REPORT dwar żvilupp ulterjuri tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU): titjib tal-aċċess għall-finanzjament fis-swieq kapitali, b'mod partikolari mill-SMEs, u żieda ulterjuri fil-parteċipazzjoni tal-investituri fil-livell tal-konsumatur
16.9.2020 - (2020/2036(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Isabel Benjumea Benjumea
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar żvilupp ulterjuri tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU): titjib tal-aċċess għall-finanzjament fis-swieq kapitali, b'mod partikolari mill-SMEs, u żieda ulterjuri fil-parteċipazzjoni tal-investituri fil-livell tal-konsumatur
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli Li Jmiss tas-CMU ta' Ottubru 2019,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Forum ta' Livell Għoli dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali tal-10 ta' Ġunju 2020,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali" (COM(2020)0103),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Lulju 2020 bit-titolu "Inlestu għall-bidliet. Komunikazzjoni dwar l-istat tat-tlestija fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit" (COM(2020)0324),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2018 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni tal-FinTech: Għal settur finanzjarju Ewropew iktar kompetittiv u innovattiv" (COM(2018)0109),
– wara li kkunsidra l-Pakkett ta' Rkupru tas-Swieq Kapitali propost mill-Kummissjoni fl-24 ta' Lulju 2020,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar "Il-Bini ta' Unjoni tas-Swieq Kapitali"[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar "Analiżi u sfidi tar-Regolament tal-UE dwar is-Servizzi Finanzjarji: l-impatt u t-triq 'il quddiem lejn qafas tal-UE aktar effiċjenti u effikaċi għal Regolamentazzjoni Finanzjarja u Unjoni tas-Swieq Kapitali"[2],
– wara li kkunsidra r-riżultati tal-Istħarriġ regolari tal-BĊE dwar l-Aċċess tal-Intrapriżi għall-Finanzjament,
– wara li kkunsidra t-Tbassir Ekonomiku għas-Sajf 2020 tal-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0155/2020),
A. billi l-azzjonijiet kollha li ttieħdu biex tinħoloq Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) għandu jkollhom bħala l-objettiv ewlenin tagħhom it-titjib tal-firxa ta' għażliet ta' finanzjament aktar attraenti, stabbli u sostenibbli offruti lill-kumpaniji u liċ-ċittadini, filwaqt li tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà ekonomika, jiġi minimizzat ir-riskju finanzjarju u jiġu protetti b'mod adegwat l-interessi tal-investituri fil-livell tal-konsumatur, il-pensjonanti u l-konsumaturi, biex tiġi inċentivata l-parteċipazzjoni finanzjarja u biex dawk li jfaddlu jsiru investituri; billi l-aċċess għall-finanzjament mill-bejgħ ta' ishma għall-SMEs, l-imprendituri u l-ekonomija soċjali sar saħansitra aktar kruċjali għall-irkupru wara l-COVID-19;
B. billi s-suq intern tal-UE huwa kkaratterizzat minn kompetizzjoni miftuħa, qafas regolatorju, dipendenza minn standards internazzjonali u kooperazzjoni superviżorja; billi l-istrateġija tas-CMU għandha għalhekk tkun ibbażata fuq l-istess prinċipji;
C. billi l-livell ta' finanzjament meħtieġ għall-irkupru tal-ekonomija tal-UE joħloq ħtieġa imperattiva ta' investiment għaqli u b'mod sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri; billi s-CMU għandha tkun kontributur ewlieni għat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli, kompetittiva u reżiljenti li tikkomplementa l-investiment pubbliku, f'konformità mal-Patt Ekoloġiku tal-UE; billi bħalissa qed jiġi żviluppat qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli; billi dan il-qafas jifforma parti integrali mill-isforzi tal-UE, fl-ambitu tas-CMU, biex il-finanzi jiġu konnessi mal-ħtiġijiet tal-ekonomija u l-aġenda għall-iżvilupp sostenibbli tal-Unjoni;
D. billi s-swieq kapitali tal-UE jistgħu jgħinu lill-ekonomija u lill-irkupru ekonomiku ferm meħtieġ meta jkunu trasparenti, kompetittivi, reżiljenti, ikklerjati b'mod ċentrali u appoġġjati minn regolamentazzjoni ġusta;
E. billi xi investituri għandhom tolleranza tar-riskju ogħla minn oħrajn, u billi mhux in-negozji kollha huma f'pożizzjoni li jiksbu aċċess għal finanzjament fis-swieq kapitali u jibbenefikaw minnu;
F. billi l-ħolqien ta' assi sikur fiż-żona tal-euro huwa kruċjali għall-integrazzjoni finanzjarja u l-iżvilupp ta' CMU; billi assi sikur fl-UE huwa neċessarju għall-ħolqien ta' suq Ewropew tal-bonds integrat, profond u likwidu bħala parti ċentrali mis-CMU, li jista' jservi bħala parametru referenzjarju tal-prezzijiet fiż-żona tal-euro għall-valwazzjoni ta' bonds, ekwitajiet u assi oħra, u anke bħala kollateral fiż-żona tal-euro kollha;
G. billi ħafna mill-azzjonijiet meħuda s'issa biex tinkiseb is-CMU mexjin fid-direzzjoni t-tajba minkejja li ma ntlaħqux diversi miri, u l-importanza tas-self bankarju meta mqabbel mal-ekwitajiet fil-fatt żdiedet f'dawn l-aħħar snin; billi għad fadal ħafna xogħol xi jsir f'termini ta' konverġenza, preċiżjoni, effikaċja u simplifikazzjoni tal-miżuri adottati; billi viżjoni ambizzjuża għall-proġett tas-CMU hija essenzjali biex jingħelbu s-sensittivitajiet nazzjonali u biex jinbena l-momentum biex titlesta s-CMU b'tali mod li l-UE ssir suq attraenti għall-investiment kapitali barrani u biex tiżdied il-kompetittività tagħha fis-swieq globali;
H. billi l-iżvilupp ta' CMU jimxi id f'id mal-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, u b'mod partikolari mat-tlestija tal-Unjoni Bankarja; billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2020 dwar "L-Unjoni Bankarja – rapport annwali 2019",[3] il-Parlament iħeġġeġ it-tlestija tal-Unjoni Bankarja permezz tal-ħolqien ta' Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti implimentata bis-sħiħ; billi l-Unjoni Bankarja se tibqa' wkoll mhux kompluta sakemm ma jkollhiex garanzija ta' kontinġenza kredibbli għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni; jitlob ukoll li tiġi kkunsidrata l-ħtieġa li jiġi stabbilit u jinħoloq mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni fiskali għaż-żona tal-euro kollha kemm hi; billi s-CMU trid tiġi kkomplementata minn miżuri ta' politika kontroċikliċi sabiex jiġi żgurat aċċess ugwali għall-finanzjament u għall-opportunitajiet ta' investiment madwar l-UE;
I. billi r-regolamenti finanzjarji, b'mod partikolari fis-settur bankarju u tal-awditjar, dan l-aħħar ġew modifikati b'reazzjoni għall-COVID-19; billi l-finanzjament fis-swieq kapitali huwa meħtieġ biex tiżdied il-kapaċità ta' finanzjament globali u titnaqqas id-dipendenza mis-self bankarju fl-UE; billi settur bankarju kapitalizzat tajjeb se jkompli jkollu rwol importanti fil-finanzjament tan-negozji, b'mod speċjali l-SMEs;
J. billi n-nuqqas ta' mekkaniżmu ċentralizzat b'informazzjoni pubblika faċilment aċċessibbli, affidabbli, li tinftiehem u komparabbli huwa waħda mir-raġunijiet għaliex il-kumpaniji jitħabtu biex isibu investituri; billi l-investituri jsibuha diffiċli biex jevalwaw ditti ġodda u żgħar b'rekord ta' negozju qasir, u għaldaqstant ixekklu l-ftuħ ta' impriżi innovattivi ġodda, b'mod speċjali minn imprendituri żgħażagħ;
K. billi mir-Reċessjoni l-Kbira rriżulta kunsens li l-arkitettura istituzzjonali taż-żona tal-euro teħtieġ riforma biex tissaħħaħ il-kapaċità tagħha li tindirizza xokkijiet ekonomiċi kbar; billi, f'dan ir-rigward, il-letteratura ekonomika għandha t-tendenza ssib li assorbiment ogħla tax-xokkijiet fl-Istati Uniti jirriżulta b'mod prinċipali minn kondiviżjoni tar-riskju privat aktar effikaċi permezz ta' swieq kapitali u ta' kreditu;
L. billi l-SMEs ammontaw għal 99,8 % tal-intrapriżi kollha fis-settur tan-negozju mhux finanzjarju (NFBS) tal-UE-28, u ġġeneraw 56,4 % tal-valur miżjud u 66,6 % tal-impjiegi fl-NFBS; billi l-mikrointrapriżi ammontaw għal 93 % tas-settur, l-intrapriżi żgħar għal 5,9 % u l-intrapriżi ta' daqs medju għal 0,9 % biss[4];
M. billi l-kriżi soċjali u ekonomika li rriżultat mill-COVID-19 u l-miżuri tal-lockdown se jkollhom impatt partikolarment negattiv fuq l-SMEs u b'mod simili jistgħu jaffettwaw lil dawk li jfaddlu; billi r-rispons tal-UE għall-COVID-19 permezz tal-Pjan ta' Rkupru Ewropew għandu jipprovdi injezzjoni kbira ta' kapital u jkun ikkomplementat b'inċentivi li jippromwovu finanzjament ibbażat fuq is-suq u jnaqqsu id-dipendenza fuq is-self mill-banek, biex b'hekk jiżdied l-aċċess tal-intrapriżi Ewropej għall-finanzjamenti u tinbena ekonomija tal-UE reżiljenti, biex jiġu ppreservati l-impjiegi u l-kapaċità ta' produzzjoni tal-Istati Membri;
N. billi l-kumplessità tal-iskandlu li jinvolvi l-fornitur ta' servizzi ta' pagament Ġermaniż Wirecard, kumpanija DAX30 li applikat għal insolvenza fl-24 ta' Ġunju 2024 u li żvelat nuqqasijiet fil-qafas regolatorju Ewropew, tirrikjedi valutazzjoni b'attenzjoni biex jiġi determinat x'mar ħażin biex imġiba frawdolenti ta' skala enormi ma ġietx innutata għal żmien twil; billi l-adattamenti għall-arkitettura superviżorja Ewropea fir-rigward tar-rappurtar finanzjarju, l-innovazzjoni finanzjarja, il-pagamenti, u oqsma relatati inklużi l-awditjar u l-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu, għal darb'oħra ġew enfasizzati bħala meħtieġa b'mod urġenti fid-dawl ta' dan l-iskandlu reċenti;
O. billi s-CMU teħtieġ timmobilizza d-domanda tal-konsumatur; billi biex jinkiseb dan l-objettiv, l-investituri fil-livell tal-konsumatur jeħtiġilhom jesperjenzaw bidla fil-kultura tal-investiment; billi bidla bħal din isseħħ biss meta investituri fil-livell tal-konsumatur jikkonvinċu ruħhom li l-investiment fis-swieq kapitali huwa mixtieq filwaqt li jkun soġġett għal riskji li huma aċċettabbli u definiti b'mod ċar; billi l-Kummissjoni għandha tkompli tesplora aktar opportunitajiet biex tikkomunika l-benefiċċji tal-proġett tas-CMU, pereżempju permezz ta' bidla fl-isem li tirrifletti r-rabta diretta bejn it-tfaddil u l-investimenti taċ-ċittadini tal-UE fi tkabbir ekonomiku u l-irkupru wara l-COVID-19, kif suġġerit mill-Grupp ta' Livell Għoli li Jmiss tas-CMU;
P. billi, skont rapporti u stħarriġ iffukat fuq il-konsumatur reċenti[5], il-maġġoranza tal-investituri Ewropej fil-livell tal-konsumatur għandhom preferenzi ta' sostenibbiltà u jridu jqisu fatturi u riskji ambjentali, soċjali jew ta' governanza fid-deċiżjonijiet ta' investiment tagħhom, iżda rari jiġu offruti prodotti kompatibbli;
Q. billi l-movimenti tas-suq li rriżultaw mill-COVID-19 aġixxew bħala "test tal-istress" fil-ħajja reali dwar ir-robustezza tal-ekosistema finanzjarja sħiħa, u għandhom jiġu segwiti minn valutazzjoni dettaljata tal-benefiċċji u n-nuqqasijiet tal-ġabra ta' regoli eżistenti tal-UE dwar l-istabbiltà finanzjarja u s-superviżjoni finanzjarja;
R. billi l-politika tal-BĊE dwar ir-rata ta' imgħax żero twassal biex dawk li jfaddlu jiġu kkonfrontati b'rata ta' imgħax reali negattiva, twassal lill-investituri biex jieħdu riskji ogħla, inklużi investimenti fis-swieq kapitali, u tista' twassal għal bżieżaq spekulattivi fit-tul;
S. billi l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea jġib tibdil strutturali għas-sistema finanzjarja tal-UE; billi s-swieq kapitali tal-UE wara l-Brexit se jkollhom karattru poliċentriku, u se jiffaċċjaw riskju akbar ta' frammentazzjoni fl-UE; jissottolinja l-importanza tal-promozzjoni ta' politiki u miżuri, inkluż approċċ robust għall-aċċess ta' pajjiżi terzi għas-suq tal-UE u sistema dinamika ta' monitoraġġ dwar ir-reġimi tal-ekwivalenza, li jiżguraw ir-reżiljenza, il-konnettività u l-kompetittività tas-swieq finanzjarji tal-UE kif ukoll l-istabbiltà tagħhom u kundizzjonijiet ekwi; billi l-ekwivalenza tista' tingħata biss jekk ir-reġim u l-istandards regolatorji u superviżorji tal-pajjiż terz rilevanti jitqiesu bħala li jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE sabiex jiżguraw kundizzjonijiet ekwi;
T. billi l-FinTech għandha l-potenzjal li tissodisfa ċerti ħtiġijiet ta' SMEs u investituri fil-livell tal-konsumatur billi tippermetti modi deċentralizzati ta' operat u ġġib magħha titjib fl-effiċjenza;
Finanzjament tan-negozji
1. Jappella għat-tneħħija tal-ostakli u l-burokrazija, fejn xieraq, inklużi s-simplifikazzjoni u l-applikazzjoni aktar proporzjonata tal-leġiżlazzjoni fejn rilevanti u li twassal għall-istabbiltà finanzjarja, sabiex jiġu diversifikati s-sorsi ta' finanzjament għall-kumpaniji Ewropej, b'enfasi partikolari fuq l-SMEs, inklużi n-negozji ġodda u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja, sabiex tiġi promossa l-kapaċità tagħhom li jaċċessaw swieq tal-ekwità, u biex ikollhom aċċess għal opportunitajiet ta' investiment aktar diversifikati, fit-tul u aktar kompetittivi għall-investituri fil-livell tal-konsumatur u għal investituri kbar; jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqas il-preġudizzju tad-dejn eżistenti; jirrimarka li s-sitwazzjoni attwali tagħmel lill-kumpaniji Ewropej u b'mod speċjali lill-SMEs aktar fraġli u vulnerabbli; jitlob l-introduzzjoni ta' "test tal-SMEs" għal valutazzjonijiet tal-impatt fuq kull inizjattiva tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali;
2. Jinnota li l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li l-SMEs, inklużi n-negozji ġodda u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja, isibu triqthom lejn is-swieq finanzjarji jinkludu l-iffaċilitar tar-riċerka dwar l-investiment, is-simplifikazzjoni tad-definizzjoni ta' SMEs fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, u l-iffaċilitar tar-rekwiżiti tal-ħruġ; jistieden lill-Istati Membri jibbilanċjaw mill-ġdid il-preġudizzju favur id-dejn minflok l-ekwità fit-tassazzjoni; jappoġġja r-reviżjoni tar-reġim tad-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFID II) għal inċentivi għar-riċerka fl-investiment tal-SMEs;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tabbozza proposta leġiżlattiva dwar il-"European Secured Notes" (ESNs) bħala strument ta' finanzjament ta' rikors doppju ġdid għall-banek li jista' jtejjeb l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs fl-UE kollha; ifakkar li l-ESNs jistgħu jintużaw għal objettivi speċifiċi, bħall-appoġġ tal-SMEs fit-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar kompetittiva u sostenibbli u l-allokazzjoni tal-finanzjament lejn l-ekonomija reali;
4. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-feedback obbligatorju mogħti mill-banek meta jirrifjutaw applikazzjonijiet għal kreditu tal-SMEs, billi feedback aktar komprensiv jista' jagħti l-opportunità lill-SMEs b'talbiet irrifjutati biex jadattaw l-approċċ tan-negozju tagħhom u jitgħallmu;
5. Jitlob aktar integrazzjoni u titjib tas-swieq kapitali Ewropej biex isiru kemm jista' jkun attraenti, kompetittivi u reżiljenti, b'mod speċjali anke fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE;
6. Jenfasizza l-importanza fundamentali tat-tisħiħ tal-kapaċità ta' assorbiment tar-riskju taż-żona tal-euro;
7. Jenfasizza li l-pajjiżi taż-żona tal-euro jistgħu jsaħħu l-kapaċità interna tagħhom biex jindirizzaw ix-xokkijiet makroekonomiċi, b'mod partikolari billi jnaqqsu b'mod effikaċi l-vulnerabbiltajiet fl-ekonomiji, is-setturi bankarji, u l-finanzi pubbliċi tagħhom; iqis ukoll li jeħtieġ li tittejjeb ir-reżiljenza ekonomika permezz ta' riformi strutturali li jappoġġjaw it-tkabbir potenzjali u jżidu l-flessibbiltà;
8. Jisħaq li swieq finanzjarji effiċjenti u integrati huma prerekwiżit ewlieni għall-kondiviżjoni effiċjenti tar-riskju privat fiż-żona tal-euro; iqis li CMU ġenwina tista' tgħin b'mod sinifikanti biex jiġi ddiversifikat u mnaqqas ir-riskju;
9. Jinnota t-tnaqqis fis-swieq ta' Offerti Pubbliċi Inizjali (IPO) fl-UE, li jirrifletti l-attraenza limitata tagħhom b'mod partikolari għall-kumpaniji iżgħar; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-SMEs jiffaċċjaw piżijiet amministrattivi u spejjeż ta' konformità sproporzjonati marbuta ma' rekwiżiti ta' elenkar; huwa tal-fehma li l-effiċjenza u l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji għandhom jittejbu u li l-elenkar tal-kumpaniji għandu jiġi ffaċilitat; iħeġġeġ il-ħolqien u l-prijoritizzazzjoni ta' fond kbir, privat u pan-Ewropew, Fond IPO, biex jappoġġja l-finanzjament lill-SMEs; jinnota l-ħtieġa li jiġi żgurat ambjent attraenti ta' qabel u ta' wara l-IPO għall-SMEs;
10. Jilqa' l-idea tal-Forum ta' Livell Għoli li jiġi stabbilit Punt ta' Aċċess Uniku Ewropew (ESAP) biex tiġi aggregata l-informazzjoni dwar kumpaniji fl-UE permezz tal-interkonnessjoni ta' reġistri nazzjonali u tal-UE eżistenti u bażijiet tad-data dwar il-kumpaniji, bħala mod kif jiġu megħjuna l-kumpaniji, b'mod partikolari fi Stati Membri iżgħar, sabiex jiġu attirati l-investituri; jisħaq li l-kumpaniji għandhom ikunu jistgħu jikkontrollaw id-disponibbiltà tad-data tagħhom fl-ESAP; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva għal Punt ta' Aċċess Uniku Ewropew għal informazzjoni finanzjarja u mhux finanzjarja fir-rigward ta' kumpaniji elenkati u mhux elenkati tal-UE, filwaqt li jiġi rrispettat ukoll il-prinċipju ta' proporzjonalità, fejn xieraq; jistieden lill-Kummissjoni tissimplifika r-rekwiżiti ta' trasparenza skont id-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju (NFRD) ma' dawk skont ir-Regolament dwar it-Tassonomija u r-Regolament dwar id-Divulgazzjoni tal-Finanzi Sostenibbli;
11. Jitlob li jiġi kkunsidrat jekk it-trattament skont ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (CRR) ta' interess minoritarju tas-sussidjarji jistax jiskoraġġixxi l-elenkar fis-swieq tal-ishma, filwaqt li jitqies it-tħassib dwar l-istabbiltà finanzjarja u kwalunkwe valur miżjud għall-finanzjament għall-ekonomija reali;
12. Jitlob li jitħaffef l-iżvilupp ta' kapital ta' riskju (KR) tal-UE u swieq ta' ekwità privata taħt qafas komuni u trasparenti għall-Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju (EuVECAs)[6], billi tiżdied id-disponibbiltà ta' finanzjament għall-investimenti tal-KR u jiġu żviluppati fondi akbar fi stadju bikri u avvanzat tal-KR, skemi ta' inċentivi tat-taxxa għal investimenti mill-KR u l-investituri informali, kif ukoll swieq tal-IPO attivi għal kumpaniji appoġġjati mill-KR; jissottolinja li dawn l-iskemi ta' inċentivi tat-taxxa għandhom ikunu mfassla b'tali mod li jkunu ekonomikament u soċjalment vijabbli u responsabbli, u jkunu soġġetti għal monitoraġġ u evalwazzjoni sistematiċi;
13. Jirrimarka dwar in-neċessità li tiżdied it-trasparenza u titnaqqas il-frammentazzjoni fis-swieq tal-KR Ewropej; jenfasizza l-ħtieġa li tingħata spinta lill-Fondi Ewropej tal-Investiment fuq Terminu Twil (ELTIFs), l-EuVECAs u l-Fondi ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropej (EuSEFs), sabiex jiġu żviluppati vetturi pan-Ewropej għall-ekwità privata; jappoġġja r-rieżami tar-Regolament (UE) 2015/760 dwar il-Fondi ta' Investiment Ewropej fuq Terminu Twil[7], inkluża analiżi ta' aġġustamenti mmirati possibbli għal kalibrazzjonijiet prudenzjali relatati fl-oqfsa regolatorji bankarji u tal-assigurazzjoni filwaqt li tiġi salvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja, bħala mod li jippermetti lill-investituri fil-livell tal-konsumatur li jinvolvu ruħhom fil-finanzjament fit-tul ta' kumpaniji mhux elenkati, proġetti ta' infrastruttura u investimenti sostenibbli, sabiex isir użu mill-potenzjal sħiħ tal-ELTIFs;
14. Jitlob li jittieħdu miżuri biex tingħata ħajja ġdida lis-swieq tat-titolizzazzjoni fl-Ewropa billi jsiru aktar attraenti għall-emittenti u l-investituri; jitlob lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ESAs) u lill-Kummissjoni jiffinalizzaw l-Istandards Tekniċi Regolatorji kollha; jitlob li jiġu ssimplifikati u razzjonalizzati r-rekwiżiti regolatorji għad-divulgazzjoni, il-kriterji sempliċi, trasparenti u standardizzati (STS), il-verifika STS u li jiġu pprovduti parametri sempliċi u sensittivi għar-riskju għall-valutazzjoni tat-Trasferiment ta' Riskju Sinifikanti;
15. Jieħu nota tal-proposti dwar it-titolizzazzjoni ppreżentati fl-24 ta' Lulju 2020 fi ħdan il-Pakkett ta' Rkupru tas-Swieq Kapitali; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta kif emendi mmirati għar-Regolament dwar it-Titolizzazzjoni jistgħu jilliberaw il-kapaċità ta' finanzjament, sabiex jiġi evitat tnaqqis fis-self bankarju Ewropew filwaqt li jiġi indirizzat it-tħassib dwar l-istabbiltà finanzjarja, peress li n-natura ta' xi titolizzazzjonijiet sintetiċi tista' toħloq riskji prudenzjali u sistemiċi speċifiċi; hu tal-fehma li valutazzjonijiet immirati bħal dawn jistgħu jinkludu l-allinjament mill-ġdid tat-trattament ta' titolizzazzjonijiet bi flus kontanti u sintetiċi tal-karta bilanċjali, u kapital regolatorju u likwidità ma' dak kopert minn bonds u self, kif ukoll rieżami tad-divulgazzjoni u r-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta għal titolizzazzjonijiet ta' partijiet terzi, bonds koperti u titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata (STS);
16. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-miżuri mmirati potenzjali, l-allinjament u s-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq tat-titoli, biex tiffaċilita l-irkupru malajr wara l-kriżi tal-COVID-19, biex tiffaċilita l-investiment fl-ekonomija reali, b'mod partikolari l-SMEs, u biex tippermetti lill-operaturi ġodda u l-prodotti ġodda jkunu jistgħu jidħlu fis-swieq, u b'hekk jiġu ppreservati l-protezzjoni tal-konsumatur u l-integrità tas-suq filwaqt li jiġu mħeġġa l-investimenti u l-kummerċ transfruntiera fl-ekwitajiet; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk huwiex meħtieġ tirrieżamina r-Regolament dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFIR), inklużi l-Obbligu tan-Negozjar fl-Ishma (STO) u l-Obbligu tan-Negozjar tad-Derivattivi (DTO), biex telimina frizzjonijiet potenzjali li jistgħu jħallu impatt fuq il-kapaċità tal-kumpaniji tal-UE li jżidu l-kapital f'dan iż-żmien, speċjalment fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit;
17. Jiddispjaċih għas-sottożvilupp tas-suq tal-UE għall-finanzjament kollettiv (crowdfunding) meta mqabbel ma' ekonomiji kbar oħra; jilqa' b'sodisfazzjon is-sett uniformi ġdid ta' kriterji għal regoli madwar l-UE maqbula f'Diċembru 2019 (2018/0048(COD)) biex jgħinu biex tissolva din is-sitwazzjoni u jitrawwem il-finanzjament tan-negozju transfruntier; jitlob lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) u lill-Kummissjoni jimmonitorjaw mill-qrib l-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda sabiex jirreaġixxu u jipproponu tibdil jekk ma jiġi osservat l-ebda titjib sinifikanti fil-finanzjament kollettiv bħala alternattiva għall-finanzjament tal-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinfurmaw b'mod attiv lill-SMEs dwar l-istrumenti ta' finanzjament alternattivi disponibbli għalihom;
18. Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-inizjattivi biex tinċentiva s-sjieda ta' ishma għall-impjegati, sabiex tippromwovi l-involviment dirett ta' dawk li jfaddlu fil-finanzjament tal-ekonomija, u anke bħala għodda biex ittejjeb il-governanza korporattiva u tgħin fl-iżvilupp ta' kultura ta' ekwità;
19. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-involviment dirett ta' dawk li jfaddlu fil-finanzjament tal-ekonomija, filwaqt li titqies il-possibbiltà ta' ritorn fuq l-investiment għal investituri fil-livell tal-konsumatur;
20. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq rieżami tar-reġim dixxiplinari tas-saldu skont ir-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli (CSDR) fid-dawl tal-kriżi tal-COVID-19 u l-Brexit;
Promozzjoni ta' investimenti u prodotti finanzjarji fit-tul u transfruntiera
21. Jitlob lill-Istati Membri jemendaw l-oqfsa tat-taxxa nazzjonali tagħhom sabiex inaqqsu l-ostakli fiskali għall-investimenti transfruntiera, inklużi l-proċeduri għal rifużjoni transfruntiera lill-investituri, inklużi l-investituri fil-livell tal-konsumatur, tat-taxxa minn ras il-għajn fuq id-dividendi fejn tkun involuta t-tassazzjoni doppja; huwa tal-fehma li tali proċeduri għandhom jiġu ġestiti b'mod trasparenti fuq pjattaforma diġitali pan-Ewropea u għandhom jippermettu lill-investituri jiddeterminaw ir-redditu fuq l-investiment tagħhom f'ħin reali; jistieden lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib mal-OECD u l-Proġett tagħha ta' Eżenzjoni u Konformità Fiskali (TRACE), jibbilanċjaw mill-ġdid il-preġudizzju bejn l-ekwità u d-dejn li jippenalizza l-finanzjament tal-innovazzjoni permezz ta' investiment privat, u jinċentivaw opportunitajiet ta' investiment fit-tul għall-investituri sabiex jgħinu liċ-ċittadini tal-UE jiksbu redditi aħjar fuq it-tfaddil fit-tul tagħhom;
22. Huwa tal-fehma li l-emenda tal-oqfsa nazzjonali tat-taxxa b'mod unilaterali fl-UE biex jitnaqqsu l-ostakli tat-taxxa għal investimenti transfruntiera se tkompli tistabbilixxi t-taħlita ta' regoli tat-taxxa li l-kumpaniji jridu jħarsu meta joperaw b'mod transfruntier, b'diversi spejjeż, u toffri possibbiltajiet ulterjuri għall-evitar tat-taxxa; itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jaqblu dwar l-adozzjoni tal-proposti li jikkonċernaw il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) simultanjament, filwaqt li jqisu l-opinjoni tal-Parlament, li diġà tinkludi l-kunċett ta' stabbiliment permanenti virtwali u formuli ta' tqassim; jistieden lill-Istati Membri jallaċċjaw il-pożizzjonijiet diverġenti tagħhom dwar il-BKKTK, minħabba l-importanza ta' dan l-istrument biex jinħoloq qafas li jrawwem iċ-ċertezza, jipprevjeni t-tassazzjoni doppja u jnaqqas l-ispejjeż amministrattivi, u b'hekk isaħħaħ l-investimenti transfruntiera;
23. Jenfasizza l-importanza li tiżdied iċ-ċertezza tad-dritt għal investimenti transfruntiera billi l-proċedimenti nazzjonali ta' insolvenza jsiru aktar effiċjenti u effikaċi, u billi jkomplu jiġu armonizzati r-regoli dwar il-governanza korporattiva, inkluża definizzjoni komuni ta' "azzjonist" biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-azzjonisti u l-involviment ma' kumpaniji li fihom isir investiment fl-UE kollha; jenfasizza l-importanza tal-iżgurar ta' qafas ta' protezzjoni legali sod għal investimenti transfruntiera fl-UE wara t-terminazzjoni tat-trattati bilaterali ta' investiment intra-UE; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi inizjattivi leġiżlattivi u/jew toħroġ rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri, kif xieraq;
24. Jenfasizza l-importanza tal-investimenti fl-ekwitajiet fuq terminu twil tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji għall-appoġġ ta' intrapriżi Ewropej indipendenti fl-Unjoni, setturi strateġiċi reżiljenti u b'saħħithom, tkabbir ekonomiku sostenibbli u prosperità għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-UE;
25. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir progress ulterjuri fl-implimentazzjoni u l-infurzar ta' ġabra unika ta' regoli reali għas-servizzi finanzjarji fis-suq intern, inkluż fir-rigward ta' definizzjonijiet u standards komuni dwar il-finanzi sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-ESAs jiffokaw fuq l-użu ta' għodod ta' konverġenza superviżorja u jsaħħu l-effikaċja tagħhom;
26. Jenfasizza li t-tassazzjoni tibqa' fattur ewlieni tal-flussi kapitali globali; jisħaq għalhekk fuq l-importanza li jiġi vvalutat b'attenzjoni l-impatt ta' kwalunkwe Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji (FTT) fuq l-ambizzjonijiet tal-UE li tiżviluppa swieq kapitali b'saħħithom, globalment attraenti, reżiljenti, profondi u likwidi;
27. Jissottolinja l-ħtieġa li tiġi promossa d-dispożizzjoni tal-pensjonijiet, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-pensjonijiet tat-tieni u t-tielet pilastru, minħabba t-tibdil demografiku massiv li l-Unjoni tiffaċċja; jilqa' l-prodott tal-Pensjoni Personali Pan-Ewropew (PEPP); jinnota li l-PEPP hija prodott tal-pensjoni volontarju u komplementari minbarra l-pensjonijiet pubbliċi nazzjonali; ifakkar li t-trattament tat-taxxa se jkun kunsiderazzjoni ewlenija għall-aċċettazzjoni ta' PEPPs futuri; ifakkar fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Ġunju 2017 li tistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-PEPPs ikunu soġġetti għall-istess trattament tat-taxxa bħall-prodotti tal-pensjoni nazzjonali biex issir għażla għal dawk li jfaddlu; jitlob evalwazzjoni bir-reqqa bbażata fuq l-evidenza tas-suq tal-PEPPs, anke fir-rigward tal-eżistenza ta' kundizzjonijiet ekwi, qabel ir-rieżami leġiżlattiv li jmiss tar-Regolament dwar il-PEPPs;
28. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jippromwovu sistemi ta' pensjoni ffinanzjati, bħala mod biex japprofondixxu r-riżervi ta' kapital Ewropew disponibbli għal investiment fit-tul, u biex itejbu d-dinamika tas-suq u l-inċentivi għall-investiment; jemmen li l-pensjonijiet iffinanzjati għandhom jingħataw ħajja mill-ġdid u jsiru aktar attraenti; jitlob azzjonijiet biex jingħelbu l-ostakli għall-koeżistenza ta' sistemi ta' pensjonijiet pubbliċi u privati; iħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta' investituri fi prodotti fit-tul b'politiki ta' inċentivi tat-taxxa mfassla biex jiġġeneraw impatt ekonomiku u soċjali ta' benefiċċju u jiġu promossi kundizzjonijiet ekwi fost il-fornituri u t-tipi ta' prodotti;
29. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tikkunsidra l-introduzzjoni ta' reġim "de minimis" jew ta' eżenzjoni tal-UE għad-distribuzzjoni lill-investituri professjonisti u/jew semiprofessjonali fil-qafas tad-direttiva dwar l-Impriżi ta' Investiment Kollettiv f'Titoli Trasferibbli (UCITS);
30. Ifakkar li d-Direttiva dwar is-Solvibbiltà II teħtieġ rieżami sa tmiem l-2020 u li l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) se tipprovdi parir tekniku lill-Kummissjoni, inklużi l-esperjenzi wara t-tifqigħa tal-COVID-19, b'mod partikolari dwar il-kopertura tar-riskji relatati mal-pandemija, wara konsultazzjonijiet ma' partijiet ikkonċernati differenti; jitlob lill-Kummissjoni u lill-EIOPA jivvalutaw, abbażi ta' valutazzjoni tal-impatt immirata, il-benefiċċji potenzjali u l-ġustifikazzjoni prudenzjali tal-aġġustament tar-rekwiżiti kapitali għall-investimenti fl-ekwità u d-dejn privat, b'mod partikolari tal-SMEs, possibbilment anke permezz tal-approċċ tal-mudell intern, biex jiġi żgurat li r-rekwiżiti kapitali għall-assiguraturi u għall-fondi tal-pensjonijiet ma jiskoraġġixxux l-investimenti fit-tul; jinkoraġġixxi l-eliminazzjoni gradwali u rapida tal-eżenzjonijiet nazzjonali u t-tnaqqis tar-"regolamentazzjoni żejda" fl-implimentazzjoni nazzjonali ta' Solvibbiltà II;
31. Jissottolinja l-ħtieġa li tinħoloq u tiġi stimulata d-disponibbiltà ta' assi sostenibbli xierqa; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tressaq inizjattiva leġiżlattiva għal Standard tal-UE għall-Bonds Ekoloġiċi; jitlob aktar diskussjonijiet dwar il-ħolqien ta' assi sikur Ewropew, abbażi ta' evalwazzjoni li għandha titwettaq mill-Kummissjoni tal-proposta u l-iżviluppi possibbli tat-titoli koperti minn bonds sovrani (SBBS), sabiex jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro, jiġu stabbilizzati s-swieq finanzjarji u l-banek ikunu jistgħu jiddiversifikaw il-portafolli tagħhom;
32. Jenfasizza li regoli prudenzjali adegwati li jipprovdu kapaċità ta' assorbiment tat-telf huma fundamentali biex tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja, filwaqt li jrid jinstab bilanċ biex jiġi żgurat li l-kapaċità tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jinvestu u jsellfu lill-ekonomija reali u l-kompetittività globali tal-UE titjieb; jistieden lill-Kummissjoni biex, fl-implimentazzjoni tal-istandards finalizzati ta' Basel III, tagħti attenzjoni xierqa lill-piżijiet tar-riskju applikabbli għall-investimenti tal-banek fl-ekwità, speċjalment l-ekwità fit-tul tal-SMEs;
33. Jenfasizza li s-CMU għandha tkun konsistenti u koerenti mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u b'mod partikolari mal-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli u t-tassonomija tal-UE għal attivitajiet sostenibbli; iqis li s-CMU għandu jkollha l-għan li tidderieġi l-investimenti lejn proġetti favur l-ambjent u kompetittivi, u b'hekk tikkontribwixxi għall-aġenda sostenibbli tal-UE;
Arkitettura tas-suq
34. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' kooperazzjoni effiċjenti u effikaċi bejn l-awtoritajiet superviżorji Ewropej u nazzjonali, sabiex jegħlbu d-differenzi tagħhom u jaħdmu flimkien lejn konverġenza superviżorja ġenwina biex jippromwovu mudell komuni Ewropew ta' superviżjoni u infurzar, iggwidat mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), biex jitnaqqsu l-ostakli eżistenti għall-operazzjonijiet finanzjarji transfruntiera; jinnota l-importanza tal-ESMA, l-EIOPA u l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) f'dan il-proċess, filwaqt li jirrispetta wkoll ir-rwol tal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti (NCAs) kif stabbilit fir-rieżami miftiehem reċentement tas-Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja (ESFS); ifakkar, barra minn hekk, fil-ħtieġa li tiġi riformata l-istruttura ta' governanza tal-ESAs biex isiru aktar indipendenti mis-superviżuri nazzjonali;
35. Jistieden lill-Kummissjoni, bil-ħsieb ta' titjib potenzjali fl-effiċjenza, tikkunsidra li gradwalment tagħti setgħat superviżorji diretti lill-ESMA, inkluż sorveljanza diretta fuq ċerti segmenti tas-suq, bħall-Kontropartijiet Ċentrali tal-UE (CCPs) u d-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli (CSDs), u l-Punt ta' Aċċess Uniku Ewropew, kif ukoll setgħat akbar ta' intervent fuq il-prodott; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jinħatar superviżur Ewropew uniku, f'kooperazzjoni mal-NCAs rilevanti, abbażi ta' ġabra komuni tar-regoli u setgħat ta' intervent tal-prodotti għas-sorveljanza tal-attivitajiet relatati mal-kriptoassi b'element transfruntier sinifikanti fl-UE;
36. Jinsab imħasseb dwar l-iskandlu reċenti li involva kumpanija Ġermaniż FinTech Wirecard; f'dan ir-rigward, jitlob lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-UE jivvalutaw sa liema punt dan l-iskandlu jista' jiġi attribwit għal nuqqasijiet fil-qafas regolatorju tal-UE fil-qasam tal-awditjar u s-superviżjoni, u jekk is-superviżuri nazzjonali u tal-UE humiex mgħammra biżżejjed biex jissorveljaw b'mod effikaċi istituzzjonijiet finanzjarji transfruntiera kbar b'mudelli kummerċjali kumplessi li jinvolvu ġurisdizzjonijiet differenti ta' pajjiżi terzi u saffi korporattivi multipli; jappella li jinstiltu konklużjonijiet minn dan il-każ fir-rigward tal-iżvilupp ulterjuri tal-qafas regolatorju u superviżorju tal-UE, u b'mod partikolari lill-pjan ta' azzjoni tas-CMU; jemmen li dawn il-konklużjonijiet għandhom jindirizzaw jekk is-superviżjoni diretta fil-livell Ewropew f'oqsma speċifiċi setgħetx tipprevjeni dan il-falliment, u jekk tkunx ġustifikata riforma ambizzjuża tal-governanza tal-ESAs, bi rwol aktar b'saħħtu fit-tnaqqis tal-ostakli eżistenti għall-operazzjonijiet finanzjarji transfruntiera; itenni, b'mod partikolari, it-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex teżamina modi kif ittejjeb il-funzjonament tas-settur kontabilistiku, inkluż permezz ta' awditi konġunti;
37. Jenfasizza l-kompetizzjoni fl-UE kollha, l-għażla u l-aċċess għall-infrastrutturi tas-suq bħala prinċipji fundamentali għad-diversità tal-mekkaniżmi kummerċjali fis-CMU, ħlief fejn tali aċċess jipperikola l-istabbiltà finanzjarja; jinnota bi tħassib li tul dawn l-aħħar snin sehem dejjem jiżdied ta' flussi kummerċjali mar għall-postijiet tan-negozjar b'rekwiżiti ta' trasparenza limitati, u jirrimarka li dan il-kummerċ ma jikkontribwixxix b'mod sinifikanti għall-iskoperta tal-prezz; jinnota li livelli ta' negozjati bilaterali barra miċ-ċentru tan-negozjar jibqgħu għoljin; huwa favur bidla ġenwina lejn negozjar kompetittiv fil-borża fi swieq Ewropej tal-ekwità u tad-derivattivi, filwaqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn postijiet ta' negozjar differenti;
38. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-finanzjament xieraq tal-operaturi tas-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tal-konsumaturi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, peress li joffru għarfien imprezzabbli u valutazzjoni indipendenti lil dawk li jfasslu l-politika u lir-regolaturi;
39. Jissottolinja l-ħtieġa, sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' frammentazzjoni li jirriżulta mill-applikazzjonijiet ta' għażliet u diskrezzjoni nazzjonali, li jsir progress fir-rigward tal-istandards komuni Ewropej;
40. Josserva li r-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji hija kompitu kumpless ħafna, li jeżisti fil-livell internazzjonali, Ewropew u nazzjonali; iħeġġeġ lill-atturi rilevanti kollha biex jindirizzaw din il-kumplessità biex jiżguraw il-proporzjonalità tar-regolamentazzjoni finanzjarja, u biex ineħħu piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa; jinnota wkoll li l-proporzjonalità tar-regolamentazzjoni finanzjarja tista' xi kultant twassal għal kumplessità akbar, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu sforzi sinifikanti biex jissimplifikaw u jarmonizzaw ir-regoli eżistenti u futuri, billi jeliminaw b'mod gradwali l-eżenzjonijiet nazzjonali kif xieraq u billi jipprevjenu "regolamentazzjoni żejda" tad-dritt tal-Unjoni fil-livell nazzjonali; jenfasizza li r-regolamenti bi skedi taż-żmien ċari għat-tranżizzjoni u l-eliminazzjoni gradwali tar-reġimi eżistenti jistgħu jibnu triq bla problemi u stabbli għal konverġenza regolatorja;
41. Itenni t-talba li għamel fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar "Analiżi u Sfidi tar-Regolament tal-UE dwar is-Servizzi Finanzjarji", biex il-Kummissjoni twettaq, f'kooperazzjoni mal-ESAs, il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), valutazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva komprensiva kull ħames snin tal-impatt kumulattiv tar-regolament dwar is-servizzi finanzjarji tal-UE fuq is-swieq finanzjarji u l-parteċipanti tiegħu fil-livell tal-UE u tal-Istat Membru sabiex jiġu identifikati n-nuqqasijiet u l-lakuni, biex jiġu vvalutati l-prestazzjoni, l-effikaċja u l-effiċjenza tar-regolament dwar is-servizzi finanzjarji, tiżgura li mhuwiex qed ixekkel il-kompetizzjoni ġusta u l-iżvilupp tal-ekonomija, u biex tirrapporta lura lill-Parlament; jiddispjaċih li sa issa ma twettqet l-ebda valutazzjoni bħal din;
42. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan direzzjonali dettaljat biex issaħħaħ ir-robustezza tal-ekosistema finanzjarja, filwaqt li tislet tagħlimiet mill-benefiċċji u n-nuqqasijiet tal-ġabra ta' regoli eżistenti tal-UE dwar l-istabbiltà finanzjarja u s-superviżjoni finanzjarja, kif identifikati matul il-kriżi tal-COVID-19; jieħu nota tar-rakkomandazzjonijiet reċenti mill-BERS, b'mod partikolari dwar ir-riskji ta' likwidità li jinħolqu minn talbiet marġinali u r-riskji ta' likwidità f'fondi ta' investiment;
Investituri fil-livell tal-konsumatur
43. Jenfasizza l-fatt li ma hemmx suq sod mingħajr bażi ta' investituri wiesgħa; jinsab imħasseb li l-involviment tal-investituri fil-livell tal-konsumatur fis-swieq finanzjarji jibqa' baxx; jiddikjara l-ħtieġa li jiżdied il-portafoll ta' għażliet ta' investiment xierqa għall-investituri fil-livell tal-konsumatur; jitlob miżuri għall-promozzjoni ta' investimenti fil-livell tal-konsumatur fid-dawl tal-isfidi demografiċi li tħabbat wiċċha magħhom l-UE, billi tiżdied il-parteċipazzjoni ta' investituri fil-livell tal-konsumatur fis-swieq kapitali permezz ta' prodotti tal-pensjoni personali aktar attraenti, trasparenti u xierqa; jappella għal inizjattivi li jkollhom fil-mira tagħhom, b'mod speċifiku, lill-investituri fil-livell tal-konsumatur, inkluż billi jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta' għodod ta' paragunar tal-UE indipendenti u bbażati fuq l-internet, biex l-investituri fil-livell tal-konsumatur ikunu jistgħu jiddeterminaw il-prodotti l-aktar xierqa f'termini ta' riskju, ir-redditu fuq l-investiment u l-valur għall-ħtiġijiet partikolari tagħhom, u billi jiġu promossi inċentivi għal prodotti kompetittivi bi kriterji Ambjentali, Soċjali u ta' Governanza (ESG) u prodotti tipikament assoċjati ma' valur għall-flus aħjar;
44. Jiddispjaċih serjament li d-dispożizzjonijiet ta' protezzjoni tal-konsumatur u tal-investitur f'diversi partijiet settorjali tal-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji tal-UE mhumiex allinjati tajjeb u dan jirriżulta f'kumplessità indebita kemm għall-intermedjarji finanzjarji kif ukoll għall-klijenti fil-livell tal-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ aktar orizzontali u armonizzat għall-protezzjoni tal-konsumatur u tal-investitur fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji, adattat għat-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali, sabiex jiġu żgurati livelli effikaċi u konsistenti ta' protezzjoni fil-prodotti u l-fornituri finanzjarji kollha;
45. Jissottolinja l-importanza li tissaħħaħ il-fiduċja tal-investitur fis-swieq kapitali, imrawma minn protezzjoni soda tal-investitur u appoġġjata minn parteċipanti fis-suq finanzjarjament litterati;
46. Jenfasizza l-ħtieġa ta' kundizzjonijiet ekwi bejn id-ditti tas-servizzi finanzjarji u d-ditti tat-teknoloġija diġitali, sakemm ma jiġix applikat approċċ wieħed tajjeb għal kulħadd; jenfasizza li l-aċċess għas-swieq finanzjarji għandu jkun possibbli għall-intrapriżi kollha taħt il-prinċipju "l-istess attività, l-istess regoli"; jinnota li dan il-prinċipju huwa partikolarment rilevanti fl-oqsma tal-FinTech u tal-innovazzjoni finanzjarja, u li aċċess reċiproku għal data finanzjarja għandu jkun ibbilanċjat mal-ħtieġa ta' kundizzjonijiet ekwi fost il-fornituri u t-tipi ta' prodotti kollha;
47. Jenfasizza li s-suq uniku għal servizzi finanzjarji fil-livell tal-konsumatur huwa sottożviluppat ħafna; jinnota li x-xiri ta' prodotti ta' servizzi finanzjarji fil-livell tal-konsumatur bħal self ipotekarju jew prodotti tal-assigurazzjoni fuq bażi transfruntiera xejn mhuwa komuni u huwa mimli ostakli; iqis li l-parteċipanti fis-suq fil-livell tal-konsumatur għandhom ikunu jistgħu, b'mod faċli, jieħdu vantaġġ sħiħ mis-suq uniku biex jaċċessaw prodotti ta' servizzi finanzjarji fil-livell tal-konsumatur fuq bażi transfruntiera sabiex jiġu żgurati aktar għażla u prodotti aħjar; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi Pjan ta' Azzjoni ġdid għas-servizzi finanzjarji fil-livell tal-konsumatur li jistabbilixxi strateġija ambizzjuża biex jitneħħew l-ostakli għas-servizzi finanzjarji transfruntiera fil-livell tal-konsumatur, flimkien mal-eliminazzjoni ta' tariffi mhux meħtieġa u żejda għal dawn is-servizzi;
48. Jitlob it-titjib tad-divulgazzjoni u l-komparabbiltà ta' informazzjoni ewlenija u l-eliminazzjoni ta' informazzjoni qarrieqa fil-leġiżlazzjoni dwar il-Prodotti Aggregati ta' Investiment għall-Konsumaturi bbażat fuq l-Assigurazzjoni (PRIIPs), kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati fir-rieżami li jmiss; jistenna li l-leġiżlazzjoni tal-PRIIPs tal-Livell 2 dwar id-Dokument bl-Informazzjoni Ewlenija għall-Investitur tirrispetta l-Livell 1, b'mod partikolari dwar il-provvediment ta' informazzjoni prekuntrattwali preċiża, ġusta, ċara, u mhux qarrieqa u dwar il-metodoloġiji relatati max-xenarji tal-prestazzjoni, kif ukoll biex tkun żgurata l-komparabbiltà fost prodotti ta' investiment differenti; jinnota l-importanza li tiġi żgurata li l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni preċedenti tkun disponibbli għall-investituri u li l-prestazzjoni preċedenti ma tistax tintuża bħala indikatur biex tipprevedi redditi futuri; jiddispjaċih dwar id-dewmien fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-PRIIPs tal-Livell 2, li se tikkoinċidi mal-ewwel rieżami tal-PRIIPs u żżid l-inċertezza legali u l-ispejjeż għall-partijiet ikkonċernati; jinsisti li r-rieżami li jmiss għandu jipprevedi dokumenti ta' divulgazzjoni li huma standardizzati u li jistgħu jinqraw minn magna, u għaldaqstant jippermetti l-komparabbiltà b'mod diġitali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-ESAs jikkoordinaw il-proposti tagħhom għat-tibdil rispettiv tal-Livell 1 u l-Livell 2 tagħhom b'mod li jiggarantixxi grad għoli ta' prevedibbiltà kemm għall-intermedjarji kif ukoll għall-klijenti fil-livell tal-konsumatur;
49. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiċċara d-differenzjazzjoni bejn l-investituri fil-livell tal-konsumatur u dawk professjonali fil-livelli kollha tal-MiFID, b'tali mod li tagħmilha possibbli li t-trattament tal-klijenti jitfassal skont l-għarfien u l-esperjenza tagħhom tas-swieq; huwa tal-fehma li huwa importanti li l-investituri fil-livell tal-konsumatur jitħallew jitqiesu bħala investituri professjonali skont kriterji ċari, fuq talba; jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra jekk l-introduzzjoni ta' kategorija ta' investituri semiprofessjonali tirrispondix aħjar għar-realtà tal-parteċipazzjoni fis-swieq finanzjarji u abbażi tas-sejbiet tagħha, tivvaluta jekk l-introduzzjoni ta' tali kategorija tkunx meħtieġa jew le; alternattivament, jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra aktar flessibbiltà fil-kategorizzazzjoni tal-klijenti, b'mod partikolari permezz ta' għażliet ta' esklużjoni fakultattiva għal ċerti obbligi u opzjonijiet ta' inklużjoni fakultattiva għal ċerti klijenti, jew biex il-kriterji eżistenti għall-investituri professjonali jsiru aktar effiċjenti;
50. Ġie mgħarraf li l-qafas ta' rapportar attwali fi ħdan il-MiFID II u r-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew (EMIR) huwa għali u kumpless ħafna, u dan ixekkel l-effikaċja tas-sistema; jemmen li simplifikazzjoni tiegħu għandha titqies, filwaqt li tiġi kkunsidrata b'mod sħiħ l-esperjenza attwali, jiġu esplorati simplifikazzjonijiet differenti matul il-leġiżlazzjoni, u jiġi żgurat li din bl-ebda mod ma sservi biex timmina l-għanijiet stabbiliti għall-MiFID II u l-EMIR u li ma jiġux imxekkla r-regoli dwar l-integrità tas-suq, it-trasparenza, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-istabbiltà finanzjarja;
51. Jitlob emendi fil-leġiżlazzjoni biex jiġi żgurat l-aċċess għal konsulenza indipendenti mill-intermedjarji finanzjarji mingħajr promozzjoni indebita tal-prodotti finanzjarji manifatturati "in-house", u mingħajr valutazzjoni bir-reqqa tal-prodotti minn firxa ta' manifatturi, u biex tiġi żgurata kummerċjalizzazzjoni ġusta u trasparenti tal-prodotti finanzjarji; jinnota li l-ESMA adottat opinjoni mhux daqstant ċara dwar il-projbizzjoni potenzjali fuq l-inċentivi, u jistieden lill-Kummissjoni tesplora approċċi alternattivi, b'effetti simili fuq l-allinjament tal-interessi fil-katina tad-distribuzzjoni kollha; jaqbel li r-rwol tal-inċentivi fl-intermedjazzjoni u d-distribuzzjoni għandu jkompli jiġi eżaminat biex ikun żgurat li ma jinħoloq l-ebda kunflitt ta' interess u li l-konsulenza finanzjarja tingħata b'mod ġust, trasparenti u adegwat lill-investituri;
52. Jissottolinja li x-xiri bil-moħbi huwa għodda superviżorja importanti li tista' ttejjeb b'mod konsiderevoli l-konsistenza u l-effikaċja tal-protezzjoni tal-konsumatur fl-UE kollha; jistieden lill-ESMA tagħmel użu sħiħ mis-setgħat ta' koordinazzjoni l-ġdida tagħha billi tippromwovi eżerċizzji ta' xiri bil-moħbi fl-UE kollha biex jiġu identifikati prattiki ta' bejgħ inadatt u jiġi żgurat li kwalunkwe konstatazzjoni ta' nonkonformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u l-imġiba fin-negozju tkun segwita b'azzjonijiet xierqa ta' infurzar;
53. Jipproponi lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà li tistabbilixxi Kont ta' Tfaddil Individwali tal-UE, bħala komplement għar-reġimi nazzjonali, li jista' jegħleb il-frammentazzjoni tas-swieq nazzjonali billi jopera b'mod uniformi u madwar swieq eteroġeni, filwaqt li jiġu żgurati l-portabbiltà u s-sigurtà tat-tfaddil;
54. Jinsisti li l-investituri fil-livell tal-konsumatur se jkunu parti integrali mill-aġenda tal-finanzi sostenibbli u l-aġenda tal-iżvilupp sostenibbli tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-metodoloġija tat-tikketta tat-tassonomija tkun ċara u mifhuma mill-investituri fil-livell tal-konsumatur;
Edukazzjoni finanzjarja
55. Jinnota li nuqqas ta' litteriżmu finanzjarju u nuqqas ta' aċċess għal informazzjoni pubblika mifruxa dwar is-swieq finanzjarji huma wħud mill-fatturi li jispjegaw in-nuqqas ta' kultura ta' ekwità fl-UE; jissottolinja li l-edukazzjoni finanzjarja hija meħtieġa biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jafu d-drittijiet tagħhom u jifhmu r-riskji assoċjati mal-parteċipazzjoni fis-suq finanzjarju, sabiex jitħaffef l-involviment tal-investituri fil-livell tal-konsumatur fis-swieq finanzjarji abbażi ta' aktar għarfien, fiduċja u sensibilizzazzjoni tar-riskju; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi u tappoġġja programmi fl-Istati Membri biex jitrawwem litteriżmu finanzjarju u diġitali bl-użu ta' firxa ta' strumenti, inklużi midja diġitali u soċjali, għall-involviment ma' ċittadini u negozji, speċjalment permezz ta' aġenziji pubbliċi maħluqa għal dak l-għan; jistieden lill-fornituri tas-servizzi finanzjarji jiffaċilitaw aħjar il-parteċipazzjoni tal-investituri fil-livell tal-konsum fis-swieq kapitali, u jgħinu biex jingħelbu l-preġudizzji tat-tfaddil tagħhom billi joħolqu kultura ta' ekwità, f'konformità mal-profil tar-riskju tagħhom;
56. Jenfasizza li l-edukazzjoni finanzjarja hija għodda għal perjodu medju ta' żmien, li l-effetti tagħha huma limitati minħabba preġudizzji konjittivi inevitabbli, il-bidla mgħaġġla fis-swieq finanzjarji u l-kumplessità kbira tagħhom; jenfasizza li l-edukazzjoni finanzjarja ma tistax tissostitwixxi l-aċċess għal konsulenza finanzjarja professjonali affidabbli u imparzjali; jinnota li l-programmi tas-sjieda ta' ishma għall-impjegati huma fost il-mezzi l-aktar effikaċi biex jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni finanzjarja u l-litteriżmu għaċ-ċittadini adulti tal-UE;
57. Jemmen li ċittadini aktar infurmati u edukati aħjar dwar kwistjonijiet finanzjarji huma ta' benefiċċju għas-sistemi demokratiċi, jikkontribwixxu għall-istabbiltà tas-sistemi finanzjarji, u jippromwovu t-trasparenza u d-dmirijiet ta' informazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi rieżami tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill "Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja", u tintroduċi litteriżmu finanzjarju bħala kompetenza ewlenija awtonoma; iħeġġeġ ukoll lill-istituzzjonijiet finanzjarji jiżviluppaw u jimplimentaw programmi bl-għan li jespandu l-litteriżmu u l-kapaċità finanzjarji, billi jibnu opportunitajiet għall-inklużjoni finanzjarja għaċ-ċittadini kollha;
58. Iħeġġeġ lill-Istati Membri, kif ukoll, fejn xieraq, lill-awtoritajiet kompetenti reġjonali, lokali jew pubbliċi oħra, biex jikkunsidraw jinkludu jew jespandu l-litteriżmu finanzjarju fil-kurrikuli kollha mill-iskola għall-università, bi programmi evoluttivi adattati għall-ħtiġijiet tal-istudenti u kurrikuli bl-għan tal-iżvilupp tal-awtonomija fi kwistjonijiet finanzjarji; jissuġġerixxi li dawn il-programmi għandhom jinkludu tal-anqas kunċetti finanzjarji bażiċi bħal imgħax kompost, redditi u annwalitajiet u d-distinzjoni bejn bonds u ishma; jissuġġerixxi l-inklużjoni tal-litteriżmu finanzjarju fl-istudju tal-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA);
Diġitalizzazzjoni u data
59. Huwa tal-fehma li d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi finanzjarji tista' tkun katalizzatur għall-mobilizzazzjoni tal-kapital u tista' tgħin biex tingħeleb il-frammentazzjoni tas-swieq finanzjarji fl-UE filwaqt li tnaqqas l-ostakli u żżid l-effiċjenza superviżorja; jissottolinja li d-diġitalizzazzjoni la għandha twassal għal arbitraġġ regolatorju u lanqas għal protezzjoni tal-konsumatur aktar baxxa, tnaqqis fis-sikurezza jew riskji għall-istabbiltà finanzjarja; jenfasizza li qafas tal-UE bi standards għolja ta' ċibersigurtà, inkluż dwar il-protezzjoni tal-privatezza u dwar il-protezzjoni tad-data, jista' jwassal għas-CMU; josserva li l-finanzi diġitali għandhom element qawwi ta' fluss ta' kapital li jattira l-investimenti transfruntiera; jinnota li qafas tal-UE bħal dan għandu jkun primarjament adattat għall-era diġitali u newtrali għat-teknoloġija;
60. Jistieden lill-Kummissjoni taħdem lejn l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Finanzi Diġitali għal aċċess aħjar għas-servizzi finanzjarji filwaqt li toffri għażla aktar wiesgħa u żżid l-effiċjenza tal-operazzjonijiet;
61. Jistieden lill-Kummissjoni tuża r-rieżamijiet li jmiss ta' regolamenti dwar is-servizzi finanzjarji biex trawwem l-involviment tal-investitur u tal-azzjonist permezz ta' għodod diġitali;
62. Jenfasizza l-ħtieġa li s-swieq Ewropej ikunu jistgħu jikkompetu globalment; jistieden lill-Kummissjoni toħloq ambjent favorevoli għal prodotti finanzjarji innovattivi u kompetittivi tal-UE, b'firxa globali biex tattira l-kapital u l-investiment barrani u tippromwovi l-kompetittività tal-UE fis-swieq globali, filwaqt li żżomm livelli għoljin ta' regolamentazzjoni prudenzjali u stabbiltà finanzjarja; itenni l-ħtieġa ta' rappreżentanza aktar simplifikata u kodifikata tal-UE f'organizzazzjonijiet u korpi multilaterali, skont ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' April 2016 dwar ir-rwol tal-UE fil-qafas tal-istituzzjonijiet u l-korpi internazzjonali finanzjarji, monetarji u regolatorji[8];
63. Jenfasizza li l-kriptoassi qed isiru mezz ta' finanzjament mhux tradizzjonali għall-SMEs, b'mod partikolari offerti inizjali ta' muniti li għandhom il-potenzjal li jiffinanzjaw negozji ġodda u negozji li qed jespandu innovattivi; jinsisti f'dan ir-rigward li tinħtieġ gwida ċara u konsistenti dwar l-applikabbiltà tal-proċessi regolatorji u prudenzjali eżistenti għall-kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji sa fejn hija kkonċernata l-leġiżlazzjoni tal-UE, sabiex tiġi pprovduta ċertezza regolatorja u jiġu evitati kundizzjonijiet mhux ekwi, forum shopping u arbitraġġ fis-suq intern;
64. Jinnota li xi strutturi oligopolistiċi żviluppaw fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, u wkoll li xi kumpaniji teknoloġiċi kbar saru atturi importanti fis-suq tas-servizzi finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tinvestiga kif il-vantaġġi kompetittivi inerenti għal dawn l-operaturi jistgħu jfixklu l-kompetizzjoni fis-suq u jagħmlu ħsara lill-interessi tal-konsumaturi u l-innovazzjoni; jenfasizza li ma għandu jinħoloq l-ebda diżinċentiv f'li tiġi pprovduta data tas-suq u li għandu jsir rieżami komprensiv dwar il-kost u d-disponibbiltà tad-data tas-suq għall-parteċipanti kollha tas-suq;
65. Jenfasizza li s-"sandboxes" jistgħu jkunu għodda adegwata biex jissaħħu l-innovazzjoni u l-kompetittività tas-settur tas-servizzi finanzjarji; jissottolinja li kwalunkwe sandbox, inkluża "sandbox" pan-Ewropea, għandha tfittex li ssib bilanċ bejn l-objettiv li trawwem l-innovazzjoni u l-istabbiltà finanzjarja u l-protezzjoni tal-investituri u l-konsumaturi, filwaqt li tqis id-daqs, is-sinifikat sistemiku u l-attività transfruntiera tad-ditti kkonċernati; jitlob li l-Kummissjoni tagħmel użu mill-esperjenza miksuba mill-Forum Ewropew għall-Faċilitaturi tal-Innovazzjoni (EFIF) biex tivvaluta jekk qafas komuni tal-UE għal "sandbox" pan-Ewropea għas-servizzi finanzjarji tipprovdix benefiċċji addizzjonali għall-innovazzjoni finanzjarja;
66. Jitlob sforzi ffukati fuq il-preservazzjoni ta' kundizzjonijiet ekwi abbażi ta' aċċess għal data transfruntiera, u livell għoli ta' protezzjoni u privatezza tad-data tal-konsumaturi, li jagħmlu lill-UE qafas bi standards għoljin ta' ċibersigurtà li twassal għas-CMU;
Ir-rwol tal-UE fis-swieq globali
67. Jirrimarka li l-Ewropa tikkompeti għall-kapital f'suq globali, u li, bħala riżultat, swieq kapitali Ewropej aktar profondi, integrati, irregolati sewwa, stabbli, effiċjenti u reżiljenti huma kritiċi biex tiġi protetta s-sovranità ekonomika tal-Ewropa, biex jiġi inkoraġġit l-użu tal-euro f'pajjiżi terzi, u biex jiġu attirati investituri barranin; jemmen li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE jagħmel dan l-objettiv ħafna aktar importanti u li għandu jiġi segwit skont il-kriterji trasparenti bbażati fuq ir-regoli u mhux skont il-każ;
68. Itenni li l-leġiżlazzjoni tal-UE tipprevedi l-possibbiltà li jiġu kkunsidrati regoli ta' pajjiżi terzi bħala ekwivalenti abbażi ta' analiżi teknika, proporzjonali u bbażata fuq ir-riskju, u li tali deċiżjonijiet għandhom jittieħdu permezz ta' att delegat; ifakkar li l-UE tista' tirtira unilateralment kwalunkwe deċiżjoni ta' ekwivalenza u li kwalunkwe diverġenza mill-istandards regolatorji tal-UE għandha tiġi mmonitorjata mill-qrib; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'kooperazzjoni mal-ESAs, u fejn rilevanti mal-NCAs, tistabbilixxi sistema ta' monitoraġġ dinamiku dwar reġimi ta' ekwivalenza, fil-każ ta' diverġenzi regolatorji u superviżorji ta' pajjiżi terzi li jistgħu jinvolvu riskji potenzjali għall-UE f'termini ta' stabbiltà finanzjarja, trasparenza tas-suq, integrità tas-suq, protezzjoni tal-investitur u tal-konsumaturi u kundizzjonijiet ekwi; jenfasizza li l-Kummissjoni għandu jkollha proċeduri ta' emerġenza fis-seħħ biex tirtira deċiżjonijiet ta' ekwivalenza f'każ li jkollha bżonn tieħu azzjoni rapida, filwaqt li tikkunsidra l-konsegwenza potenzjali ta' rtirar ta' emerġenza ta' deċiżjoni ta' ekwivalenza; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li s-superviżuri tal-UE jkollhom setgħat superviżorji diretti f'każ li l-attivitajiet ta' ċerti ditti ta' pajjiżi terzi rikonoxxuti fil-qafas ta' ekwivalenza tal-UE jista' jkollhom impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja, swieq ordnati jew il-protezzjoni tal-investitur;
69. Ifakkar fil-ħtieġa li tiġi żgurata l-interoperabbiltà tal-qafas regolatorju tal-UE mal-prinċipji miftiehma internazzjonalment tal-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja u l-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja;
70. Jitlob azzjoni għat-tisħiħ tar-rwol internazzjonali u l-użu tal-euro, billi jitlestew l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, is-CMU u l-Unjoni Bankarja, bl-appoġġ għall-iżvilupp tal-parametri referenzjarji tal-euro għas-swieq komoditarji, u bit-tisħiħ tar-rwol tal-euro bħala munita ta' referenza;
71. Jikkunsidra li għandhom jiġu garantiti kundizzjonijiet ekwi fir-relazzjonijiet futuri mar-Renju Unit wara l-perjodu ta' tranżizzjoni, b'tali mod li jippromwovu l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji tal-UE;
°
° °
72. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-ESAs u lill-Bank Ċentrali Ewropew.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
10.9.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
37 10 10 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Gunnar Beck, Marek Belka, Isabel Benjumea Benjumea, Stefan Berger, Francesca Donato, Derk Jan Eppink, Engin Eroglu, Jonás Fernández, Frances Fitzgerald, José Manuel García-Margallo y Marfil, Luis Garicano, Sven Giegold, Valentino Grant, Claude Gruffat, José Gusmão, Enikő Győri, Eero Heinäluoma, Danuta Maria Hübner, Stasys Jakeliūnas, Billy Kelleher, Ondřej Kovařík, Georgios Kyrtsos, Aurore Lalucq, Aušra Maldeikienė, Jörg Meuthen, Csaba Molnár, Siegfried Mureşan, Caroline Nagtegaal, Luděk Niedermayer, Lefteris Nikolaou-Alavanos, Dimitrios Papadimoulis, Piernicola Pedicini, Lídia Pereira, Kira Marie Peter-Hansen, Sirpa Pietikäinen, Dragoș Pîslaru, Evelyn Regner, Antonio Maria Rinaldi, Alfred Sant, Joachim Schuster, Ralf Seekatz, Pedro Silva Pereira, Ernest Urtasun, Inese Vaidere, Johan Van Overtveldt, Stéphanie Yon-Courtin, Marco Zanni, Roberts Zīle |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Damien Carême, Christian Doleschal, Eugen Jurzyca, Eva Kaili, Chris MacManus, Margarida Marques, Eva Maydell, Pina Picierno, Stéphane Séjourné |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
37 |
+ |
ECR |
Eugen Jurzyca, Johan Van Overtveldt, Roberts Zīle |
PPE |
Isabel Benjumea Benjumea, Stefan Berger, Christian Doleschal, Frances Fitzgerald, José Manuel García-Margallo y Marfil, Enikő Győri, Danuta Maria Hübner, Georgios Kyrtsos, Aušra Maldeikienė, Eva Maydell, Siegfried Mureşan, Luděk Niedermayer, Lídia Pereira, Sirpa Pietikäinen, Ralf Seekatz, Inese Vaidere |
Renew |
Engin Eroglu, Luis Garicano, Ondřej Kovařík, Caroline Nagtegaal, Dragoș Pîslaru, Stéphane Séjourné, Stéphanie Yon-Courtin |
S&D |
Marek Belka, Jonás Fernández, Eero Heinäluoma, Eva Kaili, Margarida Marques, Csaba Molnár, Pina Picierno, Evelyn Regner, Alfred Sant, Joachim Schuster, Pedro Silva Pereira |
10 |
- |
GUE/NGL |
José Gusmão, Chris MacManus, Dimitrios Papadimoulis |
ID |
Gunnar Beck, Francesca Donato, Valentino Grant, Jörg Meuthen, Antonio Maria Rinaldi, Marco Zanni |
NI |
Lefteris Nikolaou-Alavanos |
10 |
0 |
ECR |
Derk Jan Eppink |
NI |
Piernicola Pedicini |
Renew |
Billy Kelleher |
S&D |
Aurore Lalucq |
Verts/ALE |
Damien Carême, Sven Giegold, Claude Gruffat, Stasys Jakeliūnas, Kira Marie Peter-Hansen, Ernest Urtasun |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] ĠU C 265, 11.8.2017, p. 76.
- [2] ĠU C 11, 12.01.2018, p. 24.
- [3] Testi adottati, P9_TA(2020)0165.
- [4] Rapport Annwali dwar l-SMEs Ewropej tal-Kummissjoni Ewropea 2018/2019
- [5] Ara pereżempju: https://2degrees-investing.org/wp-content/uploads/2020/03/A-Large-Majority-of-Retail-Clients-Want-to-Invest-Sustainably.pdf
- [6] Ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar fondi Ewropej ta' kapital ta' riskju, ĠU L 115, 25.4.2013, p. 1.
- [7] ĠU L 123, 19.5.2015, p. 98.
- [8] ĠU C 58, 15.2.2018, p. 76.