RAPPORT dwar il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment - rapport annwali 2018
16.6.2020 - (2019/2127(INI))
Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Bas Eickhout
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment - rapport annwali 2018
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Attività 2018 tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI),
– wara li kkunsidra r-Rapport Finanzjarju tal-2018 u r-Rapport Statistiku tal-2018 tal-BEI,
– wara li kkunsidra r-Rapport dwar is-Sostenibbiltà tal-2018, ir-Rapport Annwali tal-2018 dwar il-BEI barra mill-Unjoni Ewropea u r-Rapport tal-2018 dwar l-Operazzjonijiet tal-BEI fl-UE,
– wara li kkunsidra r-rapporti annwali tal-Kumitat tal-Verifika għas-sena 2018,
– wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Politika ta' Trasparenza tal-BEI fl-2018 u r-Rapport dwar il-Governanza Korporattiva tal-2018,
– wara li kkunsidra l-attività fil-qasam tal-investigazzjonijiet dwar frodi tal-2018,
– wara li kkunsidra d-"Deċiżjoni fil-każ 1316/2016/TN dwar l-allegati nuqqasijiet fil-Politika ta' Trasparenza tal-Bank Ewropew tal-Investiment"[1] tal-Ombudsman Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Rieżami tal-Mekkaniżmu tal-Ilmenti (CM) li jirriżulta mid-"Deċiżjoni fil-każ 1316/2016/TN dwar l-allegati nuqqasijiet fil-Politika ta' Trasparenza tal-Bank Ewropew tal-Investiment" tal-Ombudsman Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Attività 2018 tal-Uffiċċju tal-Kap Uffiċjal tal-Konformità tal-BEI u r-Rapport ta' Attività 2018 tal-Grupp tal-BEI ta' Kontra l-Frodi,
– wara li kkunsidra l-Pjan Operattiv tal-Grupp tal-BEI għall-2017-2019,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 3 u 9 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 126, 174, 175, 208, 209, 271, 308 u 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Protokoll Nru 5 tiegħu dwar l-Istatut tal-BEI u l-Protokoll Nru 28 tiegħu dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali,
– wara li kkunsidra r-Regoli ta' Proċedura tal-Bank Ewropew tal-Investiment,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-6 ta' April 2018 dwar ir-rapport annwali dwar il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-BEI għall-2016[2] u tas-17 ta' Jannar 2019 dwar ir-Rapport Annwali 2017 dwar il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-BEI għall-2017[3],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi[4],
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 fir-rigward tal-estensjoni tad-durata tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) kif ukoll l-introduzzjoni ta' titjib tekniku għal dan il-Fond u għaċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti (COM(2016)0597), (SWD(2016)0297) u (SWD(2016)0298),
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 03/2019 tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) ta' Jannar 2019[5],
– wara li kkunsidra r-Rapport mill-Kummissjoni tat-28 ta' Mejju 2019 dwar il-ġestjoni tal-fond ta' garanzija tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi fl-2018 (COM(2019)0244),
– wara li kkunsidra r-rapport ta' evalwazzjoni tal-operazzjonijiet tal-BEI dwar l-evalwazzjoni tal-FEIS ta' Ġunju 2018,
– wara li kkunsidra l-evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-2019 tal-Mandat ta' Self Estern[6],
– wara li kkunsidra r-rapport "Europe in the World - The future of the European financial architecture for development"[7] (L-Ewropa fid-Dinja - Il-futur tal-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp) imħejji mill-Grupp ta' Livell Għoli ta' Persuni Għorrief dwar l-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp,
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Counter Balance "Is the EIB up to the task in tackling fraud and corruption?" (Il-BEI kapaċi jiġġieled il-frodi u l-korruzzjoni?) ta' Ottubru 2019[8],
– wara li kkunsidra l-Ftehim Tripartitiku ta' Settembru 2016, bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Bank Ewropew tal-Investiment,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0118/2020),
A. billi l-BEI huwa marbut bit-trattati li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni, il-koeżjoni ekonomika u soċjali u l-iżvilupp reġjonali tal-UE permezz ta' strumenti ta' investiment iddedikati bħal self, ekwitajiet, garanziji, faċilitajiet tal-kondiviżjoni tar-riskju u servizzi ta' konsulenza;
B. billi, skont l-Artikolu 309 tat-TFUE, l-objettiv prinċipali tal-BEI huwa li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekwilibrat u regolari tas-suq intern fl-interess tal-Unjoni;
C. billi l-BEI, bħala l-akbar mutwanti pubbliku fid-dinja, jopera fis-swieq tal-kapital internazzjonali, filwaqt li joffri termini kompetittivi lill-klijenti u kundizzjonijiet favorevoli biex jiġu appoġġati l-politiki u l-proġetti tal-UE;
D. billi fl-2018 il-BEI għalaq 60 sena u quddiemu għandu bosta sfidi ġodda fil-ġejjieni, kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha;
E. billi l-UE, f'dawn l-aħħar għaxar snin, għaddiet minn kriżi ta' insuffiċjenza enormi ta' investimenti filwaqt li affrontat domanda urġenti għall-investimenti biex tlaħħaq mat-trasformazzjoni tal-ekonomija f'termini ekoloġiċi u diġitali kif rikjest; billi r-rati ta' investiment (jiġifieri l-investiment bħala proporzjon tal-PDG) għadhom anqas mil-livelli li fihom kienu fil-perjodu qabel il-kriżi;
F. billi f'Novembru 2019 il-BEI adotta impenji ġodda relatati mal-klima kif ukoll Politika ta' self ġdida fil-qasam tal-enerġija;
G. billi l-BEI jiżvolġi rwol fundamentali fis-swieq finanzjarji internazzjonali, partikolarment bis-saħħa tar-rwol ta' tmexxija tiegħu fil-ħruġ ta' bonds ħodor;
H. billi l-BEI mistenni jiżvolġi rwol fundamentali fil-finanzjament tal-Patt Ekoloġiku Ewropew bis-saħħa tal-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli;
I. billi l-għanijiet tal-politika pubblika, pereżempju l-koeżjoni soċjali, l-iżvilupp sostenibbli u l-ambjent, għandhom ikunu l-enfasi u l-objettivi ewlenin tal-Bank;
J. billi fl-istrateġiji ta' investiment tiegħu l-BEI għandu jintegra l-valuri Ewropej, l-ewwel fosthom hemm id-drittijiet tal-bniedem;
K. billi l-BEI qiegħed jikkunsidra pjanijiet biex isir il-"Bank għall-Iżvilupp tal-UE" u l-Kunsill diġà talab lill-BEI u lill-BERŻ jippreżentaw dawn il-pjanijiet għal diskussjonijiet futuri;
L. billi l-finanzjament ta' operazzjonijiet mill-BEI barra mill-UE jappoġġa primarjament l-objettivi ta' politika esterna tal-UE, filwaqt li jespandi l-viżibbiltà u l-valuri tal-Unjoni u jikkontribwixxi għaż-żamma tal-istabbiltà ta' pajjiżi terzi;
M. billi fid-diliġenza dovuta u fil-kundizzjonijiet kuntrattwali tal-BEI għandhom jiġu inklużi b'mod debitu s-salvagwardji kontra l-frodi, fosthom il-frodi tat-taxxa u l-ħasil tal-flus, u kontra l-finanzjament tar-riskji ta' terroriżmu u l-korruzzjoni;
N. billi attenzjoni kontinwa għandha tiġi ffukata fuq l-iżvilupp tal-aħjar prattiki relatati mal-politika tal-prestazzjoni u l-ġestjoni tal-BEI, kif ukoll il-governanza tajba u t-trasparenza;
Ir-riżultati ewlenin li kisbu l-attivitajiet ta' finanzjament tal-BEI fl-2018
1. Josserva li l-Grupp tal-BEI fl-2018 forna aktar minn EUR 64,19 biljun f'finanzjament u li ġew iffirmati 854 proġett;
2. Josserva li l-volumi ewlenin ta' investiment tal-BEI huma kif ġejjin:
EUR 13,5-il biljun ta' self għal proġetti ta' innovazzjoni fl-2018;
32 fil-mija tal-finanzjamenti tal-BEI kien iddedikat lir-reġjuni ta' koeżjoni u konverżjoni li qabeż l-objettiv ippjanat tat-30 fil-mija;
l-iskemi ta' finanzjament lill-SMEs u lill-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja jirrappreżentaw il-qasam prijoritarju prinċipali b'aktar minn EUR 23,3 biljun;
EUR 15,2-il biljun ġew investiti fl-ambjent;
EUR 12,3-il biljun fl-infrastrutturi;
is-self relatat mat-tibdil fil-klima rrappreżenta kważi 30 fil-mija tal-portafoll tal-BEI fl-2018, jiġifieri 28 fil-mija tal-firem totali, perċentwal li qabeż l-objettiv ta' 25 fil-mija bħala sostenn lill-Ftehim ta' Pariġi dwar il-klima;
aktar minn EUR 8 biljun ġew investiti barra mill-Ewropa, li jirrappreżenta 12,5 fil-mija tal-finanzjamenti totali tal-BEI;
3. Josserva ż-żewġ għanijiet politiċi ġenerali tal-BEI relatati mal-koeżjoni soċjali u ekonomika tal-UE u mal-azzjoni dwar il-klima kif ukoll l-erba' għanijiet prinċipali tal-politika pubblika tal-innovazzjoni, il-finanzjament tal-SMEs u tal-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja, l-infrastrutturi u l-ambjent; jisħaq fuq il-fatt li dawn l-għanijiet prinċipali tal-politika pubblika għandhom ikunu allinjati b'mod sħiħ mal-aġġornament reċenti tal-prijoritajiet politiċi tal-UE biex jirriflettu t-tendenzi ekonomiċi l-ġodda u t-tranżizzjoni lejn mudell ekonomiku sostenibbli li jirrispetta l-konfini planetarji, l-ekwità soċjali u l-idea ta' prosperità kondiviża;
4. Jieħu nota tal-mod ta' kif inhuma mqassmin fl-2018 f'termini ġeografiċi l-kuntratti ta' finanzjament iffirmati; jistieden lill-BEI jirrapporta anki dwar il-kuntratti ffirmati fil-qasam tal-finanzi skont il-pajjiż fuq bażi per capita u fir-rigward tas-sehem tal-pajjiż fil-BEI; jitlob li jkun hemm distribuzzjoni ġeografika bbilanċjata tal-investimenti biex jitqies il-livell tal-aspetti ta' żvilupp u ta' koeżjoni tal-pajjiżi u tar-reġjuni; jieħu nota tal-mod ta' kif inhuma mqassmin fl-2018 f'termini ġeografiċi l-kuntratti ta' finanzjament iffirmati, bħala perċentwal tal-PDG, mal-ħames Stati Membri benefiċjarji prinċipali, jiġifieri l-Greċja 1,01 % (EUR 1,87 biljun), Ċipru 1,01 % (EUR 0,21 biljun), il-Portugall 0,98 % (EUR 1,98 biljun), il-Kroazja 0,98 % (EUR 0,51 biljun) u l-Polonja 0,97 % (EUR 4,79 biljun); josserva li l-ħames l-akbar Stati Membri benefiċjarji, f'ċifri assoluti, irċevew 52,9 % tal-investimenti finanzjarji ffirmati;
5. Jieħu nota li l-Kunsill qabel li jsostni l-bażi ta' kapital tal-Bank billi jissostitwixxi l-kontribuzzjoni tar-Renju Unit lill-kapital imħallas tal-BEI bir-riżervi u bil-kapital eżerċitabbli tal-Bank b'żidiet proporzjonali ta' obbligazzjonijiet kontinġenti; jieħu nota li l-Kunsill qabel ma' żieda asimmetrika tal-kapital li twassal għal żidiet tal-ishma mill-kapital tal-Polonja u tar-Rumanija; jistieden lill-azzjonisti tal-BEI jżidu aktar il-kapitalizzazzjoni tal-BEI biex ikun hemm żieda fl-investimenti u aktar teħid ta' riskju għall-finanzjament tal-proġetti neċessarji biex jagħtu sostenn lit-trasformazzjoni sostenibbli u diġitali tal-ekonomija u jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali u territorjali, għall-ħolqien tal-impjiegi, għall-innovazzjoni u għall-kompetittività fl-UE filwaqt li tinżamm il-klassifikazzjoni ta' tripla A tal-BEI;
6. Josserva r-rata ta' self indebolit ta' 0,3 % fi tmiem l-2018 (0,3 % fi tmiem l-2017) tat-total tal-portafoll ta' self minkejja l-azzjoni reċenti tal-Bank favur operazzjonijiet ta' self li jippreżentaw riskju ogħla;
Il-prijoritajiet prinċipali tal-politika tal-investimenti tal-BEI u s-sostenibbiltà tal-mudell ta' negozju tiegħu
7. Josserva li l-missjoni tal-BEI hija li jinvesti fi proġetti fattibbli li jikkontribwixxu biex jinkisbu l-objettivi politiċi tal-UE skont l-Artikolu 309 tat-TFUE, fosthom il-proġetti għar-reġjuni inqas żviluppati li qed jiżviluppaw; jisħaq fuq il-fatt li d-definizzjoni tal-prijoritajiet fl-ambitu tal-attivitajiet ta' għoti b'self tal-BEI għandha tissejjes fuq proġetti sostenibbli b'riżultati tanġibbli ċari, valur miżjud u impatti pożittivi usa';
8. Jistieden lill-BEI jqis, fil-każ ta' proġetti infrastrutturali fuq skala kbira, ir-riskji kollha ta' impatt fuq l-ambjent u jiffinanzja biss dawk il-proġetti li wrew valur miżjud reali għall-popolazzjoni lokali u f'termini ambjentali, soċjali u ekonomiċi; jisħaq fuq l-importanza ta' monitoraġġ rigoruż tar-riskji possibbli ta' korruzzjoni u ta' frodi f'dan il-kuntest u li jsiru evalwazzjonijiet ex ante u ex post bir-reqqa fir-rigward tal-proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati;
9. Jenfasizza li teżisti spinta politika biex ikun hemm bidla ta' sehem dejjem akbar tal-fondi tal-BEI f'miżuri għall-klima u għas-sostenibbiltà ambjentali, jew l-hekk imsejjaħ "Bank Klimatiku tal-Ewropa"; jistieden lis-soċjetà ċivili, lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-partijiet ikkonċernati tal-Bank jaħtfu din l-opportunità u jitlob l-allinjament tal-operazzjonijiet tal-BEI mal-Ftehim ta' Pariġi fl-2020; jenfasizza li abbażi tal-iżviluppi l-ġodda, il-BEI għandu jkompli jsostni l-iżvilupp reġjonali u l-objettivi ta' koeżjoni ekonomika u soċjali tal-UE, kif previst mill-Protokoll 28 tal-TFUE;
10. Jistieden lill-BEI jikkonċentra fuq proġetti deċentralizzati iżgħar li spiss huma ta' proprjetà tal-komunità u jkompli jiżviluppa s-sostenn favur l-inizjattivi mmexxija miċ-ċittadini permezz tat-tisħiħ tal-assistenza teknika u tal-għarfien espert fil-kamp finanzjarju qabel l-approvazzjoni ta' proġett, bil-għan li jitjiebu l-aċċessibbiltà tal-finanzjamenti tal-BEI u tal-kwalità u s-sostenibbiltà tal-operazzjonijiet tiegħu; jitlob, f'dan ir-rigward, finanzjamenti adegwati għas-servizzi ta' konsulenza fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss;
11. Jistieden lill-BEI jqis lill-partijiet ikkonċernati lokali, fosthom is-soċjetà ċivili, fir-rigward tal-impatt tal-investimenti fuq l-ambjent lokali;
12. Jilqa' pożittivament ir-reviżjoni, sal-aħħar tas-sena, tal-qafas ambjentali u soċjali tal-BEI; jistieden lill-BEI jiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' "la tagħmilx ħsara" fl-operazzjonijiet kollha tiegħu; jistieden lill-BEI jimpenja ruħu li jtemm il-finanzjament tal-proġetti kollha li mhumiex konformi mal-Ftehim ta' Pariġi u mal-għanijiet klimatiċi tal-UE;
13. Isostni għalhekk id-divulgazzjoni ta' informazzjoni ċara dwar il-mod kif l-istrateġija tal-BEI tiġi implimentata u dwar is-sostenibbiltà jew l-impatt f'termini ta' klima tal-prodotti u tal-portafolli tiegħu;
14. Jilqa' pożittivament ir-rapporti tal-BEI dwar l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali f'terminu medju u twil meta jiddefinixxi l-loġika wara l-investimenti tiegħu; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li dawn ir-rapporti jkopru kemm il-fażi tal-ippjanar (ex ante) kif ukoll tal-implimentazzjoni tal-proġett; huwa tal-opinjoni li għandhom jinkludu anki dawk dwar ir-riżultati li nkisbu abbażi tal-investimenti tiegħu, speċjalment fl-UE;
15. Iqis li hemm bżonn li jsiru sforzi għall-iżvilupp ta' ekonomija klimatikament newtrali fil-livell nazzjonali u li l-BEI jmissu jieħu rwol ta' tmexxija f'dan l-ambitu; jistieden lill-BEI jsostni lill-banek nazzjonali għall-investimenti u lill-banek tal-esportazzjonijiet-importazzjonijiet biex jadottaw prinċipji u miżuri ambjentali simili għal dawk tal-BEI u jimpenjaw ruħhom li jiffinanzjaw biss proġetti li jkunu allinjati mal-Ftehim ta' Pariġi u mal-għanijiet klimatiċi tal-UE;
Ir-rwol tal-BEI fil-finanzjament tal-Patt Ekoloġiku Ewropew
16. Iqis li l-BEI jiżvolġi rwol importanti biex ikunu indirizzati l-isfidi klimatiċi bħat-tisħin globali u d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE; josserva li l-BEI għandu jsegwi l-objettivi ffissati mill-Patt Ekoloġiku;
17. Josserva li, fl-2018, it-total tal-investiment fil-qasam tal-klima kien jammonta għal EUR 16,2-il biljun u l-volumi prinċipali tal-investimenti kienu l-enerġija b'emissjoni baxxa tal-karbonju (EUR 6 biljun), l-enerġija rinnovabbli (EUR 4,1 biljun) u l-effiċjenza enerġetika (EUR 2,7 biljun); josserva li, fl-2018, 29 % mis-self mogħti mill-BEI kien relatat mal-klima;
18. Jilqa' pożittivament il-ħruġ, fl-2018, ta' bonds għal kuxjenza dwar il-klima tal-valur ta' EUR 4 biljun kif ukoll ta' bonds għal kuxjenza dwar is-sostenibbiltà tal-valur ta' EUR 500 miljun; jisħaq fuq il-bżonn ta' standard tal-UE għal bonds ħodor biex jiġu garantiti t-trasparenza u t-traċċar tar-rikavati;
19. Ifakkar fl-impenji li ħa l-President tal-BEI matul is-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Klima f'Settembru 2019, b'mod partikolari:
- l-allinjament tal-attivitajiet kollha ta' finanzjament tal-BEI mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi sa tmiem l-2020;
- il-forniment ta' almenu 50 % tal-finanzi tal-BEI għall-klima u għas-sostenibbiltà ambjentali sal-2025;
- l-iżblukkar ta' EUR 1 triljun f'investimenti relatati mal-klima u mal-ambjent sal-2030;
20. Jenfasizza li l-ambizzjoni tal-BEI li jkun pilastru finanzjarju ewlieni fil-Patt Ekoloġiku tfisser li l-Bank jeħtieġ li jintensifika l-isforzi tiegħu biex isir "Bank Klimatiku"; jistieden lill-BEI jfassal pjan direzzjonali b'objettivi speċifiċi, realistiċi u li jistgħu jitkejlu u jintlaħqu kif ukoll b'kalendarju fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi; jitlob li dawn l-objettivi jqisu r-riskju potenzjali li jiżdiedu d-differenzi fost ir-reġjuni u l-Istati Membri tal-UE; jissottolinja l-attivitajiet tal-BEI favur il-koeżjoni ekonomika u soċjali; jissottolinja l-bżonn li l-attivitajiet tal-BEI jallinjaw is-sostenn lill-koeżjoni ekonomika u soċjali mal-objettivi klimatiċi;
21. Jitlob li l-impenji ambizzjużi jitnaqqxu f'politiki konkreti; jeħtieġ li l-BEI jagħmel l-impenji tiegħu parti essenzjali tal-Pjan Korporattiv tal-Operat tiegħu u tal-Istrateġija Klimatika tiegħu, kif ukoll tal-istrateġiji għas-self settorjali u tal-politiki ta' salvagwardja tiegħu;
22. Jisħaq fuq il-fatt li huwa ferm importanti li l-investimenti u l-portafolli settorjali kollha tal-BEI jkunu allinjati mal-Ftehim ta' Pariġi;
23. Josserva l-fatt li fl-2018 il-BEI approva l-finanzjament ta' proġetti infrastrutturali kbar tal-gass inklużi gassdotti lejn l-UE mit-Turkmenistan u l-Ażerbajġan (Trans-Anatolian Natural Gas Pipeline - Gasdott Trans-Anatoliku) u mill-Greċja lejn l-Italja, li jgħaddi mill-Albanija u mill-Baħar Adrijatiku (Trans-Adriatic Pipeline - Gasdott Trans-Adrijatiku); josserva li dawn l-investimenti kienu inklużi fir-raba' lista ta' Proġetti ta' Interess Komuni kofinanzjati mill-baġit tal-UE; jistieden lill-BEI jispjega l-mod kif dawn il-proġetti se jkunu allinjati mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi sa tmiem l-2020;
24. Iqis il-Politika ta' self il-ġdida fil-qasam tal-enerġija tal-BEI bħala titjib importanti, b'mod partikolari d-deċiżjoni biex sal-2021 jieqaf is-self mogħti lill-proġetti relatati mal-enerġija mill-fjuwils fossili kif ukoll l-eżempju li jagħti lill-banek l-oħra; jisħaq fuq il-bżonn li jiġi żgurat li l-użu tas-sorsi tal-enerġija bħall-gass naturali u l-finanzjament sussegwenti tagħhom għandhom ikunu allinjati mal-ksib tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050; josserva li fil-bidu tal-2022 se jsir rieżami tal-Politika ta' self fil-qasam tal-enerġija u jitlob li tali rieżami jallinja lill-politika mat-Tassonomija Ewropea tal-Finanzi Sostenibbli;
25. Jilqa' b'sodisfazzjon l-attenzjoni futura tal-BEI fuq it-Tranżizzjoni Ġusta u jistenna li l-BEI jagħti kontribut lill-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta, speċjalment fil-qafas tal-Faċilità ta' Self għas-Settur Pubbliku futura tiegħu u tal-operazzjonijiet tiegħu fl-ambitu ta' InvestEU;
26. Josserva l-fatt li l-perċentwal ta' finanzjament mogħti lit-toroq, lill-awtostradi u lit-trasport bl-ajru fl-2018 kien ogħla mill-medja tal-perjodu 2014-2018, filwaqt li l-finanzjament mogħti lill-ferroviji fl-2018 kien aktar baxx mill-medja tal-perjodu 2014-2018; josserva li t-total tal-finanzjament mogħti lit-trasport bl-ajru fl-2018 jammonta għal EUR 725 miljun; jistenna b'interess ir-rieżami min-naħa tal-BEI tal-Politika ta' self fil-qasam tat-trasport tiegħu; jitlob li jkun hemm politika ġdida ta' finanzjament tat-trasport biex is-settur tat-trasport tal-Unjoni jiġi dekarbonizzat sal-2050;
27. Jistieden lill-Kummissjoni tissupplimenta l-qafas għall-investimenti sostenibbli bi kriterji għall-attivitajiet ekonomiċi b'riperkussjonijiet ambjentali konsiderevolment negattivi, li l-BEI jista' japplika; jirrikonoxxi l-isforzi tal-BEI biex jikkontribwixxi għall-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli;
28. Jitlob l-implimentazzjoni ta' politiki ġodda fis-setturi industrijali b'intensità għolja tal-karbonju li fihom il-BEI huwa attiv, bħas-siment, il-petrokimika u l-azzar, bil-għan li jikkonċentra fuq is-sostenibbiltà ta' dawn is-setturi u jwieżen b'attenzjoni l-konsegwenzi ta' kwalunkwe xoljiment tal-kuntratti eżistenti, bl-enfasi mpoġġija fuq il-promozzjoni ta' ekonomija ċirkolari;
29. Josserva li l-problema tal-klima ma tistax tissolva mingħajr is-sostenn tal-industrija u li jista' biss ikun hemm bidla fuq skala kbira jekk l-industrija tiġi kkunsidrata u jingħataw l-inċentivi neċessarji għal soluzzjonijiet klimatiċi innovattivi;
30. Jilqa' pożittivament il-metodoloġija l-ġdida tal-BEI għall-evalwazzjoni tal-marka tal-karbonju u jappella għall-implimentazzjoni sistematika tagħha, b'attenzjoni partikolari fuq l-emissjonijiet indiretti (l-hekk imsejħa "tip 3"); jitlob li l-proġetti jiġu evalwati b'mod komprensiv u mhux b'analiżi sempliċi taċ-ċiklu tal-ħajja ekonomika tal-emissjonijiet tagħhom;
31. Jistieden lill-BEI jesplora opzjonijiet possibbli biex jiġu stabbiliti rekwiżiti aktar rigorużi għall-komunikazzjoni, min-naħa tal-klijenti intermedjarji, tal-espożizzjoni tagħhom għall-fjuwils fossili, jenfasizza li dawn ir-rekwiżiti l-ġodda ma għandhomx ikunu askapitu tal-aċċess tal-SMEs għall-finanzjamenti;
32. Jilqa' favorevolment l-adozzjoni min-naħa tal-BEI tal-politika ta' esklużjoni u jitlob użu rigoruż ta' dan l-istrument biex mill-finanzjamenti tal-BEI jiġu esklużi dawk il-klijenti involuti fi prattiki ta' korruzzjoni u ta' frodi;
33. Huwa tal-fehma li, f'konformità mal-aħjar prattiki fis-settur bankarju kummerċjali[9], il-finanzjament tal-BEI għandu jkun suġġett għal objettivi u impenji xjentifiċi ambizzjużi, bil-ħsieb li gradwalment jitneħħa l-appoġġ tiegħu lill-klijenti li l-attivitajiet tagħhom iwasslu għal emissjonijiet sinifikanti ta' gassijiet b'effett ta' serra;
34. Jilqa' pożittivament il-linji gwida dwar l-enerġija idroelettrika adottati fl-2018[10] u jappella għall-estensjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza għall-proġetti infrastrutturali kollha;
35. Ifakkar lill-BEI li l-ħarsien tal-bijodiversità huwa element ewlieni tal-adattament għat-tibdil fil-klima u li t-treġġigħ lura tal-ekosistemi għal li kienu huwa l-unika teknoloġija ppruvata fejn jidħlu emissjonijiet negattivi; jinnota li l-proġetti kollha tal-BEI jgħaddu minn valutazzjoni tar-riskju għall-bijodiversità u jridu jirrispettaw l-istandards tal-Bank fil-qasam tal-bijodiversità u jitlob li jżid il-finanzjamenti tiegħu biex jinkisbu l-objettivi tal-UE f'dan il-qasam, b'mod partikolari l-objettiv tad-deforestazzjoni żero netta u l-objettivi tal-protezzjoni tal-baħar u tax-xtut;
36. Josserva li l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) huwa integrat bis-sħiħ fil-miżuri kollha tal-BEI dwar il-klima;
Operazzjonijiet tal-BEI barra mill-UE
37. Itenni li l-qerda tal-faqar, il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi nazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem huma suġġetti ċentrali fl-arkitettura finanzjarja tal-UE għall-iżvilupp, b'viżibbiltà akbar tal-azzjonijiet iffinanzjati; jemmen li l-implimentazzjoni tal-SDGs għandha tkun fil-qalba tal-attenzjoni tal-UE fis-snin li ġejjin;
38. Jinnota b'apprezzament il-kapaċità ta' adattament rapida tal-BEI għall-isfidi internazzjonali; jistieden lill-BEI jkompli jappoġġa l-politiki esterni tal-UE u r-risposta għall-emerġenza, bħall-Inizjattiva ta' Reżiljenza Ekonomika bħala parti mir-reazzjoni Ewropea għall-isfida globali maħluqa mill-migrazzjoni u mir-rifuġjati;
39. Iħeġġeġ lill-BEI, lill-BERŻ, lill-banek multilaterali ta' żvilupp u lill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali jkomplu jaħdmu għall-aħjar kooperazzjoni operattiva possibbli għall-implimentazzjoni tal-proġetti, peress li kooperazzjoni aktar stretta bejn il-banek bħal din hija indispensabbli għall-ottimizzazzjoni tal-ispejjeż u għat-titjib tas-sinerġiji b'użu aktar effiċjenti tar-riżorsi;
40. Jinnota li r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Mandat ta' Self Estern fl-2018 iwassal għal żieda fil-garanzija tiegħu ta' EUR 5,3 biljun;
41.Ifakkar fil-ħtieġa ta' allinjament tal-operazzjonijiet tal-BEI mal-objettivi tal-politika esterna tal-UE;
42. Jinnota li l-prinċipji fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem huma totalment integrati fl-istandards u fil-proċeduri prinċipali ta' diliġenza dovuta tal-Bank, inklużi l-valutazzjonijiet ex ante; ifakkar li l-BEI huwa direttament marbut bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u li l-klawsoli kuntrattwali stipulati mal-klijenti jippermettu s-sospensjoni tal-kuntratti f'każ ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' pożittivament ir-reviżjoni tad-Dikjarazzjoni dwar il-Prinċipji u l-Istandards Ambjentali u Soċjali tal-2009;
43. Jistieden lill-BEI jqis il-kuntest lokali meta jinvesti f'pajjiżi terzi; ifakkar li l-investimenti f'pajjiżi terzi għandhom ukoll jimmiraw li jiġġeneraw tkabbir ekonomiku sostenibbli fit-tul immexxi mis-settur privat, isostnu l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u jnaqqsu l-faqar permezz tal-ħolqien tal-impjiegi u aċċess aħjar għar-riżorsi produttivi;
44. Josserva li l-BEI jimpjega persunal speċjalizzat fid-drittijiet tal-bniedem iżda estensjoni tal-persunal lokali tal-BEI fil-pajjiżi terzi tkun tippermetti fehim aħjar tal-kuntest lokali; jistieden lill-BEI jiżgura li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fil-proċess deċiżjonali kollu tiegħu;
45. Josserva li fil-livell tal-proġett, il-Kummissjoni u s-SEAE għandhom ukoll rwol x'jiżvolġu, peress li jiġu kkonsultati dwar il-proġetti tal-BEI sottoposti għal valutazzjoni qabel ma dawn il-proġetti jiġu proposti lid-Diretturi tal-BEI għall-finijiet tal-adozzjoni;
46. Jitlob lill-BEI jindirizza r-riżultati tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-mandat ta' self estern tiegħu li fiha jindika li huwa diffiċli għas-servizzi tal-Kummissjoni li jiksbu tagħrif dwar il-prestazzjoni tal-BEI ħlief permezz ta' partijiet interessati esterni, peress li r-rappurtar dwar ir-riżultati effettivi jsir biss wara t-tlestija tal-proġett u ma hemm l-ebda obbligu li l-BEI juri problemi ta' implimentazzjoni; iqis bħala problematika ħafna l-konklużjoni tal-Kummissjoni skont liema r-riżultati u l-impatti reali tal-intervent tal-UE għadhom fil-biċċa l-kbira tagħhom mhux magħrufa;
47. Itenni l-interess tiegħu li jkun involut u jikkontribwixxi fid-diskussjonijiet bejn il-Kunsill u l-BEI dwar il-possibbiltà li tiġi stabbilita s-sussidjarja bankarja l-ġdida tal-Bank għall-Iżvilupp tal-UE; jistieden lill-BEI jagħti prijorità lill-qerda tal-faqar, lill-mobilizzazzjoni tar-riżorsi nazzjonali u lid-drittijiet tal-bniedem fil-pjanijiet tiegħu biex tinħoloq sussidjarja għall-operazzjonijiet ta' żvilupp tiegħu;
Funzjonament u effikaċja tal-FEIS
48. Jinnota l-objettiv kwantitattiv ewlieni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), jiġifieri l-mobilizzazzjoni ta' EUR 500 biljun f'investimenti privati u pubbliċi addizzjonali; jinnota li l-objettivi li jistgħu jitkejlu dwar is-sostenibbiltà u l-impatt soċjali għandhom jiddaħħlu fl-istrateġiji ta' investiment futuri;
49 Jinnota li għall-implimentazzjoni tal-FEIS, il-BEI rrekluta 358 ruħ u, għaċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti, irrekluta 75;
50. Ifakkar li l-FEIS għandu struttura ta' governanza distinta meta mqabbel mal-BEI u li l-operazzjonijiet ta' investiment tiegħu jsiru fil-qafas ta' żewġ oqsma tematiċi, jiġifieri t-Tieqa ta' Infrastruttura u Innovazzjoni ġestita mill-BEI u Tieqa għall-SMEs ġestita mill-FEI;
51. Itenni li l-loġika sottostanti tal-FEIS, li, bil-maqlub tal-istrumenti ta' finanzjament attwali l-oħra tal-BEI, huwa sostnut mill-baġit tal-UE, tikkonsisti f'li tingħata addizzjonalità permezz tal-identifikazzjoni ta' setturi addizzjonali u innovattivi orjentati lejn il-futur u proġetti bi profil ta' riskju ogħla;
52. Jaċċentwa l-importanza tal-kriterji ta' addizzjonalità, li jimplikaw il-ħtieġa li jiġu appoġġati l-operazzjonijiet li huma eliġibbli biss għall-appoġġ mill-FEIS meta jiġu indirizzati fallimenti tas-suq identifikati b'mod ċar jew sitwazzjonijiet u operazzjonijiet ta' investiment subottimali u li ma setgħux jitwettqu sal-istess punt jew fl-istess żmien mingħajr il-FEIS;
53. Jinnota bi tħassib l-osservazzjonijiet tal-Qorti skont liema l-istima rrappurtata għall-investimenti mobilizzati la tqis il-fatt li ċerti operazzjonijiet tal-FEIS ħadu post operazzjonijiet oħrajn tal-BEI u strumenti finanzjarji tal-UE, u lanqas il-fatt li parti mill-appoġġ tal-FEIS marret għall-proġetti li setgħu ġew iffinanzjati minn sorsi pubbliċi jew privati oħra b'kundizzjonijiet differenti;
54. Itenni l-appell tiegħu għal stampa ġenerali oġġettiva tal-addizzjonalità, tal-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali u tal-valur miżjud reali tal-proġetti tal-FEIS, kif ukoll tal-konsistenza tagħhom mal-politiki tal-Unjoni jew operazzjonijiet oħra tal-BEI sabiex isir aktar xprunat mill-politiki pjuttost milli mid-domanda, kif indikat fir-Rapport Speċjali tal-QEA[11] f'Jannar 2019;
55. Josserva li l-operazzjonijiet tal-FEIS kienu eliġibbli li jiġbru fondi minn sorsi pubbliċi nazzjonali u tal-UE apparti l-investimenti privati; jinnota l-importanza li jiġi evitat użu anqas prudenti tar-riżorsi finanzjarji li ntefqu u piż mejjet possibbli ta' tali kostijiet; jissottolinja l-bżonn li tiġi garantita l-addizzjonalità;
56. Iqis li għandu jiġi evitat kwalunkwe trikkib fl-infiq min-naħa ta' aktar investituri u kwalunkwe piż mejjet tal-kostijiet sabiex tiġi evitata sjieda tar-riżultati inaffidabbli jew multipli minħabba l-finanzjament tal-investimenti permezz ta' diversi mezzi differenti;
57. Jitlob sinerġija aħjar bejn il-FEIS, il-banek promozzjonali nazzjonali (NPB) u l-pjattaformi ta' investiment biex tittejjeb l-effikaċja globali tal-FEIS;
58. Iqis ta' importanza kbira li t-tagħlimiet misluta mill-FEIS 1.0 u mill-FEIS 2.0, speċjalment dwar l-addizzjonalità, is-sostenibbiltà u t-trasparenza jitqiesu kif xieraq fl-ippjanar inizjali, fl-implimentazzjoni u fir-rappurtar tar-riżultati miksuba tal-programm InvestEU;
Governanza, trasparenza u responsabbiltà tal-BEI
59. Itenni l-importanza tal-etika, tal-integrità, tat-trasparenza u tar-responsabbiltà tal-BEI u tal-FEI fl-operazzjonijiet kollha tiegħu;
60. Josserva li l-Kummissjoni toħroġ opinjoni dwar l-operazzjonijiet ta' finanzjament kollha fil-qafas tal-proċedura skont l-Artikolu 19 tal-Istatut tal-BEI; jistieden lill-Kummissjoni tqiegħed għad-dispożizzjoni dawn l-opinjonijiet malli jinħarġu;
Ottimizzazzjoni tal-qafas tal-BEI fil-qasam tal-governanza korporattiva u tal-kontrolli
61. Jirrakkomanda li jiġi adattat l-approċċ tal-Bank u l-kontrolli relatati tal-kwalità fi ħdan l-entitajiet tal-Bank bil-għan li jiġu indirizzati adegwatament ir-riskji ta' konformità, kif ukoll li jiġi appoġġat it-tixrid totali fi ħdan il-BEI u l-Grupp tal-BEI tal-prinċipju ta' baġit ibbażat fuq ir-riżultati;
62. Jitlob valutazzjoni u rapport dwar ir-riskji u s-sistemi ta' kontroll assoċjati mal-finanzjament imħallat mal-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li jitqies l-impatt tal-attivitajiet tat-taħlit mhux biss fir-rigward tas-sorveljanza iżda wkoll fir-rigward tal-għażliet ta' governanza;
63. Jinnota li fl-2018 il-mudell ta' attivitajiet tal-Bank kompla jevolvi u jkun aktar diversifikat minħabba t-tkabbir tal-attivitajiet fl-ambitu tal-FEIS, li huma ta' natura aktar kumplessa, u minħabba tranżazzjonijiet, li huma ta' daqs iżgħar u ta' profil ta' riskju ogħla;
64. Jinnota li f'Lulju 2018 il-Bord tad-Diretturi ddeskriva diversi bidliet organizzattivi u ta' governanza u f'Diċembru 2018 approva Pjan Direzzjonali ta' Implimentazzjoni li jinkludi fost l-oħrajn:
(i) proposta biex jinbidel l-Istatut tal-BEI biex jiżdied l-għadd ta' membri supplenti tal-Bord tad-Diretturi u biex tiġi introdotta votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fir-rigward ta' ċerti kwistjonijiet ta' governanza;
(ii) titjib fl-ambjent tal-Kontroll Intern u tal-Ġestjoni tar-Riskji tal-Bank, b'mod partikolari billi tinħoloq Funzjoni tar-Riskju tal-Grupp li se tkun eżerċitata minn Uffiċjal Kap tal-Ġestjoni tar-Riskji;
65.Jidhirlu li, fir-rigward tar-rieżami tar-responsabbiltajiet tal-korpi ta' tmexxija tal-BEI, il-membri tal-Kumitat ta' Tmexxija għandhom jevitaw kunflitti ta' interess possibbli fi kwalunkwe ċirkostanza;
66. Jiddispjaċih għan-nuqqas persistenti ta' diversità u ta' bilanċ bejn il-ġeneri fil-livell maniġerjali għoli u fi ħdan il-korpi ta' tmexxija tal-Grupp tal-BEI; jistieden lill-BEI jindirizza din il-kwistjoni bi prijorità;
67. Jistieden lill-BEI jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet ifformulati fir-Rapport Annwali 2018[12] tal-Kumitat tal-Verifika tal-BEI, jiġifieri li:
- il-Kodiċi ta' Kondotta tal-Kumitat ta' Tmexxija u tal-Bord tad-Diretturi jiġi rieżaminat;
- il-Bank jeħtieġ li jiżgura li jkun hemm persunal adegwat u suffiċjenti fil-funzjonijiet ta' kontroll u li kwalunkwe lakuna fil-proċeduri ta' reklutaġġ eżistenti f'dawn il-funzjonijiet tiġi indirizzata b'urġenza;
- il-Kumitat ta' Tmexxija jiżviluppa Pjan Direzzjonali, li jinkludi stadji intermedji, riżorsi u kalendarju għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, filwaqt li tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li, fil-passat, l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Verifika kienet bil-mod wisq;
Lejn istituzzjoni aktar trasparenti u responsabbli b'mekkaniżmi msaħħa biex tiġġieled
il-frodi u l-korruzzjoni
68. Jinnota li tul is-snin il-BEI stabbilixxa mekkaniżmi interni u strutturi ta' governanza biex jitnaqqsu r-riskji ta' frodi u korruzzjoni; il-Bank impenja ruħu pubblikament ukoll li japplika politika ta' "tolleranza żero fil-konfront tal-frodi u tal-korruzzjoni";
69.Jistieden lill-BEI jiddivulga fuq is-sit web tiegħu d-dettalji dwar is-sjieda benefiċjarja tal-klijenti tiegħu bil-għan li tiżdied il-viżibbiltà tal-operazzjonijiet tiegħu u jgħin biex jiġu evitati każijiet ta' korruzzjoni u ta' kunflitti ta' interess;
70.Jitlob lill-BEI jissubordina l-iżborż ta' self dirett u indirett għall-pubblikazzjoni ta' data tat-taxxa u tal-kontabbiltà għal kull pajjiż, u għad-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja fir-rigward tal-benefiċjarji u l-intermedjarji finanzjarji involuti fl-operazzjonijiet ta' finanzjament;
71. Jieħu nota tar-rapport ta' Counter Balance li jikkonkludi li l-BEI għadu mhuwiex kapaċi jegħleb il-frodi u l-korruzzjoni, parzjalment minħabba dgħufijiet fil-mekkaniżmi interni tiegħu u parzjalment minħabba l-qafas ta' governanza insodisfaċenti li fih jidħlu l-attivitajiet tiegħu, flimkien ma' nuqqas ta' skrutinju estern adegwat tal-attivitajiet tiegħu, anki mill-OLAF; jieħu nota ukoll tat-tweġibiet tal-BEI u tal-OLAF għal dan ir-rapport; jistieden lill-BEI jimplimenta t-titjib meħtieġ biex jindirizza d-dgħufijiet li fadal; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta biex tiżgura li l-BEI jikkonforma mal-obbligi ta' diliġenza dovuta tal-inqas ekwivalenti għad-Direttiva tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus;
72. Jistieden lill-BEI jagħmel l-aħjar użu mill-kooperazzjoni mal-OLAF u mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) u, aktar tard, biex ikopri b'mod proattiv il-każijiet tal-BEI billi jinvestiga u jħarrek l-awturi tar-reati li jagħmlu ħsara lill-interessi finanzjarji tal-UE;
73. Itenni l-appell tiegħu lill-BEI biex isir aktar responsabbli fil-konfront tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, filwaqt li jsaħħaħ l-iskrutinju tal-Parlament fuq il-BEI u jippermetti lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri teżerċita b'mod sħiħ id-dritt li twettaq awditjar tal-operazzjonijiet tal-BEI;
74. Ifakkar li l-parteċipazzjoni pubblika fil-proċess ta' tfassil tal-politiki tal-BEI hija mod biex titjieb ir-responsabbiltà, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mal-involviment tal-komunitajiet lokali u taċ-ċittadini milquta mill-operazzjonijiet tal-BEI;
75. Ifakkar li t-trasparenza fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-BEI mhux biss twassal għat-tisħiħ tal-obbligu ta' rendikont u tar-responsabbiltà korporattivi kumplessivi tal-BEI, b'viżjoni ċara tat-tip ta' intermedjarji finanzjarji u ta' benefiċjarji finali, iżda tikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tal-effikaċja u s-sostenibbiltà tal-proġetti għall-għajnuna ffinanzjati; jistieden għalhekk lill-BEI jqis dawn l-aspetti fir-rieżami tal-politika ta' trasparenza tiegħu ppjanat fl-2020;
76. Isostni għalhekk id-divulgazzjoni ta' informazzjoni ċara dwar il-mod kif l-istrateġija tal-BEI tiġi implimentata u dwar is-sostenibbiltà jew l-impatt f'termini ta' klima tal-prodotti u tal-portafolli tiegħu;
77.Jistenna li l-politika tal-BEI għall-protezzjoni tal-informaturi tkun ambizzjuża u tipprevedi standards għoljin; iħeġġeġ lill-BEI jinkludi f'dak ir-rieżami l-informaturi kemm interni kif ukoll esterni u jistabbilixxi proċeduri, kalendarji u linji gwida ċari u definiti sew biex jagħti lill-informaturi l-aħjar gwida u jipproteġihom minn kwalunkwe ritaljazzjoni possibbli;
78. Jiddispjaċih li l-Mekkaniżmi għall-Ilmenti ma ġewx imsaħħa biżżejjed fi tmiem l-2018 u jqis li għandu jiġi rinfurzat aktar l-aċċess għal mekkaniżmu ta' lmenti effikaċi u indipendenti, inklużi d-drittijiet ta' rimedju; josserva li fl-2019 il-BEI ħoloq Sistema ġdida ddedikata għall-Ilmenti fil-qasam tal-Akkwist għall-Proġetti, bil-għan li jiżgura ġestjoni aktar effikaċi u indipendenti tar-rimostranzi relatati;
79. Japprezza l-isforzi tal-BEI biex jippubblika d-dokumentazzjoni l-ġdida rigward l-azzjoni dwar il-klima, it-tabelli ta' valutazzjoni tal-proġetti tal-FEIS jew ir-rapporti ta' tlestija tal-proġetti għall-operazzjonijiet finalizzati mhux tal-UE; iqis li l-BEI għandu wkoll jiddivulga, safejn ikun l-aktar possibbli, il-Minuti tal-laqgħat tal-Bord tal-Gvernaturi, il-Minuti u l-aġendi tal-laqgħat tal-Kumitat ta' Tmexxija, il-folji 3PA REM, l-opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proġetti u r-rapporti dwar il-monitoraġġ tal-proġetti; jifhem iżda li ċerti limiti japplikaw għat-trasparenza tad-dokumenti, bil-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali mogħtija mill-klijenti u mis-sħab tal-proġetti tal-BEI;
80. Jinnota li fl-2018 id-dħul fis-seħħ tal-Politika dwar l-Esklużjoni l-ġdida tal-BEI, inklużi l-proċeduri għall-esklużjoni ta' entitajiet u individwi bi preċedenti negattivi relatati mal-imġiba u mal-attivitajiet tagħhom, proċeduri li jħaddmu d-dispożizzjonijiet u l-projbizzjonijiet previsti mill-politika kontra l-frodi tal-BEI;
81. Jistenna r-riżultati tar-rieżami tal-politiki tal-BEI/FEI kontra l-frodi, li ġie varat fl-2018, u jappoġġa approċċ aktar rigoruż fil-konfront tal-politika ta' tolleranza żero lejn il-frodi u l-korruzzjoni u forom oħra ta' mġiba pprojbita; jistieden lill-BEI jżid il-kollaborazzjoni tiegħu mal-OLAF u mal-UPPE fil-futur u jirrapporta l-każijiet kollha ta' frodi potenzjali lill-awtoritajiet kompetenti; huwa tal-fehma li fil-futur l-UPPE għandu jkollu l-mandat li jiftaħ kawżi għal attività kriminali relatati mal-fondi tal-BEI fl-Istati Membri tal-UE li huma membri tal-UPPE;
82. Josserva li l-BEI jippubblika dettalji tal-klijenti tiegħu għal kull waħda mill-operazzjonijiet fuq is-sit web tiegħu; jistieden lill-BEI jippubblika wkoll l-informazzjoni neċessarja relatata mas-sidien benefiċjarji; jilqa' pożittivament il-politika attwali ta' protezzjoni tal-informaturi tal-BEI;
83. Jinnota ż-żieda fl-għadd ta' allegazzjonijiet fl-2018, jiġifieri 184 allegazzjoni ġdida (149 fl-2017), li minnhom 68 % oriġinaw minn sorsi interni u 31 % minn dawk esterni; jinnota li l-oqsma ewlenin ta' investigazzjoni huma l-frodi, il-korruzzjoni, l-użu ħażin tal-isem tal-BEI/FEI u l-kollużjoni; jinnota li, mill-ammont globali ta' riferimenti tal-grupp tal-BEI, 69 % saru lill-OLAF;
84. Jieħu nota tal-ftehim bejn il-BEI u Volkswagen bil-konsegwenzi li Volkswagen jiġi eskluż milli jipparteċipa fi kwalunkwe proġett tal-BEI għal perjodu ta' 18-il xahar u jipprevedi l-impenn ta' Volkswagen li jikkontribwixxi għal inizjattiva ta' sostenibbiltà, inkluż il-ħarsien tal-ambjent;
85. Jappoġġa politika ta' tassazzjoni responsabbli fi ħdan il-BEI, billi jappoġġa l-inklużjoni ta' klawsoli ta' integrità fil-kuntratti tal-grupp tal-BEI, l-eżekuzzjoni ta' diliġenza dovuta profonda fir-rigward ta' ġurisdizzjoni mhux konformi, b'identifikazzjoni ċara tal-kontropartijiet kontraenti u tal-pożizzjoni ġeografika; jilqa' favorevolment l-adozzjoni, f'Marzu 2019, ta' politika dwar il-ġurisdizzjonijiet mhux konformi u jitlob implimentazzjoni rapida u r-rappurtar regolari lill-Parlament tal-implimentazzjoni tagħha;
86. Iqis li r-rispett tal-ogħla standards ta' integrità huwa rekwiżit indispensabbli, partikolarment l-istandards AMF-CFT promossi mill-UE, it-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja kif ukoll il-prinċipji ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa promossi mill-OECD, mill-Grupp tal-Għoxrin u mill-UE sabiex titjieb il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;
87. Jirrikonoxxi r-rwol pijunier tal-BEI fil-livell tal-UE fil-ħruġ ta' rapport dwar is-sostenibbiltà; jistieden lill-BEI jiżviluppa aktar ir-rapport dwar is-sostenibbiltà tiegħu billi jirrapporta dwar ir-riżultati u juża indikaturi definiti sew, speċifiċi, faċilment kwantifikabbli u komparabbli;
88. Jilqa' pożittivament l-ewwel ħruġ ta' rapport ta' aċċertament limitat mill-awditur estern tal-BEI dwar selezzjoni ta' dikjarazzjonijiet, ċifri u indikaturi tar-rapport ta' sostenibbiltà tal-2018 tiegħu;
89. Jappella għal skrutinju estern aktar b'saħħtu tal-BEI mill-Qorti tal-Awdituri, u josserva li d-dispożizzjonijiet attwali tal-Ftehim Tripartitiku ffirmat fl-2016 li jirregolaw il-kooperazzjoni bejn il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Kummissjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri, għandhom jiġu rieżaminati bir-reqqa meta jiġi diskuss il-Ftehim Tripartitiku li jmiss mistenni f'Settembru 2020;
90. Itenni, madankollu, it-talba tiegħu dwar ir-rapport annwali tal-BEI u jitlob li l-BEI jippreżenta rapport annwali tal-attività aktar komprensiv, dettaljat u armonizzat u jtejjeb b'mod sinifikanti l-preżentazzjoni tal-informazzjoni billi jinkludi tqassim dettaljat u affidabbli tal-investimenti approvati, iffirmati u mħallsa għal sena partikolari u s-sorsi ta' finanzjament impenjati (riżorsi proprji, FEIS, programmi tal-UE ġestiti fuq livell ċentrali, eċċ), kif ukoll informazzjoni bħal din dwar il-benefiċjarji (l-Istati Membri, is-settur pubbliku jew privat, intermedjarji jew benefiċjarji diretti), is-setturi appoġġati u r-riżultati tal-evalwazzjonijiet ex post;
91. Jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu jorganizza sessjoni ta' ħidma/seduta ta' smigħ annwali dwar l-attivitajiet u l-kontroll tal-operazzjonijiet tal-BEI li jkunu jagħtu lill-Parlament informazzjoni rilevanti addizzjonali biex jappoġġa l-ħidma tiegħu dwar l-iskrutinju tal-BEI u tal-operazzjonijiet tiegħu;
Segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament
92. Jitlob lill-BEI jibqa' jirrapporta dwar il-qagħda attwali u l-istatus tar-rakkomandazzjonijiet preċedentement maħruġa mill-Parlament fir-riżoluzzjonijiet annwali tiegħu, b'mod speċjali rigward:
(a) l-impatt ekonomiku, ambjentali u soċjali tal-istrateġija ta' investiment tiegħu;
(b) l-adattamenti relatati mal-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess, speċjalment meta l-membri jipparteċipaw fl-għoti ta' self;
(c) it-trasparenza wara d-diliġenza dovuta fil-qasam tal-integrità tal-klijenti għall-prevenzjoni tal-evitar tat-taxxa, tal-frodi u tal-korruzzjoni;
93. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u jitlob lill-Kunsill u lill-Bord tad-Diretturi tal-BEI jkollhom dibattitu dwar il-pożizzjonijiet tal-Parlament hawnhekk ippreżentati.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
28.5.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
23 0 4 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Olivier Chastel, Caterina Chinnici, Lefteris Christoforou, Corina Crețu, Ryszard Czarnecki, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, José Manuel Fernandes, Luke Ming Flanagan, Isabel García Muñoz, Cristian Ghinea, Monika Hohlmeier, Jean-François Jalkh, Pierre Karleskind, Joachim Kuhs, Claudiu Manda, Younous Omarjee, Tsvetelina Penkova, Markus Pieper, Sabrina Pignedoli, Petri Sarvamaa, Angelika Winzig, Lara Wolters |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Bas Eickhout, Jeroen Lenaers, Mikuláš Peksa, Viola Von Cramon-Taubadel |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
23 |
+ |
PPE |
Lefteris Christoforou,Tamás Deutsch, José Manuel Fernandes, Monika Hohlmeier; Petri Sarvamaa,,Angelika Winzig, Jeroen Lenaers |
S&D |
Caterina Chinnici, Corina Crețu, Isabel García Muñoz, Claudiu Manda, Tsvetelina Penkova, Lara Wolters |
RENEW |
Olivier Chastel, Martina Dlabajová, Cristian Ghinea, Pierre Karleskind |
VERTS/ALE |
Bas Eickhout, Mikuláš Peksa, Viola Von Cramon-Taubadel, |
ECR |
Ryszard Czarnecki |
GUE/NGL |
Luke Ming Flanagan, Younous Omarjee |
0 |
- |
|
|
|
|
4 |
0 |
PPE |
Markus Pieper |
ID |
Jean-François Jalkh, Joachim Kuhs |
NI |
Sabrina Pignedoli |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] https://www.ombudsman.europa.eu/en/decision/mt/95520
- [2] Testi adottati, P8_TA(2018)0198.
- [3] Testi adottati, P8_TA(2019)0036.
- [4] ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.
- [5] https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/DocItem.aspx?did=49051
- [6] Evalwazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn operazzjonijiet ta' finanzjament li jappoġġaw proġetti ta' investiment barra mill-Unjoni Ewropea; https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/economy-finance/elm_evaluation_swd_2019_333_f1_staff_working_paper_en_v3_p1_1048237.pdf
- [7] https://www.consilium.europa.eu/media/40967/efad-report_final.pdf)
- [8] https://www.counter-balance.org/wp-content/uploads/2019/10/Report_OnlineVersion_EIB_Corruption_Oct2019.pdf
- [9] Il-Crédit Agricole impenja ruħu li ma jappoġġax aktar impriżi li jiżviluppaw jew jippjanaw li jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom fis-settur tal-faħam. Il-politika ta' tolleranza żero tal-Crédit Agricole tapplika għall-impriżi kollha li jiżviluppaw jew li jippjanaw li jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom fis-settur tal-faħam: mill-estrazzjoni tal-faħam u l-produzzjoni tal-elettriku mill-faħam, sal-kummerċ u t-trasport li jaħdem bil-faħam.
- [10] BEI, "Environmental, Climate and Social Guidelines on Hydropower Development" (Linji Gwida Ambjentali, Klimatiċi u Soċjali fil-Qasam tal-Iżvilupp tal-Idroenerġija), Ottubru 2019.
- [11] https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/DocItem.aspx?did=49051
- [12] https://www.eib.org/attachments/general/ac_annual_reports_2018_en.pdf