dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim għall-Prevenzjoni tas-Sajd mhux Regolat fl-Ibħra Miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim għall-Prevenzjoni tas-Sajd mhux Regolat fl-Ibħra Miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (10784/2018),
wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim għall-Prevenzjoni tas-Sajd mhux Regolat fl-Ibħra Miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali (10788/2018),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0431/2018),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1) u (4) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0016/2019),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Partijiet oħra tal-Ftehim.
NOTA SPJEGATTIVA
Analiżi tal-Ftehim
L-objettiv ta' dan il-Ftehim huwa li jipprevjeni sajd mhux regolat (IUU) fil-parti tal-ibħra miftuħa tal-Oċean Artiku ċentrali. Il-Partijiet ta' dan il-Ftehim huma l-Kanada, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ir-Renju tad-Danimarka fir-rigward tal-Gżejjer Faeroe u Greenland, l-Iżlanda, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, ir-Renju tan-Norveġja, il-Federazzjoni Russa, l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea. Il-Gvern tal-Kanada ntgħażel bħala d-depożitarju tal-Ftehim u se jwettaq il-funzjonijiet kif stipulati fil-Konvenzjoni ta' Vjenna tal-1969 dwar il-Liġi tat-Trattati.
Il-Programm Konġunt ta' Riċerka Xjentifika u Monitoraġġ li se jiġi stabbilit fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, se jkollu bħala objettiv li jżid l-għarfien dwar ir-riżorsi ħajjin tal-baħar tal-Oċean Artiku ċentrali u l-ekosistemi tiegħu. Il-Programm Konġunt se jiġi żviluppat u implimentat mill-Partijiet u għandu jqis l-informazzjoni xjentifika pprovduta minn korpi u programmi oħra, kif ukoll l-għarfien indiġenu u lokali.
Abbażi tal-informazzjoni xjentifika miksuba mill-ħidma tal-Programm Konġunt ta' Riċerka Xjentifika u Monitoraġġ, il-Partijiet għandhom jiddeċiedu dwar miżuri ta' ġestjoni għal sajd esploratorju fiż-Żona tal-Ftehim u jekk jawtorizzawx bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom biex iwettqu sajd kummerċjali. Is-sajd esploratorju m'għandux idgħajjef l-objettiv tal-Ftehim u għandu jkun limitat fit-terminu, fl-ambitu u fl-iskala sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun l-impatt fuq l-istokkijiet. Kwalunkwe awtorizzazzjoni tas-sajd kummerċjali għandha tkun ibbażata fuq il-miżuri ta' ġestjoni miksuba mill-informazzjoni xjentifika mogħtija mill-Programm Konġunt jew ibbażata fuq il-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni adottati minn organizzazzjoni reġjonali jew subreġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMO), li topera fiż-Żona tal-Ftehim skont id-dritt internazzjonali u l-istandards internazzjonali.
Il-Ftehim huwa miftuħ għal stati oħra biex jidħlu, bil-fehim li dawk il-pajjiżi għandhom interess reali li jaderixxu għalih. Dawk li mhumiex partijiet huma mistiedna jieħdu miżuri li jkunu konsistenti mal-objettivi ta' dan il-Ftehim, iżda huwa d-dritt tal-Partijiet li jieħdu miżuri kontra bastimenti li jtajru l-bandiera ta' pajjiż li mhuwiex parti kontraenti li jdgħajjef l-implimentazzjoni effikaċi.
Il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ 30 jum wara li l-Partijiet kollha jkunu ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' ratifika, aċċettazzjoni u approvazzjoni, u għall-pajjiżi l-oħra kollha li jixtiequ jaderixxu, il-Ftehim se jidħol fis-seħħ 30 jum wara li jkunu ssottomettew l-istrumenti tagħhom, meta jitqies li l-Ftehim ikun diġà fis-seħħ għall-Partijiet inizjali. Il-Ftehim jiskadi wara perjodu inizjali ta' 16-il sena u se jiġġedded awtomatikament għal 5 snin oħra jekk l-ebda parti ma tkun ifformulat xi oġġezzjoni għal estensjoni.
Kwalunkwe Parti tista' tirtira minn dan il-Ftehim billi tibgħat notifika tad-deċiżjoni tagħha lill-Gvern tal-Kanada, id-depożitarju tal-Ftehim. In-notifika għandha tispeċifika d-data eżatta tal-irtirar, li għandha tkun mill-inqas 6 xhur wara n-notifika. L-irtirar minn dan il-Ftehim mhux se jeżonera l-pajjiż mill-obbligi tiegħu fir-rigward tad-dritt internazzjonali u mhux se jwaqqaf lill-Partijiet l-oħra milli jkomplu japplikaw il-Ftehim.
Kummenti u konklużjonijiet tar-rapporteur
B'kunsiderazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Marzu 2017 u l-objettivi u l-istrumenti ta' dan il-Ftehim, ir-rapporteur hija tal-opinjoni li l-Kummissjoni Ewropea kkunsidrat ħafna mill-opinjonijiet espressi f'dik ir-Riżoluzzjoni.
Huwa importanti li jiġi enfasizzat li dan il-Ftehim għandu objettiv doppju, wieħed li jkompli jesplora u jifhem aħjar il-bijodiversità u l-ekosistema tal-Oċean Artiku Ċentrali u t-tieni wieħed li jiġġieled u jipprevjeni l-IUU f'dik iż-żona. Dawn iż-żewġ objettivi kienu ta' importanza kbira għall-Parlament Ewropew, flimkien ma' moratorju fuq is-sajd kummerċjali f'dik iż-żona.
Meta wieħed iqis it-tidwib tal-għata tas-silġ u ż-żoni dejjem jikbru disponibbli għall-esplorazzjoni fl-Oċean Artiku, l-iffirmar ta' dan il-Ftehim, li jipprovdi xi miżuri ta' sikurezza u jinkludi l-approċċ prekawzjonarju fl-istadji kollha, se jipposponi u jipprevjeni kwalunkwe liċenzjar kummerċjali unilaterali tas-sajd. Huwa importanti li wieħed jinnota li l-valur finanzjarju tal-istokkijiet tal-ħut li jinsabu fl-Oċean Artiku Ċentrali jista' jkun ta' tentazzjoni kbira ħafna għal ħafna pajjiżi u għalhekk, ir-rapporteur, tenfasizza li dan mhuwiex projbizzjoni totali tas-sajd kummerċjali fiż-żona iżda huwa pass 'il quddiem lejn approċċ sostenibbli u bbażat fuq ix-xjenza, minflok kompetizzjoni bejn il-pajjiżi li tkun bla kontroll u bbażata fuq il-profitti.
Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-Ftehim huwa f'konformità mal-PKS u mal-objettivi tal-UE. Li wieħed ikun parti minn dan il-Ftehim se jgħin lill-UE tippromwovi u tipproteġi l-objettivi ambjentali tagħha u se jagħti aċċess għall-informazzjoni xjentifika, lill-miżuri ta' ġestjoni u lill-istrumenti futuri kollha fis-seħħ għal dik iż-Żona. Ir-rapporteur hija tal-opinjoni li l-UE, permezz tal-vuċi tal-Kummissjoni, iżda wkoll permezz tax-xogħol tal-Istati Membri tagħha, għandha taħdem lejn l-iżvilupp, il-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni ta' RFMO.
PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
Titolu
Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim għall-Prevenzjoni tas-Sajd mhux Regolat fl-Ibħra Miftuħa fl-Oċean Artiku Ċentrali
Data tal-konsultazzjoni / talba għal approvazzjoni
5.10.2018
Kumitat responsabbli
Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja
PECH
22.10.2018
Kumitati mitluba jagħtu opinjoni
Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja
ENVI
22.10.2018
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija
Data tad-deċiżjoni
ENVI
10.7.2018
Rapporteurs
Data tal-ħatra
Norica Nicolai
7.9.2018
Eżami fil-kumitat
8.10.2018
27.11.2018
Data tal-adozzjoni
10.1.2019
Riżultat tal-votazzjoni finali
+:
–:
0:
22
1
0
Membri preżenti għall-votazzjoni finali
Marco Affronte, Clara Eugenia Aguilera García, Renata Briano, David Coburn, Diane Dodds, Linnéa Engström, Sylvie Goddyn, Carlos Iturgaiz, Werner Kuhn, António Marinho e Pinto, Gabriel Mato, Norica Nicolai, Annie Schreijer-Pierik, Ricardo Serrão Santos, Isabelle Thomas, Peter van Dalen, Jarosław Wałęsa
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali
José Blanco López, Ole Christensen, Norbert Erdős, Jens Gieseke, Czesław Hoc, Nosheena Mobarik
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali
Tilly Metz
Data tat-tressiq
16.1.2019
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
22
+
ALDE
António Marinho e Pinto, Norica Nicolai
ECR
Peter van Dalen, Czesław Hoc, Nosheena Mobarik
EFDD
Sylvie Goddyn
PPE
Norbert Erdős, Jens Gieseke, Carlos Iturgaiz, Werner Kuhn, Gabriel Mato, Annie Schreijer-Pierik, Jarosław Wałęsa
S&D
Clara Eugenia Aguilera García, José Blanco López, Renata Briano, Ole Christensen, Ricardo Serrão Santos, Isabelle Thomas