RAPPORT dwar il-politika tal-kompetizzjoni – rapport annwali 2019
25.2.2020 - (2019/2131(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Stéphanie Yon-Courtin
- MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
- OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ INTERNAZZJONALI
- OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AGRIKOLTURA U L-IŻVILUPP RURALI
- ITTRA TAL-KUMITAT GĦAS-SUQ INTERN U L-ĦARSIEN TAL-KONSUMATUR
- INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
- VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-politika tal-kompetizzjoni – rapport annwali 2019
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari mill-Artikolu 101 sal-Artikolu 109 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-regoli, il-linji gwida, ir-riżoluzzjonijiet, il-konsultazzjonijiet pubbliċi, il-komunikazzjonijiet u d-dokumenti rilevanti tal-Kummissjoni dwar is-suġġett tal-kompetizzjoni,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2019 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2018 (COM(2019)0339) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni ppubblikat bħala dokument ta' sostenn fl-istess data,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-31 ta' Jannar 2019 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE[1],
– wara li kkunsidra l-ittra tal-missjoni tal-10 ta' Settembru 2019 tal-President elett Ursula von der Leyen lil Margrethe Vestager,
– wara li kkunsidra t-tweġibiet orali u bil-miktub tal-Kummissarju nnominat Margrethe Vestager waqt is-seduta ta' smigħ quddiem il-Parlament Ewropew fit-8 ta' Ottubru 2019,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-irkupru ta' għajnuna illegali u inkompatibbli mill-Istat (2019/C 247/01),
wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw is-setgħa biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern[2],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online[3];
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar ir-rapport tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2019 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2018,
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-5 ta' Diċembru 2019 dwar ir-rapport tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2019 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2018,
wara li kkunsidra r-rapport tal-4 ta' April 2019 tal-esperti ta' livell għoli tal-Kummissjoni tal-2019 dwar il-politika tal-kompetizzjoni għall-era diġitali,
wara li kkunsidra l-Opinjoni Preliminari tas-26 ta' Marzu 2014 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar "Il-privatezza u l-kompetittività fl-era tal-big data: L-interazzjoni bejn il-protezzjoni tad-data, id-dritt tal-kompetizzjoni u l-protezzjoni tal-konsumaturi fl-Ekonomija Diġitali" u l-Opinjoni 8/2016 tat-23 ta' Settembru 2016 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar "L-infurzar koerenti tad-drittijiet fundamentali fl-era tal-big data",
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tad-29 ta' Awwissu 2018 dwar l-impatti tal-konċentrazzjoni ekonomika fuq il-protezzjoni tad-data,
wara li kkunsidra l-ittra tal-4 ta' Frar 2020 mibgħuta lill-Kummissarju Margrethe Vestager mill-ministri tal-ekonomija u tal-finanzi ta' Franza, il-Ġermanja, l-Italja u l-Polonja,
wara li kkunsidra l-proposta tal-4 ta' Lulju 2019 ta' Franza, il-Ġermanja u l-Polonja bit-titlu "Pour une politique européenne de la concurrence modernisée" (Politika Ewropea mmodernizzata fil-qasam tal-kompetizzjoni),
wara li kkunsidra r-rapport tal-2019 tal-Uffiċċju Ewropew tal-Għaqdiet tal-Konsumaturi (BEUC) bit-titlu "The Role of Competition Policy in Protecting Consumers' Wellbeing in the Digital Era" (ir-rwol tal-politika tal-kompetizzjoni fil-ħarsien tal-benessri tal-konsumaturi fl-era diġitali),
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Jannar 2019 li testendi seba' settijiet ta' regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat (l-inizjattiva tal-modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020) sal-aħħar tal-2022 u biex sadanittant tniedi evalwazzjonijiet,
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Marzu u s-27 ta' Mejju 2019,
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta' Diċembru 2018 maħruġa minn 18-il Stat Membru waqt is-6 laqgħa ministerjali tal-"Ħbieb tal-Industrija",
wara li kkunsidra r-rapport tal-Forum Strateġiku għal Proġetti Importanti ta' Interess Komuni Ewropew bit-titlu "Strengthening strategic value chains for a future-ready EU industry" (It-tisħiħ tal-ktajjen ta' valur strateġiċi għal industrija tal-UE lesta għall-futur),
wara li kkunsidra r-reviżjoni li għaddejja bħalissa dwar il-linji gwida relatati mal-kooperazzjoni orizzontali,
wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika dwar ir-regolamenti orizzontali ta' eżenzjoni ta' kategorija,
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-12 ta' Lulju 2018 bit-titlu "Lejn qafas legali Ewropew adatt għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali" (INT871),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0022/2020),
A. billi l-kompetizzjoni u l-infurzar effettiv tal-politika tal-kompetizzjoni għandhom ikunu ta' benefiċċju għaċ-ċittadini kollha tal-UE, speċjalment dawk f'pożizzjoni dgħajfa bħala konsumaturi, filwaqt li jippromwovu l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni ġusta fost in-negozji li joperaw fis-suq uniku, b'mod partikolari billi jiżguraw li l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) ikollhom l-opportunità li jikkompetu fuq bażi ekwa;
B. billi l-politika tal-kompetizzjoni trid tiġi adattata biex tindirizza l-isfidi diġitali, ekoloġiċi, ġeopolitiċi, industrijali u soċjali, u trid tkun konformi mal-prijoritajiet deskritti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi, sabiex tiżgura kundizzjonijiet ekwi fis-setturi kollha bħala l-pedament tal-ekonomija soċjali tas-suq tal-UE, filwaqt li tqis l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali;
C. billi l-kooperazzjoni globali fl-infurzar fil-qasam tal-kompetizzjoni tgħin biex jiġu evitati l-inkonsistenzi fir-rimedji u fl-eżiti tal-azzjonijiet ta' infurzar, u tgħin lin-negozji jnaqqsu l-ispejjeż li jġarrbu biex ikunu konformi;
D. billi fi swieq diġitali li jinbidlu malajr, il-politika tal-kompetizzjoni tista' f'xi każijiet tkun wisq kajmana u għalhekk ikun hemm ir-riskju li ma tkunx effettiva meta tiġi biex tirrimedja n-nuqqasijiet sistemiċi tas-suq u tistabbilixxi mill-ġdid il-kompetizzjoni; billi r-regolamentazzjoni u l-monitoraġġ ex ante komplementari jistgħu jkunu ta' benefiċċju biex tiġi żgurata sorveljanza aktar effettiva;
E. billi l-awtoritajiet Ewropej tal-kompetizzjoni għandhom ikunu daqstant attenti sabiex jevitaw li jkun hemm infurzar insuffiċjenti fis-swieq diġitali daqskemm huma attenti li ma jkunx hemm infurzar żejjed;
F. billi l-objettiv ewlieni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE huwa li tipprevjeni d-distorsjoni tal-kompetizzjoni sabiex tiġi ppreservata l-integrità tas-suq intern u jiġu protetti l-konsumaturi;
G. billi, minħabba li l-iskandli tad-data, l-investigazzjonijiet u l-evidenza riċenti wrew kif id-data personali qed tinġabar, tintuża u tinbiegħ lil partijiet terzi minn pjattaformi, u wrew kif l-atturi u l-pjattaformi tat-teknoloġija dominanti kienu qed jittraċċaw lill-konsumaturi online b'mod sistematiku;
Ir-rwol tal-politika tal-kompetizzjoni fis-swieq globalizzati
1. Jirrimarka li f'dinja globalizzata, il-kooperazzjoni internazzjonali hija kruċjali biex jiġi żgurat infurzar effettiv tal-kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa aktar l-influwenza tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE fid-dinja, b'mod partikolari billi tissokta bid-djalogu pertinenti u ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Istati Uniti, maċ-Ċina, mal-Ġappun u ma' pajjiżi terzi oħrajn, fejn ikun possibbli permezz ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni tat-tieni ġenerazzjoni li jippermettu li jsir skambju aktar effettiv tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni; jappoġġja l-parteċipazzjoni attiva tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali fin-Netwerk Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfittex dejjem l-inklużjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni (li jkopru wkoll l-għajnuna mill-Istat) fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-UE (FTAs) u fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), sabiex jiġi żgurat ir-rispett reċiproku għall-kompetizzjoni ġusta; jinnota b'dispjaċir l-effett negattiv tal-paraliżi fi ħdan il-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO fuq il-Kummissjoni;
2. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa għodod biex tiffaċilita l-monitoraġġ aħjar tal-investiment dirett barrani (FDI) u tiżgura implimentazzjoni rapida tal-mekkaniżmu ta' skrinjar għall-FDIs u tipproponi għodda biex issaħħaħ il-mekkaniżmu attwali, filwaqt li tiżgura li l-Unjoni Ewropea tibqa' miftuħa u attraenti għall-FDI; jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li l-kumpaniji f'pajjiżi terzi jibbenefikaw minn trattament favorevoli fis-suq domestiku tagħhom, li jista' jfixkel il-kompetizzjoni fejn jidħol l-investiment fis-suq uniku;
3. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura r-reċiproċità mal-pajjiżi terzi fil-qasam tal-akkwist pubbliku, l-għajnuna mill-Istat u l-politika tal-investiment, inkluż li tqis id-dumping soċjali u ambjentali; ifakkar fil-ħtieġa li jinfetħu s-swieq tal-akkwist pubbliku f'pajjiżi terzi li għalihom għadu ma jeżistix aċċess; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem favur l-adeżjoni ta' pajjiżi terzi importanti, bħaċ-Ċina, għall-Ftehim tad-WTO dwar l-Akkwisti Pubbliċi, b'offerta inizjali aċċettabbli; jenfasizza li kwalunkwe strument li għandu l-għan li jtejjeb il-ftuħ tas-suq internazzjonali, bħall-Istrument għall-Akkwist Internazzjonali tal-UE, li għandu jiġi ffinalizzat sal-2021, irid jevita li joħloq burokrazija addizzjonali u distorsjonijiet ġodda fis-suq li jkollhom effetti negattivi fuq il-kumpaniji tal-UE;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi kompetizzjoni ġusta bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit wara t-tluq tiegħu mill-UE sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni u jiġi evitat id-dumping;
5. Jappoġġja bis-sħiħ l-implimentazzjoni tal-Proġetti Importanti ta' Interess Komuni Ewropew (IPCEI) bħall-Alleanza Ewropea tal-Batteriji; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi aktar lill-IPCEIs maġġuri fit-teknoloġiji fixkiela, tissimplifika d-dispożizzjonijiet rilevanti u tirrazzjonalizza r-rekwiżiti tagħha sabiex proġetti ta' riċerka industrijali iżgħar ikunu kkunsidrati wkoll;
6. Ifakkar fil-ħtieġa li l-Kummissjoni tapplika l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat b'mod ugwali għall-operaturi tal-UE u ta' pajjiżi terzi biex jiġu evitati l-asimmetriji mal-kompetituri barranin, u biex tagħti aktar attenzjoni lill-kumpaniji statali barranin li huma ssussidjati mill-gvernijiet tagħhom b'modi li r-regoli tas-suq uniku tal-UE jipprojbixxu għall-entitajiet tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-proposta riċenti tal-Gvern Netherlandiż u tinvestiga l-għażla li jiżdied pilastru mad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE, li jagħti lill-Kummissjoni għodod investigattivi xierqa f'każijiet fejn kumpanija titqies li tkun ġabet ruħha b'imġiba distorsiva minħabba s-sussidji li tirċievi mill-gvern jew li tkun għamlet profitti eċċessivi abbażi ta' pożizzjoni dominanti fis-suq fil-pajjiż ta' oriġini tagħha (pereżempju billi jiġu introdotti kontrolli dwar l-għajnuna mill-Istat fuq il-kumpaniji minn pajjiżi terzi fir-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku);
7. Itenni t-talba tiegħu biex il-Kummissjoni teżamina jekk jistgħux jinħolqu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni mill-programm ta' xiri mis-settur korporattiv, speċjalment bejn l-SMEs u l-korporazzjonijiet multinazzjonali;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ aktar favorevoli għal politika industrijali b'saħħitha tal-UE biex tiżgura u tmantni kompetittività għolja fis-swieq globali; jenfasizza li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jippromwovu u jappoġġjaw proġetti tal-UE ta' interess strateġiku u jneħħu t-tfixkil u l-ostakli biex iħallu li jitfaċċaw mexxejja tal-UE innovattivi f'setturi ta' prijorità speċifiċi għall-UE, filwaqt li jirrispettaw l-applikazzjoni indipendenti tar-regoli tal-kompetizzjoni li jissalvagwardjaw kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ekwi; tiċċara li dan l-approċċ m'għandux ikun ta' detriment għall-SMEs u għall-interessi tal-konsumaturi, u għandu jiffoka fuq it-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli u industrija tad-data tal-UE u infrastruttura diġitali kompetittivi, bħall-iżvilupp tat-teknoloġija 5G;
9. Jistieden lill-Kummissjoni taħtaf l-opportunità tar-reviżjoni tal-linji gwida dwar il-ftehimiet ta' kooperazzjoni orizzontali biex toħloq qafas aktar flessibbli u żżid iċ-ċertezza legali għall-kumpaniji; jistieden lill-Kummissjoni tikkomunika aktar fil-waqt opportun u b'mod aktar effiċjenti mad-detenturi ta' proġetti ta' kooperazzjoni ta' ċertu daqs, u tippermetti l-possibbiltà li jitressqu mistoqsijiet ġodda bħala parti minn proċedura ta' notifika volontarja rapida;
10. Jilqa' l-impenn meħud mill-Kummissjoni fl-avviż tagħha tad-9 ta' Diċembru 1997[4] li tirrieżamina d-definizzjoni tagħha tas-suq rilevanti sabiex titqies viżjoni aktar fit-tul li tinkludi d-dimensjoni globali, id-diġitalizzazzjoni u l-kompetizzjoni futura potenzjali; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiddependi fuq prinċipji ekonomiċi u legali b'saħħithom fl-investigazzjonijiet tagħha, billi ssegwi l-prinċipji tal-proporzjonalità u tal-proċess ġust, meta teżamina tipi ta' swieq ġodda;
11. Jenfasizza li l-eżistenza ta' kundizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni fil-livell internazzjonali f'sistema ta' kummerċ multilaterali bbażata fuq ir-regoli li tissalvagwardja l-ambitu tal-politika tal-istati hija essenzjali għall-Ewropa, inkluż għall-kumpaniji Ewropej u b'mod partikolari l-SMEs, kif ukoll għall-ħaddiema u l-konsumaturi; jikkunsidra li dan jikkontribwixxi biex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku sostenibbli, biex ikun żgurat ambjent stabbli u prevedibbli li jfittex titjib fil-kompetittività u r-reċiproċità, jassigura l-impjiegi eżistenti u joħloq oħrajn ġodda fl-UE u f'pajjiżi terzi, u jiżgura standards ambjentali u ta' xogħol għoljin, billi għadd dejjem ikbar ta' impjiegi qed jiddependu fuq il-ktajjen ta' valur globali; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza ta' aktar trasparenza, sostenibbiltà u responsabbiltà korporattiva fi ktajjen ta' valur globali, u jistieden lill-UE tikkunsidra, fost miżuri oħra, l-istabbiliment ta' qafas legali għal diliġenza dovuta obbligatorja fil-ktajjen ta' valur globali bħala pass neċessarju biex dan jintlaħaq;
12. Jistieden lill-Kummissjoni biex, fid-dawl tad-dibattitu li qed jikber, tirrikonċilja r-regoli tal-kompetizzjoni, il-politika industrijali u l-kummerċ internazzjonali tal-UE, li jridu jimxu id f'id mas-sostenibbiltà u r-rispett għall-ambjent; jissottolinja l-ħtieġa speċifika tal-finanzjament tar-riċerka bħala l-bażi tal-innovazzjoni u l-iżvilupp għan-negozji Ewropej u bħala element ewlieni biex tingħata spinta lill-kummerċ u lill-kompetittività;
13. Jissottolinja li l-SMEs għandhom rwol importanti ħafna fil-kummerċ internazzjonali, u huma responsabbli għal madwar 30 % tal-prodotti esportati mill-UE lejn il-bqija tad-dinja[5]; iqis li s-suq intern għadu, bil-bosta, l-aktar suq importanti għall-SMEs; ifakkar li, sabiex l-SMEs jiġu megħjuna jlaħħqu ma' sfidi dejjem akbar biex jidħlu fi swieq ġodda u jkunu jistgħu jikkompetu fuq il-merti tagħhom stess, il-politika kummerċjali u tal-kompetizzjoni tal-UE għandha tikkontribwixxi għad-diversità ekonomika u għal ambjent kummerċjali favorevoli għall-SMEs, u dan għandu jinkludi li tiġi kkunsidrata l-modernizzazzjoni tad-definizzjoni ta' SMEs tal-UE, b'mod partikolari billi jiżdiedu kriterji kwalitattivi;
14. Jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tal-Kummissjoni fil-kuntest tar-riforma tad-WTO li għaddejja bħalissa, inkluż il-Korp tal-Appell tagħha, biex taġġorna u tagħmel effettivament infurzabbli r-regoli multilaterali dwar sussidji jew inizjattivi settorjali, sabiex tindirizza b'mod adegwat il-kwistjoni tas-sussidji fil-livell internazzjonali, b'referenza partikolari għas-sussidji industrijali, l-intrapriżi tal-istat u t-trasferimenti furzati tat-teknoloġija, u taġixxi biex tiġġieled il-politiki u l-prattiki mhux orjentati lejn is-suq ta' pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi b'mod sħiħ lill-Parlament u lill-Istati Membri f'dan il-qasam;
15. Jisħaq li l-infurzar effettiv tad-dispożizzjonijiet dwar l-iżvilupp sostenibbli tal-ftehimiet kummerċjali huwa importanti biex jiġu żgurati kompetizzjoni ġusta u standards ambjentali u soċjali; jilqa', f'din il-perspettiva, l-introduzzjoni ta' kriterji ambjentali u soċjali fir-riforma tal-miżuri antisussidji u antidumping; iqis li l-inklużjoni possibbli ta' standards ewlenin preċiżi u ġustizzjabbli tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) skont il-liġi tad-WTO tista' tiġi esplorata wkoll fil-kuntest tar-riforma tad-WTO li għaddejja bħalissa u sabiex tikkontribwixxi għal kundizzjonijiet ekwi globali;
16. Jilqa', f'dan il-kuntest, in-negozjati plurilaterali tad-WTO li għaddejjin bħalissa dwar il-kummerċ elettroniku, u jappella għal sett komprensiv u ambizzjuż ta' regoli li jindirizzaw l-ostakli għall-kummerċ diġitali, jiżguraw li l-kumpaniji jkunu jistgħu jikkompetu mad-dinja kollha f'kundizzjonijiet ekwi, u jsaħħu l-fiduċja tal-konsumatur fl-ambjent online mingħajr detriment għall-istandards Ewropej tal-protezzjoni tad-data; jenfasizza li l-UE għandha tieħu rwol ewlieni f'dawn in-negozjati internazzjonali, b'konsultazzjonijiet mill-qrib li jinvolvu lill-Parlament Ewropew, lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati, inkluża s-soċjetà ċivili;
17. Jikkunsidra li l-aċċess għas-suq intern tal-UE għandu jkun soġġett għall-konformità mal-istandards sanitarji, fitosanitarji u ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-politika tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni tal-UE ma tkunx timmina r-rispett tal-istandards soċjali u ekoloġiċi tal-UE jew l-iżvilupp ta' standards aktar ambizzjużi;
18. Jilqa' l-modernizzazzjoni tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ (TDIs) u l-iżvilupp ta' strumenti ġodda għall-ħarsien tal-kumpaniji Ewropej mill-kompetizzjoni inġusta li tinħoloq minn differenzi fl-istandards soċjali u ambjentali ma' pajjiżi terzi; jirrimarka, madankollu, li jeżistu inkonsistenzi bejn dawn l-istrumenti ta' difiża u l-politika kummerċjali tal-UE, b'mod partikolari meta l-Kummissjoni ffirmat ftehim ta' kummerċ ħieles mal-Ġappun, minkejja li l-Ġappun ma rratifikax tnejn mit-tmien konvenzjonijiet tal-ILO; jitlob lill-Kummissjoni teżamina jekk it-TDIs humiex konsistenti mal-politika kummerċjali tal-UE u, b'mod partikolari, mal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles;
19. Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza u tistudja kif xieraq is-swieq tal-akkwist pubbliku tal-pajjiżi terzi li magħhom għandha ftehim ta' kummerċ ħieles jew qed tinnegozja wieħed, sabiex tinnegozja l-aħjar kundizzjonijiet ta' aċċess għall-kumpaniji Ewropej;
20. Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina l-azzjoni meħtieġa mid-Direttorati Ġenerali involuti – DĠ Kummerċ u DĠ Kompetizzjoni – biex tiżgura li r-regoli tal-kompetizzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom jiggarantixxu kompetizzjoni ġusta għall-kumpaniji Ewropej fis-swieq ta' pajjiżi terzi, u viċeversa;
21. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lir-rwol tal-iffissar tal-istandards internazzjonali għall-kompetizzjoni ġusta; jinsisti li l-UE għandha ssaħħaħ l-approċċ multilaterali tagħha għall-iffissar tal-istandards, b'mod partikolari fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) u tal-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali (IEC); iwissi kontra n-nazzjonalizzazzjoni ta' approċċi li jiffissaw standards, b'mod partikolari fil-kuntest tal-Inizjattiva "Belt and Road" taċ-Ċina u strateġiji oħrajn li jsaħħu l-konnettività; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi koordinatur ta' livell għoli għall-politika tal-istandardizzazzjoni f'dan il-kuntest;
22. Jenfasizza l-importanza li tiġi inkorporata perspettiva bbażata fuq il-ġeneri kemm fil-livell multilaterali kif ukoll f'dak bilaterali, inklużi l-kapitli dwar il-ġeneru fil-ftehimiet kummerċjali u t-tfassil ta' miżuri sensittivi għall-kwistjonijiet relatati mal-ġeneri (eż. l-iżgurar li kemm il-valutazzjonijiet tal-impatt ex ante kif ukoll dawk ex post jinkludu l-impatt fuq il-ġeneri tal-politika kummerċjali u l-ftehimiet tal-UE), sabiex tingħata spinta lill-kompetizzjoni u jiġi promoss tkabbir ekonomiku inklużiv;
L-adattament tal-kompetizzjoni għall-era diġitali
23. Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-regoli dwar il-fużjonijiet u l-akkwiżizzjonijiet u ssaħħaħ l-azzjoni tal-antitrust, u tqis l-effetti tas-saħħa fis-suq u tan-netwerk assoċjati kemm mad-data personali kif ukoll finanzjarja; jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, tiġġudika l-kontroll ta' tali data bħala indikatur tal-eżistenza tas-saħħa fis-suq skont il-gwida tagħha dwar l-Artikolu 102 tat-TFUE; jistieden lill-Kummissjoni titgħallem mill-fużjoni bejn Facebook u WhatsApp u tadatta l-kriterji tagħha konsegwentement; jipproponi, għalhekk, li kull fużjoni fis-suq ta' tali data għandha tkun soġġetta għal dikjarazzjoni informali minn qabel;
24. Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-kunċett ta' "abbuż minn pożizzjoni dominanti" u d-duttrina tal-"faċilitajiet essenzjali" biex tiżgura li jkunu adatti għall-iskop tagħhom fl-era diġitali; jissuġġerixxi analiżi usa' tas-saħħa fis-suq b'rabta mal-effetti ta' konglomerat u ta' gwardjan biex jiġi miġġieled l-abbuż minn pożizzjoni dominanti ta' operaturi kbar u n-nuqqas ta' interoperabbiltà; jistieden lill-Kummissjoni twettaq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati sabiex tiġi riflessa l-evoluzzjoni tal-ekonomija diġitali, inkluża n-natura multilaterali tagħha;
25. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tirrevedi l-livelli minimi għal rieżami dwar il-fużjonijiet sabiex tinkludi fatturi bħall-għadd ta' konsumaturi affettwati u l-valur tat-tranżazzjonijiet relatati bħala parti mill-evalwazzjoni kontinwa tagħha tar-Regolament dwar il-Fużjonijiet[6];
26. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-livelli ogħla tal-konċentrazzjoni dovuti għal sjieda orizzontali minn kumpaniji kbar tal-ġestjoni tal-assi fl-evalwazzjoni kontinwa tagħha tar-Regolament dwar il-Fużjonijiet u tikkunsidra li tipprovdi linji gwida dwar l-użu tal-Artikolu 101 u l-Artikolu 102 tat-TFUE f'dan ir-rigward;
27. Jinnota li f'diversi swieq speċifiċi għad-data finanzjarja (pereżempju l-kummerċ tal-ekwitajiet, il-klassifikazzjonijiet u l-parametri referenzjarji), il-konċentrazzjoni oligopolistika tista' twassal għal każijiet ta' abbuż ta' pożizzjonijiet dominanti minn fornituri fil-konfront ta' investituri u konsumaturi tad-data finanzjarja; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni ddeterminata kontra tali abbużi ta' pożizzjonijiet dominanti li jagħmlu ħsara lill-fluwidità tas-swieq finanzjarji u li jmorru kontra l-interessi tal-iżvilupp sostenibbli;
28. Jenfasizza li, filwaqt li għadd ta' negozji ġodda jinħolqu bit-tama li jiġu akkwiżiti minn ditta akbar, l-akkwiżizzjoni tan-negozji ġodda minn atturi dominanti, inklużi l-kumpaniji u l-pjattaformi kbar tat-teknoloġija, tista' toħnoq l-innovazzjoni u thedded is-sovranità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jeżaminaw il-prattiki ta' dawn l-akkwiżizzjonijiet u l-effetti tagħhom fuq il-kompetizzjoni, speċjalment fir-rigward tal-"akkwiżizzjonijiet qattiela", kif definit fir-rapport ta' esperti ta' livell għoli tagħha tal-4 ta' April 2019 intitolat "Il-Politika tal-kompetizzjoni għall-era diġitali"; jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju dwar l-inverżjoni tal-oneru tal-prova skont l-Att dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Liġi tal-Kompetizzjoni Ġermaniża ("GWB Digitalisierungsgesetz"), ippubblikat f'Ottubru 2019;
29. Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta kif jistgħu jiġu imposti reġimi aktar esiġenti ta' aċċess għad-data, inkluża l-interoperabbiltà tad-data, b'mod partikolari meta l-aċċess għad-data jiftaħ swieq sekondarji għal servizzi komplementari jew meta d-data tkun limitata għad-ditti dominanti;
30. Jenfasizza li xi entitajiet li jibbenefikaw mill-istatus doppju ta' pjattaformi u fornituri, jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom u jimponu termini u kundizzjonijiet inġusti fuq il-kompetituri, irrispettivament jekk ikunux attivi online jew offline; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-kwistjoni tal-awtopreferenzjar u tinforza l-liġijiet neċessarji u tuża l-istrumenti meħtieġa fuq dawk l-entitajiet li jipprattikaw l-awtopreferenzjar; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li timponi obbligi regolatorji ex ante meta l-liġi tal-kompetizzjoni ma tkunx biżżejjed biex tiżgura l-kontestabbiltà f'dawn is-swieq, biex għalhekk tiġi evitata l-esklużjoni tal-kompetituri u jiġi żgurat li l-punti ta' konġestjoni emerġenti ma jiġux ipperpetwati mill-monopolizzazzjoni ta' innovazzjoni futura;
31. Jinnota li l-Kummissjoni qed tirrifletti dwar il-ħtieġa ta' regolamentazzjoni ex ante mmirata dwar kwistjonijiet sistemiċi speċifiċi li jistgħu jinqalgħu fi swieq diġitali; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tintroduċi sistema ċentralizzata ta' monitoraġġ tas-suq ex ante (filwaqt li tqis ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt), sabiex tipprovdi lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u regolatorji nazzjonali u tal-UE l-mezzi meħtieġa biex jiġbru data b'mod anonimu, sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw aħjar il-fallimenti tas-swieq fil-mument dovut, u – fejn ikun xieraq – tintroduċi regolamentazzjoni mmirata meta l-prattiki jsiru sistemiċi;
32. Jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tidentifika l-atturi diġitali ewlenin u tistabbilixxi sett ta' indikaturi biex tiddefinixxi n-natura sistemika tagħhom; jenfasizza li jistgħu jitqiesu l-indikaturi li ġejjin: l-abbuż ta' prattiki ta' ċerti netwerks estensivi, il-kontroll ta' volum sinifikanti ta' data mhux replikabbli, sitwazzjoni inevitabbli f'suq multidimensjonali jew il-kapaċità tal-operaturi li jiddefinixxu huma stess ir-regoli tas-suq;
33. Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-akkwiżizzjonijiet minn monopolji barranin ta' operaturi diġitali ta' data, inkluża data dwar is-saħħa, data finanzjarja u data edukattiva, u għar-riskji ta' privatezza involuti, li jmorru lil hinn mill-effetti diġà ta' ħsara tat-tranżazzjonijiet ta' dan it-tip fuq il-kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tqis dawk l-aspetti fir-rigward tal-istrateġija futura Ewropea dwar id-data u tinvestiga l-użu trasversali tad-data, fejn id-data li toriġina minn servizz wieħed tintuża biex il-pjattaforma tespandi dak li toffri lejn servizzi ġodda;
34. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal linji gwida tal-UE dwar l-aħjar prattiki fir-rigward tal-etika tad-data li l-kumpaniji u n-negozji jkunu jistgħu japplikaw fil-mudelli kummerċjali tagħhom; jenfasizza li tali etika tad-data tkun tikkomplementa r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u żżid is-sigurtà u l-fiduċja tal-konsumatur; jipproponi li dawn il-linji gwida tal-UE dwar l-etika tad-data jinkludu dawn li ġejjin bħala prinċipji ewlenin:
a) it-trasparenza
- il-konsumatur ikun informat bis-sħiħ dwar liema data tkun qiegħda tintuża u jekk din tkunx korretta jew le, u jkun jista' jikkontrollaha konġuntement;
- ikun hemm trasparenza dwar jekk il-kumpanija taqsamx id-data ma' awtoritajiet pubbliċi jew ma' sħab kummerċjali;
b) is-sikurezza tad-data
- il-konsumaturi jridu jiġu assigurati li d-data miżmuma tibqa' sikura, li jfisser li jeħtieġ li tiġi pprijoritizzata l-kooperazzjoni kollha dwar is-sikurezza tad-data
- klawsola li d-data ma tistax tinbiegħ lil partijiet terzi;
35. Jissottolinja li, filwaqt li l-pjattaformi ta' intermedjazzjoni għandhom rwol ewlieni fl-għoti ta' aċċess għas-servizzi online għall-konsumaturi, xi wħud jabbużaw mill-pożizzjoni privileġġjata tagħhom billi jagħmluha ta' gwardjani, inkluż f'ekosistemi magħluqa u f'postijiet tas-suq online; jitlob lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni espliċita lil dawn il-gwardjani fil-politika tal-kompetizzjoni tagħha u tikkonkludi l-investigazzjonijiet li qed tagħmel mill-aktar fis possibbli;
36. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid il-libertà tal-għażla għall-konsumaturi u ssaħħaħ ir-rwol tan-Netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC-Net) fl-ispirtu tad-Direttiva ECN+[7], bil-għan li tiġi stabbilita awtorità xierqa tal-konsumaturi fl-UE; jinnota, f'dan il-kuntest, li l-politika tal-kompetizzjoni ma tinvolvix biss li jiġu żgurati prezzijiet ġusti għall-konsumaturi iżda wkoll li tipprovdi kwalità, varjetà u innovazzjoni;
37. Jenfasizza li huwa fl-interess tal-Unjoni Ewropea li jkollha sistema ta' pagamenti pan-Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja inizjattivi li jissodisfaw dan l-objettiv, u tirrikonoxxi li s-suċċess tagħhom jiddependi kemm fuq in-natura innovattiva tas-sistema għall-konsumaturi u għan-negozji kif ukoll fuq il-vijabbiltà tal-mudell ekonomiku tagħha;
L-effikaċja tal-istrumenti tal-politika tal-kompetizzjoni
38. Jenfasizza li l-multi jista' jkollhom impatt fuq ir-reputazzjoni tal-kumpaniji ppenalizzati; jirrimarka, madankollu, li anke meta jiġu imposti multi kbar, ħafna drabi dawn ma jkunux ta' deterrent biżżejjed u jistgħu fl-aħħar mill-aħħar jiġu mgħoddija lill-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu wkoll minn rimedji alternattivi ta' mġiba u, jekk ikun hemm bżonn, rimedji strutturali, sabiex tiżgura bis-sħiħ l-effikaċja tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE; jenfasizza li l-ordni ta' waqfien u ebda tkomplija għandha tkun ħafna aktar preskrittiva fir-rimedji futuri;
39. Ifakkar li l-abbuż tas-setgħa tas-suq jista' jseħħ anke meta l-prodotti jew is-servizzi jiġu fornuti bla ħlas; jemmen li l-għoti ta' data privata lil partijiet terzi għal finijiet ta' kummerċjalizzazzjoni jew kummerċjali ta' spiss isir mingħajr il-kunsens xieraq tal-konsumatur, peress li sikwit ma jiġux ipprovduti alternattivi għall-iskambju tad-data; iqis li fl-ekonomija diġitali, il-konċentrazzjoni tad-data f'għadd żgħir ta' kumpaniji twassal għal fallimenti tas-suq, estrazzjoni eċċessiva tar-redditu u mblukkar ta' parteċipanti ġodda;
40. Ifakkar li s-suq tat-tiftix online huwa ta' importanza partikolari fl-iżgurar tal-kundizzjonijiet kompetittivi fis-suq uniku diġitali; jiddispjaċih li magna tat-tiftix partikolari li għandha aktar minn 92 % tas-sehem tas-suq fis-suq tat-tiftix online fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri saret gwardjan tal-Internet; jappella sabiex l-input mill-partijiet interessati kollha, li jkopri l-aħħar 9 snin tal-istorja tal-antitrust, jintuża biex jiġi vvalutat b'urġenza jekk ir-rimedji proposti humiex verament ta' benefiċċju għall-konsumaturi, għall-utenti tal-internet u għan-negozji online fuq żmien fit-tul; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tikkunsidra proposta mmirata lejn is-separazzjoni tal-magni tat-tiftix mis-servizzi kummerċjali tagħhom – kif enfasizzat fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-27 ta' Novembru 2014 dwar is-sostenn tad-drittijiet tal-konsumatur fis-suq uniku diġitali[8] – sabiex jintemm l-istatus quo, li jista' jkun mezz fit-tul potenzjali biex tinkiseb kompetizzjoni ġusta u effettiva fis-suq diġitali Ewropew;
41. Jenfasizza d-dewmien fl-investigazzjonijiet tal-antitrust, bħall-każ ta' Google Shopping, meta mqabbla mal-pass mgħaġġel li bih qed jiżviluppaw is-swieq diġitali; jenfasizza l-effett dannuż li jirriżulta minn din is-sitwazzjoni u r-riskji finanzjarji u strutturali li għalihom jesponu ruħhom xi atturi meta jibdew proċeduri twal u għaljin; jenfasizza li l-proċess dovut irid jiġi rrispettat, iżda jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu minn proċeduri rapidi ta' antitrust u ssib inċentivi ġodda, bħall-programm ta' klemenza, biex il-kumpaniji jsiru aktar kooperattivi fl-identifikazzjoni tal-kartelli fl-UE;
42. Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata ħarsa regolari lejn il-possibbiltà li jintużaw miżuri interim biex titwaqqaf kwalunkwe prattika li tkun ta' ħsara serja għall-kompetizzjoni; jappella lill-Kummissjoni tissimplifika l-kriterji għal dawn il-miżuri, filwaqt li tirrispetta l-istat tad-dritt, sabiex tiġi evitata ħsara irriversibbli; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-Avviż dwar ir-Rimedji (2008/C 267/01)[9] billi tqis l-iżviluppi u l-evoluzzjoni tas-settur diġitali f'dawn l-aħħar snin;
43. Jilqa' l-isforzi kontinwi tal-Kummissjoni biex tindirizza l-imġiba abbużiva minn pjattaformi kbar; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-każijiet fejn kien ċar li r-rimedji offruti ma kinux effettivi biex jirrestawraw il-kompetizzjoni fis-suq, bħalma kien il-każ ta' Google Shopping; jenfasizza li, fin-nuqqas ta' rimedji ta' mġiba li jkunu mmirati, effikaċi u ttestjati minn qabel mal-intrapriża affettwata, jista' jkun hemm il-ħtieġa ta' separazzjoni strutturali sħiħa bejn is-servizzi ta' tiftix ġenerali u dawk speċjalizzati, inkluż ta' tiftix lokali; jissottolinja li, meta mqabbla mar-rimedji strutturali, ir-rimedji ta' mġiba jistgħu joffru soluzzjoni effiċjenti fl-ħin, u jtaffu l-possibbiltà li l-kompetituri jiġu sfurzati 'l barra mis-suq matul diskussjonijiet fit-tul dwar l-iżvestiment;
44. Jindika l-ħtieġa li l-Kummissjoni talloka riżorsi adegwati biex tkun tista' tinforza b'mod effettiv ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE; jinnota l-ħtieġa li jiġi żgurat l-għarfien espert speċifiku, b'mod partikolari fir-rigward ta' kwistjonijiet dejjem akbar bħall-pożizzjonijiet dominanti tal-pjattaformi online jew l-intelliġenza artifiċjali;
45. Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ gwida dwar l-interpretazzjoni ta' "impediment sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva", kif stipulat fir-Regolament dwar il-Fużjonijiet, sabiex f'każijiet ta' fużjonijiet, il-Kummissjoni mhux biss tanalizza l-prezzijiet, il-produzzjoni u l-innovazzjoni iżda tagħti wkoll attenzjoni għall-prezz soċjali u ambjentali ta' tali tranżazzjonijiet fid-dawl tal-prinċipji tat-TFUE u tagħti attenzjoni partikolari għall-ħarsien tal-ambjent;
46. Jistieden lill-Kummissjoni tindaga dwar dan is-servizz il-ġdid ta' verifika tal-kontijiet li se jkun ipprovdut lill-konsumaturi minn xi wħud mill-akbar kumpaniji tat-teknoloġija tad-dinja fis-snin li ġejjin; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkonċentra b'mod partikolari fuq id-dħul tagħhom f'dan is-suq finanzjarju diġitali ġdid u l-ammont kbir ħafna ta' data li se jiġbru mill-konsumaturi tagħhom u l-użu potenzjali tagħha;
Regoli tal-kompetizzjoni li jappoġġjaw il-Patt Ekoloġiku Ewropew
47. Jappoġġja r-rieżami tal-Kummissjoni tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat fis-setturi rilevanti kollha, bħat-trasport, inkluż it-trasport bl-ajru u marittimu, f'konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew billi tapplika l-prinċipju ta' tranżizzjoni ġusta u tirrikonoxxi r-rwol komplementari tal-gvernijiet tal-Istati Membri fl-appoġġ li jagħtu lill-investimenti fid-dekarbonizzazzjoni u fl-enerġija nadifa filwaqt li jiżguraw kundizzjonijiet ekwi u li ma jkun hemm l-ebda distorsjoni tas-suq; jistieden lill-Kummissjoni teżamina, fil-kuntest tar-rieżami tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija[10], jekk l-eżenzjonijiet fiskali attwali joħolqux kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni transsettorjali inġusti;
48. Jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tipprevjeni kwalunkwe effetti sekondarji negattivi potenzjali meta kumpaniji kbar jagħmlu użu minn għajnuna pubblika – mogħtija bil-ħsieb li "jħaddru" l-mudelli tan-negozju tagħhom – għal għanijiet oħrajn bħat-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti tagħhom f'settur partikolari;
49. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi aktar gwida u qafas ta' abilitazzjoni biex isiru aktar investimenti fl-effiċjenza enerġetika u fir-rinnovazzjoni tal-bini, kif ukoll fir-repowering, fi proġetti ibridi u fil-ħżin tal-elettriku;
50. Jissottolinja f'dan ir-rigward li sabiex il-Patt Ekoloġiku Ewropew ikun ta' suċċess, jeħtieġ li l-produtturi Ewropej ta' prodotti u servizzi sostenibbli jaraw il-vantaġġi tiegħu u ma jiffaċċjawx kompetizzjoni inġusta minn kumpaniji f'pajjiżi terzi;
51. Jinnota li l-Patt Ekoloġiku Ewropew irid jiżgura konsistenza politika bejn l-agrikoltura, l-azzjoni klimatika, l-ambjent u l-kummerċ;
Politiki settorjali
52. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu aktar sistematiku minn investigazzjonijiet f'setturi li huma essenzjali għall-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini, bħas-saħħa, il-mobbiltà, ir-reklamar online, l-enerġija, it-turiżmu, inkluż il-monitoraġġ tal-prezzijiet massimi tal-pjattaformi online għall-akkomodazzjoni, il-kultura, is-servizzi finanzjarji u ta' pagament, u l-midja, fl-era diġitali, filwaqt li jinżammu l-istandards għoljin tal-UE;
53. Jitlob lill-Kummissjoni tieħu nota tal-preżenza ta' monopolji u oligopolji nazzjonali bħala sinjal potenzjali tal-eżistenza ta' dgħufijiet fis-suq uniku jew ostakli għall-kompetizzjoni ġusta;
54. Jitlob lill-Kummissjoni twettaq studju preliminari dwar il-konċentrazzjoni tas-sjieda tal-midja fl-Ewropa, anke fil-kuntest tal-korporazzjonijiet multinazzjonali li jixtru fornituri tal-midja Ewropej;
55. Itenni li xi drabi t-tassazzjoni tintuża biex tingħata għajnuna indiretta mill-Istat, bir-riżultat li tinħoloq kompetizzjoni inġusta fis-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-linji gwida eżistenti tagħha dwar il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat sabiex tiżgura li l-Istati Membri ma jagħtux għajnuna mill-Istat fil-forma ta' benefiċċju fuq it-taxxa; jiddeplora l-abbuż fl-użu tad-deċiżjonijiet dwar it-taxxa u jilqa' s-sentenzi riċenti tal-Qorti Ġenerali li jikkonfermaw li l-eżami ta' deċiżjoni tat-taxxa mill-perspettiva ta' għajnuna mill-Istat min-naħa tal-Kummissjoni ma jikkostitwixxix armonizzazzjoni fiskali; josserva li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni spiss ikunu kkontestati fil-qorti u għaldaqstant għandhom jkunu ppreparati bir-reqqa; jinsisti li l-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni skambjata bejn l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri sabiex il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jiġi identifikat aħjar; jappella għall-adozzjoni tal-proposta dwar il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) u r-rappurtar pubbliku pajjiż b'pajjiż;
56. Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-possibbiltà li timmulta lill-pajjiżi li jinstab li jkunu kisru r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat;
57. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina malajr id-diskrepanzi bejn ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-għajnuna għal-likwidazzjoni u r-reġim tar-riżoluzzjoni skont id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek[11], u tirrevedi l-Komunikazzjoni tagħha tat-30 ta' Lulju 2013 dwar is-Servizzi Bankarji[12] b'konsegwenza, anke fid-dawl tal-każijiet riċenti, filwaqt li tqis il-ħtieġa li jitħarsu l-kontributuri tat-taxxa;
58. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti ħarsa mill-qrib lejn il-każijiet fis-settur bankarju b'rilevanza potenzjali ta' kompetizzjoni f'ċerti Stati Membri fejn il-konsumaturi bħalissa qed jiffaċċjaw rati tal-imgħax għoljin[13] u nuqqas ta' trasparenza fir-rigward tas-self, potenzjalment minħabba konċentrazzjoni ta' sjieda fis-settur bankarju, li jista' jwassal għal prattiki ta' bejgħ qarrieqa ta' mutwi ipotekarji;
59. Jistieden lill-Kummissjoni terġa' tevalwa fuq bażi annwali jekk ir-rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE fis-settur finanzjarju jkunux għadhom qed jiġu ssodisfati;
60. Jistieden ukoll lill-Kummissjoni sabiex issegwi l-eżempju tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni u tas-Suq tar-Renju Unit li tinvestiga bir-reqqa u tipproponi miżuri ulterjuri li jindirizzaw il-kważi-monopolju tal-erba' kumpaniji l-kbar tal-kontabbiltà li jawditjaw l-akbar kumpaniji kkwotati fil-borża; jenfasizza f'dan ir-rigward ir-rakkomandazzjonijiet tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni u tas-Suq tar-Renju Unit li jirrakkomandaw is-separazzjoni tas-servizzi tal-awditjar mis-servizzi ta' konsulenza, kif ukoll it-twaqqif ta' "awditu konġunt" obbligatorju li jippermetti lil ditti oħrajn apparti l-erba' l-kbar jiżviluppaw il-kapaċità meħtieġa sabiex jevalwaw lill-ikbar kumpaniji;
61. Jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi kompetizzjoni ġusta u trasparenza akbar fil-prattiki kummerċjali tal-pjattaformi offline, inklużi s-supermarkets u l-hypermarkets, sabiex tiżgura li l-produtturi tal-UE jingħataw kundizzjonijiet u prezzijiet ġusti għall-prodotti tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni tkompli l-analiżi fil-fond tagħha dwar id-daqs u l-effett tal-alleanzi tax-xiri, fir-rigward tal-istrateġiji tariffarji kif ukoll nontariffarji, fuq il-funzjonament ekonomiku tal-katina tal-provvista agrikola u alimentari, b'kunsiderazzjoni partikolari tal-effetti fuq il-fornituri u l-bdiewa ta' skala żgħira; jiddispjaċih għall-fatt li l-bejgħ b'telf mhuwiex fuq il-lista tal-prattiki li huma pprojbiti fil-livell tal-UE; jenfasizza li l-istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" u d-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE jridu jirrikonoxxu l-kontribut importanti li jagħtu l-produtturi primarji fil-provvista ta' ikel ta' kwalità għolja u fl-għoti ta' beni pubbliċi lis-soċjetà;
62. Jappella għal applikazzjoni aktar ċara, aktar flessibbli u aktar prevedibbli tar-regoli tal-kompetizzjoni għall-produtturi u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi (POs) sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tivvaluta l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq (OKS)[14] u tiċċara d-dispożizzjonijiet tiegħu, b' mod partikolari fir-rigward tal-eċċezzjonijiet għar-regoli tal-kompetizzjoni mogħtija lil ċerti ftehimiet u prattiki ta' bdiewa f'assoċjazzjoni; iħeġġeġ it-twaqqif ta' aktar POs bħala mod kif il-bdiewa jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom u jinnegozjaw b'mod effettiv dwar il-prezz u jindirizzaw l-iżbilanċi fil-poter fil-katina tal-provvista tal-ikel;
63. Jistieden lill-Kummissjoni teżenta mir-regoli ta' għajnuna mill-Istat id-dispożizzjonijiet fiskali li l-Istati Membri introduċew speċifikament biex jinkoraġġixxu lill-bdiewa jfaddlu volontarjament bħala prekawzjoni bil-ħsieb li jkunu jistgħu jiffaċċjaw aħjar ir-riskji miżjuda marbuta mal-klima u mas-saħħa, kif ukoll mal-kriżijiet ekonomiċi; jilqa' t-tlestija tar-rieżami tar-Regolament De Minimis[15], li se jgħin lill-bdiewa jindirizzaw l-isfidi klimatiċi filwaqt li jipprevjenu distorsjonijiet eventwali tas-suq; jenfasizza l-ħtieġa partikolari ta' linji gwida ċari għas-settur agrikolu minħabba r-rekwiżiti ambjentali u ta' sostenibbiltà; jilqa' b'sodisfazzjon il-verifika kontinwa tal-idoneità tal-pakkett ta' modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tal-2012 u r-reviżjoni li għaddejja bħalissa tar-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta' Kategorija Agrikola[16];
64. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-implimentazzjoni tal-Artikolu 209 tar-Regolament (UE) Nru 1308/209 dwar OKS Unika u tiċċara l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, speċifikament fir-rigward tal-eċċezzjonijiet għar-regoli tal-kompetizzjoni mogħtija lil ċerti ftehimiet u prattiki ta' bdiewa f'assoċjazzjonijiet, sabiex dawk ikkonċernati jingħataw aktar ċarezza u ċertezza legali meta dan l-artikolu jiġi implimentat, u biex il-Kummissjoni tingħata aktar flessibbiltà fl-implimentazzjoni ta' dan l-artikolu;
65. Jirrikonoxxi r-rwol tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali fil-katina, li jservu ta' pjattaforma għad-djalogu, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-aħjar prattiki u t-trasparenza tas-suq;
66. Jitlob li r-rwol tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali jissaħħaħ sabiex jiġu promossi relazzjonijiet aktar bilanċjati fil-katina tal-ikel, u jappoġġja l-estensjoni tal-klawsola dwar il-kondiviżjoni tal-valur sabiex din tkopri lill-operaturi kollha pjuttost milli lill-ewwel xerrej biss, f'konformità mal-abbozz ta' rapport adottat f'April 2019 mill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Parlament dwar l-organizzazzjoni komuni l-ġdida tas-swieq fil-prodotti agrikoli bħala parti mir-riforma li jmiss tal-politika agrikola komuni (PAK).
67. Jitlob li tiġi prevista, skont l-Artikolu 210 tar-Regolament dwar OKS Unika, deroga awtomatika u espliċita mill-Artikolu 101 tat-TFUE, soġġetta għall-prinċipji ta' neċessità u proporzjonalità, li tippermetti lill-organizzazzjonijiet agrikoli interprofessjonali jwettqu l-kompiti assenjati lilhom mir-Regolament dwar OKS Unika bil-għan li jkomplu jintlaħqu l-għanijiet tal-Artikolu 39 tat-TFUE;
68. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 222 tar-Regolament dwar OKS Unika jiġu attivati b'mod rapidu sabiex jiġu indirizzati d-distorsjonijiet serji tas-suq;
69. Jilqa' s-suċċess tal-miżuri ta' ġestjoni tal-provvista introdotti għall-ġobon u l-perżut ta' kwalità fuq talba tal-OPs, tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali u tal-gruppi ta' operaturi; jappella għall-estensjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar OKS Unika li jawtorizzaw l-introduzzjoni ta' regoli ta' kontroll tal-provvista biex ikopru l-prodotti kollha li jibbenefikaw minn denominazzjoni ta' oriġini protetta (DOP) jew minn indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP), sabiex jintlaħaq bilanċ aħjar bejn il-provvista u d-domanda;
70. Jitlob lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha fi djalogu mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha dwar il-funzjonament tal-katina agrikola u tal-provvista tal-ikel u tadatta l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE skont l-aktar żviluppi riċenti fl-ambjent kummerċjali;
71. Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/633 tas-17 ta' April 2019 dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet minn negozju għal negozju fil-katina agrikola u tal-provvista tal-ikel[17], li tirrappreżenta l-ewwel pass importanti biex tiġi żgurata l-korrettezza bejn l-operaturi u jiġi indirizzat l-iżbilanċ tas-setgħa ta' negozjar fil-katina tal-provvista tal-ikel; iħeġġeġ lill-Istati Membri jittrasponu d-direttiva mingħajr dewmien u jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib il-progress tat-traspożizzjoni u tippromwovi l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri jelenkaw aktar prattiki inġusti bħala projbiti u jistabbilixxu standards ogħla;
72. Ifakkar li seħħ ristrutturar orizzontali u vertikali sinifikanti li wassal għal aktar konsolidazzjoni fis-setturi diġà kkonċentrati taż-żerriegħa, l-agrokimika, il-fertilizzanti, il-ġenetika tal-annimali u s-setturi tal-makkinarju tal-farms, kif ukoll fl-ipproċessar u fil-bejgħ bl-imnut; jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tivvaluta fużjonijiet f'dawn is-setturi, tikkunsidra impatti li jmorru lil hinn mill-prezzijiet tal-konsumatur; jenfasizza li l-interessi tal-bdiewa, taċ-ċittadini u tal-ambjent tal-UE jridu jiġu protetti, billi jiġi vvalutat b'mod komprensiv u olistiku l-impatt, fil-livell tal-farms, ta' fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet fost il-fornituri ta' prodotti agrikoli, inklużi l-produtturi ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti;
73. Iqis li huwa essenzjali li l-Kummissjoni tkompli l-monitoraġġ bir-reqqa tas-suq tal-UE għall-pestiċidi, iż-żrieragħ u l-karatteristiċi tal-pjanti, kif ukoll timmonitorja l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq is-settur agrikolu;
74. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi pjattaforma permanenti ta' informazzjoni fil-livell tal-UE dwar l-għodod ta' ġestjoni tar-riskju biex tgħin lill-bdiewa jiffaċċjaw l-inċertezza klimatika, il-volatilità tas-suq u riskji oħrajn fejn il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jiskambjaw l-aħjar prattiki, kif stipulat fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-ġejjieni tal-ikel u tal-biedja ta' Novembru 2017;
75. Jirrimarka li d-disparitajiet kbar fil-pagamenti diretti jxekklu inizjattivi sostenibbli tal-bdiewa favur il-klima u l-ambjent u jgħawġu l-kompetizzjoni fl-UE; ifakkar fl-impenn li ħa l-Kunsill Ewropew fis-7 u t-8 ta' Frar 2013 biex jarmonizza l-pagamenti fl-UE kollha sal-2013;
76. Jiġbed l-attenzjoni għall-ammont dejjem akbar ta' protesti tal-bdiewa u jinnota li fost it-tħassib tagħhom hemm l-impatt kumulattiv tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles (FTAs) fuq is-settur agroalimentari tal-UE; jistaqsi jekk l-FTAs iqegħdux lill-produtturi agroalimentari tal-UE fi żvantaġġ kompetittiv meta wieħed iqis id-differenzi fl-istandards soċjali, ambjentali, tas-saħħa, tax-xogħol u tal-benessri tal-annimali f'pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tippreżenta mill-aktar fis possibbli l-aħħar rapport tagħha dwar l-impatt kumulattiv tal-ftehimiet kummerċjali kurrenti u futuri, u jappella għall-applikazzjoni tal-prinċipji tar-reċiproċità u l-konformità għall-prodotti agrikoli u għall-protezzjoni ta' setturi vulnerabbli fin-negozjati kummerċjali futuri u kurrenti, filwaqt li tiżgura t-twettiq tal-ispezzjonijiet kollha meħtieġa;
77. Jilqa' l-proposta għal regolament dwar il-programm tas-suq uniku, u, b'mod aktar speċifiku, l-azzjonijiet tal-katina tal-ikel appoġġjati fih, bħal miżuri veterinarji u fitosanitarji, biex jiġu indirizzati l-kriżijiet tas-saħħa tal-annimali u tal-pjanti; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Parlament jikkonkludu malajr in-negozjati u jadottaw ir-regolament;
78. Jissottolinja l-importanza ta' konklużjonijiet f'waqthom għaż-żewġ proposti tal-Kummissjoni għal regolamenti ta' tranżizzjoni sabiex jiġu evitati dewmien u kumplikazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal instabbiltà fis-suq;
79. Iqis li huwa essenzjali li jinżammu fi ħdan id-DĠ AGRI l-kompetenzi kollha relatati mal-applikazzjoni tal-Artikoli 209 u 210 tar-Regolament dwar OKS Unika u mal-għajnuna mill-Istat għall-iżvilupp ta' setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija u ta' żoni rurali, biex b'hekk jiġi żgurat l-għarfien espert meħtieġ għall-koordinament tal-kwistjonijiet f'dan l-ambitu, li huwa neċessarju meta titqies in-natura speċifika ta' dawn is-setturi u huwa konsistenti għall-aħħar mal-objettivi u l-appoġġ previsti fil-PAK;
80. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tagħti attenzjoni partikolari lill-provvista tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (SGEI) meta tapplika r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, speċjalment fil-kuntest ta' reġjuni u gżejjer iżolati, remoti jew periferiċi fl-Unjoni; jinnota ċerti diffikultajiet fl-applikazzjoni tar-regoli tal-pakkett Almunia għal ċerti SGEI, bħas-settur tal-posta, li l-missjonijiet ta' servizz pubbliku tagħhom jistgħu, skont il-liġi tal-UE, jiġu definiti u organizzati fil-livell nazzjonali;
81. Ifakkar fil-ħtieġa ta' pjan direzzjonali għal għajnuna mill-Istat immirata aħjar, speċjalment għall-għoti ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali inklużi l-enerġija, it-trasport jew it-telekomunikazzjoni;
82. Itenni t-talba tiegħu biex ir-reġjuni tal-faħam jiġu identifikati bħala żoni megħjuna skont l-Artikolu 107(3)(a) u (c) tat-TFUE u biex ir-regoli dwar l-għajnuna tal-UE għal dawn ir-reġjuni speċjali jiġu adattati sabiex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri li jindirizzaw il-bidla strutturali; jinsisti li l-kumpaniji tal-estrazzjoni tal-faħam u l-operaturi tal-impjanti ta' produzzjoni tal-enerġija bil-faħam li rċevew u għadhom jirċievu appoġġ pubbliku biex iħaffru u jaħarqu l-faħam jeħtiġilhom ma jkunux soġġetti għal trattament privileġġjat tal-għajnuna mill-Istat, inkluż għal attivitajiet ta' responsabbiltà korporattiva tradizzjonali bħar-restawr tal-ilma ta' taħt l-art, ir-rinnovazzjoni tal-pajsaġġ jew attivitajiet oħra relatati mat-tindif tas-siti; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida u kundizzjonalità ċari f'konformità mal-impenji klimatiċi tal-UE;
83. Jilqa' l-fatt li, fir-reviżjoni mmirata tagħha tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (GBER)[18], il-Kummissjoni inkludiet l-estensjoni ta' din l-iskema għall-proġetti ta' Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (imsejħa wkoll Interreg);
84. Jinsab imħasseb dwar it-trattament asimmetriku tal-operazzjonijiet iffinanzjati mill-UE skont jekk ikunux appoġġjati fuq in-naħa tal-UE minn riżorsi tal-politika ta' koeżjoni jew fondi jew programmi tal-UE oħrajn bħal Orizzont 2020/Orizzont Ewropa jew EFSI2.0/InvestEU, kif propost mill-Kummissjoni fir-reviżjoni tagħha tal-GBER; jemmen li għandhom jinżammu kundizzjonijiet ekwi għall-proġetti li huma ta' natura simili, iżda differenti fis-sorsi ta' finanzjament tagħhom, peress li dan jiffavorixxi ċerti skemi ta' finanzjament filwaqt li jeskludi oħrajn;
Kunsiderazzjoni aħjar taċ-ċittadini permezz tal-Parlament
85. Jappella, mingħajr bidla fit-Trattat, għall-użu regolari tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja fil-politika tal-kompetizzjoni, b'analoġija mal-proċedura għad-Direttiva dwar l-Azzjonijiet Antitrust għad-Danni[19] u d-Direttiva NEK+;
86. Jitlob lill-Kummissjoni tinforma b'mod regolari lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-ftehimiet ta' kooperazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, kif ukoll fuq il-kontroll tal-investimenti barranin diretti; jistieden lill-Kummissjoni żżomm standards għoljin ta' trasparenza;
87. Jenfasizza x-xewqa tiegħu li jkollu rwol akbar fid-definizzjoni u l-iżvilupp tal-qafas ġenerali għall-politika tal-kompetizzjoni; jinnota li l-Parlament għandu jkun aktar involut bħala osservatur fl-attività tal-gruppi ta' ħidma u tal-gruppi ta' esperti, bħan-Netwerk Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni (ICN), biex ikollu għarfien aħjar dwar il-kwistjoni u jżomm ruħu aġġornat dwar l-iżviluppi sabiex ikun aktar ippreparat għar-rwol tiegħu ta' koleġiżlatur; jistieden lill-Kummissjoni biex, b'mod partikolari, tinvolvi lill-Parlament meta tfassal strumenti legali mhux vinkolanti, bħal avviżi u linji gwida;
88. Jistieden lill-Kummissjoni torganizza fora multisettorjali u interistituzzjonali li jinvolvu lill-industrija, lir-regolaturi nazzjonali inklużi l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, lill-gruppi tal-konsumaturi u lil partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn biex tiddekompartimentalizza l-politika tal-kompetizzjoni;
89. Jenfasizza li l-formola attwali tal-ilmenti għal każijiet ta' għajnuna mill-Istat titlob ħafna dettalji speċifiċi dwar meta ngħatat l-għajnuna mill-Istat, li ċ-ċittadini ordinarji ma jistgħux ikunu jafu; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tissimplifika l-formola tal-ilmenti sabiex tagħti l-possibbiltà liċ-ċittadini ordinarji jibagħtu lmenti;
90. Jinnota b'dispjaċir in-nuqqas ta' informazzjoni pprovduta matul l-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ilmenti ppreżentati; jistieden lill-Kummissjoni tagħti lill-ilmentatur konferma li tkun irċeviet l-ilment kif ukoll notifika hekk kif tiftaħ l-investigazzjoni, inkluż iż-żmien kemm tkun mistennija li ddum l-investigazzjoni;
91. Ifakkar l-importanza tal-koordinazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew valutazzjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttiva NEK+; ifakkar li fl-anness tad-Direttiva NEK+ il-Kummissjoni identifikat il-"miżuri interim" bħala "għodda ewlenija għall-awtoritajiet tal-kompetizzjoni biex jiġi żgurat li l-kompetizzjoni ma tiġix ippreġudikata waqt li tkun għaddejja investigazzjoni"; ifakkar fil-ħtieġa li jiġi evalwat jekk hemmx mezzi biex tiġi ssimplifikata l-adozzjoni ta' miżuri interim fi ħdan in-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni fi żmien sentejn mid-data tat-traspożizzjoni tad-Direttiva sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jkunu jistgħu jindirizzaw b'mod aktar effettiv l-iżviluppi fis-swieq li qegħdin jevolvu b'pass mgħaġġel;
92. Jirrimarka li l-indipendenza politika tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni hija tal-akbar importanza sabiex jiġu żgurati l-imparzjalità u l-kredibbiltà tal-politika tal-kompetizzjoni; jirrikonoxxi li l-prevenzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni tirrikjedi skrutinju pubbliku tal-isforzi tal-lobbying fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE; itenni, għalhekk, l-appell tiegħu għal Reġistru tat-Trasparenza tal-UE msaħħaħ; jinsisti li jkun hemm skambju aktar regolari mal-Kummissjoni, f'konformità mal-ftehim interistituzzjonali mal-Parlament; jitlob li l-Viċi President Eżekuttiv għall-kompetizzjoni jibqa' f'kuntatt mill-qrib mal-kumitat ECON u mal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Kompetizzjoni tiegħu, li huwa lok xieraq fejn jiġi stabbilit djalogu aktar regolari;
93. Ifakkar l-impenn li ngħata mill-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea għal Ewropa Lesta għall-Era Diġitali matul is-seduta ta' konferma tagħha fit-8 ta' Ottubru 2019 biex iżżomm il-portafolji tagħha dwar il-politika diġitali u l-kompetizzjoni strettament separati;
94. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ INTERNAZZJONALI (15.1.2020)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
dwar il-Politika tal-kompetizzjoni – rapport annwali 2019
Rapporteur għal opinjoni: Enikő Győri
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jenfasizza li l-eżistenza ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fil-livell internazzjonali f'sistema ta' kummerċ multilaterali bbażata fuq ir-regoli li tissalvagwardja l-ambitu tal-politika tal-istati hija essenzjali għall-Ewropa, inklużi għall-kumpaniji Ewropej u b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), kif ukoll għall-ħaddiema u għall-konsumaturi; jikkunsidra li dan jikkontribwixxi biex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku sostenibbli, biex ikun żgurat ambjent stabbli u prevedibbli li jfittex titjib fil-kompetittività u r-reċiproċità, jassigura l-impjiegi eżistenti u joħloq oħrajn ġodda fl-UE u f'pajjiżi terzi, u jiżgura standards ambjentali u ta' xogħol għoljin, billi għadd dejjem ikbar ta' impjiegi qed jiddependu fuq il-katini ta' valur mondjali; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza ta' aktar trasparenza, sostenibbiltà u responsabbiltà korporattiva f'katini ta' valur globali, u jistieden lill-UE tikkunsidra, fost miżuri oħra, l-istabbiliment ta' qafas legali għal diliġenza dovuta obbligatorja fil-katini ta' valur globali bħala pass neċessarju biex dan jinkiseb;
2. Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tad-dibattitu li qed jikber, biex tirrikonċilja r-regoli tal-kompetizzjoni, il-politika industrijali u l-kummerċ internazzjonali tal-UE, li jridu jimxu id f'id mas-sostenibbiltà u r-rispett għall-ambjent; jissottolinja l-ħtieġa speċifika għall-finanzjament tar-riċerka bħala l-bażi tal-innovazzjoni u l-iżvilupp għan-negozji Ewropej u bħala element ewlieni biex tingħata spinta lill-kummerċ u lill-kompetittività;
3. Jissottolinja li l-SMEs għandhom rwol importanti ħafna fil-kummerċ internazzjonali, u huma responsabbli għal madwar 30 % tal-esportazzjonijiet tal-merkanzija tal-UE lejn il-bqija tad-dinja[20]; iqis li s-suq intern għadu bil-bosta l-aktar suq importanti għall-SMEs; ifakkar li, sabiex l-SMEs jiġu mgħejuna jlaħħqu ma' sfidi dejjem akbar biex jidħlu fi swieq ġodda u jkunu jistgħu jikkompetu fuq il-merti tagħhom stess, il-politika kummerċjali u tal-kompetizzjoni tal-UE għandha tikkontribwixxi għal diversità ekonomika u ambjent kummerċjali favorevoli għall-SMEs, u dan għandu jinkludi l-possibbiltà ta' modernizzar tad-definizzjoni tal-UE ta' SMEs, b'mod partikolari billi jiżdiedu kriterji kwalitattivi;
4. Jisħaq li l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE għandha tippromwovi kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet kummerċjali reċiproċi fis-suq intern u fil-livell globali, bl-għan ulterjuri li jissaħħu l-isforzi tal-industrija biex tikkontribwixxi wkoll għall-innovazzjoni u tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija tal-UE newtrali għall-klima; itenni li r-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE japplikaw għall-atturi kollha attivi fis-suq intern; isejjaħ, għaldaqstant, biex jiġu indirizzati b'mod effettiv il-prattiki kummerċjali inġusti permezz ta' approċċ aktar ikkoordinat, assertiv u integrattiv bl-użu sħiħ ta' strumenti eżistenti u msaħħa f'oqsma bħall-kompetizzjoni, il-kummerċ, id-difiża u l-akkwist, u billi jiġu żviluppati politiki u għodod ġodda u effettivi u jiġu indirizzati l-effetti tad-distorsjonijiet fis-swieq internazzjonali fuq is-suq intern bħas-sjieda u s-sussidji ta' stati barranin, b'mod partikolari fejn jidħol il-finanzjament tal-UE; jappella għat-tisħiħ tal-istrument kontra s-sussidji billi jiġi inkluż mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidji;
5 Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, biex tikkunsidra wkoll jekk huwiex xieraq li tiġi mmodernizzata jew aġġornata l-interpretazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mmirata filwaqt li ma tiġix ostakolata l-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti fl-UE, u wkoll jiġu riformati l-linji gwida dwar l-għajnuna mill-istat u jiġu inklużi s-sussidji tal-istat u s-sjieda tal-gvern bħala kriterji fid-direttivi tal-UE dwar l-akkwist pubbliku sabiex tiġi ssalvagwardjata l-vijabbiltà fit-tul tal-bażi industrijali tal-Ewropa u għall-benefiċċju tal-konsumaturi Ewropej; jilqa', f'dan l-isfond, l-intenzjoni tal-Kummissjoni l-ġdida li ssaħħaħ il-mekkaniżmu ta' skrinjar tal-investiment dirett barrani hekk kif tinġabar biżżejjed esperjenza bil-leġiżlazzjoni ta' bħalissa;
6 Jirrimarka dwar il-ħtieġa li jitnaqqsu l-asimmetriji persistenti fis-swieq tal-akkwist pubbliku internazzjonali, u jistieden lill-Kummissjoni turi ambizzjoni fil-ftuħ ta' swieq barranin għall-kumpaniji tal-UE, speċjalment l-SMEs; jilqa' d-diskussjonijiet imġedda dwar l-istrument ta' akkwist internazzjonali (IPI) tal-UE, u jitlob li dan jiġi adottat sal-2020 sabiex tiġi garantita r-reċiproċità fejn is-sħab kummerċjali jirrestrinġu l-aċċess tagħhom għas-swieq tal-akkwist tagħhom;
7. Jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni biex tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni globali dwar kwistjonijiet relatati mal-kompetizzjoni, inkluż id-djalogu rilevanti mal-Istati Uniti, il-Ġappun u sħab oħra; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura kundizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni fil-livell internazzjonali u biex taqbel dwar standards u proċeduri komuni permezz ta' ftehimiet kummerċjali bilaterali u f'fora internazzjonali bħall-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD), l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-Bank Dinji; jitlob lill-Kummissjoni biex tkun attiva fit-tisħiħ tan-Netwerk Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni (ICN), u jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni effikaċi ma' awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali ta' pajjiżi terzi sabiex tiżdied l-effikaċja ta' investigazzjonijiet speċifiċi;
8 Jappoġġa bis-sħiħ l-isforzi tal-Kummissjoni fil-kuntest tar-riforma tad-WTO li għaddejja bħalissa, inkluż il-Korp tal-Appell tagħha, biex taġġorna u tagħmel effettivament infurzabbli r-regoli multilaterali dwar sussidji jew inizjattivi settorjali, sabiex tindirizza b'mod adegwat il-kwistjoni ta' sussidji fil-livell internazzjonali, b'referenza partikolari għal sussidji industrijali, intrapriżi tal-istat u trasferimenti furzati tat-teknoloġija, u taġixxi biex tiġġieled politiki u prattiki mhux orjentati lejn is-suq ta' pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni biex tinvolvi b'mod sħiħ lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri f'dan il-qasam;
9. Jilqa' l-preżenza ta' kapitoli speċifiċi dwar il-kompetizzjoni fi ftehimiet kummerċjali u ta' investiment konklużi reċentement, u jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tinnegozja dispożizzjonijiet moderni, ambizzjużi u infurzabbli dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-istat fi ftehimiet kummerċjali futuri kollha, bħala parti minn politika kummerċjali olistika u ambizzjuża tal-UE;
10 Jisħaq li l-infurzar effettiv tad-dispożizzjonijiet dwar l-iżvilupp sostenibbli tal-ftehimiet kummerċjali huwa importanti biex jiġu żgurati kompetizzjoni ġusta u standards ambjentali u soċjali; jilqa', f'din il-perspettiva, l-introduzzjoni ta' kriterji ambjentali u soċjali fir-riforma tal-miżuri antisussidji u antidumping; iqis li l-inklużjoni possibbli ta' standards ewlenin preċiżi u ġustizzjabbli tal-ILO skont il-liġi tad-WTO tista' tiġi esplorata wkoll fil-kuntest tar-riforma tad-WTO li għaddejja bħalissa u sabiex tikkontribwixxi għal kundizzjonijiet ekwi globali;
11. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-regoli tal-kompetizzjoni jkunu kompatibbli mal-ekonomija globali li qed tinbidel b'mod rapidu u jservu bl-aħjar mod lill-konsumaturi, lill-ħaddiema u lin-negozji Ewropej, billi tqis bis-sħiħ l-impatt tad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija fuq il-mod kif joperaw is-swieq globali; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-impatt tal-kummerċ elettroniku globali f'termini ta' żieda fil-kompetizzjoni fi ħdan is-swieq tal-bejgħ bl-imnut, it-titjib tal-għażla tal-konsumatur u l-impatt fuq id-distribuzzjoni tal-prodotti u l-impjiegi; jirrikonoxxi li l-pjattaformi online huma faċilitaturi ewlenin tal-kummerċ diġitali, iżda jenfasizza b'mod partikolari li l-emerġenza tal-ekonomija diġitali wasslet għal konċentrazzjoni eċċessiva ta' swieq u setgħa; jisħaq dwar il-ħtieġa li ssir enfasi fuq kwistjonijiet ewlenin bħall-aċċess għad-data u l-portabbiltà tagħha, ir-rwol u l-preżenza ta' pjattaformi fis-swieq, u n-newtralità teknoloġika;
12 Jilqa', f'dan il-kuntest, in-negozjati plurilaterali tad-WTO li għaddejjin bħalissa dwar il-kummerċ elettroniku, u jappella għal sett komprensiv u ambizzjuż ta' regoli li jindirizzaw l-ostakli għall-kummerċ diġitali, jiżguraw li l-kumpaniji jkunu jistgħu jikkompetu mad-dinja kollha f'kundizzjonijiet ekwi, u jsaħħu l-fiduċja tal-konsumatur fl-ambjent online mingħajr detriment għall-istandards Ewropej tal-protezzjoni tad-data; jenfasizza li l-UE għandha tieħu rwol ewlieni f'dawn in-negozjati internazzjonali, b'konsultazzjonijiet mill-qrib li jinvolvu l-Parlament Ewropew, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, inkluża s-soċjetà ċivili;
13. Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza u tistudja kif xieraq is-swieq tal-akkwist pubbliku tal-pajjiżi terzi li magħhom għandha ftehim ta' kummerċ ħieles jew qed tinnegozja wieħed, sabiex tinnegozja l-aħjar kundizzjonijiet ta' aċċess għall-kumpaniji Ewropej;
14. Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina l-azzjoni meħtieġa mid-Direttorati Ġenerali involuti – DĠ Kummerċ u DĠ Kompetenza – biex tiżgura li r-regoli tal-kompetizzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom jiggarantixxu kompetizzjoni ġusta għall-kumpaniji Ewropej fi swieq ta' pajjiżi terzi, u viċi versa;
15. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lir-rwol tal-issettjar tal-istandards internazzjonali għall-kompetizzjoni ġusta; jinsisti li l-UE għandha ssaħħaħ l-approċċ multilaterali tagħha għall-issettjar ta' standards, b'mod partikolari fil-kuntest tal-ISO u l-IEC; iwissi kontra n-nazzjonalizzazzjoni ta' approċċi li jissettjaw standards, b'mod partikolari fil-kuntest tal-Inizjattiva "Belt and Road" taċ-Ċina u strateġiji oħra li jsaħħu l-konnettività; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi koordinatur ta' livell għoli għall-politika tal-istandardizzazzjoni f'dan il-kuntest;
16. Jenfasizza l-importanza li tiġi inkorporata perspettiva bbażata fuq il-ġeneri kemm fil-livell multilaterali kif ukoll f'dak bilaterali, inklużi l-kapitoli dwar il-ġeneru fil-ftehimiet kummerċjali u t-tfassil ta' miżuri sensittivi għall-kwistjonijiet relatati mal-ġeneri (eż. l-iżgurar li kemm il-valutazzjonijiet tal-impatt ex ante kif ukoll dawk ex post jinkludu l-impatt fuq il-ġeneri tal-politika kummerċjali u l-ftehimiet tal-UE), sabiex tingħata spinta lill-kompetizzjoni u jiġi promoss it-tkabbir ekonomiku inklużiv.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
21.1.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
35 3 1 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Nikos Androulakis, Anna-Michelle Asimakopoulou, Tiziana Beghin, Geert Bourgeois, Jordi Cañas, Anna Cavazzini, Ellie Chowns, Miroslav Číž, Arnaud Danjean, Nicola Danti, Emmanouil Fragkos, Barbara Ann Gibson, Markéta Gregorová, Enikő Győri, Roman Haider, Christophe Hansen, Heidi Hautala, Danuta Maria Hübner, Karin Karlsbro, Jude Kirton-Darling, Maximilian Krah, Danilo Oscar Lancini, Bernd Lange, Emmanuel Maurel, Samira Rafaela, Luisa Regimenti, Inma Rodríguez-Piñero, Massimiliano Salini, Helmut Scholz, Liesje Schreinemacher, Sven Simon, Mihai Tudose, Kathleen Van Brempt, Marie-Pierre Vedrenne, Jörgen Warborn, James Wells, Iuliu Winkler, Jan Zahradil |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Angelika Winzig |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
35 |
+ |
ECR |
Geert Bourgeois, Emmanouil Fragkos, Jan Zahradil |
ID |
Roman Haider, Danilo Oscar Lancini, Luisa Regimenti |
NI |
Tiziana Beghin |
PPE |
Anna-Michelle Asimakopoulou, Arnaud Danjean, Enikő Győri, Christophe Hansen, Danuta Maria Hübner, Massimiliano Salini, Sven Simon, Jörgen Warborn, Iuliu Winkler, Angelika Winzig |
RENEW |
Jordi Cañas, Barbara Ann Gibson, Karin Karlsbro, Samira Rafaela, Liesje Schreinemacher, Marie-Pierre Vedrenne |
S&D |
Nikos Androulakis, Miroslav Číž, Nicola Danti, Jude Kirton-Darling, Bernd Lange, Inma Rodríguez-Piñero, Mihai Tudose, Kathleen Van Brempt |
VERTS/ALE |
Anna Cavazzini, Ellie Chowns, Markéta Gregorová, Heidi Hautala |
3 |
- |
GUE/NGL |
Emmanuel Maurel, Helmut Scholz |
NI |
James Wells |
1 |
0 |
ID |
Maximilian Krah |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AGRIKOLTURA U L-IŻVILUPP RURALI (28.2.2020)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
dwar il-politika tal-kompetizzjoni – rapport annwali 2019
Rapporteur għal opinjoni: Isabel Carvalhais
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
A. billi l-Artikolu 42 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiddikjara li r-regoli dwar il-kompetizzjoni għandhom japplikaw għall-produzzjoni u l-kummerċ ta' prodotti agrikoli biss sa fejn ikun iddeterminat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill u billi jitqiesu l-objettivi stabbiliti għall-politika agrikola komuni (PAK) fl-Artikolu 39 tat-TFUE;
B. billi wieħed mill-objettivi tal-PAK stabbiliti fl-Artikolu 39 tat-TFUE huwa l-iżgurar ta' standard ta' għajxien ġust għall-komunità agrikola, b'mod partikolari billi jiżdied il-qligħ individwali tal-persuni li jaħdmu fl-agrikoltura;
C. billi l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal-14 ta' Novembru 2017[21] ("il-Kawża Endives"), ikkonfermat li l-PAK tieħu preċedenza fuq ir-regoli tal-kompetizzjoni; billi l-Qorti ddeċidiet li l-prattiki relatati ma' konċertazzjoni dwar il-prezzijiet jew il-kwantitajiet imqiegħda fis-suq jew l-iskambji ta' informazzjoni strateġika jistgħu jevitaw il-projbizzjoni ta' ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma stabbiliti fl-Artikolu 101(1) tat-TFUE jekk ikunu maqbula bejn il-membri tal-istess organizzazzjoni ta' produtturi (OP) jew l-istess assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi (APO) rikonoxxuti minn Stat Membru u jkunu strettament meħtieġa biex jintlaħaq wieħed jew aktar mill-objettivi assenjati lil dawn l-organizzazzjonijiet, f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE;
D. billi r-Regolament (UE) Nru 2017/2393[22] ("ir-Regolament Omnibus") fih derogi mill-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-TFUE, li jistabbilixxu, b'mod partikolari, li l-attivitajiet kollettivi tal-OP u l-AOP tagħhom huma meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tal-PAK kif definiti fl-Artikolu 39 tat-TFUE dment li l-attivitajiet konġunti jiġu eżerċitati b'mod ġenwin u jgħinu biex itejbu l-kompetittività tal-bdiewa; billi, bħala riżultat, attivitajiet bħall-ippjanar tal-produzzjoni u n-negozjar tal-kuntratti huma eżenti mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 101 tat-TFUE;
E. billi n-natura speċifika u l-karatteristiċi strutturali tas-settur agrikolu tal-UE, li f'termini ekonomiċi huwa magħmul prinċipalment minn farms żgħar, jirriżultaw fi produzzjoni frammentata u f'diffikultajiet u sfidi li xi bdiewa qed jiffaċċjaw biex jirreaġixxu u jadattaw għall-bidliet u d-domandi tas-swieq; billi dan jikkuntrasta mal-livell għoli ta' konċentrazzjoni tal-operaturi l-oħra fil-katina tal-provvista tal-ikel, li jirriżulta fi żvantaġġi serji f'termini tas-setgħa ta' negozjar tal-bdiewa u għandu jitqies mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet nazzjonali meta japplikaw r-regoli tal-kompetizzjoni;
F. billi l-PAK tal-ġejjieni għandha tiffoka fuq l-appoġġ għall-farms żgħar u dawk tal-familji filwaqt li tiżgura li jkunu qed jiġu implimentati l-prattiki tal-biedja sostenibbli; billi dawn l-għanijiet jistgħu jinkisbu biss billi jittieħed approċċ uniformi fil-politiki kollha tal-UE, inkluża l-politika tal-kompetizzjoni;
G. billi diżastri naturali mhux mistennija u ċirkostanzi ta' produzzjoni imprevedibbli, bħal kundizzjonijiet tat-temp ħżiena u tifqigħat ta' mard, x'aktarx li jagħmlu s-suq għall-prodotti agrikoli saħansitra aktar instabbli u soġġett għal kriżi, u jkomplu jdgħajfu l-pożizzjoni ta' negozjar tal-bdiewa vis-à-vis ix-xerrejja; billi l-aċċess għal miżuri eċċezzjonali li għandhom l-għan li jippreservaw l-istabilità tas-suq huwa, f'dan ir-rigward, importanti;
H. billi l-kooperazzjoni bejn il-bdiewa għandha rwol essenzjali fit-tisħiħ tal-pożizzjoni tagħhom fil-katina tal-provvista tal-ikel, tikkontribwixxi għall-objettivi tal-PAK u tgħin lill-bdiewa jwieġbu għat-talbiet tas-soċjetà li dejjem qed jiżdiedu; billi ħafna bdiewa tal-UE għadhom ma jistgħux jibbenefikaw minn sħubija fl-organizzazzjonijiet tal-produtturi, li b'hekk jagħmlu l-pożizzjoni tagħhom fil-katina tal-provvista tal-ikel ferm vulnerabbli, u b'hekk inaqqsu s-setgħa ta' negozjar tagħhom; billi għalhekk hemm bżonn li jissaħħu l-OP, inkluż permezz tal-konsolidazzjoni, u l-AOP;
I. billi l-kompetittività tal-bdiewa tal-UE tiddependi ħafna fuq il-funzjonament xieraq u ġust tas-suq intern kif ukoll fuq l-interpretazzjoni ċara u l-infurzar tal-għajnuniet mill-Istat u tar-regoli tal-politika tal-kompetizzjoni li jirregolaw l-operaturi kollha tal-katina agroalimentari u, b'mod partikolari, l-OP, l-AOP, u fuq forom oħrajn ta' kooperazzjoni bejn il-produtturi fis-settur agrikolu;
J. billi l-prattiki abbużivi u t-tendenza dejjem akbar ta' konsolidazzjoni fis-setturi tal-produzzjoni u tal-bejgħ bl-imnut tal-katina tal-provvista agrikola u dik tal-ikel ifixklu l-kompetizzjoni u l-innovazzjoni, u b'hekk jaffettwaw direttament u indirettament kemm lill-produtturi kif ukoll lill-konsumaturi;
K. billi t-teknoloġiji diġitali jistgħu jgħinu lill-bdiewa Ewropej biex jipprovdu ikel sikur, sostenibbli u ta' kwalità u jgħinu biex inaqqsu l-impatti ambjentali tal-agrikoltura, itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-bdiewa u jżidu l-attraenza rurali, b'mod partikolari għal ġenerazzjonijiet iżgħar; billi hemm inqas inċentiv għas-settur privat li jinvesti fil-forniment tal-broadband f'dawn iż-żoni;
1. Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu kont speċifiku tal-fatt li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għanijiet tal-PAK iridu jingħataw prijorità fuq dawk relatati mal-politika tal-kompetizzjoni, billi r-regoli tal-kompetizzjoni jiġu applikati b'mod aktar ċar, aktar flessibbli u aktar prevedibbli għall-produtturi u l-OP;
2. Jenfasizza li minħabba n-natura speċifika u ċ-ċikli ta' produzzjoni twal tagħha, il-biedja ma tista' titqabbel mal-ebda attività oħra f'dik li tikkonċerna l-elastiċità tal-provvista, u li għalhekk, il-loġika tas-suq ma tistax tiġi applikata għas-settur tal-biedja bl-istess mod li tiġi applikata f'setturi oħrajn;
3. Jilqa' l-istudju tal-2018 li sar f'isem il-Kummissjoni dwar l-OP u l-attivitajiet tagħhom fis-setturi taż-żejt taż-żebbuġa, taċ-ċanga u l-vitella, u tar-raba' li jinħadem, li jafferma mill-ġdid l-importanza ta' dawn l-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet tagħhom sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-produtturi primarji fil-katina tal-ikel u tingħata kontribuzzjoni pożittiva għall-objettivi tal-PAK stabbiliti fl-Artikolu 39 tat-TFUE; jinnota li l-konklużjonijiet tal-istudju jindikaw li hemm ħames darbiet aktar OP/AOP mhux rikonoxxuti minn dawk formalment rikonoxxuti u li n-nuqqas ta' appoġġ mill-gvernijiet joħloq sfida għat-twaqqif ta' OP u AOP; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-OP ma ġewx żviluppati sal-istess punt fl-Istati Membri kollha u jitlob li jitneħħew l-ostakoli li għad fadal fil-proċess ta' rikonoxximent u li tiġi garantita ċ-ċertezza legali; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tqajjem kuxjenza dwar il-benefiċċji li l-OP jiġu rikonoxxuti skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013[23] li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli (Regolament dwar OKS Unika), u jħeġġeġ l-istabbiliment ta' aktar OP bħala mod għall-bdiewa biex isaħħu l-pożizzjoni tagħhom u jinnegozjaw b'mod effettiv il-prezz u jindirizzaw l-iżbilanċi fil-poter fil-katina tal-provvista tal-ikel, fost ir-rwoli l-oħra tagħhom;
4. Iqis li huwa essenzjali li jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-OP, l-AOP u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali fir-Regolament dwar OKS Unika fil-qafas tar-riforma attwali tal-PAK, b'mod partikolari fir-rigward tal-politika tal-kompetizzjoni, billi jibnu fuq il-progress li sar mir-Regolament Omnibus, u b'mod konformi mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża Endives, u b'hekk jipprovdu aktar ċertezza legali u jtejbu l-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-ikel;
5. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-implimentazzjoni tal-Artikolu 209 tar-Regolament (UE) Nru 1308/209 dwar OKS Unika u tiċċara l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, speċifikament fir-rigward tal-eċċezzjonijiet għar-regoli tal-kompetizzjoni mogħtija lil ċerti ftehimiet u prattiki ta' bdiewa f'assoċjazzjonijiet, sabiex dawk ikkonċernati jingħataw aktar ċarezza u ċertezza legali meta dan l-artikolu jiġi implimentat, u biex il-Kummissjoni tingħata aktar flessibilità fl-implimentazzjoni ta' dan l-artikolu;
6. Jilqa' l-istudju kkompilat għall-Kummissjoni dwar l-aħjar modi ta' kif iridu jiġu ffurmati l-OP, iwettqu l-attivitajiet tagħhom u jiġu appoġġati, li jirrikonoxxi l-kontribut li l-OP u l-AOP jagħtu għall-iżvilupp ekonomiku, tekniku u soċjali tal-membri tagħhom, b'effetti indiretti ta' benefiċċju potenzjali għall-bdiewa li mhumiex membri ta' OP u esternalitajiet pożittivi għal operaturi oħrajn fil-katina tal-provvista tal-ikel; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata ċertezza legali għall-OP, b'mod partikolari fir-rigward tal-kriterji u l-attivitajiet ta' rikonoxximent;
7. Jirrikonoxxi r-rwol tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali fil-katina, li jservu ta' pjattaforma għad-djalogu, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-aħjar prattiki u t-trasparenza tas-suq;
8. Jitlob li r-rwol tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali jissaħħaħ sabiex jiġu promossi relazzjonijiet aktar ibbilanċjati fil-katina tal-ikel u jappoġġa l-estensjoni tal-klawsola dwar il-kondiviżjoni tal-valur sabiex din tkopri lill-operaturi kollha pjuttost milli lill-ewwel xerrej biss, f'konformità mal-abbozz ta' rapport adottat f'April 2019 mill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Parlament dwar l-organizzazzjoni komuni l-ġdida tas-swieq fil-prodotti agrikoli bħala parti mir-riforma li jmiss tal-PAK.
9. Jitlob li tiġi prevista, skont l-Artikolu 210 tar-Regolament dwar OKS Unika, deroga awtomatika u espliċita mill-Artikolu 101 tat-TFUE, soġġetta għall-prinċipji ta' neċessità u proporzjonalità, li tippermetti lill-organizzazzjonijiet agrikoli interprofessjonali jwettqu l-kompiti assenjati lilhom mir-Regolament dwar OKS Unika bil-għan li jkomplu jintlaħqu l-għanijiet tal-Artikolu 39 tat-TFUE;
10. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 222 tar-Regolament dwar OKS Unika jiġu attivati b'mod rapidu sabiex jiġu indirizzati d-distorsjonijiet serji tas-suq;
11. Jilqa' s-suċċess tal-miżuri ta' ġestjoni tal-provvista introdotti għall-ġobon u l-perżut ta' kwalità fuq talba tal-OP, tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali u tal-gruppi ta' operaturi; jappella għall-estensjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar OKS Unika li jawtorizzaw l-introduzzjoni ta' regoli ta' kontroll tal-provvista biex ikopru l-prodotti kollha li jibbenefikaw minn denominazzjoni ta' oriġini protetta (DOP) jew minn indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP), sabiex jinkiseb bilanċ aħjar bejn il-provvista u d-domanda;
12. Jitlob lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha f'djalogu mal-partijiet interessati rilevanti kollha dwar il-funzjonament tal-katina agrikola u tal-provvista tal-ikel, u biex tadatta l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE skont l-aktar żviluppi riċenti fl-ambjent kummerċjali;
13. Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/633 tas-17 ta' April 2019 dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet minn negozju għal negozju fil-katina agrikola u tal-provvista tal-ikel[24], li tirrappreżenta l-ewwel pass importanti biex tiġi żgurata l-korrettezza bejn l-operaturi u biex jiġi indirizzat l-iżbilanċ tas-setgħa ta' negozjar fil-katina tal-provvista tal-ikel; iħeġġeġ lill-Istati Membri jittrasponu d-direttiva mingħajr dewmien u jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib il-progress tat-traspożizzjoni u tippromwovi l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri jelenkaw aktar prattiki inġusti bħala projbiti u jistabbilixxu standards ogħla;
14. Madankollu jiddispjaċih dwar il-fatt li l-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva dwar il-prattiki inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel ma jkoprix lill-fornituri kollha peress li jeskludi lil dawk li mhumiex SMEs, u jiddispjaċih dwar il-fatt li l-bejgħ b'telf mhuwiex fil-lista tal-prattiki li huma pprojbiti fil-livell tal-UE;
15. Jesprimi tħassib dwar il-pressjoni 'l isfel mhux sostenibbli fuq il-prezzijiet tal-farms li tirriżulta mis-setgħa eċċessiva tal-proċessuri jew tax-xerrejja aktar 'l isfel fil-ktajjen tal-provvista agrikola; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi l-approċċ tagħha fil-valutazzjoni tal-abbuż tal-pożizzjonijiet dominanti fis-suq sabiex tinkludi każijiet li jpoġġu pressjoni 'l isfel mhux sostenibbli fuq il-prezzijiet tal-farms, irrispettivament minn jekk jirriżultawx fi prezzijiet ogħla għall-konsumaturi; iqis li l-interess aktar wiesa' tal-konsumaturi jinkludi l-appoġġ favur dħul ġust għall-bdiewa billi jiġi żgurat sehem ġust tal-valur iġġenerat tul il-katina tal-provvista tal-ikel, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm settur agrikolu li jkun ekonomikament u ambjentalment sostenibbli;
16. Itenni li l-appoġġ tal-PAK huwa mfassal, inter alia, biex jiżgura s-sostenibilità tal-farms u jħeġġeġ lill-bdiewa jipproduċu ikel ta' kwalità bi prezzijiet raġonevoli; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-differenza dejjem akbar bejn il-prezz tal-produzzjoni u l-prezz tal-bejgħ fis-settur tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u timplimenta miżuri effettivi tas-suq li jnaqqsu dan id-distakk u jistabbilixxu korrelazzjoni bbilanċjata u sostenibbli bejn it-tnejn;
17. Jirrikonoxxi r-rwol possibbli li għandhom l-alleanzi tax-xerrejja fil-ħolqien ta' effiċjenzi ekonomiċi fil-katina agrikola u dik tal-provvista tal-ikel; jenfasizza, madankollu, li n-nuqqas attwali ta' informazzjoni ma jippermettix li ssir evalwazzjoni tal-effetti ekonomiċi ta' alleanzi tax-xerrejja bħal dawn fuq il-funzjonament tal-katina tal-provvista, b'mod partikolari fuq l-allinjamenti strateġiċi possibbli, li jistgħu jirriżultaw f'kompetizzjoni mnaqqsa u marġni iżgħar għall-investiment u l-innovazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-analiżi fid-dettall tagħha sabiex tiddermina l-portata u l-effett tal-alleanzi tax-xerrejja fuq il-funzjonament ekonomiku tal-katina agrikola u dik tal-provvista tal-ikel, b'mod partikolari għall-bdiewa, il-produtturi u l-fornituri ż-żgħar u l-SMEs;
18. Jilqa' l-pubblikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online[25]; jieħu nota tal-ftuħ min-naħa tal-Kummissjoni ta' investigazzjoni formali dwar l-antitrust li tivvaluta l-użu minn Amazon ta' data sensittiva miġbura minn bejjiegħa bl-imnut indipendenti u l-abbużi possibbli tar-rwol doppju tiegħu bħala bejjiegħ bl-imnut u post tas-suq, u jesprimi tħassib dwar paralleli possibbli fil-pjattaformi tas-supermarkets Ewropej; jenfasizza li trattament potenzjalment differenzjat jew diskriminatorju bejn id-ditti proprji u prodotti oħra bl-imnut jista' jfixkel il-kompetizzjoni fis-suq u jnaqqas l-innovazzjoni u l-għażla tal-prodotti għall-konsumaturi; jenfasizza li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali jeħtieġ li jwettqu r-rwol tagħhom biex jiżguraw li ma jinħolqux sitwazzjonijiet bħal dawn;
19. Jilqa' l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-settur agrikolu; jinnota li parti sinifikanti mill-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni fis-settur agrikolu titwettaq mill-proċessuri tal-prodotti agrikoli, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-ilmenti jsiru mill-bdiewa; jappella għal superviżjoni effikaċi mill-Kummissjoni tal-kumpaniji attivi fis-suq tal-ipproċessar tal-ikel;
20. Ifakkar li seħħ ristrutturar orizzontali u vertikali sinifikanti li wassal għal aktar konsolidazzjoni fis-setturi diġà kkonċentrati taż-żerriegħa, l-agrokimika, il-fertilizzanti, il-ġenetika tal-annimali u s-setturi tal-makkinarju tal-farms, kif ukoll fl-ipproċessar u fil-bejgħ bl-imnut; meta l-Kummissjoni tivvaluta fużjonijiet f'dawn is-setturi, jistedinha tikkunsidra impatti li jmorru lil hinn mill-prezzijiet tal-konsumatur; jenfasizza li l-interessi tal-bdiewa, taċ-ċittadini u tal-ambjent tal-UE jridu jiġu protetti, billi jiġi vvalutat b'mod komprensiv u olistiku l-impatt, fil-livell tal-farms, ta' mergers u akkwiżizzjonijiet fost il-fornituri ta' prodotti agrikoli, inklużi l-produtturi ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti;
21. Iqis li huwa essenzjali li l-Kummissjoni tkompli l-monitoraġġ bir-reqqa tagħha tas-suq tal-UE għall-pestiċidi, iż-żrieragħ u l-karatteristiċi tal-pjanti, kif ukoll timmonitorja l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq is-settur agrikolu;
22. Iqis li l-ispejjeż tal-produzzjoni jridu jitqiesu bis-sħiħ meta jkun qed jintlaħaq ftehim dwar il-prezzijiet fil-kuntratti bejn il-produtturi u l-bejjiegħa bl-imnut/proċessuri, u l-prezzijiet għandhom jipprovdu wkoll remunerazzjoni ġusta għall-bdiewa; jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar trasparenza tas-suq biex tikkontribwixxi għal trażmissjoni aktar ġusta tal-prezzijiet tul il-katina tal-provvista; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb id-data tal-osservatorju tas-suq dwar il-volumi, il-prezzijiet u l-marġnijiet, b'mod partikolari fis-settur organiku; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa indikaturi għall-ispejjeż u l-marġnijiet tal-produzzjoni li jkunu jistgħu jservu ta' referenza f'kuntratti li jqisu aħjar l-ispiża tal-produzzjoni u r-remunerazzjoni; jitlob li l-Kummissjoni tiżgura linji gwida ċari dwar il-kondiviżjoni tal-valur tul il-katina tal-provvista sabiex tiffaċilita t-trażmissjoni tal-prezzijiet f'livelli li jkunu ġusti kemm għall-konsumatur kif ukoll għall-produttur;
23. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi pjattaforma permanenti ta' informazzjoni fil-livell tal-UE dwar l-għodod ta' ġestjoni tar-riskju biex tgħin lill-bdiewa jiffaċċjaw l-inċertezza klimatika, il-volatilità tas-suq u riskji oħra fejn il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jiskambjaw l-aħjar prattiki, kif stipulat fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-ġejjieni tal-ikel u tal-biedja ta' Novembru 2017;
24. Jirrimarka li disparitajiet kbar fil-pagamenti diretti jxekklu inizjattivi sostenibbli tal-bdiewa favur il-klima u l-ambjent u jfixklu l-kompetizzjoni fl-UE; ifakkar fl-impenn li ħa l-Kunsill Ewropew fis-7 u t-8 ta' Frar 2013 biex jarmonizza l-pagamenti fl-UE kollha sal-2013;
25. Jiġbed l-attenzjoni għall-ammont dejjem akbar ta' protesti tal-bdiewa u jinnota li l-impatt kumulattiv tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles (FTAs) fuq is-settur agroalimentari tal-UE huwa wieħed mit-tħassib tagħhom; jistaqsi jekk l-FTAs iqegħdux lill-produtturi agroalimentari tal-UE fi żvantaġġ kompetittiv meta wieħed iqis id-differenzi fl-istandards soċjali, ambjentali, tas-saħħa, tax-xogħol u tal-benessri tal-annimali f'pajjiżi terzi; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta, mill-aktar fis possibbli, l-aħħar rapport tagħha dwar l-impatt kumulattiv ta' ftehimiet kummerċjali kurrenti u futuri, u jappella għall-applikazzjoni tal-prinċipji tar-reċiproċità u l-konformità għall-prodotti agrikoli u għall-protezzjoni ta' setturi vulnerabbli f'negozjati kummerċjali futuri u kurrenti, filwaqt li tiżgura t-twettiq tal-ispezzjonijiet kollha meħtieġa;
26. Iqis li hemm bżonn li d-domanda pubblika għal sistemi tal-ikel aktar sostenibbli tiġi indirizzata fil-politika tal-kompetizzjoni sabiex jiġi integrat aħjar il-valur ta' beni pubbliċi fl-ipprezzar tal-ikel, filwaqt li jitqies it-tħassib soċjali, ambjentali u tal-benessri tal-annimali; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara, għall-produtturi u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali, il-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jsiru ftehimiet bejn operaturi fl-istess settur bil-għan li titjieb is-sostenibilità tal-katina tal-provvista tal-ikel mingħajr ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, u b'hekk jiġi rikonoxxut il-kontribut tal-ftehimiet ta' sostenibilità favur it-titjib tal-produzzjoni ta' prodotti agrikoli, filwaqt li jkunu ta' benefiċċju għall-konsumaturi u s-soċjetà kollha kemm hi, partikolarment fil-qafas tar-reviżjoni attwali tar-Regolamenti dwar Eżenzjoni Orizzontali ta' Kategorija u ta' linji gwida relatati; iqis li linji gwida ċari huma partikolarment rilevanti għas-settur agrikolu minħabba l-isfidi ambjentali li jeħtieġ li jiffaċċja u r-rekwiżiti tas-sostenibilità li jeħtieġ li jissodisfa;
27. Jinnota li l-Patt Ekoloġiku Ewropew irid jiżgura koerenza politika bejn l-agrikoltura, l-azzjoni klimatika, l-ambjent u l-politika kummerċjali;
28. Jenfasizza li l-istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" (F2F) u l-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE jridu jirrikonoxxu l-kontribut importanti magħmul mill-produtturi primarji biex jipprovdu ikel ta' kwalità għolja u jwasslu beni pubbliċi lis-soċjetà, li attwalment mhux qed jiġu kkumpensati biżżejjed għalihom, u jridu jfittxu li jilħqu s-sostenibilità tul il-katina tal-provvista tal-ikel kollha kemm hi; jinnota li l-istrateġija F2F tkun teħtieġ approċċ uniformi li jinkludi l-politiki kollha tal-UE, jissalvagwardja l-kompetizzjoni ġusta u jiżgura kundizzjonijiet ekwi għan-negozji kollha, u din l-istrateġija trid tqis l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq il-funzjonament u s-sostenibilità tal-katina tal-provvista tal-ikel u fuq is-sigurtà tal-ikel;
29. Jilqa' l-kontroll tal-idoneità li qed isir tal-pakkett tal-2012 dwar il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat u, b'mod aktar speċifiku, ir-reviżjoni li għaddejja tar-Regolament dwar Eżenzjoni Agrikola ta' Kategorija (ABER) u l-linji gwida tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija fiż-żoni rurali, li mhux se jibqgħu japplikaw fil-31 ta' Diċembru 2020;
30. Iqis li l-finanzjament pubbliku huwa essenzjali biex jiżgura l-użu ta' networks tal-broadband f'żoni rurali u remoti; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u tappoġġa lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fis-settur pubbliku biex jesploraw aħjar il-possibilitajiet ta' appoġġ pubbliku abbażi tal-Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni ta' regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-użu ta' networks tal-broadband, bil-għan li l-użu tal-infrastruttura tal-broadband iseħħ aktar malajr u aktar faċilment, u biex tiżgura li ż-żoni rurali ma jitħallewx lura;
31. Jistieden lill-Kummissjoni teżenta mir-regoli ta' għajnuna mill-Istat id-dispożizzjonijiet fiskali li japplikaw speċifikament għas-settur agrikolu li l-Istati Membri introduċew biex jinkoraġġixxu lill-bdiewa jagħmlu tfaddil volontarju ta' prekawzjoni bil-ħsieb li jkunu jistgħu jiffaċċjaw aħjar ir-riskji miżjuda marbuta mal-klima u mas-saħħa, kif ukoll mal-kriżijiet ekonomiċi;
32. Jilqa' t-tlestija tar-rieżami tar-Regolament Agrikolu de minimis; jirrimarka li ż-żieda fl-ammont massimu ta' għajnuna għal kull impriża u fil-limitu massimu nazzjonali, flimkien mal-applikazzjoni ta' limitu massimu settorjali, se jgħinu lill-farms jiffaċċjaw l-isfidi klimatiċi filwaqt li jipprevjenu kwalunkwe distorsjoni tas-suq;
33. Jilqa' l-proposta għal regolament dwar il-programm tas-suq uniku, u, b'mod aktar speċifiku, l-azzjonijiet tal-katina tal-ikel appoġġati fih, bħal miżuri veterinarji u fitosanitarji, biex jiġu indirizzati l-kriżijiet tas-saħħa tal-annimali u tal-pjanti; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Parlament jikkonkludu malajr in-negozjati u jadottaw ir-regolament;
34. Jissottolinja l-importanza ta' konklużjonijiet f'waqthom għaż-żewġ proposti tal-Kummissjoni għal regolamenti ta' tranżizzjoni sabiex jiġu evitati dewmien u kumplikazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal instabilità tas-suq;
35. Iqis li huwa essenzjali li jinżammu l-kompetenzi kollha relatati mal-applikazzjoni tal-Artikoli 209 u 210 tar-Regolament dwar OKS Unika u mal-għajnuna mill-Istat għall-iżvilupp ta' setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija u ta' żoni rurali fi ħdan id-DĠ AGRI, biex b'hekk jiġi żgurat l-għarfien espert meħtieġ biex tiġi indirizzata n-natura speċifika ta' dawn is-setturi u l-koerenza sħiħa mal-objettivi u l-appoġġ previsti fil-PAK.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
22.1.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
45 0 0 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Mazaly Aguilar, Clara Aguilera, Álvaro Amaro, Eric Andrieu, Attila Ara-Kovács, Carmen Avram, Adrian-Dragoş Benea, Benoît Biteau, Mara Bizzotto, Daniel Buda, Isabel Carvalhais, Asger Christensen, Angelo Ciocca, Ivan David, Paolo De Castro, Jérémy Decerle, Herbert Dorfmann, Luke Ming Flanagan, Dino Giarrusso, Martin Häusling, Martin Hlaváček, Krzysztof Jurgiel, Jarosław Kalinowski, Gilles Lebreton, Norbert Lins, Mairead McGuinness, Marlene Mortler, Ulrike Müller, Juozas Olekas, Pina Picierno, Maxette Pirbakas, Sheila Ritchie, Bronis Ropė, Bert-Jan Ruissen, Anne Sander, Simone Schmiedtbauer, Annie Schreijer-Pierik, Veronika Vrecionová, Sarah Wiener, Juan Ignacio Zoido Álvarez |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Atidzhe Alieva-Veli, Franc Bogovič, Balázs Hidvéghi, Pär Holmgren, Peter Jahr, Petros Kokkalis, Zbigniew Kuźmiuk, Ivan Vilibor Sinčić, Massimiliano Smeriglio |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
45 |
+ |
ECR |
Mazaly Aguilar, Krzysztof Jurgiel, Bert-Jan Ruissen, Veronika Vrecionová |
GUE/NGL |
Luke Ming Flanagan, Petros Kokkalis |
ID |
Mara Bizzotto, Angelo Ciocca, Ivan David, Gilles Lebreton, Maxette Pirbakas |
NI |
Dino Giarrusso |
PPE |
Álvaro Amaro, Franc Bogovič, Daniel Buda, Herbert Dorfmann, Balázs Hidvéghi, Peter Jahr, Norbert Lins, Mairead McGuinness, Marlene Mortler, Anne Sander, Simone Schmiedtbauer, Juan Ignacio Zoido Álvarez |
RENEW |
Atidzhe Alieva-Veli, Asger Christensen, Jérémy Decerle, Martin Hlaváček, Elsi Katainen, Ulrike Müller, Sheila Ritchie |
S&D |
Clara Aguilera, Eric Andrieu, Attila Ara-Kovács, Carmen Avram, Adrian-Dragoş Benea, Isabel Carvalhais, Paolo De Castro, Juozas Olekas, Massimiliano Smeriglio |
VERTS/ALE |
Benoît Biteau, Martin Häusling, Pär Holmgren, Bronis Ropė, Sarah Wiener |
0 |
- |
|
|
0 |
0 |
|
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
ITTRA TAL-KUMITAT GĦAS-SUQ INTERN U L-ĦARSIEN TAL-KONSUMATUR
Is-Sa Irene Tinagli
President
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
SPINELLI 15G306
BRUSSELL
Suġġett: Opinjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni – Rapport Annwali 2019 (2019/2131(INI))
Sinjura President,
Skont il-proċedura msemmija hawn fuq, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur talab biex jippreżenta opinjoni lill-kumitat tiegħek fil-forma ta' ittra.
Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur eżamina l-kwistjoni fil-laqgħa tiegħu tat-23 ta' Jannar 2020. F'dik il-laqgħa[26], iddeċieda li jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jannetti s-suġġerimenti li ġejjin mar-rapport tiegħu.
Il-Kumitat jixtieq jesprimi wkoll it-tħassib kbir tiegħu fir-rigward ta' punt fl-abbozz ta' rapport tal-Kumitat ECON, b'mod speċifiku l-paragrafu 14, li jipproponi l-istabbiliment ta' awtorità Ewropea għall-ħarsien tal-konsumatur. L-emenda 199, imressqa fil-Kumitat ECON, tgħid ukoll li dan il-korp għandu "jinkludi n-Network ta' Kooperazzjoni għall-Ħarsien tal-Konsumatur".
Il-Kumitat IMCO jixtieq jirrimarka li, l-ewwel nett, bħala punt ġenerali, is-suġġett tal-ħarsien tal-konsumatur huwa kompetenza esklużiva tal-Kumitat IMCO u, bħala tali, m'għandux ikun inkluż fir-rapport tal-Kumitat ECON, li għandu jittratta kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tiegħu. F'dan ir-rigward, nixtieq infakkar li r-Regolament dwar il-Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumatur (Regolament (UE) 2017/2394) kien fajl li kien jaqa' fil-kompetenza tal-Kumitat IMCO, u li l-Kumitat ECON ma kellu ebda rwol fih. It-tieni, il-punt m'għandu xejn x'jaqsam mar-rapport annwali dwar il-politika tal-kompetizzjoni, li l-proċedura kurrenti hija bbażata fuqu. Għaldaqstant, nistiednek tiddikjara l-paragrafu 14 tal-abbozz ta' rapport u l-emendi kollha tiegħu, inkluża l-emenda 199, inammissibbli.
Nirringrazzjak tal-attenzjoni u nafda fil-komprensjoni u l-kooperazzjoni tiegħek dwar dan l-aspett importanti.
Dejjem tiegħek,
Petra De Sutter MD, PhD
President
Kopji: - Antonio TAJANI, President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati
SUĠĠERIMENTI
I. Suq intern
1. Ifakkar li l-politika tal-kompetizzjoni għandha rwol ewlieni fis-suq intern u li l-objettivi fundamentali tad-dritt tal-kompetizzjoni għadhom marbuta b'mod inerenti mal-ikkompletar tas-suq intern, b'mod speċifiku l-prevenzjoni tat-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni, il-bini ta' kundizzjonijiet ekwi biex il-parteċipanti kollha fis-suq jikkompetu abbażi tal-mertu, il-promozzjoni tat-tkabbir ta' intrapriżi innovattivi, il-kisba ta' livell għoli ta' benesseri tal-konsumatur, u li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħżlu bejn varjetà ta' fornituri sabiex jingħataw l-aħjar offerti f'termini ta' kwalità u ta' kwalità meta mqabbla mal-prezz; iqis li l-SMEs jistgħu jibbenefikaw mill-applikazzjoni rigoruża tar-regoli tal-kompetizzjoni, partikolarment fil-qasam diġitali;
2. Jilqa' l-kontrolli tal-idoneità li għaddejjin tal-Kummissjoni u r-rieżami komprensiv futur tal-linji gwida tal-Kummissjoni relatati mad-dritt u mal-politika tal-kompetizzjoni kif imħabbar mill-Kummissarju l-ġdid waqt is-seduta ta' smigħ ta' konferma tagħha; f'dan il-kuntest, jistenna b'ħerqa l-eżitu tar-reviżjoni li għaddejja tar-Regolament ta' Eżenzjoni ta' Kategorija tal-Ftehimiet Vertikali u l-Linji gwida Vertikali previsti għall-2022; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ u tħaffef il-prattiki ta' tisħiħ tal-kompetizzjoni fil-kuntest ta' swieq li qed jiżviluppaw b'rata dejjem aktar mgħaġġla; jissottolinja l-ħtieġa li l-politika tal-kompetizzjoni u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri relatati magħha jkunu kompletament indipendenti minn politiki u proċessi deċiżjonali oħra; jenfasizza li hija din l-indipendenza li tagħti lid-deċiżjonijiet dwar il-kompetizzjoni l-piż u l-valur tagħhom u li tiżgura li jiġu rrispettati kemm mill-kumpaniji kif ukoll mill-gvernijiet; jilqa' l-użu mill-Kummissjoni tal-Artikolu 114 tat-TFUE u tal-Artikolu 103 tat-TFUE fil-fajls leġiżlattivi tal-politika tal-kompetizzjoni fil-passat u jappella għal użu sistematiku tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja għal proposti leġiżlattivi futuri relatati mal-kompetizzjoni;
3. Jinnota li, f'ekonomija dejjem aktar globalizzata, huwa importanti li jiġi rikonoxxut it-tgħawwiġ potenzjali tal-kompetizzjoni fis-suq intern li joriġina minn kumpaniji ta' pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn finanzjament mill-Istat, kemm fil-forma ta' għajnuna mill-Istat kif ukoll fil-forma ta' sussidji; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri xierqa biex tiżgura aċċess ekwu għas-suq;
4. Jenfasizza, madankollu, li d-deċiżjonijiet dwar il-politika tal-kompetizzjoni m'għandhomx jintużaw bħala forma ta' miżura protezzjonista jew ostaklu mhux tariffarju għall-kummerċ u, fost affarijiet oħra, għandhom pjuttost jiżguraw il-proporzjonalità u proċess ġust u janalizzaw il-kompetizzjoni każ każ fi ħdan is-suq uniku, filwaqt li jfittxu rimedji għall-fallimenti tas-suq;
5. Jissottolinja li s-settur tas-servizzi jirrappreżenta l-akbar parti tal-ekonomija tal-UE, iżda li l-iżvilupp ulterjuri ta' servizzi fis-suq intern huwa mxekkel minn leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida u eżistenti li tillimita l-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji u l-għażla tal-konsumatur; jiddispjaċih li xi standards regolatorji lokali għadhom jiffukaw fuq il-protezzjoni tas-swieq rispettivi tagħhom mill-kompetizzjoni ġusta;
6. Ifakkar li, sabiex il-prattiki antikompetittivi jiġu miġġielda b'mod effikaċi, iridu jitqiesu l-aspetti kollha tal-kompetizzjoni inġusta;
II. Suq Uniku Diġitali
7. Jenfasizza l-importanza li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jżommu l-pass mal-isfidi l-ġodda tal-era diġitali f'termini tal-prijoritajiet u l-kapaċitajiet ta' infurzar tagħhom kif ukoll tal-valutazzjoni tad-dannu lill-konsumaturi;
8. Jilqa' l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar ċerti prattiki antikompetittivi minn kumpaniji li joperaw fis-swieq diġitali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħlaq il-proċeduri li għaddejjin mill-aktar fis possibbli u taħdem favur politika ta' infurzar proattiv u effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni, sabiex tiġġieled kontra l-abbuż ta' pożizzjonijiet dominanti u b'hekk trawwem l-innovazzjoni u l-mudelli kummerċjali innovattivi, kif ukoll tippermetti lill-konsumaturi jaħtfu l-opportunitajiet kollha ta' Suq Uniku Diġitali li jiffunzjona bis-sħiħ;
9. Jinnota li, fir-rigward tas-Suq Uniku Diġitali u l-mod kif id-diġitizzazzjoni taffettwa l-kompetizzjoni, hemm komplementarjetà intrinsika bejn ir-regolamentazzjoni tas-suq u l-politika tal-kompetizzjoni, kif enfasizzat fir-Rapport tal-Konsulenti Speċjali tal-Kummissjoni intitolat "Politika tal-kompetizzjoni għall-era diġitali", b'mod speċifiku li d-dritt primarju tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikoli 101 - 109 tat-TFUE jista' jiffunzjona bħala "reġim ta' bażi" biex tiġi adottata leġiżlazzjoni mmirata biex jiġu miġġielda l-prattiki li jgħawġu l-kompetizzjoni fis-swieq diġitali, abbażi ta' analiżi bir-reqqa każ każ tas-swieq rilevanti u tal-fallimenti tas-suq;
10. Ifakkar li, matul it-tmien leġiżlatura, ir-regolamentazzjoni tas-swieq diġitali kkostitwiet il-ħidma ewlenija tal-Kumitat IMCO; f'dan il-kuntest, jenfasizza l-importanza ta' rieżami bir-reqqa tal-Direttiva dwar il-Kummerċ elettroniku, b'mod partikolari fid-dawl tal-impenn tal-Kummissjoni li tipproponi Att dwar is-Servizzi Diġitali;
Data
11. Ifakkar fir-rwol ewlieni tad-data fl-ekonomija diġitali globali; jiġbed l-attenzjoni għall-emerġenza ta' atturi tas-suq diġitali li jikkontrollaw volumi dejjem akbar ta' data; jenfasizza li l-komparabilità tad-data hija element essenzjali fl-ekonomija reali, bħala sors ta' saħħa u lieva ekonomiċi konsiderevoli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiġġieled kontra prattiki tas-suq mhux ġustifikati u ostakli regolatorji nazzjonali li jwasslu għal monopolizzazzjoni tal-ġbir tad-data u għal restrizzjonijiet tal-fluss tad-data u l-aċċess għad-data; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja data miftuħa u aċċess ekwu għad-data għall-kumpaniji kollha, b'mod partikolari l-SMEs u l-istart-ups, sabiex trawwem ambjent diġitali kompetittiv li jwassal għal aktar innovazzjoni, prodotti ta' kwalità ogħla u servizzi aħjar għall-konsumaturi;
Pjattaformi
12. Jinnota li pjattaformi online jippermettu lil miljuni ta' impriżi, inklużi għadd kbir ta' SMEs Ewropej, jisfruttaw il-vantaġġi tal-kummerċ elettroniku; iqis li, sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ekwi, jeħtieġ li ssir ħidma favur politika regolatorja li tinkludi proposti għal leġiżlazzjoni mmirata u speċifika għas-settur sabiex jitneħħew l-iżbilanċi li jippermettu lill-atturi tas-suq jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom, filwaqt li jiġu ssalvagwardjati l-valuri Ewropej; f'dan ir-rigward, jenfasizza li kwalunkwe obbligu regolatorju ġdid dwar il-pjattaformi jrid ikun soġġett għall-prinċipju ta' proporzjonalità u ma jridx iwassal għal piżijiet regolatorji mhux ġustifikati għall-kumpaniji li kapaċi joħonqu l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni;
13. Jenfasizza l-importanza li jitkompla d-dibattitu regolatorju rigward il-mekkaniżmi xierqa biex titħares l-integrità tas-suq Ewropew b'reazzjoni għall-kisba ta' pożizzjonijiet dominanti minn numru żgħir ta' pjattaformi online minħabba l-effetti tan-network u d-dinamika li permezz tagħha l-aħjar wieħed jegħleb il-kompetituri kollha (winner-takes-all); jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ix-xejra li qed tikber li jingħataw involontarjament setgħat għall-istabbiliment ta' regoli fuq tali pjattaformi fid-dawl tal-lakuni regolatorji kurrenti; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiġġieled kontra tipi emerġenti ta' prattiki antikompetittivi adottati minn pjattaformi dominanti, bħall-awtopreferenzjar abbużiv, u tiżgura li r-Regolament dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (2019/1150) jiġi rrispettat mill-atturi kollha tas-suq; joġġezzjona għall-effetti lock-in negattivi li tali prattiki antikompetittivi għandhom fuq l-għażla tal-konsumatur kif ukoll fuq l-aċċess għas-suq;
Rimedji
14. Jilqa' l-użu reċenti ta' miżuri interim mill-Kummissjoni fis-settur tal-mikroelettronika; madankollu, jiddispjaċih għar-riluttanza tal-Kummissjoni li tapplika miżuri interim fis-settur diġitali u jitlob lill-Kummissjoni tevalwa l-użu tagħha ta' miżuri interim kif ukoll rimedji strutturi u ta' mġiba oħra, minbarra l-multi, meta tivvaluta jekk l-operaturi jistgħux jimblukkaw id-dħul fis-suq, jirrestrinġu l-għażla tal-konsumatur u l-flussi ta' informazzjoni u jimmanipulaw l-imġiba tal-utenti, sabiex tipprevjeni t-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni li kapaċi jagħmel dannu lill-kumpaniji Ewropej, b'mod partikolari l-SMEs, u li jkun ta' dannu għall-konsumatur;
Imblukkar ġeografiku
15. Wara l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/3002 dwar l-imblukkar ġeografiku, jistieden lill-Kummissjoni tkompli timmonitorja attivament il-kwistjonijiet kollha fil-qasam tal-kompetizzjoni relatati mal-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u restrizzjonijiet oħra fuq il-bejgħ online; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem favur viżjoni ambizzjuża għall-indirizzar tad-diskriminazzjoni online tal-konsumaturi abbażi ta' regoli armonizzati dwar il-ħarsien tal-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ li jħares 'il quddiem u favur il-konsumatur meta twettaq il-proċess ta' rieżami tar-Regolament dwar l-imblukkar ġeografiku, li huwa previst għal Marzu 2020;
III. Benesseri tal-konsumatur
16. Jenfasizza b'sodisfazzjon il-ħidma tal-Kummissjoni favur approċċ ibbażat fuq l-effetti fil-prattiki ta' infurzar tagħha bbażati fuq il-benesseri tal-konsumatur u l-prevenzjoni tad-dannu lill-konsumatur bħala aspett essenzjali tal-politika tal-kompetizzjoni; jilqa' interpretazzjoni estiża tal-kunċetti ta' benefiċċju għall-konsumatur u detriment għall-konsumatur, speċjalment fis-swieq diġitali, inkluż l-approċċ ġdid li l-protezzjoni tad-data titqies bħal kriterju ta' kwalità meta jiġu vvalutati l-impatti tal-mergers fuq il-benesseri tal-konsumatur; jinnota li l-mergers mhumiex essenzjalment negattivi għall-konsumaturi u jistgħu jwasslu għall-innovazzjoni u għal prodotti aħjar, iżda jinnota wkoll li l-benesseri tal-konsumatur għandu jkun kruċjali;
17. Jenfasizza li, f'dan ir-rigward, il-ħarsien tal-konsumatur irid jibqa' politika ċentrali kemm tal-prattiki ta' infurzar kurrenti kif ukoll ta' kwalunkwe leġiżlazzjoni futura, speċjalment fis-settur diġitali; jilqa' l-asserzjoni fir-Rapport tal-Konsulenti Speċjali li l-istandards tal-benesseri tal-konsumatur irid jiġi adattat għall-era diġitali, f'termini tal-istandards rekwiżiti ta' evidenza meta jiġu vvalutati l-istrateġiji aggressivi użati minn pjattaformi dominanti bil-għan li jitnaqqsu l-pressjonijiet tal-kompetizzjoni, mingħajr ebda gwadann ekwivalenti viżibbli għall-benesseri tal-konsumatur; ifakkar li l-kompetizzjoni ġusta fl-aħħar mill-aħħar trid tassigura livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur u ta' għażla għall-konsumatur.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
18.2.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
28 5 18 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Carmen Avram, Gunnar Beck, Isabel Benjumea Benjumea, Stefan Berger, Gilles Boyer, Francesca Donato, Derk Jan Eppink, Engin Eroglu, Markus Ferber, Jonás Fernández, Giuseppe Ferrandino, Frances Fitzgerald, Luis Garicano, Sven Giegold, Claude Gruffat, Enikő Győri, Eero Heinäluoma, Danuta Maria Hübner, Stasys Jakeliūnas, Herve Juvin, Othmar Karas, Billy Kelleher, Ondřej Kovařík, Aurore Lalucq, Philippe Lamberts, Aušra Maldeikienė, Pedro Marques, Costas Mavrides, Siegfried Mureşan, Piernicola Pedicini, Lídia Pereira, Sirpa Pietikäinen, Antonio Maria Rinaldi, Alfred Sant, Martin Schirdewan, Joachim Schuster, Ralf Seekatz, Pedro Silva Pereira, Paul Tang, Stéphanie Yon-Courtin |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Manon Aubry, Karima Delli, Niels Fuglsang, Maximilian Krah, Andreas Schwab, Stéphane Séjourné, Jessica Stegrud, Antonio Tajani |
|||
Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Michael Bloss, Łukasz Kohut, Lefteris Nikolaou-Alavanos |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
28 |
+ |
ID |
Francesca Donato, Herve Juvin, Antonio Maria Rinaldi |
RENEW |
Gilles Boyer, Engin Eroglu, Luis Garicano, Ondřej Kovařík, Stéphane Séjourné, Stéphanie Yon-Courtin |
S&D |
Carmen Avram, Jonás Fernández, Giuseppe Ferrandino, Niels Fuglsang, Eero Heinäluoma, Łukasz Kohut, Aurore Lalucq, Pedro Marques, Costas Mavrides, Alfred Sant, Joachim Schuster, Pedro Silva Pereira, Paul Tang |
VERTS/ALE |
Michael Bloss, Karima Delli, Sven Giegold, Claude Gruffat, Stasys Jakeliūnas, Philippe Lamberts |
5 |
- |
ECR |
Derk Jan Eppink, Jessica Stegrud |
ID |
Gunnar Beck, Maximilian Krah |
NI |
Lefteris Nikolaou-Alavanos |
18 |
0 |
GUE/NGL |
Manon Aubry, Martin Schirdewan |
NI |
Piernicola Pedicini |
PPE |
Isabel Benjumea Benjumea, Stefan Berger, Markus Ferber, Frances Fitzgerald, Enikő Győri, Danuta Maria Hübner, Othmar Karas, Aušra Maldeikienė, Siegfried Mureşan, Lídia Pereira, Sirpa Pietikäinen, Andreas Schwab, Ralf Seekatz, Antonio Tajani |
RENEW |
Billy Kelleher |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] Testi adottati, P8_TA(2019)0062.
- [2] ĠU L 11, 14.1.2019, p. 3.
- [3] ĠU L 186, 11.7.2019, p. 57.
- [4] ĠU C 372, 9.12.1997, p. 5.
-
[5] https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/International_trade_in_goods_by_enterprise_size
- [6] ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.
- [7] ĠU L 11, 14.1.2019, p. 3.
- [8] ĠU C 289, 9.8.2016, p. 65.
- [9] ĠU C 267, 22.10.2008, p. 1.
- [10] ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.
- [11] ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190.
- [12] ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1.
- [13] https://data.worldbank.org/indicator/FR.INR.LNDP?locations=RO&most_recent_value_desc=false
- [14] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
- [15] ĠU L 352, 24.12.2013, p. 1.
- [16] ĠU C 213, 8.9.2009, p. 9.
- [17] ĠU L 111, 25.4.2019, p. 59.
- [18] ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1.
- [19] ĠU L 349, 5.12.2014, p. 1.
-
[20] https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/International_trade_in_goods_by_enterprise_size
- [21] Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Novembru 2017, President tal-Autorité de la concurrence vs Association des producteurs vendeurs d'endives (APVE) et.
- [22] ĠU L 350, 29.12.2017, p. 15.
- [23] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
- [24] ĠU L 111, 25.4.2019, p. 59.
- [25] ĠU L 186, 11.7.2019, p. 57.
- [26] Dawn li ġejjin kienu preżenti għall-votazzjoni finali: Petra De Sutter (President, Rapporteur għal Opinjoni), Pierre Karleskind (Viċi President), Maria Grapini (Viċi President), Róża Thun und Hohenstein (Viċi President), Maria Manuel Leitão Marques (Viċi President), Adam Bielan, Carlo Fidanza, Eugen Jurzyca, Beata Mazurek, Marco Zullo, Pablo Arias Echeverría, Andrey Kovatchev, Antonius Manders, Dan-Ştefan Motreanu, Kris Peeters, Andreas Schwab, Tomislav Sokol, Ivan Štefanec, Edina Tóth, Marion Walsmann, Andrus Ansip, Vlad-Marius Botoş, Dita Charanzová, Dinesh Dhamija, Svenja Hahn, Morten Løkkegaard, Anne-Sophie Pelletier, Martin Schirdewan, Alessandra Basso, Lars Patrick Berg, Hynek Blaško, Virginie Joron, Alex Agius Saliba, Brando Benifei, Biljana Borzan, Evelyne Gebhardt, Adriana Maldonado López, Leszek Miller, Christel Schaldemose, Rasmus Andresen, Anna Cavazzini, Alexandra Geese, Marcel Kolaja.