Proċedura : 2019/2129(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0016/2020

Testi mressqa :

A9-0016/2020

Dibattiti :

PV 11/02/2020 - 8
CRE 11/02/2020 - 8

Votazzjonijiet :

PV 12/02/2020 - 11.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2020)0034

<Date>{28/01/2020}28.1.2020</Date>
<NoDocSe>A9-0016/2020</NoDocSe>
PDF 200kWORD 55k

<TitreType>RAPPORT</TitreType>

<Titre>dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2018</Titre>

<DocRef>(2019/2129(INI))</DocRef>


<Commission>{ECON}Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji</Commission>

Rapporteur: <Depute>Costas Mavrides</Depute>

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2018

(2019/2129(INI))

 

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-2018,

 wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) u tal-BĊE, b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 127(1) u (2), 130 u 284(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

 wara li kkunsidra s-seduta ta' smigħ mal-kandidat għall-kariga ta' President tal-Bank Ċentrali Ewropew, Christine Lagarde, tal-4 ta' Settembru 2019,

 wara li kkunsidra d-Djalogu Monetarju tat-23 ta' Settembru 2019 bejn Mario Draghi, bħala President tal-Bank Ċentrali Ewropew, u l-Parlament Ewropew,

  wara li kkunsidra r-rapport tat-18 ta' Ottubru 2019 tal-Grupp ta' Ħidma tal-G7 dwar l-istablecoins "Investigating the impact of global stablecoins" (Investigazzjoni tal-impatt tal-istablecoins globali),

 wara li kkunsidra l-feedback tal-BĊE dwar il-kontribut mogħti mill-Parlament Ewropew bħala parti mir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Rapport Annwali tal-BĊE għall-2017,

 wara li kkunsidra r-rapport finali tal-31 ta' Jannar 2018 tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar il-Finanzi Sostenibbli intitolat "Financing a sustainable European Economy" (Il-finanzjament ta' ekonomija Ewropea sostenibbli),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Mejju 2018 dwar il-finanzi sostenibbli[1] u r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-28 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli[2],

 wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 142(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0016/2020),

A. billi, skont it-Tbassir Ekonomiku tal-Ħarifa 2019 tal-Kummissjoni, l-aħħar ċifri tal-2019 jirriflettu tnaqqis fit-tkabbir tal-PDG fiż-żona tal-euro fl-2018, minn 1,9 % għal 1,1 % fl-2019, u fl-UE-27, minn 2,1 % fl-2018 għal 1,4 % fl-2019, minħabba l-eskalazzjoni reċenti fit-tensjonijiet kummerċjali, l-inċertezza korrispondenti u l-Brexit;

B. billi, skont iċ-ċifri tal-Eurostat, ir-rata tal-qgħad f'Awwissu 2019 kienet 6,2 % fl-UE u 7,4 % fiż-żona tal-euro, l-aktar rati baxxi minn Lulju 2008; billi r-rata tal-qgħad baqgħet mhux uniformi madwar l-Unjoni Ewropea; billi r-rata għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ, li hija aktar mid-doppju tar-rata medja, għadha kwistjoni serja li trid tiġi indirizzata fl-UE; billi għadhom jippersistu inugwaljanzi reġjonali straordinarji fil-qgħad kemm fi ħdan l-Istati Membri kif ukoll fosthom;

C. billi, skont il-projezzjonijiet makroekonomiċi tal-persunal tal-Eurosistema ta' Settembru 2019, l-inflazzjoni annwali għaż-żona tal-euro fl-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) jidher li se tilħaq 1,2 %, 1,0 % u 1,5 % rispettivament fl-2019, fl-2020 u fl-2021, u b'hekk ma tilħaqx it-2 %; billi l-projezzjonijiet tal-inflazzjoni juru varjazzjoni sostanzjali fiż-żona tal-euro;

D. billi fi tmiem l-2018 id-daqs tal-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema kien laħaq il-livell bla preċedent ta' EUR 4,7 triljun, u b'hekk qabeż l-40 % tal-PDG taż-żona tal-euro, li jfisser żieda ta' 4,25 % (EUR 0,2 triljuni) meta mqabbel ma' tmiem l-2017;

E. billi fl-2018 il-profitt nett tal-BĊE ammonta għal EUR 1,575 biljun meta mqabbel ma' EUR 1,275 biljun fl-2017; billi din iż-żieda tista' tiġi attribwita prinċipalment għaż-żieda fl-introjtu mill-imgħax nett fl-ambitu tal-portafoll f'dollari Amerikani u tal-portafoll tal-programm ta' xiri ta' assi (APP);

F. billi rwol aktar b'saħħtu tal-euro, u żieda fl-użu tiegħu bħala munita ta' riżerva, iżidu l-kapaċità tal-UE li tfassal il-pożizzjoni politika tagħha b'mod indipendenti vis-à-vis setgħat globali oħra u huma element ewlieni fis-salvagwardja tas-sovranità ekonomika Ewropea;

G. billi, sabiex l-euro jikseb rwol globali aktar b'saħħtu, iż-żona tal-euro l-ewwel trid turi li hija kapaċi tiflaħ għal reċessjoni mingħajr ma ebda wieħed mill-Istati Membri tagħha ma jkollu jirrikorri għal valwazzjoni negattiva (volontarja jew le) tad-dejn tal-gvern;

H. billi l-Artikolu 127(5) tat-TFUE jirrikjedi lis-SEBĊ tikkontribwixxi għaż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja;

I. billi l-SMEs, li għadhom is-sinsla tal-ekonomija u tas-soċjetà tal-UE, u li jsaħħu l-koeżjoni ekonomika u soċjali, jeħtieġu aktar appoġġ;

J. billi l-ħruġ globali ta' bonds ħodor żdied minn inqas minn EUR 1 biljun fl-2008 għal aktar minn EUR 120 biljun fl-2017 u l-ħruġ nett ta' bonds ħodor denominati f'euro żdied b'għaxar darbiet mill-2013; billi d-distakk bejn il-firxiet ta' bonds ħodor u dawk tas-settur industrijali globali tnaqqas gradwalment;

K. billi, minkejja din ix-xejra pożittiva, il-bonds ħodor għadhom jirrappreżentaw 1 % biss tal-provvista globali tal-bonds denominati f'euro;

L. billi l-volum ta' tranżazzjonijiet imwettqa b'muniti virtwali żdied drastikament u jirrappreżenta sfida għall-predominanza tas-sistemi tradizzjonali ta' valuta legali; billi l-muniti virtwali huma opzjonijiet alternattivi għall-pagamenti iżda mhux valuta legali;

M. billi, skont l-istħarriġ ta' Diċembru 2018 tal-Ewrobarometru, l-appoġġ popolari għall-euro żdied għal 75 % fl-2018;

Ħarsa ġenerali

1. Jilqa' r-rwol tal-BĊE fis-salvagwardja tal-istabbiltà tal-euro; jenfasizza li l-indipendenza statutorja tal-BĊE, kif stabbilita fit-trattati, hija prerekwiżit biex iwettaq il-mandat tiegħu li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet;

2. Jenfasizza li l-euro huwa proġett politiku, minbarra li huwa proġett purament ekonomiku; jisħaq fuq in-natura irriversibbli tal-munita unika; jiġbed l-attenzjoni dwar ir-rekwiżit, stabbilit fit-Trattati, li kull Stat Membru, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u tad-Danimarka, jadotta l-munita unika ladarba jkun issodisfa l-kriterji ta' konverġenza ta' Maastricht; huwa tal-fehma li l-parteċipazzjoni fl-unjoni bankarja trid tiġi kkunsidrata bħala benefiċċju għal dawk il-pajjiżi li jixtiequ jissieħbu fiż-żona tal-euro;

3. Huwa mħasseb li wara perjodu qasir ta' rkupru ekonomiku, it-tkabbir taż-żona tal-euro naqas għal 1,1 % tal-PDG fiż-żona tal-euro; barra minn hekk, huwa mħasseb dwar it-tnaqqis fit-tkabbir fil-produzzjoni industrijali u fil-kummerċ dinji; għalhekk, kif issottolinja minn Mario Draghi, jinnota l-ħtieġa li jinżammu kemm kundizzjonijiet ta' likwidità xierqa kif ukoll livell ta' akkomodazzjoni monetarja;

4. Jenfasizza li t-tkabbir sostenibbli u l-istabbiltà tal-prezzijiet ma jistgħux jinkisbu bil-politika monetarja waħedha u li jinħtieġu wkoll politika fiskali ta' appoġġ u riformi strutturali soċjalment ibbilanċjati u li jtejbu l-produttività;

5. Jirrimarka li politika monetarja akkomodanti ma tridx titqies bħala sostitut għar-riformi strutturali;

6. Jissottolinja l-konstatazzjonijiet tal-grupp ta' esperti tas-SEBĊ dwar it-tkabbir baxx tal-pagi[3], li analizza l-iskonnessjoni bejn it-tkabbir tal-pagi u l-irkupru tas-suq tax-xogħol; dawn il-konstatazzjonijiet juru li t-tkabbir baxx tal-pagi matul dawn l-aħħar snin jista' jiġi spjegat prinċipalment permezz tax-xokkijiet marbuta mat-teknoloġija u man-negozjar tal-pagi (dan tal-aħħar huwa affettwat minn tibdil fl-istruttura tan-negozjar tal-pagi li jnaqqas is-setgħa tan-negozjar tal-impjegati) u tar-regolamentazzjoni tas-suq tax-xogħol, prinċipalment fil-pajjiżi l-aktar milquta mill-kriżi, u l-kombinazzjoni ta' sottoutilizzazzjoni tal-ħaddiema, inflazzjoni baxxa u tkabbir limitat tal-produttività;

7. Jissottolinja li t-tisħiħ tar-rwol tal-euro jirrikjedi l-kundizzjonijiet strutturali t-tajba, fosthom:

 l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja;

 l-ikkompletar tal-unjoni bankarja;

 l-ikkompletar tal-unjoni tas-swieq kapitali;

8. Jissottolinja r-rekwiżit għal kull Stat Membru tal-UE, ħlief għad-Danimarka u r-Renju Unit, li jadotta l-munita unika ladarba jkun issodisfa l-kriterji ta' konverġenza ta' Maastricht; jistieden lill-BĊE jkompli l-kooperazzjoni produttiva tiegħu mal-Istati Membri tal-UE li mhumiex fiż-żona tal-euro;

Politika monetarja

9. Jissottolinja li l-operazzjonijiet tas-suq miftuħ u l-miżuri mhux standard tal-politika monetarja mdaħħla fis-seħħ mill-BĊE kkontribwew għall-irkupru ekonomiku, għal titjib fil-kundizzjonijiet ta' finanzjament permezz ta' diversi kanali ta' trażmissjoni u għall-kompressjoni tar-rendimenti f'firxa wiesgħa ta' klassijiet ta' assi; jitlob lill-BĊE jkompli jimmonitorja r-riskji potenzjali għall-karti tal-bilanċ tiegħu, l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-assi, l-allokazzjoni skorretta potenzjali tar-riżorsi u l-iżvantaġġi għal min ifaddal;

10. Jinnota li, fit-12 ta' Settembru 2019, il-BĊE ħabbar pakkett ta' stimoli wiesa' li jinkludi xiri nett taħt il-programm ta' xiri ta' assi (APP) bir-ritmu ta' EUR 20 biljun fix-xahar, tnaqqis ta' 10 punti bażi fir-rata tad-depożiti, sistema b'żewġ livelli għal rimunerazzjoni ta' riżerva, u termini aktar faċli għal operazzjonijiet ta' rifinanzjament immirati aktar fit-tul (TLTRO-III); jinnota n-nuqqas ta' unanimità u jemmen li t-tmexxija tal-BĊE u l-President Lagarde għandhom jaħdmu biex inaqqsu d-differenzi fi ħdan il-Kunsill Governattiv tal-BĊE;

11. Jinnota li l-limitu ta' 33 % għal kull emittent applikat għall-Programm ta' Taffija Kwantitattiva tal-BĊE jista' jirrestrinġi l-kapaċità tal-BĊE li jixtri l-bonds ta' diversi Stati Membri; iqis li dan il-limitu għal kull emittent jista' jirrikjedi bidliet minħabba li l-programm imġedded ta' taffija kwantitattiva huwa għal żmien indefinit u jista' jirrikjedi xiri ta' bonds li jmorru lil hinn mil-limitu ta' 33 % għal xi Stati Membri; jinnota li l-programm ta' taffija kwantitattiva kien imfassal biex jinxtraw bonds tal-Istati Membri proporzjonalment, abbażi tad-daqs ta' ekonomija u tal-popolazzjoni;

12. Jinnota l-intenzjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE li jkompli jinvesti mill-ġdid il-pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw sakemm ikun meħtieġ;

13. Jinnota li l-effetti negattivi fuq l-introjtu mill-imgħax nett tal-banek s'issa ġew ikkontrobilanċjati bil-benefiċċji minn aktar self mill-banek u spejjeż aktar baxxi għall-provvedimenti u t-telf; huwa mħasseb dwar id-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-banek żgħar b'mod partikolari; jistieden lill-BĊE jimmonitorja l-potenzjal ta' bużżieqa tal-prezzijiet tal-assi;

14. Jissottolinja li rati tal-imgħax baxxi ħafna jew negattivi joffru opportunitajiet lill-konsumaturi, lill-kumpaniji, inklużi l-SMEs, lill-ħaddiema u lill-mutwatarji, li jistgħu jibbenefikaw minn momentum ekonomiku aktar b'saħħtu, livelli aktar baxxi ta' qgħad u spejjeż tas-self aktar baxxi; madankollu, hemm tħassib fir-rigward tal-impatt potenzjali fuq is-sistemi tal-pensjoni u tal-assigurazzjoni minħabba r-redditi baxxi, l-inugwaljanzi ekonomiċi u l-isfidi għal min ifaddal b'mod individwali; jinnota, barra minn hekk, li xi Stati Membri ma użawx l-ambjent ta' rati tal-imgħax baxxi biex jikkonsolidaw il-baġits tagħhom u jagħmlu riformi strutturali;

15. Jieħu nota tal-intenzjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE li jkompli jinvesti mill-ġdid il-pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw għal kemm ikun hemm bżonn biex jinżammu kundizzjonijiet ta' likwidità favorevoli u livell għoli ta' akkomodazzjoni monetarja;

16. Huwa mħasseb dwar il-pressjoni inflazzjonarja mrażżna fit-tul u d-dipendenza żejda fuq il-politika monetarja tal-BĊE biex jiġi sostnut it-tkabbir, kif ukoll dwar l-opzjonijiet dejjem aktar limitati tiegħu skont is-sett ta' għodod attwali tiegħu;

17. Jinnota l-appell tal-President Draghi għal allinjament aħjar bejn il-politika monetarja tal-BĊE u l-politiki fiskali tal-Istati Membri, filwaqt li jenfasizza li taħlita ta' politika makroekonomika aktar ibbilanċjata tippermetti li r-rati tal-imgħax baxxi jwasslu l-istess livell ta' stimolu bħal fil-passat, iżda b'inqas effetti kollaterali;

18. Jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni bejn il-banek ċentrali, kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll f'livell globali, sabiex jintlaħqu l-miri tal-inflazzjoni fuq terminu medju;

Azzjonijiet kontra t-tibdil fil-klima

19. Ifakkar li, bħala istituzzjoni tal-UE, il-BĊE huwa marbut bil-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u li dan għandu jkun rifless fil-politiki tiegħu, filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ il-mandat tiegħu u l-indipendenza tiegħu; jilqa' l-ħolqien ta' diskussjoni dwar ir-rwol tal-banek ċentrali u tas-superviżuri fl-appoġġ tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jistieden lill-BĊE jimplimenta l-prinċipji ambjentali, soċjali u ta' governanza (prinċipji ESG) fil-politiki tiegħu, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ il-mandat tiegħu u l-indipendenza tiegħu;

20. Itenni l-pożizzjonijiet espressi mill-Membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE dwar l-importanza li jiġu żviluppati sistemi ta' pagament tassew Ewropej li ma jiġux affettwati minn tfixkil estern (inkluż dak ta' natura politika); jistieden lill-BĊE jkompli l-ħidma tiegħu fuq il-proġett li jikkonċerna l-Inizjattiva dwar Sistema ta' Pagament Pan-Ewropea (PEPSI) bil-għan li jħares is-sovranità tal-UE u l-effiċjenza ekonomika għall-utenti u l-fornituri kollha, kif ukoll li jiżgura kompetizzjoni ġusta;

21. Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-President tal-BĊE Christine Lagarde tal-4 ta' Settembru 2019, li fiha approvat "tranżizzjoni gradwali biex jiġu eliminati l-assi tal-karbonju" mill-portafoll tal-BĊE u laqgħet il-parteċipazzjoni tal-BĊE fin-Network għall-Ekoloġizzazzjoni tas-Sistema Finanzjarja (NGFS) u l-impenn biex jgħin fl-identifikazzjoni u l-kejl tal-esponiment tas-sistema finanzjarja għar-riskji relatati mal-klima u fit-trawwim ta' sistema finanzjarja aktar ekoloġika b'rispett sħiħ għall-mandat ta' stabbiltà tal-prezzijiet u l-objettivi l-oħra tal-BĊE;

22. Jissuġġerixxi li l-BĊE jinkludi fost il-prijoritajiet ta' riċerka tiegħu l-mistoqsija dwar kif il-banek ċentrali u s-superviżjoni bankarja jistgħu jikkontribwixxu għal ekonomija sostenibbli u għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jissuġġerixxi li, għal dak il-għan, il-BĊE jikkoopera wkoll ma' networks internazzjonali oħra għajr l-NGFS, speċjalment in-Network ta' Settur Bankarju Sostenibbli u l-inizjattiva tan-NU dwar il-Prinċipji għal Settur Bankarju Responsabbli;

23. Huwa mħasseb dwar il-fatt li 62,1 % tax-xiri ta' bonds korporattivi tal-BĊE jseħħ fis-setturi li huma responsabbli għal 58,5 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra fiż-żona tal-euro; jistieden lill-BĊE jwettaq studju li jinvestiga l-impatt tal-APP fuq it-tibdil fil-klima u, b'mod partikolari, il-programm ta' xiri mis-settur korporattiv (CSPP) bħala pass preliminari lejn it-tfassil mill-ġdid tas-CSPP b'mod li jkun soċjalment u ambjentalment sostenibbli; jissuġġerixxi, f'dan il-kuntest, qafas għall-koordinazzjoni bejn il-BĊE u l-Bank Ewropew tal-Investiment, inkluż InvestEU;

Aspetti oħra

24. Jirrikonoxxi l-importanza tal-impriżi mikro, żgħar u medji fl-UE; jistieden lill-BĊE jibqa' attent rigward l-aċċess għall-kreditu għal dawn l-impriżi, b'mod partikolari fid-dawl tat-titjib bil-mod tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom; jirrimarka, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġu mħeġġa l-investimenti pubbliċi u privati fl-UE, u jitlob, għalhekk, li jsiru aktar sforzi biex jiġi żgurat il-finanzjament tal-ekonomija reali;

25. Jistieden lill-BĊE jkompli bl-isforzi preparatorji tiegħu biex jiżgura l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji tal-UE għall-kontinġenzi u l-konsegwenzi negattivi kollha possibbli, speċjalment għal dawk relatati mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, filwaqt li jqis il-fatt li xi reġjuni u pajjiżi huma affettwati b'mod aktar dirett minn oħrajn;

26. Huwa mħasseb dwar ir-riskji dovuti għad-dewmien fl-istabbiliment tal-unjoni bankarja, u jappella għall-ikkompletar rapidu tagħha; jieħu nota tat-talbiet ripetuti tal-BĊE għall-istabbiliment ta' skema Ewropea ta' assigurazzjoni tad-depożiti (EDIS) bħala t-tielet pilastru tal-unjoni bankarja;

27. Jenfasizza li l-prinċipji operattivi partikolari u l-missjoni speċifika tal-banek kooperattivi u reċiproċi għandhom jiġu rispettati u riflessi fil-politiki u l-approċċi tal-BĊE;

28. Jitlob li l-proġett tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) jitħaffef sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni finanzjarja, jittejjeb l-aċċess tal-SMEs għall-fondi, tkun tista' ssir mobilizzazzjoni effettiva tal-kapital fl-Ewropa għall-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli fl-ekonomija reali għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha u għat-titjib tal-istabbiltà finanzjarja u r-reżiljenza tal-Unjoni għax-xokkijiet; jirrikonoxxi l-appoġġ qawwi tal-BĊE fl-istabbiliment ta' CMU vera; jilqa' l-kontribut tal-Grupp ta' Ħidma NextCMU f'dan il-kuntest;

29. Jistieden lill-BĊE u lill-awtoritajiet superviżorji kollha jżidu l-monitoraġġ tagħhom tal-kriptoassi u taż-żieda fir-riskji f'termini ta' sigurtà ċibernetika u ta' ħasil tal-flus biex jiġu evitati effetti negattivi fuq l-istabbiltà, l-integrità u s-sikurezza tas-settur finanzjarju; jaqbel mal-Opinjoni 2014/08 tal-EBA li tissuġġerixxi li ma jintużax it-terminu "muniti virtwali" għaliex l-użu tat-terminu "munita" jista' jkun qarrieqi għal diversi raġunijiet;

30. Jieħu nota tar-rimarki ta' Christine Lagarde fil-laqgħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi tal-4 ta' Settembru 2019 dwar is-suġġett tar-regolamentazzjoni l-ġdida tal-kriptomuniti fir-rigward tal-fatt li "l-BĊE u l-banek ċentrali b'mod ġenerali għandhom jimmonitorjaw b'mod ċar dawn l-iżviluppi u jikkontribwixxu għall-ħidma internazzjonali li għaddejja dwar ir-reazzjonijiet politiċi"; jitlob lill-BĊE, f'kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, biex jivvaluta l-qafas legali u regolatorju tal-UE dwar il-flus elettroniċi, l-istrumenti finanzjarji u l-muniti/assi virtwali sabiex ikun hemm qafas komprensiv għas-superviżjoni ta' strumenti, entitajiet jew infrastrutturi finanzjarji, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u tal-istabbiltà, kif ukoll għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni transfruntieri; jitlob lill-BĊE jaħdem mal-Kummissjoni fuq il-ħolqien ta' qafas għal dawn il-muniti l-ġodda li jirrikonċilja l-innovazzjoni, il-ħtiġijiet taċ-ċittadini, il-ħarsien tal-istabbiltà finanzjarja u l-istat tad-dritt;

31. Jilqa' l-isforzi kontinwi tal-BĊE biex ikompli jsaħħaħ ir-reazzjoni tiegħu u l-kapaċitajiet ta' rkupru fil-każ ta' attakk ċibernetiku fuq l-organizzazzjoni tiegħu stess;

32. Jistieden lill-BĊE jiżgura bilanċ xieraq bejn l-innovazzjoni finanzjarja, inkluża l-Fintech, u l-istabbiltà finanzjarja;

33. Iħeġġeġ lill-BĊE jaħdem mal-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, biex irawwem ir-rwol tal-euro bħala munita ta' riżerva; iqis li dan jista' jinkiseb permezz ta' diversi mezzi bħal rappreżentanza istituzzjonali jew prodotti finanzjarji Ewropej li jrendu tajjeb;

34. Jaqbel mad-dikjarazzjoni tal-President tal-BĊE, Christine Lagarde, li rieżami tal-qafas tal-politika monetarja tal-BĊE huwa f'waqtu u ġustifikat sabiex jiġi żgurat li l-BĊE jkollu l-għodod it-tajba biex jappoġġja aħjar il-politiki ġenerali fl-UE mingħajr preġudizzju għall-objettiv primarju tiegħu li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet; jistieden lill-BĊE jorganizza konsultazzjoni pubblika bħala parti minn dan il-proċess sabiex jiżgura li r-rieżami jkun miftuħ għall-input u l-feedback minn firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati; jistieden lill-BĊE jinvolvi wkoll lill-Parlament f'dan il-proċess ta' rieżami; jaqbel ukoll mal-President tal-BĊE li l-BĊE għandu jtejjeb il-komunikazzjoni tiegħu liċ-ċittadini dwar l-impatt tal-politiki tiegħu;

35. Jirrimarka l-importanza tal-flus kontanti bħala mezz ta' pagament għaċ-ċittadini tal-UE; jistieden lill-BĊE, mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Istati Membri, joħloq sistema għall-monitoraġġ aħjar tat-tranżazzjonijiet kbar bil-għan tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata;

36. Jilqa' l-fatt li mill-2017 'l hawn, il-BĊE qed jippubblika l-lista sħiħa tal-assi CSPP kollha, inklużi l-ismijiet tal-emittenti, flimkien ma' data aggregata dwar dawk l-assi skont il-pajjiż, ir-riskju, il-klassifikazzjoni u s-settur; jiddeplora l-fatt li għadha ma ġietx implimentata politika simili fir-rigward tal-programm ta' xiri ta' titoli ggarantiti b'assi (ABSPP) u t-tielet programm ta' xiri ta' bonds koperti (CBPP3); itenni li tinħtieġ aktar trasparenza, b'mod partikolari għas-CBPP3, minħabba d-daqs sinifikanti tal-programm;

37. Jilqa' l-introduzzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, li hija r-rata ta' referenza l-ġdida mil-lum għall-għada għas-swieq monetarji fiż-żona tal-euro; jitlob lill-BĊE biex, fir-rapport annwali li jmiss tiegħu, jinkludi l-ewwel valutazzjoni tal-evoluzzjoni u l-funzjonament tagħha fis-suq;

38. Jiddispjaċih li l-BĊE għadu ma inkludiex il-bonds Griegi fil-programm ta' xiri ta' assi tas-settur pubbliku (PSPP) minkejja t-titjib li għamlet il-Greċja f'termini ta' sostenibbiltà tad-dejn u tar-ritorn fis-swieq tal-bonds; jistieden lill-BĊE jiġġustifika għaliex għadu ma wettaqx analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn tal-bonds Griegi, li hija prekundizzjoni għall-inklużjoni tal-bonds fit-taffija kwantitattiva;

39. Jissottolinja n-natura teknika tad-deċiżjonijiet dwar l-istabbiliment tar-rati tal-BĊE u l-importanza tal-appoġġ pubbliku għat-teħid ta' deċiżjonijiet f'dan il-qasam immexxi minn esperti; jikkritika, għalhekk, il-politiċizzazzjoni tad-deċiżjonijiet politiċi tal-BĊE; jistieden lill-politiċi u lill-bankiera ċentrali nazzjonali kollha joqogħdu attenti meta jagħmlu dikjarazzjonijiet pubbliċi li jistgħu jdgħajfu l-fiduċja fil-politiki tal-BĊE u l-appoġġ għalihom;

40. Jilqa' ż-żieda fl-akkontabilità tal-BĊE fil-konfront tal-Parlament Ewropew taħt il-Presidenza ta' Mario Draghi, u jistenna b'ħerqa saħansitra aktar akkontabilità, djalogu u aċċessibbiltà mal-President Christine Lagarde, abbażi tal-impenji li ħadet matul is-seduta ta' smigħ tagħha quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tiegħu fl-4 ta' Settembru 2019;

41. Iqis li l-BĊE għandu jippermetti aċċess suffiċjenti għad-dokumenti u l-informazzjoni għall-awditi tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) relatati mas-superviżjoni bankarja; jilqa', f'dan il-kuntest, il-Memorandum ta' Qbil bejn il-QEA u l-BĊE ta' Ottubru 2019 li jistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni matul l-awditi tal-QEA tal-attivitajiet superviżorji tal-BĊE;

42. Ifakkar li n-nomini tal-membri tal-Bord Eżekuttiv għandhom jitħejjew bir-reqqa, bi trasparenza sħiħa u mal-Parlament, f'konformità mat-Trattati; jistieden lill-Kunsill ifassal lista qasira bbilanċjata fir-rigward tal-ġeneri għall-postijiet vakanti kurrenti u futuri u jaqsamha mal-Parlament, biex b'hekk jippermetti lill-Parlament jaqdi rwol konsultattiv aktar sinifikanti fil-proċess tal-ħatra; jiddispjaċih li sal-lum ma sar ebda progress sodisfaċenti;

43. Jitlob, filwaqt li jirrikonoxxi li matul l-aħħar deċennju l-bank kien qed jesperjenza twessigħ tal-funzjonijiet tiegħu kif ukoll il-ħtieġa li jkollu aktar persunal impjegat taħt kundizzjonijiet differenti, biex iwettaq il-kompiti stabbiliti għalih, li l-problemi tar-riżorsi umani li nqalgħu jiġu solvuti b'mod ġust, trasparenti u rapidu għall-membri tal-persunal kollha;

44. Jenfasizza l-ħtieġa ta' akkontabilità msaħħa u aktar effettiva tal-BĊE f'kuntest li fih il-missjonijiet tiegħu ġew estiżi minn mindu faqqgħet il-kriżi finanzjarja globali; itenni t-talba tiegħu għal aktar trasparenza u akkontabilità tal-BĊE fil-konfront tal-Parlament; huwa lest, f'dan ir-rigward, li jtejjeb il-format tad-djalogu monetarju mal-President tal-BĊE; huwa tal-fehma li l-arranġamenti ta' trasparenza mtejba għandhom jinkludu mill-anqas l-elementi li ġejjin:

 Il-pubblikazzjoni mandatorja tad-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri tal-Kunsill Governattiv;

 L-iżgurar li jkun hemm membri indipendenti fil-Kumitat tal-Awditjar, kif ukoll fil-Kumitat tal-Etika;

 L-adozzjoni ta' politika ġdida dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta;

 L-istabbiliment ta' linji gwida u rekwiżiti ta' trasparenza ċari, u restrizzjonijiet xierqa fuq laqgħat ma' partijiet ikkonċernati;

 L-istabbiliment ta' rekwiżiti speċifiċi fir-rigward tal-pożizzjonijiet meħuda mill-istituzzjoni fil-qafas ta' programmi ta' assistenza finanzjarja, kif ukoll f'fora multilaterali bħall-Kumitat ta' Basel;

45. Jilqa' l-feedback sostanzjali, dettaljat u taqsima b'taqsima mogħti mill-BĊE rigward ir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar ir-rapport annwali tal-BĊE għall-2017; jistieden lill-BĊE jkompli u jsaħħaħ aktar dan l-impenn favur l-akkontabilità u jibqa' jippubblika l-feedback bil-miktub tiegħu rigward ir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar ir-rapport annwali tal-BĊE kull sena;

46. Jenfasizza li l-BĊE tejjeb il-komunikazzjoni tiegħu; jemmen, madankollu, li għandu jkompli l-isforzi tiegħu sabiex jagħmel id-deċiżjonijiet tiegħu disponibbli għaċ-ċittadini kollha u b'mod li dawn ikunu jistgħu jifhmuhom, kif ukoll l-azzjonijiet tiegħu biex tinżamm l-istabbiltà fil-prezzijiet fiż-żona tal-euro u għalhekk titħares il-kapaċità tal-akkwist tal-munita komuni;

°

° °

47. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

23.1.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

5

8

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marek Belka, Stefan Berger, Gilles Boyer, Engin Eroglu, Jonás Fernández, Frances Fitzgerald, José Manuel García-Margallo y Marfil, Luis Garicano, Sven Giegold, Neena Gill, Valentino Grant, José Gusmão, Enikő Győri, Eero Heinäluoma, Danuta Maria Hübner, Stasys Jakeliūnas, Herve Juvin, Othmar Karas, Billy Kelleher, Georgios Kyrtsos, Philippe Lamberts, Aušra Maldeikienė, Costas Mavrides, Siegfried Mureşan, Luděk Niedermayer, Dimitrios Papadimoulis, Piernicola Pedicini, Lídia Pereira, Sirpa Pietikäinen, Dragoş Pîslaru, Luisa Porritt, Antonio Maria Rinaldi, Robert Rowland, Alfred Sant, Martin Schirdewan, Joachim Schuster, Molly Scott Cato, Pedro Silva Pereira, Irene Tinagli, Ernest Urtasun, Inese Vaidere, Johan Van Overtveldt, Stéphanie Yon-Courtin

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Francesca Donato, Agnès Evren, Martin Hlaváček, Eugen Jurzyca, Bogdan Rzońca, Julie Ward

Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

César Luena, Cristina Maestre Martín De Almagro, Rob Rooken, Anna Zalewska

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

40

+

ID

Herve Juvin

NI

Piernicola Pedicini

PPE

Stefan Berger, Agnès Evren, Frances Fitzgerald, José Manuel García-Margallo y Marfil, Enikő Győri, Danuta Maria Hübner, Othmar Karas, Georgios Kyrtsos, Aušra Maldeikienė, Siegfried Mureşan, Luděk Niedermayer, Lídia Pereira, Sirpa Pietikäinen, Inese Vaidere

RENEW

Gilles Boyer, Engin Eroglu, Luis Garicano, Billy Kelleher, Dragoş Pîslaru, Luisa Porritt, Stéphanie Yon-Courtin

S&D

Marek Belka, Jonás Fernández, Neena Gill, Eero Heinäluoma, César Luena, Cristina Maestre Martín De Almagro, Costas Mavrides, Alfred Sant, Joachim Schuster, Pedro Silva Pereira, Irene Tinagli, Julie Ward

VERTS/ALE

Sven Giegold, Stasys Jakeliūnas, Philippe Lamberts, Molly Scott Cato, Ernest Urtasun

 

5

-

ECR

Rob Rooken

ID

Francesca Donato, Valentino Grant, Antonio Maria Rinaldi

NI

Robert Rowland

 

8

0

ECR

Eugen Jurzyca, Bogdan Rzońca, Johan Van Overtveldt, Anna Zalewska

GUE/NGL

José Gusmão, Dimitrios Papadimoulis, Martin Schirdewan

RENEW

Martin Hlaváček

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

[1] Testi adottati, P8_TA(2018)0215.

[2] Testi adottati, P8_TA(2019)0325.

[3] ECB Occasional Paper Series No 232 / Settembru 2019: Understanding low wage growth in the euro area and European countries (Nifhmu t-tkabbir baxx fil-pagi fiż-żona tal-euro u fil-pajjiżi Ewropej). https://www.ecb.europa.eu/pub/pdf/scpops/ecb.op232~4b89088255.en.pdf

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Frar 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza