RAPPORT fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar it-tħejjija tal-proċess ta' rieżami 2020 tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP), tal-kontroll tal-armi nukleari u tal-opzjonijiet ta' diżarm nukleari
25.2.2020 - (2020/2004(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Sven Mikser
- 001-005 (PDF - 135 KB)
- 001-005 (DOC - 79 KB)
- 006-007 (PDF - 112 KB)
- 006-007 (DOC - 71 KB)
- 008-008 (PDF - 112 KB)
- 008-008 (DOC - 70 KB)
- 009-015 (PDF - 144 KB)
- 009-015 (DOC - 83 KB)
- 016-016 (PDF - 114 KB)
- 016-016 (DOC - 69 KB)
- 017-019 (PDF - 121 KB)
- 017-019 (DOC - 74 KB)
- 020-029 (PDF - 147 KB)
- 020-029 (DOC - 77 KB)
- 030-040 (PDF - 150 KB)
- 030-040 (DOC - 90 KB)
ABBOZZ TA' RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar it-tħejjija tal-proċess ta' rieżami 2020 tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP), tal-kontroll tal-armi nukleari u tal-opzjonijiet ta' diżarm nukleari
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2019 dwar il-futur tat-Trattat INF u l-impatt fuq l-Unjoni Ewropea[1],
– wara li kkunsidra l-Pożizzjonijiet Komuni tal-Kunsill tat-13 ta' April 2000 dwar il-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2000 tal-Partijiet għat-Trattat dwar in‑Nonproliferazzjoni ta' Armi Nukleari (TNP)[2] u tal-25 ta' April 2005 dwar il-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2005 tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni ta' Armi Nukleari[3],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/212/PESK tad-29 ta' Marzu 2010 relatata mal-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2010 tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni tal-Armi Nukleari[4],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' April 2015 dwar id-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni tal-Partijiet fit-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva tat-12 ta' Diċembru 2003,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4 ta' Frar 2019 dwar l-Iran,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2019/615 tal-15 ta' April 2019 dwar l-appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet li jwasslu għall-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2020 tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni ta' Armi Nukleari[5],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2019/938 tas-6 ta' Ġunju 2019 b'appoġġ għal proċess ta' tisħiħ tal-fiduċja li jwassal għall-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari u mill-armi l-oħra kollha ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani[6],
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea kontra l-proliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva (2018), tal-14 ta' Ġunju 2019,
– wara li kkunsidra l-obbligi skont it-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari skont liema l-Istati partijiet kollha jimpenjaw ruħhom li jaħdmu favur id-diżarm nukleari b'intenzjoni tajba u jtemmu t-tellieqa għall-armi nukleari,
– wara li kkunsidra l-komunikat adottat fis-Summit ta' Varsavja tan-NATO tal-2016,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana dwar it-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Armi Nukleari tal-20 ta' Settembru 2017,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO tat-2 ta' Awwissu 2019 dwar it-Trattat dwar il-Forzi Nukleari fuq Distanza Intermedja,
– wara li kkunsidra t-Trattat START il-ġdid, iffirmat mill-Istati Uniti u mill-Federazzjoni Russa u li ilu fis-seħħ mill-5 ta' Frar 2011,
– wara li kkunsidra d-dokument finali adottat fil-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2000 tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari,
– wara li kkunsidra d-dokument finali adottat fil-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2010 tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari,
– wara li kkunsidra d‑dokument informali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-2018 bit-titolu "Securing Our Common Future: An Agenda for Disarmament" (Niżguraw il-Futur Komuni Tagħna: Aġenda għad-Diżarm),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma "Unlocking disarmament diplomacy through a "stepping stone" approach" (L-Attivazzjoni tad-diplomazija tad-diżarm permezz ta' approċċ "pass pass"), imressaq mill-Iżvezja lill-Kumitat ta' Tħejjija tal-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2020 tal-Partijiet għat-TNP,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma "Operationalising the Creating of an Environment for Nuclear Disarmament (CEND) Initiative" (L-Operazzjonalizzazzjoni tal-Inizjattiva dwar il-Ħolqien ta' Ambjent għad-Diżarm Nukleari), imressaq mill-Istati Uniti lill-Kumitat ta' Tħejjija tal-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2020 tal-Partijiet għat-TNP,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma "The Treaty on the Non-Proliferation of Nuclear Weapons at 50: a brief assessment by the European Union" (It-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari fil-ħamsin anniversarju tiegħu: valutazzjoni qasira mill-Unjoni Ewropea), imressaq mill-Unjoni Ewropea lill-Kumitat ta' Tħejjija tal-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2020 tal-Partijiet għat-TNP,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma "Proposals by the Non-Proliferation and Disarmament Initiative to enhance transparency for strengthening the review process for the Treaty on the Non-Proliferation of Nuclear Weapons" (Proposti mill-Inizjattiva ta' Nonproliferazzjoni u Diżarm biex tissaħħaħ it-trasparenza għat-tisħiħ tal-proċess ta' reviżjoni għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari), imressaq mill-membri tal-Inizjattiva ta' Nonproliferazzjoni u Diżarm (l-Awstralja, il-Kanada, iċ-Ċilì, il-Ġermanja, il-Ġappun, il-Messiku, in-Netherlands, in-Niġerja, il-Filippini, il-Polonja, it-Turkija u l-Emirati Għarab Magħquda) lill-Kumitat ta' Tħejjija għall-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2020 tal-Partijiet għat-TNP,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 118 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0020/2020),
A. billi t-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP) bla dubju kien l-iktar strument internazzjonali importanti fir-regolamentazzjoni tar-reġim nukleari f'dawn l-aħħar ħamsin sena; billi huwa pedament tal-istabbiltà strateġika globali u bastjun insostitwibbli kontra r-riskju ta' proliferazzjoni ta' armi nukleari; billi kkontribwixxa b'mod sinifikanti biex titnaqqas l-arsenal nukleari u jiġi ffaċilitat l-użu paċifiku tal-enerġija nukleari; billi huwa trattat matur u pragmatiku, kważi universali u b'rata ta' konformità għolja; billi fl-1995, l-Istati partijiet għat-TNP qablu li jestendu t-TNP indefinittivament; billi fl-2015 ma ntlaħaqx ftehim dwar dokument ta' eżitu sostanzjali, huwa importanti immens li r-reviżjoni tal-2020 tkun suċċess;
B. billi sa mill-1968 it-TNP wassal biex għadd ta' pajjiżi, fl-Ewropa, l-Amerka Latina, l-Afrika, l-Asja u l-Paċifiku rrinunzjaw għall-armi nukleari; billi kkontribwixxa favur l-iżvilupp paċifiku tal-enerġija nukleari; billi wassal għal tnaqqis drastiku fl-arsenali tal-armi nukleari fiż-żmien ta' wara l-Gwerra Bierda; billi huma ftit biss l-Istati li żviluppaw arsenali ta' armi nukleari barra mit-TNP;
C. billi t-tliet pilastri tat-TNP, jiġifieri, in-nonproliferazzjoni, id-diżarm u l-użu paċifiku tal-enerġija nukleari, huma komplementari, isaħħu lil xulxin u huma marbutin b'mod inseparabbli; billi kwalunkwe progress futur lejn id-diżarm u l-eliminazzjoni totali tal-armi nukleari jirrikjedi l-preservazzjoni tan-normi eżistenti kontra l-proliferazzjoni ta' armi simili; billi t-TNP ippermetta l-istabbiliment ta' sistema internazzjonali ta' salvagwardja;
D. billi l-konferenzi ta' reviżjoni perjodiċi tat-TNP għandhom l-għan li jevalwaw l-implimentazzjoni tat-TNP u jfasslu pjan direzzjonali biex jinkiseb progress abbażi ta' approċċ gradwali; billi l-proċess ta' reviżjoni jirrappreżenta opportunità ta' darba kull ħames snin, biex l-Istati partijiet jippromwovu u jsaħħu r-reġim ta' nonproliferazzjoni nukleari;
E. billi l-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2010 tenniet l-għan aħħari li jissaħħaħ ir-reġim ta' nonproliferazzjoni, bl-Istati tat-TNP jimpenjaw ruħhom mill-ġdid għad-dispożizzjonijiet bażiċi tat‑TNP u jadottaw pjan ta' azzjoni ta' 64 punt li jinkludi, fost karatteristiċi oħra, pjanijiet ta' azzjoni speċifiċi dwar in-nonproliferazzjoni, id-diżarm u l-użu paċifiku tal-enerġija nukleari, abbażi ta' azzjonijiet konkreti u li jistgħu jitkejlu li l-Istati partijiet għandhom jieħdu bħala appoġġ għat-tliet pilastri;
F. billi fit-taqsima dwar id-diżarm nukleari, l-Istati partijiet, inklużi l-Istati li huwa magħruf li għandhom armi nukleari, impenjaw ruħhom għall-ewwel darba li jħaffu l-progress reali dwar id-diżarm u finalment jiksbu l-eliminazzjoni totali tal-arsenali nukleari tagħhom, kemm dawk skjerati kif ukoll dawk li mhumiex; billi l-azzjonijiet miftiehma fl-ambitu tal-pilastru ta' nonproliferazzjoni jkopru firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet, bħalma huma r-rinfurzar tas-salvagwardji, l-appoġġ lill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA), il-protezzjoni fiżika ta' materjal nukleari, il-konklużjoni u d-dħul fis-seħħ ta' protokolli addizzjonali, is-salvagwardji għal esportazzjonijiet relatati mal-armi nukleari, it-trasferimenti ta' teknoloġija nukleari, u t-terroriżmu nukleari;
G. billi l-prinċipju ta' trasparenza huwa element indispensabbli tad-diżarm nukleari peress li jgħin biex tingħata ċarezza dwar l-arsenali eżistenti u jirfed il-proċess ta' verifika; billi t-trasparenza tgħin biex tissaħħaħ il-fiduċja u tiġi stabbilita bażi komuni għal djalogu bħala prekundizzjoni għat-tnaqqis, u fl-aħħar mill-aħħar, għall-eliminazzjoni tal-armi nukleari; billi r-rapporti lill-Bord tal-Gvernaturi tal-IAEA huma għodda importanti għal trasparenza dwar l-issodisfar tal-obbligi ta' nonproliferazzjoni minn Stati li m'għandhomx armi nukleari;
H. billi d-dispożizzjonijiet tat-TNP jirrispettaw id-dritt tal-Istati li jużaw l-enerġija nukleari għal skopijiet paċifiċi, u jipparteċipaw fl-iskambju ta' tagħmir, materjali u informazzjoni xjentifika u teknoloġika dwar l-użu paċifiku tal-enerġija nukleari, filwaqt li joffru trattament preferenzjali lill-Istati li ma għandhomx armi nukleari, u jagħtu kunsiderazzjoni xierqa tal-ħtiġijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
I. billi n-norma kontra l-ittestjar tappoġġja kemm il-pilastru ta' nonproliferazzjoni kif ukoll il-pilastru ta' diżarm, b'hekk tgħin ukoll ħalli l-Istati li potenzjalment għandhom armi nukleari jevitaw milli jippruvaw li jiżviluppaw u jakkwistaw armi nukleari; billi l-Istati partijiet huma impenjati li jastjenu minn kwalunkwe tip ta' splużjoni nukleari u milli jużaw teknoloġiji ġodda ta' armi nukleari, sakemm jidħol fis-seħħ it-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBT); billi l-Istati kollha li għandhom armi nukleari impenjaw ruħhom li jirratifikaw is-CTBT mingħajr dewmien; billi lkoll qablu wkoll li għandhom jiġu varati mingħajr iktar dewmien in-negozjati għal trattat li jipprojbixxi l-produzzjoni ta' materjal fissili għall-użu fl-armi nukleari;
J. billi t-TNP ħejja l-pedament għall-istabbiliment ta' żoni ħielsa mill-armi nukleari madwar id-dinja; billi l-istabbiliment ta' Żona Ħielsa mill-Armi Nukleari fil-Lvant Nofsani (MENWFZ) huwa wieħed mill-għanijiet fit-tul tal-UE; billi l-UE dan l-aħħar allokat baġit għall-attivitajiet immirati lejn it-trawwim ta' djalogu inklużiv fost l-esperti u dawk li jfasslu l-politiki, bil-għan li jiġi promoss l-impenn favur l-istabbiliment ta' Żona Ħielsa minn Armi ta' Qerda Massiva (ŻĦAQM) fil-Lvant Nofsani;
K. billi fid-dikjarazzjoni politika adottata, bl-astensjoni tat-28 Stat Membru tal-UE, fl-ewwel sessjoni tal-Konferenza dwar l-Istabbiliment ta' Żona Ħielsa mill-Armi Nukleari u mill-Armi kollha l-oħra ta' Qerda Massiva (AQM) fil-Lvant Nofsani li saret New York f'Novembru 2019, il-bqija tal-membri parteċipanti impenjaw ruħhom li jaħdmu favur l-abbozzar ta' trattat ġuridikament vinkolanti biex tiġi stabbilita żona ħielsa mill-armi nukleari u minn AQM oħra fil-Lvant Nofsani;
L. billi sa mid-dħul fis-seħħ tat-TNP fl-1970, nofs il-konferenzi ta' reviżjoni naqsu milli jiksbu kunsens dwar dikjarazzjoni finali sinifikanti u li l-aħħar dikjarazzjoni finali ġiet adottata waqt il-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2010;
M. billi l-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2020 se ssir f'kuntest ta' sigurtà internazzjonali partikolarment problematiku, minħabba n-nuqqas ta' progress fid-denuklearizzazzjoni tal-peniżola Koreana, l-irtirar tal-Istati Uniti mill-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK) mal-Iran, l-allegat ksur min-naħa tal-Iran u l-ilmenti formali b'risposta minn Franza, ir-Renju Unit u l-Ġermanja li attivaw il-mekkaniżmu tal-PAKK għas-soluzzjoni tat-tilwim, il-kollass tat-Trattat INF, u l-istall fin-negozjati għall-estensjoni tat-Trattat START il-ġdid bejn ir-Russja u l-Istati Uniti; billi l-livell attwali ta' nuqqas ta' qbil u ta' firda fost il-191 Stat parti tat-TNP, li għandhom armi nukleari u dawk li ma għandhomx, fir-rigward tal-aħjar approċċ biex jitnaqqsu u jiġu eliminati l-armi nukleari se jżid sfida oħra għad-dibattitu;
N. billi diversi Stati li għandhom armi nukleari qed jippjanaw li jimmodernizzaw jew li bħalissa qed jimmodernizzaw l-armi nukleari tagħhom jew il-vetturi tagħhom, u billi wħud minnhom qed ibaxxu l-limiti għall-użu ta' dawn l-armi fid-duttrini militari nazzjonali rispettivi tagħhom;
O. billi l-Memorandum ta' Budapest tal-1994, iffirmat mill-Ukrajna, ir-Russja, l-Istati Uniti u r-Renju Unit, ta garanziji ta' sigurtà kontra theddid jew l-użu ta' forza kontra l-integrità territorjali jew l-indipendenza politika tal-Ukrajna, bi skambju għar-rinunzja tal-arsenal nukleari tagħha u tal-adeżjoni tagħha mat-TNP; billi d-deċiżjoni tar-Russja li ma tirrispettax il-garanziji ta' sigurtà fornuti lill-Ukrajna mill-Memorandum ta' Budapest, u n-nuqqas ta' rispett tar-Russja għad-dritt internazzjonali kellhom effetti dannużi fuq il-klima tad-diżarm nukleari u t-taħditiet dwar in-nonproliferazzjoni;
P. billi l-kuntest ta' sigurtà globali qed imur għall-agħar u qed jiġi aggravat b'nuqqas ta' fiduċja dejjem ikbar fost in-nazzjonijiet, u t-teknoloġiji l-ġodda ppromwovew il-modernizzazzjoni tal-arsenali, fatt li żied ir-riskji għas-sigurtà globali, b'mod partikolari b'rabta mal-possibbiltà ta' ċiberattakki kontra l-armi nukleari, is-sistemi ta' kmand, kontroll u twissija bikrija tagħhom, kif ukoll permezz ta' rwol dejjem ikbar tal-armi nukleari fil-politiki, l-istrateġiji u d-duttrini nazzjonali, li jwasslu għal riskju ta' tellieqa globali ġdida għall-armi nukleari; billi numru dejjem ikbar ta' Stati qed jimmira li jikseb armi nukleari għall-użu fil-kamp tal-battalja;
Q. billi jeżisti riskju sinifikanti li l-potenzi militari ewlenin mhux se jibqgħu jirrikorru iktar għall-kontroll tal-armi u d-diżarm biex itaffu t-tensjonijiet internazzjonali u jtejbu l-klima ta' sigurtà globali, u dan, fl-aħħar mill-aħħar, jerġa' jagħti prijorità lill-armi nukleari fil-qalba tal-ekwilibriji strateġiċi u għaldaqstant iżid ir-riskji nukleari fid-dinja kollha;
R. billi l-arsenali nukleari globali jirrappreżentaw kważi 14 000 testata nukleari u l-Istati Uniti u r-Russja għandhom f'idejhom iktar minn 90 % ta' dak l-arsenal; billi anke użu limitat tal-armi nukleari jkollu konsegwenzi umanitarji diżastrużi, peress li l-ebda Stat jew organizzazzjoni internazzjonali ma għandhom il-kapaċità li jindirizzaw il-konsegwenzi immedjati ta' tali attakk u jagħtu assistenza adegwata lill-vittmi;
S. billi t-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Armi Nukleari (TPNW) ġie adottat fl-2017 minn 122 pajjiż, iżda fosthom ma hemm l-ebda Stat uffiċjalment rikonoxxut bħala Stat li għandu armi nukleari, u billi, sa Jannar 2020, it-Trattat kien ġie ffirmat minn 80 pajjiż u ratifikat minn 35; billi l-Unjoni Ewropea ma laħqitx qbil fuq pożizzjoni komuni dwar it-Trattat;
T. billi l-estensjoni tat-Trattat START bilaterali l-ġdid bejn l-Istati Uniti u l-Federazzjoni Russa, li kellu bħala l-għan ewlieni tiegħu li jkompli jnaqqas b'mod verifikabbli l-ħażniet ta' armi nukleari li ġew stabbiliti bħala riżultat tat-tellieqa għall-armi li kien hemm matul il-Gwerra Bierda, u li kien jillimita l-għadd ta' testati nukleari strateġiċi użati minn kull naħa għal 1 550 sal-iskadenza tiegħu fi Frar 2021, jirrappreżenta element ewlieni fil-preservazzjoni tal-istabbiltà strateġika u fil-prevenzjoni ta' tellieqa ġdida għall-armi;
U. billi n-NATO esprimiet l-appoġġ qawwi tagħha għall-implimentazzjoni sħiħa tat-TNP, u impenjat ruħha li toħloq il-kundizzjonijiet għal dinja mingħajr armi nukleari, f'konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tat-TNP, abbażi ta' approċċ gradwali;
V. billi l-inizjattiva mmexxija mill-Istati Uniti bl-isem "Creating an Environment for Nuclear Disarmament" (Il-ħolqien ta' kuntest għad-diżarm nukleari) (CEND), li tistabbilixxi l-kompiti li jeħtieġ li jitwettqu biex jinħolqu kundizzjonijiet għad-diżarm, għandha l-għan li tmur lil hinn mill-approċċ gradwali tradizzjonali bil-għan li tindirizza d-deterjorament tal-klima ta' sigurtà ta' bħalissa;
W. billi l-approċċ "pass pass", ippreżentat mill-Iżvezja, jintroduċi passi inkrimentali, li jistgħu jintlaħqu b'mod iktar faċli f'erba' oqsma ewlenin immirati biex jiżviluppaw drawwiet ta' kooperazzjoni, inaqqsu l-importanza tal-armi nukleari, iżidu t-trasparenza u jnaqqsu r-riskji nukleari, u li b'hekk ikunujippermettu li jintlaħqu l-objettivi ta' diżarm eżistenti;
X. billi l-metodi użati fiċ-ċiberattakki, bħall-manipulazzjoni tad-data, l-interferenzi diġitali u ċ-ċiberspoofing jistgħu jipperikolaw l-integrità tal-komunikazzjonijiet, u jwasslu għal żieda fl-inċertezza fit-teħid tad-deċiżjonijiet; billi fi żminijiet ta' kriżi dawn iċ-ċiberattakki fuq is-sistemi ta' armi nukleari jistgħu jwasslu għal eskalazzjoni, inkluż għall-illanċjar involontarju ta' testati nukleari;
Y. billi d-djalogu u d-diplomazija multilaterali taw prova li huma għodod effikaċi fil-prevenzjoni tal-kriżi ta' proliferazzjoni u fl-eskalazzjoni tal-kunflitti, kif muri mill-PAKK, li huwa meqjus bħala kisba storika u element ewlieni fir-reġim ta' nonproliferazzjoni globali;
Z. billi, fir-rigward ta' armi ta' qerda massiva, ma kienx hemm tibdil fl-istatus tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK), li fl-2003 rtirat mit-Trattat u li kisbet il-kapaċità li timmanifattura armi nukleari minkejja s-sanzjonijiet internazzjonali b'saħħithom kontriha; billi, skont ir-Rapport Annwali tal-IAEA għall-2018, Pyongyang kompliet għaddejja bl-attivitajiet nukleari tiegħu; billi matul l-2019 ġiet irrapportata attività mis-siti nukleari tar-RDPK, u Pyongyang ħabbret "test importanti ħafna" imminenti f'sit tal-illanċjar tas-satelliti; billi l-prospettivi ta' passi konkreti lejn id-denuklearizzazzjoni tar-reġjun fuq perjodu ta' żmien qasir huma limitati ħafna; billi l-Korea ta' Fuq tibqa' titqies theddida nukleari u ballistika għar-reġjun u għad-dinja;
AA. billi f'dawn l-aħħar għaxar snin, fiċ-Ċirku Artiku, kien hemm żieda drastika fin-numru ta' bastimenti li jaħdmu bl-enerġija nukleari; billi l-preżenza ta' materjal radjoloġiku u nukleari fl-Artiku tirrappreżenta riskju ta' inċidenti jew inkonvenjenti serji;
1. Jirrakkomanda lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:
(a) li jtennu li multilateraliżmu effikaċi u ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli huma prekundizzjonijiet kontra l-proliferazzjoni ta' armi nukleari; li jaffermaw mill-ġdid li t-TNP huwa pedament tan-nonproliferazzjoni nukleari u tar-reġim tad-diżarm, bastjun vitali kontra r-riskju ta' proliferazzjoni nukleari, u qafas insostitwibbli għaż-żamma u t-tisħiħ tal-paċi u tas-sigurtà fid-dinja kollha;
(b) li jaffermaw mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tal-UE u tal-Istati Membri tagħha favur it-TNP u t-tliet pilastri tiegħu ta' nonproliferazzjoni, diżarm u l-użu paċifiku tal-enerġija nukleari, li jsaħħu lil xulxin, u jikkonfermaw il-validità tal-approċċ gradwali preċedenti bbażat fuq impenji magħmula matul il-proċessi ta' reviżjoni tal-passat, b'mod partikolari fl-1995, fl-2000 u fl-2010; li jenfasizzaw li approċċ ibbilanċjat bejn it-tliet pilastri huwa essenzjali għal eżitu pożittiv tal-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2020, u għall-adozzjoni ta' miżuri konkreti, effikaċi u konsenswali li jippermettu l-iżvilupp tal-impenji preċedenti; li jenfasizzaw ir-rwol importanti tal-UE biex tiffaċilita politiki orjentati lejn il-paċi u l-promozzjoni tal-istabbiltà internazzjonali;
(c) li jiżguraw mingħajr dewmien l-adozzjoni ta' deċiżjoni tal-Kunsill li tifformalizza l-pożizzjoni komuni tal-UE dwar il-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP;
(d) li jenfasizzaw li t-TNP kien indispensabbli għall-paċi u s-sigurtà fid-dinja għal ħames deċennji;
(e) li jibqgħu joffru appoġġ għall-attivitajiet li jwasslu għall-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2020 tal-Partijiet għat-TNP, permezz ta' kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1,3 miljun għal attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni, li jinkludu tliet seminars tematiċi li jkopru l-pilastri ta' diżarm, nonproliferazzjoni u l-użu paċifiku tal-enerġija nukleari, erba' laqgħat reġjonali, u żewġ avvenimenti sekondarji; li jibqgħu jirrispettaw l-għanijiet ewlenin tal-attivitajiet tal-UE, b'mod partikolari rigward it-tisħiħ tal-fiduċja, is-sensibilizzazzjoni dwar l-ostakli u l-oqsma b'potenzjal ta' konverġenza, kif ukoll l-iżvilupp ta' kontributi għal pjan direzzjonali għal eżitu ta' suċċess tal-proċess ta' reviżjoni tal-2020;
(f) li jibqgħu jenfasizzaw li kwalunkwe approfondiment ulterjuri tad-diverġenzi fost l-istati se jwassal għall-iskreditar progressiv tat-TNP bħala strument ġuridiku globali affidabbli u għat-tnaqqir tar-reġim ta' diżarm globali, biex b'hekk jiżdied ir-riskju ta' proliferazzjoni ulterjuri ta' armi nukleari globali; li jwissu lill-Istati partijiet li, minħabba n-nuqqas ta' kunsens fil-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2015 u fil-kumitati ta' tħejjija, il-futur tat-TNP ma jistax jittieħed iktar bħala fatt jekk ma jkunx hemm l-impenn ċar tal-Istati partijiet;
(g) li jfakkru lill-Istati partijiet li l-ħamsin anniversarju tat-TNP jikkoinċidi mal-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2020, fatt li jista' jagħti spinta favur il-parteċipazzjoni fi djalogu sinċier u orjentat lejn ir-riżultati bil-ħsieb li terġa' tinkiseb klima ta' fiduċja reċiproka, li jkollha l-għan li twessa' l-oqsma ta' konverġenza u tidentifika bażi komuni sabiex id-diskussjonijiet jimxu 'l quddiem, bil-għan aħħari jkun li jadottaw dokument kondiviż li jirrikonoxxi id-diżarm nukleari u l-eliminazzjoni totali tal-armi nukleari bħala objettivi komuni konformi mal-Artikolu VI tat-TNP;
(h) li jitolbu tmexxija politika b'saħħitha li tappoġġja l-konferenza ta' reviżjoni tat-TNP; li jwasslu messaġġ lill-Istati partijiet tat-TNP li l-parteċipazzjoni tal-kapijiet ta' stat jew ta' gvern fil-konferenza tkun turija tal-importanza li l-Istati jagħtu lit-TNP u lill-proċess ta' reviżjoni; li jistiednu lir-rappreżentanti tal-Istati partijiet jisfruttaw l-opportunità mogħtija mill-għaxar Konferenza ta' Reviżjoni biex jaffermaw mill-ġdid li "gwerra nukleari ma tistax tintrebaħ u qatt ma għandha tiġi miġġielda";
(i) li jenfasizzaw li l-applikazzjoni selettiva tat-Trattat jew in-nuqqas ta' konformità mal-memoranda tat-TNP minn xi Stati partijiet, tnawwar il-fiduċja fis-sistema kollha tat-TNP; li jistiednu lill-firmatarji kollha tat-TNP jiżguraw ir-rispett tal-impenji li ħadu;
(j) li jilqgħu l-fatt li l-armi nukleari ma ntużawx għal 72 sena; li jwissu lill-Istati partijiet tat-TNP li kwalunkwe espansjoni tas-sitwazzjonijiet li fihom jistgħu jintużaw l-armi nukleari tista' tipperikola serjament l-istabbiltà strateġika globali u l-prattika ta' nuqqas ta' użu;
(k) li jistiednu lill-Istati kollha, sabiex f'dak li jikkonċerna l-armi nukleari u t-teknoloġiji relatati tal-vetturi, jirrikonoxxu li r-reġimi ta' kontroll, diżarm u nonproliferazzjoni huma għodod kruċjali li jsaħħu l-fiduċja u jikkontribwixxu b'mod sostanzjali biex ireġġgħu lura d-deterjorament tal-klima ta' sigurtà internazzjonali, biex b'hekk jipprevjenu gwerer kbar bejn l-istati u jżommu l-paċi u s-sigurtà;
(l) li jenfasizzaw li huwa essenzjali li ssir verifika effettiva tad-diżarm nukleari biex tinkiseb dinja ħielsa mill-armi nukleari; li jkomplu u jintensifikaw l-isforzi, inkluża l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali u mas-soċjetà ċivili, biex jindirizzaw l-isfidi tal-proċess ta' verifika fir-rispett tar‑rekwiżiti ta' sikurezza, sigurtà u nonproliferazzjoni;
(m) li jħeġġu lill-Istati partijiet jagħmlu ħilithom ħalli jinkiseb iktar progress fil-proċessi ta' kontroll tal-armi u ta' diżarm nukleari, b'mod partikolari bit-tnaqqis ġenerali fil-ħażna dinjija ta' armi nukleari, u biex jiżguraw li x-xejra ta' tnaqqis tal-arsenal nukleari, li laħqet l-ogħla livell tagħha fl-1986, ma titreġġax lura; li jwasslu messaġġ li t-TNP għandu jintuża bħala pjattaforma għall-isforzi diplomatiċi kollha f'dan ir-rigward;
(n) li jħeġġu lill-Istati Uniti u r-Russja jsaħħu l-fiduċja reċiproka bil-għan li jkomplu d-djalogu dwar il-modi possibbli li bihom tinbena relazzjoni ġdida għall-kontroll tal-armi; li jenfasizzaw li impenn ċar mir-Russja u l-Istati Uniti, qabel il-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2020 dwar it-TNP, bil-għan li jestendu t-Trattat START ġdid qabel Frar 2021, ikun jirrappreżenta kontribut importanti għall-konferenza ta' reviżjoni; li jħeġġu bil-qawwa liż-żewġ partijiet jinnegozjaw strument ġdid li jinkludi kemm l-armi skjerati u mhux, kif ukoll l-armi strateġiċi u mhux, u li jinkludi liċ-Ċina, fid-dawl tal-akkumulu massiv ta' missili tagħha; li jesprimu tħassib dwar l-iskjerament reċenti, min-naħa tar-Russja, ta' gliders bil-mutur ipersoniċi Avanguard fir-reġjun ta' Orenburg; li jfakkru lir-Russja li l-gliders bil-mutur ipersoniċi Avanguard skjerati kollha, se jkunu soġġetti għal-limitu kumplessiv ta' 1 550 testata nukleari tat-Trattat START il-ġdid, u għad-dispożizzjonijiet ta' verifika assoċjati;
(o) li jtennu mill-ġdid id-dispjaċir kbir tal-UE fir-rigward tal-falliment reċenti tat-Trattat INF, minħabba l-iskjerament, min-naħa tar-Russja, tas-sistema missilistika SSC-8 mir-Russja, li għandha kapaċità nukleari, hija mobbli u diffiċli biex tinstab, u li tbaxxi l-livell limitu għall-użu ta' armi nukleari f'kunflitt armat, filwaqt li jenfasizzaw l-impatt negattiv sinifikanti li dan għandu fuq is-sigurtà Ewropea u fuq l-arkitettura strateġika għall-kontroll tal-armi nukleari; li jistiednu liż-żewġ firmatarji tat-Trattat INF ikomplu d-djalogu dwar il-modi possibbli li bihom jiġi stabbilit strument ġrudikament vinkolanti ġdid għal missili ta' distanza qasira u medja; li jappoġġjaw l-isforzi għall-multilateralizzazzjoni ta' tali strument għall-pajjiżi l-oħra kollha li għandhom armi ta' dan it-tip, inkluża ċ-Ċina;
(p) li juru li huma inkwetati bt-tmiem tat-Trattat INF, anke minħabba ż-żieda fir-riskju ta' eskalazzjoni nukleari fil-kontinent Ewropew, partikolarment minħabba l-missili ta' distanza medja;
(q) li jinkoraġġixxu t-taħditiet dwar il-possibbiltà ta' trattat multilaterali dwar il-missili ballistiċi li jmur lil hinn mit-Trattat INF bejn l-Istati Uniti u r-Russja u li jinkludi partijiet oħrajn;
(r) li jistiednu lill-Istati Uniti u r-Russja jippreżentaw flimkien dikjarazzjoni lill-partijiet l-oħrajn kollha tat-TNP u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li fiha jistabbilixxu l-passi li se jieħdu wara l-irtirar tagħhom mit-Trattat INF sabiex jiżguraw il-konformità mal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu VI tat-TNP; li jwettqu l-passi meħtieġa għal dan il-għan f'isem l-Unjoni;
(s) li jitolbu lir-Russja tirrispetta l-impenn tagħha minqux fil-Memorandum ta' Budapest u tirrispetta l-garanziji ta' sigurtà offruti lill-Ukrajna;
(t) li jikkunsidraw li l-irtirar mir-reġimi ta' kontroll tal-armi nukleari jew il-falliment tagħhom huwa preċedent perikoluż għat-TNP; li jżommu quddiem għajnejhom li l-partijiet għat-TNP jistgħu jqisu tali avvenimenti bħala theddida għas-sigurtà nazzjonali tagħhom, u li l-konsegwenzi li jirriżultaw, jistgħu jiddestabilizzaw it-TNP kollu kemm hu;
(u) li jsemmgħu dan it-tħassib fil-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2020 tal-Partijiet għat-TNP; li jieħdu l-passi diplomatiċi u politiċi meħtieġa biex jeliminaw it-theddida diretta li ġejja mill-armi nukleari b'distanza intermedja, għall‑Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha;
(v) li jenfasizzaw il-kontribut li sar mill-Istati tan-NATO biex jonoraw l-impenji tagħhom skont it-TNP fir-rigward tat-tnaqqis tal-ħażna ta' armi nukleari b'95 % mit-tmiem tal-Gwerra Bierda, bir-ridefinizzjoni tal-objettivi tagħhom, it-tnaqqis tal-istatus ta' allarm u t-tnaqqis fil-grad tar-rwol tagħhom fid-difiża; li jistiednu lin-NATO u lill-firmatarji tat-TNP l-oħrajn ikomplu bl-isforzi tagħhom favur it-tnaqqis ulterjuri tal-armi nukleari, f'konformità sħiħa mat-TNP, abbażi ta' approċċ gradwali li jippromwovi l-istabbiltà u s-sigurtà internazzjonali;
(w) li jinnotaw li l-adozzjoni tat-TPNW minn 122 pajjiż, bi 80 stat firmatarju u ratifikat minn 35 Stat, hija xhieda tar-rieda li jintlaħaq l-objettiv ta' dinja ħielsa mill-armi nukleari; li jenfasizzaw li d-diżarm nukleari ma jistax jiġi separat mis-sigurtà kollettiva u jista' jinkiseb biss jekk dak li jkun iqis il-kuntest strateġiku, u għandu jkun parti minn proċess gradwali li jiżgura l-istess livell ta' sigurtà għal kulħadd, filwaqt li jipprevjeni kwalunkwe tellieqa ġdida għall-armi; li jfakkru li, t-Trattat għall-Waqfien tal-Produzzjoni ta' Materjal Fissili, huwa pass essenzjali u insostitwibbli lejn dinja ħielsa mill-armi nukleari, bħala mezz preventiv għall-iżvilupp kwantitattiv tal-arsenali tal-armi nukleari;
(x) li jikkonfermaw id-dritt tal-partijiet fit-TNP għall-użu paċifiku tal-enerġija nukleari biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' enerġija fit-tul tagħhom, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-TNP; li jaħdmu mal-pajjiżi li jixtiequ jiżviluppaw kapaċitajiet f'dan il-qasam diretti lejn użu responsabbli ta' enerġija nukleari purament għal skopijiet paċifiċi, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha ta' sikurezza, sigurtà u nonproliferazzjoni; li jikkunsidraw miżuri xierqa f'każijiet li fihom dawn il-pajjiżi jonqsu milli jikkooperaw u jikkonformaw mal-kundizzjonijiet kollha ta' sikurezza, sigurtà u nonproliferazzjoni; li jagħtu għajnuna filwaqt li fl-istess ħin jagħmluha obbligatorja għall-pajjiżi li jixtiequ jiżviluppaw kapaċitajiet għall-użu paċifiku tal-enerġija nukleari biex jiżviluppaw kultura ta' sikurezza nukleari b'saħħitha, u jirrikonoxxu r-rwol u l-valur tal-IAEA u tas-sistema ta' salvagwardji tagħha fl-implimentazzjoni tat-TNP u fit-tisħiħ tal-qafas ta' sigurtà nukleari;
(y) li jillimitaw it-trasferiment ta' teknoloġija nukleari rilevanti għall-proliferazzjoni għal dawk l-Istati partijiet tat-TNP li kkonkludew u qegħdin jimplimentaw miżuri ta' salvagwardja komprensivi tal-IAEA, biex b'hekk tiġi sostnuta d-deċiżjoni tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-1995 biex arranġamenti ġodda ta' provvista għat-trasferiment ta' teknoloġija nukleari sensittiva jkunu jeħtieġu, bħala prekundizzjoni neċessarja, l-aċċettazzjoni tal-miżuri ta' salvagwardja komprensivi tal-IAEA u l-impenji ġuridikament vinkolanti fil-livell internazzjonali biex ma jiġux akkwistati armi nukleari jew mezzi splussivi nukleari oħra;
(z) li jkomplu l-isforzi tagħhom biex jistabbilixxu żona ħielsa mill-armi nukleari u mill-armi kollha l-oħra ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani f'konformità mar-riżoluzzjoni tal-1995, li attwalment iddgħajfet mill-politiki ta' Iżrael u mit-tkomplija tal-attivitajiet ta' arrikkiment tal-uranju mill-Iran; li jaħdmu favur l-inizjattivi li jippromwovu t-tisħiħ tal-fiduċja permezz ta' azzjonijiet immirati lejn it-trawwim ta' djalogu inklużiv fost l-esperti u dawk li jfasslu l-politiki, bis-sostenn ta' pakkett finanzjarju ta' EUR 2,86 miljun għall-implimentazzjoni tal-proġetti;
(aa) li jappoġġjaw l-approċċ reġjonali, bħala wieħed mill-mezzi importanti għall-promozzjoni tad-diżarm u n-nonproliferazzjoni; li jikkunsidraw l-eżitu tal-ewwel sessjoni tal-Konferenza dwar l-Istabbiliment ta' Żona Ħielsa mill-Armi Nukleari fil-Lvant Nofsani, u jkomplu jappoġġjaw l-għan fit-tul tat-tfassil ta' trattat ġurdikament vinkolanti li jippermetti l-istabbiliment ta' MENWFZ; li jħeġġu lill-Istati parteċipanti kollha jagħmlu ħilithom, fit-tieni sessjoni tal-Konferenza, biex iwettqu progress f'dan ir-rigward;
(ab) li jirrispettaw il-proposta ta' "approċċ pass pass" imressqa mill-Iżvezja li għandha l-għan li jinbena appoġġ politiku għal impenji pragmatiċi, fuq perjodu qasir u li jistgħu jintlaħqu b'rabta mar-reġim ta' diżarm globali, li l-għanijiet ġenerali tiegħu huma t-tisħiħ mill-ġdid il-fiduċja, l-appoġġ għal miżuri ffokati fuq it-tnaqqis tal-importanza tal-armi nukleari, it-tisħiħ tad-drawwiet ta' kooperazzjoni fost l-istati, it-tnaqqis tar-riskji nukleari u t-tisħiħ tat-trasparenza, bħala passi intermedji biex jiġi ffaċilitat l-issodisfar tal-obbligi eżistenti mill-Istati partijiet;
(ac) li jistiednu lill-Istati partijiet jiżviluppaw u jistabbilixxu miżuri mmirati biex jonqsu r-riskji tal-użu ta' armi nukleari, kemm intenzjonali kif ukoll aċċidentali; li l-miżuri jistgħu jinkludu t-titjib tal-mezzi ta' komunikazzjoni u tal-protokolli, iċ-ċibersigurtà, u l-ħolqien ta' distinzjoni ċara bejn l-materjali konvenzjonali u dawk nukleari, kif ukoll it-titjib tar-reżiljenza għat-theddid ibridu u għaċ-ċiberattakki u ż-żieda fil-ħin disponibbli biex tittieħed deċiżjoni f'mument ta' kriżi;
(ad) li jappoġġjaw l-impenn biex tissaħħaħ it-trasparenza mill-Istati b'armi nukleari f'konformità mat-13-il pass dwar id-diżarm adottati fil-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2000 tal-Partijiet għat-TNP; li jfakkru li t-titjib ulterjuri tal-mekkaniżmu ta' rapportar bis-sistematizzazzjoni tal-oqfsa ta' rapportar tal‑Istati b'armi nukleari jikkontribwixxi biex jintlaħaq l-istess livell ta' trasparenza fost dawk l-Istati; jitolbu, f'dan il-kuntest, li tingħata attenzjoni speċjali lill-proposti tal‑Inizjattiva ta' Nonproliferazzjoni u Diżarm bil-għan li tissaħħaħ it-trasparenza għat-tisħiħ tal-proċess ta' reviżjoni tat-TNP;
(ae) li jieħdu nota tal-proposta intitolata "Il-ħolqien ta' kuntest għad-diżarm nukleari", imressqa mill-Istati Uniti lill-Kumitat ta' Tħejjija għall-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2020, bil-għan li jiġu identifikati u indirizzati l-fatturi fil-klima ta' sigurtà internazzjonali li jxekklu l-ksib ta' iktar progress fid-diżarm, u li jiġi stabbilit approċċ iktar pragmatiku għad-diżarm u li jingħata kontribut pożittiv għal eżitu pożittiv tal-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2020; li jipparteċipaw f'iktar diskussjonijiet dwar il-proposta fil-qafas tal-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2020 u lil hinn minnha;
(af) li jistiednu lill-Istati kollha jipparteċipaw mingħajr iktar dewmien f'diskussjonijiet dwar it-triq lejn il-varar u t-tlestija ta' waħda mill-prijoritajiet pendenti – it-trattat li jipprojbixxi l-produzzjoni tal-materjal fissili għall-armi nukleari – bħala pass indispensabbli biex jiġi evitat ir-riskju li titkompla t-tellieqa għall-armi nukleari u bħala pass ewlieni lejn l-eliminazzjoni tal-armi nukleari;
(ag) li jiżguraw li l-pajjiżi tal-UE jkomplu jsostnu bil-qawwa t-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBT) u lill-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBTO); li jfakkru wkoll l-importanza u l-urġenza li s-CTBT jidħol fis-seħħ bil-għan li jiġi evitat l-iżvilupp ta' armi ġodda;
(ah) li jaffermaw mill-ġdid l-impenn kontinwu tal-UE favur il-PAKK bħala l-aħjar mezz possibbli biex jinkisbu l-garanziji min-naħa tal-Iran dwar l-użu esklussivament paċifiku tal-enerġija nukleari, u bħala għodda vitali għat-tisħiħ tal-istabbiltà u s-sigurtà fil-Lvant Nofsani; li jkomplu jenfasizzaw l-importanza tar-rwol tal-UE biex tinstab it-triq 'il quddiem fir-rigwrad tal-iżgurar tal-ftehim nukleari; li jtennu d-dispjaċir tal-UE dwar l-irtirar tal-Istati Uniti mill-PAKK u l-impożizzjoni mill-ġdid tas-sanzjonijiet; li jiddispjaċihom għat-tneħħija tal-limiti min-naħa tal-Iran fuq il-produzzjoni tiegħu ta' uranju arrikkit, li jista' jintuża għall-produzzjoni ta' fjuwil tar-reattur, u għall-armi nukleari, li jfisser ksur tal-impenji tiegħu skont il-PAKK sa minn Lulju 2019, li wassal biex jiġi attivat il-mekkaniżmu ta' tilwim mill-firmatarji Ewropej kollha tal-PAKK; li jfakkru li dan jagħti bidu għal stadju kkaratterizzat minn inċertezza preokkupanti ħafna rigward l-istabbiltà u s-sigurtà; li jtennu mill-ġdid il-bżonn li jintlaħaq ftehim bil-ħsieb li tonqos it-theddida kaġun tal-programm missilistiku tal-Iran; li jistiednu lill-Iran jerġa' jirrispetta b'mod sħiħ l‑impenji tiegħu b'rabta mal-armi nukleari skont il-PAKK u t-TNP;
(ai) li jiddispjaċihom għall-appoġġ muri mill-Iran għal atturi mhux statali vjolenti u għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' missili ballistiċi li jiddestabbilizzaw il-Lvant Nofsani b'mod ġenerali;
(aj) li jtennu l-appoġġ sħiħ tal-UE għall-objettiv ta' denuklearizzazzjoni tar-RDPK b'mod komplut, verifikabbli u irreversibbli, skont ir-riżoluzzjonijiet kollha rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; li jħeġġu lir-RDPK tabbanduna l-programm tagħha ta' armi nukleari u terġa' lura għas-salvagwardji tat-TNP u tal-IAEA; li jibqgħu jappoġġjaw il-proċess ta' djalogu kontinwu filwaqt li jimmiaw li jaqdu rwol iktar attiv fin-negozjati, billi jikkapitalizzaw fuq l-għarfien diplomatiku espert tal-UE; li jfakkru, li l-RDPK tibqa' titqies bħala theddida nukleari u ballistika reġjonali u internazzjonali;
(ak) li jibqgħu jsostnu u jippreservaw it-TNP bħala strument multilaterali essenzjali għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, jippromwovu l-universalizzazzjoni tiegħu u jsaħħu l-implimentazzjoni tat-tliet pilastri tiegħu, li kollha għandhom l-istess importanza u li jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku; li jħeġġu lill-Istati partijiet kollha għat-TNP jġeddu l-isforzi tagħhom ta' kollaborazzjoni reċiproka u jirsistu fuq impenn ġdid favur l-implimentazzjoni komprensiva, sħiħa u bbilanċjata tat-TNP;
(al) li jistiednu lill-Istati kollha li għadhom ma għamlux dan, biex jiffirmaw u jirratifikaw it-TNP bħala Stati li ma għandhomx armi nukleari u, sakemm l-adeżjoni tagħhom tkun għadha pendenti, jaderixxu mat-termini tiegħu u jimpenjaw ruħhom għall-objettivi tiegħu ta' nonproliferazzjoni u diżarm, inkluż billi juru bil-provi li mhumiex qegħdin jipparteċipaw fi trasferimenti ta' teknoloġija nukleari u billi jsaħħu l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjali Nukleari;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u lill‑Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
19.2.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
61 1 5 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Alviina Alametsä, Maria Arena, Petras Auštrevičius, Traian Băsescu, Lars Patrick Berg, Anna Bonfrisco, Reinhard Bütikofer, Fabio Massimo Castaldo, Włodzimierz Cimoszewicz, Katalin Cseh, Tanja Fajon, Anna Fotyga, Michael Gahler, Kinga Gál, Sunčana Glavak, Klemen Grošelj, Sandra Kalniete, Dietmar Köster, Stelios Kouloglou, Andrius Kubilius, Ilhan Kyuchyuk, Miriam Lexmann, Nathalie Loiseau, Jaak Madison, Lukas Mandl, Thierry Mariani, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Sven Mikser, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Urmas Paet, Demetris Papadakis, Kostas Papadakis, Tonino Picula, Kati Piri, Giuliano Pisapia, Jérôme Rivière, Nacho Sánchez Amor, Jacek Saryusz-Wolski, Andreas Schieder, Radosław Sikorski, Sergei Stanishev, Hermann Tertsch, Hilde Vautmans, Harald Vilimsky, Idoia Villanueva Ruiz, Thomas Waitz, Witold Jan Waszczykowski, Charlie Weimers, Isabel Wiseler-Lima, Salima Yenbou, Željana Zovko |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Arnaud Danjean, Özlem Demirel, Engin Eroglu, Evin Incir, Andrey Kovatchev, Sergey Lagodinsky, Katrin Langensiepen, Gabriel Mato, Kris Peeters, Paulo Rangel, Ernest Urtasun, Nils Ušakovs, Mick Wallace |
|||
Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Tudor Ciuhodaru |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
61 |
+ |
ECR |
Hermann Tertsch, Witold Jan Waszczykowski, Charlie Weimers |
GUE/NGL |
Özlem Demirel, Stelios Kouloglou, Idoia Villanueva Ruiz, Mick Wallace |
ID |
Lars Patrick Berg, Jaak Madison, Harald Vilimsky |
NI |
Fabio Massimo Castaldo |
PPE |
Traian Băsescu, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Kinga Gál, Sunčana Glavak, Sandra Kalniete, Andrey Kovatchev, Andrius Kubilius, Miriam Lexmann, David McAllister, Lukas Mandl, Gabriel Mato, Vangelis Meimarakis, Francisco José Millán Mon, Kris Peeters, Paulo Rangel, Radosław Sikorski, Isabel Wiseler-Lima, Željana Zovko |
RENEW |
Petras Auštrevičius, Katalin Cseh, Engin Eroglu, Klemen Grošelj, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Javier Nart, Urmas Paet, Hilde Vautmans |
S&D |
Maria Arena, Włodzimierz Cimoszewicz, Tudor Ciuhodaru, Tanja Fajon, Evin Incir, Dietmar Köster, Sven Mikser, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Kati Piri, Giuliano Pisapia, Nacho Sánchez Amor, Andreas Schieder, Sergei Stanishev, Nils Ušakovs |
VERTS/ALE |
Alviina Alametsä, Reinhard Bütikofer, Sergey Lagodinsky, Katrin Langensiepen, Ernest Urtasun, Thomas Waitz, Salima Yenbou |
1 |
- |
NI |
Kostas Papadakis |
5 |
0 |
ECR |
Anna Fotyga, Jacek Saryusz-Wolski |
ID |
Anna Bonfrisco, Thierry Mariani, Jérôme Rivière |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni