RAPPORT dwar l-Implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni - rapport annwali

18.12.2019 - (2019/2136(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: David McAllister


Proċedura : 2019/2136(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0054/2019
Testi mressqa :
A9-0054/2019
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-Implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni - rapport annwali

(2019/2136(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-politika estera u ta' sigurtà komuni,

 wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

 wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Att Finali ta' Helsinki tal-1975 tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE),

 wara li kkunsidra t-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana u d-dikjarazzjoni konġunta dwar il-kooperazzjoni UE-NATO tal-10 ta' Lulju 2018,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar ir-responsabbiltà politika[1],

 wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea tal-2016,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-7 ta' Ġunju 2017 dwar Approċċ Strateġiku għar-Reżiljenza fl-azzjoni esterna tal-UE (JOIN(2017)0021),

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Sofija tas-17 ta' Mejju 2018 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tkabbir u l-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni tas-26 ta' Ġunju 2018 u tat-18 ta' Ġunju 2019,

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni A/RES70/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, "Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli", tal-25 ta' Settembru 2015,

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li stabbiliet l-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (WPS) fl-2000,

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017[2],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0054/2019),

A. billi l-Parlament għandu d-dmir u r-responsabbiltà li jeżerċita l-kontroll demokratiku tiegħu tal-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) u tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) u għandu jingħata l-mezzi neċessarji u effettivi biex jissodisfa dan ir-rwol;

B. billi l-azzjoni esterna tal-UE għandha impatt dirett fuq il-benesseri taċ-ċittadini tagħha, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll lil hinn minnha, u tfittex li tiżgura s-sigurtà u l-istabbiltà filwaqt li tippromwovi l-valuri Ewropej tal-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; billi l-kredibilità tal-Unjoni Ewropea bħala attur globali għall-paċi u s-sigurtà hija bbażata fuq li hija taderixxi b'mod prattiku mal-valuri tagħha, li b'hekk ifisser li politika barranija bbażata fuq il-valur hija fl-interess immedjat tal-Unjoni;

C. billi l-Unjoni Ewropea ma tistax tippromwovi l-valuri ċentrali tagħha jekk dawn ma jkunux protetti u rrispettati fl-Istati Membri kollha tagħha;

D. billi bħalissa qegħdin nosservaw l-irtirar ta' sħab tradizzjonali mix-xena globali, iż-żieda fil-pressjoni fuq il-kooperazzjoni multilaterali u fuq l-istituzzjonijiet, u ż-żieda fil-qawwa tas-setgħat reġjonali;

E. billi, għal xi żmien issa, l-ambjent strateġiku tal-Unjoni qiegħed jiddeterjora, li jfisser li l-ħtieġa għal Ewropa aktar b'saħħitha, li taġixxi fuq ir-relazzjonijiet esterni tagħha b'mod unifikat, hija aktar urġenti minn qatt qabel sabiex tiffaċċja d-diversi sfidi li jaffettwaw b'mod dirett jew indirett is-sigurtà tal-Istati Membri tagħha u taċ-ċittadini tagħha; billi kwistjonijiet li jaffettwaw is-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE jinkludu: kunflitti armati fil-fruntieri tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-kontinent Ewropew u stati fraġli; terroriżmu, u b'mod partikolari l-Ġiħad, attakki ċibernetiċi u kampanji ta' diżinformazzjoni; interferenza barranija fil-proċessi politiċi u elettorali Ewropej; proliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva u dubji dwar il-ftehimiet dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi; iggravar ta' kunflitti reġjonali li wasslu għal spostament furzat tal-popolazzjonijiet u flussi migratorji mhux ikkontrollati; tensjonijiet dwar il-provvista tal-enerġija tal-Istati Membri; kompetizzjoni għal riżorsi naturali, dipendenza enerġetika u sigurtà tal-enerġija; żieda fil-kriminalità organizzata fil-fruntieri u fl-Ewropa; dgħajfien tal-isforzi ta' diżarm; tibdil fil-klima;

F. billi llum il-Ġiħadiżmu huwa wieħed mill-isfidi ewlenin li qiegħed jhedded is-sikurezza pubblika fl-UE, u billi jeħtieġ li tittieħed azzjoni rapida, assertiva u kkoordinata kemm domestikament kif ukoll lil hinn minnha;

G. billi ebda Stat Membru individwali ma jista' jindirizza, waħdu, kwalunkwe sfida li l-kontinent Ewropew u l-viċinat tiegħu qegħdin jiffaċċjaw illum; billi l-prinċipju ta' ugwaljanza bejn l-Istati Membri fit-tfassil tal-politika estera u ta' sigurtà tal-UE u l-azzjonijiet għandhom jiġu rrispettati u ggarantiti; billi l-prerogattivi tal-parlamenti nazzjonali fil-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà nazzjonali proprja għandhom jiġu rispettati; billi politika estera komuni li tkun ambizzjuża, kredibbli u effettiva trid tiġi appoġġata minn riżorsi finanzjarji adegwati u minn azzjonijiet f'waqthom u deċiżivi mill-UE; billi l-istrumenti tal-politika estera tal-UE jeħtieġ li jintużaw b'mod aktar koerenti u koeżiv;

H. billi l-multilateraliżmu huwa l-unika garanzija għall-paċi, għas-sigurtà u għall-iżvilupp sostenibbli u inklużiv f'ambjent internazzjonali tassew polarizzat; billi l-pedamenti tagħha jiġu mhedda minn dubji jew abbużi tar-regoli u tal-valuri universali, inklużi d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, id-dritt internazzjonali u d-dritt umanitarju; billi l-multilateraliżmu jinsab fil-qalba tal-approċċ tal-Unjoni Ewropea għall-PESK tagħha, hekk kif stabbilit fit-TUE;

I. billi d-dinja qiegħda tiffaċċja bidla globali fis-setgħat b'tendenza ewlenija fil-politika barranija xxaqleb lejn il-kompetizzjoni ġeopolitika li teħtieġ mekkaniżmi u kapaċitajiet ta' rispons rapidi, unifikati u adegwati; billi l-UE hija fil-biċċa l-kbira assenti f'din il-bidla globali fis-setgħat u fil-kompetizzjoni ġeopolitika minħabba nuqqas ta' unità fost l-Istati Membri tagħha;

J. billi atturi statali ġodda u setgħat ekonomiċi ġodda qegħdin ifittxu li potenzjalment jiddestabbilizzaw l-ambizzjonijiet globali u reġjonali u jipperikolaw il-paċi u l-istabbiltà fil-viċinat Ewropew, b'konsegwenzi imprevedibbli għall-paċi, flimkien mas-sigurtà Ewropea u globali; billi l-Ewropa qiegħda tissogra li tispiċċa fil-marġni fir-rigward tat-teħid ta' deċiżjonijiet u b'riżultat ta' dan ser tkun żvantaġġata ħafna; billi din ir-rikonfigurazzjoni globali qiegħda tiffaċilita l-prominenza ta' mexxejja awtokratiċi, atturi mhux statali vjolenti u movimenti ta' protesta popolari;

K. billi l-ambjent ta' sigurtà tal-UE, li jiddependi fuq il-paċi u fuq l-istabbiltà tal-viċinat tagħha, huwa aktar instabbli, imprevedibbli, kumpless u vulnerabbli għal pressjoni esterna – dan diġà qiegħed iseħħ fil-forma ta' gwerra ibrida li tinkludi propaganda ostili mir-Russja u minn atturi oħra, minbarra ż-żieda fit-theddid minn gruppi terroristiċi radikali, li jxekklu lill-UE milli teżerċita s-sovranità u l-awtonomija strateġika tagħha; billi l-instabilità u l-imprevedibbiltà fil-fruntieri tal-UE u fil-viċinat immedjat tagħha jirrappreżentaw theddida diretta għas-sigurtà tal-kontinent; billi r-rabta bejn is-sigurtà interna u esterna hija inseparabbli; billi din il-pressjoni esterna timplika kemm dimensjoni fiżika kif ukoll online; billi d-diżinformazzjoni u l-forom oħra ta' interferenza barranija, minn forzi esterni, joħolqu riskji serji għas-sovranità Ewropea u huma theddida serja għall-istabbiltà u s-sigurtà tal-Unjoni;

L. billi l-inugwaljanza soċjoekonomika, l-oppressjoni, it-tibdil fil-klima u n-nuqqas ta' inklużjoni parteċipattiva huma l-kawżi ewlenin tal-kunflitt globali; billi l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti ġew adottati fl-2015 mill-Istati Membri kollha tan-NU biex jiġi previst pjan direzzjonali għal kooperazzjoni globali ekwa, ġusta, sostenibbli u inklużiva;

M. billi l-effetti tat-tibdil fil-klima qegħdin ikollhom impatti dejjem aktar serji fuq aspetti differenti tal-ħajja tal-bniedem, fuq opportunitajiet ta' żvilupp u fuq l-ordni ġeopolitika u l-istabbiltà fid-dinja kollha; billi dawk li għandhom inqas riżorsi biex jadattaw għat-tibdil fil-klima ser jintlaqtu l-agħar mill-impatt tiegħu; billi l-politika estera tal-UE għandha tiffoka aktar fuq il-promozzjoni ta' attivitajiet multilaterali permezz ta' kooperazzjoni fuq kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-klima, ħolqien ta' sħubiji strateġiċi u tisħiħ tal-kooperazzjoni u tal-interazzjonijiet bejn l-atturi statali u mhux statali, inklużi l-kontributuri ewlenin għat-tniġġis globali;

N. billi d-drittijiet tal-bniedem qegħdin jitneħħew fil-livell globali; billi persuni mir-reġjuni kollha madwar id-dinja qegħdin, meta abbundanti mill-gvernijiet tagħhom stess, ifittxu l-appoġġ tal-Ewropa biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-bniedem tagħhom jiġu rrispettati;

O. billi l-politika tat-tkabbir tal-UE hija strument effikaċi ta' politika estera tal-Unjoni; billi l-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) hija strument ewlieni fir-rigward tal-ġirien tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-UE;

P. billi sal-2050 aktar minn nofs it-tkabbir demografiku tad-dinja mistenni li jseħħ fl-Afrika, li mistennija tirrappreżenta 1,3 biljun miż-2,4 biljun ruħ oħra fuq il-pjaneta; billi l-konċentrazzjoni ta' dan it-tkabbir f'xi wħud mill-ifqar pajjiżi, flimkien mal-effetti tat-tibdil fil-klima, ser iwasslu għal sensiela ta' sfidi ġodda li, jekk ma jiġux indirizzati minnufih, ser ikollhom konsegwenzi estremament problematiċi kemm għall-pajjiżi kkonċernati kif ukoll għall-Unjoni Ewropea; billi r-rapport reċenti tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp 2019 jinkludi ċifri għal USD 2,5 triljun addizzjonali fis-sena sabiex jintlaħqu l-għanijiet stipulati fl-Aġenda 2030 tan-NU dwar l-SDGs;

Q. billi fid-dawl tal-kollass tal-ftehimiet importanti dwar il-kontroll tal-armi u d-diżarm, kif ukoll fid-dawl ta' "teknoloġiji emerġenti" bħat-teknoloġija ċibernetika u armi awtonomi, il-kontroll tad-diżarm u n-nonproliferazzjoni tal-armi għandhom isiru l-konċentrazzjoni ewlenija tal-politika estera u ta' sigurtà tal-UE; billi l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK[3] għandha tiġi rieżaminata u aġġornata sabiex il-kriterji jiġu applikati u implimentati b'mod strett u jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' sanzjonijiet;

Il-multilateraliżmu inkwistjoni: ħtieġa urġenti għal Ewropa aktar magħquda u b'saħħitha

1. Ifakkar li f'mument meta s-setgħat li qegħdin jikkompetu kontra xulxin qegħdin jikkontestaw dejjem aktar l-ordni globali bbażat fuq ir-regoli, aħna, bħala Ewropej, irridu niddefendu l-valuri, ir-regoli u l-prinċipji universali – b'mod partikolari l-multilateraliżmu, id-dritt internazzjonali, l-istat tad-dritt, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, il-kummerċ liberu u ġust, ir-riżoluzzjoni tal-konflitti mingħajr vjolenza u l-interessi Ewropej komuni – kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha; jisħaq li, sabiex iżżomm il-kredibilità bħala portatriċi ta' valuri universali bħad-demokrazija, l-Unjoni Ewropea għandha tieħu azzjoni li tkun konsistenti mal-prinċipji tagħha;

2. Jissottolinja li l-multilateraliżmu għandu jkun fil-qalba tal-isforzi tal-UE biex tipprevjeni, timmitiga u tirriżolvi l-konflitti abbażi ta' normi u prinċipji tad-dritt internazzjonali, il-Karta tan-NU u l-Att Finali ta' Ħelsinki tal-1975 maħruġ mill-OSKE u l-multilateraliżmu huwa l-aħjar mod kif jiġu garantiti d-djalogu politiku transnazzjonali, il-paċi u l-ordni globali stabbilizzat; jisħaq fuq il-konvinzjoni soda tiegħu li, f'ambjent strateġiku li qiegħed jiddeterjora konsiderevolment, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom responsabbiltà dejjem akbar li jikkontribwixxu għas-sigurtà internazzjonali;

3. Jiddeskrivi kif il-multilateraliżmu huwa l-pedament tal-politika estera u ta' sigurtà tal-UE u jirrappreżenta l-aħjar mod kif jiġu żgurati l-paċi, is-sigurtà, id-drittijiet tal-bniedem u l-prosperità; jisħaq li dan l-approċċ joffri benefiċċji għan-nies fl-Ewropa u madwar id-dinja; jirrikonoxxi approċċ fi tliet stadji tal-multilateraliżmu abbażi ta' dawn il-prinċipji: rispett tad-dritt internazzjonali u jiġi żgurat li l-azzjoni tal-UE tkun ibbażata fuq regoli u normi tad-dritt internazzjonali u tal-kooperazzjoni internazzjonali, estensjoni tal-multilateraliżmu għal realtà globali ġdida li tinkoraġġixxi approċċ kollettiv u tqis il-potenzjal li jittieħed vantaġġ mill-kapaċità normattiva, mill-awtonomija u mill-influwenza tal-UE fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali, preservazzjoni u estensjoni tal-influwenza tagħhom u riforma tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, li jagħmlu l-organizzazzjonijiet multilaterali adatti għall-iskop tagħhom; jirrikonoxxi wkoll li jekk il-multilateraliżmu għandu jkun effikaċi, il-kwistjoni tal-inugwaljanzi fis-setgħat bejn l-atturi statali u dawk mhux statali jeħtiġilha tiġi indirizzata u solvuta; jilqa' l-azzjoni meħuda mill-Unjoni rigward l-appoġġ deċiżiv tagħha għall-Ftehim ta' Pariġi, għall-ftehimiet ta' paċi reġjonali u għad-diżarm nukleari;

4. Jesprimi d-dispjaċir tiegħu dwar l-irtirar gradwali tal-Istati Uniti mill-ordni dinji multilaterali, jiġifieri l-irtirar tagħhom mill-Ftehim ta' Pariġi, il-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK), il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u l-UNESCO, u d-deċiżjoni tagħhom li jissospendu l-finanzjament tagħhom għall-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-rifuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA);jappoġġja bis-sħiħ il-preservazzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa mill-partijiet kollha tal-PAKK bħala parti integrali mis-sistema globali ta' ordni multilaterali u ta' nonproliferazzjoni u l-kontribut għas-sigurtà reġjonali fil-Lvant Nofsani; jirrifjuta r-riimpożizzjoni unilaterali u extraterritorjali ta' sanzjonijiet mill-Istati Uniti wara l-ħruġ tiegħu mill-PAKK, billi dan jinterferixxi serjament fl-interessi leġittimi ekonomiċi u tal-politika estera tal-UE; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha sabiex jibnu l-unità, id-deterrenza u r-reżiljenza tagħhom kontra sanzjonijiet sekondarji minn pajjiżi terzi, u jkunu lesti jadottaw kontromiżuri kontra kwalunkwe pajjiż li jagħmel ħsara lill-interessi leġittimi tal-UE permezz ta' sanzjonijiet sekondarji;

5. Jesprimi d-dispjaċir tiegħu dwar il-fatt li s-sħubija transatlantika qiegħda tħabbat wiċċha ma' għadd sinifikanti ta' sfidi u tfixkil, iżda għadha indispensabbli għas-sigurtà u l-prosperità fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku; jesprimi d-dispjaċir tiegħu dwar l-irtirar progressiv tal-Istati Uniti mill-ordni dinji multilaterali ibbażat fuq ir-regoli;

6. Jappella, għal darb'oħra, sabiex l-Istati Membri jappoġġaw riformi fil-kompożizzjoni u fil-funzjonament tal-Kunsill tas-Sigurtà; jenfasizza li l-UE hija impenjata li ssaħħaħ ir-rwol internazzjonali tan-NU;

7. Jappella għal Unjoni Ewropea aktar b'saħħitha, magħquda, effikaċi, proattiva u strateġika, speċjalment billi għadu kemm beda ċiklu politiku Ewropew ġdid u l-politika estera u ta' sigurtà tal-UE hija soġġetta għal tibdil; jemmen li ebda Stat Membru ma jista' jipprovdi, waħdu, rispons effikaċi għall-isfidi globali ta' llum; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-kooperazzjoni Ewropea jkollha influwenza fix-xena dinjija - element li jeħtieġ approċċ magħqud u li mhux possibbli jekk l-UE tkun maqsuma; jappella lill-UE tintensifika l-isforzi tagħha biex tħares l-interessi u l-valuri, filwaqt li taġixxi bħala sieħeb internazzjonali affidabbli; jemmen li huwa importanti li tingħata spinta lill-effikaċja u lis-setgħat ta' infurzar proprji tal-UE fil-livell internazzjonali, u jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE jiffokaw fuq li jkunu orjentati għaċ-ċittadin u jaġixxu fl-interess tan-nies; jisħaq li l-UE għandha tikkomunika l-objettivi tal-politika, tistabbilixxi prijoritajiet u miri li jinvolvu liċ-ċittadini, tiffoka fuq in-nies u mhux fuq il-proċessi, tipprovdi riżultati tanġibbli u ma twassalx għal aktar burokrazija; jappella lill-UE ttejjeb id-djalogu ma' atturi governattivi u mhux governattivi ta' pajjiżi terzi meta tiżviluppa proposti ta' politika b'dimensjoni internazzjonali sabiex l-UE tkun tista' titkellem b'vuċi waħda;

8. Itenni l-ħtieġa urġenti li tissaħħaħ ir-reżiljenza u l-indipendenza tal-UE billi tissaħħaħ PESK maħsuba għall-paċi, għas-sigurtà reġjonali u internazzjonali, għad-drittijiet tal-bniedem, għall-ġustizzja soċjali, għal-libertajiet fundamentali u għall-istat tad-dritt fl-UE, fil-viċinat tagħha u madwar id-dinja; jisħaq fuq li l-kredibilità tal-UE fid-dinja tiddependi mill-protezzjoni u mill-konformità ma' dawn il-prinċipji; jemmen li din il-PESK imsaħħa għandha tkun aktar koerenti, billi ma tinkludix biss is-setgħa ta' persważjoni tradizzjonali, iżda tkun ukoll PSDK b'saħħitha, permezz ta' politika ta' sanzjonijiet effettiva u kooperazzjoni transfruntiera kontra t-terroriżmu; itenni l-appell tiegħu għall-adozzjoni rapida ta' mekkaniżmu ta' sanzjonijiet tal-UE rigward id-drittijiet tal-bniedem (jiġifieri verżjoni tal-UE tal-"Att Magnitsky"), li jippermetti sanzjonijiet immirati kontra individwi li r-rwol tagħhom huwa kompliċi fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

9. Jemmen li l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li ssir attur globali kredibbli u effikaċi sabiex tkun tista' tieħu rwol ta' tmexxija globali li jkun responsabbli, tanġibbli, proattiv u prominenti fix-xena internazzjonali u tuża l-potenzjal politiku tagħha sabiex taħseb u taġixxi bħala setgħa ġeopolitika b'impatt sinifikanti, filwaqt li tiddefendi u tippromwovi l-objettivi tal-Artikolu 21 TUE, il-prinċipji u r-regoli universali tagħha, il-valuri komuni – bħall-paċi u d-drittijiet tal-bniedem – u l-interessi tagħha fid-dinja, tgħin tirriżolvi l-konflitti madwar id-dinja u ssawwar il-governanza globali; jirriafferma l-ħtieġa li jiġu żgurati l-awtonomija strateġika tal-UE, b'mod partikolari t-titjib fit-teħid ta' deċiżjonijiet, il-kapaċitajiet u l-kapaċitajiet ta' difiża adegwati, rikonoxxuti fl-Istrateġija Globali tal-UE u rrikkonfermati f'Ġunju 2018 mit-28 kap ta' stat u ta' gvern, u l-ħtieġa li tiġi promossa UE aktar kapaċi u indipendenti fi żmien ta' kompetizzjoni ġeopolitika li qiegħda tikber;

10. Jappoġġja bis-sħiħ id-deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni li tittrasforma l-fergħa eżekuttiva tal-UE f'"Kummissjoni ġeopolitika", li l-enfasi tagħha hija fuq il-bini ta' attur estern kredibbli li jindirizza sistematikament kwistjonijiet ta' azzjoni esterna; jilqa' l-impenn tal-VP/RGħ futur li jikkoordina d-dimensjonijiet esterni tal-azzjoni tal-Kummissjoni u li jiżgura rabta aħjar bejn l-aspetti interni u esterni tal-politiki tiegħu; jissottolinja li, għaldaqstant, Kummissjoni ġeopolitika tkun mistennija tadotta approċċ proattiv aktar milli reattiv għall-kwistjonijiet globali u li tagħmel il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss jirrifletti dan il-mandat; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-Unjoni Ewropea għandha tfittex li ssir attur aktar assertiv, mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tagħha bħala setgħa normattiva; jisħaq fuq li Kummissjoni ġeopolitika hija sabiex tissalvagwardja l-interessi tagħha b'rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali u tal-valuri proprji; jissottolinja li l-UE għandha tuża s-setgħat kollha fi spirtu ta' kooperazzjoni u ftuħ, filwaqt li żżomm id-dritt li tirritalja fejn meħtieġ;

11. Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu lejn l-Istrateġija Globali tal-UE bħala pass deċiżiv 'il quddiem minn ġestjoni tal-kriżi ad hoc għal approċċ integrat lejn il-politika barranija tal-Unjoni Ewropea; jemmen li reviżjoni strateġika tal-Istrateġija Globali tal-UE tkun f'waqtha u meħtieġa, b'mod partikolari fid-dawl ta' xi bidliet ġeopolitiċi profondi li seħħew mill-adozzjoni tagħha 'l hawn (eż. diverġenzi politiċi madwar is-sħubija transatlantika, l-emerġenza ta' setgħat ġodda aktar assertivi bħaċ-Ċina, u l-aggravazzjoni tal-emerġenza klimatika), li kollha għandhom implikazzjonijiet serji għall-għanijiet tal-politika barranija tal-Unjoni u għall-politika ta' sigurtà ġenerali; jitlob, b'riżultat ta' dan, lill-VP/RGħ tibda proċess ta' konsultazzjonijiet komprensivi u inklużivi, li jibda mill-Istati Membri u esperti ewlenin fil-politika barranija tal-UE minn barra l-istituzzjonijiet tal-UE, u billi jinkludi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

12. Iqis li l-UE għandha tiddependi aktar mill-istrumenti kummerċjali u ta' żvilupp bħal ftehimiet bilaterali u ftehimiet ta' kummerċ ħieles ma' pajjiżi terzi, billi tagħmel ir-ratifika ta' ftehim kundizzjonali fuq l-iffirmar tal-Ftehim ta' Pariġi u r-rispett għall-valuri fundamentali Ewropej;

13. Iqis ukoll li l-UE, sabiex iżżomm il-kredibbiltà esterna tagħha, għandha tpoġġi r-rispett għall-klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-ftehimiet tal-UE ma' pajjiżi terzi, billi tagħmilhom kundizzjonali u tapplikahom meta jkun meħtieġ;

14. Jemmen li l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li tkun kapaċi tirreaġixxi għall-kriżijiet aktar malajr u b'mod aktar effettiv, bl-istrumenti diplomatiċi u ekonomiċi kollha li għandha disponibbli u tinkludi aktar missjonijiet ċivili u militari bħala parti mill-PSDK; ifakkar, għal dan il-għan, li għandu jagħmel enfasi akbar fuq il-prevenzjoni ta' konflitti billi jindirizza l-kawżi ewlenin tal-instabbiltajiet u billi joħloq strumenti biex ikampaw magħhom; ifakkar, f'dan ir-rigward, fil-ħtieġa li r-riżorsi baġitarji tal-UE jingħataw spinta sinifikanti għall-QFP li jmiss u li tal-anqas jirdoppjaw il-fondi għall-prevenzjoni tal-konflitti, il-konsolidazzjoni tal-paċi u l-medjazzjoni; ifakkar fir-rwol fundamentali tal-UE li trawwem id-demokrazija fil-viċinat Ewropew, speċjalment permezz tal-programmi ta' appoġġ tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija;

15. Jisħaq fuq il-fatt li l-Unjoni Ewropea għandha taqleb minn approċċ reattiv għal approċċ antiċipatorju u fuq l-importanza li tissieħeb ma' sħab strateġiċi tal-UE li jaħsbuha bl-istess mod, partikolarment in-NATO u l-pajjiżi emerġenti sabiex jiddefendu l-ordni globali bbażat fuq ir-regoli li huwa msejjes fuq id-dritt internazzjonali u umanitarju u t-trattati multilaterali; ifakkar li l-PESK tal-UE hija bbażata fuq sħubija u multilateraliżmu, li jgħinu biex jgħaqqdu s-setgħat reġjonali u globali rilevanti; jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jiġu esplorati forom flessibbli ġodda ta' kooperazzjoni ta' alleanza, speċjalment fil-monitoraġġ u l-kontroll tal-flussi tat-teknoloġija, il-kummerċ u l-investimenti u li jinstabu mekkaniżmi innovattivi u inklużivi għall-kooperazzjoni, li jiżviluppaw multilateraliżmu intelliġenti; jitlob li jsiru sforzi konġunti għar-riforma ta' organizzazzjonijiet multilaterali biex ikunu jistgħu jaqdu l-iskop tagħhom;

16. Jippromwovi politika barranija tal-UE li tgħaqqad flimkien l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri wara politika estera komuni u b'saħħitha fil-livell tal-UE, u b'hekk tingħata aktar kredibbiltà lill-UE; japprova l-idea li politika bħal din għandha tappoġġa bis-sħiħ ir-rwol vitali mwettaq mill-VP/RGħ; iħeġġeġ l-istabbiliment ta' koalizzjonijiet ad hoc ta' Stati Membri li jikkontribwixxu għal aktar flessibbiltà u rispons aħjar tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, billi titnaqqas il-pressjoni maħluqa mill-ħtieġa li jintlaħaq kunsens fost l-Istati Membri; iħeġġeġ l-istabbiliment mill-ġdid ta' forom ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-VP/RGħ u l-ministri għall-affarijiet barranin, sabiex dawn tal-aħħar jiġu ddelegati biex jaġixxu f'isem l-UE sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni u l-leġittimità demokratika tal-UE; jitlob li l-UE tikkomunika aħjar il-viżjoni tagħha u l-objettivi tal-politika tal-PESK liċ-ċittadini tagħha;

17. Jappella għal aktar solidarjetà u koordinament imtejjeb bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha; ifakkar fil-ħtieġa għal konsistenza fost il-politiki esterni tal-Unjoni u ma' politiki oħrajn b'dimensjoni esterna, u li dawn il-politiki jiġu kkoordinati ma' sħab internazzjonali; jemmen li kooperazzjoni bejn l-Istati Membri hija fundamentali għas-salvagwardja tad-demokrazija, tal-valuri komuni, tal-libertajiet u tal-istandards soċjali u ambjentali tal-UE; jissottolinja l-ħtieġa li l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, il-pajjiżi sħab u l-organizzazzjonijiet internazzjonali tiġi estiża; itenni l-importanza tal-Artikolu 24(3) tat-TUE, li jiddikjara li l-Istati Membri għandhom isostnu l-politika esterna u ta' sigurtà tal-Unjoni mingħajr riserva u fi spirtu ta' lealtà u solidarjetà reċiproka u għandhom joqogħdu lura minn kwalunkwe azzjoni li tmur kontra l-interess tal-Unjoni; jissottolinja li, kif stabbilit fit-Trattat, il-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE huwa l-forum fejn il-ministri nazzjonali jippreżentaw il-fehmiet tagħhom u qablu dwar politiki, u li, ladarba jkun hemm qbil dwar il-politika, l-Istati Membri għandhom jappoġġaw bis-sħiħ lill-VP/RGħ fl-eżekuzzjoni ta' din il-politika, mingħajr ma jaġixxu b'mod parallel;

18. Jisħaq fuq il-fatt li l-Unjoni jeħtiġilha timplimenta bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona u tuża l-istrumenti eżistenti b'mod aktar effettiv; jitlob li l-UE taġixxi b'mod aktar armonizzat u koerenti sabiex ittejjeb il-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet tagħha u ssir attur estern effikaċi u kredibbli, u li s-SEAE jkollu rwol ċentrali;

It-tisħiħ tal-Parlament Ewropew bħala pilastru tal-PESK

19. Jissottolinja li l-Unjoni Ewropea tista' twettaq il-potenzjal sħiħ tagħha biss meta titkellem u taġixxi bħala vuċi waħda u meta t-teħid ta' deċiżjonijiet isir gradwalment, mil-livell nazzjonali għal dak supranazzjonali, u b'hekk tisfrutta għalkollox il-possibbiltajiet li joffru t-trattati tal-UE, l-istituzzjonijiet u l-proċeduri tagħhom u filwaqt li tikkonforma għalkollox mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u tirrispetta l-kompetenzi tal-Istati Membri; jisħaq li l-Unjoni Ewropea għandha tuża l-mezzi kollha disponibbli biex tilħaq dan il-għan, inklużi dawk li toffri d-diplomazija parlamentari;

20. Itenni, f'dan ir-rigward, li matul is-snin, il-Parlament żviluppa sensiela ta' strumenti u netwerks fil-qasam tal-azzjoni esterna, bħal kumitati parlamentari konġunti u kumitati ta' kooperazzjoni parlamentari ma' pajjiżi terzi, kif ukoll il-ħidma ta' delegazzjonijiet interparlamentari, delegazzjonijiet ad hoc u missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali, li huma differenti mill-istrumenti u n-netwerks tal-fergħa eżekuttiva tal-UE iżda fl-istess ħin jikkomplementawhom; jissottolinja s-setgħat ta' sorveljanza u ta' kontroll imwettqa mill-Parlament u jisħaq li r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet tiegħu jistħoqqilhom attenzjoni akbar; jenfasizza l-importanza tal-assembleji parlamentari bħala fora għall-kooperazzjoni u d-djalogu istituzzjonali filwaqt li jenfasizza l-kontribut siewi li jagħtu lill-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea u lill-qasam tas-sigurtà u d-difiża; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi l-attivitajiet tagħhom u li jiġi ggarantit it-twettiq xieraq ta' xogħolhom;

21. Jissottolinja r-rwol essenzjali tal-missjonijiet ta' osservanza elettorali tal-UE; jisħaq fuq ir-responsabbiltà politika tal-Osservaturi Prinċipali, li huma nominati minn fost il-Membri tal-PE; jitlob, għalhekk, li jkun hemm approċċ aktar integrat għall-politika barranija u ta' sigurtà tal-UE, li jinkludi dimensjoni parlamentari; jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni interistituzzjonali fit-tfassil ta' strateġiji lejn pajjiżi u reġjuni terzi, b'enfasi speċjali fuq il-Balkani tal-Punent u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; ifakkar fl-importanza tar-relazzjonijiet parlamentari diplomatiċi u interparlamentari biex dawn l-għanijiet ikunu sostnuti; jafferma li l-Parlament jeħtieġlu jkollu rwol aktar b'saħħtu fil-PESK u fix-xena internazzjonali; jiddeskrivi l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jistabbilixxu strateġija ta' politika ġenerali għal diplomazija parlamentari ffokata mill-ġdid li tinkludi approċċ aktar integrat tal-politika barranija u ta' sigurtà tal-UE u li tadatta l-mod kif jaħdmu;

22. Jissottolinja r-rwol ta' kull istituzzjoni involuta fil-PESK/PSDK fir-reviżjoni tal-metodi ta' ħidma tagħha u fl-evalwazzjoni tal-aħjar mod biex twettaq ir-rwol tagħha skont it-Trattati;

23. Jappella għal kooperazzjoni interistituzzjonali mtejba fis-sens li l-Parlament jirċievi informazzjoni, f'biżżejjed żmien, biex ikun jista' jesprimi l-opinjoni tiegħu, jekk ikun xieraq, u biex il-Kummissjoni u s-SEAE jkunu jistgħu jqisu l-opinjonijiet tal-Parlament; jappella għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni effettiva u komprensiva mill-Kummissjoni u mis-SEAE ħalli l-Parlament ikun jista' jeżerċita r-rwol ta' skrutinju tiegħu b'mod effiċjenti u f'waqtu, inkluż fil-qasam tal-PESK; jilqa' l-impenn tal-VP/RGħ li tinforma aħjar u aktar malajr, u tinvolvi u tikkonsulta lill-Parlament dwar l-għażliet fundamentali tal-PESK;

24. Jitlob li jissaħħu r-rwoli tal-Parlament fis-sorveljanza u l-skrutinju tal-azzjoni esterna tal-UE, anke billi jkomplu jsiru konsultazzjonijiet regolari mal-VP/RGħ, mas-SEAE u mal-Kummissjoni; jitlob il-konklużjoni tan-negozjati dwar l-aċċess tal-Parlament għal informazzjoni sensittiva tal-Kunsill fil-qasam tal-PESK u tal-PSDK;

25. Jinnota li jekk/meta jseħħ il-Brexit, il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (AFET) tal-Parlament, bħala l-kumitat ewlieni responsabbli mir-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi, għandu jingħata l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-eżekuttiv tal-UE biex ikun jista' jagħmel skrutinju, f'isem il-Parlament, tal-proċess ta' negozjar f'konformità mal-Artikolu 218 tat-TFUE u biex jipprovdi input f'waqtu dwar il-ftehim(iet) futur(i) mar-Renju Unit, li jkun jirrikjedi l-kunsens tal-Parlament; jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit fl-oqsma tal-PESK u tal-PSDK u jirrikonoxxi l-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet kreattivi;

26. Jenfasizza l-isforzi tal-UE biex b'mod konsistenti tafferma l-importanza li jinżamm u jissaħħaħ ordni internazzjonali liberu u miftuħ ibbażat fuq ir-rispett tal-istat tad-dritt;

27. Jitlob li, qabel l-adozzjoni mill-Kummissjoni u s-SEAE ta' strateġija jew komunikazzjoni relatata mal-PESK, jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' konsultazzjoni mal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-korpi rilevanti;

28. Jappella għal approċċ aktar strateġiku, aktar koerenza, konsistenza u komplementarjetà, kif stabbilit fit-Trattati, bejn l-istrumenti ta' finanzjament estern tal-UE u l-PESK sabiex l-Unjoni Ewropea tkun tista' tindirizza l-isfidi li dejjem qed jiżdiedu tas-sigurtà u tal-politika barranija; jenfasizza li PESK kredibbli u effettiva trid tkun ibbażata fuq riżorsi finanzjarji adegwati; jitlob li dawn jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-azzjoni esterna tal-UE fil-QFP li jmiss (2021-2027), u li l-UE tiffoka r-riżorsi tagħha fuq prijoritajiet strateġiċi;

29. Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni li tikkombina l-maġġoranza tal-istrumenti eżistenti għal azzjoni esterna fi strument uniku: l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI); itenni li l-akkomunament ta' strumenti ta' azzjoni esterna f'fond uniku jista' jwassal għal sinerġiji, effikaċja u rapidità fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet u l-iżborż ta' fondi, iżda ma għandux jiddevja l-finanzjament tal-Unjoni mill-għanijiet li ilhom jeżistu u ġenerali tal-politika barranija tal-qerda tal-faqar, l-iżvilupp sostenibbli u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' l-istruttura simplifikata tal-istrumenti esterni proposti fl-ambitu tal-NDICI; jappella għal kontrolli u bilanċi xierqa, livell suffiċjenti ta' trasparenza, u kontribut politiku strateġiku u skrutinju regolari tal-applikazzjoni mill-Parlament; jisħaq fuq l-importanza tal-prinċipju ta' differenzjazzjoni fl-assistenza għall-pajjiżi tal-viċinat b'livell ogħla ta' impenn għar-riformi Ewropej skont il-prinċipju "aktar għal aktar" u "anqas għal anqas";

30. Jisħaq fuq il-ħtieġa għal rwol akbar tal-Parlament matul l-iskrutinju u t-tmexxija tal-istrumenti esterni kollha tal-UE, inkluż għall-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni għall-2021-2027 (IPA III); jenfasizza r-rwol tal-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP), b'mod partikolari fl-appoġġ għall-paċi u l-istabbiltà madwar id-dinja; jistenna adozzjoni f'waqtha tal-istrumenti ta' wara l-2020, u anke tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi sabiex jiġu evitati diskrepanzi ta' finanzjament bla bżonn;

31. Jemmen li l-prevenzjoni tal-konflitti, il-konsolidazzjoni tal-paċi u l-medjazzjoni u r-riżoluzzjoni paċifika tal-konflitti mtawla, b'mod partikolari fil-viċinat immedjat tal-UE, għandhom ikunu prijorità fis-snin li ġejjin; jissottolinja li tali approċċ jagħti livell għoli ta' valur miżjud tal-UE f'termini politiċi, soċjali, ekonomiċi u ta' sigurtà; ifakkar li l-prevenzjoni tal-konflitti u l-attivitajiet ta' medjazzjoni jgħinu biex jiġu affermati l-preżenza u l-kredibbiltà tal-UE fix-xena internazzjonali u li din il-prevenzjoni flimkien mal-attivitajiet għandhom jiffurmaw parti minn approċċ olistiku li jgħaqqad flimkien is-sigurtà, id-diplomazija u l-iżvilupp; jirrimarka l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tiġi kkonsolidata bħala attur globali influwenti u li jsir investiment fil-prevenzjoni tal-konflitti u fil-medjazzjoni; jitlob li l-UE tkompli tagħti prijorità lill-prevenzjoni tal-konflitti u l-medjazzjoni; jenfasizza l-kontribut siewi tal-Parlament fil-qasam tar-riżoluzzjoni tal-konflitti u l-kontribut għall-medjazzjoni, għad-djalogu u għall-promozzjoni tal-valuri tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett għall-minoranzi u d-drittijiet fundamentali, partikolarment fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, tas-Sħubija tal-Lvant u tal-Viċinat tan-Nofsinhar u jappella għal żvilupp ulterjuri fil-kooperazzjoni interistituzzjonali dwar il-medjazzjoni; jilqa' r-rwol akbar tal-UE fir-riżoluzzjoni tal-konflitti u fit-tisħiħ tal-fiduċja fil-qafas jew bħala appoġġ tal-formati u l-prinċipji ta' negozjar eżistenti maqbula;

32. Ifakkar fl-importanza ta' PEV b'saħħitha, fejn l-UE timpenja ruħha għall-interessi komuni tas-soċjetà, politiċi u ekonomiċi mal-pajjiżi sħab tal-Lvant u n-Nofsinhar; jissottolinja r-rwol strateġiku li l-Unjoni jista' jkollha permezz tal-PEV billi ssaħħaħ ir-reżiljenza tas-sħab tal-UE, bħala prijorità ewlenija, quddiem it-theddidiet u l-pressjonijiet li qed jesperjenzaw; jirrikonoxxi li biex l-Unjoni Ewropea tkun attur globali b'saħħtu, jeħtieġ li l-UE tkun attur rilevanti fil-viċinat;

33. Ifakkar li d-demokraziji moderni jirrikjedu fergħat leġiżlattivi li jiffunzjonaw kompletament u, f'dan ir-rigward, jissottolinja l-importanza li tiġi appoġġata l-ħidma tal-parlamenti kemm fil-Balkani tal-Punent kif ukoll fil-viċinat;

34. Jirrikonoxxi l-importanza tal-istabbiltà tal-Viċinat tal-Lvant għall-istabbiltà tal-Unjoni stess u l-potenzjal trasformattiv tal-UE għar-reġjuni u l-pajjiżi tal-viċinat; itenni l-appoġġ tiegħu għas-Sħubija tal-Lvant, li fl-2019 iċċelebrat l-10 anniversarju tagħha; jisħaq, madankollu, li sabiex is-Sħubija tal-Lvant tkun aktar ta' suċċess, hija teħtieġ inizjattivi u impenji ġodda miż-żewġ naħat (jiġifieri, min-naħa tal-UE u tas-sħab tagħha); iħeġġeġ l-iżvilupp ta' relazzjonijiet dejjem aktar mill-qrib mas-Sħubija tal-Lvant, inklużi strateġiji mmirati għall-Ukrajna, il-Georgia u l-Moldova u l-importanza li tittieħed nota tal-ideat bħalma huma t-Triju ta' Strateġiji 2030 u l-ideat mill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant assoċjati mal-UE li huma l-aktar avvanzati; jenfasizza li tali approċċ għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju ta' "aktar għal aktar" u "anqas għal anqas", immexxi mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-koalizzjoni ta' Stati Membri tal-istess fehma, magħrufa bħala l-proċess tat-Triju Ewropew, b'enfasi fuq proġetti u programmi tanġibbli biex jiġu segwiti l-aħjar prattiki mill-proċess ta' Berlin u l-integrazzjoni taż-Żona Ekonomika Ewropea; jemmen li s-suċċess tat-trasformazzjoni fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant – speċjalment il-pajjiżi assoċjati mal-UE tal-Ukrajna, il-Moldova u l-Georgia – jista' jagħti riżultati pożittivi, li jista' jkollhom ukoll influwenza fuq is-soċjetà fil-pajjiżi ġirien tar-Russja;

35. Ifakkar u jenfasizza li l-kooperazzjoni mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u ma' pajjiżi ġirien oħra tal-UE għandha tkun prijorità għall-PESK minħabba l-interess vitali tal-UE fl-iżvilupp u d-demokratizzazzjoni ta' dawn il-pajjiżi; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jkomplu jsaħħu r-rabtiet ekonomiċi u ta' konnettività, bl-użu ta' ftehimiet kummerċjali u ta' assoċjazzjoni, l-aċċess għas-suq uniku u kuntatti aktar profondi bejn il-persuni, fosthom permezz tal-faċilitazzjoni u l-liberalizzazzjoni tal-viżi meta jkunu ġew issodisfati r-rekwiżiti kollha; jenfasizza li dawn ta' hawn fuq jistgħu jservu bħala inċentivi biex jitrawmu r-riformi demokratiċi u l-adozzjoni ta' regoli u tal-istandards tal-UE;

36. Itenni l-impenn tal-UE li tappoġġa s-sovranità, l-integrità territorjali u l-indipendenza politika tal-Ukrajna u tal-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant fi ħdan il-fruntieri tagħhom rikonoxxuti internazzjonalment, skont id-dritt, in-normi u l-prinċipji internazzjonali, sabiex jiżdied l-appoġġ għar-residenti affettwati mill-konflitti, il-persuni spostati internament u r-rifuġjati, u li jiġu miġġielda l-attentati ta' destabbilizzazzjoni minn pajjiżi terzi, b'mod partikolari r-Russja; jirrifjuta l-użu tal-forza jew it-theddida ta' forza meta jiġu riżolti l-konflitti u jtenni l-viżjoni tiegħu li l-konflitti attwali fil-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant għandhom jiġu riżolti b'konformità man-normi u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali; jibqa' impenjat bis-sħiħ għall-politika ta' nuqqas ta' rikonoxximent tal-annessjoni illegali tal-Krimea; jissottolinja bil-qawwa l-importanza tal-pożizzjoni proattiva bbażata fuq id-dritt internazzjonali kontra l-konflitti mtawla fil-Viċinat tal-Lvant; jikkundanna, barra minn hekk, il-militarizzazzjoni kontinwa fit-territorji okkupati Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, u jistieden lir-Russja tissodisfa l-obbligi tagħha skont id-dritt internazzjonali; jissottolinja, li aktar minn għaxar snin wara t-tmiem tal-att ta' aggressjoni Russu fil-Georgia u waqfien mill-ġlied sussegwenti nnegozjat mill-UE, ir-Russja għadha qed taġixxi bi ksur sfaċċat ta' xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha stess u li l-proċess ta' "frunterizzazzjoni" għadu għaddej; jitlob li jissaħħaħ il-mandat tal-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Georgia (EUMM) u li titjieb il-viżibbiltà tagħha; iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa, bħala l-forza ta' okkupazzjoni, biex tonora l-obbligi internazzjonali tagħha u tagħti lill-EUMM aċċess bla xkiel għar-reġjuni okkupati;

37. Jilqa' b'sodisfazzjon l-affermazzjoni mill-ġdid tal-President Kummissjoni dwar il-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent u jisħaq fuq l-impenn tiegħu favur it-tkabbir, li jibqa' politika ewlenija u jservi ta' forza propulsiva tal-UE; itenni l-ħtieġa li l-pożizzjoni tal-UE dwar it-tkabbir tkun ambizzjuża u kredibbli;

38. Jappella għal strateġija ta' tkabbir kredibbli tal-UE fil-Balkani tal-Punent, imsejsa fuq kundizzjonalità stretta u ekwa skont l-applikazzjoni tal-kriterji ta' Copenhagen, u li tibqa', għal raġunijiet ta' politika barranija, għodda importanti għall-promozzjoni tas-sigurtà billi ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-pajjiżi f'reġjun ta' importanza strateġika għall-UE;

39. Itenni li, minbarra l-PESK ġenerali, l-objettivi tal-politika tal-UE dwar il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huma li tiggwidahom lejn l-adeżjoni; jenfasizza li dan il-proċess ta' tkabbir huwa bbażat fuq il-mertu u jiddependi mir-rispett tagħhom għall-kriterji ta' Copenhagen, il-prinċipji tad-demokrazija, ir-rispett għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi, l-osservanza tal-istat tad-dritt u l-kisbiet individwali tagħhom biex jissodisfaw il-kriterji imposti;

40. Jissottolinja l-importanza ta' proċess ta' riforma li għaddej marbut mal-effett trasformattiv fuq il-pajjiżi kandidati; jibqa' impenjat bis-sħiħ li jappoġġa r-riformi u l-proġetti orjentati lejn l-UE, b'mod partikolari dawk li jiffukaw fuq it-tisħiħ ulterjuri tal-istat tad-dritt u l-governanza tajba, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u t-trawwim tar-rikonċiljazzjoni, ir-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat u l-kooperazzjoni reġjonali; jinnota b'dispjaċir it-tnaqqis fir-ritmu tal-proċess;

It-tisħiħ tal-PESK għall-ġlieda kontra t-theddid globali

41. Jappella għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE u tal-Istati Membri li jaġixxu b'mod awtonomu fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża; jenfasizza li sħubijiet effiċjenti u mill-qrib ma' organizzazzjonijiet sħab, bħan-NU jew in-NATO, u ma' istituzzjonijiet internazzjonali oħra, bħall-Unjoni Afrikana u l-OSKE, huma aktar vitali minn qatt qabel; jenfasizza li n-NATO hija s-sieħba ewlenija tas-sigurtà tal-UE; jissottolinja l-importanza ta' kooperazzjoni mill-qrib man-NATO fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha relatati mad-difiża u tal-indirizzar tal-isfidi tas-sigurtà li qed tiffaċċja l-UE u l-viċinat tagħha, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-ġlieda kontra t-theddid ibridu;

42. Jilqa' l-isforzi tal-UE biex issaħħaħ is-sigurtà u d-difiża tal-UE sabiex tipproteġi aħjar lill-Unjoni u liċ-ċittadini tagħha u biex tikkontribwixxi għall-paċi u l-istabbiltà fil-viċinat u lil hinn minnu, f'konformità mad-dikjarazzjoni konġunta dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO tal-10 ta' Lulju 2018;

43. Jissottolinja r-rwol tan-NATO bħala pilastru importanti tas-sigurtà Ewropea u jilqa' l-proċess li għaddej tat-tkabbir tan-NATO, li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-benesseri tal-Ewropa;

44. Jemmen li l-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata (VMK) tagħmel il-politika estera u ta' sigurtà tal-UE aktar effettiva u tħaffef il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet; jistieden lill-Kunsill juża l-VMK regolarment fil-każijiet previsti fl-Artikolu 31(2) tat-TUE u jistieden lill-Kunsill juża din l-inizjattiva billi juża l-klawsola "passerelle" prevista fl-Artikolu 31(3) tat-TUE; jinkoraġġixxi lill-Kunsill jikkunsidra l-estensjoni tal-VMK għal setturi oħra tal-PESK;

45. Jappoġġa d-dibattitu fl-UE dwar formati ġodda, bħal Kunsill tas-Sigurtà tal-UE fi djalogu sħiħ u f'kooperazzjoni sħiħa mal-Istati Membri, u dwar modi ġodda ta' koordinazzjoni aktar mill-qrib fl-UE u mal-awtoritajiet internazzjonali sabiex jiġi ffaċilitat proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet aktar effiċjenti fil-qasam tal-politika tas-sigurtà;

46. Jilqa' d-deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni li, fi żmien ħames snin, tinbena Unjoni Ewropea tad-Difiża ġenwina u operattiva, u jappella għal skambji trasparenti mal-Parlament u l-Istati Membri għall-istabbiliment ta' unjoni tad-difiża; jemmen li, f'dan il-kuntest, l-UE għandha tagħmel l-aħjar użu mill-mekkaniżmi u l-istrumenti diġà eżistenti, bħall-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO), il-Mobbiltà Militari u l-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF), li għandhom l-għan li jtejbu l-kapaċitajiet nazzjonali u Ewropej u jappoġġaw it-titjib tal-effiċjenza tal-industriji Ewropej tad-difiża; jappella għall-ħolqien ta' mekkaniżmu għall-kontroll demokratiku parlamentari tal-istrumenti l-ġodda kollha fil-qasam tad-difiża;

47. Jissottolinja l-ħtieġa li tiġi żgurata l-evalwazzjoni kostanti tal-PESCO u tal-EDF u l-modi kif jikkontribwixxu għall-objettivi tal-PESK, sabiex tiġi żgurata l-provvista ta' riżorsi adegwati skont l-impenji tal-PESCO, u biex id-deċiżjonijiet tal-UE jiġu implimentati b'mod effettiv u koerenti – anki permezz ta' Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) aktar integrata – b'mod li jiggarantixxi li l-Unjoni tibqa' miftuħa għall-kooperazzjoni;

48. Ifakkar li l-Artikolu 20(2) tat-TUE, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għal kooperazzjoni msaħħa, jipprevedi possibbiltajiet addizzjonali għall-Istati Membri biex jimxu 'l quddiem bil-PESK u, għaldaqstant, għandu jintuża;

49. Ifakkar li t-tibdil fil-klima għandu impatt fuq l-aspetti kollha tal-ħajja tal-bniedem, u li, inter alia, iżid il-probabbiltà ta' konflitti u vjolenza; jenfasizza li t-tħassib dwar is-sigurtà tal-klima u r-rieda li tiġi infurzata l-governanza ambjentali globali għandhom jiġu integrati fil-politika barranija tal-UE;

50. Jissottolinja l-fatt li l-UE għandha tiżviluppa l-kapaċitajiet biex tissorvelja r-riskji relatati mat-tibdil fil-klima, li għandhom jinkludu politiki dwar is-sensittività għall-konflitti u l-prevenzjoni tal-kriżijiet; jirrikonoxxi, f'dan il-kuntest, li l-konnessjoni ta' miżuri ta' adattament għall-klima u ta' konsolidazzjoni tal-paċi ssaħħaħ il-prevenzjoni tal-konflitti; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żviluppat approċċ komprensiv u antiċipatorju għat-tibdil fil-klima; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jaġixxu b'ambizzjonijiet kbar fil-konferenza internazzjonali dwar il-klima u jimplimentaw l-obbligi tagħhom; jenfasizza l-valur tad-diplomazija dwar il-klima f'dan ir-rigward;

51. Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żviluppat approċċ komprensiv għat-tibdil fil-klima u s-sigurtà f'konformità mal-SDGs, b'mod partikolari l-SDG 13 u l-SDG 16, li jiġu żgurati flussi ekwi u suffiċjenti ta' finanzjament għall-klima skont il-Ftehim ta' Pariġi u li jiġu ddedikati livelli ogħla ta' finanzjament għal tali azzjonijiet taħt l-IcSP attwali u l-NDICI li jmiss;

52. Jissottolinja l-importanza ġeopolitika li qed tikber tal-Artiku u l-effetti tagħha fuq is-sitwazzjoni tas-sigurtà kemm fl-UE kif ukoll f'livell globali; iħeġġeġ lill-UE taħdem għal politika interna u esterna tal-UE aktar koerenti, strateġija għall-Artiku u pjan ta' azzjoni konkret dwar l-impenn tal-UE fl-Artiku li jqis ukoll l-aspett ġeostrateġiku u tas-sigurtà; jinnota l-kapaċità tal-UE li tikkontribwixxi għar-riżoluzzjoni ta' sfidi potenzjali ġeostrateġiċi u fil-qasam tas-sigurtà;

53. Jappella għal appoġġ aktar b'saħħtu għall-istrateġija dwar is-sigurtà marittima tal-UE, billi l-libertà tan-navigazzjoni hija sfida li qed tikber kemm globalment kif ukoll għall-viċinat; jinsisti li l-libertà tan-navigazzjoni trid tiġi rrispettata f'kull ħin u li jeħtieġ li l-miżuri jiffukaw fuq id-dieskalazzjoni u fuq il-prevenzjoni tal-konflitti armati u tal-inċidenti militari;

54. Jesprimi d-dispjaċir tiegħu li t-tensjonijiet qed jiżdiedu u li l-ksur tad-Dritt tal-Baħar u tad-dritt marittimu internazzjonali għadu jippersisti madwar ħafna mill-hotspots marittimi ewlenin fid-dinja, bħal fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar, l-Istrett ta' Hormuz, il-Golf ta' Aden u l-Golf tal-Guinea; ifakkar fis-sitwazzjoni volatili fil-Baħar ta' Azov; jinnota li ħafna minn dawn it-tensjonijiet huma ta' natura ġeopolitika;

55. Jitlob lill-UE tieħu miżuri attivi u tikkunsidra miżuri restrittivi b'reazzjoni għal ksur serju tal-libertà tan-navigazzjoni u tad-dritt marittimu internazzjonali;

56. Ifakkar li reġimi internazzjonali effettivi ta' kontroll tal-armi, ta' diżarm u ta' nonproliferazzjoni huma pedament tas-sigurtà globali u Ewropea; jinnota li trasferimenti irresponsabbli ta' armi lejn pajjiżi terzi jipperikolaw u jdgħajfu l-PESK, b'mod partikolari l-isforzi tal-UE favur il-paċi, l-istabbiltà u l-iżvilupp sostenibbli; jappella għal konformità stretta mat-tmien kriterji stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK dwar il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' armi[4] u jappella għal mekkaniżmu għall-monitoraġġ u l-kontroll fil-livell tal-UE f'dan ir-rigward; jenfasizza l-ħtieġa ta' industrija tad-difiża li tuża l-flus tal-kontribwenti b'mod effikaċi u effiċjenti, flimkien mal-ħtieġa li l-UE trawwem suq intern aktar integrat fl-oġġetti tad-difiża u politika koordinata għall-appoġġ tar-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tad-difiża; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu d-diżarm nukleari multilaterali prijorità tal-politika estera u ta' sigurtà tal-UE; jemmen li l-UE trid tkompli bl-isforzi tagħha biex iżżomm il-ftehim nukleari mal-Iran ħaj; iħeġġeġ lill-VP/RGħ juża l-mezzi politiċi u diplomatiċi kollha disponibbli biex jissalvagwardja l-pjan ta' azzjoni komprensiv konġunt (PAKK) u t-trattat dwar it-tnaqqis tal-armi strateġiċi ġdid (START ġdid), u jvara strateġija koerenti u kredibbli għal negozjati multilaterali dwar miżuri reġjonali ta' dieskalazzjoni u tisħiħ tal-fiduċja fil-Golf li tinvolvi lill-atturi kollha fir-reġjun; jenfasizza li l-kapaċità tal-UE li tinvolvi ruħha b'mod diplomatiku mal-atturi kkonċernati kollha hija vantaġġ qawwi li għandu jiġi sfruttat bis-sħiħ għal dak il-għan;

57. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkonformaw bis-sħiħ mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK dwar il-kontroll ta' esportazzjoni ta' armi, biex jimplimentaw b'mod strett l-obbligi tagħhom li jirriżultaw minn din il-Pożizzjoni Komuni, b'mod partikolari l-kriterju 4 dwar il-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali, rigward il-politika tagħhom dwar l-esportazzjoni tal-armi lejn it-Turkija, u biex jimponu embargo fuq l-armi lejn it-Turkija wara l-invażjoni illegali tagħha tat-Tramuntana tas-Sirja u l-azzjonijiet illegali tagħha fil-Lvant tal-Mediterran – b'mod partikolari, l-invażjoni tagħha taż-żona ekonomika esklussiva u tal-ilmijiet territorjali tar-Repubblika ta' Ċipru; itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi rieżaminata u aġġornata sabiex il-kriterji jiġu applikati u implimentati b'mod strett u jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' sanzjonijiet; jistieden lill-VP/RGħ jagħti prijorità lil dan id-dossier;

58. Jistieden lill-VP/RGħ jippromwovi strateġija ta' kooperazzjoni bireġjonali multidimensjonali mal-Amerka Latina u l-Karibew fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, iħeġġeġ id-difiża konġunta tal-ordni multilaterali, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata u fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-effetti tiegħu fuq l-istabbiltà soċjali, politika u ekonomika, u jrawwem id-djalogu bħala għodda għall-kisba ta' soluzzjonijiet negozjati paċifiċi għall-konflitti politiċi li qed nesperjenzaw;

59. Jitlob li tiġi studjata l-possibbiltà li jinħoloq forum ġdid għall-kooperazzjoni multilaterali fost l-alleati tal-Punent, jiġifieri l-UE, l-Istati Uniti tal-Amerka, il-Ġappun, il-Kanada, il-Korea t'Isfel, l-Awstralja u New Zealand, permezz tal-legat tal-Kumitat ta' Koordinazzjoni għall-Kontrolli Strateġiċi Multilaterali tal-Esportazzjoni; jenfasizza li l-mandat ta' forum ġdid għandu jkopri l-monitoraġġ u l-kontroll tal-esportazzjoni tat-teknoloġiji, tal-flussi kummerċjali u tal-investimenti sensittivi lejn pajjiżi ta' tħassib;

60. Jenfasizza li t-tisħiħ ta' relazzjonijiet sostanzjali mal-Asja tal-Lvant u tax-Xlokk huwa essenzjali għall-istrateġija dwar il-konnettività tal-UE bbażata fuq ir-regoli, komprensiva u sostenibbli, u vice versa; għalhekk, jippromwovi s-sostenibbiltà, approċċ ibbażat fuq ir-regoli u l-QFP bħala strument deċiżiv;

61. Jieħu nota tat-tqawwija tal-forzi militari fir-reġjun u jitlob lill-partijiet kollha involuti jirrispettaw il-libertà tan-navigazzjoni, jirriżolvu d-differenzi b'mezzi paċifiċi u jastjenu milli jieħdu azzjonijiet unilaterali biex ibiddlu l-istatus quo, anki fil-Baħar taċ-Ċina tal-Lvant, fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar u fl-Istrett tat-Tajwan; jinsab mħasseb minħabba l-fatt li l-indħil barrani minn reġimi awtokratiċi fl-elezzjonijiet ġenerali li jmiss, permezz ta' azzjonijiet ta' diżinformazzjoni u attakki informatiċi, jhedded id-demokraziji Asjatiċi u l-istabbiltà tar-reġjun; itenni l-appoġġ tiegħu għall-parteċipazzjoni sinifikanti tat-Tajwan fl-organizzazzjonijiet, fil-mekkaniżmi u fl-attivitajiet internazzjonali;

62. Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tintegra strateġija ta' ċibersigurtà fl-isforzi ta' diġitalizzazzjoni tal-UE u tippromwovi l-inizjattiva fl-Istati Membri kollha bħala parti minn impenn politiku u ekonomiku b'saħħtu favur l-innovazzjoni diġitali;

63. Jistieden lill-VP/RGħ, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom fir-rigward tal-ġlieda kontra t-theddid ċibernetiku u ibridu li huma kombinazzjoni ta' pożizzjonijiet ambigwi, billi jissaħħu l-mekkaniżmi ta' ċiberdifiża tal-UE u tal-Istati Membri tagħha u r-reżiljenza tagħhom għat-theddid ibridu, u billi jibnu infrastrutturi kritiċi li jkunu ċiberreżiljenti; jappella, f'dan ir-rigward, għall-iżvilupp ta' kapaċitajiet u metodi konġunti u komprensivi biex jiġu analizzati r-riskji u l-vulnerabbiltà; jenfasizza li tenħtieġ koordinazzjoni aħjar sabiex tali sfidi jingħelbu b'mod effettiv; ifakkar li l-komunikazzjoni strateġika u d-diplomazija pubblika għandhom isaħħu l-influwenza ġeopolitika u l-immaġni ġenerali tal-UE fid-dinja u għandhom jipproteġu l-interessi tal-UE;

64. Jenfasizza li l-indħil barrani fl-affarijiet tal-UE huwa riskju kbir għas-sigurtà u għall-istabbiltà tal-UE; jappoġġa bil-qawwa t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' komunikazzjoni strateġika tal-Unjoni Ewropea; jitlob, f'dan ir-rigward, li jingħata aktar appoġġ għat-tliet task forces għall-komunikazzjoni strateġika (il-Balkani tal-Lvant, tan-Nofsinhar u tal-Punent); jitlob, għalhekk, li jingħata aktar appoġġ lit-Taqsima tal-Komunikazzjoni Strateġika tas-SEAE, peress li għandha rwol fundamentali, billi tinbidel f'unità kompluta fi ħdan is-SEAE li tkun responsabbli għall-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar, b'persunal xieraq u b'riżorsi baġitarji adegwati – possibbilment permezz ta' linja baġitarja dedikata addizzjonali;

65. Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom u jħeġġu l-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni biex ma jħallux lil atturi statali u mhux statali minn pajjiżi terzi jeżerċitaw indħil ostili fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri; jemmen li kapaċitajiet akbar ta' komunikazzjoni strateġika tal-UE jistgħu jikkontribwixxu għal dak il-għan;

66. Jissottolinja li l-indħil fl-elezzjonijiet huwa parti minn strateġija usa' ta' gwerra ibrida u li għalhekk ir-rispons għalih jibqa' kwistjoni fundamentali ta' sigurtà u ta' politika barranija; jistieden lill-VP/RGħ, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġija komprensiva fil-ġlieda kontra l-indħil barrani fl-elezzjonijiet u d-diżinformazzjoni fil-proċessi demokratiċi nazzjonali u Ewropej, inklużi dawk li jkunu ġejjin minn propaganda Russa sostnuta mill-istat;

67. Jinnota li r-Russja hija l-aktar sors imminenti ta' theddid għas-sigurtà konvenzjonali u ibridu għall-UE u l-Istati Membri tagħha, u qed taħdem attivament biex iddgħajjef l-għaqda, l-indipendenza, il-valuri universali u n-normi internazzjonali Ewropej; isostni li, filwaqt li ma tista' tkun mistennija ebda bidla fil-politika aggressiva taħt it-tmexxija attwali f'Moska, il-bidla pożittiva għal pajjiż aktar demokratiku u fuq stil Ewropew hija possibbli f'futur aktar imbiegħed; jappella, għalhekk, għal aktar sforzi biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE u tal-Istati Membri tagħha u għall-ħolqien ta' strateġija fit-tul tal-UE fil-konfront tar-Russja li tkun mibnija fuq it-tliet pilastri ta' deterrenza, trażżin u trasformazzjoni;

68. Jistieden lill-Kunsill jissupplementa s-sett ta' għodod tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-politika barranija b'reġim ta' sanzjonijiet globali tat-tip "Magnitsky Act" biex isaħħaħ dak li diġà jeżisti billi jippermetti l-impożizzjoni ta' ffriżar tal-assi u ta' projbizzjonijiet tal-viża fuq individwi involuti fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

69. Jenfasizza l-ħtieġa li jittieħed benefiċċju mill-vantaġġ kompetittiv tal-UE sabiex l-UE tkun tista' tistabbilixxi malajr pożizzjoni strateġika fit-tellieqa internazzjonali tat-teknoloġiji emerġenti, l-informazzjoni, id-difiża, l-industriji tal-enerġija rinnovabbli, l-użu tal-5G, l-ekosistema tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta' Prestazzjoni Għolja Ewropew (EuroHPC) u l-aċċess awtonomu, affidabbli u kosteffikaċi tal-UE għall-ispazju sabiex l-UE ma ssirx dipendenti fuq ġganti teknoloġiċi u diġitali mhux Ewropej f'pajjiżi terzi; jenfasizza li l-iżvilupp ta' teknoloġija ta' intelliġenza artifiċjali affidabbli huwa essenzjali biex tiġi żgurata l-awtonomija strateġika tal-UE, b'mod partikolari, fir-rigward tat-teħid ta' deċiżjonijiet u tal-kapaċitajiet; għalhekk, jistieden lill-Unjoni żżomm u żżid l-investiment tagħha f'dan il-qasam;

70. Jirrikonoxxi r-rwol fundamentali tal-missjonijiet ċivili u militari li jagħmlu parti mill-PSDK u jirrimarka li dawk il-missjonijiet iridu jingħataw ir-riżorsi umani u materjali biex iżommu l-paċi, jevitaw il-konflitti, isaħħu s-sigurtà internazzjonali u jirrinfurzaw l-identità Ewropea u l-awtonomija strateġika tal-UE; jesprimi dispjaċir li l-effikaċja ta' dawn il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK qed tiġi mminata minn dgħufijiet strutturali persistenti, disparità qawwija fil-kontributi tal-Istati Membri u l-limiti tal-mandati tagħha;

71. Jemmen li l-UE għadha ma għamlitx użu adegwat mir-riżorsi abbundanti tagħha fil-qasam tal-PSDK; jistieden lill-VP/RGħ, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom fil-qasam tal-kooperazzjoni fil-PESK, sabiex il-missjonijiet ċivili u militari tal-PSDK isiru aktar robusti, biex itejbu l-kapaċità operattiva tagħhom permezz ta' aktar flessibbiltà, iżidu l-effiċjenza u l-effikaċja fil-post, u jagħmlu l-mandati tagħhom aktar komprensivi, semplifikati u ċari; jemmen li strumenti ġodda bħall-Faċilità Ewropea għall-Paċi jistgħu jsaħħu s-solidarjetà u l-kondiviżjoni tal-piżijiet bejn l-Istati Membri f'dak li jirrigwarda l-kontribut għall-operazzjonijiet tal-PSDK u jistgħu jgħinu b'mod aktar ġenerali biex tiżdied l-effikaċja tal-azzjoni esterna tal-UE;

72. Ifakkar li approċċ inklużiv għall-prevenzjoni, il-mitigazzjoni u r-riżoluzzjoni tal-konflitti huwa fundamentali għall-vijabbiltà fit-tul tagħhom u jfakkar fis-suċċess akbar tar-riżoluzzjoni tal-konflitti meta l-ugwaljanza u l-parità bejn il-ġeneri jiġu rrispettati tul il-proċess; jitlob li jiżdiedu l-parteċipazzjoni u l-pożizzjonijiet maniġerjali tan-nisa f'missjonijiet bħal dawn, inkluż fit-teħid ta' deċiżjonijiet u fin-negozjati; jenfasizza li perspettiva ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri għandha tiġi integrata b'mod aktar sistematiku fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, u biex tikkontribwixxi b'mod attiv għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-KSNU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà u r-riżoluzzjonijiet ta' segwitu tagħha dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, u r-Riżoluzzjoni 2250 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar iż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi l-inklużjoni strutturali tan-nisa, taż-żgħażagħ, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-minoranzi reliġjużi u etniċi u ta' minoranzi oħra fl-attivitajiet kollha tagħha relatati mal-ġestjoni tal-konflitti;

73. Jappella għall-integrazzjoni effettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tad-drittijiet tal-minoranzi fl-aspetti strateġiċi u operattivi tal-azzjoni esterna tal-UE, li jistgħu jinkludu l-programmazzjoni mmirata fl-istrument finanzjarju NDICI l-ġdid; jilqa' l-impenn li ħa l-VP/RGħ li tintlaħaq il-mira li 40 % tal-pożizzjonijiet maniġerjali u ta' Kapijiet ta' Delegazzjoni jkunu nisa sa tmiem il-mandat tiegħu; jistieden lis-SEAE jagħti lill-Parlament aġġornamenti regolari dwar l-implimentazzjoni ta' dak l-impenn;

74. Jenfasizza li t-theddida tat-terroriżmu għadha preżenti kemm fl-Ewropa kif ukoll lil hinn minnha; jemmen bis-sħiħ li l-ġlieda kontra t-terroriżmu għandha tibqa' prijorità għall-UE fis-snin li ġejjin; jistieden lill-Kummissjoni l-ġdida tippreżenta pjan ta' azzjoni tal-UE kontra t-terroriżmu;

75. Jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ u l-garanzija tal-kooperazzjoni fl-intelligence fi ħdan l-UE, peress li t-terroriżmu qed jhedded il-valuri fundamentali Ewropej tagħna kif ukoll is-sigurtà tagħna, u jirrikjedi approċċ multidimensjonali li jinvolvi lill-awtoritajiet tal-fruntieri, lill-pulizija, lill-qrati u lis-servizzi tal-intelligence tal-Istati Membri kollha, flimkien ma' pajjiżi barra l-UE;

 

°

° °

76. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-Istati Membri.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

4.12.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

47

12

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alexander Alexandrov Yordanov, Maria Arena, Traian Băsescu, Phil Bennion, Fabio Massimo Castaldo, Susanna Ceccardi, Włodzimierz Cimoszewicz, Gina Dowding, Tanja Fajon, Michael Gahler, Kinga Gál, Giorgos Georgiou, Raphaël Glucksmann, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Márton Gyöngyösi, Sandra Kalniete, Andrius Kubilius, Ilhan Kyuchyuk, David Lega, Nathalie Loiseau, Jaak Madison, Claudiu Manda, Thierry Mariani, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Sven Mikser, Javier Nart, Urmas Paet, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Manu Pineda, Kati Piri, Diana Riba i Giner, Catherine Rowett, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Jacek Saryusz-Wolski, Radosław Sikorski, Sergei Stanishev, Hermann Tertsch, Idoia Villanueva Ruiz, Viola Von Cramon-Taubadel, Irina Von Wiese, Witold Jan Waszczykowski, Charlie Weimers, Isabel Wiseler-Lima

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Andrea Bocskor, Andrea Cozzolino, Arnaud Danjean, Loucas Fourlas, Jytte Guteland, Andrzej Halicki, Martin Horwood, Katrin Langensiepen, Hannah Neumann, Juozas Olekas, Kris Peeters, Mick Wallace, Javier Zarzalejos, Bernhard Zimniok

Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

Gilles Lebreton, Geoffrey Van Orden

 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

47

+

NI

Márton Gyöngyösi

PPE

Alexander Alexandrov Yordanov, Traian Băsescu, Andrea Bocskor, Arnaud Danjean, Loucas Fourlas, Michael Gahler, Kinga Gál, Andrzej Halicki, Sandra Kalniete, Andrius Kubilius, David Lega, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Kris Peeters, Radosław Sikorski, Isabel Wiseler-Lima, Javier Zarzalejos

RENEW

Phil Bennion, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Martin Horwood, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Javier Nart, Urmas Paet, Irina Von Wiese

S&D

Maria Arena, Włodzimierz Cimoszewicz, Andrea Cozzolino, Tanja Fajon, Raphaël Glucksmann, Jytte Guteland, Claudiu Manda, Sven Mikser, Juozas Olekas, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Kati Piri, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos

VERTS/ALE

Gina Dowding, Katrin Langensiepen, Hannah Neumann, Diana Riba i Giner, Catherine Rowett, Viola Von Cramon-Taubadel

 

12

-

ECR

Hermann Tertsch, Geoffrey Van Orden, Charlie Weimers

GUE/NGL

Giorgos Georgiou, Manu Pineda, Idoia Villanueva Ruiz, Mick Wallace

ID

Susanna Ceccardi, Gilles Lebreton, Jaak Madison, Thierry Mariani, Bernhard Zimniok

 

4

0

ECR

Jacek Saryusz-Wolski, Witold Jan Waszczykowski

NI

Fabio Massimo Castaldo

S&D

Sergei Stanishev

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

 

 

 

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Jannar 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza