Proċedura : 2019/2197(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0160/2020

Testi mressqa :

A9-0160/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2020)0252

<Date>{18/09/2020}18.9.2020</Date>
<NoDocSe>A9-0160/2020</NoDocSe>
PDF 278kWORD 87k

<TitreType>RAPPORT</TitreType>

<Titre>dwar l-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali komuni – rapport annwali 2018</Titre>

<DocRef>(2019/2197(INI))</DocRef>


<Commission>{INTA}Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali</Commission>

Rapporteur: <Depute>Jörgen Warborn</Depute>

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali komuni – rapport annwali 2018

(2019/2197(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2019 dwar l-implimentazzjoni ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles, 1 ta' Jannar 2018 - 31 ta' Diċembru 2018 (COM(2019)0455),

 wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SWD(2019)0370) tal-14 ta' Ottubru 2019, li jakkumpanja r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles, 1 ta' Jannar 2018 - 31 ta' Diċembru 2018 (COM(2019)0455),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titlu "Kummerċ għal Kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment" (COM(2015)0497),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Jannar 2020 bit-titlu "Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2020: Unjoni li tirsisti għal aktar"(COM(2020)0037),

 wara li kkunsidra l-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea 2019-2024 tas-16 ta' Lulju 2019,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Mejju 2018 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Kummerċjali Komuni[1],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni tat-8 ta' April 2020 dwar ir-rispons globali tal-UE għall-COVID-19 (JOIN/2020/11 final);

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Novembru 2018 dwar id-WTO: prospettivi għall-futur[2],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni, tad-9 ta' Marzu 2020, bit-titlu "Lejn strateġija komprensiva mal-Afrika" (JOIN/2020/4 final),

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-25 ta' Jannar 2019 tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar il-kummerċ elettroniku,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Ministri għall-Kummerċ tal-G20 tat-30 ta' Marzu u tal-14 ta' Mejju 2020;

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta Stati Uniti tal-Amerka-UE tal-25 ta' Lulju 2018,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-14 ta' Jannar 2020 bħala eżitu tal-Laqgħa Trilaterali tal-Ministri għall-Kummerċ tal-Ġappun, tal-Istati Uniti tal-Amerka u tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2019 dwar il-ħarsien u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-pajjiżi terzi (SWD(2019)0452),

 wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissjoni tas-27 ta' Marzu 2019 dwar l-istrumenti għad-difiża kummerċjali (COM(2019)0158),

 wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Ewrobarometru ppubblikat f'Novembru 2019 bit-titlu "L-attitudni tal-Ewropej dwar il-Kummerċ u l-politika kummerċjali tal-UE",

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta dwar "UE-Ċina – Prospettiva strateġika adottata mill-Kummissjoni u mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fit-12 ta' Marzu 2019 (JOIN/2019/5 final),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta dwar "Konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja – elementi fundamentali għal Strateġija tal-UE" adottata mill-Kummissjoni u mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fid-19 ta' Settembru 2018 (JOIN/2018/31 final),

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-26 ta' Ġunju 2019 dwar ostakli għall-kummerċ u l-investiment,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment[4],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta' Settembru 2015 bit-titlu "Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli",

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà korporattiva[5],

 wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Kapitolu V, Titolu II tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), kif ukoll l-Artikolu 218 tat-TFUE,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015[6],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2018 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-ftehimiet kummerċjali[7],

 wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Ugwaljanza Bejn is-Sessi tal-Kummissjoni ta' Marzu 2020,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi li jkopri l-perjodu 2018-2019[8],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2018 bit-titlu "Is-Suq Uniku f'dinja li qiegħda tinbidel: assi uniku li jeħtieġ impenn politiku mġedded" (COM(2018)0772),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0160/2020),

A. billi r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-30 ta' Mejju 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Kummerċjali Komuni kisbet appoġġ wiesa' għall-approċċ tagħha li jiffavorixxi sistema kummerċjali bbażata fuq ir-regoli, fuq il-valuri u li tkun prevedibbli; billi żviluppi ġodda sa mill-2018, partikolarment l-implimentazzjoni tal-ftehim kummerċjali UE-Kanada u l-effetti l-aktar reċenti tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-kummerċ, jagħmluha neċessarja li jsir aġġornament dettaljat tar-rapport preċedenti;

B. billi l-UE hija l-potenza kummerċjali ewlenija tad-dinja u l-akbar blokk kummerċjali fid-dinja, li taġixxi bħala mutur prinċipali tal-prosperità ekonomika; billi hija wkoll l-akbar kummerċjant ta' prodotti manifatturati u servizzi; billi l-indikaturi l-aktar reċenti jiżvelaw li fl-2019 l-esportazzjonijiet ta' oġġetti tal-UE żdiedu għal EUR 2 132,3 biljun, li jirrappreżentaw żieda ta' 3,5 % fuq is-sena preċedenti; billi minkejja l-isfidi globali attwali, is-sħab kummerċjali ewlenin tal-UE huma l-Istati Uniti u ċ-Ċina; billi bejn l-2007 u l-2017 il-PDG globali żdied b'aktar minn 70 %; billi jekk wieħed iqabbel iż-żieda tal-UE ta' 17 % maċ-ċifri għal pajjiżi bħall-Istati Uniti (60 %), l-Indja (80 %) u ċ-Ċina (315 %), jidher ċar li l-UE qed taqa' lura fil-kompetittività globali;

C. billi fl-14 ta' Ottubru 2019 il-Kummissjoni ppubblikat it-tielet rapport tagħha dwar l-implimentazzjoni ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles (FTAs) tal-UE, li juri li fl-2018, 33 % tal-esportazzjonijiet tal-UE u 29 % tal-importazzjonijiet tal-UE ġew negozjati mas-sħab tal-FTA; billi fl-2018 l-UE kellha surplus kummerċjali favorevoli ta' EUR 84,6 biljun mas-sħab tal-FTA meta mqabbel mad-defiċit kummerċjali globali tagħha ta' EUR 24,6 biljun; billi skont rapport reċenti tal-Kummissjoni, l-esportazzjonijiet lejn l-UE minn pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp abbażi ta' preferenzi kummerċjali speċjali (SPĠ) żdiedu b'16,2 % bejn l-2016 u l-2018, b'żieda fil-valur minn EUR 158 biljun fl-2016 għal EUR 183,6 biljun fl-2018; billi huwa previst li l-kummerċ dinji fl-2020 se jonqos bejn it-13 u t-32 % minħabba l-effetti tal-COVID-19; billi huwa previst li l-esportazzjonijiet lil hinn mill-UE27 ta' oġġetti u servizzi jonqsu b'9,2 % u l-importazzjonijiet lil hinn mill-UE27 bi 8,8 %, filwaqt li l-FMI jipprevedi tnaqqis ta' 7,5 % fil-PDG tal-UE;

D. billi l-politika kummerċjali komuni hija kompetenza esklużiva tal-Unjoni implimentata mill-Kummissjoni, mill-Kunsill u mill-Parlament, li tirrikjedi li l-Unjoni titkellem b'vuċi waħda fi kwistjonijiet kummerċjali, dik tal-Kummissjoni li taġixxi tan-negozjatur tagħha; billi fl-2015 il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni bit-titlu "Kummerċ għal Kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment"; billi l-Kummissjoni varat rieżami tal-politika kummerċjali bil-għan li ttejjeb il-kaxxa ta' għodod kummerċjali wara l-kriżi tal-COVID-19; 

E. billi l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE u l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipulaw li l-politika kummerċjali komuni għandha titmexxa fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, inkluż il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-iżvilupp sostenibbli; billi f'Diċembru 2019 il-Kummissjoni adottat il-Patt Ekoloġiku Ewropew, li jipprevedi li l-azzjonijiet u l-politiki kollha tal-UE se jkollhom jikkontribwixxu għall-objettivi tiegħu;

F. billi l-politika kummerċjali u ta' investiment tal-UE tipprovdi wkoll lill-investituri b'aċċess għas-suq u bi protezzjoni tal-investiment permezz ta' ċertezza legali u ambjent stabbli, prevedibbli u regolat kif xieraq li fih iwettqu l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom;

G. billi ċifri reċenti tal-Ewrobarometru jindikaw li madwar 60 % taċ-ċittadini tal-UE jemmnu li jibbenefikaw mill-kummerċ internazzjonali; billi parti mill-opinjoni pubblika hija informata ħafna dwar il-politika kummerċjali u l-ftehimiet kummerċjali; billi nofs dawk mistħarrġa jissuġġerixxu li l-prijoritajiet tal-politika kummerċjali tal-UE għandhom ikunu l-ħolqien tal-impjiegi fl-UE u d-difiża tal-istandards ambjentali u tas-saħħa; billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri jeħtiġilhom ikomplu jiżviluppaw strateġija ta' komunikazzjoni xierqa dwar il-politika kummerċjali u l-ftehimiet kummerċjali, liema strateġija tfittex li tindirizza l-aħbarijiet foloz dwar il-kummerċ u li tibgħat kemm jista' jkun informazzjoni filwaqt li tindirizza partijiet ikkonċernati speċifiċi u tissensibilizza l-operaturi ekonomiċi dwar il-ftehimiet kummerċjali;

H. billi l-politika kummerċjali komuni, komposta minn ftehimiet kummerċjali u miżuri leġiżlattivi, għandha sservi l-objettiv li jinħoloq ambjent kummerċjali stabbli, prevedibbli u ġust li fih in-negozji tal-UE jistgħu jirnexxu u fejn l-interessi taċ-ċittadini tal-UE jiġu enfasizzati, u għandha tiżgura li l-UE tkompli tissalvagwardja l-mudell soċjali u regolatorju eżistenti tagħha, filwaqt li tuża l-politika kummerċjali biex tippromwovi l-valuri tagħha madwar id-dinja; billi l-UE għandha żżid l-isforzi tagħha biex tippromwovi kompetizzjoni ġusta, tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti u tindirizza kwistjonijiet kummerċjali kontemporanji; billi l-kisba ta' dawn l-objettivi tirrikjedi orjentazzjoni b'saħħitha tal-politika kummerċjali tal-Unjoni u implimentazzjoni u monitoraġġ effiċjenti u sħaħ tagħha, b'mod aktar ġust u trasparenti; billi l-ftehimiet kummerċjali tal-UE għandhom jirrappreżentaw opportunitajiet għat-tkabbir permezz tal-aċċess għas-suq u t-tneħħija tal-ostakli għall-kummerċ; billi hija ta' importanza fundamentali li n-negozjati jitmexxew fi spirtu ta' benefiċċju reċiproku, bil-għan li jiġu indirizzati l-prattiki kummerċjali inġusti u tiġi żgurata l-konformità mar-regoli u l-istandards tal-UE;

I. billi fit-30 ta' April 2020 l-UE, flimkien ma' 18-il membru tad-WTO, tat notifika formali ta' "Arranġament Proviżorju ta' Arbitraġġ ta' Appell (MPIA) lid-WTO; billi din in-notifika timmarka l-bidu tal-applikazzjoni tal-MPIA għal tilwim li jinqala' bejn il-membri parteċipanti tad-WTO fid-dawl tal-istaġnar tal-Korp tal-Appell (AB);

J. billi t-tifqigħa tal-COVID-19 ikkawżat kriżi multidimensjonali b'konsegwenzi fit-tul u esponiet in-nuqqas ta' reżiljenza tal-ktajjen tal-valur globali għal ċerti prodotti ewlenin, li jinkludi t-tagħmir u l-apparat mediku; billi l-kriżi wriet il-ħtieġa għal ktajjen ta' produzzjoni aktar robusti u reżiljenti, kif ukoll il-ħtieġa għal investiment f'oqsma strateġiċi biex tiżdied ir-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista tal-UE; billi rapporti xjentifiċi jindikaw riskji dejjem akbar ta' tifqigħat dinjija ta' pandemiji u ta' fenomeni relatati mat-tibdil fil-klima li għandhom impatt fuq ir-relazzjonijiet internazzjonali; billi l-ministri għall-kummerċ tal-G20 ħadu l-impenn li jtaffu l-impatti tal-COVID-19 fuq il-kummerċ u l-investiment internazzjonali billi jkomplu jaħdmu flimkien biex jipprovdu ambjent ta' kummerċ u investiment ħieles, ġust, nondiskriminatorju, trasparenti, prevedibbli u stabbli, u billi jżommu s-swieq tagħna miftuħa biex jiżguraw il-fluss kontinwu bejn il-fruntieri ta' provvisti u tagħmir mediku vitali, prodotti agrikoli kritiċi, u oġġetti u servizzi essenzjali oħra;

K. billi fl-14 ta' Marzu 2020 il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 2020/402[9] taħt proċedura ta' urġenza biex l-esportazzjoni ta' tagħmir ta' protezzjoni personali (PPE) soġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni f'konformità mar-Regolament (UE) 2015/479, bħala miżura temporanja li sservi biex tgħin lill-UE tiffaċċja ż-żieda fid-domanda u tħejji l-kapaċità operattiva tagħha biex tgħin lill-pajjiżi terzi;

L. billi l-UE nnegozjat ftehimiet komprensivi li jirregolaw ir-relazzjonijiet kummerċjali ma' kważi l-Amerka Latina kollha u l-Karibew, bl-eċċezzjoni tal-Bolivja, Kuba u l-Venezwela;

M. billi, fl-2015, il-Parlament enfasizza l-ħtieġa għal perspettiva tal-ġeneru fil-politika kummerċjali internazzjonali tal-UE[10], u fl-2018, il-ħtieġa għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-ftehimiet kummerċjali[11]; billi 36 miljun impjieg fl-UE, li minnhom 13,7 miljun huma okkupati minn nisa, jiddependu fuq l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi lil hinn mill-UE; billi n-nisa huma fil-biċċa l-kbira sottorappreżentati fil-kummerċ lil hinn mill-UE fis-setturi tal-agrikoltura u tal-manifattura; billi, fl-UE, kumpanija esportatriċi waħda biss minn kull ħamsa hija mmexxija (jiġifieri proprjetà ta' u/jew ġestita) minn mara u n-nisa jirrappreżentaw 30 % jew inqas tal-forza tax-xogħol totali fis-settur tal-esportazzjoni;

N. billi ħafna pajjiżi jimponu tariffi fuq apparat mediku inklużi l-monitors tal-pazjenti, it-tagħmir dijanjostiku u l-mediċini komuni bħall-antibijotiċi, il-mediċini li jtaffu l-uġigħ, jew l-insulina, u prattikament il-pajjiżi kollha jimponu dazji fuq l-importazzjoni fuq is-sapun; billi d-dazji ġew aggravati mid-deċiżjoni tal-Istati Uniti li timponi dazji addizzjonali fuq importazzjonijiet b'valur ta' USD 370 biljun miċ-Ċina li jinkludu xi aspetti tal-PPE;

O. billi rapporti xjentifiċi jindikaw riskji dejjem akbar ta' tifqigħat dinjija ta' pandemiji u ta' fenomeni relatati mat-tibdil fil-klima b'impatt fuq ir-relazzjonijiet internazzjonali, u jikkonkludu li l-mudelli ekonomiċi tagħna għandhom jiġu riformati b'mod sinifikanti, partikolarment skont il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima;

Il-kuntest globali

1. Jinnota li aspetti sinifikanti tal-kuntest globali qed jinbidlu u li l-esperjenza ta' dawn l-aħħar sentejn fejn kien hemm żieda fit-tensjonijiet, turi li mhumiex prevedibbli; itenni l-appoġġ tiegħu għal sistema kummerċjali miftuħa, ħielsa, ibbażata fuq ir-regoli, prevedibbli u ġusta, li jeħtieġ li tiġi ssalvagwardjata u promossa; jirrimarka li minkejja l-klima ekonomika globali diffiċli, l-UE rreġistrat surplus ta' EUR 84,6 biljun (fl-2018) fil-kummerċ ta' oġġetti mas-sħab tagħha tal-ftehim kummerċjali, meta mqabbel mad-defiċit kummerċjali globali tagħha mal-bqija tad-dinja ta' madwar EUR 24,6 biljun; ifakkar li l-esportazzjonijiet lil hinn mill-UE qed jagħtu appoġġ lil aktar minn 36 miljun impjieg;

2.   Jinnota li minn mindu l-Kummissjoni adottat l-aħħar strateġija kummerċjali tagħha fl-2015, bit-titlu "Kummerċ għal kulħadd", l-UE kkonkludiet u bdiet tapplika għadd ta' ftehimiet kummerċjali ġodda, b'mod partikolari l-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) UE-Kanada, il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (FSE) bejn l-UE u l-Ġappun u l-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles (FTAs) UE-Singapore u UE-Vjetnam,

3.  Jinsisti li l-istrateġija kummerċjali tal-UE trid tkompli tippromwovi l-interessi u l-valuri tal-Unjoni meta tiffaċċja sfidi ġodda madwar id-dinja, iżżid il-kompetittività tal-industrija tal-UE, u tiġġenera tkabbir ekonomiku f'konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; iqis, għalhekk, li aġenda multilaterali, plurilaterali u bilaterali ambizzjuża, il-konklużjoni ta' ftehimiet kummerċjali ġusti u produttivi għaż-żewġ partijiet, l-iżgurar ta' reċiproċità stretta u r-rispett tan-normi u l-istandards għoljin tal-Ewropa f'setturi sensittivi, id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni effettiva tagħhom, it-tneħħija ta' ostakli kummerċjali mhux ġustifikati, u l-użu ta' għodod għad-difiża tal-kummerċ fejn meħtieġ, jirrappreżentaw l-aħjar mod biex bih l-UE ssir aktar kompetittiva f'dinja globalizzata;

4.  Jisħaq li r-relazzjoni tagħna maż-żewġ superpotenzi kummerċjali l-oħra, iċ-Ċina u l-Istati Uniti, li jirrappreżentaw madwar 30 % tal-iskambji kummerċjali tagħna, huma kruċjali fit-tmexxija tal-politika kummerċjali tal-UE; jinsisti, madankollu, li l-UE għandha ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha ma' partijiet oħra tad-dinja, tiddiversifika u ttejjeb ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha mas-sħab kollha, inklużi l-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u l-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs), u taħdem lejn ordni dinji multipolari; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi evitata d-dipendenza żejda tal-ekonomija tal-UE fuq il-ktajjen tal-provvista ta' ftit sħab kummerċjali ewlenin; 

5. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħaħ l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri; jappella għal aktar skambju ta' prattiki tajba, bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, bil-ħsieb li jinkisbu sinerġiji u jittejbu r-riżultati; f'dan ir-rigward, jisħaq ukoll fuq il-ħtieġa li jittejbu l-istrateġiji ta' valutazzjoni dwar il-ftehimiet, u jqis li l-Kummissjoni għandha tiżgura valutazzjoni tal-impatt aħjar ta' kull ftehim kummerċjali, li għandha titwettaq fi żmien xieraq u minn korpi indipendenti;

6. Jilqa' ż-żieda fit-trasparenza tal-politika kummerċjali; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jippubblika l-mandat dwar in-negozjati tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika mar-reġjuni tal-AKP fid-19 ta' Diċembru 2019; jesprimi sodisfazzjon għall-isforzi reċenti tal-Kummissjoni l-ġdida biex tinforma lill-Parlament b'mod aktar regolari dwar is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati li għaddejjin, biex b'hekk il-ħidma tal-Kummissjoni ssir aktar trasparenti, bħal li jsiru disponibbli rapporti dettaljati dwar il-kumitati speċjalizzati stabbiliti skont is-CETA u l-Ftehim mal-Korea t'Isfel;

7. Jisħaq li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jeħtiġilhom jaħdmu fuq strateġija ta' komunikazzjoni aħjar fir-rigward tal-benefiċċji tal-politika kummerċjali tal-UE u fuq is-sensibilizzazzjoni bil-għan li jikkomunikaw b'mod effettiv flimkien mas-soċjetà u l-partijiet ikkonċernati; ifakkar li l-pjanijiet direzzjonali jipprovdu l-opportunità lill-Kummissjoni biex tikkomunika u tispjega r-raġunijiet wara inizjattiva partikolari u l-objettivi tagħha, kif ukoll biex tikkomunika mas-soċjetà u l-partijiet ikkonċernati u tirċievi rispons; iqis li l-Kummissjoni għandha tiżgura t-trasparenza sħiħa tal-pjanijiet direzzjonali u ta' attivitajiet oħra ta' konsultazzjoni bil-għan li timmassimizza l-impatt tagħhom u tiggarantixxi l-involviment tal-partijiet ikkonċernati;

8. Jiddispjaċih dwar l-impatt serju tal-virus tal-COVID-19 u l-lockdown konsegwenti tal-ekonomiji fir-rigward tal-kummerċ globali, fejn bħala konsegwenza ta' dan kien hemm tnaqqis fl-importazzjonijiet lejn l-UE u fl-esportazzjonijiet mill-UE kif ukoll interruzzjonijiet u waqfien tal-ktajjen tal-valur; jenfasizza li l-UE jeħtiġilha titgħallem mill-pandemija attwali sabiex tnaqqas il-vulnerabbiltà tagħha, speċjalment f'ċerti setturi strateġiċi; jemmen li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtieġ li jaġixxu b'mod rapidu biex jużaw il-politika kummerċjali bħala għodda li tippermetti l-irkupru tal-ekonomija globali u li ttaffi r-reċessjoni; huwa konvint li l-UE jeħtiġilha ttejjeb l-awtonomija strateġika miftuħa tagħha filwaqt li tiżgura kummerċ ibbażat fuq ir-regoli fi żmien ta' kriżi, u jeħtiġilha tevita miżuri li jirrestrinġu u/jew jgħawwġu l-kummerċ, u bl-istess mod tisfida tali miżuri minn pajjiżi terzi, li kollha kemm huma għandhom jiġu indirizzati b'mod speċifiku fir-Reviżjoni tal-Politika Kummerċjali;

9. Jappella għal progress fin-negozjati attwali u b'mod partikolari għat-tiġdid tan-negozjati biex jiġi konkluż b'mod rapidu ftehim plurilaterali dwar iċ-ċirkolazzjoni libera tat-tagħmir mediku; iħeġġeġ bil-qawwa lill-pajjiżi kollha jissieħbu fil-Ftehim dwar l-Eliminazzjoni tad-Dazji fuq il-Prodotti Farmaċewtiċi (Żero għal Żero) tad-WTO, u jemmen li l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu jiġi estiż għall-prodotti farmaċewtiċi u mediċinali kollha biex ikun żgurat il-kummerċ transfruntier mad-dinja kollha; jitlob lill-membri tad-WTO jagħtu prijorità lil dan is-suġġett fl-aġenda tal-Laqgħa Ministerjali tad-WTO li jmiss, peress li l-ftehimiet kummerċjali huma mod kif il-kumpaniji jiġu megħjuna jiddiversifikaw is-sorsi tagħhom;

10. Jisħaq li l-UE jeħtiġilha tiżgura flussi kummerċjali miftuħa u ktajjen ta' valur mondjali sostnuti, u għalhekk jeħtiġilha toqgħod lura minn restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni bħal fuq PPE, li għalih l-UE qed tiddependi fuq sħab kummerċjali f'pajjiżi terzi; iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li jirrestrinġu l-fluss ta' oġġetti kritiċi fis-suq intern biex ineħħu minnufih ir-restrizzjonijiet tal-esportazzjoni tagħhom, u jistieden lill-Kummissjoni tapplika tolleranza żero għal tali ksur tar-regoli tas-suq uniku; huwa tal-fehma li l-UE jeħtiġilha tivvaluta u tidentifika bir-reqqa s-setturi kritiċi u l-vulnerabbiltajiet soċjetali fejn l-Unjoni teħtieġ li tiżgura l-provvista tagħha ta' prodotti, u jeħtiġilha tfittex rimedji effettivi u proporzjonati fil-politika kummerċjali;

11. Jiddeplora t-telf ekonomiku minħabba t-tfixkil tal-kummerċ internazzjonali u tal-ktajjen ta' valur globali bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19, li jaf ikollha impatt partikolarment gravi fuq il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet kummerċjali tagħha mal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp jappoġġjaw l-aċċess għall-mediċini u t-tagħmir mediku;

12. Jenfasizza l-ħtieġa li l-produtturi rurali u kostali jiġu megħjuna jadattaw ruħhom għal kundizzjonijiet ta' kriżi tas-suq minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19 u li jitfasslu malajr strateġiji ta' adattament u reżiljenza għall-coronavirus biex jinżammu l-livelli ta' dħul ta' sussistenza, filwaqt li tiġi żgurata l-ġestjoni sostenibbli tal-ekosistemi agrikoli, forestali, tal-baħar u rikki fil-bijodiversità;

Il-kooperazzjoni fid-WTO u l-kooperazzjoni plurilaterali

13. Jisħaq li dan huwa mument kritiku għall-promozzjoni ta' multilateraliżmu miftuħ, ġust, ibbilanċjat, sostenibbli u bbażat fuq il-valuri u t-trawwim tas-sistema kummerċjali globali; jiddispjaċih ħafna dwar l-istall tad-WTO, li jirrikjedi passi u impenji attivi mill-membri kollha tad-WTO; itenni l-impenn tiegħu li jiddefendi s-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli; 

14. Jissottolinja l-importanza politika u ekonomika primarja tas-sistema multilaterali u jappella lis-sħab kummerċjali internazzjonali biex jaħdmu għall-kisba ta' sistema ta' soluzzjoni tat-tilwim li tiffunzjona tajjeb fid-WTO u biex imexxu 'l quddiem riforma ambizzjuża mmexxija mill-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tinnegozja regoli ġodda għall-ġlieda kontra fenomeni li jfixklu l-kummerċ relatat ma' politiki u prattiki mhux tas-suq, intrapriżi tal-istat (SOEs) u sussidji industrijali, li jwasslu għal kapaċità żejda, politiki u prattiki furzati ta' trasferiment tat-teknoloġija, u serq tal-proprjetà intellettwali; iħeġġeġ lill-membri tad-WTO biex jilħqu ftehim ambizzjuż u bbilanċjat dwar il-kwistjoni tas-sussidji tas-sajd, li ilha għaddejja, matul il-konferenza ministerjali li se ssir fl-2021, u biex jibgħatu sinjal ċar li d-WTO għadha kapaċi twettaq il-funzjoni ta' negozjar tagħha;

15. Jilqa' l-arranġament interim ta' arbitraġġ tal-appell (MPIA) b'diversi partijiet, sistema ġdida li se tippermetti lill-UE, flimkien ma' membri parteċipanti oħra tad-WTO, tegħleb il-paraliżi attwali tal-Korp tal-Appell tad-WTO u li se tippermetti lill-membri parteċipanti jippreservaw sistema ta' soluzzjoni tat-tilwim li tiffunzjona f'żewġ stadji fid-WTO jekk ikun hemm tilwim bejniethom;

16. Jinnota l-progress li sar matul in-negozjati settorjali u plurilaterali li għaddejjin bħalissa, b'mod partikolari dwar ir-regolamentazzjoni domestika tas-servizzi, il-kummerċ elettroniku u l-faċilitazzjoni tal-investiment; jissottolinja li dawn in-negozjati settorjali huma impriżi bbażati fuq il-Komunikazzjoni Konġunta li għandhom jitmexxew bil-ħsieb li jintlaħaq kunsens trażversali tal-parteċipanti kollha;

17. Jilqa' l-progress li sar fin-negozjati għall-Qorti Multilaterali tal-Investiment (MIC); jinnota li s-Sistema ta' Qorti Internazzjonali (ICS) hija maħsuba bħala pass lejn il-MIC; jiddispjaċih dwar il-progress kajman wisq tal-Istati Membri biex iżarmaw it-trattati bilaterali ta' investiment intra-UE (BITs), u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni fejn xieraq;

18. Jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu għall-kooperazzjoni trilaterali li għaddejja bħalissa bejn l-UE, l-Istati Uniti u l-Ġappun dwar il-limitazzjoni tal-prattiki li jgħawwġu s-suq madwar id-dinja; jilqa' , f'dan ir-rigward, id-dikjarazzjoni konġunta tal-14 ta' Jannar 2020 dwar is-sussidji industrijali;

L-Istati Uniti

19. Jiddispjaċih ħafna għall-bidla sinifikanti fid-direzzjoni fil-politika kummerċjali tal-Istati Uniti matul l-aħħar tliet snin, u jinsab imħasseb dwar iż-żieda fil-miżuri kummerċjali unilaterali u ż-żieda fil-miżuri protezzjonisti, inklużi deċiżjonijiet reċenti mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti li jniedi investigazzjonijiet ulterjuri tat-taqsima 232; jiddispjaċih dwar in-notifika formali mill-Istati Uniti fl-4 ta' Novembru 2019 dwar il-ħruġ tagħha mill-Ftehim ta' Pariġi, u jfakkar li l-politika kummerċjali komuni tal-UE għandha tikkontribwixxi għall-promozzjoni tat-twettiq ta' dak il-ftehim; jisħaq fuq l-importanza li jiġu varati mill-ġdid it-taħditiet UE-Stati Uniti biex jissolvew il-problemi pendenti, inkluż it-tilwim; jisħaq fuq l-importanza li l-agrikoltura tinżamm barra mill-ambitu tan-negozjati kif ukoll biex jiġu żgurati l-monitoraġġ u l-protezzjoni xierqa tas-settur tas-sajd;

20. Ifakkar li l-UE għandha tkompli l-ħidma tagħha mal-Istati Uniti bħala sieħeb li miegħu trid issib soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet kummerċjali ta' interess komuni kif ukoll għat-theddid u għall-frizzjonijiet kummerċjali, inkluża l-applikazzjoni extraterritorjali tal-liġijiet adottati mill-Istati Uniti li jmorru kontra d-dritt internazzjonali; jisħaq li l-UE għandha tkompli tipparteċipa fi sforzi biex terġa' tinkiseb il-fiduċja reċiproka u relazzjonijiet kummerċjali mill-qrib filwaqt li tiżgura li l-istandards Ewropej jiġu rispettati; huwa tal-fehma li ftehim kummerċjali limitat mal-Istati Uniti jista' jitqies bħala pass importanti;

21. Jistieden lill-Kummissjoni tikkomunika mal-kontropartijiet tagħha tal-Istati Uniti biex jinstabu modi ħalli jitnaqqsu t-tensjonijiet kummerċjali transatlantiċi, inkluż is-sejbien ta' soluzzjonijiet negozjati mal-Istati Uniti dwar il-kwistjoni tas-sussidji tal-inġenji tal-ajru ċivili, b'mod partikolari fir-rigward tat-tilwima Airbus-Boeing li għadha għaddejja, u biex jintlaħaq ftehim ħalli tintemm l-impożizzjoni illegali ta' tariffi fuq l-azzar u l-aluminju mill-Istati Uniti u miżuri kontra s-sussidji u antidumping illegali fuq prodotti agroalimentari, inklużi dawk fuq żebbuġ misjur; iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha għal rispons koordinat u unifikat tal-UE; jilqa' n-negozjati bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-aċċettazzjoni reċiproka tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-konformità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef il-kooperazzjoni f'oqsma oħra ta' interess konġunt, bħal standards u ostakli oħra mhux tariffarji, sabiex il-kummerċ isir aktar faċli, jitnaqqsu l-ostakli burokratiċi u biex l-ispejjeż jitnaqqsu drastikament;

22. Jiddispjaċih li l-amministrazzjoni attwali qed tikkunsidra li tirtira mill-Ftehim dwar l-Akkwist Ġenerali; iħeġġeġ lill-amministrazzjoni tibqa' parti għal dak il-ftehim;

Iċ-Ċina

23. Jinnota li ċ-Ċina tirrappreżenta suq ta' opportunitajiet minħabba d-daqs u t-tkabbir tagħha, peress li hija t-tieni l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE, iżda li hemm ħafna ostakli għan-negozji tal-UE fir-rigward tal-aċċess u l-operat f'dak is-suq, minħabba n-natura mmexxija mill-istat u ssussidjata mill-istat tal-ekonomija Ċiniża, fejn in-negozji tal-istat jibbenefikaw minn aċċess għas-suq esklużiv jew dominanti; jikkundanna t-tipi kollha ta' miżuri diskriminatorji li jiffaċċjaw il-kumpaniji tal-UE fiċ-Ċina; iqis li l-kompetizzjoni ġusta bejn il-kumpaniji tal-UE u taċ-Ċina twassal għal aktar opportunitajiet u aktar innovazzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja b'mod kostanti l-atti persistenti ta' diskriminazzjoni u taħdem mal-awtoritajiet Ċiniżi sabiex tkisser dawn l-atti u l-ostakli; jinnota li f'Mejju 2019 iċ-Ċina rtirat l-ilment tagħha fid-WTO kontra l-UE rigward it-trattament ta' ekonomija mhux tas-suq fl-antidumping; jilqa' l-eżitu tal-każ ta' soluzzjoni tat-tilwim bejn l-UE u ċ-Ċina li jimmarka t-tmiem tal-istatus taċ-Ċina bħala ekonomija tas-suq, f'konformità mal-pożizzjoni tal-Parlament ta' Mejju 2016[12];

24. Jilqa' l-konklużjoni fis-6 ta' Novembru 2019 tan-negozjati għal Ftehim dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi UE-Ċina bħala pass pożittiv lejn it-titjib tal-protezzjoni tal-prodotti IĠ tal-UE fiċ-Ċina, u jappella għar-ratifika rapida tiegħu, kif ukoll għal leġiżlazzjoni aġġornata u infurzar aktar b'saħħtu; jinsisti li dan il-Ftehim dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi UE-Ċina ma jridx jinkiser mill-ftehim kummerċjali Stati Uniti-Ċina fil-Fażi 1; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja s-sitwazzjoni tal-aċċess għas-suq għall-prodotti Ewropej matul l-implimentazzjoni ta' dan il-ftehim; jinnota li, skont l-aktar rapport reċenti dwar il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI), aktar minn 80 % tas-sekwestri ta' oġġetti ffalsifikati u kkupjati jikkonċernaw oġġetti li joriġinaw miċ-Ċina, u li l-istess seħħ fl-2018 kif ukoll fl-2019; jistieden lill-Kummissjoni tesplora aktar għodod biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet u tiggarantixxi l-protezzjoni sħiħa tal-IPRs;

25. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkonkludi negozjati dwar ftehim ambizzjuż ta' investiment maċ-Ċina, b'kapitolu effettiv dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli (TSD), li jneħħi l-ostakli kollha għall-ftuħ tas-suq fiċ-Ċina; jistenna bil-ħerqa l-konklużjoni tan-negozjati sa tmiem l-2020 kif miftiehem fis-Summit UE-Ċina fl-2019; jemmen bis-sħiħ, madankollu, li s-sustanza tal-ftehim għandha tingħata prijorità fuq il-ħeffa tal-konklużjoni tagħha;

26. Jinsab ixxukkjat mir-rapport tal-Istitut Awstraljan tal-Politika Strateġika maħruġ fi Frar 2020, li juri evidenza ta' sfruttament tal-ħaddiema Ujguri fil-fabbriki Ċiniżi, inkluż f'fabbriki li jappartjenu għall-ktajjen tal-valur tal-kumpaniji tal-UE; jinsab imħasseb ħafna dwar l-impatti rrappurtati tal-Inizjattiva "Belt and Road" dwar id-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina u l-Pakistan; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-mezzi kollha disponibbli biex ittemm l-isfruttament tal-Ujguri; jistieden lill-kumpaniji Ewropej itemmu kwalunkwe forma ta' implikazzjoni fil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem taċ-Ċina; jinsisti li x-xogħol furzat tal-Ujguri għandu jiġi eskluż mill-ktajjen tal-provvista ta' prodotti importati fis-suq uniku;

Sħubija ġdida mal-Afrika

27. Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni Konġunta għal Strateġija komprensiva UE-Afrika; jistieden lill-UE tikkomunika aktar ma' pajjiżi Afrikani sabiex toħloq sħubija effettiva u solida, f'konformità mal-aspetti relatati mal-kummerċ tal-Istrateġija tal-Iżvilupp tal-Afrika tal-Aġenda 2063, li tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, it-tkabbir u s-sigurtà tal-ikel fil-kontinent Afrikan; jisħaq fuq il-fatt li ċ-ċifri tar-rapport reċenti tal-10 ta' Frar 2020 dwar l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP) li jkopru l-perjodu 2018-2019 juru żieda fir-rata ta' użu tal-preferenzi mill-pajjiżi li jibbenefikaw mill-iskema; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-għajnuna teknika u ekonomika tagħha permezz ta' miżuri ta' għajnuna għall-kummerċ bejn l-UE u l-pajjiżi Afrikani kif ukoll bejn il-pajjiżi Afrikani stess; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-għajnuna għall-kummerċ għandha tkun element ewlieni fir-relazzjonijiet kummerċjali mal-Afrika wara l-kriżi tal-COVID-19;

28. Jilqa' l-progress mwettaq fl-implimentazzjoni taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikana (ACFTA), li għandha l-għan li tipprovdi suq kontinentali uniku għall-oġġetti u s-servizzi, bil-moviment liberu tal-persuni u ta' investiment; jilqa' l-appoġġ tal-UE għall-istabbiliment tal-Osservatorju Kummerċjali l-ġdid tal-Unjoni Afrikana; jappella għal appoġġ kontinwu tal-UE għall-ACFTA skont l-Alleanza Afrika-Ewropa għal Investimenti u Impjiegi Sostenibbli; jappella għal infurzar xieraq u approfondiment tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (FSE) eżistenti bil-għan li tingħata spinta lill-kummerċ u l-investiment; jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-FSE tal-Lvant u n-Nofsinhar tal-Afrika (EAS) u tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC) u tal-FSEs interim mal-Ghana u l-Kosta tal-Avorju, u jiddispjaċih għan-nuqqas ta' progress fir-ratifika tal-FSEs reġjonali li fadal; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-viżjoni stabbilita fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2018 ta' ftehim kummerċjali minn kontinent għal kontinent li għandu jkun sħubija ekonomika bejn il-pari li toħloq benefiċċji reċiproċi u sservi biex jitmexxew' il quddiem l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta' ktajjen tal-valur lokali u reġjonali kompetittivi kif ukoll sistemi fiskali reżiljenti;

29. Jisħaq fuq l-importanza, barra minn hekk, li l-FSEs jiġu mmonitorjati b'mod konġunt bl-appoġġ tas-sħab lokali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi fil-fond tal-FSEs attwali dwar kwistjonijiet bħal ekonomiji lokali, swieq tax-xogħol, telf tal-bijodiversità, deforestazzjoni u ħtif tal-art biex jiġi ddeterminat jekk humiex meħtieġa bidliet;

Il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp

30. Jenfasizza li l-kummerċ jista' jkun għodda importanti biex jintlaħqu l-SDGs billi jgħin biex jitnaqqas il-faqar; għal dan il-għan, jenfasizza l-ħtieġa li ssir enfasi fuq FTAs ta' benefiċċju reċiproku, id-diversifikazzjoni tal-esportazzjonijiet, iż-żieda tal-valur u l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (MSMEs); jirrimarka li l-UE hija impenjata favur politika kummerċjali robusta, effettiva u kredibbli li tifforma l-bażi ta' sistema kummerċjali multilaterali u inklużiva ġusta u miftuħa li tkun ibbażata fuq ir-regoli li tikkostitwixxi kundizzjonijiet ekwivalenti globali fl-interess tal-pajjiżi kollha, inklużi dawk fil-fażi tal-iżvilupp, li huma element essenzjali għall-integrazzjoni ulterjuri tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp fi ktajjen ta' valur globali; ifakkar li l-politika kummerċjali u ta' żvilupp tal-UE għandha tikkontribwixxi għall-integrazzjoni reġjonali u l-inkorporazzjoni u l-emerġenza tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp fi ħdan ktajjen ta' valur globali;

31. Jenfasizza l-fatt li l-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp huma l-aktar affettwati mill-fenomenu tal-evażjoni tat-taxxa, li kull sena jċaħħad lill-Istati minn biljuni ta' euro fi dħul pubbliku; jappella biex fil-ftehimiet kummerċjali mal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp jiġu inklużi dispożizzjonijiet li jgħinu fil-ġlieda kontra l-flussi finanzjarji illeċiti u l-evażjoni tat-taxxa min-naħa ta' korporazzjonijiet u kumpaniji multinazzjonali, bil-għan li jiġi żgurat li t-taxxi jitħallsu fejn jinħolqu l-profitti u l-valur ekonomiku reali u li jiġu eliminati l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitt;

Il-Ġappun, Singapore u l-Vjetnam

32. Jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-FTA UE-Ġappun tal-1 ta' Frar 2019 u jinnota li, skont l-ewwel elementi miġbura wara sena ta' implimentazzjoni[13], l-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Ġappun żdiedu b'6,6 % meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena preċedenti;

33. Jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-ftehim kummerċjali UE-Singapore fil-21 ta' Novembru 2019; jilqa' l-progress lejn l-implimentazzjoni tal-ftehim UE-Vjetnam u jappella għal progress rapidu kontinwu, b'mod partikolari fl-istabbiliment ta' istituzzjonijiet konġunti u r-ratifika tal-konvenzjonijiet u l-impenji ewlenin pendenti tal-ILO dwar kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex flimkien mas-SEAE, tiżgura l-infurzar konkret tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jkomplu għaddejjin bir-ratifika tal-Ftehim ta' Protezzjoni tal-Investiment UE-Vjetnam (EVIPA) sabiex, flimkien mal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles UE-Vjetnam (EVFTA), ikunu jistgħu jidħlu fis-seħħ malajr kemm jista' jkun; jinnota li fl-2018 l-UE esportat madwar EUR 13,8 biljun f'oġġetti lejn il-Vjetnam, u jirrimarka li l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles (FTAs) ibbażati fuq ir-regoli u l-ftehimiet ta' protezzjoni tal-investiment (IPAs) se jiżguraw il-prevedibbiltà u l-istat tad-dritt għall-investituri, kif ukoll iżidu l-esportazzjonijiet b'mod pożittiv fiż-żewġ direzzjonijiet u joħolqu stabbiltà u fiduċja għall-SMEs; iqis dawn il-ftehimiet bħala pass lejn il-konklużjoni ta' FTA mar-reġjun kollu tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN);

34. Jisħaq li t-tliet ftehimiet imsemmija hawn fuq jikkonsolidaw id-dinamika strateġika tal-Unjoni Ewropea f'qasam dinji ewlieni kkaratterizzat minn tkabbir rapidu tal-popolazzjoni u tad-dħul, b'opportunitajiet sinifikanti għall-operaturi tagħna; iqis, barra minn hekk, li bil-preżenza aktar b'saħħitha tagħha l-UE tista' toħloq alternattiva għad-dominju Ċiniż fiż-żona;

L-Amerka Latina u l-Karibew 

35. Jenfasizza l-importanza li jissaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali u politiċi ta' benefiċċju reċiproku mal-Amerka Latina; ifakkar li l-Unjoni Ewropea u l-Amerka Latina jżommu kooperazzjoni mill-qrib ibbażata fuq ir-rabtiet storiċi, kulturali u ekonomiċi tagħhom, mar-reġjun tal-Amerka Latina u l-Karibew (ALK) li jirrappreżenta l-ħames l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE; jemmen li l-preżenza tal-UE fir-reġjun hija fundamentali f'termini tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni abbażi ta' valuri komuni, kif ukoll bħala mezz biex tiġi segwita l-politika ta' azzjoni esterna tal-UE, partikolarment f'termini tat-tisħiħ tas-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara l-intenzjoni tagħha rigward ftehimiet kummerċjali u ta' assoċjazzjoni futuri dwar il-kwistjoni tal-qsim tat-test;

36. Jisħaq fuq l-importanza tal-modernizzazzjoni li ġiet konkluża reċentement tal-ftehim ta' assoċjazzjoni UE-Messiku u l-konklużjoni tal-ftehim ta' assoċjazzjoni tal-Mercosur, li t-tnejn għandhom il-potenzjal li japprofondixxu s-sħubija strateġika tagħna mal-Amerka Latina, li joħolqu opportunitajiet addizzjonali fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħna ma' dawk il-pajjiżi, u li jgħinu fid-diversifikazzjoni tal-ktajjen tal-provvista għall-ekonomija Ewropea; iqis li l-ftehim ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur jirrappreżenta l-akbar ftehim ta' "blokk għal blokk" tat-tip tiegħu u għandu l-potenzjal li joħloq żona ta' suq miftuħ ta' benefiċċju reċiproku li tinkludi madwar 800 miljun ċittadin; jirrimarka li dan il-ftehim, bħall-ftehimiet kummerċjali kollha tal-UE, irid jiżgura kompetizzjoni ġusta u jiggarantixxi li l-istandards u l-metodi ta' produzzjoni Ewropej jiġu rispettati; jirrimarka li l-ftehim fih kapitolu vinkolanti dwar l-iżvilupp sostenibbli li jrid jiġi applikat, implimentat u vvalutat bis-sħiħ, kif ukoll impenji speċifiċi dwar id-drittijiet tax-xogħol u l-protezzjoni ambjentali, inkluża l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima u r-regoli ta' implimentazzjoni rilevanti; 

37. Jinsab konvint li l-modernizzazzjoni tal-ftehim ta' assoċjazzjoni maċ-Ċilì se sservi biex tkompli ssaħħaħ il-preżenza tal-UE fir-reġjun usa' u tgħin fil-promozzjoni ta' aġenda kummerċjali internazzjonali bbażata fuq l-iżvilupp sostenibbli, protezzjoni aktar b'saħħitha tal-istandards ambjentali u tax-xogħol u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li n-negozjati li għaddejjin bħalissa jwettqu dawn il-prinċipji u li jkun jista' jintlaħaq ftehim f'waqtu;

In-negozjati tal-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles li għaddejjin bħalissa

38. Jitlob li fin-negozjati tal-FTAs tiġi segwita aġenda ambizzjuża, b'mod partikolari mal-Awstralja u New Zealand, it-Tuneżija, il-Marokk u l-Indoneżja u f'konformità mal-Patt Ekoloġiku, filwaqt li titqies in-natura sensittiva ta' ċerti prodotti agrikoli bħaċ-ċanga, il-laħam tan-nagħaġ, il-prodotti tal-ħalib u l-frott; itenni t-talba tiegħu għall-ftuħ rapidu tan-negozjati ta' investiment mat-Tajwan, u jistieden lill-Kummissjoni tiftaħ eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija;

39. Jieħu approċċ prammatiku lejn il-kwistjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali mar-Renju Unit, li għandhom ikunu komprensivi u ambizzjużi, bil-għan li ma jkun hemm ebda tariffa u ebda kwota, u għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji rigward il-kummerċ, l-investiment u l-kompetittività li huma stabbiliti fir-rakkomandazzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq[14]; jinnota li d-Dikjarazzjoni Politika tas-17 ta' Ottubru 2019, appoġġjata mir-Renju Unit, tistqarr li s-sħubija ekonomika futura se tkun imsejsa fuq dispożizzjonijiet li jiżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti għal kompetizzjoni miftuħa u ġusta, speċjalment jekk ma jintlaħaq ebda ftehim qabel tmiem l-2020; jirrimarka li l-Istati Membri tal-UE huma esportaturi netti lejn ir-Renju Unit u li l-fatt li tinstab soluzzjoni li tissodisfa ż-żewġ partijiet irid ikun prijorità bil-għan li jiġu żgurati r-rispett u l-protezzjoni tal-interessi tal-esportaturi u l-investituri tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kompetittività għall-kumpaniji u l-SMEs tal-UE;

40. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tisfrutta l-momentum li nħoloq mill-ħruġ tar-Renju Unit biex tissimplifika l-politiki tal-UE tagħna, tneħħi l-burokrazija żejda u ssaħħaħ il-kompetittività għall-kumpaniji u l-SMEs tal-UE; jisħaq li l-FTA mar-Renju Unit għandu jkollu l-għan li jippermetti l-eqreb aċċess għas-suq u faċilitazzjoni tal-kummerċ possibbli sabiex jiġi minimizzat it-tfixkil għall-kummerċ u jkunu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti;

L-implimentazzjoni tal-FTAs

41. Jirrikonoxxi l-eżitu ppreżentat fir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles (FTAs), b'mod partikolari dawk mal-Korea t'Isfel, l-Amerka Ċentrali u l-Amerka Latina, il-Kanada u s-sħab tal-Lvant; jisħaq li l-ftehimiet kummerċjali tal-UE għandhom rekord ċar li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, jilħqu l-objettiv primarju tagħhom li joħolqu opportunitajiet sinifikanti għall-esportaturi tal-UE fis-swieq tal-kummerċ ta' pajjiżi terzi; jisħaq, madankollu, li l-istimi tal-Kummissjoni jindikaw żieda fl-impatt ekonomiku negattiv tal-ostakli għall-kummerċ u l-investiment bħala riżultat tax-xejra protezzjonista; jitlob lill-Kummissjoni tkompli twettaq valutazzjonijiet tal-impatt ex post, inkluż dwar is-sostenibbiltà, tal-impatt tal-ftehimiet kummerċjali fuq l-ekonomija tagħna;

42. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex kontinwament tfittex modi kif issaħħaħ ir-relazzjonijiet kummerċjali u tapprofondixxi aktar l-integrazzjoni ekonomika mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari fil-każ tat-tliet pajjiżi assoċjati;

43. Ifakkar fl-iżviluppi pożittivi li jikkonċernaw il-ftehim kummerċjali UE-Kanada (CETA); jinnota li, matul l-ewwel sena kalendarja sħiħa ta' implimentazzjoni, il-kummerċ bilaterali ta' oġġetti, inklużi l-prodotti agroalimentari, kiber b'10,3 % meta mqabbel mal-medja tat-tliet snin ta' qabel; ifakkar li s-surplus kummerċjali tal-UE mal-Kanada żdied b'60 % u ħoloq opportunitajiet addizzjonali għall-esportaturi tagħna; ifakkar ukoll li minn mindu l-ftehim daħal fis-seħħ b'mod proviżorju, iż-żewġ partijiet ħolqu sħubija solida billi akkumpanjaw it-test oriġinali b'rakkomandazzjonijiet importanti dwar il-kummerċ, l-azzjoni klimatika u l-Ftehim ta' Pariġi, il-kummerċ, il-ġeneru, u l-SMEs, u jqis li dan huwa prova tad-dinamika ta' ftehim kummerċjali fl-implimentazzjoni tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tibgħat lill-Parlament data aktar reċenti relatata mal-esportazzjonijiet mill-SMEs tal-UE u s-sostenibbiltà ġenerali tal-ftehim; ifakkar fl-importanza tat-tisħiħ tal-implimentazzjoni u s-segwitu tal-kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli (TSD);

44. Itenni t-tħassib tiegħu dwar ir-rata baxxa ta' utilizzazzjoni tal-preferenzi fuq l-esportazzjonijiet tal-UE rrappurtata minn xi wħud mis-sħab preferenzjali tal-UE, li tindika l-benefiċċji limitati tal-istrateġija tal-bilateraliżmu kummerċjali għal operaturi ekonomiċi iżgħar; jinnota, b'mod partikolari, differenzi kbar fl-użu tal-preferenzi dwar l-esportazzjonijiet tal-Unjoni lil sħab kummerċjali differenti u differenzi żgħar fl-użu tal-preferenzi dwar l-importazzjonijiet tal-UE minn sħab kummerċjali differenti; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tanalizza l-użu tal-preferenzi u toħroġ b'għodod innovattivi u soluzzjonijiet prattiċi ġodda; jenfasizza l-importanza ta' regoli ta' oriġini flessibbli, simplifikati u mhux ikkumplikati f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, biex jissimplifikaw il-ħidma lejn strateġiji aktar effettivi għall-promozzjoni tal-kummerċ u l-komunikazzjoni u biex jużaw il-potenzjal sħiħ tad-Delegazzjonijiet tal-UE madwar id-dinja;

45. Jirrimarka li l-għadd kbir ta' ostakli kummerċjali u mhux kummerċjali u d-differenzi attwali fil-livell u l-kwalità tal-kontrolli, il-proċeduri doganali u l-politiki ta' sanzjonijiet fil-punti ta' dħul tal-UE fl-Unjoni Doganali, sikwit jirriżultaw f'distorsjoni tal-flussi kummerċjali li jipperikolaw l-integrità tas-suq uniku; għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza din il-kwistjoni biex tiżgura li l-kumpaniji jkunu jistgħu jikkompetu b'mod ġust b'kundizzjonijiet ekwivalenti;

46. Jissottolinja li l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi hija waħda mill-punti offensivi tal-Unjoni fin-negozjati dwar ftehimiet kummerċjali, u jenfasizza l-importanza li s-sħab tal-UE jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ikkonċernati; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura konformità akbar ma' dawk id-dispożizzjonijiet fil-ftehimiet kummerċjali eżistenti u futuri;

47. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina b'mod speċifiku l-effetti kumulattivi tal-FTAs tal-UE fuq id-devjazzjoni tal-kummerċ, għall-UE kif ukoll għall-pajjiżi sħab tagħha, u tqabbel ir-riżultati mal-valutazzjonijiet tal-impatt individwali u maċ-ċifri reali;

48. Jenfasizza l-importanza li b'mod partikolari jiġu involuti l-parlamenti nazzjonali, is-soċjetà ċivili u s-settur privat ta' kull parti fin-negozjati kummerċjali; jappella għal parteċipazzjoni u konsultazzjoni akbar tas-sħab soċjali u tas-soċjetà ċivili fin-negozjati u fl-implimentazzjoni ta' ftehimiet kummerċjali, b'mod partikolari fi ħdan il-mandat tal-gruppi konsultattivi domestiċi, li r-rwol ta' monitoraġġ tagħhom jista' jiġi estiż għall-partijiet kollha tal-ftehimiet kummerċjali, u mhux biss għall-kapitoli dwar it-TSD;

Il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli

49. Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu espressa fir-rapport preċedenti tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali komuni; jissottolinja li l-pjan ta' azzjoni bi 15-il punt tas-27 ta' Frar 2018 stabbilit mis-servizzi tal-Kummissjoni jirrappreżenta bażi tajba għal riflessjoni sabiex tittejjeb l-implimentazzjoni tal-kapitolu dwar it-TSD; jirrimarka li l-ftehimiet ta' ġenerazzjoni ġdida jinkludu klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli, li għandhom jiġu implimentati b'mod komprensiv u fl-intier tagħhom sabiex jissalvagwardjaw u jippromwovu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-valuri tal-Unjoni u tal-istandards tax-xogħol, soċjali u ambjentali ta' livell għoli; jinnota l-evalwazzjoni tal-kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli inklużi fir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni tal-FTAs u jitlob li jkun hemm implementazzjoni f'waqtha tad-dispożizzjonijiet eżistenti tat-TSD; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa metodoloġija preċiża u speċifika għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta' dawn il-kapitoli, minħabba l-fatt li tali evalwazzjoni ma tistax issir abbażi ta' data kwantitattiva biss; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti dwar kif jissaħħaħ l-infurzar tal-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali;

50. Jieħu nota tal-inizjattiva mnedija minn DĠ JUST tal-Kummissjoni għal diliġenza dovuta obbligatorja għall-kumpaniji, inkluża l-kunsiderazzjoni tagħha fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE, kif ukoll mekkaniżmu li jiżgura implimentazzjoni effettiva; jirrimarka li l-proposta dwar id-diliġenza dovuta obbligatorja għandha tiżgura li dawn il-miżuri ma jżidux piż żejjed għall-SMEs Ewropej jew inaqqsu l-kompetittività tagħhom;

51. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv fin-negozjati għal Trattat tan-NU legalment vinkolanti dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, bil-għan li jiġi żgurat l-aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u li jippermettilhom ifittxu rimedju;

52. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni għal Patt Ekoloġiku Ewropew, u jissottolinja li dan il-Patt għandu jkun appoġġjat b'mod attiv minn strateġija kummerċjali tal-UE bbilanċjata mil-lat ekoloġiku, ekonomiku u soċjali; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tagħmel il-konformità mal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima bħala "klawżola essenzjali" fil-ftehimiet kummerċjali;

53. Josserva li l-approċċ attwali diġà jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' nuqqas ta' konformità mal-obbligi; madankollu, jistieden lill-Kummissjoni tkun aktar attenta u titgħallem mill-esperjenza preċedenti tagħha kif jidher fl-istabbiliment ta' bord fuq talba tal-UE skont l-FTA UE-Korea, wara li l-Korea t'Isfel naqset milli tirratifika l-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar id-drittijiet tal-ħaddiema, b'mod partikolari dwar il-libertà ta' assoċjazzjoni u n-negozjar kollettiv;

54. Ifakkar li l-isforzi bikrija tal-Kummissjoni u tal-Parlament fin-negozjati kummerċjali mal-Messiku u mal-Vjetnam ħeġġew b'suċċess ir-ratifika miż-żewġ pajjiżi, rispettivament f'Novembru 2018 u f'Ġunju 2019, tal-Konvenzjoni 98 tal-ILO dwar id-dritt għall-organizzazzjoni u għan-negozjar kollettiv; jifraħ liż-żewġ pajjiżi għal pass daqshekk importanti; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-progress li jkun sar fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' konvenzjonijiet oħra tal-ILO, u tistabbilixxi mingħajr dewmien il-kumitat interparlamentari kif miftiehem skont l-EVFTA, filwaqt li tagħti attenzjoni speċjali lill-projbizzjoni tat-tħaddim tat-tfal; jiddeplora l-fatt li l-Vjetnam ma rratifikax il-Konvenzjonijiet 87 u 105 tal-ILO dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u tax-Xogħol Furzat; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja s-sitwazzjoni mill-qrib u titlob konsultazzjonijiet mal-Gvern tal-Vjetnam jekk jonqos milli jagħmel sforzi kontinwi u sostnuti biex jirratifikahom, kif previst mill-ftehim;

55. Ifakkar fil-ħtieġa għal pjan ta' azzjoni effettiv ħalli, fl-FTAs, jiġi implimentat l-għan ta' tolleranza żero għat-tħaddim tat-tfal, billi tinbena sħubija b'saħħitha mal-NGOs u l-awtoritajiet nazzjonali sabiex jiġu żviluppati alternattivi soċjali u ekonomiċi b'saħħithom għall-familji u l-ħaddiema, b'koerenza mal-azzjonijiet meħuda skont il-politika tal-iżvilupp tal-UE;

56. Jemmen li l-kapitoli dwar it-TSD fil-ftehimiet kummerċjali għandhom ikunu wieħed mill-muturi tad-dimensjoni esterna tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jissottolinja li kwalunkwe mekkaniżmu ġdid ta' aġġustament tal-karbonju għandu jkun kompatibbli mar-regoli tad-WTO kif ukoll mal-FTAs tal-UE; jisħaq li l-kumpaniji tal-UE m'għandhomx jitqiegħdu f'pożizzjoni ta' żvantaġġ kompetittiv;

57. Jinnota li l-politika kummerċjali u ta' investiment tal-UE għandha tintuża bħala ingranaġġ għal ġestjoni responsabbli tal-ktajjen ta' provvista, li tinkludi li jiġi żgurat li n-negozji jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tax-xogħol u l-istandards ambjentali u li jkun hemm aċċess għall-ġustizzja; jieħu nota tal-impenji mill-Kummissjoni li se tippreżenta proposta leġiżlattiva sal-2021;

58. Jappella lill-Kummissjoni tiżgura li l-kundizzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem marbuta ma' preferenzi kummerċjali unilaterali bħalma huma l-SPĠ jew l-SPĠ+ huma effettivament implimentati u monitorjati; jisħaq li l-politika kummerċjali tal-UE għandha tgħin fil-ġlieda kontra l-kummerċ illegali, id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti;

59. Iqis li d-dimensjoni kummerċjali tal-COP15 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika għandha titqies bis-sħiħ; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020 dwar il-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP15) għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika[15], li tistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom b'mod attiv ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari permezz tal-istrumenti ta' azzjoni esterna tagħhom, bħall-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI), sabiex jippromwovu u jistabbilixxu objettivi għall-protezzjoni tal-bijodiversità, miżuri ta' konservazzjoni u restawr u governanza, b'mod partikolari fil-ftehimiet multilaterali u kummerċjali kollha, kif ukoll miżuri kontra n-nuqqas ta' konformità; konsegwentement, jistieden lill-Kummissjoni tinkludi kapitoli infurzabbli dwar it-TSD fil-ftehimiet kummerċjali futuri kollha;

60. Jeżiġi li minbarra l-konvenzjonijiet fundamentali tas-soltu tal-ILO, l-UE għandha tħeġġeġ lis-sħab ekonomiċi tagħha jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjonijiet 189 dwar il-ħaddiema domestiċi, 156 dwar il-ħaddiema b'responsabbiltajiet tal-familja u 190 dwar il-vjolenza u l-fastidju;

Niddefendu l-interessi kummerċjali tal-UE

61. Ifakkar li l-isforzi sabiex il-kummerċ jibqa' bbażat fuq ir-regoli jrid ikollhom rwol kruċjali fl-istrateġija kummerċjali tagħna u f'dan il-kuntest jilqa' l-adozzjoni tal-pakkett ta' modernizzazzjoni tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ fl-2018 u l-mekkaniżmu l-ġdid tal-iskrinjar tal-investiment dirett barrani (FDI); jissottolinja li dan il-mekkaniżmu tal-iskrinjar għandu bħala għan il-kooperazzjoni u r-restrizzjoni potenzjali fir-rigward tal-investimenti barranin f'setturi strateġiċi bil-ħsieb li jiġu protetti l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-infurzar effettiv tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ (TDIs) sabiex tipproteġi l-industrija Ewropea minn prattiki inġusti tas-suq, u tevalwa u ssaħħaħ l-istrumenti ta' salvagwardja sabiex tagħmilhom aktar reattivi għal ċirkostanzi straordinarji u adattati aħjar biex isaħħu l-industrija Ewropea billi jantiċipaw b'mod effettiv it-tfixkil tas-suq mill-fluss kummerċjali; jisħaq fuq il-ħtieġa għal skrinjar u kooperazzjoni b'saħħithom fil-kuntest ta' wara l-COVID-19, fejn xi setturi strateġiċi tal-UE jistgħu jkunu soġġetti għal pressjoni; jisħaq, madankollu, li l-mekkaniżmu l-ġdid tal-iskrinjar tal-FDI qatt ma għandu jintuża bħala miżura protezzjonista; jilqa' l-White Paper dwar is-sussidji barranin, u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva kif xieraq jekk l-għodod attwali ma jkunux biżżejjed;

 

62. Jinnota li bħalissa hemm żieda enormi fl-importazzjonijiet tal-azzar miċ-Ċina u minn pajjiżi terzi oħra, li taffettwa b'mod gravi l-industrija Ewropea u tipperikola għadd kbir ta' impjiegi; jenfasizza li l-proċess ta' rieżami tal-miżuri ta' salvagwardja attwali dwar l-importazzjonijiet ta' prodotti tal-azzar jeħtieġ li jinkludi t-tnaqqis tal-kwoti eżistenti f'konformità mal-kapaċitajiet żejda importati, u li jabolixxi l-possibbiltà ta' trasferiment ta' kwoti mhux użati;

63. Jilqa' l-aħbar mill-Kummissjoni tal-ħatra kmieni fl-2020 ta' Uffiċjal Kap tal-Infurzar għall-Kummerċ (CTEO) biex jimmonitorja u jtejjeb il-konformità mal-ftehimiet kummerċjali tal-UE; jinnota li r-regoli skont il-ftehimiet kummerċjali tal-UE għandhom jiġu infurzati b'mod xieraq sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tagħhom u jiġu indirizzati d-distorsjonijiet tas-suq; jissottolinja l-ħtieġa li din il-pożizzjoni maħluqa ġdida tiffoka fuq l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-ftehimiet kummerċjali tagħna, kif ukoll fuq il-ksur tal-aċċess għas-suq u l-impenji kummerċjali u ta' żvilupp sostenibbli; huwa tal-fehma li s-CTEO m'għandux biss jimmonitorja u jinforza l-obbligi ambjentali u tal-protezzjoni tax-xogħol skont il-ftehimiet kummerċjali tal-UE ma' pajjiżi terzi, iżda għandu jiffoka wkoll fuq l-implimentazzjoni tal-kapitoli kollha tal-ftehimiet kummerċjali sabiex jiggarantixxi li dawn jintużaw sal-potenzjal sħiħ tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika aktar dan ir-rwol;

64. Jistieden lill-Kunsill jiżgura ftehim rapidu dwar l-Istrument għall-Akkwist Internazzjonali, sabiex jipprovdi sigurtà legali, reċiproċità u kundizzjonijiet ekwivalenti għall-operaturi tal-UE; jappella għall-inklużjoni ta' katalgu globali ta' prodotti tal-kura tas-saħħa ta' emerġenza essenzjali biex jiġu evitati l-abbużi futuri minn fornituri ta' pajjiżi terzi fil-kummerċ internazzjonali matul pandemija globali; jinnota li s-swieq tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni huma l-aktar miftuħa fid-dinja u li ċerti pajjiżi terzi għandhom aċċess limitat ħafna għal tali swieq; jisħaq fuq l-importanza tal-promozzjoni tar-reċiproċità u l-benefiċċju reċiproku fil-qasam tal-aċċess għas-swieq u l-akkwist pubbliku, għall-benefiċċju tal-kumpaniji tal-UE;

65. Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmi tal-iskrinjar tal-investiment adegwati fl-Istati Membri kollha għall-protezzjoni kontra r-riskji rigward is-sigurtà u l-ordni pubbliku; iħeġġeġ lill-Istati Membri li għad m'għandhomx mekkaniżmi tal-iskrinjar biex jistabbilixxu soluzzjonijiet temporanji, u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja b'mod attiv dawn l-isforzi;

66. Jissottolinja li l-investiment dirett barrani fl-UE u l-akkwist ta' infrastruttura għall-kura tas-saħħa u infrastruttura ewlenija oħra minn investituri barranin għandhom il-potenzjal li jagħmlu ħsara lill-isforzi tal-UE biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 fl-Ewropa; jilqa' f'dan ir-rigward il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Gwida lill-Istati Membri qabel l-applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-FDI; iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma stabbilixxewx mekkaniżmu tal-iskrinjar biex jagħmlu dan b'mod urġenti; jistieden ukoll lill-Istati Membri kollha jużaw l-għodod kollha disponibbli biex jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmi effettivi biex jivvalutaw l-investiment u l-akkwiżizzjoni potenzjali fir-rigward ta' theddid għall-infrastruttura kritika tas-saħħa fl-UE, u jieħdu miżuri ta' mitigazzjoni jew imblokkar kif meħtieġ;

67. Itenni l-ħtieġa li jkun hemm kundizzjonijiet ekwivalenti bejn l-industriji Ewropej li jimplimentaw standards klimatiċi, ambjentali, ekoloġiċi u soċjali ambizzjużi, u dawk is-sħab kummerċjali li ma jsegwux l-istess standards għoljin; iqis, għaldaqstant, li hemm bżonn urġenti ta' Mekkaniżmu ta' Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntiera kompatibbli mad-WTO li jsaħħaħ l-azzjoni klimatika globali u jipproteġi lill-industriji Ewropej minn kompetizzjoni inġusta;

68. Jistieden lill-mexxejja tal-UE u lill-Kummissjoni jieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi rigward ir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE, inkluża l-introduzzjoni ta' ġabra ta' riżorsi proprji ġodda; jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu, kif tinsab fir-rapport interim dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP), rigward il-lista ta' kandidati potenzjali għal riżorsi proprji ġodda: bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva, tassazzjoni fuq is-servizzi diġitali, taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, dħul mill-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet, kontribuzzjoni għall-plastik u mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera kompatibbli mad-WTO[16];

69. Jinsab imħasseb dwar l-espansjoni kontinwa tal-mekkaniżmi ta' arbitraġġ bejn l-investituri u l-istati permezz ta' ftehimiet ta' investiment; ifakkar li tali sistemi ġudizzjarji paralleli huma mfassla biex jiffavorixxu l-interessi u d-drittijiet korporattivi iżda mhux id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-kumpaniji, u jistgħu jqiegħdu f'riskju l-ispazju politiku u d-dritt leġittimu tal-istati li jirregolaw; jiddenunzja l-fatt li d-ditti legali bdew jippromwovu pariri dwar kif investituri barranin jistgħu jġibu kawżi f'arbitraġġ bħala riżultat ta' miżuri tal-gvern relatati mal-COVID; jitlob moratorju fuq it-talbiet kollha ta' arbitraġġ relatati ma' miżuri mmirati lejn id-dimensjonijiet tas-saħħa, ekonomiċi u soċjali tal-pandemija u l-effetti tagħha;

70. Jappella għal tnedija mill-ġdid tan-negozjati għal Ftehim dwar il-Beni Ambjentali, u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi modifiki unilaterali tat-tariffi applikati fuq "oġġetti ekoloġiċi" jekk dawn ikunu jistgħu jiġu identifikati bħala li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

71. Jitlob li d-dimensjoni esterna tal-inizjattivi tal-ekonomija ċirkolari[17] tiżdied fir-relazzjonijiet tal-UE ma' pajjiżi terzi permezz tal-kooperazzjoni regolatorja u d-djalogu;

Il-kummerċ ta' servizzi u l-kummerċ diġitali

72. Jilqa' n-negozjati plurilaterali li għaddejjin dwar l-oqsma ewlenin ta' kummerċ fis-servizzi, partikolarment dwar ir-regolamentazzjoni domestika tas-servizzi u l-faċilitazzjoni tal-investiment; jinnota li preżenza kummerċjali f'pajjiż terz hija l-mod dominanti ta' provvista għal servizzi ta' kummerċ u għal kummerċ elettroniku;

73. Jisħaq li l-UE hija tassew l-akbar esportatur ta' servizzi fid-dinja u li s-servizzi jirrappreżentaw madwar 70 % tal-PDG tagħha; jenfasizza b'mod partikolari r-reżiljenza relattiva tal-kummerċ fis-servizzi matul il-kriżi tal-COVID-19, u jissottolinja r-rwol tiegħu fl-irkupru ekonomiku fl-Ewropa;

74. Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu ffaċilitati l-isforzi ta' rkupru internazzjonali permezz ta' kummerċ miftuħ u ġust, inkluż il-kummerċ diġitali, li jeħtieġ moratorju fuq id-dazji doganali fuq it-trażmissjonijiet elettroniċi; jappoġġja d-Dikjarazzjoni Konġunta tad-WTO dwar il-Kummerċ Elettroniku li tippromwovi regoli globali f'dan il-qasam; jappella għal disponibbiltà għal eżitu sinifikanti sabiex jiġi ffaċilitat il-fluss tad-data bejn il-fruntieri u jiġu indirizzati l-ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ b'mezzi elettroniċi, f'konformità sħiħa mad-dritt tal-UE dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data, inkluż ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR), u sabiex tintuża l-flessibbiltà offruta mid-direttivi ta' negozjati; jilqa' l-fatt li dawn in-negozjati jlaqqgħu flimkien għadd kbir ħafna ta' membri tad-WTO, u jitlob li dawn jinżammu miftuħa u inklużivi kemm jista' jkun;

L-SMEs

75. Jinnota li l-SMEs jirrappreżentaw madwar 30 % tal-valur tal-esportazzjonijiet tal-oġġetti tal-UE u aktar minn 80 % tal-intrapriżi kollha tal-UE li jesportaw oġġetti, iżda 5 % biss tal-SMEs huma attivi fuq il-front internazzjonali, li jfisser li maġġoranza kbira tiddependi fuq id-dinamiżmu tas-suq intern; jappoġġja l-idea li kapitolu speċifiku dwar l-SMEs għandu jkun parti mill-FTAs proposti kollha, bħalma huwa l-każ fil-ftehim bejn l-UE u l-Ġappun u l-ftehim modernizzat mal-Messiku, u li l-SMEs għandhom jiġu inklużi fir-reviżjoni ta' FTAs eżistenti; jinnota li l-ostakli għall-kummerċ u l-burokrazija huma partikolarment ta' piż għall-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex tappoġġja lill-MSMEs, b'enfasi speċifika fuq dawk immexxija min-nisa u b'miżuri għalihom; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħtu attenzjoni partikolari għaċ-ċirkostanzi speċjali tal-MSMEs immexxija min-nisa meta jistabbilixxu helpdesks ta' esportazzjoni, biex jieħdu vantaġġ mill-possibbiltajiet maħluqa mill-FTAs u biex isaħħu s-servizzi, it-teknoloġiji u l-infrastrutturi (bħal aċċess għall-internet) li huma ta' importanza partikolari għall-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa u tal-MSMEs immexxija min-nisa;

76. Jitlob lill-Kummissjoni, b'kollaborazzjoni mal-Istati Membri, man-negozji u l-partijiet ikkonċernati, tiffaċilita l-użu u l-fehim tar-regoli ta' oriġini għall-SMEs; ifakkar lill-Kummissjoni fl-objettiv tagħha li, kmieni fl-2020, tniedi għodda ddedikata ta' awtovalutazzjoni tar-regoli tal-oriġini għall-SMEs fuq il-pjattaforma Access2Market, biex tgħin lill-kumpaniji jivvalutaw jekk prodott jistax jibbenefika minn preferenzi skont ftehim kummerċjali partikolari tal-UE, sabiex jiġi ffaċilitat l-użu tal-SMEs tal-preferenzi skont il-ftehimiet kummerċjali tal-UE, u sabiex l-SMEs fl-aħħar mill-aħħar igawdu l-benefiċċji sħaħ tal-ftehimiet kummerċjali u l-aċċess għas-swieq barranin, permezz tal-għoti ta' informazzjoni faċli għall-utent, aġġornata u prattika dwar il-politika kummerċjali u b'mod partikolari dwar l-FTAs; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex timmonitorja l-effetti tal-politika kummerċjali tagħha fuq l-SMEs, peress li dawn għandhom rwol essenzjali fil-kummerċ internazzjonali, filwaqt li jfakkar li minħabba d-daqs u r-riżorsi limitati tagħhom, l-ispejjeż amministrattivi u l-burokrazija jaffettwaw lill-SMEs b'mod sproporzjonat;

Il-ġeneru u l-kummerċ

77. Jisħaq fuq l-opportunità għall-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-UE biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jsaħħu l-pożizzjoni ekonomika tan-nisa f'pajjiżi terzi, u jistieden lill-Kummissjoni tiġġieled l-isfruttament tan-nisa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jipproponu li jiġi nnegozjat kapitolu speċifiku dwar il-ġeneru fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment tal-UE; jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġeneru u l-kummerċ maħruġa mill-Kumitat Konġunt UE-Kanada, li jistabbilixxu pjattaforma li tista' tippromwovi fehim dwar kif il-ftehimiet kummerċjali jistgħu jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

78. Jinnota li l-26 valutazzjoni tal-impatt fuq is-sostenibbiltà li tlestew minn Ġunju 2017 ma kienu jinkludu l-ebda statistika speċifika dwar il-kummerċ u l-ġeneru u li lanqas ir-rapport ta' implimentazzjoni tal-2018 ma jipprovdi data; jinsisti fuq il-ħtieġa li tibda tinġabar data diżaggregata skont il-ġeneru, u jistenna li r-rapport li jmiss ikun fih data komprensiva dwar l-impatt tal-FTAs skont l-impenn li ħadet il-Kummissjoni; jindika f'dak ir-rigward il-valutazzjoni bbażata fuq il-ġeneru mwettqa mill-Kanada bħala l-aħjar prattika li ta' min tiġi implimentata;

79. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kompożizzjoni tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi (DAGs) tkun ibbilanċjata bejn il-ġeneri u li jiġi stabbilit Kumitat għall-Kummerċ u l-Ġeneru fl-ambitu ta' kull FTA biex jiġu identifikati n-nuqqasijiet u li, bħal fil-każ tal-FTA bejn il-Kanada u l-Iżrael, il-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim japplika għall-kwistjonijiet tal-ġeneru;

80. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

 

 


NOTA SPJEGATTIVA

Dan ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Kummerċjali Komuni tal-Unjoni Ewropea huwa t-tieni wieħed ta' dan it-tip. L-ewwel rapport ta' implimentazzjoni, adottat fit-30 ta' Mejju 2018, kopra perjodu minn Ottubru 2015, id-data tal-aktar strateġija kummerċjali reċenti tal-Kummissjoni intitolata "Kummerċ għal Kulħadd", sa Diċembru 2017, id-data tal-finalizzazzjoni tal-abbozz ta' rapport.

 

Sabiex ma jkunx hemm bżonn ta' rapport ġdid, ir-Rapporteur huwa tal-fehma li dan ir-rapport għandu b'xi mod ikun aġġornament tal-ewwel wieħed. Jekk il-pożizzjonijiet tal-Parlament jibqgħu simili, ir-rapport għandu sempliċiment ifakkar fid-dispożizzjonijiet preċedenti; alternattivament, jekk il-pożizzjonijiet, jew il-kuntest, ikunu nbidlu hemmhekk għandu jiġi pprovdut aġġornament.

 

Dan ir-rapport huwa wkoll l-ewwel rapport ta' implimentazzjoni dwar il-politika kummerċjali tal-leġislatura l-ġdida. F'dan is-sens, l-ambitu tiegħu se jkun aktar mifrux milli biss l-implimentazzjoni ta' ftehimiet kummerċjali, u għaldaqstant se jagħti wkoll bidu għal riflessjonijiet li jħarsu 'l quddiem dwar dak li l-politika kummerċjali tal-UE jeħtiġilha tkun f'dinja li qiegħda tevolvi b'mod mgħaġġel.

 

Ir-rapport ikopri l-perjodu bejn Jannar 2018 u Lulju 2020; sentejn, li matulhom għadd ta' xejriet preċedenti ġew ikkonfermati, jew saħansitra amplifikati, bħall-irtirar gradwali tal-Istati Uniti mis-sistema kummerċjali multilaterali jew il-konsolidazzjoni tal-ekonomija Ċiniża mmexxija mill-Istat.

 

Fl-istess waqt, xi elementi ta' inkoraġġiment ġodda daħlu fix-xenarju, bħaċ-ċifri pożittivi tal-ewwel sentejn ta' implimentazzjoni tal-ftehim kummerċjali UE-Kanada (CETA) jew il-ftuħ ta' sensiela ta' negozjati plurilaterali li joffru tama għal rivitalizzazzjoni tal-multilateraliżmu.

 

Barra minn hekk, il-kummerċ mhuwiex għan fih innifsu. Il-kummerċ huwa mezz biex tiġi offruta prosperità konġunta u għandu wkoll il-potenzjal li japprofondixxi r-rabtiet politiċi u kulturali, kif deskritt mill-President tal-Kummissjoni l-ġdida, is-Sinjura Ursula von der Leyen fil-linji gwida politiċi tagħha. Għaldaqstant, il-ftehimiet kummerċjali huma l-aħjar għodod ta' ingranaġġ biex nappoġġjaw is-sħab tagħna sabiex jilħqu l-għanijiet ambjentali ambizzjużi tal-UE, b'mod partikolari permezz ta' kapitoli dedikati u li jissodisfaw il-kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli.

 

Fl-aħħar nett, il-kapaċità tal-UE li tikkonsolida l-għodod proprji sabiex tkun mgħammra aħjar biex tindirizza l-kompetizzjoni inġusta hija ta' importanza kbira, kif deher meta l-UE adottat strumenti modernizzati ta' difiża kummerċjali u skrinjar ġdid tal-investiment barrani, li daħlu fis-seħħ f'Ġunju 2018 u f'April 2019 rispettivament.

 

 


 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP (18.6.2020)

<CommissionInt>għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali</CommissionInt>


<Titre>dwar l-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali komuni – rapport annwali 2018</Titre>

<DocRef>(2019/2197(INI))</DocRef>

Rapporteur għal opinjoni: <Depute>Benoît Biteau</Depute>

 

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1. Jenfasizza li l-kummerċ mhuwiex għan fih innifsu iżda għodda importanti għall-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), billi jgħin biex jitnaqqas il-faqar, itejjeb s-saħħa u l-isforzi ta' appoġġ biex tiġi indirizzata d-degradazzjoni ambjentali u jippromwovi l-valuri tal-UE għal dan il-għan; jaċċentwa l-ħtieġa li tinbena kapaċità tal-provvista u infrastruttura kummerċjali fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, b'enfasi fuq id-diversifikazzjoni tal-esportazzjoni, il-valur miżjud u l-intrapriżi ta' daqs mikro, żgħir u medju; ifakkar fl-impenn tal-UE rigward il-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u l-prinċipju ta' "tagħmel l-ebda ħsara"; jindika li l-UE hija impenjata għal politika kummerċjali robusta, effettiva u kredibbli li tifforma l-bażi ta' sistema kummerċjali multilaterali ġusta u miftuħa li tkun ibbażata fuq ir-regoli, element essenzjali għall-integrazzjoni ulterjuri tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp f'katini ta' valur globali; jissottolinja l-importanza ta' strateġiji ta' assistenza teknika għal dan il-għan;

2. Jisħaq fuq l-importanza ta' dispożizzjonijiet komprensivi, vinkolanti u infurzabbli fir-rigward tal-istandards soċjali, ambjentali u tax-xogħol, speċjalment fil-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (TSD) tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles (FTAs); jisħaq, barra minn hekk, fuq l-importanza ta' monitoraġġ effettiv; jappella għall-użu sistematiku ta' valutazzjonijiet tal-impatt ex ante u ex post komprensivi dwar is-sostenibbiltà tal-kummerċ;

3. Jaċċentwa li l-ftehimiet kummerċjali ma jistgħux ikollhom impatt negattiv fuq is-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp; jenfasizza l-ħtieġa li l-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp ikunu jistgħu jasserixxu s-sovranità tal-ikel tagħhom u jiddeterminaw b'mezzi demokratiċi proprji l-konfigurazzjoni tas-sistemi tal-ikel tagħhom; jappella għal approċċ olistiku għal dan il-għan li jinkludi kwistjonijiet ewlenin bħall-akkwist pubbliku, il-kompetizzjoni (inklużi s-sussidji) u l-ostakli sanitarji u fitosanitarji; jappella, b'mod partikolari, biex l-UE tgħin lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp jipproteġu l-produzzjoni tal-ikel lokali tagħhom, jappoġġjaw irziezet tal-familja żgħar u jibnu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) tan-Nazzjonijiet Uniti;

4. Jinnota li minkejja l-progress li sar rigward il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp għall-perjodu tal-politika agrikola komuni (PAK) 2014–2020, il-projbizzjoni tas-sussidji fuq l-esportazzjoni ma ħalliet ebda effett fuq id-distorsjonijiet ekonomiċi li rriżultaw minn sussidji diretti jew indiretti oħra, bħal fil-każ ta' prodotti tal-ħalib; jappella lill-UE twettaq rieżami tad-dispożizzjonijiet attwali tal-Ftehim tal-1994 li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO); jappella lill-UE tipprovdi assistenza lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp għat-tfassil ta' mekkaniżmi ta' valutazzjoni tal-investiment dirett barrani (IDB);

5. Jisħaq li l-Istrateġija l-ġdida UE-Afrika jeħtiġilha tappoġġja kummerċ ġust u etiku; jirrimarka li r-rapport tal-Kummissjoni tal-2019 bit-titolu "L-Implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles 1 ta' Jannar 2018 – 31 ta' Diċembru 2018" (COM(2019)0455) jaċċentwa l-progress limitat rigward id-diversifikazzjoni ekonomika tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp koperti minn ftehimiet ta' sħubija ekonomika (FSE); iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jagħrfu t-tħassib espress mill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp fir-rigward tal-FSE; ifakkar li l-FSE jeħtiġilhom jipprovdu appoġġ effettiv għall-integrazzjoni tas-swieq reġjonali; jisħaq fuq il-ħtieġa li jitqies l-istudju ta' evalwazzjoni ex post tal-ewwel għaxar snin tal-FSE mal-CARIFORUM u li jiġi eżaminat l-ambitu għal titjib bl-għan li jissaħħu r-rabtiet mal-pajjiżi fir-reġjun filwaqt li jiġu indirizzati l-isfidi l-ġodda tas-seklu 21, b'mod partikolari t-tibdil fil-klima, u li jintlaħqu l-SDGs; jisħaq fuq l-importanza, barra minn hekk, li l-FSE jiġu mmonitorjati b'mod konġunt bl-appoġġ tas-sħab lokali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jappella lill-Kummissjoni twettaq analiżi fil-fond tal-FSE attwali dwar kwistjonijiet bħal ekonomiji lokali, swieq tax-xogħol, telf tal-bijodiversità, deforestazzjoni u ħtif tal-art biex jiġi ddeterminat jekk humiex meħtieġa bidliet;

6. Jaċċentwa l-importanza li b'mod partikolari jiġu involuti l-parlamenti nazzjonali, is-soċjetà ċivili u s-settur privat ta' kull parti fin-negozjati kummerċjali; jappella għal parteċipazzjoni u konsultazzjoni akbar tas-sħab soċjali u tas-soċjetà ċivili fin-negozjati u fl-implimentazzjoni ta' ftehimiet kummerċjali, b'mod partikolari fi ħdan il-mandat tal-gruppi konsultattivi domestiċi, li r-rwol ta' monitoraġġ tagħhom jista' jiġi estiż għall-partijiet kollha tal-ftehimiet kummerċjali, u mhux biss għall-kapitoli tat-TSD;

7. Jisħaq li l-UE għandha tiżgura ktajjen ta' provvista globali sostenibbli; itenni t-talba tiegħu għal qafas legali tal-UE bbażat fuq id-diliġenza dovuta korporattiva obbligatorja dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-ktajjen ta' provvista u li jipprovdi aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi; jemmen li tali obbligi jeħtiġilhom ikunu transsettorjali; jilqa' d-dħul fis-seħħ imminenti tar-regolament dwar il-minerali ta' kunflitt u jappella biex l-implimentazzjoni tiegħu tiġi mmonitorjata mill-qrib, inkluż permezz tal-implimentazzjoni ta' miżuri ta' akkumpanjament; jisħaq li dan ir-regolament huwa stadju importanti fl-iżgurar tat-trasparenza u tar-responsabbiltà fil-ktajjen ta' provvista;

8. Jappella lill-Kummissjoni biex taħdem b'mod attiv fid-WTO biex tippromwovi regoli multilaterali għall-ġestjoni sostenibbli ta' ktajjen ta' valur globali, inkluża d-diliġenza dovuta tal-katina ta' provvista obbligatorja, fejn is-settur tal-ħwejjeġ jiġi indirizzat bħala l-ewwel pass abbażi tal-linji gwida tal-OECD; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv fin-negozjati għal Trattat tan-NU legalment vinkolanti dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, bil-għan li jiġi żgurat l-aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u li jfittxu rimedju;

9. Jaċċentwa l-fatt li l-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp huma l-aktar affettwati mill-fenomenu tal-evażjoni tat-taxxa, li kull sena jċaħħad lill-Istati minn biljuni ta' euro fi dħul pubbliku; jappella biex fil-ftehimiet kummerċjali mal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp jiġu inklużi dispożizzjonijiet li jgħinu fil-ġlieda kontra l-flussi finanzjarji illeċiti u l-evażjoni tat-taxxa min-naħa ta' korporazzjonijiet u kumpaniji multinazzjonali, bil-għan li jiġi żgurat li t-taxxi jitħallsu fejn jinħolqu l-profitti u l-valur ekonomiku reali u li jiġu eliminati l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitt;

10. Ifakkar li waħda mill-isfidi ewlenin għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp hija li javvanzaw fil-katina ta' valur mondjali permezz tad-diversifikazzjoni ekonomika;

11. Jisħaq fuq l-importanza tas-sistema multilaterali bħala l-aktar mezz effettiv biex jinkisbu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni globali u sistema ta' kummerċ globali inklużiva fl-interess tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp; itenni l-importanza tar-riforma tad-WTO skont l-SDGs, l-Aġenda 2030 u l-impenji tal-Ftehim ta' Pariġi;

12. Ifakkar, barra minn hekk, li l-politika kummerċjali u ta' żvilupp tal-UE għandha tikkontribwixxi għall-integrazzjoni reġjonali u l-inkorporazzjoni u l-emerġenza tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp fi ħdan ktajjen ta' valur globali; jisħaq fuq l-importanza li l-politiki kummerċjali jiġu adattati biex jappoġġjaw l-isforzi għall-iżvilupp taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikana (AfCFTA) permezz ta' assistenza finanzjarja u teknika;

13. Jisħaq bl-istess mod fuq l-importanza li tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-kapitoli tat-TSD fl-FTAs abbażi ta' gwida mogħtija minn gruppi konsultattivi fl-UE u fil-pajjiżi sħab rispettivi, bil-għan li jiġi evalwat ir-riżultat tal-eżiti orjentati lejn l-iżvilupp permezz ta' preferenzi kummerċjali; jenfasizza l-ħtieġa li l-kapitoli tat-TSD jiġu adattati għall-kapaċitajiet ta' kull pajjiż, flimkien mal-għoti ta' trasferimenti finanzjarji u teknoloġiċi meħtieġa;

14. Jilqa' l-appoġġ tal-UE għal negozjati tal-FTA li jkunu estensivi, ibbilanċjati u ta' benefiċċju reċiproku bil-għan li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni; jindika li l-evitar tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa għandhom jiġu indirizzati b'mod robust u li għandhom jiġu promossi sistemi b'regoli maħsuba għall-ħolqien u s-salvagwardja tal-kompetizzjoni miftuħa u ġusta;

15. Jaċċentwa l-ħtieġa li l-produtturi rurali u kostali jiġu megħjuna jadattaw ruħhom għal kundizzjonijiet ta' kriżi tas-suq minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19 u li jitfasslu malajr strateġiji ta' adattament u reżiljenza għall-coronavirus biex jinżammu l-livelli ta' dħul ta' sussistenza, filwaqt li tiġi żgurata l-ġestjoni sostenibbli tal-ekosistemi agrikoli, forestali, marini u rikki fil-bijodiversità;

16. Jiddeplora t-telf ekonomiku minħabba t-tfixkil tal-kummerċ internazzjonali u tal-ktajjen ta' provvista globali bħala riżultat tal-pandemija COVID-19, li jaf ikollha impatt partikolarment sever fuq il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp; jappella lill-Kummissjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet kummerċjali tagħha mal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp jappoġġjaw l-aċċess għall-mediċini u t-tagħmir mediku; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni taħdem favur aktar trasparenza fil-ktajjen ta' provvista globali, b'mod partikolari fis-settur farmaċewtiku; jappoġġja l-konklużjoni ta' ftehim multilaterali dwar iċ-ċirkolazzjoni libera ta' tagħmir mediku;

17. Jappella lill-Kummissjoni tiżgura li l-kundizzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem marbuta ma' preferenzi kummerċjali unilaterali bħalma huma l-SPĠ jew l-SPĠ+ huma effettivament implimentati u monitorjati;

18. Jisħaq li l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi għandha tkun appoġġjata mill-politika kummerċjali tal-UE; jindika li l-konformità mal-Ftehim ta' Pariġi għandha tkun dispożizzjoni obbligatorja tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE; jappella għall-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet u miri speċifiċi biex jintlaħqu dawn l-impenji fl-FTAs, b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-kontribuzzjonijiet stabbiliti fil-livell nazzjonali, tat-telf u l-ħsara assoċjati mal-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima, u tat-trasferiment tat-teknoloġija;

19. Itenni li l-UE u s-sħab kummerċjali tagħha għandhom jirrispettaw l-istandards internazzjonali tax-xogħol u tal-ambjent, jiġġieldu kontra l-kummerċ illegali ta' speċijiet ta' fawna u flora mhedda u fil-periklu, jiġġieldu kontra d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u jinkoraġġixxu l-kummerċ li jappoġġja l-isforzi biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-rabta bejn il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u d-deforestazzjoni u dwar l-impatt potenzjalment negattiv ta' ftehimiet kummerċjali ġodda f'dan ir-rigward; jappella lill-Kummissjoni tinkludi fil-ftehimiet kummerċjali futuri kollha – kemm dawk komprensivi kif ukoll is-sottoftehimiet rilevanti – dispożizzjonijiet legalment vinkolanti relatati mal-foresti, flimkien mas-salvagwardji li jiżguraw l-implimentazzjoni tagħhom u jintużaw għall-ġlieda kontra d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti;

20. Jissottolinja li ż-żieda kontinwa fl-emissjonijiet ta' CO2 relatati mat-trasport u l-kummerċ internazzjonali jimminaw l-effikaċja tal-istrateġija dwar it-tibdil fil-klima tal-UE; huwa tal-fehma li l-kost tal-FTAs għall-klima huwa raġuni valida biżżejjed biex l-istrateġija għall-iżvilupp ibbażata fuq l-esportazzjoni tinbidel għal waħda ta' żvilupp endoġenu bbażat fuq produzzjoni u konsum lokali fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp;

21. Jissottolinja l-fatt li l-interruzzjonijiet miġjuba mill-COVID-19 żvelaw il-vulnerabbiltajiet tas-sistema globali tal-ikel; jaċċentwa, barra minn hekk, l-fatt li l-liberalizzazzjoni tas-swieq agrikoli ssaħħaħ aktar il-mudell industrijali orjentat lejn l-esportazzjoni tal-agrikoltura li huwa kontributur sinifikanti għat-tibdil fil-klima, iwassal għat-telf ta' ħabitats u joħloq il-kundizzjonijiet għall-emerġenza u t-tixrid ta' viruses; iqis li ktajjen ta' provvista qosra u inizjattivi lokali oħra, b'kuntrast, għandhom potenzjal kbir biex jindirizzaw in-nuqqasijiet attwali tas-sistema alimentari, billi jtejbu l-aċċess għall-ikel frisk, jiżguraw li l-bdiewa jiksbu valur akbar u jnaqqsu l-vulnerabbiltà għal tfixkil fis-swieq internazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tiżviluppa strateġija għal tbegħid gradwali lil hinn minn politiki agrikoli orjentati lejn il-kummerċ u eqreb għal swieq lokali u reġjonali;

22. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-aġġustamenti tat-taxxa tal-fruntieri tal-karbonju bħala għodda importanti biex tiġi ggarantita kompetizzjoni ġusta għall-kumpaniji li jieħdu azzjoni biex inaqqsu l-impatt tagħhom fuq il-klima.

 


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

15.6.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

15

10

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Anna-Michelle Asimakopoulou, Hildegard Bentele, Dominique Bilde, Udo Bullmann, Catherine Chabaud, Antoni Comín i Oliveres, Ryszard Czarnecki, Gianna Gancia, Charles Goerens, Mónica Silvana González, Pierrette Herzberger-Fofana, György Hölvényi, Rasa Juknevičienė, Beata Kempa, Erik Marquardt, Norbert Neuser, Janina Ochojska, Jan-Christoph Oetjen, Michèle Rivasi, Christian Sagartz, Marc Tarabella, Tomas Tobé, Miguel Urbán Crespo, Bernhard Zimniok

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Barry Andrews, Marlene Mortler, Caroline Roose, Patrizia Toia

 


 

 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

15

+

S&D

Udo Bullmann, Mónica Silvana González, Norbert Neuser, Marc Tarabella, Patrizia Toia

RENEW

Catherine Chabaud, Charles Goerens, Jan-Christoph Oetjen, Barry Andrews

VERTS/ALE

Pierrette Herzberger-Fofana, Erik Marquardt, Michèle Rivasi

ECR

Beata Kempa

GUE/NGL

Miguel Urbán Crespo

N.I.

Antoni Comín i Oliveres

 

10

-

PPE

Anna-Michelle Asimakopoulou, Hildegard Bentele, György Hölvényi, Rasa Juknevičienė, Janina Ochojska, Tomas Tobé, Marlene Mortler

ID

Dominique Bilde, Gianna Gancia. Bernhard Zimniok

 

1

0

ECR

Ryszard Czarnecki

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 


 

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

3.9.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

5

8

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Barry Andrews, Anna-Michelle Asimakopoulou, Tiziana Beghin, Geert Bourgeois, Saskia Bricmont, Udo Bullmann, Jordi Cañas, Daniel Caspary, Anna Cavazzini, Miroslav Číž, Arnaud Danjean, Paolo De Castro, Emmanouil Fragkos, Raphaël Glucksmann, Markéta Gregorová, Enikő Győri, Roman Haider, Heidi Hautala, Danuta Maria Hübner, Herve Juvin, Karin Karlsbro, Maximilian Krah, Danilo Oscar Lancini, Bernd Lange, Margarida Marques, Gabriel Mato, Emmanuel Maurel, Maxette Pirbakas, Carles Puigdemont i Casamajó, Samira Rafaela, Inma Rodríguez-Piñero, Massimiliano Salini, Helmut Scholz, Liesje Schreinemacher, Sven Simon, Dominik Tarczyński, Mihai Tudose, Marie-Pierre Vedrenne, Jörgen Warborn, Iuliu Winkler, Jan Zahradil

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

29

+

ECR

Geert Bourgeois, Emmanouil Fragkos, Dominik Tarczyński, Jan Zahradil

PPE

Anna-Michelle Asimakopoulou, Daniel Caspary, Arnaud Danjean, Enikő Győri, Danuta Maria Hübner, Gabriel Mato, Massimiliano Salini, Sven Simon, Jörgen Warborn, Iuliu Winkler

RENEW

Barry Andrews, Jordi Cañas, Karin Karlsbro, Samira Rafaela, Liesje Schreinemacher, Marie-Pierre Vedrenne

S&D

Udo Bullmann, Miroslav Číž, Paolo De Castro, Bernd Lange, Margarida Marques, Inma Rodríguez-Piñero, Mihai Tudose, Kathleen Van Brempt

VERTS/ALE

Markéta Gregorová

 

5

-

S&D

Raphaël Glucksmann

ID

Herve Juvin, Maxette Pirbakas

GUE

Emmanuel Maurel, Helmut Scholz

 

8

0

VERTS/ALE

Saskia Bricmont, Anna Cavazzini, Heidi Hautala

ID

Maximilian Krah, Danilo Oscar Lancini, Roman Haider

NI

Tiziana Beghin, Carles Puigdemont i Casamajó

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

 

 

[1] Testi adottati, P8_TA(2018)0230. 

[2] Testi adottati, P8_TA(2018)0477.

[3] ĠU C 307, 30.8.2018, p. 109.

[4] ĠU C 101, 16.3.2018, p. 30.

[5] ĠU C 101, 16.3.2018, p. 19.

[6] ĠU C 407, 4.11.2016, p. 2.

[7] Testi adottati, P8_TA(2018)0066.

[9] ĠU L 771, 15.3.2020, p. 1.

[10] Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015

[11] Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2018 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE

[12] Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Mejju 2016 dwar l-istatus ta' ekonomija tas-suq taċ-Ċina, ĠU C 76, 28.2.2018, p. 43.

[14] Testi adottati, P9_TA(2020)0152.

[16] Ara r-rizoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Mejju 2020 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid, ir-riżorsi proprji u l-pjan ta' rkupru – Testi adottati, P9_TA(2020)0124.

[17] https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52020DC0098&from=MT ? ;

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Settembru 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza