RAPPORT dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-ftehim ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u Monaco, Andorra u San Marino
11.2.2019 - (2018/2246(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Juan Fernando López Aguilar
ABBOZZ TA' RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-ftehim ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u Monaco, Andorra u San Marino
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2014/... tat-22 ta' Diċembru 2014 li tawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja, f'isem l-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet ta' wieħed jew diversi Ftehim(iet) ta' Assoċjazzjoni mal-Prinċipat ta' Andorra, il-Prinċipat ta' Monaco u r-Repubblika ta' San Marino li jaqgħu fi ħdan il-kompetenzi tal-Istati Membri,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jiddikjara li "l-Unjoni ser tqis is-sitwazzjoni partikolari ta' pajjiżi ta' daqs territorjali żgħir li jżommu magħha relazzjonijiet speċifiċi mill-qrib",
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2012 bit-titlu "Ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Prinċipalità ta' Andorra, il-Prinċipalità ta' Monaco u r-Repubblika ta' San Marino" (COM(2012)0680),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2012 bit-titolu "Ostakli għall-aċċess minn Andorra, Monaco u San Marino għas-Suq intern tal-UE u l-Kooperazzjoni f'oqsma oħra" (SWD(2012)0388),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-18 ta' Novembru 2013 bit-titlu "Ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Prinċipat ta' Andorra, il-Prinċipat ta' Monaco u r-Repubblika ta' San Marino: Opzjonijiet għall-parteċipazzjoni tagħhom fis-Suq Intern (COM(2013)0793),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar suq intern estiż omoġenju u r-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi terzi tal-Ewropa tal-Punent,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0074/2019),
A. billi l-Prinċipat ta' Andorra (Andorra), il-Prinċipat ta' Monaco (Monaco) u r-Repubblika ta' San Marino (San Marino) għandhom Storja twila ta' sovranità; billi dejjem kienu fil-qalba tal-istorja Ewropea u għandhom relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali li huma profondi u ilhom għaddejjin żmien twil mal-Istati Membri fil-prossimità immedjata tagħhom u mal-UE b'mod ġenerali; billi s-sħubija tal-UE ma' dawn il-pajjiżi hija msejsa fuq il-ġabra komuni ta' valuri politiċi u kulturali tagħna;
B. billi Andorra, Monaco u San Marino wrew rieda politika, ekonomika u kulturali Ewropea b'saħħitha u xewqa kbira li jkun hemm relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u kulturali aktar mill-qrib mal-Unjoni Ewropea; billi fl-interess ta' Andorra, Monaco u San Marino, minn naħa, u tal-UE, min-naħa l-oħra, huwa importanti li jkun hemm rispons pożittiv f'waqtu għal din ir-rieda u li tiġi ffaċilitata l-konklużjoni rapida tan-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ġdid, li ser ikun il-qafas ġdid għar-relazzjonijiet bejn l-UE u dawn il-pajjiżi;
C. billi huwa wkoll fl-interess tal-Istati Membri li tradizzjonalment għandhom rabtiet storiċi, politiċi u ekonomiċi ma' Andorra, Monaco u San Marino sabiex irawmu l-approfondiment u l-ispeċifikazzjoni tar-relazzjonijiet ma' dawn l-istati mal-Unjoni Ewropea b'mod ġenerali; billi għaldaqstant huwa essenzjali li titqies ir-relazzjoni bilaterali speċjali li dawn l-Istati Membri diġà jgawdu ma' Andorra, Monaco u San Marino, b'mod partikolari għall-finijiet ta' ċertezza legali;
D. billi Andorra, Monaco u San Marino ilhom żmien twil jappoġġaw il-pożizzjoni tal-politika tal-Unjoni Ewropea fin-Nazzjonijiet Uniti;
E. billi Andorra, Monaco u San Marino huma, b'mod individwali, sħab ekonomiċi rilevanti għall-Istati Membri fil-prossimità immedjata tagħhom u jipprovdu opportunitajiet ta' impjieg għal għadd konsiderevoli ta' ċittadini tal-UE; billi jekk ir-relazzjoni ta' Andorra, Monaco u San Marino mal-UE tkun waħda aktar mill-qrib din tipprovdi lill-partijiet kollha opportunità importanti għal aktar żvilupp ekonomiku li l-effett konsegwenzjali ekonomiku tiegħu jkun pożittiv fuq ir-reġjuni tal-Istati Membri li jinsabu qrib ħafna, inkluż permezz ta' aktar opportunitajiet ta' impjieg u t-titjib tal-ħiliet professjonali internazzjonali;
F. billi waqt in-negozjati dwar il-ftehim ta' assoċjazzjoni huwa importanti li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta' Andorra, Monaco u San Marino bħala stati ta' daqs żgħir skont id-Dikjarazzjoni 3 tal-Artikolu 8 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; billi huwa għaldaqstant importanti li jiġu rikonoxxuti d-dimensjonijiet territorjali żgħar u l-għadd ta' abitanti ta' Andorra, Monaco u San Marino flimkien mal-implikazzjonijiet rilevanti tagħhom f'termini tal-preservazzjoni tal-adegwatezza ta' aċċess soċjoekonomiku u inklużjoni għaċ-ċittadini ta' dawn l-istati; billi l-aċċess u l-inklużjoni tagħhom huma essenzjali għall-preservazzjoni tal-kultura, it-tradizzjonijiet u l-valuri speċifiċi għat-tliet komunitajiet; billi mingħajr dawn il-mekkaniżmi ta' aċċess u inklużjoni dedikati xi ċittadini jistgħu jsibuha diffiċli biex isibu l-mezzi meħtieġa biex jgħixu fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom; billi għaldaqstant huwa essenzjali li tiġi preservata, inkluż permezz ta' dispożizzjonijiet adegwati fil-ftehim ta' assoċjazzjoni, l-għamla politika, soċjoekonomika, kulturali u tal-identità ta' Andorra, Monaco u San Marino u dawn jiġu adattati għar-realtajiet tal-integrazzjoni tal-Unjoni Ewropea;
G. billi Andorra, Monaco u San Marino kollha għandhom ftehimiet bilaterali li ilhom żmien twil mal-pajjiżi ġirien rispettivi tagħhom, li jindirizzaw kwistjonijiet ta' tħassib reċiproku, iqisu l-ispeċifiċitajiet u s-sensittivitajiet tat-tliet pajjiżi u jirriflettu l-ħtieġa li tiġi preservata il-vijabbiltà ta' dawn l-istati; billi dawn l-ispeċifiċitajiet u s-sensittivitajiet ġew rikonoxxuti mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa;
H. billi Andorra, Monaco u San Marino, kollha kemm huma, fittxew li jkun hemm riformi importanti u konverġenza regolatorja mal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tar-regolamentazzjoni tas-settur bankarju u dak finanzjarju;
I. billi, fil-laqgħa tiegħu tal-4 ta' Diċembru 2018, il-Kunsill iddeċieda li jneħħi lil Andorra u San Marino mill-Anness II għall-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2017, sabiex b'hekk jikkonferma li huma konformi mal-impenji kollha pendenti relatati mat-trasparenza, it-tassazzjoni ġusta u l-miżuri kontra l-BEPS (erożjoni tal-bażi u trasferiment tal-profitt); billi Monaco qatt ma kien inkluż f'dan l-anness u l-Kunsill innota li sa mill-5 ta' Diċembru 2017 Monaco kien kompletament konformi ma' dawn l-impenji; billi fil-laqgħat tiegħu ta' April u Lulju 2018, il-Forum Globali tal-OECD dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta' Informazzjoni għal Finijiet ta' Taxxa ddikjara lil Andorra, Monaco u San Marino bħala "konformi" mal-istandard internazzjonali dwar l-iskambju ta' informazzjoni fuq talba;
J. billi għandhom jiġu mfaħħra r-riformi importanti u l-allinjament progressiv ta' Andorra mal-leġiżlazzjoni tal-UE fir-rigward tar-regolamentazzjoni finanzjarja; billi l-UE u Andorra laħqu ftehim siewi dwar it-tabakk u billi Andorra issa ser ikun jista' jintensifika aktar id-direzzjoni tiegħu lejn ekonomija aktar diversifikata; billi dan il-proċess fit-tul ser jippreżenta sfidi rilevanti, u għalhekk ser ikun hemm bżonn ta' protezzjoni adegwata għall-ħaddiema f'Andorra hekk kif dan jgħaddi lejn ekonomija aktar diversifikata; billi aċċess akbar għas-suq intern ser jappoġġja l-iżvilupp ekonomiku fit-tul u ser joħloq opportunitajiet ekonomiċi u ta' impjiegi ġodda f'Andorra;
K. billi San Marino bħalissa qiegħed jesperjenza diffikultajiet biex jesporta lejn Stati Membri oħra, minbarra l-Italja, bħala riżultat tad-dokumentazzjoni addizzjonali tal-VAT meħtieġa (T2); billi l-ftehim ta' assoċjazzjoni għandu joffri opportunità ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni madwar l-UE, li jkunu ta' valur prezzjuż għall-esportaturi ta' San Marino; billi l-ftehim ta' assoċjazzjoni għandu jagħti lill-banek ta' Andorra u San Marino aċċess sħiħ għas-sistema tal-passaporti tal-UE għall-banek u l-kumpaniji tas-servizzi finanzjarji;
L. billi ċ-ċittadini ta' Monaco huma minoranza f'pajjiżhom stess u billi s-swieq tal-akkomodazzjoni u tal-impjiegi huma b'tali mod li l-appoġġ attiv liċ-ċittadini ta' Monaco huwa essenzjali sabiex tiġi ppreservata l-kapaċità tagħhom li jkomplu jgħixu fil-pajjiż; billi d-dispożizzjonijiet dwar aċċess iffaċilitat għall-impjiegi japplikaw b'mod ugwali għaċ-ċittadini ta' Monaco u r-residenti tal-irħula fl-inħawi immedjati ta' Monaco; billi 92 % tal-ħaddiema f'Monaco huma ċittadini tal-UE;
M. billi l-ftehim ta' assoċjazzjoni mal-UE joffri l-possibbiltà li tiġi żviluppata kooperazzjoni f'oqsma ta' interess komuni u parteċipazzjoni f'uħud mill-politiki orizzontali tal-UE dwar kwistjonijiet bħar-riċerka, l-ambjent u l-edukazzjoni (Erasmus+);
N. billi l-ftehim ta' assoċjazzjoni ser jirrikjedi l-approvazzjoni tal-Parlament sabiex jidħol fis-seħħ;
1. Jirrakkomanda li l-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:
a) jieħdu l-opportunità ppreżentata min-negozjati dwar il-ftehim ta' assoċjazzjoni biex jintwera l-valur ta' relazzjonijiet aktar mill-qrib u integrazzjoni mal-UE – b'kunsiderazzjoni tal-opinjoni pubblika kemm f'Andorra, Monaco u San Marino kif ukoll fl-UE – u biex jirriaffermaw aktar l-importanza, fuq perjodu twil, tal-inklużjoni fil-korpi tal-UE u tal-politiki għal dawn il-pajjiżi;
b) jevitaw ir-riskju li l-ftehim ta' assoċjazzjoni jiġi rrifjutat ladarba n-negozjati jkunu ġew iffinalizzati u jinvolvu ruħhom f'aktar sforzi sabiex il-membri tal-pubbliku f'Andorra, Monaco u San Marino li jħossuhom aktar vulnerabbli jingħataw informazzjoni dwar il-ftehim ta' assoċjazzjoni u jiġi spjegat lilhom, b'trasparenza sħiħa u f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet tat-tliet stati, l-ambitu, il-merti u n-nuqqasijiet possibbli tal-ftehim, bil-ħsieb li jkun hemm unità politika u l-akbar appoġġ pubbliku possibbli f'kull wieħed mit-tliet stati; jinkoraġġixxu lil Andorra, Monaco u San Marino jagħmlu l-istess, u jappoġġawhom f'dan l-isforz;
c) iqisu bis-sħiħ id-dimensjonijiet territorjali żgħar u r-riżorsi amministrattivi limitati, f'termini relattivi, ta' Andorra, Monaco u San Marino u, fil-proċess tan-negozjati, jaġġustaw l-adozzjoni u l-implimentazzjoni meħtieġa tal-acquis communautaire kif xieraq sabiex titnaqqas il-pressjoni baġitarja eċċessiva, li sussegwentement ikollha implikazzjonijiet negattivi fuq l-opinjoni pubblika u r-riżorsi baġitarji disponibbli; jipprovdu assistenza, fejn meħtieġ, lil Andorra, Monaco u San Marino biex tiġi prevista l-kapaċità amministrattiva meħtieġa sabiex tiġi żgurata traspożizzjoni rapida, dinamika u uniformi tal-acquis communautaire;
d) jappellaw għall-ħolqien, f'kull wieħed mit-tliet stati, ta' qafas istituzzjonali koerenti, effiċjenti u effikaċi li permezz tiegħu jiġi implimentat il-ftehim ta' assoċjazzjoni sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni dinamika tal-acquis communautaire mit-tliet pajjiżi u l-applikazzjoni uniformi u l-interpretazzjoni konsistenti tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim li għandu jinkludi forum għal konsultazzjoni u mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim;
e) jenfasizzaw lil Andorra, Monaco u San Marino l-importanza tal-integrità u tal-omoġeneità ġenerali tas-suq intern u tar-rispett għall-aspetti fundamentali tal-erba' libertajiet kollha tas-suq intern; ifakkar fil-merti u l-benefiċċji ekonomiċi ta' aċċess sħiħ, inkluż għall-prodotti u s-servizzi, għas-suq intern u l-ħtieġa li fi ħdanu jinżammu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u sisien istituzzjonali b'saħħithom, reżiljenti u effettivi għall-benefiċċju ta' kulħadd;
f) jipprovdu appoġġ adegwat tal-UE lil Andorra, Monaco u San Marino fir-rigward tal-kapaċità tagħhom li jadottaw u jimplimentaw bis-sħiħ l-acquis communautaire fuq perjodu fit-tul, inkluż permezz ta' kooperazzjoni istituzzjonali aktar mill-qrib mal-Istati Membri li jinsabu fil-prossimità; jipprovdu aċċess għall-finanzjament tal-UE għal proġetti partikolari u għall-possibbiltà ta' dipendenza fuq korpi amministrattivi eżistenti fl-Istati Membri ddedikati għall-implimentazzjoni tal-acquis communautaire;
g) irawmu żieda fil-kapaċità għal adozzjoni u implimentazzjoni adegwati tal-acquis communautaire permezz tas-sekondar ta' uffiċjali mill-amministrazzjonijiet pubbliċi ta' Andorra, Monaco u San Marino fl-istituzzjonijiet u l-korpi rilevanti tal-UE u dawk tal-Istati Membri tagħhom;
h) jikkunsidraw – fid-dawl tal-ħtieġa li l-libertà tal-istabbiliment prevista fl-ambitu tal-ftehim ta' assoċjazzjoni tiġi rikonċiljata mad-dispożizzjonijiet nazzjonali f'Andorra, Monaco u San Marino li jfittxu li jżommu l-inklużjoni soċjoekonomika taċ-ċittadini tagħhom – il-possibbiltà ta' derogi temporanji bbażati fuq valutazzjoni tal-ħtiġijiet reali tat-tliet stati, soġġetti għal klawżoli ta' rieżami, marbuta ma' kriterji soċjoekonomiċi speċifiċi għal kull stat fin-negozjati u aġġustati għall-perjodu ta' żmien meħtieġ biex jiżguraw, f'kull stat u permezz ta' approċċ gradwali, kundizzjonijiet ekwivalenti reali ta' kompetizzjoni u kapaċità kompetittiva adegwata għall-ħaddiema u l-kumpaniji; jieħdu nota tal-fatt li d-daqs żgħir ħafna ta' dawn il-pajjiżi huwa jwassal biex l-impatt ta' derogi temporanji negozjati fuq l-acquis communautaire ikun wieħed negliġibbli;
i) jieħdu l-opportunità tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni għal aktar kooperazzjoni ma' Andorra, Monaco u San Marino fil-qafas tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu[1];
j) jaġġustaw ir-rekwiżiti relatati mal-għoti ta' data statistika fi ħdan il-ftehim ta' assoċjazzjoni dwar id-daqs ta' Andorra, Monaco u San Marino;
k) jesploraw il-possibbiltà u l-fattibbiltà, fl-istess waqt tan-negozjati dwar il-ftehim ta' assoċjazzjoni, li jiżguraw li Andorra u San Marino jkollhom aċċess għal-likwidità tal-Eurosistema, bil-ħsieb li jrawmu l-kapaċità ta' reżiljenza u l-istabbiltà tas-sistemi nazzjonali tal-banek rispettivi tagħhom f'każ ta' xokk sistemiku intern jew estern, filwaqt li tiġi żgurata sorveljanza adegwata mill-Bank Ċentrali Ewropew; jinkoraġġixxu lil Andorra u Monaco jsiru membri tal-Fond Monetarju Internazzjonali u jingħataw, jekk meħtieġ, assistenza teknika għal dan il-għan; jinkoraġġixxu lil Andorra, Monaco u San Marino jkomplu bl-isforzi tajba tagħhom fir-rigward tal-konverġenza mal-UE fir-rigward tar-regolamentazzjoni finanzjarja, il-governanza fiskali u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus;
l) javvanzaw in-negozjati dwar il-ftehim ta' assoċjazzjoni ma' Andorra, Monaco u San Marino u jipprovdu lill-partijiet li qegħdin jinnegozjaw l-appoġġ kollu meħtieġ mil-lat istituzzjonali kif ukoll minn dak politiku b'mod f'waqtu, inkluż il-valutazzjonijiet u l-għarfien espert mid-Direttorati Ġenerali kompetenti tal-Kummissjoni, sabiex in-negozjati jkunu jistgħu jitlestew mill-aktar fis possibbli u, fi kwalunkwe każ, fis-sentejn li ġejjin;
m) jikkonkludu qabel tmiem il-mandat attwali dikjarazzjoni politiku konġunta ma' Andorra, Monaco u San Marino dwar il-qafas tal-ftehim ta' assoċjazzjoni sabiex jiġi evalwat u preservat il-progress li nkiseb s'issa fin-negozjati sabiex il-Kummissjoni l-ġdida u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jkunu jistgħu jevalwaw u jibnu fuq dan il-fehim komuni u javvanzaw aktar in-negozjati;
n) iqisu n-negozjati dwar il-ftehim ta' assoċjazzjoni bħala opportunità biex jittieħdu miżuri għal investimenti konġunti fl-infrastruttura li hija ta' interess komuni, kif ukoll miżuri li għandhom l-għan li jsaħħu r-riċerka akkademika konġunta bejn Andorra, Monaco, San Marino u l-Istati Membri tal-UE;
2. Huwa tal-fehma li l-leġiżlatura li jmiss tal-Parlament Ewropew tista' sservi bħala opportunità prezzjuża biex tiġi stabbilita delegazzjoni interparlamentari ġdida dedikata għad-djalogu interparlamentari u l-kooperazzjoni ma' Andorra, Monaco u San Marino; jemmen, barra minn hekk, li l-Parlament għandu jfittex li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib bejn is-servizzi tiegħu u s-servizzi rilevanti tal-Parlamenti ta' Andorra, Monaco u San Marino u jospita b'mod regolari mexxejja żgħażagħ minn dawn it-tliet pajjiżi li huma involuti fil-politika, fil-kummerċ u fis-soċjetà ċivili sabiex tissaħħaħ in-narrattiva pożittiva ta' relazzjoni aktar mill-qrib mal-UE fir-rigward tal-politika, l-ekonomija u l-politiki fil-qafas tan-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni; huwa tal-fehma li l-Parlament għandu jrawwem skambji perjodiċi ta' fehmiet mad-delegazzjonijiet parlamentari nazzjonali ta' Andorra, Monaco u San Marino matul in-negozjati; jemmen li għandhom isiru wkoll skambji ta' fehmiet bejn il-Parlament Ewropew u d-delegazzjonijiet parlamentari nazzjonali ta' Andorra, Monaco u San Marino dwar kwistjonijiet trattati mill-Parlament u li jistgħu jkollhom effett dirett fuq l-ekonomija ta' dawn il-pajjiżi, ir-relazzjoni tagħhom mal-UE jew l-effettività tal-ftehim ta' assoċjazzjoni;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Koprinċpijiet, lill-Gvern u lill-Kunsill Ġenerali ta' Andorra, lill-Prinċep, lill-Ministru tal-Istat u lill-Kunsill Nazzjonali ta' Monaco, u lill-Kaptan Reġġenti, lill-Kungress tal-Istat u lill-Gran Kunsill u l-Kunsill Ġenerali ta' San Marino.
- [1] ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
4.2.2019 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
43 4 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Michèle Alliot-Marie, Bas Belder, Goffredo Maria Bettini, Elmar Brok, Klaus Buchner, Arnaud Danjean, Georgios Epitideios, Michael Gahler, Iveta Grigule-Pēterse, Sandra Kalniete, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Clare Moody, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Dobromir Sośnierz, Jaromír Štětina, Charles Tannock, Hilde Vautmans |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Brando Benifei, Neena Gill, Takis Hadjigeorgiou, Liisa Jaakonsaari, Marek Jurek, Patricia Lalonde, Soraya Post, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Helmut Scholz |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
José Blanco López, Santiago Fisas Ayxelà, Ingeborg Gräßle, Karin Kadenbach, Gabriel Mato, Joachim Schuster, Ramón Luis Valcárcel Siso, Julie Ward, Flavio Zanonato |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
43 |
+ |
|
ALDE |
Iveta Grigule-Pēterse, Patricia Lalonde, Javier Nart, Hilde Vautmans |
|
ECR |
Bas Belder, Marek Jurek, Charles Tannock |
|
PPE |
Michèle Alliot-Marie, Elmar Brok, Arnaud Danjean, Santiago Fisas Ayxelà, Michael Gahler, Ingeborg Gräßle, Sandra Kalniete, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, David McAllister, Ramona Nicole Mănescu, Gabriel Mato, Francisco José Millán Mon, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jaromír Štětina, Ramón Luis Valcárcel Siso |
|
S&D |
Brando Benifei, Goffredo Maria Bettini, José Blanco López, Neena Gill, Liisa Jaakonsaari, Karin Kadenbach, Arne Lietz, Andrejs Mamikins, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Soraya Post, Joachim Schuster, Julie Ward, Flavio Zanonato |
|
VERTS/ALE |
Klaus Buchner, Barbara Lochbihler |
|
4 |
- |
|
GUE/NGL |
Takis Hadjigeorgiou, Helmut Scholz |
|
NI |
Georgios Epitideios, Dobromir Sośnierz |
|
0 |
0 |
|
|
|
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni