RAPPORT li fih mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra

19.12.2018 - (10593/2018 – C8-0463/2018 – 2018/0256M(NLE))

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Patricia Lalonde


Proċedura : 2018/0256M(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0478/2018
Testi mressqa :
A8-0478/2018
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI MHUX LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra

(10593/2018 – C8-0463/2018 – 2018/0256M(NLE))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (10593/2018),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(4) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0463/2018),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-UE u l-Marokk dwar miżuri reċiproċi ta' liberalizzazzjoni fir-rigward tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tas-sajd, magħruf ukoll bħala l-Ftehim ta' Liberalizzazzjoni, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2013,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Kawża T-512/12) tal-10 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-QtĠ-UE (Kawża C-104/16 P) tal-21 ta' Diċembru 2016,

–  wara l-kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal SWD(2018)0346 tal-11 ta' Ġunju 2018, li jakkumpanja l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati tal-23 ta' Mejju 1969 u l-Artikoli 34 u 36 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali dwar is-sitwazzjoni rigward is-Saħara tal-Punent lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (S/2018/277),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti Nru 2414(2018) dwar is-sitwazzjoni li tikkonċerna s-Saħara tal-Punent (S/RES/2414 (2018)),

  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari l-Artikolu 73 fil-Kapitolu XI tagħha dwar it-Territorji mhux Awtonomi,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 21 fil-Kapitolu 1, Titolu V tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu ta'...[1] dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, kif ukoll il-pożizzjoni fil-forma ta' emendi tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0478/2018),

A.  billi l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk igawdu minn relazzjonijiet storiċi u jżommu kooperazzjoni mill-qrib żviluppata permezz ta' sħubija wiesgħa li tkopri aspetti politiċi, ekonomiċi u soċjali, kif imsaħħa mill-istatus avvanzat u mir-rieda taż-żewġ partijiet li jkomplu jiżviluppawha;

B.  billi l-Ftehim ta' Liberalizzazzjoni bejn l-UE u l-Marokk daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2013; billi fid-19 ta' Novembru 2012 il-Front Polisario rrefera l-ftehim quddiem il-QtĠ-UE minħabba ksur tad-dritt internazzjonali kif applikat għat-territorju tas-Saħara tal-Punent;

C.  billi fl-10 ta' Diċembru 2015 il-Qorti tal-ewwel istanza irrevokat id-deċiżjoni tal-Kunsill li jikkonkludi l-Ftehim ta' Liberalizzazzjoni; billi l-Kunsill unanimament appella din is-sentenza fid-19 ta' Frar 2016;

D.  billi l-Qorti Ġenerali tal-QtĠ-UE, fis-sentenza tagħha tal-21 ta' Diċembru 2016, stabbiliet li l-Ftehim ta' Liberalizzazzjoni ma kienx joffri bażi legali għall-inklużjoni tas-Saħara tal-Punent, u għalhekk ma setax japplika għal dan it-territorju;

E.   billi l-paragrafu 106 tas-sentenza jiddikjara li l-popli tas-Saħara tal-Punent għandhom jiġu kkunsidrati bħala "parti terza" għall-ftehim – skont it-tifsira tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati – u li għalhekk iridu japprovaw il-ftehim biex dan jiġi implimentat f'dan it-territorju; billi, għaldaqstant, dan il-ftehim ma setax jestendi l-applikazzjoni tiegħu għat-territorju tas-Saħara tal-Punent fin-nuqqas ta' ftehim ulterjuri;

F.  billi l-operaturi għadhom jistgħu jesportaw lejn l-Unjoni Ewropea mis-Saħara tal-Punent, iżda sa mill-21 ta' Diċembru 2016 il-preferenzi tariffarji għal prodotti li joriġinaw minn dan it-territorju m'għadhomx japplikaw;

G.  billi l-informazzjoni disponibbli mhijiex suffiċjenti biex tippermetti lill-awtoritajiet doganali tal-UE jistabbilixxu jekk il-prodotti esportati mill-Marokk joriġinawx mis-Saħara tal-Punent, u b'hekk tipprevjeni l-konformità mas-sentenza tal-QtĠ-UE;

H.  billi, wara s-sentenza tal-QtĠ-UE, il-Kunsill ta mandat lill-Kummissjoni biex timmodifika l-protokolli 1 u 4 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju sabiex ikunu jistgħu jiġu inklużi l-prodotti mis-Saħara tal-Punent; billi l-inklużjoni tagħhom minnha nfisha tirrikjedi xi forma ta' traċċabilità għall-identifikazzjoni ta' dawn il-prodotti;

I.  billi huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-Ftehim ikun konformi mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta' Diċembru 2016 fil-Kawża C-104/16 P,

J.  billi l-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ikkonsultaw, fi Brussell u f'Rabat, ma' uffiċjali eletti u ma' diversi rappreżentanti u assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mit-territorju mhux awtonomu tas-Saħara tal-Punent;

K.  billi l-Parlament qies li kien jeħtieġ li huwa stess imur u jivvaluta s-sitwazzjoni direttament u jifhem il-fehmiet differenti tan-nies; billi fakkar fil-konklużjonijiet tal-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni tal-Kumitat INTA fit-territorju fit-2 u t-3 ta' Settembru 2018;

L.  billi l-modifika tal-Ftehim ta' Liberalizzazzjoni, qed issir f'kuntest politiku u ġeopolitiku usa';

M.  billi, wara tmiem il-kolonizzazzjoni Spanjola tas-Saħara tal-Punent, il-kunflitt fiż-żona ilu għaddej aktar minn erbgħin sena;

N.  billi s-Saħara tal-Punent titqies min-Nazzjonijiet Uniti bħala territorju mhux dekolonizzat;

O.  billi r-riżoluzzjoni 2440 (2018) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti estendiet il-mandat tal-MINURSO għal perjodu addizzjonali ta' sitt xhur;

P.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha ma jirrikonoxxux is-sovranità tal-Marokk fuq it-territorju tas-Saħara tal-Punent; billi n-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Afrikana jirrikonoxxu lill-Front Polisario bħala r-rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent;

Q.  billi n-Nazzjonijiet Uniti jelenkaw is-Saħara tal-Punent bħala Territorju mhux Awtonomu għall-finijiet tal-Artikolu 73 tal-Karta tan-NU;

1.  Ifakkar li l-Marokk huwa sieħeb privileġġjat tal-UE fil-Viċinat tan-Nofsinhar, li miegħu l-UE bniet sħubija b'saħħitha, strateġika u dejjiema li tkopri aspetti politiċi, ekonomiċi u soċjali, kif ukoll is-sigurtà u l-migrazzjoni; jenfasizza li l-Marokk ingħata status avvanzat fi ħdan il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV);

2.  Jisħaq fuq l-importanza li dan il-ftehim jagħti garanziji rigward ir-rispett tad-dritt internazzjonali, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, u jikkonforma mad-deċiżjoni rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

3.  Ifakkar fl-obbligu skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li l-UE u l-Istati Membri tagħha jirrispettaw il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-Artikolu 2 tal-Karta tan-NU jinkludi r-rispett tal-prinċipju tal-awtodeterminazzjoni tal-popli;

4.  Ifakkar li, skont l-Artikolu 21 tat-TUE, l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tkun iggwidata mill-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u r-rispett tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali;

5.  Jenfasizza li dan il-ftehim ma jimplika l-ebda forma ta' rikonoxximent għas-sovranità tal-Marokk fuq is-Saħara tal-Punent, li bħalissa hija elenkat min-Nazzjonijiet Uniti bħala territorju mhux awtonomu, li partijiet kbar minnha bħalissa huma amministrati mir-Renju tal-Marokk, u jinsisti li l-pożizzjoni tal-UE tibqa' dik li tappoġġja l-isforzi tan-NU biex tiżgura soluzzjoni ġusta, dejjiema u reċiprokament aċċettabbli għall-kunflitt fis-Saħara tal-Punent li se tipprovdi l-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, skont id-dritt internazzjonali, il-Karta tan-NU u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NU; itenni għalhekk, l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-Mibgħut Personali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-Saħara tal-Punent, is-Sur Horst Köhler, biex jgħin ħalli jġib lill-partijiet madwar il-mejda tan-negozjati tan-NU sabiex jiksbu din is-soluzzjoni; jistieden lill-partijiet jerġgħu jibdew dawn in-negozjati mingħajr prekundizzjonijiet u in bona fide; jenfasizza li r-ratifika tal-Ftehim ta' Liberalizzazzjoni emendat bejn l-UE u l-Marokk trid tkun strettament mingħajr preġudizzju għall-eżitu tal-proċess ta' paċi dwar is-Saħara tal-Punent;

6.  Jirrimarka li fil-bidu ta' Diċembru f'Ġinevra saret għandha ssir laqgħa tal-partijiet involuti fil-kunflitt fuq l-inizjattiva tan-NU u bil-parteċipazzjoni tal-Alġerija u tal-Mauritania, u jittama li din il-laqgħa tgħin biex il-proċess ta' paċi jaqbad sewwa;

7.  Jirrikonoxxi ż-żewġ kondizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza tal-QtĠ-UE, jiġifieri li s-Saħara tal-Punent tissemma' b'mod espliċitu fit-test tal-Ftehim u li jinkiseb il-kunsens tal-poplu, flimkien mat-tielet kriterju li ġie miżjud mill-Kunsill, jiġifieri l-bżonn li jiġi żgurat li l-ftehim ikun ta' benefiċċju għall-popolazzjoni lokali;

8.  Jenfasizza, kif jiddikjara r-rapport tal-Kummissjoni, li ttieħdu l-passi raġonevoli u fattibbli kollha biex isir stħarriġ dwar il-kunsens tal-popolazzjoni kkonċernata, permezz ta' dawn il-konsultazzjonijiet inklussivi;

9.  Jissottolinja li, matul il-proċess ta' konsultazzjoni, il-Kummissjoni u s-SEAE żammew kuntatt regolari mat-tim tal-Mibgħut Personali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-Saħara tal-Punent, biex jiżguraw li l-ftehim propost jappoġġja l-isforzi tan-NU biex tinstab soluzzjoni dejjiema;

10.  Jieħu nota tal-interessi leġittimi tan-nies fit-territorju, u jemmen li hemm bżonn li soluzzjoni rispettata u aċċettata tal-kunflitt li għadu għaddej hija meħtieġa għall-iżvilupp ekonomiku tat-territorju; huwa konvint, fl-istess waqt, li l-poplu Saħrawi għandu d-dritt li jiżviluppa huwa u jistenna soluzzjoni politika;

11.  Jinnota li, f'taħditiet ma' diversi atturi ekonomiċi lokali u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, xi partijiet jesprimu l-approvazzjoni tagħhom għall-ftehim billi jiddefendu d-dritt tagħhom għall-iżvilupp ekonomiku, filwaqt li oħrajn jikkunsidraw li s-soluzzjoni tal-kunflitt politiku għandha tasal qabel l-għoti tal-preferenzi kummerċjali; jinnota li, matul konsultazzjonijiet inklussivi mmexxija mill-Kummissjoni u mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ma' firxa ta' organizzazzjonijiet tas-Saħara tal-Punent u ma' organizzazzjonijiet u korpi oħra, il-maġġoranza tal-partijiet li ħadu sehem esprimew appoġġ għall-benefiċċji soċjoekonomiċi li l-preferenzi tariffarji proposti jġibu magħhom;

12.  Ifakkar li, fis-sentenza tagħha, il-QtĠ-UE ma speċifikatx b'liema mod għandha tiġi espressa l-approvazzjoni tal-poplu, u għalhekk iqis li għad fadal xi ftit inċertezza rigward dan il-kriterju;

13.  Jirrikonoxxi li l-ftehim jista' jwassal għall-promozzjoni ta' żvilupp soċjali u sostenibbli li jagħti kontribut ewlieni għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali kurrenti u għall-ħolqien potenzjali ta' opportunitajiet ta' impjieg lokali kemm għal persuni b'livell baxx ta' ħiliet u kemm għal dawk b'ħiliet ta' livell għoli; jinnota li huwa stmat li madwar 59 000 impjieg huma dipendenti fuq l-esportazzjonijiet, li jikkorrispondu għal madwar 10 % tal-popolazzjoni li tgħix fit-territorju;

14.  Jemmen li l-preferenzi tariffarji tal-UE kellhom impatt pożittiv fuq is-setturi tal-prodotti agrikoli u tas-sajd u fuq il-livelli ta' esportazzjoni tagħhom fit-territorju mhux awtonomu tas-Saħara tal-Punent; jitlob kawtela, madankollu, biex jiġi vverifikat li dawn jipproduċu valur miżjud lokali, jiġu investiti mill-ġdid lokalment, u jipprovdu opportunitajiet ta' xogħol deċenti għall-popolazzjoni lokali;

15.  Huwa konvint, li minkejja l-eżitu tal-proċess ta' paċi, il-popolazzjoni lokali se tgawdi mill-iżvilupp ekonomiku u mill-effetti sekondarji ġġenerati f'termini ta' investiment fl-infrastruttura, fl-impjiegi, fis-saħħa u fl-edukazzjoni;

16.  Jirrikonoxxi l-investiment eżistenti f'diversi setturi, kif ukoll l-isforzi biex jiġu żviluppati teknoloġiji ekoloġiċi bħalma huma s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-impjant ta' desalinizzazzjoni tal-ilma baħar, iżda jinsisti li hemm bżonn aktar sforzi biex tiġi żgurata inklużjoni akbar f'kull parti tal-ekonomija lokali;

17.  Jirrikonoxxi l-inizjattivi ta' negozju min-naħa ta' nies Saħrawi, speċjalment dawk minn żgħażagħ Saħrawi, li ħafna minnhom huma nisa, u jirrileva l-bżonn tagħhom għal opportunitajiet ta' esportazzjoni estiżi u ta' ċertezza legali li jippermettu aktar investiment f'setturi b'domanda kbira għal ħaddiema, bħalma huma l-agrikoltura, is-sajd u l-infrastruttura;

18.  Jirrikonoxxi l-potenzjal strateġiku tas-Saħara tal-Punent bħala ċentru ta' investiment għall-bqija tal-kontinent Afrikan;

19.  Iwissi dwar l-effetti negattivi ta' nuqqas ta' applikazzjoni tal-preferenzi tariffarji fuq prodotti mit-territorju mhux awtonomu tas-Saħara tal-Punent, u dwar il-messaġġ li dan jibgħat lill-ġenerazzjoni żagħżugħa li tinvesti fit-territorju jew li hija lesta tinvesti fih u lill-potenzjal li din għandha biex tiżviluppa t-territorju; jissottolinja r-riskju li l-attivitajiet jiġu rilokati lejn reġjuni fil-Marokk fejn jibbenefikaw mill-preferenzi; jinnota li, skont il-Kummissjoni, in-nuqqas ta' implimentazzjoni ta' preferenzi tariffarji jista' jgħarraq is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tal-popolazzjoni lokali fit-territorji kkonċernati;

20.  Huwa konvint li preżenza tal-UE permezz tal-kummerċ u l-investiment, fost l-oħrajn, hija preferibbli mill-irtirar f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħidma ta' promozzjoni u monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet individwali, u jitlob valutazzjoni u djalogu rigorużi mal-parti Marokkina dwar dawn il-kwistjonijiet;

21.  Ifakkar li partijiet oħra tad-dinja li għandhom approċċ anqas ambizzjuż rigward l-iżvilupp sostenibbli, standards tax-xogħol u soċjali għoljin u d-drittijiet tal-bniedem qed iħabbtu l-bieb għal opportunitajiet kummerċjali ġodda u se jiksbu aktar influwenza kull fejn l-UE tirtira;

22.  Jirrileva li l-impenn kontinwu tal-UE fit-territorju se jkollu effett ta' lieva pożittiv fuq l-iżvilupp sostenibbli tiegħu;

23.  Jissottolinja li ċ-ċertezza legali hija essenzjali biex tattira investiment sostenibbli u fit-tul fit-territorju u għaldaqstant għad-dinamiżmu u d-diversifikazzjoni tal-ekonomija lokali;

24.  Ifakkar li, mis-sentenza tal-QtĠ-UE 'l hawn, l-Istati Membri ma jistgħux legalment japplikaw preferenzi kummerċjali għal prodotti mit-territorju mhux awtonomu tas-Saħara tal-Punent, u li l-inċertezza legali li taffettwa lill-operaturi ekonomiċi trid tispiċċa;

25.  Huwa konxju mill-fatt, u mħasseb ħafna dwaru, li sal-lum kien diffiċli għall-aħħar li dak li jkun jidentifika liema prodotti huma esportati mit-territorju mhux awtonomu tas-Saħara tal-Punent;

26.  Jenfasizza li kriterju ewlieni għall-Parlament qabel ma jagħti l-kunsens tiegħu għall-ftehim huwa li jkun żgurat li mekkaniżmu jiġi implimentat biex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkollhom aċċess għal informazzjoni affidabbli dwar prodotti li joriġinaw fis-Saħara tal-Punent u li jiġu importati fl-UE, b'konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni doganali tal-UE; jenfasizza li tali mekkaniżmu se jagħmel disponibbli data statistika dettaljata u diżaggregata li tkun ipprovduta f'waqtha dwar tali esportazzjonijiet; jirrikonoxxi l-isforzi mill-Kummissjoni u mill-Marokk biex jippruvaw isibu soluzzjoni għal din it-talba, u jistedinhom jimplimentaw tali mekkaniżmu; jitlob li l-Kummissjoni tuża kull miżura korrettiva disponibbli f'każ li l-implimentazzjoni tal-ftehim ma tkunx sodisfaċenti;

27.  Jirrileva li, mingħajr dan il-ftehim fis-seħħ, inkluż il-mekkaniżmu li jippermetti l-identifikazzjoni tal-prodotti, se jkun impossibbli li wieħed ikun jaf jekk prodotti li joriġinaw fit-territorju mhux awtonomu tas-Saħara tal-Punent jkunux qed jidħlu fis-suq Ewropew, u f'liema kwantità jkunu qed jidħlu fih;

28.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tad-dispożizzjoni maqbula bejn l-UE u l-Marokk dwar l-iskambju annwali reċiproku ta' informazzjoni u statistika dwar prodotti koperti mill-Iskambju ta' Ittri hija meħtieġa biex l-ambitu tal-Ftehim u l-impatt tiegħu fuq l-iżvilupp u l-popolazzjonijiet lokali jiġu evalwati;

29.  Jitlob li l-Kummissjoni u s-SEAE jimmonitorjaw mill-qrib l-implimentazzjoni u r-riżultat tal-ftehim u jirrapportaw il-konstatazzjonijiet tagħhom lill-Parlament b'mod regolari;

30.  Jirrimarka li l-UE u l-Marokk, kif kien previst fil-ftehim inizjali tal-2012, innegozjaw ftehim ambizzjuż u komprensiv dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd, li jipprevedi l-protezzjoni mill-Marokk tal-lista sħiħa tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-Unjoni; jirrimarka wkoll, barra minn hekk, li l-proċedura għall-konklużjoni tal-ftehim, li bdiet fl-2015, kienet ġiet sospiża wara s-sentenza tal-Qorti tal-21 ta' Diċembru 2016; jistieden lill-UE u lill-Marokk biex jissoktaw il-proċedura immedjatament u jerġgħu lura malajr għan-negozjati tad-DCFTA;

31.  Jenfasizza li t-trattament preferenzjali mogħti għal ċerti esportazzjonijiet ta' frott u ħaxix mill-Marokk lejn l-UE fl-ambitu tal-ftehim tat-8 ta' Marzu 2012 dwar il-miżuri ta' liberalizzazzjoni reċiproka fuq prodotti agrikoli, prodotti agrikoli pproċessati, ħut u prodotti tas-sajd huwa kwistjoni partikolarment sensittiva għall-industrija tal-ortikultura Ewropea;

32.  Jenfasizza li l-aċċess għas-suq intern tal-UE mill-pajjiżi terzi kollha għandu jkun konformi mar-regoli u mal-istandards tal-UE dwar is-saħħa, is-saħħa tal-pjanti, it-traċċabbiltà u l-ambjent;

33.  Jitlob li l-Kummissjoni tippromwovi ekwivalenza tal-miżuri u l-kontrolli bejn il-Marokk u l-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-istandards dwar is-saħħa, is-saħħa tal-pjanti, it-traċċabbiltà u l-ambjent, kif ukoll ir-regoli dwar it-tikkettar tal-oriġini, sabiex tiggarantixxi kompetizzjoni ġusta bejn iż-żewġ swieq;

34.  Ifakkar li l-ftehim aġġornat ma jbiddilx il-kwoti tar-rata tariffarja u r-reġim ta' importazzjoni preferenzjali li kien ġie stabbilit qabel, u li lill-produtturi Ewropej jipprovdilhom biss kjarifika dwar l-ambitu ġeografiku tal-ftehim;

35.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li parti mill-frott u l-ħxejjex esportati bi preferenzi lejn l-Unjoni fl-ambitu tal-ftehim inkwistjoni (fosthom it-tadam u l-bettieħ) ġejja mit-territorju tas-Saħara tal-Punent, u jirrimarka li tfasslu proġetti ambizzjużi biex ikomplu jiżviluppaw din il-produzzjoni u dawn l-esportazzjonijiet;

36.  Jieħu nota, madankollu, tal-kjarifika li ġab miegħu dan il-ftehim il-ġdid, u jittama li minn hawn 'il quddiem ikun jista' jipprovdi qafas ċar u stabbli bejn il-partijiet f'dan il-ftehim u għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati fuq iż-żewġ naħat tal-Mediterran;

37.  Jinnota li l-monitoraġġ ta' prodotti agrikoli sensittivi u l-applikazzjoni stretta tal-kwoti huma fundamentali għall-funzjonament ibbilanċjat tal-ftehim; jirrimarka li, fl-Artikolu 7 tal-Protokoll Nru 1 tal-Ftehim tal-2012, hemm klawsola ta' salvagwardja li tagħmilha possibbli li jittieħdu miżuri xierqa meta importazzjonijiet ta' kwantitajiet kbar ta' prodotti agrikoli sensittivi bis-saħħa tal-ftehim iwasslu għal taqlib serju tas-suq u/jew dannu serju lill-industrija kkonċernata; jittama li l-importazzjonijiet bi preferenzi ta' prodotti agrikoli sensittivi fl-UE mill-Marokk u mis-Saħara tal-Punent fl-Unjoni jkunu soġġetti għal monitoraġġ f'loku u wiesgħa mill-Kummissjoni, u li din tal-aħħar tibqa' tibqa' lesta li tattiva l-klawsola msemmija fejn tqum ħtieġa stabbilita;

38.  Jinnota l-fatt li l-bastimenti tas-sajd tal-UE li joperaw fl-ibħra kkonċernati huma obbligati legalment li jkollhom Sistema ta' Monitoraġġ tal-Bastimenti (VMS) u li huwa obbligatorju li l-pożizzjoni ta' bastiment tiġi trażmessa lill-awtoritajiet Marokkini, li jagħmilha totalment possibbli li bastimenti jiġu ttraċċati u li jiġi rreġistrat fejn l-attivitajiet tas-sajd tagħhom ikunu saru;

39.  Jitlob li l-UE tintensifika l-isforzi biex trawwem il-kooperazzjoni reġjonali fost il-pajjiżi tal-Magreb, li jista' jkollha biss implikazzjonijiet pożittivi enormi għar-reġjun u lil hinn minnu;

40.  Jirrimarka l-ħtieġa strateġika li l-UE taħdem ruħha aktar mill-qrib mal-pajjiżi tar-reġjun tal-Magreb u tiżviluppa r-rabtiet tagħha magħhom; iqis l-estensjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni f'dan il-kuntest bħala komponent loġiku ta' din l-istrateġija;

41.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

  • [1]  Testi adottati, P8_TA(0000)0000.
Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Jannar 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza