tkopri ħames forom ta' nonparteċipazzjonijiet[1], żewġ forom maqbula ta' kooperazzjoni msaħħa[2] u tlieta oħra għadhom ġejjin[3], il-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) skont l-Artikolu 46 tat-TUE u l-kooperazzjoni intergovernattiva permezz tal-Organizzazzjoni Ewropea għar-Riċerka Nukleari u tal-Aġenzija Spazjali Ewropea.
L-integrazzjoni differenzjata tista' titqies strument tajjeb biex iqarreb id-distakk bejn il-varji opinjonijiet politiċi fl-Ewropa, iżda tqajjem ukoll kwistjonijiet importanti f'termini politiċi, ġuridiċi u istituzzjonali. L-ewwel waħda tikkonċerna l-mod kif jinstab bilanċ bejn is-soluzzjonijiet flessibbli u l-unità tal-Unjoni. It-tieni waħda tikkunsidra l-għażla bejn arranġamenti intergovernattivi u ġuridiċi aktar flessibbli u l-omoġeneità tad-dritt tal-Unjoni. It-tielet waħda tistaqsi jekk hemmx bżonn li jinħolqu istituzzjonijiet separati għall-forom ta' integrazzjoni differenzjata jew li tinżamm l-unità istituzzjonali tal-UE.
Filwaqt li l-integrazzjoni differenzjata tista' titqies bħala strument pożittiv biex l-integrazzjoni Ewropea timxi 'l quddiem bir-ritmu u fil-forma l-aktar adegwati għall-klima politika tal-lum, l-użu tagħha u l-forom li tista' tassumi għandhom ikunu semplifikati u razzjonalizzati sabiex titjieb il-leġittimità demokratika tagħha.
Kjarifika tal-kunċett ta' integrazzjoni differenzjata
Il-kunċett ta' integrazzjoni differenzjata għandu bosta tifsiriet ta' natura teknika u politika. Mil-lat tekniku, wieħed jista' jagħmel distinzjoni bejn id-differenzjazzjoni temporali (imsemmija spiss bħala Ewropa b'veloċitajiet differenti: l-istess għanijiet iżda ż-żmien meħtieġ biex jintlaħqu huwa differenti), id-differenzjazzjoni tal-modi (Europe à la carte, li tfisser parteċipazzjoni f'politiki ta' interess mingħajr ma jkun hemm il-ħsieb li fl-aħħar jintlaħaq l-istess għan għal kulħadd) u d-differenzjazzjoni spazjali (ġeometrija varjabbli li tista' ddum fiż-żmien u hija aktar ta' natura ġeografika). Dawn l-istrumenti kollha jistgħu jkunu definiti bħala "differenzjazzjoni" iżda għandhom impatt differenti ħafna fuq l-UE.
Ir-retorika politika dwar id-differenzjazzjoni wkoll issegwi mudelli differenti. Meta tintuża minn dawk l-Istati Membri b'popolazzjoni kbira jew li ilhom żmien itwal membri tal-Unjoni, sikwit tinħass bħal turija tar-rieda jew tad-disponibbiltà tagħhom favur l-approfondiment tal-proċess ta' integrazzjoni tal-UE, u dawn il-gruppi ta' Stati Membri spiss iqisu lilhom infushom "pijunieri". Bil-maqlub, l-integrazzjoni differenzjata spiss tinħass, speċjalment fl-Istati Membri li ngħaqdu mal-Unjoni fi żmien aktar reċenti, bħal perkors li jwassal għall-ħolqien ta' Stati Membri tal-ewwel jew tat-tieni klassi.
Fil-fehma tar-rapporteur, id-differenzjazzjoni għandha tirrifletti l-idea li l-Ewropa ma taħdimx abbażi ta' approċċ universali għal kollox u għal kulħadd, iżda tista' tadatta ruħha għall-bżonnijiet u għax-xewqat taċ-ċittadini tagħha. Għalhekk, id-differenzjazzjoni għandha tkun strument kostituzzjonali biex jiggarantixxi flessibbiltà meta hemm bżonn mingħajr ma jkunu kompromessi s-sistema politika kollha kemm hi u l-ugwaljanza bejn iċ-ċittadini.
Il-bżonn ta' differenzjazzjoni
• L-integrazzjoni differenzjata hija integrazzjoni:
Diversi studji juru li d-differenzjazzjoni mxiet pari passu mal-approfondiment u mat-tkabbir tal-integrazzjoni tal-UE. Infatti, id-differenzjazzjoni ssaħħet u kkonsolidat ruħha hekk kif żdiedu s-setgħat, il-kamp ta' applikazzjoni tal-politiki u n-numru ta' membri ġodda ma' kull tkabbir. Għaldaqstant, filwaqt li spiss hija deskritta, b'mod żbaljat, bħala perkors pragmatiku u temporanju lejn il-konverġenza tal-politiki, ir-realtà turi li effettivament mhijiex eċċezzjoni iżda karatteristika "normali" tal-integrazzjoni tal-UE.
Għalhekk id-dibattitu ma għandux ikun dwar l-argument favur id-differenzjazzjoni u dak kontra, iżda dwar il-mod kif tkun organizzata d-differenzjazzjoni fi ħdan l-UE, x'tip ta' mekkaniżmi huma aċċettabbli, f'liema kundizzjonijiet u f'liema setturi.
• L-integrazzjoni differenzjata għelbet l-ostakli f'oqsma politiċizzati ħafna
Meta jiġu eżaminati l-oqsma politiċi u l-varjazzjoni tagħhom f'termini ta' differenzjazzjoni, dak li jkun jista' josserva li l-interdipendenza tagħmilha ta' xprun għall-integrazzjoni iżda l-politiċizzazzjoni spiss tagħmilha ta' ostaklu għall-integrazzjoni. Il-konsegwenza ta' din l-osservazzjoni hija li d-differenzjazzjoni għandha tendenza li tinbet f'każijiet ta' interdipendenza għolja u ta' politiċizzazzjoni għolja.
Dan jispjega wkoll kif it-tipi ta' differenzjazzjoni fl-UE evolvew maż-żmien. Qabel it-tmeninijiet, kellna differenzjazzjoni vertikali (varjazzjoni tal-livell ta' ċentralizzazzjoni f'ċerti oqsma politiċi iżda fit-territorju kollu tal-UE) iżda ma kellna l-ebda differenzjazzjoni orizzontali (l-istess grad ta' ċentralizzazzjoni iżda varjazzjoni tat-territorju li fuqu tapplika l-politika). L-integrazzjoni orizzontali kibret mal-livell ta' politiċizzazzjoni tat-temi u mat-tkabbir tal-UE.
Ir-riżultat huwa li, filwaqt li l-UE għandha politiki integrati ħafna f'dak li jirrigwarda qasam ftit politiċizzat, bħall-armonizzazzjoni tal-beni u r-regolamentazzjoni tas-suq, hija għandha politiki differenzjati ħafna f'oqsma politiċi ewlenin, bħall-politiki monetarji, id-difiża u l-affarijiet barranin, id-drittijiet fundamentali, it-tassazzjoni, l-affarijiet soċjali, eċċ.
L-isfidi tal-integrazzjoni differenzjata
1) Il-bżonn ta' differenzjazzjoni spiss huwa spjegat b'mod proċedurali mill-bżonn li tintlaħaq deċiżjoni unanima fi ħdan il-Kunsill. Tabilħaqq, għajr għat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, il-każijiet differenti kollha ta' kooperazzjoni msaħħa setgħu ġew adottati b'maġġoranza kwalifikata. Huwa utli li jiġi nnutat li wħud mill-kooperazzjonijiet imsaħħa jsiru biss biex ikun evitat il-veto ta' żewġ Stati Membri biss (fil-privattiva unitarja Ewropea jipparteċipaw 26 Stat Membru!).
2) Id-differenzjazzjoni saret f'setturi li huma aktar "politiċi": id-drittijiet fundamentali, iż-żona Schengen, iż-żona tal-euro, it-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji. L-oqsma inqas politiċizzati wasslu għal politiki integrati (ir-regoli tas-suq intern, eċċ.). Madankollu, f'entità politika interdipendenti, interkonnessa u demokratika, bħall-UE, id-differenzjazzjoni ma tistax tkun aċċettabbli fl-oqsma kollha.
3) Ċerti forom ta' differenzjazzjoni kellhom effetti ċentripeti, u rriżultaw f'numru akbar ta' Stati Membri parteċipanti, iżda oħrajn jistgħu jkollhom effetti ċentrifuġi jekk joħolqu effett "deadweight" billi jagħtu l-possibbiltà lill-Istati Membri mhux parteċipanti jkollhom effett negattiv fuq l-Istati Membri parteċipanti.
4) Il-proċess kumplessiv tad-differenzjazzjoni wassal għall-ħolqien ta' ċerti strumenti fi ħdan il-qafas tat-Trattat (ftit inizjattivi ta' kooperazzjoni msaħħa, PESCO, eċċ.) iżda wkoll barra mit-Trattat (soluzzjonijiet intergovernattivi). Dan ġab miegħu sistemi kumplessi u inkomprensibbli għaċ-ċittadini, li jnaqqsu r-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet pubbliċi. Fost il-problemi wara dawn l-arranġamenti intergovernattivi barra mill-qafas tat-Trattat dwar l-UE hemm in-nuqqas ta' skrutinju parlamentari, peress li l-involviment tal-Parlament huwa essenzjali biex tkun żgurata l-leġittimità demokratika.
It-triq 'il quddiem
Mingħajr bidla fit-Trattat:
1) L-ewwel pass biex il-problemi jissolvew minn għeruqhom u jonqos il-bżonn ta' integrazzjoni differenzjata huwa li titneħħa r-regola tal-unanimità fl-oqsma kollha possibbli. Dan jista' jsir billi jsir użu mill-klawsola "passerelle" (l-Artikolu 48(7) tat-TUE) li tista' tawtorizza lill-Kunsill juża l-vot b'maġġoranza kwalifikata "VMK" minflok l-unanimità f'każijiet applikabbli meta t-Trattati attwalment jirrikjedu l-unanimità.
2) Id-derogi mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat ma għandhomx jibqgħu jkunu possibbli inkwantu huma forom ta' differenzjazzjoni negattiva. Minflok ma grupp ta' Stati Membri jimxu 'l quddiem fl-integrazzjoni Ewropea, id-derogi jippermettu lill-Istati Membri jimxu lura lejn inqas integrazzjoni. Għaldaqstant, għandhom ikunu eliminati.
3) Jekk id-differenzjazzjoni hija kultant il-prezz li jitħallas għall-integrazzjoni, id-demokrazija qatt ma għandha tkun il-prezz li jitħallas għad-differenzjazzjoni. Għaldaqstant, id-differenzjazzjoni ma għandhiex twassal għal proċessi deċiżjonali aktar kumplessi li jikkompromettu r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-UE. Mod kif dan jista' jiġi garantit huwa li jkun żgurat li d-differenzjazzjoni ssir dejjem fi ħdan il-qafas tat-Trattati, sew jekk tkun kooperazzjoni msaħħa (Art. 20 tat-TUE) sew jekk tkun kooperazzjoni strutturata permanenti (Art. 46 tat-TUE).
4) Id-differenzjazzjoni għandha tkun mod ta' kif tintlaqa' l-omoġeneità bejn l-Istati Membri mingħajr ma tirriskja li tikkomprometti l-interess ġenerali. Filwaqt li l-livell insuffiċjenti ta' preparazzjoni (ngħidu aħna, il-kriterji għall-adeżjoni mal-euro jew maż-żona Schengen ma jkunux għadhom ġew sodisfatti) huwa fattur leġittimu biex ikunu previsti soluzzjonijiet temporanji b'veloċitajiet differenti, l-indisponibbiltà ma tistax tkun leġittima f'kull qasam, speċjalment meta tħalli effetti negattivi fuq Stati Membri oħrajn jew fuq l-UE kollha kemm hi.
Barra minn hekk, l-oqsma politiċi li jkunu miftuħa għad-differenzjazzjoni jagħtu ħafna x'tifhem dwar x'tip ta' UE nixtiequ nibnu fil-ġejjieni. Billi l-UE hija spazju demokratiku bbażat fuq valuri u objettivi komuni, ir-rapporteur jemmen li ma għandha tkun possibbli l-ebda differenzjazzjoni f'termini tad-drittijiet u tal-valuri fundamentali eżistenti u f'ambiti li fihom il-membri mhux parteċipanti jipproduċu esternalitajiet negattivi fuq l-oħrajn, bħal dumping soċjali u ekonomiku.
5) L-eżistenza tal-flessibbiltà u tad-differenzjazzjoni, sew permezz tal-kooperazzjoni msaħħa jew bil-leġiżlazzjoni stess (ngħidu aħna meta ċerti speċifiċitajiet jitqiesu f'regolament jew f'direttiva) għandhom imorru pari passu ma' tisħiħ tar-regoli komuni f'oqsma ewlenin, bħall-istat tad-dritt.
6) L-integrazzjoni differenzjata għandha żżomm l-unità tal-istituzzjonijiet tal-UE u għandha tevita li twassal għall-ħolqien ta' arranġamenti istituzzjonali paralleli. Fir-riżoluzzjonijiet reċenti tiegħu, il-Parlament esprima l-fehma tiegħu li l-integrazzjoni differenzjata trid tibqa' miftuħa għall-Istati Membri kollha u tkompli tkun eżempju ta' integrazzjoni Ewropea aktar profonda u mhux mod biex ikunu faċilitati soluzzjonijiet "à la carte" [4].
B'bidla fit-Trattat:
1) Bħala pass lil hinn mil-limiti tat-Trattat eżistenti, ir-rapporteur iqis utli li tkun ikkunsidrata l-possibbiltà li jkunu introdotti żewġ tipi ta' adeżjoni mal-Unjoni: l-adeżjoni sħiħa u l-adeżjoni assoċjata. L-adeżjoni sħiħa tkun tfisser ir-rispett totali tad-dritt primarju u tal-politiki esklużi mill-possibbiltà li titnieda kooperazzjoni msaħħa. Il-membri assoċjati jipparteċipaw biss f'ċerti politiki mingħajr integrazzjoni sħiħa fil-proċessi deċiżjonali tal-UE.
2) Meta Stati Membri li jirrappreżentaw maġġoranza kwalifikata fi ħdan il-Kunsill iniedu kooperazzjoni msaħħa, għandu jkun hemm proċedura speċjali biex din tkun integrata b'mod faċli fl-acquis tal-UE wara li jkun għadda numru ta' snin ta' implimentazzjoni.
3) L-Istati Membri mhumiex u ma għandhomx jitqiesu bħala l-uniku sors potenzjali ta' bżonn ta' differenzjazzjoni u flessibbiltà fl-UE. Għal din ir-raġuni, ir-rapporteur jemmen li, meta l-għoti tal-kompetenzi jippermetti, ir-reġjuni għandhom jitħallew jipparteċipaw f'forom ta' kooperazzjoni msaħħa kif ukoll il-pajjiżi kandidati.
4) It-Trattat għandu jipprevedi strumenti li jittestjaw l-inizjattivi transfruntieri li jafu maż-żmien jissarrfu f'forom ta' kooperazzjoni msaħħa u jinfetħu għall-Istati Membri u/jew għar-reġjuni. Għall-ewwel dawn l-istrumenti jistgħu jinfetħu għal numru iżgħar ta' Stati/reġjuni. Jekk l-inizjattiva tkun waħda pożittiva, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibda proposta leġiżlattiva. Dan ikun jippermetti li l-inizjattivi reġjonali transfruntieri jkunu ttestjati (u ffinanzjati) fi ħdan il-qafas tal-UE.
5) Hemm bżonn li jkun hemm pilastri Ewropej tad-drittijiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u ambjentali li għalihom ma jkunux previsti derogi.
6) Abbażi tal-prattiki tajba osservati fil-mudell federali Awstraljan, jistgħu jkunu previsti forom oħrajn ta' differenzjazzjoni permezz ta' leġiżlazzjonijiet riflessi.
- [1] Ir-Renju Unit u l-Irlanda mill-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja; ir-Renju Unit u d-Danimarka mill-munita unika; ir-Renju Unit u r-Repubblika Ċeka mit-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Kooperazzjoni u l-Governanza; ir-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka miż-żona Schengen; u d-Danimarka mill-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni
- [2] il-Liġi Ewropea dwar il-Privattiva Unitarja u d-Divorzju
- [3] il-Prosekutur Pubbliku, it-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji u r-Regoli dwar il-Pussess ta' Proprjetà Ewropej
- [4] Riżoluzzjoni tas-16 ta' Frar 2017 dwar it-"titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona" (P8_TA-PROV(2017)0049) u riżoluzzjoni tas-16 ta' Frar 2017 dwar "evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea" (P8_TA-PROV(2017)0048)
OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (15.11.2018)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
dwar l-integrazzjoni differenzjata
(2018/2093(INI))
Rapporteur għal opinjoni (*): Doru‑Claudian Frunzulică
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura
SUĠĠERIMENTI
1. Ifakkar fil-konklużjonijiet tiegħu li l-istrutturi u l-proċessi deċiżjonali intergovernattivi jżidu l-kumplessità tar-responsabbiltà istituzzjonali, inaqqsu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont demokratiku u li, għall-funzjonament tal-Unjoni, il-metodu Komunitarju huwa l-aħjar wieħed;
2. Jappella biex il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (ESM) jiġi integrat fil-qafas legali tal-UE; jistenna bil-ħerqa l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tidentifika oqsma ta' votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata sabiex tiġi żgurata leġiżlazzjoni aktar effiċjenti fil-qasam tat-tassazzjoni; jappella biex tinħoloq kariga ta' Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja (EMU); jappella biex, bħala parti mill-qafas finanzjarju pluriennali, tinħoloq linja baġitarja għaż-żona tal-euro li għandha tappoġġja l-implimentazzjoni tal-politiki marbuta magħha;
3. Jilqa' l-progress magħmul f'dawn l-aħħar snin fil-qasam tal-Unjoni Bankarja; ifakkar li jridu jkomplu n-negozjati f'dan ir-rigward biex jitnaqqas ir-riskju u tinkiseb garanzija ta' kontinġenza fiskali għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRF); jappella għal riforma tal-ESM sabiex il-mekkaniżmu jkun jista' jservi bħala garanzija ta' kontinġenza fiskali għall-SRF; jilqa', f'dan ir-rigward, id-dikjarazzjoni magħmula waqt is-Summit taż-Żona tal-Euro fid-29 ta' Ġunju 2018 li tgħid li l-ESM se jservi ta' garanzija ta' kontinġenza komuni għall-SRF u se jkompli jissaħħaħ; jilqa' u jħeġġeġ bis-saħħa l-inizjattivi ta' xi Stati Membri li qed jikkunsidraw il-possibbiltà li jissieħbu fl-Unjoni Bankarja;
4. Jitlob rwol aktar b'saħħtu għall-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali fil-qafas il-ġdid tal-governanza ekonomika biex tissaħħaħ ir-responsabbiltà demokratika;
5. Iqis il-Brexit bħala opportunità biex, minn mudelli ta' "esklużjoni fakultattiva", nimxu lejn mudelli nondiskriminatorji u solidali ta' "inklużjoni fakultattiva"; jenfasizza li dawn il-mudelli ta' "inklużjoni fakultattiva" ma jillimitawx il-progress lejn "għaqda dejjem akbar" għall-aktar denominatur komuni baxx ta' soluzzjoni waħda għal kulħadd, iżda jippermettu l-flessibbiltà meħtieġa għall-progress filwaqt li jitħalla l-bieb miftuħ għall-Istati Membri li jkunu lesti u kapaċi jissodisfaw il-kriterji meħtieġa;
6. Jappella biex kwalunkwe mudell ta' integrazzjoni differenzjata jitfassal b'tali mod li jingħataw inċentivi u appoġġ lill-Istati Membri li jaspiraw għal "inklużjoni fakultattiva" fl-isforzi tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam ma' żvilupp u konverżjoni mil-lat ekonomiku bil-ħsieb li jissodisfaw il-kriterji meħtieġa fi żmien raġonevoli;
7. Jenfasizza l-importanza tal-Fond ta' Koeżjoni u l-Fondi Strutturali għal konverġenza akbar u jieħu nota ta' programmi bħall-Programm ta' Appoġġ għar-Riformi, li l-għan tagħhom hu li jgħinu lill-Istati Membri jissieħbu fiż-żona tal-euro u jadottaw l-euro bħala l-munita tagħhom; jenfasizza l-importanza li għandhom il-fondi ta' investiment u l-BEI fit-tnaqqis tad-diskrepanza fl-investiment fl-UE, fl-appoġġ għall-bini tal-kapaċitajiet u fil-kontribut li jagħtu għall-konverġenza soċjoekonomika fl-Istati Membri u bejniethom permezz ta' sforzi u riżorsi addizzjonali; ifakkar li l-ikkompletar tas-Suq Uniku jservi ta' katalizzatur għall-integrazzjoni ekonomika u l-konverġenza tal-Istati Membri li huwa magħmul minnhom; jistieden lill-Kummissjoni biex, bħala prijorità, issaħħaħ il-leġiżlazzjoni attwali u tħaffef ix-xogħol fuq it-tneħħija tal-ostakli li jista' jkun hemm.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
12.11.2018 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
31 10 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Gerolf Annemans, Hugues Bayet, Pervenche Berès, Markus Ferber, Jonás Fernández, Giuseppe Ferrandino, Stefan Gehrold, Sven Giegold, Brian Hayes, Danuta Maria Hübner, Petr Ježek, Barbara Kappel, Othmar Karas, Werner Langen, Bernd Lucke, Olle Ludvigsson, Gabriel Mato, Alex Mayer, Bernard Monot, Caroline Nagtegaal, Dariusz Rosati, Pirkko Ruohonen-Lerner, Anne Sander, Molly Scott Cato, Pedro Silva Pereira, Peter Simon, Theodor Dumitru Stolojan, Kay Swinburne, Paul Tang, Ramon Tremosa i Balcells, Ernest Urtasun, Marco Valli, Jakob von Weizsäcker, Marco Zanni |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Mady Delvaux, Doru-Claudian Frunzulică, Alain Lamassoure, Paloma López Bermejo, Thomas Mann, Luigi Morgano, Joachim Starbatty, Lieve Wierinck |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
31 |
+ |
|
ALDE |
Petr Ježek, Ramon Tremosa i Balcells, Lieve Wierinck |
|
PPE |
Markus Ferber, Stefan Gehrold, Brian Hayes, Danuta Maria Hübner, Othmar Karas, Alain Lamassoure, Werner Langen, Thomas Mann, Gabriel Mato, Dariusz Rosati, Anne Sander, Theodor Dumitru Stolojan |
|
S&D |
Hugues Bayet, Pervenche Berès, Mady Delvaux, Jonás Fernández, Giuseppe Ferrandino, Doru-Claudian Frunzulică, Olle Ludvigsson, Alex Mayer, Luigi Morgano, Pedro Silva Pereira, Peter Simon, Paul Tang, Jakob von Weizsäcker |
|
VERTS/ALE |
Sven Giegold, Molly Scott Cato, Ernest Urtasun |
|
10 |
- |
|
ECR |
Bernd Lucke, Pirkko Ruohonen-Lerner, Joachim Starbatty, Kay Swinburne |
|
EFDD |
Bernard Monot, Marco Valli |
|
ENF |
Gerolf Annemans, Barbara Kappel, Marco Zanni |
|
GUE/NGL |
Paloma López Bermejo |
|
1 |
0 |
|
ALDE |
Caroline Nagtegaal |
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (6.11.2018)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
dwar l-integrazzjoni differenzjata
(2018/2093(INI))
Rapporteur: Charles Goerens
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Iqis li r-responsabbiltà demokratika hija inseparabbli mir-responsabbiltà baġitarja; jindika li '"galassja" ta' fondi u strumenti, b'parteċipazzjoni varjabbli tal-Istati Membri u firxa diversa ta' proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet u ta' responsabbiltà, tfaċċat madwar il-baġit tal-Unjoni biex tappoġġja l-objettivi tal-politika tal-Unjoni'[1];
2. Jitlob rwol aktar b'saħħtu għall-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali fil-qafas il-ġdid tal-governanza ekonomika sabiex tissaħħaħ ir-responsabbiltà demokratika;
3. Jissottolinja l-ħtieġa li l-prinċipju tal-unità tal-baġit jiġi salvagwardjat; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata sorveljanza parlamentari fuq in-nefqiet kollha tal-UE;
4. Jirrikonoxxi bħala pass neċessarju lejn it-trażżin tal-'galassja' imsemmija hawn fuq, l-adozzjoni tar-Regolament QFP permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, biex b'hekk il-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet applikabbli għalih tiġi allinjata ma' dik tal-programmi pluriennali tal-UE u l-baġit annwali tal-UE; jemmen li l-proċedura ta' approvazzjoni tiċħad lill-Parlament mis-setgħa tat-teħid ta' deċiżjonijiet li huwa jeżerċita fuq l-adozzjoni tal-baġits annwali, filwaqt li r-regola tal-unanimità fil-Kunsill tfisser li l-ftehim jirrappreżenta l-iżgħar denominatur komuni, abbażi tal-bżonn li jiġi evitat il-veto ta' Stat Membru wieħed; huwa konvint ukoll, li l-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata għandha tissostitwixxi r-regola tal-unanimità fil-Kunsill;
5. Jappoġġja r-razzjonalizzazzjoni u t-tħaddim ta' integrazzjoni differenzjata; jenfasizza l-fatt li t-tfassil ta' soluzzjonijiet ad hoc għal kwistjonijiet tal-UE taħt pressjoni ta' ħin, parzjalment jew kompletament barra l-istruttura istituzzjonali tal-UE, jiġġenera wkoll spejjeż addizzjonali bla bżonn;
6. Jistieden lill-Kummissjoni tħejji rapport annwali li jakkumpanja l-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jiġbor flimkien informazzjoni disponibbli u mhux kunfidenzjali marbuta man-nefqa mġarrba mill-Istati Membri fil-qafas ta' kooperazzjoni msaħħa, sal-punt li dan ma jiġix inkluż fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
5.11.2018 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
24 6 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jean Arthuis, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Gérard Deprez, André Elissen, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Ingeborg Gräßle, Monika Hohlmeier, John Howarth, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Jan Olbrycht, Paul Rübig, Eleftherios Synadinos, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Daniele Viotti, Tiemo Wölken, Marco Zanni |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Karine Gloanec Maurin, Alain Lamassoure, Janusz Lewandowski, Ivana Maletić, Andrey Novakov, Marco Valli |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Michael Detjen, Stefan Gehrold |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
24 |
+ |
|
ALDE |
Jean Arthuis, Gérard Deprez |
|
PPE |
Reimer Böge, Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Stefan Gehrold, Ingeborg Gräßle, Monika Hohlmeier, Alain Lamassoure, Janusz Lewandowski, Ivana Maletić, Andrey Novakov, Jan Olbrycht, Paul Rübig, Inese Vaidere |
|
S&D |
Michael Detjen, Eider Gardiazabal Rubial, Karine Gloanec Maurin, John Howarth, Vladimír Maňka, Isabelle Thomas, Daniele Viotti, Tiemo Wölken |
|
VERTS/ALE |
Indrek Tarand |
|
6 |
- |
|
ECR |
Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk |
|
EFDD |
Marco Valli |
|
ENF |
André Elissen, Marco Zanni |
|
NI |
Eleftherios Synadinos |
|
0 |
0 |
|
|
|
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] "The European Budgetary Galaxy" (Il-Galassja Baġitarja Ewropea), European Constitutional Law Review (Rivista tal-Liġi Kostituzzjonali Ewropea), 13: 428–452, 2017
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
21.11.2018 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
20 2 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Mercedes Bresso, Elmar Brok, Richard Corbett, Pascal Durand, Danuta Maria Hübner, Ramón Jáuregui Atondo, Jo Leinen, Morten Messerschmidt, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Markus Pieper, Paulo Rangel, Helmut Scholz, György Schöpflin, Pedro Silva Pereira, Barbara Spinelli, Kazimierz Michał Ujazdowski |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Enrique Guerrero Salom, Jérôme Lavrilleux, Georg Mayer, Jasenko Selimovic, Rainer Wieland |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Pavel Svoboda |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
20 |
+ |
|
ALDE |
Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jasenko Selimovic |
|
GUE/NGL |
Helmut Scholz, Barbara Spinelli |
|
NI |
Kazimierz Michał Ujazdowski |
|
PPE |
Elmar Brok, Danuta Maria Hübner, Jérôme Lavrilleux, Markus Pieper, Paulo Rangel, György Schöpflin, Pavel Svoboda, Rainer Wieland |
|
S&D |
Mercedes Bresso, Richard Corbett, Enrique Guerrero Salom, Ramón Jáuregui Atondo, Jo Leinen, Pedro Silva Pereira |
|
VERTS/ALE |
Pascal Durand |
|
2 |
- |
|
ECR |
Morten Messerschmidt |
|
ENF |
Georg Mayer |
|
0 |
0 |
|
|
|
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni