RAPPORT dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-konklużjoni ta' ftehim, li għadu qed jiġi nnegozjat, bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand dwar l-iskambju ta' data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet kompetenti ta' New Zealand għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu
2.7.2020 - (COM(2019)0551 – 2020/2048(INI))
Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Annalisa Tardino
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-konklużjoni ta' ftehim, li għadu qed jiġi nnegozjat, bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand dwar l-iskambju ta' data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet kompetenti ta' New Zealand għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu
(COM(2019)0551 – 2020/2048(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni, mill-Kummissjoni, għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjar ta' ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand dwar l-iskambju ta' data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet kompetenti ta' New Zealand fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu (COM(2019)0551),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 2020 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati ma' New Zealand għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand dwar l-iskambju ta' data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet kompetenti ta' New Zealand fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), u b'mod partikolari l-Artikoli 2, 6, 7, 8 u 47 tagħha,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 16 u 218 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI[1],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE[2],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE[3],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar ta' data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika[4],
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI[5],
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali (ETS Nru 108) tat-28 ta' Jannar 1981 u l-Protokoll Addizzjonali tat-8 ta' Novembru 2001 għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali, rigward l-awtoritajiet superviżorji u l-flussi transkonfinali tad-data (ETS Nru 181),
– wara li kkunsidra l-Opinjoni 1/2020 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) dwar il-mandat ta' negozjar biex jiġi konkluż ftehim internazzjonali dwar l-iskambju ta' data personali bejn il-Europol u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tan-New Zealand,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Europol dwar is-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu fl-2019,
– wara li kkunsidra s-Sejħa ta' Christchurch għall-Azzjoni adottata minn New Zealand, Franza, il-Kummissjoni, il-kumpaniji tat-teknoloġija u oħrajn biex jeliminaw il-kontenut estremista terroristiku u vjolenti online,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 114(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0131/2020),
A. billi r-Regolament (UE) 2016/794 jippermetti t-trasferiment ta' data personali lill-awtorità kompetenti ta' pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali sakemm tali trasferiment ikun neċessarju għat-twettiq tal-kompiti tal-Europol, abbażi ta' deċiżjoni ta' adegwatezza tal-Kummissjoni fis-sens tad-Direttiva (UE) 2016/680, ftehim internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 218 tat-TFUE li jagħti salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, jew ftehimiet ta' kooperazzjoni li jippermettu l-iskambju ta' data personali konklużi qabel l-1 ta' Mejju 2017, u, f'sitwazzjonijiet eċċezzjonali, fuq bażi ta' kull każ għalih taħt kundizzjonijiet stretti stabbiliti fl-Artikolu 25(5) tar-Regolament (UE) 2016/794 u dment li jkunu żgurati salvagwardji adegwati; jenfasizza li l-ftehim jeħtieġ jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta;
B. billi l-ftehimiet internazzjonali li jippermettu lill-Europol u lill-pajjiżi terzi jikkooperaw u jiskambjaw data personali għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta, b'mod partikolari fl-Artikoli 2, 6, 7, 8 u 47 tagħha, u fl-Artikolu 16 tat-TFUE, u b'hekk jirrispettaw il-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop u d-drittijiet ta' aċċess u ta' rettifika; billi dawk il-ftehimiet għandhom ikunu soġġetti għall-monitoraġġ minn awtorità indipendenti, kif stipulat b'mod speċifiku fil-Karta, u għandhom ikunu meħtieġa u proporzjonati għat-twettiq tal-kompiti tal-Europol;
C. billi d-dokument ta' programmazzjoni tal-Europol 2020-2022[6] jenfasizza li l-implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tal-attivitajiet tal-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT), b'mod partikolari fil-livell operazzjonali, mhijiex possibbli mingħajr is-sħubija mill-qrib ma' stati u organizzazzjonijiet terzi; billi l-UE u New Zealand għandhom pożizzjoni simili fil-perspettiva tagħhom dwar il-kwistjonijiet globali tas-sigurtà u jsegwu approċċi simili f'dan ir-rigward;
D. billi l-Europol u l-korp tal-pulizija ta' New Zealand diġà stabbilixxew qafas ta' kooperazzjoni msaħħa permezz ta' arranġament ta' ħidma u memorandum ta' qbil, it-tnejn li huma ffirmati fl-2019, li jippermettu lill-korp tal-pulizija ta' New Zealand jużaw l-Applikazzjoni ta' Netwerk għall-Iskambju Sikur ta' Informazzjoni (SIENA) u jibagħtu fuq bażi permanenti uffiċjal ta' kollegament fil-kwartieri ġenerali tal-Europol fl-Aja;
E. billi fil-passat il-Europol ikkonkludiet għadd ta' ftehimiet operattivi dwar l-iskambju ta' data personali ma' pajjiżi terzi; billi fl-2018, l-Unjoni varat negozjati dwar din il-kwistjoni ma' tmien pajjiżi fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq (it-Turkija, Iżrael, it-Tuneżija, il-Marokk, il-Libanu, l-Eġittu, l-Alġerija u l-Ġordan); u billi l-Parlament adotta riżoluzzjonijiet dwar il-mandati ta' negozjar għal dawk il-ftehimiet[7];
F. billi l-Europol ikklassifikat il-livell ta' theddida mit-terroristi Ġiħadisti bħala wieħed għoli, u billi fl-2018 it-terroriżmu kompla jikkostitwixxi theddida mill-ikbar għas-sigurtà fl-Istati Membri; billi għalkemm l-għadd ta' arresti ta' terroristi tal-lemin baqa' f'livell relattivament baxx, żdied għat-tielet sena konsekuttiva; billi l-Istati Membri rrapportaw lill-Europol li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi użaw għodod għall-iskambju tad-data biex jipprevjenu, iħarbtu jew jinvestigaw 129 attakk terroristiku fl-2018;
G. billi l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) ilu jissorvelja lill-Europol mill-1 ta' Mejju 2017, u jagħti pariri wkoll lill-istituzzjonijiet tal-UE dwar politiki u leġiżlazzjoni relatati mal-protezzjoni tad-data, inkluż meta jkunu qed jiġu nnegozjati ftehimiet fis-settur tal-infurzar tal-liġi;
H. billi fid-dawl tal-attakk ta' Christchurch fl-2019, il-kooperazzjoni operazzjonali li se tiġi formalizzata fl-ambitu tal-ftehim bejn il-Europol u New Zealand, billi tippermetti l-iskambju ta' data personali, tista' tkun essenzjali għall-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati serji oħra u attakki terroristiċi li jistgħu jkunu ppjanati jew jitwettqu fi ħdan l-UE jew madwar id-dinja;
I. billi t-trasferimenti ta' data personali miġbura fil-kuntest ta' investigazzjonijiet kriminali u l-ipproċessar ulterjuri mill-Europol skont il-ftehim jista' jkollhom impatt sinifikanti fuq il-ħajjiet tal-individwi kkonċernati;
1. Iqis li l-kooperazzjoni ma' New Zealand fil-qasam tal-infurzar tal-liġi se tgħin lill-Unjoni Ewropea tkompli tipproteġi iktar l-interessi tas-sigurtà tagħha, speċjalment fl-oqsma tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, it-tkissir tal-kriminalità organizzata u l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tvara malajr u b'mod effiċjenti n-negozjati ma' New Zealand dwar l-iskambju ta' data personali bejn il-Europol u l-awtoritajiet ta' New Zealand li għandhom il-kompetenza li jiġġieldu lill-kriminalità serja u lit-terroriżmu b'rispett sħiħ tal-linji gwida għan-negozjar adottati mill-Kunsill; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi r-rakkomandazzjonijiet addizzjonali mogħtija f'din ir-riżoluzzjoni;
2. Jinsisti li l-livell ta' protezzjoni tad-data previst fil-ftehim għandu jkun essenzjalment ekwivalenti għal-livell ta' protezzjoni previst fid-dritt tal-UE, kemm fil-liġi kif ukoll fil-prattika; jinsisti, barra minn hekk, li jekk tali livell ta' protezzjoni ma jkunx iggarantit, il-ftehim ma jistax jiġi konkluż; jenfasizza, f'dan il-kuntest, ir-rikonoxximent formali, min-naħa tal-Kummissjoni fl-2012, ta' New Zealand bħala pajjiż li jipprovdi livell adegwat ta' protezzjoni tad-data; billi din id-deċiżjoni, madankollu, tapplika biss għal kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 u konsegwentement ma tapplikax għal kwistjonijiet ta' infurzar tal-liġi;
3. Jemmen li l-iskambju transfruntier ta' informazzjoni bejn l-aġenziji rilevanti kollha tal-infurzar tal-liġi, fl-UE u mas-sħab globali, għandu jingħata prijorità sabiex il-kriminalità serja u t-terroriżmu jiġu miġġielda b'mod aktar effettiv;
4. Jirrikjedi li l-ftehim ikun fih is-salvagwardji u l-kontrolli meħtieġa kollha fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali spjegata fid-direttivi dwar in-negozjar; jinnota li t-trasferiment ta' data personali sensittiva għandu jkun permess biss f'każijiet eċċezzjonali fejn tali trasferimenti huma strettament meħtieġa u proporzjonati għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-reati koperti mill-ftehim; jenfasizza li għandhom jiġu definiti salvagwardji ċari għas-suġġett tad-data, għall-persuni marbuta mas-suġġett tad-data u għall-persuni marbuta mar-reat bħalma huma x-xhud u l-vittmi, ħalli r-rispett għad-drittijiet fundamentali jkun iggarantit;
5. Huwa tal-fehma li, b'konformità mal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop, il-ftehim futur għandu jistabbilixxi b'mod espliċitu lista tar-reati li fir-rigward tagħhom tista' tiġi skambjata data personali, b'konformità mad-definizzjonijiet tal-UE ta' reati fejn ikunu disponibbli; iqis li din il-lista għandha tinkludi l-attivitajiet koperti minn tali reati u l-effetti li x'aktarx se jinħolqu ta' tali trasferimenti ta' data personali;
6. Jenfasizza li d-data personali trasferita għandha tkun relatata ma' każijiet kriminali individwali; jirrimarka li fil-ftehim għandha tiġi inkluża definizzjoni ċara tal-kunċett ta' każijiet individwali ta' reat, peress li dan il-kunċett huwa meħtieġ sabiex jiġu vvalutati n-neċessità u l-proporzjonalità tat-trasferimenti tad-data;
7. Jinsisti li l-ftehim ikun fih dispożizzjoni ċara u preċiża li tistabbilixxi l-perjodu ta' żamma għad-data personali li tkun ġiet trasferita lil New Zealand u litipprevedi t-tħassir tad-data fi tmiem dak il-perjodu; jitlob li fil-ftehim jiġu spjegati l-miżuri proċedurali biex tiġi żgurata l-konformità; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-ftehim speċifikament jipprevedi r-rieżamijiet perjodiċi tal-perjodi ta' żamma u kwalunkwe ħtieġa ulterjuri li d-data personali tiġi maħżuna, kif ukoll miżuri oħra xierqa biex jiġi żgurat li l-iskadenzi jiġu osservati; jinsisti li, f'każijiet eċċezzjonali, fejn ikun hemm raġunijiet debitament ġustifikati biex data tinħażen għal perjodu estiż, wara tmiem il-perjodu taż-żamma tad-data, dawn ir-raġunijiet u d-dokumentazzjoni li takkumpanjahom jiġu kkomunikati lill-Europol u lill-KEPD;
8. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jaħdmu mal-Gvern ta' New Zealand biex jiddefinixxu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u fis-sens tal-Artikolu 8(3) tal-Karta, liema awtorità superviżjorja indipendenti mogħnija bis-setgħat effettivi ta' investigazzjoni u ta' intervent għandha tkun responsabbli biex tissorvelja l-implimentazzjoni tal-ftehim internazzjonali; iħeġġeġ li jkun hemm qbil dwar tali awtorità u li din tiġi stabbilita qabel id-dħul fis-seħħ tal-ftehim internazzjonali; jinsisti li l-isem ta' din l-awtorità jiġi espliċitament inkluż fil-ftehim;
9. Iqis li l-ftehim internazzjonali għandu jinkludi dispożizzjoni li tippermetti lill-UE tissospendi jew tirrevoka l-ftehim f'każ ta' ksur; iqis li huwa importanti li l-korp superviżorju indipendenti għandu wkoll ikollu s-setgħa li jiddeċiedi li jissospendi jew iwaqqaf għalkollox it-trasferimenti tad-data f'każ ta' ksur; iqis li, skont il-ftehim, l-awtoritajiet għandhom jitħallew ikomplu jipproċessaw kwalunkwe data personali li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-ftehim li tkun ġiet ittrasferita qabel is-sospensjoni jew it-terminazzjoni ta' tali ftehim; jaqbel li għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni perjodika tal-ftehim sabiex jiġi evalwat kemm is-sħab ikunu konformi mal-ftehim, kif il-ftehim ikun qed jiffunzjona fir-rigward tal-ħtiġijiet operazzjonali tal-Europol, u r-rispett għal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;
10. Iqis li t-trasferimenti ulterjuri ta' informazzjoni tal-Europol mingħand l-awtoritajiet kompetenti ta' New Zealand lil awtoritajiet oħra fi New Zealand, inkluż għall-użu fi proċedimenti ġudizzjarji, għandhom jiġu permessi biss għall-finijiet oriġinali tat-trasferiment mill-Europol u għandhom jiġu soġġetti għall-awtorizzazzjoni minn qabel mill-Europol; jirrimarka li t-trasferimenti ulterjuri ta' informazzjoni tal-Europol mingħand l-awtoritajiet kompetenti ta' New Zealand lill-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi m'għandhomx ikunu permessi;
11. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jikkonsultaw lill-KEPD dwar id-dispożizzjonijiet tal-abbozz ta' ftehim qabel il-finalizzazzjoni tiegħu u matul in-negozjati;
12. Iqis li l-ftehim internazzjonali ma' New Zealand għandu jiġbor fih id-dritt tas-suġġetti tad-data għall-informazzjoni, ir-rettifika u t-tħassir kif previst f'leġiżlazzjoni oħra tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-ftehim jinkludi regoli ċari u dettaljati dwar l-informazzjoni li għandha tingħata lis-suġġetti tad-data;
13. Jenfasizza li l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim se tkun subordinata għall-involviment sodisfaċenti tiegħu fl-istadji kollha tal-proċedura; jistenna li jinżamm infurmat b'mod sħiħ u proattiv bil-progress tan-negozjati skont l-Artikolu 218 tat-TFUE u jistenna li jirċievi d-dokumenti fl-istess ħin bħall-Kunsill sabiex ikun jista' jwettaq ir-rwol tiegħu ta' skrutinju;
14. Jenfasizza li huwa se jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim biss jekk tali ftehim ma jippreżentax riskji la għad-drittijiet tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data, u lanqas għal drittijiet u libertajiet fundamentali oħra li l-Karta tipproteġi; jindika, f'dan ir-rigward, li, skont l-Artikolu 218(11) tat-TFUE, huwa jista' jikseb l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk il-ftehim maħsub ikunx kompatibbli mat-Trattati;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Gvern ta' New Zealand.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
2.7.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
37 26 2 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Magdalena Adamowicz, Malik Azmani, Katarina Barley, Pernando Barrena Arza, Pietro Bartolo, Nicolas Bay, Vladimír Bilčík, Vasile Blaga, Ioan-Rareş Bogdan, Saskia Bricmont, Joachim Stanisław Brudziński, Jorge Buxadé Villalba, Damien Carême, Caterina Chinnici, Clare Daly, Anna Júlia Donáth, Lena Düpont, Cornelia Ernst, Laura Ferrara, Nicolaus Fest, Jean-Paul Garraud, Andrzej Halicki, Balázs Hidvéghi, Evin Incir, Sophia in ‘t Veld, Lívia Járóka, Marina Kaljurand, Fabienne Keller, Peter Kofod, Moritz Körner, Alice Kuhnke, Jeroen Lenaers, Juan Fernando López Aguilar, Lukas Mandl, Nuno Melo, Nadine Morano, Javier Moreno Sánchez, Maite Pagazaurtundúa, Nicola Procaccini, Emil Radev, Paulo Rangel, Terry Reintke, Diana Riba i Giner, Ralf Seekatz, Birgit Sippel, Martin Sonneborn, Sylwia Spurek, Tineke Strik, Ramona Strugariu, Annalisa Tardino, Tomas Tobé, Dragoş Tudorache, Milan Uhrík, Tom Vandendriessche, Bettina Vollath, Jadwiga Wiśniewska, Elena Yoncheva, Javier Zarzalejos |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Abir Al-Sahlani, Gwendoline Delbos-Corfield, Kris Peeters, Domènec Ruiz Devesa, Isabel Santos, Miguel Urbán Crespo, Petar Vitanov |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
37 |
+ |
PPE |
Magdalena Adamowicz, Vladimír Bilčík, Vasile Blaga, Ioan-Rareş Bogdan, Lena Düpont, Andrzej Halicki, Balázs Hidvéghi, Lívia Járóka, Jeroen Lenaers, Lukas Mandl, Nuno Melo, Nadine Morano, Kris Peeters, Emil Radev, Paulo Rangel, Ralf Seekatz, Tomas Tobé, Javier Zarzalejos |
RENEW |
Abir Al-Sahlani, Malik Azmani, Anna Donáth, Sophia in 't Veld, Moritz Körner, Maite Pagazaurtundúa, Ramona Strugariu, Dragoş Tudorache |
ID |
Nicolas Bay, Nicolaus Fest, Jean-Paul Garraud, Peter Kofod, Annalisa Tardino, Tom Vandendriessche |
ECR |
Joachim Stanisław Brudziński, Jorge Buxadé Villalba, Nicola Procaccini, Jadwiga Wiśniewska |
NI |
Laura Ferrara |
26 |
- |
S&D |
Katarina Barley, Pietro Bartolo, Caterina Chinnici, Evin Incir, Marina Kaljurand, Juan Fernando López Aguilar, Javier Moreno Sánchez, Domènec Ruiz Devesa, Isabel Santos, Brigit Sippel, Sylwia Spurek, Petar Vitanov, Bettina Vollath, Elena Yoncheva |
VERTS/ALE |
Saskia Bricmont, Damien Carême, Gwendoline Delbos-Corfield, Alice Kuhnke, Terry Reintke, Diana Riba I Giner, Tineke Strik |
GUE/NGL |
Pernando Barrena Arza, Clare Daly, Cornelia Ernst, Miguel Urbán Crespo |
NI |
Martin Sonneborn |
|
|
2 |
0 |
RENEW |
Fabienne Keller |
NI |
Milan Uhrík |
It-tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra:
0 : astensjoni
- [1] ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53.
- [2] ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.
- [3] ĠU L 119 4.5.2016, p. 1.
- [4] ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.
- [5] ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89
- [6] Dokument ta' Programmazzjoni tal-Europol 2020-2022 adottat mill-Bord ta' Amministrazzjoni tal-Europol fil-25 ta' Marzu 2020, EDOC# 1003783v20E.
- [7] ĠU C 118, 8.4.2020, pp. 69-108.