Proċedura : 2018/2108(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0046/2019

Testi mressqa :

A8-0046/2019

Dibattiti :

PV 12/02/2019 - 6
CRE 12/02/2019 - 6

Votazzjonijiet :

PV 12/02/2019 - 9.22
CRE 12/02/2019 - 9.22
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0083

RAPPORT     
PDF 259kWORD 77k
29.1.2019
PE 628.580v02-00 A8-0046/2019

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali

(2018/2108(INI))

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Rapporteur: Ivo Belet

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET
 MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS: LISTA TA' ENTITAJIET JEW PERSUNILI MINGĦANDHOM IR-RAPPORTEUR IRĊIEVA KONTRIBUT
 OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET

Proċedura u sorsi

Fis-16 ta' April 2018, ir-rapporteur ingħata l-kompitu li jħejji rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali.

Dan ir-rapport għandu l-għan li janalizza n-nuqqasijiet attwali fl-implimentazzjoni tad-Direttiva u li jagħmel rakkomandazzjonijiet għat-titjib tad-Direttiva. Ir-rapporteur għalhekk organizza laqgħat mal-partijiet interessati (ara l-anness).

Ir-rapporteur stieden ukoll lill-partijiet interessati għal smigħ pubbliku fil-Parlament Ewropew fis-17 ta' Ottubru 2018.

L-oriġini, l-istruttura u l-iskop tad-Direttiva

Skont l-Artikolu 168(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni, għandu jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem filwaqt li l-organizzazzjoni, il-ġestjoni, il-finanzjament u l-għoti tal-kura tas-saħħa jibqgħu r-responsabbiltà tal-Istati Membri tal-UE.

Matul is-snin il-każistika rrikonoxxiet li l-pazjenti għandhom, skont kundizzjonijiet speċifiċi, id-dritt ta' aċċess għall-kura tas-saħħa fi Stati Membri oħra li mhumiex tagħhom.

L-għan ewlieni tad-Direttiva huwa li jinħolqu qafas tal-UE u sett ta' drittijiet li jiżguraw l-aċċess taċ-ċittadini tal-UE għall-kura barra mill-pajjiż tagħhom, bl-intenzjoni li tiġi ffaċilitata kooperazzjoni aktar mill-qrib f'għadd ta' oqsma tal-mediċina u tal-kura tas-saħħa, bħalma huma s-Saħħa elettronika u t-trattament ta' mard rari.

Id-drittijiet previsti skont id-Direttiva jeżistu b'mod parallel ma' benefiċċji simili previsti skont ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali. Din id-Direttiva tapplika mingħajr preġudizzju għal dan ir-Regolament. Fil-prattika, il-kura ppjanata u dik mhux ippjanata jistgħu jiġu pprovduti b'mod aktar favorevoli skont ir-Regolament. Fid-dawl ta' dan, il-pazjenti se jagħżlu li jirċievu l-kura fi Stat Membru ieħor skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament u mhux skont id-Direttiva, minħabba li l-pagamenti bil-quddiem u t-talbiet għar-rimborż wara mhumiex meħtieġa għal kura mhux ippjanata.

Skont il-loġika tan-newtralità tal-ispejjeż għas-sistemi tas-saħħa nazzjonali tat-trattament transkonfinali tad-Direttiva, l-ispejjeż jiġu koperti biss sal-livell tat-trattament fl-Istat Membru tad-domiċilju; mentri r-Regolament ikopri l-ispejjeż tal-pazjenti b'mod sħiħ.

Madankollu, aspetti partikolari tal-kura tas-saħħa barra mill-pajjiż tjiebu b'mod sinifikanti b'segwitu għad-Direttiva. Ir-Regolament ikopri biss il-kura tas-saħħa pprovduta minn fornituri pubbliċi jew ikkuntrattati, filwaqt li d-Direttiva tkopri l-fornituri kollha tal-kura tas-saħħa fl-UE. Barra minn hekk, id-Direttiva għandha tgħin biex ikun hemm kura ppjanata barra mill-pajjiż iktar faċli minħabba li apparagun tal-kura tas-saħħa transkonfinali skont ir-Regolament, l-awtorizzazzjoni minn qabel hija pjuttost l-eċċezzjoni milli obbligu għall-kura ppjanata.

L-implimentazzjoni

Kif previst fid-Direttiva, l-iskadenza tat-traspożizzjoni kienet il-25 ta' Ottubru 2013. Minħabba raġunijiet ta' implimentazzjoni mhux kompluta jew tardiva, tnedew proċeduri ta' ksur kontra 26 Stat Membru. Attwalment, l-Istati Membri kollha nnotifikaw il-miżuri ta' traspożizzjoni kompluti tagħhom.

It-tieni fażi tal-valutazzjoni tal-konformità mill-Kummissjoni Ewropea bħalissa għadha għaddejja. L-għan ewlieni tal-Kummissjoni huwa li tivvaluta jekk l-atti legali nazzjonali kollha u miżuri oħra jikkonformawx mad-Direttiva. B'kollox, ġew notifikati lill-Kummissjoni aktar minn ħames mitt miżura nazzjonali. B'riżultat tal-investigazzjonijiet fuq inizjattiva proprja fejn tinġabar informazzjoni għal konformità xierqa, attwalment fadal każ wieħed ta' ksur li għadu miftuħ.

Il-finanzjament

Il-finanzjament tal-kura tas-saħħa transkonfinali prinċipalment jiġi mit-tieni (2008-2013) u t-tielet (2014-2020) Programmi tas-Saħħa li jipprevedu total ikkombinat ta' madwar EUR 64 miljun fis-sena għal kwistjonijiet relatati mas-saħħa. Il-Kummissjoni tipproponi li l-finanzjament ikompli taħt il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) li, fost l-objettivi operattivi tiegħu, se jkollu l-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali.

Flimkien ma' dan, il-Programmi Qafas ta' Riċerka preċedenti (FP7 & CIP) u dawk attwali (Orizzont 2020), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond InvestEU wkoll jipprovdu mezzi għal proġetti tas-Saħħa elettronika u tal-kura tas-saħħa transkonfinali.

Il-mobilità tal-pazjenti

Il-mobilità transkonfinali tal-pazjenti hija kwistjoni ta' politika importanti. Minkejja li attwalment il-livelli tal-mobilità tal-pazjenti għadhom relattivament baxxi, għal ċerti gruppi ta' pazjenti, minħabba mard rari jew minħabba l-prossimità ġeografika tas-servizzi tal-kura tas-saħħa, il-kura tas-saħħa transkonfinali hija l-aktar kura xierqa u aċċessibbli. Il-mobilità transkonfinali tal-pazjenti ġġib magħha ċerti kwistjonijiet bħall-kontinwità tal-kura u l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-professjonisti fil-kura medika fuq naħat differenti tal-fruntiera. Flimkien ma' dan, hemm ukoll ostakli loġistiċi u amministrattivi, li jistgħu jaffettwaw b'mod mhux intenzjonat il-kura transkonfinali għall-pazjenti b'mod negattiv.

Il-flussi ta' pazjenti li jivvjaġġaw għall-kura tas-saħħa wara li jirċievu awtorizzazzjoni minn qabel huma l-aktar intensi minn Franza għal Spanja. Meta l-awtorizzazzjoni ma kinitx meħtieġa, l-akbar fluss kien minn Franza għall-Ġermanja. Meta wieħed iħares lejn id-direzzjoni tal-flussi tal-pazjenti, xejra sinifikanti li toħroġ b'mod ċar hija li l-biċċa l-kbira tal-mobilità hija bejn il-fruntieri komuni. Madankollu hemm eċċezzjoni sinifikanti, li hija n-numru ta' pazjenti li jivvjaġġaw min-Norveġja għal Spanja.

Il-Kummissjoni identifikat erba' oqsma, li għandhom l-akbar potenzjal li jaġixxu bħala ostakli għall-pazjenti jekk jibqgħu mhux indirizzati: is-sistemi ta' rimborż, l-użu ta' awtorizzazzjoni minn qabel, ir-rekwiżiti amministrattivi u l-imposti fuq il-pazjenti li jkunu deħlin.

Għalkemm l-Istati Membri huma obbligati, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva, jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe deċiżjoni li tintroduċi limitazzjonijiet u xi Stati Membri għamlu traspożizzjoni b'tali mod li tista' titqies bħala limitazzjoni, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda notifika speċifika mill-Istati Membri.

L-informazzjoni għall-pazjenti: il-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali

Id-Direttiva għandha potenzjal kbir li ttejjeb u tiffaċilita l-aċċess tal-pazjenti għall-kura tas-saħħa transkonfinali u b'mod l-aktar importanti tiżgura l-aqwa kwalità ta' kura għall-pazjenti kollha. Madankollu, biex id-Direttiva tkun ta' suċċess huwa kruċjali li l-pazjenti, il-professjonisti fil-kura medika u l-partijiet interessati l-oħra jkunu infurmati tajjeb dwar id-Direttiva fl-aspetti kollha tagħha. Sfortunatament, attwalment dan mhuwiex il-każ.

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru ta' Mejju 2015 jindika li inqas minn 20 % taċ-ċittadini jħossuhom infurmati tajjeb dwar id-drittijiet transkonfinali tagħhom fil-qasam tal-kura tas-saħħa.

Kif previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva, kull Stat Membru għandu mill-inqas Punt ta' Kuntatt Nazzjonali (NCP) wieħed biex jipprovdi lill-pazjenti u lill-professjonisti fil-kura medika b'informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom rigward servizz jew prodott tal-kura tas-saħħa transkonfinali.

Mad-29 NCP fl-Ewropa, in-Norveġja u pajjiżi oħra taż-ŻEE li jipprovdu d-data, saru 74 589 talba għal informazzjoni fl-2017, iżda l-maġġoranza tal-Istati Membri rċevew inqas minn 1 000 talba għal informazzjoni. L-għadd ta' talbiet għal informazzjoni jvarja ħafna bejn l-NCPs differenti. B'mod ġenerali, il-pazjenti mhumiex konxji mill-eżistenza tal-NCP nazzjonali tagħhom. Huwa ta' importanza vitali li jkun hemm kampanja ta' informazzjoni wiesgħa u dejjiema dwar l-NCPs u dwar id-drittijiet tal-pazjenti fir-rigward tal-kura transkonfinali.

Dan juri li l-informazzjoni dettaljata dwar id-drittijiet tal-pazjenti hija ġeneralment nieqsa fuq is-siti web tal-NCPs. L-għarfien dwar x'għandu jsir f'każ ta' dewmien bla bżonn, l-informazzjoni dwar il-proċeduri tal-ilmenti u s-soluzzjoni tat-tilwim, kif ukoll l-informazzjoni dwar it-tul taż-żmien biex jiġu pproċessati r-rimborż jew it-talbiet għal awtorizzazzjoni minn qabel huma pjuttost skarsi.

In-Netwerks Ewropej ta' Referenza

Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva, il-Kummissjoni Ewropea tappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta' Netwerks Ewropej ta' Referenza (ERNs) bejn il-fornituri tal-kura tas-saħħa u ċ-ċentri ta' għarfien espert fl-Istati Membri.

Fl-1 ta' Marzu 2017, l-ewwel 24 Netwerk Ewropew ta' Referenza bdew l-attivitajiet tagħhom uffiċjalment, abbażi tal-qafas ipprovdut mill-Kummissjoni Ewropea, xprunat mill-fornituri tal-kura tas-saħħa involuti u l-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa. Dawn għandhom l-għan li jindirizzaw mard kumpless jew rari li jeħtieġ trattament u għarfien speċjalizzati. B'kollox, l-NREs jiġbru flimkien aktar minn 900 unità ta' kura tas-saħħa speċjalizzata ħafna li jinsabu f'aktar minn 300 sptar madwar l-UE, in-Norveġja u l-pajjiżi taż-ŻEE.

Minħabba li hemm 5 800 marda rari rikonoxxuta fl-UE li jaffettwaw madwar 6 - 8 % taċ-ċittadini Ewropej kollha, numru żgħir biss ta' pazjenti jiġu affettwati minn kull marda rari. Flimkien mal-iskarsezza tal-għarfien u l-kompetenza rilevanti, il-kooperazzjoni mal-UE kollha għandha potenzjal ta' valur miżjud għoli.

Is-Saħħa elettronika

L-objettiv tas-Saħħa elettronika huwa li ssir ħidma biex jiġu offruti benefiċċji ekonomiċi u soċjali sostenibbli tas-sistemi u s-servizzi tas-Saħħa elettronika Ewropea u l-applikazzjonijiet interoperabbli, bil-ħsieb li jintlaħaq livell għoli ta' fiduċja u sikurezza, tisseddaq il-kontinwità tal-kura u jkun żgurat l-aċċess għal kura tas-saħħa sikura u ta' kwalità għolja.

Il-massimizzazzjoni tal-potenzjal tas-Saħħa elettronika fl-UE tippermetti lill-professjonisti fil-kura medika jikkondividu data u sommarji tal-pazjenti bejn il-fruntieri. It-trasferibbiltà tad-data se tiffaċilita l-kura tas-saħħa transkonfinali b'inqas ostakli iżda hija wkoll kruċjali għal riċerka ulterjuri, speċjalment fil-qasam tal-mard rari.

Il-kooperazzjoni reġjonali transkonfinali

Ir-reġjuni transkonfinali jirrappreżentaw 40 % tat-territorju tal-UE, u aktar minn 1 minn kull 3 Ewropej jgħixu f'reġjun tal-fruntiera. B'kollox hemm 37 żona urbana transkonfinali fl-Ewropa.

L-inizjattivi tal-kura tas-saħħa transkonfinali fir-reġjuni tal-fruntiera, matul is-snin, taw prova tal-valur tagħhom. Is-similarità ta' fatturi bħall-kuntest ġeografiku, id-drawwiet, il-kultura, il-lingwa u l-kostellazzjoni politika u amministrattiva għandhom impatt kbir fuq is-sostenibbiltà tal-kooperazzjoni.

Il-Brexit

Huwa stmat li kull sena 1 000 ċittadin tar-Renju Unit jiġu rimborżati għal trattament skont id-Direttiva. Franza, il-Polonja u l-Latvja huma fost l-aktar destinazzjonijiet popolari għal trattament. Minbarra n-numru ta' hawn fuq, huwa stmat li r-Renju Unit jittratta 1 500 pazjent tal-UE skont id-Direttiva. Minħabba li mhux l-Istati Membri kollha jistgħu jippreżentaw data rilevanti dwar il-mobilità tal-pazjenti lill-Kummissjoni, fil-prattika l-mobilità lejn ir-Renju Unit hija kemxejn akbar milli stmat. Flimkien ma' dan, hemm madwar 40 Sptar tas-Servizz tas-Saħħa Nazzjonali tar-Renju Unit li huma involuti f'ERNs stabbiliti skont id-Direttiva.


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali

(2018/2108(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali(1),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 114 u 168 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali(2),

-  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u tħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)(3),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-6 ta' Ġunju 2011 dwar il-mixja lejn sistemi tas-saħħa moderni, reattivi u sostenibbli(4),

–  wara li kkunsidra l-programmi pluriennali tas-saħħa għall-perjodi 2003-2008(5), 2008-2013(6) u 2014-2020(7) rispettivament,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni tal-4 ta' Settembru 2015 u tal-21 ta' Settembru 2018 dwar l-operat tad-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali (COM(2015)0421, COM(2018) 0651),

-  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' April 2018 dwar l-iffaċilitar tat-trasformazzjoni diġitali tal-kura u tas-saħħa fis-Suq Uniku Diġitali; l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini u l-bini ta' soċjetà aktar b'saħħitha (COM(2018)0233),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-18 ta' Lulju 2018 dwar id-data tal-Istati Membri dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali tal-pazjenti fis-sena 2016(8),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Nru 2011/890/UE tat-22 ta' Diċembru 2011 li tipprovdi r-regoli għall-istabbiliment, għall-ġestjoni u għall-funzjonament tan-Netwerk ta' awtoritajiet nazzjonali responsabbli mis-Saħħa elettronika(9),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika 2012-2020, b'mod partikolari d-dimensjoni transkonfinali espliċita (COM(2012)0736),

–  wara li kkunsidra l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Kummissjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika 2012-2020 (COM(2017)0586),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Novembru 2008 dwar mard rari (COM(2008)0679) u r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2009 dwar azzjoni fil-qasam tal-mard rari(10),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Settembru 2014 dwar il-komunikazzjoni tagħha dwar mard rari (COM(2014)0548),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjonijiet dwar in-Netwerks Ewropej ta' Referenza għall-Mard Rari tal-Kumitat ta' Esperti tal-UE dwar il-Mard Rari (EUCERD) tal-31 ta' Jannar 2013 u l-addendum tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' sfond tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali fl-UE ta' Mejju 2018(11),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2017 bit-titolu "Spinta lit-tkabbir u l-koeżjoni fir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE" (COM(2017)0534),

–  wara li kkunsidra l-Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali(12),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0046/2019),

A.  billi sistemi tas-saħħa affordabbli għal kulħadd fl-UE u fl-Istati Membri tagħha huma kruċjali biex jiġi żgurat livell għoli ta' saħħa pubblika, protezzjoni soċjali, koeżjoni soċjali u ġustizzja soċjali, billi jiġi ppreservat u ggarantit l-aċċess universali, u billi l-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti hija rikonoxxuta bħala komponent importanti tal-valutazzjoni tal-kosteffikaċja tal-kura tas-saħħa;

B.  billi d-Direttiva 2011/24/UE (minn issa 'l quddiem "id-direttiva"), skont l-Artikolu 168(7) tat-TFUE tirrispetta l-libertà ta' kull Stat Membru li jieħu d-deċiżjonijiet xierqa dwar il-kura tas-saħħa u ma tfixkilx jew timmina l-għażliet etiċi fundamentali tal-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri; billi hemm differenzi fis-servizzi rispettivi pprovduti mill-Istati Membri kif ukoll fil-mod kif inhuma ffinanzjati; billi d-direttiva tipprovdi għażliet oħra ta' kura tas-saħħa liċ-ċittadini Ewropej minbarra dawk disponibbli f'pajjiżhom stess;

C.  billi s-saħħa tista' titqies bħala dritt fundamentali skont l-Artikolu 2 (dwar id-dritt għall-ħajja) u l-Artikolu 35 (dwar il-kura tas-saħħa) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

D.  billi s-sistemi tal-kura tas-saħħa fl-UE qed jiffaċċjaw sfidi minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni, ir-restrizzjonijiet baġitarji, iż-żieda fl-inċidenza ta' mard kroniku u rari, diffikultajiet biex tiġi żgurata kura tas-saħħa bażika f'żoni rurali u l-prezzijiet għoljin tal-mediċini; billi l-Istati Membri huma responsabbli biex jiżviluppaw u jżommu katalgu aġġornat tal-iskarsezzi tal-mediċini u jiskambjaw informazzjoni f'dan ir-rigward minn naħa għal oħra tal-fruntiera sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta' mediċini essenzjali;

E.  billi l-kura tas-saħħa li ċ-ċittadini jeħtieġu kultant tista' tiġi pprovduta bl-aħjar mod fi Stat Membru ieħor, minħabba l-prossimità, il-faċilità tal-aċċess, in-natura speċjalizzata tal-kura jew in-nuqqas ta' kapaċità, bħan-nuqqas ta' mediċini essenzjali, fl-Istat Membru tagħhom stess;

F.  billi r-riżultati tar-rapport dwar it-tħaddim tad-direttiva juru li fl-2015 mhux l-Istati Membri kollha implimentaw id-direttiva b'mod komplut jew korrett;

G.  billi s-settur tas-saħħa huwa parti vitali mill-ekonomija tal-UE, u jammonta għal 10 % tal-PDG tagħha - ċifra li minħabba fatturi soċjoekonomiċi tista' titla' għal 12,6 % sal-2060;

H.  billi, skont l-Artikolu 20 tad-direttiva, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li kull tliet snin tippreżenta rapport ta' implimentazzjoni dwar it-tħaddim tad-direttiva; billi l-Kummissjoni għandha tivvaluta b'mod kostanti u regolarment tippreżenta informazzjoni dwar il-flussi tal-pazjenti, dwar id-dimensjonijiet amministrattivi, soċjali u finanzjarji tal-mobilità tal-pazjenti u dwar il-funzjonament tan-Netwerks ta' Referenza Ewropej (ERNs) u l-punti ta' kuntatt nazzjonali;

I.   billi, skont ir-rapport tal-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2018 dwar it-tħaddim tad-direttiva, għadu diffiċli għaċ-ċittadini li jiskopru kif jistgħu jużaw id-drittijiet tagħhom f'termini tal-kura tas-saħħa transkonfinali; billi hemm bżonn ta' aktar ċarezza u trasparenza dwar il-kundizzjonijiet li taħthom joperaw il-fornituri tal-kura tas-saħħa sabiex tiġi żgurata l-mobilità sikura tal-pazjenti;

J.   billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Saħħa elettronika tal-25 ta' April 2018 tinnota li s-sistemi tas-saħħa u tal-kura jirrikjedu riformi u soluzzjonijiet innovattivi biex isiru aktar reżiljenti, aċċessibbli u effettivi; billi għalhekk l-użu ta' teknoloġiji ġodda u għodod diġitali għandu jissaħħaħ sabiex jittejbu l-kwalità u s-sostenibbiltà tas-servizzi tal-kura tas-saħħa;

K.  billi d-direttiva tipprovdi bażi legali ċara għall-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni Ewropea fir-rigward tal-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa (HTA), is-Saħħa elettronika, il-mard rari u l-istandards ta' sikurezza u kwalità tas-servizzi u l-prodotti tal-kura tas-saħħa;

L.  billi ċ-ċittadini tal-UE għandhom id-dritt li jaċċessaw kura speċjalizzata fl-Istat Membru tagħhom stess; billi, madankollu, l-għadd ta' pazjenti li jibbenefikaw mid-dritt tagħhom għal kura transkonfinali, kif previst skont id-direttiva, inklużi testijiet mediċi, skens u kontrolli tas-saħħa preventivi, qed jiżdied bil-mod ħafna;

M.  billi l-programmi tat-tilqim mhumiex koperti mid-direttiva, anke jekk jingħaddu fost il-politiki l-aktar effettivi tal-UE u billi jitqiesu d-diffikultajiet li n-nies f'xi Stati Membri għandhom biex jaċċessawhom;

N.  billi mhux l-Istati Membri kollha setgħu jfornu data jew informazzjoni dwar pazjenti li jkunu qed jivvjaġġaw barra mill-pajjiż, u billi l-ġbir tad-data mhux dejjem jista' jitqabbel minn Stat Membru għal ieħor;

O.  billi 83 % tan-nies mistħarrġa f'konsultazzjoni riċenti tal-Kummissjoni approvaw l-iżvelar ta' data medika bil-għan li ssir riċerka u jittejbu l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-pazjenti(13); billi kwalunkwe integrazzjoni futura tas-sistemi tas-saħħa trid, mill-aspett diġitali, tiggarantixxi li s-sistemi tas-saħħa u l-pazjenti jkunu l-gwardjani aħħarin u l-ġestjonarji ta' din l-informazzjoni kkonċernata, sabiex tiġi żgurata l-ekwità, is-sostenibbiltà u s-sikurezza tal-pazjenti;

P.  billi l-mobilità tal-pazjenti fl-UE koperta mill-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva għadha relattivament baxxa u ma kellhiex impatt baġitarju sinifikanti fuq is-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa nazzjonali;

Q.  billi l-Istati Membri huma responsabbli biex jipprovdu l-aċċess għall-kura tas-saħħa li jeħtieġu n-nies u jiżguraw li l-ispejjeż rilevanti kollha jiġu rimborżati; billi s-servizzi tal-kura tas-saħħa nazzjonali tal-Istati Membri huma responsabbli għall-istabbiliment tal-kriterji li jippermettu li ċ-ċittadini jirċievu kura tas-saħħa fi Stat Membru ieħor; billi f'numru konsiderevoli ta' Stati Membri, l-ostakli li l-pazjenti jiltaqgħu magħhom meta jittrattaw is-sistemi tas-saħħa jibqgħu sinifikanti; billi l-piżijiet amministrattivi jistgħu joħolqu dewmien fir-rimborżi; billi dan iżid biss il-frammentazzjoni tal-aċċess għas-servizzi, u għalhekk għandu jittejjeb permezz ta' koordinazzjoni bejn l-Istati Membri;

R.  billi l-Karta tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea (EHIC) hija rregolata mir-regolament dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, u l-implimentazzjoni tagħha tvarja ħafna bejn Stat Membru u ieħor; billi implimentazzjoni uniformi tal-EHIC u koordinazzjoni akbar bejn l-Istati Membri hija essenzjali biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi eżistenti u biex jiġi ggarantit rimborż rapidu u mingħajr diskriminazzjoni għall-pazjenti, filwaqt li jiġi ggarantit il-moviment liberu għaċ-ċittadini tal-UE;

S.  billi l-pazjenti għadhom qed jiffaċċjaw diffikultajiet prattiċi u legali meta jużaw ir-riċetti mediċi fl-Istati Membri kollha;

T.  billi r-rwol tal-punti ta' kuntatt nazzjonali (NCPs) huwa li jiżguraw li l-pazjenti jirċievu l-informazzjoni korretta biex jieħdu deċiżjoni infurmata;

U.  billi l-NCPs għadhom mhumiex magħrufa biżżejjed mill-pubbliku, fatt li għandu impatt fuq l-effettività tagħhom; billi l-effiċjenza u l-ħidma ta' sensibilizzazzjoni tal-NCPs jiddependu fuq l-appoġġ li jirċievu kemm mill-UE kif ukoll mill-Istati Membri, fuq il-mezzi ta' komunikazzjoni, l-iskambju ta' prattiki tajba u ta' informazzjoni, inkluża informazzjoni ta' kuntatt, u l-linji gwida għar-riferiment tal-pazjenti;

V.  billi hemm varjazzjonijiet kbar bejn id-diversi NCPs fir-rigward tal-funzjonament, l-aċċessibbiltà, il-viżibbiltà u l-allokazzjoni tar-riżorsi, kemm f'termini ta' kwalità kif ukoll ta' kwantità;

W.  billi, skont Stħarriġ tal-Ewrobarometru ta' Mejju 2015(14), il-pazjenti mhumiex infurmati biżżejjed dwar id-drittijiet transkonfinali tagħhom fil-qasam tal-kura tas-saħħa, b'inqas minn 20 % taċ-ċittadini jħossuhom infurmati tajjeb;

X.  billi l-kura tas-saħħa transkonfinali se tkun effettiva biss jekk il-pazjenti, il-persuni li jieħdu ħsieb, il-professjonisti fil-kura tas-saħħa u partijiet interessati oħra jkunu infurmati tajjeb dwarha u r-regoli li jirregolawha jkunu faċilment disponibbli u jkunu jinftiehmu faċilment;

Y.  billi l-pazjenti, il-persuni li jieħdu ħsieb u l-professjonisti fil-kura tas-saħħa għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma' nuqqas kbir ta' informazzjoni rigward id-drittijiet tal-pazjenti inġenerali u b'mod partikolari dawk previsti mid-direttiva;

Z.  billi l-professjonisti fil-kura medika jittrattaw kwistjonijiet ta' pazjenti sensittivi ħafna, li jeħtieġu komunikazzjoni ċara u li tinftiehem; billi l-ostakli lingwistiċi jistgħu jfixklu t-trasferiment ta' informazzjoni bejn il-professjonisti tal-kura medika u l-pazjenti tagħhom;

AA.  billi hemm lok konsiderevoli għal titjib u simplifikazzjoni tal-proċeduri ta' rimborż f'għadd ta' Stati Membri, b'mod partikolari fir-rigward tar-riċetti mediċi, mediċini orfni, prodotti mediċinali farmaċewtikalment komposti u terapija u proċeduri ta' segwitu;

AB.  billi, attwalment, sitt Stati Membri u n-Norveġja ma għandhom fis-seħħ l-ebda sistema ta' awtorizzazzjoni minn qabel, li tagħti lill-pazjenti l-libertà tal-għażla u tnaqqas il-piżijiet amministrattivi;

AC.  billi hemm għadd ta' ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u r-reġjuni ġirien li jistgħu jservu ta' bażi għall-aħjar prattiki eċċellenti biex tkompli tiġi żviluppata l-kura tas-saħħa transkonfinali fl-UE kollha;

L-implimentazzjoni

1.  Jilqa' l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni biex tivvaluta jekk l-Istati Membri ttrasponewx id-Direttiva b'mod korrett;

2.  Jinnota l-benefiċċji tad-direttiva biex jiġu ċċarati r-regoli dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali u biex jiġi żgurat l-aċċess għal kura tas-saħħa transkonfinali sigura u ta' kwalità għolja fl-Unjoni, kif ukoll biex tinkiseb il-mobilità tal-pazjenti f'konformità mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja; jesprimi d-diżappunt tiegħu li għadd sinifikanti ta' Stati Membri ma implimentawx b'mod effettiv ir-rekwiżiti li jiggarantixxu d-drittijiet tal-pazjenti; għaldaqstant iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni xierqa tagħha, u jiggarantixxu livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika li tikkontribwixxi għat-titjib tas-saħħa taċ-ċittadini, filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju tal-moviment ħieles tal-persuni fi ħdan is-suq intern;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproċedi bir-rapporti ta' evalwazzjoni ta' kull tliet snin tagħha dwar it-tħaddim tad-Direttiva u tissottomettihom lill-Parlament u lill-Kunsill kif xieraq; jenfasizza l-importanza li tinġabar informazzjoni, għal skopijiet ta' statistika, dwar pazjenti li jkunu qed jivvjaġġaw barra mill-pajjiż għal trattament u li jiġu analizzati r-raġunijiet li għalihom il-pazjenti jiċċaqalqu minn pajjiż għal ieħor; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni biex tippubblika, kull meta jkun fattibbli u fuq bażi annwali, it-tqassim tas-servizzi pprovduti u l-ammonti totali mħallsa minn kull Stat Membru għall-għoti ta' kura tas-saħħa transkonfinali;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-kwalità tal-ħajja għall-pazjenti u r-riżultati tal-kura fl-evalwazzjoni tagħha tal-kosteffiċjenza tal-implimentazzjoni tad-direttiva;

5.  Ifakkar lill-Istati Membri fl-impenn tagħhom li jipprovdu lill-Kummissjoni assistenza u l-informazzjoni kollha meħtieġa għad-dispożizzjoni tagħhom, sabiex twettaq il-valutazzjoni tagħha u t-tħejjija r-rapporti msemmija qabel;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi linji gwida għall-implimentazzjoni, speċjalment f'dawk l-oqsma fejn id-direttiva u r-regolament dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali jinteraġixxu, u tiżgura koordinazzjoni aħjar, f'dak ir-rigward, fost il-partijiet interessati rilevanti kollha fi ħdan l-istituzzjonijiet;

7.  Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jittrasponu d-direttiva b'mod korrett sabiex jiżguraw kura tas-saħħa transkonfinali ta' kwalità għolja u aċċessibbli għall-pazjenti, f'konformità sħiħa tal-iskadenzi tal-implimentazzjoni stabbiliti fil-leġiżlazzjoni; jirrikonoxxi li jista' jsir titjib speċifiku fir-rigward tal-aċċess għal mediċini preskritti u l-kontinwità tat-trattament; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li tespandi l-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva biex tinkludi l-programmi tat-tilqim;

8.  Jinnota b'sodisfazzjon l-impatt pożittiv ta' inizjattivi bħall-EHIC, li tingħata mingħajr ħlas u tippermetti lil kull min huwa assigurat minn skema tas-sigurtà soċjali statutorja jew li jkun kopert minn waħda, li jirċievi trattament mediku fi Stat Membru ieħor mingħajr ħlas jew bi spiża mnaqqsa; jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni ta' suċċess bejn l-istituzzjonijiet sabiex jiġi evitat l-użu ħażin tal-EHIC;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata ċ-ċarezza u t-trasparenza fir-rigward tal-kundizzjonijiet li taħthom joperaw il-fornituri tal-kura tas-saħħa; jissottolinja l-importanza li l-fornituri u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa jkollhom assigurazzjoni professjonali tar-responsabbiltà ċivili, kif previst fid-direttiva kif ukoll fid-Direttiva 2005/36/KE, sabiex tittejjeb il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa u tiżdied il-protezzjoni tal-pazjenti;

Il-finanzjament

10.  Ifakkar li l-finanzjament tal-kura tas-saħħa transkonfinali jaqa' fuq l-Istati Membri, li jħallsu lura l-ispejjeż skont ir-regolament stabbilit; ifakkar li l-Kummissjoni permezz tal-programmi tas-saħħa tappoġġa l-kooperazzjoni li tinsab fil-kapitolu IV tad-direttiva;

11.  Jesprimi tħassib serju, f'dan ir-rigward, dwar it-tnaqqis propost fil-finanzjament għall-programm tas-saħħa; itenni s-sejħa tiegħu biex il-programm tas-saħħa jerġa' jsir programm awtonomu robust b'aktar finanzjament fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss (2021-2027), sabiex jiġu implimentati l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) dwar is-saħħa pubblika, is-sistemi tas-saħħa u l-problemi marbuta mal-ambjent, u tiġi żgurata politika tas-saħħa ambizzjuża, li tiffoka fuq l-isfidi transkonfinali, inklużi, b'mod partikolari, żieda konsiderevoli fl-isforzi komuni tal-UE fil-ġlieda kontra l-kanċer, il-prevenzjoni, l-identifikazzjoni bikrija u l-ġestjoni ta' mard kroniku u rari, inklużi mard ġenetiku u pandemiku u l-kanċer rari, fil-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi u fl-iżgurar ta' aċċess aktar faċli għall-kura tas-saħħa transkonfinali;

12.  Jenfasizza l-importanza tal-Fond Soċjali Ewropew, tal-Fond Strutturali u ta' Investiment Ewropew għas-saħħa u tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, inkluż il-Programm Interreg, biex jittejbu s-servizzi tas-saħħa u jitnaqqsu l-inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa bejn ir-reġjuni u l-gruppi soċjali madwar l-Istati Membri; jitlob li l-fondi strutturali u ta' koeżjoni jintużaw ukoll biex tittejjeb u tiġi ffaċilitata l-kura tas-saħħa transkonfinali fil-QFP li jmiss;

Il-mobilità tal-pazjenti

13.  Jinnota li r-raġunijiet għall-mobilità baxxa tal-pazjenti huma erbgħa: i) xi Stati Membri kienu pjuttost tard biex jimplimentaw id-direttiva; ii) l-għarfien taċ-ċittadini dwar id-drittijiet ġenerali tagħhom għar-rimborż huwa verament baxx, iii) ċerti ostakli li jillimitaw il-kura tas-saħħa transkonfinali, bħall-piżijiet amministrattivi, inbnew minn xi Stati Membri, u iv) informazzjoni dwar pazjenti li jkunu qed ifittxu kura tas-saħħa fi Stat Membru ieħor fuq il-bażi tad-direttiva hija nieqsa jew mhux kompluta;

14.  Jinnota li ċerti sistemi ta' awtorizzazzjoni minn qabel jidhru impenjattivi żżejjed u/jew restrittivi fir-rigward tal-għadd ta' talbiet ikkonċernati kull sena; jitlob lill-Kummissjoni tkompli d-djalogi strutturati mal-Istati Membri, sabiex tiġi pprovduta aktar ċarezza fir-rigward ta' każijiet fejn hija meħtieġa awtorizzazzjoni minn qabel u l-kundizzjonijiet assoċjati għar-rimborż;

15.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida għall-Istati Membri sabiex in-nies ikunu jistgħu, jekk tkun stabbilita awtorizzazzjoni minn qabel, iqabblu l-kura barra mill-pajjiż mal-kura disponibbli fl-Istat Membru tagħhom stess, u l-kosteffettività għall-pazjenti jitqies bħala l-prinċipju ta' gwida;

16.  Ifakkar lill-Istati Membri li kwalunkwe limitazzjoni fuq l-applikazzjoni tad-direttiva, bħar-rekwiżiti tal-awtorizzazzjoni minn qabel jew limitazzjonijiet fuq ir-rimborż, għandha tkun neċessarja u proporzjonata u m'għandhiex tagħti lok għal diskriminazzjoni arbitrarja jew soċjali, ma tridx tpoġġi ostakli għall-moviment liberu tal-pazjenti u s-servizzi u m'għandhiex tpoġġi piż eċċessiv fuq is-sistemi nazzjonali tas-saħħa pubblika. Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw id-diffikultajiet tal-pazjenti bi dħul baxx f'sitwazzjoni ta' pagament minn qabel f'każijiet transkonfinali; billi s-sistemi tal-awtorizzazzjoni minn qabel huma maħsuba biex jippermettu lill-Istati Membri jippjanaw u jipproteġu lill-pazjenti minn kuri li jqajmu tħassib serju u speċifiku relatat mal-kwalità jew is-sikurezza tal-kura;

17.  Jinnota bi tħassib li f'ċerti Stati Membri l-kumpaniji tal-assigurazzjoni ddiskriminaw arbitrarjament jew ħolqu ostakoli mhux ġustifikati għall-moviment ħieles tal-pazjenti u s-servizzi, b'konsegwenzi finanzjarji negattivi għall-pazjenti;

18.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe deċiżjoni li tintroduċi limitazzjonijiet rigward ir-rimborż tal-ispejjeż skont l-Artikolu 7 (9) tad-direttiva, filwaqt li tagħti r-raġunijiet għal dan l-għemil;

19.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li xi Stati Membri xi drabi jagħtu livelli aktar baxxi ta' rimborż għall-kura tas-saħħa transkonfinali pprovduta minn fornituri tal-kura tas-saħħa privati jew mhux kuntrattati fit-territorji tagħhom stess milli għal kura tas-saħħa transkonfinali fornuta minn fornituri tal-kura tas-saħħa pubbliċi jew kuntrattati; iqis li għandu jiġi garantit ir-rimborż għall-kura tas-saħħa privata fl-istess livell bħal dak tal-kura tas-saħħa pubblika, dment li jkunu jistgħu jiġu żgurati l-kwalità u s-sikurezza tal-kura;

20.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jivvalutaw, jallinjaw mill-ġdid u jissimplifikaw il-proċeduri ta' rimborż għall-pazjenti li jirċievu kura transkonfinali, inkluż billi jiġi kkjarifikat ir-rimborż tal-kura u l-proċeduri ta' segwitu, u jistabbilixxu front offices ta' koordinazzjoni li jkunu punt uniku ta' kuntatt mal-assiguraturi tal-kura tas-saħħa rilevanti;

21.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-applikazzjoni tad-direttiva dwar it-"telemediċina" – servizzi ta' saħħa pprovduti mill-bogħod – wasslet għal ċertu nuqqas ta' kjarifika fir-rigward tal-iskemi tar-rimborż, peress li xi Stati Membri jirrimborżaw jew jipprovdu konsultazzjoni ma' prattikanti mediċi ġenerali jew speċjalizzati mill-bogħod, filwaqt li xi oħrajn ma jagħmlux dan; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-użu tar-regoli dwar ir-rimborż, skont l-Artikoli 7(1) u 4 (1), sabiex dawn japplikaw ukoll għat-telemediċina, fejn xieraq; iħeġġeġ lill-Istati Membri jallinjaw l-approċċi tagħhom mar-rimborż tat-telemediċina;

Ir-reġjuni tal-fruntiera

22.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u r-reġjuni tal-fruntiera biex japprofondixxu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali, b'mod effiċjenti u finanzjarjament sostenibbli, inkluż billi jipprovdu informazzjoni aċċessibbli, suffiċjenti u li tinftiehem, sabiex tiġi żgurata l-aħjar kura possibbli għall-pazjenti; jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa u tistimula skambju strutturali tal-aħjar prattiki fost ir-reġjuni tal-fruntiera; iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw dawn l-aħjar prattiki biex itejbu wkoll il-kura tas-saħħa f'reġjuni oħra;

23.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-koeżjoni bejn ir-reġjuni tal-fruntiera bl-indirizzar ta' wħud mill-ostakli legali u amministrattivi li jiffaċċjaw, permezz tal-ħolqien ta' mekkaniżmu transkonfinali tal-UE;

L-informazzjoni għall-pazjenti

24.  Ifakkar fir-rwol essenzjali tal-NCPs meta jipprovdu informazzjoni lill-pazjenti u jgħinuhom jagħmlu deċiżjoni infurmata dwar it-tiftix tal-kura tas-saħħa barra minn pajjiżhom fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu aktar fl-iżvilupp u fil-promozzjoni ta' NCPs aċċessibbli u viżibbli b'mod ċar u pjattaformi tas-Saħħa elettronika għall-pazjenti, li għandhom jipprovdu informazzjoni faċli għall-utent, aċċessibbli b'mod diġitali u mingħajr ostakli lill-pazjenti u lill-professjonisti fil-kura tas-saħħa f'diversi lingwi;

25.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni, flimkien mal-organizzazzjonijiet tal-pazjenti, tiżviluppa linji gwida dwar il-funzjonament tal-NCPs, sabiex tkompli tiffaċilita u sinifikament ittejjeb il-modi kif huma jiskambjaw b'mod sistematiku l-informazzjoni u l-prattiki, bl-għan li jipproduċu proċeduri, formoli jew manwali armonizzati, issimplifikati u favur il-pazjenti u tistabbilixxi rabta bejn l-NCPs u s-sorsi ta' informazzjoni u ta' kompetenza preżenti fl-Istati Membri;

26.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu finanzjament suffiċjenti lill-NCPs tagħhom biex ikunu jistgħu jiżviluppaw informazzjoni komprensiva, u jitlob lill-Kummissjoni tintensifika l-kooperazzjoni fost l-NCPs fl-Unjoni kollha;

27.  Jenfasizza l-potenzjal tas-Saħħa elettronika biex jittejjeb l-aċċess tal-pazjenti għall-informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta' kura tas-saħħa transkonfinali u dwar id-drittijiet tagħhom skont id-direttiva;

28.  Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu lill-fornituri tal-kura tas-saħħa u lill-isptarijiet biex lill-pazjenti jipprovdulhom minn qabel stima preċiża u aġġornata tal-kost tal-kura barra mill-pajjiż, inklużi l-mediċini, l-onorarja, l-iljieli u t-tariffi supplimentari;

29.  Jitlob lill-Kummissjoni tiċċara, għall-benefiċċju tal-esperti nazzjonali u permezz ta' kampanji ta' informazzjoni, il-kumplessità tas-sitwazzjoni legali attwali li tirriżulta mill-interazzjoni bejn id-direttiva u r-regolament li jirregolaw il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali;

30.  Jitlob lill-Kummissjoni torganizza, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, l-NCPs, l-ERNs, l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti u n-netwerks tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa, kampanji ta' informazzjoni pubbliċi komprensivi, anke billi tisfrutta opportunitajiet diġitali ġodda, li għandhom jitfasslu biex irawmu l-għarfien strutturali tad-drittijiet u l-obbligi tal-pazjenti skont id-direttiva;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu l-informazzjoni faċilment aċċessibbli dwar il-proċeduri li permezz tagħhom il-pazjenti jkunu jistgħu jressqu lment f'każijiet fejn id-drittijiet tagħhom skont id-direttiva ma jkunux ġew irrispettati jew saħansitra jkunu nkisru;

32.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida dwar it-tip ta' informazzjoni li għandhom jagħtu l-NCPs, speċjalment il-lista ta' kura li hija soġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel u dik li mhijiex, il-kriterji applikati u l-proċeduri fis-seħħ;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jivvalutaw il-ħtieġa li jiddefinixxu r-raġunijiet għaliex l-aċċess għall-kura tas-saħħa transkonfinali jenħtieġ li jkun disponibbli b'tali mod li jiggarantixxi l-moviment liberu iżda l-kura tas-saħħa mhijiex għan fiha nnifisha filwaqt li s-sistemi tas-saħħa huma kompetenza nazzjonali;

34.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi kooperazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri b'mod ġenerali, u mhux biss permezz tal-NCPs, u biex tivvaluta aktar il-benefiċċji tal-inizjattivi eżistenti għall-kooperazzjoni, speċjalment fir-reġjuni transkonfinali, filwaqt li tiggarantixxi aċċess għal kura tas-saħħa sikura, ta' kwalità għolja u effiċjenti għaċ-ċittadini;

Il-mard rari, il-kanċer rari u n-Netwerks Ewropej ta' Referenza (ERNs)

35.  Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni mifruxa mal-UE kollha biex jiġi żgurat l-akkomunament effiċjenti tal-għarfien, l-informazzjoni u r-riżorsi għall-indirizzar effettiv ta' mard rari u kroniku, inkluż il-kanċer rari, fl-UE kollha; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dak ir-rigward, tappoġġa l-istabbiliment ta' ċentri speċjalizzati għal mard rari fl-UE, li għandhom ikunu integrati bis-sħiħ fl-ERNs;

36.  Jirrakkomanda li titkompla l-ħidma fuq il-passi li diġà ttieħdu biex jiżdiedu l-fehim u s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku rigward mard rari u kanċer rari, u biex jiżdied il-finanzjament għar-R&Ż; jitlob lill-Kummissjoni tkompli tiggarantixxi l-aċċess għall-informazzjoni, il-mediċini u l-kura medika għall-pazjenti ta' mard rari fl-UE kollha u biex tagħmel sforz biex jittejjeb l-aċċess għal dijanjożi bikrija u preċiża; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza r-rata baxxa ta' reġistrazzjoni tal-mard rari u tkompli tiżviluppa u tippromwovi standards komuni għall-kondiviżjoni u l-iskambju tad-data fir-reġistri tal-mard rari;

37.  Jenfasizza l-ħtieġa kritika li jittejbu l-mudelli ta' aderenza tal-pazjenti, li għandhom ikunu bbażati fuq l-aktar sejbiet affidabbli minn metaanaliżijiet u studji empiriċi fuq skala kbira, u għandhom jirriflettu r-realtajiet tal-prattika medika u joffru rakkomandazzjonijiet biex tittejjeb id-dedikazzjoni tal-pazjenti għall-kura tagħhom, b'mod partikolari fil-ġestjoni tal-mard kroniku – barometru essenzjali biex jitkejlu l-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi tal-kura tas-saħħa;

38.  Jissottolinja l-importanza u l-valur miżjud tal-mobilità madwar l-UE tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa, matul l-edukazzjoni u l-karrieri professjonali tagħhom, u tar-rwol tagħhom fit-titjib tal-għarfien u tal-kompetenza esperta dwar il-mard rari;

39.  Jipproponi li l-Kummissjoni għandha tiftaħ sejħa ġdida għall-iżvilupp ta' ERNs ġodda u tkompli tappoġġa l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-mudell tal-ERN b'mod li jitnaqqsu d-disparitajiet ġeografiċi u n-nuqqasijiet fl-għarfien espert; jinsisti madankollu dwar il-fatt li estensjoni tal-ERN jenħtieġ li ma theddidx il-funzjonament tal-ERNs eżistenti, fil-fażi inizjali tagħhom;

40.  Jiddispjaċih dwar l-inċertezza marbuta mal-prinċipji operattivi tal-ERNs u l-interazzjoni tagħhom mas-sistemi tal-kura tas-saħħa nazzjonali u ma' programmi oħra tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tappoġġa lill-Istati Membri u l-ERNs fl-istabbiliment ta' regoli ċari u trasparenti għar-riferiment tal-pazjenti u biex jintlaħaq ftehim dwar il-forma ta' appoġġ li l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-ERNs;

41.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta pjan ta' azzjoni, permezz tal-Programm Konġunt Ewropew dwar Mard Rari, għall-iżvilupp u l-finanzjament sostenibbli ulterjuri tal-ERNs u n-netwerks tal-pazjenti li jappoġġawhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġaw lill-fornituri tal-kura tas-saħħa fi ħdan l-ERNs u jintegraw l-ERNs fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħhom, jadattaw l-oqfsa legali u regolatorji tagħhom u jirreferu għall-ERNs fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom dwar il-mard rari u l-kanċer;

Ir-rikonoxximent reċiproku tar-riċetti (elettroniċi)

42.  Jiddispjaċih dwar id-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-pazjenti, speċjalment dawk fiż-żoni tal-fruntieri, biex jiżguraw l-aċċess għall-mediċini fi Stati Membri oħra u r-rimborż tagħhom, minħabba d-disponibbiltajiet u r-regoli differenti madwar l-UE; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet tas-saħħa rispettivi tagħhom biex jindirizzaw il-kwistjonijiet legali u prattiċi li qed ixekklu r-rikonoxximent reċiproku tar-riċetti mediċi madwar l-UE u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni ta' appoġġ f'dan ir-rigward;

43.  Jiddispjaċih dwar id-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-pazjenti biex jiżguraw l-aċċess għall-mediċini fi Stati Membri oħra u r-rimborż tagħhom, minħabba d-disponibbiltajiet u r-regoli differenti madwar l-UE;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tfassal pjan ta' azzjoni sabiex tindirizza sistematikament il-prezzijiet tal-mediċini li huma eċċessivament għoljin u d-diskrepanzi kbar tagħhom bejn l-Istati Membri differenti;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa sabiex tiżgura li r-riċetti maħruġa minn ċentri ta' kompetenza konnessi ma' ERN huma aċċettati għar-rimborż fl-Istati Membri kollha;

46.  Jilqa' l-appoġġ mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) bħala parti mill-isforzi biex jiġu żviluppati b'suċċess il-proġetti pilota attwali dwar l-iskambju ta' riċetti elettroniċi u sommarji tal-pazjenti u jwittu t-triq għal Stati Membri oħra biex jagħmlu l-istess sal-2020; jinsisti li dan l-appoġġ għandu jitkompla fil-QFP li jmiss;

Is-Saħħa elettronika

47.  Jirrikonoxxi li s-Saħħa elettronika tista' tgħin biex tiżgura li s-sistemi tas-saħħa jkunu sostenibbli, billi jitnaqqsu ċerti spejjeż, u tista' tkun parti importanti mir-reazzjoni tal-UE għall-isfidi tal-kura tas-saħħa tal-lum; jenfasizza li l-interoperabbiltà tas-Saħħa elettronika għandha tkun prijorità, sabiex jittejbu r-rekords globali tal-pazjenti u l-kontinwità tal-kura, filwaqt li tiġi garantita l-privatezza tal-pazjenti; iqis li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-għoti ta' aċċess faċli għall-kura lill-pazjenti kollha, mhux l-anqas l-anzjani u l-persuni b'diżabbiltà; jissuġġerixxi, f'dan ir-rigward, li l-Istati Membri jieħdu passi biex jinvestu fil-litteriżmu diġitali taċ-ċittadini u biex iżidu soluzzjonijiet ġodda għall-popolazzjoni li qed tixjieħ, filwaqt li jużaw il-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jiżguraw li tiġi evitata l-esklużjoni permezz tad-diġitalizzazzjoni;

48.  Jilqa' l-ħolqien tal-Infrastruttura Ewropea ta' Servizzi Diġitali tas-Saħħa Elettronika (eHDSI), li se trawwem l-iskambju transkonfinali tad-data dwar is-saħħa, b'mod speċifiku r-riċetti elettroniċi u s-sommarji tal-pazjenti;

49.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni rapida biex iqabbdu s-sistemi tas-saħħa tagħhom mal-eHDSI permezz ta' NCP iddedikat għas-Saħħa elettronika, f'konformità mal-valutazzjoni tar-riskju tagħhom stess, u jitlob lill-Kummissjoni tiffaċilita dan il-proċess;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-ħtiġijiet tas-saħħa diġitali fl-Istati Membri bħala kwistjoni ta' prijorità; jilqa' l-appoġġ tal-Kummissjoni li tagħti riżorsi finanzjarji sostnuti biex jiġu żgurati strateġiji nazzjonali b'saħħithom għas-saħħa diġitali u jinħoloq qafas xieraq għal azzjonijiet komuni fil-livell tal-UE biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u jiġi żgurat l-iskambju tal-aħjar prattiki għal użu usa' tat-teknoloġija diġitali fl-Istati Membri;

51.  Jitlob lill-Istati Membri jintensifikaw aktar il-kooperazzjoni madwar l-Ewropa bejn l-awtoritajiet tas-saħħa, sabiex id-data tas-Saħħa elettronika u r-rekords personali jitqabbdu mal-għodod tal-Preskrizzjoni elettronika, sabiex il-professjonisti tal-kura tas-saħħa jkunu jistgħu jagħtu kura personalizzata u infurmata tajjeb lill-pazjenti tagħhom u jrawmu l-kooperazzjoni fost it-tobba, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tiffaċilita tali azzjonijiet;

52.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw malajr ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) sabiex jissalvagwardjaw id-data tal-pazjenti użati fl-applikazzjonijiet tas-Saħħa elettronika u jenfasizza l-importanza, b'attenzjoni partikolari għas-saħħa, tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern(15); jenfasizza l-ħtieġa li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jaċċessaw u jużaw id-data dwar is-saħħa tagħhom stess, skont il-prinċipji stabbiliti fil-GDPR;

Il-Brexit

53.  Jitlob lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim solidu mar-Renju Unit wara l-Brexit dwar is-saħħa, filwaqt li tingħata attenzjoni speċifika lid-drittijiet transkonfinali għall-pazjenti u l-funzjonament tal-ERNs;

º

º  º

54.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li twettaq awditu dwar l-effikaċja tal-implimentazzjoni tad-direttiva, u li teżamina b'mod partikolari l-monitoraġġ u s-superviżjoni mill-Kummissjoni ta' din l-implimentazzjoni, ir-riżultati miksuba s'issa fl-għoti tal-aċċess għall-kura tas-saħħa transkonfinali, u l-effettività tal-qafas ta' finanzjament tal-UE fir-rigward tal-azzjoni ffinanzjata;

55.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw, kif xieraq u b'kooperazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet kollha tad-direttiva;

56.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45.

(2)

ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.

(3)

ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

(4)

ĠU C 202, 8.7.2011, p. 10.

(5)

Id-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 li tadotta programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika (2003-2008) ĠU L 271, 9.10.2002, p. 1.

(6)

Id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-2013), ĠU L 301, 20.11.2007, p. 3.

(7)

Ir-Regolament (UE) Nru 282/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar it-twaqqif tat-tielet Programm għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE, ĠU L 86, 21.3.2014, p. 1.

(8)

https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/cross_border_care/docs/2016_msdata_en.pdf

(9)

ĠU L 344, 28.12.2011, p. 48.

(10)

ĠU C 151, 3.7.2009, p. 7.

(11)

https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/BP_CBH/BP_Cross-border_healthcare_EN.pdf

(12)

ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10.

(13)

Ir-rapport ta' sinteżi tal-Kummissjoni dwar il-konsultazzjoni tagħha bit-titolu "Transformation Health and Care in the Digital Single Market" (Trasformazzjoni tas-Saħħa u l-Kura fis-Suq Uniku Diġitali), 2018, https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/ehealth/docs/2018_consultation_dsm_en.pdf

(14)

Ewrobarometru Speċjali 425: Id-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali fl-Unjoni Ewropea

(15)

ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73.


ANNESS: LISTA TA' ENTITAJIET JEW PERSUNILI MINGĦANDHOM IR-RAPPORTEUR IRĊIEVA KONTRIBUT

Il-lista li ġejja hija magħmula fuq bażi purament volontarja taħt ir-responsabbiltà esklużiva tar-rapporteur. Ir-rapporteur irċieva kontribut mingħand dawn l-entitajiet jew persuni li ġejjin fit-tħejjija tar-rapport, sal-adozzjoni tiegħu fil-kumitat:

Entità u/jew persuna

BEUC:

Jelena Malinina

Francesca Cattarin

 

Forum Ewropew tal-Pazjenti

Kaisa Immonen

Kostas Aligiannis

 

Christelijke Mutualiteit:

Michael Callens

Bernard Debbaut

Agnès Chapelle

 

Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Mutwalità

Corinna Hartrampf

 

Dipartiment tas-Saħħa elettronika tal-Ministeru tas-Saħħa tan-Netherlands:

Marcel Floor

 

Federazzjoni Ewropea tal-Isptarijiet u tal-Kura tas-Saħħa:

Pascal Garel

 

Qorti Ewropea tal-Awdituri:

Janusz Wojciechowski

Kinga Wisniewska-Danek

Nicholas Edwards

Colm Friel

Joanna Kokot

 

Kummissjoni Ewropea, DĠ SANTE:

Thea Emmerling

Balasz Lengyel

Brian Kilgallen

Antti Maunu

Corina Vasilescu

Andrzej Jan Rys

Marie-Sophie Wenzel

Lim Roger


OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (23.11.2018)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali

(2018/2108(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Maria Grapini

(*)  Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 114 u 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2018 dwar it-tħaddim tad-Direttiva 2011/24/UE dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (COM(2018)0651),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' April 2018 dwar l-iffaċilitar tat-trasformazzjoni diġitali tal-kura u tas-saħħa fis-Suq Uniku Diġitali; l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini u l-bini ta' soċjetà aktar b'saħħitha (COM(2018)0233),

A.  billi, skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2011/24/UE, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li kull tliet snin tippreżenta rapport ta' implimentazzjoni dwar l-operat ta' dik id-direttiva; billi l-Kummissjoni għandha tivvaluta b'mod kostanti u regolarment tippreżenta informazzjoni dwar il-flussi tal-pazjenti, dwar id-dimensjonijiet amministrattivi, soċjali u finanzjarji tal-mobilità tal-pazjenti u dwar il-funzjonament tan-netwerks ta' referenza Ewropej u l-punti ta' kuntatt nazzjonali;

B.   billi fil-21 ta' Settembru 2018 il-Kummissjoni ppreżentat rapport dwar it-tħaddim tad-Direttiva 2011/24/UE dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali, li juri li għadd kbir ta' Stati Membri ma implimentawx kif suppost id-Direttiva; billi l-ostakli maħluqa lill-pazjenti mis-sistemi tas-saħħa huma sinifikanti u jikkontribwixxu aktar għall-frammentazzjoni tal-aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa;

C.   billi, skont stħarriġ tal-Ewrobarometru 2015, inqas minn 20 % taċ-ċittadini kienu konxji tad-drittijiet tagħhom fir-rigward tal-kura tas-saħħa transkonfinali; billi ftit kien hemm bidla fil-livell ta' sensibilizzazzjoni mill-2015 'l hawn, kif muri miż-żieda bil-mod fl-għadd ta' ċittadini li jivvjaġġaw biex jirċievu l-kura;

D.   billi, skont ir-rapport tal-Kummissjoni tal-2018 dwar it-tħaddim tad-Direttiva 2011/24/UE, għadu diffiċli għaċ-ċittadini li jiskopru kif jistgħu jużaw id-drittijiet tagħhom f'termini tal-kura tas-saħħa transkonfinali; billi jinħtieġu aktar ċarezza u trasparenza dwar il-kundizzjonijiet li taħthom joperaw il-fornituri tal-kura tas-saħħa sabiex tiġi żgurata l-mobilità sikura tal-pazjenti;

E.   billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-saħħa elettronika tal-25 ta' April 2018 tinnota li s-sistemi tas-saħħa u tal-kura jirrikjedu riformi u soluzzjonijiet innovattivi biex isiru aktar reżiljenti, aċċessibbli u effettivi; billi għalhekk l-użu ta' teknoloġiji ġodda u għodod diġitali għandhom jissaħħaħ sabiex jittejbu l-kwalità u s-sostenibilità tas-servizzi tal-kura tas-saħħa;

1.  Jinnota l-benefiċċji tad-Direttiva 2011/24/UE biex jiġu ċċarati r-regoli dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali u biex jiġi żgurat l-aċċess għal kura tas-saħħa transkonfinali sigura u ta' kwalità għolja fl-Unjoni, kif ukoll biex tinkiseb il-mobilità tal-pazjenti f'konformità mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja; jesprimi d-diżappunt tiegħu li għadd sinifikanti ta' Stati Membri ma implimentawx b'mod effettiv ir-rekwiżiti li jiggarantixxu d-drittijiet tal-pazjenti; għaldaqstant iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni xierqa tagħha, u jiggarantixxu livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika li tikkontribwixxi għat-titjib tas-saħħa taċ-ċittadini, filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju tal-moviment ħieles tal-persuni fi ħdan is-suq intern;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata ċ-ċarezza u t-trasparenza fir-rigward tal-kundizzjonijiet li taħthom joperaw il-fornituri tal-kura tas-saħħa; jissottolinja l-importanza li l-fornituri u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa jkollhom assigurazzjoni professjonali tar-responsabilità ċivili, kif previst fid-Direttivi 2005/36/KE u 2011/24/UE, sabiex titjieb il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa u tiżdied il-protezzjoni tal-pazjenti;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ jew isaħħu mekkaniżmu ta' lment xieraq għal pazjenti li jkunu qed ifittxu kura barra minn pajjiżhom, f'każ li d-drittijiet tagħhom ma jkunux ġew rispettati;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu r-rimborż tal-ispejjeż għall-kura tas-saħħa transkonfinali ħafna aktar sempliċi u jevitaw dewmien żejjed jew limitazzjonijiet mhux meħtieġa u sproporzjonati; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali ma japplikawx rekwiżiti ta' piż bħall-forniment ta' dokumenti addizzjonali bla bżonn akkumpanjati minn traduzzjonijiet iċċertifikati;

5.  Jemmen li huwa essenzjali għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern li jiġu indirizzati l-isfidi futuri, u jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni tista' ġġib valur miżjud għall-implimentazzjoni tad-Direttiva; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffukaw fuq l-iżviluppi fil-qasam tal-kura tas-saħħa diġitali u biex jinvestigaw inizjattivi ġodda, bħal fatturi elettroniċi, preskrizzjonijiet elettroniċi jew soluzzjonijiet interoperabbli u li jiffunzjonaw tajjeb tas-Saħħa elettronika, li jistgħu jiżguraw mobilità bla xkiel tal-pazjenti, filwaqt li jiggarantixxu protezzjoni tad-data personali effettiva permezz ta' rekwiżiti xierqa ta' sigurtà u privatezza; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-kwistjonijiet pendenti dwar ir-rikonoxximent reċiproku tar-riċetti mediċi bejn l-Istati Membri, kif ukoll in-nuqqas ta' ċarezza rigward ir-rimborż tat-telemediċina li fiha konsultazzjonijiet mediċi jiġu pprovduti mill-bogħod;

6.  Jenfasizza li ċ-ċittadini, u b'mod partikolari l-pazjenti, kif ukoll il-professjonisti tal-kura tas-saħħa li jipprovdu servizzi barra pajjiżhom, jew jiltaqgħu ma' diffikultajiet biex isibu u jifhmu informazzjoni dwar ir-regoli u l-proċeduri applikabbli fi Stati Membri oħra, inkella mhumiex konxji tad-drittijiet tagħhom; jenfasizza l-importanza li jkun hemm disponibbli informazzjoni komprensiva, faċilment aċċessibbli u faċli biex tinftiehem għall-pazjenti dwar id-drittijiet tagħhom u dwar il-proċeduri, l-ispejjeż u r-rati ta' rimborż għall-kura tas-saħħa transkonfinali fil-qafas tad-Direttiva 2011/24/UE;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex iżidu l-għarfien tal-pazjenti dwar id-drittijiet tagħhom, u b'mod partikolari biex jinfurmaw lill-pazjenti, b'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-pazjenti, dwar l-aspetti prattiċi u legali kumplessi tal-informazzjoni medika b'mod li jinftiehem faċilment, inkluż billi jiżviluppaw linji gwida dwar il-proċeduri pass pass għall-użu tas-servizzi tal-kura tas-saħħa transkonfinali u billi jipprovdu mudelli standardizzati għat-tipi kollha ta' formoli meħtieġa fil-kura tas-saħħa transkonfinali;

8.  Jenfasizza f'dan ir-rigward ir-rwol importanti tal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali (NCPs) fl-għoti ta' informazzjoni lill-pazjenti u lill-professjonisti dwar id-drittijiet tagħhom, u dwar il-proċeduri, l-ispejjeż u r-rimborżi, sabiex jgħinuhom jieħdu deċiżjonijiet infurmati sew dwar jekk għandhomx jieħdu trattament, jew jekk jipprovdux servizz, lokalment jew barra mill-pajjiż u b'hekk jiffrankaw il-ħin u l-ispejjeż; jirrikonoxxi l-importanza li tingħata informazzjoni dettaljata dwar il-proċeduri tal-ilmenti u s-soluzzjoni tat-tilwim b'mezzi elettroniċi permezz tal-NCPs; jappella, għalhekk, għall-allokazzjoni ta' riżorsi xierqa sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-NCPs u jiġi promoss l-iskambju regolari ta' informazzjoni bejniethom;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi kooperazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri b'mod ġenerali, u mhux biss permezz tal-NCPs, u biex tivvaluta aktar il-benefiċċji tal-inizjattivi eżistenti għall-kooperazzjoni, speċjalment fir-reġjuni transkonfinali, filwaqt li tiggarantixxi aċċess għal kura tas-saħħa sikura, ta' kwalità għolja u effiċjenti għaċ-ċittadini;

10.  Jinnota b'sodisfazzjon l-impatt pożittiv ta' inizjattivi bħall-Karta tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea (EHIC), li tingħata mingħajr ħlas u tippermetti lil kull min huwa assigurat minn skema tas-sigurtà soċjali statutorja jew li jkun kopert minn waħda, li jirċievi trattament mediku fi Stat Membru ieħor mingħajr ħlas jew bi spiża mnaqqsa; jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni ta' suċċess bejn l-istituzzjonijiet sabiex jiġi evitat l-użu ħażin tal-EHIC;

11.  Jiddispjaċih li l-mobilità tal-pazjenti għall-kura tas-saħħa ppjanata, u b'mod speċjali l-kura speċjalizzata, fi Stati Membri oħra għadha baxxa minħabba n-nuqqas ta' ċarezza għall-pazjenti f'għadd ta' Stati Membri fir-rigward tat-trattamenti soġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel u li jinvolvu "soġġorn matul il-lejl" u "kura speċjalizzata ħafna"; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiċċaraw u jissimplifikaw ir-reġimi għall-awtorizzazzjoni minn qabel u jfakkar li kwalunkwe sistema ta' awtorizzazzjoni minn qabel trid tkun nondiskriminatorja, ġustifikata u proporzjonata għall-għan mixtieq, u ma tistax tikkostitwixxi ostaklu mhux ġustifikat għall-moviment liberu tal-pazjenti, minħabba li twassal biex pazjenti jbatu minn inugwaljanzi fis-saħħa bejn Stati Membri differenti għaliex ma jkunux jistgħu jaċċessaw it-trattament speċjalizzat li tant hu meħtieġ fi Stati Membri oħra;

12.  Jenfasizza l-importanza li wieħed joqgħod fuq data komparabbli għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-Direttiva; jinnota li l-ġbir tad-data jvarja b'mod sinifikanti bejn Stat Membru u ieħor; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi u tippubblika parametri referenzjarji u indikaturi ewlenin għall-kwalità tal-kura tas-saħħa u tal-mobilità tal-pazjenti sabiex ikunu jistgħu jsiru paraguni aħjar bejn l-Istati Membri;

13.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li twettaq awditu dwar l-effikaċja tal-implimentazzjoni tad-Direttiva, u li teżamina b'mod partikolari l-monitoraġġ u s-superviżjoni mill-Kummissjoni ta' din l-implimentazzjoni, ir-riżultati miksuba s'issa fl-għoti tal-aċċess għall-kura tas-saħħa transkonfinali, u l-effettività tal-qafas ta' finanzjament tal-UE fir-rigward tal-azzjoni ffinanzjata;

14.  Jirrimarka li, skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2011/24/UE, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li kull tliet snin tfassal rapport dwar it-tħaddim ta' dik id-Direttiva; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, madankollu, timmonitorja kostantement il-prestazzjoni u l-effiċjenza tas-sistemi tal-kura tas-saħħa, inkluż billi twettaq eżerċizzju ta' mmappjar tad-drittijiet tal-pazjenti madwar l-Unjoni, sabiex tappoġġa l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' dawn id-drittijiet, u tirrapporta b'mod regolari lill-Parlament dwar dan.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

22.11.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Carlos Coelho, Sergio Gaetano Cofferati, Daniel Dalton, Nicola Danti, Dennis de Jong, Evelyne Gebhardt, Maria Grapini, Robert Jarosław Iwaszkiewicz, Liisa Jaakonsaari, Philippe Juvin, Antonio López-Istúriz White, Morten Løkkegaard, Eva Maydell, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Olga Sehnalová, Jasenko Selimovic, Ivan Štefanec, Catherine Stihler, Anneleen Van Bossuyt, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Julia Reda, Adam Szejnfeld, Sabine Verheyen

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Salvatore Cicu, Mady Delvaux, Czesław Hoc, Jean Lambert, Juan Fernando López Aguilar, Anne-Marie Mineur

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

27

+

ALDE

ECR

EFDD

PPE

S&D

 

Verts/ALE

 

Morten Løkkegaard, Jasenko Selimovic

Daniel Dalton, Czesław Hoc, Anneleen Van Bossuyt

Marco Zullo

Salvatore Cicu, Carlos Coelho, Philippe Juvin, Antonio López-Istúriz White, Eva Maydell, Ivan Štefanec, Adam Szejnfeld, Sabine Verheyen

Sergio Gaetano Cofferati, Nicola Danti, Mady Delvaux, Evelyne Gebhardt, Maria Grapini, Liisa Jaakonsaari, Juan Fernando López Aguilar, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Olga Sehnalová, Catherine Stihler

Jean Lambert, Julia Reda

2

-

GUE/NGL

Anne-Marie Mineur, Dennis de Jong

1

0

EFDD

Robert Jarosław Iwaszkiewicz

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

22.1.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

55

0

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Pilar Ayuso, Catherine Bearder, Ivo Belet, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Paul Brannen, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Miriam Dalli, Seb Dance, Angélique Delahaye, Mark Demesmaeker, Stefan Eck, Bas Eickhout, José Inácio Faria, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Arne Gericke, Jens Gieseke, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Françoise Grossetête, Jytte Guteland, Anneli Jäätteenmäki, Jean-François Jalkh, Benedek Jávor, Kateřina Konečná, Urszula Krupa, Peter Liese, Valentinas Mazuronis, Susanne Melior, Miroslav Mikolášik, Rory Palmer, Gilles Pargneaux, Bolesław G. Piecha, Pavel Poc, John Procter, Frédérique Ries, Daciana Octavia Sârbu, Annie Schreijer-Pierik, Ivica Tolić, Nils Torvalds, Adina-Ioana Vălean, Jadwiga Wiśniewska, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Nikos Androulakis, Cristian-Silviu Buşoi, Christophe Hansen, Martin Häusling, Anja Hazekamp, Jan Huitema, Tilly Metz, Bart Staes, Tiemo Wölken

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Olle Ludvigsson


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

55

+

ALDE :

Catherine Bearder, Jan Huitema, Anneli Jäätteenmäki, Valentinas Mazuronis, Frédérique Ries, Nils Torvalds

ECR:

Mark Demesmaeker, Arne Gericke, Urszula Krupa, Bolesław G. Piecha, Jadwiga Wiśniewska

GUE/NGL :

Stefan Eck, Anja Hazekamp, Kateřina Konečná

PPE:

Pilar Ayuso, Ivo Belet, Cristian Silviu Buşoi, Birgit Collin Langen, Angélique Delahaye, José Inácio Faria, Karl Heinz Florenz, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Jens Gieseke, Julie Girling, Françoise Grossetête, Christophe Hansen, Peter Liese, Miroslav Mikolášik, Annie Schreijer Pierik, Ivica Tolić, Adina Ioana Vălean

S&D:

Nikos Androulakis, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Paul Brannen, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Miriam Dalli, Seb Dance, Jytte Guteland, Olle Ludvigsson, Susanne Melior, Rory Palmer, Gilles Pargneaux, Pavel Poc, Daciana Octavia Sârbu, Tiemo Wölken, Damiano Zoffoli

VERTS/ALE:

Margrete Auken, Bas Eickhout, Martin Häusling, Benedek Jávor, Tilly Metz, Bart Staes

0

-

3

0

ECR:

John Procter

EFDD :

Sylvie Goddyn

ENF :

Jean-François Jalkh

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Frar 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza