RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill fir-rigward ta' linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

25.6.2020 - (COM(2020)0070 – C9-0079/2020 – 2020/0030(NLE)) - *

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
Rapporteur: José Gusmão


Proċedura : 2020/0030(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0124/2020
Testi mressqa :
A9-0124/2020
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill fir-rigward ta' linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

(COM(2020)0070 – C9-0079/2020 – 2020/0030(NLE))

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2020)0070),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 148(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C9-0079/2020),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 82 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A9-0124/2020),

1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2. Jistieden lill-Kummissjoni timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3. Jistieden lill-Kunsill jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4. Jitlob lill-Kunsill jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

Emenda  1

 

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(1) L-Istati Membri u l-Unjoni jridu jaħdmu biex tiġi żviluppata strateġija koordinata għall-impjiegi u b'mod partikolari biex tiġi promossa forza tax-xogħol b'ħiliet, imħarrġa u adattabbli kif ukoll swieq tax-xogħol li jwieġbu għat-tibdil ekonomiku, bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi ta' livell massimu ta' impjiegi u progress soċjali, tkabbir ibbilanċjat u livell għoli ta' protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ambjent kif stabbilit fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-promozzjoni tal-impjiegi bħala kwistjoni ta' interess komuni u jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom f'dan ir-rigward fil-Kunsill, filwaqt li jieħdu kont tal-prattiki nazzjonali relatati mar-responsabbiltajiet tal-maniġment u tal-ħaddiema.

(1) L-Istati Membri u l-Unjoni jridu jaħdmu biex jiżviluppaw u jimplimentaw strateġija effettiva u koordinata għall-impjiegi u b'mod partikolari biex tiġi promossa forza tax-xogħol b'ħiliet u mħarrġa, kif ukoll swieq tax-xogħol li jkunu dinamiċi, orjentati lejn il-futur u reattivi għat-tibdil ekonomiku, bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi ta' livell massimu ta' impjiegi u progress soċjali, inklużività, koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u livell għoli ta' protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ambjent. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-promozzjoni tal-impjiegi ta' kwalità abbażi ta' opportunitajiet indaqs u ta' ġustizzja soċjali bħala kwistjoni ta' interess komuni u għandhom jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom f'dan ir-rigward fil-Kunsill, filwaqt li jirrispettaw il-prattiki nazzjonali u l-awtonomija tas-sħab soċjali. Is-sitwazzjoni attwali kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, li se jkollha impatt gravi u dejjiemi fuq is-swieq tax-xogħol tal-Unjoni, il-ġustizzja soċjali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, tirrikjedi livell ta' azzjoni mingħajr preċedent sabiex jiġu appoġġati l-impjiegi, tiġi stimulata l-ekonomija u tissaħħaħ in-nisġa industrijali. Tenħtieġ azzjoni deċiżiva biex l-impriżi u l-ħaddiema jiġu protetti minn telf immedjat ta' impjiegi u introjtu, u bħala għajnuna biex jitrażżan ix-xokk ekonomiku u soċjali tal-kriżi u biex jiġi evitat telf enormi ta' impjiegi u reċessjoni profonda.

Emenda  2

 

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2) L-Unjoni trid tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni u tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, kif ukoll l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal. Meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont ta' rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjiegi, il-garanzija ta' protezzjoni soċjali adegwata, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u livell għoli ta' edukazzjoni u taħriġ, kif stabbilit fl-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(2) Sabiex jitwettqu bis-sħiħ il-prinċipji fundaturi tagħha - koeżjoni soċjali u paċi - b'mod saħansitra akbar f'mument ta' kriżi profonda meta dawn il-prinċipji jiġu kkontestati, il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni jenħtieġ li jkunu l-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni u jenħtieġ li jippromwovu l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, kif ukoll l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, l-inklużjoni tal-persuni b'diżabbiltà, u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal u ta' gruppi oħra żvantaġġati ħafna. Meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni hija obbligata tieħu kont ta' rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, is-swieq tax-xogħol ta' kwalità u inklużivi u impjieg sħiħ, l-eżistenza ta' servizzi pubbliċi ta' kwalità u għall-but ta' kulħadd, salarji deċenti, standards tal-għajxien deċenti u protezzjoni soċjali għal kulħadd, kif ukoll livell għoli ta' edukazzjoni u taħriġ tul il-ħajja kollha tan-nies, kif stabbilit fl-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Emenda  3

 

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 3

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(3) F'konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni żviluppat u implimentat strumenti għall-koordinazzjoni tal-politika dwar il-politiki ekonomiċi u tal-impiegi. Bħala parti minn dawn l-istrumenti, dawn il-Linji gwida għal-Linji Politiċi dwar l-Impjiegi tal-Istati Membri, flimkien mal-Linji Gwida Ġenerali għall-Politiki Ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 (5), isawru l-Linji Gwida Integrati. Dawn għandhom jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-politika fl-Istati Membri u fl-Unjoni, li tirrifletti l-interdipendenza bejn l-Istati Membri. Is-sett li jirriżulta ta' politiki u riformi kkoordinati Ewropej u nazzjonali jikkostitwixxi taħlita sostenibbli u ġenerali adatta ta' politiki ekonomiċi u tal-impjiegi li jenħtieġ li tikseb effetti kollaterali pożittivi.

(3) F'konformità mat-TFUE, l-Unjoni żviluppat u implimentat strumenti għall-koordinazzjoni tal-politika dwar il-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi. Bħala parti minn dawn l-istrumenti, dawn il-Linji gwida għal-Linji Politiċi dwar l-Impjiegi tal-Istati Membri, flimkien mal-Linji Gwida Ġenerali għall-Politiki Ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/11845 isawru l-Linji Gwida Integrati. Dawn jeħtiġilhom jappoġġaw il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (il-Pilastru), il-Karta Soċjali Ewropea riveduta, il-Ftehim ta' Pariġi u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-politika fl-Istati Membri u fl-Unjoni, li tirrifletti l-interdipendenza bejn l-Istati Membri. Is-sett li jirriżulta ta' politiki u riformi kkoordinati Ewropej u nazzjonali jikkostitwixxi taħlita ġenerali, sostenibbli u adatta ta' politiki ekonomiċi u tal-impjiegi li jenħtieġ li tikseb effetti kollaterali pożittivi, filwaqt li treġġa' lura t-tnaqqis fil-kopertura tan-negozjar kollettiv.

__________________

__________________

5 Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 tal-14 ta' Lulju 2015 dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 192, 18.7.2015, p. 27).

5 Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 tal-14 ta' Lulju 2015 dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 192, 18.7.2015, p. 27).

Emenda  4

 

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 4

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(4) Il-Linji gwida għal-Linji Politiċi dwar l-Impjiegi huma konsistenti mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni u inizjattivi tal-Unjoni varji, inkluż ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ (6), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2016 dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol (7), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2016 dwar Perkorsi ta' Titjib tal-Ħiliet (8), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta' Kwalità u Effettivi (9), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2018 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (10), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2019 dwar Sistemi ta' Edukazzjoni u Kura Bikrija ta' Kwalità Għolja tat-Tfal (11) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Novembru 2019 dwar l-Aċċess għall-Protezzjoni Soċjali (12).

(4) Il-Linji gwida għal-Linji Politiċi dwar l-Impjiegi huma konsistenti mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni u inizjattivi tal-Unjoni varji, inkluż ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ (6), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2016 dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol (7), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2016 dwar Perkorsi ta' Titjib tal-Ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti (8), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta' Kwalità u Effettivi (9), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2018 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (10), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2019 dwar Sistemi ta' Edukazzjoni u Kura Bikrija ta' Kwalità Għolja tat-Tfal (11) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Novembru 2019 dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom (12). B'segwitu għad-deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Marzu 2020 biex tiġi attivata l-hekk imsejħa "Klawżola liberatorja ġenerali", l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw flessibbiltà fiskali biex jippromwovu u jipproteġu l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' kwalità u biex jiffinanzjaw is-saħħa pubblika u s-servizzi soċjali. It-tul tal-applikazzjoni tal-"Klawżola liberatorja ġenerali" jrid jirrifletti d-dimensjoni u t-tul tal-kriżi tal-COVID-19. Abbażi tal-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni, jenħtieġ li jiġi eżaminat liema direzzjonijiet possibbli jista' jieħu l-iżvilupp tar-regoli fiskali tal-Unjoni.

__________________

__________________

6 ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.

6 ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.

7 ĠU C 67, 20.2.2016, p. 1.

7 ĠU C 67, 20.2.2016, p. 1.

8 ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1.

8 ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1.

9 ĠU C 153, 2.5.2018, p. 1.

9 ĠU C 153, 2.5.2018, p. 1.

10 ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1–13

10 ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1.

11 ĠU C 189, 5.6.2019, p. 4–14

11 ĠU C 189, 5.6.2019, p. 4.

12 ĠU C 387, 15.11.2019, p. 1–8

12 ĠU C 387, 15.11.2019, p. 1.

Emenda  5

 

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 5

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(5) Is-Semestru Ewropew jiġbor flimkien strumenti differenti f'qafas ġenerali għal koordinazzjoni u sorveljanza ta' politiki ekonomiċi u tal-impjiegi multilaterali integrati. Filwaqt li jsegwi s-sostenibbiltà ambjentali, il-produttività, il-ġustizzja u l-istabbiltà, is-Semestru Ewropew jintegra l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inkluż impenn qawwi mas-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra. Huwa jappoġġa t-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (13). Jenħtieġ li l-politiki tal-impjiegi u dawk ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri jimxu id f'id mat-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija newtrali għall-klima, ambjentalment sostenibbli u diġitali, filwaqt li jtejbu l-kompetittività, irawmu l-innovazzjoni, il-ġustizzja soċjali u l-opportunitajiet indaqs kif ukoll jindirizzaw l-inugwaljanzi u d-disparitajiet reġjonali.

(5) Is-Semestru Ewropew jiġbor flimkien strumenti differenti f'qafas ġenerali għal koordinazzjoni u sorveljanza ta' politiki ekonomiċi, tal-impjiegi, soċjali u ambjentali multilaterali integrati. Is-Semestru Ewropew jeħtieġ li jqiegħed is-sostenibbiltà, l-inklużjoni soċjali u l-benesseri tal-persuni fil-qalba tat-tfassil tal-politika ekonomika tal-Unjoni, filwaqt li jiġi żgurat li l-objettivi soċjali, ambjentali u ekonomiċi jingħataw l-istess prijorità. Filwaqt li jaħdem favur is-sostenibbiltà ambjentali, il-produttività, il-ġustizzja u l-istabbiltà, is-Semestru Ewropew jenħtieġ li jintegra aktar il-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inkluż impenn aktar qawwi mas-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra u jappoġġa t-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (13), inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. L-indiċi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jista' jservi bħala waħda mill-għodod tas-Semestru għall-monitoraġġ tal-progress lejn il-miri tal-impjiegi u l-miri soċjali u biex jitkejlu l-effetti b'rabta mal-ġeneru tal-politiki soċjali u tal-impjiegi. Jenħtieġ li l-politiki tal-impjiegi u dawk ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri jimxu id f'id mar-rispons tal-Ewropa għall-kriżi, u fid-dawl tal-effetti partikolarment serji ta' din il-kriżi fuq ċerti setturi industrijali u tan-negozju Ewropej, jenħtieġ li jappoġġaw ukoll it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, ambjentalment sostenibbli, soċjalment inklużiva u diġitali, filwaqt li jiżguraw konverġenza soċjali 'l fuq u jtejbu l-kompetittività, jappoġġaw lill-SMEs, irawmu l-innovazzjoni, jippromwovu l-ġustizzja soċjali u l-opportunitajiet indaqs u jinvestu fiż-żgħażagħ, kif ukoll jindirizzaw l-inugwaljanzi u d-disparitajiet reġjonali.

__________________

__________________

13 Ir-Riżoluzzjoni tan-NU A/RES/70/1

13 Ir-Riżoluzzjoni tan-NU A/RES/70/1

Emenda  6

 

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 6

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6) It-tibdil fil-klima u l-isfidi relatati mal-ambjent, il-globalizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u t-tibdil demografiku se jittrasformaw l-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej. Jenħtieġ li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jaħdmu flimkien biex jindirizzaw b'mod effettiv dawn il-fatturi strutturali u jadattaw is-sistemi eżistenti kif meħtieġ, filwaqt li jirrikonoxxu l-interdipendenza mill-qrib tal-ekonomiji u s-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri u l-politiki relatati. Dan jirrikjedi azzjoni ta' politika koordinata, ambizzjuża u effettiva kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali, f'konformità mat-TFUE u d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-governanza ekonomika. Jenħtieġ li azzjoni ta' politika bħal din tinkludi spinta għall-investiment sostenibbli, impenn imġedded għal riformi strutturali b'sekwenza loġika li jtejbu l-produttività, tkabbir ekonomiku, koeżjoni soċjali u territorjali, konverġenza 'l fuq, reżiljenza u l-eżerċizzju ta' responsabbiltà fiskali. Jenħtieġ li tikkombina miżuri min-naħa tal-provvista u min-naħa tad-domanda, filwaqt li tqis l-impatti tagħhom mil-lat ambjentali, soċjali u tal-impiegi.

(6) It-tibdil fil-klima u l-isfidi relatati mal-ambjent, il-globalizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u t-tibdil demografiku qed jittrasformaw profondament l-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej. Jenħtieġ li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jaħdmu flimkien biex jirrispondu għal din is-sitwazzjoni bla preċedent billi jinkorporaw id-drittijiet soċjali u jaħdmu favur tnaqqis tal-faqar u l-inugwaljanza u jadattaw is-sistemi eżistenti biex isaħħu r-reżiljenza u s-sostenibbiltà, filwaqt li jirrikonoxxu l-interdipendenza mill-qrib tal-ekonomiji u s-swieq tax-xogħol u l-politiki soċjali u ambjentali tal-Istati Membri. Dan jirrikjedi azzjoni ta' politika koordinata, ambizzjuża u effettiva kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali. Jenħtieġ li azzjoni ta' politika bħal din tinkludi spinta fl-investiment soċjali u ambjentali, miżuri effiċjenti fit-tul meħtieġa biex itaffu l-impatt tal-kriżi, u assistenza finanzjarja lill-impriżi, lill-organizzazzjonijiet tal-karità u mingħajr skop ta' qligħ, kif ukoll lill-unitajiet domestiċi, b'mod partikolari dawk f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali. Jenħtieġ li tikkombina miżuri min-naħa tal-provvista u min-naħa tad-domanda, filwaqt li tagħti attenzjoni xierqa anke lill-ħtiġijiet tad-domanda u l-provvista tas-suq tax-xogħol, u tinvolvi l-użu ta' teknoloġiji ġodda, filwaqt li tqis l-impatti tagħhom mil-lat ambjentali, soċjali u tal-impiegi. L-Istati Membri u l-Unjoni jenħtieġ li jadottaw strumenti fit-tul f'dan ir-rigward, u l-ħidma tal-Kummissjoni dwar skema Ewropea ta' riassigurazzjoni tal-qgħad permanenti hija milqugħa.

Emenda  7

 

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 7

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(7) Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ffirmaw proklamazzjoni interistituzzjonali għal Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (14). Il-Pilastru jistabbilixxi għoxrin prinċipju u dritt biex jappoġġaw swieq tax-xogħol u sistemi ta' protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb, strutturati madwar tliet kategoriji: opportunitajiet u aċċess indaqs għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni u inklużjoni soċjali. Il-prinċipji u d-drittijiet jagħtu direzzjoni lill-istrateġija tagħna filwaqt li jiżguraw li t-tranżizzjonijiet għan-newtralità tal-klima u s-sostenibbiltà ambjentali, id-diġitalizzazzjoni u l-bidla demografika jkunu soċjalment ekwi u ġusti. Il-Pilastru jikkostitwixxi qafas ta' referenza għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-impjiegi u soċjali tal-Istati Membri, biex imexxi r-riformi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali u biex jirrikonċilja s-suq "soċjali" u s-"suq" fl-ekonomija moderna tal-lum, inkluż permezz tal-promozzjoni tal-ekonomija soċjali.

(7) Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ffirmaw proklamazzjoni interistituzzjonali dwar il-Pilastru (14). Il-Pilastru jistabbilixxi għoxrin prinċipju u dritt biex jappoġġaw swieq tax-xogħol u sistemi ta' protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb, strutturati madwar tliet kategoriji: opportunitajiet u aċċess indaqs għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni u inklużjoni soċjali. Il-prinċipji u d-drittijiet jagħtu direzzjoni lill-istrateġija tagħna u jridu jiġu implimentati sabiex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni għan-newtralità tal-klima u s-sostenibbiltà ambjentali, id-diġitalizzazzjoni u ekwilibriju demografiku ġdid ikunu soċjalment ekwi u ġusti. Meta jitqies li l-Pilastru u l-prinċipji tiegħu jikkostitwixxu qafas ta' referenza għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-impjiegi u soċjali tal-Istati Membri, il-Linji gwida dwar l-Impjieg jistgħu jkunu għodda importanti għall-Istati Membri fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiki u miżuri għal soċjetà u ekonomija aktar reżiljenti u inklużivi filwaqt li jippromwovu d-drittijiet tal-ħaddiema u jippruvaw jilħqu l-objettiv ta' konverġenza 'l fuq, sabiex ikomplu jiżviluppaw il-mudell soċjali Ewropew.

__________________

__________________

14 ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10.

14 ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10.

Emenda  8

 

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 8

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(8) Ir-riformi fis-suq tax-xogħol, inkluż il-mekkaniżmi tal-iffissar tal-pagi nazzjonali, jenħtieġ li jsegwu prattiki nazzjonali ta' djalogu soċjali u jagħtu lok għall-opportunità meħtieġa għal kunsiderazzjoni ġenerali tal-kwistjonijiet soċjoekonomiċi, inkluż it-titjib fis-sostenibbiltà, fil-kompetittività, fil-ħolqien tal-impjiegi, fil-politiki tat-tagħlim tul il-ħajja u tat-taħriġ, fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, fl-edukazzjoni u l-ħiliet, fis-saħħa pubblika u l-inklużjoni kif ukoll fid-dħul reali.

(8) Bir-rispett dovut għall-prinċipju tas-sussidjarjetà kif definit fit-TFUE, ir-riformi fis-suq tax-xogħol, inkluż il-mekkaniżmi tal-iffissar tal-pagi nazzjonali, jenħtieġ li jippromwovu rkupru rapidu u jagħtu lok għall-opportunità meħtieġa għal kunsiderazzjoni ġenerali tal-kwistjonijiet soċjoekonomiċi, inkluż it-titjib fis-sostenibbiltà, fil-kompetittività, fit-tkabbir, fl-innovazzjoni, fil-ħolqien tal-impjiegi ta' kwalità, fl-inklużjoni tal-persuni b'diżabbiltà u gruppi żvantaġġati b'mod ieħor, fil-politiki tat-tagħlim tul il-ħajja u tat-taħriġ, fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, fl-edukazzjoni u l-ħiliet, fis-saħħa pubblika u l-inklużjoni kif ukoll fid-dħul reali. L-Istati Membri għalhekk jenħtieġ li jirrispettaw u jsaħħu lis-sħab soċjali u jestendu l-kopertura tan-negozjar kollettiv, u jieħdu miżuri biex jippromwovu densità għolja ta' trade unions u organizzazzjonijiet tal-impjegaturi sabiex jiżguraw irkupru demokratiku, inklużiv u soċjalment ġust.

Emenda  9

 

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 9

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(9) Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Unjoni jiżguraw li t-trasformazzjonijiet ikunu ekwi u soċjalment ġusti, li jsaħħu l-isforzi biex tiġi stabbilita soċjetà inklużiva u reżiljenti li fiha n-nies ikunu protetti u jkollhom is-setgħa biex jantiċipaw u jiġġestixxu l-bidla, u li jippermettu li n-nies jipparteċipaw attivament fis-soċjetà u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku. Jenħtieġ li tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni fil-forom kollha tagħha. Jenħtieġ li jiġu żgurati l-aċċess u l-opportunitajiet għal kulħadd u jenħtieġ li jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali (inkluż dawk tat-tfal), b’mod partikolari billi jiġi żgurat funzjonament effettiv tas-swieq tax-xogħol u tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali u billi jitneħħew l-ostakli għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, inkluż permezz ta' investimenti fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal. L-aċċess f'waqtu u ekwu għal servizzi tal-kura tas-saħħa affordabbli, inkluż il-prevenzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa huma partikolarment rilevanti fil-kuntest ta' soċjetajiet li qed jixjieħu. Jenħtieġ li l-persuni b'diżabbiltà li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp soċjali jkompli jwettqu l-potenzjal tagħhom. Mas-seħħ ta' mudelli ekonomiċi u kummerċjali ġodda fil-postijiet tax-xogħol tal-Unjoni, ir-relazzjonijiet tax-xogħol qed jinbidlu wkoll. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li r-relazzjonijiet tax-xogħol li jirriżultaw minn forom ġodda ta' xogħol iżommu u jsaħħu l-mudell soċjali tal-Ewropa.

(9) B'mod partikolari f'mument meta, kemm fil-livell ekonomiku kif ukoll f'dak soċjali, bidliet enormi se jkunu sfida għall-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li dawn il-bidliet ikunu ekwi u soċjalment ġusti, li jsaħħu l-isforzi biex tiġi stabbilita soċjetà aktar inklużiva u reżiljenti li fiha n-nies ikunu protetti u jkollhom is-setgħa biex jantiċipaw u jġestixxu l-bidla, u li jippermettu li n-nies jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku. Jenħtieġ li tiġi eliminata d-diskriminazzjoni fil-forom kollha tagħha. Jenħtieġ li kulħadd jingħata l-kapaċità li jikkontribwixxi bis-sħiħ fis-soċjetà. Jenħtieġ li jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għal kulħadd u jenħtieġ li l-faqar, id-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali (inkluż dawk tat-tfal, tal-persuni b'diżabbiltà u ta' gruppi żvantaġġati oħra) jiġu eradikati. Għal dan il-għan jenħtieġ li l-Unjoni timplimenta miżuri bħall-Garanzija Ewropea għat-Tfal. Jenħtieġ li l-persuni b'diżabbiltà li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali jkomplu jwettqu l-potenzjal tagħhom bis-sħiħ. Hekk kif qed jiġu adottati mudelli ekonomiċi u kummerċjali ġodda fil-postijiet tax-xogħol tal-Unjoni, ir-relazzjonijiet tax-xogħol qed jinbidlu wkoll. Kif tevidenzja l-kriżi tal-COVID-19, bosta ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet huma indispensabbli għall-funzjonament bażiku tal-ekonomija. Ħafna drabi, dawn jitħallsu paga baxxa u jaħdmu f'kundizzjonijiet prekarji. Jenħtieġ li l-Istati Membri jsaħħu aktar il-mudell soċjali tal-Ewropa billi jiżguraw li l-ħaddiema kollha jkollhom l-istess drittijiet, kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, inklużi s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u pagi deċenti. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jindirizzaw il-forom kollha ta' xogħol prekarju u impjieg indipendenti fittizju, u jiżguraw li r-relazzjonijiet tax-xogħol li jirriżultaw minn forom ġodda ta' xogħol ikunu konformi mal-mudell soċjali tal-Ewropa.

Emenda  10

 

Proposta għal deċiżjoni

Premessa 10

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(10) Jenħtieġ li dawn il-Linji Gwida Integrati jsawru l-bażi għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li l-Kunsill jista' jindirizza lill-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-Fond Soċjali Ewropew Plus u minn fondi oħra tal-Unjoni, inkluż il-Fond ta' Tranżizzjoni Ġusta u InvestEU, biex irawmu l-impjiegi, l-investimenti soċjali, l-inklużjoni soċjali, u l-aċċessibbiltà, jippromwovu l-opportunitajiet għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol, it-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' kwalità għolja għal kulħadd, inkluż il-litteriżmu u l-ħiliet diġitali. Filwaqt li l-Linji Gwida Integrati huma indirizzati lill-Istati Membri u lill-Unjoni, jenħtieġ li jiġu implimentati fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kollha, bl-involviment mill-qrib tal-parlamenti, kif ukoll is-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

(10) Jenħtieġ li dawn il-Linji Gwida Integrati jsawru l-bażi għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li l-Kunsill jista' jindirizza lill-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u minn fondi oħra tal-Unjoni, inkluż il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u InvestEU, biex irawmu l-impjiegi ta' kwalità u l-investimenti soċjali, kif ukoll jiġġieldu kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, biex irawmu l-aċċessibbiltà, jakkumpanjaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u diġitali u jippromwovu l-opportunitajiet għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol, it-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' kwalità għolja għal kulħadd, inkluż il-litteriżmu u l-ħiliet diġitali. L-użu ta' dawn il-fondi jenħtieġ li jkollu wkoll rwol ewlieni fl-investiment imsaħħaħ fis-servizzi pubbliċi, b'mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni, is-saħħa u l-akkomodazzjoni. Filwaqt li l-Linji Gwida Integrati huma indirizzati lill-Istati Membri u lill-Unjoni, jenħtieġ li jiġu implimentati fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kollha, bl-involviment mill-qrib u attiv, fl-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tagħhom, tal-parlamenti, kif ukoll is-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

Emenda  11

 

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 2 – paragrafu 1a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Il-linji gwida stabbiliti fl-Anness għandhom jiġu riveduti sa mhux aktar tard minn sena wara l-adozzjoni tagħhom biex titqies il-kriżi tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali u dawk għall-impjiegi tagħha, u biex nirrispondu aħjar għal kriżijiet simili fil-ġejjieni. Sabiex jissaħħaħ il-proċess deċiżjonali demokratiku, il-Parlament Ewropew għandu jiġi involut fid-definizzjoni tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi fuq bażi ugwali mal-Kunsill.

Emenda  12

 

Proposta għal deċiżjoni

Anness I – Linja gwida 5 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu b'mod attiv ekonomija tas-suq soċjali sostenibbli u jiffaċilitaw u jappoġġaw l-investiment fil-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jnaqqsu l-ostakoli li n-negozji jiffaċċjaw biex jimpjegaw in-nies, irawmu l-intraprenditorija responsabbli u l-impjieg indipendenti ġenwin u, b'mod partikolari, jappoġġjaw il-ħolqien u t-tkabbir ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, inkluż permezz tal-aċċess għall-finanzi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu b'mod attiv l-iżvilupp tal-ekonomija soċjali, irawmu l-innovazzjoni soċjali u l-intrapriżi soċjali, u jinkoraġġixxu dawk il-forom innovattivi ta' xogħol, joħolqu opportunitajiet ta' impjiegi ta' kwalità u jiġġeneraw benefiċċji soċjali fil-livell lokali.

L-Istati Membri għandhom jippromwovu b'mod attiv impjiegi sħaħ u ta' kwalità abbażi ta' ekonomija b'saħħitha. Filwaqt li jirrikonoxxu li l-investiment tal-Istat għandu rwol kruċjali fil-ħolqien tal-impjiegi, l-Istati Membri għandhom ivaraw investiment pubbliku kbir u politiki tal-impjiegi intelliġenti u ambizzjużi biex joħolqu l-impjiegi. L-Istati Membri għandhom jadattaw il-politiki tal-impjiegi tagħhom u jikkoordinaw, fil-livell tal-Unjoni, l-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki fir-rigward tal-miżuri temporanji li jipproteġu lill-ħaddiema u lis-swieq tax-xogħol kollha. Tali miżuri għandhom jinkludu sussidji tal-pagi; appoġġ għall-introjtu u estensjoni tal-iskemi ta' benefiċċji tal-qgħad; l-estensjoni tal-liv tal-mard imħallas u tal-liv ta' familjari li jindukraw u arranġamenti ta' telexogħol. L-Istati Membri għandhom jappoġġaw it-trasformazzjoni tal-intrapriżi Ewropej biex jiżguraw l-awtosuffiċjenza, b'mod partikolari fir-rigward tat-tagħmir protettiv u l-apparat mediku. L-Istati Membri għandhom iżidu l-appoġġ tagħhom għan-negozji li qed ibatu minħabba l-kriżi dment li dawk in-negozji jżommu l-persunal kollu tagħhom. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw ukoll li jissospendu s-sensji matul il-perjodu ta' kriżi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-involviment tas-sħab soċjali fl-ippjanar u l-implimentazzjoni ta' tali miżuri. Dawn il-miżuri għandhom jiġu sostnuti matul iż-żmien sakemm jintlaħaq irkupru ekonomiku sħiħ, u mbagħad għandhom jitneħħew gradwalment. Għandha tingħata attenzjoni partikolari li jiġu ggarantiti d-drittijiet u l-impjiegi tal-ħaddiema mobbli u fruntalieri li ġew affettwati ħażin ħafna mill-għeluq tal-fruntieri. L-Istati Membri għandhom irawmu l-intraprenditorija responsabbli, anki fost in-nisa u ż-żgħażagħ, u l-impjieg indipendenti ġenwin u, b'mod partikolari, jappoġġaw il-ħolqien u t-tkabbir ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, inkluż permezz tal-aċċess għall-finanzi. L-Istati Membri għandhom jippromwovu b'mod attiv l-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari u soċjali, irawmu l-innovazzjoni soċjali u l-intrapriżi soċjali u jsaħħu s-sostenibbiltà tagħhom, u jinkoraġġixxu dawk il-forom ta' xogħol li joħolqu opportunitajiet ta' impjiegi ta' kwalità u jiġġeneraw benefiċċji soċjali fil-livell lokali, b'mod partikolari f'setturi strateġiċi b'potenzjal qawwi ta' tkabbir, bħas-settur diġitali u dak tal-ekonomija ekoloġika. F'dak ir-rigward, politiki li jappoġġaw il-ħolqien tal-impjiegi għandhom jiġu implimentati wkoll, b'mod partikolari fis-servizzi pubbliċi jew privati ta' interess ġenerali, b'mod partikolari l-indukrar tat-tfal, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni.

Emenda  13

 

Proposta għal deċiżjoni

Anness I – Linja gwida 5 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Jenħtieġ li jitneħħa l-piż fiskali minn fuq ix-xogħol u jiżdied fuq sorsi oħra ta' tassazzjoni li jappoġġjaw l-impieg u t-tkabbir inklużiv u fl-istess ħin jiġi allinjat mal-objettivi klimatiċi u ambjentali, filwaqt li jittieħed kont tal-effett ridistributtiv tas-sistema fiskali, filwaqt li jiġi protett id-dħul għal protezzjoni soċjali adegwata u l-infiq li jsaħħaħ it-tkabbir.

It-tassazzjoni għandha titneħħa minn fuq ix-xogħol u tiżdied fuq sorsi oħra fejn ikollha effett inqas ta' ħsara fuq it-tkabbir inklużiv u fl-istess ħin tiżgura l-allinjament sħiħ mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u mal-objettivi klimatiċi u ambjentali, kif definiti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, filwaqt li jiżdied l-impatt ridistributtiv tas-sistema fiskali u jiġi protett id-dħul għal protezzjoni soċjali u investiment pubbliku adegwati.

Emenda  14

 

Proposta għal deċiżjoni

Anness I – Linja gwida 5 – paragrafu 3

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Jenħtieġ li l-Istati Membri li għandhom fis-seħħ mekkaniżmi nazzjonali għall-iffissar ta' pagi minimi statutorji jiżguraw involviment effettiv tas-sħab soċjali b'mod trasparenti u prevedibbli li jippermetti rispons adegwat tal-pagi għal żviluppi fil-produttività u jipprovdu pagi ġusti għal standard ta' għajxien deċenti, u jagħtu attenzjoni partikolari lill-gruppi bi dħul baxx u medju bl-għan ta' konverġenza 'l fuq. Jenħtieġ li dawn il-mekkaniżmi jqisu l-prestazzjoni ekonomika bejn ir-reġjuni u s-setturi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv bil-għan li jiġu stabbiliti l-pagi. Filwaqt li jirrispettaw il-prattiki nazzjonali, jenħtieġ li l-Istati Membri u s-sħab soċjali jiżguraw li l-ħaddiema kollha jkunu intitolati għal pagi adegwati u ġusti permezz ta' ftehimiet kollettivi jew pagi minimi statutorji adegwati, filwaqt li jitqies l-impatt tagħhom fuq il-kompetittività, il-ħolqien tal-impjiegi u l-faqar fost dawk li jaħdmu.

Politiki li jiżguraw li pagi ġusti jippermettu standard ta' għajxien deċenti jibqgħu importanti biex joħolqu l-impjiegi u jnaqqsu l-faqar fl-Unjoni kif inhuma dawk li jiżguraw il-kompatibbiltà tax-xogħol imħallas u l-intitolament għall-allowances tal-Istat li jikkumpensaw għall-ostakli li jiffaċċjaw il-gruppi emarġinati. L-Istati Membri li għandhom fis-seħħ mekkaniżmi nazzjonali għall-iffissar ta' pagi minimi statutorji għandhom jiżguraw l-involviment effettiv tas-sħab soċjali fil-proċedura relatata tal-iffissar tal-pagi b'mod trasparenti u prevedibbli. L-iżvilupp ta' pagi minimi għandu jqis l-iżviluppi fil-produttività biex jiġu miġġielda l-prekarjat u l-faqar fost min għandu xogħol, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-gruppi b'introjtu baxx u medju bl-għan ta' konverġenza 'l fuq Dawn il-mekkaniżmi għandhom iqisu l-indikaturi tal-faqar speċifiċi għal kull Stat Membru u l-prestazzjoni ekonomika bejn ir-reġjuni u s-setturi. L-Istati Membri għandhom isaħħu d-djalogu soċjali u jieħdu miżuri biex jestendu l-kopertura tan-negozjar kollettiv. Filwaqt li jirrispettaw il-prattiki nazzjonali u l-awtonomija tas-sħab soċjali, l-Istati Membri u s-sħab soċjali għandhom jeliminaw id-diskriminazzjoni fil-pagi minħabba l-età jew il-ġeneru u jiżguraw li l-ħaddiema kollha jkunu intitolati għal pagi adegwati u ġusti permezz ta' ftehimiet kollettivi jew pagi minimi statutorji adegwati, filwaqt li jitqies l-impatt pożittiv tagħhom fuq il-kompetittività, il-ħolqien tal-impjiegi u l-faqar fost dawk li jaħdmu.

Emenda  15

 

Proposta għal deċiżjoni

Anness I – Linja gwida 5 – paragrafu 3a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

L-Istati Membri se jkunu jistgħu jitolbu l-assistenza mill-istrument ta' solidarjetà "Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta' Qgħad f'Emerġenza" (SURE). L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-assistenza finanzjarja f'dan ir-rigward tingħata biss lill-intrapriżi li jirrispettaw il-ftehimiet kollettivi applikabbli. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-intrapriżi benefiċjarji joqogħdu lura milli jagħmlu riakkwisti tal-ishma jew iħallsu dividendi lill-azzjonisti u bonusijiet lid-diriġenti, u li dawn l-intrapriżi ma jkunux irreġistrati f'rifuġji fiskali.

Emenda  16

 

Proposta għal deċiżjoni

Anness I – Linja gwida 6 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Fil-kuntest ta' tranżizzjonijiet teknoloġiċi u ambjentali, kif ukoll ta' tibdil demografiku, jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu s-sostenibbiltà, il-produttività, l-impjegabbiltà u l-kapital uman, irawmu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi rilevanti tul il-ħajja tax-xogħol tal-persuni, filwaqt li jirrispondu għall-ħtiġijiet attwali u futuri tas-suq tax-xogħol. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jadattaw u jinvestu fis-sistemi tagħhom ta' edukazzjoni u ta' taħriġ biex jipprovdu edukazzjoni ta' kwalità għolja u inklużiva, inkluż l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jaħdmu flimkien mas-sħab soċjali, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-intrapriżi u partijiet ikkonċernati oħra biex jindirizzaw id-dgħufijiet strutturali fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, u jtejbu l-kwalità u r-rilevanza tas-suq tax-xogħol, bil-ħsieb ukoll li jħaffu t-tranżizzjoni ambjentali. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-isfidi tal-professjoni tat-tagħlim. Jenħtieġ li s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ jgħammru lill-istudenti kollha b'kompetenzi ewlenin, inkluż il-ħiliet bażiċi u diġitali kif ukoll il-kompetenzi trasversali biex jinbnew il-pedamenti għall-adattabbiltà aktar tard fil-ħajja. Jenħtieġ li l-Istati Membri jfittxu li jiżguraw it-trasferiment ta' intitolamenti ta' taħriġ matul bidliet professjonali fil-karriera, inkluż, fejn xieraq, permezz ta' kontijiet individwali ta' tagħlim. Jenħtieġ li dawn jippermettu lil kulħadd biex jantiċipa u jadatta aħjar għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol b'mod partikolari permezz ta' taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet kontinwi, bil-ħsieb li jiġu appoġġati tranżizzjonijiet ekwi u ġusti għal kulħadd, jissaħħu l-eżiti soċjali, jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tas-suq tax-xogħol u titjieb ir-reżiljenza ġenerali tal-ekonomija għax-xokkijiet.

Fil-kuntest tat-tranżizzjonijiet teknoloġiċi u ambjentali kontinwi, it-tibdil demografiku u l-isfidi preżenti, l-Istati Membri għandhom jippromwovu d-drittijiet soċjali, is-sostenibbiltà, il-produttività, l-impjegabbiltà u l-kapaċitajiet tal-bniedem, irawmu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi rilevanti tul il-ħajja tax-xogħol tal-persuni, filwaqt li jirrispondu għall-kriżi tal-qgħad attwali u jindirizzaw il-ħtiġijiet attwali u futuri tas-suq tax-xogħol. Il-ħtiġijiet tal-Istati Membri ta' taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol tagħhom sabiex jirrispondu għall-kriżi għandhom jissaħħu permezz ta' investiment fis-sistemi pubbliċi tagħhom ta' edukazzjoni u ta' taħriġ biex jipprovdu edukazzjoni ta' kwalità għolja u inklużiva, inkluż it-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim formali u informali tul il-ħajja. L-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien mas-sħab soċjali, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-intrapriżi, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi soċjali u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra biex jindirizzaw id-dgħufijiet strutturali u ġodda fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, u jtejbu l-kwalità u r-rilevanza tas-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jindirizzaw il-ħtiġijiet tas-setturi b'nuqqas ta' ħiliet kroniċi, bil-ħsieb ukoll li jħaffu t-tranżizzjoni ambjentali simultanja kif ukoll il-bidliet teknoloġiċi u diġitali li jmorru lejn soluzzjonijiet ibbażati fuq l-intelliġenza artifiċjali. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-isfidi tal-professjoni tat-tagħlim. Is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jgħammru lill-istudenti kollha b'kompetenzi ewlenin, inkluż il-ħiliet bażiċi u diġitali kif ukoll il-kompetenzi trasversali biex jinbnew il-pedamenti għall-adattabbiltà aktar tard fil-ħajja u għandhom iħejju lill-għalliema biex ikunu jistgħu jipprovdu dawn il-kompetenzi lill-istudenti tagħhom. L-Istati Membri għandhom ifittxu li jiżguraw it-trasferiment ta' intitolamenti ta' taħriġ matul bidliet professjonali fil-karriera, inkluż permezz ta' kontijiet individwali ta' tagħlim. Fl-istess ħin, għandhom jiggarantixxu li dan l-approċċ ma jipperikolax in-natura umanistika tal-edukazzjoni kif ukoll l-aspirazzjonijiet tal-individwi. Huwa kruċjali li l-Istati Membri jieħdu azzjoni bikrija biex jevitaw l-effett negattiv għall-individwi u s-soċjetajiet li jkunu barra s-suq tax-xogħol b'mod partikolari permezz ta' taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet kontinwi, bil-ħsieb li jiġu appoġġati tranżizzjonijiet ekwi u ġusti għal kulħadd, b'kopertura u livell ta' benefiċċji tal-qgħad suffiċjenti, jissaħħu l-eżiti soċjali, jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tas-suq tax-xogħol u titjieb ir-reżiljenza ġenerali tal-ekonomija għax-xokkijiet.

Emenda  17

 

Proposta għal deċiżjoni

Anness I – Linja gwida 6 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Jenħtieġ li l-Istati Membri jrawmu opportunitajiet indaqs għal kulħadd billi jindirizzaw l-inugwaljanzi fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, inkluż billi jipprovdu aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità tajba fit-tfulija bikrija. Jenħtieġ li jgħollu l-livelli ġenerali tal-edukazzjoni, inaqqsu l-għadd ta' żgħażagħ li jitilqu kmieni mill-iskola, iżidu l-aċċess għall-edukazzjoni terzjarja u li jitlestew l-istudji relatati, iżidu l-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim kontinwu, partikolarment fost studenti ġejjin minn ambjenti żvantaġġati, dawk l-inqas kwalifikati. Filwaqt li jqisu rekwiżiti ġodda f'soċjetajiet diġitali, ekoloġiċi u li qed jixjieħu, jenħtieġ li l-Istati Membri jsaħħu t-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali tagħhom (ETV) (inkluż permezz ta' apprendistati ta' kwalità u effettivi) u jżidu l-għadd ta' gradwati fix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika (Science, Technology, Engineering and Mathematics - STEM) kemm fl-ETV f'livell medju kif ukoll fl-edukazzjoni terzjarja. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jtejbu r-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni terzjarja u tar-riċerka, itejbu l-monitoraġġ u t-tbassir tal-ħiliet, jagħmlu l-ħiliet aktar viżibbli u l-kwalifiki komparabbli, inkluż dawk miksuba barra mill-pajjiż, u jżidu l-opportunitajiet għar-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba barra mill-edukazzjoni u t-taħriġ formali. Jenħtieġ li jtejbu u jżidu l-provvista u l-użu tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kontinwi flessibbli. Jenħtieġ li l-Istati Membri jappoġġaw ukoll lill-adulti b'ħiliet baxxi biex iżommu jew jiżviluppaw l-impjegabbiltà fit-tul tagħhom billi jzidu l-aċċess għal opportunitajiet ta' tagħlim ta' kwalità u t-twettiq tagħhom, permezz tal-implimentazzjoni ta' Perkorsi ta' Titjib tal-Ħiliet, inkluż permezz ta' valutazzjoni tal-ħiliet, offerta ta' edukazzjoni u taħriġ li taqbel mal-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol u l-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħiliet miksuba.

L-Istati Membri għandhom irawmu opportunitajiet indaqs għal kulħadd billi jeliminaw l-inugwaljanzi fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, inkluż billi jipprovdu aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità tajba, universali u inklużiva fit-tfulija bikrija. Għandhom jgħollu l-livelli ġenerali tal-edukazzjoni, inaqqsu l-għadd ta' żgħażagħ li jitilqu mill-iskola, iżidu l-aċċess għall-edukazzjoni terzjarja u li jitlestew l-istudji relatati, iżidu l-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim kontinwu, partikolarment fost studenti ġejjin minn ambjenti żvantaġġati, spiss dawk l-inqas kwalifikati. Filwaqt li jqisu rekwiżiti ġodda f'soċjetajiet diġitali, ekoloġiċi u li qed jixjieħu, kif ukoll stereotipi fir-rigward tal-ġeneru, l-Istati Membri għandhom isaħħu t-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali tagħhom (ETV) (inkluż permezz ta' apprendistati ta' kwalità u effettivi) u, filwaqt li ma jissottovalutawx l-importanza tal-investiment kontinwu fix-xjenzi umani, iżidu l-għadd ta' gradwati fix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika (Science, Technology, Engineering and Mathematics - STEM) permezz ta' approċċ ibbilanċjat fir-rigward tal-ġeneru kemm fl-ETV f'livell medju kif ukoll fl-edukazzjoni terzjarja. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom itejbu r-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni terzjarja u tar-riċerka, isaħħu t-taħriġ duwali u kooperattiv, itejbu l-monitoraġġ u t-tbassir tal-ħiliet, jagħmlu l-ħiliet aktar viżibbli u l-kwalifiki komparabbli, inkluż dawk miksuba barra mill-pajjiż, u jżidu l-opportunitajiet għar-rikonoxximent u l-validazzjoni formali tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba kemm mill-edukazzjoni u t-taħriġ formali kif ukoll minn barra. Għandhom itejbu u jżidu l-provvista u l-użu tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kontinwi aktar flessibbli u inklużivi. L-Istati Membri għandhom jinvestu fl-impjiegi u fl-iskemi ta' protezzjoni soċjali għal dawk li ma jkunux kapaċi jitħarrġu mill-ġdid, u jappoġġaw, permezz ta' servizzi pubbliċi, lill-adulti b'ħiliet baxxi billi jgħinuhom jiksbu aċċess għal impjieg stabbli u ta' kwalità biex iżommu jew jiżviluppaw l-impjegabbiltà fit-tul tagħhom billi jżidu l-aċċess għal opportunitajiet ta' tagħlim ta' kwalità u t-twettiq tagħhom, permezz tal-implimentazzjoni ta' Perkorsi ta' Titjib tal-Ħiliet, inkluż permezz ta' valutazzjoni tal-ħiliet, offerta ta' edukazzjoni u taħriġ li taqbel mal-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol. Id-dritt għal liv edukattiv imħallas għal skopijiet professjonali għandu jitħeġġeġ, skont il-konvenzjonijiet tal-ILO li jippermettu lill-ħaddiema jattendu programmi ta' taħriġ fil-ħinijiet tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippromwovu l-aċċess universali għall-apprendiment u t-taħriġ mill-bogħod, filwaqt li jqisu bis-sħiħ il-ħtiġijiet tal-persuni b'diżadiżabbiltàà.

Emenda  18

 

Proposta għal deċiżjoni

Anness I – Linja gwida 6 – paragrafu 3

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-persuni qiegħda u inattivi b'assistenza effettiva, f'waqtha, ikkoordinata u mfassla apposta, li tkun ibbażata fuq l-appoġġ għat-tfittix ta' impjieg, it-taħriġ, ir-rikwalifikazzjoni u l-aċċess għal servizzi oħra ta' sostenn. Jenħtieġ li jitwettqu strateġiji komprensivi li jinkludu valutazzjoni individwali fil-fond dwar il-qgħad kemm jista' jkun malajr bil-ħsieb li jitnaqqas u jiġi evitat b'mod sinifikanti i strutturali u fit-tul. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-kwistjoni ta' żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, mill-impjieg jew mit-taħriġ, jenħtieġ li jiġu indirizzati permezz tal-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola u t-titjib strutturali fit-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol, inkluż permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ (15).

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-persuni qiegħda b'assistenza effettiva, f'waqtha, ikkoordinata u mfassla apposta, li tkun ibbażata fuq l-appoġġ għat-tfittix ta' impjieg, it-taħriġ, ir-rikwalifikazzjoni u l-aċċess għal servizzi oħra ta' sostenn, b'mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa u tal-akkomodazzjoni. Għandhom jitwettqu strateġiji komprensivi li jinkludu valutazzjoni individwali fil-fond tal-persuni qiegħda kemm jista' jkun malajr, bil-ħsieb li jitnaqqas u jiġi evitat b'mod sinifikanti r-riskju ta' żieda tal-qgħad strutturali u fit-tul, inklużi strateġiji biex jitnaqqas il-qgħad fost il-persuni b'diżabbiltà u gruppi żvantaġġati oħra. L-Istati Membri, bl-involviment tas-sħab soċjali, għandhom jistabbilixxu jew isaħħu l-mekkaniżmi u s-sistemi ta' appoġġ għat-tranżizzjoni tal-impjiegi, b'appoġġ mill-Fond Soċjali Ewropew. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji fost iż-żgħażagħ u l-kwistjoni ta' żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, mill-impjieg jew mit-taħriġ (NEETs), għandhom jibqgħu jiġu indirizzati bħala prijorità permezz tal-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola, l-aċċess għat-taħriġ għal setturi orjentati lejn il-futur bħall-ekonomiji ekoloġiċi u diġitali fi ħdan it-titjib strutturali fit-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol u l-aċċess għal impjiegi ta' kwalità biex tiġi indirizzata ż-żieda fil-prekarjetà għaż-żgħażagħ. Il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata wkoll permezz ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ imġedda u effettiva li tkun kapaċi tipprovdi offerti ta' xogħol, edukazzjoni jew taħriġ ta' kwalità għolja, li tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha b'mod sinifikanti.

__________________

 

(15) ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.

 

Emenda  19

 

Proposta għal deċiżjoni

Anness I – Linja gwida 6 – paragrafu 4

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Jenħtieġ li l-Istati Membri jneħħu l-ostakli u d-diżinċentivi għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, u jipprovdu l-inċentivi għaliha, b'mod partikolari għal ħaddiema bi dħul baxx, ħaddiema li huma t-tieni sors ta' dħul u dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol. Jenħtieġ li l-Istati Membri jappoġġaw ambjent adattat għax-xogħol għal persuni b'diżabbiltà, inkluż permezz ta' appoġġ finanzjarju u servizzi finanzjarji mmirati li jippermettulhom li jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà.

L-Istati Membri għandhom ineħħu l-ostakli u d-diżinċentivi għall-aċċess għas-suq tax-xogħol, u jipprovdu inċentivi għall-aċċess għalih, b'mod partikolari għal gruppi żvantaġġati u dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jappoġġaw ambjent adattat għax-xogħol għal persuni b'diżabbiltà, inkluż permezz ta' appoġġ finanzjarju u servizzi finanzjarji mmirati li jippermettulhom li jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà.

Emenda  20

 

Proposta għal deċiżjoni

Anness I – Linja gwida 6 – paragrafu 5

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw l-ugwaljanza bejn is-sessi u aktar parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, inkluż permezz ta' opportunitajiet indaqs u progressjoni tal-karriera u t-tneħħija tal-ostakli għall-parteċipazzjoni fit-tmexxija fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa jenħtieġ li tiġi indirizzata. Jenħtieġ li jkun żgurat li jkun hemm paga ugwali għal xogħol ugwali, jew xogħol ta' valur ugwali, u t-trasparenza fil-pagi. Jenħtieġ li tiġi promossa r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, il-familja u l-ħajja privata kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, b'mod partikolari permezz ta' aċċess għal kura fit-tul u servizzi tal-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-ġenituri u persuni oħra b'responsabbiltajiet ta' kura jkollhom aċċess għal liv tal-familja adegwat u arranġamenti flessibbli tax-xogħol sabiex jintlaħaq bilanċ bejn ix-xogħol, il-familja u l-ħajja privata, u jippromwovu użu bilanċjat ta' dawn l-intitolamenti bejn in-nisa u l-irġiel.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u aktar parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, inkluż permezz ta' opportunitajiet indaqs u progressjoni tal-karriera u t-tneħħija tal-ostakli għall-parteċipazzjoni fit-tmexxija fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-aħjar sforzi biex japprovaw u jimplimentaw il-perċentwal minimu kif stabbilit fid-direttiva proposta dwar it-titjib tal-bilanċ bejn il-ġeneri f'bordijiet korporattivi. Id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi, il-pensjonijiet u l-impjiegi għandha tispiċċa. Il-perjodi ta' liv tal-maternità u tal-ġenituri għandhom jiġu vvalutati b'mod xieraq kemm f'termini ta' kontribuzzjonijiet imħallsa kif ukoll f'termini ta' intitolamenti tal-pensjoni, sabiex tiġi riflessa l-importanza li jiġu edukati l-ġenerazzjonijiet futuri, speċjalment fil-kuntest ta' soċjetà li qed tixjieħ. Għandhom jiġu żgurati paga ugwali għal xogħol ugwali, jew xogħol ta' valur ugwali, u trasparenza fil-pagi, anke bl-istabbiliment ta' indiċi ta' ekwità tal-pagi li jqabbel in-nisa mal-irġiel. Għandha tiġi promossa r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, il-familja u l-ħajja privata kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, b'mod partikolari permezz ta' aċċess għal kura fit-tul u servizzi tal-edukazzjoni tul il-ħajja u kura bikrija tat-tfal. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ġenituri u persuni oħra b'responsabbiltajiet ta' kura jkollhom aċċess għal liv tal-familja adegwat u arranġamenti flessibbli tax-xogħol sabiex jintlaħaq bilanċ bejn ix-xogħol, il-familja u l-ħajja privata, u jippromwovu użu bilanċjat ta' dawn l-intitolamenti bejn in-nisa u l-irġiel. Għandhom jimxu lejn liv tal-maternità u tal-ġenituri mħallas bis-sħiħ.

Emenda  21

 

Proposta għal deċiżjoni

Anness I – Linja gwida 7 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Sabiex jibbenefikaw minn forza tax-xogħol dinamika u produttiva, minn xejriet tax-xogħol u mudelli kummerċjali ġodda, jenħtieġ li l-Istati Membri jaħdmu flimkien mas-sħab soċjali fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, trasparenti u prevedibbli, li jibbilanċjaw id-drittijiet u l-obbligi. Għandhom inaqqsu u jipprevjenu s-segmentazzjoni fis-swieq tax-xogħol, jiġġieldu kontra x-xogħol mhux iddikjarat u jrawmu it-transizzjoni lejn forom ta' impjieg miftuħa. Jenħtieġ li r-regoli dwar il-protezzjoni tal-impjiegi, il-liġi tax-xogħol u l-istituzzjonijiet jipprovdu lkoll kemm ambjent adatt għar-reklutaġġ, kif ukoll il-flessibbiltà meħtieġa għall-impjegaturi biex jadattaw malajr għal bidliet fil-kuntest ekonomiku, filwaqt li jiġu preservati ambjenti tax-xogħol adegwati, siguri u tajbin għas-saħħa, sikuri u adattati tajjeb għall-ħaddiema, li jipproteġu d-drittijiet tax-xogħol u jiżguraw il-protezzjoni soċjali. Jenħtieġ li jiġu evitati relazzjonijiet tax-xogħol li jwasslu għal kondizzjonijiet tax-xogħol prekarji, inkluż fil-każ ta' ħaddiema tal-pjattaformi u billi jiġi miġġieled l-abbuż ta' kuntratti atipiċi. L-aċċess għal riżoluzzjoni tat-tilwim effettiv u imparzjali u dritt għal rimedju, inkluż kumpens adegwat, għandhom jiġu żgurati f'każijiet ta' tkeċċija inġusta.

Sabiex jibbenefikaw minn forza tax-xogħol dinamika u produttiva, minn xejriet tax-xogħol u mudelli kummerċjali ġodda, l-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien mas-sħab soċjali fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, trasparenti u prevedibbli, li jibbilanċjaw id-drittijiet u l-obbligi. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri konkreti biex jippromwovu u jsaħħu d-djalogu soċjali fil-livelli kollha u n-negozjar kollettiv, inkluża d-Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill1a. Għandhom inaqqsu u jipprevjenu s-segmentazzjoni fis-swieq tax-xogħol, jiġġieldu kontra x-xogħol mhux iddikjarat u l-impjieg indipendenti fittizju u jrawmu t-tranżizzjoni lejn forom ta' impjieg miftuħa. Ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-impjiegi, il-liġi tax-xogħol u l-istituzzjonijiet għandhom jipprovdu lkoll ambjent adatt għall-ħolqien ta' impjiegi stabbli u ta' kwalità filwaqt li jiġu preservati ambjenti tax-xogħol adegwati, siguri u tajbin għas-saħħa, sikuri u adattati tajjeb għall-ħaddiema, li jiżguraw id-drittijiet tax-xogħol u jiżguraw protezzjoni soċjali deċenti. Dawn għandhom ukoll jaħdmu flimkien mar-rappreżentanti tat-trade unions biex jiżguraw ambjent tax-xogħol tajjeb għas-saħħa u sikur, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-prevenzjoni ta' inċidenti u mard fuq il-post tax-xogħol. Għandhom jiġu evitati relazzjonijiet tax-xogħol li jwasslu għal kondizzjonijiet tax-xogħol prekarji u kompetizzjoni fil-pagi, inkluż fil-każ ta' ħaddiema tal-pjattaformi. M'għandu jkun hemm ebda abbuż ta' kuntratti atipiċi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn il-ħaddiema kollha jibbenefikaw b'mod effettiv minn kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, drittijiet soċjali u aċċess għal protezzjoni soċjali adegwata u rappreżentanza aħjar. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw bis-sħiħ il-Konvenzjoni tal-1947 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar l-Ispezzjoni tax-Xogħol u jinvestu fi spezzjonijiet tax-xogħol effettivi minn awtoritajiet kompetenti li jingħataw setgħat biżżejjed, u jikkoordinaw u jikkooperaw fil-qafas tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu l-abbuż transfruntier. L-aċċess għal riżoluzzjoni tat-tilwim effettiv u imparzjali u dritt għal rimedju, inkluż kumpens adegwat, għandhom jiġu żgurati f'każijiet ta' tkeċċija inġusta. L-Istati Membri għandhom jibnu fuq in-Network Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjieg u l-aġenziji Ewropej biex jidentifikaw prattiki tajbin ibbażati fuq l-evidenza, iħeġġu t-tagħlim reċiproku u jippromwovu koordinazzjoni akbar tal-politiki tal-impjieg.

 

____________

 

1a. Id-Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-istabbiliment ta' Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni tal-impjegati (ĠU L 122, 16.5.2009, p. 28).

Emenda  22

 

Proposta għal deċiżjoni

Anness I – Linja gwida 7 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Jenħtieġ li l-politiki jkollhom l-għan li jtejbu u jappoġġaw il-parteċipazzjoni, it-tlaqqigħ u t-tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol. Jenħtieġ li l-Istati Membri jħeġġu u jsostnu b'mod effettiv lil dawk li jistgħu jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol. Jenħtieġ li l-Istati Membri jsaħħu l-effettività ta' politiki attivi tas-suq tax-xogħol billi jagħmluhom aktar immirati, mifruxa u jilħqu aktar 'il bogħod u jorbtuhom aħjar mal-appoġġ għall-introjtu għal dawk qiegħda, waqt li jkunu qed ifittxu x-xogħol u abbażi tad-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom. L-Istati Membri jenħtieġ li jimmiraw għal servizzi pubbliċi tal-impjiegi aktar effettivi u effiċjenti billi jiżguraw assistenza f'waqtha u mfassla apposta li tappoġġa lil dawk li qed ifittxu impjieg, jappoġġaw id-domanda tas-suq tax-xogħol u jimplimentaw ġestjoni bbażata fuq il-prestazzjoni.

Il-politiki għandu jkollhom l-għan li jtejbu u jappoġġaw il-parteċipazzjoni, it-tlaqqigħ u t-tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari t-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi u li jtejbu l-impjiegi anki fit-territorji żvantaġġati. L-Istati Membri għandhom b'mod effettiv jagħtu inċentivi lil dawk li jistgħu jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol biex isibu impjiegi ta' kwalità. L-Istati Membri għandhom isaħħu l-effettività ta' politiki attivi tas-suq tax-xogħol billi jagħmluhom aktar immirati, mifruxa u jilħqu aktar 'il bogħod u jiżguraw appoġġ għall-introjtu deċenti għal dawk qiegħda, waqt li jkunu qed ifittxu x-xogħol. L-Istati Membri għandhom jimmiraw għal servizzi pubbliċi tal-impjiegi aktar effettivi u effiċjenti, anki għall-ħaddiema transfruntieri, billi jiżguraw assistenza f'waqtha u mfassla apposta li tappoġġa lil dawk li qed ifittxu impjieg u jappoġġaw id-domanda tas-suq tax-xogħol. L-impjiegi ta' kwalità għandhom ikunu l-objettiv ta' tali servizzi.

Emenda  23

 

Proposta għal deċiżjoni

Anness I – Linja gwida 7 – paragrafu 3

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lil dawk qiegħda b'benefiċċji tal-qgħad adegwati ta' tul taż-żmien raġonevoli, konformi mal-kontribuzzjonijiet u r-regoli ta' eliġibbiltà nazzjonali tagħhom. Jenħtieġ li tali benefiċċji ma jkunux ta' diżinċentiv għal ritorn ta' malajr għax-xogħol u jenħtieġ li jkunu akkumpanjati minn politiki attivi tas-suq tax-xogħol

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lil dawk qiegħda b'benefiċċji tal-qgħad adegwati ta' tul taż-żmien suffiċjenti, konformi mal-kontribuzzjonijiet u r-regoli ta' eliġibbiltà nazzjonali tagħhom. Dan għandu jkun akkumpanjat minn politiki attivi tas-suq tax-xogħol u bl-appoġġ ta' mekkaniżmi ta' tagħlim reċiproku bejn l-Istati Membri.

Emenda  24

 

Proposta għal deċiżjoni

Anness I – Linja gwida 7 – paragrafu 4

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Jenħtieġ li l-mobbiltà tal-istudenti u tal-ħaddiema tkun appoġġata b'mod adegwat bil-għan li jittejbu l-impjegabbiltà, il-ħiliet u jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-suq tax-xogħol Ewropew, filwaqt li jiġu żgurati wkoll kundizzjonijiet ġusti għal dawk kollha li qed iwettqu attività transfruntiera u żieda fil-kooperazzjoni amministrattiva fost l-amministrazzjonijiet nazzjonali fir-rigward tal-ħaddiema mobbli. Jenħtieġ li jitneħħew l-ostakli għal mobbiltà fl-edukazzjoni u t-taħriġ, fil-pensjonijiet okkupazzjonali u personali u fir-rikonoxximent ta' kwalifiki u li jiġi ssimplifikat ir-rikonoxximent tal-kwalifiki. Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jiżguraw li l-proċeduri amministrattivi ma jkunux ostaklu bla bżonn għall-ħaddiema minn Stati Membri oħra li jkunu ser jibdew fl-impjieg, inkluż għall-ħaddiema transkonfinali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevjenu wkoll l-abbuż tar-regoli eżistenti u jindirizzaw il-kawżi sottostanti tal-"eżodu ta' mħuħ" minn ċerti reġjuni permezz ta' miżuri ta' żvilupp reġjonali xierqa.

L-Istati Membri huma obbligati jappoġġaw il-mobbiltà tax-xogħol fl-Ewropa kollha bħala mod kif jinħolqu opportunitajiet ġodda ta' impjieg għall-ħaddiema. Il-mobbiltà tal-istudenti għandha tkun appoġġata b'mod adegwat waqt it-taħriġ tagħhom, b'mod partikolari billi jissaħħaħ il-programm ta' mobbiltà ERASMUS+, li jippermetti lill-istudenti jżidu l-għarfien espert tagħhom u jtejbu l-ħiliet tagħhom. Il-ħaddiema għandhom jitħeġġu wkoll, bil-għan li jittejbu l-impjegabbiltà u l-ħiliet, biex jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tas-suq tax-xogħol Ewropew. Filwaqt li jiġu żgurati d-drittijiet u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għal dawk kollha li qed iwettqu attività transfruntiera, il-portabbiltà tad-drittijiet u l-intitolamenti għandha tiżdied permezz ta' kooperazzjoni amministrattiva fost l-amministrazzjonijiet nazzjonali fir-rigward tal-ħaddiema mobbli. L-ostakli għal mobbiltà fl-edukazzjoni u t-taħriġ, fil-pensjonijiet okkupazzjonali u personali u fir-rikonoxximent ta' kwalifiki għandhom jitneħħew u r-rikonoxximent tal-kwalifiki għandu jiġi ssimplifikat. L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni biex jiżguraw li l-proċeduri amministrattivi ma jkunux ostaklu bla bżonn għall-ħaddiema minn Stati Membri oħra li jkunu ser jibdew fl-impjieg, inkluż għall-ħaddiema transfruntieri u fruntalieri. L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom favur id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi sabiex jiffaċilitaw il-mobbiltà ġusta tal-ħaddiema, b'mod partikolari fir-rigward tal-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Se jkun importanti li l-Istati Membri jqisu l-ħaddiema mobbli, inklużi l-ħaddiema fruntalieri, meta jimplimentaw miżuri bħall-għeluq tal-fruntieri sabiex itaffu l-firxa tal-COVID-19, pereżempju f'termini ta' saħħa u sikurezza, taxxi u sigurtà soċjali u koordinazzjoni. L-Istati Membri għandhom jippermettu li l-ħaddiema mobbli u fruntalieri jkomplu jaqsmu l-fruntieri, meta jitqies li jkun sikur skont il-linji gwida dwar is-saħħa u s-sikurezza tal-EU-OSHA. L-Istati Membri għandhom jipprevjenu wkoll l-abbuż tar-regoli eżistenti u jindirizzaw il-kawżi sottostanti tal-"eżodu ta' mħuħ" minn ċerti reġjuni li jagħmlu ħsara lill-iżvilupp u lill-attraenza ta' dawk iż-żoni, anki permezz ta' miżuri ta' żvilupp reġjonali xierqa. L-Istati Membri għandhom jippromwovu u jużaw għodod Ewropej rilevanti, bħan-network tal-impjiegi EURES, u jżidu s-sħubijiet transfruntieri biex jgħinu lill-ħaddiema mobbli fir-reġjuni transfruntieri.

Emenda  25

 

Proposta għal deċiżjoni

Anness I – Linja gwida 7 – paragrafu 5

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Filwaqt li jibnu fuq prattiki nazzjonali eżistenti, u sabiex jiksbu djalogu soċjali aktar effikaċi u eżiti soċjoekonomiċi aħjar, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw involviment f'waqtu u sinifikanti tas-sħab soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' riformi u politiki soċjali, tal-impjiegi u, meta rilevanti, ekonomiċi, inkluż permezz ta' appoġġ għal kapaċità akbar tas-sħab soċjali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jrawmu d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv. Is-sħab soċjali għandhom jiġu mħeġġa jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi fi kwistjonijiet rilevanti għalihom, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ l-awtonomija tagħhom u d-dritt għal azzjoni kollettiva.

Filwaqt li jibnu fuq prattiki nazzjonali eżistenti, u sabiex jippromwovu u jiksbu djalogu soċjali aktar effikaċi u intensiv kif ukoll eżiti soċjoekonomiċi aħjar, l-Istati Membri għandhom jiżguraw involviment f'waqtu u sinifikanti tas-sħab soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' riformi u politiki soċjali, tal-impjiegi u, meta rilevanti, ekonomiċi, inkluż permezz ta' appoġġ għal kapaċità akbar tas-sħab soċjali. L-Istati Membri għandhom isaħħu u jippromwovu d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv. Is-sħab soċjali għandhom jiġu mħeġġa jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi fi kwistjonijiet rilevanti għalihom, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ l-awtonomija tagħhom u d-dritt għal azzjoni kollettiva.

Emenda  26

 

Proposta għal deċiżjoni

Anness I – Linja gwida 7 – paragrafu 6

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Fejn rilevanti u filwaqt li jibnu fuq prattiki nazzjonali eżistenti, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-esperjenza fil-kwistjonijiet soċjali u tal-impjiegi ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti.

Fejn rilevanti u filwaqt li jibnu fuq prattiki nazzjonali eżistenti, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-esperjenza fil-kwistjonijiet soċjali u tal-impjiegi ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti, inklużi dawk li jirrappreżentaw gruppi li jiffaċċjaw ostakli biex isibu xogħol ta' kwalità.

Emenda  27

 

Proposta għal deċiżjoni

Anness I – Linja gwida 7 – paragrafu 6a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Post tax-xogħol tajjeb għas-saħħa u sikur huwa vitali sabiex jiġi miġġieled ir-riskju ta' infezzjoni u t-tixrid ta' viruses u ta' mard ieħor. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impjegaturi jieħdu r-responsabbiltà tagħhom fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema tagħhom u li jipprovdu lill-ħaddiema u lir-rappreżentanti tagħhom informazzjoni adegwata, jagħmlu valutazzjonijiet tar-riskju u jieħdu miżuri ta' prevenzjoni. Dan jinkludi t-tnaqqis tal-għadd ta' inċidenti fatali fuq il-post tax-xogħol u ta' kanċers okkupazzjonali għal żero, bl-istabbiliment ta' limiti vinkolanti ta' esponiment okkupazzjonali, u li jitqiesu r-riskji psikosoċjali u okkupazzjonali tas-saħħa u l-mard okkupazzjonali. Biex itejbu l-funzjonament tas-swieq tax-xogħol, l-Istati Membri għandhom jinvestu fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u jiżguraw mezzi u dispożizzjonijiet adegwati għall-ispettorati tax-xogħol u għar-rappreżentanti tas-saħħa u s-sigurtà tat-trade unions.

Emenda  28

Proposta għal deċiżjoni

Anness I – Linja gwida 7 – paragrafu 6b (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

L-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien biex jipprovdu sistemi ta' protezzjoni soċjali għall-ħaddiema fruntalieri u għall-ħaddiema għal rashom li jaħdmu u jgħixu fi Stati Membri differenti. Il-modernizzazzjoni tas-sistema tal-protezzjoni soċjali għandha tirrifletti l-prinċipji tas-suq tax-xogħol Ewropew, filwaqt li tipprevedi protezzjoni soċjali sostenibbli li tkun universali u transfruntiera. Dan għandu jiggarantixxi l-protezzjoni u l-effikaċja tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali li jindirizzaw id-diskrepanzi fil-protezzjoni u jiggarantixxu forza tax-xogħol fruntaliera produttiva.

Emenda  29

Proposta għal deċiżjoni

Anness I – Linja gwida 7 – paragrafu 6c (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

L-Istati Membri għandhom jindirizzaw l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq is-suq tax-xogħol billi jappoġġaw lill-ħaddiema li huma temporanjament f'"qgħad tekniku" minħabba li l-impjegaturi kienu sfurzati jagħlqu s-servizzi tagħhom kif ukoll billi jappoġġaw lill-persuni li jaħdmu għal rashom u lin-negozji ż-żgħar biex iżommu l-persunal u jkomplu l-attivitajiet tagħhom.

Justification

Il-kriżi tal-COVID-19 diġà għandha impatt konsiderevoli fuq is-swieq tax-xogħol li se jevolvi aktar sakemm iddum il-pandemija u l-miżuri ta' prevenzjoni introdotti biex jitrażżan it-tixrid tagħha jkunu fis-seħħ. Miżuri speċifiċi għall-individwi biex jiġi żgurat introjtu stabbli, għan-negozji ż-żgħar biex jiġu ppreservati l-impjiegi u għall-persuni li jaħdmu għal rashom biex jiġi appoġġat l-operat jew l-għajxien ulterjuri tagħhom, huma ta' importanza essenzjali biex jiġu evitati żidiet bla preċedent fil-qgħad, telf ta' impjiegi fuq skala kbira u l-għeluq ta' għadd kbir ta' kumpaniji u biex jiġi żgurat irkupru ekonomiku aktar faċli wara li tispiċċa l-pandemija.

Emenda  30

 

Proposta għal deċiżjoni

Anness I – Linja gwida 8 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu swieq tax-xogħol inklużivi u miftuħa għal kulħadd, billi jdaħħlu fis-seħħ miżuri effettivi għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni u jippromwovu opportunitajiet indaqs għal gruppi li ma jkunux rappreżentati biżżejjed fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jagħtu attenzjoni xierqa għad-dimensjoni reġjonali u territorjali. Jenħtieġ li jiżguraw it-trattament ugwali f'dak li għandu x'jaqsam mal-impjieg, il-protezzjoni soċjali, is-saħħa u l-kura fit-tul, l-edukazzjoni u l-aċċess għal oġġetti u servizzi, irrispettivament mis-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.

L-Istati Membri għandhom jippromwovu d-drittijiet soċjali u swieq tax-xogħol inklużivi, bħala parti minn strateġija integrata għall-inklużjoni attiva, miftuħa għal kulħadd, billi jdaħħlu fis-seħħ miżuri effettivi għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni u jippromwovu opportunitajiet indaqs għal gruppi li ma jkunux rappreżentati biżżejjed fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jagħtu attenzjoni xierqa għad-dimensjoni reġjonali u territorjali. Għandhom jiżguraw paga u drittijiet ugwali għal xogħol ugwali fl-istess post kif ukoll trattament ugwali f'dak li għandu x'jaqsam mal-impjieg, il-protezzjoni soċjali, is-saħħa u l-kura fit-tul, l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni u l-aċċess għal oġġetti u servizzi, irrispettivament mill-ġeneru, ir-razza jew l-oriġini etnika, in-nazzjonalità, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.

Emenda  31

 

Proposta għal deċiżjoni

Anness I – Linja gwida 8 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Jenħtieġ li l-Istati Membri jimmodernizzaw is-sistemi tal-protezzjoni soċjali biex jipprovdu protezzjoni soċjali adegwata, effettiva, effiċjenti u sostenibbli fl-istadji kollha tal-ħajja tal-individwu, filwaqt li jrawmu l-inklużjoni soċjali u l-mobilità soċjali 'l fuq, jinċentivaw il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u jindirizzaw l-inugwaljanzi, inkluż permezz tas-sistemi fiskali u ta' benefiċċji tagħhom. Li nikkumplimentaw approċċi universali ma' approċċi selettivi jtejjeb l-effettività tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali. Jenħtieġ li l-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali twassal għal aċċess, kwalità, adegwatezza u sostenibbiltà aħjar.

L-Istati Membri għandhom jimmodernizzaw u jinvestu fis-sistemi tal-protezzjoni soċjali biex jipprovdu protezzjoni soċjali adegwata, effettiva, effiċjenti u sostenibbli għal kulħadd fl-istadji kollha tal-ħajja tal-individwu, filwaqt li jiġġieldu kontra l-faqar u jrawmu l-inklużjoni soċjali u l-konverġenza soċjali 'l fuq, jappoġġaw il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-aċċess għal impjiegi ta' kwalità u jindirizzaw l-inugwaljanzi, inkluż permezz tal-elaborazzjoni progressiva tas-sistemi fiskali u ta' benefiċċji tagħhom. L-ikkomplementar ta' approċċi universali b'approċċi selettivi addizzjonali jtejjeb l-effettività tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali, u jwassal għal aċċess, kwalità, adegwatezza u sostenibbiltà aħjar.

Emenda  32

 

Proposta għal deċiżjoni

Anness I – Linja gwida 8 – paragrafu 3

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżviluppaw u jintegraw it-tliet linji ta' inklużjoni attiva: appoġġ ta' dħul adegwat, swieq tax-xogħol inklużivi u aċċess għal servizzi ta' sostenn ta' kwalità, li jissodisfaw il-ħtiġijiet individwali. Jenħtieġ li s-sistemi ta' protezzjoni soċjali jiżguraw benefiċċji adegwati tad-dħul minimu għal dawk kollha li ma għandhomx biżżejjed riżorsi u jippromwovu l-inklużjoni soċjali billi jħeġġu lin-nies jipparteċipaw b'mod attiv fis-suq tax-xogħol u s-soċjetà, inkluż permezz ta' servizzi soċjali mmirati.

L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jintegraw it-tliet linji ta' inklużjoni attiva: appoġġ ta' dħul adegwat, swieq tax-xogħol inklużivi u aċċess għal servizzi ta' kwalità, li jissodisfaw il-ħtiġijiet individwali. Is-sistemi ta' protezzjoni soċjali għandhom jiżguraw benefiċċji adegwati tal-introjtu minimu għal dawk kollha li ma għandhomx biżżejjed riżorsi u jippromwovu l-inklużjoni soċjali billi jappoġġaw lin-nies biex jipparteċipaw b'mod attiv fis-suq tax-xogħol u s-soċjetà, inkluż permezz ta' servizzi soċjali speċifiċi.

Emenda  33

 

Proposta għal deċiżjoni

Anness I – Linja gwida 8 – paragrafu 4

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Id-disponibbiltà ta' servizzi affordabbli, aċċessibbli u ta' kwalità bħall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, il-kura barra l-iskola, l-edukazzjoni, it-taħriġ, l-akkomodazzjoni, is-servizzi tas-saħħa u l-kura fit-tul hija kundizzjoni neċessarja biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, inkluż il-faqar fost dawk li jaħdmu u l-faqar fost it-tfal. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li kulħadd ikollu aċċess għas-servizzi essenzjali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw aċċess għal akkomodazzjoni soċjali adegwat jew assistenza ta' akkomodazzjoni għal dawk fil-bżonn jew f'qagħda vulnerabbli. B'relazzjoni ma' dawn is-servizzi jenħtieġ li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi ta' persuni b'diżabilità, inkluż l-aċċessibilità. Jenħtieġ li tiġi indirizzata b'mod speċifiku l-problema ta' persuni mingħajr dar.

Filwaqt li jitqiesu l-livelli allarmanti kontinwi ta' faqar, li huma sostanzjalment ogħla mill-objettiv dwar il-faqar stabbilit fl-2010 fl-istrateġija Ewropa 2020, u l-impatt mistenni tal-kriżi tal-COVID-19, jenħtieġu aktar sforzi biex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali, b'enfasi speċjali fuq il-ħaddiema foqra, it-tfal, l-anzjani, il-ġenituri waħedhom u speċjalment l-ommijiet waħedhom, il-minoranzi etniċi, il-migranti, il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni mingħajr dar, u bi strateġiji orizzontali dwarhom. Fl-istess ħin, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-impatt potenzjali tal-kriżi tal-COVID-19 fuq gruppi oħra, bħall-persuni b'xogħol prekarju jew il-persuni li għadhom kif tilfu xogħolhom. Fir-rigward tal-investiment fit-tfal, l-Istati Membri għandhom jadottaw Garanzija għat-Tfal li tindirizza l-faqar fost it-tfal u tippromwovi l-benesseri tat-tfal, biex b'hekk tikkontribwixxi għall-aċċess ugwali għat-tfal għal kura tas-saħħa b'xejn, edukazzjoni b'xejn, indukrar b'xejn, akkomodazzjoni deċenti u nutrizzjoni adegwata. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kulħadd ikollu aċċess għal servizzi ta' kwalità. L-Istati Membri għandhom jiżguraw aċċess għal akkomodazzjoni soċjali adegwat jew assistenza ta' akkomodazzjoni għal dawk fil-bżonn jew f'qagħda vulnerabbli, investiment fi stokk ta' djar aċċessibbli għall-persuni b'mobbiltà mnaqqsa, jieħdu miżuri biex jiżguraw tranżizzjoni ġusta fir-rigward tat-titjib tal-effiċjenza enerġetika tad-djar eżistenti u biex tiġi indirizzata l-problema tal-faqar enerġetiku fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, kif ukoll servizzi adegwati għall-persuni mingħajr dar. L-Istati Membri għandhom jindirizzaw il-problema tal-evizzjonijiet, li qed jiżdiedu. B'relazzjoni ma' dawn is-servizzi għandhom jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi ta' persuni b'diżabbiltà, inkluż l-aċċessibbiltà. Għandha tiġi indirizzata b'mod deċiżiv il-problema ta' persuni mingħajr dar u dan għandu jsir abbażi tal-approċċ "Housing First".

Emenda  34

 

Proposta għal deċiżjoni

Anness I – Linja gwida 8 – paragrafu 5

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-aċċess f'waqtu għal kura tas-saħħa kurattiva, preventiva u affordabbli u kura fit-tul ta' kwalità tajba, filwaqt li jissalvagwardjaw is-sostenibbiltà fit-tul.

Il-kriżi tal-COVID-19 turi l-ħtieġa ta' aktar investiment pubbliku biex jiġu żgurati livelli suffiċjenti ta' persunal imħarreġ sew u aċċess għall-kura tas-saħħa għal kulħadd, inklużi l-gruppi vulnerabbli. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-aċċess universali għal kura tas-saħħa pubblika u fit-tul kurattiva, preventiva u affordabbli ta' kwalità għolja u sostenibbli.

Emenda  35

Proposta għal deċiżjoni

Anness I – Linja gwida 8 – paragrafu 5a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

L-Istati Membri għandhom iħarsu s-saħħa tal-anzjani, jiggarantixxu li dawn ikollhom aċċess għall-isptarijiet u t-trattament u li tiġi evitata kull xorta ta' diskriminazzjoni abbażi tal-età.

Emenda  36

 

Proposta għal deċiżjoni

Anness I – Linja gwida 8 – paragrafu 6

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

F'kuntest ta' lonġevità u tibdil demografiku li qed jiżdiedu, jenħtieġ li l-Istati Membri jassiguraw l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet għall-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom u jipprovdu opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel biex jiksbu drittijiet tal-pensjoni, inkluż permezz ta' skemi supplimentari biex jiġi żgurat introjtu adegwat. Ir-riformi fil-pensjoni jenħtieġ li jiġu appoġġati minn miżuri li jestendu l-ħajja tax-xogħol, pereżempju biż-żieda tal-età effettiva tal-irtirar, u jitqiegħdu f'kuntest ta' strateġiji għat-tixjiħ attiv. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu djalogu kostruttiv mas-sħab soċjali u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, u jippermettu introduzzjoni gradwali adatta tar-riformi.

F'kuntest ta' lonġevità u tibdil demografiku li qed jiżdiedu, l-Istati Membri għandhom jassiguraw l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet għall-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom u jipprovdu opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel biex jiksbu drittijiet tal-pensjoni fl-iskemi pubbliċi jew okkupazzjonali sabiex jiġi żgurat introjtu tal-irtirar deċenti 'l fuq mil-linja tal-faqar. Ir-riformi fil-pensjoni għandhom jiġu appoġġati minn miżuri bbażati fuq it-tixjiħ attiv permezz tal-ottimizzazzjoni tal-opportunitajiet għall-ħaddiema ta' kull età biex jaħdmu f'kundizzjonijiet ta' kwalità tajba, produttivi u tajbin għas-saħħa sal-età legali tal-irtirar, filwaqt li jirrispettaw id-deċiżjonijiet taċ-ċittadini anzjani li jew jibqgħu ekonomikament attivi għal perjodu itwal, jew li ma jibqgħux jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol. Għandhom jiġu identifikati miżuri speċifiċi fil-qasam tad-demografija tal-forza tax-xogħol, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-ġestjoni tal-ħiliet u tal-kompetenzi, l-organizzazzjoni tax-xogħol għal ħajja tax-xogħol sana u produttiva, fi ħdan approċċ interġenerazzjonali. Dan jiffaċilita kemm l-impjieg taż-żgħażagħ kif ukoll it-tranżizzjoni ta' qabel l-irtirar, flimkien mat-trasferiment tal-għarfien u l-esperjenza minn ġenerazzjoni għal oħra. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu djalogu kostruttiv mas-sħab soċjali, mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra, inkluż djalogu dirett ma' dawk li qed jiffaċċjaw il-faqar u l-esklużjoni fl-anzjanità, u jippermettu introduzzjoni gradwali adatta ta' kwalunkwe riforma.


PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

Referenzi

COM(2020)0070 – C9-0079/2020 – 2020/0030(NLE)

Data tal-konsultazzjoni / talba għal approvazzjoni

6.3.2020

 

 

 

Kumitat responsabbli

 Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

EMPL

11.3.2020

 

 

 

Rapporteurs

 Data tal-ħatra

José Gusmão

18.3.2020

 

 

 

Data tal-adozzjoni

23.6.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

46

5

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Atidzhe Alieva-Veli, Marc Angel, Gabriele Bischoff, Vilija Blinkevičiūtė, Andrea Bocskor, Milan Brglez, Sylvie Brunet, David Casa, Leila Chaibi, Margarita de la Pisa Carrión, Klára Dobrev, Jarosław Duda, Estrella Durá Ferrandis, Lucia Ďuriš Nicholsonová, Rosa Estaràs Ferragut, Nicolaus Fest, Loucas Fourlas, Cindy Franssen, Heléne Fritzon, Helmut Geuking, Alicia Homs Ginel, France Jamet, Agnes Jongerius, Radan Kanev, Ádám Kósa, Stelios Kympouropoulos, Katrin Langensiepen, Miriam Lexmann, Elena Lizzi, Radka Maxová, Sandra Pereira, Dragoș Pîslaru, Manuel Pizarro, Dennis Radtke, Elżbieta Rafalska, Guido Reil, Daniela Rondinelli, Mounir Satouri, Monica Semedo, Beata Szydło, Eugen Tomac, Romana Tomc, Yana Toom, Marie-Pierre Vedrenne, Nikolaj Villumsen, Marianne Vind, Maria Walsh, Stefania Zambelli, Tatjana Ždanoka, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Anna Júlia Donáth, José Gusmão, Pierfrancesco Majorino, Kim Van Sparrentak

Data tat-tressiq

25.6.2020

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

46

+

ECR

Lucia Ďuriš Nicholsonová, Helmut Geuking, Elżbieta Rafalska, Beata Szydło

GUE/NGL

Leila Chaibi, José Gusmão, Nikolaj Villumsen

NI

Daniela Rondinelli

PPE

Andrea Bocskor, David Casa, Jarosław Duda, Rosa Estaràs Ferragut, Loucas Fourlas, Cindy Franssen, Radan Kanev, Stelios Kympouropoulos, Ádám Kósa, Miriam Lexmann, Dennis Radtke, Eugen Tomac, Romana Tomc, Maria Walsh, Tomáš Zdechovský

Renew

Atidzhe Alieva-Veli, Sylvie Brunet, Anna Júlia Donáth, Dragoș Pîslaru, Monica Semedo, Yana Toom, Marie-Pierre Vedrenne

S&D

Marc Angel, Gabriele Bischoff, Vilija Blinkevičiūtė, Milan Brglez, Klára Dobrev, Estrella Durá Ferrandis, Heléne Fritzon, Alicia Homs Ginel, Agnes Jongerius, Pierfrancesco Majorino, Manuel Pizarro, Marianne Vind

Verts/ALE

Katrin Langensiepen, Mounir Satouri, Kim Van Sparrentak, Tatjana Ždanoka

 

5

-

ID

Nicolaus Fest, France Jamet, Elena Lizzi, Guido Reil, Stefania Zambelli

 

3

0

ECR

Margarita de la Pisa Carrión

GUE/NGL

Sandra Pereira

Renew

Radka Maxová

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Lulju 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza