RAPPORT dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-Marie Le Pen
6.3.2019 - (2018/2247(IMM))
Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Kostas Chrysogonos
PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-Marie Le Pen
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-Marie Le Pen, imressqa fil-5 ta' Settembru 2018 mill-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Franċiża fuq il-bażi ta' talba li saret mill-Prosekutur Ġenerali fil-Qorti tal-Appell ta' Pariġi, u mħabbra fis-seduta plenarja tat-22 ta' Ottubru 2018, b'rabta ma' kawża pendenti quddiem il-Maġistrati Inkwirenti dwar investigazzjoni ġudizzjarja għal raġunijiet ta' reati allegati ta' ksur ta' fiduċja, ħabi ta' ksur ta' fiduċja, frodi minn grupp organizzat, falsifikazzjoni u l-użu ta' dokumenti falsifikati, u xogħol moħbi permezz tal-ħabi ta' impjegati, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-assistenti parlamentari,
– wara li sema' lil Jean-François Jalkh, li kien qed jissostitwixxi lil Jean-Marie Le Pen, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,
– wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0167/2019),
Α. billi l-Maġistrati Inkwirenti fil-Qorti Reġjonali ta' Pariġi talbu t-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Jean-Marie Le Pen sabiex jisimgħuh b'rabta mar-reati kriminali allegati;
Β. billi t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Jean-Marie Le Pen hija relatata ma' reati allegati ta' ksur ta' fiduċja, ħabi ta' ksur ta' fiduċja, frodi minn grupp organizzat, falsifikazzjoni u l-użu ta' dokumenti falsifikati, u xogħol moħbi permezz tal-ħabi ta' impjegati, b'rabta mal-kundizzjonijiet tal-impjieg ta' assistenti tal-MPE affiljati mal-Front National;
C. billi fil-5 ta' Diċembru 2016 inbdiet investigazzjoni ġudizzjarja wara investigazzjoni preliminari mibdija wara denunzja mill-President tal-Parlament Ewropew ta' dak iż-żmien fid-9 ta' Marzu 2015 dwar ċertu numru ta' assistenti parlamentari tal-Membri tal-Parlament Ewropew affiljati mal-Front National;
D. billi waqt perkwiżizzjoni li saret fil-kwartieri ġenerali tal-Front National fi Frar 2016, ġew issekwestrati għadd ta' dokumenti fl-uffiċċju tat-teżorier tal-Front National, li taw prova tax-xewqa ta' dan il-partit li "inaqqas l-ispejjeż" bis-saħħa tal-ħlas mill-Parlament Ewropew tar-remunerazzjoni ta' impjegati tal-partit abbażi tal-kariga tagħhom ta' assistenti parlamentari;
E. billi l-organigramma tal-Front National, ippubblikata fi Frar 2015 elenkat biss 15-il MPE (minn total ta' 23), 21 assistent parlamentari lokali u 5 assistenti parlamentari akkreditati (minn total ta' 54 assistent); billi għadd ta' assistenti parlamentari ddikjaraw li l-post tal-impjieg tagħhom kien il-kwartieri ġenerali tal-Front National f'Nanterre u f'xi każijiet indikaw li kienu impjegati hemm fuq bażi full-time, għad li kienu jirrisjedu bejn 120 u 945 km mill-post tal-impjieg iddikjarat; billi f'dan l-istadju tal-investigazzjoni, irriżulta li 8 assistenti parlamentari ma wettqu kważi l-ebda xogħol ta' assistenza parlamentari jew li wettquh biss bħala parti żgħira ħafna minn dmirijiethom;
F. billi l-investigazzjonijiet żvelaw ukoll ċirkostanzi li għamluha tidher improbabbli li l-assistenti parlamentari kkonċernati kienu ġenwinament qed iwettqu dmirijiet marbuta mal-Parlament Ewropew, b'mod partikolari:
– il-kuntratti ta' impjieg tal-assistenti parlamentari tal-UE mqassma bejn żewġ kuntratti tal-impjieg mal-Front National,
– il-kuntratti ta' impjieg tal-assistenti parlamentari tal-UE għall-Parlament Ewropew u għall-Front National fis-seħħ simultanjament;
– il-kuntratti ta' impjieg għall-Front National konklużi għal perjodi immedjatament wara perjodi koperti minn kuntratti ta' impjieg tal-assistenti parlamentari tal-UE;
G. billi l-investigazzjoni żvelat li fil-kariga tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew, Jean-Marie Le Pen impjega assistent parlamentari fl-2011, iżda l-assistent parlamentari inkwistjoni qal lill-investigaturi li kien ħadem fuq il-kampanja elettorali ta' MPE ieħor matul il-perjodu kkonċernat; billi Jean-Marie Le Pen għamel arranġament għall-ħlas tas-salarji tal-assistenti parlamentari lil tliet persuni oħra, minkejja li prattikament ma kienu għamlu l-ebda xogħol f'dik il-kapaċità;
H. billi l-investigazzjoni żvelat ukoll li bħala President tal-Front National fi żmien ir-reati allegati, huwa stabbilixxa sistema, li nkixfet mill-Parlament Ewropew, ta' użu tal-fondi tal-UE għall-ħlas ta' xi wħud mill-impjegati tal-Front National permezz ta' kuntratti parlamentari ma' persuni li, fir-realtà, kienu jaħdmu mal-partit, bi ksur tar-regoli tal-UE fis-seħħ;
I. billi l-Maġistrati Inkwirenti jqisu li huwa meħtieġ li jisimgħu lil Jean-Marie Le Pen;
J. billi Jean-Marie Le Pen irrifjuta li jidher b'reazzjoni għat-taħrikiet notifikati mill-investigaturi fil-21 ta' Ġunju 2018 u għamel l-istess meta ġie notifikat b'taħrika mill-Maġistrati Inkwirenti f'Lulju 2018, u invoka l-immunità parlamentari tiegħu;
K. billi bil-ħsieb li ssir l-interrogazzjoni ta' Jean-Marie Le Pen b'rabta mal-akkużi miġjuba kontrih, l-awtorità kompetenti ressqet rikors biex l-immunità tiegħu titneħħa;
L. billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament nazzjonali tagħhom;
M. billi l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża tiddikjara li "L-ebda Membru tal-Parlament ma għandu jiġi arrestat jew soġġett għal kwalunkwe miżura oħra li tneħħilu l-libertà jew tirristrinġilu dik il-libertà għal delitt kriminali serju jew reat serju ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Assemblea li tagħha jkun membru. Din l-awtorizzazzjoni ma hijiex meħtieġa fil-każ ta' delitt serju jew reat serju ieħor imwettaq in flagrante delicto jew meta kundanna tkun saret definittiva";
N. billi ma hemm l-ebda evidenza ta' kwalunkwe motiv biex wieħed jissuspetta fumus persecutionis;
1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Jean-Marie Le Pen;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-Ministru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Franċiża u lil Jean-Marie Le Pen.
- [1] Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et., 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
4.3.2019 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
8 1 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Joëlle Bergeron, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Mady Delvaux, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Pavel Svoboda, Tadeusz Zwiefka |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Philippe Loiseau, Virginie Rozière, Tiemo Wölken |
||||