<Titre>dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2403 fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet tar-Renju Unit u għall-operazzjonijiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit fl-ilmijiet tal-Unjoni</Titre>
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2403 fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet tar-Renju Unit u għall-operazzjonijiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit fl-ilmijiet tal-Unjoni
–wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2019)0398),
–wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0110/2019),
–wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
–wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
–wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A9-0014/2019).
1.Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari billi jinkorpora l-proposta tal-Kummissjoni;
2.Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
3.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
NOTA SPJEGATTIVA
Sfond
Sa mid-data tal-irtirar, ir-Renju Unit se jkun pajjiż terz; l-ibħra territorjali tiegħu u dawk taż-żona ekonomika esklużiva tiegħu mhux se jibqgħu parti mill-ilmijiet tal-Unjoni.
Fin-nuqqas ta' ftehim ta' rtirar (u sakemm ma jiġix stabbilit kwalunkwe ftehim futur possibbli bejn l-Unjoni u r-Renju Unit fir-rigward tas-sajd), il-bastimenti tal-Unjoni se jitilfu d-drittijiet tagħhom ta' aċċess għas-sajd fl-ilmijiet taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tar-Renju Unit. Bl-istess mod, il-bastimenti tas-sajd Britanniċi mhux se jkollhom aktar aċċess għall-ilmijiet tal-UE mill-ewwel ġurnata ta' Brexit mingħajr ftehim.
In-nuqqas ta' arranġament komuni bħala tali ma jipprevenix lir-Renju Unit u lill-Unjoni milli jagħtu aċċess individwali għall-ilmijiet rispettivi tagħhom u milli joħorġu awtorizzazzjonijiet tas-sajd lil bastimenti tal-parti l-oħra għal dan il-għan. Minkejja l-ħtieġa li tingħata awtorizzazzjoni għas-sajd lir-Renju Unit – li jkun sar "pajjiż terz" – kwalunkwe bastiment tal-UE jkollu wkoll b'mod partikolari jikseb awtorizzazzjoni parallela mill-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-bandiera tiegħu, f'konformità mal-kundizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni (ir-Regolament SMEFF). Fuq bażi ta' reċiproċità, l-UE tista' tawtorizza bastimenti barranin individwali jistadu fl-ilmijiet tal-UE taħt il-kundizzjonijiet li huma wkoll stabbiliti f'dan ir-regolament.
Bħala parti mill-miżuri ta' kontinġenza għat-tħejjija għal Brexit mingħajr ftehim, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill f'Marzu 2019 adottaw ir-Regolament (UE) 2019/498 li jemenda r-Regolament SMEFF. Dawk l-emendi b'mod partikolari kellhom il-għan li jiġu stabbiliti proċeduri simplifikati u ġestjoni aktar mgħaġġla ta' tali awtorizzazzjonijiet għal bastimenti tal-UE li jidħlu fl-ilmijiet tar-Renju Unit u għal bastimenti tar-Renju Unit li jridu jistadu fl-ilmijiet tal-UE – fil-każ li jiġu kkonfermati d-drittijiet ta' aċċess għall-ilmijiet reċiproċi. Huma pprovdew ukoll il-possibbiltà li titkompla l-prattika ta' skambju tal-kwoti mar-Renju Unit, kif inhu l-każ bħalissa sakemm ir-Renju Unit ikun għadu membru tal-Unjoni. Dawn il-miżuri ta' kontinġenza previsti fir-Regolament (UE) 2019/498 ta' Marzu 2019 jintemmu sal-31 ta' Diċembru 2019.
L-għan tal-proposta leġiżlattiva
L-abbozz ta' regolament (COM(2019/398) propost mill-Kummissjoni fl-4 ta' Settembru 2019 għandu l-għan li jestendi, għas-sena 2020, l-applikazzjoni tal-miżuri ta' kontinġenza b'rabta mar-regolament SMEFF adottati f'Marzu 2019 skont ir-Regolament (UE) 2019/498. Il-ħruġ ta' drittijiet ta' aċċess reċiproku jirrikjedi li l-attivitajiet tas-sajd ikunu sostenibbli f'konformità mal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd (PKS).
Il-pożizzjoni tal-Kumitat għas-Sajd, kif imwassla mill-President
Fid-dawl tal-inċertezza li għadha għaddejja dwar ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-UE, tali qafas temporanju stabbilit għall-2019, se jibqa' neċessarju għall-2020.
Wara l-ewwel diskussjoni dwar din il-proposta leġiżlattiva fil-Kumitat għas-Sajd fl-24 ta' Settembru, fit-2 ta' Ottubru l-Kumitat qabel (bl-oġġezzjoni ta' żewġ Membri) li din il-proposta tiġi approvata mingħajr emenda skont il-proċedura simplifikata skont l-Artikolu 52(1).
Ir-rapporteur, filwaqt li jaġixxi fil-kapaċità tiegħu ta' President tal-Kumitat għas-Sajd, għalhekk jirrakkomanda lill-Parlament japprova din il-proposta mingħajr emenda.
PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
Titolu
Awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet tar-Renju Unit u għall-operazzjonijiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tar-Renju Unit fl-ilmijiet tal-Unjoni