RAKKOMANDAZZJONI dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim dwar l-istatus bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Albanija dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Albanija
12.12.2018 - (10302/2018 – C8-0433/2018 – 2018/0241(NLE)) - ***
Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Bodil Valero
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim dwar l-istatus bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Albanija dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Albanija
(10302/2018 – C8-0433/2018 – 2018/0241(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (10302/2018),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' ftehim dwar l-istatus bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Albanija dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Albanija (10290/2018),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 77(2)(b) u (d), l-Artikolu 79(2)(c) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0433/2018),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1) u (4) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0463/2018),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Albanija.
NOTA SPJEGATTIVA
a. Sfond
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta għandha l-għan li tapprova l-ftehim dwar l-istatus bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Albanija dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Albanija kif previst fir-Regolament (UE) 2016/1624 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.
Ir-Regolament imsemmi hawn fuq jipprevedi possibbiltajiet differenti għall-Aġenzija biex tikkoopera ma' pajjiżi terzi. Il-kunċett ta' ftehim dwar l-istatus huwa li jipprovdi qafas legalment vinkolanti għall-operazzjonijiet tal-Aġenzija fejn membri tat-tim b'setgħat eżekuttivi jintbagħtu fit-territorju tal-pajjiż terz. L-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) Nru 2016/1624 jipprevedi b'mod espliċitu li, f'każijiet fejn ikun previst li jintbagħtu timijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta f'pajjiż terz f'azzjonijiet fejn il-membri tat-tim ikollhom setgħat eżekuttivi, jew fejn azzjonijiet oħra f'pajjiżi terzi jeħtieġu dan, għandu jiġi konkluż ftehim dwar l-istatus bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat.
L-għan tal-ftehim dwar l-istatus huwa li jkopri l-aspetti kollha li huma meħtieġa għat-twettiq tal-azzjonijiet tal-Aġenzija f'pajjiżi terzi. Barra minn hekk, huwa għandu jistipula l-ambitu tal-operazzjoni, ir-responsabbiltà ċivili u penali u l-kompiti u s-setgħat tal-membri tat-timijiet li jintbagħtu f'pajjiż terz. Il-ftehimiet dwar l-istatus għandhom jiggarantixxu wkoll ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u l-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' lment iddedikati li għandhom jintużaw f'każ ta' ksur tad-drittijiet fundamentali matul dawn l-operazzjonijiet.
Skont ir-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u kif imsemmi fl-Artikolu 54(5) tar-Regolament, il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha COM(2016)747 tat-22 ta' Novembru 2016 ippreżentat mudell ta' ftehim dwar l-istatus li fih dispożizzjonijiet speċifiċi għat-twettiq ta' azzjonijiet fit-territorju ta' pajjiżi terzi.
Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern fl-1 ta' Frar 2018 ġie informat dwar il-progress li sar fin-negozjati dwar il-ftehim dwar l-istatus bejn l-Unjoni Ewropea u l-Albanija.
b. Pożizzjoni tar-Rapporteur
Ir-rapporteur iqis li l-konklużjoni ta' ftehimiet formali u legalment vinkolanti fil-qafas ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, għall-kuntrarju tal-konklużjoni ta' arranġament informali ta' ħidma, hija ta' importanza kruċjali sabiex jiġu żgurati t-trasparenza, l-iskrutinju pubbliku u s-sorveljanza demokratika ta' tali kooperazzjoni. Madankollu, kwalunkwe ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandu jitqies b'attenzjoni, għandu jkollu valur miżjud u għandu jkun strettament neċessarju u proporzjonat f'termini ta' skop u ta' kontenut.
Għalhekk, dan il-ftehim dwar l-istatus u dawk li se jsegwuh huma kruċjali, mhux biss sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u r-responsabbiltà tal-kooperazzjoni operattiva tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta ma' pajjiżi terzi, iżda wkoll sabiex jiġi żgurat qafas ċar għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE. Il-ftehim dwar l-istatus għandu jiżgura wkoll il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u jenfasizza d-dmir tal-membri tat-tim li jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, b'mod speċifiku fir-rigward tal-aċċess għal proċeduri tal-asil, id-dinjità tal-bniedem u l-projbizzjoni tat-tortura, it-trattament inuman jew degradanti, id-dritt għal-libertà, il-prinċipju ta' non-refoulement u l-projbizzjoni tat-tkeċċijiet kollettivi, id-drittijiet tat-tfal u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja fi ħdan l-ambitu tal-ftehim. Barra minn hekk, huwa għandu jistabbilixxi b'mod sistematiku l-obbligu li jiġu stabbiliti u jitħaddmu mekkaniżmi ta' lment effettivi b'rabta mad-drittijiet fundamentali, f'konformità mal-Artikolu 72 tar-Regolament (UE) 2016/1624, li jiżguraw il-possibbiltà ta' rimedju f'każ ta' ksur tad-drittijiet fundamentali waqt it-twettiq ta' operazzjonijiet fil-qafas ta' din il-kooperazzjoni.
Sabiex jiġi ffaċilitat tħaddim funzjonali u tajjeb tal-Aġenzija fil-ġejjieni rigward il-kooperazzjoni ta' pajjiżi terzi, ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, il-protezzjoni tad-data u l-privatezza għandhom jitqiesu bis-sħiħ ukoll fil-ftehimiet futuri. Status legali sodisfaċenti tal-membri tat-tim b'regoli ċari dwar ir-responsabbiltà penali, ċivili u amministrattiva għandu dejjem jiġi inkluż sabiex tiġi żgurata responsabbiltà adegwata. F'dak li jirrigwarda n-negozjati futuri biex jiġu stabbiliti ftehimiet dwar l-istatus, ir-Rapporteur jistieden lill-Kummissjoni biex dejjem twettaq valutazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem/tad-drittijiet fundamentali tal-pajjiż terz ikkonċernat qabel ma timpenja ruħha fin-negozjati u biex tikkomunika fil-pront ir-riżultat ta' tali valutazzjoni lill-Parlament Ewropew.
Rigward l-iżvilupp tar-Regolament tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-qasam tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, ir-Rapporteur jenfasizza l-importanza li jiġi evitat it-twessigħ tal-ambitu tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi lil hinn minn dawk li jikkondividu fruntiera tal-art esterna ma' Stat Membru, f'konformità mal-mandat tal-Aġenzija li tappoġġa lill-Istati Membri fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE.
Fid-dawl tal-konklużjoni tal-ftehimiet dwar l-istatus li jmiss ma' pajjiżi terzi, ir-Rapporteur jistieden lill-Kummissjoni biex minnufih tagħmel disponibbli u pubbliċi d-dokumenti kollha li huma meħtieġa biex il-Parlament iwettaq il-ħidma istituzzjonali tiegħu u jibda l-proċeduri ta' approvazzjoni rilevanti skont l-Artikolu 99(1) u (4) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, inkluż l-abbozz tal-verżjonijiet tal-ftehim dwar l-istatus qabel il-konklużjoni tiegħu. Dan jiżgura trasparenza u skrutinju pubbliku xieraq u sorveljanza demokratika ta' ftehimiet bħal dawn.
Bħala konklużjoni, ir-Rapporteur iqis li l-ftehim dwar l-istatus propost huwa konsistenti mal-mudell tal-ftehim dwar l-istatus kif previst fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kontenut u d-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu inklużi fil-ftehim finali.
Peress li dan il-ftehim dieħel fil-fażi ta' implimentazzjoni, il-Parlament jitlob li l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tinforma minnufih lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet imwettqa bħala parti mill-implimentazzjoni tal-ftehim dwar l-istatus, u jfakkar lill-Aġenzija fl-obbligu tagħha li tinkludi valutazzjoni tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi fir-rapporti annwali tagħha skont l-Artikolu 54(11) tar-Regolament (UE) Nru 2016/1624.
Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, ir-rapporteur jirrakkomanda li l-Parlament japprova l-abbozz tat-test tad-Deċiżjoni tal-Kunsill.
PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
|
Titolu |
Konklużjoni tal-ftehim ta’ status bejn l-UE u r-Repubblika tal-Albanija dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Albanija |
||||
|
Referenzi |
10302/2018 – C8-0433/2018 – COM(2018)0458 – 2018/0241(NLE) |
||||
|
Data tal-konsultazzjoni / talba għal approvazzjoni |
9.10.2018 |
|
|
|
|
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
LIBE 22.10.2018 |
|
|
|
|
|
Kumitati mitluba jagħtu opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
AFET 22.10.2018 |
BUDG 22.10.2018 |
PECH 22.10.2018 |
|
|
|
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija Data tad-deċiżjoni |
AFET 20.6.2018 |
BUDG 28.6.2018 |
PECH 20.6.2018 |
|
|
|
Rapporteurs Data tal-ħatra |
Bodil Valero 14.5.2018 |
|
|
|
|
|
Eżami fil-kumitat |
19.11.2018 |
10.12.2018 |
|
|
|
|
Data tal-adozzjoni |
10.12.2018 |
|
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
28 3 0 |
|||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Martina Anderson, Monika Beňová, Michał Boni, Cornelia Ernst, Romeo Franz, Nathalie Griesbeck, Jussi Halla-aho, Monika Hohlmeier, Sophia in ‘t Veld, Dietmar Köster, Juan Fernando López Aguilar, Roberta Metsola, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Ivari Padar, Giancarlo Scottà, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Helga Stevens, Bodil Valero, Harald Vilimsky, Josef Weidenholzer |
||||
|
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Marek Jurek, Jean Lambert, Angelika Mlinar, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Barbara Spinelli, Axel Voss |
||||
|
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Lucy Anderson, Margrete Auken, Anthea McIntyre |
||||
|
Data tat-tressiq |
13.12.2018 |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
|
28 |
+ |
|
|
ALDE |
Nathalie Griesbeck, Sophia in 't Veld, Angelika Mlinar, Maite Pagazaurtundúa Ruiz |
|
|
ECR |
Jussi Halla-aho, Marek Jurek, Anthea McIntyre, Helga Stevens |
|
|
ENF |
Giancarlo Scottà, Harald Vilimsky |
|
|
PPE |
Michał Boni, Monika Hohlmeier, Roberta Metsola, Csaba Sógor, Axel Voss |
|
|
S&D |
Lucy Anderson, Monika Beňová, Dietmar Köster, Juan Fernando López Aguilar, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Ivari Padar, Birgit Sippel, Josef Weidenholzer |
|
|
VERTS/ALE |
Margrete Auken, Romeo Franz, Jean Lambert, Bodil Valero |
|
|
3 |
- |
|
|
GUE/NGL |
Martina Anderson, Cornelia Ernst, Barbara Spinelli |
|
|
0 |
0 |
|
|
|
|
|
It-tifsira tas-simboli:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni