Proċedura : 2019/2210(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0091/2020

Testi mressqa :

A9-0091/2020

Dibattiti :

PV 18/06/2020 - 6
CRE 18/06/2020 - 6

Votazzjonijiet :

PV 18/06/2020 - 20
PV 19/06/2020 - 12

Testi adottati :

P9_TA(2020)0168

<Date>{04/05/2020}4.5.2020</Date>
<NoDocSe>A9-0091/2020</NoDocSe>
PDF 234kWORD 64k

<TitreType>RAPPORT</TitreType>

<Titre>dwar rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Balkani tal-Punent, wara s-Summit 2020 </Titre>

<DocRef>(2019/2210(INI))</DocRef>


<Commission>{AFET}Kumitat għall-Affarijiet Barranin</Commission>

Rapporteur: <Depute> Tonino Picula </Depute>

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ITTRA MILL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ INTERNAZZJONALI
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Balkani tal-Punent, wara s-Summit 2020

(2019/2210(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2018, il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2019 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 u t-18 ta' Ottubru 2019 li jipposponu d-deċiżjonijiet dwar il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u mal-Albanija,

 wara li kkunsidra l-Ftehim Finali għar-Riżoluzzjoni tad-Differenzi kif deskritt fir-riżoluzzjonijiet 817 (1993) u 845 (1993) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, it-tmiem tal-Ftehim Interim tal-1995 u l-ħolqien ta' Sħubija Strateġika fis-17 ta' Ġunju 2018 bejn il-Greċja u l-Maċedonja ta' Fuq, magħruf ukoll bħala l-Ftehim ta' Prespa,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2020 bit-titlu "It-titjib tal-proċess tal-adeżjoni – Perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent" (COM(2020)0057),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2019 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE (COM(2019)0260),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Frar 2018 bit-titlu "Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent" (COM(2018)0065),

 wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tal-UE tal-2016, li tispeċifika li politika tat-tkabbir kredibbli tirrappreżenta investiment strateġiku fis-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa, u li diġà kkontribwiet ħafna għall-paċi f'żoni li qabel kienu mifnija bil-gwerra,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Ottubru 2013 bit-titlu "Strateġija tat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2013-2014" (COM(2013)0700),

 wara li kkunsidra l-kunsens imġedded dwar it-tkabbir approvat mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2006, u li wara ġie approvat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2019,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali tas-Summit ta' Zagreb tal-24 ta' Novembru 2000,

 wara li kkunsidra Dikjarazzjoni tas-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, f'Tessalonika, fil-21 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Sofija tas-summit UE-Balkani tal-Punent tas-17 ta' Mejju 2018 u l-Aġenda ta' Prijoritajiet ta' Sofija annessa magħha,

 wara li kkunsidra l-Proċess ta' Berlin, varat fit-28 ta' Awwissu 2014, u b'mod partikolari d-dikjarazzjoni tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Balkani tal-Punent dwar il-kooperazzjoni reġjonali u t-tilwim bilaterali tas-27 ta' Awwissu 2015, u l-istabbiliment tal-Uffiċċju Reġjonali għall-Kooperazzjoni bejn iż-Żgħażagħ (RYCO), b'iktar Summits li saru fi Vjenna (2015), f'Pariġi (2016), fi Trieste (2017), f'Londra (2018) u f'Poznan (2019),

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tad-29 u t-30 ta' April 1997 dwar l-applikazzjoni tal-kondizjonalità bil-għan li tiġi żviluppata strateġija koerenti tal-UE għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tar-reġjun,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin ta' 13-il Stat Membru tal-UE fil-11 ta' Ġunju 2019, dwar l-impenn tal-UE favur l-integrazzjoni Ewropea tal-Balkani tal-Punent,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tas-Summit tal-Kelliema tal-Balkani tal-Punent, imsejjaħ mill-President tal-Parlament Ewropew mal-mexxejja tal-parlamenti tal-Balkani tal-Punent, fit-28 ta' Jannar 2020,

 wara li kkunsidra l-laqgħa informali tas-16 ta' Frar 2020 li ġabet flimkien il-mexxejja tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, il-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Prim Ministru tar-Repubblika tal-Kroazja li qiegħed jippresiedi l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-31 ta' Ottubru 2019 bit-titlu "Il-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u l-Albanija: il-kredibilità u l-interessi ġeostrateġiċi tal-UE għandhom jiġu rispettati"[1],

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni Ewropew dwar il-Pakkett tat-Tkabbir 2019, adottata fit-13 ta' Frar 2020[2],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tad-9 ta' Lulju 2015 dwar il-Kommemorazzjoni ta' Srebrenica[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-27 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA III)[4],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2019 dwar il-ftuħ ta' negozjati dwar l-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u l-Albanija[5],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew rigward il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa[6],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 118 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0091/2020),

A. billi t-tkabbir huwa wieħed mill-iktar politiki strateġiċi u ta' suċċess tal-UE

kif ukoll l-iktar strument effettiv tal-politika barranija li jikkontribwixxi għall-estensjoni tal-valuri ewlenin tal-Unjoni bħar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, it-trawwim tal-paċi u l-ugwaljanza tal-prosperità, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi madwar l-Ewropa;

B. billi l-proċess ta' tkabbir huwa parti integrali tal-integrazzjoni Ewropea u jibqa' strateġikament importanti għall-Unjoni Ewropea;

C. billi l-prospettiva ta' sħubija sħiħa fl-UE bbażata fuq il-mertu għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, hija fl-interess politiku, ta' sigurtà u ekonomiku tal-Unjoni;

D. billi l-prospettiva ta' sħubija fl-UE tirrappreżenta r-rikonoxximent ta' sfida ġeopolitika ewlenija għall-unifikazzjoni tal-kontinent Ewropew u wkoll inċentiv fundamentali għar-riformi fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;

E. billi l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huma ġeografikament, storikament u kulturalment parti mill-Ewropa u l-proċess ta' integrazzjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea għandu importanza ewlenija għall-istabilità u s-sigurtà tal-kontinent kollu kemm hu, kif ukoll għal-libertà u l-paċi;

F. billi l-proċess ta' tkabbir tal-UE jaħdem f'żewġ direzzjonijiet, fejn iż-żewġ naħat iridu jżommu l-impenji tagħhom u li hu mibni fuq il-premessa li kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-pajjiżi kandidati jwettqu l-obbligi tagħhom;

G. billi l-metodoloġija msaħħa proposta mill-Kummissjoni għandha l-għan li tixpruna dinamiżmu ġdid fil-proċess ta' tkabbir, u tagħti impetu ġdid favur it-trasformazzjoni tal-pajjiżi ta' adeżjoni;

H. billi l-UE hija l-ikbar investitriċi, sieħba kummerċjali u donatriċi fir-reġjun;

I. billi fir-riżoluzzjonijiet tiegħu, il-Parlament Ewropew laqa' pożittivament il-progress miksub mill-Maċedonja ta' Fuq u l-Albanija; billi, fid-dawl ta' dan il-progress, il-Parlament qabel li jagħti l-kumpens għall-prestazzjoni lill-Maċedonja ta' Fuq u l-Albanija, taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni;

J. billi l-Parlament Ewropew iddeplora n-nuqqas tal-Kunsill Ewropew li jilħaq ftehim dwar il-ftuħ ta' taħditiet dwar l-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u l-Albanija fl-2019; billi dan in-nuqqas, wara r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-2018 u tal-2019, li ġew approvati mill-Parlament, qered il-kredibilità tal-Unjoni Ewropea, ikkontribwixxa għall-qawmien tal-populiżmu, in-nazzjonaliżmu u tal-Ewroxettiċiżmu, dgħajjef l-isforzi tal-pajjiżi kandidati, u rriskja l-ħolqien ta' vojt politiku, u li saħħaħ lill-atturi terzi li qed ifittxu li jistabbilixxu influwenza politika fir-reġjun, bi ħsara għall-proċess tal-integrazzjoni tal-UE;

K. billi l-proċess ta' tkabbir irawwem u jsaħħaħ il-kapaċitajiet biex tinstab soluzzjoni għat-tilwim bilaterali u jirsisti favur ir-rikonċiljazzjoni bejn is-soċjetajiet fir-reġjun;

L. billi l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jegħlbu l-polarizzazzjoni politika u l-bojkotts parlamentari fit-tul, bil-għan li tissaħħaħ s-sorveljanza parlamentari;

M. billi l-Parlament Ewropew jibqa' sieħeb affidabbli ta' pajjiżi fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE u promotur tal-proċess ta' tkabbir bħala mekkaniżmu pożittiv tal-Unjoni Ewropea li jistimola riformi mmirati lejn it-tisħiħ istituzzjonali u soċjoekonomiku ta' dawk il-pajjiżi għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħhom;

N. billi l-Aġenda ta' Tessalonika u d-Dikjarazzjoni ta' Sofija aċċentwaw il-fatt li se ssir enfasi speċjali fuq il-ħolqien ta' iktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ, filwaqt li jiġi żgurat li dan jikkontribwixxi għall-iżvilupp soċjoekonomiku tal-Balkani tal-Punent;

O. billi l-Parlament Ewropew huwa impenjat li jintensifika l-attivitajiet tiegħu ta' appoġġ politiku u istituzzjonali tiegħu għad-demokrazija u r-riformi ekonomiċi fir-reġjun u li jassisti lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE;

P. billi l-Linji Gwida Politiċi tal-Kummissjoni 2019-2024 jaffermaw mill-ġdid il-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent;

Q. billi matul is-seduti ta' smigħ tagħhom fil-Parlament Ewropew, kemm il-Viċi President/Rappreżentant Għoli, is-Sur Borrell, kif ukoll il-Kummissarju Várhelyi, impenjaw ruħhom li jagħtu prijorità lill-proċess ta' tkabbir, iħaffu r-riformi strutturali u istituzzjonali u wkoll il-proċessi ta' integrazzjoni fil-Balkani tal-Punent;

R. billi politika ta' tkabbir ambizzjuża tirrikjedi baġit adegwat; billi l-Kunsill għandu jipprevedi mezzi baġitarji suffiċjenti b'appoġġ għall-politika ta' tkabbir;

S. billi l-UE teħtieġ ukoll issaħħaħ il-mekkaniżmi tal-istat tad-dritt fl-Unjoni u tistabbilixxi aġenda ambizzjuża għall-konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa;

T. billi l-prosperità u s-sigurtà tal-Ewropa huma marbuta mill-qrib mal-proċess ta' integrazzjoni u mal-avvanz tal-paċi, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent u mal-futur tal-pajjiżi tiegħu f'UE b'saħħitha u riformata;

1. Jirrakkomanda dan li ġej lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:

a) li jappoġġjaw il-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u li jsaħħu l-proċess ta' adeżjoni billi jiżguraw li dan isaħħaħ il-valuri fundamentali u l-istat tad-dritt u li jwassal għal trasformazzjoni demokratika, ekonomika u ekoloġika sostenibbli u għal konverġenza soċjali, u jiżgura relazzjonijiet ta' viċinat u kooperazzjoni reġjonali tajbin bħala elementi essenzjali tat-tkabbir u tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni, u jiżguraw li t-tkabbir tal-Unjoni jissokta b'mod parallel mad-diskussjonijiet dwar il-ġejjieni tal-Ewropa u r-riforma interna tal-UE;

b) li jkabbru l-isforzi biex tinbena rieda politika fost l-Istati Membri biex jitkompla t-tkabbir lejn il-Balkani tal-Punent minflok ma l-proċessi interni tal-UE jitħallew ixekklu dan il-progress, kif ukoll biex itejbu l-gwida politika u strateġika tal-UE dwar il-politika ġenerali fir-reġjun;

c) li jżommu t-tkabbir bħala kundizzjoni neċessarja għall-kredibilità, is-suċċess u l-influwenza tal-UE fir-reġjun u lil hinn minnu;

d) li jħaffu l-proċess ta' adeżjoni tal-pajjiżi impenjati, kemm politikament kif ukoll amministrattivament, favur l-implimentazzjoni tar-riformi relatati mal-UE;

e) li jiżguraw li l-metodoloġija msaħħa ssostni s-sħubija sħiħa fl-UE bħala l-għan aħħari u li l-UE tistabbilixxi regoli iktar prevedibbli u kriterji bbażati fuq il-kundizzjonalità u r-riversibilità, u tapplikahom b'mod konsistenti, biex b'hekk il-proċess ta' adeżjoni jsir iktar dinamiku u terġa' tistabbilixxi l-kredibilità tagħha bl-applikazzjoni tal-metodoloġija riveduta;

f) li jiżguraw li l-għoti ta' attenzjoni ikbar fuq in-natura politika tal-proċess, kif stabbilit mill-Kummissjoni fil-proposta dwar il-metodoloġija tat-tkabbir riveduta, ma jissostitwix l-evalwazzjonijiet dwar it-tlestija tal-parametri referenzjarji fil-livell tal-esperti jew ma jxekkilx l-impenn tal-UE fit-triq lejn proċess ta' tkabbir ibbażat fuq il-mertu;

g) li jiżguraw li r-raggruppament ta' oqsma ta' politika jsaħħaħ id-dettall, il-kwalità u s-sostenibilità tar-riformi, biex jinkisbu riżultati konkreti fil-pajjiżi ta' adeżjoni filwaqt li jitħallew jinfetħu negozjati simultanji dwar kapitoli differenti;

h) li jipprovdu parametri referenzjarji dwar l-adeżjoni li jkunu ċari, trasparenti u konsistenti, kif ukoll joffru appoġġ politiku u tekniku kontinwu matul il-proċess, u jtejbu l-kejl tal-progress fuq il-post, filwaqt li jiżguraw li kull pajjiż ta' adeżjoni jiġi vvalutat abbażi tal-kundizzjonalità u tal-prinċipji tal-merti tiegħu stess;

i) li jiżguraw il-kontinwità, ir-responsabilità, il-konsistenza u l-prevedibilità tal-proċess tat-tkabbir billi jankraw il-metodoloġija l-ġdida tal-Kummissjoni bħala aġġustament ta' politika fit-tul u jevitaw reviżjonijiet ad hoc tal-proċess u tal-parametri tiegħu bħala konsegwenza ta' kunsiderazzjonijiet politiċi ta' kwalunkwe Stat Membru; li jiżguraw li l-parametri referenzjari dwar l-adeżjoni u l-appoġġ għall-adeżjoni jissejsu fuq it-tagħlimiet meħuda bil-għan li jiġu evitati n-nuqqasijiet misjuba iktar kmieni u jitjieb il-proċess ta' adeżjoni;

j) li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-metodoloġija msaħħa għall-pajjiżi ta' adeżjoni li diġà nfetħu n-negozjati magħhom, f'każ li dawn jiddeċiedu li jissieħbu bil-ħsieb li jiksbu allinjament sinifikattiv u fuq il-perjodu twil mal-istandards u n-normi tal-UE;

k) li jżidu l-inċentivi politiċi u ekonomiċi għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u jtejbu l-koerenza bejn il-proċess tat-tkabbir u l-inizjattivi politiċi fl-UE permezz ta' laqgħat reġjonali annwali fil-marġini tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew mal-mexxejja tal-Balkani tal-Punent, jiżguraw il-parteċipazzjoni regolari tar-rappreżentanti tal-Balkani tal-Punent fil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew, fil-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà u fil-gruppi ta' ħidma tal-Kummissjoni;

l) li jħeġġu l-integrazzjoni gradwali tal-pajjiżi ta' adeżjoni fil-proċessi, il-politiki settorjali u l-programmi tal-UE qabel l-adeżjoni tagħhom, inkluż permezz ta' appoġġ finanzjarju mill-fondi tal-UE, bil-għan li jitwasslu benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini, b'mod partikolari għat-tfal u ż-żgħażagħ, u biex tissaħħaħ l-assistenza u l-preżenza ta' qabel l-adeżjoni tal-UE f'dawn il-pajjiżi qabel is-sħubija sħiħa tagħhom;

m) li jiffaċilitaw u jippromwovu l-assoċjazzjoni iktar mill-qrib tal-membri parlamentari minn pajjiżi li għalihom infetħu n-negozjati fil-ħidma tal-Parlament Ewropew;

n) li jinkludu lir-rappreżentanti tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, b'enfasi speċjali fuq il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ;

o) li jsaħħu l-mekkaniżmu ta' kundizzjonalità u jinsistu fuq ir-riversibilità tal-proċess ta' adeżjoni billi jiġu applikati kriterji oġġettivi meta jiġi deċiż jekk għandhomx jitwaqqfu jew jiġu sospiżi n-negozjati; li jiżguraw li l-Kummissjoni tniedi dawn il-proċeduri wara li ssir evalwazzjoni bir-reqqa u b'rispons għal proposta mill-Istati Membri jew mill-Parlament Ewropew, filwaqt li jitqies li l-prinċipju tal-klawżola ta' żbilanċ u r-riversibilità diġà japplikaw għall-oqfsa ta' negozjar kurrenti fil-każ tas-Serbja u l-Montenegro; li jiżguraw li l-mekkaniżmu ta' kundizzjonalità u sospensjoni jiġi akkumpanjat minn komunikazzjoni ċara mill-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-ispeċifiċitajiet tal-possibilità ta' sospensjoni;

p) li jsaħħu s-sjieda tal-proċess ta' tkabbir mill-Istati Membri billi jżidu l-involviment ta' esperti dwar l-istat tad-dritt u oqsma oħra mill-Istati Membri, kif ukoll mis-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-post, u jtejbu l-kejl tal-iżviluppi ġenerali billi jkomplu jaderixxu mal-istandards oġġettivi li ilhom jeżistu u billi jevitaw li jiġu politiċizzati l-aspetti tekniċi tal-proċess ta' adeżjoni, b'mod partikolari abbażi tar-rapporti ta' monitoraġġ u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa u ta' korpi oħra għall-istabbiliment tal-istandards;

q) li jirrikonoxxu li l-Proċess ta' Berlin jappoġġja u jissupplimenta l-politika tat-tkabbir tal-UE u ma jistax jiġi ttrattat la bħala alternattiva għall-adeżjoni u lanqas bħala replikatur ta' sforzi mwettqa bħala parti mit-tkabbir;

r) li jirrikonoxxu li l-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni mal-Albanija u l-Maċedonja ta' Fuq huwa fl-interess politiku, ta' sigurtà u ekonomiku proprju tal-Unjoni;

s)  li jirrikonoxxu li n-nuqqas tal-Kunsill Ewropew li jiftaħ negozjati ta' adeżjoni mal-Albanija u l-Maċedonja ta' Fuq, f'Ġunju 2018, f'Ġunju 2019 u f'Ottubru 2019, kellu effett ta' ħsara fuq ir-rwol tal-UE fir-reġjun u wkoll fuq l-opinjoni pubblika rigward l-adeżjoni mal-UE, billi ntbagħat messaġġ negattiv lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, u jirrikonoxxu li l-ftuħ tat-taħditiet dwar l-adeżjoni jerġa' jagħti kredibilità lill-proċess, kif ġie rakkomandat mill-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni;

t) li jikkonċedu, malajr kemm jista' jkun, il-liberalizzazzjoni tal-viża lill-Kosovo, peress li l-parametri referenzjarji ilhom li ġew issodisfati minn Lulju 2018;

u) li jżidu d-dinamiżmu tan-negozjati bil-għan li titħaffef l-adeżjoni tal-Montenegro u s-Serbja;

v) li jreġġgħu lura s-supremazija tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fiċ-ċentru tal-proċess ta' tkabbir, billi l-ewwel jiftħu u wara jagħlqu, l-kapitoli relatati mal-ġudikatura, il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, kif ukoll dawk li jkopru r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet tal-minoranzi, il-libertà tal-midja u l-libertà ta' espressjoni;

w) li jiffokaw fuq il-bini tal-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva bil-għan li jsaħħu t-trasparenza u l-effikaċja tal-governanza tajba fil-livelli kollha;

x) li jisfruttaw l-esperjenza ta' tkabbir reċenti, inklużi t-tagħlimiet meħuda mill-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali;

y)  li jkomplu jaħdmu flimkien mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata;

z) li jiżguraw fokus immirat fuq il-bini tal-kapaċità tal-istat, l-implimentazzjoni tas-sentenzi tal-qrati, ir-riformi ġudizzjarji u fuq l-isforzi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata;

aa) li jirsistu fuq ir-rispett u l-implimentazzjoni sħiħa tas-sentenzi tal-qrati domestiċi u internazzjonali, inklużi dawk tal-qrati kostituzzjonali u tas-sentenzi kollha tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (ICTY) u tas-suċċessur tiegħu l-Mekkaniżmu Internazzjonali għat-Tribunali Kriminali (IRMCT), u l-Kmamar Speċjalizzati tal-Kosovo (SC) u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat (SPO), kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-korpi ta' monitoraġġ tal-Kunsill tal-Ewropa, inkluż il-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI);

ab) li jħeġġu lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jikkonformaw mal-obbligi internazzjonali tagħhom fil-prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra u r-riżoluzzjoni ta' każijiet ta' persuni nieqsa; li jippromwovu l-kooperazzjoni sħiħa mal-IRMCT, il-Kosovo SC u l-SPO u l-ħarsien espliċitu tax-xogħol u s-sejbiet tal-ICTY, kif ukoll il-promozzjoni u t-tixrid tax-xogħol u l-wirt tiegħu għaċ-ċittadini; li jikkundannaw kull tentattiv ta' glorifikazzjoni tal-kriminali tal-gwerra u ta' ċaħda ta' fatti storiċi u biex f'dan ir-rigward, jappoġġjaw lill-Kummissjoni Reġjonali inkarigata bl-aċċertament tal-fatti rigward il-vittmi kollha tad-delitti tal-gwerra u ta' ksur gravi ieħor tad-drittijiet tal-bniedem kommessi f'dik li kienet il-Jugoslavja (l-inizjattiva RECOM);

ac) li jżidu l-involviment tal-UE biex jinstabu soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet bilaterali pendenti, jippromwovu relazzjonijiet ta' viċinat tajba u ta' kooperazzjoni reġjonali permezz tal-bini ta' fiduċja u ta' sforzi ta' medjazzjoni, u jħeġġu lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jikkommettu ruħhom għal rikonċiljazzjoni u soluzzjonijiet paċifiċi għal tilwim li ilu għaddej;

ad) li jsaħħu l-proċess ta' adeżjoni bil-ħsieb li japprofondixxu s-solidarjetà bejn il-popli tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u tal-Istati Membri, filwaqt li jiġu rispettati l-istorja, il-kultura u t-tradizzjonijiet tagħhom;

ae) li jissaħħu u, fejn possibbli, jiżdiedu l-isforzi komuni mill-pajjiżi tal-UE u tal-Balkani tal-Punent biex jitrawmu l-kuntatti u l-iskambji bejn il-persuni bil-għan li jinbnew xbihat pożittivi ta' xulxin b'mod reċiproku fost il-popolazzjonijiet rispettivi tagħhom;

af) li jrawwmu l-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi għal ambjenti politiċi inklużivi u li jiffaċilitaw l-isforzi fil-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent biex jingħelbu l-polarizzazzjoni politika u l-bojkotts parlamentari fit-tul; li jiżviluppaw kultura parlamentari inklużiva u kostruttiva u jsaħħu l-iskrutinju u s-sorveljanza parlamentari; u li jippromwovu approċċ responsabbli lejn rappreżentanza tal-interessi taċ-ċittadini fi ħdan il-parlamenti, bil-għan li jiġu promossi l-iskrutinju demokratiku u l-kwalità aħjar tal-leġiżlazzjoni;

ag) li jieħdu nota u jiffaċilitaw il-ħidma marbuta mal-adeżjoni u mal-attivitajiet ta' appoġġ għad-demokrazija tal-Parlament Ewropew, inklużi l-attivitajiet tal-kumitati permanenti u d-delegazzjonijiet tiegħu, u bil-parteċipazzjoni tar-rapporteurs permanenti tal-Parlament għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent waqt il-proċess ta' skrutinju u fuq il-post;

ah) li jrawwmu r-riformi elettorali li jiżguraw elezzjonijiet ħielsa, ġusti, kompetittivi u trasparenti fil-livelli ċentrali u lokali li jkunu ħielsa mill-intimidazzjoni u minn kampanji ta' diżinformazzjoni, f'konformità mal-istandards internazzjonali, inkluż dwar it-trasparenza fil-finanzjament tal-partiti, u mar-rakkomandazzjonijiet tal-missjonijiet ta' osservazzjoni internazzjonali; li jagħtu segwitu lill-implimentazzjoni tal-opinjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja; li jikkontribwixxu għall-programmi ta' appoġġ għad-demokrazija tal-Parlament Ewropew fir-reġjun;

ai) li jħeġġu lill-parlamenti nazzjonali jużaw l-għodod ta' appoġġ għad-demokrazija tal-Parlament Ewropew, bħad-Djalogu Jean Monnet u d-Djalogu bejn il-Partijiet, bil-għan li tiġi ffaċilitata l-ħidma politika dwar id-djalogu parlamentari u biex jissaħħu r-responsabilità, is-sorveljanza, l-iskrutinju demokratiku u l-kwalità tal-ħidma leġiżlattiva;

aj) li jsaħħu u jassoċjaw mill-qrib lis-soċjetà ċivili fir-rwol tagħha bħala attur indispensabbli fil-proċessi ta' konsolidazzjoni demokratika, kooperazzjoni reġjonali u riformi relatati mal-adeżjoni, b'enfasi fuq forzi pro-Ewropej u prodemokratiċi fir-reġjun;

ak) li jiżguraw li ċ-ċittadini u s-soċjetajiet tal-pajjiżi kandidati jkunu assoċjati iktar mill-qrib mal-proċess ta' adeżjoni u jibbenefikaw minnu; li jagħtu appoġġ u inkoraġġiment partikolari, f'dan il-qafas, lis-sezzjonijiet pro-Ewropej u prodemokratiċi tas-soċjetà, tal-fehmiet u l-opinjonijiet tagħhom;

al) li jiżguraw li kull pass meħud jinkludi djalogu sostanzjali u komprensiv mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-akkademja u ż-żgħażagħ sa mill-istadju bikri tat-teħid tad-deċiżjonijiet sal-fażi ta' implimentazzjoni u ta' evalwazzjoni, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali biex ma jingħatax appoġġ u ma jiġux iffinanzjati strutturi ta' poter lokali anti-Ewropej eżistenti jew strutturi lokali b'reputazzjoni demokratika dubjuża, u b'hekk jitrawwem l-iżvilupp tal-valuri tal-UE, l-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-bini ta' istituzzjonijiet demokratiċi b'saħħithom u effiċjenti bħala l-pedament għal adeżjoni b'suċċess fl-UE; 

am) li jikkundannaw bil-qawwa l-kampanji ta' malafama, it-theddid u l-intimidazzjoni kontra l-ġurnalisti u l-istabbilimenti tal-midja u jinsistu fuq l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati simili, biex b'hekk jitħalla ambjent sikur għall-ġurnalisti, filwaqt li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta' konċentrazzjoni, ta' pressjoni politika u ekonomika fuq il-finanzjament tal-midja u n-nuqqas ta' trasparenza tas-sjieda tal-midja;

an) li jappoġġjaw u jsaħħu attivament xenarju medjatiku demokratiku, indipendenti u diversifikat, kif ukoll ir-responsabilità u l-governanza tal-midja;

ao) li jżidu l-miżuri ta' appoġġ li jrawmu r-reżiljenza kontra diżinformazzjoni u kampanji tal-midja fixkiela, inkluż dawk imwettqa permezz ta' operazzjonijiet ta' influwenza barranija li jfittxu li jdgħajfu l-proċessi demokratiċi u s-sovranità tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent permezz ta' gwerra ibrida;

ap) li jippromwovu u jappoġġjaw b'mod attiv l-implimentazzjoni ta' politiki antidiskriminatorji u jinsistu fuq il-prosekuzzjoni ta' reati ta' mibegħda; li jħeġġu progress iktar mgħaġġel fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u fl-iżgurar tal-inklużjoni soċjali tal-minoranzi etniċi, nazzjonali u reliġjużi, il-persuni b'diżabilità, ir-Rom u l-persuni LGBTQI+, b'attenzjoni speċjali għat-tfal, permezz tal-istabbiliment ta' politiki inklużivi li jipproteġu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;

aq) li jappellaw għal qafas ġuridiku iktar b'saħħtu għall-prevenzjoni u l-ġlieda attiva kontra l-femminiċidju u l-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal u forom oħra ta' vjolenza domestika, inkluż billi jitfakkru l-obbligi taħt il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, u billi jittieħdu l-passi meħtieġa għar-ratifika tagħha; li jipprevjenu u jiġġieldu kontra t-traffikar tal-bnedmin;

ar) li jirrikonoxxu d-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-flussi tar-rifuġjati, u l-isforzi sostanzjali mwettqa mir-reġjun fl-għoti ta' kenn u ta' provvisti umanitarji, primarjament bl-appoġġ tal-UE; li jimplimentaw il-ftehimiet bejn il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex);

as) li jissottolinjaw is-sinifikat tal-kontribut tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għall-ħarsien tal-fruntiera esterna tal-Unjoni Ewropea, u biex jiġi intensifikat l-appoġġ Ewropew għall-ġestjoni tal-fruntieri fir-reġjun; li jsaħħu l-kapaċità tas-sistema ta' asil fir-reġjun f'kooperazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) u tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR);

at) li jenfasizzaw l-importanza kruċjali tad-dimensjoni soċjali u tal-koeżjoni soċjoekonomika u r-rwol ewlieni tagħha matul il-proċess ta' adeżjoni;

au) li jiffokaw iktar fuq il-qerda tal-faqar, l-appoġġ għas-soċjetà ċivili u l-implimentazzjoni tal-impenji fil-qasam tal-liġi tax-xogħol;

av) li jħeġġu lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jgħollu l-istandard tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol tagħhom, jippromwovu t-tkabbir u jimplimentaw l-acquis soċjali tal-UE, u jinkludu firxa wiesgħa ta' partijiet interessati bħalma huma t-trade unions, il-kmamar tal-kummerċ u l-kmamar tax-xogħol fil-proċess tan-negozjati mas-sħab tal-UE;

aw) li jindirizzaw l-eżodu ta' mħuħ bl-użu ta' miżuri konkreti bħall-promozzjoni ta' riformi edukattivi inklużivi ta' kwalità, speċjalment fil-qasam tal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET), filwaqt li jiżguraw li s-settur tal-edukazzjoni jissodisfa aħjar ir-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol u jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' opportunitajiet ta' impjieg fit-tul u sostenibbli għaż-żgħażagħ;

ax) li jappoġġjaw il-pjattaforma ta' djalogu reġjonali "Bridging the Gap" taħt il-Programm għal Mexxejja Politiċi Żgħażagħ tal-Parlament Ewropew, fl-isforz biex jiġi eliminat id-distakk bejn il-politika taż-żgħażagħ, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u d-deputati fil-Balkani tal-Punent, u li jħeġġu azzjonijiet konkreti li jsaħħu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-politika u l-implimentazzjoni ta' politiki ffukati fuq iż-żgħażagħ fir-reġjun kollu;

ay) li jippromwovu opportunitajiet fil-volontarjat u l-involviment ċiviku għaż-żgħażagħ u jinvestu iktar fiż-żgħażagħ tar-reġjun biż-żieda tal-parteċipazzjoni tal-pajjiżi ta' adeżjoni fil-programmi ta' mobilità eżistenti, bħal Erasmus+, Ewropa Kreattiva u Orizzont 2020 u bl-istabbiliment ta' programmi ġodda għall-mobilità intrareġjonali;

az) li jsaħħu l-kooperazzjoni fl-oqsma tax-xjenza, ir-riċerka u l-innovazzjoni permezz ta' programmazzjoni dedikata tal-Kummissjoni Ewropea;

ba) li jintensifikaw l-assistenza għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent bil-ħsieb li jtejbu l-liġijiet tagħhom dwar l-ambjent, l-effiċjenza fl-enerġija u l-klima u jiżguraw li jkollhom il-kapaċità li jimplimentawhom f'konformità mal-istandards tal-UE u mal-Ftehim ta' Pariġi, inkluż bl-implimentazzjoni kompluta u rapida tal-obbligi internazzjonali tagħhom taħt it-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija, b'kunsiderazzjoni tal-allinjament u l-implimentazzjoni sħiħa tal-acquis tal-Unjoni dwar l-enerġija;

bb) li jistiednu lill-awtoritajiet jieħdu miżuri urġenti dwar il-monitoraġġ, il-mitigazzjoni u l-prevenzjoni tat-tniġġis tal-arja u tal-ilma; li jiżguraw valutazzjonijiet ambjentali strateġiċi ex ante u valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali sabiex jiġu garantiti l-iżvilupp ta' idroenerġija sostenibbli u tat-turiżmu, li jkunu bbilanċjati bi sforzi ta' konservazzjoni;

bc) li jiffaċilitaw l-integrazzjoni reġjonali tal-enerġija, iżidu d-diversifikazzjoni u s-sigurtà tas-sorsi ta' provvista, u jtejbu l-konnettività tal-infrastrutturi tal-enerġija u tan-networks diġitali;

bd) li jħeġġu t-tranżizzjoni tal-enerġija neċessarja lejn sorsi ta' enerġija rinnovabbli iktar nodfa u lil hinn mill-faħam u l-linjite, li jikkawżaw riskji soċjali u ta' saħħa serji għall-popolazzjonijiet lokali u għall-pajjiżi ġirien; li jinkludu lill-pajjiżi ta' adeżjoni tal-Balkani tal-Punent fil-proċessi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta;

be) li jfakkru li l-UE hija l-ikbar investitur barrani fir-reġjun, b'investiment ta' EUR 12,7-il biljun f'investiment dirett barrani bejn l-2014 u l-2018; li jistabbilixxu pjan strateġiku ekonomiku u ta' investiment li jkollu l-għan li jtejjeb il-kompetittività, l-ambjent legali u tan-negozju, is-sitwazzjoni tal-SMEs u l-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun kollu f'konformità mal-impenji li ttieħdu taħt il-Ftehim ta' Pariġi u l-Patt Ekoloġiku Ewropew, filwaqt li jiġi nnotat li t-tkabbir fil-Balkani tal-Punent qed inaqqas fir-ritmu wara perjodu qasir ta' rkupru ta' investiment fis-snin preċedenti u li l-kontribut tal-investiment u tal-esportazzjonijiet lejn it-tkabbir qed jonqos;

bf) li jippromwovu u jsaħħu l-integrazzjoni ekonomika reġjonali fil-Balkani tal-Punent, kif diġà implimentat fi ħdan il-qafas tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA) u mmudellat fuq l-acquis tal-UE, u jappoġġjaw b'mod attiv l-integrazzjoni ekonomika bejn l-UE u r-reġjun billi l-politiki tal-UE u s-suq intern jiġu estiżi għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent meta jiġu ssodisfati l-prekundizzjonijiet;

bg) li jappoġġjaw inizjattivi bbażati fuq il-Pjan ta' Azzjoni Pluriennali għal Żona Ekonomika Reġjonali (MAP REA) li ġie adottat mill-prim ministri tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent waqt is-summit ta' Trieste 2017, li jikkonsisti f'erba' pilastri – il-kummerċ, l-investiment, il-mobilità u l-integrazzjoni diġitali – li huma kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun u biex titħaffef il-konverġenza mal-UE;

bh) li jappoġġjaw il-kooperazzjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent ma' organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali bħall-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali (KKR), l-Uffiċċju Reġjonali għall-Kooperazzjoni bejn iż-Żgħażagħ (RYCO), l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), u ma' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bħall-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI);

bi) li jkomplu jappoġġjaw u joffru l-għajnuna meħtieġa malajr kemm jista' jkun biex jitwettqu l-proċessi ta' adeżjoni tas-Serbja u l-Bożnija-Ħerzegovina fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), billi jintlaqaw pożittivament l-applikazzjonijiet tagħhom għas-sħubija fid-WTO li tressqu fl-1999 u fl-2005 rispettivament, u tiġi mfakkra l-importanza li s-sħubija fid-WTO għandha biex jinfetħu opportunitajiet tal-kummerċ u biex il-pajjiżi kandidati jersqu eqreb lejn is-sħubija fl-UE;

bj) li jiddefendu l-interessi tal-Unjoni billi jtaffu l-effett negattiv tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles mal-Unjoni Ekonomika Ewro-Asjatika ffirmati minn pajjiżi li jkunu applikaw għal sħubija fl-Unjoni Ewropea u li jkunu ngħataw l-opportunità li jkollhom Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Unjoni Ewropea, inkluż billi jiġi rivedut il-livell ta' assistenza pprovduta lil tali pajjiżi;

bk) li jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni reġjonali fil-qasam tal-iżvilupp tal-infrastruttura bejn il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent;

bl) li jagħtu prijorità għolja lir-reġjun taħt l-Istrateġija dwar il-Konnettività tal-UE, billi jenfasizzaw l-importanza li tiġi mtejba l-infrastruttura tat-trasport fir-reġjun, u, b'mod partikolari, ir-rwol li din taqdi biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ; li jappoġġjaw il-bini ta' kurituri ferrovjarji u tat-toroq Ewropej madwar il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef il-finanzjament tal-investiment fl-infrastruttura;

bm) li jlaqqgħu flimkien il-popli u l-ekonomiji tar-reġjun u tal-UE billi jintegraw il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fin-networks TEN-T u TEN-E, u jassistu fil-garanzija ta' servizzi tat-trasport u tal-enerġija ta' kwalità u sikuri u jtejbu l-infrastruttura u l-konnettività globali fir-reġjun, kif ukoll bejn ir-reġjun u l-UE, f'konformità mal-proposta tal-Kummissjoni għal pjan strateġiku ekonomiku u ta' investiment għall-Balkani tal-Punent;

bn) li jkomplu jħaffu l-implimentazzjoni tal-aġenda diġitali għall-Balkani tal-Punent sabiex iċ-ċittadini jgawdu mill-benefiċċji tat-trasformazzjoni diġitali; li jgħinu lill-pajjiżi tar-reġjun itejbu l-opportunitajiet ta' finanzjament u ta' żvilupp għan-negozji ġodda u l-SMEs;

bo) li jistabbilixxu skeda ta' żmien prevedibbli u jħaffu l-implimentazzjoni ta' żona reġjonali ħielsa mir-roaming u jniedu iktar tnaqqis fit-tariffi għall-komunikazzjonijiet mal-UE abbażi ta' kooperazzjoni u konnettività reġjonali fiżiċi u diġitali miżjuda;

bp) li jtejbu l-konsistenza, l-effiċjenza, il-viżibilità u t-trasparenza tal-finanzjament tal-Unjoni fil-qasam tal-azzjoni esterna, biex b'hekk javvanzaw il-valuri tal-Unjoni, l-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-bini ta' istituzzjonijiet demokratiċi b'saħħithom u effiċjenti; li jallinjaw, fejn xieraq, il-finanzjament tal-IPA III mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

bq) li jiżguraw finanzjament ta' qabel l-adeżjoni adegwat, ġust u proporzjonali, ibbażat fuq il-prestazzjoni u orjentat lejn ir-riżultati li jaqbel mal-bżonnijiet ta' trasformazzjoni tal-benefiċjarji u jgħinhom jissodisfaw l-obbligi ta' adeżjoni mal-UE; li jagħtu prijorità lil proġetti speċifiċi li jkunu ta' benefiċċju għall-persuni tal-pajjiżi kkonċernati u jsaħħu l-kapaċità ta' assorbiment tal-benefiċjarji;

br) li jikkoordinaw iktar mill-qrib il-kwistjonijiet ta' governanza ekonomika ma' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFIs) u jtejbu l-kooperazzjoni reċiproka ħalli jiġu ssimplifikati l-isforzi ta' appoġġ u tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-finanzjament;

bs) li jsaħħu l-kundizzjonalità bejn l-assistenza makrofinanzjarja u l-progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u r-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

bt) li jevitaw tnaqqis fil-finanzjament ġenerali tal-IPA li jista' jnaqqas ir-ritmu tar-riformi relatati mal-UE u jdgħajjef il-kapaċità tal-Unjoni li tissodisfa l-objettiv strateġiku tagħha li tistabbilizza u tittrasforma l-pajjiżi ta' adeżjoni u tħejjihom għall-obbligi ta' sħubija, u jillimita b'mod serju l-kapaċità li jiġu indirizzati sfidi diversi relatati mal-istat tad-dritt, ir-rikonċiljazzjoni, l-integrazzjoni reġjonali u t-tibdil fil-klima, filwaqt li r-reġjun jispiċċa jkun saħansitra iktar suxxettibbli għall-influwenza ta' atturi minn pajjiżi terzi; li jiżguraw appoġġ adegwat u kontinwu għas-soċjetà ċivili;

bu) li jiżguraw li l-IPA III jitmexxa minn prijoritajiet politiċi li jkollhom impatt dirett fuq il-ħajja taċ-ċittadini permezz ta' proġetti konkreti, u li l-finanzjament ta' qabel l-adeżjoni jiġi allokat b'mod trasparenti, proporzjonat u mhux diskriminatorju u li jkun ibbażat fuq indikaturi tal-prestazzjoni sodi, filwaqt li jitqies l-impenn tal-pajjiżi benefiċjarji fl-implimentazzjoni tar-riformi u l-progress tagħhom;

bv) li jsaħħu l-approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni permezz ta' mekkaniżmu ta' sospensjoni, li jiżgura koerenza mal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI); li jikkomplementaw ir-Regolament IPA III permezz ta' "Djalogu Strateġiku" riformat u mtejjeb u jiżguraw li l-Parlament Ewropew jiġi infurmat u kkonsultat fil-pront;

bw) li jirrispettaw ir-responsabilità demokratika billi jiżguraw l-involviment sħiħ tal-Parlament Ewropew fl-iskrutinju, is-sorveljanza u t-tmexxija strateġika tad-disinn, l-ipprogrammar u l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-IPA III permezz ta' atti delegati;

bx) li jtejbu l-viżibilità ġenerali u l-informazzjoni dwar l-appoġġ tal-UE fir-reġjun billi jsaħħu l-komunikazzjoni strateġika u d-diplomazija pubblika sabiex iwasslu l-valuri tal-Unjoni u jaċċentwaw il-valur miżjud tal-proġetti u l-programmi ffinanzjati mill-UE; li jħejju strateġija ta' komunikazzjoni konġunta f'kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; li jiżviluppaw iktar fehim tal-benefiċċji tal-proċess ta' adeżjoni u tal-proċess ta' unifikazzjoni madwar il-kontinent Ewropew;

by) li jinsistu fuq l-allinjament progressiv tal-pajjiżi ta' adeżjoni mal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE u mal-politika kummerċjali komuni;

bz) li jfaħħru l-kooperazzjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-missjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) mal-UE;

ca) li jikkundannaw l-azzjonijiet ta' pajjiżi terzi intiżi biex jiddistabbilizzaw u jdgħajfu l-governanza demokratika fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent;

cb) li jkomplu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra t-theddid ibridu, inkluż fil-ġlieda kontra l-propaganda Russa;

cc) li jiżguraw li s-Summit tal-2020 bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent jevalwa u jivvaluta mill-ġdid il-proċess ta' tkabbir u jipprovdi impetu ġdid għat-trasformazzjoni tal-pajjiżi ta' adeżjoni;

cd) li japprovaw il-metodoloġija l-ġdida proposta mill-Kummissjoni għal tnedija mill-ġdid tal-proċess qabel is-Summit tal-Balkani tal-Punent f'Zagreb, kif ukoll għall-ftuħ tan-negozjati mal-Albanija u l-Maċedonja ta' Fuq;

ce) li jsostnu l-kooperazzjoni mar-Renju Unit fil-Balkani tal-Punent, filwaqt li jikkunsidraw ir-rabtiet Brittaniċi mar-reġjun, kif ukoll l-objettivi komuni, mill-avvanz tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u objettivi u għanijiet oħra tal-missjonijiet tal-PSDK;

cf) li jintensifikaw id-djalogu politiku ta' livell għoli permezz ta' summits regolari bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent;

2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi ta' adeżjoni.

 


 

ITTRA MILL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ INTERNAZZJONALI

 

Is-Sur David McALLISTER

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Presidenza

 

Suġġett: Opinjoni tal-Kumitat INTA għar-rapport tal-Kumitat AFET dwar il-Balkani tal-Punent

 

Għażiż Sur McAllister,

 

Qiegħed niktiblek din l-ittra, fil-kapaċità tiegħi bħala rapporteur għall-opinjoni tal-Kumitat INTA għar-rapport tal-Kumitat AFET dwar "ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Balkani tal-Punent, fit-tħejjija għas-Summit 2020".

 

Il-Kumitat INTA kien skedat li jivvota dwar l-opinjoni tiegħu f'Marzu, iżda minħabba ċ-ċirkostanzi straordinarji relatati mal-COVID-19, il-laqgħat ordinarji oriġinarjament ippjanati ġew ikkanċellati. Skont l-informazzjoni disponibbli bħalissa, il-Kumitat INTA jaf ma jkunx jista' jorganizza votazzjoni dwar opinjoni formali qabel l-adozzjoni prevista tar-rapport tal-Kumitat AFET, sabiex jiżgura l-kontribut f'waqtu tal-Parlament fit-tħejjijiet tas-Summit.

 

Meta wieħed iqis, fuq naħa waħda, il-possibilitajiet limitati ħafna għal laqgħat u min-naħa l-oħra l-prerogattivi politiċi tal-Kumitat AFET bil-għan li jiġi żgurat il-kontribut f'waqtu tal-Parlament fit-tħejjijiet għas-Summit, il-koordinaturi tal-Kumitat INTA, fil-laqgħa tagħhom tal-1 ta' April, laħqu ftehim li, b'mod eċċezzjonali, jippreżentaw il-pożizzjoni tal-Kumitat INTA fil-forma ta' emendi ta' kompromess (maqbula mill-gruppi), li jiġu trażmessi permezz ta' ittra lill-Kumitat AFET, dment li tali ittra tiġi sostanzjalment ittrattata bħala opinjoni u li titqies kif xieraq. 

 

Għalhekk, nitolbok taqsam din l-ittra mar-Rapporteur tiegħek u tikkunsidra l-emendi mehmuża bħala l-kontribut tal-Kumitat INTA għar-rapport tal-Kumitat AFET dwar il-Balkani tal-Punent. F'dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, għandi fiduċja li inti se tittratta din l-ittra kif xieraq, waqt il-proċedura tal-votazzjoni mill-Kumitat tiegħek.

 

Dejjem tiegħek,

 

 

Reinhard BÜTIKOFER

 

Cc: Bernd LANGE, President tal-Kumitat INTA

 Tonino PICULA, Rapporteur tal-Kumitat AFET

 

Anness: Il-pożizzjoni tal-Kumitat INTA fil-forma ta' ittra


 

 

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Balkani tal-Punent, fit-tħejjija għas-Summit ta' Mejju 2020

 

Il-pożizzjoni tal-Kumitat INTA fil-forma ta' ittra

(Rapporteur għall-Kumitat INTA: Reinhard Bütikofer)

 

 

1.  Jenfasizza li l-appoġġ għal riformi relatati mal-UE fl-oqsma tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-ekonomija soċjali tas-suq, il-kooperazzjoni ekonomika u l-kummerċ kif ukoll ir-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat u l-ftuħ b'suċċess, it-twettiq u l-konklużjoni ta' taħdidiet ta' adeżjoni mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jirrappreżentaw waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-UE fir-reġjun; ifakkar li l-ambizzjoni ambjentali tal-Patt Ekoloġiku u t-tranżizzjoni ekoloġika għall-Ewropa jistgħu jkunu kompletament effettivi biss jekk anke l-pajjiżi terzi, fosthom il-viċinat immedjat tal-UE, ukoll jieħdu azzjoni effettiva, u jistieden lill-UE tuża l-influwenza, il-kompetenza u r-riżorsi finanzjarji tagħha biex timmobilizza l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jingħaqdu magħha fuq perkors sostenibbli;

 

2.  Ifakkar li l-UE hija s-sieħeb kummerċjali ewlieni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u li l-kummerċ bilaterali rdoppja bejn l-2006 u l-2016; jinnota, barra minn hekk, li l-UE qiegħda kontinwament tmexxi surplus kummerċjali stabbli u kostanti mal-Balkani tal-Punent, li ammonta għal EUR 9 biljun fl-2018, u dan is-surplus kompla fl-2019, l-iktar minħabba żieda fl-esportazzjonijiet tal-UE u tnaqqis fl-importazzjonijiet tal-UE, kif jidher ukoll fl-istudju "Rising Uncertainties" tal-Bank Dinji;

 

3.  Iqis il-metodoloġija l-ġdida għan-negozjati ta' adeżjoni adottata mill-Kummissjoni Ewropea, li tipprevedi l-politika ta' tkabbir tal-UE bħala triq b'żewġ direzzjonijiet fejn iż-żewġ naħat iridu jħarsu l-impenji tagħhom u jappoġġja lill-Kummissjoni fil-premjazzjoni tal-progress fin-negozjati kif ukoll fil-ftuħ mill-ġdid tan-negozjati meta ma jiġux issodisfati r-riformi mistennija; jenfasizza li l-pass tan-negozjati għandu jirrifletti l-merti u t-tlestija ta' kull pajjiż u l-progress tagħhom fir-rigward tar-riformi interni;

 

4.  Jistieden lill-pajjiżi kandidati tal-Balkani tal-Punent jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi assunti skont il-Ftehimiet ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) meta jinnegozjaw ftehimiet ta' kummerċ ħieles; u l-politiki kummerċjali tagħhom ma' pajjiżi terzi għandhom jitfasslu fid-dawl tas-sħubija futura tagħhom fl-UE;

 

5. Jilqa' favorevolment l-applikazzjonijiet tal-Bożnija-Ħerzegovina u tas-Serbja għal sħubija fid-WTO li saru fl-1999 u fl-2005 rispettivament; Ifakkar fl-importanza tas-sħubija tad-WTO biex jinfetħu opportunitajiet ta' kummerċ u biex il-pajjiżi kandidati jinġiebu eqreb tas-sħubija fl-UE; jistieden lill-UE tkompli tappoġġja u tipprovdi l-assistenza meħtieġa lis-Serbja u lill-Bożnija-Ħerzegovina fil-proċessi ta' adeżjoni tagħhom mad-WTO bil-għan li l-proċessi rispettivi tagħhom jitwettqu mill-iktar fis;

 

6.  Jappella għal żieda fl-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni u għal fondi oħra bil-għan li jiġu appoġġjati r-riformi u tingħata assistenza għall-bqija tal-pajjiżi fil-Balkani tal-Punent; f'dan ir-rigward, jappella għal sforzi u proġetti ta' integrazzjoni b'saħħithom, pereżempju bl-użu ta' fondi bħall-Fond tal-Balkani tal-Punent, sabiex jingħata appoġġ lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fit-tisħiħ tal-istat tad-dritt, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u l-kapaċità amministrattiva u ġudizzjarja tagħhom sabiex tissaħħaħ il-kompetittività ekonomika, il-prosperità u l-benesseri soċjali, il-bilanċ baġitarju u r-riforma strutturali u biex jinkisbu kundizzjonijiet stabbli għan-negozji li joperaw u jinvestu fir-reġjun; f'dan ir-rigward, jistieden lill-pajjiżi kandidati jwettqu riformi li gradwalment jiggarantixxu sistema ekonomika bbażata fuq regoli b'kundizzjonijiet ekwi għall-parteċipanti kollha u jadottaw standards tal-UE rigward id-drittijiet soċjali u tax-xogħol taċ-ċittadini;

 

7.  Ifakkar lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent dwar l-importanza ta' kooperazzjoni ekonomika reġjonali, ambjent ekonomiku usa' u relazzjonijiet tajbin ta' viċinat; ifakkar fl-importanza ta' sforzi ta' integrazzjoni reġjonali koordinati fi ħdan il-qafas tad-Djalogu Belgrad-Pristina, il-Proċess ta' Berlin, il-kooperazzjoni ekonomika fi ħdan is-CEFTA, il-ħidma kontinwa dwar l-aġenda ta' konnettività u l-parteċipazzjoni ikbar fil-ħolqien taż-Żona ta' Kummerċ Reġjonali; jappoġġja inizjattivi li jippromwovu l-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat filwaqt li jmexxu lill-pajjiżi eqreb lejn is-sħubija mal-UE; jaċċentwa l-importanza tal-istabilità u l-prosperità fir-reġjun kif ukoll għall-UE; jenfasizza li miżuri kummerċjali ta' ritaljazzjoni u l-inizjattivi diplomatiċi mmirati lejn in-nuqqas ta' rikonoxximent ta' pajjiż ġar jostakolaw l-integrazzjoni ekonomika reġjonali tal-pajjiżi milquta u jimblukkaw bosta linji ta' djalogu politiku;

 

8.  Ifakkar li l-UE hija l-ikbar investitur barrani fir-reġjun bl-investiment ta' EUR 12,7-il biljun f'investimenti diretti barranin bejn l-2014 u l-2018; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi pjan strateġiku ekonomiku u ta' investiment li jkollu l-għan li jtejjeb il-kompetittività u l-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun kollu tal-Balkani tal-Punent, peress li t-tkabbir fil-Balkani tal-Punent qed inaqqas fir-ritmu wara li kien hemm irkupru żgħir fl-investimenti fis-snin preċedenti u l-kontribut tal-investimenti u tal-esportazzjonijiet lejn it-tkabbir qed jonqos fir-reġjun; jenfasizza l-ħtieġa li r-reġjun jingħata prijorità għolja taħt l-Istrateġija dwar il-Konnettività tal-UE; jenfasizza l-importanza li titjieb l-infrastruttura tat-trasport fir-reġjun, u b'mod partikolari r-rwol li taqdi fl-iffaċilitar tal-kummerċ; jappoġġja l-bini ta' kurituri ferrovjarji u tal-awtostradi Ewropej fil-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tħaffef il-finanzjament tal-investiment fl-infrastruttura;

 

9.  Jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi iktar appoġġ tekniku lill-Balkani tal-Punent, b'mod partikolari lis-settur privat tar-reġjun, biex itejbu l-qafas ta' investiment estern, b'mod partikolari fl-oqsma tal-prevedibilità u l-protezzjoni tal-investituri anke permezz ta' żieda fil-finanzjament tal-assistenza teknika permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni;

 

10. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex timmonitorja l-effetti tal-politiki tal-UE, inkluża l-politika kummerċjali, fuq l-SMEs, peress li dawn jaqdu rwol ewlieni fil-kummerċ internazzjonali; minħabba d-daqs u r-riżorsi limitati tagħhom, l-ispejjeż tal-piż amministrattiv jaffettwaw lill-SMEs b'mod sproporzjonat, u għalhekk il-politika kummerċjali tal-UE mal-Balkani tal-Punent għandha tkun favorevli għall-SMEs, tipprovdi informazzjoni faċli għall-utent, aġġornata u prattika; jistieden lill-Kummissjoni tesplora kooperazzjoni settorjali mtejba, speċjalment f'termini ta' investiment tal-SMEs u ta' kapitalizzazzjoni tas-suq domestiku, ta' edukazzjoni u riċerka, innovazzjoni u diġitalizzazzjoni kif ukoll ta' teknoloġiji ambjentali u ekoloġiċi, bil-għan li jiġu kondiviżi l-għarfien u l-aħjar prattiki; f'dan ir-rigward, jenfasizza l-importanza ta' programmi mmirati għaż-żgħażagħ fir-reġjun bil-għan li titjieb is-sitwazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, jinħolqu impjiegi deċenti u tiġi appoġġjata l-mobilità u l-migrazzjoni ċiklika iktar milli l-emigrazzjoni ekonomika irriversibbli;

 

11. Jissottolinja li l-industriji tal-enerġija fil-Balkani tal-Punent għadhom definiti minn infrastruttura antikwata, u mid-dominanza assoluta tal-faħam u tal-idroenerġija; iħeġġeġ lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, iżda wkoll lill-investituri barranin, b'mod partikolari lill-BEI, lill-BERŻ u lil istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi oħra, biex jaħdmu biex jilħqu l-objettivi klimatiċi u l-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE meta jiġu biex jagħżlu proġetti fis-settur tal-enerġija sabiex inaqqsu l-faqar enerġetiku, iżidu l-effiċjenza u s-sigurtà tal-enerġija u jagħtu attenzjoni partikolari lill-preservazzjoni tal-bijodiversità u s-siti protetti skont konvenzjonijiet internazzjonali; jappella li jsiru valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u konsultazzjonijiet pubbliċi dwar proġetti li jaffettwaw żoni protetti, il-bijodiversità u l-protezzjoni ambjentali, filwaqt li jitqiesu wkoll il-fehmiet tal-komunità lokali.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.4.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

58

7

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alviina Alametsä, Alexander Alexandrov Yordanov, Maria Arena, Petras Auštrevičius, Traian Băsescu, Lars Patrick Berg, Anna Bonfrisco, Reinhard Bütikofer, Fabio Massimo Castaldo, Susanna Ceccardi, Włodzimierz Cimoszewicz, Katalin Cseh, Tanja Fajon, Anna Fotyga, Michael Gahler, Kinga Gál, Giorgos Georgiou, Sunčana Glavak, Raphaël Glucksmann, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Márton Gyöngyösi, Sandra Kalniete, Karol Karski, Dietmar Köster, Stelios Kouloglou, Andrius Kubilius, Ilhan Kyuchyuk, David Lega, Miriam Lexmann, Nathalie Loiseau, Antonio López-Istúriz White, Lukas Mandl, Thierry Mariani, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Sven Mikser, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Gheorghe-Vlad Nistor, Urmas Paet, Demetris Papadakis, Kostas Papadakis, Tonino Picula, Manu Pineda, Kati Piri, Giuliano Pisapia, Diana Riba i Giner, Jérôme Rivière, María Soraya Rodríguez Ramos, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Jacek Saryusz-Wolski, Andreas Schieder, Radosław Sikorski, Sergei Stanishev, Tineke Strik, Hermann Tertsch, Hilde Vautmans, Harald Vilimsky, Idoia Villanueva Ruiz, Viola Von Cramon-Taubadel, Thomas Waitz, Witold Jan Waszczykowski, Charlie Weimers, Isabel Wiseler-Lima, Salima Yenbou, Željana Zovko

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Nikos Androulakis, Nicolas Bay

 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

58

+

ECR

Anna Fotyga, Karol Karski, Jacek Saryusz-Wolski, Hermann Tertsch, Witold Jan Waszczykowski

GUE/NGL

Stelios Kouloglou, Manu Pindea, Idoia Villanueava Ruiz

NI

Fabio Massimo Castaldo, Márton Gyöngyösi

PPE

Alexander Alexandrov Yordanov, Traian Băsescu, Michael Gahler, Kinga Gál, Sunčana Glavak, Sandra Kalniete, Andrius Kubilius, David Lega, Miriam Lexmann, David McAllister, Lukas Mandl, Vangelis Meimarakis, Gheorghe-Vlad Nistor, Radosław Sikorski, Isabel Wiseler-Lima, Željana Zovko

RENEW

Petras Auštrevičius, Katalin Cseh, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Javier Nart, Urmas Paet, María Soraya Rodríguez Ramos, Hilde Vautmans

S&D

Maria Arena, Włodzimierz Cimoszewicz, Tanja Fajon, Raphaël Glucksmann, Dietmar Köster, Sven Mikser, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Kati Piri, Giuliano Pisapia, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Andreas Schieder, Sergei Stanishev, Nikos Androulakis

Verts/ALE

Alviina Alametsä, Reinhard Bütikofer, Diana Riba i Giner, Tineke Strik, Viola Von Cramon-Taubadel, Thomas Waitz, Salima Yenbou

 

7

 

ECR

Charlie Weimers

ID

Lars Patrick Berg, Thierry Mariani, Jérôme Rivière, Harald Vilimsky, Nicolas Bay

NI

Kostas Papadakis

 

5

0

GUE

Giorgos Georgiou

ID

Anna Bonfrisco, Susanna Ceccardi

PPE

Antonio López-Istúriz White, Francisco José Millán Mon

 

Tifsira tas-simboli:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

[1] ĠU C 47, 11.2.2020, p. 15

[2] CDR 2727/2019

[3] OJ C 265,11.8.2017, p. 142.

[4] Testi adottati, P8_TA(2019)0299.

[5] Testi adottati, P9_TA(2019)0050.

[6] Testi adottati, P9_TA(2020)0010.

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Ġunju 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza