RAPPORT dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea - ġlieda kontra l-frodi - rapport annwali 2018
19.5.2020 - (2019/2128(INI))
Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Joachim Kuhs
PR_INI
KONTENUT
Paġna
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea - ġlieda kontra l-frodi - rapport annwali 2018
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 310(6) u 325(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-rapporti annwali preċedenti tal-Kummissjoni u tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-11 ta' Ottubru 2019 intitolat "It-30 rapport annwali dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u l-ġlieda kontra l-frodi (2018)" (COM(2019)0444) u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjawh (SWD(2019)0361, SWD(2019)0362, SWD(2019)0363, SWD(2019)0364 u SWD(2019)0365),
– wara li kkunsidra r-Rapport 2018 tal-OLAF[1] u r-Rapport ta' Attività 2018 tal-Kumitat ta' Sorveljanza tal-OLAF,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar lill-Qorti tal-Awdituri intitolata "L-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi: azzjoni iktar b'saħħitha għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE" (COM(2019)0196),
– wara li kkunsidra l-"action plan" (il-pjan ta' azzjoni) (SWD(2019)0170) u l-"fraud risk assessment" (valutazzjoni tar-riskju ta' frodi) (SWD(2019)171, li jakkumpanjaw il-komunikazzjoni intitolata "L-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi: azzjoni iktar b'saħħitha għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE" (COM(2019)0196),
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2018, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet[2],
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-2 ta' Mejju 2018 għal regolament dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri (COM(2018)0324),
– wara li kkunsidra l-introduzzjoni ta' dispożizzjonijiet standard dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE fi ħdan il-proposti kollha tal-QFP tal-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 8/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tat-22 ta' Novembru 2018 dwar il-proposta tal-Kummissjoni tat-23 ta' Mejju 2018 li temenda r-Regolament Nru 883/2013 fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-OLAF (COM(2018)0338),
– wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 9/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri rigward il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm tal-UE Kontra l-Frodi,
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 26/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-10 ta' Ottubru 2018 intitolat "Bosta dewmien fis-sistemi tal-IT doganali: x'mar ħażin?",
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 01/2019 intitolat "Il-ġlieda kontra l-frodi fl-infiq tal-UE: jeħtieġ li tittieħed azzjoni",
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 06/2019 intitolat " L-indirizzar tal-frodi fl-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni tal-UE: jeħtieġ li l-awtoritajiet maniġerjali jsaħħu l-identifikazzjoni, ir-rispons u l-koordinazzjoni",
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 12/2019 intitolat "Kummerċ elettroniku: ħafna mill-isfidi relatati mal-ġbir tal-VAT u tad-dazji doganali għad iridu jiġu riżolti",
– wara li kkunsidra ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)[3] u r-reviżjoni ta' nofs it-terminu tiegħu, ippubblikata mill-Kummissjoni fit-2 ta' Ottubru 2017 (COM(2017)0589),
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (id-Direttiva PIF),[4]
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ("l-UPPE")[5],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[6],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012[7],
– wara li kkunsidra r-rapport tal-4 ta' Settembru 2019, ikkummissjonat mill-Kummissjoni intitolat "Studju u Rapporti dwar id-diskrepanza tal-VAT fl-Istati Membri tal-UE-28: Rapport finali",
– wara li kkunsidra r-rapport ta' Mejju 2015, ikkummissjonat mill-Kummissjoni intitolat "Studju li jikkwantifika u janalizza d-diskrepanza tal-VAT fl-Istati Membri tal-UE: rapport 2015" u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' April 2016 dwar pjan ta' azzjoni dwar il-VAT intitolat "Lejn żona unika tal-VAT fl-UE - Iż-żmien biex niddeċiedu" (COM(2016)0148),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-UE Kontra l-Korruzzjoni, maħruġ mill-Kummissjoni fit-3 ta' Frar 2014 (COM(2014)0038),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE[8],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2011 intitolata "Nissieltu kontra l-Korruzzjoni fl-UE" (COM(2011)0308),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-rwol tal-informaturi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE[9],
– wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tat-12 ta' Mejju 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "L-intensifikar tal-ġlieda kontra l-kuntrabandu tas-sigarretti u forom oħra ta' kummerċ illegali fil-prodotti tat-tabakk - Strateġija komprensiva tal-UE (COM(2013)0324 tas-6 ta' Ġunju 2013)" (COM(2017)0235),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ("l-UPPE"),[10]
– wara li kkunsidra r-rapport ikkoordinat mill-OLAF intitolat "Il-frodi fl-akkwist pubbliku – ġabra ta' senjalazzjonijiet ta' allarm u l-aħjar prattiki", ippubblikat fl-20 ta' Diċembru 2017, u l-manwal tal-OLAF tal-2017 dwar "Ir-Rapportar ta' irregolaritajiet fil-ġestjoni konġunta",
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 19/2017 intitolat "Proċeduri ta' importazzjoni: xi nuqqasijiet fil-qafas legali u implimentazzjoni ineffettiva għandhom impatt fuq l-interessi finanzjarji tal-UE".
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-105/14: proċeduri kriminali kontra Ivo Taricco et al[11],
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-42/17: proċeduri kriminali kontra M.A.S. u M.B.[12],
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-48/16, Sigma Orionis SA vs il-Kummissjoni Ewropea[13],
– wara li kkunsidra l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/541 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tal-VAT biex tiżdied il-kapaċità tal-Istati Membri li jindirizzaw l-aktar skemi ta' frodi tal-VAT li jagħmlu ħsara u jnaqqsu d-diskrepanza tal-VAT,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar "Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE - L-irkupru ta' flus u assi minn pajjiżi terzi f'każijiet ta' frodi"[14],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni intitolata "Baġit modern għal Unjoni li Tipproteġi, Tagħti s-Setgħa u Tiddefendi. Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027" (COM(2018)0321),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-frodi doganali u l-protezzjoni tar-riżorsi proprji tal-UE[15],
– wara li kkunsidra l-implimentazzjoni kontinwa tal-programm Hercule III[16],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0103/2020),
A. billi l-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, timplimenta l-baġit tal-Unjoni, li 74 % minnu ġie implimentat f'reġim ta' ġestjoni kondiviża fl-2018;
B. billi l-Kummissjoni għandha tieħu r-responsabbiltajiet rispettivi tagħha f'reġim ta' ġestjoni kondiviża għas-superviżjoni, il-kontroll u l-awditjar;
C. billi skont l-Artikolu 63 tar-Regolament Finanzjarju (UE, Euratom 2018/1046), meta jkunu qed iwettqu kompiti relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha, biex jipprevjenu, isibu u jikkoreġu irregolaritajiet u frodi;
D. billi sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli ex ante u ex post, għandhom jirkupraw fondi mħallsa indebitament u jieħdu azzjoni legali f'dak ir-rigward meta jkun meħtieġ;
E. billi l-ġestjoni finanzjarja tajba u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE huma elementi ewlenin tal-politika ta' implimentazzjoni tal-baġit tal-UE u għandhom l-għan li jżidu l-fiduċja taċ-ċittadini billi jiżguraw li flus il-kontribwenti jintużaw b'mod korrett u li l-baġit tal-UE jiġi eżegwit b'mod effettiv;
F. billi l-infiq pubbliku bil-għaqal u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE jikkontribwixxu għall-ġestjoni effiċjenti tal-baġit tal-UE;
G. billi l-Artikolu 310(6) tat-TFUE jiddikjara li "[l]-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 325, jiġġieldu l-frodi u kwalunkwe attività oħra illegali li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Unjoni"; billi l-Artikolu 325(2) tat-TFUE jiddikjara li "[l]-Istati Membri għandhom jieħdu l-istess miżuri sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħal ma jieħdu sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tagħhom stess"; billi l-Artikolu 325(3) tat-TFUE jiddikjara li "l-Istati Membri għandhom jikkordinaw l-azzjoni tagħhom li tkun immirata sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra l-frodi. Għal dan l-għan huma għandhom jorganizzaw, flimkien mal-Kummissjoni, koperazzjoni mill-qrib u regolari bejn l-awtoritajiet kompetenti"; billi skont l-Artikolu 325(4) tat-TFUE, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandha tiġi kkonsultata dwar kull miżura li għandha tiġi adottata mil-leġiżlatur fl-oqsma ta' prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE;
H. billi l-baġit tal-UE jappoġġja objettivi kondiviżi u jgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni u billi l-prestazzjoni tajba hija prekundizzjoni għall-ksib ta' riżultati u prijoritajiet, is-semplifikazzjoni tal-valutazzjoni regolari tad-dħul, tan-nefqa, tal-eżiti u tal-impatti permezz ta' awditi tal-prestazzjoni, huma elementi essenzjali għall-baġitjar abbażi tal-prestazzjoni;
I. billi l-UE għandha l-obbligu li taġixxi fil-qasam tal-politiki kontra l-korruzzjoni fil-limiti stabbiliti mit-TFUE; billi l-Artikolu 67 tat-TFUE jistabbilixxi l-obbligu tal-Unjoni li tiżgura livell għoli ta' sigurtà, inkluż permezz tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra l-kriminalità u l-approssimazzjoni tal-liġijiet kriminali; billi skont l-Artikolu 83 tat-TFUE l-korruzzjoni hija wieħed mir-reati partikolarment gravi b'dimensjoni transfruntiera li għandha effett negattiv fuq l-interessi finanzjarji tal-UE;
J. billi l-frodi li tinvolvi l-fondi tal-UE hija waħda mill-mezzi li bihom l-organizzazzjonijiet kriminali jinfdu l-ekonomija u jimminaw il-libertà ekonomika u l-kompetizzjoni ħielsa;
K. billi teħtieġ tiġi indirizzata b'mod adegwat id-diversità fis-sistemi ġuridiċi u amministrattivi fl-Istati Membri sabiex ikun hemm azzjoni tal-UE iktar koordinata għall-prevenzjoni tal-irregolaritajiet u l-ġlieda kontra l-frodi; billi l-Kummissjoni għandha tkompli ssaħħaħ l-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra l-frodi u tkompli timplimentahom b'mod effettiv sabiex ikun hemm riżultati iktar tanġibbli u iktar sodisfaċenti;
L. billi l-korruzzjoni hija theddida serja għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni, iżda wkoll għad-demokrazija u l-fiduċja fl-amministrazzjoni pubblika;
M. billi l-VAT miġbura mill-Istati Membri hija sors ta' dħul importanti għall-baġits nazzjonali u billi r-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT kienu jikkostitwixxu 11,9% tal-baġit totali tal-UE fl-2018;
N. billi każijiet sistematiċi u istituzzjonalizzati ta' korruzzjoni f'ċerti Stati Membri jagħmlu ħsara serja lill-interessi finanzjarji tal-UE filwaqt li jirrappreżentaw ukoll theddida għad-demokrazija, għad-drittijiet fundamentali u għall-istat tad-dritt; billi r-Rapport Speċjali tal-Ewrobarometru 470 dwar il-Korruzzjoni, ippubblikat f'Diċembru 2017, iddikjara li l-perċezzjonijiet ġenerali tal-korruzzjoni u l-attitudnijiet ġenerali lejha baqgħu stabbli meta mqabbla mal-2013, fatt li jindika li ma ntwera ebda riżultat konkret f'termini ta' titjib ta' fiduċja taċ-ċittadini tal-UE fl-istituzzjonijiet tagħhom;
Identifikazzjoni u rapportar ta' irregolaritajiet
1. Jilqa' pożittivament it-30 rapport annwali dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u l-ġlieda kontra l-frodi, kif ukoll il-progress miksub matul dawn l-aħħar tliet deċennji fl-istabbiliment u l-iżvilupp tal-fondazzjonijiet leġiżlattivi u tal-qafas istituzzjonali (l-OLAF u l-UPPE) fil-ġlieda kontra l-frodi u l-irregolaritajiet fil-livell tal-UE, fl-istabbiliment ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, u bejnhom u l-Kummissjoni, u fil-ksib ta' riżultati ta' protezzjoni tal-baġit tal-UE li ma jkunux possibbli mingħajr l-isforzi konġunti kemm tal-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll tal-awtoritajiet nazzjonali;
2. Josserva bi tħassib kbir il-modifika permanenti tal-metodi ta' frodi u tax-xejriet ġodda ta' frodi, li għandhom dimensjoni transnazzjonali qawwija u bi skemi ta' frodi transfruntiera (jiġifieri frodi fil-promozzjoni ta' prodotti agrikoli; kumpaniji fittizji; l-evażjoni ta' dazji doganali permezz tas-sottovalutazzjoni tat-tessuti u ż-żraben li jidħlu fl-Unjoni u li jgħaddu minn żdoganar tal-merkanzija f'diversi Stati Membri; il-kummerċ elettroniku; iż-żieda tad-dimensjoni transfruntiera tal-frodi fuq in-naħa tal-infiq; u l-falsifikazzjoni), li jaffettwaw b'mod negattiv in-naħa tad-dħul tal-baġit tal-UE u li jeħtieġu rispons koordinat ġdid fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali;
3. Jinnota li l-għadd totali ta' irregolaritajiet frawdolenti u mhux frawdolenti rrapportati fl-2018 (11 638-il każ) kien 25 % inqas milli fl-2017 (15 213-il każ) u li l-valur involut baqa' stabbli meta mqabbel mas-sena preċedenti (EUR 2,5 biljun fl-2018, meta mqabbel mal-EUR 2,58 biljun fl-2017);
4. Jindika li mhux l-irregolaritajiet kollha huma frawdolenti u li għandha ssir distinzjoni ċara bejn l-iżbalji mwettqa;
5. Ifakkar li l-għadd ta' irregolaritajiet frawdolenti rrapportati u l-ammonti relatati mhumiex indikatur dirett tal-livell ta' frodi li jaffettwa l-baġit tal-UE jew ta' Stat Membru partikolari; jinnota li mhuwiex ċar kemm irregolaritajiet frawdolenti jibqgħu mhux irrappurtati kull sena mill-Kummissjoni u speċjalment mill-Istati Membri; jinnota li dan jagħmilha diffiċli għall-Parlament jislet konklużjonijiet utli dwar l-effikaċja tal-attivitajiet kontra l-frodi mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tiżviluppa metodoloġija biex ittejjeb l-affidabbiltà u tipprovdi stimi iktar preċiżi tal-kobor tal-frodi fl-UE; jinnota li l-irregolaritajiet frawdolenti affettwaw 0,71 % tal-pagamenti tal-2018 u 0,65 % tal-ammont gross tar-riżorsi proprji tradizzjonali (RPT) miġbura għall-2018; jinnota wkoll li l-irregolaritajiet mhux frawdolenti affettwaw 0,58 % tal-pagamenti tal-2018 u 1,78 % tal-ammont gross tal-RPT miġbura għall-2018;
6. Jinnota bi tħassib li, skont il-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri, il-Kummissjoni għandha livell ta' għarfien insuffiċjenti dwar il-kobor, in-natura u l-kawżi tal-frodi; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi sistema uniformi għall-ġbir ta' data komparabbli dwar l-irregolaritajiet u l-każijiet ta' frodi mill-Istati Membri sabiex tistandardizza l-proċess ta' rapportar u tiżgura l-kwalità u l-komparabbiltà tad-data pprovduta;
7. Jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni twettaq kontrolli komprensivi biex tiżgura t-trasparenza sħiħa u l-kwalità tad-data rrapportata mill-Istati Membri fis-Sistema ta' Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (IMS);
8. Jinnota li l-għadd ta' irregolaritajiet frawdolenti rrapportati fl-2018 (1 152 każ) baqa' fl-istess livell tal-2017; jiddispjaċih, madankollu, għaż-żieda sinifikanti fl-ammonti ta' 183 %, fatt li joħloq tħassib serju; din iż-żieda hija dovuta, fil-biċċa l-kbira, għal żewġ irregolaritajiet frawdolenti li jikkonċernaw in-nefqa għall-politika ta' koeżjoni; jenfasizza l-ħtieġa li dawn l-ammonti għoljin jiġu rkuprati minnufih;
9. Jinnota l-fatt li l-għadd ta' irregolaritajiet mhux frawdolenti rreġistrati fl-2018 wera tnaqqis ta' 27 % (10 487 każ), filwaqt li l-ammonti finanzjarji involuti naqsu b'37 % għal EUR 1,3 biljun;
10. Jiddispjaċih ferm u jirrimarka l-fatt li ħafna Stati Membri m'għandhomx liġijiet speċifiċi kontra l-kriminalità organizzata, filwaqt li qiegħed jiżdied bla waqfien l-involviment tagħha f'attivitajiet u setturi transfruntiera li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE, bħall-kuntrabandu jew l-iffalsifikar tal-flus;
11. Jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw iktar mill-qrib f'dawk li huma skambji ta' informazzjoni, kemm biex itejbu l-ġbir ta' data tagħhom kif ukoll biex itejbu l-effikaċja tal-kontrolli tagħhom u jiggarantixxu d-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini; ifakkar fir-rwol tal-Kummissjoni fil-koordinament tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tgħin fil-koordinament biex tiġi stabbilita sistema uniformi għall-ġbir ta' data dwar l-irregolaritajiet u l-każijiet ta' frodi mill-Istati Membri;
12. Jistieden lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri tinkludi kontinwament lill-istituzzjonijiet u l-korpi maniġerjali responsabbli f'każijiet ta' użu ħażin intenzjonali ta' fondi fil-kampjuni ta' awditjar tagħhom;
13. Iqis li huwa inkwetanti li biex jonqos il-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri, ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni 1303/2013 jirrikjedi biss ir-rapportar ta' irregolaritajiet frawdolenti u mhux frawdolenti li jinvolvu kontribuzzjoni ta' iktar minn EUR 10 000 mill-FSIE; ifakkar li, fil-qasam tal-agrikoltura u tal-Fond Soċjali Ewropew, hemm għadd kbir ta' pagamenti li huma ferm inqas mil-limitu ta' EUR 10 000, li jiġu żborżati bħala dritt għal pagament (abbażi ta' ċerti kundizzjonijiet) u, bħala konsegwenza, pagamenti potenzjalment frawdolenti li jinsabu taħt il-limitu ta' rappurtar li jiġux irrapportati, jinnota, madankollu, l-osservazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri fir-Rapporti Annwali tagħha għall-2017 u l-2018 li d-drittijiet għal pagament huma inqas suxxettibbli għal żbalji mir-rimborż tal-ispejjeż, li huma l-metodi ta' żborż għal proġetti ta' valur ogħla minn EUR 10 000;
14. Jikkundanna bil-qawwa l-użu ħażin fuq skala kbira tal-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej minn uffiċjali tal-gvern ta' livell għoli fir-Repubblika Ċeka, u minn atturi pubbliċi oħra fl-Ungerija, il-Greċja, il-Polonja, ir-Rumanija u l-Italja; jinnota li tali frodi hija askapitu tan-negozji tal-familja żgħar li l-iktar jeħtieġu s-sussidji;
15. Jikkundanna bil-qawwa l-użu ħażin tal-Fondi ta' Koeżjoni; jiddispjaċih li l-fondi tal-UE affettwati mill-korrezzjonijiet finanzjarji marbuta ma' irregolaritajiet frawdolenti jistgħu jerġgħu jintużaw mingħajr ebda konsegwenza jew restrizzjonijiet ulterjuri; huwa tal-fehma li tali sistema tipperikola l-interess finanzjarju tal-UE; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-użu tal-Fondi tal-UE u tikkunsidra l-iżvilupp ta' sistema li fiha l-korrezzjonijiet jiġu akkumpanjati wkoll minn restrizzjonijiet dwar l-użu ulterjuri;
16. Ifakkar fir-rekwiżiti ta' trasparenza għall-PAK u għall-politiki ta' koeżjoni, li jobbligaw lill-awtoritajiet responsabbli tal-Istati Membri jżommu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku lista tal-benefiċjarji finali; jistieden lill-Istati Membri jippubblikaw tali data f'format uniformi li jista' jinqara mill-magni u jiżguraw l-interoperabbiltà tal-informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiġbor u taggrega d-data u tippubblika listi tal-ikbar benefiċjarji minn kull fond f'kull Stat Membru;
17. Jinsisti li l-Kummissjoni tipproponi mekkaniżmu ta' lment speċifiku fil-livell tal-Unjoni biex jappoġġa lill-bdiewa jew lill-benefiċjarji li jħabbtu wiċċhom, pereżempju, ma' prattiki skorretti ta' ħtif tal-art, imġiba ħażina min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, pressjoni min-naħa tal-istrutturi kriminali jew tal-kriminalità organizzata, jew il-persuni li huma soġġetti għal xogħol furzat jew għal skjavitù, li jagħtihom l-opportunità li jressqu malajr ilment lill-Kummissjoni, u li din tal-aħħar għandha tivverifika b'urġenza;
18. Jisħaq fuq il-fatt li bħalissa l-Kummissjoni Ewropea ma tiħux azzjoni suffiċjenti biex tindirizza dan it-tip ta' frodi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq kontrolli effikaċi flimkien ma' miżuri vinkolanti; jinnota li l-UPPE għandu jiżvolġi rwol fundamentali fit-twettiq ta' tfittxijiet transfruntiera, sejbien u rappurtar ta' każijiet ta' frodi, u biex il-frodaturi jitressqu quddiem il-ġustizzja;
Dħul ‒ riżorsi proprji
19. Jinnota ż-żieda ta' 1 % fl-għadd ta' każijiet frawdolenti rreġistrati għall-RPT miġbura (għal 473 fl-2018), u jiddispjaċih għaż-żieda ta' 116 % fl-ammonti finanzjarji involuti;
20. Jinnota li l-għadd ta' irregolaritajiet irrappurtati bħala mhux frawdolenti għall-2018 kien 10 % inqas mill-medja għas-snin 2014-2018, iżda jiddispjaċih li l-ammont affettwat huwa 17 % ogħla;
21. Jinsab imħasseb ħafna li skont l-istatistika ta' "estimi rapidi" tal-Kummissjoni, id-diskrepanza tal-VAT fl-2018 kienet tammonta għal EUR 130 biljun, ċifra li tirrappreżenta iktar minn 10 % tad-dħul totali mistenni mill-VAT, u li l-Kummissjoni tistma li l-każijiet ta' frodi tal-VAT intra-Komunitarju jiswew lill-Unjoni madwar EUR 50 biljun fis-sena; jiddispjaċih għat-telf ta' EUR 5 biljun fis-sena li ġej minn provvisti ta' oġġetti b'valur baxx li joriġinaw minn pajjiżi terzi;
22. Jilqa' pożittivament l-adozzjoni tad-Direttiva PIF, li tiċċara l-kwistjonijiet ta' kooperazzjoni transfrutiera u ta' assistenza legali reċiproka bejn l-Istati Membri, l-Eurojust, l-UPPE u l-Kummissjoni fl-indirizzar tal-frodi tal-VAT;
23. Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-kompetenzi tal-OLAF fil-qasam tal-investigazzjonijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud ma għandhom bl-ebda mod jiġu limitati jew soġġetti għall-ebdakundizzjoni amministrattiva ulterjuri; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra l-pożizzjoni tal-Parlament dwar din il-kwistjoni matul in-negozjati dwar ir-regolament "Investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tar-regolament dwar l-investigazzjonijiet tal-OLAF";
24. Jaċċentwa r-rwol importanti tal-OLAF fl-investigazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-VAT; jilqa' pożittivament il-modifika tar-Regolament tal-Kunsill 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud[17], li ġiet approvata fl-2018, u li introduċiet miżuri għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali biex jivverifikaw il-provvisti transfruntiera, jiġu estiżi l-kompetenzi tal-OLAF biex jiffaċilita u jikkoordina l-investigazzjonijiet dwar il-frodi tal-VAT u biex jiġu indirizzati l-iktar skemi ta' frodi tal-VAT ta' ħsara u biex tonqos id-diskrepanza tal-VAT;
25. Jilqa' pożittivament ir-Regolament tal-Kunsill 904/2010 modifikat biex jiġi massimizzat il-potenzjal tas-software tal-Analiżi tan-Netwerks ta' Tranżazzjonijiet (TNA) biex jiġu identifikati networks frawdolenti fl-UE kollha; bil-għan li jittejbu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa bil-għan li jindentifikaw u jinterċettaw aħjar il-frodi karusell tal-VAT; jitlob miżuri li jiżguraw bis-sħiħ il-protezzjoni tad-data tal-operaturi ekonomiċi soġġetti għal investigazzjoni elenkati fis-software TNA l-ġdid;
26. Jilqa' pożittivament l-introduzzjoni ta' miżuri għall-qsim ta' data rilevanti sa mill-2020, dwar "il-proċedura doganali 42" u "l-proċedura doganali 63" bejn l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali, li tippermetti kontroverifika tan-numri tal-VAT, il-valur tal-merkanzija importata, it-tip ta' prodotti bażiċi, eċċ. mill-Istat Membru tal-importazzjoni u mill-Istat Membru tal-klijent;
27. Jisħaq fuq l-importanza li tingħata prijorità lill-iżvilupp tal-Istrateġiji Nazzjonali Kontra l-Frodi (NAFSs) mill-Istati Membri kollha;
28. Jisħaq fuq il-gravità tal-frodi li tikkonċerna l-VAT, b'mod partikolari l-hekk imsejħa "frodi karusell" li tirriżulta fin-nuqqas ta' ħlas tal-VAT lill-awtoritajiet tat-taxxa rilevanti min-negozjant nieqes, anke jekk dan ikun tnaqqas mill-konsumatur;
29. Jinnota li l-pannelli solari kienu l-oġġetti l-iktar affettwati minn frodi u irregolaritajiet f'termini monetarji fl-2018, kif kien il-każ ukoll fl-2017 u fl-2016; jilqa' pożittivament l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni u jenfasizza l-importanza tal-investigazzjonijiet tal-OLAF u tar-rwol ta' koordinament tal-OLAF f'dan il-qasam;
30. Jilqa' pożittivament il-fatt li diversi Stati Membri introduċew għodod ġodda tal-IT, approċċi bbażati fuq ir-riskju u inizjattivi biex jingħelbu l-isfidi fil-qasam tal-ġbir tar-riżorsi proprji tradizzjonali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu jikkooperaw biex jagħmlu użu konġunt ta' dawn l-għodod, approċċi u inizjattivi, biex ikomplu jiskambjaw prattiki tajba u jtejbu l-kooperazzjoni fil-qafas tal-Eurofisc;
31. Jinsab imħasseb li l-frodi tad-dħul minħabba s-sottovalutazzjoni ta' oġġetti importati fl-UE minn pajjiżi terzi għadha theddida għall-interessi finanzjarji tal-UE; jirrikonoxxi l-kummerċ elettroniku transfruntier ta' oġġetti bħala sors konsiderevoli ta' frodi tat-taxxa fl-UE, speċjalment fil-każ ta' oġġetti iżgħar; jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw il-kwistjonijiet marbuta mal-kummerċ elettroniku transfruntier, b'mod partikolari għall-abbuż potenzjali ta' eżenzjonijiet għal kunsinni ta' valur baxx, billi jiġu implimentati bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni f'dan is-sens;
32. Jinnota li, f'Diċembru 2018, il-Kummissjoni ppreżentat pjan ta' azzjoni ġdid biex jiġi miġġieled il-kummerċ illegali tat-tabakk, li hu bbażat prinċipalment fuq miżuri operattivi ta' infurzar tal-liġi;
33. Jinnota li l-irregolaritajiet mhux frawdolenti ġew identifikati l-iktar permezz ta' kontrolli ta' wara l-iżdoganar, iżda jenfasizza l-importanza tal-kontrolli doganali qabel jew fil-ħin tar-rilaxx tal-oġġetti, kif ukoll tal-ammissjonijiet volontarji biex jiġu identifikati l-irregolaritajiet;
34. Ifakkar, għal darb'oħra, li kombinazzjoni ta' metodi ta' sejbien differenti (kontrolli tar-rilaxx, kontrolli ta' wara r-rilaxx, spezzjonijiet minn servizzi ta' kontra l-frodi u oħrajn) hija l-iktar effiċjenti biex jinqabdu l-frodi u li l-effiċjenza ta' kull metodu tiddependi mill-Istat Membru kkonċernat, il-koordinament effiċjenti tal-amministrazzjoni tiegħu u l-abilità tas-servizzi rilevanti tal-Istati Membri li jikkomunikaw ma' xulxin;
35. Iqis inkwetanti l-fatt li ċerti Stati Membri regolarment ma jirrapportaw l-ebda każ ta' frodi; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga s-sitwazzjoni, inkwantu tqis pjuttost baxxa l-probabbiltà li tali Stati Membri ma jkollhom l-ebda attività frawdolenti; jistieden lill-Kummissjoni twettaq kontrolli fuq il-post f'dawn il-pajjiżi;
36. Jinnota li r-rata medja ta' rkupru fil-każijiet irrapportati bħala frawdolenti bejn l-1989 u l-2017 kienet madwar 41 %; jinnota wkoll li r-rata ta' rkupru għal każijiet frawdolenti rrappurtati u identifikati fl-2018 kienet ta' 70 %, li hija ferm ogħla mir-rata medja; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżviluppa strateġija għat-titjib tar-rata ta' rkupru f'dawn il-każijiet;
37. Jinnota li r-rata medja ta' rkupru fil-każijiet irrapportati bħala mhux frawdolenti bejn l-1989 u l-2018 kienet ta' 72 %;
38. Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex kull sena tirrapporta l-ammont tar-riżorsi proprji tal-UE rkuprati skont ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-OLAF, u tikkomunika l-ammonti li għad iridu jiġu rkuprati;
Nefqa
39. Jinnota t-tnaqqis ta' 3 % fin-numru ta' każijiet (679) irrapportati bħala irregolaritajiet frawdolenti fl-2018, li ħallew effett fuq in-nefqa; jenfasizza, madankollu, ir-rata allarmanti, tat-tendenza opposta li hemm fl-ammonti finanzjarji involuti (EUR 1 032 biljun), li rriżultat f'żieda ta' 198 %;
40. Jilqa' pożittivament it-tnaqqis ta' 4 % f'irregolaritajiet mhux frawdolenti rreġistrati, kif ukoll it-tnaqqis ta' 48 % tal-ammonti finanzjarji involuti (EUR 844,9 miljun);
41. Jilqa' pożittivament il-fatt li min-naħa tan-nefqa, xi Stati Membri adottaw diversi miżuri operattivi bħall-introduzzjoni ta' għodod tal-IT għall-għoti ta' punteġġ għar-riskju, valutazzjonijiet tar-riskju ta' frodi u korsijiet ta' taħriġ ta' sensibilizzazzjoni ġenerali dwar il-frodi; jistieden lill-Istati Membri l-oħrajn kollha biex iqawwu l-isforzi tagħhom sabiex jadottaw minnufih tali miżuri;
42. Jinnota n-nuqqas ta' irregolaritajiet irrappurtati bħala frawdolenti f'xi Stati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssostni lill-Istati Membri bil-għan li tiżgura li kemm il-kwalità kif ukoll il-kwantità ta' kontrolli jitjiebu, u li tikkondividi l-aħjar prattika fil-ġlieda kontra l-frodi;
43. Jisħaq fuq l-importanza tal-ġestjoni u tas-sorveljanza mill-qrib tal-għotjiet imqassma skont il-programmi tal-FSIE (il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, jiġifieri l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd, l-AMIF (il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni), il-FEAD (il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn) u l-FEG (il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni), fl-interess ta' bbaġitjar mhux inflazzjonarju effiċjenti tal-Fondi u ta' evitar ta' frodi;
44. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-UPPE u lill-Istati Membri, fir-rigward tal-politika agrikola komuni fejn ġew irreġistrati 249 irregolaritajiet frawdolenti fl-2018 (-6 %) li kienu jinvolvu total ta' EUR 63,3 miljun (+ 10 %) u tal-politika ta' koeżjoni fejn ġew irreġistrati 363 irregolaritajiet frawdolenti fl-2018 (+ 5 %), bl-ammont totali involut ikun ta' EUR 959,6 miljun (+ 199 %); japplikaw l-iktar miżuri b'saħħithom biex jiġġieldu kontra l-frodi li jinvolvu l-flus pubbliċi mħallsa mill-Baġit tal-UE;
45. Jinnota li għall-PAK, għas-snin ta' rappurtar 2014-2018, il-"livell tal-frekwenza tal-frodi" (FFL) li jirrappreżenta l-perċentwal tal-każijiet li jikkwalifikaw bħala frodi suspetti u bħala frodi aċċertati b'rabta man-numru totali ta' irregolaritajiet irrappurtati, huwa ta' 10 %, li "livell tal-ammonti tal-frodi" huwa madwar 23 % tal-ammont finanzjarju totali milqut minn irregolaritajiet; jinnota barra minn hekk li "r-rata tal-identifikazzjoni tal-frodi" (FDR) li tirrappreżenta l-perċentwal tal-ammont finanzjarju totali affettwat minn frodi suspetti u minn frodi aċċertati, fir-rigward tan-nefqa totali, hija biss ta' 0,11 %, filwaqt li l-"rata tal-identifikazzjoni tal-irregolaritajiet" li tirrappreżenta l-perċentwal tal-ammont finanzjarju totali affettwat minn irregolaritajiet fir-rigward tan-nefqa totali, hija ta' 0,37 %;
46. Jinnota, bl-istess mod, li r-"rata tal-identifikazzjoni tal-frodi" għall-politika ta' koeżjoni hija ta' 0,86 % filwaqt li r-"rata tal-identifikazzjoni tal-irregolaritajiet" hija ta' madwar 0,34 %;
47. Itenni l-importanza tat-trasparenza tan-nefqa, u jitlob l-aċċess sħiħ għall-informazzjoni f'każ ta' finanzjament Ewropew;
L-Istrateġija Kontra l-Frodi tal-Kummissjoni
OLAF
48. Jinnota li, fl-2018, l-OLAF fetaħ 219-il investigazzjoni u kkonkluda 167, b'rakkomandazzjonijiet ta' rkupru finanzjarju għall-valur ta' EUR 371 miljun; jinnota, barra minn hekk, li fl-aħħar tas-sena kienu għadhom għaddejjin 414-il investigazzjoni;
49. Jieħu nota tat-twessigħ tar-rwol tas-servizzi ta' koordinament kontra l-frodi (AFCOS) fit-trawwim tal-effikaċja tad-diversi kanali għall-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-awtoritajiet nazzjonali, b'mod partikolari fl-indirizzar tal-frodi doganali, iżda wkoll għal kooperazzjoni mal-OLAF;
50. Jilqa' pożittivament l-adozzjoni tal-Istrateġija Kontra l-Frodi tal-Kummissjoni (CAFS) f'April 2019, li ġiet aġġustata b'żewġ żidiet sinifikanti għal-leġiżlazzjoni tal-UE kontra l-frodi adottata fl-2017, jiġifieri d-Direttiva PIF, li tistabbilixxi standards komuni iktar stretti għal-leġiżlazzjoni kriminali tal-Istati Membri għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, u r-Regolament li jistabbilixxi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE);
51. Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni għadha ma inkludietx fil-programm ta' ħidma annwali tagħha proposta għal strument għall-assistenza amministrattiva reċiproka f'materja tan-nefqa; jemmen li inizjattiva simili taqa' taħt id-dispożizzjoni tal-Artikolu 225 tat-Trattat;
52. Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol kruċjali li jiżvolġi l-OLAF u għall-ħtieġa li jissaħħaħ iktar u li jiġi żgurat il-koordinament effettiv mal-UPPE;
53. Jiddispjaċih li tnax-il Stat Membru biss implimentaw id-Direttiva PIF il-ġdida, tmienja oħra implimentawha parzjalment u l-oħrajn xejn affattu; jinnota li l-iskadenza għall-implimentazzjoni tad-Direttiva PIF il-ġdida diġà skadiet fis-6 ta' Lulju 2019; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika, malajr kemm jista' jkun, lista tal-Istati Membri kollha li naqsu milli jittrasponu d-direttiva sad-data tal-iskadenza; jistieden lill-Istati Membri kollha li fadal jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa u jiżguraw it-traspożizzjoni sħiħa u korretta tad-Direttiva fl-iqsar żmien possibbli; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-proċess ta' traspożizzjoni fl-Istati Membri kollha, kif ukoll tagħmel użu mill-prerogattivi tagħha għall-varar ta' proċeduri ta' ksur, meta l-Istati Membri jonqsu milli jikkonformaw mal-proċess ta' traspożizzjoni;
54. Ifakkar li l-CAFS il-ġdida tkopri: (i) frodi (inkluża frodi ta' VAT), korruzzjoni u approprjazzjoni indebita li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE, kif definit fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva PIF; (ii) reati oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, eż. reati marbuta ma' abbuż ta' proċeduri ta' akkwist fejn dawn jaffettwaw il-baġit tal-UE; (iii) irregolaritajiet kif definiti fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 (sakemm dawn ikunu intenzjonali iżda ma jkunux diġà koperti mir-reati msemmijin hawn fuq); u (iv) ksur serju tal-obbligi professjonali minn persunal jew membri tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament tal-OLAF u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (KE, KEFA, Euratom) Nru 352/1999 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi[18];
55. Jilqa' pożittivament il-prijoritajiet il-ġodda tal-CAFS, bħat-titjib tal-fehim tax-xejriet tal-frodi, il-profili tal-frodaturi u l-vulnerabbiltajiet sistemiċi b'rabta ma' frodi li jaffettwaw il-baġit tal-UE, kif ukoll l-ottimizzazzjoni tal-koordinament, il-kooperazzjoni u l-flussi tax-xogħol għall-ġlieda kontra l-frodi, b'mod partikolari fost is-servizzi u l-aġenziji eżekuttivi tal-Kummissjoni;
56. Jiddeplora l-fatt li ħdax-il Stat Membru biss adottaw strateġija nazzjonali kontra l-frodi (NAFS); jistieden lill-Istati Membri kollha li fadal jipproċedu għall-adozzjoni tan-NAFS tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tixpruna lill-Istati Membri li fadal jipproċedu għall-adozzjoni tan-NAFS; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-adozzjoni ta' strateġiji nazzjonali kontra l-frodi bħala kundizzjoni għall-aċċess għall-fondi tal-UE;
57. Jilqa' pożittivament il-proposta l-ġdida tal-Programm tal-UE Kontra l-Frodi 2021-2027, li se jiġi implimentat mill-OLAF taħt il-ġestjoni diretta tiegħu; jinnota li l-Programm tal-UE Kontra l-Frodi jinkludi (i) il-programm ta' nfiq ta' Hercule III, li jappoġġja attivitajiet kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kontra kull attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, (ii) is-Sistema ta' Informazzjoni għal Kontra l-Frodi (AFIS), li hija attività operattiva li essenzjalment tikkonsisti f'sett ta' applikazzjonijiet informatiċi doganali mħaddma fl-ambitu ta' sistema ta' informazzjoni komuni ġestita mill-Kummissjoni, u (iii) is-Sistema ta' Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (IMS) li hija għodda sigura ta' komunikazzjoni elettronika li tiffaċilita l-obbligu tal-Istati Membri li jirrapportaw irregolaritajiet identifikati, inkluż frodi, u li tappoġġja l-ġestjoni u l-analiżi tagħhom;
58. Jinnota li l-Programm tal-UE Kontra l-Frodi u l-prijoritajiet ġodda tiegħu jeħtieġu finanzjament suffiċjenti bil-għan li jinkisbu r-riżultati; jinsab għalhekk imħasseb dwar il-proposta tal-President tal-Kunsill Ewropew li tnaqqas il-baġit tal-Programm tal-UE Kontra l-Frodi minn EUR 156 miljun għall-perjodu 2014-2020 għal EUR 111-il miljun għall-perjodu 2021-2027;
59. Itenni l-ħtieġa li jiġu inklużi metodi proattivi kontra l-frodi fl-istrateġiji nazzjonali kontra l-frodi, li jiżguraw mhux biss li tiġi identifikata l-frodi, iżda li din tiġi evitata b'mod effettiv;
Il-progress fl-istabbiliment tal-UPPE
60. Jinnota l-ħatra ta' Direttur Amministrattiv ad interim fl-2018;
61. Jissottolinja li l-ħolqien tal-UPPE huwa sinjal ta' żvilupp fundamentali fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni; jaċċentwa l-importanza tal-UPPE fil-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u l-frodi serju transfruntier tal-VAT;
62. Jilqa' pożittivament il-fatt li fl-2018 in-Netherlands u Malta ddeċidew li jaderixxu mal-UPPE; jinnota li sal-aħħar ta' Ottubru 2019, ħames Stati Membri kienu għadhom ma aderewx mal-UPPE; ifakkar, madankollu, li skont il-premessa 9 tar-Regolament 2017/1939 huma jistgħu jingħaqdu f'din il-kooperazzjoni transfruntiera, fi kwalunkwe mument; iħeġġeġ lill-bqija tal-Istati Membri jaderixxu mal-UPPE mill-iktar fis possibbli; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u tinċentiva b'mod attiv l-aderżjoni mal-UPPE fost l-Istati Membri li s'issa qagħdu lura, bil-għan li jiġi żgurat il-funzjonament transfruntier effikaċi u effiċjenti fl-UE;
63. Jisħaq fuq il-fatt li l-proċedura tal-għażla tal-Kap Prosekutur Pubbliku Ewropew ġiet iffinalizzata fl-2019; jilqa' pożittivament il-ħatra tas-Sa Laura Codruța Kövesi bħala l-ewwel Kap Prosekutur Pubbliku Ewropew, wara proċedura ta' għażla li kienet tinvolvi lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lil grupp indipendenti ta' esperti magħżula mill-Kummissjoni;
64. Jisħaq fuq il-fatt li n-nuqqas ta' finanzjament u ta' persunal tal-UPPE matul il-fażi inizjali mhuwiex aċċettabbli; jiddispjaċih ferm li r-riżorsi meħtieġa ġew fil-biċċa l-kbira sottovalutati mill-Kummissjoni; jenfasizza li l-UPPE, sa mill-bidu tal-operat tiegħu, għandu jipproċessa madwar 3000 każ fis-sena; jenfasizza li l-UPPE jeħtieġ mill-inqas 76 post tax-xogħol addizzjonali u EUR 8 miljun jekk għandu jsir kompletament operattiv, kif previst, sa tmiem l-2020; jopponi l-prinċipju ta' prosekuturi part-time; jitlob lill-Istati Membri jaħtru prosekuturi pubbliċi full-time malajr kemm jista' jkun; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni tippreżenta abbozz ta' baġit emendatorju;
65. Jenfasizza li wara l-ħolqien tal-UPPE, l-OLAF se jibqa' l-uniku uffiċċju responsabbli għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE fl-Istati Membri li ddeċidew li ma jaderux mal-UPPE; jaċċentwa li skont l-Opinjoni Nru 8/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament dwar l-OLAF ma ssolvix il-kwistjoni ta' nuqqas ta' effikaċja fl-investigazzjonijiet amministrattivi tal-OLAF; jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat li l-OLAF jibqa' sieħeb b'saħħtu u funzjonali għalkollox għall-UPPE;
66. Jisħaq fuq il-fatt li l-kooperazzjoni futura bejn l-OLAF u l-UPPE għandha tkun ibbażata fuq kooperazzjoni mill-qrib, skambju effiċjenti ta' informazzjoni u komplementarjetà, filwaqt li jiġu evitati d-duplikazzjonijiet jew kompetenzi konfliġġenti; ifakkar li l-Parlament jopponi li l-persunal tal-OLAF jitnaqqas b'45 post tax-xogħol;
67. Jappella lill-koleġiżlaturi jilħqu ftehim dwar ir-reviżjoni tar-Regolament tal-OLAF skont l-iskadenzi previsti, biex jiżguraw li jkun hemm tqassim ċar tal-kompetenzi bejn l-OLAF u l-UPPE mingħajr trikkib qabel ma l-UPPE jsir funzjonali;
Ambiti li jistgħu jitjiebu
68. Jindika żewġ ambiti li jistgħu jitjiebu: l-ewwel nett, biex jitjiebu l-valutazzjoni tar-riskju ta' frodi u l-ġestjoni tar-riskju ta' frodi, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jeħtieġu jsaħħu l-kapaċità analitika bil-għan li jiġu identifikati aħjar id-data dwar xejriet ta' frodi, profili ta' frodaturi u l-vulnerabbiltajiet fis-sistemi ta' kontroll intern tal-UE; it-tieni, biex tiġi żgurata l-konsistenza u jiġu ottimizzati l-effiċjenza u l-effikaċja, il-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji ta' frodi jeħtieġ li jkun hemm koordinament u monitoraġġ qawwi;
69. Jaċċentwa li l-konnessjoni bejn il-korruzzjoni u l-frodi fl-UE jista' jkollha impatt negattiv fuq il-baġit tal-UE; jiddispjaċih li l-Kummissjoni m'għadhiex tqis il-ħtieġa li tippubblika r-rapport kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tikkunsidra li tistabbilixxi network ta' awtoritajiet għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea;
70. Itenni li l-effett tal-"bieb idur" jista' jkun ta' ħsara għar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u r-rappreżentanti tal-interess; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jiżviluppaw approċċ sistematiku għal din l-isfida;
71. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi mekkaniżmu intern ta' evalwazzjoni tal-korruzzjoni għall-istituzzjoni tal-UE;
72. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħha, it-tfassil ta' ustrateġija għall-Ewropa kollha sabiex jiġ evitati b'mod proattiv il-kunflitti ta' interess għall-atturi finanzjarji kollha li jimplimentaw il-baġit tal-UE;
73. Iqis li huma meħtieġa iktar inizjattivi biex jitkejjel id-distakk doganali u biex tiġi żviluppata metodoloġija effettiva għal tali kejl, għall-inqas għall-elementi ewlenin tagħha;
74. Iqis ukoll li l-kontrolli doganali għandhom jiġu adattati għal riskji ta' frodi ġodda u għall-espansjoni rapida fil-kummerċ transfruntier li huwa ffaċilitat mill-kummerċ elettroniku kif ukoll minn negozju mingħajr karti;
75. Josserva li l-espansjoni tal-kummerċ elettroniku spiss huwa sfida serja għall-awtoritajiet tat-taxxa, eż. l-assenza ta' identifikazzjoni taxxabbli ta' bejjiegħ fl-UE, u r-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT ferm inferjuri għall-valur reali tat-tranżazzjonijiet iddikjarati;
76. Jenfasizza li sistema li tippermetti lill-awtoritajiet jiskambjaw informazzjoni tiffaċilita l-kontroverifika tar-rekords kontabilistiċi għal tranżazzjonijiet bejn żewġ Stati Membri jew iktar biex tiġi evitata l-frodi transfruntiera fir-rigward tal-fondi strutturali u ta' investiment, u b'hekk jiġi żgurat approċċ trasversali u komprensiv għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Istati Membri; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar l-assistenza amministrattiva reċiproka f'dawk l-oqsma ta' nfiq tal-fondi tal-UE li s'issa ma jipprevedux din il-prattika;
77. Jinsab imħasseb dwar il-fatt li qed jiġu sottovalutati l-provvisti ta' oġġetti tal-kummerċ elettroniku li ġejjin mill-pajjiżi terzi; jilqa' pożittivament il-passi meħuda mill-OLAF biex tissolva l-problema tal-frodi tal-VAT fil-kummerċ elettroniku;
78. Ifakkar li l-Kummissjoni m'għandhiex aċċess għall-informazzjoni skambjata bejn l-Istati Membri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra Frodi Intra-Komunitarja b'Negozjant Nieqes (MTIC), magħrufa bħala frodi karusell; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għall-Eurofisc, sabiex tikkontrolla, tivvaluta aħjar u ttejjeb l-iskambju ta' data fost l-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri kollha jipparteċipaw fl-oqsma kollha ta' attività tal-Eurofisc biex jiffaċilitaw u jħaffu l-iskambju ta' informazzjoni mal-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi bħalma huma l-Europol u l-OLAF, kif irrakkomandat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kunsill jagħtu lill-Kummissjoni aċċess għal din id-data sabiex titrawwem il-kooperazzjoni, tissaħħaħ l-affidabbiltà tad-data u tiġi miġġielda l-kriminalità transfruntiera;
79. Jistieden lill-OLAF jinforma lill-Parlament dwar l-eżitu tal-investigazzjonijiet tiegħu b'rabta mal-importazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku ta' lbies ta' valur baxx; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmonitorjaw it-tranżazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku li jinvolvu lill-bejjiegħa bbażati barra mill-UE li ma jiddikjarawx VAT (pereżempju bl-użu indebitu l-istatut ta' "kampjun"), jew li jissottostimaw deliberatament il-valur tal-prodott biex jevitaw għalkollox jew ħalli jbaxxu l-ammont ta' VAT dovut;
80. Jaċċentwa l-ħtieġa li jiġu indirizzati ċerti nuqqasijiet tas-sistema attwali tal-UE għall-infurzar kontra l-frodi, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġbir ta' data preċiża dwar irregolaritajiet frawdolenti u mhux frawdolenti;
81. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw u jtejbu, meta possibbli, metodi ta' rappurtar komuni sabiex jipprovdu informazzjoni komprensiva u komparabbli dwar il-livell ta' frodi identifikat fl-infiq tal-UE;
82. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-effikaċja tas-sistema tal-IT magħrufa bħala is-"Sistema ta' Ġestjoni tal-Irregolaritajiet" (IMS) ġestita mill-OLAF, ħalli l-informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet kriminali marbuta mal-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE tiġi rrapportata fil-ħin mill-awtoritajiet kompetenti kollha;
83. Jindika li hija essenzjali trasparenza totali fil-kontabbiltà tan-nefqa, speċjalment fir-rigward ta' xogħlijiet ta' infrastruttura ffinanzjati direttament minn fondi tal-UE jew minn strumenti finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni tagħti liċ-ċittadini tal-UE aċċess sħiħ għall-informazzjoni dwar il-proġetti kofinanzjati;
84. Ifakkar lill-Istati Membri li l-ħidma f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat infiq effettiv u jiġu evalwati r-riżultati;
85. Jinnota li, fil-qasam tal-ġestjoni kondiviża, il-Kummissjoni m'għandhiex is-setgħa li tibda l-esklużjoni ta' operaturi ekonomiċi inaffidabbli milli jirċievu finanzjament mill-UE, meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri ma jagħmlux dan; jistieden lill-Istati Membri jirrapportaw minnufih irregolaritajiet frawdolenti fl-IMS u jagħmlu l-aħjar użu tas-Sistema ta' Identifikazzjoni Bikrija u ta' Esklużjoni;
86. Jinsisti li l-Istati Membri jagħmlu użu effikaċi mill-għodda għall-prevenzjoni tal-frodi offruti mill-bażi tad-data ARACHNE, billi jippreżentaw data f'waqtha u jisfruttaw l-opportunitajiet offruti mill-big data biex jipprevjenu l-użu frawdolenti u irregolari ta' fondi tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà li l-użu ta' ARACHNE jsir obbligatorju;
87. Jaċċentwa r-rwol u r-responsabbiltà tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' kooperazzjoni amministrattiva, l-effikaċja tal-kontrolli, l-infurzar tal-ġbir tad-data u s-sorveljanza fir-rigward tal-konformità tan-negozjanti mal-qafas regolatorju;
88. Jistieden lill-Kummissjoni toffri protezzjoni legali xierqa lill-ġurnalisti investigattivi fuq il-mudell ta' dak li toffri lill-informaturi ta' irregolaritajiet;
Akkwist pubbliku
89. Jinnota li parti konsiderevoli tal-investimenti pubbliċi tintefaq permezz tal-akkwist pubbliku (EUR 2 triljun fis-sena); jisħaq fuq il-fatt li l-benefiċċji tal-akkwist elettroniku fil-ġlieda kontra l-frodi, bħal iffrankar għall-partijiet kollha, żieda fit-trasparenza, u proċessi sempliċi u iqsar;
90. Jiddispjaċih li ftit kuenu l-Istati Membri li qegħdin jużaw it-teknoloġiji l-ġodda għall-fażijiet ewlenin kollha tal-proċess tal-akkwist (notifika elettronika, aċċess elettroniku għad-dokumenti tal-proċedura tal-offerti, preżentazzjoni elettronika, evalwazzjoni elettronika, aġġudikazzjoni elettronika, ordni elettroniku, fatturazzjoni elettronika, pagament elettroniku); jistieden lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli online f'format li jinqara mill-magni l-formoli kollha tal-proċess tal-akkwist pubbliku, kif ukoll ir-reġistri tal-kuntratti aċċessibbli għall-pubbliku;
91. Jilqa' pożittivament il-kalendarju tal-Kummissjoni għall-introduzzjoni tal-akkwist elettroniku fl-UE u jistieden lill-Kummissjoni tagħtih segwitu;
Diġitalizzazzjoni
92. Jistieden lill-Kummissjoni telabora qafas għad-diġitalizzazzjoni tal-proċessi kollha fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE (is-sejħiet għal proposti, l-applikazzjoni, l-evalwazzjoni, l-implimentazzjoni, il-pagamenti) li għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri kollha;
93. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa inċentivi biex toħloq profil elettroniku tal-awtoritajiet kontraenti għall-Istati Membri li fihom dawn il-profili mhumiex disponibbli;
94. Jilqa' pożittivament id-deċiżjoni tal-UE li fl-aħħar tissieħeb bħala osservatur fil-GRECO; jistieden lill-Kummissjoni terġa' tibda n-negozjati mal-GRECO mill-iktar fis possibbli sabiex tivvaluta fi żmien xieraq il-konformità tagħha mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC) u biex toħloq mekkaniżmu ta' valutazzjoni interna għall-istituzzjonijiet tal-UE;
Kooperazzjoni internazzjonali
95. Iqis id-dħul fis-seħħ tal-ftehim bejn l-UE u n-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-assistenza fl-irkupru fil-qasam tal-VAT fl-1 ta' Settembru 2018;
96. Jilqa' pożittivament l-organizzazzjoni tas-seminar annwali (li sar fil-Bosnja-Ħerzegovina f'Ġunju 2018) għal awtoritajiet sħab fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali dwar l-aħjar prattiki f'investigazzjonijiet ta' frodi b'suċċess, kif ukoll il-workshop li sar fl-Ukrajna f'Lulju 2018 bil-parteċipazzjoni tas-servizzi kollha rilevanti ta' kontra l-frodi, fil-qafas tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukrajna;
97. Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni, lill-OLAF u lill-istituzzjonijiet u lill-korpi l-oħra kollha tal-Unjoni fdati bil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni sabiex jinvolvu ruħhom b'mod attiv u jikkollaboraw mal-awtoritajiet sħab fil-pajjiżi kandidati, kandidati potenzjali u fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, filwaqt li jippromwovu miżuri li jindirizzaw b'mod effettiv każijiet possibbli ta' frodi; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa mekkaniżmi speċifiċi u regolari biex tipprevjeni u tiġġieled b'mod effikaċi l-frodi li jagħmlu ħsara lill-fondi tal-UE f'dawn l-Istati;
98. Jilqa' pożittivament l-iffirmar min-naħa tal-OLAF ta' żewġ arranġamenti ta' kooperazzjoni amministrattiva, mal-Bank Afrikan tal-Iżvilupp u mal-Uffiċċju tal-Ispettur Ġenerali tal-Aġenzija tal-Istati Uniti għall-Iżvilupp Internazzjonali (USAID) rispettivament;
99. Jindika l-problemi rigward l-infurzar ta' pajjiżi terzi b'rabta mal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk ("il-Protokoll FCTC");
100. Iħeġġeġ lill-aġenziji tal-UE, b'mod partikolari l-Europol, l-Eurojust u l-OLAF, jikkooperaw dejjem iktar mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali sabiex jidentifikaw il-frodi b'mod iktar effettiv;
101. Jenfasizza r-rwol importanti tal-informaturi ta' irregolaritajiet fil-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u r-rapportar tal-frodi; jisħaq fuq il-fatt li jeħtieġ li l-informaturi jiġu protetti u li l-ġurnaliżmu investigattiv jiġi inkoraġġit b'mezzi legali, kemm fl-Istati Membri kif ukoll fl-Unjoni; jilqa' pożittivament id-Direttiva l-ġdida tal-UE dwar l-Informaturi, li minn Diċembru 2021 se tagħti protezzjoni għall-individwi mis-settur privat jew pubbliku li jirrappurtaw ksur; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib u tassisti lill-Istati Membri, filwaqt li tiżgura t-traspożizzjoni sħiħa, korretta u f'waqtha tad-Direttiva;
102. Huwa tal-fehma li l-ġurnaliżmu investigattiv jiżvolġi rwol fundamentali fil-promozzjoni tal-livell ta' trasparenza meħtieġ fl-UE u fl-Istati Membri, u li għandu jitħeġġeġ u jingħata appoġġ b'mezzi ġuridiċi kemm fl-Istati Membri kif ukoll fl-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa miżuri komprensivi għall-protezzjoni tal-ġurnaliżmu investigattiv, inkluż mekkaniżmu ta' rispons rapidu għall-ġurnalisti li jinsabu f'diffikultà u leġiżlazzjoni effettiva kontra s-SLAPP;
103. Jaċċentwa r-rwol ċentrali li tiżvolġi t-trasparenza fil-prevenzjoni u fl-identifikazzjoni bikrija ta' każijiet ta' frodi u ta' kunflitt ta' interess; jistieden lill-Istati Membri kollha jżidu l-isforzi tagħhom sabiex iżidu t-trasparenza baġitarja, billi jiżguraw li d-data rilevanti dwar il-proċeduri ta' akkwist pubbliku u l-attribuzzjoni ta' kuntratti ffinanzjati minn fondi pubbliċi, tkun disponibbli u faċilment aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali;
Regoli ta' trasparenza u dispożizzjonijiet trasversali
104. Jilqa' pożittivament l-adozzjoni tar-"Regolament Omnibus" se jnaqqas drastikament ir-rati ta' frodi fil-politiki agrikoli u ta' koeżjoni, filwaqt li jissemplifika r-regoli finanzjarji tal-UE;
105. Jappella lill-Istati Membri jtejbu l-iskambju ta' informazzjoni tagħhom dwar kumpaniji u tranżazzjonijiet potenzjalment frawdolenti permezz tan-network Eurofisc; jindika li l-iskambju ta' informazzjoni u l-aċċess għaliha, minn awtoritajiet ġudizzjarji u investigattivi, filwaqt li tiġi rispettata l-protezzjoni tad-data personali, huwa essenzjali fil-ġlieda kontra l-frodi u l-kriminalità organizzata;
106. Jirrikonoxxi l-importanza tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju 2018/1046 u d-definizzjoni mill-ġdid imwessgħa tiegħu tal-kunflitti ta' interess għall-atturi finanzjarji kollha li jimplimentaw il-baġit tal-UE fid-diversi modi ta' ġestjoni, inkluż fil-livell nazzjonali;
107. Jistieden lill-Kummissjoni, bħala l-'Gwardjan tat-Trattati', tiġġieled kull forma ta' kunflitt ta' interessi u tevalwa fuq bażi regolari l-miżuri preventivi meħuda mill-Istati Membri biex jevitawhom; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi linji gwida komuni għall-evitar ta' kunflitti ta' interess li jaffettwaw lill-politiċi ta' profil għoli;
108. Jindika li ħafna Stati Membri m'għandhomx liġijiet speċifiċi kontra l-kriminalità organizzata, filwaqt li l-involviment tagħha f'attivitajiet u setturi transfruntiera li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE, qiegħed dejjem jikber;
109. Iħeġġeġ lill-Kunsill jadotta standards etiċi komuni dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-kunflitti ta' interess u jirsisti għal fehim komuni tal-kwistjoni fl-Istati Membri kollha; jissottolinja li minħabba l-problemi mifruxa ta' kunflitt ta' interess fid-distribuzzjoni tal-fondi agrikoli u ta' koeżjoni tal-Unjoni; mhuwiex aċċettabbli li l-membri tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill tal-UE, jew il-membri tal-familja tagħhom, jieħdu sehem f'deċiżjonijiet dwar il-QFP futur jew dwar l-allokazzjonijiet tal-baġits nazzjonali fil-każ li b'xi mod ikunu jistgħu jiksbu profitt minn dawn id-deċiżjonijiet;
110. Ifakkar fl-importanza tal-perjodi ta' preklużjoni għal uffiċjali li qabel kienu impjegati mill-istituzzjonijiet jew aġenziji tal-Unjoni billi sitwazzjonijiet mhux indirizzati ta' kunflitt ta' interess jistgħu jikkompromettu l-infurzar ta' standards etiċi għoljin fl-amministrazzjoni Ewropea kollha; jissottolinja li l-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Persunal jippermetti lill-istituzzjonijiet u lill-aġenziji tal-Unjoni, jiċħdu t-talba ta' ex uffiċjal li jassumi impjieg speċifiku jekk ir-restrizzjonijiet ma jkunux biżżejjed biex jipproteġu l-interessi leġittimi tal-istituzzjonijiet; jistieden ukoll lill-amministrazzjoni tal-UE tippubblika b'mod strett il-valutazzjoni tagħhom ta' kull każ kif rikjest skont ir-Regolament tal-Persunal;
111. Itenni l-pożizzjoni tiegħu skont liema hemm bżonn bażi ġuridika ċara li tippermetti lill-OLAF jaċċedi għall-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji permezz tal-assistenza tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, u tiġi trattata l-frodi tal-VAT, espressa rigward ir-reviżjoni tar-Regolament Nru 883/2013;
112. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, lill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF), lill-Kumitat ta' Superviżjoni tal-OLAF u lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE).
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
7.5.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
16 7 3 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Matteo Adinolfi, Olivier Chastel, Caterina Chinnici, Lefteris Christoforou, Corina Crețu, Ryszard Czarnecki, Tamás Deutsch, José Manuel Fernandes, Luke Ming Flanagan, Daniel Freund, Isabel García Muñoz, Cristian Ghinea, Monika Hohlmeier, Jean-François Jalkh, Pierre Karleskind, Joachim Kuhs, Tsvetelina Penkova, Markus Pieper, Sabrina Pignedoli, Petri Sarvamaa, Angelika Winzig, Lara Wolters, Tomáš Zdechovský |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Mikuláš Peksa, Ramona Strugariu |
|||
Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Marisa Matias |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
16 |
+ |
EPP |
Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Monika Hohlmeier, Markus Pieper, Petri Sarvamaa, Angelika Winzig, Tomáš Zdechovský |
RENEW |
Olivier Chastel, Cristian Ghinea, Pierre Karleskind, Ramona Strugariu |
ID |
Matteo Adinolfi, Joachim Kuhs |
VERTS/ALE |
Daniel Freund, Mikuláš Peksa |
NI |
Sabrina Pignedoli |
7 |
- |
S&D |
Caterina Chinnici, Corina Crețu, Isabel García Muñoz, Tsvetelina Penkova, Lara Wolters |
GUE/NGL |
Luke Ming Flanagan, Marisa Matias |
3 |
0 |
EPP |
Tamás Deutsch |
ID |
Jean-Francois Jalkh |
ECR |
Ryszard Czarnecki |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] OLAF, "Id-Dsatax-il Rapport tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi, 1 ta' Jannar-31 ta' Diċembru 2018", 2019.
- [2] ĠU C 340, 8.10.2019, p. 1.
- [3] ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1.
- [4] ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29.
- [5] ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1.
- [6] ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
- [7] ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
- [8] ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65.
- [9] ĠU C 252, 18.7.2018, p. 56.
- [10] ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1.
- [11] Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-8 ta' Settembru 2015, Proċeduri kriminali kontra Ivo Taricco et al, 105/14, ECLI:EU:C:2015:555.
- [12] Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta' Diċembru 2017, Proċeduri kriminali kontra M.A.S u M.B., 42/17, ECLI:EU:C:2017:936.
- [13] Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta' Mejju 2018 fil-Kawża T-48/16, Sigma Orionis SA vs il-Kummissjoni Ewropea.
- [14] Testi adottati, P8_TA(2018)0419.
- [15] Testi adottati, P8_TA(2018)0384.
- [16] Ir-Regolament (UE) Nru 250/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 li jistabbilixxi programm għall-promozzjoni ta' attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (il-programm Erkole III), ĠU L 84, 20.3.2014, p. 6.
- [17] ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1.
- [18] ĠU L 136, 31.5.1999, p. 20.