RAPPORT dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

4.3.2020 - (2019/2060(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Tomáš Zdechovský


Proċedura : 2019/2060(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0078/2020

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

(2019/2060(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018[1],

 wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018 (COM(2019)0316 – C9-0055/2019)[2],

 wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-awditi interni mwettqa fl-2018,

 wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2018, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet[3],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[4] dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2018 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[5], u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012[6], u b'mod partikolari l-Artikoli 59, 118, 260, 261 u 262 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0078/2020),

1. Jiddifferixxi d-deċiżjoni tiegħu dwar l-għoti ta' kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għas-sena finanzjarja 2018;

2. Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

 


2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

(2019/2060(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

 wara li kkunsidra l-preżentazzjoni in camera mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament tat-3 ta' Frar 2020 dwar l-eżitu tal-investigazzjoni mill-OLAF relatata mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew;

 wara li kkunsidra r-Rapport tal-Ombudsman Ewropew dwar id-dinjità fix-xogħol fl-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE fil-każ SI/2/2018/AMF,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0078/2020),

A. billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tkompli tissaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u fl-obbligu ta' rendikont, kif ukoll bl-implimentazzjoni tal-kunċett ta' baġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

1. Jilqa' l-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti") li l-pagamenti kollha għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2018 għall-infiq amministrattiv tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-"Kumitat") kienu ħielsa minn żbalji materjali u li s-sistemi ta' sorveljanza u kontroll eżaminati kienu effettivi;

2. Jinnota li minn Lulju sa Novembru 2018 l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) irċieva allegazzjonijiet ta' fastidju ta' membru ta' livell għoli tal-Kumitat, il-president tal-Grupp tal-Impjegaturi (Grupp I) minn April 2013, minn ħames sorsi differenti u fis-6 ta' Novembru 2018 l-OLAF iddeċieda li jiftaħ investigazzjoni;

3. Jinnota li fl-2018 ġie rrapportat każ wieħed ta' allegat fastidju permezz tal-proċedura formali (Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u Artikolu 12§1 tad-Deċiżjoni tal-Kumitat dwar il-prevenzjoni tal-fastidju); ifakkar li l-inkjesta amministrattiva ġiet konkluża, u ġiet imposta sanzjoni dixxiplinarja fuq il-persuna akkużata; jieħu nota tal-fatt li fl-2018 ġew rapportati tliet każijiet oħra ta' allegat fastidju, sa ċertu punt marbuta flimkien, permezz ta' seba' rapporti ta' informaturi; jieħu nota tal-fatt li tnedew żewġ inkjesti amministrattivi u li l-kwistjonijiet ġew riferuti lill-OLAF f'Jannar 2019;

4. Jinnota li fis-17 ta' Jannar 2020 l-OLAF indirizza r-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-President tal-Kumitat kif previst fil-ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Kumitat u l-OLAF; jesprimi tħassib li l-OLAF sab każijiet ta' fastidju fil-konfront ta' żewġ membri tal-persunal, imġiba mhux xierqa (kondotta ħażina serja) kontra membru tal-persunal u Membru tal-Kumitat, u mġiba ħażina kontra membri oħra tal-persunal u ddeċieda wkoll li jirreferi l-kwistjoni lill-awtoritajiet Belġjani;

5. Jiddeplora s-sejbiet tal-OLAF fir-rigward tal-fastidju psikoloġiku, imġiba ħażina serja u mġiba mill-president tal-Grupp 1 lejn is-subordinati tiegħu bejn l-2013 u l-2018; jinnota li taħt il-liġi Belġjana l-fastidju jikkostitwixxi att kriminali; jinnota, barra minn hekk, li nkiser l-Artikolu 4 tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri tal-Kumitat dwar id-dinjità u li tali mġiba mhijiex kompatibbli mal-valuri tal-Unjoni tar-rispett u l-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem fuq il-post tax-xogħol kif previst fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jappella lill-Kumitat jirrapporta għand l-awtorità ta' kwittanza fi żmien dovut dwar is-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF;

6. Jistenna li l-Kumitat jinforma kif dovut lill-awtorità ta' kwittanza qabel Settembru 2020 dwar il-miżuri meħuda sabiex isir segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF u rettifiki għall-għemil ħażin;

7. Jappella lill-Kumitat biex japplika b'mod konsistenti l-Artikolu 8 tal-Kodiċi ta' Kondotta mingħajr ebda dewmien, prinċipalment billi jagħti bidu għall-proċedura meħtieġa kontra l-persuni kkonċernati u billi jirreferi minnufih dawn il-kwistjonijiet lill-kumitat konsultattiv;

8. Jisħaq fuq it-tħassib tiegħu dwar l-ambjent tax-xogħol attwali fi ħdan il-Kumitat, partikolarment fil-Grupp I, u jappella lill-Kumitat biex jieħu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxi l-ambjent ta' rispett u fiduċja meħtieġ għall-benesseri personali u l-iżvilupp professjonali tal-persunal; ifakkar ukoll lill-Kumitat li ambjent tax-xogħol ħażin jikkawża ineffiċjenza, stress u nuqqas ta' produttività;

9. Jinnota li fit-22 ta' Jannar 2020 il-Grupp I ipproċeda bl-elezzjoni tal-President attwali tiegħu bħala l-kandidat għal president tal-Kumitat minn Ottubru 2020 meta l-presidenza tal-Kumitat ser titmexxa mill-Grupp I għal sentejn u nofs;

10. Ifakkar fir-rapport tal-Ombudsman Ewropew (l-Ombudsman) dwar id-dinjità fuq il-post tax-xogħol fl-istituzzjonijiet u fl-aġenziji tal-UE (SI/2/2018/AMF) li, fir-rigward tal-persunal ta' kariga għolja, ddeskriva kif "Individwi huma partikolarment vulnerabbli għal fastidju fejn hemm żbilanċ fil-poter bejn il-partijiet involuti. Dan jista' jiġi mitigat permezz ta' regoli aktar eżiġenti għal membri tal-persunal ta' grad għoli li mhumiex koperti mir-Regolamenti tal-Persunal, bħall-kummissarji, l-imħallfin, il-membri tal-Qorti tal-Awdituri, il-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u oħrajn. Dawn jistgħu jinkludu miżuri dixxiplinari aktar serji, bħall-irtirar obbligatorju jew it-tneħħija tad-drittijiet tal-pensjoni. Il-membri tal-persunal ta' grad għoli għandhom jiġu informati dwar ir-regoli u l-politiki kollha kontra l-fastidju mal-bidu tal-mandat tagħhom b'mod komprensiv u f'intervalli regolari." [traduzzjoni mhux uffiċjali];

11. Jitlob li l-Kumitat jistabbilixxi u jimplimenta pjan ta' azzjoni biex jipprevjeni u jindirizza b'mod attiv il-fastidju fl-ambjent tax-xogħol, jissensibilizza dwar il-fastidju u jrawwem kultura ta' tolleranza żero fir-rigward tal-fastidju;

12. Jappella lill-Kumitat itejjeb miżuri li jippermettu lill-membri tal-persunal jagħmlu ilmenti formali dwar fastidju u jorganizza taħriġ regolari għall-konsulenti kunfidenzjali u jistabbilixxi grupp ta' investigaturi indipendenti li l-Kumitat jista' jikkonsulta matul l-investigazzjonijiet formali dwar fastidju;

13. Jinnota b'sodisfazzjon l-eżempji ta' prattika tajba mill-politika tal-Qorti kontra l-fastidju sesswali li għandha miżuri dixxiplinari b'saħħithom kontra l-membri kolpevoli, bħall-irtirar obbligatorju jew iċ-ċaħda tad-drittijiet għall-pensjoni, u jappella lill-Kumitat jimplimenta dawn l-eżempji;

14. Jiddispjaċih, bħala rimarka ġenerali, li l-Kapitolu 10, "Amministrazzjoni", tar-Rapport Annwali tal-Qorti għandu kamp ta' applikazzjoni u konklużjonijiet pjuttost limitati, anke jekk l-Intestatura 5, "Amministrazzjoni", tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) titqies bħala ta' riskju baxx;

15. Jinnota li l-Qorti għażlet kampjun ta' 45 tranżazzjoni li jikkorrispondu għall-Intestatura 5, "Amministrazzjoni", tal-QFP għall-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Unjoni; jinnota li l-kampjun tfassal biex ikun rappreżentattiv tal-firxa ta' nfiq taħt l-Intestatura 5, li tirrappreżenta 6,3 % tal-baġit tal-Unjoni; jinnota li l-ħidma tal-Qorti tindika li l-infiq amministrattiv huwa ta' riskju baxx; jikkunsidra, madankollu, li l-ammont ta' tranżazzjonijiet magħżula b'rabta mal-"istituzzjonijiet l-oħra" mhuwiex suffiċjenti u jitlob lill-Qorti żżid l-għadd ta' tranżazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati tal-inqas b'10 %;

16. Jinnota li fl-2018 il-baġit tal-Kumitat ammonta għal EUR 135 630 905, imqabbel mal-EUR 133 807 338 tal-2017, li jikkorrispondi għal żieda ta' 1,36 %; jinnota rata globali ta' implimentazzjoni ta' 98,66 % (imqabbla ma' 96,5 % fl-2017 u 97,2 % fl-2016);

17. Jilqa' l-ġestjoni finanzjarja kumplessivament prudenti u soda tal-Kumitat fil-perjodu tal-baġit tal-2018; jilqa' l-fatt li r-rata ta' impenn għat-Titolu 1 "Infiq relatat ma' persuni li jaħdmu mal-Kumitat" kienet 98,94 % u għat-Titolu 2 "Il-bini, it-tagħmir u l-infiq operattiv mixxellanju" kienet 97,97 %;

18. Josserva bi tħassib li l-approprjazzjonijiet finali għall-indennizzi tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza għall-Membri qegħdin jiżdiedu bi ftit, EUR 20 247 625 fl-2018 (imqabbel ma' EUR 19 819 612 fl-2017 u EUR 19 561 194 fl-2016) minkejja t-tnaqqis fl-għadd ta' laqgħat; jirrikonoxxi li l-approprjazzjonijiet relatati mhux użati jammontaw biss għal 1,05 %;

19. Jilqa' d-Deċiżjoni tal-Kumitat Nru 2018/C 466/02 tal-10 ta' Diċembru 2018, li skontha l-membri tal-Kumitat jiġu rimborżati meta jippreżentaw id-dokumenti ta' prova tal-ispejjeż reali tal-biljetti tal-ivvjaġġar tagħhom sa massimu ta' tariffa tal-ajru business class skontata (preferibbilment tariffa economy class jew simili); jieħu nota li s-sistema attwali, ibbażata fuq spejjeż reali, hija konformi kemm mad-Deċiżjoni tal-Kunsill kif ukoll mas-sistema fis-seħħ fil-Parlament; jinnota b'apprezzament li l-Kumitat jinkoraġġixxi soluzzjonijiet ta' trasport komuni bħal karozzi tal-linja pubbliċi u car-sharing kif ukoll il-kiri ta' kowċis meta jidher li din tkun l-aktar soluzzjoni kosteffiċjenti;

20. Jinnota li, fl-2018, il-grupp baġitarju tal-Kumitat iffoka b'mod partikolari fuq il-valutazzjoni ta' kif għandu jiġi kkontrollat l-infiq u jitjieb it-tbassir għall-partita tal-baġit li tkopri l-allowances għall-ivvjaġġar u għas-sussistenza tal-membri u li, bħala riżultat, f'Ottubru 2018 tnediet sejħa għall-offerti dwar "Analiżi u l-proposta għal titjib tas-sistema ta' projezzjoni attwali rigward ir-rimborż tal-ispejjeż tal-membri, id-delegati u l-esperti tal-KESE"; jappella lill-Kumitat jgħarraf lill-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit dwar kwalunkwe riżultati miksuba;

21. Josserva li l-approprjazzjonijiet riportati (EUR 8 204 796) mill-2018 għall-2019 (imqabbla ma' EUR 9 232 069 mill-2017 għall-2018) jammontaw għal 6,05 % tal-approprjazzjonijiet totali, li għal darb'oħra huwa prinċipalment dovut għal-linji baġitarji "Membri tal-istituzzjoni u delegati", "bini" u "ipproċessar ta' data"; jiddeplora l-fatt li bosta approprjazzjonijiet riportati awtomatikament mill-2017 għall-2018 kienu partikolarment sovravalutati; ifakkar lill-Kumitat li huwa essenzjali li jsir aġġustament realistiku għall-baġit f'konformità mal-ħtiġijiet reali; ifakkar li sovrastima jew sottostima eċċessiva tindika ppjanar baġitarju dgħajjef u tirriżulta fi pressjoni negattiva fuq il-ġestjoni finanzjarja soda u prudenti;

22. Jisħaq li l-baġit tal-Kumitat huwa wieħed purament amministrattiv; jinnota li l-Kumitat ivvaluta kif għandu japplika l-prinċipji ta' baġitjar abbażi tal-prestazzjoni għall-approprjazzjonijiet amministrattivi biss; jilqa' l-inizjattiva tal-Kumitat li jaħdem flimkien ma' istituzzjonijiet oħra biex jistabbilixxi ġabra ta' linji gwida interistituzzjonali dwar l-implimentazzjoni ta' baġitjar abbażi tal-prestazzjoni għall-istituzzjonijiet li għandhom biss infiq amministrattiv;

23. Jirrikonoxxi li fl-2018 ġiet aġġornata deċiżjoni dwar l-istandards ta' kontroll intern, li tifformalizza l-eżistenza ta' proċess ta' kontroll intern fi ħdan il-Kumitat li jinkludi l-ħatra ta' koordinatur intern tal-kontroll; jinnota li l-Kumitat nieda eżerċizzju għall-konformità mal-istandards ta' kontroll intern mas-16-il standard ta' kontroll intern permezz ta' kwestjonarju ad hoc, segwit minn rapport, li kien il-bażi biex l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni jiddeċiedi fuq katalgu ta' miżuri għall-2019 maħsuba biex itejbu aktar il-konformità mal-istandards ta' kontroll intern; jilqa' b'sodisfazzjon it-taħriġ u l-azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni li qegħdin isiru f'dan il-kuntest;

24. Jieħu nota tal-fatt li s-salarji jammontaw għal madwar nofs il-baġit tal-Kumitat; jilqa' l-awditu intern dwar il-pagamenti tas-salarji li ġie ffinalizzat fl-2018 biex jingħata aċċertament li l-proċeduri tjiebu wara awditu li sar fl-2010; jinnota li l-awditu sab li l-proċess ta' pagament tas-salarji kien stabbli u ma joffri ebda riskju mhux dovut; jieħu nota tal-pjan ta' azzjoni miftiehem li kien diġà ġie implimentat parzjalment sa tmiem l-2018, bl-elementi l-oħra kollha skedati għall-implimentazzjoni sa tmiem l-2019;

25. Josserva li fl-2018 il-Kumitat adotta total ta' 215-il opinjoni u rapport (imqabbla ma' 155 fl-2017); jilqa' l-isforzi li saru biex tiżdied l-effiċjenza ġenerali tiegħu; jilqa' b'mod speċifiku l-isforzi kollha, b'mod partikolari fl-2018, li wasslu għal viżjoni li toħloq ambjent tal-IT futur tal-Kumitat li jkun kompatibbli mal-amministrazzjoni moderna u li jipprevedi, għall-10 snin li ġejjin, Kumitat ittrasformat b'mod diġitali, iffukat fuq l-utent u xprunat mid-data; jinnota li bħalissa 3 % biss tal-baġit tal-Kumitat huwa ddedikat għall-prodotti tal-IT; jinnota li l-implimentazzjoni tal-istrateġija diġitali tal-Kumitat ser teħtieġ riżorsi addizzjonali;

26. Jagħraf li l-Intelliġenza Artifiċjali (IA) ser tbiddel is-suq tax-xogħol u ser tieħu post proporzjon kbir ta' impjiegi eżistenti; jinkoraġġixxi lill-Kumitat isegwi din il-kwistjoni mill-qrib; jappoġġja l-ħidma tal-Kumitat għall-IA permezz tal-pubblikazzjoni ta' opinjoni u l-organizzazzjoni tal-ewwel summit tal-partijiet ikkonċernati dwar l-IA f'Ġunju 2018 mal-Kummissjoni sabiex tiġi enfasizzata l-importanza li l-Unjoni tiżgura li l-IA tkun sikura, imparzjali u konformi mal-valuri tal-Unjoni;

27. Jilqa' l-isforzi tal-Kumitat biex iżid il-protezzjoni tad-data u ċ-ċibersigurtà tal-Kumitat; jilqa' wkoll il-kooperazzjoni mal-Iskwadra ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji Ewropej (CERT-UE) u l-parteċipazzjoni attiva fis-sottogrupp ta' sigurtà tal-Kumitat Interistituzzjonali tal-IT (CII);

28. Jisħaq li fl-2018 ġie konkluż ftehim dwar il-livell ta' servizz bejn il-Kummissjoni u l-Kumitat dwar ir-riżorsi umani, inkluż it-taħriġ, u dan żied it-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-ispejjeż relatati mat-taħriġ fl-IT kif mitlub fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-2017 tal-Parlament[7]; jinnota bi tħassib, madankollu, li l-vantaġġ ta' żieda fit-trasparenza ntilef parzjalment minħabba żieda sostanzjali fil-prezzijiet mitluba mill-Kummissjoni u jitlob lill-Kumitat janalizza s-sitwazzjoni flimkien mal-Kummissjoni fl-interess li jinstab titjib;

29. Jirrimarka li l-pjan ta' stabbiliment approvat mill-awtorità baġitarja kkonferma żieda fil-persunal minn 665 post fl-2017 għal 668 fl-2018 (imqabbla ma' 727 fl-2013); jirrikonoxxi li tnaqqis ta' 5 % applikat għal pjan ta' stabbiliment diġà relattivament żgħir huwa ferm aktar diffiċli biex jiġi assorbit minħabba l-ħtieġa li jinżammu xi funzjonijiet ewlenin fir-rigward tal-kontinwità tal-operat u li rata ta' tnaqqis globali bħal din tirrikjedi sforz akbar minn istituzzjonijiet iżgħar;

30. Jinnota l-miżuri għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni dwar l-informaturi tal-2016, bħall-adozzjoni ta' deċiżjoni interna dwar konsulenti tal-etika; jirrikonoxxi li fl-2018 intgħażlu tliet membri addizzjonali tal-persunal sabiex jissieħbu fit-tim attiv ta' konsulenti mħarrġa; jinnota r-rwol tal-konsulenti tal-etika fejn jagħtu pariri u joffru assistenza lill-membri tal-persunal sabiex jgħinuhom jissodisfaw l-obbligi tagħhom bl-aħjar mod possibbli fir-rigward tar-rapportar ta' mġiba ħażina serja (informaturi) hekk kif iddikjarat fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-2016 tal-Parlament[8];

31. Jinnota bi tħassib li l-għadd ta' talbiet għal assistenza lill-konsulenti tal-etika żdied minn 25 fl-2017 għal 42 fl-2018 u jisħaq, bi tħassib partikolari, li 33 minn dawn it-talbiet kienu nisa filwaqt li l-għadd ta' talbiet minn irġiel baqa' stabbli għal disa' persuni;

32. Jinnota l-miżuri kollha meħuda biex tissaħħaħ l-effikaċja tal-politika kontra l-fastidju, bħal taħriġ dwar temi speċifiċi, netwerking tal-konsulenti kunfidenzjali u superviżjoni regolari minn konsulent estern; jinnota li qiegħda titqies reviżjoni tad-deċiżjoni attwali dwar il-fastidju biex jiġi żgurat li jkun hemm sinerġiji aħjar ma' regolamenti rilevanti oħra, bħal dawk dwar l-informaturi; jinnota l-kors dwar l-etika u l-integrità li huwa obbligatorju għall-persunal kollu u li jkopri standards ta' mġiba fil-post tax-xogħol, inkluż dwar x'inhuwa l-fastidju u kif tittrattah; jiddispjaċih ħafna li dawn il-miżuri kollha naqsu milli jevitaw il-każijiet relatati ta' fastidju u milli jipproteġu lill-vittmi; ifakkar lill-Kumitat li protezzjoni proattiva, reali u urġenti (inkluż kontra theddid, rikatt u attentati ta' tixħim) tal-vittmi u tal-informaturi għandha tkun waħda mill-prijoritajiet ewlenin ta' dawn il-miżuri; jappella lill-Kumitat isaħħaħ u jtejjeb il-miżuri meħuda s'issa u fuq kollox jipproteġi lill-vittmi b'mod effikaċi; jitlob lill-Kumitat jirrapporta lura dwar dan lill-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit f'dan ir-rigward;

 33. Jinnota b'apprezzament il-kooperazzjoni bejn il-Kumitat u l-OLAF; josserva li ż-żewġ istituzzjonijiet iffirmaw arranġamenti amministrattivi fl-2016 li jistabbilixxu l-proċedura li għandha tiġi segwita għat-trattament tal-każijiet ta' frodi; jinnota wkoll li f'Lulju 2019, il-President u s-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat iltaqgħu mad-Direttur Ġenerali tal-OLAF sabiex joħolqu sinerġiji aħjar u jiżguraw skambju aktar effiċjenti ta' informazzjoni;

34. Jinnota li l-kodiċi ta' kondotta l-ġdid għall-membri, anness għar-Regoli ta' Proċedura l-ġodda tal-Kumitat li daħlu fis-seħħ f'Marzu 2019, jinkludi, għall-ewwel darba, penali għall-membri involuti f'sitwazzjonijiet fejn membru ma jissodisfax l-obbligi tiegħu jew tagħha skont il-kodiċi ta' kondotta; jiddispjaċih li tali penali mhumiex severi biżżejjed u mhumiex allinjati mar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman; ifakkar li l-użu tal-fondi tal-Unjoni għad-difiża tar-reputazzjoni istituzzjonali jew ta' membri soġġetti għal sentenza negattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-Qorti tal-Ġustizzja) jew tal-qrati tal-Istati Membri huwa miżapproprjazzjoni ta' fondi pubbliċi u jfakkar li s-servizzi legali istituzzjonali jintużaw biss sabiex tiġi difiża l-istituzzjoni u mhux għad-difiża tal-interessi tal-individwi; jitlob lill-Kumitat biex b'mod urġenti jsaħħaħ il-Kodiċi ta' Kondotta għall-membri sabiex b'mod partikolari jiżdiedu penali li jistgħu jkunu aktar effettivi u dissważivi; jinnota li ġie stabbilit kumitat konsultattiv dwar l-imġiba tal-membri u li dan il-kumitat ser jagħti lil kwalunkwe membru, li jitlob, gwida dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta u, billi jissuġġerixxi lill-President tal-Kumitat passi possibbli li għandhom jittieħdu, u dwar allegat ksur tal-kodiċi ta' kondotta; jirrakkomanda bis-sħiħ li t-taħriġ dwar il-fastidju jkun disponibbli għall-membri kollha, hekk kif huwa l-każ fil-Parlament mill-bidu tal-leġiżlatura attwali;

35. Ifakkar li l-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit talab aġġornamenti regolari dwar il-qafas tal-etika u tal-integrità; jilqa' l-fatt li fl-2018 bdew it-tħejjijiet għal kampanja dwar "Respect@work", maħsuba biex trawwem relazzjonijiet ta' rispett fil-post tax-xogħol għal kulħadd, li, fost azzjonijiet oħra, ser tikkontribwixxi għal reviżjoni tal-qafas tal-etika u tal-integrità fl-2019; jappella lill-Kumitat biex jirrapporta fir-rapport tal-attivitajiet annwali tiegħu li jmiss;

36. Ifakkar li s-Servizz Legali tal-Kumitat iddgħajjef ħafna għal erba' snin, minn Marzu 2010, meta l-kap tas-Servizz Legali tneħħa b'effett immedjat minn dmirijietu wara li ddenunzja irregolaritajiet serji u pressjonijiet illeċiti mis-Segretarju Ġenerali f'dak iż-żmien; ifakkar ukoll li din il-pożizzjoni baqgħet vakanti għal tliet snin u nofs, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku Ewropew ikkundanna lill-Kumitat f'dan il-każ (Sentenza F-41/10 RENV Bermejo Garde vs KESE), li l-Kumitat kellu jħallas aktar minn EUR 100 000 u li kien biss fl-2014 li nħatar kap ġdid tas-Servizz Legali u s-servizz ġie msaħħaħ b'ħames avukati;

37. Huwa mħasseb ħafna dwar il-bidliet reċenti li jistgħu mill-ġdid idgħajfu s-Servizz Legali tal-Kumitat, inkluż li mill-1 ta' Jannar 2020 'l hawn huwa marbut direttament mas-Segretarju Ġenerali bħala l-uniku Servizz Legali fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li minn Settembru 2019 tilef wieħed mill-ħames avukati tiegħu fuq bażi permanenti, li xi membri tal-persunal, inkluż il-kap ta' unità, ġew inklużi fil-mobilità minflok ma tqiesu bħala persunal speċjalizzat, bħal fl-istituzzjonijiet l-oħra, u li sofra tnaqqis drastiku fl-għadd ta' konsultazzjonijiet formali;

38. B'kont meħud li sa mill-ħolqien tagħhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni pprovdew għalihom stess servizz legali intern li l-funzjonijiet ewlenin tiegħu huma l-pariri u r-rappreżentanza legali u d-difiża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm servizz legali b'saħħtu u indipendenti u għaldaqstant jitlob lill-Kumitat jiżgura li s-Servizz Legali tiegħu jkollu għadd suffiċjenti ta' persunal biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu u jkun jista' jżomm l-indipendenza tiegħu; jitlob lill-Kumitat ineħħi l-miżuri kollha li jistgħu jdgħajfuh fl-eżerċizzju tal-attivitajiet u l-funzjonijiet korrispondenti tagħha; ifakkar ukoll lill-Kumitat dwar l-importanza li jikkonsulta s-Servizz Legali dwar id-deċiżjonijiet tal-Kumitat sabiex jiġi żgurat li dawn jikkonformaw mal-liġi u jiġi evitat li jsiru żbalji serji u jkun hemm proċedimenti legali, twal u onerużi sussegwenti;

39. Jiddispjaċih bis-sħiħ dwar l-allegazzjonijiet pubbliċi kkawżati mill-proċedura ta' reklutaġġ għas-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-Kumitat; jinnota li l-argumenti mressqa mis-Segretarju Ġenerali fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Parlament għall-Kwittanza 2018; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat b'mod strett it-twettiq, bi trasparenza sħiħa, tal-fażijiet kollha mingħajr ebda eċċezzjoni matul il-proċedura kollha (pubblikazzjoni, għażla, ħatra u stabbiliment) hekk kif stabbilit fir-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat u fir-Regolamenti tal-Persunal sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju għar-reputazzjoni, mhux biss għall-Kumitat iżda għall-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni;

40. Jilqa' l-isforzi li saru biex tiżdied il-viżibilità tal-Kumitat, kemm billi jsaħħaħ ir-relazzjonijiet tiegħu mal-midja kif ukoll billi jqiegħed enfasi fuq il-komunikazzjoni online sabiex ineħħi aktar l-ostakli relatati mal-lingwa u mad-diżabilità; jaċċentwa, fir-rigward tal-komunikazzjoni fuq midja soċjali, il-politika ta' taħriġ li takkumpanjaha u sessjonijiet ta' kkowċjar imfassla apposta kemm għall-membri kif ukoll għall-persunal tal-Kumitat; jinnota t-tnaqqis minimu fl-għadd ta' stqarrijiet għall-istampa fl-2018 (madwar 60, imqabbla ma' 70 fl-2017) bħala parti minn strateġija li għandha l-għan li tiżviluppa għamla ta' "webstories" sabiex ikun hemm komunikazzjoni aktar iffukata fuq it-temi l-aktar importanti tal-Kumitat; jitlob lill-Kumitat biex jirrapporta l-esperjenzi tiegħu f'dan ir-rigward;

41. Jinnota li l-Kumitat implimenta firxa vasta ta' attivitajiet ta' komunikazzjoni fl-okkażjoni tas-60 anniversarju tiegħu f'Mejju 2018; jilqa' l-fatt li l-Kumitat irċieva 9 419-il viżitatur fl-2018 (imqabbla ma' 7 820 fl-2017) u li l-Jum għall-Pubbliku tradizzjonali fil-5 ta' Mejju attira madwar 2 888 viżitatur oħra (imqabbla ma' 2 700 fl-2017); jinnota li l-plenarji tal-Kumitat, li jixxandru fuq l-internet, kellhom potenzjal li jilħqu bejn tliet u tmien miljun ruħ; jinnota li l-interazzjoni ġenerali online, bħal retweets, likes u tweġibiet, żdiedet u ntlaħqu bejn 680 u 1 840 mentions f'kull plenarja;

42. Jinnota li l-approprjazzjonijiet għall-esternalizzazzjoni tat-traduzzjoni żdiedu (20,2 % fl-2018, kemxejn ogħla mill-mira ta' 20 %, imqabbla ma' 17,1 % fl-2017 u 16,61 % fl-2016) fil-kuntest tal-ftehim ta' kooperazzjoni ffirmat mal-Parlament u t-tnaqqis sussegwenti fil-persunal tat-traduzzjoni; jinnota wkoll li l-ispiża totali tat-traduzzjoni esternalizzata fl-2018 kienet ta' EUR 4 417 613, imqabbla ma' EUR 7 208 710 li kienet tkun l-ispiża totali tat-traduzzjoni interna;

43. Jistieden lill-Kumitat ikompli bil-miżuri ta' razzjonalizzazzjoni tiegħu fil-qasam tat-traduzzjoni;

44. Jinnota li l-ftehim ta' kooperazzjoni amministrattiva ffirmat bejn il-Kumitat, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Parlament fl-2014 intemm fil-31 ta' Diċembru 2019; jinnota li sa issa l-ftehim tal-2014 ma reġax ġie nnegozjat jew estiż; huwa tal-opinjoni li l-ftehim tal-2014 kien żbilanċjat ħafna għall-Kumitat u l-Kumitat tar-Reġjuni ("il-Kumitati"), li b'kollox ittrasferew 60 traduttur lill-Parlament (36 mill-Kumitat) u bi skambju kisbu biss l-użu tas-servizzi tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS); jinnota bi tħassib li bħala konsegwenza, il-Kumitati kellhom jikru persunal kuntrattwali u jesternalizzaw is-servizz tat-traduzzjoni; jinnota bi tħassib li l-Parlament biex jikkumpensa għat-tnaqqis fil-persunal tat-traduzzjoni pprovda ammont addizzjonali (EUR 1 200 000 mill-2015 sal-2016) għall-Kumitat tar-Reġjuni biex tiġi koperta l-esternalizzazzjoni tas-servizzi tat-traduzzjoni, liema ammont jista' jiġi riallokat għal oqsma ta' politika oħra jekk ma jintużax kollu għal traduzzjoni esternalizzata (il-Kumitat uża din il-possibbiltà ta' riallokazzjoni fl-aħħar tliet snin); huwa tal-opinjoni li dawn iċ-ċirkostanzi mhumiex konformi mal-kriterji ta' ġestjoni finanzjarja ġenerali tajba u prudenti, u għandhom jerġgħu jiġu kkunsidrati fil-każ ta' estensjoni ta' dan il-kuntratt jew ta' negozjati ta' ftehim ġdid; jirrikonoxxi li mil-lat politiku, il-ftehim għandu jiġi aġġornat biex jiffaċċja l-isfidi tal-lum, bħall-QFP il-ġdid jew ir-regoli l-ġodda dwar il-politika ta' koeżjoni; jirrikonoxxi l-kooperazzjoni tajba tal-Kumitat fil-promozzjoni tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-Elezzjonijiet Ewropej 2019;

45. Jirrikonoxxi s-segwitu għall-istħarriġ dwar il-persunal li fl-2016 il-Kumitat għamel dwar ir-riskji psikosoċjali fuq il-post tax-xogħol bit-tnedija ta' diversi inizjattivi, bħal workshops għall-maniġers dwar il-ġestjoni ta' assenzi, il-ġestjoni ta' kunflitti u l-ġestjoni ta' prestazzjoni batuta; jilqa' wkoll is-sistema ta' mentoraġġ għal kollegi ġodda u l-azzjonijiet biex jittejbu l-benesseri u l-impenn tal-persunal; jinnota li r-rata ta' assenza tal-persunal tidher li laħqet il-quċċata tagħha fl-2017 (5,5 %) u li naqset ftit għal 5,35 % fl-2018 (imqabbla ma' 4 % fl-2015); jinnota bi tħassib, madankollu, iż-żieda f'liv ta' mard fit-tul fost il-kapijiet ta' unità tal-Kumitat; jappella lill-Kumitat jirrapporta dwar il-kisbiet kollha li ntlaħqu biex titnaqqas ir-rata ta' assenza tal-persunal;

46. Jilqa' l-progress li għaddej sabiex jinkiseb il-bilanċ ġeografiku għall-maniġers tal-Kumitat, b'mod partikolari fir-rigward tal-Istati Membri li ssieħbu fl-Unjoni fl-2004 jew wara; jinnota fir-rigward tal-bilanċ bejn is-sessi li l-Kumitat issa għandu proporzjon ogħla ta' maniġers nisa milli maniġers irġiel (52 % fl-2018, 41,4 % fl-2017 u 37,5 % fl-2016); jinnota li 80 % tal-kollegi li talbu jaħdmu part-time kienu nisa fl-2018 minkejja li d-dritt huwa l-istess għall-irġiel u għan-nisa; jilqa' l-fatt li l-Kumitat regolarment jgħarraf dwar il-mudelli ta' ħidma disponibbli;

47. Jilqa' l-isforzi tal-Kumitat biex joħloq ambjent u kultura tax-xogħol aktar diversi u inklużivi permezz ta' azzjonijiet favur persuni b'diżabilità, bħal li l-intranet u s-sit web saru aċċessibbli b'mod diġitali għal persuni b'vista batuta, permezz tal-pubblikazzjoni tal-fuljett "Access Able Brussels" li jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa għal dawk li jkunu għadhom kemm waslu Brussell u jkollhom diżabilità u bl-ospitar tal-konferenza Inter COPEC iddedikata kompletament għal kwistjonijiet ta' diżabilità;

48. Ifakkar fil-ħtieġa li jiġi żviluppat qafas ta' politika fit-tul dwar ir-riżorsi umani li jippromwovu il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, l-iggwidar tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn is-sessi, it-telexogħol, in-nondiskriminazzjoni, il-bilanċ ġeografiku kif ukoll ir-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabilità;

49. Jirrikonoxxi li permezz ta' ftehim ta' kooperazzjoni amministrattiva, il-Kumitati stabbilew għadd kbir ta' proċeduri għal kollaborazzjoni bejn is-servizzi tagħhom u stabbilew u organizzaw ukoll servizzi konġunti fejn ir-riżorsi umani u finanzjarji taż-żewġ Kumitati jiġu raggruppati (jiġifieri traduzzjoni u loġistika); jilqa' l-fatt li s-servizz tal-awditjar intern taż-żewġ Kumitati jikkollabora mill-qrib dwar is-servizzi konġunti fi ħdan id-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta' kooperazzjoni; jinkoraġġixxi lill-Kumitat jestendi l-ftehim ta' kooperazzjoni amministrattiva tiegħu mal-Kumitat tar-Reġjuni lil hinn mill-2019;

50. Jilqa' l-iffrankar annwali li jammonta għal EUR 11,8 miljun fir-rigward tal-infrastruttura u EUR 0,72 miljun fir-rigward ta' kera, manutenzjoni, oġġetti għall-konsum u persunal minħabba li ż-żewġ Kumitati qegħdin jikkondividu r-riżorsi f'dawn l-oqsma; jilqa' wkoll il-fatt li l-iffrankar baġitarju annwali fl-IT, minħabba l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ Kumitati, jammonta għal madwar EUR 5 miljun għaż-żewġ Kumitati; jinnota li eżempju ieħor ta' sinerġija ċara permezz tal-kooperazzjoni mal-Parlament, li joħloq iffrankar f'termini ta' spejjeż tal-persunal u li jammonta għal EUR 3,3 miljun (fil-livelli tas-salarji tal-2016), huwa l-użu tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (36 kariga tal-Kumitat ġew ittrasferiti lejn l-EPRS għal dan il-għan);

51. Jappella lill-Kumitat janalizza aktar is-sitwazzjoni sabiex jiġu identifikati oqsma oħra għal servizzi konġunti mal-Kumitat tar-Reġjuni; jaċċentwa li din it-tip ta' kooperazzjoni interistituzzjonali tista' tnaqqas b'mod sinifikanti l-infiq globali tal-Kumitat; jappella lill-Kumitat jgħarraf lill-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit dwar kwalunkwe riżultati miksuba;

52. Jinnota li l-ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Kumitat u l-Kumitat tar-Reġjuni, iffirmat fl-2016, stabbilixxa qafas legali sod għal kooperazzjoni fit-tul, effiċjenti u effettiva u juri wkoll li ż-żewġ Kumitati qegħdin jaġixxu fi sħubija filwaqt li jirrispettaw is-setgħat u l-prerogattivi ta' xulxin; jinnota li l-ftehim intemm fil-31 ta' Diċembru 2019 u li ġie deċiż li jiġi estiż għal sena filwaqt li jkun qiegħed jiġi nnegozjat ftehim ġdid; jitlob liż-żewġ Kumitati jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex jikkonkluduh malajr kemm jista' jkun sabiex jippermettu aktar sinerġiji u ffrankar;

53. Ifakkar li għal darb'oħra l-Kumitati ddedikaw inqas minn 3 % tal-baġit totali tagħhom għall-IT u li proġetti u tagħmir tal-IT sofrew minn sottofinanzjament strutturali għal diversi snin; jinnota bi tħassib li biex jindirizzaw l-akkumulu ta' proġetti u sistemi tal-IT tagħhom, iż-żewġ Kumitati qegħdin ikomplu jużaw eżerċizzji ta' tlaqqit fi tmiem is-sena biex jiffinanzjaw proġetti tal-IT; jitlob liż-żewġ Kumitati jimplimentaw mill-aktar fis possibbli l-istrateġija diġitali l-ġdida u l-pjan pluriennali tal-infiq tal-IT;

54. Jinnota li l-iskambju tal-binjiet B 68 u TR 74 għall-binja VMA ser jirriżulta f'telf ta' spazju għall-uffiċċji u, għaldaqstant, jeħtieġ li jinstabu uffiċċji oħra sabiex jiġu akkomodati madwar 200 membru tal-persunal wara l-iskambju; jinnota li reċentement ġie stabbilit grupp ta' ħidma tal-Kumitat li ser iħejji analiżi ulterjuri sabiex jinstabu soluzzjonijiet adegwati; jilqa' l-fatt li l-amministrazzjoni qiegħda żżomm lill-partijiet ikkonċernati kollha informati permezz ta' laqgħat tal-persunal u permezz tal-maniġment tas-servizzi kkonċernati u ser tqis it-tħassib u s-suġġerimenti mressqa;

55. Jinnota li l-ftehim bejn il-Kumitat, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kummissjoni dwar l-iskambju tal-bini VMA tal-Kummissjoni mal-binjiet tal-Kumitati BEL68/TRE 74 ġie ffirmat fit-28 ta' Awwissu 2019; jinnota li l-iskambju ser jidħol fis-seħħ fis-16 ta' Settembru 2022; jinnota bi tħassib li l-prijorità ewlenija identifikata mill-politika tal-bini tal-Kumitati hija l-konċentrazzjoni ġeografika tal-binjiet; jinnota bi tħassib li dan l-iskambju jirriżulta f'telf ta' spazju għall-uffiċċji ta' 10 440 m2 u, għaldaqstant, il-ħtieġa li jinstabu aktar uffiċċji biex jakkomodaw madwar 200 membru tal-persunal wara l-iskambju, li ma jistgħux jiġu kkumpensati kompletament b'miżuri alternattivi fuq perjodu ta' żmien qasir, bħad-densifikazzjoni tal-użu tal-ispazju fil-bini l-ieħor u żieda fit-telexogħol, iżda ser jirrikjedu x-xiri ta' binja oħra maġenb il-bini l-ieħor biex jiġi kkumpensat dan it-tnaqqis; jinnota wkoll il-ħtieġa li jiġi rinnovat il-bini VMA fuq perjodu qasir sa medju; jibża' mill-konsegwenzi li dan il-ftehim ser ikollu mhux biss għall-finanzi tal-Kumitat iżda wkoll għall-benesseri tal-persunal ikkonċernat; jiddispjaċih li s-servizz legali ma ġiex ikkonsultat dwar kwistjoni ta' ambitu u importanza bħal din għall-Kumitat;

56. Jinnota li reċentement ġie stabbilit grupp ta' ħidma konġunt tal-Kumitati li ser iħejji analiżi ulterjuri sabiex jinstabu soluzzjonijiet adegwati; jinnota li grupp ta' ħidma ieħor ser jirrifletti dwar modi ġodda ta' ħidma; jisħaq fuq li l-benesseri tal-persunal, il-mod tax-xogħol u l-ispazju tax-xogħol bl-ebda mod ma għandhom ibatu l-konsegwenzi negattivi tan-nuqqasijiet li jirriżultaw mill-iskambju tal-binjiet; ifakkar li l-membri tal-persunal għandhom jiġu kkonsultati dwaru u li għandha titqies l-opinjoni tagħhom; jappella lill-Kumitati sabiex jinformaw lill-Kumitat Parlamentari għall-Kontroll tal-Baġit u l-Kumitat għall-Baġit dwar ir-riżultati li nkisbu;

57. Jesprimi tħassib serju dwar il-konferma tal-preżenza ta' asbestos f'postijiet kritiċi tal-bini VMA inkluż il-parkeġġ; jiddeplora bil-qawwa li f'Settembru 2019 twettaq inventarju minn kuntrattur estern speċjalizzat, xahar biss wara l-iffirmar tal-ftehim mal-Kummissjoni; jiddeplora l-fatt li l-ftehim ġie iffirmat mingħajr ma ġew infurmati l-partijiet ikkonċernati kollha fi żmien xieraq dwar il-possibbiltà ta' preżenza ta' asbestos fil-bini VMA; jiddeplora wkoll il-fatt li l-membri u l-persunal ma ġewx informati dwar is-sitwazzjoni u jitlob lill-Kumitat jirrimedja s-sitwazzjoni b'mod adegwat u effikaċi;

58. Jinnota li l-Kumitati rċevew ċertifikat "sikur mill-asbestos" għall-bini VMA f'Settembru 2019 u li dan iċ-ċertifikat jispeċifika li l-bini fih asbestos mingħajr riskju għall-użu normali tal-bini; filwaqt li jitqies b'mod speċjali li l-użu ġejjieni tal-bini mhux ser ikun użu normali, iżda pjuttost sitwazzjoni ta' kostruzzjoni, jinsab imħasseb ħafna dwar l-iżviluppi futuri dwar din il-kwistjoni;

59. B'kont meħud li l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem mill-esponiment fit-tul u mhux sikur għall-asbestos huma tassew dokumentati u huma dejjem sors ta' tħassib u ta' allarm fost il-popolazzjoni inġenerali, jitlob liż-żewġ Kumitati jwettqu politika ta' trasparenza totali u proattiva u informazzjoni dwar il-ġestjoni tas-sitwazzjoni qabel u wara l-okkupazzjoni effettiva tal-bini VMA filwaqt li fl-istess waqt jevitaw allarmiżmu bla bżonn;

60. Jinsab imħasseb li 19,56 % (2 835) tal-pagamenti bi żmien għall-pagament ta' 30 jum ġew imdewma (b'medja ta' dewmien tal-pagament ta' 46,12 jum); jappella lill-Kumitat isaħħaħ l-isforzi tiegħu biex jirrispetta l-iskadenzi tal-pagamenti stabbiliti fir-Regolamenti Finanzjarji applikabbli għall-baġit tal-Unjoni;

61. Jilqa' l-fatt li r-rata ta' kmamar mhux użati għas-servizzi tal-interpretazzjoni naqset matul l-aħħar snin (2,61 % fl-2018, 3,6 % fl-2017 u 4,38 % fl-2016); jirrikonoxxi l-miżuri implimentati matul l-2018 u jinkoraġġixxi lill-Kumitat iżomm it-tendenza pożittiva tiegħu ta' inqas kanċellazzjonijiet ta' servizzi tal-interpretazzjoni;

62. Japprezza l-intenzjoni tal-Kumitat li jkompli jtejjeb it-trasparenza u jiffaċilita l-aċċess għad-dokumenti tal-Kumitat, abbażi ta' laqgħa interistituzzjonali dwar it-trasparenza li saret fil-Lussemburgu nhar il-25 ta' Settembru 2018; jinnota li l-Kumitat ta bidu għal eżerċizzju biex jittieħed vantaġġ mill-aħjar prattiki ta' istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni li rriżulta fi pjan ta' azzjoni li ser jinbeda fl-2019 u jkopri temi bħar-Regoli ta' Proċedura, il-Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri, il-ħolqien ta' reġistri ta' trasparenza u l-aċċess għad-dokumenti;

63. Jinnota li l-Ombudsman Ewropew ħareġ Rakkomandazzjoni fl-2017, "Rakkomandazzjoni tal-Ombudsman Ewropew dwar in-nuqqas allegat tal-Kumitat li jiżgura li membru jiddikjara l-interessi rilevanti kollha", li wasslet biex il-Kumitat jemenda r-Regoli ta' Proċedura tiegħu sabiex dawn jirriflettu l-bidliet mitluba mill-Ombudsman, bir-Regoli ta' Proċedura emendati jidħlu fis-seħħ fil-15 ta' Marzu 2019; jinnota li l-Ombudsman wasal għal konklużjoni dwar in-nuqqas ta' amministrazzjoni ħażina, f'inkjesta dwar ilment relatat ma' proċedura tal-għażla fl-2018;

64. Jinnota li d-dikjarazzjonijiet ta' interess għall-President u għall-Viċi Presidenti tal-Kumitat huma disponibbli u aċċessibbli fil-paġni tal-internet tal-membri tal-Kumitat; jinnota li b'segwitu għar-Regoli ta' Proċedura emendati, mal-ħatra tagħhom il-membri jeħtiġilhom ifasslu dikjarazzjoni ta' kwalunkwe interess, finanzjarju jew ieħor, li jista' jkollu impatt fuq il-ħidma tagħhom fil-Kumitat; jinnota li dawn id-dikjarazzjonijiet huma disponibbli wkoll għall-pubbliku ġenerali fis-sit web tal-Kumitat; jinnota li l-membri jeħtiġilhom jikkonfermaw b'mod espliċitu l-validità tal-kontenut tad-dikjarazzjoni tal-inqas darba fis-sena u jirreveduha malli jkun hemm bidla fis-sitwazzjoni tagħhom;

65. Jinnota li l-membri mhumiex obbligati jiddikjaraw l-indirizz tal-organizzazzjoni jew il-kumpanija li minnha jirċievu remunerazzjoni; jinnota, madankollu, li meta jieħdu l-kariga u fil-każ ta' kwalunkwe tibdil, il-membri jeħtiġilhom jimlew u jiffirmaw dikjarazzjoni ta' interess; jinnota li ħamsa u għoxrin membru pprovdew lill-amministrazzjoni indirizz reġistrat fil-Belġju;

66. Jinnota r-rieda tal-Kumitat li jtejjeb il-metodi ta' ħidma tiegħu billi jibdel is-sistema li tirrikjedi firma waħda bħala konferma tal-preżenza tal-Membri fil-laqgħat għal sistema li tirrikjedi żewġ firem, waħda fil-bidu tal-laqgħa u waħda fi tmiem il-laqgħa; jinnota li l-Kumitat ser ikompli jistudja l-prattiki u l-esperjenzi fil-Parlament u f'istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni rigward ir-rekord tal-preżenzi u dawn ser ikunu l-punt ta' riferiment għall-aħjar prattiki; jitlob lill-Kumitat biex jirrapporta dwar kwalunkwe kisbiet fir-rapport tal-attivitajiet annwali tiegħu;

67. Jinnota l-ħidma li saret mill-Kumitat rigward id-Deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew fil-każ 1306/2014/OV biex iħejji linji gwida dwar il-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess fuq il-post tax-xogħol bil-għan li tingħata gwida għal każijiet fejn il-membri tal-persunal jeħtieġu jwettqu funzjonijiet sovrastanti meta jittrattaw suġġett wieħed, li huwa partikolarment il-każ fir-rigward tal-attivitajiet tar-rappreżentanza tal-persunal;

68. Jilqa' b'sodisfazzjon il-politika tal-Kumitat relatata ma' "bibien iduru" li tinkludi segwitu dwar l-attivitajiet esterni mwettqa mill-ex uffiċjali għolja tiegħu; jinnota li l-Kumitat jippubblika rapport relatat kull sena;

69. Jinnota li l-Kumitat stabbilixxa grupp fl-2017 biex jissorvelja l-iżviluppi fi ħdan id-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni u jivvaluta l-ħtieġa għal reazzjonijiet jew pożizzjonijiet tal-Kumitat; jinnota li bis-suppożizzjoni li ser jiġi attwat il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, total ta' EUR 318 600 tnaqqas mill-Baġit 2019 u ammont addizzjonali ta' EUR 173 062 tnaqqas mill-Baġit 2020 sabiex jiġu riflessi l-"bidliet evidenti" fl-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-Membri u fil-kofinanzjament ta' tagħmir tal-IT għall-Membri;

 70. Itenni l-ħtieġa li tiġi armonizzata, aċċellerata u mtejba l-proċedura ta' kwittanza; jipproponi, f'dan ir-rigward, li tiġi stabbilita skadenza sal-31 ta' Marzu tas-sena li tiġi wara s-sena kontabilistika għall-preżentazzjoni tar-rapporti ta' attività annwali; jiddispjaċih li din l-iskadenza ma ġietx irrispettata għar-rapport annwali tal-attività 2018 kif mitlub fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza 2017; jilqa' r-rieda tal-Kumitat li jsegwi din l-aħjar prattika li tipprevedi li l-istituzzjoni ta' kwittanza bi żmien għal proċedura ta' kwittanza aktar profonda u mwettqa aħjar;

71. Innota li t-tieni grupp ad hoc dwar il-futur tal-Kumitat, iffokat fuq ir-razzjonalizzazzjoni tal-korpi interni tal-Kumitat, ippreżenta r-rapport ta' segwitu tiegħu fi tmiem l-2017; jinnota li l-Bureau tal-Kumitat iddeċieda, f'Jannar 2018, li jnaqqas in-numru ta' Membri li jipparteċipaw f'għadd kbir ta' korpi interni tal-Kumitat u li jillimita l-ammont ta' laqgħat tagħhom li jsiru kull sena; jinnota li l-Bureau ddeċieda li jiffoka mill-ġdid il-mandati ta' wħud mill-istrutturi tal-Kumitat; jitlob lill-Kumitat jipprovdi lill-Parlament bi kjarifiki dwar tfaddil marbut ma' din il-modernizzazzjoni sabiex iżid it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont;

72. Jilqa' l-isforzi tal-Kumitat biex jippromwovi l-ekonomija ċirkolari permezz tal-opinjoni tiegħu u, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, permezz tal-Pjattaforma Ewropea tal-partijiet ikkonċernati tal-ekonomija ċirkolari li tiġbor l-inizjattivi u l-aħjar prattiki;

73. Jappoġġja l-isforzi magħmula mill-Kumitat biex inaqqas l-impronta ambjentali tiegħu; jinnota b'sodisfazzjon tnaqqis żgħir fil-konsum tal-elettriku (3 %) u tal-karti (17 %) u tal-iskart tal-uffiċċji (3 %); josserva, madankollu, iż-żieda fil-konsum tal-gass (5 %) u tal-ilma (17 %) minħabba l-installazzjoni ta' ħiter tal-gass ġdid u minħabba tnixxijat tal-ilma matul ix-xogħol ta' kostruzzjoni;

74. Jaċċentwa l-ħidma kollha li nkisbet fl-aħħar snin f'oqsma bħall-ibbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni, il-qafas etiku bir-regoli u l-proċeduri kollha relatati tiegħu, l-attivitajiet ta' komunikazzjoni msaħħa u l-ammont dejjem jiżdied ta' miżuri biex titjieb it-trasparenza; jilqa' l-ammont importanti ta' ftehimiet interistituzzjonali dwar is-servizzi u l-kooperazzjoni; jissottolinja l-importanza tal-kollaborazzjoni u l-kondiviżjoni tal-esperjenza fost l-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej; jissuġġerixxi li tiġi analizzata l-possibilità ta' attivitajiet formalizzati ta' netwerking f'oqsma differenti sabiex jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki u jiġu żviluppati soluzzjonijiet komuni;

75. Jinnota l-importanza tad-djalogu politiku bejn il-Kumitat u l-Parlament biex jiġi żgurat li kontribut validu tal-Kumitat ikun jista' jiġi inkorporat fil-ħidma tal-Parlament; f'dan ir-rigward itenni t-talba tiegħu li jkompli bl-isforzi tiegħu biex isaħħaħ il-kooperazzjoni politika bejn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

19.2.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Matteo Adinolfi, Olivier Chastel, Caterina Chinnici, Lefteris Christoforou, Ryszard Czarnecki, José Manuel Fernandes, Luke Ming Flanagan, Isabel García Muñoz, Cristian Ghinea, Monika Hohlmeier, Jean-François Jalkh, Joachim Kuhs, Tsvetelina Penkova, Sabrina Pignedoli, Michèle Rivasi, Nico Semsrott, Angelika Winzig, Lara Wolters, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Grapini, David Lega, Marian-Jean Marinescu, Mikuláš Peksa, Ramona Strugariu

Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

József Szájer

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

24

+

GUE/NGL

Luke Ming Flanagan

ID

Matteo Adinolfi, Jean-François Jalkh, Joachim Kuhs

NI

Sabrina Pignedoli

PPE

Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Monika Hohlmeier, David Lega, Marian-Jean Marinescu, József Szájer, Angelika Winzig, Tomáš Zdechovský

RENEW

Olivier Chastel, Cristian Ghinea, Ramona Strugariu

S&D

Caterina Chinnici, Isabel García Muñoz, Maria Grapini, Tsvetelina Penkova, Lara Wolters

VERTS/ALE

Mikuláš Peksa, Michèle Rivasi, Nico Semsrott

 

0

-

 

 

 

1

0

ECR

Ryszard Czarnecki

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' April 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza