RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprevedi aktar assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan
6.12.2019 - (COM(2019)0411 – C9-0116/2019 – 2019/0192(COD)) - ***I
Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Luisa Regimenti
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprevedi aktar assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan
(COM(2019)0411 – C9-0116/2019 – 2019/0192(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2019)0411),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 212(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0116/2019),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill adottata flimkien mad-Deċiżjoni Nru 778/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Awwissu 2013 li tipprovdi assistenza makro-finanzjarja ulterjuri lill-Ġeorġja[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-ittri tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0045/2019),
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari billi jinkorpora l-proposta tal-Kummissjoni;
2. Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
NOTA SPJEGATTIVA
F'dawn l-aħħar snin, il-Ġordan ġie affettwat b'mod sinifikanti minn inkwiet reġjonali, b'mod partikolari fil-pajjiżi ġirien tal-Iraq u s-Sirja. Dan l-inkwiet reġjonali ħalla impatt qawwi fuq l-istabbiltà interna tal-pajjiż.
Il-kunflitt tas-Sirja kellu impatt fuq il-Ġordan, mhux biss billi fixkel il-kummerċ mas-Sirja u permezz tagħha iżda wkoll billi kkawża influss ta' madwar 1,3 miljun rifuġjat Sirjan (skont stimi tal-awtoritajiet tal-Ġordan), li minnhom 660 330 huma rreġistrati mal-uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati – UNHCR (data tal-4 ta' Awwissu 2019), u li minnhom il-Ġordan ħa aktar minn kull pajjiż Għarbi ieħor. Dan l-influss kbir ta' rifuġjati Sirjani fil-Ġordan żied il-pressjoni fuq il-pożizzjoni fiskali, is-servizzi pubbliċi u l-infrastruttura tal-Ġordan, u kif kien mistenni ħalla l-impatt tiegħu fuq ir-rata pjuttost għolja tat-tkabbir demografiku.
B'mod partikolari, il-Ġordan qed isegwi l-impenji tiegħu skont il-Patt bejn l-UE u l-Ġordan dwar l-aċċess affordabbli għall-kura tas-saħħa pubblika u dwar is-suq tax-xogħol għar-rifuġjati Sirjani sabiex tiġi żgurata l-eżistenza dinjituża tagħhom, minkejja l-isfidi li għad iridu jiġu indirizzati.
Għaldaqstant, l-istabbiltà tal-Ġordan hija essenzjali biex biex jiġi evitat li s-sitwazzjoni tal-Lvant Nofsani b'rabta mal-kriżi drammatika tar-rifuġjati tisfaxxa minn ġewwa.
Huwa importanti wkoll li jiġi enfasizzat l-impenn kontinwu tal-Ġordan fil-ġlieda kontra t-terroriżmu Iżlamiku, li hija prijorità assoluta għall-UE, għall-Istati Membri tagħha, u għasħab internazzjonali tagħha, permezz ta' operazzjonijiet sistematiċi u l-issikkar tal-liġijiet kontra t-terroriżmu.
Ir-rispons ta' politika ġeneralment xieraq u l-appoġġ internazzjonali li rċieva għenu lill-pajjiż biex jippreserva ċerta stabbiltà u biex ikompli l-proċess ta' demokratizzazzjoni. Madankollu, l-ekonomija tal-Ġordan għadha vulnerabbli għal xokkijiet esterni kif jidher mill-fatt li t-tkabbir reali niżel għal 1,9 % fl-2018, l-aktar rata baxxa tiegħu mill-1996, il-qgħad żdied għal 19 % fil-bidu tal-2019, filwaqt li l-investiment barrani naqas drastikament.
Rajna wkoll l-isforzi tal-Ġordan mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, tant li l-Ġordan issa jista' jitqies bħala wieħed mill-aktar stati demokratiċi fil-Lvant Nofsani.
Fil-Ġordan, id-drittijiet tal-bniedem huma rrispettati bl-aktar mod estensiv u strutturat fil-Lvant Nofsani. Din is-sitwazzjoni, li qed tevolvi kontinwament, hija dovuta wkoll għall-effiċjenza tal-awtoritajiet tal-Ġordan fl-użu taż-żewġ programmi preċedenti ta' għajnuna makrofinanzjarja pprovduti mill-Unjoni Ewropea. Dawn mhux biss għenu biex jistabbilizzaw il-pożizzjoni ekonomika tal-pajjiż, iżda kellhom sehem ukoll fil-progress soċjali u uman fil-Ġordan, b'mod partikolari fejn jidħlu d-drittijiet tan-nisa, kif intwera mir-riforma tal-kodiċi penali interna li rrikonoxxiet protezzjoni akbar għan-nisa vittmi ta' vjolenza.
Fl-aħħar nett, iżda xorta importanti, bis-saħħa tal-progress fil-ftuħ reċiproku tas-suq, l-eżistenza ta' sieħeb barrani finanzjarjament stabbli hija wkoll garanzija għall-kumpaniji tal-UE li għalihom, bis-saħħa tal-ftehimiet konklużi f'dawn l-aħħar snin, jista' jkun hemm opportunitajiet aħjar għall-kummerċ, għall-intraprenditorija u għall-investiment fil-Ġordan.
F'dan il-kuntest, nemmnu li l-Ġordan wera li huwa pajjiż li ħaqqu aktar assistenza finanzjarja bħal din mill-UE.
Fil-11 ta' Lulju 2019, il-Ġordan ippreżenta talba uffiċjali għal assistenza makrofinanzjarja ta' EUR 500 miljun mill-UE, kif antiċipat waqt il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Ġordan li sar fis-26 ta' Ġunju 2019.
Fid-dawl ta' din it-talba, il-Kummissjoni ressqet proposta lill-Parlament u lill-Kunsill biex tingħata l-assistenza makrofinanzjarja (macro-financial assistance – MFA) mitluba f'forma ta' self fi tliet pagamenti.
Jekk tingħata, l-MFA proposta tkun it-tielet MFA allokata lill-Ġordan. Din tkun qed issir wara l-ewwel MFA ta' EUR 180 miljun f'self, li ġie adottat mill-Parlament u mill-Kunsill f'Diċembru 2013 u tlesta f'Ottubru 2015; u t-tieni MFA ta' EUR 200 miljun f'self, li ġie adottat f'Diċembru 2016, u tlesta f'Lulju 2019.
It-tielet programm tal-MFA huwa parti mill-isforz usa' tal-UE u ta' donaturi oħra internazzjonali, miftiehem waqt il-konferenza "London Initiative”, li saret fi Frar 2019, biex jerġgħu jiġu kkonfermati l-intenzjonijiet ta' appoġġ għall-isforzi tal-Ġordan biex jippreserva l-istabbiltà interna u jtejjeb il-prospetti tat-tkabbir.
Huwa essenzjali li l-Memorandum ta' Qbil li għandu jiġi nnegozjat bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Ġordan jiddikjara li l-għajnuna mogħtija, li hija akbar mit-tnejn ta' qabilha li diġà ngħataw, għandha wkoll tkun effettivament immirata biex tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' investimenti u proġetti intraprenditorjali fil-pajjiż, kif ukoll biex tipprovdi għall-monitoraġġ perjodiku tal-użu attwali tal-fondi.
Għal dawn ir-raġunijiet kollha msemmija hawn fuq, ir-Rapporteur hija tal-fehma li l-MFA mitluba tirrappreżenta intervent xieraq.
3.12.2019
OPINJONI TA' MINORANZA
skont l-Artikolu 55(4) tar-Regoli ta' Proċedura
Jérémy Decerle, Kathleen Van Brempt, Heidi Hautala, Helmut Scholz
Bħala gruppi politiċi favur l-Ewropa, konvinti mill-interess u l-importanza tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, Renew Europe, il-Grupp S&D, Verts/ALE u GUE/NGL jappoġġaw bis-sħiħ l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea li tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Ġordan, li l-ekonomija tiegħu hija affettwata bil-kbir mill-inkwiet reġjonali, b'mod partikolari fl-Iraq u s-Sirja. F'dan is-sens, il-gruppi politiċi tagħna se jappoġġaw ir-rapport leġiżlattiv tas-Sinjura Luisa Regimenti li japprova l-allokazzjoni tat-tielet assistenza makrofinanzjarja ta' EUR 500 miljun lil dan il-pajjiż, biex tgħinu jirkupra l-ekonomija tiegħu u jwettaq ir-riformi tiegħu. Madankollu, il-gruppi tagħna jixtiequ jiddikjaraw li l-appoġġ tagħna għal dan ir-rapport, li r-rapporteur tiegħu huwa mill-Grupp ID, ma jista' bl-ebda mod jgħaqqadna ma' dan il-grupp politiku u l-opinjonijiet Ewroxettiċi li jwassal, u li aħna opponejna bil-qawwa.
ITTRA tal-Kumitat għall-Baġits
L-Onor. Bernd Lange, President
Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
BRUSSELL
Suġġett: proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprevedi aktar assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan (COM(2019)0411 – C9-0000/2019 – 2019/0192(COD))
Onorevoli President,
Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali qiegħed iħejji rapport dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprevedi aktar assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan 2019/0192(COD), b'ammont ta' EUR 500 miljun.
Il-koordinaturi tal-Kumitat għall-Baġits iddeċidew li jressqu opinjoni fil-forma ta' ittra:
A. billi l-ekonomija u s-soċjetà tal-Ġordan qegħdin iġarrbu tensjonijiet li qegħdin jaħkmu r-reġjun, speċjalment fl-Iraq u fis-Sirja, il-fluss ta' rifuġjati Sirjani deħlin, iżda wkoll il-konsegwenzi ekonomiċi usa' tal-kriżi Sirjana u l-instabbiltà reġjonali; billi għandu jiġi apprezzat il-fatt li l-Ġordan laqa' kważi 1,3 miljun rifuġjat Sirjan;
B. billi, sa mill-bidu tal-kriżi Sirjana fl-2011, l-Unjoni għamlet disponibbli aktar minn EUR 2,1 biljun lill-Ġordan bis-saħħa ta' strumenti differenti (inklużi EUR 380 miljun fl-ambitu taż-żewġ programmi tal-assistenza makrofinanzjarja), li minnhom kważi EUR 1,3 biljun biex tingħata għajnuna lill-pajjiż biex isib tarf il-konsegwenzi tal-kriżi Sirjana; billi, għall-2019, ġew impenjati EUR 125 miljun għall-azzjonijiet fil-Ġordan stess, prinċipalment permezz tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat (EUR 99 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn) iżda wkoll tal-għajnuna umanitarja (EUR 20 miljun) u tal-Istrument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi (EUR 6 miljun); billi l-Fond Fiduċjarju "Madad" b'reazzjoni għall-kriżi Sirjana, fil-biċċa l-kbira ffinanzjat mill-Istrument Ewropew ta' Viċinat, intuża b'mod ferm wiesa' fil-Ġordan;
C. billi l-appoġġ tal-UE, inklużi l-pakketti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-2013 u tal-2016 li ammontaw għal EUR 180 miljun u EUR 200 miljun rispettivament f'self, jifforma parti minn sforz usa' min-naħa tal-UE u ta' donaturi internazzjonali oħrajn, maqbul fil-Konferenza dwar l-Appoġġ għas-Sirja u r-Reġjun li saret Londra fl-4 ta' Frar 2016; billi l-impenn tal-komunità internazzjonali fil-konfront tal-prospettivi ta' stabbiltà u tkabbir makroekonomiċi tal-Ġordan ġew kostantement ikkonfermati minn dakinhar, anki fil-konferenzi organizzati Brussell fl-2017 u fl-2018 dwar l-Appoġġ għall-Futur tas-Sirja, tal-konferenza dwar l-inizjattiva ta' Londra, fi Frar 2019, kif ukoll tal-konferenza ta' Brussell III li saret f'Marzu 2019;
D. billi l-Ġordan minn dejjem żvolġa rwol ċentrali fl-akkoljenza tar-rifuġjati Palestinjani bis-sostenn tal-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-rifuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA), li hi attiva f'dan il-pajjiż; billi l-UE tikkontribwixxi kull sena għall-finanzjament ta' din l-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti;
E. billi l-assistenza makrofinanzjarja proposta tammonta għal EUR 500 miljun u tkun fornuta fil-forma ta' self maqsum fi tliet pagamenti; billi, fl-ipoteżi li l-ewwel żewġ żborżi se jsiru fl-2020 li f'daqqa jammontaw għal EUR 300 miljun u t-tielet wieħed fl-2021 bl-ammont ta' EUR 200 miljun, l-ammonti tal-allokazzjoni korrispondenti jiddaħħlu fil-baġit tal-Unjoni wara sentejn, jiġifieri EUR 27 miljun fl-2022 u EUR 18-il miljun fl-2023;
Il-Kumitat għall-Baġits jistenna valutazzjoni rigoruża tal-bżonnijiet u għaldaqstant:
1. Huwa tal-fehma li l-pakkett tal-assistenza makrofinanzjarja III għandu jiġi adottat malajr bħala parti mill-impenji li ħadet l-Unjoni biex issaħħaħ ir-reżiljenza tal-Ġordan u tal-komunitajiet ospitanti;
2. Jinsisti li, parallelament, l-Unjoni għandha taċċerta ruħha li l-Ġordan jirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi u l-istat tad-dritt, u jiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; l-assistenza makroekonomika tal-Unjoni għandha wkoll issaħħaħ l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-sistemi tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fil-Ġordan u tippromwovi r-riformi strutturali li għandhom l-għan li jappoġġjaw tkabbir sostenibbli u inklużiv, il-ħolqien tax-xogħol u l-konsolidament fiskali, speċjalment billi jiġi indirizzat it-telf strutturali tal-kumpaniji statali tal-elettriku u tal-ilma; il-Kumitat għall-Baġits josserva wkoll il-fraġilitajiet tas-soċjetà tal-Ġordan, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-qgħad (19 % fl-ewwel trimestru tal-2019), partikolarment fost iż-żgħażagħ (38,5 %);
3. Jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta b'mod komprensiv lill-Parlament l-evoluzzjoni tal-iżborż tas-self u l-bżonnijiet korrispondenti f'termini ta' allokazzjoni tal-Fond ta' Garanzija għall-azzjonijiet esterni tal-UE;
4. Ifakkar li s-self fil-kuntest tal-assistenza makrofinanzjarja huwa biss wieħed mill-istrumenti għad-dispożizzjoni biex lill-Ġordan jingħata l-appoġġ u setgħet ukoll ġiet ikkunsidrata l-għażla li jiġu konċessi għotjiet f'assistenza makrofinanzjarja;
5. Jistieden lill-Kummissjoni, biex il-Ġordan ikun jista' jilqa' għall-isfidi li magħhom qiegħed iħabbat wiċċu, tkompli tqawwi l-appoġġ tal-Unjoni favur il-Ġordan, u jinsab lest li jqis kwalunkwe proposta baġitarja adegwata fl-ambitu tal-istrumenti rilevanti għal dak il-għan;
6. Totalment konxju tal-iskarsezza ta' fondi disponibbli fl-Intestatura 4 (Ewropa Globali), il-Kumitat għall-Baġits jinsisti li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss għandu jippermetti reazzjoni b'saħħitha u soda iżda wkoll flessibbli min-naħa tal-UE fir-rigward tal-bżonnijiet tas-sħab tagħha, speċjalment fil-kuntest li qiegħed jinbidel b'ritmu mgħaġġel.
Dejjem tiegħek,
Johan Van Overtveldt
ITTRA MINGĦAND IL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN
Ref: D(2019) 44467
Is-Sur Bernd Lange
President
Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Suġġett: Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprevedi aktar assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan
Onorevoli President,
Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali qiegħed iħejji rapport dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprevedi aktar assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan (2019/0192 (COD) - COM (2019) 0411), b'ammont ta' EUR 500 miljun.
Il-koordinaturi tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin talbuni biex, permezz ta' din l-ittra, inwassal l-osservazzjonijiet u r-rimarki ewlenin tal-Kumitat tiegħi dwar il-proposta tal-Kummissjoni u l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill.
Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jappoġġa bis-sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni, billi:
(i) Tindika r-riżultati pożittivi tal-assistenza makrofinanzjarja mogħtija mill-UE lill-Ġordan s'issa,
(ii) Tirrikonoxxi l-importanza li jkomplu jingħataw inċentivi biex jissaħħu l-isforzi tal-Ġordan għar-riforma, u
(iii) Torbot l-assistenza makrofinanzjarja lill-Ġordan ma' mekkaniżmi demokratiċi effettivi u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.
Il-kunflitt fit-tul tas-Sirja, il-fraġilità tal-Iraq u t-theddida tal-ISIS fil-fruntiera bejn l-Iraq u l-Ġordan kif ukoll l-istabbiltà politika u ekonomika prekarja fil-Libanu matul żmien twil kollha naqqsu b'mod konsiderevoli l-possibbiltajiet tal-Ġordan li jesporta lejn ir-reġjun u għandhom impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-Ġordan, b'referenza partikolari għall-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-prospetti għal stabbiltà soċjoekonomika u politika. Barra minn hekk, il-Ġordan ipprovda kenn lil 1,3 miljun rifuġjat Sirjan kif ukoll lil komunitajiet ta' rifuġjati mill-Iraq.
F'dan il-kuntest, ta' min jinnota li l-Ġordan kompla jmexxi 'l quddiem il-proċess tiegħu ta' riformi demokratiċi u ekonomiċi. Sar ħafna u jista' jsir ħafna aktar, u l-Unjoni Ewropea għandha tkompli tappoġġa, permezz tal-assistenza makrofinanzjarja, il-kundizzjonijiet għall-istabbiltà soċjoekonomika li jippermettu lill-Ġordan ikompli jinvesti fil-proċess tiegħu ta' riformi.
Il-Ġordan jibqa' sieħeb reġjonali importanti tal-UE, minħabba:
(i) l-impenn tal-Ġordan li jmexxi 'l quddiem il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani u l-impenn sod tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati,
(ii) ir-rwol tal-Ġordan bħala Kustodju tal-postijiet Imqaddsa f'Ġerusalemm u bħala promotur importanti tad-djalogu bejn twemmin differenti u t-tolleranza reliġjuża,
(iii) l-impenn tal-Ġordan għal djalogu u kooperazzjoni mill-qrib mal-UE dwar il-proċess ta' riformi politiċi u ekonomiċi u dwar l-isfidi reġjonali,
(iv) l-impenn tal-Ġordan għal Unjoni aktar b'saħħitha u effettiva għall-Mediterran.
Fid-dawl ta' dan kollu, il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin huwa tal-fehma li:
a) Huwa importanti li jitfakkar ir-rwol tal-Ġordan bħala wieħed mill-ankri tal-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani u l-possibbiltà li jmexxi 'l quddiem is-soluzzjoni ta' żewġ stati. Għal din ir-raġuni, huwa importanti l-appoġġ lill-Ġordan biex dan ikun jista' jżomm l-istabbiltà soċjoekonomika – u l-kundizzjonijiet għall-proċess tar-riformi. Jekk il-Ġordan ikun politikament u soċjalment stabbli, ikun jista' jkompli jżomm ir-rwol importanti tiegħu bħala promotur tal-paċi fir-reġjun u tan-negozjati għal soluzzjoni ta' żewġ stati. Kif iddikjarat ukoll mir-Re Abdullah II reċentement, l-impjieg taż-żgħażagħ se jkun kruċjali għall-istabbiltà tal-pajjiż u tar-reġjun.
b) Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-Ġordan iddeċieda li jieħu l-ewwel passi rilevanti lejn l-integrazzjoni soċjoekonomika tal-komunità kbira tiegħu ta' rifuġjati Sirjani. F'kuntest fejn hemm il-possibbiltà li r-rifuġjati Sirjani ma jkunux jistgħu jirritornaw lura lejn is-Sirja b'mod volontarju għal ħafna aktar żmien, din hija inizjattiva importanti lejn il-ħolqien ta' kundizzjonijiet aktar fit-tul għall-integrazzjoni, l-indipendenza ekonomika, u l-kontribut għat-tkabbir ekonomiku tal-Ġordan. Il-Ġordan impenja ruħu bl-istess mod li jiżgura l-aċċess għall-edukazzjoni għal kull tifel u tifla fit-territorju tiegħu u għandu jkun jista' jżomm l-aċċess għar-riżorsi finanzjarji sabiex jikseb dan l-objettiv.
c) Bħala parti mill-isforzi tagħha għal stabbiltà ekonomika aktar fit-tul fil-Ġordan, l-UE għandha tappoġġa lill-Ġordan biex jikseb aċċess stabbli għas-sorsi tal-enerġija, b'referenza partikolari għal investiment f'sorsi ta' enerġija rinnovabbli u riżorsi ta' gass naturali disponibbli fir-reġjun u l-possibbiltà ta' provvista stabbli fit-tul tal-gass naturali mill-Eġittu u minn Iżrael. Il-prijoritajiet ta' Sħubija għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ġordan sa tmiem l-2020 u lil hinn jistgħu jiġu integrati biex jirriflettu l-valur tal-assistenza tal-UE lill-Ġordan ukoll fis-settur tal-enerġija.
Ninsab fiduċjuż li l-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali se jqis dawn l-osservazzjonijiet kif xieraq meta jadotta l-pożizzjoni tiegħu.
Dejjem tiegħek,
David McAllister
PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
Titolu |
Assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan |
|||
Referenzi |
COM(2019)0411 – C9-0116/2019 – 2019/0192(COD) |
|||
Data meta ġiet ippreżentata lill-PE |
6.9.2019 |
|
|
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
INTA 16.9.2019 |
|
|
|
Kumitati mitluba jagħtu opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
AFET 16.9.2019 |
BUDG 16.9.2019 |
|
|
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija Data tad-deċiżjoni |
AFET 30.9.2019 |
|
|
|
Rapporteurs Data tal-ħatra |
Luisa Regimenti 23.9.2019 |
|
|
|
Eżami fil-kumitat |
2.10.2019 |
6.11.2019 |
|
|
Data tal-adozzjoni |
3.12.2019 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
36 0 0 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Nikos Androulakis, Geert Bourgeois, Jordi Cañas, Daniel Caspary, Ellie Chowns, Miroslav Číž, Arnaud Danjean, Nicola Danti, Barbara Ann Gibson, Enikő Győri, Roman Haider, Christophe Hansen, Heidi Hautala, Danuta Maria Hübner, Jude Kirton-Darling, Maximilian Krah, Danilo Oscar Lancini, Bernd Lange, Samira Rafaela, Luisa Regimenti, Inma Rodríguez-Piñero, André Rougé, Massimiliano Salini, Helmut Scholz, Liesje Schreinemacher, Sven Simon, Mihai Tudose, Kathleen Van Brempt, Marie-Pierre Vedrenne, Jörgen Warborn, Iuliu Winkler, Jan Zahradil |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Saskia Bricmont, Jérémy Decerle, Seán Kelly, Witold Jan Waszczykowski |
|||
Data tat-tressiq |
6.12.2019 |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
36 |
+ |
ECR |
Geert Bourgeois, Witold Jan Waszczykowski, Jan Zahradil |
GUE/NGL |
Helmut Scholz |
ID |
Roman Haider, Maximilian Krah, Danilo Oscar Lancini, Luisa Regimenti, André Rougé |
PPE |
Daniel Caspary, Arnaud Danjean, Enikő Győri, Christophe Hansen, Danuta Maria Hübner, Seán Kelly, Massimiliano Salini, Sven Simon, Jörgen Warborn, Iuliu Winkler |
RENEW |
Jordi Cañas, Jérémy Decerle, Barbara Ann Gibson, Samira Rafaela, Liesje Schreinemacher, Marie-Pierre Vedrenne |
S&D |
Nikos Androulakis, Miroslav Číž, Nicola Danti, Jude Kirton-Darling, Bernd Lange, Inma Rodríguez-Piñero, Mihai Tudose, Kathleen Van Brempt |
VERTS/ALE |
Saskia Bricmont, Ellie Chowns, Heidi Hautala |
0 |
- |
|
|
0 |
0 |
|
|
|
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] ĠU L 218, 14.8.2013, p. 15.