Proċedura : 2017/0231(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0012/2019

Testi mressqa :

A8-0012/2019

Dibattiti :

PV 15/04/2019 - 19
CRE 15/04/2019 - 19

Votazzjonijiet :

PV 16/04/2019 - 8.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0376

RAPPORT     ***I
PDF 264kWORD 66k
14.1.2019
PE 625.359v01-00 A8-0012/2019

dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u d-Direttiva 2009/138/KE dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II)

(COM(2017)0537 – C8-0318/2017 – 2017/0231(COD))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur: Othmar Karas, Pervenche Berès

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u d-Direttiva 2009/138/KE dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II)

(COM(2017)0537 – C8-0318/2017 – 2017/0231(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0537),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 53(1) u 62 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0318/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-11 ta' Mejju 2018,(1)

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-15 ta' Frar 2018,(2)

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0012/2019),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi/tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda    1

EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW(3)*

għall-proposta tal-Kummissjoni

---------------------------------------------------------

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u d-Direttiva 2009/138/KE dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1) u (62) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,(4)

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(5),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja,

Billi:

(1)  Id-Direttiva 2014/65/UE toħloq qafas regolatorju għal fornituri ta' servizzi ta' rappurtar tad-dejta u tirrikjedi li servizzi ta' rappurtar ta' dejta wara l-kummerċ jiġu awtorizzati bħala arranġamenti ta' pubblikazzjoni approvati (APAs). Barra minn hekk, fornituri ta' tape konsolidat (CTP) huma obbligati li joffru dejta konsolidata ta' kummerċ li tkopri l-kummerċ kollu f'kemm l-istrumenti ta' ekwità u dawk mhux ta' ekwità fl-Unjoni kollha, f'konformità mad-Direttiva 2014/65/UE. Id-Direttiva 2014/65/UE tifformalizza wkoll kanali ta' rappurtar ta' tranżazzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti billi tirrikjedi li partijiet terzi jirrapportaw f'isem il-kumpaniji li jridu jiġu awtorizzati bħala mekkaniżmi ta' rapportar approvati (ARMs).

(2)  Il-kwalità tad-dejta ta' negozjar u tal-ipproċessar u l-forniment ta' dik id-dejta, inklużi l-ipproċessar u l-forniment ta' dejta transfruntiera huma ta' importanza kbira sabiex jinkiseb l-objettiv ewlieni tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li huwa li tissaħħaħ it-trasparenza tas-swieq finanzjarji. Dejta preċiża tipprovdi lill-utenti b'ħarsa ġenerali tal-attività ta' negozjar fis-swieq finanzjarji u fl-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni b'informazzjoni preċiża u komprensiva dwar it-tranżazzjonijiet rilevanti. Minħabba d-dimensjoni transfruntiera tal-immaniġġjar tad-dejta, il-benefiċċji tal-ġbir ta' kompetenzi relatati mad-dejta, inklużi ekonomiji potenzjali ta' skala - u l-impatt avvers ta' diverġenzi potenzjali fil-prattiċi superviżorji fuq kemm il-kwalità tad-dejta tan-negozjar u fuq id-dmirijiet ta' fornituri ta' servizzi ta' rapportar ta' dejta, huwa għalhekk xieraq li l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni ta' fornituri ta' servizzi ta' rapportar ta' dejta, kif ukoll setgħat ta' ġbir ta' dejta jiġu trasferiti mill-awtoritajiet kompetenti lill-ESMA.

(3)  Sabiex jinkiseb trasferiment konsistenti ta' tali setgħat, huwa xieraq li jitħassru dispożizzjonijiet rispettivi li jirrelataw mar-rekwiżiti operazzjonali għal DRSPs u mal-kompetenzi ta' awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta' fornituri ta' servizzi ta' rappurtar ta' dejta stabbiliti fid-Direttiva 2014/65/UE, u biex jiġu introdotti d-dispożizzjonijiet rispettivi fir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6).

(4)  It-trasferiment tal-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni ta' fornituri ta' servizzi ta' rappurtar ta' dejta lill-ESMA huwa kompatibbli mal-kompiti tal-ESMA. B'mod iktar speċifiku, l-għoti ta' setgħat ta' ġbir ta' dejta, l-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza minn awtoritajiet kompetenti lill-ESMA huwa strumentali għall-kompiti l-oħra li ESMA qed twettaq taħt ir-Regolament (UE) Nru 600/2014, bħall-monitoraġġ tas-suq, setgħat ta' intervenzjoni temporanji tal-ESMA u setgħat ta' ġestjoni ta' pożizzjoni, kif ukoll l-iżgurar ta' konformità konsistenti ma' rekwiżiti ta' trasparenza ta' qabel u ta' wara l-kummerċ. Id-Direttiva 2014/65/UE jenħtieġ għalhekk li tiġi emendata skont dan,

(5)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7) (Solvibbiltà II) tipprovdi li, f'konformità mal-approċċ orjentat lejn ir-riskji tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, huwa possibbli, f'ċirkostanzi speċifiċi, li impriżi u gruppi ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni jużaw mudelli interni għall-kalkolu ta' dak ir-rekwiżit minflok ma' jużaw il-formula l-istandard.

(7)  Sabiex jiġi żgurat grad għoli ta' konverġenza fil-qasam tas-superviżjoni u l-approvazzjoni ta' mudelli interni, l-EIOPA jenħtieġ li tkun kapaċi li toħroġ pariri dwar kwistjonijiet li jirrelataw ma' tali mudelli interni.

(8)  Bil-għan li tippromwovi konverġenza superviżorja, l-EIOPA jentħieġ li tkun tista', fuq talba tal-awtoritajiet superviżorji, tgħinhom biex jilħqu ftehim. F'ċirkostanzi speċifiċi, fejn l-awtoritajiet superviżorji jonqsu milli jilħqu ftehim fuq l-approvazzjoni ta' mudell intern tal-grupp u qabel mas-superviżur tal-grupp jadotta d-deċiżjoni finali tiegħu, impriża jenħtieġ li tkun tista' titlob l-EIOPA biex timmedja u tassisti l-awtoritajiet superviżorji biex jilħqu ftehim.

(9)  Sabiex iqisu t-twaqqif il-ġdid ta' panels skont ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010, dispożizzjonijiet rilevanti fis-Solvibbiltà II li jirreferu għal panels jenħtieġ li jiġu emendati sabiex jallinjawhom mal-proċedura l-ġdida għal medjazzjoni vinkolanti skont dak ir-Regolament.

(10)  Sabiex titqies is-sostituzzjoni tal-Kumitat tas-Sorveljanti tal-Assigurazzjonijiet u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol Ewropej (CEIOPS) mill-EIOPA, jenħtieġ li jitħassru referenzi fis-Solvibbiltà II għal CEIOPS.

(11)  Għaldaqstant jenħtieġ li d-Direttiva 2009/138/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2014/65/UE

Id-Direttiva 2014/65/UE hija emendata kif ġej:

(1)  L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)  il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"1.  Din id-Direttiva għandha tapplika għad-ditti tal-investiment, għal operaturi tas-swieq u ditti ta' pajjiżi terzi li jipprovdu servizzi ta' investiment jew li jwettqu attivitajiet ta' investiment permezz tal-istabbiliment ta' fergħa fl-Unjoni.";

(b)  fil-paragrafu 2, il-punt (d) jitħassar;

(2)  fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)  il-punti (36) u (37) huma sostitwiti b'dan li ġej:

"(36)  "korp ta' ġestjoni" tfisser korp jew korpi ta' ditta ta' investiment jew ta' operatur tas-suq, li jkunu maħturin skont il-liġi nazzjonali, li jingħataw is-setgħa li jistabbilixxu l-istrateġija, l-objettivi u d-direzzjoni ġenerali tal-entità, u li jissorveljaw u jimmonitorjaw it-teħid ta' deċiżjonijiet ta' ġestjoni, u jinkludu persuni li effettivament imexxu n-negozju tal-istituzzjoni.

Fejn din id-Direttiva tirreferi għall-korp amministrattiv u, skont il-liġi nazzjonali, il-funzjonijiet ta' ġestjoni u superviżorji tal-korp ta' ġestjoni jkunu assenjati lil korpi differenti jew membri differenti fi ħdan korp wieħed, l-Istat Membru għandu jidentifika l-korpi jew il-membri tal-korp ta' ġestjoni responsabbli f'konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor minn din id-Direttiva;

(37)  "maniġment superjuri" tfisser persuni naturali li jeżerċitaw funzjonijiet eżekuttivi fi ħdan ditta ta' investiment jew operatur tas-suq, u li huma responsabbli u jwieġbu għall-korp tal-ġestjoni għall-ġestjoni ta' kuljum tal-entità, inkluż għall-implimentazzjoni tal-politiki li jikkonċernaw id-distribuzzjoni ta' servizzi u prodotti lil klijenti mid-ditta u mil-persunal tagħha;";

(c)  il-punti (52), (53), (54) u (55)(c) jitħassru;

(3)  It-Titolu V jitħassar;

(4)  L-Artikolu 70 huwa emendat kif ġej:

(a)  fil-punt (a) tal-paragrafu 3, is-sottopunti (xxxvii) sa (xxxx) jitħassru;

(b)  fil-paragrafu 4, il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(a) l-Artikolu 5 jew l-Artikolu 6(2) jew l-Artikoli 34, 35, 39 jew 44 ta' din id-Direttiva; jew";

(c)  fil-paragrafu 6, il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(c) fil-każ ta' ditta ta' investiment, operatur tas-suq awtorizzat li jopera MTF jew OTF, jew suq regolat, rtirar jew sospensjoni tal-awtorizzazzjoni tal-istituzzjoni f'konformità mal-Artikolu 8, u l-Artikolu 43;";

(5)  fl-Artikolu 71, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"6.  Meta sanzjoni kriminali jew amministrattiva ppubblikata tirrigwarda ditta tal-investiment, operatur tas-suq, istituzzjoni ta' kreditu fir-rigward ta' servizzi jew attivitajiet ta' investiment u servizzi anċillari, kif ukoll fergħat ta' ditti minn pajjiżi terzi awtorizzati bi qbil ma' din id-Direttiva, l-ESMA għandha żżid referenza għas-sanzjoni ppubblikata fir-reġistru rilevanti.";

(6)  fl-Artikolu 77, l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 hija sostitwita b'dan li ġej:

"L-Istati Membri għandhom jiddisponu, mill-anqas, li kwalunkwe persuna awtorizzata skont it-tifsira tad-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*, li twettaq f'ditta ta' investiment jew f'suq regolat, il-kompitu deskritt fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2013/34/UE jew fl-Artikolu 73 tad-Direttiva 2009/65/KE, jew kwalunkwe kompitu ieħor preskritt mil-liġi, ikollha d-dmir li tirrapporta minnufih lill-awtoritajiet kompetenti kwalunkwe fatt jew deċiżjoni li jikkonċernaw lil dik l-impriża, li dwarha dik il-persuna tkun saret konxja waqt li tkun twettqet dak il-kompitu, u li hija responsabbli għal:

* Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).";

(7)  L-Artikolu 89 huwa emendat kif ġej:

(a)  il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"2. Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 2(3), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1)(2), l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 13(1), l-Artikolu 16(12), l-Artikolu 23(4), l-Artikolu 24(13), l-Artikolu 25(8), l-Artikolu 27(9), l-Artikolu 28(3), l-Artikolu 30(5), l-Artikolu 31(4), l-Artikolu 32(4), l-Artikolu 33(8), l-Artikolu 52(4) l-Artikolu 54(4), l-Artikolu 58(6), u l-Artikolu 79(8) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat mit-2 ta' Lulju 2014.";

(b)  il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"3. Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 2(3), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1)(2), l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 13(1), l-Artikolu 16(12), l-Artikolu 23(4), l-Artikolu 24(13), l-Artikolu 25(8), l-Artikolu 27(9), l-Artikolu 28(3), l-Artikolu 30(5), l-Artikolu 31(4), l-Artikolu 32(4), l-Artikolu 33(8), l-Artikolu 52(4) l-Artikolu 54(4), l-Artikolu 58(6), l-Artikolu u l-Artikolu 79(8) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.";

(c)  il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 2(3), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1)(2), l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 13(1), l-Artikolu 16(12), l-Artikolu 23(4), l-Artikolu 24(13), l-Artikolu 25(8), l-Artikolu 27(9), l-Artikolu 28(3), l-Artikolu 30(5), l-Artikolu 31(4), l-Artikolu 32(4), l-Artikolu 33(8), l-Artikolu 52(4), l-Artikolu 54(4), l-Artikolu 58(6) u l-Artikolu 79(8) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien perjodu ta' tliet xhur min-notifika dwar dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma għarrfu lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.";

(8)  fl-Artikolu 90, il-paragrafi 2 u 3 huma mħassra;

(9)  fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 93, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"L-Istati Membri għandhom japplikaw dawk il-miżuri minn [x].";

(10)  fl-Anness I, it-Taqsima D titħassar.

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 2009/138/KE

Id-Direttiva 2009/138/KE hija emendata kif ġej:

(1)  Fl-Artikolu 112(4), jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

"Ladarba l-applikazzjoni titqies kompluta mill-awtoritajiet superviżorji, huma għandhom jinfurmaw lill-EIOPA dwar l-applikazzjoni.

Fuq talba tal-EIOPA, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jipprovdu lill-EIOPA bid-dokumentazzjoni kollha sottomessa mill-impriża fl-applikazzjoni tagħha.

L-EIOPA tista' toħroġ parir lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati f'konformità mal-Artikolu 21a(1)(a) u 29(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 fi żmien 4 xhur minn meta tasal għand l-awtorità superviżorja tal-applikazzjoni kompluta.

Fejn ikun inħareġ tali parir, l-awtorità superviżorja għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu b'segwitu għal dak il-parir, jew tipprovdi raġunijiet bil-miktub lill-EIOPA u lill-applikant ta' fejn id-deċiżjoni ma ttieħditx b'segwitu għal dak il-parir.";

(1a)  fil-paragrafu 4 tal-Artikolu 36, l-ewwel subparagrafu huwa ssostitwit bit-test li ġej:

"4.  L-awtoritajiet superviżorji għandhom jivvalutaw l-adegwatezza tal-metodi u l-prattika tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni mfassla biex jidentifikaw iċ-ċirkostanzi possibbli jew it-tibdil ġejjieni tal-kondizzjonijiet ekonomiċi li jħallu effetti ħżiena fuq il-qagħda finanzjarja globali tal-impriża kkonċernata, fejn jitqiesu l-mudelli kummerċjali sostenibbli u l-integrazzjoni tal-fatturi ambjentali, soċjali u dawk relatati mal-governanza."

(1b)  jiddaħħal l-artikolu li ġej:

"Article 152aPjattaformi ta' notifika u ta' kollaborazzjoni

1.  L-awtorità superviżorja tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tinnotifika kemm lill-Awtorità kif ukoll lill-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri ospitanti dwar fejn biħsiebha twettaq awtorizzazzjoni relatata ma' impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li hija taħt is-superviżjoni tagħha f'konformità mal-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li l-pjan ta' negozju tagħhom jinvolvi dik il-parti tal-attivitajiet tagħha abbażi tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew abbażi tal-libertà ta' stabbiliment.

L-awtorità superviżorja tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tinnotifika wkoll mingħajr dewmien lill-Awtorità u lill-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri ospitanti meta tidentifika kundizzjonijiet ta' finanzjament li qed jiddeterjoraw jew riskji oħra emerġenti minn impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fin-negozju attwali, b'mod partikolari meta n-negozju jitwettaq, għal parti sinifikanti tal-attività tagħha, fuq il-bażi tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew il-libertà tal-istabbiliment li jistgħu jkollhom effett transfruntier sinifikanti.

Dawk in-notifiki lill-Awtorità u lill-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri ospitanti għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu valutazzjoni xierqa.

2.  Fil-każijiet imsemmija fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Awtorità tista', fuq talba ta' awtorità kompetenti rilevanti waħda jew aktar jew fuq finizjattiva tagħha stess, tistabbilixxi u tikkoordina pjattaforma kollaborattiva kif imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 sabiex jitrawwem l-iskambju ta' informazzjoni u tissaħħaħ il-kollaborazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti rilevanti u, fejn rilevanti, tasal għal opinjoni komuni dwar il-każijiet imsemmija fis-subparagrafu 2 tal-paragrafu 1.

Fejn l-Awtorità taċċerta, fuq il-bażi tal-informazzjoni msemmija fil-punt (f) tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 194/2010, li istituzzjoni finanzjarja twettaq l-attività tagħha primarjament jew kompletament fi Stat Membru ieħor, hi għandha tinforma lill-awtoritajiet ikkonċernati u tista' tistabbilixxi, fuq inizjattiva tagħha, tikkoordina mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti pjattaforma kollaborattiva sabiex tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni bejn dawn l-awtoritajiet.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jipprovdu, fuq talba tal-Awtorità, l-informazzjoni kollha meħtieġa biex il-pjattaforma kollaborattiva tiffunzjona b'mod xieraq.

3.  Fil-każ li l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jonqsu milli jilħqu opinjoni komuni permezz tal-pjattaforma kollaborattiva, l-Awtorità tista' toħroġ rakkomandazzjoni lill-awtorità kompetenti konċernata, inkluż data ta' skadenza sa meta l-awtorità kompetenti għandha timplimenta l-bidliet rakkomandati. Meta l-awtorità kompetenti ma ssegwix ir-rakkomandazzjoni mill-Awtorità, din għandha tiddikjara r-raġunijiet tagħha. Fil-każ li l-Awtorità tqis li dawn ir-raġunijiet mhumiex xierqa, hi għandha tagħmel pubblika r-rakkomandazzjoni tagħha flimkien mar-raġunijiet imsemmija hawn fuq."

(2)  L-Artikolu 231 huwa emendat kif ġej:

(a)  il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)  l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

'1. Fil-każ ta' applikazzjoni għall-permess biex ikun ikkalkulat ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp konsolidat, kif ukoll ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni fil-grupp, abbażi ta' mudell intern, imressqa minn impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u l-impriżi relatati tagħha, jew b'mod konġunt mill-impriżi relatati ta' kumpanija holding tal-assigurazzjoni, l-awtoritajiet ta' sorveljanza kkonċernati għandhom jikkooperaw ma' xulxin u mal-EIOPA biex jiddeċiedu jekk jagħtux il-permess jew le u biex jiddeterminaw it-termini u l-kundizzjonijiet, jekk ikun il-każ, li għalihom huwa suġġett l-għoti ta' dan il-permess.

(ii)  it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Is-superviżur tal-grupp għandu jinforma lill-membri oħra tal-kulleġġ ta' superviżuri dwar il-wasla tal-applikazzjoni u jibgħat l-applikazzjoni sħiħa, inkluża d-dokumentazzjoni li ddaħħlet mill-impriża, lill-membri tal-kulleġġ, inkluż lill-EIOPA, mingħajr dewmien.";

(b)  Jiddaħħal paragrafu ġdid 2b kif ġej.

"2b. Fejn l-EIOPA tqis li applikazzjoni, kif imsemmija fl-ewwel paragrafu, tippreżenta kwistjonijiet partikolari fir-rigward tal-konsistenza fl-approvazzjonijiet ta' applikazzjoni tal-mudelli interni fl-Unjoni kollha, l-EIOPA tista' toħroġ Opinjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati f'konformità mal-Artikolu 21a(1)(a) u 29(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 fi żmien 4 xhur minn meta l-applikazzjoni kompluta tasal għand is-superviżur tal-grupp.

Fejn tkun inħarġet tali Opinjoni, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jieħdu d-deċiżjoni konġunta tagħhom kif imsemmi fit-tieni paragrafu f'konformità ma' dik l-Opinjoni, jew jipprovdu raġunijiet bil-miktub lill-EIOPA u lill-applikant ta' fejn id-deċiżjoni konġunta ma ttieħditx f'konformità ma' dik l-Opinjoni.";

(c)  il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(i)  l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Jekk matul il-perjodu ta' sitt xhur imsemmi fil-paragrafu 2, kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati rreferiet il-kwistjoni lill-EIOPA f'konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, jew jekk l-EIOPA qed tassisti l-awtoritajiet superviżorji fuq l-inizjativa tagħha f'konformità mal-Artikolu 19(1)(b) ta' dak ir-Regolament, is-superviżur tal-grupp għandu jiddiferixxi d-deċiżjoni tiegħu sa mal-EIOPA tadotta deċiżjoni f'konformità mal-Artikolu 19(3) ta' dak ir-Regolament, u għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu f'konformità mad-deċiżjoni adottata tal-EIOPA. Id-deċiżjoni tas-superviżur tal-grupp għandha tiġi rikonoxxuta bħala determinanti u għandha tiġi applikata mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati.

(ii)  l-ewwel sentenza tat-tielet subparagrafu hija sostitwita b'dan li ġej:

"Fejn l-EIOPA ma tadottax deċiżjoni kif imsemmija fit-tieni subparagrafu f'konformità mal-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, is-superviżur tal-grupp għandu jieħu deċiżjoni finali.";

(d)  Fil-paragrafu 6, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Is-superviżur tal-grupp għandu jqis kif xieraq kwalunkwe fehmiet u riżervi tal-awtoritajiet superviżorji l-oħra kkonċernati u tal-EIOPA espressi waqt dak il-perjodu ta' sitt xhur.";

(e)  Fil-paragrafu 6, it-tielet subparagrafu għandu jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

"Is-superviżur tal-grupp għandu jagħti lill-applikant, lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra u l-EIOPA b'dokument li jispjega d-deċiżjoni motivata bis-sħiħ tiegħu.";

(f)  Paragrafu ġdid 6a hu miżjud:

"6a. Wara l-perjodu ta' sitt xhur imsemmi fil-paragrafu 2 u qabel ma s-superviżur tal-grupp jieħu deċiżjoni kif imsemmija fil-paragrafu 6, l-impriża li ssottomettiet l-applikazzjoni f'konformità mal-paragrafu 1 tista' titlob li l-EIOPA tassisti l-awtoritajiet superviżorji biex jilħqu ftehim, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

Is-superviżur tal-grupp se jiddiferixxi d-deċiżjoni tiegħu sa mal-EIOPA tadotta deċiżjoni f'konformità mal-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u se jieħu d-deċiżjoni tiegħu f'konformità mad-deċiżjoni adottata tal-EIOPA. Id-deċiżjoni tas-superviżur tal-grupp għandha tiġi rikonoxxuta bħala determinanti u għandha tiġi applikata mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati.

L-EIOPA għandha tadotta d-deċiżjoni tagħha fi żmien xahar (1) minn tmiem il-perjodu ta' konċiljazzjoni msemmi fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

Fejn l-EIOPA ma tadottax deċiżjoni kif imsemmija fit-tieni subparagrafu f'konformità mal-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, is-superviżur tal-grupp għandu jieħu deċiżjoni finali. Id-deċiżjoni tas-superviżur tal-grupp għandha tiġi rikonoxxuta bħala determinanti u għandha tiġi applikata mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati.";

(3)  L-Artikoli l-ġodda 231a u 231b jiddaħħlu kif ġej:

"Article 231aApprovazzjoni superviżorja fir-rigward ta' mudelli interni

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 112 ta' din id-Direttiva, u fuq talba min awtorità superviżorja waħda jew aktar jew impriżi ta' assigurazzjoni jew ta' riassigurazzjoni, l-EIOPA għandha toħroġ parir lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati f'konformità mal-Artikolu 21a(1)(a) u 29(1)(a) ▌tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010. ▌

Fejn l-EIOPA toħroġ parir kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandhom jieħdu d-deċiżjoni jew id-deċiżjoni konġunta tagħhom ▌jew jipprovdu raġunijiet bil-miktub lill-EIOPA u lill-applikant ta' fejn id-deċiżjoni jew id-deċiżjoni konġunta ma tkunx qed issegwi l-parir.

2. Fejn awtoritajiet superviżorji jwettqu spezzjonijiet konġunti fuq il-post fejn jipparteċipaw il-persunal tal-EIOPA f'konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, ta' impriżi jew gruppi li japplikaw mudell intern sħiħ jew parzjali skont l-Artikoli 112 sa 127, 230, 231 jew 233, il-persunal tal-EIOPA għandu jipproduċi rapport speċifiku fuq il-mudell intern. Dak ir-rapport għandu jiġi sottomess lill-Bord Eżekuttiv tal-EIOPA.

Artikolu 231b

Rieżami

1. Fuq bażi annwali, l-EIOPA għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ġenerali li l-awtoritajiet superviżorji wettqu fil-proċess tal-approvazzjoni ta' mudelli interni jew bidliet tagħhom, skont l-Artikoli 112 sa 127, 230, 231 u 233.

L-awtoritajiet superviżorji għandhom jipprovdu lill-EIOPA bl-informazzjoni li l-EIOPA tikkunsidra rilevanti biex tipproduċi tali rapport.

2. Sal-1 ta' Jannar 2020, u wara li tkun wettqet konsultazzjoni pubblika, l-EIOPA għandha tissottometti Opinjoni lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 112 sa 127, l-Artikolu 230, l-Artikolu 231 u l-Artikolu 233 minn awtoritajiet superviżorji, inklużi atti delegati u l-implimentazzjoni ta' standards tekniċi adottati skont dan. Dik l-Opinjoni se tivvaluta wkoll kwalunkwe diverġenza fil-mudelli interni fl-Unjoni.

3. Skont l-opinjoni sottomessa mill-EIOPA f'konformità mal-paragrafu 2, il-Kummissjoni se tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 112 sa 127, l-Artikolu 230, l-Artikolu 231 u l-Artikolu 233 minn awtoritajiet superviżorji, inklużi atti delegati u l-implimentazzjoni ta' standards tekniċi adottati skont dan, sal-1 ta' Jannar 2021.";

(4)  Fl-Artikolu 237, il-paragrafu 3, l-ewwel sentenza tat-tielet subparagrafu hija sostitwita b'dan li ġej:

"Jekk l-EIOPA ma tadottax deċiżjoni kif imsemmija fit-tieni subparagrafu skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, is-superviżur tal-grupp għandu jieħu deċiżjoni finali."; u

(5)  Fl-Artikolu 248, it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 4 huwa mħassar.

Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa [12/18-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għal konformità ma' din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jkunu adottaw fil-qasam kopert b'din id-direttiva.

2.  L-Istati Membri għandhom japplikaw il-miżuri fir-rigward tal-Artikolu 1 minn [36 xahar mid-dħul fis-seħħ] u fir-rigward tal-Artikolu 2 minn [id-data tal-applikazzjoni tal-emenda fir-Regolament tal-EIOPA].

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew  Għall-Kunsill

Il-President  Il-President

(1)

  ĠU L 251,18.7.2018, p. 2.

(2)

  ĠU C 0, 0.0.0000 / Għadha mhix ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali.

(3)

* Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.

(4)

  ĠU C , , p. .

(5)

  ĠU C , , p. .

(6)

  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

(7)

  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p.1).


PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u l-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II)

Referenzi

COM(2017)0537 – C8-0318/2017 – 2017/0231(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

20.9.2017

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ECON

16.11.2017

 

 

 

Kumitati mitluba jagħtu opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

DEVE

16.11.2017

ITRE

16.11.2017

JURI

16.11.2017

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

DEVE

21.11.2017

ITRE

11.10.2017

JURI

2.10.2017

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Pervenche Berès

5.10.2017

Othmar Karas

5.10.2017

 

 

Rapporteurs preċedenti

Burkhard Balz

Pervenche Berès

 

 

Eżami fil-kumitat

24.1.2018

11.7.2018

1.10.2018

 

Data tal-adozzjoni

10.1.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

39

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Hugues Bayet, Pervenche Berès, Esther de Lange, Markus Ferber, Stefan Gehrold, Sven Giegold, Neena Gill, Roberto Gualtieri, Gunnar Hökmark, Danuta Maria Hübner, Othmar Karas, Wolf Klinz, Philippe Lamberts, Werner Langen, Bernd Lucke, Olle Ludvigsson, Alex Mayer, Bernard Monot, Caroline Nagtegaal, Stanisław Ożóg, Ralph Packet, Dariusz Rosati, Anne Sander, Alfred Sant, Molly Scott Cato, Pedro Silva Pereira, Theodor Dumitru Stolojan, Kay Swinburne, Paul Tang, Ramon Tremosa i Balcells, Marco Valli, Tom Vandenkendelaere

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Nessa Childers, Ramón Jáuregui Atondo, Verónica Lope Fontagné, Thomas Mann, Ana Miranda, Luigi Morgano, Andreas Schwab, Lieve Wierinck

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Elena Gentile, Julie Ward

Data tat-tressiq

14.1.2019


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

39

+

ALDE

Wolf Klinz, Caroline Nagtegaal, Ramon Tremosa i Balcells, Lieve Wierinck

ECR

Bernd Lucke, Stanisław Ożóg, Ralph Packet

PPE

Markus Ferber, Stefan Gehrold, Gunnar Hökmark, Danuta Maria Hübner, Othmar Karas, Esther de Lange, Werner Langen, Verónica Lope Fontagné, Thomas Mann, Dariusz Rosati, Anne Sander, Andreas Schwab, Theodor Dumitru Stolojan, Tom Vandenkendelaere

S&D

Hugues Bayet, Pervenche Berès, Nessa Childers, Elena Gentile, Neena Gill, Roberto Gualtieri, Ramón Jáuregui Atondo, Olle Ludvigsson, Alex Mayer, Luigi Morgano, Alfred Sant, Pedro Silva Pereira, Paul Tang, Julie Ward

VERTS/ALE

Sven Giegold, Philippe Lamberts, Ana Miranda, Molly Scott Cato

1

-

EFDD

Bernard Monot

2

0

ECR

Kay Swinburne

EFDD

Marco Valli

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Jannar 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza