Proċedura : 2019/2057(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0038/2020

Testi mressqa :

A9-0038/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2020)0090

<Date>{02/03/2020}2.3.2020</Date>
<NoDocSe>A9-0038/2020</NoDocSe>
PDF 211kWORD 73k

<TitreType>RAPPORT</TitreType>

<Titre>dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill</Titre>

<DocRef>(2019/2057(DEC))</DocRef>


<Commission>{CONT}Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit</Commission>

Rapporteur: <Depute>Tomáš Zdechovský</Depute>

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET KOSTITUZZJONALI
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill

(2019/2057(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018[1],

 wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018 (COM(2019)0316 – C9-0052/2019)[2],

 wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kunsill għall-awtorità ta' kwittanza dwar il-verifiki interni mwettqa fis-sena 2018,

 wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2018, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet[3],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[4] dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità li fuqhom huma bbażati l-kontijiet, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2018 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[5], u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012[6], u b'mod partikolari l-Artikoli 59, 118, 260, 261 u 262 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0038/2020),

1. Jiddifferixxi d-deċiżjoni tiegħu dwar l-għoti ta' kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill għas-sena finanzjarja 2018;

2. Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

 


 

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill

(2019/2057(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill,

 wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Ombudsman Ewropew fil-każ 1069/2019/MIG dwar l-isponsorship tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Ombudsman Ewropew fl-inkjesta strateġika OI/2/2017/TE dwar it-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv tal-Kunsill,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2019 dwar l-inkjesta strateġika OI/2/2017 tal-Ombudsman Ewropew dwar it-trasparenza tad-diskussjonijiet leġiżlattivi fil-korpi preparatorji tal-Kunsill tal-UE[7],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0038/2020),

A. billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità tal-kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ aktar il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni billi jittejbu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u jiġi implimentat il-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

1. Jinnota b'sodisfazzjon li fir-rapport annwali tagħha għall-2018, il-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti") ma identifikat l-ebda dgħufija sinifikanti rigward is-suġġetti awditjati b'rabta mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Kunsill Ewropew u l-Kunsill;

2. Jinnota l-konklużjoni tal-Qorti li l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2018 għan-nefqa amministrattiva tal-Kunsill kienu ħielsa minn żbalji materjali u li s-sistemi ta' superviżjoni u kontroll eżaminati kienu effikaċi;

3. Jiddispjaċih, bħala osservazzjoni ġenerali, li l-Kapitolu 10, "Amministrazzjoni", tar-Rapport Annwali 2018 tal-Qorti għandu kamp ta' applikazzjoni u konklużjonijiet pjuttost limitati, minkejja l-fatt li l-Intestatura 5, "Amministrazzjoni", tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali titqies ta' riskju baxx;

4. Jinnota li l-Qorti għażlet kampjun ta' 45 tranżazzjoni li jikkorrispondu għall-Intestatura 5 "Amministrazzjoni" tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Unjoni; jinnota li l-kampjun tfassal biex ikun rappreżentattiv tal-firxa ta' nfiq fl-ambitu tal-Intestatura 5, li tirrappreżenta 6,3 % tal-baġit tal-Unjoni; jinnota li l-ħidma tal-Qorti tindika li n-nefqa amministrattiva għandha riskju baxx; jikkunsidra, madankollu, l-ammont ta' tranżazzjonijiet magħżula b'rabta mal-"istituzzjonijiet l-oħra" bħala mhux suffiċjenti u jitlob lill-Qorti żżid l-għadd ta' tranżazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati tal-inqas b'10 %;

5. Jiddispjaċih li t-talba biex il-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill jiġi sseparat f'baġit wieħed għal kull istituzzjoni, magħmula mill-Parlament f'riżoluzzjonijiet preċedenti ta' kwittanza, ma ġietx ikkunsidrata; jistieden lill-Kunsill biex jissepara l-baġit b'dak il-mod għal raġunijiet ta' trasparenza u biex itejjeb l-obbligu ta' rendikont u l-effiċjenza tan-nefqa għaż-żewġ istituzzjonijiet;

6. Jinnota li, fl-2018, il-Kunsill kellu baġit globali ta' EUR 572 854 377 (meta mqabbel ma' EUR 561 576 000 fl-2017), b'rata globali ta' implimentazzjoni ta' 91,9 % (meta mqabbla ma' 93,8 % fl-2017); jinnota żieda fil-baġit ta' EUR 11,3-il miljun, ekwivalenti għal 2,0 %, meta mqabbel ma' żieda ta' 3 % fl-2017 u 0,6 % fl-2016;

7. Jilqa' bi pjaċir il-ġestjoni finanzjarja tajba u prudenti tal-Kunsill; jirrikonoxxi l-evoluzzjoni tal-baġit tal-Kunsill minn baġit ta' EUR 634 miljun fl-2010 għal baġit ta' EUR 573 miljun fl-2018, tnaqqis ta' 9,63 %;

8. Jinnota li l-approprjazzjonijiet riportati mill-2018 għall-2019 ammontaw għal total ta' EUR 56 599 584, ekwivalenti għal 10,7 % (meta mqabbel ma' EUR 60 576 175 jew 11,5 % fl-2017), prinċipalment minn kategoriji bħas-sistemi tal-kompjuter (EUR 18,3-il miljun), il-bini (EUR 16,0-il miljun) u l-interpretazzjoni (EUR 11,9-il miljun); jinnota l-approprjazzjonijiet ikkanċellati fl-2018 ta' EUR 46 348 862 (meta mqabbla ma' EUR 35 025 789 fl-2017); ifakkar lill-Kunsill li r-riporti huma eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-annwalità u għandhom jirriflettu l-ħtiġijiet attwali u, għaldaqstant, jistieden lill-Kunsill isaħħaħ l-isforzi tiegħu biex jevita sovrastimi tal-baġit;

9. Jinnota għal darb'oħra r-rata baxxa ta' implimentazzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar tad-delegazzjonijiet b'impenn ta' EUR 11,1-il miljun meta mqabbel ma' baġit finali, inklużi r-riallokazzjonijiet interni, ta' EUR 22,3 miljun; jinnota li, billi l-Istati Membri kellhom jirrimborżaw l-ammonti mhux użati mis-snin preċedenti, il-Kunsill impenja biss EUR 11,1-il miljun għall-pagamenti sussegwenti; jistieden lill-Kunsill jinforma lill-Parlament dwar il-kisbiet li ntlaħqu b'rabta ma' politika negozjata mal-Istati Membri biex tissolva din il-kwistjoni li ilha pendenti żmien twil;

10. Jagħraf li l-għadd ta' postijiet tax-xogħol inklużi fit-tabella tal-persunal għall-2018 ġie stabbilit għal 3 031 post (meta mqabbel ma' 3 027 post fl-2017); jinnota li fl-2018 ġew irreklutati 137 persuna (74 uffiċjal permanenti u 63 aġent temporanju) u li matul is-sena telqu 184 persuna (154 uffiċjal permanenti u 30 aġent temporanju) u li bħala riżultat ta' dan kien hemm tnaqqis nett ta' 47 post okkupat, li kien il-kawża ewlenija għat-tnaqqis fl-infiq ta' EUR 18,8-il miljun għall-partita tal-baġit iddedikata għat-tabella tal-persunal;

11. Jirrikonoxxi ż-żieda fl-ammont ta' xogħol espress fl-għadd totali ta' laqgħat ta' 7 733 fl-2018 meta mqabbel ma' 6 338 fl-2010; jinnota indikatur kwantitattiv ieħor tal-attivitajiet bħall-għadd ta' atti legali ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali li laħaq l-1 210 atti legali ppubblikati fl-2018 meta mqabbel ma' 825 fl-2010;

12. Jilqa' l-isforzi tal-Kunsill fl-implimentazzjoni tal-"Pjan ta' Azzjoni għal Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK) aktar dinamiku, flessibbli u kollaborattiv"; jinnota l-passi biex ikomplu jittejbu l-ġestjoni finanzjarja u l-prestazzjoni tal-Kunsill permezz ta' miżuri bħall-istabbiliment ta' bord konsultattiv tat-tmexxija, l-adozzjoni ta' linji gwida għal "Qafas ta' Ġestjoni ta' Proġetti Komuni u tat-Task Force", il-ħolqien ta' task force għar-"Riorganizzazzjoni" u r-rieżami tar-regoli interni wara l-pubblikazzjoni ta' Regolament Finanzjarju ġdid;

13. Jinnota s-sitwazzjoni tal-bini tal-Kunsill li rriżultat f'negozjati intensivi fl-2018 mal-awtoritajiet Belġjani li ma pproċedietx bil-bejgħ tal-erba' plottijiet ta' art maġenb xulxin minkejja l-ftehim dwar il-prezz finali tal-proġett tal-bini Europa; jinnota li ż-żewġ partijiet waslu għal ftehim dwar soluzzjoni alternattiva li bis-saħħa tiegħu l-prezz inizjali ta' EUR 4 672 944 għall-plottijiet ma kellux għaliex jintefaq;

14. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-informazzjoni allarmanti rrappurtata mill-midja dwar il-bini tal-binja l-ġdida Europa; jistieden lill-Kunsill biex jagħmel riċerka bir-reqqa dwar il-kuntrattur ewlieni u l-katina kollha ta' sottokuntratturi (sa 12 skont il-midja), kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema impjegati, u jippreżenta s-sejbiet tiegħu lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament;

15. Jinnota li l-qafas ta' kontroll Intern daħal fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 2018 u ġie stabbilit b'ħames komponenti – li huma ambjent ta' kontroll, valutazzjoni tar-riskju, attivitajiet ta' kontroll, attivitajiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni u attivitajiet ta' monitoraġġ – u bi 17-il prinċipju u 33 karatteristika oħra bil-ħsieb li jipprovdi aċċertament raġonevoli tal-kisbiet tal-objettivi stabbiliti;

16. Jilqa' l-fatt li, fl-2018, 92 % tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar intern maħruġa matul is-snin 2015–2017 ġew implimentati jew kienu qegħdin fil-proċess li jiġu implimentati; jinnota li l-programm ta' ħidma annwali għall-awditjar intern tal-2018 huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskju aġġornata, fid-dawl tar-rieżami tar-reġistri tar-riskju, u ġie implimentat b'mod effikaċi; jinnota l-oqsma li fihom twettqu awditi fl-2018, bħalma huma l-ġestjoni teknika, l-akkwist pubbliku tal-IT, is-servizz legali u l-istrateġija ta' komunikazzjoni;

17. Jinnota li, rigward il-proposta għal ftehim interistituzzjonali ġdid dwar reġistru ta' trasparenza obbligatorju, aċċessibbli f'format li jinqara mill-magni, għar-rappreżentanti ta' interess li jkopru l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, saru żewġ sessjonijiet ta' negozjati fl-2018 taħt il-Presidenza Bulgara u waħda fl-2019 taħt il-Presidenza Rumena; ifakkar fid-deċiżjoni tat-18 ta' Ġunju 2019 tal-Ombudsman Ewropew (l-"Ombudsman") li s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jżomm rekord sħiħ ta' kwalunkwe laqgħa li ssir bejn ir-rappreżentanti ta' interess u l-President tal-Kunsill Ewropew u li dan għandu jiġi ppubblikat; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kunsill għadu ma qabilx mar-reġistru ta' trasparenza minkejja dawk in-negozjati kollha u jistieden lill-Kunsill isegwi n-negozjati biex jintlaħaq eżitu ta' suċċess li finalment se jinkludi lill-Kunsill fir-reġistru; jistieden lill-Kunsill biex juri impenn ġenwin lejn il-prinċipji tat-trasparenza u tal-obbligu ta' rendikont billi jadotta miżuri konkreti u billi jibni fuq l-eżempju stabbilit mill-Presidenza Finlandiża; jistieden lit-trios kollha tal-Presidenza biex ikunu ta' eżempju fit-tmexxija tagħhom billi jirrifjutaw laqgħat ma' lobbisti mhux irreġistrati;

18. Jinnota r-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman li l-President u l-Kabinett tal-Kunsill Ewropew jippubblikaw lista sħiħa ta' kull laqgħa ta' lobbisti li ssir; jinsab diżappuntat mill-fatt li l-President il-ġdid tal-Kunsill Ewropew għad irid jimplimenta dik ir-rakkomandazzjoni; jinnota li filwaqt li jidher li l-President tal-Kunsill Ewropew ma jiltaqax ma' ħafna lobbisti, il-prinċipju tat-trasparenza tal-lobbying huwa meqjus importanti; iħeġġeġ lill-President tal-Kunsill Ewropew biex jiżgura li hu u l-Kabinett tiegħu jirrifjutaw il-laqgħat kollha ma' lobbisti mhux irreġistrati u jippubblikaw b'mod proattiv lista komprensiva tal-laqgħat ta' lobbying li jsiru; jistieden lis-Segretarjat tal-Kunsill jiżgura li r-regoli tal-etika li jirregolaw lill-President tal-Kunsill Ewropew jiġu allinjati ma' dawk tal-President tal-Kummissjoni b'tali mod li r-regoli ta' "bibien idur" japplikaw għal tliet snin u tkun meħtieġa approvazzjoni formali għal kwalunkwe rwol ġdid b'rabta mal-attivitajiet tal-Unjoni;

19. Jilqa' l-ħolqien ta' dipartiment tas-servizzi diġitali bħala parti mir-riorganizzazzjoni tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill fl-1 ta' Lulju 2018; jinnota li l-programm ta' informazzjoni u ġestjoni huwa mistenni jissemplifika u jiddiġitalizza l-proċessi ewlenin tan-negozju billi jipprovdi sistema kompletament integrata ta' applikazzjonijiet u servizzi, li se tkun aċċessibbli għall-utenti permezz ta' post tax-xogħol diġitali kollaborattiv u sigur għall-persunal, għall-presidenzi u għad-delegati;

20. Jinnota l-kopertura intensiva fil-midja u l-livell partikolarment għoli ta' interess tal-midja fin-negozjati b'rabta mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni; jilqa' l-iżvilupp kontinwu tas-sit web tal-Kunsill u l-ħidma intensiva biex l-udjenza tiegħu tiżdied fuq il-kanali kollha (żidiet ta' 9 % ta' żjarat fuq is-sit web, 13 % ta' fans fuq Facebook, 26 % ta' segwaċi fuq Twitter u 92 % ta' segwaċi fuq Instagram); jinnota l-ammont għoli ta' laqgħat ta' informazzjoni u konferenzi stampa; jinnota l-pjattaforma tal-kamra tal-aħbarijiet li tippermetti lill-istampa u lill-midja jaraw, jiddawnlowdjaw u jinkorporaw il-produzzjonijiet tal-Kunsill, f'termini kemm ta' ritratti u kemm ta' filmati, bi kwalità ta' riżoluzzjoni għolja; iħeġġeġ aktar l-użu ta' pjattaformi nonproprjetarji ta' netwerks soċjali, b'kunsiderazzjoni speċjali tal-protezzjoni tad-data tal-utenti;

21. Itenni l-appoġġ tiegħu għar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman dwar it-trasparenza tad-diskussjonijiet leġiżlattivi fil-korpi preparatorji tal-Kunsill[8]; jitlob lill-Kunsill isaħħaħ l-isforzi tiegħu biex il-proċess leġiżlattiv isir aktar traċċabbli u faċli biex jinqara, biex jiċċentralizza t-trasparenza madwar stadji importanti fil-proċess leġiżlattiv u biex jinnormalizza l-identifikazzjoni u l-pubblikazzjoni, fil-ħin opportun, tal-kontribut tal-Istati Membri f'format li jista' jinqara mill-magni (eż. dikjarazzjonijiet u proposti għal emendi) f'dibattiti leġiżlattivi jew waqt il-laqgħat tal-Kunsill, f'diskussjonijiet preparatorji fil-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Kunsill jew fi kwalunkwe korp preparatorju tiegħu; isejjaħ madankollu, lill-Kunsill biex iżid l-isforzi ta' trasparenza tiegħu billi, inter alia, jippubblika dokumenti leġiżlattivi tal-Kunsill, jieħu l-minuti b'mod formali waqt il-korpi preparatorji tal-Kunsill biex jirreġistra l-pożizzjonijiet tal-Istati Membri u jippubblika dawk il-minuti, u jagħmel disponibbli aktar dokumenti ta' trilogu f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman; jagħraf l-isforzi tal-Kunsill biex itejjeb it-trasparenza permezz ta' bidliet kontinwi fis-sit web tiegħu u l-attivitajiet tat-tim tiegħu ddedikat għat-trasparenza interna; iħeġġeġ lill-Kunsill jintroduċi aktar miżuri sabiex il-politika ta' trasparenza jkollha suċċess u tippermetti lill-pubbliku jsegwi l-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni b'faċilità akbar;

22. Ifakkar fil-konklużjonijiet tar-Rapport Speċjali tal-Ombudsman fl-investigazzjoni strateġika OI/2/2017/TE dwar it-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv tal-Kunsill, fi Frar 2018, li sabet li "l-prattiki attwali tal-Kunsill jikkostitwixxu amministrazzjoni ħażina"; ifakkar fid-dokument informali konġunt tal-Belġju, id-Danimarka, l-Estonja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Lussemburgu, is-Slovenja, l-Iżvezja u n-Netherlands ta' Ottubru 2019 dwar aktar trasparenza u responsabbiltà tal-Unjoni, li speċifikament jitlob lill-Kunsill biex "iżid it-trasparenza fin-negozjati tat-trilogu permezz ta' pubblikazzjoni sistematika ta' dokumenti importanti leġiżlattivi"; jitlob lill-Kunsill jikkunsidra serjament dawk ir-rakkomandazzjonijiet fl-interess tat-trasparenza u jirrapporta lura għand il-Parlament;

23. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-informazzjoni rrapportata mill-mezzi tal-midja Ewropej dwar l-isponsorship korporattiv tal-Istati Membri li jkollhom il-Presidenza tal-Unjoni u jirrifletti t-tħassib espress miċ-ċittadini u mill-Membri tal-Unjoni; jirrikonoxxi li l-Istati Membri huma mistennija jiffinanzjaw il-Presidenzi tagħhom u jiddispjaċih li f'dawn l-aħħar snin saret prassi komuni li jsir użu minn sponsorship korporattiv biex jiġu koperti wħud mill-ispejjeż tagħhom f'dan ir-rigward; jinsab imħasseb ħafna dwar il-ħsara possibbli għar-reputazzjoni u r-riskju ta' telf ta' fiduċja li din il-prattika jista' jkollha fuq l-Unjoni, fuq l-istituzzjonijiet tagħha u b'mod speċjali fuq il-Kunsill f'għajnejn iċ-ċittadini tal-Unjoni; jappoġġja bis-sħiħ il-valutazzjoni u r-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman[9] biex il-Kunsill joħroġ gwida lill-Istati Membri dwar il-kwistjoni; barra minn hekk, jirrakkomanda bis-sħiħ li l-Kunsill jipprevedi l-ibbaġitjar tal-Presidenzi; jitlob lill-Kunsill jippreżenta dan it-tħassib lill-Istati Membri, b'mod partikolari lit-trio ta' Presidenzi attwali;

24. Jitlob li l-kodiċi ta' mġiba għall-President tal-Kunsill Ewropew jiġi allinjat ma' dawk tal-Kummissjoni u tal-Parlament sabiex tiġi assigurata l-approvazzjoni formali għal attivitajiet relatati mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għal tliet snin wara li jkun telaq mill-Kunsill;

25. Jinsab imħasseb ħafna dwar il-prattika attwali tal-isponsorships tal-Presidenzi tal-Kunsill minn kumpaniji privati; ifakkar fir-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman tas-6 ta' Jannar 2020 li tinħareġ gwida dwar l-isponsorships tal-Presidenzi tal-Kunsill sabiex jitnaqqsu r-riskji għar-reputazzjoni tal-Unjoni; jinnota li l-Kunsill jargumenta li l-kwistjoni tal-isponsorships hija r-responsabbiltà unika tal-gvern tal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza; huwa tal-istess opinjoni bħall-Ombudsman li l-pubbliku ma jagħmilx distinzjoni bejn il-Presidenza tal-Kunsill u l-Istat Membru li jkollu l-Presidenza; jitlob lill-Kunsill biex iqis bis-serjetà dawk ir-rakkomandazzjonijiet u jirrapporta lura għand il-Parlament;

26. Jinsab imħasseb ħafna dwar l-allegazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess kontra għadd ta' rappreżentanti tal-Istati Membri involuti fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet ta' politika u baġit ta' livell għoli; jitlob lill-Kunsill jiżgura li r-rappreżentanti tal-Istati Membri li huma soġġetti li jibbenefikaw direttament minn sussidji tal-Unjoni permezz tan-negozji li huma proprjetarji tagħhom ma jipparteċipawx fid-diskussjonijiet u l-votazzjonijiet politiċi jew baġitarji relatati; jitlob ukoll lill-Kunsill jingħaqad mal-Parlament fis-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni biex tipproponi proċeduri ġodda ta' awditjar biex titħaffef l-investigazzjoni ta' każijiet urġenti u gravi ta' kunflitt ta' interess u biex tiżgura li l-Parlament jiġi infurmat kif xieraq dwar il-konklużjonijiet tal-awditjar;

27. Jiddispjaċih li l-Kunsill reġa' naqas milli jipprovdi risposti għall-mistoqsijiet bil-miktub li ntbagħtu mill-Parlament, u li s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ma attendiex is-seduta ta' smigħ organizzata fit-12 ta' Novembru 2019 fil-kuntest tal-kwittanza annwali, li għal darb'oħra jindika nuqqas ta' kooperazzjoni totali min-naħa tal-Kunsill; jisħaq li n-nefqa tal-Kunsill trid tgħaddi minn skrutinju bl-istess mod bħal dik tal-istituzzjonijiet l-oħra u jirrimarka li l-elementi fundamentali ta' skrutinju bħal dan huma stabbiliti fir-riżoluzzjonijiet ta' kwittanza tiegħu tas-snin li għaddew; jirrimarka li l-Parlament huwa l-unika istituzzjoni eletta direttament miċ-ċittadini tal-Unjoni u li r-rwol tiegħu fil-proċedura ta' kwittanza għandha konnessjoni diretta mad-dritt taċ-ċittadini li jkunu infurmati dwar kif qed jintefqu l-flus pubbliċi;

Kooperazzjoni futura bejn il-Kunsill u l-Parlament

28. Jinnota li r-rwol tal-Parlament fir-rigward tal-kwittanza baġitarja huwa stipulat fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), fir-Regolament Finanzjarju u fir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament;

29. Jinnota li, skont l-Artikolu 319 tat-TFUE, il-Parlament, fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill, jagħti l-kwittanza lill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni; jinnota li r-rwol tal-Kunsill huwa rikonoxxut bis-sħiħ bħala istituzzjoni li tagħti rakkomandazzjonijiet fil-proċedura ta' kwittanza;

30. Jenfasizza l-prerogattiva tal-Parlament li jagħti l-kwittanza skont l-Artikoli 316, 317 u 319 tat-TFUE, f'konformità mal-interpretazzjoni u l-prassi tal-lum, jiġifieri li jagħti l-kwittanza b'rabta ma' kull intestatura tal-baġit b'mod separat sabiex jinżammu t-trasparenza u r-responsabbiltà demokratika lill-kontribwenti tal-Unjoni;

31. Huwa tal-fehma li għandha ssir distinzjoni bejn ir-rwoli differenti tal-istituzzjonijiet rispettivi fil-proċedura ta' kwittanza u għalhekk għandu jiġi eskluż rwol ekwivalenti u reċiproku taż-żewġ istituzzjonijiet fil-proċedura annwali ta' kwittanza;

32. Ifakkar fil-fatt li, skont l-Artikoli 316 u 335 tat-TFUE, l-istituzzjonijiet igawdu minn awtonomija amministrattiva u l-infiq tagħhom huwa stabbilit f'partijiet separati tal-baġit; jinnota li, skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Finanzjarju, l-istituzzjonijiet huma responsabbli b'mod individwali għall-implimentazzjoni tal-baġits tagħhom; jissottolinja l-importanza li l-istituzzjonijiet jaġixxu b'mod responsabbli u professjonali fl-implimentazzjoni tal-baġits tagħhom;

33. Jinnota li, matul kważi għoxrin sena, il-Parlament żviluppa l-prattika li jagħti l-kwittanza lill-istituzzjonijiet u lill-korpi kollha tal-Unjoni; ifakkar li l-Parlament jagħti kwittanza lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-Unjoni wara li jikkunsidra d-dokumenti pprovduti u r-risposti mogħtija għall-kwestjonarji bil-miktub, u wara li jisma' lis-Segretarji Ġenerali tagħhom; jinnota li l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Unjoni jaċċettaw li jipparteċipaw fil-proċedura ta' kwittanza tal-Parlament, ħlief il-Kunsill, li huwa l-unika eċċezzjoni; jiddispjaċih li l-Kunsill irrifjuta li jwieġeb il-mistoqsijiet imressqa mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament fit-12 ta' Novembru 2019;

34. Jilqa' l-fatt li l-Kunsill wera r-rieda tiegħu li jilħaq ftehim mal-Parlament dwar kif jista' jikkoopera fil-proċess ta' kwittanza.

 

35. Jiddispjaċih li n-nuqqas ta' kooperazzjoni min-naħa tal-Kunsill fil-proċedura ta' kwittanza rriżulta fir-rifjut tal-Parlament li jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill sa mis-sena finanzjarja 2009;

36. Jissottolinja l-ħtieġa ta' Memorandum ta' Qbil bejn il-Kunsill u l-Parlament biex jinstabu soluzzjonijiet għad-diverġenzi fil-fehmiet li ilhom jeżistu bejn il-Kunsill u l-Parlament dwar il-prattika attwali tal-għoti ta' kwittanza;

 

37. Jemmen li t-tweġibiet għal għadd ta' mistoqsijiet rikorrenti fil-kwestjonarji li ntbagħtu lill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji differenti, bħal dawk dwar il-bilanċ bejn il-ġeneri u l-bilanċ ġeografiku, il-kunflitt ta' interess, il-lobbying u l-protezzjoni tal-informaturi, jistgħu possibbilment jiġu inklużi fir-rapport ta' evalwazzjoni dwar il-finanzi tal-Unjoni, imfassal skont l-Artikolu 318 tat-TFUE, sa fejn dawk il-kwistjonijiet għandhom rabta mal-implimentazzjoni tal-baġit; ifakkar fil-fatt li r-rapport imsemmi fl-Artikolu 318 tat-TFUE huwa msemmi b'mod espliċitu fl-Artikolu 319(1) tat-TFUE bħala wieħed mid-dokumenti li għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza;

38. Ifakkar fil-fatt li l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha huma obbligati, skont ir-Regolament Finanzjarju, jieħdu miżuri xierqa biex jaġixxu skont l-osservazzjonijiet li jakkumpanjaw id-deċiżjoni ta' kwittanza tal-Parlament u jirrappurtaw dwar il-miżuri meħuda fid-dawl ta' dawk l-osservazzjonijiet; jinnota li rifjut minn istituzzjoni li tikkonforma ma' dan ir-rekwiżit, wara li tkun intalbet taġixxi, jista' jagħti lok għal azzjoni għal nuqqas ta' aġir skont l-Artikolu 265 tat-TFUE;

39. Jilqa' d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President innominat Věra Jourová u l-Kummissarju nnominat Johannes Hahn, fis-seduti ta' smigħ tagħhom quddiem il-Parlament, li huma lesti jimpenjaw ruħhom f'din il-kwistjoni sabiex jgħinu biex tinkiseb aktar trasparenza dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill; jirrimarka dwar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar id-dritt tal-kontribwenti tat-taxxa u l-opinjoni pubblika li jinżammu infurmati dwar l-użu tad-dħul pubbliku;

40. Iqis li l-impenji tal-Kummissarji nnominati jikkostitwixxu bidla pożittiva fl-attitudni meta mqabbla mal-pożizzjoni meħuda s'issa mill-Kummissjoni, kif espress fl-ittra tagħha tat-23 ta' Jannar 2014, li fiha ddikjarat li l-Kummissjoni m'għandhiex tkun mistennija tissorvelja l-implimentazzjoni tal-baġits tal-istituzzjonijiet l-oħra;

 

41. Jitlob lill-Kunsill jissodisfa r-rwol partikolari tiegħu u jagħti rakkomandazzjonijiet dwar il-kwittanza fir-rigward tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni.

 

 

 


 

 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET KOSTITUZZJONALI (5.12.2019)

<CommissionInt>għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit</CommissionInt>


<Titre>dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill</Titre>

<DocRef>(2019/2057(DEC))</DocRef>

Rapporteur għal opinjoni: <Depute>Pascal Durand</Depute>

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi, skont l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Parlament Ewropew għandu r-responsabbiltà unika li jagħti l-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u billi l-baġit tal-Kunsill huwa taqsima tal-baġit tal-Unjoni;

B. billi, skont it-termini tal-Artikolu 319 tat-TFUE, il-Parlament għandu jagħti kwittanza lill-Kummissjoni;

C. billi l-proċedura tal-għoti ta' kwittanza b'mod separat lill-istituzzjonijiet u lill-korpi individwali tal-Unjoni hija prattika stabbilita minn żmien ilu u aċċettata mill-istituzzjonijiet l-oħrajn kollha għajr il-Kunsill, u billi din il-proċedura ġiet żviluppata biex tiggarantixxi t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont demokratiku fil-konfront taċ-ċittadini tal-Unjoni u tiġi segwita l-ġlieda meħtieġa kontra l-frodi;

D. billi skont l-Artikolu 319(2) tat-TFUE, il-Kummissjoni jeħtiġilha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta' dan tal-aħħar, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa dwar l-eżekuzzjoni tan-nefqa u tal-operat tas-sistemi ta' kontroll finanzjarju;

E. billi, skont it-termini tal-Artikolu 100 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew "proċeduri oħra ta' kwittanza", id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura għall-għoti ta' kwittanza lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 319 tat-TFUE, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit, għandhom japplikaw ukoll għall-proċedura ta' għoti ta' kwittanza lill-President tal-Parlament Ewropew, lill-persuni responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u lill-korpi responsabbli mill-ġestjoni baġitarja ta' entitajiet legalment indipendenti li jwettqu kompiti tal-Unjoni;

F. billi l-istituzzjonijiet kollha huma marbuta li jikkooperaw biex jiżguraw il-funzjonament bla xkiel tal-proċedura ta' kwittanza b'rispett sħiħ għad-dispożizzjonijiet rilevanti fit-TFUE u fil-liġi sekondarja rilevanti; billi n-nuqqas ta' kooperazzjoni min-naħa tal-Kunsill fil-proċedura ta' kwittanza rriżulta fir-rifjut tal-Parlament li jagħti kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill mill-2009; billi n-nuqqas ta' kooperazzjoni fit-tul min-naħa tal-Kunsill jagħmilha impossibbli li l-Parlament jieħu deċiżjoni infurmata dwar l-għoti tal-kwittanza, u li sussegwentement, dan iħalli effett negattiv fit-tul fuq il-perċezzjoni taċ-ċittadini tal-kredibbiltà tal-istituzzjonijiet tal-UE u t-trasparenza fl-użu tal-fondi tal-UE; billi dan in-nuqqas ta' kooperazzjoni għandu wkoll impatt negattiv fuq il-funzjonament tal-istituzzjonijiet u jiskredita l-proċedura ta' skrutinju politiku tal-ġestjoni tal-baġit kif stabbilita fit-Trattati;

G. billi, filwaqt li jitqiesu r-rapporti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-proċedura ta' kwittanza tintuża biex jiġu eżaminati l-kontijiet tal-istituzzjoni inkwistjoni, bil-għan li jiġi vverifikat li l-implimentazzjoni hija legali u regolari u li tirrispetta l-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba;

1. Jissottolinja r-rwol tal-Parlament fil-proċedura ta' kwittanza, hekk kif regolat mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament Finanzjarju u li, b'rikonoxximent sħiħ tar-rwol tal-Kunsill bħala istituzzjoni li tagħti rakkomandazzjonijiet fil-proċedura ta' kwittanza, jenfasizza li trid tinżamm distinzjoni fir-rigward tar-rwoli differenti tal-Parlament u tal-Kunsill biex ikun hemm konformità mal-qafas istituzzjonali stabbilit fit-Trattati u fir-Regolament Finanzjarju;

2. Ifakkar li l-Parlament jagħti kwittanza lil kull waħda mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji individwalment, wara li jikkunsidra d-dokumenti pprovduti, ir-risposti mogħtija lill-mistoqsijiet tal-Parlament, u wara li jisma' s-segretarji ġenerali tal-istituzzjonijiet l-oħra; iqis li, fil-kuntest tal-kwittanza mogħtija mill-Parlament lill-Kummissjoni kif previst mit-Trattati, il-leġittimità demokratika, it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji l-oħra tal-Unjoni huma b'dan il-mod imsaħħa wkoll;

3. Jemmen li t-tweġibiet għal għadd ta' mistoqsijiet rikorrenti fil-kwestjonarji lill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji differenti, bħal dawk dwar il-bilanċ bejn is-sessi u l-bilanċ ġeografiku, il-kunflitt ta' interess, il-lobbjar u l-protezzjoni tal-informaturi, jistgħu possibbilment jiġu inklużi fir-rapport ta' evalwazzjoni dwar il-finanzi tal-Unjoni, imfassal skont l-Artikolu 318 tat-TFUE, sa fejn dawn il-kwistjonijiet għandhom rabta mal-implimentazzjoni tal-baġit; ifakkar li r-rapport imsemmi fl-Artikolu 318 tat-TFUE huwa msemmi b'mod espliċitu fl-Artikolu 319(1) tat-TFUE bħala wieħed mid-dokumenti li għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza;

4. Ifakkar li kull istituzzjoni u korp huma obbligati, skont ir-Regolament Finanzjarju, jieħdu miżuri xierqa biex jaġixxu fuq l-osservazzjonijiet li jakkumpanjaw id-deċiżjoni ta' kwittanza tal-Parlament Ewropew u jirrappurtaw dwar il-miżuri meħuda fid-dawl ta' dawk l-osservazzjonijiet; jinnota li rifjut minn istituzzjoni li tikkonforma ma' dan ir-rekwiżit, wara li tkun intalbet taġixxi, jista' jagħti lok għal azzjoni għal nuqqas ta' azzjoni skont l-Artikolu 265 tat-TFUE;

5. Jinnota l-problemi persistenti enfasizzati mill-Parlament Ewropew fir rigward tal-proċeduri ta' kwittanza, minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni min-naħa tal-Kunsill, u li dan wassal biex il-Parlament irrifjuta li jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill fir-rigward tas-snin finanzjarji 2009 sa 2017; itenni li l-Kunsill jeħtieġlu jieħu sehem bis-sħiħ, u b'rieda tajba, fil-proċedura annwali ta' kwittanza, bħalma jagħmlu l-istituzzjonijiet l-oħra, sabiex ikun trasparenti u kompletament responsabbli lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni għall-fondi fdati lilu bħala istituzzjoni tal-Unjoni; jissottolinja l-ħtieġa urġenti ta' memorandum ta' ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-għoti tal-informazzjoni meħtieġa biex il-Parlament jieħu deċiżjoni infurmata dwar il-kwittanza; u dan jirrispetta b'mod debitu r-rwoli rispettivi tal-istituzzjonijiet fil-proċedura ta' kwittanza; jilqa' l-progress li sar s'issa fin-negozjati bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar id-"Dokument Informali" dwar il-kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura ta' kwittanza annwali, u jistieden liż-żewġ istituzzjonijiet jintensifikaw l-isforzi tagħhom sabiex jilħqu ftehim mingħajr dewmien żejjed; iqis li jekk dawk in-negozjati mal-Kunsill ma jirnexxux, in-negozjati għandhom jiġu estiżi għall-Kummissjoni, sabiex jiġi żgurat li l-Parlament jingħata l-informazzjoni meħtieġa dwar kif il-Kunsill qed jimplimenta l-baġit tiegħu, direttament jew permezz tal-Kummissjoni;

6. Jilqa' d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President innominat Věra Jourová u l-Kummissarju nnominat Johannes Hahn, fis-seduti ta' smigħ tagħhom quddiem il-Parlament, li huma lesti li jimpenjaw ruħhom f'din il-kwistjoni sabiex jgħinu biex tinkiseb aktar trasparenza dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill; jinnota l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt tal-kontribwenti tat-taxxa u l-opinjoni pubblika li jinżammu infurmati dwar l-użu tad-dħul pubbliku;

7. Iqis li l-impenji tal-Kummissarji nnominati jikkostitwixxu bidla pożittiva fl-attitudni meta mqabbla mal-pożizzjoni meħuda s'issa mill-Kummissjoni, kif espress fl-ittra tagħha tat-23 ta' Jannar 2014, li fiha ddikjarat li l-Kummissjoni ma għandhiex tkun mistennija tissorvelja l-implimentazzjoni tal-baġits tal-istituzzjonijiet l-oħra;

8. Jissuġġerixxi li, jekk in-negozjati dwar memorandum ta' qbil ma jerġgħux jinbdew malajr, il-Parlament jinsisti li tiddaħħal "klawżola rendez-vous", fil-kuntest tan-negozjati dwar il-QFP li jmiss, fil-proposta għal Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, li permezz tagħha t-tliet istituzzjonijiet jimpenjaw ruħhom li jiddefinixxu b'mod konġunt l-arranġamenti prattiċi għall-kondiviżjoni u l-għoti tal-informazzjoni meħtieġa lill-Parlament Ewropew fil-qafas tal-proċedura ta' kwittanza, kif ukoll li jibdew negozjati f'dak is-sens mingħajr dewmien;

9. Huwa tal-fehma li, filwaqt li s-sitwazzjoni attwali tista' tittejjeb permezz ta' kooperazzjoni aħjar bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fi ħdan il-qafas tat-Trattati, il-possibbiltà ta' reviżjoni tat-Trattati tista' fl-aħħar mill-aħħar titqies biex il-proċedura ta' kwittanza ssir aktar ċara, fis-sens li l-Parlament jingħata l-kompitu espliċitu li jagħti l-kwittanza lill-istituzzjonijiet u l-korpi kollha individwalment. jenfasizza li l-impatt ta' bidliet bħal dawn fuq il-bilanċ interistituzzjonali kif previst fit-Trattati għandu jiġi eżaminat bir-reqqa mill-kumitat kompetenti tal-Parlament.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

4.12.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriele Bischoff, Damian Boeselager, Richard Corbett, Pascal Durand, Daniel Freund, Charles Goerens, Esteban González Pons, Maria Grapini, Laura Huhtasaari, Aileen McLeod, Giuliano Pisapia, Paulo Rangel, Antonio Maria Rinaldi, Domènec Ruiz Devesa, Pedro Silva Pereira, Antonio Tajani, László Trócsányi, Guy Verhofstadt, Loránt Vincze, Rainer Wieland

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Vladimír Bilčík, Gilles Boyer, Helmut Scholz

 


 

 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

23

+

GUE/NGL

Helmut Scholz

ID

Laura Huhtasaari, Antonio Maria Rinaldi

PPE

Vladimír Bilčík, Esteban González Pons, Paulo Rangel, Antonio Tajani, László Trócsányi, Loránt Vincze, Rainer Wieland

RENEW

Gilles Boyer, Pascal Durand, Charles Goerens, Guy Verhofstadt

S&D

Gabriele Bischoff, Richard Corbett, Maria Grapini, Giuliano Pisapia, Domènec Ruiz Devesa, Pedro Silva Pereira

VERTS/ALE

Damian Boeselager, Daniel Freund, Aileen McLeod

 

0

-

 

 

 

0

0

 

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

19.2.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Matteo Adinolfi, Olivier Chastel, Caterina Chinnici, Lefteris Christoforou, Luke Ming Flanagan, Isabel García Muñoz, Cristian Ghinea, Monika Hohlmeier, Jean-François Jalkh, Joachim Kuhs, Tsvetelina Penkova, Markus Pieper, Sabrina Pignedoli, Michèle Rivasi, Nico Semsrott, Angelika Winzig, Lara Wolters, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Grapini, David Lega, Marian-Jean Marinescu, Mikuláš Peksa, Ramona Strugariu

Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

József Szájer

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

23

+

GUE/NGL

Luke Ming Flanagan

ID

Matteo Adinolfi, Joachim Kuhs

NI

Sabrina Pignedoli

PPE

Lefteris Christoforou, Monika Hohlmeier, David Lega, Marian-Jean Marinescu, Markus Pieper, József Szájer, Angelika Winzig, Tomáš Zdechovský

RENEW

Olivier Chastel, Cristian Ghinea, Ramona Strugariu

S&D

Caterina Chinnici, Isabel García Muñoz, Maria Grapini, Tsvetelina Penkova, Lara Wolters

VERTS/ALE

Mikuláš Peksa, Michèle Rivasi, Nico Semsrott

 

1

-

ID

Jean-François Jalkh

 

0

0

 

 

 

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

[1] ĠU L 57, 28.2.2018.

[2] ĠU C 327, 30.9.2018, p. 1.

[3] ĠU C 340, 8.10.2019, p. 1.

[4] ĠU C 340, 8.10.2019, p. 9.

[5] ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

[6] ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

[7] Testi Adottati, P8_TA(2019)0045.

[8] Ara r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2019 dwar l-inkjesta strateġika OI/2/2017 tal-Ombudsman dwar it-trasparenza tad-diskussjonijiet leġiżlattivi fil-korpi preparatorji tal-Kunsill tal-UE (Testi adottati, P8_TA(2019)0045).

[9] Rakkomandazzjoni tal-Ombudsman Ewropew fil-każ 1069/2019/MIG dwar l-isponsorship tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' April 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza