RAPPORT dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew - rapport annwali 2018

18.11.2019 - (2019/2134(INI))

Kumitat għall-Petizzjonijiet
Rapporteur: Peter Jahr


Proċedura : 2019/2134(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0032/2019
Testi mressqa :
A9-0032/2019
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew - rapport annwali 2018 (2019/2134(INI))

 

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-rapport annwali rigward l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2018,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 15, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 24 u l-Artikolu 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

 wara li kkunsidra l-Artikoli 11, 41, 42 u 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ("il-Karta"),

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD),

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman[1],

 wara li kkunsidra l-Kodiċi Ewropew ta' Mġiba Amministrattiva Tajba, kif adottat mill-Parlament fis-6 ta' Settembru 2001,

 wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar il-Kooperazzjoni konkluż bejn il-Parlament u l-Ombudsman Ewropew fil-15 ta' Marzu 2006, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2006,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2019 dwar l-inkjesta strateġika OI/2/2017 tal-Ombudsman dwar it-trasparenza tad-diskussjonijiet leġiżlattivi fil-korpi preparatorji tal-Kunsill tal-UE[2],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2019 dwar l-eżitu tad-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul is-sena 2018[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 54 u l-Artikolu 232(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-ittra mingħand il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A9-0032/2019),

A. billi r-rapport annwali rigward l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2018 ġie ppreżentat uffiċjalment lill-President tal-Parlament Ewropew fit-2 ta' Ottubru 2019, u billi l-Ombudsman, Emily O'Reilly, ippreżentat ir-rapport tagħha lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-4 ta' Settembru 2019 fi Brussell;

B. billi l-Artikoli 24 u 228 tat-TFUE jagħtu s-setgħa lill-Ombudsman Ewropew li jirċievi lmenti li jikkonċernaw każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-organi tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħha;

C. billi l-Artikolu 10(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li "kull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni" u li "d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'mod kemm jista' jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin";

D. billi l-Artikolu 15 tat-TFUE jistipula li "sabiex tiġi promossa t-tmexxija tajba u sabiex tiġi assigurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b'mod kemm jista' jkun miftuħ" u "kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni";

E. billi l-Artikolu 41(1) tal-Karta jistabbilixxi li "kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b'mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni";

F. billi l-Artikolu 43 tal-Karta jistabbilixxi li "kull ċittadin tal-Unjoni u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandhom id-dritt li jirrikorri għand l-Ombudsman Ewropew f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta tkun qed taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha";

G. billi fl-2018 l-Ombudsman fetħet 490 inkjesta, li minnhom 482 kienu bbażati fuq ilmenti u 8 kienu fuq inizjattiva proprja, filwaqt li għalqet 545 inkjesta (534 ibbażati fuq ilmenti u 11 fuq inizjattiva proprja); billi l-biċċa l-kbira tal-inkjesti kienu jikkonċernaw lill-Kummissjoni (285 inkjesta jew 58,2 %), it-tieni l-akbar numru kkonċernaw l-aġenziji tal-UE (43 inkjesta jew 8,8 %), u l-bqija tqassmu kif ġej: il-Parlament (30 inkjesta jew 6,1 %), l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) (23 inkjesta jew 4,7 %), is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) (23 inkjesta jew 4,7 %), il-Bank Ewropew tal-Investiment (16-il inkjesta jew 3,3 %), l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (14-il inkjesta jew 2,8 %) u istituzzjonijiet oħra (56 inkjesta jew 11,4 %);

H. billi t-tliet kwistjonijiet prinċipali fl-inkjesti magħluqa mill-Ombudsman fl-2018 kienu: it-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni u d-dokumenti (24,6 %), il-kultura tas-servizz (19,8 %) u l-użu xieraq tad-diskrezzjoni (16,1 %). billi kwistjonijiet oħra kienu jinkludu r-rispett tad-drittijiet proċedurali, bħad-dritt ta' smigħ, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, ir-reklutaġġ, kwistjonijiet etiċi, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, inkluż fi proċeduri ta' ksur, il-ġestjoni finanzjarja tajba ta' offerti, għotjiet u kuntratti tal-UE, ir-reklutaġġ, u l-ġestjoni tajba ta' kwistjonijiet tal-persunal tal-UE;

I. billi r-rata ta' konformità ta' 76 % tar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman għal amministrazzjoni tajba mill-Kummissjoni Ewropea fl-2018 turi tnaqqis kontinwu, minn 82 % fl-2016 u 77 % fl-2017, rispettivament;

J. billi fl-2018, 17 996 ċittadin talbu lis-servizzi tal-Ombudsman għall-għajnuna; billi 14 596 ingħataw konsulenza permezz tal-gwida interattiva tas-sit web tagħha; billi 1 220 talba ntbagħtu post ieħor għal skopijiet ta' informazzjoni; billi l-Ombudsman ħadet azzjoni fuq 2 180 ilment li rċeviet;

K. billi fil-ħidma strateġika tiegħu fl-2018, l-uffiċċju tal-Ombudsman fetaħ ħames inkjesti strateġiċi ġodda, rispettivament dwar it-trattament ta' persuni b'diżabilità taħt ir-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard, dwar l-aċċessibilità tas-siti web tal-Kummissjoni għall-persuni b'diżabilità, dwar attivitajiet ta' qabel is-sottomissjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), dwar il-ġestjoni mill-Kummissjoni ta' sitwazzjonijiet ta' "bibien iduru" dwar sitwazzjonijiet tal-persunal tal-UE, u dwar l-obbligu ta' rendikont tal-ħidma leġiżlattiva tal-Kunsill; billi fl-2018 l-Ombudsman fetħet għaxar inizjattivi strateġiċi dwar, fost suġġetti oħra, l-użu tal-lingwi fis-servizz ċivili tal-UE, il-politiki kontra l-fastidju fis-servizz ċivili tal-UE, u l-protezzjoni tat-tfal fil-migrazzjoni;

L. billi l-Ombudsman għandu rwol kruċjali x'jaqdi biex jagħmel il-proċess leġiżlattiv tal-UE aktar miftuħ u responsabbli lejn iċ-ċittadini, sabiex dawn iċ-ċittadini jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jieħdu sehem fil-ħajja demokratika tal-Unjoni u b'hekk jiżdiedu l-involviment u l-fiduċja tagħhom;

M. billi l-Ombudsman għandu rwol kruċjali biex jiżgura l-obbligu ta' rendikont tal-istituzzjonijiet tal-UE u t-trasparenza u l-imparzjalità massimi tal-amministrazzjoni tal-UE u l-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet sabiex jipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini, u b'hekk iżid il-fiduċja, l-involviment u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja demokratika tal-Unjoni;

N. billi l-prijorità ewlenija tal-Ombudsman Ewropew hija li jiżgura li d-drittijiet taċ-ċittadini jiġu rrispettati għalkollox;

O. billi fl-2018 l-Ombudsman nediet sit web ġdid, li jinkludi interfaċċa riveduta u faċli għall-utent għal ilmentaturi potenzjali; billi l-proċedura "rapida" tal-Ombudsman biex jiġu ttrattati lmenti dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tirrifletti l-impenn tal-Ombudsman li tipprovdi assistenza u tieħu deċiżjonijiet fi żmien 40 jum għal dawk li jfittxu l-għajnuna, fl-24 lingwa uffiċjali kollha tal-UE; billi din l-inizjattiva l-ġdida hija parti minn strateġija biex tittejjeb l-effikaċja tal-uffiċċju tagħha;

P. billi l-inkjesta strateġika OI/2/2017/TE tal-Ombudsman sabet li l-Kunsill huwa nieqes mit-trasparenza fir-rigward tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti leġiżlattivi tiegħu u fir-rigward tal-prattiki kurrenti tiegħu fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tiegħu u b'mod aktar speċifiku matul il-fażi preparatorja fil-livell tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (il-COREPER) u fil-livell tal-gruppi ta' ħidma; billi wara r-riluttanza tal-Kunsill li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tagħha, fis-16 ta' Mejju 2018, l-Ombudsman ippreżenta Rapport Speċjali OI/2/2017/TE dwar it-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv tal-Kunsill lill-Parlament; billi fis-17 ta' Jannar 2019 il-Parlament imbagħad adotta r-rapport tiegħu dwar l-inkjesta strateġika OI/2/2017 tal-Ombudsman dwar it-trasparenza tad-diskussjonijiet leġiżlattivi fil-korpi preparatorji tal-Kunsill tal-UE[4], fejn ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman ġew approvati; billi l-Presidenza Finlandiża esprimiet l-impenn tagħha li l-aċċess miftuħ u t-trasparenza leġiżlattiva tal-Kunsill tal-UE jissaħħu;

Q. billi fit-12 ta' Frar 2019 il-Parlament approva abbozz ta' regolament tal-Parlament Ewropew li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew) u li jħassar id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom[5], li għalih huwa għandu responsabilità leġiżlattiva primarja; billi l-approvazzjoni tal-Kunsill ta' dan ir-regolament il-ġdid hija pendenti;

R. billi trasparenza akbar u aċċess aktar miftuħ fir-rigward tal-pożizzjonijiet meħuda mill-gvernijiet tal-Istati Membri fil-Kunsill se jtejbu l-fiduċja fl-UE u jnaqqsu l-Ewroxettiċiżmu u l-populiżmu;

S. billi fl-2018 l-Ombudsman nediet strateġija kontra l-fastidju li teżamina l-politiki kontra l-fastidju li l-amministrazzjoni tal-UE għandha stabbiliti; billi fl-2018 l-Ombudsman iddeċidiet li tikteb lil 26 istituzzjoni u aġenzija tal-UE biex titlob dettalji dwar il-politiki u kif dawn jiġu implimentati;

T. billi fl-2018 l-Ombudsman nediet inkjesta dwar id-diskriminazzjoni sesswali u t-tħassib dwar l-opportunitajiet indaqs fil-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI); billi l-BEI segwa r-rakkomandazzjonijiet u s-suġġerimenti tal-Ombudsman dwar l-opportunitajiet indaqs u l-parità bejn is-sessi;

U. billi l-Ombudsman jagħmel parti mill-qafas tal-UE taħt il-UNCPRD, inkarigat bil-protezzjoni, il-promozzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' dik il-Konvenzjoni fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-UE;

V. billi f'Marzu 2018 saret konferenza li ġabret flimkien in-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew, u wieħed mill-punti ewlenin tad-diskussjoni kien dwar kif l-ombudsmen jistgħu jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom;

1. Jilqa' r-rapport annwali għall-2018 ippreżentat mill-Ombudsman Ewropew;

2. Jifraħ lil Emily O'Reilly għax-xogħol eċċellenti u l-isforzi kostruttivi tagħha biex ittejjeb il-kwalità tal-amministrazzjoni tal-UE u l-aċċessibilità u l-kwalità tas-servizzi li din toffri liċ-ċittadini;

3. Jenfasizza l-importanza tat-trasparenza u l-aċċess pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-Kunsill; jisħaq li livell għoli ta' trasparenza tal-proċess leġiżlattiv huwa essenzjali biex iċ-ċittadini, il-media u l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jżommu lill-uffiċjali u lill-gvernijiet eletti tagħhom responsabbli ta' għemilhom; jirrikonoxxi r-rwol siewi li l-Ombudsman għandu fil-koordinament u l-medjazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini tal-UE; jemmen li l-Kunsill jeħtieġlu jirrevedi l-politika ta' kunfidenzjalità tiegħu; jissottolija l-ħidma tal-Ombudsman biex il-proċess leġiżlattiv tal-UE jkun aktar responsabbli lejn il-pubbliku;

4. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' parteċipazzjoni aktar attiva min-naħa taċ-ċittadini fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-importanza tagħha, flimkien mal-ħtieġa ta' trasparenza akbar fil-mod ta' kif l-amministrazzjoni topera, bħala miżuri li jsaħħu l-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom l-għan li jerġgħu jibnu l-fiduċja;

5. Jisħaq fuq il-punt li l-bini mill-ġdid tal-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni hija ta' importanza primarja għall-Parlament Ewropew u hija importanti immens mil-lat soċjopolitiku u etiku;

6. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jittejjeb u jissaħħaħ id-djalogu soċjali, kif ukoll id-djalogu li jsir bejn il-korpi, l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini tal-Unjoni;

7. Jappoġġja bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet li għamlet l-Ombudsman Ewropew lill-Kunsill, u jħeġġeġ lill-Kunsill jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimplimenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet malajr kemm jista' jkun;

8. Iħeġġeġ lill-Ombudsman toffri aktar gwida lill-istituzzjonijiet tal-UE dwar kif jikkomunikaw aħjar maċ-ċittadini bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE; iħeġġeġ lill-Ombudsman tipprovdi gwida lill-istituzzjonijiet dwar kif jiżviluppaw il-politika lingwistika tagħhom b'tali mod li jkunu jistgħu jinħolqu kontenut u informazzjoni rilevanti fl-akbar numru ta' lingwi possibbli;

9. Jilqa' l-istrateġija tal-Ombudsman li għandha l-għan li żżid l-impatt u l-viżibilità tal-mandat tagħha fost iċ-ċittadini;

10. Jilqa' t-tfassil mill-ġdid tas-sit web tal-Ombudsman Ewropew, li jagħmlu strument aktar funzjonali u aċċessibbli għaċ-ċittadini;

11. Jesiġi li l-Kunsill, bħala koleġiżlatur, jallinja l-metodi ta' ħidma tiegħu mal-istandards ta' demokrazija parlamentari kif jitolbu t-Trattati, pjuttost milli jaġixxi bħal forum diplomatiku, li mhuwiex il-funzjoni maħsuba tiegħu; ifakkar li, wara l-inkjesta strateġika tagħha OI/2/2017/TE, l-Ombudsman ikkonkludiet li l-prattiki tal-Kunsill fir-rigward tat-trasparenza jikkostitwixxu każ ta' amministrazzjoni ħażina; iħeġġeġ lill-Kunsill jimplimenta immedjatament ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman li joħorġu mill-inkjesta strateġika tagħha, inklużi dawk ipprovduti mill-Parlament fir-rapport tiegħu stess dwar ir-Rapport Speċjali; iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli tagħti segwitu għall-progress relatat mal-inkjesta strateġika tagħha;

12. Itenni s-sejħa tiegħu għal aġġornament tal-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess għad-dokumenti u jesiġi li r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 rigward l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni[6] jiġi rivedut sabiex jiġi ffaċilitat ix-xogħol tal-Ombudsman fl-eżami bir-reqqa tal-għoti ta' aċċess għad-dokumenti mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni; iqis li huwa ta' dispjaċir li l-Kunsill imblokka r-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u jħeġġeġ lill-Kunsill jerġa' jiftaħ id-diskussjonijiet tiegħu abbażi tal-pożizzjoni adottata mill-Parlament fit-tieni qari kif stabbilit fir-riżoluzzjoni tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar l-impass fir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (2013/2637(RSP))[7];

13. Itenni t-talba tiegħu għal reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, għax dan assolutament m'għadux validu u m'għadux jirrifletti s-sitwazzjoni legali attwali u l-prattiki istituzzjonali implimentati mill-istituzzjonijiet, l-uffiċċji, il-korpi u l-aġenziji tal-UE;

14. Jilqa' t-tnedija formali tal-proċedura rapida għall-inkjesti dwar l-aċċess għad-dokumenti, u jirrikonoxxi r-riżultati pożittivi għall-ilmentaturi;

 

15. Jissottolinja bil-qawwa l-importanza li l-Ombudsman tkompli timmonitorja mill-qrib u tmexxi inkjesti strateġiċi rigward it-trasparenza tal-Kummissjoni; jistqarr li huwa konxju tal-fatt li l-fenomenu tal-bibien iduru għadu jeżisti, b'mod partikolari fost l-uffiċjali tal-ogħla pożizzjonijiet fl-istituzzjonijiet; iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni tar-regoli riveduti tal-Kummissjoni dwar il-bibien iduru, li ġew stabbiliti f'Settembru 2018, b'riżultat ta' inkjesta fuq inizjattiva tagħha stess;

16. Jisħaq fuq il-punt li l-kwistjoni tal-kunflitti ta' interess hija usa' mill-każijiet ta' bibien iduru, u jinsisti li jeħtieġ li jiġu żviluppati aktar regoli u kriterji aktar stretti sabiex jiġi ggarantit li d-deċiżjonijiet u l-leġiżlazzjoni jsiru bil-ħsieb tal-interessi taċ-ċittadini;

17. Ifakkar li l-prinċipji tad-disponibilità pubblika, l-aċċess miftuħ u t-trasparenza huma inerenti għall-proċess leġiżlattiv tal-UE, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jifhmu x'inhuma l-kunsiderazzjonijiet li jirfdu l-azzjonijiet leġiżlattivi, u għalhekk dan jiżgura eżerċizzju effettiv tad-drittijiet demokratiċi tagħhom[8]3b; jirrikonoxxi l-ħtieġa tat-trasparenza fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE; jappoġġja l-iżvilupp bejn is-servizzi tat-tliet istituzzjonijiet fl-istabbiliment tal-Portal Leġiżlattiv Konġunt, li għandu l-għan li jipprovdi mezz faċli għall-utent li jippermetti lil dawk li mhumiex speċjalisti li jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar il-proċeduri leġiżlattivi li jkunu għaddejjin;

 

18. Jappoġġja l-pubblikazzjoni tad-dokumenti tat-trilogu finali; jissottolinja l-fatt li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża De Capitani (T-540/15) f'Marzu 2018 tiddikjara li l-fehmiet tal-istituzzjonijiet riflessi fid-dokumenti "b'erba' kolonni" ma kinux jaqgħu taħt preżunzjoni ġenerali ta' nuqqas ta' żvelar; jinnota li n-natura sensittiva tas-suġġett rifless fid-dokumenti tat-trilogu ma kinitx ikkunsidrata fiha nnifisha li tikkostitwixxi bażi suffiċjenti biex jiġi rifjutat l-aċċess għall-pubbliku; iqis li, sabiex tinkiseb it-trasparenza fit-trilogi, it-tliet istituzzjonijiet għandhom jagħtu l-kontribut tagħhom; jirrikonoxxi li d-dritt li għandu l-pubbliku li jkollu aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni huwa d-dritt protett u inaljenabbli ta' kull ċittadin tal-UE li jirriżulta direttament mill-prinċipju demokratiku u d-dritt fundamentali tal-libertà tal-espressjoni, sabiex jiġi stabbilit obbligu korrispondenti tal-Unjoni ta' konformità u obbligu ta' rendikont; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu promossi aktar l-istituzzjonijiet rilevanti tat-trasparenza, bħall-Uffiċċju tal-Ombudsman, sabiex l-Unjoni tissodisfa l-obbligu tagħha msemmi hawn fuq;

19. Itenni li l-indipendenza tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tagħti lill-membri tal-Bord Eżekuttiv tiegħu l-libertà li jiddeċiedu, b'mod responsabbli u abbażi tar-rispett għall-obbligu ta' rendikont xieraq, jekk jiħdux sehem fil-fora, inklużi dawk mhux miftuħa għall-pubbliku ġenerali, meta jqisu li dan ikun meħtieġ biex jiġi żgurat l-aħjar twettiq tal-politika monetarja tal-BĊE; jinnota l-opinjoni tal-Ombudsman tal-5 ta' Lulju 2018;

20. Jistieden lill-Kummissjoni, fil-fażi ta' djalogu informali bejnha u l-Istati Membri, biex tiżgura livell għoli ta' trasparenza u aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni fir-rigward tal-EU Pilot u tal-proċeduri ta' ksur, partikolarment dwar dawk relatati mal-petizzjonijiet riċevuti, u aċċess sħiħ b'mezzi xierqa għall-EU Pilot u l-proċeduri ta' ksur li jkunu spiċċaw diġà; jistieden lill-Kummissjoni tieħu approċċ differenti fir-rigward tal-investigazzjonijiet ta' ksur tad-dritt tal-UE u tniedi proċeduri ta' ksur mingħajr ma toqgħod biss fuq il-mekkaniżmu tal-EU Pilot;

21. Jisħaq fuq l-importanza tal-miżuri meħuda biex tissaħħaħ it-trasparenza tad-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-proċeduri ta' ksur; ifakkar li fl-2014 il-Kummissjoni waqqfet pjattaforma ċentralizzata b'informazzjoni komprensiva dwar każijiet ta' ksur, fuq is-sit web Europa; jissottolinja li l-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-pubbliku b'informazzjoni dwar il-fajls tal-EU Pilot u dwar il-każijiet ta' ksur fir-rapporti annwali tagħha dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE;

22. Jappoġġja għalkollox l-impenn tal-Ombudsman biex ittejjeb it-trasparenza tal-lobbjar tal-UE; jappoġġja l-impenn tal-Kummissjoni li timplimenta r-regoli orizzontali riveduti dwar il-gruppi ta' esperti, inklużi dawk li jirrigwardaw it-trasparenza u l-kunflitt ta' interess; jisħaq fuq l-importanza li jiġu rreġistrati individwi u organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw interessi privati fir-Reġistru ta' Trasparenza, sabiex il-ħatriet ikunu jistgħu jsiru f'konformità mar-regoli orizzontali;

23. Jilqa' l-ftehim tripartitiku bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea, li jikkostitwixxi pass lejn it-tisħiħ tar-regoli eżistenti dwar il-lobbjar u l-għeluq tal-lakuni; iqis, madankollu, li l-istituzzjonijiet m'għandhomx jieqfu hawn, iżda għandhom ikomplu jaħdmu għal miżuri leġiżlattivi vinkolanti għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-UE;

24. Jisħaq fuq l-importanza tal-fatt li kull informazzjoni dwar l-influwenza tal-lobbisti tkun magħmula disponibbli mingħajr ħlas, tkun tinftiehem għalkollox u aċċessibbli faċilment għall-pubbliku, u li tittejjeb il-preċiżjoni tad-data fir-Reġistru ta' Trasparenza tal-UE; jissottolinja l-fatt li trid tiġi żgurata trasparenza sħiħa rigward il-finanzjament tar-rappreżentanti kollha tal-interessi, u jitlob li kwalunkwe organizzazzjoni li tikser ir-regoli tal-bibien iduru tiġi sospiża;

25. Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi adottat att legali sabiex ir-Reġistru ta' Trasparenza jkun magħmul obbligatorju għalkollox u legalment vinkolanti għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-UE u għal partijiet terzi, u b'hekk tkun żgurata t-trasparenza sħiħa tal-lobbjar; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jikkunsidraw liema arranġamenti prattiċi jistgħu jwasslu għal ftehim effiċjenti u fil-pront;

26. Jiddispjaċih li d-diskriminazzjoni sesswali u r-rappreżentanza tas-sessi tibqa' kwistjoni rilevanti fl-istituzzjonijiet tal-UE; jinnota bi tħassib is-sejbiet fil-każ 366/2017/AMF, u jħeġġeġ bil-qawwa lill-BEI jikkonforma għalkollox mar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman għall-kisba ta' rappreżentanza bbilanċjata tas-sessi fil-pożizzjonijiet maniġerjali;

27. Jilqa' l-inkjesta tal-Ombudsman fl-2018 dwar il-proċedura tal-ħatra tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni u jirrikonoxxi l-fatt li hija sabet erba' każijiet ta' amministrazzjoni ħażina; jesprimi d-dispjaċir tiegħu li, minkejja l-appoġġ tal-Parlament għar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman, il-Kummissjoni naqset milli timplimentahom; jinnota bi tħassib partikolari l-fatt li ma stabbilitx proċedura ta' ħatra speċifika, u jesiġi li l-Kummissjoni l-ġdida tagħmel dan biex tiżgura l-ogħla standards f'termini ta' trasparenza, etika u l-istat tad-dritt;

28. Jinnota bi tħassib li qed tonqos ir-rata ta' konformità min-naħa tal-Kummissjoni mar-rakkomandazzjonijiet, is-suġġerimenti u s-soluzzjonijiet proposti mill-Ombudsman; jistieden lill-Kummissjoni turi impenn akbar biex issolvi l-każijiet kollha ta' amministrazzjoni ħażina misjuba mill-Ombudsman fl-attivitajiet tagħha;

29. Iħeġġeġ lill-Ombudsman timmonitorja l-implimentazzjoni tar-Regoli ta' Proċedura l-ġodda tal-Parlament għas-seduti ta' smigħ tal-Kummissarji nnominati, b'mod partikolari dawk stabbiliti fl-Anness VII, Artikolu 2 rigward l-eżami tal-interessi finanzjarji fl-ispirtu tat-trasparenza u tal-oġġettività;

30. Jirrikonoxxi l-proposta adottata mill-Kummissjoni fil-31 ta' Jannar 2018 għal Kodiċi ta' Kondotta ġdid għall-Membri tal-Kummissjoni Ewropea; jemmen li jrid isir aktar tisħiħ tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi;

31. Itenni u jemmen bil-qawwa li jeħtieġ li jiġu applikati regoli u standards morali u etiċi stretti fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE bil-għan li jiġi żgurat rispett għad-dmir tal-integrità u d-diskrezzjoni;

32. Jemmen bil-qawwa li t-trasparenza hija komponent essenzjali tal-istat tad-dritt, u li trid tiġi osservata matul il-proċess leġiżlattiv kollu, peress li tinfluwenza l-materjalizzazzjoni effettiva tad-dritt tal-vot u d-dritt li wieħed joħroġ għall-elezzjonijiet, minbarra drittijiet oħra (jiġifieri l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-kelma u l-libertà li tingħata informazzjoni); iqis li l-ħolqien ta' ċittadinanza attiva tal-UE tirrikjedi skrutinju pubbliku, rieżami u evalwazzjoni tal-proċess u l-potenzjal li l-eżitu jiġi kkontestat; jissottolinja l-fatt li dan jgħin sabiex iċ-ċittadini jsiru aktar u aktar familjari mal-kunċetti bażiċi tal-proċess leġiżlattiv u jrawwem il-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika tal-Unjoni;

33. Jilqa' l-isforzi kontinwi tal-Ombudsman biex tinfluwenza l-bidla fl-istituzzjonijiet tal-UE billi tipparteċipa f'konsultazzjonijiet pubbliċi relatati ma' oqsma tal-ħidma tagħha; jilqa' s-suġġerimenti tagħha biex titjieb it-trasparenza tal-mudell tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari, li jinkludu rakkomandazzjonijiet li l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel tippubblika l-aġendi u l-minuti tal-laqgħat relatati mal-valutazzjoni tar-riskju;

34. Iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli l-inkjesta fuq l-inizjattiva tagħha stess dwar it-trasparenza tal-applikazzjonijiet ta' qabel is-sottomissjoni tal-kumpaniji tal-EMA u dawk farmaċewtiċi għall-interazzjoni ta' awtorizzazzjoni tas-suq, u l-konsultazzjoni pubblika li damet għaddejja sa Jannar 2019;

35. Jilqa' l-inkjesta tagħha dwar r-rapporti tas-sikurezza tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA), li wasslet biex l-aġenzija tbiddel il-prattika tagħha sabiex dawk li jirrappurtaw każijiet ta' tħassib dwar is-sikurezza jirċievu rispons;

36. Iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli timmonitorja l-konformità tar-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard (JSIS) mal-UNCPRD; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taġġorna t-test tad-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta' Implimentazzjoni (DĠI), li jirregolaw l-operat tal-JSIS fir-rigward tal-ispejjeż mediċi u l-ispejjeż marbuta ma' akkomodazzjoni raġonevoli fil-post tax-xogħol ta' persuni b'diżabilità jew mard serju; jistieden lill-Ombudsman tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-UNCPRD mill-amministrazzjoni kollha tal-Unjoni Ewropea;

37. Jilqa' r-rakkomandazzjonijiet prattiċi tal-Ombudsman rigward l-aċċessibilità tal-proċeduri ta' selezzjoni tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) għal kandidati b'insuffiċjenza fil-vista; jistieden lill-Ombudsman timmonitorja l-konformità sħiħa tal-EPSO mar-rekwiżiti ta' aċċessibilità għall-proċeduri ta' selezzjoni online; jistieden lill-Ombudsman tagħti segwitu għall-proposti tagħha għal teknoloġiji ta' assistenza waqt it-testijiet ibbażati fuq il-kompjuter li jsiru madwar id-dinja;

38. Jappoġġja lill-Ombudsman fis-sensibilizzazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE fir-rigward tal-introduzzjoni ta' politiki aktar b'saħħithom kontra l-fastidju;

39. Jappoġġja l-inizjattiva tal-Ombudsman li tagħti segwitu għall-moviment #MeToo, u jitlob li jkun hemm aktar monitoraġġ dwar il-politiki kontra l-fastidju li l-amministrazzjoni tal-UE għandha stabbiliti;

40. Jappoġġja l-isforzi tal-Ombudsman biex tiffaċilita l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tfassil tal-politiki tal-UE; Jesiġi li l-Ombudsman tkompli ssegwi l-użu tal-għodda tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI), inkluż il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-regolament rivedut dwar l-ECI;

41. Jinnota li, mindu nħoloq ir-rwol tal-Ombudsman Ewropew, dan evolva maż-żmien, u fejn qabel kien jieħu ħsieb il-prevenzjoni ta' amministrazzjoni ħażina, issa sar jippromwovi l-amministrazzjoni tajba; iqis li l-evoluzzjoni loġika ta' din it-tendenza hija li jitkomplew l-isforzi ta' promozzjoni attiva ta' amministrazzjoni aħjar u tal-aħjar prattiki amministrattivi fil-waqt;

42. Jilqa' l-inizjattiva tal-Ombudsman għal Premju għal Amministrazzjoni Tajba, li jirrikonoxxi l-isforzi tas-servizz ċivili tal-UE biex jinstabu mezzi innovattivi ta' kif għandhom jiġu implimentati politiki favur iċ-ċittadini;

43. Itenni t-talba li ilu jagħmel biex il-Kodiċi Ewropew ta' Mġiba Amministrattiva Tajba attwali jiġi aġġornat u jsir regolament vinkolanti kif suppost għall-istituzzjonijiet, l-aġenziji u għall-partijiet terzi kollha tal-UE;

44. Ifakkar fl-impenn tal-Ombudsman favur livell għoli ħafna ta' trasparenza, min-naħa tal-UE, matul in-negozjati dwar il-ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea;

45. Iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli tikkoopera mal-ombudsmen nazzjonali permezz tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen; jisħaq fuq il-ħtieġa li jkomplu jiġu żviluppati tali eżempji ta' kooperazzjoni bejn id-diversi ombudsmen nazzjonali;

46. Ifakkar li l-abbozz tal-Istatut il-ġdid tal-Ombudsman Ewropew, li ġie adottat reċentement mill-Parlament, fih dispożizzjoni dwar il-fatt li jridu jgħaddu tliet snin qabel ma Membru tal-Parlament Ewropew ikun eliġibbli għall-kariga tal-Ombudsman;

47. Itenni li huwa ta' importanza kruċjali li jiġu ppreservati l-indipendenza u l-integrità tal-Ombudsman, u li jiġi żgurat li l-kariga tingħata lil persuni li jkunu ħielsa minn affiljazzjonijiet ovvji ma' partiti politiċi, kunflitti ta' interess u jkollhom sens ta' etika qawwi;

48. Jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-każ ta' kooperazzjoni eċċellenti u produttiva tal-Ombudsman u t-tim tagħha mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

49. Jirrikonoxxi l-każijiet eċċellenti ta' kooperazzjoni li mexxiet l-Ombudsman tul il-mandat tagħha u jistieden lill-Ombudsman li jmiss isegwi tali kooperazzjoni u djalogu strutturali mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet bil-għan li jkomplu jittejbu l-kwalità tal-amministrazzjoni tal-UE u l-aċċessibbiltà u l-kwalità tas-servizzi li toffri liċ-ċittadini tagħha;

50. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-Ombudsmen tal-Istati Membri jew lil awtoritajiet simili.


NOTA SPJEGATTIVA

Ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2018[9] ġie ppreżentat uffiċjalment lill-President tal-Parlament Ewropew fit-2 ta' Ottubru 2019, u l-Ombudsman, Emily O'Reilly, ippreżentat ir-rapport lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-4 ta' Settembru 2019 fi Brussell.

Il-mandat tal-Ombudsman huwa stabbilit fl-Artikoli 24 u 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

L-Artikolu 24 tat-TFUE, kif ukoll l-Artikolu 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, jistabbilixxu d-dritt li jitressaq ilment lill-Ombudsman Ewropew.

Skont l-Artikolu 228 tat-TFUE, l-Ombudsman Ewropew, elett mill-Parlament Ewropew, għandu s-setgħa li jirċievi lmenti minn kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni, jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju tagħha rreġistrat fi Stat Membru, fir-rigward ta' każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha.

Amministrazzjoni ħażina tfisser amministrazzjoni ta' kwalità baxxa jew b'nuqqasijiet. Din isseħħ jekk istituzzjoni tonqos milli taġixxi f'konformità mal-liġi, tonqos milli tirrispetta l-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba jew tikser id-drittijiet tal-bniedem.

Aspett ewlieni tal-verżjoni kurrenti tat-Trattati, relatat strettament mal-attivitajiet tal-Ombudsman, huwa inkluż fl-Artikolu 15 tat-TFUE. Tabilħaqq, l-Artikolu 15 tat-TFUE jistabbilixxi li l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni jeħtiġilhom iwettqu xogħolhom bl-aktar mod miftuħ possibbli sabiex jippromwovu governanza tajba u jiżguraw il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili. Barra minn hekk, huwa jipprevedi wkoll li kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni, u kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru, jeħtiġilha li jkollha dritt ta' aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni.

Pedament ieħor, partikolarment marbut mar-rwol tal-Ombudsman, huwa l-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, fejn huwa enfasizzat li "kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi trattat b'mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni".

Fl-2018, 17 996 ċittadin talbu lis-servizzi tal-Ombudsman jgħinuhom, li minnhom 14 596 ingħataw parir permezz tal-Gwida Interattiva li tinsab fis-sit web tal-Ombudsman, filwaqt li l-1 220 talba l-oħra għal informazzjoni ġew imwieġba mis-servizzi tal-Ombudsman u 2 180 ġew trattati mill-Ombudsman bħala lmenti.

Mill-għadd totali ta' 2 180 ilment ipproċessati mill-Ombudsman fl-2018, 880 kienu jaqgħu fil-mandat tal-Ombudsman u 1 300 kienu jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-mandat tal-Ombudsman.

Fl-2018, l-Ombudsman fetħet 490 inkjesta, li minnhom 482 kienu bbażati fuq ilmenti u tmienja kienu inkjesti fuq inizjattiva proprja, filwaqt li għalqet 545 inkjesta (534 ibbażati fuq ilmenti u 11-il inkjesta fuq inizjattiva proprja). Ħafna mill-inkjesti kienu jikkonċernaw lill-Kummissjoni (285 inkjesta jew 58,2 %), segwiti mill-aġenziji tal-UE (43 inkjesta jew 8,8 %), il-Parlament (30 inkjesta jew 6,1 %), l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) (23 inkjesta jew 4,7 %), is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) (23 inkjesta jew 4,7 %), il-Bank Ewropew tal-Investiment (16-il inkjesta jew 3,3 %), l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (14-il inkjesta jew 2,8 %) u istituzzjonijiet oħra (56 inkjesta jew 11,4 %).

It-tliet kwistjonijiet prinċipali tal-Ombudsman fl-inkjesti magħluqa fl-2018 kienu: it-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni u d-dokumenti (20,6 %), il-kultura tas-servizz (16,8 %) u r-rispett għad-drittijiet proċedurali (16,5 %). Temi oħra jinkludu kwistjonijiet etiċi, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, l-użu xieraq tad-diskrezzjoni, anki fil-proċeduri ta' ksur, il-ġestjoni finanzjarja tajba ta' offerti, għotjiet u kuntratti tal-UE, ir-reklutaġġ, u l-ġestjoni tajba tal-kwistjonijiet tal-persunal tal-UE.

Fil-ħidma strateġika tiegħu fl-2018, l-uffiċċju tal-Ombudsman fetaħ ħames inkjesti strateġiċi ġodda, rispettivament dwar it-trattament ta' persuni b'diżabilità taħt ir-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard, dwar l-aċċessibilità tas-siti web tal-Kummissjoni għall-persuni b'diżabilità, dwar attivitajiet ta' qabel is-sottomissjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, dwar il-ġestjoni mill-Kummissjoni ta' sitwazzjonijiet ta' "bibien iduru" dwar sitwazzjonijiet tal-persunal tal-UE, u dwar l-obbligu ta' rendikont tal-ħidma leġiżlattiva tal-Kunsill;

L-Ombudsman fetħet ukoll 10 inizjattivi strateġiċi dwar, fost suġġetti oħra, l-użu tal-lingwi fis-servizz ċivili tal-UE, il-politiki kontra l-fastidju fis-servizz ċivili tal-UE, il-protezzjoni tat-tfal fil-migrazzjoni u r-ritorni u regoli tal-"bibien iduru" f'diversi istituzzjonijiet u korpi tal-UE.

Ir-Rapporteur jissottolinja li l-inkjesti relatati mat-trasparenza u mal-obbligu ta' rendikont, inklużi l-inkjesti relatati mal-aċċess għall-informazzjoni u d-dokumenti, jibqgħu jirrappreżentaw l-akbar proporzjon ta' każijiet trattati mill-Ombudsman fl-2018 (20,6 %).

Din is-sena kienet notevoli wkoll għall-użu ta' wieħed mill-poteri mhux użati b'mod frekwenti tal-Ombudsman: il-preżentazzjoni ta' Rapport Speċjali lill-Parlament Ewropew dwar l-obbligu ta' rendikont tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Il-perċezzjoni pubblika tal-UE ssawret parzjalment bil-kultura "tort ta' Brussell". Ir-Rapporteur jaħseb li huwa importanti għad-demokrazija tal-UE u d-dibattiti pubbliċi infurmati li din il-perċezzjoni pubblika tiġi miġġielda, u li l-pubbliku għandu d-dritt li jkun jaf kif il-gvern tiegħu jikkontribwixxi għat-tfassil tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Għalhekk, ir-Rapporteur jappoġġja l-proposta biex tittejjeb it-trasparenza leġiżlattiva fil-Kunsill. L-Ombudsman għamel għadd ta' rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex il-pubbliku jkun jista' jsegwi l-proċess leġiżlattiv tal-UE b'mod aktar faċli:

a) billi jirreġistra b'mod sistematiku l-identità tal-gvernijiet tal-Istati Membri meta jesprimu pożizzjonijiet f'korpi preparatorji tal-Kunsill;

b) billi jiżviluppa kriterji ċari u disponibbli pubblikament għal kif jikklassifika d-dokumenti tiegħu bħala "LIMITE", f'konformità mad-dritt tal-UE;

c) billi jirrevedi b'mod sistematiku l-istatus "LIMITE" tad-dokumenti fi stadju bikri, qabel l-adozzjoni finali ta' att leġiżlattiv, inkluż qabel ma jibdew in-negozjati informali fit-trilogi, f'liema punt il-Kunsill ikun laħaq pożizzjoni inizjali dwar il-proposta;

Ir-rapporteur jinsab kuntent bid-djalogu essenzjali u produttiv bejn l-Ombudsman u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li hija sistema effettiva biex wieħed jindirizza t-tħassib tal-pubbliku għal gwida u għajnuna: billi l-Ombudsman jittratta l-ilmenti kontra l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-aġenziji tal-UE, u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jittratta l-petizzjonijiet li jikkonċernaw l-oqsma ta' attività tal-UE madwar l-Ewropa


 

 


 

 

ITTRA tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

Is-Sa Dolors Montserrat

President

Kumitat għall-Petizzjonijiet

BRUSSELL

Suġġett: Opinjoni dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew - rapport annwali 2018 (2019/2134(INI))

Sinjura President,

Qed niktiblek b'rabta mar-rapport fuq inizjattiva proprja tal-Kumitat dwar l-Attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew – Rapport Annwali 2018 (2019/2134 (INI)). Fil-laqgħa tiegħu tat-12 ta' Novembru 2019, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali adotta opinjoni fil-forma ta' ittra (Rapporteur għal opinjoni: Paulo Rangel, PPE), li għandi l-pjaċir nibgħatlek hawnhekk.

Waqt il-laqgħa[10], huwa ddeċieda li jistieden lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet, bħala l-kumitat responsabbli, jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu.

Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jilqa' b'sodisfazzjon ir-relazzjoni qawwija li l-Ombudsman Ewropew żviluppat mal-Parlament Ewropew u, b'mod partikolari, ma' xi wħud mill-kumitati tiegħu, inkluż il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, li miegħu sar djalogu miftuħ u li ħalla l-frott f'diversi okkażjonijiet.

Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jinsab sodisfatt ħafna bl-attivitajiet imwettqa mill-Ombudsman Ewropew fil-perjodu ta' referenza (2018) u jinkoraġġixxi aktar żvilupp tal-azzjoni tagħha fl-oqsma ewlenin imsemmija fir-Rapport Annwali tagħha:

 l-obbligu ta' rendikont fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE;

 it-trasparenza fl-illobbjar;

 l-aċċess għad-dokumenti;

 id-drittijiet fundamentali;

 il-kwistjonijiet etiċi;

 l-aġenziji u korpi oħra tal-UE;

 il-kuntratti u l-għotjiet tal-UE;

 il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tfassil tal-politika tal-UE. 

Fost affarijiet oħra, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jagħti importanza kbira lit-trasparenza fil-metodi ta' ħidma tal-Kunsill bħala korp leġiżlattiv u, flimkien mal-Kumitat tiegħek, ħejja rapport dwar l-inkjesta strateġika rilevanti tal-Ombudsman, li l-messaġġ prinċipali tiegħu huwa hawnhekk affermat mill-ġdid[11].

Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jinnota b'apprezzament l-appoġġ qawwi li l-Ombudsman Ewropew uriet għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) u jilqa' l-fatt li l-uffiċċju tal-Ombudsman se jissorvelja kif il-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-ECI tiġi implimentata[12].

L-aħħar iżda mhux l-inqas, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jinsab konxju tal-fatt li d-Deċiżjoni 94/262/ECSC, KE, Euratom, jiġifieri l-Istatut tal-Ombudsman Ewropew li jirregola t-twettiq tad-dmirijiet tal-korp, daħlet fis-seħħ fl-1994 u ġiet emendata l-aħħar fl-2008[13]. Il-Kumitat għalhekk jiddispjaċih li l-Istatut tal-Ombudsman ma ġiex allinjat mal-qafas ġuridiku l-ġdid minn mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009. Il-ħtieġa ta' aġġornament tal-Istatut tal-Ombudsman hija aktar u aktar urġenti peress li l-Artikolu 228(4) tat-TFUE jippermetti lill-Parlament Ewropew, wara li jitlob opinjoni mill-Kummissjoni u bil-kunsens tal-Kunsill, jadotta regolamenti li jistabbilixxu r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman.  Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jtenni kemm hu importanti u urġenti li d-Deċiżjoni 94/262/ECSC, KE, Euratom tiġi mħassra u li tiġi sostitwita b' regolament skont il-bażi ġuridika attwalment applikabbli. Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jfakkar li, fil-bidu tal-2019 ħa l-inizjattiva għal statut ġdid[14], iżda għadu qed jistenna l-approvazzjoni tal-Kunsill.

Inkun grat jekk il-Kumitat tiegħek jikkunsidra l-opinjoni t'hawn fuq.

Dejjem tiegħek,

 

 

 

 

Antonio Tajani


 


 

 

 

 

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

12.11.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alex Agius Saliba, Andris Ameriks, Anna-Michelle Asimakopoulou, Margrete Auken, Martin Buschmann, Eleonora Evi, Emmanouil Fragkos, Mario Furore, Peter Jahr, Radan Kanev, Jude Kirton-Darling, Cristina Maestre Martín De Almagro, Dolors Montserrat, Ulrike Müller, Lefteris Nikolaou-Alavanos, Frédérique Ries, Alfred Sant, Nico Semsrott, Cristian Terheş, Yana Toom, Marie-Pierre Vedrenne, Loránt Vincze, Tatjana Ždanoka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Jarosław Duda, Alexis Georgoulis, Sylvie Guillaume, Ádám Kósa, Andrey Slabakov, Rainer Wieland, Stefania Zambelli

Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

Sophia in ‘t Veld, Monica Semedo, Eugen Tomac

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

28

+

ECR

Emmanouil Fragkos, Andrey Slabakov

GUE/NGL

Martin Buschmann, Alexis Georgoulis

NI

Eleonora Evi, Mario Furore

PPE

Anna-Michelle Asimakopoulou, Jarosław Duda, Peter Jahr, Radan Kanev, Ádám Kósa, Dolors Montserrat, Eugen Tomac, Loránt Vincze

RENEW

Sophia in 't Veld, Ulrike Müller, Frédérique Ries, Yana Toom, Marie-Pierre Vedrenne

S&D

Alex Agius Saliba, Andris Ameriks, Sylvie Guillaume, Jude Kirton-Darling, Alfred Sant, Cristian Terheş

VERTS/ALE

Margrete Auken, Nico Semsrott, Tatjana Ždanoka

 

1

-

RENEW

Monica Semedo

 

1

0

ID

Stefania Zambelli

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Diċembru 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza