RAPPORT dwar l-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment – rapport annwali 2019
10.3.2020 - (2019/2126(INI))
Kumitat għall-Baġits
Rapporteur għal opinjoni (*):
Bas Eickhout, Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 57 tar-Regoli ta' Proċedura
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment – rapport annwali 2019
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 126, 174, 175, 177, 208, 209, 271, 308 u 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI),
– wara li kkunsidra l-Pjan Korporattiv tal-Operat tal-Grupp tal-BEI għall-2019 ippubblikat fuq is-sit web tal-BEI,
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Attività 2018 tal-BEI, bit-titolu "Opportunità Mwettqa",
– wara li kkunsidra r-Rapport Finanzjarju u r-Rapport Statistiku tal-BEI għall-2018,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-BEI bit-titolu "EIB operations inside the European Union – Annual report 2018" (L-operazzjonijiet tal-BEI fl-Unjoni Ewropea – Rapport Annwali 2018), ippubblikat fl-2019,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-BEI bit-titolu "The EIB outside the European Union – Financing with global impact – Annual report 2018" (L-operazzjonijiet tal-BEI barra mill-Unjoni Ewropea – Finanzjament b'Impatt Globali – Rapport Annwali 2018), ippubblikat fl-2019,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-BEI bit-titolu "Annual Report 2018: European Investment Advisory Hub" (Rapport Annwali 2018: Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti), ippubblikat fl-2019,
– wara li kkunsidra l-istrateġija l-ġdida dwar il-klima u l-politika ġdida dwar is-self fis-settur tal-enerġija, adottati mill-BEI f'Novembru 2019,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/2396 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) 2015/1017 fir-rigward tal-estensjoni tad-durata tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi kif ukoll l-introduzzjoni ta' titjib tekniku għal dan il-Fond u għaċ-Ċentru Ewropew Konsulenza għall-Investimenti[1],
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman Ewropew fil-każ 146/2017/DR dwar kif il-Bank Ewropew tal-Investiment ittratta lment dwar ksur tar-rekwiżiti ambjentali, tas-saħħa u tas-sikurezza fi proġett li huwa kien iffinanzja,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar "Il-Patt Ekoloġiku Ewropew" (COM(2019)0640),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Jannar 2020 dwar "Il-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli, il-Pjan ta' Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew" (COM(2020)0021),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-14 ta' Jannar 2020 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (COM(2020)0022),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2018 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli" (COM(2018)0097),
– wara li kkunsidra l-Inizjattiva ta' Reżiljenza Ekonomika tal-BEI,
– wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-BEI tar-ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi mill-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Ottubru 2016,
– wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra d-diskors tal-ftuħ tas-16 ta' Lulju 2019 minn Ursula von der Leyen bħala kandidat għall-President tal-Kummissjoni Ewropea, waqt is-sessjoni plenarja tal-Parlament fi Strasburgu,
– wara li kkunsidra d-diskors tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, mogħti fil-11 ta' Diċembru 2019 waqt is-sessjoni plenarja tal-Parlament fi Brussell,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0081/2020),
A. billi skont l-Artikolu 309 tat-TFUE u b'kunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-BEI għandu jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-Unjoni, u billi skont l-Artikolu 18 tal-Istatut tal-BEI, jeħtieġlu juża l-fondi tiegħu b'mod kemm jista' jkun possibbli razzjonali u fl-interess tal-Unjoni; billi dan jinkludi li jkun konformi mal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima u l-obbligi tal-Unjoni dwar il-ħarsien tal-ambjent stabbiliti fl-Artikoli 11 u 191 tat-TFUE;
B. billi l-bonds tal-BEI huma kklassifikati AAA mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ewlenin minħabba, inter alia, li l-BEI jappartjeni għall-Istati Membri u minħabba l-ġestjoni prudenti tiegħu tar-riskji;
C. billi l-BEI żamm il-profittabbiltà fl-2018, u rreġistra bilanċ pożittiv nett ta' EUR 2,3 biljun; billi l-Grupp tal-BEI għandu jżomm il-livell għoli tiegħu ta' affidabbiltà kreditizja kif ukoll portafoll ta' assi solidi u ta' kwalità tajba;
D. billi l-BEI, li huwa l-akbar mutwatarju u sellief multilaterali fid-dinja u huwa ta' sjieda konġunta tal-Istati Membri tal-UE, huwa s-sieħeb naturali tal-UE għall-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet finanzjarji nazzjonali u multilaterali;
E. billi l-Grupp tal-BEI huwa marbut bit-trattati li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni, il-koeżjoni ekonomika u soċjali u l-iżvilupp reġjonali tal-UE permezz ta' diversi strumenti ta' investiment bħal self, ekwitajiet, garanziji, faċilitajiet tal-kondiviżjoni tar-riskju u servizzi ta' konsulenza;
F. billi l-Kummissjoni tistma li l-investiment annwali meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE għall-2030 jammontaw għal EUR 1 115 biljun[2]; billi l-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli tal-Kummissjoni għandu l-għan li jirrilaxxa investiment ta' EUR 1 triljun fl-għaxar snin li ġejjin;
G. billi l-investimenti sostenibbli normalment ikollhom rendiment ogħla minn dawk standard u l-volumi għalhekk għandhom it-tendenza li jkunu moderati filwaqt li r-riskji assoċjati għandhom it-tendenza li jkunu ogħla; billi l-likwidità tas-swieq fi prodotti finanzjarji sostenibbli trid tissaħħaħ u dan jista' jsir biss billi jiżdied l-għadd ta' prodotti fis-suq; u jenfasizza li s-settur privat waħdu ma jistax ikun mistenni li jilħaq il-massa kritika u li s-settur pubbliku jeħtieġlu jkun aktar preżenti fis-swieq tal-assi finanzjarji sostenibbli u jżid is-sehem mis-suq tiegħu, u b'hekk jikkontribwixxi biex jitnaqqsu r-riskji u r-rendimenti, kif ukoll biex tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq u l-likwidità;
H. billi l-BEI għandu rwol importanti fl-istrateġija tal-UE biex tindirizza l-isfidi relatati mal-klima u l-ambjent – sfidi li huma l-kompitu ta' definizzjoni ta' din il-ġenerazzjoni, kif deskritt mill-Kummissjoni, u bil-ħtieġa ta' EUR 260 biljun f'investimenti addizzjonali kull sena biex jintlaħqu l-miri attwali tal-2030 dwar il-klima u l-enerġija;
I. billi għandha tingħata attenzjoni kontinwa lill-iżvilupp tal-aħjar prattiki relatati mal-politika tal-prestazzjoni u l-ġestjoni, il-governanza u t-trasparenza tal-Grupp tal-BEI;
Pariri ġenerali
1. Jenfasizza l-importanza tal-attivitajiet tal-BEI, bħala l-bank tal-Unjoni, fir-rigward taż-żieda fil-livelli attwali ta' investiment fl-UE, li huma taħt il-medji storiċi u mhumiex biżżejjed biex jissodisfaw l-ambizzjonijiet tal-UE f'termini ta' sostenibbiltà u ta' aspetti ekonomiċi, soċjali u ta' ħolqien ta' impjiegi jew biex jinkisbu l-koeżjoni reġjonali, l-innovazzjoni u l-kompetittività fil-livell tal-UE kif ukoll il-finanzjament fil-livell lokali, inkluż mill-muniċipalitajiet li jirrispondu għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini;
2. Jirrikonoxxi li l-UE u l-Istati Membri jeħtieġ li jinvestu aktar fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, fir-rivoluzzjoni diġitali u fis-servizzi pubbliċi ;
3. Jinnota l-klima ekonomika dinjija li qed tmur għall-agħar, fejn ir-ritmu tat-tkabbir reali tal-PDG naqas u l-isfidi globali qed jikkontribwixxu għal inċertezza; jinnota l-livelli baxxi ta' investiment fl-UE f'dan l-aħħar deċennju; jitlob li jkun hemm aktar investiment pubbliku u privat fl-UE fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali;
4. Jinnota r-Rapport tal-Investiment tal-BEI 2019-2020, li jenfasizza l-isfidi li l-UE qiegħda tiffaċċja f'termini ta' kompetittività, pereżempju ż-żieda fl-inugwaljanza u l-livelli insuffiċjenti ta' investiment, speċjalment fid-diġitalizzazzjoni u r-R&Ż relatati mal-klima, li qed jheddu l-futur ekonomiku tal-Ewropa; iħeġġeġ lill-BEI jagħmel ħiltu kollha biex jindirizza dawn il-kwistjonijiet fl-attivitajiet tiegħu;
5. Jinnota li fl-2018 il-BEI investa EUR 64 biljun fi 854 proġett; jinnota li l-BEI jaderixxi mal-prinċipju prudenzjali b'0,3 % biss ta' self improduttiv;
6. Itenni l-ħtieġa li d-distribuzzjoni ġeografika tal-finanzjament tal-BEI tkun aktar ibbilanċjata; jitlob lill-BEI jindirizza n-nuqqasijiet sistemiċi li ma jippermettux li ċerti reġjuni jew pajjiżi jieħdu vantaġġ sħiħ mill-attivitajiet finanzjarji tiegħu, inter alia billi jsaħħaħ l-isforzi tiegħu biex jespandi l-attivitajiet ta' self tiegħu billi jipprovdi assistenza teknika u appoġġ ta' konsulenza, speċjalment f'reġjuni b'kapaċità baxxa ta' investiment, u billi jagħti pariri dwar l-iżvilupp ta' proġetti, bil-ħsieb li jiġu promossi t-tkabbir inklużiv u l-konverġenza u l-koeżjoni territorjali, soċjali u territorjali u b'kunsiderazzjoni tan-natura xprunata mid-domanda tal-finanzjament tal-BEI;
7. Jappella lill-BEI biex ikollu rwol importanti fit-tisħiħ tal-finanzjament sostenibbli kemm fl-Ewropa kif ukoll barra minnha, u biex, permezz tal-attivitajiet ta' self tiegħu, jagħti prijorità lill-implimentazzjoni tas-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli billi jkompli jimmobilizza l-investiment fi proġetti soċjali, ekoloġiċi u sostenibbli;
8. Jappella għal appoġġ adegwat biex jissaħħu l-arranġamenti għall-għoti ta' assistenza teknika, għarfien espert finanzjarju u bini ta' kapaċità lill-awtoritajiet lokali u reġjonali qabel ma jiġu approvati l-proġetti, sabiex titjieb l-aċċessibbiltà u jiġu involuti l-Istati Membri kollha; f'dan ir-rigward jitlob ukoll appoġġ akbar għas-servizzi ta' konsulenza bħaċ-Ċentru ta' Konsulenza tal-InvestEU, il-Jaspers, l-Elena u l-Fi-compass; jappella għal kooperazzjoni intensifikata mal-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali;
9. Jilqa' l-isforzi f'waqthom li jagħmel il-BEI sabiex jappoġġja l-proġetti li huwa jiffinanzja fil-fażi ta' implimentazzjoni tagħhom (billi jipprovdi esperti u strumenti ta' appoġġ u billi jipproduċi studji ta' tħejjija); jitlob lill-BEI u lill-Kummissjoni biex flimkien ifasslu proposti għal involviment aktar sistematiku tat-timijiet tal-BEI fl-implimentazzjoni tal-proġetti fl-Istati li jitolbuhom, b'mod partikolari fl-oqsma li jeħtieġu għarfien espert avvanzat jew li huma ta' importanza strateġika għall-Unjoni, bħall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;
10. Jilqa' l-appoġġ tal-BEI għall-objettivi ta' koeżjoni, li ammonta għal aktar minn EUR 200 biljun bejn l-2009 u l-2018 biss;
11. Jistieden lill-BEI jagħmel enfasi fuq il-konsultazzjonijiet tiegħu mal-partijiet ikkonċernati kollha affettwati mill-proġetti tiegħu, b'mod partikolari l-komunitajiet lokali, is-soċjetà ċivili u l-pubbliku ġenerali;
12. Iqis li l-innovazzjoni u l-ħiliet huma elementi fundamentali biex jiġi żgurat it-tkabbir sostenibbli u biex jinħolqu impjiegi ta' kwalità għolja u biex tiġi stimulata l-kompetittività fit-tul. jilqa' l-fatt li fl-2018 il-BEI appoġġja l-innovazzjoni u l-ħiliet b'EUR 13,5 biljun; jistenna li l-BEI jkompli jappoġġja l-innovazzjoni u l-ħiliet;
13. Iqis li l-Ewropa jeħtieġ li tħaffef l-adozzjoni tat-teknoloġiji diġitali u l-investiment fl-infrastruttura u l-ħiliet diġitali sabiex tibqa' kompetittiva; jistieden lill-BEI jindirizza t-tranżizzjoni teknoloġika b'appoġġ imsaħħaħ għad-diġitalizzazzjoni;
14. Iqis l-10 standards stabbiliti fil-manwal soċjali u ambjentali tal-BEI bħala tal-ogħla importanza u li huma prerekwiżit għall-parteċipazzjoni fl-operazzjonijiet ta' self tal-BEI, inkluż fl-oqsma tal-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis, il-bijodiversità u l-ekosistemi, l-istandards relatati mal-klima, il-wirt kulturali, ir-risistemazzjoni involontarja, id-drittijiet u l-interessi ta' gruppi vulnerabbli, l-istandards tax-xogħol, is-saħħa okkupazzjonali u pubblika, is-sikurezza u s-sigurtà u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati;
15. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali biex tiżgura li r-regoli fiskali tal-UE jkunu ta' appoġġ għal sforzi futuri biex jiżdied il-livell tal-investiment pubbliku fl-UE, li jippermetti lill-BEI jisfrutta dan l-investiment;
16. Iqis li l-kriterji ta' evalwazzjoni tal-proġetti soċjali għandhom iqisu l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li jitwettqu evalwazzjonijiet ex ante u ex post dwar is-sostenibbiltà, il-kompetittività u l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-proġetti;
17. Jilqa' l-passi li ħa l-BEI s'issa; jistieden lill-BEI jtejjeb ir-rapportar u l-evalwazzjoni tiegħu tar-riżultati attwali miksuba u l-analiżi tal-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali attwali tal-investimenti tiegħu;
18. Jistieden lill-BEI jsegwi l-konklużjonijiet tar-rapport speċjali 03/2019 tal-Qorti tal-Awdituri, li vvaluta jekk il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) kienx effikaċi fil-ġbir ta' finanzi sabiex jappoġġja investimenti addizzjonali fl-UE kollha; jinnota li r-rapport ikkonkluda li xi operazzjonijiet tal-FEIS sempliċement issostitwew operazzjonijiet oħra tal-BEI u li parti mill-finanzjament marret għal proġetti li setgħu użaw sorsi oħra ta' finanzjament pubbliku jew privat, u dan wassal biex f'xi każijiet kien hemm dikjarazzjoni eċċessiva ta' kemm l-appoġġ tal-FEIS effettivament ħeġġeġ investimenti addizzjonali;
19. Jenfasizza li l-mira kwantitattiva ewlenija tal-FEIS li jimmobilizza EUR 500 biljun f'investiment privat u pubbliku addizzjonali m'għandhiex tkun l-ixprun ewlieni tas-suċċess għall-fond, u li l-miri li jistgħu jitkejlu dwar is-sostenibbiltà, l-addizzjonalità, il-kopertura ġeografika u l-impatt soċjali għandhom ikunu tal-anqas daqstant importanti fl-istrateġiji ta' investiment futuri;
20. Jistieden lill-BEI jżid is-sehem tal-finanzjament tal-FEIS u tal-InvestEU għal proġetti li jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għas-sostenibbiltà u l-objettivi soċjali tal-UE, bi qbil mar-regolamenti rilevanti tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-metodoloġiji ta' verifika tas-sostenibbiltà tal-InvestEU jkunu konsistenti għall-aħħar mal-objettivi ta' sostenibbiltà tal-UE, u li l-kriterji ta' evalwazzjoni tal-proġetti soċjali jqisu l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li jitwettqu evalwazzjonijiet ex ante u ex post dwar is-sostenibbiltà, il-kompetittività u l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-proġetti;
21. Iqis li tinħtieġ evalwazzjoni esterna ulterjuri tan-natura addizzjonali tal-politika tal-BEI dwar is-self, u li r-riżultati ta' din l-evalwazzjoni għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku;
22. Huwa tal-fehma li, wara l-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-evalwazzjoni esterna, għandu jitqies jekk hemmx bżonn ta' żieda ġenerali fil-kapitalizzazzjoni tal-BEI sabiex ikun jista' jkun hemm aktar self fit-tul u strumenti innovattivi fil-finanzjament ta' proġetti, b'potenzjal sostanzjali għal kisbiet ta' sostenibbiltà, ta' innovazzjoni u ta' natura soċjali, inklużi proġetti li joħolqu tkabbir sostenibbli u li jnaqqsu l-inugwaljanzi;
23. Jitlob li l-BEI jiżgura koordinazzjoni, koerenza u konsistenza mill-qrib bejn l-investimenti, l-istrumenti ta' finanzjament u l-politiki tal-UE, bil-għan li jiġu evitati d-duplikazzjonijiet u jissaħħu s-sinerġiji tal-finanzjament;
BEI aktar iffokat fuq il-klima u t-tranżizzjoni ġusta
24. Jilqa' d-deċiżjonijiet meħuda fl-14 ta' Novembru 2019 mill-Bord tad-Diretturi tal-BEI biex il-politika tal-BEI tiġi allinjata mal-objettiv li t-tisħin globali jiġi limitat għal massimu ta' 1,5°C ogħla mil-livelli preindustrijali;
25. Jirrikonoxxi li jista' jkun hemm bżonn ta' aktar teħid ta' riskji mill-BEI, speċjalment f'setturi u reġjuni li jiġbdu inqas investiment, sabiex jinkisbu l-ambizzjonijiet imsemmija hawn fuq u dawk proposti fil-Patt Ekoloġiku, sakemm tali self ikun konformi mal-kriterji ta' eliġibbiltà tal-BEI u li l-BEI jżomm il-klassifikazzjoni AAA tiegħu;
26. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-BEI huwa l-akbar emittent ta' bonds ħodor u huwa pijunier fit-tnedija tal-bonds ħodor ta' suċċess li mmobilizzaw aktar minn EUR 23 biljun fuq 11 sena, fejn is-suq globali tal-bonds ekoloġiċi llum jiswa aktar minn EUR 400 biljun; jinnota li sfida ewlenija kienet li jiġu stabbiliti standards komuni sabiex jiġi evitat il-greenwashing; jilqa' l-Bonds ta' Kuxjenza għas-Sostenibbiltà ġodda tal-BEI, imnedija fl-2018 u mfassla biex jappoġġjaw l-investiment relatat mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU; jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti standards komuni rigward dawn il-bonds ġodda biex jiġi żgurat li l-proġetti jkunu trasparenti, verifikabbli u li jistgħu jitkejlu; jistieden lill-BEI jkompli u jespandi l-ħruġ ta' bonds ħodor, li għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u li jinxtraw mill-Bank Ċentrali Ewropew, u biex jgħin fl-iżvilupp tas-suq tal-bonds ħodor mibni fuq il-ħidma skont il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli, inkluża t-Tassonomija tal-Finanzi Sostenibbli tal-UE;
27. Jitlob li l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) ikun integrat bis-sħiħ fil-miżuri kollha tal-BEI dwar il-klima; jitlob sabiex il-FEI jagħti aktar prijorità lill-ħtiġijiet ta' innovazzjoni għat-tranżizzjoni lejn Ewropa newtrali mil-lat ta' klima; jappella biex, fl-investimenti kollha tiegħu, il-FEI jiżgura li jkun involut b'mod attiv mal-kumpaniji li fihom isir investiment biex itejbu l-iżvelar tagħhom relatat mal-klima, inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom, u jidderieġu l-investiment lejn alternattivi kosteffikaċi (eż. l-effiċjenza enerġetika jew ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima);
28. Jilqa' l-fatt li fl-2018, 29 % mis-self mogħti mill-BEI kien relatat mal-klima;
29. Jistieden lill-BĊE biex, fir-rieżami strateġiku tiegħu li qed iwettaq, jesplora għodod għall-appoġġ u l-koordinament mal-BEI, b'mod partikolari fir-rwol tiegħu bħala l-bank klimatiku tal-UE, speċjalment fil-finanzjament tat-tranżizzjoni ekoloġika u s-sostenibbiltà tal-ekonomija;
30. Ifakkar li l-istrateġija tal-BEI dwar il-klima ġiet adottata fl-2015 flimkien mas-setturi eliġibbli u l-kriterji ta' eliġibbiltà għall-klima u l-Istrateġija ta' Implimentazzjoni tal-Klima tiegħu; jitlob li fl-2020 isir rieżami tal-Istrateġija ta' Implimentazzjoni għall-allinjament mal-Ftehim ta' Pariġi, inkluż pjan direzzjonali konkret biex tintlaħaq il-mira granulari ta' 50 %[3] sal-2025, kif ukoll garanziji għan-newtralità klimatika tas-self li jifdal wara proċess ta' konsultazzjoni pubblika miftuħ u trasparenti; jistieden lill-BEI jinforma b'mod estensiv lill-partijiet ikkonċernati u lill-pubbliku aktar wiesa' ladarba jiġu adottati d-dokumenti; ifakkar lill-BEI li l-investimenti ekoloġiċi jridu jkunu vijabbli u jiffaċilitaw il-koeżjoni bejn l-Istati Membri;
31. Jappella għat-tisħiħ tal-kriterji ta' eliġibbiltà għall-azzjoni klimatika sabiex jiġi evitat ir-riskju li l-investimenti ma jirriżultawx fi tnaqqis sinifikanti fil-gassijiet b'effett ta' serra (GHG), billi jiġi żgurat li jkun hemm koerenza mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u billi l-attivitajiet tal-BEI jiġu allinjati mal-qafas tat-tassonomija l-ġdid; iqis li għandu jkun hemm dispożizzjoni ġenerali bil-għan li "ma ssir ebda ħsara u li ssostni l-operazzjonijiet kollha tal-BEI u li tkun inkluża fid-dikjarazzjoni tiegħu dwar l-istandards ambjentali u soċjali, li fl-2020 jeħtieġ li tiġi riveduta u allinjata mal-objettiv tal-1,5 °C;
32. Jilqa' l-metodoloġija riveduta tal-BEI għall-valutazzjoni tal-marka tal-karbonju u jappella għall-implimentazzjoni komprensiva tagħha, b'attenzjoni partikolari fuq l-emissjonijiet tad-domanda marġinali u l-emissjonijiet indiretti (l-hekk imsejħa "tip 3"); jitlob li l-proġetti jiġu evalwati b'mod komprensiv u mhux b'analiżi sempliċi taċ-ċiklu tal-ħajja ekonomika tal-emissjonijiet tagħhom; jitlob li jkun hemm kontabilità klimatika rigoruża, speċjalment fl-evalwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-proġetti għall-monitoraġġ klimatiku tar-riżorsi allokati u tal-infiq attwali; jitlob, f'dan ir-rigward, l-aġġornament tal-istima tal-kalkoli tar-rati tal-użu;
33. Huwa tal-fehma li l-BEI għandu jirrikjedi li l-klijenti intermedjarji tiegħu jiżvelaw l-esponiment tagħhom għall-fjuwils fossili, u għandu japplika restrizzjonijiet għall-intermedjarji esposti ħafna; jistenna li, sa tmiem l-2025, l-intermedjarji kollha se jkollhom pjan ta' dekarbonizzazzjoni, peress li dan huwa indispensabbli sabiex il-finanzjament tagħhom ikun jista' jkompli; jenfasizza li tali rekwiżiti ġodda m'għandhomx joperaw għad-detriment tal-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs;
34. Jilqa' l-fatt li l-BEI effettivament diġà kien temm l-appoġġ tiegħu għas-settur tal-faħam fl-2013 bl-adozzjoni tal-verżjoni tal-2013 tal-politika tiegħu ta' self għall-enerġija; huwa tal-fehma li, f'konformità mal-aħjar prattiki fis-settur bankarju kummerċjali[4], il-finanzjament tal-BEI għandu jkun suġġett għal pjan ta' tranżizzjoni bbażat fuq ix-xjenza b'objettivi ċari u impenji bi skadenzi speċifiċi biex jinkiseb allinjament mal-Ftehim ta' Pariġi, bil-ħsieb li gradwalment ineħħi l-appoġġ tiegħu lil proġetti li l-attivitajiet tagħhom iwasslu għal emissjonijiet sinifikanti ta' gassijiet b'effett ta' serra; Jistieden lill-BEI joffri pariri dwar kif il-kumpaniji jistgħu jiddekarbonizzaw;
35. Jistieden lill-BEI biex, fid-dokumenti ta' finanzjament, jinkludi klawżoli li jirrikjedu li l-benefiċjarji tas-self tiegħu jimpenjaw ruħhom li jwettqu bis-sħiħ kull objettiv ta' dekarbonizzazzjoni li seta' ġie inkluż fl-applikazzjoni tagħhom għal self; iqis li tali klawżoli għandhom jinkludu dispożizzjoni li l-ħlasijiet għandhom ikunu bil-kundizzjoni li jitwettqu b'mod sodisfaċenti dawn l-impenji, u li f'każijiet fejn l-iżborżi jridu jsiru qabel ma jintlaħqu l-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni, għandu jkun hemm reġim ta' indennizz ex post effiċjenti;
36. Jilqa' b'sodisfazzjon il-politika l-ġdida tal-BEI dwar is-self għall-enerġija, speċjalment il-potenzjal tiegħu li jkun ta' xprun biex iġib bidla radikali fost l-istituzzjonijiet finanzjarji, f'termini ta' effett ta' katina fuq banek oħrajn; jilqa' l-fatt li l-politika tkopri intermedjarji finanzjarji, il-prijoritizzazzjoni tal-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli, b'referenza pożittiva għall-komunitajiet tal-enerġija u l-mikrogrilji, u l-potenzjal li tirrappreżenta għal appoġġ finanzjarju miżjud għas-sorsi tal-enerġija lokali sabiex tintemm id-dipendenza għolja tal-Ewropa fuq sorsi esterni tal-enerġija u biex jiġu żgurati l-provvisti; jinnota li hemm applikabbli eċċezzjonijiet għall-approvazzjoni ta' ċerti proġetti tal-gass sa tmiem l-2021 u li l-appoġġ għall-proġetti tal-gass ippjanati għat-trasport ta' gassijiet b'livell baxx ta' karbonju jista' jinżamm; jenfasizza r-riskju ta' investiment f'assi mhux irkuprabbli permezz ta' self lil infrastruttura tal-fjuwils fossili; jistieden lill-BEI jiċċara li mhu se jibda l-ebda valutazzjoni ta' xi proġett relatat mal-fjuwils fossili li ma kienx ġie sottomess lilu qabel l-14 ta' Novembru 2019; jitlob li din il-politika tiġi rieżaminata b'mod regolari u li tinżamm kostantement konformi mat-Tassonomija Finanzjarja Sostenibbli Ewropea, u, ladarba tkun ġiet adottata formalment, li t-Tassonomija tintuża bħala punt ta' riferiment għall-investimenti tiegħu għall-klima u l-ambjent, sabiex jibqa' konsistenti ma' perkors li jkun kompatibbli mal-limitazzjoni tat-tisħin globali għal taħt il-1,5 °C, kif ukoll mal-iżvilupp ta' azzjonijiet esterni ġodda xierqa fl-UE;
37. Jinsisti li l-BEI jimplimenta l-prinċipju tal-effiċjenza enerġetika fis-self kollu tiegħu għall-enerġija, filwaqt li jqis l-impatt tal-effiċjenza enerġetika fuq id-domanda futura u l-kontribut tiegħu għas-sigurtà tal-enerġija;
38. Jemmen li r-rieżami tal-politika ta' self għat-trasport tal-BEI hija prijorità ewlenija; jitlob l-adozzjoni b'ħeffa ta' politika ġdida ta' finanzjament tat-trasport biex is-settur tat-trasport tal-Unjoni jiġi dekarbonizzat sal-2050; jissottolinja li l-BEI għandu jkompli l-involviment tiegħu fil-finanzjament tal-innovazzjoni u tat-teknoloġija ekoloġika għall-avjazzjoni, inkluż l-iżvilupp ta' bijofjuwils sostenibbli, tal-elettrifikazzjoni u tat-teknoloġija ibrida, sabiex l-avjazzjoni tiġi dekarbonizzata u jintlaħaq l-għan primarju tal-Ftehim ta' Pariġi;
39. Jappella biex, fis-setturi industrijali b'użu intensiv tal-karbonju li fihom huwa attiv il-BEI, bħas-siment, il-petrokimiċi u l-azzar, jiġu implimentati politiki ġodda li jiffukaw fuq is-sostenibbiltà ta' dawn is-setturi u fuq il-promozzjoni ta' ekonomija ċirkolari bbażata fuq ċikli ta' materjali mhux tossiċi, bil-ħsieb li s-self settorjali kollu jiġi allinjat mal-kisba tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050; ifakkar li bidla fuq skala kbira tista' tinkiseb biss jekk tiġi involuta l-industrija;
40. Ifakkar lill-BEI li l-ħarsien tal-bijodiversità huwa element ewlieni tal-adattament għat-tibdil fil-klima u li r-restawr tal-ekosistemi huwa l-unika teknoloġija ppruvata fejn jidħlu emissjonijiet negattivi; jistieden lill-BEI jkompli jiżviluppa komponenti ta' kontroll fir-rigward tal-bijodiversità fl-istrumenti finanzjarji tiegħu sabiex jiġu evitati effetti negattivi fuq il-bijodiversità; jistieden ukoll lill-BEI jimpenja ruħu biex itemm il-finanzjament ta' proġetti li jikkontribwixxu għat-telf u d-degradazzjoni tal-bijodiversità u tal-ekosistemi, u għad-deforestazzjoni illegali, biex iżid b'mod sostanzjali l-finanzjament tiegħu bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi tal-Komunità f'dan il-qasam, b'mod partikolari l-objettiv tad-deforestazzjoni netta żero u l-objettivi tal-protezzjoni tal-baħar u tax-xtut, u biex jappoġġja azzjonijiet favur il-bijodiversità u l-adattament, servizzi ekosistemiċi fundamentali bħad-dakkra, u l-infrastruttura ekoloġika;
41. Jilqa' pożittivament il-linji gwida dwar l-enerġija idroelettrika adottati fl-2018[5], u jappella għall-estensjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza għall-proġetti infrastrutturali kollha, inklużi dawk iffinanzjati minn intermedjarji finanzjarji;
42. Jistieden lill-BEI jaħdem flimkien ma' parteċipanti tas-suq żgħar u mal-kooperattivi komunitarji sabiex jikkonsolida proġetti ta' enerġija rinnovabbli żgħar u b'hekk jippermettilhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-finanzjament tal-BEI;
Ir-rwol tal-BEI fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta
43. Jissottolinja r-rwol kruċjali tal-BEI biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fil-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa Sostenibbli u biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta, filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza kemm tas-settur privat kif ukoll dak pubbliku fit-twettiq fis-seba' snin li ġejjin tal-miri ta' investiment ta' EUR 1 triljun u EUR 100 miljun fil-qafas tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta, rispettivament;
44. Iħeġġeġ lill-BEI jappoġġja proġetti li għandhom l-għan li jiffaċilitaw tranżizzjoni ġusta fl-Istati Membri; iqis li, peress li l-Istati Membri għandhom punti ta' tluq differenti, il-BEI għandu jiffoka l-appoġġ tiegħu fuq dawk l-Istati Membri li għandhom l-akbar distanza xi jkopru; jenfasizza li t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali mill-karbonju ma trid tħalli lil ħadd barra; jistieden għalhekk lill-BEI jiżgura appoġġ adegwat, inkluża assistenza teknika, għar-reġjuni l-aktar affettwati, b'kont meħud tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u l-kapaċitajiet differenti tal-Istati Membri; jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li jiġu appoġġjati b'mod proattiv l-oqsma fejn l-impjiegi huma attwalment dipendenti fuq industriji b'emissjonijiet għoljin, billi jiġi pprovdut investiment fit-taħriġ u fl-opportunitajiet ekonomiċi alternattivi sabiex jiġu sfruttati b'mod effikaċi r-riżorsi privati u pubbliċi meħtieġa u tiġi promossa t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika;
45. Jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ antiċipatorju u parteċipattiv sabiex jiġi żgurat li l-partijiet kollha tas-soċjetà jibbenefikaw mit-tranżizzjoni; jappella għal appoġġ għall-komunitajiet u r-reġjuni (dawk tal-minjieri jew dawk b'użu intensiv tal-karbonju, eċċ) milquta, kif ukoll għall-ħaddiema tas-setturi l-aktar affettwati mid-dekarbonizzazzjoni, filwaqt li jitrawwem ukoll l-iżvilupp ta' proġetti u teknoloġiji ġodda konġunti għal dawk il-komunitajiet u r-reġjuni kif ukoll magħhom;
46. Iqis li, biex il-BEI jsir il-bank klimatiku tal-UE u jaqdi rwol fit-tranżizzjoni ġusta, jeħtieġ li jmexxi 'l quddiem mekkaniżmi li jinkorporaw aħjar l-informazzjoni mill-partijiet ikkonċernati differenti, bħall-awtoritajiet lokali u reġjonali, it-trejdjunjins, l-NGOs u l-esperti rilevanti, fl-istrateġija ta' investiment tiegħu;
47. Jistieden lill-BEI jimpenja ruħu u jippreżenta pjan ġust, koerenti u inklużiv, f'konsultazzjoni mal-Istati Membri u r-reġjuni u f'konformità maċ-ċirkustanzi soċjali u ġeografiċi tagħhom, sabiex jisfruttaw ir-riżorsi privati u pubbliċi meħtieġa b'mod effikaċi u jippromwovi t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-protezzjoni taċ-ċittadini u tal-ħaddiema li se jiġu affettwati l-aktar mit-tranżizzjoni, fost l-oħrajn billi jiġi pprovdut aċċess għall-programmi ta' taħriġ mill-ġdid u għall-promozzjoni ta' investimenti f'setturi ekonomiċi ġodda li se joħolqu impjiegi ġodda u ta' kwalità għolja;
L-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju (SMEs) u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja
48. Jilqa' r-rieda tal-Grupp tal-BEI li jsaħħaħ il-kompetittività tal-UE u li jagħti l-appoġġ tiegħu għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, permezz ta' appoġġ f'oqsma li jinkludu l-innovazzjoni, l-SMEs, l-infrastruttura, il-koeżjoni soċjali, il-klima u l-ambjent;
49. Jilqa' l-appoġġ finanzjarju qawwi tal-BEI għall-SMEs, b'investiment totali ta' EUR 23,27 biljun fl-2018, li minnu bbenefikaw 374 000 kumpanija li jimpjegaw 5 miljun ħaddiem; jieħu nota tar-riżultati tar-rapport ta' investiment tal-BEI għall-2019/2020 fir-rigward tal-finanzjament tal-SMEs u tal-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja; iqis li l-appoġġ għall-SMEs u għall-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja jrid jibqa' objettiv fundamentali għall-BEI, u jħeġġeġ sabiex ikun hemm sforzi miżjuda u enfasi akbar fuq il-finanzjament għall-SMEs bil-għan li jitnaqqas id-defiċit fil-finanzjament għal dawn il-kumpaniji; jilqa' f'dan is-sens it-tieqa għall-SMEs fil-fond InvestEU; jenfasizza l-ħtieġa li ssir enfasi fuq il-finanzjament fit-tul, speċjalment billi jiġu appoġġjati proġetti li inkella ma jiġux iffinanzjati, b'mod partikolari għall-SMEs u n-negozji l-ġodda innovattivi; jenfasizza, madankollu, li l-attivitajiet ta' finanzjament tal-BEI ma jistgħux jissostitwixxu politiki fiskali sostenibbli fl-Istati Membri;
50. Jinnota li l-probabbiltà li l-SMEs ikunu limitati finanzjarjament f'termini ta' finanzi esterni hija d-doppju meta mqabbla mad-ditti l-kbar u li l-proporzjon ta' ditti limitati finanzjarjament fl-UE kollha jvarja minn 1 % sa massimu ta' 13 %;
51. Jinnota li l-finanzjament estern għad-ditti kollha madwar l-UE jammonta biss għal ftit aktar minn terz tal-finanzjament ta' investiment tagħhom;
52. Iqis li, minħabba r-rwol strateġiku tal-SMEs, il-BEI għandu jkompli l-appoġġ finanzjarju tiegħu u jsaħħaħ il-kapaċitajiet amministrattivi u konsultattivi tiegħu sabiex jagħti informazzjoni u appoġġ tekniku lill-SMEs bil-ħsieb li jiffaċilitalhom l-aċċess għall-finanzjament, filwaqt li jqis ir-reġjuni anqas żviluppati;
53. Jenfasizza li, sabiex jikseb l-ambizzjonijiet tiegħu, il-BEI jista' jeħtieġ li jieħu riskji ulterjuri, minbarra li jżid il-fondi proprji tiegħu u jibni kompetenza esperta fi strumenti ta' finanzjament innovattivi; jistieden lid-detenturi tal-ishma tal-BEI jiżguraw li l-bank ikollu riżorsi adegwati biex ikun jista' juża strumenti innovattivi biex jiffinanzja proġetti b'potenzjal sinifikanti ta' benefiċċji sostenibbli, soċjali u innovattivi; jappella, għalhekk, għal żieda fil-kapitalizzazzjoni tal-BEI b'segwitu tal-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-evalwazzjoni esterna, biex ikun jista' jsir self aktar fit-tul u użu ta' strumenti innovattivi għall-finanzjament ta' proġetti b'potenzjal sostanzjali ta' titjib f'termini ta' sostenibbiltà, u ta' aspetti soċjali u ta' innovazzjoni, inklużi proġetti li joħolqu impjiegi sostenibbli u li jnaqqsu l-inugwaljanzi, kif ukoll kapital għat-tkabbir sabiex l-SMEs ikunu jistgħu jespandu l-operazzjonijiet tagħhom; jenfasizza l-importanza tal-fattur tal-addizzjonalità li għandu jipprovdi l-BEI lill-investimenti madwar l-UE u tal-kooperazzjoni ma' sħab varji; jirrimarka, barra minn hekk, li l-valur miżjud ipprovdut mill-finanzjament tal-BEI jfisser ukoll l-għoti ta' konsulenza teknika u l-bini tal-kapaċità biex il-proġetti jiġu megħjuna jkunu lesti biex jirċievu l-investiment u sabiex jiġi żgurat l-akbar bilanċ ġeografiku possibbli;
54. Jissuġġerixxi li l-BEI jkompli jekoloġizza l-portafoll tal-SMEs tiegħu, pereżempju billi jalloka ishma ogħla lil proġetti aktar ekoloġiċi u billi jipprovdi appoġġ lill-banek intermedjarji għat-twaqqif ta' prodotti li jinċentivaw l-effiċjenza enerġetika jew l-enerġija rinnovabbli; jissuġġerixxi, barra minn hekk, li l-BEI jappoġġja d-diġitalizzazzjoni tal-SMEs bil-għan li jnaqqas id-distakk diġitali;
55. Jesprimi dubju, f'dan il-kuntest, dwar il-kapaċità tal-BEI li jattira investiment favur in-negozji żgħar u jistaqsi jekk hux qed jiġi ristrett iżżejjed minħabba l-limitazzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-finanzjament ta' proġetti b'komponent ta' riskju sinifikanti;
Self barra l-UE
56. Jilqa' l-fatt li l-BEI huwa attiv f'aktar minn 130 pajjiż barra l-UE, billi jsellef lil proġetti biex jappoġġjaw il-linji politiċi esterni tal-UE dwar il-kooperazzjoni u l-iżvilupp;
57. Jinnota li fl-2018 il-BEI ffirma kuntratti ta' finanzjament għal 101 proġett ġdid barra l-UE b'total ta' finanzjament approvat ta' EUR 9,05 biljun bil-għan li jkunu jistgħu jsiru investimenti totali ta' EUR 41 biljun, b'livelli rekord ta' self għall-klima u għall-infrastruttura soċjali u ekonomika;
58. Iħeġġeġ lill-BEI, li huwa l-akbar sellief multilaterali fid-dinja, iżomm ir-rwol tiegħu ta' gwida fil-finanzjamenti futuri u jrawwem finanzi sostenibbli barra l-Ewropa, u jżomm rwol ewlieni fit-twaqqif ta' mekkaniżmi ta' finanzjament tal-UE għall-pajjiżi terzi;
59. Jinnota li madwar 10 % tas-self tal-BEI jmur għal pajjiżi terzi u li l-biċċa l-kbira tal-appoġġ huwa allokat għall-Pajjiżi bi Dħul Medju Għoli, u huma biss ftit l-operazzjonijiet li qed jiġu ffinanzjati fil-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati;
60. Jinnota l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-garanzija tal-UE lill-BEI kontra telf minn operazzjonijiet ta' finanzjament li jappoġġjaw proġetti ta' investiment barra mill-Unjoni; iqis li l-BEI għandu jtejjeb il-koerenza u l-allinjament tas-self estern tiegħu mal-għanijiet tal-politika barranija u tal-iżvilupp tal-UE u mal-interventi tal-Istati Membri, biex jappoġġja l-objettivi politiċi tal-UE bl-aħjar mod;
61. Iħeġġeġ lill-BEI jtejjeb l-għarfien espert tiegħu dwar proġetti ta' żvilupp, b'mod partikolari proġetti li jinvolvu self dirett lis-settur privat;
62. Iħeġġeġ lill-BEI jsaħħaħ il-kooperazzjoni lokali, inkluż qabel u matul l-implimentazzjoni ta' proġetti, u jtejjeb il-kooperazzjoni mad-delegazzjonijiet tal-UE;
63. Iqis li l-BEI għandu jsaħħaħ il-monitoraġġ tal-proġetti u jtejjeb ir-rapportar u l-evalwazzjoni tiegħu tar-riżultati effettivament miksuba u l-analiżi tal-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali attwali; jissuġġerixxi, għalhekk, li jiżdied l-għadd ta' persunal lokali fil-pajjiżi sħab;
64. Jinnota li l-ammont ta' finanzjament relatat mal-klima ffirmat fl-2014-2018 huwa ogħla mill-mira tal-mandat ta' self estern (ELM) ta' 25 %;
65. Jitlob lill-BEI jagħmel użu sħiħ mill-klawżoli kuntrattwali li jippermettulu jissospendi l-iżburżar f'każijiet ta' nuqqas ta' konformità mal-istandards ambjentali, soċjali, tad-drittijiet tal-bniedem, tat-taxxa u tat-trasparenza;
66. Jinnota li madwar 40 % tal-operazzjonijiet ELM jgħaddu minn intermedjarji finanzjarji, u jitlob lill-BEI jipprovdi informazzjoni aktar komprensiva u regolari dwar ir-ridistribuzzjoni ta' self minn intermedjarji finanzjarji; jitlob lill-BEI jżomm il-verifiki tiegħu fuq is-self allokat permezz ta' intermedjarji finanzjarji mhux lokali; jenfasizza, fir-rigward tal-Banek u l-Istituzzjonijiet Promozzjonali Nazzjonali (NPBIs), l-importanza, minn naħa, li jerġgħu jkunu definiti r-relazzjonijiet mal-BEI, mal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u mal-banek ta' żvilupp, bil-għan li tkun żgurata l-koerenza bejn il-mandati rispettivi tagħhom u, min-naħa l-oħra, li tissaħħaħ il-kooperazzjoni tagħhom mal-Kummissjoni, mal-BEI u mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, sabiex jinħolqu aktar sinerġiji bejn il-Fondi SIE u l-istrumenti ta' finanzjament u s-self tal-BEI, jonqsu l-piżijiet amministrattivi, jiġu ssimplifikati l-proċeduri, tiżdied il-kapaċità amministrattiva, jissaħħu l-iżvilupp u l-koeżjoni territorjali u titjieb il-viżibbiltà tal-Fondi SIE u tal-finanzjamenti tal-BEI;
67. Jieħu nota tar-rapport ta' evalwazzjoni tal-BEI ta' Lulju 2017 dwar is-self intermedjat fil-pajjiżi tal-AKP (Reġjun tal-Afrika-Karibew-Paċifiku)[6]; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas viżibbli ta' kontroll fuq il-fondi ġestiti minn intermedjarji finanzjarji u dwar id-diffikultà li jitwettaq monitoraġġ tal-benefiċċji tas-self; jenfasizza, b'mod partikolari, li bejn l-2015 u l-2018, 30 % tas-self intermedjat ma kienx allokat[7];
68. Jinnota li l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem huma integrati fil-proċeduri u l-istandards ewlenin ta' diliġenza dovuta; iħeġġeġ lill-BEI, fil-kuntest tar-reviżjoni li jmiss tal-politika tiegħu dwar l-istandards ambjentali u soċjali, isaħħaħ l-istrateġija tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż ir-riskju ta' tpattija kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-informaturi, u jirrispetta r-rekwiżit li jgħarraf u jikkonsulta kif xieraq lill-komunitajiet lokali; jemmen li din il-politika għandha titwettaq permezz tal-valutazzjoni tar-riskji tad-drittijiet tal-bniedem, u b'mod partikolari għandu jkun fiha metodoloġija biex jiġu evitati impatti negattivi fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll reazzjonijiet adegwati, jekk dan iseħħ, billi, inter alia, jiġi ggarantit id-dritt effettiv għal aċċess għall-informazzjoni u l-ħtieġa ta' konsultazzjoni ġenwina ex ante ma' persuni indiġeni affettwati mill-investiment; iqis li l-istrateġija għandha tinkludi l-valutazzjoni sistematika tar-riskji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża valutazzjoni ex ante, u l-monitoraġġ kontinwu fuq il-post; jistieden lill-BEI jinkludi fil-kuntratti tiegħu klawżoli li jippermettu s-sospensjoni tal-iżburżar tal-għotjiet f'każ ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem jew tal-istandards ambjentali u soċjali, u jiżgura li l-mekkaniżmi għall-ilmenti jkunu aċċessibbli faċilment anki għall-komunitajiet remoti u marġinalizzati, u jkunu f'waqthom u effettivi;
69. Jilqa' l-fatt li l-BEI diġà jimpjega speċjalisti tad-drittijiet tal-bniedem u jirrakkomanda li jirrekluta aktar speċjalisti bħal dawn minn pajjiżi sħab, sabiex ikun jista' jifhem aħjar is-sitwazzjonijiet lokali u jkun jista' jissorvelja kwalunkwe abbuż;
70. Jilqa' l-iffirmar tal-Memorandum ta' Qbil bejn il-BEI u l-Aġenzija Ġappuniża għall-Kooperazzjoni Internazzjonali (JICA) fis-26 ta' Settembru 2019, li se jippermetti aktar kofinanzjament u koinvestiment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jemmen li din il-kollaborazzjoni ssaħħaħ l-isħubija strateġika importanti bejn il-BEI u l-JICA fl-appoġġ ta' proġetti f'pajjiżi terzi li jindirizzaw kwistjonijiet globali;
71. Jinnota d-dikjarazzjonijiet riċenti tal-President tal-BEI Werner Hoyer dwar l-enfasi tal-BEI fuq l-iżvilupp; jinnota wkoll li l-BEI ppropona sussidjarja ddedikata għall-iżvilupp, il-Bank Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli; jitlob lill-BEI jorganizza djalogu mal-Parlament dwar il-pjanijiet tiegħu li jistabbilixxi sussidjarja li tintegra l-attivitajiet ta' żvilupp tiegħu, b'mod partikolari fil-kuntest tad-diskussjonijiet mal-Kunsill wara r-rapport mill-Grupp ta' Livell Għoli ta' Persuni Għorrief dwar l-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp;
72. Jistieden lill-BEI jsegwi l-aħjar prattiki u jestendi l-prinċipju tal-kunsens liberu, minn qabel u informat lill-komunitajiet kollha milquta f'każ ta' investimenti bbażati fuq ir-riżorsi tal-art u naturali, b'mod distint minn dawk li jindirizzaw biss lill-popli indiġeni;
Governanza, trasparenza u kontabilità
73. Ifakkar li l-istess prinċipji ta' responsabbiltà u ta' trasparenza għandhom japplikaw għall-korpi kollha tal-Unjoni[8]; jinsisti li r-rwol ekonomiku akbar tal-Grupp tal-BEI u ż-żieda fil-kapaċità ta' investiment tiegħu u l-użu tal-baġit tal-UE biex jiggarantixxi l-operazzjonijiet tiegħu jridu jimxu id f'id mat-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-obbligu ta' rendikont fir-rigward tal-operazzjonijiet ekonomiċi tiegħu, l-użu tiegħu tal-garanzija tal-baġit tal-UE, l-addizzjonalità tal-operazzjonijiet tal-BEI, u l-pjanijiet possibbli futuri għal sussidjarja tal-iżvilupp fil-BEI; jitlob li jkun hemm teħid ta' deċiżjonijiet trasparenti u kollaborazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet tal-UE sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-kredibilità tal-objettivi stabbiliti; jinnota li l-politika ta' trasparenza tal-Grupp tal-BEI hija bbażata fuq preżunzjoni ta' divulgazzjoni, u jfakkar lill-BEI dwar l-obbligi legali tiegħu skont il-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali fl-UE;
74. Jappoġġja l-impenn meħud mill-BEI, fil-qafas tat-tielet strateġija ta' Diversità u Inklużjoni (D&I), li tkopri l-perjodu 2018-2021, li jżid sa 50 % l-għadd tan-nisa f'livell ta' uffiċjal anzjan sal-2021; jistieden lill-BEI jiżgura li jilħaq l-għan tiegħu li jikseb iċ-Ċertifikazzjoni ta' Dividendi Ekonomiċi għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (EDGE) fit-tnax-il xahar li ġejjin;
75. Jilqa' l-fatt li, kif rakkomandat fl-aħħar rapporti tal-Parlament, issa jridu jiġu prodotti sommarji pubbliċi tal-laqgħat tal-Kumitat ta' Tmexxija; jenfasizza l-ħtieġa li l-kontenut tal-laqgħat tal-korpi governattivi kollha tal-BEI jiġi ppubblikat b'mod sistematiku, u jitlob li jkun hemm aktar trasparenza rigward il-laqgħat tal-Kumitat ta' Tmexxija u l-eżiti tagħhom;
76. Jitlob lill-BEI jippubblika, bi qbil mal-leġiżlazzjoni tal-UE, l-informazzjoni kollha relatata mas-self dirett soġġett għall-approvazzjoni tal-Kumitat ta' Tmexxija, inkluż billi jippubblika għal kull proġett l-opinjoni tal-Kummissjoni u dik tal-Istat Membru fejn ikun jinsab il-proġett, kif ukoll l-iskedi tal-Kejl tar-Riżultati (ReM) meta jintalbu;
77. Jistieden lill-BEI biex fl-2020 jirrieżamina l-politika tiegħu dwar it-trasparenza, bil-ħsieb tal-pubblikazzjoni f'waqtha ta' aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet ta' finanzjament tiegħu, sabiex jiġi żgurat li din tkun konformi mal-impenji tiegħu soċjali, dwar il-klima u ambjentali; jenfasizza l-importanza tal-koerenza tal-attivitajiet tal-BEI mal-politiki tal-UE;
78. Jistieden lill-BEI jkompli jtejjeb it-trasparenza u l-aċċess għall-informazzjoni, speċjalment fir-rigward tas-sistema tal-kuntrattar u tas-sottokuntrattar, ir-riżultati tal-investigazzjonijiet interni u l-għażla, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet u tal-programmi tiegħu;
79. Jistieden lill-BEI jiżgura l-ogħla livell ta' integrità tal-intermedjarji finanzjarji tiegħu, u biex is-self tagħhom ikun soġġett għall-istess rekwiżiti ta' trasparenza bħal tipi oħrajn ta' self; jistieden lill-BEI jieqaf jaħdem ma' intermedjarji finanzjarji b'rekord negattiv f'termini ta' trasparenza, frodi, korruzzjoni, kriminalità organizzata jew ħasil tal-flus, jew ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li tali rekwiżiti ġodda m'għandhomx ikunu għad-detriment tal-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs;
80. Jappella sabiex il-qafas regolatorju dwar l-obbligi tad-dmir ta' viġilanza tal-BEI jiġi rivedut, partikolarment sabiex isaħħaħ it-termini kuntrattwali tiegħu fir-rigward tal-klijenti tiegħu, pereżempju fir-rigward tal-frodi u l-korruzzjoni;
81. Jistieden lill-BEI jtejjeb l-impenn tal-partijiet ikkonċernati u l-proċessi ta' konsultazzjoni pubblika relatati mal-proġetti li jiffinanzja; jitlob lill-BEI jissorvelja u jimmonitorja aħjar id-diversi stadji tal-impenn tal-partijiet ikkonċernati u jiżgura li l-promoturi tal-proġett ikollhom salvagwardji sodi fis-seħħ permezz ta' rekwiżiti vinkolanti;
82. Jistieden lill-BEI jsaħħaħ l-obbligi tiegħu ta' diliġenza dovuta f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE kontra l-ħasil tal-flus, u jipprovdi qafas regolatorju sħiħ li jippermetti lill-Bank jipprevjeni b'mod effikaċi l-involviment tiegħu f'attività illegali u jiżgura reġim xieraq ta' sanzjonijiet għal nuqqas ta' konformità mad-dritt tal-UE;
83. Jistenna li l-BEI jadatta l-politiki interni tiegħu biex jitqies il-qafas ġuridiku l-ġdid imdaħħal fis-seħħ biex jiġġieled, minbarra l-frodi fiskali, l-evażjoni tat-taxxa, u jenfasizza l-importanza tal-indipendenza u l-effikaċja tad-Diviżjoni tal-Investigazzjonijiet tal-Frodi tiegħu; iħeġġeġ lill-BEI jżid il-kooperazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u mal-awtoritajiet nazzjonali sabiex jipprevjenu l-frodi u l-ħasil tal-flus, u jiżgura li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) jkun mgħarraf u biex jirrapporta l-każijiet kollha ta' frodi potenzjali lill-awtoritajiet kompetenti; jieħu interess proattiv fl-attivitajiet tal-BEI; huwa tal-fehma li fil-futur l-UPPE għandu jkollu mandat li jiftaħ kawżi għal attività kriminali fir-rigward tal-fondi tal-BEI f'dawk l-Istati Membri li huma membri tal-UPPE; jitlob li jiġu allokati riżorsi finanzjarji adegwati għal dan il-kompitu ġdid;
84. Jinnota li l-BEI għandu Politika kontra l-Frodi b'uffiċċju indipendenti biex jinvestiga allegazzjonijiet ta' frodi rrappurtati internament jew esternament; jistieden lill-BEI jikkunsidra li jaġġorna l-politika tiegħu sabiex itejjeb il-qafas tiegħu kontra l-frodi u jiżgura riżorsi adegwati, speċjalment minħabba r-rwol ewlieni li qed jaqdi fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE bħall-InvestEU u l-Patt Ekoloġiku Ewropew; jinnota li, fil-Politika Kontra l-Frodi tal-BEI, hemm diġà previsti sanzjonijiet u rimedji li jagħmlu possibbli – pereżempju – li jiġu sospiżi l-iżborżi, li jintalbu rimborżi lura tal-pagamenti u li jiġu sospiżi jew ikkanċellati proġetti; jistieden lill-BEI jissospendi l-iżborżi f'każ ta' akkużi serji ta' ġestjoni ħażina u/jew korruzzjoni;
85. Jilqa' l-adozzjoni tal-politika riveduta tal-Grupp tal-BEI fir-rigward tal-ġurisdizzjonijiet li huma rregolati b'mod dgħajjef, mhux trasparenti u mhux kooperattivi8; jistieden lill-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej l-oħrajn biex japplikaw l-istess standards; jistenna li l-BEI jadotta proċeduri operattivi ddettaljati u miżuri ta' diliġenza dovuta biex jimplimenta l-politika NCJ il-ġdida; jinnota li l-BEI jippubblika d-dettalji tal-klijenti tiegħu għal kull operazzjoni fuq is-sit web tiegħu u jivverifika s-sjieda benefiċjarja tal-klijenti tiegħu meta s-self tal-BEI li jirċievu jkun garantit mill-baġit tal-UE f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE; jappella, barra minn hekk, li s-sit web tal-BEI jkollu ħoloq ta' kollegament mar-reġistri fil-livell tal-Istati Membri fejn tista' tinkiseb data dwar is-sjieda benefiċjarja; ifakkar fl-ogħla importanza li tissaħħaħ il-politika tiegħu dwar ġurisdizzjonijiet mhux trasparenti u mhux kooperattivi, fid-dawl ta' modi ġodda u eżistenti ta' kif jiġu evitati t-taxxi, bħal pereżempju l-użu ta' diskrepanzi ibridi, trattament preferenzjali għal drittijiet ta' proprjetà intellettwali jew l-użu ta' ġurisdizzjonijiet b'taxxa baxxa jew mingħajr taxxa biex jiġu ttrasferiti l-profitti, b'mod partikolari billi l-għoti ta' self dirett u indirett jiġi soġġett għall-pubblikazzjoni pajjiż b'pajjiż ta' data dwar it-taxxa u l-kontabilità; jistieden lill-BEI jippreżenta lista ta' tranżazzjonijiet pendenti, speċjalment fejn hija kkonċernata l-lista ta' rifuġji fiskali internazzjonali; jistieden lill-BEI jagħmel użu sħiħ mill-Għodod Kontra l-Evitar tat-Taxxa tiegħu għall-proġetti sensittivi għar-riskju waqt id-diliġenza dovuta tat-taxxa tiegħu u juża r-rekwiżiti ta' rilokazzjoni meta jkun meħtieġ; jinnota l-Qafas rivedut tal-Grupp tal-BEI dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML-CFT), u jistieden lill-BEI jaġġorna l-politika tiegħu fid-dawl tal-Ħames Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u jikkoopera mal-awtoritajiet rilevanti biex jiżgura li jkun hemm sanzjonijiet adegwati għal ksur tal-liġi u standards stretti dwar l-intermedjarji finanzjarji;
86. Jieħu nota tar-rieżami tal-politika u tal-proċeduri tal-mekkaniżmu għall-ilmenti tal-BEI sabiex jiġi żgurat li l-mekkaniżmu jkun funzjonali għall-aħħar sabiex jidentifika u jirrimedja kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-bniedem fi proġetti relatati mal-BEI; jistieden lill-BEI jiżgura l-indipendenza u l-effikaċja ta' dan il-mekkaniżmu; iħeġġeġ l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Ombudsman Ewropew;
87. Jistieden lill-BEI jsaħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu mal-Ombudsman Ewropew;
88. Jilqa' l-Istrateġija tal-Grupp tal-BEI dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, u jistenna bil-ħerqa t-tieni fażi tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni;
89. Jistieden lill-BEI jiżgura rappreżentanza tas-sessi aktar ibbilanċjata, speċjalment fil-pożizzjonijiet għolja tiegħu;
90. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) u lill-BEI jsaħħu r-rwol tal-QEA, fit-tiġdid li ġej tal-Ftehim tripartitiku li jirregola r-regoli tal-ingaġġ; jitlob li l-QEA tingħata s-setgħa li twettaq awditu tal-operazzjonijiet kollha tal-BEI, inkluż li tagħmel evalwazzjoni tal-kosteffettività tal-isforzi ta' investiment tiegħu u tal-addizzjonalità tal-proġetti tiegħu, u li dawn l-awditi jkunu ppubblikati; jistieden ukoll lill-QEA tfassal rakkomandazzjonijiet dwar ir-riżultati tal-attivitajiet ta' self estern tal-BEI u l-allinjament tagħhom mal-politiki tal-UE;
91. Jitlob li jintlaħaq ftehim interistituzzjonali bejn il-BEI u l-Parlament biex jitjieb l-aċċess għad-dokumenti u d-data tal-BEI;
92. Jitlob b'urġenza t-tisħiħ tal-kompetenzi tal-Parlament fl-orjentazzjoni strateġika u fil-politiki tal-BEI sabiex jiġi żgurat l-iskrutinju demokratiku tal-investimenti, inkluża l-kapaċità li jissottometti mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub lill-BEI kif diġà huwa previst għall-BĊE; jistieden lill-Grupp tal-BEI jtejjeb l-obbligu ta' rendikont tiegħu dwar dawn il-kwistjonijiet, u jissuġġerixxi l-idea ta' djalogu ta' kull tliet xhur mal-kumitati rilevanti tal-Parlament, biex jiġi żgurat li jkun hemm parteċipazzjoni fl-istrateġija ta' investiment tal-BEI kif ukoll sorveljanza adegwata; jenfasizza l-importanza ta' skrutinju akbar mill-Parlament fuq id-deċiżjonijiet tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI, u jiġbed l-attenzjoni għall-possibbiltà li l-Parlament ikollu status ta' osservatur fil-laqgħat tal-Bord biex jiżgura li jkun hemm kondiviżjoni aħjar tal-informazzjoni; jitlob li l-Kummissjoni żżid it-trasparenza tagħha fil-konfront tal-Parlament dwar il-pożizzjonijiet li tieħu fil-Bord tad-Diretturi tal-BEI; jappella għal memorandum ta' qbil bejn il-BEI u l-Parlament biex fil-ġejjieni jitjieb l-aċċess għad-dokumenti tal-BEI u għad-data relatata mal-politiki ta' orjentazzjoni u ta' finanzjament sabiex jissaħħaħ l-obbligu ta' rendikont tal-Bank;
93. Jitlob lill-President tal-BEI jippreżenta din ir-riżoluzzjoni lid-Diretturi u lill-Gvernaturi tal-BEI, u li din ir-riżoluzzjoni tiġi diskussa fil-Kumitat ta' Tmexxija;
94. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
POŻIZZJONI FIL-FORMA TA' EMENDI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET EKONOMIĊI U MONETARJI (7.2.2020)
għall-Kumitat għall-Baġits
dwar l-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment – rapport annwali 2019
Rapporteur għal opinjoni (*): Bas Eickhout
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 57 tar-Regoli ta' Proċedura
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jenfasizza l-importanza tal-attivitajiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), bħala l-bank tal-Unjoni, biex jiżdiedu l-livelli attwali ta' investiment fl-UE, li huma taħt il-medji storiċi u mhumiex biżżejjed biex jissodisfaw l-ambizzjonijiet tal-UE f'termini ta' sostenibbiltà u ta' aspetti ekonomiċi, soċjali u ta' ħolqien ta' impjiegi u biex jinkisbu l-koeżjoni reġjonali, l-innovazzjoni u l-kompetittività fil-livell tal-UE kif ukoll il-finanzjament fil-livell lokali, inkluż fil-muniċipalitajiet li jirrispondu għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini; iħeġġeġ b'saħħa lill-BEI jkompli bl-isforzi tiegħu biex jappoġġja aktar l-investiment favur Ewropea aktar sostenibbli u kompetittiva;
2. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali biex tiżgura li r-regoli fiskali tal-UE jkunu ta' appoġġ għal sforzi futuri biex jiżdied il-livell tal-investiment pubbliku fl-UE, li jippermetti lill-BEI jimmobilita dan l-investiment pubbliku akbar; jissottolinja r-rwol importanti tas-settur pubbliku fit-twettiq tal-miri ta' investiment imħabbra mill-Kummissjoni l-ġdida, jiġifieri li talloka EUR 1 triljun f'finanzjament għall-investiment fit-tranżizzjoni ekoloġika tul dan id-deċennju li jmiss;
3. Jenfasizza li, sabiex jiġu ssodisfati dawn l-ambizzjonijiet tal-UE, jista' jinħtieġ li l-BEI jieħu aktar riskji, speċjalment fis-setturi u r-reġjuni li jattiraw anqas investiment, sakemm tali self ikun konformi mal-kriterji ta' eliġibbiltà tal-BEI u billi jitqies li l-BEI jżomm il-klassifikazzjoni tal-kreditu triple-A tiegħu, u fl-istess waqt li tiżdied l-ekwità u jiġi żviluppat l-għarfien espert fl-istrumenti ta' finanzjament innovattivi;
4. Jappella għal żieda ġenerali fil-kapitalizzazzjoni tal-BEI biex ikun jista' jsir self aktar fit-tul u użu ta' strumenti innovattivi għall-finanzjament ta' proġetti li joffru potenzjal sostanzjali ta' titjib f'termini ta' sostenibbiltà, u ta' aspetti soċjali u ta' innovazzjoni, inklużi proġetti li joħolqu impjiegi sostenibbli u li jnaqqsu l-inugwaljanzi; jenfasizza l-importanza tal-fattur tal-addizzjonalità li għandu jirrappreżenta l-BEI fl-investimenti madwar l-UE u fil-kooperazzjoni ma' sħab varji; jirrimarka, barra minn hekk, li l-valur addizzjonali tal-finanzjament tal-BEI jikkonsisti wkoll fl-għoti ta' konsulenza teknika u fil-bini tal-kapaċità biex il-proġetti jiġu megħjuna jkunu lesti biex jirċievu l-investiment u sabiex jiġi żgurat l-akbar bilanċ ġeografiku possibbli;
5. Jieħu nota tar-riżultati tar-rapport ta' investiment tal-BEI għall-2019/2020 dwar l-SMEs u l-finanzjament tal-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja; iqis li l-appoġġ għall-SMEs u għall-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja jrid jibqa' objettiv fundamentali għall-BEI u jħeġġeġ li jkun hemm sforzi miżjuda u enfasi akbar fuq il-finanzjament għall-SMEs bil-għan li jitnaqqas id-defiċit fil-finanzjament għal dawn il-kumpaniji; jilqa' f'dan is-sens it-tieqa għall-SMEs fil-fond InvestEU; jenfasizza l-ħtieġa li ssir enfasi fuq il-finanzjament fit-tul, jiġifieri billi jiġu appoġġjati proġetti li inkella ma jiġux iffinanzjati, b'mod partikolari għall-SMEs u n-negozji l-ġodda innovattivi; jenfasizza, madankollu, li l-attivitajiet ta' finanzjament tal-BEI ma jistgħux jissostitwixxu politiki fiskali sostenibbli fl-Istati Membri; jistieden lill-BEI jżid l-investiment f'innovazzjonijiet rivoluzzjonarji, speċjalment għat-tranżizzjoni ekoloġika, sabiex jingħata appoġġ lill-kumpaniji Ewropej;
6. Jilqa' l-impenn tal-President tal-Kummissjoni li tbiddel xi taqsimiet tal-BEI f'bank għall-klima, kif ukoll il-prinċipji tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u d-deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI li jżid is-sehem tal-finanzjament tal-BEI għall-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali għal mill-inqas 50 % sal-2025 u li jallinja l-attivitajiet ta' finanzjament kollha tal-BEI mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi sa tmiem l-2020;
7. Jistieden lill-BEI jżid il-finanzjament biex jindirizza t-tranżizzjoni teknoloġika, jappoġġja l-iżvilupp tal-ħiliet adattati għall-ħtiġijiet attwali u futuri tas-suq tax-xogħol, jippromwovi aktar l-investiment fil-ħiliet diġitali tal-impjegati u tal-imprendituri, fl-infrastruttura diġitali u fil-bini tal-kapaċità għad-diġitalizzazzjoni, jipprovdi fondi għar-riċerka u l-innovazzjoni fit-tul u għall-SMEs, jappoġġja l-ekonomija soċjali, u jsaħħaħ il-koeżjoni soċjali u territorjali, l-aktar billi jimla l-lakuni fl-investiment attwali fl-akkomodazzjoni pubblika u fl-infrastruttura;
8. Jieħu nota tal-Pjan ta' Investiment Sostenibbli Ewropew il-ġdid tal-Kummissjoni , u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja bis-sħiħ lill-BEI fl-ambizzjonijiet tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' sostenibbiltà;
9. Jistieden lill-BEI jadotta rwol ewlieni fil-finanzjament sostenibbli kemm fl-Ewropa kif ukoll lil hinn minnha, u biex jibqa' jkollu rwol ewlieni fl-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' finanzjament tal-UE għall-pajjiżi terzi, speċjalment għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
10. Jirrikonoxxi li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jeħtieġ li jinvestu aktar fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, fir-rivoluzzjoni diġitali u fis-servizzi pubbliċi ; jilqa', għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI li jtemmu l-appoġġ finanzjarju għall-biċċa l-kbira tal-proġetti tal-fjuwils fossili sal-aħħar tal-2021, u li jallinja l-portafoll tiegħu, inklużi l-operazzjonijiet tal-FEI, kif ukoll il-politiki tiegħu dwar is-self, mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi;
11. Jistieden lill-BEI jaħdem sabiex l-impenji ta' dekarbonizzazzjoni min-naħa tal-kumpaniji jsiru prekundizzjoni sabiex jirċievu l-appoġġ tal-BEI u joffri konsulenza dwar kif il-kumpaniji jistgħu jiddekarbonizzaw; jistieden lill-BEI japplika l-qafas tat-tassonomija tal-UE – ladarba jiġi adottat formalment – bħala punt ta' riferiment għall-investimenti tiegħu fil-qasam tal-klima u l-ambjent; jistieden lill-BEI jiżviluppa metodoloġija kredibbli biex ikejjel, jikkomunika u jwettaq l-allinjament tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tiegħu mal-Ftehim ta' Pariġi;
12. Jinnota s-sitwazzjonijiet u l-kapaċitajiet ekonomiċi differenti tal-Istati Membri, u jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta li tgħin lir-reġjuni u lill-pajjiżi l-aktar milquta jaġġustaw ruħhom għall-bidliet imminenti sabiex ħadd ma jitħalla barra; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġjati b'mod proattiv l-oqsma fejn l-impjiegi huma attwalment dipendenti fuq industriji b'emissjonijiet għoljin, billi jsir investiment sostanzjali fit-taħriġ u f'opportunitajiet ekonomiċi alternattivi biex jiġu ggarantiti impjiegi ta' kwalità, u b'hekk tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel; huwa tal-fehma li, f'dan ir-rigward, il-konsistenza u l-koordinament ma' strumenti oħrajn ta' finanzjament tal-UE se jkun kruċjali;
13. Jenfasizza li l-mira kwantitattiva ewlenija tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) li jimmobilizza EUR 500 biljun f'investiment privat u pubbliku addizzjonali m'għandhiex tkun l-ixprun ewlieni tas-suċċess għall-FEIS, u li l-miri li jistgħu jitkejlu dwar is-sostenibbiltà, l-addizzjonalità, il-kopertura ġeografika u l-impatt soċjali għandhom ikunu tal-anqas daqstant importanti fl-istrateġiji ta' investiment futuri;
14. Jistieden lill-BEI iżid is-sehem tal-finanzjament tal-FEIS u tal-InvestEU għal proġetti li jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għas-sostenibbiltà u l-objettivi soċjali tal-UE, bi qbil mar-regolamenti rilevanti tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-metodoloġiji ta' verifika tas-sostenibbiltà tal-InvestEU jkunu konsistenti għall-aħħar mal-objettivi ta' sostenibbiltà tal-UE, u li l-kriterji ta' evalwazzjoni tal-proġetti soċjali jqisu l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li jitwettqu evalwazzjonijiet ex ante u ex post dwar is-sostenibbiltà, il-kompetittività u l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-proġetti;
15. Jistieden lill-BEI biex, permezz tal-attivitajiet ta' self tiegħu, jagħti prijorità lill-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Unit;
16. Jistieden lill-Grupp tal-BEI jiżgura livell ogħla ta' trasparenza u obbligu ta' rendikont fir-rigward tal-operazzjonijiet ekonomiċi tiegħu, tal-użu tiegħu tal-garanzija tal-baġit tal-UE, tal-addizzjonalità tal-operazzjonijiet tal-BEI, u dwar pjanijiet futuri possibbli għat-twaqqif ta' sussidjarja fil-BEI iddedikata għall-iżvilupp;
17. Jinnota li l-politika ta' trasparenza tal-Grupp tal-BEI hija bbażata fuq preżunzjoni ta' divulgazzjoni; jistieden lill-BEI iżid l-isforzi ta' komunikazzjoni tiegħu u speċjalment sabiex, permezz tal-uffiċċji ta' kollegament tiegħu fl-Istati Membri, jikkomunika u jippromwovi aktar l-istrumenti tiegħu mal-atturi pubbliċi u privati nazzjonali u lokali; jenfasizza l-importanza li l-komunitajiet lokali u ċ-ċittadini jiġu kkonsultati kif xieraq qabel u matul l-implimentazzjoni tal-proġetti, kif ukoll il-ħtieġa li jkun hemm mekkaniżmi xierqa biex jiġu kkonsultati diversi partijiet ikkonċernati, bħal esperti dwar il-klima, trejdjunjins, atturi tas-soċjetà ċivili, rappreżentanti tan-negozju, SMEs u akkademiċi;
18. Jistieden lill-Grupp tal-BEI jtejjeb l-obbligu ta' rendikont tiegħu dwar dawn il-kwistjonijiet, u jissuġġerixxi l-idea ta' djalogu ta' kull tliet xhur mal-kumitati rilevanti tal-Parlament, biex jiġi żgurat li jkun hemm parteċipazzjoni fl-istrateġija ta' investiment tal-BEI kif ukoll sorveljanza adegwata; jenfasizza l-importanza ta' skrutinju akbar mill-Parlament fuq id-deċiżjonijiet tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI, u jiġbed l-attenzjoni għall-possibbiltà li l-Parlament ikollu status ta' osservatur fil-laqgħat tal-Bord biex jiżgura li jkun hemm kondiviżjoni aħjar tal-informazzjoni; jitlob li l-Kummissjoni żżid it-trasparenza tagħha fil-konfront tal-Parlament dwar il-pożizzjonijiet li tieħu fil-Bord tad-Diretturi tal-BEI; jappella għal memorandum ta' qbil bejn il-BEI u l-Parlament biex fil-ġejjieni jitjieb l-aċċess għad-dokumenti tal-BEI u għad-data relatata mal-politiki ta' orjentazzjoni u ta' finanzjament sabiex jissaħħaħ l-obbligu ta' rendikont tal-Bank;
19. Jenfasizza li d-drittijiet tal-Qorti tal-Awdituri li twettaq awditu tal-BEI għandhom jissaħħu u jkopru l-operazzjonijiet kollha tal-BEI u li l-awditi għandhom jinkludu l-kosteffikaċja tal-isforzi ta' investiment tal-BEI u l-addizzjonalità tal-proġetti tiegħu u għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku; jistieden lill-BEI jżid il-kollaborazzjoni tiegħu mal-OLAF u mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) fil-futur u jirrapporta l-każijiet kollha ta' frodi potenzjali lill-awtoritajiet kompetenti; huwa tal-fehma li fil-futur l-UPPE għandu jkollu l-mandat li jiftaħ kawżi għal attività kriminali fir-rigward tal-fondi tal-BEI fl-Istati Membri tal-UE li huma membri tal-UPPE;
20. Jilqa' l-politika l-ġdida tal-Grupp tal-BEI dwar il-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx u dwar il-governanza tajba tat-taxxa adottata fl-2019, iżda jfakkar fl-importanza fundamentali li din il-politika tissaħħaħ fid-dawl tal-modi ġodda u eżistenti li bihom jiġu evitati t-taxxi, pereżempju l-użu ta' diskrepanzi ibridi, it-trattament preferenzjali għal drittijiet ta' proprjetà intellettwali, jew l-użu ta' ġurisdizzjonijiet b'taxxa baxxa jew mingħajr taxxa biex il-profitti jiġu ttrasferiti; jistieden lill-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej l-oħrajn biex japplikaw l-istess livell ta' standards; jistieden lill-BEI jagħmel użu sħiħ mill-Għodod Kontra l-Evitar tat-Taxxa tiegħu għall-proġetti sensittivi għar-riskju waqt id-diliġenza dovuta tat-taxxa tiegħu u juża r-rekwiżiti ta' rilokazzjoni meta jkun meħtieġ; jilqa' l-Artikolu 155(3) tar-Regolament Finanzjarju tal-2018 applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jiżgura li l-garanziji baġitarji jkunu jiddependu fuq id-divulgazzjoni ta' informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja u l-pubblikazzjoni ta' data ta' rappurtar pajjiż b'pajjiż; jinnota l-Qafas rivedut tal-Grupp tal-BEI dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML-CFT), u jistieden lill-BEI jaġġorna l-politika tiegħu fid-dawl tal-Ħames Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus li daħlet fis-seħħ f'Jannar 2020 u jikkoopera mal-awtoritajiet rilevanti biex jiżgura li jkun hemm sanzjonijiet adegwati għal ksur tal-liġi u standards stretti dwar l-intermedjarji finanzjarji;
21. Jinnota li l-BEI huwa marbut bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u li l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem huma integrati fil-proċeduri u l-istandards tiegħu fil-qasam tad-diliġenza dovuta, inklużi l-valutazzjonijiet ex ante disponibbli pubblikament; jistieden lill-BEI jiżgura li l-mekkaniżmu ta' lmenti tiegħu jkun kompletament funzjonali sabiex jidentifika u jirrimedja kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-bniedem fi proġetti relatati mal-BEI; jistieden lill-BEI jiżgura l-inklużjoni ta' salvagwardji tad-drittijiet tal-bniedem fir-reviżjoni li jmiss tal-istandards soċjali u ambjentali tiegħu prevista għall-2020;
22. Jinnota li l-BEI għandu Politika kontra l-Frodi b'uffiċċju indipendenti biex jinvestiga allegazzjonijiet ta' frodi rrappurtati internament jew esternament; jistieden lill-BEI jikkunsidra li jaġġorna l-politika tiegħu sabiex itejjeb il-qafas tiegħu kontra l-frodi u jiżgura riżorsi adegwati, speċjalment minħabba r-rwol ewlieni li qed jaqdi l-BEI fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE bħall-InvestEU u l-Patt Ekoloġiku Ewropew; jinnota li, fil-Politika Kontra l-Frodi tal-BEI, hemm diġà previsti sanzjonijiet u rimedji li jippermettu – pereżempju – li jiġu sospiżi l-iżborżi, li jintalbu rimborżi lura tal-pagamenti u li jiġu sospiżi jew ikkanċellati proġetti; jistieden lill-BEI jissospendi l-iżborżi f'każ ta' akkużi serji ta' ġestjoni ħażina u/jew korruzzjoni;
23. Jilqa' l-iffirmar tal-Memorandum ta' Qbil bejn il-BEI u l-Aġenzija Ġappuniża għall-Kooperazzjoni Internazzjonali (JICA) fis-26 ta' Settembru 2019, li se jippermetti aktar kofinanzjament u koinvestiment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jinnota li din il-kollaborazzjoni ssaħħaħ l-isħubija strateġika importanti bejn il-BEI u l-JICA fl-appoġġ ta' proġetti f'pajjiżi terzi li jindirizzaw kwistjonijiet globali;
24. Jappoġġja l-impenn meħud mill-BEI, fil-qafas tat-tielet strateġija ta' Diversità u Inklużjoni (D&I), li tkopri l-perjodu 2018-2021, li jżid sa 50 % l-għadd tan-nisa f'livell ta' uffiċjal anzjan sal-2021; jistieden lill-BEI jiżgura li jilħaq l-għan tiegħu li jikseb iċ-Ċertifikazzjoni ta' Dividendi Ekonomiċi għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (EDGE) fit-tnax-il xahar li ġejjin;
25. Jistieden lill-BEI jkompli jaħdem f'kollaborazzjoni ma' sħab li jaħsbuha bl-istess mod biex flimkien jindirizzaw kwistjonijiet globali;
26. Jappella għal żieda fl-appoġġ finanzjarju għas-sorsi ta' enerġija lokali bil-għan li tintemm id-dipendenza qawwija tal-Ewropa fuq sorsi tal-enerġija esterni u tiġi garantita l-provvista;
27. Jistieden lill-BEI jaħdem flimkien ma' parteċipanti tas-suq żgħar u mal-kooperattivi komunitarji bil-għan li jikkonsolida proġetti ta' enerġija rinnovabbli żgħar u b'hekk jippermettilhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-finanzjament tal-BEI.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
6.2.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
37 4 0 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Gunnar Beck, Gilles Boyer, Jonás Fernández, Frances Fitzgerald, José Manuel García-Margallo y Marfil, Luis Garicano, Valentino Grant, José Gusmão, Enikő Győri, Eero Heinäluoma, Danuta Maria Hübner, Stasys Jakeliūnas, Georgios Kyrtsos, Aurore Lalucq, Aušra Maldeikienė, Jörg Meuthen, Dimitrios Papadimoulis, Piernicola Pedicini, Lídia Pereira, Dragoş Pîslaru, Evelyn Regner, Alfred Sant, Joachim Schuster, Pedro Silva Pereira, Irene Tinagli, Ernest Urtasun, Johan Van Overtveldt |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Marc Angel, Carmen Avram, Damien Carême, Lefteris Christoforou, Bas Eickhout, Niels Fuglsang, Pedro Marques, Fulvio Martusciello, Eva Maydell, Caroline Nagtegaal, Jessica Polfjärd, Stéphane Séjourné |
|||
Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali |
José Manuel Fernandes, Ralf Seekatz |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
37 |
+ |
GUE/NGL |
José Gusmão, Dimitrios Papadimoulis |
NI |
Piernicola Pedicini |
PPE |
Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Frances Fitzgerald, José Manuel García-Margallo y Marfil, Enikő Győri, Danuta Maria Hübner, Georgios Kyrtsos, Aušra Maldeikienė, Fulvio Martusciello, Eva Maydell, Lídia Pereira, Jessica Polfjärd, Ralf Seekatz |
RENEW |
Gilles Boyer, Luis Garicano, Caroline Nagtegaal, Dragoş Pîslaru, Stéphane Séjourné |
S&D |
Marc Angel, Carmen Avram, Jonás Fernández, Niels Fuglsang, Eero Heinäluoma, Aurore Lalucq, Pedro Marques, Evelyn Regner, Alfred Sant, Joachim Schuster, Pedro Silva Pereira, Irene Tinagli |
VERTS/ALE |
Damien Carême, Bas Eickhout, Stasys Jakeliūnas, Ernest Urtasun |
4 |
- |
ECR |
Johan Van Overtveldt |
ID |
Gunnar Beck, Valentino Grant, Jörg Meuthen |
0 |
0 |
|
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
2.3.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
24 4 3 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Rasmus Andresen, Olivier Chastel, Lefteris Christoforou, David Cormand, Paolo De Castro, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Alexandra Geese, Valentino Grant, Francisco Guerreiro, Joachim Kuhs, Pierre Larrouturou, Janusz Lewandowski, Siegfried Mureşan, Dimitrios Papadimoulis, Bogdan Rzońca, Nicolae Ştefănuță, Nils Torvalds, Nils Ušakovs, Johan Van Overtveldt, Angelika Winzig |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Derk Jan Eppink, Eero Heinäluoma, Martin Hojsík, Fabienne Keller, Victor Negrescu |
|||
Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Marco Campomenosi, Jérémy Decerle, Nicolás González Casares, Herve Juvin, Lídia Pereira |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT
24 |
+ |
GUE/NGL |
Dimitrios Papadimoulis |
PPE |
Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Janusz Lewandowski, Siegfried Mureşan, Lídia Pereira, Angelika Winzig |
RENEW |
Olivier Chastel, Jérémy Decerle, Martin Hojsík, Fabienne Keller, Nicolae Ştefănuță, Nils Torvalds |
S&D |
Paolo De Castro, Eider Gardiazabal Rubial, Nicolás González Casares, Eero Heinäluoma, Pierre Larrouturou, Victor Negrescu, Nils Ušakovs |
VERTS/ALE |
Rasmus Andresen, David Cormand, Alexandra Geese, Francisco Guerreiro |
4 |
- |
ECR |
Derk Jan Eppink |
ID |
Marco Campomenosi, Valentino Grant, Joachim Kuhs |
3 |
0 |
ECR |
Bogdan Rzońca, Johan Van Overtveldt |
ID |
Herve Juvin |
It-tifsira tas-simboli:
+ : favur
- : kontra:
0 : astensjonijiet
- [1] ĠU L 345, 27.12.2017, p. 34.
- [2] Il-Kummissjoni Ewropea, SWD(2016)0405, 6 ta' Diċembru 2016, tabella 22 (xenarju EUCO30, sors: Mudell Primes).
- [3] "Granularità: fejn ikun possibbli u rilevanti, il-Bank se jfittex li jirreġistra biss il-komponenti tal-azzjoni klimatika inkorporati fi proġetti jew programmi globali akbar. Dan l-approċċ jippermetti granularità akbar u huwa konformi mal-metodoloġija armonizzata tal-MDB (BEI: "Climate Action Lending – List of eligible sectors and eligibility criteria" (Self għall-Azzjoni Klimatika – Lista ta' setturi eliġibbli u kriterji ta' eliġibbiltà), 20 ta' Diċembru 2017).
- [4] Il-Crédit Agricole impenja ruħu li ma jappoġġjax aktar impriżi li jiżviluppaw jew jippjanaw li jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom fis-settur tal-faħam. Il-politika ta' tolleranza żero tiegħu tapplika għall-impriżi kollha li jiżviluppaw jew li jippjanaw li jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom fis-settur tal-faħam: mill-estrazzjoni tal-faħam u l-produzzjoni tal-elettriku mill-faħam, sal-kummerċ u t-trasport li jaħdem bil-faħam.
- [5] EIB, "Environmental, Climate and Social Guidelines on Hydropower Development", Ottubru 2019.
- [6] BEI: "Evaluation of the EIB Intermediated Lending through the Investment Facility in ACP" (Evalwazzjoni tal-attività ta' self intermedjat tal-BEI fil-qafas tal-Faċilità ta' Investiment fil-pajjiżi tal-AKP), Lulju 2017.
- [7] Rapport: "Cachez ces fossiles que l'on ne saurait voir: 3 institutions financières publiques à l'épreuve de l'Accord de Paris», Les Amis de la Terre France, Oxfam France u Réseau Action Climat-France, Lulju 2019.
- [8] Kif imfakkar mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri fl-2018.