RAPPORT dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar it-tieni abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019
10.12.2018 - (15205/2018 – C8-0499/2018 – 2018/2275(BUD))
Parti 1: Mozzjoni għal riżoluzzjoni
Kumitat għall-Baġits
Rapporteurs: Daniele Viotti (Taqsima III – Kummissjoni)
Paul Rübig (Taqsimiet oħra)
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar it-tieni abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019 (15205/2018 – C8-0499/2018 – 2018/2275(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea[1],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[2],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012[3],
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[4] ("ir-Regolament dwar il-QFP"),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2018 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit[6],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' April 2018 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2019[7],
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, adottat mill-Kummissjoni fil-21 ta' Ġunju 2018 (COM(2018)0600),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019 adottata mill-Kunsill fl-4 ta' Settembru 2018 u li ntbagħtet lill-Parlament fit-13 ta' Settembru 2018 (11737/2018 – C8-0410/2018),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-mandat għat-trilogu dwar l-abbozz ta' baġit 2019[8],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2018 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019[9],
– wara li kkunsidra l-fatt li l-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ma laħaqx ftehim dwar test konġunt fi żmien il-wieħed u għoxrin ġurnata msemmija fl-Artikolu 314(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-abbozz ġdid tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019 li adottat il-Kummissjoni fit-30 ta' Novembru 2018 (COM(2018)0900), skont l-Artikolu 314(8) TFUE,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-trilogu baġitarju tal-4 ta' Diċembru 2018,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tat-tieni abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019, li l-Kunsill adotta fil-11 ta' Diċembru 2018 (15205/2018)– C8-0499-0499/2018),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 88 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0454/2018]),
1. Ifakkar li "l-abbozz ta' pakkett" maqbul, wara negozjati diffiċli u intensi, mill-Parlament u l-Kunsill matul it-trilogu tal-4 ta' Diċembru 2018 jikkonsisti f'żewġ elementi: il-baġit tal-Unjoni għas-sena 2019 stabbilit f'livell ta' EUR 165 795,6 miljun u EUR 148 198,9 miljun, rispettivament f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament, u erba' dikjarazzjonijiet konġunti kif ukoll dikjarazzjoni unilaterali waħda;
2. Jissottolinja li, għalkemm l-Abbozz tal-Baġit (AB) kif modifikat mill-Kunsill ma jissodisfax għalkollox il-ħtieġa reali għal baġit tal-Unjoni sostenibbli, koerenti u effiċjenti, l-objettiv tal-Parlament huwa li l-Unjoni jkollha baġit li jista' jipprovdi benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini u l-kumpaniji;
3. Jilqa' l-livell kumplessiv miftiehem ta' approprjazzjonijiet ta' pagament, li jirrappreżenta żieda ta' EUR 1,728 miljun meta mqabbel mal-qari oriġinali tal-Kunsill; jinsab kuntent li ż-żidiet miksuba fin-negozjati b'valur ta' EUR 943 miljun jikkorrispondu għall-prijoritajiet politiċi ewlenin tal-Parlament, jiġifieri b'appoġġ għar-riċerkaturi, iż-żgħażagħ, l-SMEs, li jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni, it-tibdil fil-klima, iż-żieda fis-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE, u d-difiża;
4. Jilqa' l-fatt li l-livell kumplessiv tal-approprjazzjonijiet ta' pagament miftiehma għall-2019 jiżdied bi 2,4 % meta mqabbel mal-Baġit 2018; jinnota madankollu li l-livell ta' pagamenti jirrappreżenta biss 0,9 % tal-ING tal-Unjoni; jissottolinja l-importanza tad-dikjarazzjoni konġunta dwar l-approprjazzjonijiet ta' pagament li fiha l-Parlament u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom li jieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji biex ikopru kwalunkwe ħtieġa insuffiċjenti li għandha tiġi koperta;
5. Jiddispjaċih li l-Kunsill, bil-pretest li ma kellux il-ħin neċessarju biex jagħmel analiżi, irrifjuta fil-prinċipju, fil-kuntest tal-proċedura baġitarja tal-2019, li jiddiskuti l-użu tal-Artikolu 15(3) il-ġdid tar-Regolament Finanzjarju, li jippermetti li ammonti diżimpenjati minn riċerka jerġgħu jsiru disponibbli fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali; jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni tirrapporta tal-inqas darbtejn fis-sena speċifikament dwar l-ammonti diżimpenjati għal programmi ta' riċerka u tipprovdi l-informazzjoni u l-elementi rilevanti kollha dwar l-Artikolu 15(3) u tipproponi l-użu tal-Artikolu 15(3) fil-kuntest tal-proċedura baġitarja tal-2020;
6. Jiddispjaċih għal darb'oħra li fid-diskussjonijiet dwar l-estensjoni tal-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija, il-Kunsill u l-Kummissjoni ma involvewx kif xieraq lill-Parlament, bħala wieħed miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja; jiddispjaċih dwar il-pożizzjoni mhux flessibbli tal-Kunsill dwar il-finanzjament tat-tieni segment tal-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija, li għalih l-baġit tal-Unjoni se jikkontribwixxi EUR 2 biljun, filwaqt li l-Istati Membri se jikkontribwixxu EUR 1 biljun; itenni l-pożizzjoni tiegħu li ilu jħaddan li inizjattivi ġodda ma jridux jiġu ffinanzjati għad-detriment ta' proġetti esterni eżistenti tal-Unjoni; ifakkar li minħabba n-nuqqas ta' rieda tal-Kunsill, il-limiti massimi tal-QFP attwali ma żdidux fl-okkażjoni tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu u l-QFP għad ma għandux biżżejjed flessibbiltà biex jirreaġixxi għal ċirkostanzi mhux previsti; jissottolinja li jridu jittieħdu lezzjonijiet għall-QFP ta' wara l-2021 sabiex jiġi evitat, fost l-oħrajn, li jinħolqu satelliti baġitarji bħall-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija;
7. F'konformità mad-dikjarazzjoni konġunta miftiehma bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, jinsisti li t-tisħiħ miftiehem tal-programmi Orizzont 2020 u Erasmus+ ta' EUR 100 miljun f'baġit emendatorju fl-2019 mhux se jiġi ffinanzjat permezz ta' riallokazzjonijiet minn programmi oħra iżda permezz ta' approprjazzjonijiet ġodda;
8. Fid-dawl taż-żieda fl-appoġġ li l-Europol tagħti lill-Istati Membri fil-qafas tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi u tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u ċ-ċiberkriminalità, jilqa' pożittivament il-ħolqien ta' 10 postijiet tax-xogħol addizzjonali u ż-żieda relatata fl-approprjazzjonijiet għall-Europol;
9. Jilqa' l-ħolqien ta' ħames postijiet tax-xogħol u ż-żieda relatata fl-approprjazzjonijiet mill-Kummissjoni fl-AB 2019 biex jiġi evitat kwalunkwe effett lembut li jista' jkun ta' detriment għall-produttività tal-qrati fil-kuntest ta' attivitajiet ġodda mwettqa mill-Qorti u ta' żieda kontinwa fl-ammont ta' xogħol minħabba l-Brexit; jirrimarka, madankollu, li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet verament teħtieġ 16-il post tax-xogħol permanenti ġodda għas-servizzi ta' appoġġ;
10. Jilqa' t-tisħiħ tal-linja baġitarja tas-SEAE dwar il-Kapaċità ta' Komunikazzjoni Strateġika, biex jingħata rispons koordinat aktar b'saħħtu tal-Unjoni għall-isfida tad-diżinformazzjoni;
11. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar it-tieni abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019 kif ukoll id-Dikjarazzjonijiet Konġunti annessi ma' din ir-riżoluzzjoni;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet l-oħra u lill-entitajiet ikkonċernati, kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
- [1] ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.
- [2] ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
- [3] ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
- [4] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
- [5] ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
- [6] Testi adottati ta' din id-data, P8_TA(2018)0089.
- [7] Testi adottati ta' din id-data, P8_TA(2018)0182.
- [8] Testi adottati ta' dik id-data, P8_TA(2018)0311.
- [9] Testi adottati ta' dik id-data, P8_TA(2018)0404.
ANNESS
ABBOZZ TA' PAKKETTBaġit 2019 –
Konklużjonijiet konġunti
Dawn il-konklużjonijiet konġunti jkopru t-taqsimiet li ġejjin:
1. Baġit 2019
2. Dikjarazzjonijiet
Ħarsa ġenerali
Skont l-elementi għall-konklużjonijiet konġunti:
- Il-livell kumplessiv ta' approprjazzjonijiet ta' impenn fil-baġit tal-2019 huwa stabbilit fl-ammont ta' EUR 165 795,6 miljun. B'mod globali, dan iħalli marġni taħt il-limiti massimi tal-QFP għall-2019 ta' EUR 1 291,1 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn.
- Il-livell kumplessiv ta' approprjazzjonijiet ta' pagament fil-baġit tal-2019 huwa stabbilit fl-ammont ta' EUR 148 198,9 miljun.
- L-Istrument ta' Flessibbiltà għall-2019 huwa mobilizzat f'approprjazzjonijiet ta' impenn għal ammont ta' EUR 1 164,3 miljun għall-intestatura 1a Kompetittività għat-Tkabbir u l-Impjiegi u għall-intestatura 3 Sigurtà u Ċittadinanza.
- Il-marġni globali għall-impenji jintuża fil-livell ta' EUR 1 476,0 miljun għall-intestatura 1a Kompetittività għat-Tkabbir u l-Impjiegi, għall-intestatura 1b Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali u għall-intestatura 4 Ewropa Globali.
- Il-marġni ta' kontinġenza mobilizzat fl-2017 huwa kkumpensat b'EUR 253,9 miljun mill-marġni mhux allokati taħt l-intestatura 5 Amministrazzjoni.
- L-approprjazzjonijiet ta' pagament għall-2019 relatati mal-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibbiltà fl-2016, fl-2017, fl-2018 u fl-2019 huma stmati mill-Kummissjoni li jammontaw għal EUR 961,9 miljun.
1. Baġit 2019
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu dwar il-konklużjonijiet inklużi fit-taqsimiet 1.1 sa 1.6 hawn taħt.
1.1. Kwistjonijiet orizzontali
Aġenziji deċentralizzati
Il-kontribuzzjoni tal-UE (f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament) u l-għadd ta' karigi għall-aġenziji deċentralizzati huma stabbiliti fil-livell propost mill-Kummissjoni fit-tieni Abbozz tal-Baġit (it-tieni AB).
Aġenziji eżekuttivi
Il-kontribuzzjoni tal-UE (f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament) u l-għadd ta' postijiet għall-aġenziji eżekuttivi huma stabbiliti fil-livell propost mill-Kummissjoni fit-tieni AB.
Proġetti Pilota/Azzjonijiet Preparatorji
Pakkett komprensiv ta' 75 proġett pilota/azzjoni preparatorja (PP/AP) huwa maqbul, kif propost mill-Kummissjoni fit-tieni AB. Meta proġett pilota jew azzjoni preparatorja tidher li hi koperta b'bażi legali eżistenti, il-Kummissjoni tista' tipproponi t-trasferiment ta' approprjazzjonijiet għall-bażi legali korrispondenti biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-azzjoni.
Dan il-pakkett, propost mill-Parlament Ewropew fil-qari tiegħu tal-Abbozz tal-Baġit oriġinali, jirrispetta bis-sħiħ il-limiti massimi għall-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji previsti fir-Regolament Finanzjarju.
1.2. Intestaturi ta' nefqa tal-qafas finanzjarju - approprjazzjonijiet ta' impenn
Intestatura 1a
L-approprjazzjonijiet ta' impenn huma stabbiliti fil-livell propost mill-Kummissjoni fit-tieni AB, iżda bl-aġġustamenti dettaljati fit-tabella li ġejja.
|
|
|
|
F'EUR |
|
Linja baġitarja/Programm |
Isem |
Varjazzjoni f'approprjazzjonijiet ta' impenn |
|||
It-Tieni Abbozz tal-Baġit tal-2019 |
Baġit 2019 |
Differenza |
|||
1.1.31 |
Orizzont 2020 |
|
|
150 000 000 |
|
08 02 03 04 |
Kisba ta' sistema tat-trasport Ewropea effiċjenti fir-riżorsi, tiffavorixxi l-ambjent, sikura u assjematika |
252 946 905 |
260 946 905 |
8 000 000 |
|
08 02 08 |
Strument għall-SMEs |
541 589 527 |
641 589 527 |
100 000 000 |
|
09 04 01 01 |
Tisħiħ tar-riċerka fit-teknoloġiji futuri u emerġenti |
429 937 089 |
442 937 089 |
13 000 000 |
|
15 03 01 01 |
Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie — ħolqien, żvilupp u trasferiment ta' ħiliet u għarfien ġodda u innovazzjoni |
916 586 364 |
945 586 364 |
29 000 000 |
|
1.1.5 |
Edukazzjoni, Taħriġ u Sport (Erasmus+) |
|
|
40 000 000 |
|
15 02 01 01 |
Promozzjoni tal-eċċellenza u l-kooperazzjoni fil-qasam Ewropew tal-edukazzjoni u t-taħriġ u r-relevanza tiegħu għas-suq tax-xogħol |
2 411 836 200 |
2 441 036 200 |
29 200 000 |
|
15 02 01 02 |
Promozzjoni tal-eċċellenza u l-kooperazzjoni fil-qasam Ewropew taż-żgħażagħ u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja tad-demokrazija Ewropea |
175 070 000 |
185 870 000 |
10 800 000 |
|
|
Total |
|
|
190 000 000 |
|
Konsegwenza ta' dan, il-livell miftiehem ta' approprjazzjonijiet ta' impenn jiġi stabbilit għal EUR 23 335,4 miljun, mingħajr marġni taħt il-limitu massimu tan-nefqa tal-intestatura 1a, l-użu tal-Marġni Globali għall-Impenji għal ammont ta' EUR 74,7 miljun u l-mobilizzazzjoni ta' EUR 178,7 miljun permezz tal-Istrument ta' Flessibbiltà.
Intestatura 1b
L-approprjazzjonijiet ta' impenn huma stabbiliti fil-livell propost mill-Kummissjoni fit-tieni AB.
Konsegwenza ta' dan, il-livell miftiehem ta' approprjazzjonijiet ta' impenn jiġi stabbilit għal EUR 57 192,0 miljun, mingħajr marġni taħt il-limitu massimu tan-nefqa tal-intestatura 1b u l-użu tal-Marġni Globali għall-Impenji għal ammont ta' EUR 350,0 miljun.
Intestatura 2
L-approprjazzjonijiet ta' impenn huma stabbiliti fil-livell propost mill-Kummissjoni fit-tieni AB.
Konsegwenza ta' dan, il-livell miftiehem ta' approprjazzjonijiet ta' impenn jiġi stabbilit għal EUR 59 642,1 miljun, li jħalli marġni ta' EUR 701,9 miljun.
Intestatura 3
L-approprjazzjonijiet ta' impenn huma stabbiliti fil-livell propost mill-Kummissjoni fit-tieni AB.
Konsegwenza ta' dan, il-livell maqbul ta' approprjazzjonijiet ta' impenn huwa stabbilit għal EUR 3 786,6 miljun, u ma jifdal l-ebda marġni taħt il-limitu massimu ta' nefqa tal-intestatura 3, u l-mobilizzazzjoni ta' EUR 985,6 miljun permezz tal-Istrument ta' Flessibbiltà.
Intestatura 4
L-approprjazzjonijiet ta' impenn huma stabbiliti fil-livell propost mill-Kummissjoni fit-tieni AB.
Konsegwenza ta' dan, il-livell miftiehem ta' approprjazzjonijiet ta' impenn jiġi stabbilit għal EUR 11 319,3 miljun, mingħajr marġni taħt il-limitu massimu tan-nefqa tal-intestatura 4 u l-użu tal-Marġni Globali għall-Impenji għal ammont ta' EUR 1 051,3 miljun.
Intestatura 5
L-għadd ta' postijiet fil-pjanijiet ta' stabbiliment tal-Istituzzjonijiet u l-approprjazzjonijiet huma stabbiliti fil-livell propost mill-Kummissjoni fit-tieni AB.
Konsegwenza ta' dan, u wara li tqiesu l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji (EUR 4,1 miljun) proposti fl-ambitu tat-taqsima 1.1 ta' hawn fuq, il-livell maqbul ta' approprjazzjonijiet ta' impenn huwa stabbilit għal EUR 9 943,0 miljun, u jifdal marġni ta' EUR 589,1 miljun taħt il-limitu massimu ta' nefqa tal-intestatura 5, wara l-użu ta' EUR 253,9 miljun tal-marġni biex tiġi kkumpensata l-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta' Kontinġenza fl-2017.
Strumenti speċjali: FEG, Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza u FSUE
L-approprjazzjonijiet ta' impenn għall-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), għar-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza (EAR) u għall-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) huma stabbiliti fil-livell propost mill-Kummissjoni fit-tieni AB.
1.3. Approprjazzjonijiet ta' pagament
Il-livell kumplessiv tal-approprjazzjonijiet ta' pagament fil-Baġit għall-2019 huwa stabbilit fil-livell propost mill-Kummissjoni fit-tieni AB.
1.4. Kummenti Baġitarji
Il-kummenti baġitarji kif proposti mill-Kummissjoni fit-tieni AB huma approvati, ħlief għal-linji baġitarji li ġejjin:
• Artikolu 08 02 08 — Strument għall-SMEs tat-taqsima tal-Kummissjoni Ewropea, li għalih it-test kif propost fl-Abbozz tal-Baġit oriġinali huwa approvat;
• Il-partita 2 2 1 4 — Kapaċità ta' Komunikazzjoni Strateġika tat-taqsima tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, li għaliha t-test inkluż fil-qari mill-Parlament Ewropew tal-Abbozz tal-Baġit oriġinali huwa approvat.
1.5. Nomenklatura
In-nomenklatura kif proposta mill-Kummissjoni fit-tieni AB hija approvata.
1.6. Riżervi
Ir-riżervi kif proposti mill-Kummissjoni fit-tieni AB huma approvati. Barra minn hekk, ammont ta' EUR 19 321 000 jitqiegħed fir-riżerva kemm fl-approprjazzjonijiet ta' impenn kif ukoll f'dawk ta' pagament sakemm tiġi adottata l-proposta tal-Kummissjoni (COM(2018) 632) tat-12 ta' Settembru 2018 għall-Artikolu 18 02 03 Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex).
2. Dikjarazzjonijiet
2.1. Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-approprjazzjonijiet ta' pagament
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ifakkru fil-ħtieġa li tiġi żgurata, fid-dawl tal-implimentazzjoni, il-progressjoni ordnata tal-pagamenti b'rabta mal-approprjazzjonijiet ta' impenn sabiex jiġi evitat kull livell anormali ta' fatturi mhux imħallsa fi tmiem is-sena.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jappellaw lill-Kummissjoni biex tkompli timmonitorja mill-qrib u b'mod attiv l-implimentazzjoni tal-programmi għall-2014-2020. Għal dak l-għan, jistiednu lill-Kummissjoni tippreżenta f'waqthom, ċifri aġġornati rigward l-istat ta' implimentazzjoni u stimi rigward rekwiżiti ta' approprjazzjonijiet ta' pagament fl-2019.
Jekk iċ-ċifri juru li l-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit għall-2019 ma jkunux suffiċjenti biex ikopru l-ħtiġijiet, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistiednu lill-Kummissjoni tippreżenta mill-aktar fis possibbli soluzzjoni xierqa, fost l-oħrajn baġit emendatorju, bil-ħsieb li l-Awtorità Baġitarja tkun tista' tieħu fi żmien xieraq kwalunkwe deċiżjoni meħtieġa għall-ħtiġijiet ġustifikati kif dovut. Fejn applikabbli, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill se jieħdu kont tal-urġenza tal-kwistjoni.
2.2. Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jfakkru li t-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żgħażagħ jibqa' prijorità politika għolja u kondiviża u jaffermaw mill-ġdid id-determinazzjoni tagħhom li jagħmlu l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi baġitarji biex jintlaħaq dan l-għan, u b'mod partikolari permezz tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI).
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jieħdu nota tal-esperjenza tal-passat fil-kuntest taż-żieda tar-riżorsi tal-allokazzjoni speċifika għall-YEI, li tat bidu għal emendi estensivi għal programmi biex jipprovdu ammonti mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) biex jintlaħaq l-appoġġ mill-allokazzjoni speċifika tal-YEI.
Għalhekk, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistiednu lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva għal implimentazzjoni bla xkiel tar-riżorsi baġitarji miżjuda għall-YEI. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaqblu li jeżaminaw malajr din il-proposta, filwaqt li jqisu l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li jmiss, biex l-eżerċizzju ta' programmar mill-ġdid fl-2019 isir kemm jista' jkun bla xkiel.
2.3. Dikjarazzjoni unilaterali mill-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ
Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità baġitarja, il-Kummissjoni tikkonferma li ż-żieda fl-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ maqbula għall-2019 mhux se tiġi kkunsidrata bħala antiċipazzjoni tal-ammont previst bħalissa għall-2020 meta tippreżenta l-ipprogrammar finanzjarju aġġornat u l-proposta leġiżlattiva biex jiġi rivedut ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni.
2.4. Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jfakkru fl-importanza li tinbena ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, effiċjenti fir-riżorsi u reżiljenti għat-tibdil fil-klima. Għal dan il-għan, il-Kunsill u l-PE qablu li jinvestu mill-inqas 20 % tal-baġit tal-UE f'nefqa relatata mal-klima matul il-perjodu 2014-2020. Bħala medja - u għalkemm il-baġit għall-2019 waħdu jilħaq il-mira ta' 20 % - it-tbassir attwali għall-perjodu sħiħ 2014-2020 jindika li 19,3 % tal-baġit tal-UE se jiġi allokat għall-azzjoni klimatika, prinċipalment minħabba d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej fil-bidu tal-perjodu.
Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jieħdu nota ta' din l-evoluzzjoni u jistiednu lill-Kummissjoni tagħmel kull sforz biex tintlaħaq il-mira ta' 20 % għall-perjodu 2014-2020 kollu.
2.5. Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-intestatura 1a permezz ta' baġit emendatorju
Minħabba d-disponibbiltajiet limitati tal-Istrument ta' Flessibbiltà u l-marġni globali għal impenji, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu li jibbaġitjaw EUR 100 miljun f'baġit emendatorju fl-2019 sabiex jissaħħaħ il-programm Orizzont 2020 u Erasmus+. Il-Kummissjoni se tippreżenta dan il-baġit emendatorju, li mhu se jinkludi ebda element ieħor, hekk kif l-aġġustament tekniku tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2020 inkluż il-kalkolu tal-marġni globali għall-impenji jitlesta fir-rebbiegħa tal-2019. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe korrezzjoni teknika normali li l-Kummissjoni se tintalab tagħmel biex tiżgura l-eżekuzzjoni b'mod ordnat tal-baġit għall-2019.
Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jimpenjaw ruħhom li jipproċessaw malajr l-abbozz tal-baġit emendatorju għall-2019 imressaq mill-Kummissjoni.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
10.12.2018 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
17 2 5 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jean Arthuis, Richard Ashworth, Lefteris Christoforou, Manuel dos Santos, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, John Howarth, Siegfried Mureşan, Liadh Ní Riada, Jan Olbrycht, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Jordi Solé, Patricija Šulin, Indrek Tarand, Monika Vana, Daniele Viotti, Marco Zanni |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Xabier Benito Ziluaga, Karine Gloanec Maurin, Marco Valli |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Claudia Schmidt |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
17 |
+ |
|
ALDE |
Jean Arthuis |
|
PPE |
Richard Ashworth, Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Ingeborg Gräßle, Siegfried Mureşan, Jan Olbrycht, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Patricija Šulin |
|
S&D |
Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Karine Gloanec Maurin, John Howarth, Daniele Viotti, Manuel dos Santos |
|
2 |
- |
|
GUE/NGL |
Xabier Benito Ziluaga, Liadh Ní Riada |
|
5 |
0 |
|
EFDD |
Marco Valli |
|
ENF |
Marco Zanni |
|
Verts/ALE |
Jordi Solé, Indrek Tarand, Monika Vana |
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni