Proċedura : 2019/2154(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0036/2020

Testi mressqa :

A9-0036/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2020)0132

<Date>{02/03/2020}2.3.2020</Date>
<NoDocSe>A9-0036/2020</NoDocSe>
PDF 158kWORD 45k

<TitreType>RAPPORT</TitreType>

<Titre>dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Gunnar Beck</Titre>

<DocRef>(2019/2154(IMM))</DocRef>


<Commission>{JURI}Kumitat għall-Affarijiet Legali</Commission>

Rapporteur: <Depute>Andrzej Halicki</Depute>

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Gunnar Beck

(2019/2154(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Gunnar Beck, imressqa fid-29 ta' Ottubru 2019 mill-Ministeru Federali Ġermaniż tal-Ġustizzja u l-Protezzjoni tal-Konsumatur b'rabta mal-Proċedura Nru 80 AR 137/19 u mħabbra fis-seduta plenarja fil-25 ta' Novembru 2019,

 wara li sema' lil Gunnar Beck, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

 wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011, fis-17 ta' Jannar 2013 u fit-30 ta' April 2019[1],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 46 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0036/2020),

A. billi l-Kap Prosekutur Pubbliku ta' Düsseldorf talab it-tneħħija tal-immunità ta' Gunnar Beck, Membru tal-Parlament Ewropew, b'rabta ma' investigazzjoni possibbli dwar l-allegat użu ħażin ta' titli, li huwa reat stabbilit u punibbli fis-sens tal-Artikolu 132a(1)(1) tal-Kodiċi Kriminali Ġermaniż;

B. billi l-investigazzjoni ma tirrigwardax opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minn Gunnar Beck fil-qadi ta' dmirijietu, skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

C. billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew, igawdu fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' dak l-istat;

D. billi fuq il-karta tal-vot għall-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Mejju 2019, Gunnar Beck ġie elenkat bħala "Prof. Dr Gunnar Beck, Hochschuldozent [lekċerer universitarju], Barrister-at-Law für EU-Recht [speċjalizzat fid-Dritt tal-UE], Neuss (NW)"; billi fl-1996 Gunnar Beck ingħata Dottorat fil-Filosofija f'Oxford, il-Gran Brittanja, filwaqt li fil-Ġermanja la kiseb it-titlu ta' professur u lanqas ta' dottore; billi qabel is-sessjoni parzjali kostituttiva tal-Parlament Ewropew, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta' Düsseldorf nieda investigazzjoni fuq il-bażi ta' rapporti fl-istampa u lmenti kriminali dwar l-allegat użu ħażin ta' titlu fis-sens tal-Artikolu 132a (1)(1) tal-Kodiċi Kriminali Ġermaniż; billi ftit żmien wara l-5 ta' Lulju 2019 u probabbilment fid-9 ta' Lulju 2019, l-investigazzjoni ġiet sospiża insegwitu tal-elezzjoni ta' Gunnar Beck fil-Parlament Ewropew; billi fl-4 ta' Settembru 2019, il-Kap Prosekutur Pubbliku ta' Düsseldorf ressaq talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Gunnar Beck lill-Ministeru Federali Ġermaniż għall-Ġustizzja u l-Protezzjoni tal-Konsumatur bil-ħsieb li terġa' tinbeda l-investigazzjoni dwar l-allegat użu ħażin ta' titlu fis-sens tal-Artikolu 132a(1)(1) tal-Kodiċi Kriminali Ġermaniż;

E. billi skont l-Artikolu 9(8) tar-Regoli ta' Proċedura, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali "fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas m'għandu jippronunzja ruħu dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lill-Membru jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jeżamina t-talba, il-kumitat jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ";

F. billi skont l-Artikolu 5(2) tar-Regoli ta' Proċedura, l-immunità parlamentari mhix privileġġ personali ta' Membru imma hija garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu;

G. billi l-iskop tal-immunità parlamentari huwa li l-Parlament u l-Membri tiegħu jiġu protetti minn proċedimenti ġudizzjarji fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari u li ma jistgħux jiġu separati minn dawk id-dmirijiet;

H. billi f'dan il-każ, il-Parlament ma sab l-ebda evidenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri elementi fattwali li jindikaw li l-intenzjoni sottostanti tal-proċedimenti legali tista' tkun li ssir ħsara lill-attività politika ta' Membru, u b'hekk lill-Parlament Ewropew;

1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Gunnar Beck;

2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet Ġermaniżi u lil Gunnar Beck.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

18.2.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

15

6

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Ibán García Del Blanco, Esteban González Pons, Mislav Kolakušić, Gilles Lebreton, Karen Melchior, Marcos Ros Sempere, Liesje Schreinemacher, Stéphane Séjourné, Raffaele Stancanelli, Marie Toussaint, Adrián Vázquez Lázara, Axel Voss, Marion Walsmann, Tiemo Wölken, Lara Wolters, Javier Zarzalejos

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Caterina Chinnici, Andrzej Halicki, Kosma Złotowski

Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

Tom Vandendriessche, Bernhard Zimniok

 

 

[1] Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI:EU:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta' April 2019, Briois vs il-Parlament, T-214/18, ECLI:EU:T:2019:266;

Aġġornata l-aħħar: 5 ta' Marzu 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza