Proċedura : 2019/2061(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0071/2020

Testi mressqa :

A9-0071/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2020)0116

<Date>{03/03/2020}3.3.2020</Date>
<NoDocSe>A9-0071/2020</NoDocSe>
PDF 201kWORD 59k

<TitreType>RAPPORT</TitreType>

<Titre>dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni</Titre>

<DocRef>(2019/2061(DEC))</DocRef>


<Commission>{CONT}Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit</Commission>

Rapporteur: <Depute>Tomáš Zdechovský</Depute>

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni

(2019/2061(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018[1],

 wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018 (COM(2019)0316 – C9-0056/2019)[2],

 wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kumitat tar-Reġjuni lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-awditi interni mwettqa fl-2018,

 wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2018, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet[3],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[4] dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2018, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[5], u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012[6], u b'mod partikolari l-Artikoli 59, 118, 260, 261 u 262 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0071/2020),

1. Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kumitat tar-Reġjuni għas-sena finanzjarja 2018;

2. Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

 


 

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni

(2019/2061(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0071/2020),

A. billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ aktar il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

1. Jinnota b'sodisfazzjon li, fir-rapport annwali tagħha għall-2018, il-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") ma identifikat l-ebda dgħjufijiet serji fir-rigward tas-suġġetti awditjati b'rabta mar-riżorsi umani u mal-proċeduri ta' akkwist għall-Kumitat tar-Reġjuni (il-"Kumitat");

2. Jilqa' l-konklużjoni tal-Qorti li l-pagamenti kollha għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2018 għan-nefqa amministrattiva tal-Kumitat kienu ħielsa minn żbalji materjali u li s-sistemi ta' sorveljanza u kontroll eżaminati kienu effettivi;

3. Jiddispjaċih, bħala osservazzjoni ġenerali, li l-Kapitolu 10, "Amministrazzjoni", tar-Rapport Annwali 2018 tal-Qorti għandu kamp ta' applikazzjoni u konklużjonijiet pjuttost limitati, minkejja l-fatt li l-Intestatura 5, "Amministrazzjoni", tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) titqies li għandha riskju baxx;

4. Jinnota li l-Qorti għażlet kampjun ta' 45 tranżazzjoni li jikkorrispondu għall-Intestatura 5 tal-QFP għall-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Unjoni; jinnota li l-kampjun tfassal biex ikun rappreżentattiv tal-firxa ta' nfiq fl-ambitu tal-Intestatura 5, li tirrappreżenta 6,3 % tal-baġit tal-Unjoni; jinnota li l-ħidma tal-Qorti tindika li n-nefqa amministrattiva għandha riskju baxx; jikkunsidra, madankollu, li l-ammont ta' tranżazzjonijiet magħżula b'rabta mal-"istituzzjonijiet l-oħra" mhuwiex suffiċjenti u jitlob lill-Qorti żżid l-għadd ta' tranżazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati tal-inqas b'10 %;

5. Jinnota li fl-2018 il-baġit tal-Kumitat ammonta għal EUR 96 101 000 meta mqabbel ma' EUR 93 295 000 tal-2017, li jikkorrispondi għal żieda ta' 3 %; jinnota li 99,3 % tal-approprjazzjonijiet kollha ġew impenjati sa tmiem l-2018 (meta mqabbel ma' 98 % fl-2017 u 98,7 % fl-2016), u 91 % tħallsu fl-2018 (meta mqabbel ma' 89,9 % fl-2017 u 89,6 % fl-2016);

6. Jilqa' l-ġestjoni finanzjarja, li b'mod ġenerali hija prudenti u soda, tal-Kumitat fil-perjodu tal-baġit tal-2018; jilqa' l-fatt li r-rata ta' impenn għat-Titolu 1"Infiq relatat ma' persuni li jaħdmu mal-Kumitat" kienet 99,1 % u għat-Titolu 2 "Il-bini, it-tagħmir u l-infiq operattiv mixxellanju" kienet 99,6 %;

7. Jirrikonoxxi r-risposta tal-Kumitat b'rabta mar-rati ta' eżekuzzjoni tal-pagamenti (76,9 % fl-2018, 77,1 % fl-2017 u 74,5 % fl-2016) għat-Titolu 2; jinnota li l-fatturi prinċipalment għall-manutenzjoni u l-konsum tal-enerġija jaslu biss fil-bidu tas-sena ta' wara; jitlob lill-Kumitat itejjeb is-sitwazzjoni, fejn possibbli billi jifformula termini ta' ħlas ibbilanċjati matul is-sena fil-kuntratti ta' servizz relatati;

8. Josserva l-approprjazzjonijiet mhux użati għal diversi linji baġitarji bħall-korsijiet għall-membri (il-partita 105) b'59,0 %, il-missjonijiet għall-persunal (il-partita 162) bi 33,3 %, is-servizzi mediċi (il-partita 1634) b'77,9 % u s-sistemazzjoni tal-bini (il-partita 2007) bi 92,7 %; ifakkar fil-ħtieġa ta' miżuri biex jiġi evitat li l-baġit jiġi sovrastimat;

9. Jenfasizza li l-baġit tal-Kumitat, minkejja l-attivitajiet politiċi tiegħu, huwa meqjus purament amministrattiv u jammonta għal 1 % tal-Intestatura 5 "Amministrazzjoni" tal-baġit tal-Unjoni; jilqa' l-isforzi tal-Kumitat fl-applikazzjoni ta' prinċipji tal-baġit ibbażati fuq il-prestazzjoni fl-operazzjonijiet ta' kuljum tiegħu u r-rieda tiegħu biex ikompli jtejjeb il-ħidma tiegħu flimkien ma' istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni; jinnota l-għodod ta' suċċess, bħar-riżamijiet tal-eżekuzzjoni tal-baġit, biex jiġu mmonitorjati r-rati tal-eżekuzzjoni tal-baġit tal-Kumitati u biex iservu ta' għajnuna biex jitjiebu; jilqa' b'mod ġenerali l-approċċ tal-Kumitat orjentat lejn il-prestazzjoni;

10. Jinnota li l-Kumitat iżomm reġistru ċentrali tal-eċċezzjonijiet ta' rappurtar relatati man-nuqqas ta' konformità mal-proċeduri interni u l-miżuri korrettivi; jilqa' l-fatt li l-għadd globali ta' eċċezzjonijiet finanzjarji naqas b'6,8 % meta mqabbel mal-2017;

11. Jilqa' l-isforzi tal-Kumitat biex jonqos iż-żmien medju għall-ħlas (skont ir-Regolament Finanzjarju, il-pagamenti jeħtieġ li jsiru fi żmien 30 jum) għal 16-il jum bħala medja fl-2018, li hija l-aħjar rata f'10 snin (meta mqabbla ma' 23 jum fl-2017, 26 jum fl-2016 u 20 jum fl-2015); jinnota li fl-2018 ma ġie rrapportat l-ebda każ ta' mgħax ta' inadempjenza obbligatorju;

12. Jinnota li l-Kumitat nieda eżerċizzju għal 16-il Standard ta' Kontroll Intern (ICS) permezz ta' kwestjonarju, imfassal biex jevalwa l-konformità u l-effikaċja tar-rekwiżiti speċifikati għal kull ICS; jinnota l-eżitu pożittiv u l-konklużjonijiet li jiffukaw b'qawwa fuq l-ICS 3, l-allokazzjoni tal-persunal, l-ICS 10, il-kontinwità operattiva u l-ICS 12, l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, minħabba l-isfidi futuri bħall-mandat ġdid u l-25 anniversarju tal-Kumitat;

13. Jirrikonoxxi li l-monitoraġġ tal-kapaċità tal-awditjar intern huwa pprovdut minn kumitat tal-awditjar magħmul minn membru wieħed għal kull grupp politiku tal-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi tal-Kumitat u konsulent estern ta' livell għoli; jinnota li l-objettiv għall-2018 li 75 % tar-rakkomandazzjonijiet importanti ħafna jingħalqu wara 6 xhur intlaħaq b'rata ta' 50 %, u l-objettiv li 100 % tar-rakkomandazzjonijiet importanti ħafna jingħalqu wara 12-il xahar intlaħaq b'rata ta' 100 %;

14. Itenni l-importanza tal-kooperazzjoni interistituzzjonali, bħal ftehimiet dwar il-livell ta' servizz għall-politiki tar-riżorsi umani u ftehimiet amministrattivi oħra; jistieden lill-Kumitat jinforma lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament dwar l-ammonti mħallsa fl-ambitu ta' ftehimiet bħal dawn fir-rapport annwali tal-attività li jmiss;

15. Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali minħabba r-rwol tagħhom fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni; 

16. Jinnota li fil-31 ta' Diċembru 2019 wasal fi tmienu l-ftehim ta' kooperazzjoni amministrattiva tal-2014 bejn il-Kumitat, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u l-Parlament; jinnota li sa issa l-ftehim tal-2014 la reġa' ġie nnegozjat u lanqas estiż; huwa tal-opinjoni li l-ftehim tal-2014 kien żbilanċjat ħafna għall-Kumitat u l-KESE (il-"Kumitati"), li b'kollox ittrasferew 60 traduttur lill-Parlament (36 mill-KESE) u bi skambju użaw biss is-servizzi tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS); jinnota bi tħassib li bħala konsegwenza, il-Kumitati kellhom jingaġġaw persunal kuntrattwali u jesternalizzaw is-servizzi ta' traduzzjoni tagħhom; jinnota bi tħassib li biex jikkumpensa għat-tnaqqis fil-persunal tat-traduzzjoni, il-Parlament ipprovda lill-Kumitat fondi addizzjonali (EUR 1 200 000 mill-2015 sal-2016) biex tiġi koperta l-esternalizzazzjoni tas-servizzi ta' traduzzjoni u li dan l-ammont jista' jiġi riallokat lejn oqsma oħra ta' politika jekk ma jintużax kollu għat-traduzzjoni esternalizzata (il-KESE uża din il-possibbiltà ta' riallokazzjoni f'dawn l-aħħar tliet snin); huwa tal-opinjoni li dawn iċ-ċirkostanzi mhumiex konformi mal-kriterji ta' ġestjoni finanzjarja ġenerali tajba u prudenti, u għandhom jerġgħu jiġu kkunsidrati fil-każ ta' estensjoni ta' dan il-kuntratt jew ta' negozjati ta' ftehim ġdid; jirrikonoxxi li mil-lat politiku, il-ftehim għandu jiġi aġġornat biex jingħelbu l-isfidi tal-lum, bħall-QFP il-ġdid jew ir-regoli l-ġodda dwar il-politika ta' koeżjoni;

17. Jilqa' l-kampanja "Nirriflettu dwar l-Ewropa/il-Futur tal-Ewropa" li tammonta għal aktar minn 209 avvenimenti li saru kollha (sa Frar 2019); jinnota li l-Kumitat qed jagħti segwitu lil dan is-suċċess biex jiżviluppa mudell għal konsultazzjonijiet permanenti maċ-ċittadini Ewropej flimkien ma' istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni, bil-għan li jiġu kkombinati d-dibattiti lokali ma' mekkaniżmu ta' feedback biex jiġu infurmati dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell tal-Unjoni; jistieden lill-Kumitat jirrapporta dwar ir-riżultati li nkisbu fir-rapport annwali tal-attività tiegħu li jmiss;

18. Jilqa', għal raġunijiet ta' trasparenza, lista ta' avvenimenti għall-2017 u l-2018 fil-kuntest tal-kampanja "Nirriflettu dwar l-Ewropa/il-Futur tal-Ewropa" fir-rapport annwali tal-attività tiegħu; jinnota l-ismijiet tal-membri tal-Kumitat involuti, it-titlu, id-data, il-post u l-ispiża globali li tammonta għal EUR 41 747,87 fl-2018 (meta mqabbla ma' EUR 45 505,93 fl-2017);

19. Japprezza s-suċċess tal-Kumitat fuq il-midja soċjali bi 12 658 "likes" tal-paġna ta' Facebook fl-2018 (meta mqabbel ma' 9 013 fl-2017) u 3 727 segwaċi fuq Twitter fl-2018 (meta mqabbel ma' 3 425 fl-2017); jirrikonoxxi l-użu b'suċċess ta' stħarriġ online/applikazzjonijiet mobbli "Have your say on Europe!" (Semma' leħnek dwar l-Ewropa!) madwar l-Unjoni; jifraħ lill-Kumitat għas-sit web ġdid tiegħu b'101 983 viżwalizzazzjoni tal-paġna fl-2018 (meta mqabbel ma' 43 748 fl-2017); jilqa' l-kors online (MOOC) li fetaħ f'Jannar 2018 bit-titolu "Make the most of EU resources for your region or city" (Nagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi tal-UE għar-reġjun jew għall-belt tiegħek) bi kważi 15 000 parteċipant (meta mqabbel ma' 8 500 fl-2015 u 5 500 fl-2016);

20. Jilqa' b'sodisfazzjon is-suċċess tal-Kumitat meta żied il-pubblikazzjoni tal-istudji tiegħu li ammontaw għal 27 u qabżu l-objettiv ta' 15; jinnota li dawn l-istudji kollha ġew ippubblikati fuq is-sit web tal-Kumitat u għalhekk huma aċċessibbli għall-pubbliku;

21. Jinnota li l-ftehim bejn il-Kumitati, u l-Kummissjoni dwar l-iskambju tal-binja VMA tal-Kummissjoni mal-binjiet tal-Kumitati BEL68/TRE 74 ġie ffirmat fit-28 ta' Awwissu 2019; jinnota li l-iskambju se jsir effettiv fis-16 ta' Settembru 2022; jinnota bi tħassib li l-prijorità ewlenija identifikata mill-politika immobiljari tal-Kumitati hija l-konċentrazzjoni ġeografika tal-binjiet; jinnota bi tħassib li dan l-iskambju jirriżulta f'telf ta' spazju għall-uffiċċji ta' 10 440 m2 u, għaldaqstant, il-ħtieġa li jinstabu aktar uffiċċji biex jakkomodaw madwar 200 membru tal-persunal wara l-iskambju, li ma jistgħux jiġu kkumpensati kompletament b'miżuri alternattivi fuq perjodu qasir, bħad-densifikazzjoni tal-użu tal-ispazju fil-bini l-ieħor u żieda fit-telexogħol, iżda se jirrikjedu x-xiri ta' binja oħra maġenb il-bini l-ieħor biex jiġi kkumpensat dan it-tnaqqis; jinnota wkoll il-ħtieġa li jiġi rinnovat il-binja VMA fuq perjodu qasir sa medju; jibża' mill-konsegwenzi li dan il-ftehim se jkollu mhux biss għall-finanzi tal-Kumitat iżda wkoll għall-benesseri tal-persunal ikkonċernat; jiddispjaċih li s-servizz legali ma ġiex ikkonsultat dwar kwistjoni ta' portata u importanza bħal din għall-Kumitat;

22. Jinnota li l-Kumitati reċentement stabbilew grupp ta' ħidma konġunt bil-għan li titħejja analiżi oħra sabiex jinstabu soluzzjonijiet adegwati; jinnota li grupp ta' ħidma ieħor għandu l-kompitu li jirrifletti dwar modi ġodda ta' ħidma; jenfasizza li l-benesseri tal-persunal, il-modalità ta' xogħol u l-ispazju tax-xogħol bl-ebda mod ma għandhom ibatu l-konsegwenzi negattivi li jirriżultaw mill-iskambju tal-bini; ifakkar fil-ħtieġa li l-membri tal-persunal jiġu kkonsultati dwar l-iskambju tal-bini u li għandha titqies l-opinjoni tagħhom; jistieden lill-Kumitati jinformaw lill-Kumitat Parlamentari għall-Kontroll tal-Baġit u l-Kumitat għall-Baġit dwar ir-riżultati li nkisbu;

23. Jesprimi tħassib serju dwar il-konferma tal-preżenza ta' asbestos f'postijiet kritiċi tal-binja VMA inkluża ż-żona ta' parkeġġ; jiddeplora bil-qawwa li f'Settembru 2019 kuntrattur estern speċjalizzat għamel inventarju xahar biss wara l-iffirmar tal-ftehim mal-Kummissjoni; jiddeplora l-fatt li l-ftehim ġie ffirmat mingħajr ma ġew infurmati l-partijiet ikkonċernati kollha fi żmien xieraq dwar il-possibbiltà ta' preżenza ta' asbestos fil-binja VMA; jiddeplora wkoll il-fatt li l-membri u l-persunal ma ġewx infurmati dwar is-sitwazzjoni u jqis li mhuwiex biżżejjed li l-informazzjoni ġiet ippubblikata fuq l-intranet tal-ESSC fejn huwa diffiċli li wieħed isibha;

24. Jinnota li l-Kumitati rċevew ċertifikat ta' sikurezza rigward l-asbestos għall-binja VMA f'Settembru 2019 u li dan iċ-ċertifikat jispeċifika li l-bini fih asbestos mingħajr riskju għall-użu normali tal-bini; filwaqt li jitqies b'mod speċjali li l-użu li jmiss tal-bini mhux se jkun użu normali, iżda sitwazzjoni ta' kostruzzjoni, jinsab imħasseb ħafna dwar l-iżviluppi futuri relatati ma' din il-kwistjoni;

25. Jinnota li l-effetti ta' esponiment fit-tul u mhux sikur għall-asbestos fuq is-saħħa tal-bniedem huma dokumentati sew u huma dejjem sors ta' tħassib u allarm fost il-popolazzjoni b'mod ġenerali; jitlob liż-żewġ Kumitati jattwaw politika ta' trasparenza totali u proattiva u jagħtu informazzjoni dwar il-ġestjoni tas-sitwazzjoni qabel u wara l-okkupazzjoni effettiva tal-binja VMA filwaqt li fl-istess ħin jiġi evitat l-allarm bla bżonn ;

26. Jirrikonoxxi l-istrateġija immobiljari tal-Kumitat approvata fid-29 ta' Novembru 2017 li fiha ngħatat prijorità lill-"konċentrazzjoni ġeografika" u l-"konnessjoni fiżika" fil-bini prinċipali tal-Kumitati, Jacques Delors, li jipprovdi benefiċċji finanzjarji u mhux finanzjarji sinifikanti; jinnota li l-binja VMA se jeħtieġ rinnovazzjoni minuri malajr kemm jista' jkun (2020-2022) u rinnovazzjoni aktar bir-reqqa meta l-Kumitati jkunu l-propjetarji sħaħ tal-binja VMA fl-2028; jinnota li l-ispejjeż se jiġu koperti mill-Kumitati skont l-iskema ta' kondiviżjoni applikabbli taħt il-ftehim ta' kooperazzjoni amministrattiva;

27. Jilqa' l-miżuri kollha implimentati s'issa biex jiżguraw standards ta' (ċiber)sigurtà adegwati; jinnota li wara l-installazzjoni tat-tagħmir il-ġdid għall-kontroll tal-aċċess u l-azzjonijiet għas-Sigurtà tal-IT, l-istandards tas-sigurtà relatati laħqu l-istess livell bħall-istandards tal-Parlament u tal-Kummissjoni;

28. Jiddispjaċih li l-Kumitat għad m'għandux qafas ġrudiku biex jittratta każijiet ta' fastidju li jinvolvu l-membri tiegħu; itenni l-appell tal-Ombudsman Ewropew biex l-istituzzjonijiet jadottaw regoli dwar il-fastidju li japplikaw għall-membri tagħhom; jitlob lill-Kumitat jadotta b'urġenza regoli bħal dawn, skont id-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tat-2 ta' Lulju 2018 dwar l-ilmenti ta' fastidju; jistieden lill-Kumitat jirrapporta lill-Parlament dwar l-azzjonijiet ta' segwitu;

29. Iħeġġeġ lill-Kumitat isaħħaħ l-isforzi tiegħu relatati mal-Kodiċi ta' Kondotta ppjanat għall-membri tiegħu b'rabta mal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kunflitti ta' interess; jitlob lill-Kumitat jiżgura l-pubblikazzjoni tar-regoli u l-proċeduri kkonċernati fuq is-siti web tiegħu;

30. Jirrikonoxxi l-mekkaniżmu robust fis-seħħ biex jiġu indirizzati każijiet ta' fastidju li jinvolvu persunal b'regoli interni li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti tal-Persunal biss; jilqa' l-organizzazzjoni ta' taħriġ għall-persunal kollu dwar is-suġġett tal-prevenzjoni tal-fastidju li jiffoka fuq ir-regoli, id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri fis-seħħ fir-rigward tal-ilmenti ta' fastidju; jinnota li l-Kumitat għandu tim funzjonanti ta' esperti tal-assistenza psikoloġija kunfidenzjali (bħalissa nħatru sitta u tnejn huma mniżżla f'lista ta' riżerva) li kollha rċevew taħriġ qabel ma ħadu l-funzjoni tagħhom;

31. Jinnota li l-approprjazzjonijiet għall-esternalizzazzjoni tat-traduzzjoni żdiedu fil-kuntest tal-ftehim ta' kooperazzjoni ffirmat mal-Parlament u t-tnaqqis sussegwenti fil-persunal tat-traduzzjoni; jinnota li fl-2018 l-esternalizzazzjoni tat-traduzzjoni laħqet l-20,2 %, kemxejn ogħla mill-objettiv ta' 20 %, li ġiet ikkawżata parzjalment ukoll minħabba l-ammont kbir ta' xogħol (21 % ogħla meta mqabbla mal-istess perjodu fl-2017); jinnota wkoll li l-ispiża totali tat-traduzzjoni esternalizzata fl-2018 kienet EUR 3 251 855, meta mqabbla ma' EUR 5 263 108 li kieku kienet tkun l-ispiża totali tat-traduzzjoni interna;

32. Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kumitati li wasslu għal riorganizzazzjoni sinifikanti taħt strateġija ġdida għal multilingwiżmu aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; jiddispjaċih li, bejn l-2014 u l-2017, it-trasferimenti ta' postijiet tax-xogħol mis-servizzi lingwistiċi għas-servizzi tal-Parlament, kellhom jiġu kkumpensati minn numru akbar ta' aġenti kuntrattwali; jistieden lill-Kumitat jinforma lill-Parlament regolarment dwar l-iżviluppi relatati;

33. Jinnota r-rapport ta' evalwazzjoni dwar il-proġett pilota ta' ġestjoni komuni ta' xi unitajiet tat-traduzzjoni li ġew identifikati, apparti minn tnaqqis fl-ispejjeż ġenerali tal-ġestjoni, is-sinerġiji addizzjonali fil-livell ta' assistenza għat-traduzzjoni ladarba l-unitajiet kollha tat-traduzzjoni jingħaqdu u l-kundizzjonijiet tekniċi kollha meħtieġa jkunu fis-seħħ; jinnota li l-Bureau tal-Kumitat ta mandat lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex ifassal u jipproponi tabella tal-persunal ġdida, f'kooperazzjoni mas-Segretarju Ġenerali tal-KESE; jinnota li l-fużjoni tal-unitajiet pilota hija kkonfermata u li għandhom isiru żewġ fużjonijiet oħra fl-2019; jistieden lill-Kumitat jirrapporta lura dwar l-azzjonijiet kollha li jkunu ttieħdu biex il-produzzjoni tat-traduzzjoni tkun sostenibbli;

34. Jinnota l-isforzi biex il-proċessi tar-riżorsi umani jiġu ssemplifikati aktar, b'mod partikolari permezz tal-introduzzjoni gradwali ta' flussi tax-xogħol mingħajr karti bħall-fatturi, il-missjonijiet u l-fajls; jistieden lill-Kumitat isaħħaħ l-isforzi tiegħu fil-modernizzazzjoni tal-proċessi ta' akkwist tiegħu b'rabta ma' għodod tal-IT, billi jinħoloq fluss tax-xogħol elettroniku li jippermetti modalità mingħajr karti; jinnota l-progress tajjeb li sar bil-fatturazzjoni elettronika li issa hija kompletament operattiva mil-lat informatiku;

35. Jinnota tabella tal-persunal ta' 538 membru tal-persunal fl-2018 (meta mqabbel ma' 533 fl-2017); jilqa' r-rata ta' pożizzjonijiet vakanti aktar baxxa fl-2018 (inqas minn 2 %) milli fl-2017 (madwar 2,5 %); jilqa' l-fatt li, fl-2018, beda eżerċizzju ta' valutazzjoni tal-ammont ta' xogħol biex ikun hemm stampa ġenerali tal-użu effiċjenti tar-riżorsi umani fil-Kumitat u biex jiġu identifikati lakuni possibbli; jinnota li r-rapport finali se jiġi ppreżentat fir-rebbiegħa tal-2019; jitlob li jingħata segwitu dettaljat lis-sitwazzjoni fir-rapport annwali tal-attività  li jmiss;

36. Jilqa' l-introduzzjoni ta' sistema ġdida ta' valutazzjoni li tiffoka fuq il-prestazzjoni individwali u skema ġdida ta' promozzjoni meritokratika li kienu s-suġġett ta' djalogu soċjali intensiv fl-2018; jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni ta' pjan ta' azzjoni wara stħarriġ ta' sodisfazzjon tal-persunal organizzat tard fl-2016 irriżultat fi programm ta' ġestjoni għal maniġers fil-livelli intermedji u inferjuri li jkopru suġġetti li huma marbuta mas-sodisfazzjon tal-persunal;

37. Jilqa' l-fatt li r-rata ta' assenteiżmu naqset matul is-snin (minn 4,86 % fl-2015 għal 4,6 % fl-2016, għal 4,5 % fl-2017 u 4,29 % fl-2018); jinnota, madankollu, li 23 membru tal-persunal kienu fuq liv tal-mard għal aktar minn 90 jum fl-2018, inklużi tliet każijiet li rispettivament damu 352, 296,5, u 280,5 jum, u kienu jikkorrispondu għal mard serju; jirrikonoxxi l-politika komprensiva tal-Kumitat dwar il-ġestjoni tal-assenteiżmu, inkluż is-segwitu tal-assenzi u l-implimentazzjoni ta' politika strutturata għar-ritorn għax-xogħol;

38. Jilqa' b'rabta mal-opportunitajiet indaqs, il-miżuri kollha li ttieħdu fir-rigward tad-diżabbiltà, tad-diversità u tal-bilanċ bejn il-ġeneri, bħan-netwerk tal-punti ta' kuntatt lokali għal opportunitajiet indaqs fid-direttorati rispettivi għas-sensibilizzazzjoni u jiġu implimentati azzjonijiet fid-dipartimenti kollha tal-Kumitat; jilqa' l-isforzi tal-Kumitat fir-rigward tal-kundizzjonijiet flessibbli tax-xogħol tiegħu, sabiex jippermetti lill-kollegi taż-żewġ sessi jaqdu d-dmirijiet maniġerjali billi jirrikonċiljaw aħjar ir-responsabbiltajiet familjari u professjonali tagħhom;

39. Jinnota b'interess li l-Kumitat adotta strateġija integrata ta' ġestjoni tat-talenti li tkopri firxa wiesgħa ta' oqsma u politiki biex, fl-aħħar mill-aħħar, jikkontribwixxu għall-prestazzjoni tal-persunal u l-impenn tal-persunal; jinnota li l-livell ta' viċi kapijiet tal-unità, kapijiet tas-settur u kapijiet ta' timijiet ġie rikonoxxut uffiċjalment bħala livell ta' ġestjoni ġdid u li l-Kumitat organizza taħriġ intern relatat;

40. Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kumitat biex jinkiseb il-bilanċ ġeografiku għall-maniġers tal-Kumitat, b'mod partikolari fir-rigward tal-Istati Membri li aderew mal-Unjoni fl-2014 jew wara, li laħaq it-22,2 % (meta mqabbel mal-mira ta' 20 %), kemxejn ogħla mill-proporzjon ta' popolazzjoni li dawn il-pajjiżi jirrappreżentaw meta mqabbel mal-popolazzjoni totali tal-Unjoni;

41. Jieħu nota tad-diffikultajiet tal-Kumitat biex jiżdied is-sehem tan-nisa f'pożizzjonijiet maniġerjali intermedji u superjuri (35,6 % nisa f'pożizzjonijiet maniġerjali); jirrikonoxxi l-fatt li l-Kumitat huwa istituzzjoni ta' daqs limitat bi grupp relattivament żgħir ta' maniġers ta' livell intermedju; jinnota l-isforzi bħall-Gwida għal Prattika Tajba relatati mar-Reklutaġġ, rielaborata f'istruzzjoni ta' servizz, bl-introduzzjoni ta' regola vinkolanti għall-inklużjoni ta' membri tal-bord irġiel kif ukoll nisa f'kull bord ta' reklutaġġ; jistieden lill-Kumitat isaħħaħ aktar l-isforzi tiegħu u jirrapporta lura dwar kull titjib miksub;

42. Itenni l-ħtieġa li tiġi armonizzata u aċċelerata l-proċedura ta' kwittanza; jipproponi, f'dan ir-rigward, li tiġi stabbilita l-iskadenza tal-31 ta' Marzu tas-sena ta' wara s-sena kontabilistika għall-preżentazzjoni tar-rapporti annwali tal-attività; jilqa' r-rieda tal-Kumitat li jsegwi din l-aħjar prattika li għandha tgħin biex tappoġġa t-talba biex jitqassar iż-żmien għall-proċedura ta' kwittanza;

43. Jilqa' l-fatt li, b'mod ġenerali, il-valutazzjoni ta' nofs it-terminu li tlestiet fil-bidu tal-2018 ikkonkludiet li l-ftehim ta' kooperazzjoni interistituzzjonali bejn il-Kumitati qed jaħdem tajjeb; jinnota li s-servizzi konġunti jservu liż-żewġ Kumitati fl-oqsma tat-traduzzjoni, l-infrastruttura, il-loġistika u l-IT; jinnota li, flimkien mal-ispejjeż relatati mas-salarji kkonċernati, il-valur monetarju annwali tal-operazzjonijiet konġunti tas-servizzi jaqbeż il-EUR 100 miljun;

44. Jinnota li l-ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Kumitati, iffirmat fl-2016, jistabbilixxi qafas ġuridiku sod għal kooperazzjoni fit-tul, effiċjenti u effettiva, u juri li ż-żewġ Kumitati qed jaġixxu fi sħubija filwaqt li jirrispettaw is-setgħat u l-prerogattivi ta' xulxin; jinnota li l-ftehim intemm fil-31 ta' Diċembru 2019 u li ġie deċiż li jiġi estiż għal sena filwaqt li jkun qed jiġi nnegozjat ftehim ġdid; jitlob liż-żewġ Kumitati jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex jikkonkludu ftehim ġdid malajr kemm jista' jkun sabiex jippermettu aktar sinerġiji u ffrankar;

45. Ifakkar li għal darb'oħra ż-żewġ Kumitati ddedikaw inqas minn 3 % tal-baġit totali tagħhom għall-IT u li proġetti u tagħmir tal-IT sofrew minn nuqqas ta' finanzjament strutturali għal diversi snin; jinnota bi tħassib li biex jiġi indirizzat l-akkumulu ta' proġetti u sistemi tal-IT, iż-żewġ Kumitati qed ikomplu jużaw eżerċizzji ta' tlaqqit fi tmiem is-sena biex jiffinanzjaw proġetti tal-IT; jitlob liż-żewġ Kumitati jimplimentaw mill-aktar fis possibbli l-istrateġija diġitali l-ġdida u l-pjan pluriennali ta' nefqa tal-IT;

46. Jistieden lill-Kumitat ikompli janalizza s-sitwazzjoni biex jiġu identifikati oqsma oħra għas-servizzi konġunti mal-KESE; jenfasizza li dan it-tip ta' kooperazzjoni interistituzzjonali jista' jnaqqas b'mod sinifikanti n-nefqa globali tal-Kumitat; jistieden lill-Kumitat jgħarraf lill-Kumitat Parlamentari għall-Kontroll tal-Baġit dwar kull riżultat li nkiseb;

47. Jifraħ lill-Kumitat għat-taħriġ tiegħu dwar it-tagħlim elettroniku b'qasam speċifiku ddedikat għall-etika mfassal prinċipalment għal persunal ġdid u mqiegħed fl-ewwel paġna tal-intranet tal-Kumitat biex kulħadd ikun jista' jaċċedi faċilment għalih; japprezza, fl-interess tat-trasparenza, il-pubblikazzjoni ta' politiki, bħal proċeduri ta' żvelar ta' informazzjoni protetta u politiki dwar attivitajiet okkupazzjonali ta' ex uffiċjali għolja, fuq is-sit web tal-Kumitat; jinkoraġġixxi lill-Kumitat ikompli jaħdem fuq politika vera favur id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi tiegħu;

48. Ifakkar li fit-23 ta' Awwissu 2018, ex awditur intern ressaq ilment quddiem l-awtorità tal-ħatra kontra l-Kumitat abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, wara d-deċiżjoni tal-Kumitat tal-24 ta' Mejju 2018 li jirrifjuta li jirrikonoxxih bħala informatur in bona fide; jiddispjaċih ħafna dwar id-deċiżjoni tal-Kumitat li tikkontradixxi l-pożizzjoni tal-Parlament li l-awditur intern huwa informatur in bona fide, ikkonfermata fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-13 ta' Jannar 2004; iħeġġeġ lill-Kumitat jirrikonoxxi bis-sħiħ l-istatus tal-awditur intern u jitlob skuża pubblika talli l-każ tiegħu ġie ttrattat ħażin;

49. Jinnota li fl-20 ta' Diċembru 2019, il-Kumitat għamel proposta lil ex awditur intern għal soluzzjoni bil-qorti soġġetta għal ftehim dwar il-protezzjoni tas-segretezza, li l-ex awditur intern irrifjuta abbażi tan-nuqqas ta' trasparenza; iħeġġeġ lill-Kumitat jirrevedi l-proposta tiegħu sabiex jirrikonoxxi formalment l-ex awditur intern bħala informatur in bona fide u jippermetti li kwalunkwe ftehim ta' konċiljazzjoni jkun pubbliku fl-interess tat-trasparenza;

50. Jiddispjaċih li t-tnedija ta' proċess ta' medjazzjoni bejn il-Kumitat u l-ex awditur intern, mitluba fir-riżoluzzjoni (UE) 2019/1429[7], għadha ma seħħitx u hija ppjanata biss għall-bidu tal-2020; jiddispjaċih ukoll li l-Kumitat dam aktar minn 20 sena biex jidħol fi proċess ta' medjazzjoni mal-ex awditur intern; itenni l-appoġġ qawwi tiegħu, kif espress f'bosta riżoluzzjonijiet tal-Parlament, għal soluzzjoni ġusta u imparzjali mal-ex awditur intern u għal skuża pubblika tal-Kumitat għall-għemil ħażin tiegħu fit-trattament ta' dan il-każ;

51. Jinnota d-deċiżjoni tat-tielet kumitat tal-invalidità, li jikkonferma b'mod unanimu li l-awditur intern kien invalidat minħabba raġunijiet okkupazzjonali u kien suġġett għal proċess ta' bullying mill-Kumitat;

52. Jinnota li, fl-20 ta' Diċembru 2019, il-Kumitat ippreżenta proposta għal soluzzjoni bonarja u abbozz ta' stqarrija pubblika, li ġew irrifjutati mill-ex awditur intern, li esprima x-xewqa li l-proċess ta' medjazzjoni jiġi attivat bħala l-aktar strument adattat għar-riżoluzzjoni ġusta tal-każ;

53. Jilqa' l-ħatra tal-Membru tal-PE Sophie in t'Veld bħala medjatur fil-każ tal-ex awditur intern bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim ta' kompromess għall-każ; ifakkar fit-talba tiegħu li tali medjazzjoni għandha tindirizza wkoll l-istatus tal-informatur in bona fide tal-ex awditur intern (kif rikonoxxut mill-Parlament fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tiegħu tal-2004) u l-fatt li kien qed jaġixxi fl-interessi tal-Unjoni billi jirrapporta irregolaritajiet fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

54. Jitlob li l-Kumitati jaċċettaw minnufih il-medjazzjoni sabiex jimplimentaw id-deċiżjoni tat-tielet kumitat tal-invalidità, filwaqt li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex iwieġbu t-talbiet li saru fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament;

55. Jinnota li l-Kumitat, fil-kuntest tal-politika tiegħu ta' "revolving doors", jiżgura li l-persunal kollu li jitlaq mis-servizz, u l-maniġers superjuri, b'mod partikolari, jiġu mfakkra b'mod proattiv u sistematiku dwar l-obbligu tagħhom li jiddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jinvolvu ruħhom f'attività okkupazzjonali; jilqa' l-fatt li l-Kumitat ifakkar ukoll lill-persunal li jitlaq mis-servizz b'mod temporanju għal liv bla ħlas (CCP) jew għal invalidità, fl-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal u d-deċiżjoni interna Nru 66/2014 tal-Kumitat dwar attivitajiet u inkarigi esterni;

56. Jinnota li l-Kunsill stabbilixxa li mid-data li fiha l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jsir legalment effettiv, tlieta mill-24 siġġu li bħalissa huma attribwiti lir-Renju Unit se jiġu attribwiti lill-Estonja, lil Ċipru u lil-Lussemburgu; jinnota li għaldaqstant, in-numru ta' siġġijiet tal-Kumitat jitnaqqas biss b'21;

57. Jenfasizza l-ħidma kollha li nkisbet fl-aħħar snin f'oqsma bħall-ibbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni, il-qafas etiku bir-regoli u l-proċeduri kollha relatati tiegħu, l-attivitajiet ta' komunikazzjoni msaħħa u l-ammont dejjem jiżdied ta' miżuri biex titjieb it-trasparenza; jilqa' l-għadd sinifikanti ta' ftehimiet interistituzzjonali dwar is-servizzi u l-kooperazzjoni; jissottolinja l-importanza tal-kollaborazzjoni u l-kondiviżjoni tal-esperjenzi fost l-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej; jissuġġerixxi li l-Kumitat janalizza l-possibbiltà ta' attivitajiet formalizzati ta' netwerking f'oqsma differenti biex jikkondividi l-aħjar prattiki u jiżviluppa soluzzjonijiet komuni.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

19.2.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

7

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Matteo Adinolfi, Olivier Chastel, Caterina Chinnici, Lefteris Christoforou, Ryszard Czarnecki, José Manuel Fernandes, Luke Ming Flanagan, Isabel García Muñoz, Cristian Ghinea, Monika Hohlmeier, Jean-François Jalkh, Joachim Kuhs, Tsvetelina Penkova, Sabrina Pignedoli, Michèle Rivasi, Nico Semsrott, Angelika Winzig, Lara Wolters, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Grapini, David Lega, Marian-Jean Marinescu, Mikuláš Peksa, Ramona Strugariu

Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

József Szájer

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

18

+

ECR

Ryszard Czarnecki

ID

Joachim Kuhs

PPE

Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Monika Hohlmeier, David Lega, Marian-Jean Marinescu, József Szájer, Angelika Winzig, Tomáš Zdechovský

RENEW

Olivier Chastel, Cristian Ghinea, Ramona Strugariu

S&D

Caterina Chinnici, Isabel García Muñoz, Maria Grapini, Tsvetelina Penkova, Lara Wolters

 

7

-

GUE/NGL

Luke Ming Flanagan

ID

Matteo Adinolfi, Jean-François Jalkh

NI

Sabrina Pignedoli

VERTS/ALE

Mikuláš Peksa, Michèle Rivasi, Nico Semsrott

 

0

0

 

 

 

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

[1] ĠU L 57, 28.02.2018.

[2] ĠU C 327, 30.09.2018, p. 1.

[3] ĠU C 340, 08.10.2019, p. 1.

[4] ĠU C 340, 08.10.2019, p. 9.

[5] ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

[6] ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

[7] Riżoluzzjoni (UE) 2019/1483 tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni (ĠU L 249, 27.9.2015, p. 123).

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' April 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza