RAPPORT dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja  2018, Taqsima IV - Il-Qorti tal-Ġustizzja

10.3.2020 - (2019/2058(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Tomáš Zdechovský


Proċedura : 2019/2058(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0027/2020

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja  2018, Taqsima IV - Il-Qorti tal-Ġustizzja

(2019/2058(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018[1],

 wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018 (COM(2019)0316 – C9-0053/2019)[2],

 wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Ġustizzja lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-awditi interni mwettqa fl-2018,

 wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2018, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet[3],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[4] dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2018 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[5], u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012[6], u b'mod partikolari l-Artikoli 59, 118, 260, 261 u 262 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0027/2020),

1. Jagħti l-kwittanza lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Qorti tal-Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2018;

2. Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

 


 

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja

(2019/2058(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima IV - Il-Qorti tal-Ġustizzja,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0027/2020),

A. billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tenfasizza l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni billi jittejbu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u billi jiġi implimentat il-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u l-governanza tajba tar-riżorsi umani;

1. Jinnota b'sodisfazzjon li, fir-rapport annwali tagħha għall-2018, il-Qorti tal-Awdituri ma identifikat l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tas-suġġetti awditjati relatati mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ("il-QĠUE");

2. Jilqa' l-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-pagamenti kollha għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2018 għall-infiq amministrattiv tal-QĠUE kienu ħielsa minn żbalji materjali u li s-sistemi ta' sorveljanza u kontroll eżaminati kienu effettivi;

3. Jiddispjaċih, bħala osservazzjoni ġenerali, li l-Kapitolu 10, "Amministrazzjoni", tar-rapport annwali tal-2018 tal-Qorti tal-Awdituri għandu kamp ta' applikazzjoni u konklużjonijiet pjuttost limitati, minkejja li l-Intestatura 5, "Amministrazzjoni", tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali titqies ta' riskju baxx;

4. Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri għażlet kampjun ta' 45 tranżazzjoni mill-Intestatura 5, "Amministrazzjoni", tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Unjoni; jinnota li l-kampjun tfassal biex ikun rappreżentattiv tal-firxa ta' nfiq taħt l-Intestatura 5, li jirrappreżenta 6,3 % tal-baġit tal-Unjoni; jinnota li l-ħidma tal-Qorti tal-Awdituri tindika li l-infiq amministrattiv huwa ta' riskju baxx; jikkunsidra, madankollu, l-ammont ta' tranżazzjonijiet magħżula b'rabta mal-"istituzzjonijiet l-oħra" bħala mhux suffiċjenti u jitlob lill-Qorti tal-Awdituri żżid l-għadd ta' tranżazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati tal-inqas b'10 %;

5. Jinnota li fl-2018, il-baġit tal-QĠUE ammonta għal EUR 410 025 089 meta mqabbel ma' EUR 399 344 000 fl-2017, u dan ifisser żieda ta' 2,67 % jinnota rata globali ta' implimentazzjoni ta' 99,18 % (meta mqabbla ma' 98,69 % fl-2017);

6. Jilqa' l-ġestjoni finanzjarja kumplessivament prudenti u soda tal-QĠUE fil-perjodu tal-baġit tal-2018; jinnota r-rata għolja ta' implimentazzjoni tal-baġit għat-Titolu 1 (persuni li jaħdmu mal-QĠUE, li jirrappreżentaw 75 % tal-baġit implimentat) u għat-Titolu 2 (bini, għamara, tagħmir u l-infiq varju għall-operat amministrattiv, li jirrappreżenta l-bqija tal-baġit implimentat) li jammonta għal 99,0 % u 99,8 % (meta mqabbla ma' 98,6 % u 99,1 % fl-2017);

7. Jirrikonoxxi b'mod ġenerali l-isforzi tal-QĠUE biex jiġu evitati diskrepanzi sinifikanti bejn l-impenji (99,18 %) u l-pagamenti (94,04 %); jilqa' l-fatt li l-QĠUE ssegwi mill-qrib l-eżekuzzjoni tal-baġit tagħha matul is-sena billi tistabbilixxi tabelli ta' kull xahar sabiex tiżgura l-aħjar użu tar-riżorsi disponibbli;

8. Jenfasizza l-applikazzjoni tal-QĠUE tal-prinċipji ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni għas-servizzi amministrattivi kollha tagħha; jinnota l-istabbiliment ta' objettivi speċifiċi akkumpanjati minn indikatur wieħed jew aktar li jistgħu jitkejlu, li huma essenzjali fit-tħejjija tal-baġit annwali; jirrikonoxxi l-organizzazzjoni ta' sessjonijiet ta' ħidma mas-servizzi kollha sabiex jiġi armonizzat l-approċċ baġitarju u jiġu skambjati l-aħjar prattiki;

9. Jiddispjaċih, madankollu, dwar iż-żieda fl-infiq ta' 11,81 % bejn l-2017 u l-2018 għall-partita tal-baġit 2022 "Tindif u manutenzjoni" li tirriżulta minn kuntratt ġdid tal-manutenzjoni tal-bini u fatturi oħra, li ma kinux stmati u li rriżultaw f'żieda ta' din il-linja baġitarja matul l-2018; jistieden lill-QĠUE tkompli bl-isforzi tagħha biex tħejji estimi tal-baġit sodi;

10. Jilqa' l-fatt li r-rata ta' implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet finali għal-laqgħat u l-konferenzi żdiedet għal 98,83 % fl-2018 (meta mqabbla mal-81,40 % fl-2017); jirrikonoxxi li din il-partita tal-baġit hija parzjalment maħsuba biex tiffinanzja żjarat uffiċjali u avvenimenti ċerimonjali li għalihom l-ippjanar baġitarju huwa inqas prevedibbli minħabba avvenimenti mhux previsti;

11. Jilqa' l-isforz tal-QĠUE biex tippubblika r-rapport tal-attività annwali tagħha fid-29 ta' April; jinnota li l-QĠUE qed tkompli tesplora, f'kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet oħra, il-possibbiltà li tmexxi l-kalendarju tagħha aktar 'il quddiem, biex l-awtorità ta' kwittanza jkollha aktar ħin biex tidħol aktar fil-fond u biex twettaq il-proċedura ta' kwittanza;

12. Jirrikonoxxi l-impenn tal-QĠUE li taħdem favur l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni proattiva tal-kawżi bi skedi ta' żmien adatti skont in-natura u l-kumplessità tal-kawżi differenti; jirrikonoxxi l-ippjanar u l-monitoraġġ bir-reqqa tal-QĠUE biex tiġi żgurata kontinwità bla xkiel tal-attività ġudizzjarja; jinnota t-tul medju tal-proċedimenti fl-2018 fil-Qorti tal-Ġustizzja ta' 15,7 xhur (meta mqabbel ma' 16,4 xhur fl-2017) u fil-Qorti Ġenerali ta' 20 xahar (meta mqabbel ma' 20,6 xhur fl-2015 u 16-il xhar fl-2017); iħeġġeġ lill-QĠUE tkompli bl-isforzi tagħha biex tqassar it-tul ta' żmien tal-proċedimenti kull fejn hu possibbli;

13. Jirrikonoxxi li l-prijoritajiet ewlenin tal-QĠUE huma li tiżgura perjodu ta' żmien raġonevoli għat-trattament tal-kawżi mressqa quddiem iż-żewġ Qrati filwaqt li fl-istess ħin iżżomm il-kwalità tad-deċiżjonijiet; jinnota li, minħabba sistema ta' kontroll rigoruża u livell għoli ta' viġilanza, kien possibbli li jinkiseb tnaqqis fil-ħin medju tal-proċedimenti matul dawn l-aħħar snin; jinnota, madankollu, li dan jitlob attenzjoni kontinwa, b'mod partikolari fil-kuntest tal-fatt li x-xogħol kulma jmur qiegħed dejjem jiżdied;

14. Jilqa' s-sodisfazzjon espress minn utenti tal-applikazzjoni e-Curia (li saret obbligatorja għall-iskambju ta' dokumenti proċedurali bejn l-avukati u l-Qorti Ġenerali sa mill-1 ta' Diċembru 2018); jinnota li l-użu ta' e-Curia ma sarx obbligatorju min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja; jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja biex issegwi l-eżempju tajjeb tal-Qorti Ġenerali u tikkunsidra l-introduzzjoni obbligatorja tal-applikazzjoni e-Curia; ifaħħar il-fatt li dan l-iżvilupp tejjeb kemm is-sigurtà kif ukoll ir-rapidità ta' skambji bħal dawn, huwa aħjar għall-ambjent (naqas l-użu ta' karti) u naqqas l-ispejjeż postali; iħeġġeġ lill-QĠUE tkompli bl-isforzi tagħha biex tikseb diġitalizzazzjoni mifruxa tal-istadji kollha tal-proċess ġudizzjarju;

15. Iqis il-fatt li aktar miżuri organizzattivi u proċedurali huma meħtieġa biex jippermettu lill-QĠUE tlaħħaq ma' ammont ta' xogħol dejjem akbar filwaqt li tibqa' tirrispetta l-objettivi tagħha; jinnota li, fis-26 ta' Marzu 2018, il-QĠUE, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 281 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għamlet talba biex temenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; jifhem li l-proċedura leġiżlattiva għadha għaddejja u jitlob lill-QĠUE tinforma lill-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit dwar l-eżitu;

16. Jinnota li l-QĠUE kellha 2 217-il post tax-xogħol fl-2018, magħmula minn 1 413-il uffiċjal (jew 64 %), 650 aġent temporanju (jew 29 %) u 154 aġent kuntrattwali (jew 7 %) (meta mqabbla ma' 2 180 kariga fl-2017);

17. Jindika li d-distribuzzjoni ta' persunal skont is-settur ta' attività għadha simili għal dik tas-snin preċedenti, b'mill-inqas 85 % tal-postijiet tax-xogħol okkupati minn membri tal-persunal li jwettqu attivitajiet legali u lingwistiċi; jinnota li r-rata ta' okkupazzjoni tal-postijiet tax-xogħol baqgħet għolja ħafna fl-2018 (97 %) minħabba l-attività ġudizzjarja sostnuta, li tinvolvi l-mili rapidu u ottimali tal-postijiet tax-xogħol battala kollha;

18. Itenni li, fil-kuntest taż-żieda kontinwa fl-għadd ta' kawżi, li allokazzjoni flessibbli tar-riżorsi, b'mod partikolari ta' "referendarji" eżistenti, tista' żżid l-effikaċja tal-QĠUE; jistieden lill-QĠUE tirrapporta dwar il-miżuri konkreti meħuda;

19. Jesprimi t-tħassib tiegħu li fl-2018 ħadmu 274 trainee mal-QĠUE u li 87 biss minnhom kienu intitolati għal stipendju ta' EUR 1 120 kull xahar; jilqa' l-fatt li l-QĠUE adottat regoli ġodda dwar it-trainees u talbet approprjazzjonijiet addizzjonali sabiex tkun tista' tiffinanzja internship għal trainees fil-kabinetti tal-membri mill-2019 'il quddiem; jinnota, madankollu, li sa issa, mhux it-traineeships kollha offruti se jiġu pprovduti b'remunerazzjoni ġusta; jagħti istruzzjonijiet (fir-rigward tal-prattiki ta' nondiskriminazzjoni u ta' remunerazzjoni ġusta) lill-QĠUE biex taċċetta malajr id-deċiżjoni li tibda tħallas it-traineeships kollha offruti; jistieden lill-QĠUE tiżgura remunerazzjoni ġusta lill-persunal kollu tagħha;

20. Jilqa' r-riforma tal-Qorti Ġenerali, li ċekknet l-għadd ta' kawżi pendenti u t-tul medju tal-proċedimenti; jinnota li fl-2018, il-Qorti Ġenerali għalqet 13 % aktar kawżi mill-2017, u naqqset l-għadd ta' kawżi pendenti bi 12 %;

21. Jilqa' l-fatt li, b'mod ġenerali, iż-żewġ qrati li jiffurmaw il-Qorti tal-Ġustizzja għalqu 1 769 kawża fl-2018, (dan huwa rekord f'termini ta' produttività) u jikkonferma tendenza ġenerali lejn żieda qawwija fl-attività ġudizzjarja matul il-perjodu 2012-2018;

22. Jindika li fl-2018, il-Qorti tal-Ġustizzja b'mod eċċezzjonali rreġistrat l-akbar għadd ta' kawżi ġodda introdotti (849), jiġifieri żieda ta' 15 % fuq l-2017; jilqa' l-għadd rekord ta' kawżi magħluqa (760), jiġifieri żieda ta' 10 % fuq is-sena preċedenti;

23. Jilqa' l-fatt li għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, il-Qorti Ġenerali għalqet aktar minn 1 000 kawża fl-2018 (1 009); jenfasizza, barra minn hekk, it-tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta' kawżi pendenti, 12 % meta mqabbel mal-2017 (1 333 kawża pendenti fil-31 ta' Diċembru 2018 meta mqabbel ma' 1 505 is-sena ta' qabel).

24. Jinnota żieda kostanti fl-għadd ta' nisa f'pożizzjonijiet maniġerjali: 37,7 % fl-2018, 35 % fl-2016 u 30 % fl-2013; jinnota li hemm 27 mara fil-maniġment (21 fil-maniġment intermedju u 6 fil-maniġment ogħla) meta mqabbla ma' 45 raġel fil-maniġment fl-2018; jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-QĠUE biex issaħħaħ il-politika tagħha dwar l-opportunitajiet indaqs u d-diversità billi tistabbilixxi entità speċjali li tintroduċi u ssegwi programmi, miżuri u laqgħat ta' sensibilizzazzjoni konkreti; jistieden lill-QĠUE tkompli bl-isforzi tagħha;

25. Jinnota, madankollu, li għad hemm żbilanċ fl-għadd ta' nisa fost l-imħallfin, kemm fil-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll fil-Qorti Ġenerali; iħeġġeġ għal darb'oħra lill-Membri tal-Kunsill jirrimedjaw din is-sitwazzjoni billi jippromwovu b'mod attiv il-parità bejn is-sessi fil-ħatra tal-imħallfin, f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mal-impenji meħuda fl-ambitu tar-Regolamenti (UE, Euratom) 2015/2422 u (UE, Euratom) 2019/629;

26. Itenni li l-bilanċ ġeografiku tal-persunal, b'mod partikolari fil-pożizzjonijiet maniġerjali, għandu jiġi mmonitorjat mill-qrib; jinnota li 15 biss minn 57 Kap ta' Unità tal-QĠUE, u 2 biss mit-13-il Direttur tagħha huma minn Stati Membri li ssieħbu fl-Unjoni f'Mejju 2004; jinkoraġġixxi għal darba oħra lill-QĠUE tiżviluppa politika biex ittejjeb il-bilanċ ġeografiku u tirrapporta lura għand l-awtorità ta' kwittanza;

27. Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-QĠUE li tippromwovi miżuri ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata bħall-adozzjoni ta' deċiżjoni li tippermetti t-telexogħol okkażjonali flimkien mal-arranġamenti strutturali tat-telexogħol; jinnota wkoll il-kisbiet fi ħdan l-IT biex jitjieb l-aċċess remot għall-applikazzjonijiet għax-xogħol; barra minn hekk, jinnota b'sodisfazzjon l-isforzi biex tiġi protetta s-saħħa psikoloġoka tal-persunal billi jiġi pprovdut l-appoġġ ta' psikologu, li jaħdem fuq bażi part-time;

28. Jesprimi tħassib dwar l-għadd ta' każijiet ta' eżawriment fil-QĠUE (12 fl-2017 u 12 fl-2018); għalhekk jitlob lill-QĠUE tivvaluta jekk l-ammont tax-xogħol hux imqassam b'mod proporzjonali fost it-timijiet differenti u l-membri tal-persunal;

29. Jistieden lill-QĠUE tippubblika fuq bażi annwali tabella b'data dettaljata dwar il-ftehimiet ta' kooperazzjoni interistituzzjonali tagħhom rigward it-tariffi, is-servizzi u kwistjonijiet relatati; itenni l-importanza tal-kooperazzjoni interistituzzjonali permezz ta' ftehimiet dwar il-livell ta' servizz għal oqsma differenti, bħar-riżorsi umani, is-sigurtà u l-IT; jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet tas-servizz tal-awditjar intern biex jiżdied l-iskambju ta' prattiki tajba ma' istituzzjonijiet oħra u jiġu esplorati l-possibbiltajiet ta' kooperazzjoni msaħħa għat-tħejjija tal-kuntratti u l-ġestjoni tal-kuntratti, bħal fi kwistjonijiet tal-IT; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' informazzjoni mogħtija b'rispons għall-mistoqsija tal-Parlament dwar il-kooperazzjoni tal-QĠUE mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi; iħeġġeġ lill-QĠUE tfittex modi biex iżżid il-kooperazzjoni tagħha mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi;

30. Josserva li l-QĠUE aġġornat l-operazzjonijiet tagħha tal-ipproċessar tad-data wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2018/1725[7]; jinnota b'apprezzament li nħolqot proċedura speċifika biex tirrapporta każijiet ta' ksur ta' data;

31. Jilqa' l-isforzi tal-QĠUE biex ittejjeb iċ-ċibersigurtà tal-istituzzjoni; jinnota li l-attivitajiet ġew ikkoordinati mal-Iskwadra ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji Ewropej (CERT-EU) u mas-sottogrupp dwar is-sigurtà tal-Kumitat Interistituzzjonali għall-Informatika (CII); 

32. Jilqa' l-awditjar intern dwar il-funzjonament xieraq tal-għażla tal-persunal u l-proċeduri ta' reklutaġġ biex jiġu identifikati s-sinerġiji u s-simplifikazzjoni tal-opportunitajiet sabiex dawn isiru aktar effettivi; jinnota li pjan ta' azzjoni nbeda fl-2016 u tlesta fl-2018 b'miżuri bħal manwal ġdid ta' reklutaġġ, moduli ġodda u aġġornati għas-sistema ta' informazzjoni tal-ġestjoni tar-riżorsi umani, simplifikazzjoni taċ-ċirkwiti amministrattivi u simplifikazzjoni tal-abbozzar tal-avviżi ta' postijiet vakanti; jinnota l-miżuri meħuda biex titjieb l-attraenza tal-QĠUE u tas-sit tal-Lussemburgu f'kuntest interistituzzjonali;

33. Jenfasizza s-segwitu tal-awditur intern biex jevalwa jekk l-azzjoni meħuda mid-dipartimenti awditjati hijiex xierqa, effettiva u f'waqtha u biex jidentifika u jirreġistra titjib li jkun sar; jinnota b'sodisfazzjon li l-awditi kollha mwettqa ngħalqu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe eżami addizzjonali;

34. Jinnota l-istrateġija kontra l-frodi tal-QĠUE fil-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali li tista' tkun ta' detriment għall-interessi tal-Unjoni; jinnota li din l-istrateġija hija msejsa fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Finanzjarju u tar-Regolament tal-Persunal, issupplimentati minn sensiela ta' deċiżjonijiet u regoli interni; jirrikonoxxi li l-istrateġija hija parti integrali tal-politika ta' ġestjoni tar-riskju tal-QĠUE fil-qafas tas-sistema ta' kontroll intern;

35. Jirrikonoxxi s-sistema ta' ġestjoni ambjentali tal-QĠUE bbażata fuq ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009[8]; jinnota li l-QĠUE tejbet il-prestazzjoni ambjentali tagħha fl-2018 meta mqabbla mas-sena bażi 2015 kif ġej: tnaqqis tal-konsum tal-karta ta' 15,5 %, tnaqqis tal-konsum tal-elettriku ta' 8,3 % u żieda ta' 52,9 % fl-għadd ta' vidjokonferenzi; jilqa' diversi proġetti addizzjonali, bħat-tnaqqis fl-użu tal-plastik li jintuża darba biss, it-tnaqqis fl-għadd ta' printers individwali u dawk parteċipanti, flimkien mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni bbażati fil-Lussemburgu, fis-sistema "vel'OH" ta' roti għad-dispożizzjoni tal-pubbliku;

36. Jilqa' l-impenn tal-QĠUE li tirrispetta bis-sħiħ l-iskeda ta' żmien u l-baġit għall-ħidma tal-ħames estensjoni (il-kostruzzjoni tat-tielet torri li joffri 50 000 m2 addizzjonali) tal-bini tal-QĠUE, li jagħmilha possibbli li l-persunal kollu tal-QĠUE jinġabar f'sit wieħed; jinnota x-xogħlijiet ta' titjib tal-miżuri ta' sigurtà u jilqa' l-fatt li l-bini tal-QĠUE huwa mfassal biex jiżgura aċċess faċli għall-persuni b'diżabbiltà;

37. Jilqa' l-fatt li se jinkiseb iffrankar ta' madwar EUR 100 miljun matul il-perjodu ta' deprezzament ta' 25 sena għal dik il-ħames estensjoni, meta mqabbel mal-kontinwazzjoni ta' politika ta' kiri, li juri b'mod ċar il-valur tal-politika magħżula ta' xiri tal-bini; jissottolinja l-eżitu tar-rapport speċjali Nru 34/2018 tal-Qorti tal-Awdituri dwar uffiċini tal-istituzzjonijiet tal-UE, li fih għamlet sejbiet pożittivi ħafna rigward l-effiċjenza tal-politika tal-bini tal-QĠUE;

38. Jinnota b'interess li fl-2017, il-kumitat tal-persunal tal-QĠUE organizza stħarriġ dwar "Spazju Miftuħ" u ppreżenta s-sejbiet tiegħu lid-diretturi ġenerali fit-30 ta' Jannar 2018; jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-QĠUE għall-ħolqien ta' grupp ta' ħidma li jinkludi d-direttur tal-bini u s-sigurtà, il-president tal-kumitat tal-persunal u membri tal-persunal li jaħdmu fi spazji miftuħa; jinnota li, b'segwitu għar-rakkomandazzjonijiet ta' dan il-grupp, id-Direttorat tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni kkonverta parti mill-ispazju tal-uffiċċji tiegħu f'uffiċċji individwali; jistieden lill-QĠUE tikkondividi din l-esperjenza ma' istituzzjonijiet oħra u mal-Kummissjoni b'mod partikolari;

39. Jifraħ lill-QĠUE talli ġiet inkluża mill-Ombudsman Ewropew bħala waħda mit-tliet finalisti għall-Premju għall-Amministrazzjoni Tajba (fil-kategorija tal-"eċċellenza permezz tal-kollaborazzjoni") fir-rigward tal-ħolqien tan-Netwerk Ġudizzjarju tal-Unjoni Ewropea, li jkopri l-qrati kostituzzjonali u l-qrati supremi tal-Istati Membri; jaqbel li f'termini ta' trasparenza u kooperazzjoni, it-tnedija tal-pjattaforma sigura f'Jannar 2018 (fejn dokumenti mhux żvelati preċedentement issa huma disponibbli għall-qrati parteċipanti) huwa pass importanti fid-direzzjoni t-tajba;

40. Jinnota s-sit web tal-QĠUE mfassal mill-ġdid f'Ġunju 2018 u l-passi u x-xogħlijiet importanti li saru sabiex tissaħħaħ, tiċċara u tiġi ssimplifikata l-informazzjoni mogħtija lill-pubbliku; jilqa' b'sodisfazzjon prodott ġdid fuq is-sit web imsejjaħ "skedi informattivi" li għandu l-għan li jippreżenta ħarsa ġenerali tal-ġurisprudenza ta' referenza f'qasam speċifiku tad-dritt tal-Unjoni fil-lingwi uffiċjali kollha; jinnota li stħarriġ reċenti wera livell għoli ħafna ta' sodisfazzjon tal-utenti: 80 % tal-utenti jagħtu klassifikazzjoni ta' bejn 4 u 5 minn 5;

41. Jilqa' l-istrateġija ta' komunikazzjoni tal-QĠUE li tfittex li tressaq lill-QĠUE eqreb lejn iċ-ċittadini; jirrikonoxxi l-baġit li qed jevolvi tal-komunikazzjoni tal-QĠUE, li kien jammonta għal EUR 429 000 fl-2018 (meta mqabbel ma' EUR 330 500 fl-2013); jinnota l-films animati qosra disponibbli fi 23 lingwa uffiċjali fuq il-kanal YouTube tal-QĠUE (segwit minn  82 800 spettatur fl-2018), il-preżenza tagħha fuq Twitter b'aktar minn 74 000 persuna jsegwuha (meta mqabbel ma' 42 000 fl-2017), l-avvenimenti ta' sensibilizzazzjoni tagħha, inklużi seminars għall-ġurnalisti u l-jiem għall-pubbliku tagħha;

42. Iħeġġeġ lill-Qorti xxandar is-seduti ta' smigħ pubbliċi tagħha u tagħmel ir-recordings tagħhom aċċessibbli online; iqis li dan it-titjib fit-trasparenza jkun konformi mal-Artikolu 15 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u jkun ta' benefiċċju għal dawk kollha li jaħdmu jew jistudjaw fil-qasam ġuridiku fl-Unjoni;

43. Jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħolqien tan-Netwerk Ġudizzjarju tal-Unjoni Ewropea, inklużi l-Qrati Kostituzzjonali u Supremi tal-Istati Membri, li huwa kkoordinat mill-QĠUE;

44. Jilqa' l-fatt li lista tal-missjonijiet (rappreżentazzjoni tal-Qorti f'ċerimonja jew avveniment uffiċjali) imwettqa minn membri, f'konformità mal-kodiċi ta' kondotta rivedut tal-QĠUE, hija ppubblikata fuq is-sit web tal-QĠUE u fiha informazzjoni bħall-isem tal-membru u l-fini, il-post u l-organizzatur tal-avveniment; jistieden lill-QĠUE tippubblika wkoll l-ispejjeż relatati, bħalma jsir mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-QĠUE biex tippubblika informazzjoni aktar dettaljata dwar l-attivitajiet esterni tal-membri, inklużi l-fini, id-data, il-posta u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u ta' sussistenza tal-avvenimenti elenkati, u jekk tħallsux mill-QĠUE jew minn parti terza;

45. Jilqa' l-fatt li l-membri tal-QĠUE huma suġġetti għal kodiċi ta' kondotta li jirregola l-indipendenza, l-imparzjalità, l-integrità, l-impenn, il-kolleġjalità, ir-responsabbiltajiet u l-obbligi tagħhom; jinnota li l-QĠUE tqis id-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji tal-membri tagħha bħala mezz intern biex tiżgura l-imparzjalità u l-indipendenza; jistieden lill-QĠUE tikkunsidra li tippubblikahom, fl-interess tal-iskrutinju pubbliku;

46. Jinnota li d-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji huma neċessarjament ta' natura awtodikjaratorja u minħabba l-qafas legali attwali, il-QĠUE m'għandha l-ebda setgħa investigattiva biex tiżgura l-veraċità u l-eżawrjenza tad-data ddikjarata; jistieden lill-QĠUE ttejjeb is-sistema f'kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni;

47. Itenni t-talba tiegħu lill-QĠUE biex tippubblika s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri kollha tagħha fuq is-sit web tagħha; jinnota li fuq is-sit web hemm ippubblikati bijografiji qosra ta' kull membru, madankollu dawn ma fihomx informazzjoni dwar sħubija ma' xi organizzazzjoni oħra; jinnota li l-membri huma meħtieġa jippreżentaw dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji tagħhom lill-President tal-QĠUE li huma membri tagħha meta jieħdu l-kariga, skont il-Kodiċi ta' Kondotta l-ġdida għall-membri; jistieden lill-QĠUE tippubblika dawk id-dikjarazzjonijiet fuq is-sit web tagħha;

48. Jirrikonoxxi l-proċeduri interni biex jiġi verifikat, qabel ma kawża tingħata lil membru, fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni msemmija aktar 'il fuq, jekk dak il-membru għandux interess finanzjarju fil-kawża; jinnota li l-membri jikkuntattjaw lill-President tal-QĠUE kull meta tqum kwistjoni relatata mal-interpretazzjoni tal-kodiċi ta' kondotta u li l-kumitat konsultattiv jitlaqqa' biss f'każijiet eċċezzjonali, pereżempju meta jkun tressaq ilment kontra membru; jitlob lill-QĠUE tinforma lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament kemm hu sod dan il-mekkaniżmu;

49. Jiddispjaċih li ma rċeviex informazzjoni dwar il-progress miksub rigward proċeduri interni dwar "bibien iduru" għall-membri anzjani tal-persunal; ifakkar lill-QĠUE dwar l-inizjattiva strateġika mwettqa mill-Ombudsman Ewropew fl-2018 dwar kif għandhom jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal dwar "ċaqliq b'bibien iduru" tal-membri anzjani tal-persunal; jistieden lill-QĠUE tistabbilixxi u tippubblika malajr obbligi stretti f'dan ir-rigward;

50. Jieħu nota tal-proċedura relatata mad-dikjarazzjoni ta' qabel ir-reklutaġġ dwar in-nuqqas ta' kunflitti ta' interessi għall-membri ġodda tal-persunal; jinnota wkoll li l-proċess ta' reklutaġġ ġie modifikat biex jiġi żgurat li dikjarazzjonijiet bħal dawn jiġu vvalutati u, jekk ikun meħtieġ, jiġu proposti miżuri partikolari lill-awtorità tal-ħatra; jinnota wkoll li l-QĠUE qed taħdem fuq regoli li jirregolaw l-eżerċizzju ta' attivitajiet esterni mill-persunal; jistieden lill-QĠUE tirrapporta dwar dan lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament;

51. Jirrikonoxxi l-proċeduri u r-regoli interni tal-QĠUE għall-prevenzjoni ta' kull forma ta' fastidju fuq il-post tax-xogħol, li huma ppubblikati fuq is-sit web tagħha; jilqa' l-informazzjoni kondiviża dwar kif tinbeda proċedura formali jew informali f'każ ta' mġiba mhux xierqa;

52. Jifraħ lin-netwerk interistituzzjonali tal-counsellors (li jinvolvi l-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni li jinsabu fil-Lussemburgu u li twaqqaf sabiex isir skambju tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-prevenzjoni tal-fastidju u tal-konsulenza); jilqa' t-taħriġ intensiv mogħti lill-counsellors tal-QĠUE;

53. Jiddeplora l-fatt li ma ġiex infurmat mill-QĠUE dwar kwalunkwe pjan biex tissaħħaħ is-sistema ta' kontroll relatata mal-użu ta' karozzi uffiċjali; jenfasizza li x-xufiera għandhom jakkumpanjaw il-membri tagħhom f'pajjiżhom biss f'każijiet eċċezzjonali u ġustifikati; iħeġġeġ lill-QĠUE biex tadotta miżuri rapidament biex jiġu evitati sitwazzjonijiet li fihom ix-xufiera jmorru fil-pajjiżi tal-membri mingħajr ma jkollhom il-membru abbord; jissottolinja r-riskji kbar - etiċi u għar-reputazzjoni tal-QĠUE - li jistgħu joħolqu dawn il-prattiki; jistieden lill-QĠUE tirrapporta lura għand l-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress miksub f'dan ir-rigward sa Ġunju 2020;

54. Jinnota li aktar minn 40 % tal-ammont ta' xogħol ta' traduzzjoni ġie esternalizzat, u li l-ispiża ta' paġna tradotta esternalizzata fl-2018 tammonta għal EUR 103,10 (meta mqabbla ma' EUR 111,30 fl-2017); jinnota li l-ispiża ta' paġna tradotta internament fl-2018 ammontat għal EUR 128,07 (meta mqabbla ma' EUR 136,70 fl-2017); jinnota li l-ispiża interna tinkludi s-sottospejjeż kollha meħtieġa, bħalma huma l-IT, l-ispazju għall-uffiċċji u elementi oħra simili; jinnota li bil-kundizzjonijiet attwali, il-QĠUE ma tqisx li żieda ulterjuri fir-rata ta' esternalizzazzjoni hija rakkomandabbli; ifakkar, madankollu, li minħabba n-natura sensittiva tal-informazzjoni trattata minn din l-istituzzjoni, parti mill-ammont tax-xogħol ta' traduzzjoni għandha madankollu tibqa' ssir internament; jitlob lill-QĠUE tispjega lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament ir-raġunament għal dan il-ħsieb;

55. Jirrikonoxxi li l-persunal mir-Renju Unit ġie infurmat li l-awtorità tal-ħatra m'għandhiex l-intenzjoni li tirrikjedi r-riżenja obbligatorja tal-uffiċjali li ma għadhomx ċittadini ta' Stat Membru wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni; jinnota li, bl-istess mod, aġenti temporanji u kuntrattwali mir-Renju Unit ġew infurmati li se ssir valutazzjoni fl-interess tas-servizz fuq bażi ta' każ b'każ;

56. Jenfasizza l-ħidma kollha li nkisbet fl-aħħar snin f'oqsma bħall-ibbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni, il-qafas etiku bir-regoli u l-proċeduri kollha relatati tiegħu, l-attivitajiet ta' komunikazzjoni msaħħa u l-ammont dejjem jiżdied ta' miżuri biex titjieb it-trasparenza; jilqa' l-ammont importanti ta' ftehimiet interistituzzjonali dwar is-servizzi u l-kooperazzjoni; jissottolinja l-importanza tal-kollaborazzjoni u l-kondiviżjoni tal-esperjenza fost l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni; jissuġġerixxi li tiġi analizzata l-possibbiltà ta' attivitajiet formalizzati ta' netwerking f'oqsma differenti sabiex jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki u jiġu żviluppati soluzzjonijiet komuni.


 

 

 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI (9.1.2020)

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima IV - Il-Qorti tal-Ġustizzja

(2019/2058(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Gilles Lebreton

 

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1. Jinnota l-fatt li l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2018 tirrappreżenta rata għolja ħafna ta' użu ta' approprjazzjonijiet finali (99,18 %), ogħla mir-rata tal-2017 (98,69 %);

2. Jinnota li l-baġit tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa purament amministrattiv: madwar 75 % minnu jintuża għall-persunal tal-istituzzjoni u l-kumplament jintuża għall-bini, l-għamara, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u spejjeż operattivi varji;

3. Jenfasizza li d-distribuzzjoni tal-persunal skont is-settur ta' attività għadha simili għal dik tas-snin preċedenti; mill-inqas 85 % tal-postijiet tax-xogħol huma ġudizzjarji u lingwistiċi; jinnota li r-rata ta' okkupazzjoni tal-postijiet tax-xogħol baqgħet għolja ħafna fl-2018 (97 %) minħabba l-attività ġudizzjarja sostnuta li tinvolvi l-mili rapidu u b'mod ottimali tal-postijiet tax-xogħol battala kollha;

4. Jenfasizza l-effikaċja tal-politika dwar il-bini tal-Qorti tal-Ġustizzja; fir-Rapport Speċjali Nru 34/2018 dwar "Ġestjoni tal-ispazju għal uffiċċji tal-istituzzjonijiet tal-UE: ċerti prattiki huma tajbin iżda jeżistu wkoll diversi dgħufijiet", il-Qorti tal-Awdituri nnutat ir-riżultati eċċellenti miksuba mill-istituzzjoni, li rrispettat il-baġit u l-kalendarju tat-tliet proġetti l-kbar ta' bini tagħha[9];

5. Jenfasizza li fir-rapport annwali tagħha għall-2018, il-Qorti tal-Awdituri m'għamlet l-ebda kumment dwar il-Qorti tal-Ġustizzja, kif huwa l-każ mill-2010;

6. Jilqa' l-fatt li t-tul medju ta' proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja naqas fl-2018 (15,7-il xahar, meta mqabbel ma' 16,4-il xahar fl-2017), iżda jinsab imħasseb, fir-rigward tal-Qorti Ġenerali, li t-tul medju ta' proċedimenti żdied b'mod sinifikanti (20 xahar meta mqabbel ma' 16,3-il xahar fl-2017), għalkemm dan jista' jkun parzjalment spjegat mill-fatt li fl-2018 ġew konklużi diversi kawżi li jittrattaw il-kompetizzjoni, li l-volum u l-kumplessità tagħhom kienu konsiderevoli; jenfasizza, madankollu, li fil-kawżi li jittrattaw il-proprjetà intellettwali, it-tul medju tal-proċedimenti naqas; it-tul ta' żmien tal-kawżi konklużi b'sentenza issa jammonta għal 18,8-il xahar jew 13,5-il xahar, skont is-seduti ta' smigħ;

7. Jilqa' l-fatt li, b'mod ġenerali, iż-żewġ qrati li jiffurmaw il-Qorti tal-Ġustizzja għalqu 1 769 kawża fl-2018, u dan jirrappreżenta produttività rekord u jikkonferma tendenza ġenerali lejn żieda qawwija fl-attività ġudizzjarja matul il-perjodu 2012-2018;

8. Jenfasizza li fl-2018, il-Qorti tal-Ġustizzja b'mod eċċezzjonali rreġistrat l-akbar għadd ta' kawżi ġodda introdotti f'sena waħda (849), jiġifieri żieda ta' 15 % fuq l-2017; jilqa' l-għadd rekord ta' kawżi magħluqa (760), jiġifieri żieda ta' 10 % fuq is-sena preċedenti;

9. Jilqa' l-fatt li għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, il-Qorti Ġenerali għalqet aktar minn 1 000 kawża fl-2018 (1 009); jenfasizza, barra minn hekk, it-tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta' kawżi pendenti, 12 % meta mqabbel mal-2017 (1 333 kawża pendenti fil-31 ta' Diċembru 2018 meta mqabbel mal-1 505 is-sena ta' qabel).

10. Jilqa' ż-żieda kostanti fl-għadd ta' talbiet għal aċċess għall-applikazzjoni "e-Curia" (għadd ta' kontijiet ta' aċċess: 4 865 fl-2018, meta mqabbel ma' 4 354 fl-2017) u l-użu tagħha, mill-2016, mill-Istati Membri kollha, li juri li l-pubbliku huwa aktar konxju mill-eżistenza, l-effikaċja, l-ħeffa u l-benefiċċji ta' din l-applikazzjoni; jilqa' l-fatt li fil-Qorti Ġenerali, e-Curia saret l-uniku mezz ta' skambju ta' dokumenti ġudizzjarji bejn ir-rappreżentanti tal-partijiet u l-Qorti Ġenerali, mill-1 ta' Diċembru 2018;

11. Jilqa' l-fatt li, f'konformità mal-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri fir-Rapport Speċjali tagħha Nru 14/2017, diġà bdiet il-ħidma preliminari fuq l-implimentazzjoni ta' sistema integrata għalkollox tal-ġestjoni tal-kawżi, sabiex jitnaqqas b'mod konsiderevoli l-għadd ta' għodod tal-IT użati mill-Qorti tal-Ġustizzja biex jiġu ġestiti l-attivitajiet ġudizzjarji; jenfasizza li sistema bħal din se tikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex titjieb l-effikaċja tal-ġestjoni tal-kawżi mill-Qorti tal-Ġustizzja;

12. Iħeġġeġ lill-Qorti xxandar is-seduti ta' smigħ pubbliċi tagħha u tagħmel ir-recordings tagħhom aċċessibbli online; iqis li dan it-titjib fit-trasparenza jkun konformi mal-Artikolu 15 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u jkun ta' benefiċċju għal dawk kollha li jaħdmu jew jistudjaw fil-qasam ġuridiku fl-Unjoni;

13. Jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħolqien tan-Netwerk Ġudizzjarju tal-Unjoni Ewropea, inklużi l-Qrati Kostituzzjonali u Supremi tal-Istati Membri, li huwa kkoordinat mill-Qorti tal-Ġustizzja;

14. Jieħu nota tar-riorganizzazzjoni interna fl-2018 tal-istrutturi amministrattivi tal-istituzzjoni, li issa tinkludi tliet Direttorati Ġenerali flok erbgħa: id-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni, id-Direttorat Ġenerali għall-Multilingwiżmu u d-Direttorat Ġenerali għall-Informazzjoni; id-Direttorat għar-Riċerka u d-Dokumentazzjoni huwa marbut direttament mas-Segretarjat tal-Qorti tal-Ġustizzja; l-għan huwa li jinħolqu sinerġiji sinifikanti u li s-servizzi tal-Qorti jiġu adatti aħjar għar-rekwiżiti tal-attività ġudizzjarja tagħha;

15. Jinnota li l-perċentwal ta' nisa f'pożizzjonijiet maniġerjali, jiġifieri, skont ir-rapport annwali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-2018, 37,5 % fl-2018, 36 % fl-2017 u 35 % fl-2016, kompla jagħmel ftit progress; jinnota, madankollu, li għad hemm żbilanċ fl-għadd ta' nisa fil-livell tal-imħallfin, kemm fil-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll fil-Qorti Ġenerali; jistieden għal darb'oħra lill-membri tal-Kunsill biex jirrimedjaw din is-sitwazzjoni billi jippromwovu b'mod attiv l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-ħatra tal-imħallfin, f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mal-impenji meħuda fl-ambitu tar-Regolamenti (UE, Euratom) 2015/2422 u (UE, Euratom) 2019/629;


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

9.1.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

13

0

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Patrick Breyer, Geoffroy Didier, Angel Dzhambazki, Ibán García Del Blanco, Esteban González Pons, Jackie Jones, Mislav Kolakušić, Gilles Lebreton, Karen Melchior, Lucy Nethsingha, Sabrina Pignedoli, Jiří Pospíšil, Franco Roberti, Liesje Schreinemacher, Raffaele Stancanelli, Axel Voss, Marion Walsmann

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Gunnar Beck, Evelyne Gebhardt, Marie Toussaint, Bettina Vollath

Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

Edina Tóth

 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

13

+

ECR

Angel Dzhambazki, Raffaele Stancanelli

ID

Gunnar Beck, Gilles Lebreton

NI

Sabrina Pignedoli

PPE

Geoffroy Didier, Esteban González Pons, Jiří Pospíšil, Edina Tóth, Axel Voss, Marion Walsmann

VERTS/ALE

Patrick Breyer, Marie Toussaint

 

0

-

 

 

 

4

0

NI

Mislav Kolakušić

RENEW

Karen Melchior, Lucy Nethsingha, Liesje Schreinemacher

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjonijiet

 

 


 

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

19.2.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Matteo Adinolfi, Olivier Chastel, Caterina Chinnici, Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Luke Ming Flanagan, Isabel García Muñoz, Cristian Ghinea, Monika Hohlmeier, Jean-François Jalkh, Joachim Kuhs, Tsvetelina Penkova, Sabrina Pignedoli, Michèle Rivasi, Nico Semsrott, Angelika Winzig, Lara Wolters, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Grapini, David Lega, Marian-Jean Marinescu, Mikuláš Peksa, Ramona Strugariu

Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

József Szájer

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

22

+

GUE/NGL

Luke Ming Flanagan

ID

Matteo Adinolfi

NI

Sabrina Pignedoli

PPE

Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Monika Hohlmeier, David Lega, Marian-Jean Marinescu, József Szájer, Angelika Winzig, Tomáš Zdechovský

RENEW

Olivier Chastel, Cristian Ghinea, Ramona Strugariu

S&D

Caterina Chinnici, Isabel García Muñoz, Maria Grapini, Tsvetelina Penkova, Lara Wolters

VERTS/ALE

Mikuláš Peksa, Michèle Rivasi, Nico Semsrott

 

2

-

ID

Jean-François Jalkh, Joachim Kuhs

 

0

0

 

 

 

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' April 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza