RAPPORT dwar it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-UE rigward il-prevenzjoni u l-medjazzjoni tal-kunflitti

11.2.2019 - (2018/2159(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Soraya Post


Proċedura : 2018/2159(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0075/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-UE rigward il-prevenzjoni u l-medjazzjoni tal-kunflitti

(2018/2159(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u trattati u strumenti oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-prinċipji u l-għanijiet tal-Karta tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Att Finali ta' Ħelsinki tal-1975 tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u l-prinċipji kollha tiegħu, bħala dokument fundamentali għall-ordni ta' sigurtà reġjonali Ewropea u lil hinn minnha,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-prevenzjoni u l-medjazzjoni tal-kunflitti, kif ukoll dawk dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, u dwar iż-żgħażagħ, il-paċi u s-sigurtà,

–  wara li kkunsidra l-Kunċett tal-Kunsill dwar it-Tisħiħ tal-Kapaċitajiet ta' Medjazzjoni u ta' Djalogu tal-UE, adottat fl-10 ta' Novembru 2009 (15779/09),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ppreżentata mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini fit-28 ta' Ġunju 2016, kif ukoll l-ewwel rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha intitolat "Minn Viżjoni Kondiviża għal Azzjoni Komuni: L-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali", ippubblikat fit-18 ta' Ġunju 2017,

  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017[1],

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tas-27 ta' Ġunju 2018 lill-Kunsill dwar it-73 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti[2],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/2306 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 230/2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi[3],

–  wara li kkunsidra l-Proposta tat-13 ta' Ġunju 2018 tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, lill-Kunsill għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi (HR(2018)94),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0075/2019),

A.  billi l-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali hija parti mir-raison d'être tal-UE, kif rikonoxxut mill-Premju Nobel għall-Paċi fl-2012, u hija fundamentali għat-Trattat ta' Lisbona;

B.  billi l-UE hija impenjata li timplimenta l-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà skont ir-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-aġġornamenti sussegwenti, u l-Aġenda għaż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà f'konformità mar-Riżoluzzjoni 2250 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-aġġornamenti sussegwenti;

C.  billi l-UE hija waħda mill-akbar donaturi fl-appoġġ għall-prevenzjoni tal-kunflitti u għall-bini tal-paċi permezz tal-istrumenti ta' assistenza esterna tagħha;

D.  billi l-UE, bħala kontributur ewlieni għall-organizzazzjonijiet internazzjonali, donatur ewlieni tal-għajnuna u l-akbar sieħeb kummerċjali fid-dinja, għandha tieħu rwol ewlieni fil-bini tal-paċi fid-dinja, fil-prevenzjoni tal-kunflitti u fit-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali; billi l-prevenzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni għandhom jiġu artikolati bħala parti minn approċċ komprensiv li jikkombina s-sigurtà, id-diplomazija u l-iżvilupp;

E.  billi l-kooperazzjoni hija meħtieġa ma' organizzazzjonijiet reġjonali bħall-OSCE, li, fl-Att Finali ta' Ħelsinki tagħha tal-1975, jistipula, fost l-oħrajn, il-prinċipji li ma tintużax il-forza, l-integrità territorjali tal-istati, l-ugwaljanza tad-drittijiet tal-popli u d-dritt tagħhom għall-awtodeterminazzjoni, u billi dawn l-organizzazzjonijiet għandhom rwol ewlieni fil-prevenzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni;

F.  billi l-prevenzjoni tal-kunflitti vjolenti hija fundamentali biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-sigurtà li qed tiffaċċja l-Ewropa u l-viċinat tagħha u biex isir avvanz politiku u soċjali; billi huwa wkoll element essenzjali ta' multilateraliżmu effikaċi u huwa strumentali biex jintlaħqu l-SDGs, speċifikament l-Għan 16 dwar soċjetajiet paċifiċi u inklużivi, l-aċċess għall-ġustizzja għal kulħadd u istituzzjonijiet effikaċi, responsabbli u inklużivi fil-livelli kollha;

G.  billi l-appoġġ kontinwu tal-UE għal atturi ċivili u militari f'pajjiżi terzi huwa fattur importanti fil-prevenzjoni ta' kunflitti vjolenti rikorrenti; billi l-paċi u s-sigurtà sostenibbli u dejjiema huma inseparabbli mill-iżvilupp sostenibbli;

H.  billi l-prevenzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni għandhom jiżguraw iż-żamma tal-istabbiltà u l-iżvilupp f'dawk l-istati u ż-żoni ġeografiċi li s-sitwazzjoni tagħhom tirrappreżenta kwistjoni ta' sigurtà diretta għall-Unjoni;

I.  billi l-prevenzjoni hija funzjoni strateġika li għandha l-għan li tiżgura azzjoni effikaċi qabel il-kriżijiet; billi l-medjazzjoni hija għodda oħra ta' diplomazija li tista' tintuża biex tipprevjeni, trażżan jew issolvi kunflitt;

J.  billi s-sigurtà interna u esterna huma dejjem aktar marbuta b'mod inseparabbli u n-natura kumplessa tal-isfidi globali teħtieġ approċċ tal-UE komprensiv u integrat għal kunflitti u kriżijiet esterni;

K.  billi huwa meħtieġ approċċ interistituzzjonali aktar b'saħħtu sabiex jiġi żgurat li l-UE tkun kapaċi tiżviluppa u timplimenta bis-sħiħ il-kapaċitajiet tagħha;

L.  billi l-Istrateġija Globali tal-UE, id-dikjarazzjonijiet politiċi u l-iżviluppi istituzzjonali huma sinjali pożittivi tal-impenn tal-VP/RGħ li tingħata prijorità lill-prevenzjoni ta' kunflitti u lill-medjazzjoni;

M.  billi l-istrumenti ta' finanzjament estern jipprovdu kontribut sinifikanti fl-appoġġ għall-prevenzjoni tal-kunflitti u għall-bini tal-paċi;

N.  billi l-ġustizzja tranżitorja hija sett importanti ta' mekkaniżmi ġudizzjarji u mhux ġudizzjarji li jiffokaw fuq ir-responsabbiltà għal abbużi tal-passat kif ukoll it-twaqqif ta' futur sostenibbli, ġust u paċifiku;

O.  billi l-Parlament ħa rwol prominenti fid-diplomazija parlamentari, inklużi l-proċessi ta' medjazzjoni u ta' djalogu, abbażi tal-kultura profonda tagħha ta' djalogu u ta' bini ta' kunsens;

P.  billi l-kunflitt u l-gwerra vjolenti għandhom impatt sproporzjonat fuq iċ-ċivili, b'mod partikolari fuq in-nisa u t-tfal, u jpoġġu lin-nisa f'riskju akbar mill-irġiel ta' sfruttament ekonomiku u sesswali, xogħol furzat, spostament, detenzjoni u vjolenza sesswali bħall-istupru, li jintużaw bħala tattika tal-gwerra; billi l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa u ż-żgħażagħ hija importanti għall-prevenzjoni tal-kunflitti u għall-bini tal-paċi kif ukoll fil-prevenzjoni ta' kull forma ta' vjolenza, inkluża l-vjolenza sesswali u sessista;

Q.  billi huwa essenzjali li tiġi inkluża u appoġġjata l-parteċipazzjoni attiva u sinifikattiva tas-soċjetà ċivili u tal-atturi lokali, kemm ċivili kif ukoll militari, inklużi n-nisa, il-minoranzi, il-popli indiġeni u ż-żgħażagħ, meta jiġu promossi u ffaċilitati l-bini tal-kapaċità u tal-fiduċja fil-medjazzjoni, id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni;

R.  billi l-prevenzjoni tal-kunflitti, il-bini tal-paċi u l-isforzi għaż-żamma tal-paċi huma ta' spiss nieqsa mill-fondi, minkejja l-impenji tal-politika fil-livell tal-UE, li għandhom effetti indiretti fuq il-kapaċità biex tiġi promossa u ffaċilitata l-azzjoni f'dawn l-oqsma;

1.  Iħeġġeġ lill-Unjoni tkompli tagħti prijorità lill-prevenzjoni tal-kunflitti u lill-medjazzjoni fil-qafas jew bħala appoġġ tal-formati u l-prinċipji ta' negozjar eżistenti maqbula; jissottolinja li tali approċċ qed jagħti livell għoli ta' valur miżjud tal-UE f'termini politiċi, soċjali, ekonomiċi u ta' sigurtà tal-bniedem fil-livell globali; ifakkar li l-prevenzjoni tal-kunflitti u l-azzjonijiet ta' medjazzjoni jikkontribwixxu biex tiġi ddikjarata l-preżenza u l-kredibilità tal-Unjoni fix-xena internazzjonali;

2.  Jirrikonoxxi r-rwol li jwettqu l-missjonijiet ċivili u militari permezz tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) fiż-żamma tal-paċi, l-evitar ta' kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali;

3.  Jistieden lill-VP/RGħ, lill-President tal-Kummissjoni u lill-President tal-Parlament Ewropew jistabbilixxu prijoritajiet konġunti fit-tul fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni, li għandhom isiru parti minn eżerċizzju regolari ta' programmazzjoni strateġika;

4.  Jitlob il-bini tal-paċi fuq terminu twil biex jiġu indirizzati l-kawżi primarji tal-kunflitt;

5.  Jitlob li tissaħħaħ l-arkitettura kurrenti biex tappoġġja l-prijoritajiet tal-UE kif deskritti hawn taħt;

6.  Jitlob approċċi li huma sensittivi għall-kunflitti u li jiffokaw fuq in-nies li jpoġġu s-sigurtà tal-bniedem fil-qalba tal-impenn tal-UE sabiex jinkisbu riżultati pożittivi u sostenibbli fuq il-post;

7.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lis-servizzi tal-Kummissjoni li jittrattaw l-azzjoni esterna jippreżentaw rapport annwali lill-Parlament dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-impenji tal-politika tal-UE dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni;

Dwar it-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali tal-UE għall-prevenzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni

8.  Jappoġġja l-involviment aktar koerenti u olistiku tal-UE fil-kunflitti u l-kriżijiet esterni, iqis li l-approċċ integrat għall-kunflitti u l-kriżijiet esterni jikkostitwixxi l-valur miżjud tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u li kull mezz irid jiġi implimentat malajr kemm jista' jkun sabiex jiġu ċċarati r-reazzjonijiet tal-UE f'kull stadju tal-kunflitt u sabiex dan l-approċċ integrat isir aktar operazzjonali u aktar effikaċi; ifakkar, f'dan il-kuntest, fin-normi u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali u tal-Karta tan-NU, u jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-oqfsa, l-approċċi u l-prinċipji ta' negozjar eżistenti; itenni li kull kunflitt għandu jitqies b'mod separat;

9.  Jenfasizza li dan il-bini ta' kapaċità għandu jippermetti lill-Istati Membri jidentifikaw żoni ġeografiċi ta' prijorità għal azzjonijiet ta' prevenzjoni u ta' medjazzjoni ta' kunflitti, u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bilaterali bejn il-pajjiżi Ewropej;

10.  Jitlob l-istabbiliment, taħt l-awtorità tal-VP/RGħ, ta' bord konsultattiv ta' livell għoli tal-UE dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni bil-għan li jitwaqqaf grupp komprensiv ta' medjaturi politiċi għolja b'esperjenza u esperti fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kunflitti biex jagħmlu disponibbli għarfien espert politiku u tekniku fi żmien qasir; jemmen li huwa meħtieġ ukoll grupp ta' esperti li jkopri r-rikonċiljazzjoni u l-ġustizzja tranżizzjonali;

11.  Jitlob li jinħatar Mibgħut Speċjali tal-UE għall-paċi biex jippresjedi l-bord konsultattiv ta' livell għoli tal-UE, sabiex jippromwovi l-koerenza u l-koordinazzjoni fl-istituzzjonijiet kollha, inkluż fl-impenn tagħhom mas-soċjetà ċivili, itejjeb l-iskambju ta' informazzjoni u jwassal għal aktar azzjoni u għal azzjoni aktar bikrija;

12.  Jitlob l-istabbiliment ta' mekkaniżmi interistituzzjonali oħra bħal task forces għal sitwazzjonijiet speċifiċi ta' prevenzjoni ta' kunflitti;

13.  Jitlob li jitwaqqaf grupp ta' ħidma tal-Kunsill iddedikat għall-prevenzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni, li jenfasizza l-impenn qawwi tal-UE għall-paċi u l-istabbiltà fir-reġjuni ġirien tagħha;

Dwar is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

14.  Jilqa' l-istabbiliment ta' "Diviżjoni tal-Istrumenti għall-prevenzjoni tal-kunflitti, il-bini tal-paċi u l-medjazzjoni" tas-SEAE u l-iżvilupp ta' għodod bħalma huma s-Sistema ta' Twissija Bikrija u l-analiżi prospettiva; jitlob li jsiru investimenti biex dawn l-għodod jiġu żviluppati aktar;

15.  Jitlob li jkun hemm ġbir, ġestjoni u tixrid b'mod aktar sistematiku ta' għarfien rilevanti f'formati li jkunu aċċessibbli, prattiċi u operazzjonalment rilevanti għall-persunal fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE;

16.  Jappella għal aktar bini ta' kapaċità dwar l-analiżi ta' kunflitti sensittivi għall-ġeneru, it-twissija bikrija, ir-rikonċiljazzjoni u l-prevenzjoni tal-kunflitti għall-persunal intern, il-medjaturi u esperti oħra, kif ukoll għall-partijiet terzi, li jinvolvu ruħhom mas-SEAE u inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

Dwar il-Kummissjoni Ewropea

17.  Ifakkar fil-ħtieġa dejjem tikber għall-prevenzjoni tal-kunflitti fl-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-kunflitti u fl-ilħuq tal-SDGs, b'enfasi partikolari fuq id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, ir-riforma ġudizzjarja u l-appoġġ għas-soċjetà ċivili;

18.  Jisħaq fuq il-fatt li l-interventi kollha tal-UE f'żoni vjolenti u affettwati minn kunflitti jeħtieġ li jkunu sensittivi għall-kunflitti u għall-ġeneru; jitlob li jkun hemm azzjoni immedjata biex dawn l-aspetti jiddaħħlu fil-politiki, l-istrateġiji, l-azzjonijiet u l-operazzjonijiet kollha rilevanti, b'enfasi akbar fuq l-evitar li jsir dannu, filwaqt li jiġi mmassimizzat il-kontribut tal-UE biex jintlaħqu l-objettivi fuq terminu twil ta' prevenzjoni tal-kunflitti u ta' bini tal-paċi;

Dwar il-Parlament Ewropew

19.  Jissottolinja r-rwol tal-Grupp għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet u tal-Membri tal-PE ewlenin tiegħu bħala l-korp operattiv għall-koordinazzjoni ta' inizjattivi ta' medjazzjoni u djalogu, u jilqa' l-inizjattivi ġodda bħad-Djalogu Jean Monnet għall-paċi u d-demokrazija (bl-użu tad-Dar storika Jean Monnet f'Bazoches, Franza), l-attivitajiet dwar il-vjolenza relatata mal-elezzjonijiet, u d-djalogu u l-bini ta' kunsens bejn il-partiti, kif ukoll il-programm għal Mexxejja Politiċi Żgħażagħ, u jirrakkomanda li dawn għandhom jiġu żviluppati aktar bħala strumenti ewlenin tal-Parlament Ewropew fil-qasam tal-medjazzjoni, il-faċilitazzjoni u d-djalogu; jilqa' d-deċiżjoni tal-Grupp għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet li jibni fuq is-suċċess tal-proċess tad-Djalogu Jean Monnet ma' Sobranie tal-Maċedonja bl-estensjoni tal-metodoloġija tad-Djalogu Jean Monnet fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;

20.  Jilqa' b'sodisfazzjon is-sħubija mal-Verkhovna Rada tal-Ukrajna fil-qafas tad-Djalogi Jean Monnet, li għandha l-għan li tibni kunsens fost il-fazzjonijiet u l-partiti politiċi fil-Verkhovna Rada u, l-aktar importanti, li tittrasforma l-kultura politika lejn approċċ parlamentari Ewropew modern ibbażat fuq id-djalogu demokratiku u l-bini ta' kunsens;

21.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-ħames Djalogu Jean Monnet, li sar bejn il-11 u t-13 ta' Ottubru 2018 u fejn ittieħdu passi rigward l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni; jirrikonoxxi t-talba li l-Parlament Ewropew jaħdem mal-Kummissjoni biex jiffaċilitaw djalogu mal-partijiet interessati ewlenin mill-Verkhovna Rada u l-Gvern tal-Ukrajna dwar it-titjib tal-effikaċja tal-Verkhovna Rada fir-rwol tiegħu fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;

22.  Jilqa' l-inizjattiva l-ġdida tripartitika tal-Ispeakers tal-Parlamenti tal-Ukrajna, il-Moldova u l-Georgia biex jistabbilixxu assemblea parlamentari reġjonali bħala pjattaforma importanti għad-djalogu reġjonali dwar kwistjonijiet strateġiċi inkluża l-implimentazzjoni ta' Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni u biex jirrispondu għal sfidi għas-sigurtà ewlenin, inklużi gwerra ibrida u diżinformazzjoni; iqis li l-appoġġ tal-Parlament għal dan id-djalogu parlamentari reġjonali huwa sinjal importanti tal-impenn tiegħu fir-reġjun quddiem l-isfidi għas-sigurtà reġjonali komuni;

23.  Jirrikonoxxi r-rwol dejjem akbar tiegħu fil-proċessi ta' medjazzjoni politika; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-inizjattiva konġunta tal-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir u tliet medjaturi tal-Parlament Ewropew, is-Sur Kukan, is-Sur Vajgl u s-Sur Fleckenstein, fl-appoġġ tal-mexxejja tal-partiti fl-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja sabiex tingħeleb il-kriżi politika permezz tal-adozzjoni tal-Ftehim ta' Przino tal-2015; jikkonferma r-rieda tiegħu li jibni fuq dan l-eżempju ta' kooperazzjoni interistituzzjonali mill-qrib mal-Kummissjoni u s-SEAE billi jżid l-impenn tiegħu biex jissaħħu d-djalogi politiċi u r-rikonċiljazzjoni fil-Balkani tal-Punent u fil-viċinat usa';

24.  Jappella għal aktar żvilupp tal-programm tal-Mexxejja Politiċi Żgħażagħ fil-kuntest tal-Aġenda għaż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà, ibbażat fuq ir-Riżoluzzjoni 2250 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, kif ukoll għat-tkomplija tal-kooperazzjoni eċċellenti mal-inizjattiva reġjonali tal-VP/RGħ għall-Mediterran fl-ambitu tal-programm "Young Med Voices";

25.  Iqis li d-Djalogu ta' Livell Għoli taż-Żgħażagħ "Tnaqqis tad-diskrepanzi" jipprovdi spazju għal djalogu fost ir-rappreżentanti taż-żgħażagħ u l-membri żgħażagħ tal-parlamenti tal-Balkani tal-Punent, li huwa importanti fl-appoġġ ta' kultura ta' djalogu bejn il-partiti u rikonċiljazzjoni kif ukoll fit-trawwim tal-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi fir-reġjun;

26.  Jirrakkomanda li jiġu żviluppati aktar il-programmi eżistenti ta' taħriġ u kkowċjar fl-ambitu parlamentari disponibbli għall-Membri tal-Parlament Ewropew, b'mod partikolari dawk maħtura bħala medjaturi jew Osservaturi Prinċipali, kif ukoll il-programmi ta' taħriġ għall-membri parlamentari, il-partiti politiċi u l-persunal tal-pajjiżi terzi, inklużi dawk dwar l-aspetti tal-ġeneru u taż-żgħażagħ, kif ukoll f'koordinazzjoni mal-istrutturi fl-Istati Membri li żviluppaw għarfien espert f'dan il-qasam;

27.  Iqis li l-kapaċitajiet tal-Parlament jistgħu jiġu żviluppati aktar permezz tal-ħatra ta' Viċi President responsabbli għall-koordinazzjoni tal-medjazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-attivitajiet ta' djalogu, li jaġixxi f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Grupp għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet;

28.  Jissottolinja r-rwol tal-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew fis-sensibilizzazzjoni dwar il-kunflitti madwar id-dinja; jitlob żieda fil-flus tal-premju fil-leġiżlatura li jmiss;

29.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-Parlament, b'appoġġ għall-isforzi ġenerali tal-UE, jistituzzjonalizza l-proċeduri tiegħu dwar il-medjazzjoni; jitlob li jissaħħu d-diplomazija parlamentari u l-attivitajiet ta' skambju, fosthom permezz tal-ħidma tad-delegazzjonijiet parlamentari;

30.  Jissottolinja l-kooperazzjoni mill-qrib li ilha għaddejja bejn il-Parlament u l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSKE fil-qasam tal-elezzjonijiet u l-appoġġ għad-demokrazija; jitlob l-estensjoni ta' din il-kooperazzjoni fil-qasam tal-medjazzjoni u d-djalogu;

Dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà – it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-ġeneru fil-prevenzjoni tal-kunflitti u fil-medjazzjoni tal-UE

31.  Jappella għall-implimentazzjoni ta' ugwaljanza sħiħa bejn il-ġeneri u għal sforzi partikolari biex jiġu żgurati l-parteċipazzjoni tan-nisa, tal-bniet u taż-żgħażagħ u l-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom tul iċ-ċiklu ta' kunflitt, mill-prevenzjoni tal-kunflitti sar-rikostruzzjoni wara l-kunflitt, fil-kuntest tal-attivitajiet tal-UE dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni;

32.  Jitlob li l-eżerċizzji kollha ta' kooperazzjoni, taħriġ u intervent ikunu sensittivi għall-ġeneru; jilqa' l-inizjattivi tal-UE f'dan ir-rigward, kif ukoll il-kontribut attiv tagħha għall-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi li jmiss, u l-Approċċ Strateġiku l-ġdid tal-UE għan-nisa, il-paċi u s-sigurtà;

33.  Jitlob l-inklużjoni ta' għarfien espert dwar il-ġeneru, inklużi l-vjolenza abbażi ta' ġeneru u l-vjolenza sesswali b'rabta mal-kunflitt, fl-istadji kollha tal-prevenzjoni tal-kunflitti, il-proċess ta' medjazzjoni u l-bini tal-paċi;

34.  Jistieden lill-UE tieħu rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar iż-żgħażagħ, il-paċi u s-sigurtà, u l-integrazzjoni tal-prinċipji minquxa fihom fl-attivitajiet tal-UE tal-prevenzjoni tal-kunflitti u tal-medjazzjoni;

35.  Jitlob li l-kooperazzjoni, it-taħriġ u l-interventi kollha jkunu sensittivi għall-bżonnijiet u għall-aspirazzjonijiet tan-nisa u l-irġiel żgħażagħ u infurmati minnhom, filwaqt li jitqiesu l-modi differenzjati li bihom il-kunflitti vjolenti jħallu impatt fuq il-ħajja u l-futur tagħhom u l-kontributi siewja li jistgħu jagħtu għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti vjolenti;

Dwar it-tisħiħ tar-rwol u tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-approċċ tal-UE għall-prevenzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni

36.  Iqis li r-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandu jitqies fl-approċċ ġenerali tal-UE u fil-prijoritajiet tagħha għall-bini ta' kapaċità;

37.  Jissottolinja l-importanza ta' miżuri ta' bini ta' fiduċja u ta' kuntatti bejn il-persuni fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti;

38.  Jitlob li jsiru konsultazzjonijiet mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, speċjalment dawk li huma speċjalizzati fid-drittijiet tan-nisa u fid-drittijiet tal-bniedem tal-minoranzi, meta jiġu stabbiliti u implimentati programmi u politiki tal-UE dwar il-paċi, is-sigurtà u l-medjazzjoni;

Dwar ir-riżorsi finanzjarji u baġitarji disponibbli għall-prevenzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni tal-UE

39.  Huwa tal-fehma li l-isfidi li qed jikbru jitolbu approprjazzjonijiet ogħla għall-prevenzjoni tal-kunflitti u għall-provvista ta' persunal iddedikat għall-kapaċità;

40.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni riżorsi finanzjarji suffiċjenti u allokati għall-azzjonijiet tal-UE fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni fl-ambitu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss (2021-2027);

41.  Jistieden lill-VP/RGħ tipprovdi lill-Parlament aġġornament dwar il-linja baġitarja tas-SEAE ddedikata għall-analiżi tal-kunflitti u għas-sensittività għall-kunflitti, għat-twissija bikrija, għall-appoġġ tal-medjazzjoni u għall-prijoritajiet futuri f'dan il-qasam;

°

°  °

42.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Presidenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lis-SEAE, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kummissjoni, lill-OSKE, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

L-Unjoni Ewropea hija fundamentalment proġett ta' paċi, b'hekk huwa biss naturali li l-prevenzjoni tal-kunflitti u l-bini tal-paċi huma elementi ċentrali tal-politika barranija tagħha. Skont it-Trattat ta' Lisbona, l-UE għandha l-għan li tippromwovi l-paċi (Titolu I, Artikolu 3(1)), u telabora l-idea tagħha tal-paċi mill-valuri u l-prinċipji tagħha stess.

Dawn il-prinċipji jissarrfu f'għanijiet ta' politika barranija ispirati minn definizzjoni komprensiva ta' paċi, li tinkludi mhux biss is-sigurtà u l-istabbiltà (bħan-nuqqas ta' vjolenza bl-armi), iżda tindirizza wkoll il-kawżi prinċipali ta' kunflitt billi tippromwovi d-demokrazija, il-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli, u s-sigurtà tal-bniedem. Il-qofol ta' din id-definizzjoni hija li l-paċi timxi id f'id mas-salvagwardja tal-ħajja u l-benessri ta' kull bniedem f'kull aspett tal-ħajja tagħhom, u l-mod kif dan jista' jinkiseb huwa li tinħoloq sigurtà mibnija fuq id-drittijiet tal-bniedem u s-sigurtà tal-bniedem, u mhux il-militarizzazzjoni.

Il-kumment ġenerali nru 30 tal-kumitat tan-NU dwar CEDAW (il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa) ifakkarna li l-esperjenzi tan-nisa spiss jiġu esklużi bħala mhux rilevanti għat-tbassir tal-kunflitti, li l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-prevenzjoni tal-kunflitti u l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-istituzzjonijiet li jaħdmu fuq id-diplomazija preventiva hija baxxa. Barra minn hekk, l-UE tirrikonoxxi li n-nuqqas ta' rappreżentanza tan-nisa fil-proċessi ta' medjazzjoni u fin-negozjati għall-paċi, kif ukoll in-nuqqas ta' għarfien espert dwar il-ġeneru f'timijiet ta' medjazzjoni jillimitaw b'mod serju l-punt sa fejn l-esperjenza tan-nisa ta' kunflitt, u l-ħtiġijiet konsegwenti għall-ġustizzja u l-irkupru, huma indirizzati fi ħdan dawn il-proċessi (Il-Kunċett tal-UE tal-2009 dwar il-medjazzjoni u d-djalogu).

Meta n-nisa u l-minoranzi mhumiex inklużi fil-ħidma dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti, din mhux se jkollha informazzjoni u aspetti ta' importanza fundamentali. Huwa biss permezz ta' rappreżentazzjoni inklużiva tan-nisa u bl-użu ta' analiżi bbażata fuq il-ġeneru tal-kunflitt, li se nkunu nistgħu nfasslu tweġibiet preċiżi u nilħqu l-paċi sostenibbli. Ir-rwol, il-vuċi u l-kapaċitajiet tan-nisa kif ukoll analiżi intersezzjonali skont il-ġeneru, huma kritiċi għad-djalogi u biex inkunu nistgħu nifformulaw politiki aħjar u biex nilħqu ftehimiet ta' paċi ġusti. Rajna dan f'diversi kuntesti bħal-Libja, il-Jemen, in-Niġerja u l-Kolombja. Fil-fatt, rajna din is-sitwazzjoni fid-dinja kollha.

Kif tistqarr il-Lega Internazzjonali tan-Nisa għall-Paċi u l-Libertà: "L-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà għandha potenzjal trasformattiv. Hija għodda b'saħħitha biex nimxu minn proċess esklużiv għal teħid ta' deċiżjonijiet b'mod demokratiku, minn disparità bejn il-ġeneri għal ġustizzja bejn il-ġeneri u minn kunflitt u vjolenza għal paċi sostenibbli".

L-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà issa hija rikonoxxuta internazzjonalment, iżda għad hemm sfidi kbar għall-implimentazzjoni tagħha. Is-SEAE jirrikonoxxi li l-indirizzar ta' kwistjonijiet dwar il-ġeneru fil-prevenzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni jirrikjedi għarfien u kompetenza esperta dwar il-ġeneru fiż-żewġ kwistjonijiet speċifiċi kif ukoll dwar il-proċess kollu tal-paċi (Skeda informattiva – Proġett ta' Appoġġ għall-Medjazzjoni tas-SEAE – Il-parteċipazzjoni tan-nisa u l-ġeneru). Kwistjoni ewlenija oħra hija, naturalment, li l-impenji jitqiegħdu f'azzjoni reali, u li jiġu appoġġjati b'fondi u riżorsi allokati. Hawnhekk l-UE tista' tieħu rwol b'saħħtu u ewlieni fl-implimentazzjoni tal-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, li jfisser ukoll li tieħu rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-paċi globali.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

4.2.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

4

16

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Bas Belder, Goffredo Maria Bettini, Elmar Brok, Klaus Buchner, Arnaud Danjean, Georgios Epitideios, Michael Gahler, Iveta Grigule-Pēterse, Sandra Kalniete, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Clare Moody, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Dobromir Sośnierz, Charles Tannock, Geoffrey Van Orden

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Brando Benifei, Neena Gill, Liisa Jaakonsaari, Marek Jurek, Soraya Post, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Helmut Scholz

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

José Blanco López, Santiago Fisas Ayxelà, Karin Kadenbach, Ramón Luis Valcárcel Siso, Julie Ward, Flavio Zanonato

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

20

+

ALDE

Iveta Grigule-Pēterse, Javier Nart

ECR

Charles Tannock, Geoffrey Van Orden

S&D

Brando Benifei, Goffredo Maria Bettini, José Blanco López, Neena Gill, Liisa Jaakonsaari, Karin Kadenbach, Arne Lietz, Andrejs Mamikins, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Soraya Post, Julie Ward, Flavio Zanonato

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Barbara Lochbihler

4

-

ECR

Bas Belder, Marek Jurek

NI

Georgios Epitideios, Dobromir Sośnierz

16

0

GUE/NGL

Helmut Scholz

PPE

Michèle Alliot-Marie, Elmar Brok, Arnaud Danjean, Santiago Fisas Ayxelà, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, David McAllister, Ramona Nicole Mănescu, Francisco José Millán Mon, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Ramón Luis Valcárcel Siso

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Frar 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza