Proċedura : 2018/0427(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0004/2020

Testi mressqa :

A9-0004/2020

Dibattiti :

PV 29/01/2020 - 16
CRE 29/01/2020 - 16

Votazzjonijiet :

PV 29/01/2020 - 17.1
CRE 29/01/2020 - 17.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2020)0018

<Date>{23/01/2020}23.1.2020</Date>
<NoDocSe>A9-0004/2020</NoDocSe>
PDF 425kWORD 120k

<TitreType>RAKKOMANDAZZJONI</TitreType>     <RefProcLect>***</RefProcLect>

<Titre>dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika</Titre>

<DocRef>(XT 21105/3/2018 – C9-0148/2019 – 2018/0427(NLE))</DocRef>


<Commission>{AFCO}Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali</Commission>

Rapporteur: <Depute>Guy Verhofstadt</Depute>

ERRATA/ADDENDA
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN
 ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ INTERNAZZJONALI
 ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
 ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AMBJENT, IS-SAĦĦA PUBBLIKA U S-SIKUREZZA TAL-IKEL
 ITTRA TAL-KUMITAT GĦAS-SUQ INTERN U L-ĦARSIEN TAL-KONSUMATUR
 ITTRA TAL-KUMITAT GĦAT-TRASPORT U T-TURIŻMU
 ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AGRIKOLTURA U L-IŻVILUPP RURALI
 ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI
 ITTRA TAL-KUMITAT GĦAL-LIBERTAJIET ĊIVILI, IL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN
 ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-PETIZZJONIJIET
 PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

(XT 21105/3/2018 – C9-0148/2019 – 2018/0427(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra n-notifika tad-29 ta' Marzu 2017 li r-Renju Unit bagħat lill-Kunsill Ewropew dwar l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, f'konformità mal-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u mal-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

 wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (XT 21105/3/2018),

 wara li kkunsidra l-abbozz ta' ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika[1],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni politika li tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjonijiet futuri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit[2],

 wara li kkunsidra d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/476 tat-22 ta' Marzu 2019[3], (UE) 2019/584 tal-11 ta' April 2019[4] u (UE) 2019/1810 tad-29 ta' Ottubru 2019[5], bi qbil mar-Renju Unit, li jestendu l-perjodu skont l-Artikolu 50(3) tat-TUE sat-12 ta' April 2019, sal-31 ta' Ottubru 2019, u sal-31 ta' Jannar 2020, rispettivament,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta' April 2017 dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea[6], tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit[7], tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit[8], tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit[9], u tat-18 ta' Settembru 2019 dwar il-qagħda kurrenti tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea[10],

 wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni magħmula mill-Kunsill, skont l-Artikolu 50(2), tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (C9-0148/2019),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 105(1) u (4) u l-Artikolu 88 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-ittri mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, mill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, mill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, mill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A9-0004/2020),

1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-abbozz ta' ftehim dwar il-ħruġ;

2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din il-pożizzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali u lill-Gvern tar-Renju Unit.

 


 

NOTA SPJEGATTIVA

Introduction

 

Il-proċess tal-ħruġ

 

Ir-referendum tat-23 ta' Ġunju 2016 fir-Renju Unit dwar jekk għandux jibqa' membru tal-UE jew iħalli l-UE rriżulta f'maġġoranza ta' 51,9 % favur il-ħruġ.

 

Fid-29 ta' Marzu 2017, il-Gvern tar-Renju Unit innotifika l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-UE f'konformità mal-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

 

Fil-5 ta' April 2017, il-Parlament Ewropew adotta r-riżoluzzjoni tiegħu dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea[11], li fiha jistabbilixxi l-pożizzjoni tiegħu għal-Linji Gwida tal-Kunsill Ewropew skont l-Artikolu 50(2) tat-TUE. Din ir-riżoluzzjoni hija wkoll il-bażi tal-valutazzjoni tal-Parlament tal-proċess ta' negozjar u ta' kwalunkwe ftehim milħuq bejn l-UE u r-Renju Unit. F'din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament iddefinixxa l-pożizzjoni tiegħu dwar il-kwistjonijiet fundamentali kollha relatati mal-ħruġ tar-Renju Unit: fir-rigward tal-prinċipji ġenerali tan-negozjati, li fosthom hemm il-ħtieġa li jiġi żgurat li jkun hemm ħruġ b'mod ordnat, il-protezzjoni tal-interessi taċ-ċittadini tal-UE-27, u l-kompetenza tal-UE għall-kwistjonijiet relatati mal-ħruġ; fir-rigward tas-sekwenzjar tan-negozjati, il-kamp ta' applikazzjoni tal-ftehim dwar il-ħruġ, dwar arranġamenti tranżizzjonali u dwar ir-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit.

 

F'konformità mal-Artikolu 50(2) tat-TUE, il-Kunsill Ewropew ħareġ Linji Gwida għan-negozjati fid-29 ta' April 2017[12], li jistabbilixxu approċċ f'fażijiet għan-negozjati: l-ewwel fażi għandha l-għan li tipprovdi ċarezza u ċertezza tad-dritt u li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex ir-Renju Unit iħalli lill-UE. Il-Kunsill Ewropew iddikjara l-intenzjoni tiegħu li jissorvelja l-progress mill-qrib u jiddetermina meta jkun sar biżżejjed progress biex jipproċedi għall-fażi tan-negozjati li jmiss, li tittratta diskussjonijiet preliminari u preparatorji dwar il-qafas għal relazzjoni futura.

 

In-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit bdew fid-19 ta' Ġunju 2017, u fihom l-UE kienet irrappreżentata minn Michel Barnier, il-Kap Negozjatur tal-UE, u r-Renju Unit kien irrappreżentat minn David Davis, Segretarju tal-Istat għall-Ħruġ mill-Unjoni Ewropea.

 

Fit-8 ta' Diċembru 2017, in-negozjaturi tal-UE u tal-Gvern tar-Renju Unit ħarġu Rapport Konġunt dwar il-progress imwettaq matul il-fażi 1 tan-negozjati, li fih in-negozjaturi ddikjaraw b'mod konġunt li kien intlaħaq qbil fil-prinċipju fit-tliet oqsma li kienu qed jiġu kkunsidrati fl-ewwel fażi tan-negozjati: il-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit u taċ-ċittadini tar-Renju Unit fl-UE, il-qafas biex jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi uniċi fl-Irlanda ta' Fuq, u s-saldu finanzjarju.

 

Fil-15 ta' Diċembru 2017, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li kien sar biżżejjed progress biex jgħaddi għat-tieni fażi relatata mal-arranġamenti tranżizzjonali u l-fehim ġenerali dwar il-qafas għar-relazzjoni futura, u ħareġ Linji Gwida supplimentari. Il-Kunsill Ewropew enfasizza li n-negozjati fit-tieni fażi setgħu biss ikomplu jekk l-impenji li kienu saru matul l-ewwel fażi jkunu ġew irrispettati b'mod sħiħ u jkunu ġew tradotti b'mod leali f'termini ġuridiċi.

 

Fit-23 ta' Marzu 2018, il-Kunsill Ewropew iddefinixxa Linji Gwida ulterjuri rigward il-ftuħ tan-negozjati dwar il-fehim ġenerali tal-qafas għar-relazzjoni futura, li kellhom jiġu elaborati f'dikjarazzjoni politika li takkumpanja l-Ftehim dwar il-Ħruġ u li hija msemmija fih.

 

Wara sitt ċikli ta' negozjati u laqgħat oħrajn fil-livell tan-negozjatur u fil-livell tekniku, fl-14 ta' Novembru 2018 intlaħaq qbil dwar abbozz ta' ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE fil-livell tan-negozjaturi. L-abbozz ta' dikjarazzjoni politika li tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit, li ntlaħaq qbil dwaru fil-livell tan-negozjaturi u li ntlaħaq qbil dwaru fil-prinċipju fil-livell politiku, intbagħat mill-President tal-Kunsill Ewropew lill-Istati Membri tal-UE-27 fit-22 ta' November 2018. Fl-aħħar nett, fil-25 ta' Novembru 2018, il-mexxejja tal-UE-27 approvaw il-Ftehim dwar il-Ħruġ u approvaw id-dikjarazzjoni politika.

 

F'dik id-data, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-Ftehim ikun jista' jidħol fis-seħħ fit-30 ta' Marzu 2019, sabiex ikun previst ħruġ b'mod ordnat tar-Renju Unit.

 

Fil-11 ta' Jannar 2019, il-Kunsill adotta Deċiżjoni (UE) 2019/274[13] dwar l-iffirmar tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, kif ukoll abbozz ta' deċiżjoni dwar l-ilħuq tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, li kien tħabbar fil-plenarja fit-30 ta' Jannar 2019.

 

Madankollu, il-Ftehim dwar il-Ħruġ kif maqbul fil-livell tan-negozjaturi ma ġiex aċċettat mill-Parlament tar-Renju Unit fi tliet votazzjonijiet suċċessivi, fil-15 ta' Jannar, fit-12 ta' Marzu u fid-29 ta' Marzu 2019.

 

Ir-riżultat ta' diversi votazzjonijiet dwar il-Ftehim dwar il-Ħruġ bejn l-UE u r-Renju Unit wera li kien hemm maġġoranza ċara kontra l-ħruġ mill-UE mingħajr ftehim, iżda ma kien hemm l-ebda maġġoranza pożittiva dwar xi għażla alternattiva, inkluż dik ta' unjoni doganali komprensiva tar-Renju Unit mal-UE, jew dik ta' votazzjoni ta' konferma pubblika dwar il-Ftehim dwar il-Ħruġ, li kollu wassal għal imblokk.

 

Ir-Renju Unit ippreżenta tliet talbiet konsekuttivi lill-UE għal estensjoni tal-perjodu previst fl-Artikolu 50(3) tat-TUE. L-ewwel estensjoni ngħatat sat-12 ta' April 2019 (id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/476), it-tieni sal-31 ta' Ottubru 2019 (id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/584), u l-aħħar waħda sal-31 ta' Jannar 2020 (id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1810).

 

Sadanittant, it-taħditiet bejn in-negozjaturi tal-UE u tar-Renju Unit ipproċedew sabiex jingħelbu l-oġġezzjonijiet tar-Renju Unit rigward is-soluzzjoni ta' kontinġenza (il-backstop dwar l-Irlanda ta' Fuq), iżda fir-rispett sħiħ tal-prinċipji tan-negozjati tal-UE. L-UE kienet ċara, b'mod partikolari, li l-Ftehim dwar il-Ħruġ ma setax jiġi nnegozjat mill-ġdid, u li għandha tiġi prevista soluzzjoni li tkun ġuridikament operattiva biex tiġi evitata fruntiera fiżika bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq.

 

It-taħditiet intensifikaw matul ix-xhur ta' Settembru u Ottubru 2019, u finalment intlaħaq ftehim fis-17 ta' Ottubru 2019 dwar reviżjoni tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq inkluż fl-abbozz tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, u dwar l-adattamenti tekniċi meħtieġa għall-Artikoli 184 u 185 tal-Ftehim, kif ukoll dwar reviżjoni tad-dikjarazzjoni politika. Ukoll fis-17 ta' Ottubru 2019, il-Kunsill Ewropew ta l-kunsens tiegħu għall-Ftehim dwar il-Ħruġ emendat u approva t-test rivedut tad-dikjarazzjoni politika.

 

Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1750 tal-21 ta' Ottubru 2019[14] u d-Deċiżjoni (UE) 2020/48 tal-21 ta' Jannar 2020[15], il-Kunsill emenda l-abbozz ta' deċiżjoni tiegħu dwar l-iffirmar tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Fl-istess data[16] l-Kunsill approva proposta riveduta għal deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li ntbagħtet, flimkien mat-test aġġornat tal-Ftehim, lill-Parlament, u tħabbret fil-plenarja fil-21 ta' Ottubru 2019.

 

Il-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament Ewropew iltaqgħet fl-istess ġurnata biex tiddiskuti l-passi proċedurali li jmiss, inkluż ir-riferiment tat-test lill-kumitati parlamentari kompetenti.

 

Il-kumitat kompetenti għal approvazzjoni huwa l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (AFCO) f'konformità mar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament. F'dan il-kuntest, il-Konferenza tal-Presidenti ddeċidiet li l-proċedura ta' approvazzjoni tista' tiġi konkluża ladarba l-proċess ta' ratifika parlamentari tal-Ftehim dwar il-Ħruġ fir-Renju Unit ikun ġie ffinalizzat.

 

Il-Konferenza tal-Presidenti ddeċidiet li l-bqija tal-kumitati kkonċernati mill-proċedura tal-ħruġ jistgħu jipprovdu opinjonijiet fil-forma ta' ittri dwar l-abbozz ta' rakkomandazzjoni tal-Kumitat AFCO dwar l-approvazzjoni. Kien hemm għaxar kumitati li ħarġu opinjonijiet f'forma ta' ittri, li huma mehmuża ma' din ir-rakkomandazzjoni ta' approvazzjoni. Dawn jinkludu l-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (AFET), il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (INTA), il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL), il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (ENVI), il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (IMCO), il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (TRAN), il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (AGRI), il-Kumitat għall-Affarijiet Legali (JURI), il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet (PETI).

 

Bi qbil mal-Artikolu 88 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, il-Parlament Ewropew japprova l-Ftehim dar il-Ħruġ b'maġġoranza sempliċi. Skont l-Artikolu 105(4) tar-Regoli ta' Proċedura, il-Parlament jiddeċiedi permezz ta' votazzjoni unika dwar l-approvazzjoni, irrispettivament jekk ir-rakkomandazzjoni hijiex biex jiġi approvat jew miċħud l-att. Ma tista' titressaq l-ebda emenda. Fil-votazzjoni fil-livell tal-kumitati u fil-livell tal-plenarja, il-Membri eletti fl-Istat Membru li ħiereġ għandhom dritt sħiħ li jipparteċipaw fid-dibattitu u jivvutaw.

 

Biex jiġi konkluż mill-UE, il-Ftehim dar il-Ħruġ għandu xorta waħda jiġi approvat b'maġġoranza kwalifikata tal-Kunsill, definita skont l-Artikolu 238(3)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), tas-27 Stat Membru li jifdal, jiġifieri 20 minn dawk l-Istati Membri li jirrappreżentaw 65 % tal-popolazzjoni tagħhom.

 

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

 

Il-Parlament Ewropew mhuwiex involut formalment fin-negozjati tal-ħruġ ta' Stat Membru. Madankollu, il-Parlament mhuwiex biss istituzzjoni b'kompetenzi ta' kontroll politiku kif previst fl-Artikolu 14 tat-TUE, iżda huwa wkoll parti mill-proċedura ta' teħid ta' deċiżjonijiet skont l-Artikolu 50 tat-TUE, peress li l-approvazzjoni tiegħu hija prekundizzjoni għall-konklużjoni ta' Ftehim dar il-Ħruġ.

 

Mill-bidu nett tal-proċess ta' ħruġ tar-Renju Unit, il-Parlament għalhekk kellu rwol b'saħħtu u attiv fin-negozjati, minħabba s-setgħa tiegħu li jagħti approvazzjoni lill-Ftehim dar il-Ħruġ kif previst fl-Artikolu 50 tat-TUE.

 

Il-Parlament ilu jiddiskuti l-kwistjoni minn mindu sar ir-referendum. Tabilħaqq, immedjatament wara r-referendum, saret laqgħa straordinarja tal-Konferenza tal-Presidenti fl-24 ta' Ġunju 2016, sabiex mhux biss titħejja l-laqgħa tal-President tal-Parlament mal-Presidenti l-oħra tal-istituzzjonijiet l-oħrajn b'segwitu tar-referendum, iżda wkoll biex jitqiesu l-passi li jmiss tal-Parlament fil-proċess.

 

Matul l-istess laqgħa tal-Konferenza tal-Presidenti, ġie deċiż li tiġi skedata sessjoni parzjali straordinarja għat-28 ta' Ġunju 2016 biex tiddiskuti l-eżitu tar-referendum tar-Renju Unit.

 

Fil-bidu ta' dik is-sessjoni parzjali, il-President enfasizza n-natura eċċezzjonali tas-seduta, li kienet ġiet konvokata b'segwitu tar-referendum tar-Renju Unit tat-23 ta' Ġunju 2016, li l-eżitu tiegħu kien ta' tħassib għaċ-ċittadini kollha tal-UE.

 

Matul dik l-istess sessjoni parzjali, u wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-Parlament adotta r-riżoluzzjoni tiegħu dwar id-deċiżjoni li rriżultat mir-referendum tar-Renju Unit li joħroġ mill-UE[17], bi 395 vot favur, 200 kontra u 71 astensjoni.

 

F'din ir-riżoluzzjoni l-Parlament fakkar li l-approvazzjoni tiegħu kienet meħtieġa skont it-Trattati, u li hu kellu jkun involut bis-sħiħ f'kull stadju tal-proċeduri varji li jikkonċernaw il-Ftehim dwar il-Ħruġ u kwalunkwe relazzjoni futura;

 

F'termini prattiċi, l-involviment tal-Parlament fil-proċess tal-ħruġ issarraf fit-twaqqif minn kmieni ħafna tal-eqreb kuntatt possibbli mal-istituzzjonijiet l-oħrajn u ż-żamma ta' flussi ta' informazzjoni regolari dwar il-progress li jkun sar matul iċ-ċikli ta' tħejjija u ta' negozjar.

 

Il-koordinament tal-ħidma tal-Parlament kien iċċentralizzat fil-livell tal-Konferenza tal-Presidenti fid-dawl tal-kwistjonijiet politiċi, ġuridiċi u politiċi orizzontali kumplessi involuti. Il-Konferenza tal-Presidenti ddeċidiet li tistabbilixxi approċċ f'fażijiet għall-proċess: l-ewwel fażi sad-definizzjoni tal-Linji Gwida tal-Kunsill Ewropew, meta l-ħidma tinżamm fil-livell tal-Konferenza, u b'Guy Verhofstadt (Renew Europe[18], BE), bħala koordinatur għan-negozjati dwar il-ħruġ tar-Renju Unit b'segwitu tal-ħatra tiegħu fil-laqgħa tal-Konferenza tat-8 ta' Settembru 2016. It-tieni fażi tan-negozjati, meta Guy Verhofstadt jikkoordina l-ħidma mal-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (AFCO), u t-tielet fażi, immexxija mill-Kumitat AFCO u kumitati oħrajn, li tikkorrispondi għall-proċedura ta' approvazzjoni.

 

F'dan il-kuntest u bl-istess għan li jiġi żgurat involviment strutturat tal-Parlament fil-proċess tal-ħruġ, inħoloq il-Grupp ta' Tmexxija dwar il-Brexit (BSG). Il-BSG twaqqaf formalment mill-Konferenza tal-Presidenti matul il-laqgħa tagħha tas-6 ta' April 2017, li ddeċidiet li dan ikun magħmul minn Guy Verhofstadt, bħala koordinatur tal-grupp ta' tmexxija, Elmar Brok (PPE, DE), Roberto Gualtieri (S&D, IT), Gabriele Zimmer (GUE/NGL, DE), Philippe Lamberts (Ħodor/AĦE, BE), u Danuta Hübner, bħala President tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (AFCO) (PPE, PL), sabiex jikkoordina u jħejji d-deliberazzjonijiet, il-kunsiderazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament dwar il-ħruġ tar-Renju Unit, taħt il-patroċinju tal-Konferenza tal-Presidenti.

 

Wara l-elezzjonijiet Ewropej tal-2019, il-kompożizzjoni tal-BSG nbidlet għall-PPE, li issa hu rrappreżentat minn Danuta Hübner, għall-S&D, li issa hu rrappreżentat minn Pedro Silva Pereira (PT), għall-GUE/NGL, li issa hu rrappreżentat minn Martin Schirdewan (DE), u għall-Kumitat AFCO, li issa hu rrappreżentat mill-President Antonio Tajani, (PPE, IT).

 

Il-Parlament kien ukoll dejjem involut fil-metodi u fl-istrutturi li kellhom x'jaqsmu man-negozjati, permezz ta' kanali ta' informazzjoni jew parteċipazzjoni attiva. F'konformità mad-Dikjarazzjoni maħruġa wara l-laqgħa informali tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tas-27 Stat Membru tal-15 ta' Diċembru 2016, "rappreżentanti tal-Parlament" ġew mistiedna għal-laqgħat preparatorji tal-Kunsill Ewropew. Dan kien ifisser li l-Parlament kien involut b'mod effettiv, inkluż fil-laqgħat tax-sherpas u l-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali.

 

F'iktar mill-100 laqgħa li kellu, li ħafna minnhom kienu fil-preżenza tal-Kap Negozjatur tal-UE, Michel Barnier, il-BSG ikkontribwixxa sabiex il-Parlament ikun involut b'mod permanenti fil-proċedura u fuq quddiem nett tagħha, permezz ta' riżoluzzjonijiet u dikjarazzjonijiet f'waqthom, li kien fihom pożizzjonijiet sostanzjati dwar in-negozjati u żviluppi maġġuri minn mindu r-Renju Unit ta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-UE.

 

Fl-għarfien tal-importanza li l-kumitati kollha jiżguraw djalogu informali, kompetenza teknika u kooperazzjoni kontinwi fil-proċedura tal-ħruġ, ġew organizzati diversi laqgħat tal-BSG u seminars tekniċi fil-preżenza ta' dawk il-kumitati direttament responsabbli għall-politiki settorjali rilevanti fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Dan id-djalogu twettaq ukoll permezz tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, li ddiskutiet il-proċedura tal-ħruġ f'għadd ta' laqgħat. 

 

Bħala koordinatur tal-BSG, Guy Verhofstadt kien parti mil-laqgħat ma' għadd ta' partijiet ikkonċernati (istituzzjonali, tas-soċjetà ċivili, taċ-ċittadini u tar-rappreżentanti tan-negozju, il-parlamenti nazzjonali, eċċ.), wara li wkoll kien irċieva u wieġeb iktar minn 4 500 email u ittra dwar il-Brexit matul dawn l-aħħar sentejn.

 

Ir-rwol tal-Kumitat AFCO

 

Skont ir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew, il-Kumitat AFCO huwa l-kumitat kompetenti għat-tħejjija tal-approvazzjoni tal-Parlament skont l-Artikolu 50 tat-TUE. Tabilħaqq, l-Artikolu 88 tar-Regoli ta' Proċedura dwar il-ħruġ mill-Unjoni jipprevedi li "Jekk Stat Membru jiddeċiedi, skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jirtira mill-Unjoni, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-kumitat responsabbli". F'konformità mat-taqsima XVIII tal-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura dwar is-setgħat u r-responsabbiltajiet tal-kumitati permanenti, il-Kumitat AFCO huwa l-kumitat kompetenti għall-konsegwenzi istituzzjonali tal-ħruġ mill-Unjoni, u għalhekk huwa responsabbli għall-proċedura ta' approvazzjoni, wara l-konklużjoni tan-negozjati.

 

Il-Kumitat AFCO għandu rwol orizzontali, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi speċifiċi ta' kumitati oħrajn dwar kwistjonijiet settorjali, relatati mal-oqsma tal-politika li għalihom huma responsabbli. Il-Kumitat AFCO huwa inkarigat mill-ħruġ ta' rakkomandazzjoni għall-approvazzjoni jew ir-rifjut ta' ftehim dwar il-ħruġ kif innegozjat mill-UE u l-Istat Membru li jkun ħiereġ.

 

Matul il-ħidma preparatorja twila u eżawrjenti tiegħu, il-Kumitat AFCO ġabar evidenza, pariri u għarfien espert minn setturi u partijiet ikkonċernati differenti, kemm pubbliċi kif ukoll privati, kemm mill-kontinent kif ukoll mir-Renju Unit. Il-Kumitat AFCO, iżda wkoll kumitati parlamentari oħrajn, organizzaw dibattiti u seduti ta' smigħ dwar l-implikazzjonijiet tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE fl-oqsma tal-politika tal-mandati rispettivi tagħhom, f'konformità mal-linji gwida pprovduti mill-Konferenza tal-Presidenti.

 

Mit-3 ta' Settembru 2015, il-Kumitat AFCO organizza iktar minn 20 avveniment speċifiku, inklużi seduti ta' smigħ, workshops u preżentazzjonijiet ta' studji jew ta' dokumenti ta' tgħarrif, dwar kwistjonijiet li jvarjaw min-negozjar mill-ġdid tar-relazzjoni kostituzzjonali tar-Renju Unit mal-Unjoni Ewropea sal-qbil li ntlaħaq mill-Kunsill Ewropew fit-18 u d-19 ta' Frar 2016[19], dwar ir-relazzjoni kostituzzjonali futura tar-Renju Unit mal-Unjoni Ewropea, id-drittijiet taċ-ċittadini, u l-implikazzjonijiet tal-Brexit għall-fruntiera bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq. Il-Kumitat AFCO ħa sehem ukoll jew kien involut direttament fis-seduti ta' smigħ ta' kumitati oħrajn dwar kwistjonijiet relatati mal-ħruġ jew mar-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit.

 

Minbarra dawn l-avvenimenti speċjali, wara li ngħatat in-notifika tal-intenzjoni tal-ħruġ, il-kwistjonijiet dwar il-ħruġ u, b'mod partikolari, is-sitwazzjoni fil-mument tal-proċess ġew diskussi prattikament f'kull laqgħa tal-kumitat.

 

Il-President tal-Kumitat AFCO u membru tal-BSG ipparteċipat f'iktar minn 500 laqgħa bilaterali ma' partijiet interessati pubbliċi u privati dwar kwistjonijiet relatati mal-ħruġ u l-impatt tiegħu fuq l-UE u r-Renju Unit.

 

L-involviment f'waqtu u eżawrjenti tal-Parlament Ewropew u tal-korpi tiegħu kien kruċjali, peress li l-Ftehim dwar il-Ħruġ jista' jiġi konkluż biss bl-approvazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 50 tat-TUE.

 

L-Artikolu 50 tat-TUE.

 

L-Artikolu 50 tat-TUE jipprevedi l-proċedura biex Stat Membru tal-UE joħroġ legalment mill-UE billi jinnegozja u jikkonkludi ftehim mal-UE li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu, filwaqt li jitqies il-qafas għar-relazzjoni futura tiegħu mal-UE.

 

Il-Parlament tenna b'mod konsistenti li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE huwa bla preċedent u ta' dispjaċir, u li t-tkomplija tas-sħubija tiegħu fis-suq intern u fl-unjoni doganali tkun preferibbli, speċjalment jekk ir-Renju Unit jixtieq iżomm kummerċ mingħajr xkiel jew benefiċċji oħrajn li huma relatati mill-qrib mas-sħubija fl-UE.

 

Il-Parlament innota wkoll mill-bidu nett li l-għan tal-Ftehim dwar il-Ħruġ huwa li jipprevedi ħruġ b'mod ordnat tar-Renju Unit mill-UE, billi jiġu indirizzati tliet kwistjonijiet fundamentali ta' separazzjoni: id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE residenti fir-Renju Unit u ċ-ċittadini tar-Renju Unit residenti fl-UE-27, il-fruntiera bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq u s-saldu tal-obbligi finanzjarji tar-Renju Unit lejn l-UE.

 

Fir-rigward tal-qafas għal relazzjoni futura, kif previst fl-Artikolu 50(2) tat-TUE, il-Parlament għamilha ċara li kwalunkwe ftehim dwar dan ikun ittrattat bħala parti integrali mill-ftehim ġenerali tal-ħruġ, u l-kontenut tiegħu għalhekk ikun ukoll ivvalutat mill-Parlament fil-proċedura ta' approvazzjoni, għalkemm l-oġġett ta' approvazzjoni huwa, ġuridikament, il-Ftehim dwar il-Ħruġ biss.

 

Ħruġ b'mod ordnat

 

Għall-Parlament, ħruġ b'mod ordnat kien essenzjali sabiex jiġu protetti l-interessi tal-Unjoni Ewropea u taċ-ċittadini tagħha. Dan ifisser li, kif previst fl-Artikolu 50 tat-TUE, in-negozjati kienu jikkonċernaw l-arranġamenti għall-ħruġ tar-Renju Unit, filwaqt li jitqies il-qafas għar-relazzjoni futura tar-Renju Unit mal-UE, u kellhom l-għan li jipprovdu stabbiltà ġuridika u jimminimizzaw it-tfixkil.

 

Permezz tar-riżoluzzjonijiet tiegħu, il-Parlament stabbilixxa b'mod progressiv l-interpretazzjoni tiegħu tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50 tat-TUE, inklużi għadd ta' rekwiżiti bażiċi għan-negozjati, kemm fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni tagħhom kif ukoll fir-rigward tal-kalendarju tagħhom.

 

Għall-Parlament, kif deskritt fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2017 dwar in-negozjati mar-Renju Unit b'segwitu tan-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea, il-kwistjonijiet ta' prijorità li kellhom jiġu indirizzati kienu:

 

 l-istatus ġuridiku taċ-ċittadini tal-UE-27 li jgħixu jew li għexu fir-Renju Unit u taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu jew li għexu fi Stati Membri oħrajn, inklużi t-trattament ġust tagħhom u l-garanzija li l-istatus tagħhom ikun soġġett għall-prinċipji ta' reċiproċità, ekwità, simmetrija u nondiskriminazzjoni;

 is-saldu tal-obbligi finanzjarji bejn ir-Renju Unit u l-UE, abbażi tal-kontijiet annwali tal-UE kif awditjati mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, inklużi l-obbligazzjonijiet ġuridiċi kollha tar-Renju Unit li jirriżultaw minn impenji pendenti, kif ukoll il-kunsiderazzjoni tal-entrati li ma jidhrux fil-karta bilanċjali, obbligazzjonijiet kontinġenti u spejjeż finanzjarji oħrajn li jirriżultaw direttament mill-ħruġ tar-Renju Unit;

 ir-rikonoxximent tal-pożizzjoni unika u ċ-ċirkostanzi speċjali tal-gżira tal-Irlanda, sabiex jittaffew l-effetti tal-ħruġ fuq il-fruntiera bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq, jiġu żgurati l-kontinwità u l-istabbiltà tal-proċess ta' paċi u jiġi evitat li titwaqqaf fruntiera fiżika.

 

Kwistjonijiet oħrajn rilevanti mill-perspettiva tal-Parlament kienu jinkludu l-kjarifika tal-istatus tal-impenji internazzjonali tar-Renju Unit li ttieħdu bħala Stat Membru, il-garanziji taċ-ċertezza tad-dritt għall-entitajiet ġuridiċi, inklużi l-kumpaniji, u r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE).

 

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2017[20] dwar is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati mar-Renju Unit[21], il-Parlament għamilha ċara li qabel tkun tista' tibda t-tieni fażi tat-taħditiet dwar sħubija ġdida u mill-qrib bejn l-UE u r-Renju Unit, kien jeħtieġ li jitwettaq progress sostanzjali dwar id-drittijiet taċ-ċittadini, il-kwistjoni tal-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq u s-saldu tal-obbligi finanzjarji tar-Renju Unit. Barra minn hekk, il-Parlament innota li jkun possibbli biss li jiġi konkluż ftehim dwar relazzjoni futura ladarba r-Renju Unit ikun ħareġ mill-UE.

 

Dan l-approċċ kien ikkonfermat mill-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2017. Il-Kunsill Ewropew enfasizza li n-negozjati setgħu biss jgħaddu għat-tieni fażi ladarba l-impenji kollha li kienu ttieħdu matul l-ewwel fażi jkunu ġew irrispettati b'mod sħiħ u jkunu ġew tradotti b'mod leali f'termini ġuridiċi.

 

Kif il-Kummissjoni rrappurtat fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill Ewropew (Artikolu 50) tat-8 ta' Diċembru 2017 dwar l-istat tal-progress tan-negozjati mar-Renju Unit skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea[22], l-ewwel fażi tan-negozjati tat prijorità lit-"tliet kwistjonijiet li ġew identifikati bħala partikolarment importanti biex jiġi żgurat ħruġ b'mod ordnat":

a) id-drittijiet taċ-ċittadini;

b) id-djalogu dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq u

c) is-saldu finanzjarju.

 

L-abbozz tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jittratta dawn il-kwistjonijiet kollha, inkluża parti dwar id-drittijiet taċ-ċittadini (il-Parti Tnejn), parti dwar id-dispożizzjonijiet finanzjarji (il-Parti Ħamsa) u Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq u l-annessi tiegħu. Dwar il-kwistjoni tar-rwol tal-QĠUE, il-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprovdi għall-ġurisdizzjoni tagħha f'livelli differenti, kif se jiġi diskuss hawn taħt fit-taqsima dwar il-governanza.

 

Fir-rigward tal-istatus tal-impenji internazzjonali li r-Renju Unit ħa bħala Stat Membru, il-Ftehim dwar il-Ħruġ jiċċara li r-Renju Unit se jibqa' marbut mill-ftehimiet internazzjonali tal-UE matul il-perjodu ta' tranżizzjoni. Madankollu, ir-Renju Unit se jitħalla jinnegozja, jiffirma u jirratifika ftehimiet internazzjonali li jidħol għalihom fil-kapaċità tiegħu stess fl-oqsma ta' kompetenza esklużiva tal-Unjoni, dment li dawk il-ftehimiet ma jidħlux fis-seħħ jew ma jkunux japplikaw matul il-perjodu ta' tranżizzjoni, sakemm ma jkunux awtorizzati għal dan mill-Unjoni.

 

Bl-istess mod, il-garanziji taċ-ċertezza ġuridika għall-entitajiet ġuridiċi, inklużi l-kumpaniji, huma previsti fil-Parti Tlieta tal-Ftehim dwar il-Ħruġ li fiha d-dispożizzjonijiet ta' separazzjoni, li jippermettu l-konklużjoni bla xkiel tal-proċeduri u n-negozjati kollha li għaddejjin li għandhom x'jaqsmu mal-aċċess għas-suq għall-prodotti, id-dwana, u kwistjonijiet dwar VAT u sisa, il-proprjetà intellettwali, il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja kemm f'materji penali kif ukoll ċivili/kummerċjali, il-protezzjoni tad-data miksuba qabel tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni, il-proċeduri ta' akkwist pubbliku, il-kwistjonijiet tal-Euratom, u l-proċessi ġudizzjarji/amministrattivi tal-UE, il-privileġġi u l-immunitajiet.

 

Għalhekk, il-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi ħruġ b'mod ordnat, li huwa l-għan li ħadmu għalih in-negozjaturi tal-UE u tar-Renju Unit matul dawn l-aħħar tliet snin.

 

Il-konklużjoni u r-ratifika tal-Ftehim dwar il-Ħruġ ukoll eskludew ix-xenarju li ma jintlaħaqx ftehim ("no deal"). Dan huwa tal-akbar importanza, peress li l-implikazzjonijiet ta' ħruġ mingħajr ftehim ikunu ferm sinifikanti kemm għall-UE kif ukoll għar-Renju Unit.

 

Id-drittijiet taċ-ċittadini

 

L-Artikolu 50 tat-TUE ma jiddisponix garanzija tal-istatus taċ-ċittadini tal-UE. Madankollu, tali drittijiet jistgħu jiġu protetti fil-Ftehim dwar il-Ħruġ konkluż skont l-Artikolu 50 tat-TUE. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit[23], il-Parlament qies li l-UE u r-Renju Unit kellhom obbligu prevalenti li jiżguraw approċċ komprensiv u reċiproku għall-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit u taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu fl-UE-27.

 

Il-prijorità ewlenija tal-Parlament li jipproteġi liċ-ċittadini tal-UE kienet ċara mill-bidu nett, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ġunju 2016 dwar id-deċiżjoni ta' ħruġ mill-UE bħala konsegwenza tar-referendum fir-Renju Unit[24], u minn dak iż-żmien ġiet imtennija fir-riżoluzzjonijiet kollha tiegħu dwar il-Brexit. Bħala l-istituzzjoni li tirrappreżenta liċ-ċittadini kollha tal-UE, il-Parlament wiegħed li jaġixxi matul il-proċess ta' ħruġ kollu biex jipproteġi l-interessi tagħhom u talab b'insistenza li n-negozjati jitmexxew bl-għanijiet li tiġi pprovduta stabbiltà ġuridika u jiġi minimizzat it-tfixkil, u li tingħata viżjoni ċara tal-futur għaċ-ċittadini u l-entitajiet ġuridiċi.

 

L-objettiv prinċipali tal-Parlament kien il-protezzjoni taċ-ċittadini kemm fis-sens li tiġi rrispettata x-xewqa tagħhom kif espressa b'mod demokratiku fir-referendum tar-Renju Unit, u, l-iktar importanti, fis-sens li tiġi mitigata l-inċertezza li tinħoloq minħabba l-ħruġ u li, sa fejn possibbli, jinżammu intatti d-drittijiet li ċ-ċittadini jgawdu bis-saħħa tal-istatus tagħhom ta' qabel il-ħruġ. Dan huwa saħansitra iktar importanti peress li hemm iktar minn 3 miljun ċittadin tal-UE fir-Renju Unit u iktar minn miljun ċittadin tar-Renju Unit fl-UE.

 

Il-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini affettwati mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE kienet ukoll prijorità għall-istituzzjonijiet li huma involuti iktar mill-qrib fil-proċess ta' ħruġ.

 

Il-Kunsill Ewropew ħa pożizzjoni simili ħafna għal dik tal-Parlament billi, fost il-prijoritajiet ewlenin tan-negozjati, stabbilixxa l-protezzjoni taċ-ċittadini li bnew ħajjithom abbażi tad-drittijiet assoċjati mas-sħubija tar-Renju Unit fl-UE.

 

Min-naħa tiegħu, fil-mandat għan-negozjati l-Kunsill għamilha ċara li "s-salvagwardja tal-istatus u d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE-27 u tal-familji tagħhom fir-Renju Unit u taċ-ċittadini tar-Renju Unit u tal-familji tagħhom fl-Istati Membri tal-UE-27 hija l-ewwel prijorità għan-negozjati minħabba l-għadd ta' persuni affettwati direttament u l-gravità tal-konsegwenzi tal-ħruġ għalihom. Il-Ftehim għandu jipprovdi l-garanziji effettivi, infurzabbli, mhux diskriminatorji u komprensivi meħtieġa għal dawk id-drittijiet taċ-ċittadini, inklużi d-dritt li jiksbu residenza permanenti wara perjodu kontinwu ta' ħames snin ta' residenza legali u d-drittijiet marbuta magħha".

 

Fir-Rapport Konġunt tagħhom tat-8 ta' Diċembru 2017 dwar il-progress matul il-fażi 1 tan-negozjati skont l-Artikolu 50 tat-TUE dwar il-ħruġ b'mod ordnat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, in-negozjaturi taw ħarsa dettaljata lejn il-fehim komuni li ntlaħaq rigward id-drittijiet taċ-ċittadini.

 

Fis-26 ta' Ġunju 2017, ir-Renju Unit ippubblika dokument intitolat "The United Kingdom's exit from the European Union – Safeguarding the Position of EU Citizens Living in the UK and UK Nationals Living in the EU" (Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea – Is-Salvagwardja tal-Pożizzjoni taċ-Ċittadini tal-UE Li Jgħixu fir-Renju Unit u taċ-Ċittadini tar-Renju Unit Li Jgħixu fl-UE), li fih il-Gvern indika li l-ewwel prijorità tiegħu kienet li jilħaq ftehim dwar il-pożizzjoni ta' wara l-ħruġ taċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit u taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu f'pajjiżi oħra tal-UE, filwaqt li esprima l-intenzjoni li jagħti prijorità lil dawn iċ-ċittadini.

 

Il-kwistjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini għalhekk ingħatat attenzjoni kbira miż-żewġ partijiet mill-istadji bikrija tan-negozjati. Fil-fatt, intlaħaq ftehim pjuttost kmieni fin-negozjati rigward il-kapitolu dwar id-drittijiet taċ-ċittadini, peress li l-verżjoni inizjali tal-abbozz ta' Ftehim dwar il-Ħruġ, li ġie ppubblikat fid-19 ta' Marzu 2018, kien fiha l-Parti Tnejn rigward id-drittijiet taċ-ċittadini, li kien hemm qbil sħiħ dwarha, inkluż dwar l-effett dirett tad-dispożizzjonijiet tagħha, u dwar il-ġurisdizzjoni tal-QĠUE fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar id-drittijiet taċ-ċittadini.

 

Fir-riżoluzzjonijiet tiegħu, il-Parlament stabbilixxa għadd ta' rekwiżiti minimi fir-rigward tal-kontenut tal-Ftehim dwar il-Ħruġ fil-kapitolu dwar id-drittijiet taċ-ċittadini, fosthom dawn li ġejjin:

 

(a) Ir-residenti nazzjonali tal-UE eliġibbli u t-tfal li jitwieldu wara l-ħruġ tar-Renju Unit għandhom jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ bħala membri tal-familja u mhux bħala detenturi tad-drittijiet awtonomi. Barra minn hekk, il-membri tal-familja futuri għandhom ikomplu jibbenefikaw mid-dritt ta' residenza taħt l-istess dispożizzjonijiet tal-membri tal-familja attwali.

 

Id-definizzjoni ta' kamp ta' applikazzjoni personali prevista fl-Artikolu 10(1)(e) u (f) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tinkludi l-membri tal-familja bħala tali, inkluż dawk li jkunu twieldu jew ġew adottati legalment wara tmiem il-perjodu tranżitorju minn detenturi ta' drittijiet primarji fil-kundizzjonijiet definiti f'dak l-artikolu. L-istatus tal-membri tal-familja huwa msaħħaħ iktar bl-Artikolu 17(2) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li jipprevedi l-kontinwità tad-drittijiet ta' membri tal-familja dipendenti wara li ma jibqgħux dipendenti.

 

(b) Il-proċedura amministrattiva għandha tkun diskreta, dikjarattiva u mingħajr ħlas, u tippermetti lill-familji li jibdew il-proċedura permezz ta' dikjarazzjoni unika, u l-oneru tal-provi għandu jkun fuq l-awtoritajiet tar-Renju Unit.

 

Il-ftehim jippermetti lill-istat ospitanti jagħżel sistema dikjarattiva jew sistema kostituttiva. Ir-Renju Unit u madwar nofs l-Istati Membri, sal-lum, għażlu sistema kostituttiva.

 

L-Artikolu 18 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jiddefinixxi l-proċedura amministrattiva applikabbli, u jistabbilixxi li l-għan tiegħu huwa li jivverifika jekk l-applikant huwiex intitolat għad-drittijiet ta' residenza mogħtija mill-Ftehim dwar il-Ħruġ. Huwa jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-proċedura ta' applikazzjoni, filwaqt li jfittex li jiżgura li l-proċedura tkun kemm jista' jkun sempliċi u faċli għall-applikant.

 

Pereżempju, l-applikazzjonijiet li jsiru minn familji fl-istess ħin se jiġu kkunsidrati flimkien.

 

Barra minn hekk, skont il-punti (g) u (h) tal-Artikolu 18(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, id-dokumenti li jagħtu prova tal-istatus ta' dawk koperti mill-Ftehim dwar il-Ħruġ għandhom jinħarġu mingħajr ħlas.

 

(c) Il-benefiċċji kollha definiti fil-leġiżlazzjoni tal-UE għandhom ikunu esportabbli.

 

Skont l-Artikolu 31 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali[25] se jibqa' japplika għal dawk koperti mill-Ftehim dwar il-Ħruġ.

 

Dawk koperti se jżommu d-dritt tagħhom għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, u jekk ikunu intitolati għal benefiċċju f'pajjiż, fil-prinċipju se jkunu intitolati għalih jekk imorru jgħixu f'pajjiż ieħor.

 

(d) Id-deċiżjonijiet tal-QĠUE relatati mal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-drittijiet taċ-ċittadini għandhom ikunu vinkolanti.

 

Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Ħruġ rigward id-drittijiet taċ-ċittadini jistgħu jiġu invokati direttament minn ċittadini tal-UE fil-qrati tar-Renju Unit, u minn ċittadini tar-Renju Unit fil-qrati tal-Istati Membri tal-UE.

 

Barra minn hekk, il-qrati tar-Renju Unit, f'konformità mal-Artikolu 4(4) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, iridu jinterpretaw b'mod konsistenti l-ġurisprudenza tal-QĠUE stabbilita sa tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni, u jridu jqisu debitament il-ġurisprudenza stabbilita wara dik id-data (l-Artikolu 4(5) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ). Il-qrati tar-Renju Unit jistgħu jitolbu wkoll deċiżjonijiet preliminari lill-QĠUE dwar l-interpretazzjoni tal-parti taċ-ċittadini tal-Ftehim dwar il-Ħruġ għal tmien snin minn tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni. L-effetti ġuridiċi fir-Renju Unit ta' tali deċiżjonijiet se jkunu l-istess bħall-effetti ġuridiċi ta' deċiżjonijiet preliminari mogħtija skont l-Artikolu 267 tat-TFUE (l-Artikolu 158(2) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ).

 

(e) Jiġi garantit ir-rwol tal-awtorità nazzjonali indipendenti futura li nħolqot biex tieħu azzjoni dwar l-ilmenti taċ-ċittadini.

 

F'konformità mal-Artikolu 159 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni fl-UE tal-parti dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Ftehim dwar il-Ħruġ se jiġu mmonitorjati mill-Kummissjoni u, fir-Renju Unit, minn awtorità b'setgħat ekwivalenti għal dawk tal-Kummissjoni. Tali awtorità għandha tkun korp verament indipendenti. Fi kwalunkwe każ, skont l-Artikolu 159(2) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Kummissjoni u l-Awtorità ta' Monitoraġġ Indipendenti huma obbligati jinfurmaw lill-kumitat speċjalizzat għad-drittijiet taċ-ċittadini (l-Artikolu 165(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ) dwar l-implimentazzjoni tal-parti tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-Ftehim fl-UE u fir-Renju Unit, rispettivament.

 

Madankollu, il-kostituzzjoni, il-kompożizzjoni u l-funzjonijiet tal-awtorità indipendenti mhumiex definiti fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, iżda huma stabbiliti fl-Abbozz ta' Liġi tar-Renju Unit dwar l-Unjoni Ewropea (il-Ftehim dwar il-Ħruġ). Il-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar l-implimentazzjoni u s-sorveljanza tad-dispożizzjonijiet rigward id-drittijiet taċ-ċittadini fil-Ftehim dwar il-Ħruġ[26] esprima tħassib rigward id-dispożizzjonijiet tal-Abbozz ta' Liġi dwar l-awtorità, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-indipendenza ġenwina tagħha.

 

Il-Ftehim dwar il-Ħruġ jirrappreżenta kompromess bejn l-UE u r-Renju Unit, inkluż dwar id-drittijiet taċ-ċittadini. Id-dispożizzjonijiet tiegħu dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ma setax ikollhom l-għan li jagħtu l-istatus sħiħ mogħti liċ-ċittadini tal-UE skont it-TUE u t-TFUE, li huma mibnija fuq sħubija fl-UE. L-objettiv ewlieni tal-ftehim huwa li jissalvagwardja u jiggarantixxi l-parti l-kbira ta' dawn id-drittijiet, u, b'mod partikolari, dawk li jippermettu lill-biċċa l-kbira taċ-ċittadini affettwati jżommu l-għażliet tal-ħajja li għamlu abbażi tal-moviment liberu sa tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni.

 

Fit-12 ta' Novembru 2019, il-Grupp ta' Tmexxija dwar il-Brexit (BSG) ħareġ dikjarazzjoni rigward l-implimentazzjoni fir-Renju Unit u fl-UE-27 tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, peress li kien hemm xi oqsma li qajmu tħassib fir-rigward tal-iskema tar-Renju Unit għall-kisba tal-istatus ta' stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE. Dan it-tħassib ġie kkonfermat mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 imsemmija hawn fuq, rigward l-implimentazzjoni tal-Parti Tnejn tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, u b'mod partikolari dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:

 

 il-proporzjon għoli ta' applikanti għall-iskema għall-kisba tal-istatus ta' stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE li ngħataw biss status li jippreċedi l-istatus ta' stabbilit;

 l-indipendenza tal-Awtorità ta' Monitoraġġ Indipendenti kif imsemmi fl-Artikolu 159 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ;

 il-konsegwenzi possibbli għaċ-ċittadini tal-UE li ma japplikawx għall-iskema għall-kisba tal-istatus ta' stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE sal-iskadenza tat-30 ta' Ġunju 2021;

 l-assenza ta' dokument fiżiku maħruġ fi tmiem il-proċedura ta' applikazzjoni, li jżid ir-riskji ta' inċertezza fir-rigward tal-prova tal-istatus, u tad-diskriminazzjoni kontra ċ-ċittadini tal-UE-27;

 il-miżuri fis-seħħ biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta' ċittadini vulnerabbli fil-kuntest tal-proċedura ta' applikazzjoni;

 l-applikabbiltà tal-iskema għall-kisba tal-istatus ta' stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE-27 fl-Irlanda ta' Fuq li ma fittxewx li jiksbu ċ-ċittadinanza Brittanika skont il-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira.

 

Il-Parlament Ewropew se jkompli jimmonitorja mill-qrib ħafna l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ b'mod ġenerali, u tal-kapitolu dwar id-drittijiet taċ-ċittadini b'mod partikolari.

 

L-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq

 

Salvagwardja tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira

 

L-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet tagħha, b'mod partikolari l-Parlament, kienu partikolarment imħassba dwar il-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit għall-Irlanda ta' Fuq u r-relazzjonijiet futuri tiegħu mal-Irlanda. Tabilħaqq, il-ħruġ mill-UE ta' wieħed mill-kogaranti tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira jista' jikkawża diverġenzi ekonomiċi u ġuridiċi li jwasslu għal diffikultajiet fl-implimentazzjoni ta' dak il-ftehim bħala qafas essenzjali ta' paċi, kooperazzjoni u fehim fil-gżira tal-Irlanda.

 

Il-Brexit jista' jkollu effetti ta' tfixkil, essenzjalment fir-rigward ta' tliet aspetti: l-istabbiltà tal-proċess ta' paċi, in-natura tal-fruntiera u l-kooperazzjoni transfruntiera kif ukoll l-ugwaljanza u d-drittijiet[27].

 

Il-Parlament għamilha ċara li huwa kruċjali li l-paċi tiġi ssalvagwardjata u li l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira jitħares fil-partijiet kollha tiegħu, u li jsir dak kollu possibbli biex tiġi evitata fruntiera fiżika. Għalhekk tenna b'mod konsistenti, fir-riżoluzzjonijiet tiegħu u fl-istqarrijiet tiegħu permezz tal-BSG, li l-Ftehim dwar il-Ħruġ għandu jinkludi soluzzjoni ta' kontinġenza fattibbli, ġuridikament operattiva u applikabbli f'kull ċirkostanza għall-fruntiera bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq li tindirizza ċ-ċirkostanzi uniċi li l-gżira tal-Irlanda qed tiffaċċja.

 

Il-Parlament insista wkoll fuq l-importanza tal-impenn tar-Renju Unit li jiżgura li ma jkun hemm ebda tnaqqis tad-drittijiet, tas-salvagwardji u tal-opportunitajiet indaqs kif stabbilit fil-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, filwaqt li insista fuq it-traspożizzjoni tal-elementi kollha taż-Żona Komuni għall-Ivvjaġġar u fuq id-dritt ta' moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE, kif minquxa fid-dritt tal-UE u fil-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira[28].

 

Min-naħa tiegħu, il-Kunsill Ewropew, fil-Linji gwida tiegħu tad-29 ta' April 2017 appella għal "soluzzjonijiet flessibbli u immaġinattivi" li jindirizzaw "iċ-ċirkustanzi uniċi fil-gżira tal-Irlanda", anke bil-għan li tiġi evitata fruntiera fiżika, filwaqt li tiġi rispettata l-integrità tal-ordni ġuridiku tal-Unjoni."

 

Il-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira daħal fis-seħħ fl-1988 u ħoloq "il-kundizzjonijiet li wasslu għat-tmiem ta' kważi tliet deċennji ta' kunflitt fl-Irlanda ta' Fuq"; u "witta t-triq għal perjodu sostnut ta' paċi relattiva li matulu ġiet eletta Assemblea tal-Irlanda ta' Fuq, ġie stabbilit Eżekuttiv b'kondiviżjoni tas-setgħat, ir-relazzjonijiet politiċi bejn l-Irlanda ta' Fuq u l-Irlanda tjiebu b'mod sinifikanti, ġew promossi d-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza, il-kooperazzjoni transfruntiera żdiedet b'mod drammatiku, u kien hemm eżempji sinifikanti ta' żieda fl-integrazzjoni ekonomika u l-interdipendenza fil-gżira tal-Irlanda"[29].

 

Għalkemm iż-żewġ partijiet fin-negozjati dwar il-ħruġ enfasizzaw b'mod konsistenti l-impenn tagħhom li jirrispettaw il-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira fil-partijiet kollha tiegħu, il-kwistjoni tal-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq kienet l-iktar waħda politikament sensittiva u tabilħaqq l-iktar waħda kumplessa mit-tliet prijoritajiet ewlenin għal ħruġ b'mod ordnat.

 

Is-soluzzjoni ta' kontinġenza inizjali

 

Fir-Rapport Konġunt tagħhom tat-8 ta' Diċembru 2017 dwar il-progress matul il-fażi 1 tan-negozjati, l-UE u r-Renju Unit affermaw li l-kisbiet, il-benefiċċji u l-impenji tal-proċess ta' paċi se jibqgħu ta' importanza fundamentali għall-paċi, l-istabbiltà u r-rikonċiljazzjoni, u qablu li l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira jrid jiġi protett fil-partijiet kollha tiegħu. Dawn kienu impenji konġunti li ż-żewġ partijiet qablu dwarhom.

 

Madankollu, it-tfassil ta' soluzzjoni għall-kwistjonijiet ikkonċernati kienet estremament kumplessa minħabba il-kuntest estremament politiċizzat u anke minħabba diffikultajiet prattiċi. Diffikultà kbira kienet tikkonsisti f'li jinstabu metodi fattibbli[30] li ma jwasslux għal fruntiera fiżika waqt li fl-istess ħin jirrispettaw il-kundizzjonijiet mhux negozjabbli stabbiliti mir-Renju Unit – jiġifieri li mhuwiex se jagħmel iktar parti mis-suq uniku u mill-unjoni doganali – minn naħa waħda, u l-prinċipji gwida tal-UE fin-negozjati, min-naħa l-oħra. Dawn essenzjalment kienu, kif definiti mil-Linji Gwida tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta' April 2017, "l-evitar ta' fruntiera fiżika, filwaqt li tiġi rispettata l-integrità tal-ordni ġuridiku tal-Unjoni".

 

Fir-Rapport Konġunt imsemmi hawn fuq tat-8 ta' Diċembru 2017, iż-żewġ partijiet qablu li jekk l-intenzjoni tar-Renju Unit li jilħaq l-objettivi tiegħu għall-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq permezz tar-relazzjoni futura ġenerali bejn l-UE u r-Renju Unit ma setgħetx titwettaq, ir-Renju Unit, bħala t-tieni possibbiltà, jipproponi soluzzjonijiet speċifiċi biex jindirizza ċ-ċirkostanzi uniċi tal-gżira tal-Irlanda.

 

Fin-nuqqas ta' tali soluzzjoni maqbula, it-tielet possibbiltà tkun li r-Renju Unit iżomm allinjament sħiħ mar-regoli tas-suq intern u tal-unjoni doganali, li jappoġġjaw il-kooperazzjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, l-ekonomija tal-gżira kollha u l-protezzjoni tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira. F'kull każ, ir-Renju Unit ikompli jiżgura l-istess aċċess bla xkiel għan-negozji tal-Irlanda ta' Fuq lis-suq intern kollu tar-Renju Unit.

 

L-abbozz ta' Ftehim dwar il-Ħruġ, kif ippubblikat fid-19 ta' Marzu 2018, tfassal abbażi tat-tielet possibbiltà tar-Rapport Konġunt – l-hekk imsejħa soluzzjoni ta' kontinġenza (backstop) – li l-għan tagħha kien li tipproteġi l-kooperazzjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar u li tevita fruntiera fiżika. It-test ippreveda l-protezzjoni taż-Żona Komuni għall-Ivvjaġġar, li l-UE u r-Renju Unit qablu li tinżamm.

 

Sabiex jiġu evitati l-kontrolli fil-fruntieri, is-soluzzjoni proposta inkludiet l-allinjament sħiħ mad-dritt tal-UE dwar il-merkanzija, ir-regoli veterinarji u fitosanitarji, u l-applikazzjoni tal-kodiċi doganali tal-UE għall-Irlanda ta' Fuq.

L-impenn kien għadu, madankollu, li jiġu diskussi t-tliet possibbiltajiet kollha stabbiliti fil-paragrafu 49 tar-Rapport Konġunt. Madankollu, ma kienx hemm qbil dwar parti sostanzjali mit-test tal-Protokoll kif imdaħħal dak iż-żmien.

Is-soluzzjoni ta' kontinġenza proposta mill-Gvern tar-Renju Unit

 

Kien diffiċli li tinstab soluzzjoni mfassla apposta "flessibbli u immaġinattiva", kemm għal raġunijiet politiċi marbuta mal-kundizzjonijiet mhux negozjabbli tal-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll għal raġunijiet ġuridiċi li joriġinaw mill-arkitettura kostituzzjonali kemm tal-UE kif ukoll tar-Renju Unit.

 

Fid-dawl tal-"intenzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit li joħroġ mis-suq uniku, mill-unjoni doganali u mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (QĠUE)", l-isfida kienet konsiderevoli f'termini politiċi[31]. F'termini ġuridiċi, l-integrità tal-ordni ġuridiku tal-UE u, għar-Renju Unit, l-integrità tar-Renju Unit bħala territorju doganali uniku, ikkostitwew limiti sinifikanti għal soluzzjonijiet differenzjati. Tabilħaqq, fir-Rapport Konġunt tat-8 ta' Diċembru 2017, il-partijiet impenjaw ruħhom li jistabbilixxu mekkaniżmi biex jiżguraw li l-implimentazzjoni u s-sorveljanza ta' kwalunkwe arranġament speċifiku jissalvagwardjaw l-integrità tas-suq uniku u tal-unjoni doganali tal-UE. Ir-Renju Unit fakkar ukoll fl-impenn tiegħu li jħares l-integrità tas-suq uniku tiegħu u post l-Irlanda ta' Fuq fih, ladarba joħroġ mis-suq intern u mill-unjoni doganali tal-UE.

 

Il-ħidma kompliet abbażi ta' eżerċizzju ta' mmappjar tal-kooperazzjoni transfruntiera bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar[32], u tal-valutazzjoni tad-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jiġi żgurat test ġuridikament operattiv rigward il-kwistjoni tal-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq. Fid-dikjarazzjoni konġunta tagħhom tad-19 ta' Ġunju 2018, il-partijiet irrikonoxxew li s-soluzzjoni ta' kontinġenza għall-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq kienet tirrikjedi dispożizzjonijiet dwar allinjament doganali u regolatorju f'konformità mal-paragrafu 49 tar-Rapport Konġunt ta' Diċembru 2017.

 

Is-soluzzjoni ta' kontinġenza tfasslet abbażi ta' proposti mill-Gvern tar-Renju Unit, li kien qed ifittex "soluzzjonijiet imfassla apposta" għaċ-"ċirkostanzi uniċi tal-Irlanda ta' Fuq" bħala "parti integrali tal-ekonomija tar-Renju Unit (...) integrata bis-sħiħ ma' dik tal-Irlanda b'mod partikolari f'oqsma bħas-settur agroalimentari", filwaqt li rrikonoxxa li kien "diffiċli li wieħed jimmaġina kif l-Irlanda ta' Fuq setgħet b'xi mod tibqa' fl-Unjoni filwaqt li l-bqija tal-pajjiż joħroġ"[33].

 

It-test li finalment intlaħaq ftehim dwaru fil-livell tan-negozjaturi fl-14 ta' Novembru 2018, fi tmiem in-negozjati, kellu l-għan li jirreaġixxi għall-isfidi msemmija hawn fuq għall-UE u r-Renju Unit minħabba ċ-ċirkostanzi uniċi tal-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq.

 

It-test ippreveda soluzzjoni ta' kontinġenza abbażi tal-proposta tar-Renju Unit għal territorju doganali uniku bejn l-UE u r-Renju Unit kollu. Is-soluzzjoni tidħol fis-seħħ biss jekk, sal-1 ta' Lulju 2020, l-UE u r-Renju Unit ma jikkonkludu ebda ftehim sussegwenti dwar ir-relazzjoni futura.

 

Għaldaqstant, l-abbozz ta' Ftehim dwar il-Ħruġ ta' Novembru 2018 stabbilixxa l-intenzjoni kondiviża tal-partijiet li jinnegozjaw ftehim futur li jissostitwixxi l-Protokoll, u obbligahom jagħmlu l-almu tagħhom biex jikkonkludu u jirratifikaw tali ftehim.

 

Is-soluzzjoni ta' kontinġenza ddaħħlet fl-abbozz ta' Ftehim dwar il-Ħruġ bħala polza ta' assigurazzjoni, imfassla biex tidħol fis-seħħ biss jekk ma jkun hemm ebda ftehim futur fis-seħħ fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni.

 

L-intenzjoni tal-partijiet, iddikjarata b'mod ċar u prevista b'mod suffiċjenti fit-test ġuridiku, għalhekk kienet li, minn naħa waħda, ma jkunx hemm bżonn li s-soluzzjoni ta' kontinġenza tiġi attivata u, min-naħa l-oħra, li jimpenjaw ruħhom li jaħdmu b'ħeffa fuq il-ftehim dwar ir-relazzjoni futura.

 

Bil-kontroversja rigward is-soluzzjoni ta' kontinġenza wara l-konklużjoni tan-negozjati quddiem wiċċha, l-Unjoni Ewropea għamlet l-isforzi kollha possibbli biex tiċċara lill-kontropartijiet tar-Renju Unit is-sinifikat tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll, sa lejlet l-ewwel votazzjoni sinifikanti fil-House of Commons tar-Renju Unit, filwaqt li rrifjutat il-possibbiltà li n-negozjati jerġgħu jinfetħu, kif għamilha ċar il-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50) matul il-laqgħa speċjali tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2018.

 

Fil-fatt, f'ittra tal-14 ta' Jannar 2019 mill-President tal-Kunsill Ewropew u mill-President tal-Kummissjoni Ewropea lill-Prim Ministru Theresa May, saru kjarifiki fir-rigward tas-soluzzjoni ta' kontinġenza, billi r-Renju Unit ġie assigurat li l-Unjoni Ewropea ma riditx li s-soluzzjoni ta' kontinġenza tidħol fis-seħħ, u kienet determinata li tissostitwixxi s-soluzzjoni ta' kontinġenza bi ftehim sussegwenti malajr kemm jista' jkun.

 

Madankollu, din il-verżjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ ġiet irrifjutata mill-Parlament tar-Renju Unit fi tliet votazzjonijiet suċċessivi, fil-15 ta' Jannar, fit-12 ta' Marzu u fid-29 ta' Marzu 2019.

 

Bidla fl-approċċ tal-Gvern tar-Renju Unit

 

Wara li l-Prim Ministru Theresa May irriżenjat u ġie ffurmat Gvern ġdid tar-Renju Unit, il-Prim Ministru l-ġdid, Boris Johnson, fid-dikjarazzjoni tiegħu dwar il-prijoritajiet għall-gvern tal-25 ta' Lulju 2019, qal li r-Renju Unit ma setax jaċċetta l-ftehim li kien ġie nnegozjat mal-Prim Ministru preċedenti. Il-Prim Ministru l-ġdid qies li s-soluzzjoni ta' kontinġenza kellha titneħħa u l-kwistjonijiet tal-fruntiera Irlandiża kellhom jiġu solvuti fil-kuntest ta' ftehim futur bejn l-UE u r-Renju Unit.

 

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-10 ta' April 2019, il-Kunsill Ewropew iddikjara li ma jista' jkun hemm "ebda ftuħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, u li kwalunkwe impenn, dikjarazzjoni jew att ieħor unilaterali għandhom ikunu kompatibbli mal-ittra u l-ispirtu tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u jeħtieġ li ma jfixklux l-implimentazzjoni tiegħu". F'dan il-kuntest, il-Kap Negozjatur, Michel Barnier, ikkonferma li l-UE kienet għadha lesta li tanalizza proposti ġuridikament operattivi mir-Renju Unit li jkunu kompatibbli mal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Għaldaqstant, it-taħditiet bejn l-UE u r-Renju Unit komplew bil-għan li jinstabu arranġamenti alternattivi, li jippermettu li l-Ftehim dwar il-Ħruġ ikun fih soluzzjoni fattibbli u ġuridikament operattiva għaċ-ċirkostanzi uniċi fil-gżira tal-Irlanda.

 

Fil-bidu ta' Ottubru 2019, il-Gvern tar-Renju Unit ippreżenta proposti ġodda għal Protokoll rivedut dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq, li kienu jinkludi dan li ġej: (1) żona regolatorja unika għall-merkanzija fil-gżira tal-Irlanda, (2) l-UE u r-Renju Unit jiffurmaw żewġ territorji doganali distinti, u l-kontrolli doganali kollha jsiru 'l bogħod mill-fruntiera bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq, u (3) l-Assemblea u l-Eżekuttiv tal-Irlanda ta' Fuq ikollhom is-setgħa li, l-ewwel nett, japprovaw id-dħul fis-seħħ taż-żona regolatorja unika, u mbagħad japprovaw il-kontinwazzjoni tagħha kull erba' snin.

 

L-objettivi ewlenin tal-Gvern tar-Renju Unit kienu li jiżgura li r-Renju Unit kollu jkun f'territorju doganali uniku, jerġa' jikseb il-kontroll tal-politika kummerċjali esterna tiegħu u jiffoka inqas fuq it-tkomplija tal-kummerċ mingħajr xkiel bejn l-UE u r-Renju Unit kollu.

 

Il-Kap Negozjatur tal-UE, Michel Barnier, qies li l-proposti tar-Renju Unit ħolqu problemi kbar, peress li jkunu jqiegħdu l-integrità tas-suq uniku tal-unjoni doganali tal-UE f'riskju serju billi ma jipprevedux kontrolli doganali u regolatorji operattivi u kredibbli fil-fruntiera bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq, li effettivament isiru żewġ ġurisdizzjonijiet distinti.

 

Rigward il-kunsens demokratiku, filwaqt li jaċċetta li tiġi eżaminata l-idea li l-istituzzjonijiet tal-Irlanda ta' Fuq jingħataw rwol iktar importanti fl-applikazzjoni tal-Protokoll, il-Kap Negozjatur tal-UE qies li l-proposta tagħmel l-applikazzjoni tal-Protokoll soġġetta għal deċiżjoni unilaterali mill-Istituzzjonijiet tal-Irlanda ta' Fuq.

 

Għal dawn ir-raġunijiet, dawn il-proposti ma setgħux jiġu aċċettati, peress li jinvolvu s-sostituzzjoni ta' soluzzjoni operattiva, prattika u ġuridika b'waħda purament ipotetika u proviżorja.

 

Il-Parlament irreaġixxa permezz tal-BSG tiegħu għall-proposti tar-Renju Unit, u ħareġ dikjarazzjoni fit-3 ta' Ottubru 2019 li tgħid li l-proposti tar-Renju Unit ma jirrappreżentawx bażi għal ftehim li l-Parlament jista' jagħti l-approvazzjoni tiegħu għalih. It-tħassib tal-BSG essenzjalment kien li l-proposti tar-Renju Unit dwar l-aspetti doganali u regolatorji pprevedew espliċitament infrastruttura, kontrolli u verifiki, li potenzjalment jagħmlu ħsara lill-ekonomija tal-gżira kollha. Fir-rigward tal-ħtieġa tal-approvazzjoni tal-Assemblea tal-Irlanda ta' Fuq, din tagħmel il-ftehim inċert u kemm dipendenti minn deċiżjonijiet proviżorji u unilaterali, kif ukoll suġġett għalihom, , minflok iċ-ċertezza prevista mis-soluzzjoni ta' kontinġenza. Madankollu, il-Parlament baqa' miftuħ għall-proposti kollha, dment li dawn ikunu kredibbli, ġuridikament operabbli u jkollhom l-istess effett bħall-kompromessi milħuqa fil-Ftehim dwar il-Ħruġ.

 

Test finali li ntlaħaq ftehim dwaru

 

Fil-jiem ta' wara komplew għaddejjin taħditiet intensivi sakemm, fis-17 ta' Ottubru 2019, il-Kummissjoni ħabbret li avżat lill-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50) biex japprova l-ftehim milħuq fil-livell tan-negozjaturi dwar test rivedut tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, inkluż Protokoll rivedut dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq, u japprova dikjarazzjoni politika riveduta dwar il-qafas tar-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit.

 

Il-Kap Negozjatur iddikjara li n-negozjaturi kienu "rnexxielhom isibu soluzzjonijiet li jirrispettaw bis-sħiħ l-integrità tas-Suq Uniku [u] ħolqu soluzzjoni ġdida u ġuridikament operattiva biex tiġi evitata fruntiera fiżika, u biex jitħarsu l-paċi u l-istabbiltà fil-gżira tal-Irlanda. Hija soluzzjoni tajba għall-UE, għar-Renju Unit u għall-persuni u n-negozji fl-Irlanda ta' Fuq".

 

Il-bidla l-iktar sinifikanti hija li l-Protokoll rivedut neħħa s-soluzzjoni ta' kontinġenza u l-unjoni doganali unika bejn l-UE u r-Renju Unit. Skont il-Protokoll rivedut, l-Irlanda ta' Fuq hija għalkollox parti mit-territorju doganali tar-Renju Unit, filwaqt li tapplika l-leġiżlazzjoni doganali tal-UE (l-Artikolu 5(3) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq). Ma japplikawx tariffi fuq merkanzija li tiġi ttrasportata mill-Gran Brittanja għall-Irlanda ta' Fuq, sakemm ma jkunx hemm il-probabbiltà li tali merkanzija tidħol l-UE, f'liema każ tkun soġġetta għal dazji doganali tal-UE u għar-regoli tal-UE dwar il-VAT. Dan jiżgura li ma jkunu meħtieġa ebda verifiki jew kontrolli doganali, iżda jkunu meħtieġa proċeduri amministrattivi sabiex jiġi żgurat li l-merkanzija li tidħol fl-UE tkun konformi mal-leġiżlazzjoni rilevanti.

 

It-tneħħija tat-territorju doganali uniku bejn l-UE u r-Renju Unit wasslet għat-tneħħija tar-regoli dwar kundizzjonijiet ta' parità. Madankollu, l-Irlanda ta' Fuq se tibqa' allinjata ma' ġabra definita ta' regoli relatati mas-suq uniku, inklużi l-leġiżlazzjoni dwar il-merkanzija, ir-regoli sanitarji għall-kontrolli veterinarji, ir-regoli dwar il-produzzjoni/kummerċjalizzazzjoni agrikola, il-VAT u d-dazji tas-sisa fuq il-merkanzija, u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, u dan kollu sabiex tiġi evitata fruntiera fiżika. Ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat se japplikaw ukoll għar-Renju Unit fir-rigward tal-miżuri li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Irlanda ta' Fuq u l-UE.

 

Il-verifiki u l-kontrolli meħtieġa tal-merkanzija se jiġu "implimentati fil-fruntiera bejn l-Irlanda ta' Fuq u l-Bqija tad-Dinja jew fuq il-kummerċ li jsir mil-Lvant għall-Punent bejn il-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq [...] Dawn il-proċessi se jkunu fil-biċċa l-kbira elettroniċi fin-natura tagħhom u kwalunkwe verifika tal-merkanzija se tkun prinċipalment relatata mal-allinjament regolatorju pjuttost milli mal-konformità doganali"[34].

 

Ir-Renju Unit se jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE applikabbli mill-Protokoll iżda r-rappreżentanti tal-UE se jkollhom id-dritt jissorveljaw l-attivitajiet tar-Renju Unit f'dan il-kuntest. Il-QĠUE se żżomm il-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll relatati mal-allinjament doganali u regolatorju[35].

 

Is-soluzzjonijiet stabbiliti fil-Protokoll il-ġdid għandhom l-għan li jevitaw il-verifiki fil-fruntiera bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq, u b'hekk jiggarantixxu li ma jkunx hemm fruntiera fiżika bejniethom filwaqt li titħares l-integrità tas-suq uniku u tal-unjoni doganali tal-UE. Il-Protokoll jipprevedi status permanenti pjuttost milli "polza ta' assigurazzjoni" soġġetta għall-konklużjoni ta' ftehim dwar ir-relazzjoni futura.

 

Novità ewlenija tal-Protokoll rivedut hija li huwa subordinat għall-"kunsens" tal-Membri tal-Assemblea tal-Irlanda ta' Fuq, li se jiddeċiedu jekk l-applikazzjoni tad-dritt rilevanti tal-UE hijiex se tkompli fl-Irlanda ta' Fuq. Madankollu, it-termini għal dan il-kunsens ivarjaw b'mod konsiderevoli minn dawk proposti inizjalment mir-Renju Unit, u t-test jiżgura prevedibbiltà u stabbiltà għal mill-inqas ftit snin.

 

Il-Protokoll se jidħol fis-seħħ minn tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni, b'konformità mal-Artikolu 185, paragrafu 5 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Madankollu, skont l-Artikolu 18 tal-Protokoll, flimkien mad-dikjarazzjoni unilaterali tar-Renju Unit rigward il-funzjonament tad-dispożizzjoni "Kunsens demokratiku fl-Irlanda ta' Fuq" tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq[36], erba' snin wara tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni, l-Assemblea tal-Irlanda ta' Fuq se tiddeċiedi dwar jekk tkomplix tapplika l-Artikoli 5 sa 10 tal-Protokoll (arranġamenti regulatorji, tad-dwana u tas-suq). Fil-każ ta' approvazzjoni wara dan il-perjodu inizjali, il-kunsens se jiġġedded erba' snin wara, jekk dan ikun approvat oriġinarjament mill-maġġoranza tal-Membri tal-Assemblea tal-Irlanda ta' Fuq, jew tmien snin jekk ikun approvat bl-appoġġ transkomunitarju, skont it-tifsira tal-Artikolu 18(6)(a) tal-Protokoll. Fil-każ li l-kontinwazzjoni tal-applikazzjoni ta' dawk id-dispożizzjonijiet tiġi rrifjutata, dawn jieqfu japplikaw sentejn wara l-votazzjoni.

 

Għalkemm il-Protokoll m'għadux subordinat għal ftehim futur, l-Artikolu 13(8) tiegħu jagħmilha ċara li dan jista' jiġi sostitwit b'tali ftehim, kollu jew parti minnu.

 

Il-Protokoll joffri soluzzjoni ġuridikament operattiva u permanenti li tevita fruntiera fiżika u tipproteġi l-ekonomija tal-gżira kollha u l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira fid-dimensjonijiet kollha tiegħu, filwaqt li tissalvagwardja l-integrità tas-suq uniku.

 

Barra minn hekk, jipprevedi ż-żamma taż-Żona Komuni għall-Ivvjaġġar, b'rispett sħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadini Irlandiżi fl-Irlanda ta' Fuq derivati mid-dritt tal-UE.

 

Saldu tal-obbligi finanzjarji tar-Renju Unit

 

Is-saldu tal-obbligi finanzjarji taż-żewġ partijiet bħala riżultat tal-ħruġ tar-Renju Unit qajjem kontroversja kbira fil-bidu nett tal-proċess minħabba l-ammont li jrid jiġi saldat li ġie kkwotat fl-istampa (EUR 60 biljun), u kien ikkunsidrat minn xi wħud li kien possibbilment l-akbar ostaklu għal Brexit mingħajr intoppi[37].

 

Għall-UE, iktar milli tistabbilixxi ċifra, l-għan kien li tiddefinixxi metodoloġija li tiżgura li kemm l-UE kif ukoll ir-Renju Unit jirrispettaw l-obbligi kollha li jirriżultaw mill-perjodu kollu tas-sħubija tar-Renju Unit fl-UE, abbażi tal-prinċipju li l-impenji li ttieħdu minn 28 Stat Membru għandhom jiġu rispettati minn 28 Stat Membru.  Intlaħaq qbil dwar din il-metodoloġija fi stadju bikri fin-negozjati.

 

Fil-fatt, il-Prim Ministru tar-Renju Unit ta' dak iż-żmien, Theresa May, fid-diskors tagħha tat-22 ta' Settembru 2017 f'Firenze, għamlitha ċara ħafna li r-Renju Unit kien se jonora l-impenji li ħa matul is-sħubija tiegħu fl-UE.

 

Min-naħa tal-UE, il-Kunsill Ewropew, fil-Linji Gwida tiegħu tad-29 ta' April 2017, iddetermina li ħruġ b'mod ordnat jirrikjedi saldu finanzjarju wieħed li jiżgura li kemm l-UE kif ukoll ir-Renju Unit jirrispettaw l-obbligi li jirriżultaw mill-perjodu sħiħ tas-sħubija tar-Renju Unit fl-UE, u li jkopri l-impenji u l-obbligazzjonijiet kollha.

 

Għall-Parlament, kien ċar li r-Renju Unit għandu jonora l-obbligi ġuridiċi, finanzjarji u baġitarji kollha tiegħu, inklużi l-impenji fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2014-2020, sad-data tal-ħruġ tar-Renju Unit u warajha. Il-Ftehim dwar il-Ħruġ għandu jindirizza tali obbligi, inklużi dawk imġarrba mill-UE, permezz ta' saldu finanzjarju uniku bbażat fuq il-kontijiet annwali tal-UE kif awditjati mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li jkopri l-obbligi ġuridiċi kollha li jirriżultaw minn impenji pendenti u li jagħmel provvediment għal entrati li ma jidhrux fil-karta bilanċjali, obbligazzjonijiet kontinġenti u spejjeż finanzjarji oħra relatati direttament mal-ħruġ.

 

Il-mandat għan-negozjati adottat mill-Kunsill fit-22 ta' Mejju 2017 iddefinixxa l-prinċipji li għandhom iservu ta' pedament għall-metodoloġija tas-saldu finanzjarju li kellu jiġi stabbilit fl-ewwel fażi tan-negozjati. Abbażi ta' dan, fl-24 ta' Mejju 2017 il-Kummissjoni abbozzat dokument ta' ħidma dwar il-prinċipji tas-saldu finanzjarju, li huwa essenzjalment ibbażat fuq il-prinċipju li r-Renju Unit jeħtieġlu jonora sehmu tal-finanzjament tal-obbligi kollha assunti waqt li kien Stat Membru.

 

Fir-Rapport Konġunt tagħhom tat-8 ta' Diċembru 2017, in-negozjaturi ddikjaraw li kien intlaħaq qbil dwar metodoloġija għas-saldu finanzjarju, li kien jikkonsisti minn sett ta' prinċipji għall-kalkolu tal-valur tas-saldu finanzjarju u l-modalitajiet ta' pagament, arranġamenti biex il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-programmi tal-QFP 2014-2020 titkompla sal-għeluq tagħhom, u għal arranġamenti finanzjarji rigward korpi tal-UE u fondi relatati ma' politiki tal-UE (il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-fondi fiduċjarji tal-Unjoni Ewropea, il-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija, l-aġenziji tal-Kunsill u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp).

 

L-abbozz inizjali tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tat-28 ta' Marzu 2018 sarraf dawk l-arranġamenti f'termini ġuridiċi, inklużi ċerti modalitajiet prattiċi u skadenzi għall-pagament. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2018[38], il-Parlament iddikjara li t-test fil-biċċa l-kbira kien jirrifletti l-fehmiet tiegħu u ma żiedx iktar osservazzjonijiet jew talbiet rigward is-saldu finanzjarju. L-abbozz rivedut tal-Ftehim dwar il-Ħruġ ma kien fih l-ebda tibdil għal din il-parti tat-test.

 

Il-Parti Ħamsa tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tindirizza d-dispożizzjonijiet finanzjarji, li jkopru, b'mod partikolari, dan li ġej:

 il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-baġits tal-UE tal-2019 u l-2020, l-implimentazzjoni tal-programmi u l-attivitajiet tal-UE fl-ambitu tal-QFP 2014-2020, u r-regoli tad-dritt tal-UE applikabbli wara li jintemm il-perjodu ta' tranżizzjoni;

 kwalunkwe impenn pendenti fil-31 ta' Diċembru 2020;

 il-multi miġbura mill-UE u r-rimborżi relatati dovuti lir-Renju Unit;

 il-kontribuzzjoni tar-Renju Unit għall-finanzjament tal-obbligazzjonijiet tal-UE mġarrba sal-31 ta' Diċembru 2020, inklużi obbligazzjonijiet finanzjarji kontinġenti relatati ma' operazzjonijiet finanzjarji deċiżi jew approvati qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, u kawżi ġuridiċi li jirrigwardaw l-interessi finanzjarji tal-UE relatati mal-baġit;

 l-obbligazzjonijiet tal-UE lejn ir-Renju Unit b'mod ġenerali, inkluż rigward il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u l-Fond Ewropew tal-Investiment;

 l-iskeda tal-pagamenti wara l-2020;

 ir-rimborż tal-kapital imħallas ipprovdut mir-Renju Unit lill-Bank Ċentrali Ewropew;

 l-obbligazzjonijiet tar-Renju Unit rigward il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u r-rimborż tal-kapital sottoskritt imħallas mir-Renju Unit lill-BEI;

 l-obbligazzjonijiet tar-Renju Unit rigward il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) u l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit f'dan il-fond sal-għeluq tal-11-il FEŻ;

 l-impenji tar-Renju Unit lejn il-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-Unjoni Ewropea għall-istabbiltà u l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari u l-ispostament tal-persuni fl-Afrika;

 il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-korpi rilevanti marbuta mal-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija;

 l-obbligazzjonijiet tar-Renju Unit rigward il-finanzjament tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, l-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji fuq is-Sigurtà, iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea u l-operazzjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni.

 

Perjodu ta' tranżizzjoni

 

Fost il-kwistjonijiet sostantanzjali li qajmu dibattitu qawwi politiku u ġuridiku kien hemm il-possibbiltà ta' arranġamenti tranżitorji.

 

L-Artikolu 50 tat-TUE ma fih l-ebda referenza espliċita għall-possibbiltà ta' perjodu ta' tranżizzjoni, u dan qajjem dubji dwar jekk dik id-dispożizzjoni tistax tikkostitwixxi bażi ġuridika għal arranġamenti tranżitorji jew jekk dawn kellhomx jiddependu minn bażijiet ġuridiċi separati u settorjali.

 

Kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill Ewropew ħadu pożizzjoni dwar dik il-kwistjoni fi stadju bikri tal-proċess. Il-Kunsill Ewropew qabel li kien meħtieġ li jiġi nnegozjat perjodu ta' tranżizzjoni li jkopri l-acquis kollu tal-UE, għalkemm ir-Renju Unit, bħala pajjiż terz, mhux se jibqa' jipparteċipa fl-istituzzjonijiet tal-UE jew jinnomina jew jeleġġi l-membri tagħhom, u lanqas mhu se jibqa' jipparteċipa fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE.

 

Il-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2017[39], qies li kien jinħtieġ perjodu ta' tranżizzjoni biex jiġi evitat xenarju ta' preċipizju fid-data tal-ħruġ u biex jiġu żgurati ċ-ċertezza u l-kontinwità ġuridiċi. Dan ikun jeħtieġ li jinżammu l-istrumenti u l-istrutturi eżistenti regolatorji, baġitarji, superviżorji, ġudizzjarji u ta' infurzar tal-UE, u dan jammonta għall-kontinwazzjoni tal-acquis communautaire kollu u l-applikazzjoni sħiħa tal-erba' libertajiet (il-moviment liberu taċ-ċittadini, tal-kapital, tas-servizzi u tal-merkanzija), taħt il-ġurisdizzjoni sħiħa tal-QĠUE.

 

Iż-żewġ istituzzjonijiet iddikjaraw b'mod ċar li l-arranġamenti tranżitorji għandhom ikunu limitati b'mod strett kemm fiż-żmien kif ukoll fil-kamp ta' applikazzjoni, ikunu definiti b'mod ċar u jibnu pontijiet favur ir-relazzjoni futura. Tali rekwiżiti jinkorporaw kwalunkwe perjodu ta' tranżizzjoni fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 50 tat-TUE bħala aspett tal-proċess tal-ħruġ[40].

 

Ġie introdott grad ta' kundizzjonalità billi perjodu ta' tranżizzjoni sar rekwiżit għall-konklużjoni ta' Ftehim komplut dwar il-Ħruġ, li jkopri l-kwistjonijiet kollha relatati mal-ħruġ. Mingħajr ftehim, ma jkun hemm l-ebda perjodu ta' tranżizzjoni. Tali tranżizzjoni, li tgħaqqad il-perjodu bejn it-tmiem tas-sħubija fl-UE u ftehim dwar relazzjoni futura, hija kruċjali għal ħruġ b'mod ordnat tar-Renju Unit mill-UE.

 

Fl-abbozz tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, fil-Parti Erbgħa, ġie inkluż perjodu ta' tranżizzjoni  li jipprevedi li perjodu ta' tranżizzjoni jew ta' implimentazzjoni jibda fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u jintemm fil-31 ta' Diċembru 2020 (l-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ). Matul dak il-perjodu, għalkemm il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fl-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE ser tintemm peress li r-Renju Unit mhux ser jibqa' Stat Membru, il-biċċa l-kbira tad-dritt tal-UE ser jibqa' applikabbli fir-Renju Unit, u, bħala regola ġenerali (l-eċċezzjonijiet huma elenkati fl-Artikolu 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ), bl-istess effett bħal fl-Istati Membri, sabiex jiġi evitat tfixkil waqt in-negozjati tal-ftehim dwar ir-relazzjoni futura. Dan il-perjodu jista' jiġi estiż għal sena jew sentejn b'deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt qabel l-1 ta' Lulju 2020 (l-Artikolu 132 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ).

 

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2018[41], il-Parlament esprima appoġġ għall-Parti Erbgħa tal-abbozz tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li tittratta l-arranġamenti tranżitorji.

 

Madankollu, għandu jiġi rikonoxxut li l-perjodu ta' tranżizzjoni "jagħti lok għal naqra nifs", iżda jaf ma jirnexxilux jevita "xenarju ieħor ta' preċipizju, peress li d-dispożizzjonijiet tiegħu jkopru biss il-modalitajiet tal-ħruġ" u li "l-ilħuq ta' ftehim fit-tul [...] se jkun sfida enormi" peress li "ftehimiet kummerċjali kumplessi, komprensivi u ambizzjużi jieħdu ħafna iktar żmien biex jiġu nnegozjati, u [il-ftehim futur bejn l-UE u r-Renju Unit] probabbilment huwa l-iktar ftehim insidjuż li qatt kellha tikkonkludi l-UE"[42].

 

Minħabba l-estensjonijiet suċċessivi tal-Artikolu 50(3) tat-TUE, din l-isfida issa hija saħansitra akbar, peress li l-iskadenza tal-perjodu ta' tranżizzjoni baqgħet l-istess fl-abbozz rivedut tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Sakemm ma titteħidx deċiżjoni ta' estensjoni qabel l-1 ta' Lulju 2020, il-perjodu ta' tranżizzjoni mhux se jdum iktar minn 11-il xahar.

 

Governanza

 

Qafas istituzzjonali tal-Ftehim dwar il-Ħruġ

 

Il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, min-naħa l-waħda, u tar-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit, min-naħa l-oħra, huwa suġġett ewlieni għall-Parlament. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Settembru 2019[43], il-Parlament qies li l-valur tal-Ftehim dwar il-Ħruġ huwa, fost affarijiet oħra, li kemm jista' jkun possibbli, "ikun fih dispożizzjonijiet ta' governanza li jissalvagwardjaw ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) fl-interpretazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ".

 

Il-Parlament tenna b'mod konsistenti l-importanza mhux biss tar-rwol tal-QĠUE bħala l-awtorità kompetenti għall-interpretazzjoni u l-infurzar tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, iżda wkoll għall-iżgurar ta' qafas ta' governanza b'mekkaniżmu robust u indipendenti għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-kuntest tal-ftehim dwar ir-relazzjoni futura. Ir-rwol tal-QĠUE bħala element essenzjali għall-awtonomija u l-integrità tal-ordni ġuridiku tal-UE.

 

Il-Ftehim dwar il-Ħruġ jipproponi sistema ta' governanza flessibbli li tiddependi mill-partijiet individwali tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, u mill-fażi rilevanti, minħabba li matul il-perjodu ta' tranżizzjoni l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE ma tinbidilx. Il-Ftehim dwar il-Ħruġ jagħti rwol ċentrali lill-QĠUE f'diversi każijiet.

 

Perjodu ta' tranżizzjoni

 

Matul il-perjodu ta' tranżizzjoni, il-QĠUE se tibqa' kompetenti għall-proċeduri kollha rreġistrati qabel tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni u sakemm tingħata sentenza finali vinkolanti (l-Artikolu 131 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ). Barra minn hekk, il-QĠUE ser iżżomm il-ġurisdizzjoni tagħha fil-kawżi pendenti sa tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni (l-Artikolu 86 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ), kif ukoll fi proċeduri ta' ksur ġodda mressqa fi żmien erba' snin wara tmiem it-tranżizzjoni għal ksur tad-dritt tal-UE jew nuqqas ta' konformità mad-deċiżjonijiet amministrattivi tal-UE qabel tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni jew, f'xi każijiet, anke wara tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni (l-Artikolu 87 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ).

 

Id-drittijiet taċ-ċittadini

 

Rigward il-Parti Tnejn tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini, il-QĠUE se tibqa' kompetenti għal talbiet għal deċiżjonijiet preliminari mill-qrati tar-Renju Unit għal tmien snin wara tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni (jekk il-perjodu ta' tranżizzjoni jiġi estiż, dan il-perjodu jiġi estiż ukoll, bl-għadd ta' xhur korrispondenti).

 

Riżoluzzjoni tat-tilwim

 

Rigward ir-riżoluzzjoni tat-tilwim ġenerali tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, kwalunkwe tilwima għandha tiġi solvuta mill-Kumitat Konġunt jew minn tribunal tal-arbitraġġ. Madankollu, jekk it-tilwima tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' kunċetti jew dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE, skont l-Artikolu 174, it-tribunal tal-arbitraġġ għandu jirreferi għall-QĠUE għal deċiżjoni dwar il-kwistjoni.

 

Il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq

 

Fil-kuntest tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq, l-Artikolu 12(4) jipprevedi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti fir-rigward tal-eżerċizzju tas-setgħat tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' għadd ta' Artikoli tal-Protokoll, u l-possibbiltà ta' deċiżjonijiet preliminari skont l-Artikolu 267 tat-TFUE.

 

Ir-relazzjoni futura

 

F'dak li għandu x'jaqsam mar-relazzjoni futura, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2018[44], il-Parlament ta dettalji sinifikanti dwar il-kwistjoni tal-governanza, u esprima l-fehma tiegħu li kwalunkwe ftehim futur bejn l-UE u r-Renju Unit meta r-Renju Unit isir pajjiż terz għandu jinkludi l-istabbiliment ta' sistema ta' governanza koerenti u solida bħala qafas ġenerali, li tkopri s-superviżjoni/il-ġestjoni kontinwa u konġunta tal-ftehim u tar-riżoluzzjoni tat-tilwim, u mekkaniżmi ta' infurzar fir-rigward tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim.

 

Madankollu, is-sura tar-relazzjoni futura issa hija inqas ċara. Id-dikjarazzjoni politika riveduta tas-17 ta' Ottubru 2019 neħħiet ir-referenzi għall-użu tal-arranġamenti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ bħala bażi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim u għall-infurzar fil-futur (dak li qabel kien il-paragrafu 132). Id-dikjarazzjoni politika l-ġdida teskludi wkoll ir-referenza għall-QĠUE fil-kuntest tal-mekkaniżmi ta' infurzar, għalkemm iżżomm ir-rwol tagħha fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet u l-kunċetti tad-dritt tal-UE. Madankollu, hija tinnota espliċitament li l-Qorti m'għandhiex tkun involuta jekk tilwima ma tqajjimx kwistjoni relatata mad-dritt tal-UE. B'mod ġenerali, l-approċċ tad-dikjarazzjoni politika l-ġdida ta' relazzjoni flessibbli u mhux daqshekk mill-qrib huwa rifless fil-qafas istituzzjonali previst.

 

Ir-rwol tal-Parlament fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ

 

Lil hinn mill-istrutturi stabbiliti fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Parlament fittex li jkollu rwol iktar sostanzjali fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Fil-fatt, il-Parlament kien esprima tħassib dwar is-setgħat konsiderevoli mogħtija lill-Kumitat Konġunt stabbilit fl-Artikolu 164 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, u li l-Ftehim dwar il-Ħruġ mhux it-tip tas-soltu ta' ftehim internazzjonali ma' pajjiż terz, iżda trattat bejn l-UE u Stat Membru li ħiereġ.

 

Kien meħtieġ li jiġu żgurati arranġamenti xierqa ta' responsabbiltà u ta' skrutinju parlamentari b'rabta mat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-Kumitat Konġunt.

 

Abbażi ta' mandat mill-Konferenza tal-Presidenti, il-BSG u l-President tiegħu tkellmu mal-Kunsill bil-ħsieb li tiġi stabbilita kooperazzjoni mill-qrib dwar il-ħidma tal-Kumitat Konġunt maħluq mill-Ftehim dwar il-Ħruġ. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq il-parteċipazzjoni tal-PE fid-deċiżjonijiet ewlenin tal-Kumitat Konġunt, inkluż dwar l-estensjoni tal-perjodu ta' tranżizzjoni u l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tar-Renju Unit f'dak ix-xenarju, u dwar it-terminazzjoni tal-awtorità ta' monitoraġġ indipendenti tar-Renju Unit.

 

L-involviment tal-PE f'dawn il-kwistjonijiet ġie kkonfermat f'dikjarazzjoni minn Jean-Claude Juncker, li dak iż-żmien kien President tal-Kummissjoni Ewropea, matul is-sessjoni finali tat-8 leġiżlatura, fis-sessjoni parzjali tal-10 ta' April 2019. Il-President tal-Kummissjoni żgura li l-Kummissjoni kienet se tkompli taħdem mill-qrib mal-Parlament fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, u li kull meta tittieħed deċiżjoni fil-Kumitat Konġunt, il-Kummissjoni kienet se tinvolvi mill-qrib lill-Parlament u tqis bl-akbar attenzjoni l-fehmiet tiegħu.

 

Il-Kumitat Konġunt huwa magħmul minn rappreżentanti tal-UE u tar-Renju Unit, u huwa responsabbli għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt huma vinkolanti għall-UE u għar-Renju Unit, bl-istess effett ġuridiku bħall-Ftehim dwar il-Ħruġ, u għandhom setgħat estensivi rigward l-operat tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Dawn jinkludu s-setgħa ta' teħid ta' deċiżjonijiet dwar estensjoni tal-perjodu ta' tranżizzjoni u l-impatt tagħha, u b'mod partikolari l-ammont tal-kontribuzzjoni tar-Renju Unit għall-baġit tal-UE.

 

Fil-Protokoll rivedut dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq, il-Kumitat Konġunt għandu wkoll setgħat importanti fil-kuntest tal-arranġamenti doganali, b'mod partikolari s-setgħa li jiddetermina l-kriterji li bihom il-merkanzija li tiddaħħal fl-Irlanda ta' Fuq minn barra l-UE ma tkunx f'riskju li sussegwentement tiddaħħal fl-UE (l-Artikolu 5(2) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq). Il-Kumitat Konġunt għandu wkoll is-setgħa li jiddetermina l-livell annwali globali massimu ta' appoġġ mir-Renju Unit għall-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti agrikoli fl-Irlanda ta' Fuq, li fih mhumiex applikabbli d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat (l-Artikolu 10(2) u l-Anness 6 tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq). Dawn il-kwistjonijiet huma partikolarment rilevanti minħabba li huma relatati ma' kwistjonijiet li jinvolvu riskju potenzjali għas-suq uniku tal-UE.

 

Id-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, fil-verżjoni riveduta tagħha tat-18 ta' Ottubru 2019, tipprevedi, fl-Artikolu 2(4) rappurtar annwali mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, u, b'mod partikolari, tal-Parti Tnejn tiegħu, matul l-ewwel ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

 

L-Artikolu 2(3) tal-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill jipprevedi li l-Parlament ser ikun f'pożizzjoni li jeżerċita għalkollox il-prerogattivi istituzzjonali matul ix-xogħlijiet kollha tal-Kumitat Konġunt.

 

Skont l-Artikoli 3(5) u 4(8) tal-istess deċiżjoni, il-Parlament għandu wkoll id-dritt li jkun infurmat dwar deċiżjonijiet tal-Kunsill li jawtorizzaw lir-Renju Unit jesprimi l-kunsens tiegħu sabiex jintrabat bi ftehim internazzjonali matul il-perjodu ta' tranżizzjoni, jew li jawtorizzaw lill-Irlanda, lil Ċipru u lil Spanja biex jinnegozjaw ftehimiet bilaterali mar-Renju Unit f'oqsma ta' kompetenza esklużiva tal-UE, b'rabta mal-protokolli rilevanti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

 

Qafas għal relazzjoni futura

 

In-natura u l-forma tal-qafas għal relazzjoni futura kienu wkoll fost il-kwistjonijiet li kienu pjuttost kontroversjali matul in-negozjati, peress li dawn mhumiex definiti fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50 tat-TUE.

 

Matul il-biċċa l-kbira tat-tul tal-proċess tal-ħruġ, jista' jiġi argumentat li r-relazzjoni futura mal-UE kienet waħda mill-iktar kwistjonijiet rilevanti għar-Renju Unit, tal-inqas waqt li Theresa May kienet Prim Ministru.

 

Ir-relazzjoni futura mfittxija mir-Renju Unit f'dak l-istadju, għalkemm tirrifjuta l-parteċipazzjoni fis-suq intern u fl-unjoni doganali, kienet ambizzjuża ħafna f'termini ta' aċċess għall-programmi, il-korpi, il-bażijiet ta' data u saħansitra l-laqgħat tal-UE. Ir-Renju Unit ħabrek ukoll biex jinnegozja r-relazzjoni futura b'mod parallel mal-arranġamenti tal-ħruġ.

 

Il-Parlament iċċara mill-bidu nett, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2017[45], li minkejja li xtaq relazzjoni kemm jista' jkun mill-qrib fil-futur, din kellha tkun ibbilanċjata f'termini ta' drittijiet u obbligi u msejsa fuq il-premessa li Stat li joħroġ mill-UE ma jistax igawdi mill-istess benefiċċji bħal Stat Membru.

 

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit[46], il-Parlament innota wkoll li kellu jintlaħaq qbil ġenerali bejn l-UE u r-Renju Unit dwar il-qafas għar-relazzjoni futura, fil-forma ta' dikjarazzjoni politika annessa mal-Ftehim dwar il-Ħruġ, soġġetta għal għadd ta' prinċipji kif elenkati fl-istess riżoluzzjoni.

 

L-istess approċċ ittieħed mill-Kunsill Ewropew, fil-Linji Gwida tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2017, li indirizza l-kwistjoni tar-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit bħala kwistjoni ta' identifikazzjoni ta' ftehim ġenerali li għandu jiġi elaborat f'dikjarazzjoni politika li takkumpanja l-Ftehim dwar il-Ħruġ u tissemma fih.

 

Is-sura possibbli ta' relazzjoni futura ma kinitx ċara għal kulħadd fir-Renju Unit. Diversi proposti tressqu minn setturi u partijiet interessati differenti, minn ftehim ta' kummerċ ħieles bażiku għal status ta' "Norveġja plus", jew saħansitra adeżjoni maż-ŻEE, għalkemm il-Gvern tar-Renju Unit kien għamilha ċara mill-bidu nett li ma xtaqx jipparteċipa fis-suq intern, fiż-ŻEE jew fl-unjoni doganali. Fi kwalunkwe każ, ir-Renju Unit fehem sew li ftehim ċar dwar ir-relazzjoni futura kien indispensabbli, sabiex jintlaħaq kunsens dwar il-ħruġ.

 

Il-Parlament ippropona li relazzjoni futura tkun ibbażata fuq l-Artikolu 217 tat-TFUE, u li tkun komprensiva, qrib kemm jista' jkun, iżda bbilanċjata f'termini ta' drittijiet u obbligi, u li tissalvagwardja l-integrità tas-suq intern u l-erba' libertajiet, filwaqt li tevita li jittieħed approċċ settur b'settur. Bħalma kien għamel ċar il-Parlament, il-Kunsill Ewropew wissa li, għalkemm l-objettiv kien ta' partnership profond, l-ebda relazzjoni futura ma setgħet toffri l-istess benefiċċji bħal sħubija fl-UE. B'referenza għal ftehim ta' kummerċ ħieles, il-Kunsill Ewropew enfasizza wkoll il-ħtieġa ta' bilanċ u ta' ambizzjoni fl-oqsma koperti, mingħajr ma jiddgħajfu l-integrità u l-funzjonament tajjeb tal-UE.

 

Il-prinċipji hekk deskritti mill-UE rrifjutaw kwalunkwe tip ta' "nagħżlu dak li jaqblilna" fil-kuntest ta' relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit.

 

Il-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2018[47], tenna li ftehim ta' assoċjazzjoni konformi mal-Artikolu 8 tat-TUE u mal-Artikolu 217 tat-TFUE seta' joffri qafas xieraq għar-relazzjonijiet futuri, u jiżgura qafas ta' governanza konsistenti, li għandu jinkludi mekkaniżmu robust għar-riżoluzzjoni tat-tilwim, u b'hekk jevita l-proliferazzjoni ta' ftehimiet bilaterali u n-nuqqasijiet li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni tal-UE mal-Iżvizzera;

 

Il-Parlament ippropona li din ir-relazzjoni futura tkun ibbażata fuq erba' pilastri ewlenin:

– ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi,

– il-politika barranija, il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp,

– is-sigurtà interna,

– il-kooperazzjoni tematika.

 

In-negozjati finalment wasslu għal ftehim dwar dikjarazzjoni politika, li ġiet ikkritikata minn xi wħud minħabba n-natura vaga u mhux vinkolanti tagħha[48].

 

Id-dikjarazzjoni politika fil-fatt mhijiex dokument vinkolanti, u filwaqt li takkumpanja l-Ftehim dwar il-Ħruġ, mhijiex parti integrali minnu. L-ewwel verżjoni tat-test ġiet ippubblikata mal-abbozz ta' Ftehim dwar il-Ħruġ fil-Ġurnal Uffiċjali tad-19 ta' Frar 2019[49]. Il-paragrafu 3 tad-dikjarazzjoni jgħid li l-objettiv tagħha kien l-istabbiliment tal-parametri ta' sħubija ambizzjuża, wiesgħa, approfondita u flessibbli fil-kooperazzjoni kummerċjali u ekonomika, l-infurzar tal-liġi u l-ġustizzja kriminali, il-politika barranija, is-sigurtà u d-difiża u oqsma usa' ta' kooperazzjoni.

 

Fil-kuntest tat-tkomplija tat-taħditiet dwar it-test tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq, u b'rabta mill-qrib mal-bidliet li saru f'dak il-Protokoll, il-Gvern tar-Renju Unit biddel l-approċċ tiegħu meta mqabbel ma' dak tal-predeċessur tiegħu rigward ir-relazzjoni futura. Din il-bidla ġiet espressa mill-Prim Ministru Boris Johnson fl-ittra tiegħu tat-2 ta' Ottubru lill-President preċedenti tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker. F'dik l-ittra, il-Prim Ministru tar-Renju Unit iċċara li "il-garanzija ta' kontinġenza għamlitha ta' pont għal relazzjoni futura proposta mal-UE, li fiha r-Renju Unit ikun integrat mill-qrib mal-arranġamenti doganali tal-UE u jallinja ruħu mad-dritt tal-UE f'ħafna oqsma. Dik ir-relazzjoni futura proposta mhijiex l-għan tal-Gvern preżenti tar-Renju Unit. Il-Gvern jemmen li r-relazzjoni futura għandha tkun ibbażata fuq Ftehim ta' Kummerċ Ħieles li fih ir-Renju Unit jieħu f'idejh l-kontroll tal-affarijiet regolatorji u tal-politika kummerċjali tiegħu."

 

Id-dikjarazzjoni politika riveduta tas-17 ta' Ottubru 2019, kif ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fit-12 ta' Novembru 2019[50], minkejja li żżomm l-objettivi mhux mibdula f'termini tal-oqsma li jridu jiġu koperti (il-paragrafu 3 tad-dikjarazzjoni politika), issa tiddefinixxi b'mod espliċitu l-mudell għar-relazzjoni futura: "Ftehim ta' Kummerċ Ħieles komprensiv u bbilanċjat fil-qalba tagħha", mingħajr tariffi u mingħajr kwoti. Bidliet importanti oħrajn fit-test jirriflettu t-tneħħija tal-garanzija ta' kontinġenza mill-Ftehim dwar il-Ħruġ u għalhekk anki tar-referenza għat-territorju doganali uniku bejn l-UE u r-Renju Unit.

 

Il-bidliet fit-test jirriflettu l-bidla fundamentali fl-approċċ u fil-livell ta' ambizzjoni: tneħħew ir-referenzi għall-allinjament tar-regoli mill-partijiet tat-test relatati mal-aspetti regolatorji, tad-dwana u l-verifiki u l-kontrolli; ir-rwol tal-QĠUE tneħħa fil-kuntest tal-mekkaniżmi għal tilwim u infurzar għajr meta jitqajmu kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE. Rigward il-kundizzjonijiet ta' parità, it-test issa jirreferi għal "impenji robusti biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ta' parità [li għandhom] ikunu proporzjonati mal-ambitu u l-profondità tar-relazzjoni futura u r-rabta ekonomika tal-Partijiet".

 

Kundizzjonijiet ta' parità huma kwistjoni essenzjali għall-UE b'mod ġenerali, u għall-Parlament b'mod partikolari. F'dan il-kuntest, ta' min wieħed jiftakar fil-Linji Gwida tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Marzu 2018 (l-Artikolu 50), li kkonfermaw ir-rieda tal-Kunsill Ewropew li jikseb "ftehim ta' kummerċ ħieles ibbilanċjat, ambizzjuż u b'firxa wiesgħa sa fejn ikun hemm biżżejjed garanziji għal kundizzjonijiet ta' parità", u li "r-relazzjoni futura ser tkun sodisfaċenti b'mod reċiproku biss jekk tinkludi garanziji robusti li jiżguraw kundizzjonijiet ta' parità".

 

Bl-istess mod, il-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Settembru 2019[51], iddikjara b'mod ċar li n-negozjati dwar ir-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit kienu jeħtieġu salvagwardji sodi u dispożizzjonijiet għal kundizzjonijiet ta' parità ta' kompetizzjoni bil-għan li jiġi ssalvagwardjat is-suq intern tal-UE u jiġi evitat li n-negozji tal-UE jitpoġġew potenzjalment fi żvantaġġ kompetittiv inġust, u li kwalunkwe ftehim ta' kummerċ ħieles li jonqos milli jirrispetta tali livelli ta' protezzjoni ma kienx se jiġi ratifikat mill-Parlament.

 

 

 

Il-pożizzjoni tar-rapporteur

 

Il-ħruġ tar-Renju Unit huwa mument ta' dispjaċir għall-Unjoni Ewropea u għall-proċess ta' integrazzjoni tagħna, iżda nistgħu biss nirrispettaw id-deċiżjoni sovrana tal-poplu Brittaniku u nipprovdu ftehim ta' ħruġ li jorganizza s-separazzjoni bl-inqas dannu possibbli għaż-żewġ partijiet.

 

Il-Ftehim dwar il-Ħruġ huwa konformi mal-prinċipji ġenerali li l-istituzzjonijiet, u b'mod partikolari l-Parlament, stabbilew għat-tmexxija tan-negozjati u l-konklużjoni tal-ftehim. Dan iservi l-objettiv fundamentali li jiġi żgurat ħruġ b'mod ordnat tar-Renju Unit, u li jwitti t-triq għan-negozjati ta' relazzjoni ġusta u bilanċjata bejn l-UE u r-Renju Unit.

 

Fid-dawl ta' dak li ssemma hawn fuq, ir-rapporteur tagħkom jissuġġerixxi li l-Kumitat AFCO jagħti rakkomandazzjoni favorevoli dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

 

 


 

 

ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN

Is-Sur Antonio Tajani

Il-President

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

BRUSSELL

Suġġett: <Titre>Opinjoni dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika</Titre> <DocRef>(2018/0427(NLE))</DocRef>

Sur President,

B’dispjaċir, skont il-proċedura msemmija hawn fuq, il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin ingħata l-istruzzjoni li jippreżenta opinjoni lill-Kumitat tiegħek. Minħabba l-urġenza tal-kwistjoni, il-Koordinaturi tal-Kumitat AFET iddeċidew fl-4 ta' Diċembru 2019, li jibagħtu l-opinjoni f'forma ta' ittra u li jistiednu lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fir-rapport tiegħu.

Dejjem tiegħek,

David McAllister

 

SUĠĠERIMENTI

 wara li kkunsidra l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea tat-3 ta' Ottubru 2017, tat-13 ta' Diċembru 2017 u tat-18 ta' Settembru 2019 dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (Art. 50) tal-21 ta' Marzu 2019 (PE 639.609/CPG), tal-10 ta' April 2019 (PE 639.538/CPG) u tas-17 ta' Ottubru 2019 (EUCO XT 20018/19);

 wara li kkunsidra t-test Rivedut tad-Dikjarazzjoni Politika li tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit kif maqbul fil-livell tan-negozjaturi fis-17 ta' Ottubru 2019 u ppubblikat fil-ĠUUE C 384 I tat-12.11.2019, li jissostitwixxi dak ippubblikat fil-ĠU C 66I tad-19.2.2019;

 

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Settembru 2019 li tiffinalizza t-tħejjijiet għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Novembru 2019 (PE 639.554/CPG);

 wara li kkunsidra l-Artikolu 56 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew,

A. Billi, l-Artikolu 184 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jitlob li l-Unjoni u r-Renju Unit jużaw l-aħjar sforzi tagħhom biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jinnegozjaw malajr il-ftehimiet li jirregolaw ir-relazzjoni futura tagħhom;

 

B. Billi, skont ir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew, il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin huwa "responsabbli għall-promozzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politika barranija tal-Unjoni fir-rigward [inter alia] tat-tisħiħ tar-relazzjonijiet politiċi ma' pajjiżi terzi permezz ta' programmi komprensivi ta' kooperazzjoni u assistenza jew permezz ta' ftehimiet internazzjonali bħal ftehimiet ta' assoċjazzjoni jew sħubija";

 

C. Billi kif indikat fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Settembru 2019, il-PE jinnota li d-Dikjarazzjoni Politika, li tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit, hija konformi mar-riżoluzzjoni tal-PE tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit, li titlob ftehim ta' assoċjazzjoni, kif ukoll mal-kontributi dettaljati tal-kumitati tiegħu, u tirrifletti l-għażliet magħmula mir-Renju Unit rigward l-ambitu u l-profondità tar-relazzjoni futura tiegħu mal-UE;

 

D. Billi l-Ftehim dwar il-Ħruġ, fl-Artikolu 129 tiegħu, jinkludi "arranġamenti speċifiċi relatati mal-azzjoni esterna tal-Unjoni" fejn, b'mod partikolari, ir-Renju Unit għandu jkun marbut matul il-perjodu ta' tranżizzjoni mill-obbligi li jirriżultaw mill-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni; billi dan l-obbligu joffri wkoll ċarezza u prevedibbiltà lill-partijiet interessati, inklużi s-sħab internazzjonali; billi, matul il-perjodu ta' tranżizzjoni, ir-Renju Unit ma jistax ikun marbut bi ftehimiet ġodda waħdu f'oqsma ta' kompetenza esklussiva tal-Unjoni sakemm ma jkunx awtorizzat li jagħmel dan mill-UE; billi, matul il-perjodu ta' tranżizzjoni, ir-Renju Unit għandu jimplimenta wkoll il-miżuri restrittivi tal-Unjoni fis-seħħ jew deċiżi matul il-perjodu ta' tranżizzjoni, jappoġġa dikjarazzjonijiet u pożizzjonijiet tal-UE f'pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali u jipparteċipa fuq bażi ta' każ b'każ f'operazzjonijiet militari tal-UE u missjonijiet ċivili stabbiliti taħt il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK), iżda mingħajr ebda kapaċità ta' tmexxija permezz ta' Ftehim Qafas ta' Parteċipazzjoni; billi tali ftehim ikun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni jew is-sovranità tar-Renju Unit, u r-Renju Unit għandu jżomm id-dritt li jiddetermina kif iwieġeb għal kwalunkwe stedina jew għażla biex jipparteċipa f'operazzjonijiet jew missjonijiet.

E. Billi l-Ftehim dwar il-Ħruġ, fl-Artikolu 127.2 tiegħu, jinkludi dispożizzjoni għal ftehimiet bikrija dwar ir-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit fil-qasam tal-PESK u l-PSDK; billi din id-dispożizzjoni hija element importanti ħafna u pożittiv meta wieħed iqis li dan huwa qasam li fih l-interessi tal-UE u tar-Renju Unit jikkonverġu l-aktar u fejn tali ftehimiet bikrija jipprovdu qafas stabbli għall-kooperazzjoni tar-Renju Unit mal-UE fuq l-azzjoni esterna; billi tali ftehimiet għandhom madankollu jkunu soġġetti għal skrutinju parlamentari xieraq kif previst fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, inkluż permezz ta' informazzjoni immedjata u sħiħa tal-Parlament Ewropew, fl-istadji kollha tan-negozjati u tal-konklużjoni tagħhom;

F. Billi l-Ftehim dwar il-Ħruġ, fl-Artikolu 156 tiegħu, jiżgura li, sal-31 ta' Diċembru 2020, ir-Renju Unit jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, għall-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji dwar is-Sigurtà, u għaċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll għall-ispejjeż tal-operazzjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni;

1. Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jirrakkomanda li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

 


 

 

ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ INTERNAZZJONALI

Is-Sur Antonio Tajani

President

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

BRUSSELL

Suġġett: <Titre>Opinjoni dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika</Titre> <DocRef>(2018/0427(NLE))</DocRef>

Sur President,

Skont il-proċedura msemmija hawn fuq, il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali ddeċieda li jippreżenta opinjoni lill-Kumitat tiegħek. Fil-laqgħa tiegħu tal-21 ta' Jannar 2020, il-kumitat iddeċieda li jibgħat l-opinjoni fil-forma ta' ittra.

Waqt dik il-laqgħa, il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali kkunsidra l-kwistjoni u ddeċieda li jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu.

Dejjem tiegħek,

Bernd Lange

 

SUĠĠERIMENTI

A. billi l-proċess ta' negozjati dwar it-termini tal-ħruġ tar-Renju Unit kien twil u diffiċli;

 

B. billi r-ratifika tal-ftehim miż-żewġ partijiet u d-dħul fis-seħħ f'waqtu tiegħu jkunu l-aħjar xenarju possibbli f'termini ta' kontinwità tal-kummerċ u tar-relazzjoni ekonomika bejn l-UE u r-Renju Unit;

 

C. billi f'dawn l-aħħar ftit snin deher b'mod ċar minn entitajiet statali u privati differenti li l-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE mingħajr ftehim ta' ħruġ innegozjat ikunu gravi, kemm f'termini ta' tfixkil tal-kummerċ kif ukoll tar-relazzjoni ekonomika u lil hinn minn dan f'setturi oħra;

 

D. billi l-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jqis li filwaqt li dan il-ftehim huwa pass formali lejn il-ħruġ ordnat tar-Renju Unit, iż-żewġ partijiet jenħtieġ li jikkonċentraw ħafna aktar fuq in-negozjati tar-relazzjoni ekonomika u kummerċjali futura sabiex jintlaħaq l-aħjar riżultat fit-tul possibbli;

 

E. billi skont il-Protokoll emendat dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq, ir-Renju Unit, filwaqt li huwa pajjiż terz, se jkollu l-kompitu li jimplimenta partijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, u b'hekk tista' tirriżulta l-kwistjoni tal-implimentazzjoni u l-infurzar xierqa;

 

F. billi t-terminu oġġett "f'riskju li sussegwentement jiddaħħal fl-Unjoni" użat fl-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq mhuwiex ċar u jiddependi fuq deċiżjonijiet sussegwenti tal-Kumitat Konġunt li huma eżentati minn kwalunkwe skrutinju formali tal-Parlament Ewropew u li se jittieħdu biss qabel tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni;

 

1. Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jirrakkomanda li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

 

2. Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kummissjoni twettaq verifiki u kontrolli effiċjenti li jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni mill-awtoritajiet tar-Renju Unit. Barra minn hekk, il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jitlob li jinżamm infurmat bis-sħiħ dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq u dwar kwalunkwe proposta sussegwenti għal deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt li saret skont dik id-dispożizzjoni.

 


 

 

ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

Is-Sur Antonio Tajani

President

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

BRUSSELL

 

 

Suġġett: <Titre>Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika</Titre><DocRef>(2018/0427(NLE))</DocRef>

 

 

Għażiż Sur Tajani,

 

Skont il-proċedura msemmija hawn fuq, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali ddeċieda li jippreżenta opinjoni lill-Kumitat tiegħek. Fil-laqgħa tiegħu tat-3 ta' Settembru 2019, il-kumitat iddeċieda li jibgħat l-opinjoni fil-forma ta' ittra.

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali eżamina l-kwistjoni matul il-laqgħa tiegħu tat-22 ta' Jannar 2020. F'dik il-laqgħa, iddeċieda li jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fl-abbozz ta' rakkomandazzjoni tiegħu.

Dejjem tiegħek,

Lucia Ďuriš Nicholsonová

SUĠĠERIMENTI

A. Billi l-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq ("ir-Renju Unit") mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika ("il-Ħruġ") se jaffettwa miljuni ta' ċittadini - kemm ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu, jivvjaġġaw jew jaħdmu fl-Unjoni u ċittadini tal-Unjoni li jgħixu, jivvjaġġaw jew jaħdmu fir-Renju Unit, kif ukoll persuni li mhumiex ċittadini tal-Unjoni u tar-Renju Unit; billi huwa meħtieġ li tiġi pprovduta protezzjoni reċiproka liċ-ċittadini tal-Unjoni u tar-Renju Unit, kif ukoll lill-membri tal-familja rispettivi tagħhom, li jkunu eżerċitaw id-drittijiet tagħhom relatati mal-libertà tal-moviment tal-persuni qabel id-data stabbilita fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tad-19 ta' Ottubru 2019 ("il-Ftehim"); billi d-drittijiet taċ-ċittadini kollha, inklużi dawk li jirriżultaw minn perjodi ta' kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni tas-sigurtà soċjali, iridu jiġu protetti bis-sħiħ;

B. Billi huwa essenzjali li l-acquis tal-UE jiġi protett fl-intier tiegħu u b'mod partikolari dak li jirrigwarda l-impjiegi u l-affarijiet soċjali fil-kuntest tal-arranġamenti tranżitorji u fi ftehimiet futuri bejn l-Unjoni u r-Renju Unit;

C. Billi huwa ta' importanza fundamentali li jiġi żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema, inklużi l-ħaddiema mobbli, il-ħaddiema transfruntiera, il-ħaddiema li jaħdmu bejn il-fruntieri u l-ħaddiema stazzjonati, b'kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni speċifika ta' dawn il-ħaddiema li jaħdmu f'pajjiżi ġirien tar-Renju Unit;

D. Billi l-Kumitat EMPL eżamina b'mod aktar speċifiku l-Artikoli 24 sa 39 tal-Ftehim u l-Anness 1 tiegħu, kif ukoll it-test tad-Dikjarazzjoni Politika li tistabbilixxi l-Qafas għar-Relazzjoni Futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tas-17 ta' Ottubru 2019 ("id-Dikjarazzjoni Politika"), u b'mod partikolari l-paragrafi 17 u 77 tiegħu;

1. Jilqa' l-fatt li l-Ftehim għandu l-għan li jiżgura Ħruġ ordnat filwaqt li joħloq l-inqas tfixkil possibbli;

2. Jilqa' l-fatt li d-drittijiet tal-ħaddiema u tal-persuni li jaħdmu għal rashom huma garantiti fil-Kapitolu 2 tal-Ftehim (Artikoli 24, 25 u 26);

3. Jilqa' d-dispożizzjonijiet dettaljati dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali kif stabbiliti fil-Kapitolu 3 tal-Ftehim (l-Artikoli 27, 28 u 29);

4. Jilqa' d-dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali fit-Titolu III tal-Ftehim (l-Artikoli 30 sa 36), li jipproteġu d-drittijiet li jirriżultaw minn perjodi ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali;

5. Jilqa' l-fatt li l-Artikolu 135 tal-Ftehim jistipula li r-Renju Unit għandu jikkontribwixxi u jipparteċipa fl-implimentazzjoni tal-baġits tal-Unjoni għas-snin 2019 u 2020 u jenfasizza l-fatt li dan huwa importanti għall-programmi attwali tal-FSE, l-FEAD, l-EaSI u l-FEG u l-arranġamenti li għandhom jissostitwixxuhom;

6. Jilqa' l-fatt li, skont l-Artikolu 137 tal-Ftehim, il-programmi u l-attivitajiet tal-Unjoni impenjati taħt il-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 jew perspettivi finanzjarji preċedenti għandhom jiġu implimentati fl-2019 u fl-2020 fir-rigward tar-Renju Unit fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni.

7. Jilqa' l-intenzjoni tar-Renju Unit li jipparteċipa fi programmi tal-Unjoni u li jikkofinanzjahom, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-istrumenti korrispondenti tal-Unjoni, f'oqsma bħax-xjenza u l-innovazzjoni, iż-żgħażagħ, il-kultura u l-edukazzjoni bħala parti mir-relazzjoni futura bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, kif iddikjarat fid-Dikjarazzjoni Politika; jinsab imħasseb dwar il-vot reċenti tal-Parlament Brittaniku u l-kummenti tas-Segretarju tal-Edukazzjoni tar-Renju Unit li jqajmu dubji dwar il-parteċipazzjoni futura tar-Renju Unit fil-Programm Erasmus; jenfasizza li l-applikanti kemm mill-Unjoni kif ukoll mir-Renju Unit se jeħtieġu avviż kmieni biżżejjed dwar il-kondizzjonijiet u l-iskedi ta' żmien għal tali programmi wara l-perjodu ta' tranżizzjoni;

8. Jilqa' wkoll il-fatt li, skont l-Artikolu 140 tal-Ftehim, ir-Renju Unit se jkun responsabbli lejn l-Unjoni għas-sehem tiegħu tal-impenji baġitarji tal-baġit tal-Unjoni u tal-baġits tal-aġenziji deċentralizzati tal-Unjoni li jkunu għadhom pendenti fil-31 ta' Diċembru 2020 u għas-sehem tiegħu tal-impenji li saru fl-2021 dwar ir-riport tal-approprjazzjonijiet ta' impenn mill-baġit għall-2020.

9. Jirrikonoxxi t-tħassir tal-punt 3 tal-Anness 4, mill-Ftehim, li ttratta l-istandards soċjali u tax-xogħol marbuta mal-mekkaniżmu ta' garanzija ta' kontinġenza; jilqa' s-soluzzjoni ġdida li nstabet dwar il-kwistjoni tal-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq, li permezz tagħha t-territorju tal-Irlanda ta' Fuq għandu jkun parti de jure tat-territorju doganali tar-Renju Unit, iżda jibqa' de facto fiż-żona doganali tal-Unjoni billi japplika t-tariffi u r-regoli doganali tal-Unjoni;

10. Jiddispjaċih, madankollu, dwar in-nuqqas ta' kwalunkwe referenza għall-istandards soċjali u tax-xogħol fil-Ftehim u t-tneħħija tal-Klawżola 34 u l-Anness 4 fl-Abbozz ta' Liġi dwar il-Ftehim dwar il-Ħruġ rivedut li pprovdew protezzjonijiet proċedurali addizzjonali għad-drittijiet tal-ħaddiema li bħalissa jiffurmaw parti mid-dritt tal-Unjoni matul il-perjodu ta' tranżizzjoni jew ta' implimentazzjoni; jinsab imħasseb ukoll li minbarra li tneħħiet kwalunkwe referenza espliċita għad-drittijiet tal-ħaddiema, hemm possibbiltà reali li d-drittijiet eżistenti tal-ħaddiema li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni fir-Renju Unit ma jiġux protetti kontra l-modifika, it-tħassir jew ir-revoka fil-liġi domestika ladarba l-perjodu ta' tranżizzjoni jew ta' implimentazzjoni jintemm, filwaqt li jinnota l-intenzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit li jilleġiżla b'mod separat biex jipproteġi u jsaħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiema fl-Abbozz ta' Liġi dwar l-Impjieg ġdid; jenfasizza li l-livell ta' protezzjoni li bħalissa huwa previst mil-liġi, mir-regolamenti u l-prattiki ma jridx ikun anqas mil-livell previst mill-istandards komuni applikabbli fl-Unjoni u fir-Renju Unit fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni fil-qasam tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali u fir-rigward tad-drittijiet fundamentali fuq il-post tax-xogħol, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u l-istandards tal-impjieg, id-drittijiet tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni fil-livell tal-kumpanija, u r-ristrutturar. jinsab imħasseb f'dan il-kuntest, li bħalissa ma hemm l-ebda sforz mir-Renju Unit biex jimplimenta l-leġiżlazzjoni reċenti tal-Unjoni fil-qasam tal-affarijiet soċjali u tal-impjiegi, bħall-emenda tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema, id-Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u d-Direttiva dwar Kondizzjonijiet tax-Xogħol Trasparenti u Prevedibbli fl-Unjoni Ewropea;

11. Jiddispjaċih b'mod partikolari li l-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet dwar il-kondizzjonijiet ekwi li jinsabu fl-Anness 4 preċedenti tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq ma japplikawx għall-Irlanda ta' Fuq skont il-Ftehim, u b'hekk jinħoloq riskju potenzjali għas-suq intern tal-Unjoni u għall-ekonomija tal-gżira kollha;

12.  Jiddispjaċih ukoll għall-introduzzjoni ta' sottotaqsima (1) ġdida tal-Klawżola 26 tal-Abbozz ta' Liġi dwar il-Ftehim dwar il-Ħruġ rivedut, li tippermetti lill-Gvern tar-Renju Unit li jispeċifika ċ-ċirkostanzi li fihom ċerti qrati inferjuri u tribunali jistgħu jiddevjaw mid-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) wara l-perjodu ta' tranżizzjoni li jista' jwassal biex qrati inferjuri ma jkunux aktar marbuta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Unjoni tal-QĠUE relatata mad-drittijiet tal-ħaddiema li jirriżultaw mid-dritt tal-UE;

13. Jilqa' l-fatt li l-Unjoni u r-Renju Unit huma impenjati li jilħqu ftehim ta' kummerċ ħieles futur skont l-Artikolu 184 tal-Ftehim;

14. Jilqa' l-istabbiliment ta' djalogu bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlament tar-Renju Unit sabiex iż-żewġ leġiżlaturi jkunu jistgħu jikkondividu fehmiet u għarfien espert dwar kwistjonijiet relatati mar-relazzjoni futura. huwa tal-opinjoni li, f'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika, id-djalogu tas-soċjetà ċivili għandu wkoll jitħeġġeġ u jinkludi b'mod partikolari, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-assoċjazzjonijiet tal-impjegati li jirrappreżentaw liċ-ċittadini tal-Unjoni li jaħdmu fir-Renju Unit u ċ-ċittadini tar-Renju Unit li jaħdmu fl-Unjoni;

15. Jenfasizza li kwalunkwe ftehim dwar ir-relazzjoni futura jeħtieġ li jiżgura li r-Renju Unit jirrispetta bis-sħiħ l-istandards soċjali u tax-xogħol tal-Unjoni sabiex jiġu salvagwardjati kondizzjonijiet ekwi għall-kompetizzjoni miftuħa u ġusta, kif enfasizzat fil-punt XIV, il-paragrafu 77 tad-Dikjarazzjoni Politika;

16. Jilqa' l-fatt li l-paragrafu 77 tad-Dikjarazzjoni Politika jħaddan l-elementi ewlenin tal-Anness 4 tal-verżjoni preċedenti tal-Ftehim iżda huwa mħasseb li, filwaqt li l-Anness 4, bħala Anness tal-Protokoll tal-Ftehim preċedenti, kien legalment vinkolanti, id-Dikjarazzjoni Politika hija sempliċiment dikjarazzjoni ta' intenzjoni;

17. Jenfasizza u jfakkar, f'dan il-kuntest, li t-tliet prinċipji li jirregolaw ftehim ta' kummerċ ħieles futur bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, jiġifieri l-ebda kwota, l-ebda tariffa u l-ebda dumping, anke fir-rigward tal-standards soċjali u tal-impjiegi, ma jistgħux jiġu diviżi u jħeġġeġ lin-negozjatur tal-Unjoni biex ikun partikolarment viġilanti f'dan ir-rigward matul il-kors u fl-istadji kollha tan-negozjati dwar ir-relazzjoni futura bejn l-Unjoni u r-Renju Unit;

18. Jiddispjaċih ħafna dwar l-introduzzjoni mill-Gvern tar-Renju Unit  tal-klawżola 33 il-ġdida tal-Abbozz ta' Liġi dwar il-Ftehim dwar il-Ħruġ li tipprojbixxi espressament kwalunkwe estensjoni għall-perjodu ta' tranżizzjoni lil hinn mill-2020 ; iwissi bil-qawwa li din id-dispożizzjoni tista' tirriżulta f'xenarju "ta' ebda ftehim" b'impatti katastrofiċi għal persuni u kumpaniji kemm fl-Unjoni kif ukoll fir-Renju Unit peress li l-perjodu ta' żmien biex jiġi nnegozjat ftehim komprensiv dwar ir-relazzjonijiet futuri bejn l-Unjoni u r-Renju Unit huwa qasir wisq; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Gvern tar-Renju Unit u lill-Parlament Brittaniku jikkunsidraw mill-ġdid il-pożizzjoni tagħhom; jenfasizza li kwalunkwe ftehim dwar ir-relazzjonijiet futuri bejn l-Unjoni u r-Renju Unit irid jinkludi dispożizzjonijiet dwar kondizzjonijiet ekwi fir-rigward tal-istandards soċjali u tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Gvern tar-Renju Unit jimplimenta Abbozz ta' Liġi dwar l-Impjieg ġdid qabel tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni sabiex jevita kwalunkwe lakuna li fiha d-drittijiet tal-ħaddiema la jkunu protetti mil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni u lanqas mill-Abbozz ta' Liġi dwar l-Impjieg tar-Renju Unit; jenfasizza li l-istandards soċjali u tax-xogħol fl-Abbozz ta' Liġi dwar l-Impjieg ma għandhomx ikunu statiċi, iżda għandhom isegwu direttament kwalunkwe titjib li jsir għall-istandards soċjali u tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea, sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwi bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit.

Il-Kumitat EMPL jistieden lill-Kumitat AFCO bħala l-kumitat responsabbli, biex iqis il-pożizzjoni tiegħu kif stabbilita hawn fuq u biex jirrakkomanda li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.


 

 

ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AMBJENT, IS-SAĦĦA PUBBLIKA U S-SIKUREZZA TAL-IKEL

Is-Sur Antonio Tajani

President

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

BRUSSELL

Suġġett: <Titre>Opinjoni dwar il-Konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika</Titre> <DocRef>(2018/0427(NLE))</DocRef>

Sur President,

Fil-proċedura msemmija hawn fuq, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel ngħata l-istruzzjoni li jippreżenta opinjoni lill-kumitat tiegħek. Fil-laqgħa tiegħu tas-6 ta' Novembru 2019, il-kumitat iddeċieda li jibgħat l-opinjoni fil-forma ta' ittra.

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel eżamina l-kwistjoni matul il-laqgħa tiegħu tal-21 ta' Jannar 2020. Waqt il-laqgħa, huwa ddeċieda li jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu.

Dejjem tiegħek,

Pascal Canfin

 

SUĠĠERIMENTI

1. Iqis li l-Brexit huwa kwistjoni b'implikazzjonijiet profondi u dejjiema kemm għall-UE kif ukoll għar-Renju Unit. Is-saħħa pubblika, is-sikurezza tal-ikel u l-kwistjonijiet ambjentali kienu fiċ-ċentru tan-negozjati u tad-dibattitu pubbliku dwar il-ħruġ tar-Renju Unit. Fid-dawl ta' dan it-tħassib, il-Kumitat ENVI qed isegwi mill-qrib in-negozjati.

 

2. Jilqa' l-fatt li l-objettiv sottostanti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ emendat huwa li jkompli jikkontribwixxi għall-preservazzjoni tal-paċi fil-gżira tal-Irlanda u li jirrispetta u jissalvagwardja l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, speċjalment permezz tal-evitar ta' fruntiera fiżika u l-protezzjoni tal-ekonomija tal-gżira kollha. Il-Ftehim jiżgura wkoll li l-gżira tal-Irlanda titqies bħala entità ambjentali unika u li l-istandards ambjentali jinżammu fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera inviżibbli. Minn perspettiva tal-Kumitat ENVI, dan huwa partikolarment meħtieġ, peress li l-oqsma miftiehma tal-kooperazzjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar fil-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira jinkludu l-ambjent u s-saħħa.

 

3. Ifaħħar l-għaqda li wriet l-UE matul in-negozjati kollha u l-isforzi tagħha biex jiġu evitati l-konsegwenzi detrimentali ta' ħruġ mingħajr ftehim; jilqa' l-fatt li ntlaħaq ftehim, iżda jinnota li l-ftehim attwali ma jagħti l-ebda garanzija dwar l-arranġamenti li jirregolaw ir-relazzjoni futura bejn ir-Renju Unit – bl-esklużjoni tal-Irlanda ta' Fuq – u l-UE27 fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni fil-31 ta' Diċembru 2020. Filwaqt li hemm lok li jiġi estiż il-perjodu ta' tranżizzjoni, il-Gvern tar-Renju Unit irid jitlob din l-estensjoni sa Ġunju 2020.

 

4. Jinnota li bit-tneħħija tal-garanzija ta' kontinġenza tar-Renju Unit, m'għadhomx applikabbli id-dispożizzjonijiet ambjentali vinkolanti rilevanti; jinnota b'mod partikolari li ma għadhomx japplikaw klawżoli dwar in-nuqqas ta' rigressjoni fil-livell tal-protezzjoni ambjentali. Il-prinċipji ambjentali tal-UE li ilhom stabbiliti bħall-prinċipju ta' prekawzjoni jew il-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas" ma għadhomx fis-seħħ fil-Protokoll rivedut.

 

5. Il-garanzija ta' kontinġenza tar-Renju Unit tat ukoll istruzzjoni lill-UE u r-Renju Unit biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jirrispettaw l-impenji rispettivi tagħhom fir-rigward ta' ftehimiet internazzjonali biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima, inklużi dawk li jimplimentaw il-UNFCCC, bħall-Ftehim ta' Pariġi tal-2015. Ir-referenza għall-Ftehim ta' Pariġi issa hija assenti fil-Protokoll rivedut, għalkemm hija inkluża fid-Dikjarazzjoni Politika.

 

6. Barra minn hekk, il-Protokoll oriġinali ddetermina li r-Renju Unit għandu jimplimenta sistema ta' pprezzar tal-karbonju ta' mill-inqas l-istess effettività u kamp ta' applikazzjoni tas-Sistema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet u kellu dispożizzjoni li tirrikjedi li r-Renju Unit jimplimenta sistema trasparenti għall-monitoraġġ, ir-rappurtar, is-sorveljanza u l-infurzar domestiċi effettivi tal-obbligi tiegħu minn korp indipendenti u mgħammar b'riżorsi adegwati. Dawn id-dispożizzjonijiet issa tneħħew ukoll.

 

7. Jinnota wkoll li fl-ewwel verżjoni tal-Protokoll, Kumitat Konġunt li jinkludi rappreżentanti tal-UE u tar-Renju Unit u li huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Ftehim kien ikollu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet, li jistabbilixxu impenji minimi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi, għall-kontenut massimu ta' kubrit fil-fjuwils tal-baħar, u għall-aħjar tekniki disponibbli, inklużi l-valuri limitu tal-emissjonijiet, fir-rigward tal-emissjonijiet industrijali. F'każ ta' tilwim dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ambjentali, il-Kumitat Konġunt seta' jsegwi din il-kwistjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet m'għadhomx japplikaw.

 

8. Barra minn hekk, jinnota li fid-Dikjarazzjoni Politika riveduta, it-taqsima dwar il-Kundizzjonijiet Ekwi li għandhom l-għan li jevitaw il-kompetizzjoni inġusta issa fiha lingwaġġ aktar b'saħħtu dwar iż-żamma tal-istandards għoljin komuni applikabbli fl-UE u fir-Renju Unit fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni u mbagħad dwar iż-żamma, fost l-oħrajn, ta' standards ambjentali f'livell għoli. L-UE u r-Renju Unit ser ikollhom jiżguraw li dawn l-istandards għoljin jinżammu fil-futur minħabba n-natura mhux vinkolanti tad-Dikjarazzjoni Politika, u l-possibbiltà li r-Renju Unit jista' jagħżel li jagħmel ftehimiet kummerċjali futuri ma' pajjiżi terzi bi standards aktar baxxi; jinnota li r-ratifika ta' kwalunkwe ftehim ta' kummerċ ħieles futur mar-Renju Unit ser tirrikjedi dispożizzjonijiet ta' kundizzjonijiet ekwi b'saħħithom, li se jiġu skrutinizzati mill-qrib mill-Kumitat ENVI.

 

9. Jirrakkomanda bil-qawwa li l-UE u r-Renju Unit jimmiraw li jikkooperaw mill-qrib kemm jista' jkun fil-politika dwar il-klima. Dan idealment ifisser li r-Renju Unit għandu jipparteċipa fl-istrumenti ta' politika kollha f'dan il-qasam anke fil-futur.

 

10. Jitlob, b'mod partikolari, għal azzjonijiet immirati biex jiżguraw aċċess kontinwu u rapidu għal mediċini sikuri u apparat mediku għall-pazjenti, inkluża provvista sigura u konsistenti ta' isotopi radjuattivi. Sabiex tiġi żgurata s-sikurezza tal-pazjenti, l-UE u r-Renju Unit għandhom jaħdmu lejn ir-rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki professjonali biex tiġi żgurata l-mobbiltà tal-professjonisti mediċi.

 

Il-Kumitat ENVI jikkunsidra li huwa tal-akbar importanza li l-fehmiet u t-tħassib tiegħu jiġu nnotati u indirizzati kif xieraq, u għalhekk jitlob lill-Kumitat AFCO, bħala l-kumitat responsabbli, biex iqis il-pożizzjoni tiegħu kif stabbilita hawn fuq.

Il-Kumitat ENVI jistieden lill-Kumitat AFCO bħala l-kumitat responsabbli, biex jirrakkomanda li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

 

 


 

 

ITTRA TAL-KUMITAT GĦAS-SUQ INTERN U L-ĦARSIEN TAL-KONSUMATUR

Is-Sur Antonio Tajani

President

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

PHS 08B043

BRUSSELL

Suġġett: <Titre>Opinjoni dwar il-Konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika</Titre> <DocRef>((2018/0427(NLE))</DocRef>

Sur President,

Skont il-proċedura msemmija hawn fuq, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur talab biex jippreżenta opinjoni lill-Kumitat tiegħek fil-forma ta' ittra.

 

 

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur eżamina l-kwistjoni matul il-laqgħa tiegħu tal-4 ta' Diċembru 2019. Waqt il-laqgħa[52], huwa ddeċieda li jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu.

Dejjem tiegħek,

Petra De Sutter MD, PhD
President

 

SUĠĠERIMENTI

Suq intern

1. Ifakkar li l-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan is-Suq Uniku huwa żgurat mill-Unjoni Doganali u mir-regoli dwar l-armonizzazzjoni u r-rikonoxximent reċiproku tal-prodotti, kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Is-sorveljanza tas-suq u l-istandards robusti tal-prodotti huma għalhekk parti essenzjali u insostitwibbli ta' kwalunkwe relazzjoni futura mar-Renju Unit biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għan-negozji tal-UE u protezzjoni adegwata tal-konsumaturi tal-UE;

2. Jinsisti li l-proċeduri operattivi li għandhom jiġu adottati matul ir-reġim tranżitorju għandhom ikollhom l-għan li jippreservaw ir-regoli tas-suq intern tal-Unjoni għal oġġetti u l-Unjoni Doganali. Għalhekk huwa ta' importanza kbira li tiġi ssalvagwardjata l-konformità tal-prodotti mar-regoli tas-Suq Uniku;

3. Jenfasizza b'sodisfazzjon li b'mod ġenerali l-Ftehim iżomm applikabbli l-prinċipji fundamentali dwar il-moviment liberu tas-servizzi, l-istabbiliment u r-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali matul il-perjodu ta' tranżizzjoni, sabiex jiġi evitat tfixkil fil-funzjonament tas-Suq Uniku;

4. F'dan ir-rigward, ifakkar b'mod partikolari li, skont l-Artikolu 25 tal-Ftehim, soġġetti għal xi limitazzjonijiet, il-persuni li jaħdmu għal rashom għandhom igawdu d-drittijiet iggarantiti mit-Trattat dwar il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Id-dritt li tiġi eżerċitata professjoni huwa żgurat fl-Artikolu 27 tal-Ftehim, peress li r-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali qabel tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni, magħmul f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali jew id-Direttiva dwar l-Istabbiliment tal-Avukati ser iżomm l-effetti tiegħu. Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet fil-prattika, il-kooperazzjoni amministrattiva dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali hija prevista fl-Artikolu 29 tal-Ftehim;

5. Jilqa' l-fatt li l-ftehim jiċċara r-regoli applikabbli għall-proċeduri ta' akkwist pubbliku mnedija qabel tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni u li ma ġewx iffinalizzati fi żmien il-perjodu ta' tranżizzjoni, inkluż fir-rigward tar-rimedji;

Il-politika dwar il-konsumatur

6. Jenfasizza li d-drittijiet tal-konsumaturi li jirriżultaw mid-dritt tal-UE u minn regoli rilevanti oħra tal-UE huma applikabbli b'mod sħiħ matul il-perjodu ta' tranżizzjoni u jenfasizza li filwaqt li s-sitwazzjoni ma għandhiex tinbidel għall-konsumaturi u n-negozjanti, li għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi matul il-perjodu ta' tranżizzjoni, huwa importanti li l-konsumaturi jkunu infurmati b'mod adegwat jekk ikunu qegħdin jixtru fir-Renju Unit jew mingħand negozjant tar-Renju Unit;

Id-dwana

7. Iqis li, bħala riżultat tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Doganali, jistgħu jkunu mistennija tensjonijiet fil-kummerċ u fil-ktajjen tal-provvista tal-kumpaniji; jemmen li għandu jiġi evitat tfixkil serju fil-fluss tal-merkanzija; iqis li l-eżerċizzju ta' tħejjija li twettaq mill-Istati Membri tal-UE27 bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea għandu jiġi vvalutat bir-reqqa u intensifikat, u għandhom jiġu allokati r-riżorsi fejn meħtieġ, sabiex l-eżerċizzju ta' tħejjija jsir prijorità fil-proċess tal-Brexit;

8. Jilqa' bħala pass ’il quddiem id-dispożizzjonijiet immirati biex jiffaċilitaw iċ-ċirkolazzjoni mill-Gran Brittanja tal-merkanzija fi tranżitu bejn żewġ punti li jappartjenu lill-Unjoni Doganali;

Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq

9. Jinnota li għad hemm ħafna inċertezza fir-rigward tal-arranġamenti konkreti li se jirfdu l-funzjonament tal-ftehim biex l-Irlanda ta' Fuq tinżamm fi ħdan il-qafas tal-Unjoni Doganali (kif ukoll fir-regoli tas-Suq Uniku) għall-prodotti u l-prodotti agrikoli. Il-biċċa l-kbira ta' dawn l-arranġamenti għandhom jiġu definiti minn Kumitat Konġunt. Jeħtieġ li jsiru l-akbar sforzi biex jiġi żgurat li l-proċeduri u l-kontrolli stabbiliti mill-Kumitat Konġunt jippermettu li jinkixfu b'mod effettiv, minn fost l-oġġetti li jittieħdu mill-Gran Brittanja lejn l-Irlanda ta' Fuq, dawk l-oġġetti definiti li jinsabu "f'riskju li sussegwentement jiddaħħlu fl-Unjoni". L-importanza tal-identifikazzjoni korretta tal-oġġetti li jappartjenu lil dik il-kategorija tinsab fil-fatt li se jkunu soġġetti għat-tariffi tal-UE, id-dazji tas-sisa jew il-VAT, u li jridu jikkonformaw mar-regoli tas-Suq Uniku;

10. Isostni li jekk ir-Renju Unit jiġi fdat bil-ġbir tar-riżorsi proprji tal-Baġit tal-Unjoni li jkollhom jitħallsu lura lill-Unjoni, miżura naturali ta' protezzjoni tal-interess finanzjarju tal-Unjoni tkun li jiġi stabbilit mekkaniżmu adegwat ta' superviżjoni tal-implimentazzjoni korretta tal-proċedura għall-identifikazzjoni ta' oġġetti li jinsabu "f'riskju li sussegwentement jiddaħħlu fl-Unjoni". Jeħtieġ li l-arranġamenti jiggarantixxu li l-kontrolli fuq il-prodotti agrikoli u tal-ikel - eż. il-kontrolli fitosanitarji - ma jkunux inqas robusti milli jkunu fi kwalunkwe punt ta' dħul fi Stat Membru tal-UE. Bl-istess mod, il-konformità mar-regoli u r-regolamenti tas-Suq Uniku m'għandhiex tħalli lok għal lakuni. M'għandhiex teżisti l-possibbiltà għall-operaturi tal-kummerċ li jiksbu qligħ mid-devjazzjoni ta' operazzjonijiet lejn postijiet fejn jistgħu jiġu evitati obbligi regolatorji standard;

11. Jenfasizza li għandu jiġi garantit skrutinju xieraq tal-Parlament Ewropew għall-koerenza u l-allinjament tal-arranġamenti mfassla mill-Kumitat Konġunt, kif ukoll l-effettività tas-soluzzjonijiet stabbiliti.

Il-Kumitat IMCO jistieden għalhekk lill-Kumitat AFCO, bħala l-kumitat responsabbli, biex jirrakkomanda li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2018/0427(NLE)).

 


 

 

ITTRA TAL-KUMITAT GĦAT-TRASPORT U T-TURIŻMU

Is-Sur Antonio Tajani

President

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

BRUSSELL


Suġġett: <Titre>Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2018/0427(NLE))</Titre>

 

Għażiż Sur Tajani,

 

F'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tas-7 ta' Frar 2019, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu ddeċieda li jitlob l-applikazzjoni tal-Artikolu 56(1) sabiex jippreżenta opinjoni lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali fil-forma ta' din l-ittra. 

 

Il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jixtieq jagħmel ir-rimarki li ġejjin:

1. Ifakkar fl-importanza tas-settur tat-trasport għat-tkabbir u għall-impjiegi; jenfasizza li l-Kumitat Konġunt, stabbilit bil-Ftehim dwar il-Ħruġ, għandu jindirizza r-rekwiżit inkondizzjonat ta' reċiproċità fl-aċċess reċiproku għas-swieq tat-trasport, speċjalment fis-setturi tal-avjazzjoni, tal-ferroviji, tat-toroq u tat-trasport marittimu, b'rispett sħiħ tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-UE u tal-libertà ta' moviment tal-persuni, tal-oġġetti u tas-servizzi;

2. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu konklużi ftehimiet bil-għan li jiggarantixxu l-kontinwità tas-servizzi tat-trasport bejn l-UE u r-Renju Unit;

3. Jirrileva l-ħtieġa li jiġi żgurat finanzjament kontinwu ta' proġetti infrastrutturali maqbula b'mod konġunt, speċjalment fi ħdan il-qafas tan-Netwerk trans-Ewropew tat-trasport, tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u tal-Ajru Uniku Ewropew, kif ukoll Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti bħal Clean Sky I u II; u jqis li huwa kruċjali li r-Renju Unit jonora l-impenji u l-obbligi finanzjarji tiegħu bis-sħiħ, anke jekk dawn imorru lil hinn mill-perjodu tas-sħubija tiegħu fl-UE.

Fil-qies tal-kummenti msemmija hawn fuq, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jirrakkomanda li l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jagħti l-approvazzjoni tiegħu għar-ratifika tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

 

Dejjem tiegħek,

((iffirmata)) [Karima Delli]

 

 

 

 

Kopji:  D. Sassoli, President

A. Tajani, President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati

Koordinazzjoni leġiżlattiva

 

 


 

 

ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AGRIKOLTURA U L-IŻVILUPP RURALI

Is-Sur Antonio Tajani

President

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

BRUSSELL

Suġġett: <Titre>Opinjoni dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika</Titre> <DocRef>(COM(2019/0194); COM(2018/0841); COM(2018/0834); COM(2018/0833) – C9-0148/2019 – 2018/0427(NLE))</DocRef>

Sur President,

Il-Kumitat għall-Agrikultura u l-Iżvilupp Rurali eżamina l-kwistjoni matul il-laqgħa tiegħu tat-22 ta' Jannar 2020. Waqt dik il-laqgħa[53], iddeċieda b’mod unanimu li jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fir-rakkomandazzjoni tiegħu.

Dejjem tiegħek,

 

(iffirmata) Norbert Lins

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat AGRI jixtieq jenfasizza l-punti essenzjali li ġejjin dwar l-impatt fuq l-agrikoltura tal-UE tal-Brexit u s-soluzzjonijiet proposti fil-Ftehim dwar il-Ħruġ u d-Dikjarazzjoni Politika.

 

1. F'termini ta' politika agrikola per se, il-ħruġ tar-Renju Unit ma jidhirx li jqajjem problemi li ma jistgħux jingħelbu minħabba li l-applikazzjoni tal-mekkaniżmi u l-pagamenti tal-PAK għar-Renju Unit jistgħu jitwaqqfu b'mod relattivament faċli. Il-fatt li t-tmiem tal-perjodu ta' tranżizzjoni previst mill-Ftehim dwar il-Ħruġ ikun jikkoinċidi mat-tmiem tal-QFP attwali (2014-2020) jiffaċilita l-affarijiet f'dan ir-rigward;

 

2. Madankollu, nixtiequ niġbdu l-attenzjoni għall-fatt li kwalunkwe estensjoni tal-perjodu ta' tranżizzjoni tkun teħtieġ li tiġi akkumpanjata minn dispożizzjonijiet ta' finanzjament u kontijiet xierqa saldati kif xieraq fi tmiem dan il-perjodu, kif previst fl-Artikolu 132 tal-Ftehim, minkejja li r-Renju Unit huwa kkunsidrat bħala pajjiż terz taħt il-QFP mis-sena 2021;

 

3. Il-protezzjoni kontinwa fir-Renju Unit ta' ħafna (aktar minn 3000) Indikazzjonijiet Ġeografiċi (IĠ) li japplikaw għal prodotti agrikoli, tal-ikel jew tax-xorb li joriġinaw fl-UE kienet sors serju ta' tħassib għall-Kumitat AGRI matul in-negozjati tal-Ftehim. F'dan ir-rigward, il-Kumitat huwa sodisfatt li t-test attwali jiżgura l-protezzjoni tal-IĠ tal-UE fl-Irlanda ta' Fuq, u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE approvati sa tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni f'partijiet oħra tar-Renju Unit;

 

4. Nixtiequ nissottolinjaw l-importanza li tinżamm din il-protezzjoni fl-arranġamenti li jirregolaw ir-relazzjoni futura. Barra minn hekk, mhux biss dawn l-arranġamenti għandhom ikopru lill-IĠ tal-UE eżistenti kollha, iżda għandhom ukoll, fl-opinjoni tagħna, jinkludu mekkaniżmi ta' kooperazzjoni bilaterali għar-rikonoxximent reċiproku mir-Renju Unit u l-UE-27 ta' IĠ ġodda approvati wara l-perjodu ta' tranżizzjoni u, jekk rilevanti, f'każ li l-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq jieqaf japplika skont l-Artikolu 18 tiegħu;

 

5. Aħna konxji ħafna li l-kwistjoni tal-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq għandha implikazzjonijiet li jmorru lil hinn sew mis-settur agrikolu. Madankollu, minħabba l-importanza tal-ostakli tariffarji u mhux tariffarji fl-agrikoltura, il-karattru ferm integrat u interdipendenti tas-swieq agrikoli tal-Irlanda u tal-Irlanda ta' Fuq, u ċ-ċirkolazzjoni kostanti fuq il-fruntiera ta' annimali ħajjin, ta' prodotti lesti u prodotti li jeħtieġu pproċessar ulterjuri, it-trattament bla xkiel ta' din il-kwistjoni huwa partikolarment importanti għal dan is-settur. F'dan ir-rigward, il-Kumitat AGRI jilqa' ż-żamma tal-istatus quo, il-fruntiera attwali inviżibbli u l-kooperazzjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar fuq il-gżira tal-Irlanda kif stabbilit fil-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, dment li jingħata l-kunsens demokratiku msemmi fl-Artikolu 18 tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq;

 

 

6. Fl-istess ħin, nixtiequ nenfasizzaw il-ħtieġa assoluta li tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-Protokoll, sabiex mhux biss jinżamm l-istatus quo ta' hawn fuq, iżda wkoll biex jiġi evitat il-ħolqien ta' lakuni fil-protezzjoni tariffarja u mhux tariffarja tal-UE. Il-ħidma tal-Kumitat Konġunt biex jiġu ffinalizzati l-arranġamenti skont il-Protokoll se tkun kruċjali. Dawn iż-żewġ objettivi għandhom ukoll jiġu riflessi u infurzati permezz ta' kwalunkwe arranġament dwar ir-relazzjoni futura f'każ li l-Protokoll ma jibqax japplika skont l-Artikolu 18;

 

7. Il-kwistjonijiet agrikoli ewlenin imqajma mill-Brexit jirrigwardaw il-kummerċ. Il-prodotti agrikoli u agroalimentari huma dawk bl-ogħla livelli ta' protezzjoni tariffarja u mhux tariffarja fl-UE bħal fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tad-dinja, u kif aktarx ikun il-każ fir-Renju Unit. Is-settur għalhekk huwa l-aktar li mistenni jbati mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Doganali u mis-Suq Uniku fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni, speċjalment peress li l-volumi kummerċjali inkwistjoni huma sinifikanti: abbażi tal-flussi kummerċjali attwali, ir-Renju Unit jista' jsir is-sieħeb ewlieni tal-kummerċ agroalimentari tal-UE-27 kemm għall-esportazzjonijiet kif ukoll għall-importazzjonijiet wara l-Brexit;

 

8. Għalhekk nixtiequ nindikaw li jekk il-Ftehim jidħol fis-seħħ, ikun tal-akbar importanza li jittieħed vantaġġ mill-perjodu ta' tranżizzjoni biex jiġu negozjati arranġamenti komprensivi li joħolqu żona ta' kummerċ ħieles, kif previst skont id-Dikjarazzjoni Politika. Fin-nuqqas ta' dan, is-settur agrikolu jiffaċċja xenarju reali katastrofiku f'termini ta' kummerċ bilaterali, bil-kummerċ bejn ir-Renju Unit u l-UE-27 jaqa' taħt ir-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, mingħajr ebda aċċess preferenzjali għas-swieq ta' xulxin, u possibbilment b'varjazzjonijiet f'termini tal-oqfsa regolatorji rispettivi tagħhom. Nixtiequ nenfasizzaw bil-qawwa li, mill-perspettiva tal-Kumitat AGRI, għandu jsir minn kollox biex jiġi evitat xenarju bħal dan. Jekk dan ma jkunx possibbli, il-Kumitat AGRI jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi biżżejjed riżorsi biex jittaffew l-effetti għall-bdiewa u għall-industrija agroalimentari fil-każ ta' eżitu b'effett katastrofiku fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni, bħalma kien ippjanat fil-każ ta' nuqqas ta' ratifika tal-Ftehim dwar il-Ħruġ;

 

9. Il-politika agrikola nazzjonali l-ġdida li se tidħol fis-seħħ fir-Renju Unit wara l-ħruġ tiegħu mill-UE u l-ftehimiet kummerċjali ġodda li se jwettaq ma' pajjiżi terzi oħra se jkollhom ukoll impatt deċiżiv fuq is-settur. Madankollu dawn huma barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din l-opinjoni dwar il-Ftehim;

 

10. Konsegwentement, il-Kumitat AGRI jappoġġa bis-sħiħ il-Ftehim dwar il-Ħruġ kif maqbul min-negozjaturi tal-UE u tar-Renju Unit u mgħoddi lill-Parlament għall-kunsens, u jittama li d-dħul fis-seħħ tiegħu u l-implimentazzjoni xierqa tiegħu jiftħu t-triq għal arranġamenti dwar ir-relazzjoni futura li ser tippreserva, kemm jista' jkun, l-interessi agrikoli tal-UE.


 

 

ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI

Is-Sur Antonio Tajani

President

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

BRUSSELL

Suġġett: <Titre>Opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali rigward il-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika</Titre> <DocRef>(2018/0427(NLE))</DocRef>

 

Fil-laqgħa tas-6 ta' Novembru 2019, il-Koordinaturi tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali ddeċidew li jagħtu opinjoni fil-forma ta' ittra, skont l-Artikolu 56 (1) tar-Regoli ta' Proċedura, rigward il-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika[54] ("il-Ftehim dwar il-Ħruġ") b'konċentrazzjoni fuq il-kompetenzi tal-Kumitat tagħna. Skont id-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-24 ta' Ottubru 2019, fis-6 ta' Novembru 2019 inħtart rapporteur għall-opinjoni fil-kapaċità tiegħi ta' President tal-Kumitat, u l-opinjoni tieħu l-forma ta' ittra.

 

 

Ir-rakkomandazzjoni

 

Fil-laqgħa tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali għaldaqstant iddeċieda, bi 17-il vot favur, vot wieħed kontra u 2 astensjonijiet[55], li jirrakkomanda lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali li ma japprovax il-Ftehim dwar il-Ħruġ dment li l-Abbozz tal-Att Brittaniku dwar il-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit, li għandu jagħti effett lill-Ftehim dwar il-Ħruġ, ma jkunx ġie adottat definittivament u ffirmat mill-istanzi rilevanti kollha tar-Renju Unit u l-effetti legali tiegħu bil-ħsieb tal-implimentazzjoni futura tal-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jkunux ġew ivvalutati.

 

Ir-rakkomandazzjoni qed tingħata bir-rispett dovut mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, b'mod partikolari l-Artikoli 4 u 5, it-Tieni Parti dwar id-drittijiet taċ-ċittadini, id-dispożizzjonijiet tat-Tielet Parti, it-Titolu IV, dwar il-proprjetà intellettwali, it-Titolu VI dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja kurrenti f'materji ċivili u kummerċjali u r-relazzjoni mill-qrib tagħhom mal-okkorrenzi qabel tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni; it-Titolu X dwar il-proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi; it-Titolu XII dwar il-privileġġi u l-immunitajiet, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew; u t-Titolu XIII dwar kwistjonijiet oħra relatati mal-funzjonament tal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, ir-Raba' Parti dwar it-Tranżizzjoni u s-Sitt Parti dwar id-dispożizzjonijiet istituzzjonali u finali, b'mod partikolari fir-rigward tat-Titolu I tagħha dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni konsistenti.

 

F'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali lejn l-elementi li ġejjin li għandhom jitqiesu bħala essenzjali għall-fini tal-approvazzjoni:

 

1. Il-ħruġ ta' Stat Membru mill-Unjoni Ewropea, filwaqt li huwa dritt sovran ta' dak l-Istat Membru, għandu jkun organizzat b'mod ordinat kemm jista' jkun b'tali mod li ma jaffettwax ħażin l-Unjoni Ewropea, iċ-ċittadini tagħha u l-proċess ta' integrazzjoni Ewropea, minn naħa waħda, u jillimita, sa fejn ikun possibbli, il-konsegwenzi negattivi immedjati fuq l-Istat Membru li jkun ħiereġ u ċ-ċittadini tiegħu, min-naħa l-oħra;

 

2. Fin-nuqqas ta' Ftehim dwar il-Ħruġ, ir-Renju Unit joħroġ awtomatikament mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta' Jannar 2020, u dan jagħmlu b'mod diżordinat;

 

3. Fin-notifika tiegħu tad-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit iddikjara l-intenzjoni tiegħu li jkun barra l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;  Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit, il-Parlament issottolinja, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet taċ-ċittadini, li t-twettiq tal-impenn li jiġi żgurat li d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE-27 li jirrisjedu fir-Renju Unit jingħataw effett dirett permezz tal-inkorporazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ fil-liġi tar-Renju Unit għandu jsir b'mod li ma jħallihx jinbidel b'mod unilaterali, jippermetti liċ-ċittadini tal-UE jinvokaw id-drittijiet tal-Ftehim dwar il-Ħruġ direttament quddiem il-qrati tar-Renju Unit u l-amministrazzjoni pubblika, u jagħtih preċedenza fuq il-liġi tar-Renju Unit, u ssottolinja li, sabiex tiġi ggarantita l-koerenza u l-integrità tal-ordinament legali tal-UE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) trid tibqa' l-unika awtorità kompetenti għall-interpretazzjoni u l-infurzar tal-liġi tal-Unjoni Ewropea u tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.  F'dan il-kuntest, għandu jiġi nnutat li, skont it-termini u l-kundizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, ir-Renju Unit qabel ma' dispożizzjonijiet speċifiċi rigward il-ġurisdizzjoni tal-QĠUE u dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.  Dan huwa element essenzjali tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u kwalunkwe devjazzjoni unilaterali mid-dispożizzjonijiet tiegħu f'dan ir-rigward, b'mod partikolari permezz tal-adozzjoni ta' dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni bħall-Abbozz ta' Liġi dwar il-Ftehim dwar il-Ħruġ b'tali effett, irid jirriżulta fiċ-ċaħda tal-approvazzjoni mill-Parlament Ewropew.  Għalhekk isegwi li l-approvazzjoni tal-Parlament tista' tingħata biss bil-fehim li s-soluzzjoni bbilanċjata bir-reqqa milħuqa fil-Ftehim dwar il-Ħruġ fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-QĠUE u tar-rwol tagħha fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tal-Ftehim dwar il-Ħruġ innifsu tiġi rrispettata bis-sħiħ u b'bona fide mill-partijiet.

 

4. Huwa ta' importanza ewlenija li d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE-27 li jirrisjedu fir-Renju Unit u taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu fl-UE jiġu ppreservati, bis-sħiħ sa tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni, u fl-akbar grad possibbli lil hinn minn dak il-perjodu, b'mod partikolari għall-familji u ċ-ċittadini vulnerabbli kif ukoll f'dak li jirrigwarda d-drittijiet miksuba.  Mill-bidu tan-negozjati, din kienet il-linja gwida prinċipali tal-Parlament u l-kundizzjoni ewlenija għall-approvazzjoni tiegħu, u hekk trid tibqa'.

 

5. Il-ħruġ ordinat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea huwa primordjali għall-Irlanda ta' Fuq u għar-relazzjonijiet futuri tagħha mal-Irlanda, bil-ħsieb li l-paċi tkun salvagwardjata u għalhekk li l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira jinżamm fil-partijiet kollha tiegħu.  F'dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet emendati tal-Protokoll rivedut dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq tista' toħloq sfidi u se jeħtiġilha tinbena u tiġi ssorveljata b'attenzjoni.  Wieħed mill-elementi li se jirrikjedi skrutinju u kunsiderazzjoni bir-reqqa jikkonċerna l-ġurisdizzjoni għal kumpaniji li jkunu stabbiliti u joperaw fl-Irlanda ta' Fuq.

 

6. L-Abbozz ta' Liġi tar-Renju Unit dwar il-Ftehim dwar il-Ħruġ, li għandu jagħti effett lill-Ftehim dwar il-Ħruġ, huwa att tal-ordinament legali domestiku tar-Renju Unit u l-effetti legali tiegħu bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ huma essenzjali għall-approvazzjoni.  Għandhom jiġu analizzati bir-reqqa qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar l-approvazzjoni u sussegwentement se jkollhom jiġu ssorveljati mill-qrib, kemm mir-Renju Unit u kemm mill-Unjoni Ewropea, f'każ li l-approvazzjoni tingħata.

 

7. L-Awtorità Indipendenti ta' Monitoraġġ li qed titwaqqaf bħalissa mir-Renju Unit se ssir kompetenti biex tirċievi l-ilment taċ-ċittadini tal-UE-27 dwar każijiet ta' ksur potenzjali ta' drittijiethom skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ. Sejra tkun kompetenti biex tvara inkjesti u tistitwixxi proċedimenti legali. Fid-dawl tar-rwol ewlieni li din l-entità se jkollha fil-ġejjieni fl-iżgurar tal-konformità mal-Ftehim dwar il-Ħruġ, u għaldaqstant mal-liġi tal-UE, huwa tal-akbar importanza li din l-awtorità titwaqqaf b’mod li jippermettilha taġixxi bil-ħeffa u b'indipendenza sħiħa fuq ilmenti minn ċittadini tal-Unjoni.

 

8. Il-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi perjodu ta' tranżizzjoni sa tmiem l-2020, li jista' jiġi estiż b'sa sena jew sentejn; Skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ, matul il-perjodu ta' tranżizzjoni, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni għandu jkollhom is-setgħat mogħtija lilhom mid-dritt tal-Unjoni fil-konfront tar-Renju Unit u tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jirrisjedu, jew li jkunu stabbiliti, fir-Renju Unit. B'mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġurisdizzjoni kif previst fit-Trattati.  Għandu jiġi nnutat li l-possibbiltà tal-estensjoni tal-perjodu ta' tranżizzjoni għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa bħala mod kif il-ħruġ ordinat tar-Renju Unit jiġi ffaċilitat aktar permezz tal-ikkompletar tan-negozjati dwar ir-relazzjonijiet futuri bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea.

 

Nittama li dan ta' hawn fuq ikun kontribut siewi għar-rapport imfassal mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali.

 

Dejjem tiegħek,

Lucy Nethsingha


 

 

ITTRA TAL-KUMITAT GĦAL-LIBERTAJIET ĊIVILI, IL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN

Is-Sur Antonio Tajani

President

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

BRUSSELL

Suġġett: <Titre>Opinjoni rigward il-Konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika</Titre> <DocRef>(2018/0427(NLE))</DocRef>

Sur President,

Għandi l-pjaċir ninfurmak li, wara d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati tat-12 ta' Frar 2019, kif approvata mill-Konferenza tal-Presidenti tal-14 ta' Frar 2019, il-Kumitat LIBE kien iddeċieda fis-26 ta' Frar 2019 li jitlob li jippreżenta opinjoni fil-forma ta' ittra lill-Kumitat AFCO skont il-proċedura msemmija hawn fuq, skont l-Artikolu 56 (1) tar-Regoli ta' Proċedura.

Il-Kumitat tagħna adotta tali opinjoni fil-laqgħa tiegħu tat-13 ta' Jannar 2020. F'dik il-laqgħa, huwa ddeċieda li jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fl-abbozz ta' rakkomandazzjoni tiegħu.

 

Għalhekk, qed nibgħat l-opinjoni tal-Kumitat LIBE, li tikkonsisti f'żewġ partijiet, jiġifieri l-parti A (Osservazzjonijiet ġenerali) u l-parti B (Osservazzjonijiet tematiċi għal kull qasam ta' kompetenza tal-Kumitat LIBE). L-opinjoni tindirizza dawk il-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Kumitat LIBE u li huma essenzjali għal proċess ta' ħruġ ordinat u mħejji sewwa, jiġifieri s-sitwazzjoni u d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE u tar-Renju Unit, il-protezzjoni tad-data personali, l-asil, il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri, kif ukoll is-sigurtà, il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali. Għal dak il-għan, tikkummenta biss dwar it-test tal-abbozz tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, inkluż fil-prospettiva ta' kooperazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit.

 

 

Dejjem tiegħek,

Juan Fernando López Aguilar

SUĠĠERIMENTI

A. Osservazzjonijiet ġenerali

Il-Kumitat LIBE jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE jkun limitat kemm jista' jkun. Dan huwa partikolarment importanti fil-każ tal-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kumitat LIBE msemmija hawn fuq, peress li dawn jaffettwaw aspetti fundamentali tal-ħajja tan-nies. 

Il-Kumitat LIBE jqis li l-Ftehim dwar il-Ħruġ ifittex li jipprovdi qafas għall-ħruġ ordinat li jnaqqas l-effetti negattivi tat-tluq tar-Renju Unit kemm jista' jkun.

Fl-aħħar nett, il-Kumitat tagħna huwa tal-fehma li kwalunkwe kooperazzjoni internazzjonali futura bejn l-UE u r-Renju Unit għandha tkompli tirrifletti r-rispett komuni għal-liġi internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt.

B. Osservazzjonijiet tematiċi

1.  Id-drittijiet taċ-ċittadini

Skont ir-riżoluzzjoni tal-PE tal-14 ta' Mejju 2018[56], għandu jiġi żgurat li "d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE li jirrisjedu legalment fir-Renju Unit u taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu legalment fl-UE-27 ma jkunux affettwati mill-Brexit", u l-Kumitat tagħna jilqa' l-Ftehim dwar il-Ħruġ għaliex din it-talba ewlenija tal-Parlament iwettaqha fi grad sinifikanti. Huwa pożittiv ukoll il-fatt li l-obbligi għar-Renju Unit u l-UE f'dan ir-rigward huma bbażati fuq ir-reċiproċità.

Għaldaqstant, huwa punt kruċjali għall-Kumitat LIBE li, skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ, id-drittijiet taċ-ċittadini, inkluża l-interpretazzjoni ġudizzjarja fir-rigward tagħhom, sejrin jinżammu matul il-perjodu ta' tranżizzjoni, hekk li ċ-ċittadini fuq iż-żewġ naħat jingħataw l-ispazju u ż-żmien meħtieġa biex jippjanaw ħajjithom. Il-"protezzjoni tul il-ħajja” hija ggarantita wkoll mill-Artikolu 39 tal-Ftehim, filwaqt li l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) anke wara l-ħruġ, u n-natura vinkolanti tal-ġurisprudenza li tkun ingħatat qabel tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni, huma wkoll pożittivi f'dak ir-rigward. Il-Kumitat tagħna jilqa' b'sodisfazzjon il-kopertura ġenerali tal-membri tal-familja kurrenti u tat-tfal futuri mill-Ftehim dwar il-Ħruġ u l-garanziji relatati dwar ir-riunifikazzjoni tal-familji, il-protezzjoni kontra l-espulsjoni, is-salvagwardji rigward ir-rekwiżiti dwar il-prova tad-dritt ta' permanenza u d-drittijiet proċedurali rilevanti, kif ukoll l-assigurazzjoni relatata mill-gvern tar-Renju Unit li, matul il-perjodu tranżizzjonali, u b'differenza mill-prattika reċenti tiegħu, mhux sejjer japplika r-rekwiżit tal-Assigurazzjoni Komprensiva tal-Mard għaċ-ċittadini tal-Unjoni li japplikaw għal status ta' stabbilit (settled status) jew għal status proviżorju (pre-settled status).

 

Il-Ftehim dwar il-Ħruġ jippreżenta wkoll ċerti punti ta' diffikultà, pereżempju, ċerti kategoriji ta' ċittadini li bħalissa huma koperti mil-liġi tal-UE kif interpretata mill-QĠUE mhumiex se jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tiegħu (eż. ċittadini tar-Renju Unit li jirritornaw lejn ir-Renju Unit flimkien ma' membri tal-familja li mhumiex mill-UE, persuni b'diżabbiltà u l-persuni li jieħdu ħsiebhom, ċittadini ta' pajjiżi terzi li jgħixu fir-Renju Unit li għandhom rabtiet legali qawwija mal-Istati Membri, bħal ċittadini ta' pajjiżi terzi li twieldu fl-UE, refuġjati rikonoxxuti u persuni mingħajr stat). Madankollu, b'mod ġenerali, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jistabbilixxu sistema li tal-inqas se tipprovdi xi ċertezza u prevedibbiltà legali, u se tipproteġi, fil-biċċa l-kbira, id-drittijiet li ċ-ċittadini tal-UE u tar-Renju Unit kisbu meta għamlu użu mid-drittijiet tagħhom ta' moviment liberu u ta' ċittadinanza tal-Unjoni.

Il-Kumitat LIBE huwa mħasseb li ċ-ċittadini fl-Irlanda ta' Fuq se jgawdu minn drittijiet differenti skont in-nazzjonalità tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Renju Unit biex jiżguraw li mhu se jkun hemm l-ebda tnaqqis tad-drittijiet għaċ-ċittadini fl-Irlanda ta' Fuq, u biex jirrispetta bis-sħiħ il-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira fil-partijiet kollha tiegħu.

Kif inhi s-sitwazzjoni bħalissa, iċ-ċittadini tar-Renju Unit mhux se jkollhom aktar drittijiet ta' moviment liberu, mill-Istat Membru fejn kienu jirrisjedu lejn Stat Membru ieħor, wara tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni u, biex ikomplu jgawdu mill-moviment liberu, ikunu jistgħu biss japplikaw għaċ-ċittadinanza ta' Stat Membru skont il-liġi nazzjonali rilevanti jew għall-istatus ta' residenti fit-tul skont il-liġi tal-Unjoni. Hija l-fehma ta' dan il-Kumitat li l-ftehim internazzjonali futur għandu jkun fih il-kontinwazzjoni sħiħa tad-drittijiet taċ-ċittadini ggarantiti taħt il-Ftehim dwar il-Ħruġ, sew għaċ-ċittadini tal-UE u sew għal dawk tar-Renju Unit, anke wara tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni. Barra minn hekk, huwa importanti għall-Kumitat LIBE li aktar konkretizzazzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini – inkluż il-moviment liberu għal ċittadini tar-Renju Unit fl-UE abbażi ta' approċċ reċiproku – tirrappreżenta l-ġebla tax-xewka u parti indiviżibbli tat-test ta' ftehim internazzjonali futur bejn l-UE u r-Renju Unit. Huwa essenzjali wkoll li l-Istati Membri tal-UE-27 jiċċaraw il-qafas li għandu jiġi applikat minn kull wieħed minnhom għaċ-ċittadini tar-Renju Unit li jkunu jixtiequ jiksbu l-istatus ta' residenti. Tali miżuri għandhom ikunu faċli għall-utent u trasparenti, sabiex jiffaċilitaw il-proċess, u jkunu wkoll mingħajr ħlas.

Barra minn hekk, il-Kumitat LIBE huwa mħasseb dwar l-Iskema għall-ksib tal-istatus ta' stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE implimentata mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, li tippermetti liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom japplikaw għal status ta' stabbilit u għal status proviżorju fir-Renju Unit. B'mod partikolari, l-aspetti li ġejjin għandhom jiġu indirizzati mill-aktar fis, u sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu tranżizzjonali:

i)  li jiġi żgurat li l-problemi li jinħolqu b'rabta man-natura elettronika tal-applikazzjoni (id-diffikultajiet li ċerti kategoriji ta' ċittadini tal-Unjoni jġarrbu biex jaċċedu għall-applikazzjoni, l-attribuzzjoni awtomatika żbaljata ta' status proviżorju minflok status stabbilit, l-impossibbiltà applikant jippreżenta verżjonijiet stampati ta' dokumenti differenti), kif ukoll sfidi oħra ta' aċċess għall-applikazzjoni, għandhom jiġu indirizzati mill-awtoritajiet tar-Renju Unit permezz ta' miżuri speċifiċi;

ii)  li tiġi żgurata l-indipendenza sħiħa tal-Awtorità Indipendenti tal-Monitoraġġ li tirrevedi u tissorvelja l-funzjonament tas-sistema u taġixxi bil-ħeffa fuq ilmenti minn ċittadini tal-Unjoni u mill-membri tal-familja tagħhom;

iii)  li jiġi żgurat li jittieħdu miżuri biex ċittadini vulnerabbli jintlaħqu u s-sitwazzjoni tagħhom tiġi indirizzata qabel u wara l-iskadenza, u għall-mitigazzjoni tal-konsegwenzi għal dawk iċ-ċittadini tal-Unjoni li, bla ebda ħtija tagħhom, ma japplikawx għall-Iskema għall-ksib tal-istatus ta' stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE qabel l-iskadenza għall-applikazzjonijiet; il-kriminalizzazzjoni, id-diskriminazzjoni, id-detenzjoni u d-deportazzjoni ta' ċittadini li normalment ikunu intitolati għar-residenza jridu jiġu evitati.

 

 

2.  Il-protezzjoni tad-data

Rigward il-protezzjoni tad-data, il-Kumitat LIBE jikkondividi l-objettiv tal-Ftehim dwar il-Ħruġ li jiżgura l-kontinwità tal-protezzjoni mogħtija lill-individwi fl-Unjoni li d-data personali tagħhom sejra tiġi pproċessata fir-Renju Unit wara d-data tal-ħruġ. L-Artikoli 70-71 tal-Ftehim jipprovdu qafas li jissodisfa dan l-objettiv, matul il-perjodu tranżizzjonali u lil hinn minnu. Għalhekk huwa essenzjali li l-Kummissjoni tibda mingħajr dewmien il-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-qafas legali tal-protezzjoni tad-data tar-Renju Unit.

Filwaqt li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim jistabbilixxu b'mod ċar dan l-obbligu li l-protezzjoni tal-individwi tal-UE tkun żgurata wara l-Brexit, madankollu jeħtieġ li l-modalitajiet prattiċi li sejrin jiġu implimentati jirrispettaw dan l-objettiv bis-sħiħ. Il-Kumitat LIBE jenfasizza l-ħtieġa li ssir analiżi bir-reqqa u fil-fond tal-qafas legali tal-protezzjoni tad-data tar-Renju Unit, sabiex jintwera li l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa mil-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, b'mod partikolari r-Regolamenti (UE) 2016/679 u 2018/1725 u d-Direttiva (UE) 2016/680, kif ukoll il-ġurisprudenza tal-QĠUE, jkunu ssodisfati, b'tali mod li jiġi żgurat livell ta' protezzjoni essenzjalment ekwivalenti għal dak mogħti mill-Unjoni Ewropea. Il-Kumitat LIBE jirrikonoxxi li r-Renju Unit implimenta l-pakkett tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu. Dan ikun il-bażi għall-valutazzjoni tal-adegwatezza. Il-Kumitat LIBE jikkunsidra li għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-qafas legali fis-seħħ fir-Renju Unit fl-oqsma tas-sigurtà nazzjonali jew tal-ipproċessar tad-data personali minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, jew għal kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni. Ifakkar li programmi ta' sorveljanza tal-massa bħal Tempora jistgħu ma jkunux ekwivalenti mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, u jħeġġeġ bil-qawwa li tiġi kkunsidrata l-ġurisprudenza f'dan il-qasam, bħall-kawża Schrems[57].

Jekk jagħti l-każ li l-qafas legali tal-protezzjoni tad-data tar-Renju Unit ma jikkwalifikax għal deċiżjoni ta' adegwatezza, l-Unjoni Ewropea għandha tenfasizza l-ħtieġa li r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data fit-trasferimenti internazzjonali jiġu rrispettati, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità meħtieġa tal-protezzjoni stabbilita mil-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

Il-Kumitat LIBE jitlob ukoll li l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data tal-Istati Membri jsegwu l-proċess sħiħ tal-ħruġ b'mod proattiv ħalli jikkontribwixxu għal ħruġ li jirnexxi u jkun ordinat, mingħajr tfixkil tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data. 

 

 

3.  Is-sigurtà, l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali

Fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, il-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi arranġamenti ċari u dettaljati għall-proċedimenti kriminali pendenti kollha. L-eżistenza ta' perjodu tranżizzjonali li matulu l-liġi rispettiva tal-Unjoni, li tkun indikata b'mod ċar, tibqa' tapplika, sejra tippermetti li dawk il-proċedimenti jiġu kkompletati skont il-prinċipju taċ-ċertezza legali – prinċipju sovrastanti fil-liġi u fil-proċedura kriminali.

F'dak li jirrigwarda l-infurzar tal-liġi u s-sigurtà interna, f'konformità mal-Ftehim dwar il-Ħruġ, wara l-ħruġ, ir-Renju Unit mhu se jibqa' jkollu aċċess għall-ebda sistema ta' informazzjoni tal-Unjoni, li l-aktar waħda importanti fosthom hija s-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen li fiha informazzjoni dwar ċittadini sew ta' pajjiżi terzi u sew tal-UE. Il-Ftehim dwar il-Ħruġ jistabbilixxi regoli għal miżuri matul il-perjodu ta' tranżizzjoni li bihom ir-Renju Unit se jibqa' jiskambja l-informazzjoni permezz tas-sistemi sa tmiem dak il-perjodu tranżizzjonali. Fir-rigward ta' diversi sistemi importanti, bħal SIS u SIENA, il-Ftehim jipprevedi l-possibbiltà, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jsir skambju ta' informazzjoni operazzjonali għal żmien limitat lil hinn minn tmiem il-perjodu tranżizzjonali, biex jiġi żgurat li l-valur operazzjonali tal-informazzjoni li tkun tinsab fis-sistemi fi tmiem il-perjodu tranżizzjonali ma jintilifx. Dawn l-arranġamenti fil-Ftehim għandhom itaffu l-impatt tal-qtugħ f'daqqa tal-konnessjoni mas-sistemi ta' informazzjoni tal-Unjoni. Ta' min jinnota li, għal uħud mis-sistemi tal-UE, bħall-PNR, dan se jippermetti ż-żmien meħtieġ ir-Renju Unit u l-UE jinnegozjaw l-arranġamenti futuri dwar l-iskambju tad-data tal-PNR, li għandhom jiġi vvalutati wkoll mill-QĠUE.

Fir-rigward tar-relazzjoni futura mar-Renju Unit, il-Parlament ifakkar li d-dikjarazzjoni politika li tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjonijiet futuri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tirreferi għal sħubija ta' sigurtà wiesgħa, komprensiva u bbilanċjata li sejra tipprevedi arranġamenti reċiproċi għal skambji f'waqthom, effikaċi u effiċjenti ta' data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) u għall-ħżin tar-riżultati tal-ipproċessar ta' tali data li f'sistemi nazzjonali rispettivi tal-ipproċessar tal-PNR, għall-ipproċessar ta' data dwar id-DNA, il-marki tas-swaba' u r-reġistrazzjoni tal-vetturi (Prüm), kif ukoll għall-kooperazzjoni operazzjonali permezz tal-Europol u l-Eurojust. Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, minkejja li r-Renju Unit ma kienx obbligat jipparteċipa fi strumenti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali, permezz ta' nonparteċipazzjoni volontarja, mekkaniżmu previst fit-Trattat ta' Lisbona, madankollu għażel li jipparteċipa f'miżuri leġiżlattivi fuq bażi ta' każ b'każ, u minkejja l-vot fl-2016 biex joħroġ mill-Unjoni, jidher li r-Renju Unit għadu biħsiebu jieħu sehem f'ċerti partijiet tal-kooperazzjoni tal-pulizija u f'dik ġudizzjarja f'materji kriminali wara li jitlaq mill-Unjoni. Irid ikun hemm qafas ċar u permanenti, aktar milli deċiżjonijiet ad hoc, għall-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali.  Prerekwiżiti għal din il-kooperazzjoni huma r-rispett sinifikanti tad-drittijiet fundamentali tal-individwi, inkluża l-aderenza kontinwa mal-QEDB u l-applikazzjoni tagħha, il-protezzjoni adegwata tad-data personali, u salvagwardji legali effikaċi. Il-Kumitat LIBE jikkunsidra li din il-kooperazzjoni għandha tkun għalkollox kundizzjonali fuq ir-rispett għal dawn il-prinċipji. Il-Parlament ifakkar li l-awtoritajiet tar-Renju Unit għamlu kopji ta' data personali pproċessata fis-sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, bi ksur serju tal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, u li dan il-ksur għadu ma ġiex solvut sal-lum; għalhekk, f'konformità mal-prerekwiżiti msemmija hawn fuq, il-Parlament jitlob li l-Kunsill u l-Kummissjoni jirrimedjaw dan il-ksur serju u vjolazzjonijiet serji oħra qabel kwalunkwe negozjar dwar il-modalitajiet ta' kooperazzjoni, wara evalwazzjoni rapida u dettaljata tas-sitwazzjoni u r-rappurtar rilevanti lill-Parlament.

4.  L-asil, il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri

Bħala kumment ġenerali, il-kooperazzjoni futura fil-qasam tal-asil, il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri ftit li xejn tissemma fil-Ftehim dwar il-Ħruġ.

F'dak il-kuntest, ikun jeħtieġ li jiġi ċċarat sa liema punt ir-Renju Unit jixtieq jibqa' jikkoopera mal-UE rigward is-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, b'mod partikolari Dublin, peress li r-Renju Unit bħalissa jipparteċipa f'diversi strumenti.  B'mod simili, fil-qasam tal-migrazzjoni, inkluża l-kooperazzjoni internazzjonali, ikun jeħtieġ li jingħataw kjarifiki rilevanti dwar il-kooperazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit. Skont jekk ikunx hemm parteċipazzjoni kontinwa fil-programmi tal-Unjoni, fil-ftehim futur ikun għandhom jiġu inklużi wkoll arranġamenti  fir-rigward tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, peress li bħalissa r-Renju Unit qed jirċievi l-ogħla ammont (għal miżuri fil-qasam tar-ritorn).

F'dak li jirrigwarda l-ġestjoni tal-fruntieri, bħalissa r-Renju Unit mhuwiex permess li jsir membru sħiħ tal-Frontex, għar-raġuni li ma kienx għażel li jipparteċipa f'partijiet relatati tal-acquis ta' Schengen. Madankollu, huwa jikkollabora mal-Frontex b'firxa ta' modi, inkluż b'appoġġ operazzjonali fl-oqsma tar-ritorn u tal-ġestjoni tal-fruntieri kif ukoll bir-rappreżentanza bħala osservatur fil-Bord Amministrattiv. Ikun importanti li jiġu ċċarati r-relazzjonijiet tal-Frontex mar-Renju Unit bħala pajjiż terz fil-futur. L-istess konklużjoni hija rilevanti għall-ħtieġa li r-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit jiġu ddeterminati għall-iskambju ta' informazzjoni u għall-użu ta' sistemi ta' informazzjoni fuq skala kbira għall-ġestjoni tal-fruntieri, b'mod partikolari biex jiġu ċċarati l-modalitajiet il-ġodda f'termini ta' governanza u ċertezza legali.

Il-Kumitat LIBE għaldaqstant jistieden lill-Kumitat AFCO, bħala l-kumitat responsabbli, biex jirrakkomanda li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2018/0427(NLE)).


 

ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-PETIZZJONIJIET

Is-Sur Antonio Tajani

President

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

BRUSSELL

Suġġett: <Titre>Opinjoni dwar id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika </Titre> <DocRef>(2018/0427(NLE))</DocRef>

Sur President,

Qed niktiblek rigward l-approvazzjoni tal-kumitat tiegħek tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2018/0427(NLE)). Fil-laqgħa tiegħu tal-21 ta' Jannar 2020, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet adotta opinjoni fil-forma ta' ittra, li qed nissottometti hawnhekk.

F'dik il-laqgħa[58], il-Kumitat għall-Petizzjonijiet iddeċieda li jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli għall-fajl, biex jirrakkomanda li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu għad-Deċiżjoni tal-Kunsill.

L-Artikolu 227 tat-TFUE jagħti d-dritt liċ-ċittadini kollha tal-UE u lill-kumpaniji jew lill-individwi kollha li jirrisjedu fit-territorju tal-UE li jippreżentaw petizzjoni lill-Parlament Ewropew. Dan ifisser li wara l-Brexit, iċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu fir-Renju Unit mhux se jibqgħu jgawdu d-dritt li jipparteċipaw fl-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej wara l-31 ta' Jannar, u se jitilfu d-dritt li jressqu petizzjoni lill-PE u d-dritt li jirrikorru għand l-Ombudsman wara tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni (31 ta' Diċembru). Iċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit se jibqgħu jgawdu dawk id-drittijiet kollha filwaqt li ċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu fl-UE se jitilfu d-dritt li jipparteċipaw fl-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej iżda se jżommu d-dritt li jippreżentaw petizzjoni.

Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jagħti importanza kbira lill-210 petizzjoni mibgħuta miċ-ċittadini, li fihom jesprimu t-tħassib serju tagħhom dwar il-mod kif il-Brexit se jaffettwa d-drittijiet tagħhom, b'mod partikolari, fir-rigward tad-dritt li wieħed jirrikorri għand l-Ombudsman u d-dritt li wieħed jipparteċipa fl-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva wkoll ħafna petizzjonijiet dwar id-drittijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, il-kura tas-saħħa, id-drittijiet għal vot u r-residenza. Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet għalhekk jixtieq jenfasizza l-importanza li jiġu salvagwardjati d-drittijiet taċ-ċittadini kif garantiti mill-Ftehim dwar il-Ħruġ.

Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet ifakkar li l-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini minn dejjem kienet il-prijorità ewlenija tiegħu. Huwa jinnota li l-Ftehim jistabbilixxi dispożizzjonijiet bil-għan li jiġu salvagwardjati l-istatus u d-drittijiet li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni għaċ-ċittadini tal-UE u tar-Renju Unit u għall-familji tagħhom, li ġew affettwati mill-ħruġ tar-Renju Unit. Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jinnota li d-drittijiet ta' dawk iċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom, li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu fir-Renju Unit skont id-dritt tal-Unjoni qabel tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni u li jkomplu jirrisjedu hemmhekk wara dan il-perjodu, kif ukoll, taċ-ċittadini tar-Renju Unit li eżerċitaw l-istess dritt fi Stat Membru tal-UE 27, qed jiġu protetti mill-Ftehim dwar il-Ħruġ.

Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet ifakkar li d-dritt għal vot fl-elezzjonijiet huwa dritt fundamentali komuni għat-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri, u huwa rikonoxxut fit-Trattati tal-UE fl-ambitu tad-dritt għal parteċipazzjoni politika. Il-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika u t-tgawdija tad-drittijiet elettorali miċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru ieħor ta' spiss kienu s-suġġett ta' petizzjonijiet.

Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet għalhekk jiddispjaċih li ħafna ċittadini tar-Renju Unit iċċaħħdu mid-dritt għal vot wara li kienu għexu għal aktar minn 15-il sena fi Stat Membru ieħor. Ir-Renju Unit ċaħħad liċ-ċittadini tiegħu minn dan id-dritt fuq is-suppożizzjoni li l-espatrijati mhumiex affettwati mid-deċiżjonijiet politiċi meħuda fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom. Ir-Renju Unit ineħħi wkoll id-dritt għal vot taċ-ċittadini tiegħu fl-elezzjonijiet Ewropej jekk jgħixu b'mod permanenti f'pajjiż terz inkluż ukoll, fl-Istati Membri.

Il-Kumitat jiddispjaċih li ħafna ċittadini tar-Renju Unit u ċ-ċittadini kollha tal-UE 27 ma tħallewx jivvutaw fir-referendum dwar il-Brexit avolja r-riżultat tal-vot kien kruċjali għal ħajjithom. Id-dritt għal vot fl-elezzjonijiet u fir-referenda legali huwa dritt fundamentali u għandu jiġi protett f'kull ċirkostanza. Ma għandux jinċaħad liċ-ċittadini li jiddeċiedu li jgħixu u jiċċaqalqu liberament fi Stat Membru ieħor.

Fl-aħħar, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jenfasizza li l-Istat ospitanti għandu jiżgura li kwalunkwe proċedura amministrattiva għal applikazzjonijiet għal status ta' residenza tkun bla xkiel, trasparenti u sempliċi u li jiġu evitati piżijiet mhux meħtieġa. Il-Kumitat iqis li s-sistema proposta mill-Home Office tar-Renju Unit, "il-proċedura ta' reġistrazzjoni", biex iċ-ċittadini tal-UE 27 japplikaw għal status ta' residenza, mhijiex trasparenti u sempliċi daqs kemm għandha tkun u toħloq piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa u inġusti fuq iċ-ċittadin tal-UE 27, u hemm wkoll ir-riskju li ċittadini jiċċaħħdu mit-tgawdija tad-drittijiet ta' residenza li huma intitolati għalihom.

Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jesprimi tħassib dwar l-implimentazzjoni attwali tal-Iskema ta' Residenza Permanenti, prinċipalment fir-rigward tal-użu arbitrarju tal-istatus ta' "resident provviżorju" biex jinċaħad l-istatus "resident permanenti" fuq teknikalitajiet, u l-konsegwenzi potenzjali ta' dawk li ma japplikawx qabel l-iskadenza. Dan it-tħassib huwa bbażat fuq il-lingwaġġ użat mill-Home Office dwar id-deportazzjonijiet possibbli ta' ċittadini tal-UE kif ukoll in-nuqqas ta' miżuri biex jiġu assisti ċittadini vulnerabbli.

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jistieden lill-awtoritajiet tar-Renju Unit biex jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiggarantixxu li d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit jiġu protetti u garantiti kif xieraq.

Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, biex jirrakkomanda li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu għad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

 

 

Dejjem tiegħek,

 

 

 

Dolors Montserrat

President

Kumitat għall-Petizzjonijiet


 

PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

Referenzi

21105/3/2018 – C9-0148/2019 – 21105/1/2018 – C8-0031/2019 – 2018/0427(NLE)

Data tal-konsultazzjoni / talba għal approvazzjoni

11.1.2019

 

 

 

Kumitat responsabbli

 Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AFCO

30.1.2019

 

 

 

Kumitati mitluba jagħtu opinjoni

 Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AFET

14.2.2019

INTA

14.2.2019

EMPL

11.3.2019

ENVI

14.2.2019

 

IMCO

14.11.2019

TRAN

11.3.2019

AGRI

14.11.2019

JURI

14.2.2019

 

LIBE

11.3.2019

PETI

14.11.2019

 

 

Rapporteurs

 Data tal-ħatra

Guy Verhofstadt

23.1.2020

 

 

 

Eżami fil-kumitat

23.1.2020

 

 

 

Data tal-adozzjoni

23.1.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Martina Anderson, Gerolf Annemans, Catherine Bearder, Geert Bourgeois, Richard Corbett, Pascal Durand, Daniel Freund, Esteban González Pons, Laura Huhtasaari, Rupert Lowe, Aileen McLeod, Giuliano Pisapia, Domènec Ruiz Devesa, Pedro Silva Pereira, Antonio Tajani, László Trócsányi, Guy Verhofstadt, Loránt Vincze, Rainer Wieland

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Gwendoline Delbos-Corfield, Danuta Maria Hübner, Miapetra Kumpula-Natri, Jaak Madison, Mairead McGuinness, Maite Pagazaurtundúa

Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

Robert Rowland

Data tat-tressiq

23.1.2020

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

23

+

ECR

Geert Bourgeois

GUE/NGL

Martina Anderson

ID

Gerolf Annemans, Laura Huhtasaari, Jaak Madison

NI

Rupert Lowe, Robert Rowland

PPE

Esteban González Pons, Danuta Maria Hübner, Mairead McGuinness, Antonio Tajani, László Trócsányi, Loránt Vincze, Rainer Wieland

RENEW

Pascal Durand, Maite Pagazaurtundúa, Guy Verhofstadt

S&D

Miapetra Kumpula-Natri, Giuliano Pisapia, Domènec Ruiz Devesa, Pedro Silva Pereira

VERTS/ALE

Gwendoline Delbos-Corfield, Daniel Freund

 

3

-

RENEW

Catherine Bearder

S&D

Richard Corbett

VERTS/ALE

Aileen McLeod

 

0

0

 

 

 

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

[1]  ĠU C 384 I, 12.11.2019, p. 1.

[2]  ĠU C 384 I, 12.11.2019, p. 178.

[5]  ĠU L 278 I, 30.10.2019, p. 1.

[6]  ĠU C 298, 23.8.2018, p. 24.

[7]  ĠU C 346, 27.9.2018, p. 2.

[8]  ĠU C 369, 11.10.2018, p. 32.

[9]  ĠU C 162, 10.5.2019, p. 40.

[10]  Testi adottati, P9_TA(2019)0016.

[11] ĠU C 298, 23.8.2018, p. 24.

[12] Linji gwida tal-Kunsill Ewropew wara n-notifika mir-Renju Unit skont l-Artikolu 50 tat-TUE (EUCO XT 20004/17).

[13] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/274 tal-11 ta' Jannar 2019 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 47 I, 19.2.2019, p. 1). It-test tal-Ftehim dwar il-Ħruġ mehmuż mad-Deċiżjoni (UE)  2019/274 ġie ppubblikat fil-ĠU C 66 I, 19.2.2019, p. 1.

[14] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1750 tal-21 ta' Ottubru 2019 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/274 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 274 I, 28.10.2019, p. 1). It-test tal-Ftehim dwar il-Ħruġ mehmuż mad-Deċiżjoni (UE) 2019/1750 ġie ppubblikat fil-ĠU C 384 I, 12.11.2019, p. 1.

[15] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/48 tal-21 ta' Jannar 2020 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/274 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 16 I, 21.1.2020, p. 1).

[16] Abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, Dokument tal-Kunsill XT 21105/3/18 REV 3

[17] ĠU C 91, 9.3.2018, p. 40.

[18] Magħruf fil-leġiżlatura preċedenti bħala l-Grupp ALDE, u issa bħala l-Grupp Renew Europe.

[19] "Soluzzjoni ġdida għar-Renju Unit fi ħdan l-Unjoni Ewropea", ĠU C 69 I, 23.2.2016, p. 1.

 

[20] ĠU C 346, 27.9.2018, p. 2.

[21] ĠU C 346, 27.9.2018, p. 2.

[23] ĠU C 162, 10.5.2019, p. 40.

[24] ĠU C 91, 9.3.2018, p. 40.

[25] ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.

[26] Testi adottati, P9_TA(2020)0006, Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2020 dwar l-implimentazzjoni u s-sorveljanza tad-dispożizzjonijiet rigward id-drittijiet taċ-ċittadini fil-Ftehim dwar il-Ħruġ (2020/2505(RSP))

[27] "UK Withdrawal ("Brexit") and the Good Friday Agreement" (Il-Ħruġ tar-Renju Unit (Brexit) u l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, Parlament Ewropew, Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Unjoni, Novembru 2017. Disponibbli fis-sit web: https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2017/596826/IPOL_STU(2017)596826_EN.pdf

[28] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit, ĠU C 162, 10.5.2019, p. 40.

[29] UK Withdrawal ("Brexit") and the Good Friday Agreement (Il-Ħruġ tar-Renju Unit (Brexit) u l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, Parlament Ewropew, Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Unjoni, Novembru 2017. Disponibbli fis-sit web: https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2017/596826/IPOL_STU(2017)596826_EN.pdf

[30] Fid-dawl ta' dan, saru diversi proposti fil-letteratura dwar din il-kwistjoni, fosthom għal "Fruntiera Intelliġenti 2.0", li "tipproponi l-implimentazzjoni ta' soluzzjoni ġdida għall-fruntiera li tkun ta' benefiċċju għaż-żewġ naħat tal-fruntiera bl-akbar prevedibbiltà, ħeffa u sigurtà u bl-inqas piż u spejjeż għan-negozjanti u għall-vjaġġaturi", bl-użu ta' "kombinazzjoni ta' standards internazzjonali, l-aħjar prattiki globali u teknoloġija tal-ogħla livell". Smart Border 2.0: Avoiding a hard border on the island of Ireland for Customs control and the free movement of persons (Fruntiera Intelliġenti 2.0: L-evitar ta' fruntiera fiżika fil-gżira tal-Irlanda għall-kontroll doganali u l-moviment liberu tal-persuni), Parlament Ewropew, Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Unjoni, Novembru 2017. Disponibbli fis-sit web: https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2017/596828/IPOL_STU(2017)596828_EN.pdf

[31] Smart Border 2.0: Avoiding a hard border on the island of Ireland for Customs control and the free movement of persons (Fruntiera Intelliġenti 2.0: L-evitar ta' fruntiera fiżika fil-gżira tal-Irlanda għall-kontroll doganali u l-moviment liberu tal-persuni), Parlament Ewropew, Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Unjoni, Novembru 2017. Disponibbli fis-sit web: https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2017/596828/IPOL_STU(2017)596828_EN.pdf

[32] L-għan tal-eżerċizzju ta' mmappjar kien li "jiġi vvalutat kemm din il-kooperazzjoni hija estiża u profonda, kif ukoll ir-rwol tas-sħubija fl-UE fl-operat u l-iżvilupp tagħha. (...) Il-kooperazzjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar hija speċifika għall-gżira tal-Irlanda u taqa' fil-kompetenzi tal-Gvern tal-Irlanda u l-Eżekuttiv tal-Irlanda ta' Fuq. Il-kooperazzjoni hija prevista fil-Parti Tnejn tal-Ftehim ta' Belfast/tal-Ġimgħa l-Kbira". Ara: "Mapping of North-South cooperation & Implementation Bodies – Report and key findings of the exercise" (Immappjar tal-Kooperazzjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar u l-Korpi ta' Implimentazzjoni – Rapport u konstatazzjonijiet ewlenin tal-eżerċizzju), Kummissjoni Ewropea, Task Force għat-Tħejjija u għat-Tmexxija tan-Negozjati mar-Renju Unit skont l-Artikolu 50 tat-TUE, 21 ta' Ġunju 2019.

[33] Diskors ta' James Brokenshire, Segretarju tal-Istat għall-Irlanda ta' Fuq, fil-European Policy Centre, 6 ta' Novembru 2017.

[34] Explainer for the New Ireland/Northern Ireland Protocol and the Political Declaration on the Future Relationship (Spjegazzjoni tal-Protokoll il-Ġdid dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq u tad-Dikjarazzjoni Politika dwar il-Relazzjoni Futura), Dipartiment għall-Ħruġ mill-Unjoni Ewropea, Gvern tar-Renju Unit, 18 ta'Ottubru 2019. Disponibbli fis-sit web: https://assets.publishing.service.gov.uk/government/uploads/system/uploads/attachment_data/file/840653/EXPLAINER_FOR_THE_NEW_IRELAND_NORTHERN_IRELAND_PROTOCOL_AND_THE_POLITICAL_DECLARATION_ON_THE_FUTURE_RELATIONSHIP.pdf

[35] Għal iktar dettalji dwar id-dispożizzjonijiet riveduti tal-Protokoll, ara "Brexit: What did you agree with the UK today?", Kummissjoni Ewropea, Mistoqsijiet u Tweġibiet, 17 ta' Ottubru 2019. Disponibbli fis-sit web: https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/QANDA_19_6122

[37] "Il-kont jinkludi obbligazzjonijiet finanzjarji li jinkludu għexieren ta' snin fil-futur, tabilħaqq għal iktar mill-40 sena ta' sħubija tar-Renju Unit fl-UE. Il-pagament ta' pensjonijiet, il-pjanijiet tal-infiq strutturali, id-dikummissjonar ta' siti nukleari, anke beni bħal satelliti u l-binja Berlaymont - dawk kollha jridu jiġu maqsuma f'saldu jekk ma rridux li l-Brexit ikun ħruġ iebes, mhux ġestit u ostili.", minn The €60 billion Brexit bill: How to disentangle Britain from the EU budget, Alex Barker, Policy brief, Centre for European Reform, 6 ta' Frar 2017. Disponibbli fis-sit web: https://www.cer.eu/publications/archive/policy-brief/2017/%e2%82%ac60-billion-brexit-bill-how-disentangle-britain-eu-budget

 

[38] ĠU C 162, 10.5.2019, p. 40.

[39] ĠU C 346, 27.9.2018, p. 2.

[40] Tobias Lock u Fabian Zuleeg, Extending the transition period, EPC discussion paper, 28 ta' Settembru 2018, p. 6.

[41] ĠU C 162, 10.5.2019, p. 40.

[42] Tobias Lock u Fabian Zuleeg, "Extending the transition period", Dokument ta' diskussjoni tal-EPC, 28 ta' Settembru 2018, p. 3.

[43] Testi adottati, P9_TA(2019)0016.

[44] ĠU C 162, 10.5.2019, p. 40.

[45] ĠU C 298, 23.8.2018, p. 24

[46] ĠU C 369, 11.10.2018, p. 32.

[47] ĠU C 162, 10.5.2019, p. 40.

[48] F'dan il-kuntest, ara l-post fil-blog EU Law Analysis ta' Steve Peers tat-8 ta' Diċembru 2018, li tinnota li "n-natura evidentement mhux vinkolanti u mhux preċiża tad-dikjarazzjoni politika wasslet għall-kritika". Fi blog post sussegwenti, tat-12 ta' Marzu 2019, Steve Peers tenna li "d-dikjarazzjoni politika, minbarra l-istatus mhux vinkolanti tagħha, hija vaga u ma tieħu ebda impenn fir-rigward ta' għadd ta' aspetti ewlenin tar-relazzjoni futura. Din tista' tiġi riveduta (...) biex tipprevedi impenji iktar stretti u iktar preċiżi". Iż-żewġ blog posts huma disponibbli fuq http://eulawanalysis.blogspot.com

[49] ĠU C 66 I, 19.2.2019, p. 185.

[50] ĠU C 384 I, 12.11.2019, p. 178.

[51] Testi adottati, P9_TA(2019)0016.

[52] Dawn li ġejjin kienu preżenti għall-votazzjoni finali: Pierre Karleskind (Aġent President), Róża Thun und Hohenstein (Viċi President), Maria Manuel Leitão Marques (Viċi President), Petra De Sutter (rapporteur għal opinjoni), Adam Bielan, Carlo Fidanza, Alex Agius Saliba, Clara Aguilera, Andrus Ansip, Pablo Arias Echeverría, Pascal Arimont, Anna‑Michelle Asimakopoulou, Alessandra Basso, Brando Benifei, Adam Bielan, Hynek Blaško, Biljana Borzan, Vlad‑Marius Botoş, Markus Buchheit, Dita Charanzová, David Cormand, Dinesh Dhamija, Carlo Fidanza, Evelyne Gebhardt, Alexandra Geese, Svenja Hahn, Virginie Joron, Eugen Jurzyca, Arba Kokalari, Marcel Kolaja, John Longworth, Morten Løkkegaard, Adriana Maldonado López, Leszek Miller, Dan‑Ştefan Motreanu, Anne‑Sophie Pelletier, Jiří Pospíšil, Christel Schaldemose, Tomislav Sokol, Edina Tóth, Kim Van Sparrentak, Marion Walsmann u Ivan Štefanec.

[53] Il-Membri li ġejjin kienu preżenti għall-votazzjoni finali: Norbert Lins (President), Mairead McGuinness (rapporteur għall-opinjoni), Álvaro Amaro, Franc Bogovič, Daniel Buda, Herbert Dorfmann, Balázs Hidvéghi, Peter Jahr, Marlene Mortler, Anne Sander, Simone Schmiedbauer, Juan Ignacio Zoido Álvarez, Clara Aguilera, Eric Andrieu, Attila Ara‑Kovács, Carmen Avram, Adrian‑Dragoş Benea, Isabel Carvalhais, Paolo De Castro, Juozas Olekas, Massimiliano Smeriglio, Atidzhe Alieva‑Veli, Asger Christensen, Jérémy Decerle, Martin Hlaváček, Elsi Katainen, Ulrike Müller, Sheila Ritchie, Mara Bizzotto, Angelo Ciocca, Ivan David, Gilles Lebreton, Maxette Pirbakas, Benoît Biteau, Martin Häusling, Pär Holmgren, Bronis Ropė, Sarah Wiener, Mazaly Aguilar, Krzysztof Jurgiel, Zbigniew Kuźmiuk, Bert‑Jan Ruissen, Veronika Vrecionová, Luke Ming Flanagan, Petros Kokkalis, Dino Giarrusso, Ivan Vilibor Sinčić

[54] ĠU C 384/1, 12.11.2019, p. 1.

[55] Il-Membri li ġejjin kienu preżenti għall-votazzjoni finali: Lucy Nethsingha(President), Ibán García Del Blanco, Sergey Lagodinsky, Marion Walsmann (Viċi Presidenti), Patrick Breyer, Geoffroy Didier, Angel Dzhambazki, Heidi Hautala, Jackie Jones, Mislav Kolakušić; Gilles Lebreton, Karen Melchior, Lefteris Nikolaou‑Alavanos, Sabrina Pignedoli, Jiří Pospíšil, Emil Radev, Franco Roberti, Liesje Schreinemacher, Stéphane Séjourné, Axel Voss, Lara Wolters, Tiemo Wölken, Juan Ignacio Zoido Álvarez(għal Esteban González Pons skont l-Artikolu 209(7)).

[56] Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit (2018/2573(RSP))

[57] Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Ottubru 2015 fil-Kawża C-362/14, Maximillian Schrems vs Data Protection Commissioner.

[58]Dawn li ġejjin kienu preżenti għall-votazzjoni finali: Dolors Montserrat (President), Tatjana Ždanoka (Viċi President), Yana Toom (Viċi President), Asim Ademov, Alex Agius Saliba, Isabel Benjumea Benjumea, Martin Buschmann, Angel Dzhambazki, Peter Jahr, Manolis Kefalogiannis, Ádám Kósa, Adriana Maldonado López, Ulrike Müller, Lefteris Nikolaou‑Alavanos, Demetris Papadakis, Sira Rego, Diana Riba i Giner, Alfred Sant, Nico Semsrott, Andrey Slabakov, Ramona Strugariu, Loránt Vincze, Rainer Wieland, Kosma Złotowski.

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Jannar 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza