RAKKOMANDAZZJONI GĦAT-TIENI QARI dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija

    16.6.2020 - (05142/1/2020 – C9-0103/2020 – 2018/0140(COD)) - ***II

    Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
    Rapporteur: Andor Deli

    Proċedura : 2018/0140(COD)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    A9-0119/2020
    Testi mressqa :
    A9-0119/2020
    Dibattiti :
    Votazzjonijiet :
    Testi adottati :

    ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

    dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija

    (05142/1/2020 – C9-0103/2020 – 2018/0140(COD))

    (Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

    Il-Parlament Ewropew,

     wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (05142/1/2020 – C9-0103/2020),

     wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Ottubru 2018[1],

     wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

     wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari[2] dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2018)0279),

     wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

     wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

     wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi ġuridika proposta,

     wara li kkunsidra l-Artikoli 67 u 40 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

     wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A9-0119/2020),

    1. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;

    2. Jinnota li l-att qiegħed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

    3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

    4. Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

    5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


     

    ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

    1. Il-ħtieġa ta' informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija

    Il-maġġoranza l-kbira tal-operazzjonijiet tat-trasport tal-merkanzija fl-UE għadhom jeħtieġu l-użu ta' dokumenti stampati. Fil-fatt, kważi 99 % tal-operazzjonijiet transfruntiera kollha tat-trasport fl-UE għadhom jinvolvu dokumenti stampati, f'xi stadju jew ieħor tal-operazzjoni. Dan iwassal għal ineffiċjenzi għall-atturi tas-suq fil-ktajjen tat-trasport u f'dawk loġistiċi, u għal piż ambjentali bla bżonn. Peress li l-movimenti totali tat-trasport tal-merkanzija huma mistennija jikbru b'aktar minn 50 % sal-2050, din ser issir kwistjoni saħansitra iktar serja fis-snin li ġejjin. Il-Parlament talab kemm-il darba fil-passat biex tingħata spinta aktar b'saħħitha lejn trasport mingħajr karti u ħeġġeġ biex ikun hemm fluss ta' informazzjoni aktar simplifikat, mingħajr karti, mingħajr xkiel, trasparenti, sikur u affidabbli bejn in-negozji, il-klijenti u l-awtoritajiet f'dan is-settur.

    2. Il-proposta tal-Kummissjoni

    Il-Kummissjoni identifikat żewġ kawżi ewlenin tar-rata bil-mod tal-introduzzjoni tad-dokumentazzjoni elettronika tat-trasport: nuqqas ta' rikonoxximent tal-ekwivalenza ġuridika ta' dokumenti elettroniċi mill-awtoritajiet kompetenti u ambjent tal-IT frammentat mingħajr sistemi stabbiliti sew u interoperabbli b'regoli ġeneralment applikabbli u vinkolanti dwar id-dokumenti elettroniċi tat-trasport.

    Il-proposta tal-Kummissjoni tas-17 ta' Mejju 2018 kienet tirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti jaċċettaw informazzjoni regolatorja (għal ċerti atti legali) f'forma elettronika, u stabbilixxiet qafas ta' pjattaformi u fornituri ta' servizzi ċertifikati (minn korpi ta' valutazzjoni tal-konformità).

    3. In-negozjati interistituzzjonali

    Wara l-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari fit-12 ta' Marzu 2019, saru negozjati interistituzzjonali (bl-għan li jintlaħaq ftehim bikri fit-tieni qari), minn Settembru sa Novembru 2019, taħt il-Presidenza Finlandiża tal-Kunsill. Wara tliet ċikli ta' trilogi, it-tim tan-negozjar tal-Parlament laħaq ftehim proviżorju mal-Presidenza tal-Kunsill fis-26 ta' Novembru 2019.

    It-test tal-ftehim proviżorju tressaq lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (TRAN) u ġie kkonfermat fil-21 ta' Jannar 2020. Abbażi tal-approvazzjoni tal-Kumitat, il-President tal-Kumitat TRAN, fl-ittra tagħha lill-President tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (COREPER I), indikat li kienet se tirrakkomanda lill-Plenarja tapprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari mingħajr emendi, sakemm din tkun konformi mal-ftehim proviżorju li ntlaħaq bejn iż-żewġ istituzzjonijiet. Wara verifika ġuridika-lingwistika, il-Kunsill fis-7 ta' April 2020 (permezz ta' proċedura bil-miktub) adotta formalment il-pożizzjoni tiegħu skont il-ftehim proviżorju.

    4. L-elementi prinċipali tal-ftehim

    Il-ftehim ġenerali li l-Parlament laħaq mal-Kunsill kellu l-għan li jkompli jsaħħaħ aktar is-sistema proposta. B'mod partikolari, inkiseb dan li ġej:

     it-tnaqqis kemm jista' jkun tal-ispejjeż għall-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet kompetenti billi, fost l-oħrajn, ibbażaw is-sistema ta' ċertifikazzjoni fuq standards, mudelli u ftehimiet internazzjonali eżistenti u żguraw li ċ-ċertifikazzjoni ssir b'mod indipendenti;

     il-kisba u ż-żamma tal-fiduċja tal-operaturi u tal-awtoritajiet kompetenti fis-sikurezza u s-sigurtà tas-sistema billi ttejbet il-proċedura għall-iffissar tal-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u r-regoli tal-aċċess preċiżi, bl-involviment xieraq tal-koleġiżlaturi u tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha;

     l-inkoraġġiment li l-komunikazzjoni kollha, inkluża kwalunkwe talba ta' segwitu, bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi sseħħ b'mod elettroniku, fejn dan ikun possibbli;

     l-iċċarar tal-kamp ta' applikazzjoni: ġie indikat eżattament x'tip ta' informazzjoni regolatorja tat-trasport tal-merkanzija, jekk tintbagħat f'forma elettronika mill-operatur ekonomiku kkonċernat permezz ta' pjattaforma ċertifikata, jeħtieġ li jiġi aċċettat mill-awtoritajiet kompetenti. Wara li s-sistema tkun bdiet taħdem, il-Kummissjoni hija mitluba tivvaluta jekk il-kamp ta' applikazzjoni jkunx jista' jkompli jitwessa' biex jinkludi informazzjoni regolatorja rilevanti oħra fil-qasam tat-trasport, pereżempju dik relatata mal-vettura jew max-xufier;

     Lejn diġitalizzazzjoni sħiħa: filwaqt li taħt din is-sistema l-awtoritajiet kompetenti huma mitluba jaċċettaw l-informazzjoni regolatorja tat-trasport tal-merkanzija, meta tintbagħat b'mod elettroniku, l-operaturi ekonomiċi għadhom liberi li jiddeċiedu jekk "joperawx b'mod diġitali" jew le. Madankollu, huwa ċċarat li l-użu ta' mezzi elettroniċi għandu jsir il-mod predominanti ta' kif isir l-iskambju tal-informazzjoni regolatorja bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet kompetenti. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tivvaluta inizjattivi possibbli biex fil-ġejjieni tistabbilixxi l-obbligu li l-operaturi ekonomiċi jużaw mezzi elettroniċi biex iqiegħdu l-informazzjoni regolatorja għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti;

     tagħmel l-użu ta' din is-sistema attraenti kemm jista' jkun għall-operaturi ekonomiċi billi, inter alia, tinkoraġġixxi lis-sistemi eżistenti tal-IT jiċċertifikaw lilhom infushom bħala pjattaforma u billi tiżgura l-interoperabbiltà;

     L-iskedar: filwaqt li l-istabbiliment ta' sistema ta' ċertifikazzjoni jeħtieġ li jsir b'attenzjoni, l-iskadenzi differenti ġew stabbiliti b'tali mod li s-sistema tibda tiffunzjona malajr kemm jista' jkun, ħalli l-aċċettazzjoni tagħha mis-suq tkun tista' ssegwi f'qasir żmien.

    5. Rakkomandazzjoni

    Peress li l-pożizzjoni tal-Kunsill hija konformi mal-ftehim proviżorju milħuq waqt in-negozjati interistituzzjonali, ir-Rapporteur jirrakkomanda li din tiġi approvata mingħajr emendi.


     

     

    OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI DWAR IL-BAŻI ĠURIDIKA

    Is-Sa Karima Delli

    President

    Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

    BRUSSELL

    Suġġett: Opinjoni dwar il-bażi ġuridika tal-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija (COM(2018)0279 – C8-0191/2019 – 2018/0140(COD))

    Onor. President,

    Bl-ittra tat-13 ta' Novembru 2019[3], il-Kumitat tiegħek talab, skont l-Artikolu 40(2) tar-Regoli ta' Proċedura, l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar kemm hi xierqa l-bażi ġuridika tal-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar l-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija[4].

    Il-Kumitat eżamina l-kwistjoni msemmija hawn fuq waqt il-laqgħa tiegħu tad-9 ta' Jannar 2020.

    I – Sfond

    Il-proposta tal-Kummissjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 91, 100(2) (trasport) u 192(1) (ambjent) tat-TFUE. Fl-approċċ ġenerali tiegħu, il-Kunsill emenda l-bażi ġuridika billi ħassar ir-referenzi għall-Artikolu 192(1) tat-TFUE.

    II - L-Artikoli rilevanti tat-Trattat

    Id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jaqraw kif ġej:

    Artikolu 91

    (ex Artikolu 71 tat-TKE)

    1. Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 90, u filwaqt li jitqiesu l-fatturi partikolari tat-trasport, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jistabbilixxu:

    (a) regoli komuni li japplikaw għat-trasport internazzjonali lejn jew mit-territorju ta' Stat Membru jew li jaqsam it-territorju ta' Stat Membru wieħed jew aktar;

    (b) il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-mod kif it-trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi tat-trasport fi Stat Membru;

    (c) miżuri li jtejbu s-sikurezza tat-trasport;

    (d) kwalunkwe dispożizzjoni oħra adatta.

    2. Fl-adozzjoni tal-miżuri previsti fil-paragrafu 1, għandu jittieħed kont tal-każijiet fejn l-applikazzjoni tagħhom taf tolqot b'mod gravi l-livell tal-għajxien u l-impjieg f'ċerti reġjuni, kif ukoll it-tħaddim tat-tagħmir tat-trasport.

    Artikolu 100

    (ex Artikolu 80 tat-TKE)

    1. Id-dispożizzjonijiet ta' dan it-Titolu għandhom japplikaw għat-trasport bil-ferrovija, fit-triq, u bil-passaġġi fuq l-ilma interni.

    2. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet xierqa għan-navigazzjoni marittima u tal-ajru. Huma għandhom jaġixxu wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni.

    Artikolu 191

    (ex Artikolu 174 tat-TKE)

    1. Il-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent għandha tikkontribwixxi sabiex jinkisbu l-għanijiet li ġejjin:

    - is-salvagwardja, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent;

    - il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem,

    - l-użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali;

    - il-promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali għall-indirizzar ta' problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b'mod partikolari l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

    (...)

     

    Artikolu 192

    (ex Artikolu 175 tat-TKE)

    1. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jiddeċiedu liema azzjoni għandha tittieħed mill-Unjoni sabiex twettaq l-objettivi msemmija fl-Artikolu 191.

    (...)

    III - Ġurisprudenza tal-QĠUE dwar l-għażla tal-bażi ġuridika

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tradizzjonalment qieset il-kwistjoni tal-bażi ġuridika xierqa bħala kwistjoni ta' importanza kostituzzjonali, li tiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipju tas-setgħat konferiti (Artikolu 5 TUE) u tiddetermina n-natura u l-kamp ta' applikazzjoni tal-kompetenza tal-Unjoni[5].

    Skont il-ġurisprudenza deċiża tal-Qorti, l-għażla tal-bażi ġuridika għal miżura tal-Unjoni għandha tkun imsejsa fuq fatturi objettivi li huma soġġetti għal reviżjoni ġudizzjarja, inkluż b'mod partikolari l-objettiv u l-kontenut tal-miżura[6].

    Għaldaqstant, l-għażla tal-bażi ġuridika żbaljata tista' tiġġustifika l-annullament tal-att ikkonċernat. F'dan il-kuntest, ix-xewqa ta' istituzzjoni li jkun hemm parteċipazzjoni aktar attiva fl-adozzjoni ta' miżura partikolari, f'liema ċirkostanzi l-miżura tkun ġiet adottata, kif ukoll il-ħidma li tkun saret f'aspetti oħra tal-kamp ta' applikazzjoni tal-azzjoni koperta minn miżura partikolari huma irrilevanti biex tiġi identifikata l-bażi ġuridika korretta[7].

    Jekk l-eżami tal-att ikkonċernat juri li huwa jsegwi għan doppju jew li għandu żewġ komponenti u jekk wieħed minnhom jista' jiġi identifikat bħala prinċipali jew predominanti, filwaqt li l-ieħor ikun biss sekondarju, dan l-att għandu jkun ibbażat fuq bażi legali waħda, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew mill-komponent prinċipali jew predominanti[8].

    Madankollu, meta miżura jkollha diversi objettivi jew komponenti kontemporanji, li jkunu marbuta b'mod inseparabbli, mingħajr ma wieħed ikun sekondarju u indirett meta mqabbel mal-ieħor/l-oħrajn, tali miżura għandha tkun ibbażata fuq id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti[9], jekk il-proċeduri previsti għall-bażijiet ġuridiċi rispettivi ma jkunux inkompatibbli mad-dritt tal-Parlament Ewropew u ma jimminawhx[10].


    IV – Għan u kontenut tal-miżura proposta

    Il-proposta hija dwar regolament li jarmonizza l-użu tal-mezzi elettroniċi biex isir skambju ta' informazzjoni fit-trasport ta' merkanzija (eFTI).

    Mill-memorandum ta' spjegazzjoni jirriżulta li l-għan tal-proposta huwa li jittejjeb l-użu usa' ta' dokumenti tat-trasport tal-merkanzija elettroniċi sabiex jissaħħaħ is-suq uniku billi jitneħħew uħud mill-ostakli għad-diġitalizzazzjoni f'dan il-qasam. L-ixpruni ewlenin għall-proposta huma l-qafas legali frammentat li jistabbilixxi obbligi inkonsistenti għall-awtoritajiet meta jaċċettaw dokumenti elettroniċi, u l-ambjent frammentat tal-IT ikkaratterizzat minn diversi sistemi mhux interoperabbli[11].

    Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jiksbu essenzjalment żewġ għanijiet ta' politika ewlenin: (a) li jistabbilixxu qafas legali vinkolanti uniformi għall-aċċettazzjoni ta' informazzjoni jew dokumenti elettroniċi mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali rilevanti; u (b) biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà ta' sistemi tal-IT differenti li bħalissa jintużaw fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti eżistenti tal-Unjoni[12].

    L-istess kunsiderazzjonijiet huma spjegati aktar fil-premessi 1 sa 4 għall-proposta kif ukoll taħt l-Artikolu 1 tagħha. Skont dan tal-aħħar, dan ir-Regolament "jistabbilixxi qafas legali għall-komunikazzjoni elettronika ta' informazzjoni regolatorja relatata mat-trasport tal-merkanzija fit-territorju tal-Unjoni [...]". Jistabbilixxi "l-kundizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jkunu meħtieġa jaċċettaw informazzjoni regolatorja meta ssir disponibbli b'mod elettroniku mill-operaturi ekonomiċi ikkonċernati" u "r-regoli għall-forniment ta' servizzi relatati mad-disponibbiltà elettronika ta' informazzjoni regolatorja mill-operaturi ekonomiċi kkonċernati".

    Fir-rigward tal-kontenut, il-Kapitolu I jiddefinixxi b'mod partikolari l-kamp ta' applikazzjoni materjali permezz ta' preselezzjoni (b'referenza għal Anness) tal-atti diġà eżistenti tal-Unjoni li jipprevedu rekwiżiti ta' informazzjoni regolatorja rilevanti għall-finijiet tal-proposta. Il-Kapitolu II tal-proposta bit-titlu "Informazzjoni regolatorja magħmula disponibbli elettronikament" jistabbilixxi l-obbligu fuq l-awtoritajiet pubbliċi li jaċċettaw dokumenti tat-trasport f'format elettroniku, kif ukoll ir-rekwiżiti tekniċi għall-ipproċessar ta' informazzjoni elettronika. Il-Kapitolu III bit-titlu "Pjattaformi u servizzi tal-eFTI" jipprevedi regoli dettaljati dwar il-funzjonalitajiet u r-rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni tal-pjattaformi tal-eFTI li jippermettu t-trattament ta' informazzjoni elettronika. Il-Kapitoli IV u V jikkonċernaw rispettivament l-atti delegati u ta' implimentazzjoni, u d-dispożizzjonijiet finali.

    V - Analiżi u determinazzjoni tal-bażi ġuridika xierqa

    Fil-memorandum ta' spjegazzjoni, il-Kummissjoni spjegat l-għażla tal-bażi ġuridika kif ġej:

    Il-bażi ġuridika hija pprovduta mill-Artikolu 91, l-Artikolu 100(2) u l-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    L-Artikolu 91 u, rispettivament 100(2), li għandhom jinftehmu fid-dawl tal-Artikolu 90 li jirrikjedi li l-Istati Membri jsegwu politika komuni tat-trasport, jistabbilixxu r-rekwiżit li regoli komuni applikabbli għat-trasport internazzjonali lejn jew mit-territorju ta' Stat Membru jew li jgħaddu mit-territorju ta' Stat Membru wieħed jew aktar u, rispettivament, dispożizzjonijiet xierqa għat-trasport bil-baħar u bl-ajru, għandhom jiġu stabbiliti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

    L-Artikolu 192(1), li għandu jinftiehem fid-dawl tal-Artikolu 191, jistabbilixxi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiddeċiedu dwar l-azzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni sabiex jintlaħaq l-għan li jiġu protetti inter alia s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

    (a) Kemm huma xierqa l-Artikolu 91 u l-Artikolu 100(2) tat-TFUE

    L-Artikoli 91 u 100(2) tat-TFUE jipprovdu bażi ġuridika fil-qasam tal-politika tat-trasport rispettivament għat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni, fuq naħa waħda, u bil-baħar u bl-ajru, min-naħa l-oħra.

    Huwa ċar mill-għan u l-kontenut tal-proposta li l-Artikoli 91 u 100(2) tat-TFUE għandhom jitqiesu bħala bażijiet ġuridiċi rilevanti għall-proposta u hija kkonċernata b'titjib fil-funzjonament tas-suq intern fis-settur tat-trasport.

    Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-użu simultanju kemm tal-Artikolu 91 kif ukoll tal-Artikolu 100(2) huwa ġġustifikat sa fejn il-proposta tal-Kummissjoni ssegwi approċċ multimodali.

    (b) L-ebda ħtieġa li jiżdied l-Artikolu 192(1) tat-TFUE bħala bażi ġuridika

    Għalkemm it-taqsima kkwotata hawn fuq tal-memorandum ta' spjegazzjoni għandha tiġġustifika r-rikors għall-Artikolu 192(1) tat-TFUE bħala bażi ġuridika, madankollu, ma tindikax espliċitament għaliex iż-żieda ta' din il-bażi ġuridika tkun tabilħaqq meħtieġa.

    Huwa veru li diversi referenzi fil-memorandum ta' spjegazzjoni fihom indikazzjonijiet li skonthom is-sostituzzjoni ta' dokumenti stampati minn dawk elettroniċi tidher li hija ta' benefiċċju għall-ambjent[13].

    Madankollu, minkejja l-effetti pożittivi possibbli tal-proposta fuq l-ambjent, jidher li l-objettiv prinċipali tal-proposta mhuwiex relatat mal-protezzjoni ambjentali. Din tal-aħħar tista' għalhekk tkun biss effett inċidentali tal-istrument leġiżlattiv. Għal dik ir-raġuni, mhux meħtieġ jiżdied l-Artikolu 192(1) tat-TFUE bħala bażi ġuridika.

    Alternattivament, wieħed jista' jikkunsidra li l-kamp ta' applikazzjoni tal-proposta jkopri r-rekwiżiti ta' informazzjoni stabbiliti f'diversi atti eżistenti tal-Unjoni (ara l-Artikolu 1(2) tal-proposta). Dawk l-atti huma bbażati fuq il-bażi legali tat-trasport, bl-eċċezzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-vjeġġi ta' skart li hija bbażata fuq dak li issa huwa l-Artikolu 192(1) TFUE[14]. Filwaqt li dan huwa ovvjament minnu, il-proposta nnifisha fiha elementi li jindikaw li dan il-fatt mhuwiex rilevanti għall-għażla tal-bażi legali. Fil-fatt, skont il-premessi 5 u 6: "(5) L-awtoritajiet tal-Istati Membri għalhekk jenħtieġ li jkunu obbligati jaċċettaw l-informazzjoni disponibbli b'mod elettroniku kull meta l-operaturi ekonomiċi jkunu obbligati jagħmlu l-informazzjoni disponibbli bħala prova tal-konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-atti tal-Unjoni adottati skont it-Titolu VI tat-Tielet Parti tat-Trattat jew, minħabba s-similarità tas-sitwazzjonijiet, mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-vjeġġ tal-iskart [...]. (6) Peress li dan ir-Regolament huwa maħsub biss biex jiffaċilita l-għoti tal-informazzjoni, u speċifikament b'mezzi elettroniċi, jenħtieġ li dan ma jaffettwax id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni jew tal-liġi nazzjonali li jiddeterminaw il-kontenut tal-informazzjoni regolatorja u, b'mod partikolari, jenħtieġ li ma jimponu l-ebda rekwiżiti tal-informazzjoni regolatorja addizzjonali [...]". Għaldaqstant, il-proposta ma temenda l-ebda att ibbażat fuq il-bażi ġuridika ambjentali, iżda tiffoka fuq l-aspett tat-trasport tal-vjeġġ tal-iskart. Għalhekk, l-elementi ambjentali, jekk ikun hemm, huma mingħajr dubju anċillari għall-komponent tat-trasport predominanti tal-proposta[15].

    Fid-dawl tal-analiżi msemmija, l-Artikoli 91 u 100(2) tat-TFUE jidhru li huma l-bażi ġuridika xierqa għall-proposta. Mhux meħtieġ jiżdied l-Artikolu 192(1) tat-TFUE. B'riżultat ta' dan, huwa korrett li titħassar ir-referenza għal dan l-aħħar Artikolu fiċ-ċitazzjoni.

    L-emendi adottati wara n-negozjati interistituzzjonali dwar dan il-fajl ma jikkontestawx il-konklużjonijiet ta' hawn fuq.

    VI – Konklużjoni u rakkomandazzjoni

    Fil-laqgħa tiegħu tad-9 ta' Jannar 2020, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali għaldaqstant iddeċieda, b'21 vot favur, l-ebda vot kontra u astensjoni waħda (1)[16], li jirrakkomanda lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu biex iżomm l-Artikoli 91 u 100(2) tat-TFUE bħala l-unika bażi ġuridika tar-regolament propost.

    Dejjem tiegħek,

     

     

     

    Lucy Nethsingha

     

     


     

     

    PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

    Titolu

    Informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija

    Referenzi

    05142/1/2020 – C9-0103/2020 – 2018/0140(COD)

    Data tal-1 qari tal-PE – Numru P

    12.3.2019 T8-0139/2019

    Proposta tal-Kummissjoni

    COM(2018)0279 - C8-0191/2018

    Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja ta’ meta l-Parlament irċieva l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari

    17.4.2020

    Kumitat responsabbli

     Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

    TRAN

    17.4.2020

     

     

     

    Rapporteurs

     Data tal-ħatra

    Andor Deli

    3.7.2018

     

     

     

    Bażi ġuridika kkontestata

     Data tal-opinjoni tal-Kumitat JURI

    JURI

    9.1.2020

     

     

     

    Eżami fil-kumitat

    28.4.2020

     

     

     

    Data tal-adozzjoni

    8.6.2020

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    46

    1

    1

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Magdalena Adamowicz, Andris Ameriks, José Ramón Bauzá Díaz, Izaskun Bilbao Barandica, Marco Campomenosi, Ciarán Cuffe, Jakop G. Dalunde, Johan Danielsson, Andor Deli, Karima Delli, Anna Deparnay-Grunenberg, Ismail Ertug, Gheorghe Falcă, Giuseppe Ferrandino, Mario Furore, Søren Gade, Isabel García Muñoz, Elsi Katainen, Kateřina Konečná, Elena Kountoura, Julie Lechanteux, Bogusław Liberadzki, Peter Lundgren, Benoît Lutgen, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Marian-Jean Marinescu, Tilly Metz, Giuseppe Milazzo, Cláudia Monteiro de Aguiar, Caroline Nagtegaal, Jan-Christoph Oetjen, Philippe Olivier, Rovana Plumb, Tomasz Piotr Poręba, Dominique Riquet, Dorien Rookmaker, Massimiliano Salini, Sven Schulze, Vera Tax, Barbara Thaler, István Ujhelyi, Petar Vitanov, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Lucia Vuolo, Kosma Złotowski

    Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

    Leila Chaibi, Roman Haider, Henna Virkkunen

    Data tat-tressiq

    16.6.2020

     


     

     

    VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

    46

    +

    ECR

    Peter Lundgren, Tomasz Piotr Poręba, Kosma Złotowski

    GUE/NGL

    Leila Chaibi, Kateřina Konečná, Elena Kountoura

    ID

    Marco Campomenosi, Roman Haider, Julie Lechanteux, Philippe Olivier, Lucia Vuolo

    NI

    Mario Furore, Dorien Rookmaker

    PPE

    Magdalena Adamowicz, Andor Deli, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Benoît Lutgen, Marian-Jean Marinescu, Giuseppe Milazzo, Cláudia Monteiro de Aguiar, Massimiliano Salini, Sven Schulze, Barbara Thaler, Henna Virkkunen, Elissavet Vozemberg-Vrionidi

    RENEW

    José Ramón Bauzá Díaz, Izaskun Bilbao Barandica, Søren Gade, Elsi Katainen, Caroline Nagtegaal, Jan-Christoph Oetjen, Dominique Riquet

    S&D

    Andris Ameriks, Johan Danielsson, Ismail Ertug, Giuseppe Ferrandino, Isabel García Muñoz, Rovana Plumb, Vera Tax, István Ujhelyi, Petar Vitanov

    VERTS/ALE

    Ciarán Cuffe, Jakop G. Dalunde, Karima Delli, Anna Deparnay-Grunenberg, Tilly Metz

     

    1

    -

    PPE

    Gheorghe Falcă

     

    1

    0

    S&D

    Bogusław Liberadzki

     

    Tifsira tas-simboli użati:

    + : favur

    - : kontra

    0 : astensjoni

     

     

    Aġġornata l-aħħar: 1 ta' Lulju 2020
    Avviż legali - Politika tal-privatezza