RAPPORT dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill li tapprova l-konklużjoni, min-naħa tal-Eurojust, tal-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni bejn il-Eurojust u s-Serbja
24.9.2019 - (10334/2019 – C9-0041/2019 – 2019/0807(CNS)) - *
Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Juan Fernando López Aguilar
(Proċedura simplifikata – Artikolu 52(1) tar-Regoli ta' Proċedura)
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill li tapprova l-konklużjoni, min-naħa tal-Eurojust, tal-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni bejn il-Eurojust u s-Serbja
(10334/2019 – C9-0041/2019 – 2019/0807(CNS))
(Konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (10334/2019),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat mit-Trattat ta' Amsterdam, u l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C9-0041/2019),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI tat-28 ta' Frar 2002 li tistabbilixxi l-Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 26a(2) tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 82 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0009/2019),
1. Japprova l-abbozz tal-Kunsill;
2. Jistieden lill-Kunsill jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
3. Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi/tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
NOTA SPJEGATTIVA
Il-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Eurojust u s-Serbja jsegwi l-mudell ta' ftehimiet simili konklużi mill-Eurojust fil-passat (pereżempju, il-Eurojust u l-FYROM, il-Eurojust u l-Istati Uniti, il-Eurojust u n-Norveġja, il-Eurojust u l-Iżvizzera, il-Eurojust u l-Albanija, u l-iktar reċentement, il-Eurojust u l-Georgia). L-għan ta' tali ftehimiet hu li tittrawwem il-kooperazzjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja, speċjalment il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu. Huma jipprevedu, inter alia, uffiċjali ta' kollegament, punti ta' kuntatt u skambju ta' informazzjoni. Ftehimiet ta' kooperazzjoni bħal dawn huma bbażati fuq l-Artikolu 26a(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI tat-28 ta' Frar 2002 li tistabbilixxi Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja.
Il-Ftehim imsemmi huwa konformi mal-Istrateġija dwar il-Balkani tal-Punent tal-Kummissjoni Ewropea tal-2018.[2] F'dak ir-rigward il-Kummissjoni ssottolinjat il-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu billi ddikjarat li "l-kriminalità organizzata għadha kwistjoni serja ħafna fil-Balkani tal-Punent u t-Turkija. Kemm minn ġot-Turkija kif ukoll minn ġol-Balkani tal-Punent jgħaddu rotot importanti tal-kuntrabandu. Hemm netwerks kriminali b'saħħithom b'rabtiet internazzjonali mifruxa li għadhom qed joperaw minn ġo dawn il-pajjiżi u permezz tagħhom. Il-Balkani tal-Punent ħadu passi importanti f'dawn l-aħħar snin biex jimmodernizzaw il-qafas legali u istituzzjonali rigward il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-kooperazzjoni operazzjonali mal-Istati Membri tal-UE u mal-aġenziji tal-UE kompliet tiġi intensifikata u tittejjeb. Il-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent jipparteċipaw b'mod attiv fl-Inizjattiva għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu fil-Balkani tal-Punent (WBCTi). Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi għad għandhom bżonn iżidu l-isforzi biex jindirizzaw il-kwistjoni tal-ġellieda barranin li jerġgħu lura u biex jipprevjenu l-estremiżmu u r-radikalizzazzjoni, inkluż fil-ħabsijiet." F'dan ir-rigward pajjiżi kandidati oħra fir-reġjun (il-Montenegro, il-Maċedonja ta' Fuq u l-Albanija) diġà kkonkludew ftehimiet simili. Fir-rapport tagħha tal-2019, il-Kummissjoni semmiet ukoll li "is-Serbja għandha żżid l-isforzi tagħha biex tindirizza n-nuqqasijiet, u b'mod partikolari tistabbilixxi rekord konvinċenti ta' investigazzjoni, prosekuzzjoni, u kundanni fil-każijiet ta' kriminalità organizzata". Barra minn hekk, is-Serbja hija "l-aktar pajjiż mitlub fir-reġjun, u b'mod ġenerali, it-tieni l-aktar pajjiż terz mitlub fix-xogħol fuq il-każijiet tal-Eurojust. Is-Serbja kienet involuta f'34 każ fl-2018"[3].
Il-Kummissjoni Ewropea ddikjarat ukoll, fit-Tieni Rapport taħt il-Mekkaniżmu ta' Sospensjoni tal-Viża tagħha, li "Fir-rigward tal-kriminalità organizzata, iċ-ċittadini Serbi jkomplu jiġu rrappurtati bħala waħda min-nazzjonalitajiet irrappurtati l-aktar ta’ spiss għal reati ta’ proprjetà organizzata fl-UE, b’mod partikolari fil-Belġju, fi Franza, fil-Ġermanja u fl-Italja. Iċ-ċittadini Serbi komplew ukoll ikunu wieħed mill-aktar vittmi frekwenti tat-traffikar tal-bnedmin li joriġina mir-reġjun tal-Balkani tal-Punent. Il-gruppi tal-kriminalità organizzata magħmula minn ċittadini Iranjani huma involuti fit-traffikar tal-eroina tul din ir-rotta, kif ukoll ir-rotta tal-Kawkasu tanNofsinhar. Għad hemm ħażniet kbar ta’ armi fis-Serbja, li huwa riskju fil-qafas tat-traffikar tal-armi tan-nar."[4]
Għalhekk, tali ftehim jista' jrawwem kooperazzjoni akbar fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u huwa fl-interess tas-Serbja u tal-Istati Membri tal-UE, peress li l-kriminalità organizzata hija problema transnazzjonali. Tali ftehim jintlaqa' tajjeb ukoll fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, fid-dawl ta' ftehim li diġà jeżisti bejn il-Europol u s-Serbja u ta' arranġament ta' ħidma bejn is-Cepol u s-Serbja fir-rigward tal-kooperazzjoni tal-pulizija.
B'konformità mad-Deċiżjoni kurrenti tal-Eurojust, tali ftehimiet ta' kooperazzjoni bejn il-Eurojust u pajjiżi terzi li fihom dispożizzjonijiet dwar l-iskambju ta' data personali jistgħu jiġu konklużi biss jekk l-entità kkonċernata hija soġġetta għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-28 ta' Jannar 1981 jew wara li ssir valutazzjoni li tikkonferma l-eżistenza ta' livell adegwat ta' protezzjoni tad-data żgurata minn dik l-entità. F'dak ir-rigward, irid jiġi enfasizzat li l-Serbja fl-2005 rratifikat il-Konvenzjoni msemmija kif ukoll, fl-2008, il-Protokoll Addizzjonali tagħha. Fit-28 ta' Marzu 2019, il-Korp Konġunt ta' Sorveljanza tal-Eurojust ta opinjoni pożittiva dwar id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim fir-rigward tal-protezzjoni tad-data. Huwa ssottolinja, inter alia, l-adozzjoni ta' leġislazzjoni Serba ġdida dwar il-protezzjoni tad-data fl-2018.[5] Barra minn hekk, ir-Regolament il-ġdid (UE) 2018/1727 dwar il-Eurojust li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI jipprevedi l-possibbiltà ta' ftehimiet ma' pajjiżi terzi fejn dawn il-ftehimiet possibilment ikunu l-bażi għat-trasferiment ta' data personali kemm-il darba l-prinċipji ġenerali għat-trasferimenti ta' data personali operazzjonali lil pajjiżi terzi jiġu rispettati (ara, f'dak ir-rigward, l-Artikolu 56 tar-Regolament).
Konsegwentement, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta' hawn fuq, ir-Rapporteur japprova l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-abbozz ta' Ftehim dwar il-Kooperazzjoni bejn il-Eurojust u s-Serbja.
PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
Titolu |
Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tapprova l-konklużjoni mill-Eurojust tal-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni bejn l-Eurojust u s-Serbja |
|||
Referenzi |
10334/2019 – C9-0041/2019 – 2019/0807(CNS) |
|||
Data meta ġie kkonsultat il-PE |
9.7.2019 |
|
|
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
LIBE 18.7.2019 |
|
|
|
Kumitati mitluba jagħtu opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
AFET 18.7.2019 |
JURI 18.7.2019 |
|
|
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija Data tad-deċiżjoni |
AFET 9.9.2019 |
JURI 3.9.2019 |
|
|
Rapporteurs Data tal-ħatra |
Juan Fernando López Aguilar 4.9.2019 |
|
|
|
Proċedura simplifikata - data tad-deċiżjoni |
24.7.2019 |
|||
Eżami fil-kumitat |
4.9.2019 |
12.9.2019 |
|
|
Data tal-adozzjoni |
12.9.2019 |
|
|
|
Data tat-tressiq |
24.9.2019 |
|||
- [1] GU L 63, 6.3.2002, p. 1.
- [2] Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent, (COM(2018) 65 final).
- [3] Communication on EU Enlargement Policy, Serbia 2019 Report, Commission Staff Working Document (Komunikazzjoni dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE, Rapport 2019 dwar is-Serbja, Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni) (SWD(2019) 219 final).
- [4] COM(2018) 856 final.
- [5] Zakon o zaštiti podataka o ličnosti (Sl. glasnik RS, br. 87/2018).