RAKKOMANDAZZJONI GĦAT-TIENI QARI dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward ta' rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet massimi ta' sewqan kuljum u kull ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perijodi ta' mistrieħ kuljum u kull ġimgħa u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 fir-rigward tal-pożizzjonament permezz ta' takografi
10.6.2020 - (05114/1/2020 – C9-0104/2020 – 2017/0122(COD)) - ***II
Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Henna Virkkunen
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward ta' rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet massimi ta' sewqan kuljum u kull ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perijodi ta' mistrieħ kuljum u kull ġimgħa u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 fir-rigward tal-pożizzjonament permezz ta' takografi
(05114/1/2020 – C9-0104/2020 – 2017/0122(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (05114/1/2020 – C9-0104/2020),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta' Jannar 2018[1],
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-1 ta' Frar 2018[2],
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni (COM(2020)0151),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari[3] dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2017)0277),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 67 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomondazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A9-0115/2020),
1. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;
2. Jinnota li l-att qed jiġi adottat f'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
4. Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA
1. Il-leġiżlazzjoni soċjali fit-trasport internazzjonali bit-triq
Is-settur tat-trasport bit-triq huwa parti importanti mill-politika komuni tat-trasport, li jimpjega 'l fuq minn 11-il miljun ruħ u jirrappreżenta kważi nofs l-attivitajiet kollha tat-trasport tal-merkanzija fl-UE. Il-leġiżlazzjoni soċjali fil-qasam tat-trasport bit-triq għandha tliet għanijiet komplementari: (1) it-titjib tas-sikurezza stradali, (2) il-prevenzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, u (3) it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera.
Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 jistabbilixxi r-regoli dwar il-ħinijiet ta' sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta' mistrieħ għax-xufiera li jaħdmu fit-trasport ta' merkanzija u passiġġieri bit-triq. Il-proċess ta' implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament żvela diversi sfidi. Dawn jinkludu prassi ta' infurzar diverġenti applikata bejn Stat Membru u ieħor fl-UE, iċ-ċarezza tat-test tar-Regolament, id-diskrezzjoni wiesgħa tal-Istati Membri u d-diversi eżenzjonijiet permessi mir-Regolament. Dawn l-isfidi jinfluwenzaw l-armonizzazzjoni tat-trasport bit-triq, kif ukoll iċ-ċertezza tad-dritt, u jillimitaw it-twettiq tal-għan tar-regolament.
Sabiex tindirizza dawk l-isfidi, il-Kummissjoni adottat sett ta' proposti leġiżlattivi li jkopru l-aspetti soċjali u tas-suq intern tat-trasport bit-triq fl-UE, bħala parti mill-pakkett "L-Ewropa Attiva" għal mobilità nadifa, kompetittiva u konnessa fil-31 ta' Mejju 2017. L-għan ta' dan il-pakkett kien li jiżgura kompetizzjoni ġusta, jissimplifika r-regoli eżistenti, filwaqt li jippreserva s-suq intern u jiżgura d-drittijiet tal-ħaddiema fis-settur tat-trasport bit-triq.
2. Il-Proposta tal-Kummissjoni
L-għan ġenerali tal-proposta li temenda r-Regolamenti (KE) Nru 561/2006 dwar il-ħinijiet ta' sewqan u l-perjodi ta' mistrieħ u (UE) Nru 165/2014 dwar it-takografi, kien li tiċċara ċerti dispożizzjonijiet u tadatta xi regoli għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu tas-settur u li żżid l-infurzar intelliġenti tar-regoli soċjali fit-trasport bit-triq.
Sabiex jintlaħaq l-għan ġenerali, il-Kummissjoni, inter alia, ipproponiet li:
- tiġi permessa aktar flessibilità fl-organizzazzjoni tal-perjodi ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa tax-xufiera, sabiex ix-xufiera jkunu jistgħu jieħdu żewġ perjodi ta' mistrieħ imnaqqsa konsekuttivi fil-ġimgħa fi żmien perjodu ta' erba' ġimgħat u jibbenefikaw minn mistrieħ ta' kull ġimgħa akkumulat.
- jiġi ċċarat li x-xufiera ma jistgħux jieħdu mistrieħ fil-ġimgħa ta' 45 siegħa jew aktar f'vettura, u li l-impjegatur għandu l-obbligu li jipprovdi lix-xufier b'akkommodazzjoni xierqa u b'faċilitajiet iġjeniċi u tal-irqad xierqa jekk dan tal-aħħar ma jkunx jista' jieħu dawn il-perjodi ta' mistrieħ fil-ġimgħa f'post privat tal-għażla tiegħu. Dan kien maħsub biex itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera u jiżgura li jkollhom kundizzjonijiet tajbin biex jistrieħu.
- l-impriżi tat-trasport jiġu obbligati jorganizzaw ix-xogħol tax-xufiera b'tali mod li jkunu jistgħu jirritornaw lejn djarhom għal perjodu ta' mistrieħ fil-ġimgħa mill-inqas darba fi żmien tliet ġimgħat konsekuttivi. Dan ġie maħsub biex jipprevjeni sitwazzjoni fejn ix-xufiera jaħdmu barra minn pajjiżhom għal perjodi twal, mingħajr il-possibilità li jmorru lura d-dar regolarment.
- jittejbu l-karatteristiċi tat-takografi "intelliġenti" biex tagħmilha possibbli li l-vetturi li jintużaw għal operazzjonijiet ta' trasport transfruntier jiġu lokalizzati b'mod aktar preċiż, u żżid obbligu fuq ix-xufiera li jirreġistraw f'takografu l-pożizzjoni tal-vettura tagħhom wara li jkunu qasmu fruntiera, fl-aktar post viċin xieraq fejn jistgħu jieqfu.
3. Negozjati interistituzzjonali
Wara l-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari fl-4 ta' April 2019, in-negozjati interistituzzjonali (bl-għan li jintlaħaq ftehim bikri fit-tieni qari) seħħew, minn Ottubru sa Diċembru 2019, taħt il-Presidenza Finlandiża tal-Kunsill. Wara erba' sessjonijiet ta' trilogi, xi wħud minnhom b'mod konġunt, it-tim ta' negozjar tal-Parlament laħaq qbil proviżorju mal-Presidenza tal-Kunsill matul l-aħħar trilogu li sar fil-11 u t-12 ta' Diċembru 2019.
It-test tal-ftehim proviżorju tressaq quddiem il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (TRAN) u ġie kkonfermat fil-21 ta' Jannar 2020. Abbażi tal-approvazzjoni tal-Kumitat, il-President tal-Kumitat TRAN, fl-ittra tagħha lill-President tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (COREPER I), qalet li kienet se tirrakkomanda lill-Plenarja tapprova l-pożizzjoni tal-Kunsill mingħajr emendi, dment li din tkun konformi mal-ftehim li ntlaħaq bejn iż-żewġ istituzzjonijiet. Wara verifika ġuridika-lingwistika, il-Kunsill fis-7 ta' April 2020 (permezz ta' proċedura bil-miktub) adotta formalment il-pożizzjoni tiegħu skont il-ftehim proviżorju.
4. Elementi prinċipali tal-ftehim
Il-Ftehim globali li l-Parlament Ewropew laħaq mal-Kunsill u mal-Kummissjoni għandu l-ħsieb li jtejjeb aktar ir-regoli attwali soċjali u tas-suq intern tal-UE għat-trasport bit-triq. B'mod partikolari, inkiseb dan li ġej:
- Dwar l-organizzazzjoni ta' perjodi ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa, il-ftehim jirrispetta l-għan tal-Kummissjoni li tipprovdi aktar flessibilità għat-trasport tal-merkanzija fuq distanzi twal, filwaqt li tiżgura li x-xufiera jmorru lura d-dar b'mod regolari għal perjodu twil ta' mistrieħ. Din il-possibilità hija pprovduta bħala eċċezzjoni mir-regola attwali li tippermetti t-teħid ta' perjodu mnaqqas ta' mistrieħ kull ġimgħatejn. Din il-possibilità hija limitata għal xufiera involuti fit-trasport internazzjonali tal-merkanzija, u soġġetta għal ċerti kundizzjonijiet, jiġifieri li ż-żewġ perjodi mnaqqsa ta' mistrieħ konsekuttivi jridu jittieħdu barra l-Istat Membru ta' stabbiliment, il-perjodi mnaqqsa ta' mistrieħ konsekuttivi jridu jiġu kkumpensati qabel il-perjodu ta' mistrieħ regolari li jkun imiss u x-xufier irid jmur "lura d-dar" kull 3 ġimgħat.
Fir-rigward tar-ritorn regolari tax-xufier, il-ftehim jispeċifika li l-kumpaniji għandhom jorganizzaw ix-xogħol tax-xufiera b'mod li x-xufiera jkunu jistgħu jmorru lura lejn iċ-ċentru operattiv tal-impjegatur fejn ix-xufier ikun normalment ibbażat jew fil-post ta' residenza tax-xufiera f'kull perjodu ta' erba' ġimgħat konsekuttivi. Premessa tiċċara li "ix-xufiera huma liberi li jagħżlu fejn iqattgħu l-perjodu ta' mistrieħ tagħhom". L-intervall jitnaqqas għal tliet ġimgħat f'każ li x-xufier ikun ħa żewġ perjodi mnaqqsa ta' mistrieħ konsekuttivi fil-ġimgħa. Ix-xufiera internazzjonali jistgħu jibbenefikaw minn din id-dispożizzjoni, billi tipprevjeni sitwazzjoni fejn ix-xufiera jaħdmu barra minn pajjiżhom għal perjodi twal, mingħajr il-possibilità li jmorru lura d-dar għand il-familji tagħhom.
- Aktar flessibilità hija permessa mill-possibilità introdotta li jinqabżu l-ħinijiet tas-sewqan ta' kuljum u ta' kull ġimgħa f'ċirkostanzi eċċezzjonali, biex ikun jista' jintlaħaq iċ-ċentru operazzjonali tal-impjegatur jew il-post ta' residenza tax-xufier għat-teħid ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa. F'ċirkostanzi eċċezzjonali bħal dawn, jew ix-xufier ikun jista' jaqbeż il-ħin tas-sewqan sa massimu ta' siegħa, jew sa massimu ta' sagħtejn jekk tkun ittieħdet pawża ta' 30 minuta qabel is-sewqan addizzjonali. Il-flessibilità hija msaħħa wkoll billi x-xufier jitħalla juża vjaġġi bil-ferrovija u traġitt ta' 8 sigħat jew aktar għal mistrieħ regolari fil-ġimgħa, sakemm ix-xufier ikollu aċċess għal kabina tal-irqad.
- Il-Ftehim jikkonferma l-projbizzjoni ta' mistrieħ regolari ta' kull ġimgħa fil-vettura. Dan imur lil hinn fil-ġlieda biex jiggarantixxi kundizzjonijiet xierqa ta' mistrieħ lix-xufiera billi jagħti mandat lill-Kummissjoni biex toħroġ b'dispożizzjonijiet dettaljati dwar żoni ta' parkeġġ sikuri u siguri, jiġifieri l-livell ta' servizz u l-proċedura għaċ-ċertifikazzjoni ta' dawn iż-żoni ta' parkeġġ.
- L-element ġdid huwa l-inklużjoni tal-operaturi ta' vetturi kummerċjali ħfief, li jaqbżu ż-2,5 tunnellati, fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn ir-Regolamenti. Billi dan ir-rekwiżit jinkludi biss vetturi għall-użu professjonali u li joperaw fit-trasport internazzjonali, dan ikun japplika għal operazzjonijiet fejn ikun hemm bżonn ta' kundizzjonijiet ekwi. Se jkompli jżid is-sikurezza fit-toroq għal dan it-tip ta' vetturi li huma involuti fit-trasport internazzjonali għall-kiri u għall-kumpens.
Sabiex jinkiseb infurzar effettiv u effiċjenti tar-regoli soċjali u tas-suq intern il-ġodda, il-ftehim jintroduċi ġenerazzjoni ġdida ta' takografi "intelliġenti" għal lokalizzar aktar preċiż ta' vetturi użati għal operazzjonijiet ta' trasport transfruntier, sabiex jiġi żgurat l-infurzar xieraq tar-regoli l-ġodda. Huwa jitlob ukoll skeda ta' żmien ambizzjuża, iżda realistika, għall-introduzzjoni ta' din it-teknoloġija l-ġdida. L-iskeda hija pprovduta kemm għall-vetturi l-ġodda (sentejn mid-data tal-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi) kif ukoll għall-flotta eżistenti (modifika tliet snin mid-data tal-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-vetturi kollha mgħammra b'takografu minbarra takografu intelliġenti, verżjoni 1; modifika ta' erba' snin mid-data tal-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-vetturi kollha mgħammra b'takografu intelliġenti verżjoni 1).
5. Rakkomandazzjoni
Billi l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari hija konformi mal-ftehim provviżorju milħuq matul in-negozjati interistituzzjonali, ir-rapporteur jirrakkomanda li din tiġi approvata mingħajr emendi.
PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
Titolu |
Emenda tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward tar-rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet tas-sewqan ta’ kuljum u fil-ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u fil-ġimgħa u tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 fir-rigward tal-pożizzjonament permezz ta’ takografi |
|||
Referenzi |
05114/1/2020 – C9-0104/2020 – 2017/0122(COD) |
|||
Data tal-1 qari tal-PE – Numru P |
4.4.2019 T8-0340/2019 |
|||
Proposta tal-Kummissjoni |
COM(2017)0277 - C8-0167/2017 |
|||
Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja ta’ meta l-Parlament irċieva l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari |
17.4.2020 |
|||
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
TRAN 17.4.2020 |
|
|
|
Rapporteurs Data tal-ħatra |
Henna Virkkunen 18.7.2019 |
|
|
|
Rapporteurs preċedenti |
Henna Virkkunen |
|||
Eżami fil-kumitat |
28.4.2020 |
|
|
|
Data tal-adozzjoni |
8.6.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
33 15 1 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Magdalena Adamowicz, Andris Ameriks, José Ramón Bauzá Díaz, Izaskun Bilbao Barandica, Marco Campomenosi, Ciarán Cuffe, Jakop G. Dalunde, Johan Danielsson, Andor Deli, Karima Delli, Anna Deparnay-Grunenberg, Ismail Ertug, Gheorghe Falcă, Giuseppe Ferrandino, Mario Furore, Søren Gade, Isabel García Muñoz, Elsi Katainen, Kateřina Konečná, Elena Kountoura, Julie Lechanteux, Bogusław Liberadzki, Peter Lundgren, Benoît Lutgen, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Marian-Jean Marinescu, Tilly Metz, Giuseppe Milazzo, Cláudia Monteiro de Aguiar, Caroline Nagtegaal, Jan-Christoph Oetjen, Philippe Olivier, Rovana Plumb, Tomasz Piotr Poręba, Dominique Riquet, Dorien Rookmaker, Massimiliano Salini, Sven Schulze, Vera Tax, Barbara Thaler, István Ujhelyi, Petar Vitanov, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Lucia Vuolo, Roberts Zīle, Kosma Złotowski |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Leila Chaibi, Roman Haider, Henna Virkkunen |
|||
Data tat-tressiq |
10.6.2020 |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
33 |
+ |
ECR |
Peter Lundgren |
GUE/NGL |
Leila Chaibi, Kateřina Konečná, Elena Kountoura |
ID |
Marco Campomenosi, Roman Haider, Julie Lechanteux, Philippe Olivier, Lucia Vuolo |
NI |
Mario Furore |
PPE |
Benoît Lutgen, Giuseppe Milazzo, Massimiliano Salini, Sven Schulze, Henna Virkkunen, Elissavet Vozemberg-Vrionidi |
Renew |
José Ramón Bauzá Díaz, Izaskun Bilbao Barandica, Søren Gade, Elsi Katainen, Caroline Nagtegaal, Jan-Christoph Oetjen, Dominique Riquet |
S&D |
Johan Danielsson, Ismail Ertug, Giuseppe Ferrandino, Isabel García Muñoz, Vera Tax |
Verts/ALE |
Ciarán Cuffe, Jakop G. Dalunde, Karima Delli, Anna Deparnay-Grunenberg, Tilly Metz |
15 |
- |
ECR |
Tomasz Piotr Poręba, Roberts Zīle, Kosma Złotowski |
NI |
Dorian Rookmaker |
PPE |
Magdalena Adamowicz, Andor Deli, Gheorghe Falcă, Marian-Jean Marinescu, Barbara Thaler, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska |
S&D |
Andris Ameriks, Bogusław Liberadzki, Rovana Plumb, István Ujhelyi, Petar Vitanov |
1 |
0 |
PPE |
Cláudia Monteiro de Aguiar |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] ĠU C 197, 8.6.2018, p. 45.
- [2] ĠU C 176, 23.5.2018, p. 57.
- [3] Testi adotatti, 4.4.2019, P8_TA(2019)0340.