Proċedura : 2018/2117(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0403/2018

Testi mressqa :

A8-0403/2018

Dibattiti :

PV 28/11/2018 - 28
CRE 28/11/2018 - 28

Votazzjonijiet :

PV 29/11/2018 - 8.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0483

RAPPORT     
PDF 545kWORD 56k
27.11.2018
PE 627.708v02-00 A8-0403/2018

Rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar id-difiża tal-libertà akkademika fl-azzjoni esterna tal-UE

(2018/2117(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Wajid Khan

EMENDI
ABBOZZ TA' RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

ABBOZZ TA' RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar id-difiża tal-libertà akkademika fl-azzjoni esterna tal-UE

(2018/2117(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (11855/2012), adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fil-25 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-UE dwar il-Libertà ta' Espressjoni Online u Offline, adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fit-12 ta' Mejju 2014,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2016, u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Rigward l-Istatus tal-Persunal tat-Tagħlim fl-Edukazzjoni Għolja, adottata mill-Konferenza Ġenerali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO), matul id-29 sessjoni tagħha mill-21 ta' Ottubru sat-12 ta' Novembru 1997,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Lima dwar il-Libertà Akkademika u l-Awtonomija tal-Istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni Għolja, adottata mis-Servizz Universitarji Dinji f'Settembru 1988,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 29/7 dwar id-Dritt għall-Edukazzjoni, adottata mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU matul it-42 laqgħa tiegħu tat-2 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Numru 13 tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, adottat fit-8 ta' Diċembru 1999 waqt il-wieħed u għoxrin sessjoni tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni 891/2017 tal-Kummissjoni ta' Venezja,

–  wara li kkunsidra r-rapporti minn organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs) nazzjonali, Ewropej u internazzjonali, u, b'mod partikolari, il-Prinċipji tar-Responsabbiltà tal-Istat biex Jipproteġi l-Edukazzjoni Għolja kontra Attakki,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li jindirizzaw id-drittijiet fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0403/2018),

A.  billi l-UNESCO tiddefinixxi l-libertà akkademika bħala "d-dritt, mingħajr restrizzjoni mid-duttrina stipulata, għal-libertà tat-tagħlim u tad-diskussjoni, għal-libertà tat-twettiq ta' riċerka u tat-tixrid u tal-pubblikazzjoni tar-riżultati tagħha, għal-libertà li l-individwi jesprimu liberament l-opinjoni tagħhom dwar l-istituzzjoni jew is-sistema fejn jaħdmu, għal-libertà minn ċensura istituzzjonali u għal-libertà tal-parteċipazzjoni f'korpi akkademiċi professjonali jew rappreżentattivi";

B.  billi d-dritt għall-edukazzjoni huwa ta' importanza fundamentali għat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem l-oħrajn kollha u għall-kisba ta' żvilupp sostenibbli; billi dan id-dritt jista' jitgawda biss f'atmosfera ta' libertà akkademika u bl-awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja;

C.  billi d-Dikjarazzjoni ta' Lima dwar il-Libertà Akkademika u l-Awtonomija tal-Istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni Għolja tiddefinixxi l-libertà akkademika bħala l-libertà tal-membri tal-komunità akkademika – li tkopri l-persuni kollha li jgħallmu, jistudjaw, jirriċerkaw u jaħdmu f'istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja – individwalment jew kollettivament, fit-twettiq, l-iżvilupp u t-trażmissjoni tal-għarfien, permezz tar-riċerka, l-istudju, id-diskussjoni, id-dokumentazzjoni, il-produzzjoni, il-ħolqien, it-tagħlim, l-għoti ta' lekċers u l-kitba;

D.  billi din id-definizzjoni trid tkun imsejsa fuq valuri demokratiċi ċentrali, inklużi l-prinċipji tal-aċċess ekwu u tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, l-obbligu ta' rendikont, il-ħsieb kritiku u indipendenti, l-awtonomija istituzzjonali u r-responsabbiltà soċjali; billi ma jistax ikun hemm demokrazija mingħajr il-libertà akkademika li tippermetti li jkun hemm dibattitu infurmat;

E.  billi l-libertà akkademika hija element ewlieni biex isir progress fl-iżvilupp sostenibbli, b'mod partikolari għall-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) stabbiliti fl-Aġenda 2030, fejn l-edukazzjoni ta' kwalità, ir-riċerka xjentifika u l-innovazzjoni jokkupaw post ċentrali;

F.  billi l-awtonomija hija prekundizzjoni neċessarja sabiex l-istituzzjonijiet edukattivi jwettqu l-funzjonijiet proprji tagħhom; billi l-libertà akkademika teħtieġ protezzjoni kostanti u viġilanti minn pressjoni mhux dovuta mill-Istat jew minn interessi kummerċjali;

G.  billi l-libertà akkademika – inklużi l-libertajiet kostitwenti tagħha tal-ħsieb, tal-opinjoni, tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni, tal-ivvjaġġar u tat-tagħlim – tikkontribwixxi għall-ħolqien tal-ispazju li fih kwalunkwe soċjetà pluralistika miftuħa u stabbli hija ħielsa li taħseb, tixtarr, taqsam l-ideat u tipproduċi, tikkonsma u xxerred l-għarfien;

H.   billi l-attakki fuq il-libertà akkademika jxekklu r-riċerka, l-istudju, it-tagħlim, id-diskors pubbliku u d-dritt għall-edukazzjoni, jgħarrqu l-kwalità akkademika u l-iżvilupp soċjali, politiku, ekonomiku u kulturali; billi t-tweġibiet għall-kwistjonijiet fis-soċjetà jenħtieġ li jinstabu permezz tar-raġuni, tal-evidenza u tal-persważjoni;

I.  billi d-dritt għall-edukazzjoni, it-tagħlim u r-riċerka jista' jitgawda bis-sħiħ biss f'atmosfera ta' libertà akkademika;

J.  billi l-komunità akkademika u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni qed isiru dejjem aktar vulnerabbli għall-interferenza, għall-pressjoni jew għar-ripressjoni mill-istati, mis-settur tan-negozju jew minn atturi oħra mhux statali; billi kull sena, mijiet ta' attakki fuq universitajiet, istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-membri tagħhom jiġu rrapportati madwar id-dinja, inklużi qtil, vjolenza u għajbien, priġunerija/detenzjoni inġusta, prosekuzzjoni ħażina, telf tal-pożizzjoni, tkeċċija/espulsjoni minn studji u restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jew il-moviment, u theddid estrem jew sistemiku ieħor; billi l-ksur tal-libertajiet akkademiċi qed iseħħ ukoll fi ħdan l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-eqreb sħab tagħha;

K.  billi t-tnaqqis fil-finanzjament pubbliku għall-edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni għolja, u l-ħtieġa sussegwenti għal sorsi alternattivi ta' dħul ipoġġu l-libertà akkademika f'riskju, b'mod partikolari meta tali finanzjament estern joriġina minn reġimi awtokratiċi barra mill-pajjiż jew minn korporazzjonijiet multinazzjonali;

L.  billi l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni barranin fi ħdan l-Unjoni Ewropea qed jiffaċċjaw attakki minn gvernijiet nazzjonali u qed jiffaċċjaw ksur tal-libertà akkademika tagħhom;

M.  billi t-tentattivi li jiġu kkontrollati jew imsikkta l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jew tal-akkademiċi, tal-istudenti u tal-persunal tagħhom imorru ferm lil hinn mill-individwi u mill-istituzzjonijiet li qegħdin direttament fil-mira u jaffettwaw lis-soċjetà inġenerali billi jnaqqsu l-ispazju għall-parteċipazzjoni demokratika inklużiva, il-libertà ta' espressjoni u l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini kollha u billi jċaħħdu lill-ġenerazzjonijiet futuri minn akkademiċi u riċerkaturi ta' kwalità għolja;

N.  billi t-twettiq effettiv tad-dritt għall-edukazzjoni u l-garanzija tal-libertà akkademika jeħtieġ lill-istati li jiżguraw livell adegwat u affidabbli ta' finanzjament għall-edukazzjoni; billi l-politiki ta' awsterità finanzjarja u ekonomika dgħajfu serjament il-libertà akkademika u qed ikomplu jagħmlu dan madwar id-dinja, inkluż fi ħdan l-UE;

O.  billi l-ksur tal-libertà akkademika rarament jiġi indirizzat fi ħdan il-qafas tad-drittijiet tal-bniedem, li jirrifletti, minn naħa, nuqqas ta' familjarità mal-kwistjonijiet tal-libertà akkademika fost is-sostenituri tad-drittijiet tal-bniedem u, min-naħa l-oħra, il-fatt li d-dikjarazzjonijiet spiss ikunu jirreferu għall-ksur ta' drittijiet oħra, bħal-libertà ta' espressjoni jew ta' opinjoni; billi, għaldaqstant, l-istandards f'dan il-qasam mhumiex żviluppati biżżejjed u l-ksur tal-libertà akkademika ma jiġix irrapportat b'mod suffiċjenti;

P.  billi hemm ħtieġa ġenerali kemm ta' sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-libertà akkademika bħala għodda biex jiġu promossi d-demokrazija, ir-rispett għall-istat tad-dritt u r-responsabbiltà, kif ukoll li jinħolqu opportunitajiet biex tittejjeb il-kapaċità għall-promozzjoni u għad-difiża tagħha;

Q.  billi huwa importanti li jiġu identifikati l-attakki fuq il-libertà akkademika bħala parti minn fenomenu globali, u biex jitħeġġeġ ir-rikonoxximent tal-akkademiċi u tal-istudenti li jisfaw taħt il-mira mhux biss bħala individwi li jinkisrulhom drittijiethom, iżda anki bħala difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jkunu qed jiġu attakkati; billi huwa meħtieġ rispons b'saħħtu fil-livell internazzjonali u nazzjonali, kemm minn fost l-edukazzjoni għolja nnifisha kif ukoll mis-soċjetà ċivili u l-pubbliku inġenerali;

R.  billi ħafna akkademiċi u studenti f'riskju ma jkunux jistgħu jiksbu aċċess għall-opportunitajiet ipprovduti mill-programmi tal-UE għall-mobbiltà akkademika u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, bħala riżultat tal-fatt li ma ntlaħqux il-kriterji tal-applikazzjoni jew li nstabet diffikultà kbira f'li jiġu segwiti l-proċeduri, ir-rekwiżiti u l-iskedi ġenerali tal-applikazzjoni;

S.  billi l-limitazzjonijiet fil-finanzjament fil-programmi tal-UE jirrestrinġu l-azzjonijiet tal-organizzazzjonijiet u l-universitajiet fl-UE li diġà jsostnu lill-istudenti u lill-akkademiċi li huma f'riskju jew li jaħarbu minn pajjiżhom minħabba t-theddida ta' persekuzzjoni għall-involviment akkademiku tagħhom; billi dawn l-organizzazzjonijiet u l-universitajiet jeħtieġu aktar assistenza għall-azzjonijiet u l-inizjattivi tagħhom;

T.  billi l-UE hija impenjata li tippromwovi u tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem, l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-istat tad-dritt madwar id-dinja; billi l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija jappella għal politika tal-UE aktar effettiva fl-appoġġ għad-drittijiet tal-bniedem u għad-demokrazija, inklużi ż-żieda tal-effikaċja tad-Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, it-titjib tal-viżibbiltà u tal-impatt tal-istrateġiji tal-pajjiżi dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-iffokar fuq l-implimentazzjoni effettiva tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u t-titjib tad-diplomazija pubblika u tal-komunikazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem;

1.  Jirrakkomanda dan li ġej lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:

(a)   li jirrikonoxxu b'mod espliċitu l-importanza tal-libertà akkademika fid-dikjarazzjonijiet pubbliċi, il-politiki u l-azzjonijiet relatati mal-azzjoni esterna tal-UE, inkluż ir-rikonoxximent tal-prinċipji li l-ideat mhumiex reati u li d-diskors kritiku mhuwiex diżlealtà, iżda minflok partijiet essenzjali ta' soċjetà demokratika u l-iżvilupp tagħha, li l-awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għandha tkun imħarsa f'kull ħin, u li l-libertà akkademika għandha rwol essenzjali fl-avvanz edukattiv u l-iżvilupp tal-umanità u s-soċjetà moderna;

(b)  li jirrikonoxxu li l-pretensjonijiet għal-libertà akkademika jaqgħu taħt id-dritt eżistenti tad-drittijiet tal-bniedem, li jirriżulta mid-dritt għall-edukazzjoni u d-drittijiet għal-libertà ta' espressjoni u ta' opinjoni; li jfakkru li l-libertà akkademika testendi għal-libertà tal-akkademiċi biex ixerrdu l-informazzjoni u jwettqu riċerka u jiddistribwixxu l-għarfien u l-verità mingħajr restrizzjoni, il-libertà li jesprimu l-fehmiet u l-opinjonijiet tagħhom – anke jekk kontroversjali jew mhux popolari – fl-oqsma tar-riċerka u l-għarfien espert professjonali tagħhom, li jistgħu jinkludu eżami tal-funzjonament tal-istituzzjonijiet pubbliċi f'sistema politika partikolari u l-kritika tagħha;  

(c)  li jenfasizzaw pubblikament il-problemi tal-attakki fuq il-libertà akkademika, inklużi l-konsegwenzi negattivi tagħhom; li jesprimu tħassib dwar il-vulnerabbiltà tal-komunità akkademika għal indħil żejjed mill-awtoritajiet nazzjonali, l-atturi privati jew l-interessi korporattivi u; li jfakkru fir-responsabbiltà tal-istati biex jiggarantixxu l-libertà akkademika, jaġixxu f'konformità ma' dan u jipproteġu b'mod proattiv lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, lill-akkademiċi u lill-istudenti minn attakki, irrispettivament mill-oriġini u n-natura tagħhom;

(d)  li jiżguraw li l-istituzzjonijiet tal-UE u r-rappreżentanti tal-Istati Membri li jżuru pajjiżi terzi jingħataw informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-libertà akkademika;

(e)  li juru appoġġ għall-istituzzjonijiet, għall-persunal u għall-istudenti li jkunu f'riskju jew li sfaw vittmi ta' koerċizzjoni jew attakki vjolenti, u li jikkundannaw pubblikament dawn l-attakki, billi jqajmu l-kwistjoni fil-livelli kollha, inkluż permezz ta' dikjarazzjonijiet, żjarat, stediniet għal attendenzi għal attivitajiet pubbliċi u monitoraġġ tal-proċessi u tal-ħabsijiet, u referenzi speċifiċi għal każijiet individwali ta' membri ta' komunitajiet tal-edukazzjoni għolja f'riskju;

(f)  jappoġġjaw l-aċċess ugwali għall-komunità akkademika, irrispettivament mill-etniċità, il-kasta, id-diżabilità, in-nazzjonalità, it-twemmin reliġjuż, l-identità tal-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali jew status ieħor; jagħtu attenzjoni partikolari fit-trattattivi tagħhom ma' pajjiżi terzi, biex jappoġġjaw l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess u l-forom kollha ta' vjolenza u biex jgħinu fit-twettiq tal-ugwaljanza bejn is-sessi u d-dritt għall-edukazzjoni għal kulħadd;

(g)  jenfasizzaw li l-attakki fuq il-libertà akkademika jistgħu jieħdu l-forma wkoll ta' attakki ċibernetiċi, peress li llum il-ġurnata l-akkademiċi jużaw dejjem aktar l-internet u l-midja soċjali biex jesprimu l-ideat u l-opinjonijiet tagħhom;

(h)  iqajmu l-libertà akkademika f'livelli differenti tad-djalogu politiku, fosthom fid-djalogi u l-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi sħab; jagħtu spinta lill-isforzi diplomatiċi mal-pajjiżi sħab permezz ta' involviment bilaterali u multilaterali b'rabta ma' inċidenti ta' tħassib, li jinvolvu theddidiet jew attakki fuq il-libertà akkademika u attakki partikolarment vjolenti fuq istituzzjonijiet u membri tal-komunità tal-edukazzjoni għolja, kif ukoll politiki jew prattiki diskriminatorji, restrizzjonijiet eċċessivi fuq ir-riċerka jew l-espressjoni, prosekuzzjoni jew detenzjoni illegali u restrizzjonijiet fuq id-dritt li jiġu ffurmati trade unions u li wieħed jissieħeb magħhom; iħeġġu lill-pajjiżi sħab jistabbilixxu qafas għal-libertà akkademika u l-awtonomija istituzzjonali u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni ta' dawn id-drittijiet fundamentali; jiżguraw li kwalunkwe ftehim ta' kooperazzjoni internazzjonali ma' pajjiżi sħab jirrispetta dawn il-prinċipji;

(i)  iħeġġu lill-istati kollha jagħmlu bħalma diġà għamlu l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE u japprovaw u jimplimentaw id-Dikjarazzjoni dwar l-Iskejjel Sikuri u l-Linji gwida li jakkumpanjawha għall-Protezzjoni tal-Iskejjel u l-Universitajiet minn Użu Militari waqt Kunflitt Armat, li jservu bħala gwida dwar ir-responsabbiltà li jiġu protetti l-valuri ewlenin, speċjalment il-libertà akkademika u l-awtonomija istituzzjonali, fil-kuntest ta' attakki vjolenti u koerċittivi fuq l-edukazzjoni għolja;

(j)   jaħdmu man-NU, mal-Kunsill tal-Ewropa, mal-aġenziji internazzjonali, mas-soċjetà ċivili u mal-komunitajiet tal-edukazzjoni għolja biex jinħolqu mekkaniżmi għall-monitoraġġ u r-rappurtar ta' attakki, theddid u restrizzjonijiet eċċessivi fuq l-edukazzjoni għolja u l-akkademiċi individwali; u biex jissaħħaħ u jitħeġġeġ il-monitoraġġ sabiex titqajjem kuxjenza, l-awturi jinżammu responsabbli u jittejbu l-isforzi għall-prevenzjoni tal-attakki fuq il-libertà akkademika u r-reazzjoni għalihom;

(k)  jinvolvu u jħeġġu djalogu regolari mal-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet universitarji li l-missjoni tagħhom hi li jipproteġu l-komunitajiet tal-edukazzjoni għolja u jippromwovu l-libertà akkademika, sabiex jiġu żviluppati l-aqwa oqfsa ta' politika, inizjattivi u strateġiji ta' appoġġ għal-libertà akkademika;

(l)  jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' kapaċitajiet għal investigazzjonijiet veloċi, bir-reqqa u trasparenti dwar ksur tal-libertà akkademika, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet li jinvolvu attakki vjolenti; itejbu l-isforzi għall-prevenzjoni tal-attakki fuq il-libertà akkademika u r-reazzjoni għalihom, u jwettqu kull sforz raġonevoli biex l-awturi jinżammu responsabbli;  

(m)  iħeġġu l-ħidma fuq ir-riċerka u l-appoġġ bil-għan tar-riforma tal-leġiżlazzjoni u tar-regolamenti li jimponu restrizzjonijiet eċċessivi fuq il-libertà akkademika jew l-awtonomija akkademika tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, u jippromwovu l-awtonomija istituzzjonali bħala mod kif is-sistemi tal-edukazzjoni għolja jiġu protetti minn interferenza jew attakki mill-istat, mill-intrapriżi jew minn atturi mhux statali u kif l-edukazzjoni għolja titħares mill-politiċizzazzjoni u l-manipulazzjoni ideoloġika;

(n)  jagħtu spinta lill-isforzi diplomatiċi mal-pajjiżi sħab permezz ta' involviment bilaterali u multilaterali b'rabta ma' inċidenti ta' tħassib li jinvolvu theddidiet jew attakki fuq il-libertà akkademika, b'mod partikolari attakki vjolenti fuq l-istituzzjonijiet u l-membri tal-komunità tal-edukazzjoni għolja, kif ukoll politiki jew prattiki diskriminatorji, restrizzjonijiet eċċessivi fuq ir-riċerka jew l-espressjoni, u prosekuzzjoni jew detenzjoni illegali;  

(o)   jirrevedu l-mekkaniżmi eżistenti ta' appoġġ u protezzjoni għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem biex tiġi żviluppata l-kapaċità ta' identifikazzjoni u ta' għoti ta' assistenza, inklużi protezzjoni u appoġġ ta' emerġenza, f'każijiet li jinvolvu attakki fuq il-libertà akkademika, anke permezz ta' protezzjoni fiżika, appoġġ legali u rigward il-viża, appoġġ mediku, monitoraġġ tal-proċessi u l-ħabsijiet, appoġġ u lobbying, u appoġġ fit-tul matul l-eżilju; jistieden, b'mod partikolari, lill-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem jinkludi fost il-prijoritajiet tiegħu l-promozzjoni tal-libertà akkademika u l-appoġġ għal membri tal-komunità akkademika f'riskju;

(p)  jeżaminaw mill-ġdid il-programmi u r-riżorsi eżistenti għall-mobilità akkademika u forom oħra ta' kooperazzjoni fl-edukazzjoni u r-riċerka, inklużi l-kriterji, il-proċeduri ta' applikazzjoni, ir-rekwiżiti, il-perjodi ta' żmien u l-iskedi tagħhom, għall-fini tal-eliminazzjoni tal-ostakli li inkella jistgħu jipprekludu lil akkademiċi jew studenti kwalifikati f'riskju milli jkunu jistgħu jiksbu aċċess għall-opportunitajiet, għall-kollokamenti jew għal riżorsi oħra offruti mill-programmi; jippromwovu l-proġetti eżistenti ffinanzjati mill-UE, bħall-"Academic Refuge", li jagħmlu l-almu tagħhom biex iqajmu kuxjenza akbar dwar l-importanza tal-libertà akkademika fis-settur tal-edukazzjoni għolja u l-konsegwenzi għas-soċjetà inġenerali meta din il-libertà tiġi mrażżna;

(q)  jiżguraw li l-programmi ta' assistenza makrofinanzjarja tal-UE għal pajjiżi terzi u l-politiki tal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej ma jimminawx il-libertà akkademika billi jappoġġjaw politiki li jnaqqsu l-allokazzjoni tad-dħul nazzjonali għas-settur tal-edukazzjoni;

(r)   joħolqu inizjattivi ġodda fi ħdan programmi eżistenti u futuri – possibilment bħala sinerġiji żviluppati u ffinanzjati mill-Unjoni permezz tal-baġits tagħha mhux għall-edukazzjoni u r-riċerka – bħall-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA III), Orizzont 2020, Erasmus+ u l-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie, għal azzjonijiet ġodda ta' programmi ffinanzjati mill-UE b'appoġġ għall-kollokament ta' akkademiċi f'riskju, riċerkaturi studenti u studenti b'lawrja sħiħa bi status ta' protezzjoni internazzjonali f'istituzzjonijiet Ewropej tal-edukazzjoni għolja u tar-riċerka;

(s)  jappoġġjaw l-isforzi normattivi li qed jitwettqu f'livell reġjonali u internazzjonali, anke permezz tal-adozzjoni ta' dikjarazzjoni internazzjonali dwar il-libertà akkademika u l-awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja; iħeġġu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippreżentaw inizjattiva dwar il-libertà akkademika fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

(t)  jiżguraw appoġġ kontinwu u ta' livell għoli liċ-Ċentru Interuniversitarju Ewropew u lill-Kampus Globali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, bħala inizjattiva ewlenija tal-appoġġ tal-UE għall-edukazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

21.11.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

56

5

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Nikos Androulakis, Petras Auštrevičius, Bas Belder, Victor Boştinaru, Elmar Brok, Klaus Buchner, James Carver, Lorenzo Cesa, Georgios Epitideios, Eugen Freund, Michael Gahler, Iveta Grigule-Pēterse, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Wajid Khan, Stelios Kouloglou, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Tonino Picula, Kati Piri, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Michel Reimon, Sofia Sakorafa, Jean-Luc Schaffhauser, Anders Sellström, Alyn Smith, Jordi Solé, Dobromir Sośnierz, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Charles Tannock, László Tőkés, Miguel Urbán Crespo, Ivo Vajgl

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Doru-Claudian Frunzulică, Ana Gomes, Takis Hadjigeorgiou, Marek Jurek, Patricia Lalonde, Antonio López-Istúriz White, David Martin, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Marietje Schaake, Eleni Theocharous, Bodil Valero, Mirja Vehkaperä, Željana Zovko


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

56

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Iveta Grigule-Pēterse, Patricia Lalonde, Javier Nart, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Ivo Vajgl, Mirja Vehkaperä

ECR

Bas Belder, Charles Tannock, Eleni Theocharous, Anders Primdahl Vistisen

GUE/NGL

Takis Hadjigeorgiou, Sabine Lösing, Sofia Sakorafa, Miguel Urbán Crespo

PPE

Michèle Alliot-Marie, Elmar Brok, Lorenzo Cesa, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Antonio López-Istúriz White, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Alojz Peterle, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Anders Sellström, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Željana Zovko

S&D

Nikos Androulakis, Victor Boştinaru, Eugen Freund, Doru-Claudian Frunzulică, Ana Gomes, Wajid Khan, Arne Lietz, Andrejs Mamikins, David Martin, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Gilles Pargneaux, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Kati Piri

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Barbara Lochbihler, Michel Reimon, Alyn Smith, Jordi Solé, Bodil Valero

5

-

ECR

Marek Jurek

ENF

Jean-Luc Schaffhauser

NI

James Carver, Georgios Epitideios, Dobromir Sośnierz

1

0

PPE

László Tőkés

It-tifsira tas-simboli:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Novembru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza