RAPPORT dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mar-Repubblika tal-Moldova

28.9.2020 - (2019/2201(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Dragoş Tudorache


Proċedura : 2019/2201(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0166/2020
Testi mressqa :
A9-0166/2020
Testi adottati :

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET

Id-demokrazija ġġib il-prosperità u hija sostnuta minnha. Iċ-ċittadini tal-pajjiżi demokratiċi jistgħu jgawdu l-effetti tal-prosperità għaliex il-pajjiżi tagħhom għandhom id-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-espressjoni fil-qalba tas-soċjetà. Huwa essenzjali li naraw din ir-realtà direttament u mingħajr medjazzjoni meta niddiskutu r-Repubblika tal-Moldova, wieħed mill-ifqar pajjiżi fl-Ewropa skont ir-rapporti tal-Bank Dinji, pajjiż fejn, f'dawn l-aħħar għaxar snin, id-demokrazija u l-indikaturi tal-korruzzjoni evolvew b'mod pjuttost negattiv.

M'għandniex nibnu perċezzjoni negattiva tar-Repubblika tal-Moldova abbażi ta' dawn l-indikaturi biss. Anzi, għandna nkunu konxji tad-diffikultajiet li kellu jħabbat wiċċu magħhom dan il-pajjiż u nappoġġjaw liċ-ċittadini tiegħu fl-ambizzjoni tagħhom li jegħlbu s-sitwazzjoni sfortunata ta' pajjiżhom. Aħna unjoni ta' stati li ftit ftit, imma ċertament, qed nibdew insejħulha "Ewropa". Minħabba li nafu tajjeb ħafna x'kienu jfissru, storikament u emozzjonalment, din il-qrubija u l-istruttura politika għaċ-ċittadini tal-pajjiżi tagħna, tajjeb li niftakru li l-Ewropa, fir-realtà, hija ħafna iżjed minn struttura politika li kull wieħed minna jikkontribwixxi għaliha. Partijiet mill-Ewropa tal-Lvant jew mill-Balkani tal-Punent huma Ewropej daqs kull wieħed mill-pajjiżi tagħna; l-unika differenza hija li fil-passat ħadu triq differenti, minħabba ġrajjiet storiċi sfortunati. Ma nistgħux ninjoraw id-deċiżjonijiet politiċi tal-imgħoddi – dawk li farrku lil dan il-kontinent.

Id-dmir politiku tagħna huwa li niżguraw li ċ-ċittadini Ewropej kollha jkollhom l-istess drittijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi. Huwa minn din il-lenti li għandna naraw lir-Repubblika tal-Moldova u r-riżultati li jikseb il-pajjiż fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Unjoni Ewropea. Għandna nippenalizzaw kwalunkwe diverġenza mill-prinċipji demokratiċi, nindikaw kwalunkwe ksur ta' ftehimiet bilaterali u nipproponu l-kors ta' azzjoni t-tajjeb biex nevitaw li jkun hemm xi regressjoni. Imma niddeċiedu x'niddeċiedu, flimkien irridu nirrispettaw aspett fundamentali ta' dan il-proċess: iċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova huma ċittadini Ewropej u quddiem għajnejna għandna qabel kollox inżommu l-benesseri tagħhom. Il-politiċi jiġu u jmorru; iċ-ċittadini jibqgħu.

Ir-Repubblika tal-Moldova tibqa' stat li diffiċli tbassar x'se jagħmel. Iċ-ċittadini tagħha jixħtu ħarsithom lejn l-Unjoni Ewropea, imma l-klassi politika tagħha ma tistax tipprovdi stabbiltà politika u tmexxija affidabbli. Bl-iskuża tad-dikjarazzjoni ta' newtralità, il-politiċi tar-Repubblika tal-Moldova suċċessivament jagħżlu politiki li permezz tagħhom jiffavorixxu lil Brussell jew lil Moska, skont l-interessi personali tagħhom. Xena politika frammentata u b'ammont kbir ta' taqlib tipprevjeni kunsens nazzjonali fir-rigward tal-futur tar-Repubblika tal-Moldova. L-unika ċertezza f'dan il-kuntest hija li s-sitwazzjoni tibqa' problematika u imprevedibbli, bi stqarrijiet kuntradittorji, lingwaġġ ambigwu u deċiżjonijiet li mhux dejjem jikkorrelataw mal-aħjar interessi taċ-ċittadini tal-Moldova. Fid-dikjarazzjoni konġunta ta' Diċembru 2019, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna, u l-Georgia ddikjaraw li se jagħmlu sforzi sostnuti biex isiru membri tal-Unjoni Ewropea. Ftit xhur wara, il-President u l-Prim Ministru tar-Repubblika tal-Moldova esprimew ix-xettiċiżmu tagħhom dwar il-fatt li pajjiżhom isir membru tal-Unjoni Ewropea jew tal-Unjoni Ewrasjatika. Din kienet ġustappożizzjoni infeliċi u kumment li jmur kontra d-deċiżjoni li l-pajjiż kien impenja ruħu għaliha, minkejja li ma kien hemm l-ebda bidla fil-gvern jew elezzjoni presidenzjali fil-perjodu bejn iż-żewġ dikjarazzjonijiet. Ta' min nikkwotaw lill-President Igor Dodon preċiżament: "Ma naħsibx li fl-10 jew 15-il sena li ġejjin se nkunu membri tal-UE. Lanqas tal-Unjoni Ewrasjatika. X'nambuh il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-UE? Biex nagħmlu r-riformi u nżidu l-kwalità tal-ħajja tagħna, irridu nieħdu vantaġġ minn dan l-appoġġ. L-UE għandha l-problemi tagħha". Id-dikjarazzjoni hija rilevanti: turi li l-Unjoni Ewropea u l-prinċipji tagħha mhux dejjem igawdu r-rispett tat-tmexxija politika tar-Repubblika tal-Moldova, minkejja li l-politiċi tal-Moldova jifhmu bis-sħiħ il-vantaġġi ekonomiċi ta' rabtiet aktar mill-qrib mal-UE.

Madankollu, din l-attitudni mhijiex impenn favur il-valuri; hija negozju u xejn iżjed. Is-Sħubija tal-Lvant u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni huma bbażati fuq prinċipji tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni għall-valuri demokratiċi, u l-konvinzjoni li ċ-ċittadini Ewropej igawdu minn drittijiet u libertajiet fundamentali, sew jekk pajjiżhom jagħmel parti mill-UE sew jekk le.

L-isfiduċja tal-klassi politika f'perkors Ewropew, l-adeżjoni fraġli għall-valuri Ewropej ta' xi politiċi u l-bidla kostanti bejn il-Punent u l-Lvant għandhom effetti negattivi evidenti fuq l-evoluzzjoni tal-pajjiż. Ir-Repubblika tal-Moldova rnexxielha tattira biss parti mill-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni Ewropea. Il-kundizzjonalitajiet fil-ftehim iffirmat miż-żewġ partijiet ġew sodisfatti biss parzjalment. L-evoluzzjoni dwar kapitoli ewlenin dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u r-regolamentazzjoni tal-indħil politiku fis-sistema ġudizzjarja, is-soċjetà ċivili jew il-libertà tal-espressjoni kienet minima. Minn perspettiva politika, ċerta parti tal-klassi politika tal-Moldova dejjem ippreferiet li jinżamm status quo detrimentali minflok ma tintrabat b'riformi konsistenti u strutturali. Il-bżonn ta' intervent deċiżiv u ta' implimentazzjoni tar-riformi qed jikber.

Minn meta ġiet stabbilita s-Sħubija tal-Lvant u sa tmiem l-2018, ir-Repubblika tal-Moldova rċeviet aktar minn biljun euro mingħand Brussell fi proġetti miftiehma b'mod konġunt. L-istatistika turi li ċ-ċittadini tal-Moldova jidentifikaw l-Unjoni Ewropea u s-Sħubija tal-Lvant ma' prosperità ekonomika (83 %), mad-drittijiet tal-bniedem (79 %) u mal-libertà tal-espressjoni (78 %). M'hemm xejn sorprendenti dwar din id-data, għaliex tirrifletti r-realtà ekonomika u soċjali. Aktar minn 70 % tal-esportazzjonijiet tal-Moldova jmorru fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Id-diffikultajiet ekonomiċi kkawżati mill-embargo tar-Russja ġew megħluba f'perjodu qasir bis-saħħa ta' skambji ekonomiċi ma' pajjiżi Ewropej. Aktar minn miljun ċittadin tar-Repubblika tal-Moldova jgħixu u jaħdmu fi ħdan il-konfini tal-UE.

Minkejja dan, tibqa' l-istess dissonanza inkwetanti bejn in-numri u l-imġiba politika. Ġeneralment, id-deċiżjonijiet tagħna għandhom jibdew mir-realtà politika u jiġu riflessi f'miżuri ekonomiċi xierqa għall-imġiba politika. L-għażla li jingħata bail out għall-eċċessi politiċi jew li jiġu injorati għal raġunijiet ekonomiċi mhuwiex sostenibbli. Madankollu, wasal iż-żmien li nagħżlu li nipproteġu dak li bnejna u nħarsu lejn ir-realtà politika preċiżament kif inhi, ħalli nipproteġu liċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova mill-klassi politika tal-pajjiż. Wisq drabi l-persuni komuni jbatu għaliex il-politiċi li jirrappreżentawhom ma jaqdux dmirijiethom sew. Hemm miljuni ta' nies fir-Repubblika tal-Moldova, Ewropej barra mill-fruntiera tal-Unjoni Ewropea, li mhumiex irrappreżentati sew mill-politiċi tagħhom. Irridu nidderieġu l-isforzi politiċi u ekonomiċi tagħna lejn dawn in-nies, sabiex inkunu nistgħu, fl-istess ħin, nissanzjonaw bl-aktar mod drastiku possibbli kull żball politiku li jipperikola liċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova u joħroġ lill-pajjiż mill-perkors Ewropew tiegħu.

Il-Parlament Ewropew huwa s-sede t-tajba biex titnieda direzzjoni politika ġdida għar-Repubblika tal-Moldova. Dan għandu l-mandat taċ-ċittadini u r-rappreżentanza ta' vot demokratiku. Huwa ż-żmien opportun li naqdu r-rwol tagħna bħala rappreżentanti taċ-ċittadini Ewropej u nħarsu l-interessi tagħhom, anke jekk il-fruntieri storiċi għadhom jisseparaw lil xi ċittadini Ewropej minn oħrajn. Illum jew għada, dawn iċ-ċittadini se jkunu parti minn Ewropa magħquda. Sa dakinhar, irridu ngħarblu l-evoluzzjoni tal-proċessi demokratiċi u tar-riformi strutturali mingħajr ma ninsew id-dmir tagħna fil-konfront taċ-ċittadini Ewropej kollha, jekk hux minn pajjiżi membri jew le, anke jekk il-politiċi fil-poter jinsewh.

Għeżież kollegi, qed nitlobkom tagħtu lill-poplu tar-Repubblika tal-Moldova opportunità biex jikseb il-potenzjal veru tiegħu u jittama f'futur aħjar għal Ewropa magħquda.


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mar-Repubblika tal-Moldova

(2019/2201(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 8 u t-Titolu V, b'mod partikolari l-Artikoli 21, 22, 36 u 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), kif ukoll il-Ħames Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (FA), li jinkludi Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) u li daħal fis-seħħ fl-intier tiegħu fl-1 ta' Lulju 2016,

 wara li kkunsidra l-istabbiliment ta' sistema ta' vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova f'Marzu 2014, b'riżultat tal-emendi għar-Regolament tal-Kunsill (KE) 539/2001 magħmula mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill,

 wara li kkunsidra l-iffirmar f'Novembru 2017, ta' Memorandum ta' Qbil, ta' Ftehim dwar Faċilità ta' Self u ta' Ftehim ta' Għotja dwar l-assistenza mikrofinanzjarja li jammonta għal EUR 100 miljun għall-perjodu 2017-2018,

 wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali tar-Repubblika tal-Moldova dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Unjoni Ewropea (NAPIAA) għall-perjodu 2017-2019,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika tal-Moldova, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni preċedenti tal-14 ta' Novembru 2018[1] dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' assoċjazzjoni tal-UE mal-Moldova, ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi politika fil-Moldova wara l-invalidazzjoni tal-elezzjonijiet muniċipali f'Chișinău[2], tal-15 ta' Novembru 2017 dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017[3], tal-4 ta' Lulju 2017 dwar l-għoti ta' assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova[4], u tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna[5],

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-UE ta' Lulju 2018 li jiġi ffriżat l-iżborż tal-ewwel pagament parzjali tal-assistenza makrofinanzjarja, wara d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema dwar l-elezzjoni tas-sindku ta' Chișinău, u d-deċiżjoni tagħha ta' Novembru 2018 li tnaqqas l-assistenza finanzjarja tagħha, wara tħassib dwar l-istat tad-dritt u r-regressjoni demokratika tal-pajjiż,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni sussegwenti tal-UE ta' Lulju 2019 li terġa' tibda l-iżborż ta' appoġġ mill-baġit fid-dawl tal-impenn tar-Repubblika tal-Moldova li tirriforma s-sistema ġudizzjarja,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-UE ta' Ottubru 2019 li tiżborża l-ewwel pagament parzjali tal-assistenza makrofinanzjarja li jammonta għal EUR 30 miljun, b'riżultat tal-implimentazzjoni ta' riformi ewlenin biex jittejbu l-istandards demokratiċi u jiġi mħares l-istat tad-dritt,

 wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar ir-Rapport rigward l-Implimentazzjoni tal-Assoċjazzjoni dwar ir-Repubblika tal-Moldova tal-11 ta' Settembru 2019,

 wara li kkunsidra l-eżitu tal-ħames laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova tat-30 ta' Settembru 2019,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet Konġunti tas-Summits tas-Sħubija tal-Lvant, l-aktar reċenti dik tal-24 ta' Novembru 2017 fi Brussell,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar ir-Repubblika tal-Moldova tas-26 ta' Frar 2018,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2308 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (APKE) tat-3 ta' Ottubru 2019 dwar "The functioning of democratic institutions in the Republic of Moldova" (Il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fir-Repubblika tal-Moldova),

 wara li kkunsidra l-klassifika tal-2019 skont il-perċezzjoni tal-korruzzjoni mfassla minn Transparency International li tpoġġi lir-Repubblika tal-Moldova fil-120 post minn 180 pajjiż u territorju eżaminati (bl-ewwel post tal-klassifika jkun l-aħjar), filwaqt li fil-klassifika tal-2018 skont il-perċezzjoni tal-korruzzjoni mfassla minn Transparency International ir-Repubblika tal-Moldova kienet fil-117-il post,

 wara li kkunsidra d-Democracy Index 2019 (Indiċi tad-Demokrazija tal-2019) ippubblikat mill-Economist Intelligence Unit, li jikklassifika r-Repubblika tal-Moldova bħala "reġim ibridu",

 wara li kkunsidra r-rapporti ta' Freedom House "Freedom in the World 2020" (Libertà fid-dinja 2020), li jagħti lir-Repubblika tal-Moldova status ta' pajjiż "parzjalment liberu", u "Nations in Transit 2020" (Nazzjonijiet fi tranżitu 2020), li jivvaluta lir-Repubblika tal-Moldova bħala "reġim fi tranżizzjoni jew ibridu",

 wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali tar-Repubblika tal-Moldova dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Unjoni Ewropea, il-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem 2018-2022 u l-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika 2018-2023, li ssemmi espliċitament ir-ratifika tal-Konvenzjoni ta' Istanbul,

 wara li kkunsidra l-analiżijiet u r-rakkomandazzjonijiet li ħarġet l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), b'mod partikolari tat-8 ta' Marzu 2018 bl-isem "Young Moldova: Problems, Values and Aspirations" (Iż-żgħażagħ fir-Repubblika tal-Moldova: problemi valuri u aspirazzjonijiet); u tal-20 ta' April 2018, bl-isem "Youth Well-being Policy Review of Moldova" (Analiżi tal-Politiki tar-Repubblika tal-Moldova għall-Benesseri taż-Żgħażagħ),

 wara li kkunsidra l-opinjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari tal-15 ta' Marzu 2018 dwar ir-riforma elettorali fir-Repubblika tal-Moldova, tal-24 ta' Ġunju 2019 dwar is-sitwazzjoni kostituzzjonali b'referenza partikolari għall-possibbiltà li jxolji l-Parlament u tal-14 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' liġi dwar ir-riforma tal-Qorti Suprema tal-Ġustizzja u tal-Uffiċċju tal-Prosekutur,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni, tat-18 ta' Marzu 2020, bl-isem "Il-politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020 – It-Tisħiħ tar-Reżiljenza - Sħubija tal-Lvant li tikseb riżultati għal kulħadd",

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2020 dwar il-politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, tat-8 ta' April 2020 dwar ir-rispons globali tal-UE għall-COVID-19 u d-Deċiżjoni (UE) 2020/701 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 2020 dwar il-forniment ta' assistenza makrofinanzjarja lis-sħab tat-tkabbir u tal-viċinat fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19,

 wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-isem "It-Tielet Rapport taħt il-Mekkaniżmu ta' Sospensjoni tal-Viża", u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah, ippubblikat fl-10 ta' Lulju 2020,

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Ġunju 2020,

- wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet u l-attivitajiet tal-Kumitat Parlamentari ta' Assoċjazzjoni UE-Moldova, tal-Assemblea Parlamentari Euronest, tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant, tal-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili UE-Moldova u ta' rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili fir-Repubblika tal-Moldova,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati fl-okkażjoni tas-seba' laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Assoċjazzjoni UE-Moldova li saret Strasburgu fit-18 u d-19 ta' Diċembru 2019,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-Parlament Ewropew għall-elezzjonijiet parlamentari tar-Repubblika tal-Moldova tal-24 ta' Frar 2019 integrati mal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali internazzjonali mmexxija mill-OSKE/ODIHR,

 wara li kkunsidra l-pakkett ta' għajnuna ekonomika tal-Kummissjoni adottat fid-29 ta' Marzu 2020 biex jgħin lir-Repubblika tal-Moldova, fost pajjiżi oħra, fil-ġlieda tagħha kontra l-pandemija tal-COVID-19, li kien jinkludi l-orjentament mill-ġdid ta' strumenti eżistenti biex jiġi mmitigat l-impatt soċjoekonomiku tal-kriżi;

 wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0166/2020),

A. billi permezz tal-FA/DCFTA l-UE u r-Repubblika tal-Moldova impenjaw ruħhom li jippromwovu l-assoċjazzjoni politika u jiksbu l-integrazzjoni ekonomika, u r-Repubblika tal-Moldova impenjat ruħha li tinkorpora l-acquis tal-UE fil-liġijiet u fil-prattiki tagħha f'għadd kbir ta' oqsma; billi, bil-għan li jkunu sostnuti dawn l-isforzi, l-Unjoni impenjat ruħha biex tagħti assistenza finanzjarja u tal-baġit sostanzjali lir-Repubblika tal-Moldova, bil-kundizzjoni li jkunu rispettati l-valuri u l-prinċipji fundamentali Ewropej, bħall-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem u demokratiċi, u tkun garantita l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata, il-ħasil tal-flus, l-istrutturi oligarkiċi u n-nepotiżmu; billi l-kooperazzjoni tista' tkun annullata f'każijiet gravi ta' regressjoni;

B. billi fit-13 ta' Settembru 2017, il-Parlament u l-Kunsill adottaw deċiżjoni biex tingħata assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova b'valur ta' EUR 100 miljun fil-kuntest tal-programm tal-FMI biex jiġu appoġġjati r-riformi ekonomiċi u finanzjarji tal-pajjiż;

C. billi l-UE ripetutament esprimiet tħassib dwar l-istat tad-dritt, in-nuqqas ta' progress fil-prosekuzzjoni ta' dawk responsabbli għall-frodi bankarji mikxufa fl-2014 u l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem;

D. billi l-klassifika tal-2018 skont il-perċezzjoni tal-korruzzjoni mfassla minn Transparency International u r-rapporti ta' Freedom House tal-2020 juru progress ċkejken fir-Repubblika tal-Moldova fil-passat l-aktar reċenti, filwaqt li l-andament ġenerali indikat minn dawn l-indiċijiet, kif ukoll mid-Democracy Index (Indiċi tad-Demokrazija), juru tendenza fit-tul ta' deterjorament tal-istat tad-demokrazija, tal-korruzzjoni, tad-drittijiet politiċi u tal-libertajiet ċivili fir-Repubblika tal-Moldova;

E. billi, minkejja l-bidliet fil-gvern, l-istituzzjonijiet statali tar-Repubblika tal-Moldova jibqgħu fraġli u l-pajjiż għadu jissielet mal-problema tal-ħtif tal-Istat, peress li l-konċentrazzjoni tal-poter u l-kontroll tas-setturi u tal-istituzzjonijiet importanti kollha fl-ogħla livell ta' gvern ma rreġistrawx tnaqqis sinifikanti;

F. billi, minħabba ksur serju tal-istat tad-dritt u l-proċess demokratiku, l-UE fl-2018 issospendiet l-iżborż tal-aħħar żewġ pagamenti parzjali fl-ambitu tal-programm ta' appoġġ mill-baġit għar-riformi fis-settur tal-ġustizzja;

G. billi fil-11 ta' Ġunju 2019 il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (fil-kawża Ozdil u oħrajn vs Ir-Repubblika tal-Moldova) stabbiliet li r-Repubblika tal-Moldova kienet kisret id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u familjari meta, f'Settembru 2018, is-Servizzi ta' Intelligence u Sigurtà (SIS) tagħha eżegwew id-detenzjoni u r-rimpatriju furzat fit-Turkija ta' ħames ċittadini Torok li kienu talbu ażil; billi din l-estradizzjoni moħbija hija biss eżempju wieħed ta' mudell sistematiku ta' għajbien furzat u involontarju, detenzjoni illegali u deportazzjoni lejn it-Turkija ta' ċittadini Torok, applikat f'għexieren ta' pajjiżi fid-dinja;

H. billi, wara li f'Ġunju 2019 ġie ffurmat gvern impenjat li jwettaq dawn ir-riformi ambizzjużi, bi programm iċċentrat fuq ir-riforma tal-ġudikatura, il-Kummissjoni żborżat l-ewwel pagament parzjali tal-assistenza makrofinanzjarja u reġgħet bdiet l-iżborżi fl-ambitu tal-programmi ta' appoġġ lill-baġits settorjali, filwaqt li stqarret li kienet se tkompli tapplika kundizzjonalità rigoruża; billi fl-10 ta' Lulju 2020, il-Kummissjoni approvat l-iżborż tat-tieni u l-aħħar pagament parzjali ta' EUR 30 miljun mill-programm ta' assistenza makrofinanzjarja tagħha;

I. billi, madankollu, ir-Repubblika tal-Moldova ma setgħetx taċċedi għall-bqija tal-fondi disponibbli fil-qafas tal-progromm, li skada f'Lulju 2020; billi din l-assistenza tibqa' subordinata għall-implimentazzjoni tar-riformi maqbula qabel, b'mod partikolari dawk maħsuba biex isaħħu l-istat tad-dritt, l-istandards demokratiċi u jiksbu riżultati konkreti għaċ-ċittadini;

J. billi f'Novembru 2019 il-parlament tar-Repubblika tal-Moldova adotta mozzjoni ta' sfiduċja fil-konfront tal-gvern iffurmat f'Ġunju 2019 u ġie ffurmat gvern ta' minoranza, u sussegwentement gvern ta' koalizzjoni ġdid; billi r-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni esprimew tħassib dwar il-mod kif il-gvern preċedenti ġie sostitwit u fir-rigward tal-proċess ta' riforma li bdiet ir-Repubblika tal-Moldova permezz tal-FA/DCFTA;

K. billi l-maġġoranza tal-gvern ta' koalizzjoni l-ġdid fil-parlament tar-Repubblika tal-Moldova ċkienet kostantement minħabba li d-deputati qegħdin jabbandunaw l-alleanza fil-poter; billi fil-ħarifa fir-Repubblika tal-Moldova se jsiru l-elezzjonijiet presidenzjali u l-pajjiż bħalissa għaddej minn żmien ta' instabbiltà politika akuta; billi l-President Igor Dodon saħaq fuq il-bżonn li l-parlament ixolji u li jsiru elezzjonijiet bikrin mill-aktar fis possibbli; billi fis-7 ta' Lulju 2020 il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Moldova ddeċidiet li l-elezzjonijiet bikrin jistgħu jsiru biss wara l-elezzjonijiet presidenzjali;

L. billi fis-17 ta' April 2020 il-gvern Russu u dak tar-Repubblika tal-Moldova ffirmaw ftehim, innegozjat mill-presidenti taż-żewġ pajjiżi, dwar self ta' EUR 200 miljun li se tagħti l-Federazzjoni Russa lir-Repubblika tal-Moldova b'rata ta' mgħax preferenzjali ta' 2 %, billi dan il-ftehim ġie rratifikat fit-23 ta' April u, dakinhar stess, wara l-appell ippreżentat minn membri tal-oppożizzjoni parlamentari, il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Moldova ssospendiet il-liġi ta' ratifika tal-ftehim ta' self sat-tlestija min-naħa tal-istess Qorti tal-eżami tal-kompatibbiltà mal-Kostituzzjoni; billi fis-6 ta' Mejju l-President tal-Qorti Kostituzzjonali rrapportat dwar pressjonijiet fuq il-Qorti Kostituzzjonali min-naħa tal-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova kif ukoll tentattivi ta' skreditament tal-imħallfin tagħha; billi fis-7 ta' Mejju 2020 il-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat bħala inkostituzzjonali l-ftehim ta' self; billi attwalment għaddejjin in-negozjati għal ftehim ta' self ġdid mal-Federazzjoni Russa;

M. billi l-pandemija tal-COVID-19 uriet il-bżonn dejjem akbar ta' koordinament biex jiġi indirizzat it-theddid komuni bejn l-Unjoni u l-pajjiżi ġirien; billi l-Unjoni wieġbet lil dan il-bżonn, fost strumenti oħra, bl-għoti ta' pakkett ta' għajnuna finanzjarja lill-ġirien tagħha;

N. billi s-solidarjetà fil-konfront tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant hija ta' importanza fundamentali matul il-kriżi tal-COVID-19 u l-Unjoni forniet sostenn notevoli biex jiġi indirizzat l-impatt tal-pandemija fir-reġjun; billi, f'dan il-kuntest, ir-Repubblika tal-Moldova se tibbenefika minn EUR 87 miljun f'finanzjamenti bilaterali riorjentati;

O. billi l-Unjoni qed tqiegħed għad-dispożizzjoni tar-Repubblika tal-Moldova self ulterjuri ta' assistenza makrofinanzjarja ta' EUR 100 miljun fl-ambitu tad-deċiżjoni li tagħti assistenza makrofinanzjarja lil għaxar pajjiżi sħab tal-viċinat biex tgħinhom jillimitaw il-konsegwenzi ekonomiċi negattivi tal-pandemija tal-coronavirus; billi l-ewwel pagament parzjali tal-pakkett ta' assistenza makrofinanzjarja straordinarja se jkun żburżat malajr kemm jista' jkun, peress li l-Memorandum ta' Qbil (MtQ) mar-Repubblika tal-Moldova ġie rratifikat; billi biex jirċievi t-tieni pagament parzjali, li jiġi żburżat sa mhux aktar tard minn sena minn meta jiġi ffirmat il-MtQ, il-pajjiż se jkollu jirrispetta ċerti kundizzjonalitajiet; billi prekundizzjoni importanti għall-għoti ta' din l-assistenza makrofinanzjarja hija li l-pajjiż jirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi sistema parlamentari multipartitika, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-konklużjoni tal-MtQ għandha tkun milqugħa pożittivament u l-implimentazzjoni tal-impenji meħuda għandha tkun garantita;

P. billi r-Repubblika tal-Moldova ħadet impenji internazzjonali u nazzjonali biex tippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-emanċipazzjoni tan-nisa; billi l-pajjiż adotta miżuri biex jippromwovi r-rappreżentanza politika tan-nisa, fosthom kwota tal-ġeneru obbligatorja ta' 40 % għal-listi elettorali tal-partiti politiċi; billi hemm bżonn aktar sforzi biex jimxu 'l quddiem l-objettivi tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2017-2021, inklużi finanzjamenti adegwati u mekkaniżmi ta' implimentazzjoni aktar b'saħħithom;

Q. billi, minkejja l-progress ekonomiku kollu, l-impatt soċjali tal-assistenza finanzjarja u tal-isforzi ta' riforma kien pjuttost marġinali; billi r-Repubblika tal-Moldova tibqa' wieħed mill-ifqar pajjiżi tal-Ewropa, mifluġ minn sitwazzjoni soċjali diżastruża, b'villaġġi abbandunati u faqar estrem; billi fl-2018 38,5 % tal-ħaddiema fir-Repubblika tal-Moldova ma kienx jiddikjara xogħlu u ma kellu aċċess għall-ebda forma ta' protezzjoni soċjali;

R. billi mill-1989 il-popolazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova ċkienet kważi b'terz; billi, f'termini demografiċi, dawn iċ-ċifri huma l-agħar fl-Ewropa kollha; billi ċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova jħallu pajjiżhom għal paga ogħla u għal edukazzjoni u strutturi aħjar; billi tali żvilupp għandu riperkussjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali fil-fond u dejjiema; billi r-Repubblika tal-Moldova taffronta skarsezza ta' ħaddiema u nuqqas ta' figuri professjonali bħal infermiera u tobba; billi l-anzjani, il-biċċa l-kbira minnhom jiddependu mir-rimessi tal-emigrati, huma dawk l-aktar vulnerabbli u f'riskju ta' faqar tar-Repubblika tal-Moldova;

S. billi s-soluzzjoni għall-problemi tar-Repubblika tal-Moldova ma tistax tiġi minn barra l-pajjiż u hemm bżonn tissaħħaħ is-sjieda tal-poplu tar-Repubblika tal-Moldova biex jilqgħu għall-isfidi tal-pajjiż; billi jibqa' importanti li jiġu indirizzati l-isfidi prinċipali, bħall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-istrutturi oligarkiċi, l-osservanza tal-istandards demokratiċi, il-bżonn li jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi soċjali kumplessi, tiġi garantita l-pluralità tal-midja u jiġu indirizzati l-faqar u l-emigrazzjoni;

Valuri komuni u prinċipji ġenerali

1. Ifakkar li l-valuri komuni li fuqhom inbniet l-Unjoni, jiġifieri d-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt, huma wkoll il-qofol tal-assoċjazzjoni politika u tal-integrazzjoni ekonomika bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova; itenni l-impenn tal-Unjoni biex issostni l-perkors Ewropew tar-Repubblika tal-Moldova permezz ta' assoċjazzjoni politika, integrazzjoni ekonomika u r-riformi rispettivi; josserva li l-FA/DCFTA jibqa' ta' importanza primarja għall-iżvilupp tar-Repubblika tal-Moldova, speċjalment fiż-żminijiet eċċezzjonali ta' bħalissa, u jfaħħar l-impenn deċiż tas-soċjetà u tal-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova f'dan il-proċess; ifakkar, madankollu, li jinħtieġ li jsir aktar progress f'termini ta' implimentazzjoni biex ikunu realizzati b'mod sħiħ il-potenzjal u l-benefiċċji tiegħu, partikolarment b'enfasi fuq l-indipendenza tal-istituzzjonijiet statali, ir-reżiljenza tagħhom għall-influwenza tal-oligarki, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ġustizzja, it-tisħiħ tal-istat tad-dritt u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja taċ-ċittadini; jissottolinja li l-FA/DCFTA kien l-istrument prinċipali li stimola u sostna l-proċess tar-riformi strutturali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

2. Jilqa' pożittivament l-intenzjonijiet kollha favur integrazzjoni politika, umana u ekonomika akbar mal-Unjoni, skont il-prinċipju ta' differenzjazzjoni u abbażi tal-prestazzjonijiet, tar-riżultati u tal-aspirazzjonijiet tal-awtoritajiet u tas-soċjetà tar-Repubblika tal-Moldova;

3. Josserva l-konklużjonijiet tal-konsultazzjoni dwar l-Artikolu IV tal-FMI f'Marzu 2020 u s-sitt u l-aħħar rieżami tal-Bord tal-FMI tal-prestazzjoni ekonomika tar-Repubblika tal-Moldova fl-ambitu tal-arranġamenti ta' Faċilità ta' Kreditu Estiż u Faċilità ta' Fond Estiża, b'mod partikolari fir-rigward tar-riabilitazzjoni tas-sistema bankarja tal-Moldova u tat-tisħiħ tal-governanza fis-settur finanzjarju;

4. Jilqa' favorevolment l-iżborż tat-tieni pagament parzjali tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni; jirrikonoxxi l-isforzi ta' riforma li ssegwi r-Repubblika tal-Moldova f'setturi bħall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, it-tisħiħ tal-qafas kontra l-ħasil tal-flus, l-adozzjoni ta' liġi ġdida dwar l-attivitajiet tal-NGOs u josserva li r-Repubblika tal-Moldova ngħaqdet mal-programm ta' reviżjoni bejn il-pari tal-OECD kontra l-korruzzjoni (Pjan ta' Azzjoni ta' Istanbul);

5. Huwa tal-fehma li l-iżborż tat-tieni pagament parzjali tal-programm ta' assistenza makrofinanzjarja għall-perjodu 2017-2020 għandu jkun segwit minn sforzi min-naħa tal-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova maħsuba biex jissodisfaw il-kundizzjonijiet rilevanti fl-oqsma marbuta mat-tisħiħ tal-qafas kontra l-ħasil tal-flus u għandu jipproduċi riżultati tanġibbli u dejjiema kif ukoll mat-tisħiħ tal-indipendenza tal-bank nazzjonali;

6. Jistieden lill-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova u l-UE jikkooperaw biex jegħlbu l-impatt negattiv tal-kriżi tal-COVID-19 fuq l-iżvilupp soċjali u ekonomiku;

7. Jilqa' favorevolment l-eżitu tan-negozjati dwar il-Memorandum ta' Qbil dwar il-programm straordinarju l-ġdid ta' assistenza makrofinanzjarja tal-UE, li għandu l-għan li jikkuntrasta l-impatt ekonomiku negattiv tal-pandemija tal-COVID-19;

L-importanza tal-implimentazzjoni tal-FA fil-qafas tal-iżviluppi politiċi li għaddejjin bħalissa u qabel l-elezzjonijiet presidenzjali tal-1 ta' Novembru

8. Josserva li l-Programm ta' Attività tar-Repubblika tal-Moldova ta' Novembru 2019 huwa anqas ambizzjuż mill-Aġenda Globali 2030 tal-gvern preċedenti u jinsab imħasseb bil-fatt li l-istabbiltà politika u l-bidliet frekwenti tal-gvernijiet qegħdin ikollhom effett fuq l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-FA/DCFTA u jnaqqsu r-ritmu tar-riformi; isostni l-konnessjoni tal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni li jmiss mal-NAPIAA l-ġdid u jenfasizza l-importanza ta' adozzjoni rapida tal-Aġenda l-ġdida bħala strument biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u jiġu aġġornati l-prijoritajiet tagħha bil-parteċipazzjoni parlamentari attiva u bil-kontribut tas-soċjetà ċivili u ta' partijiet ikkonċernati oħrajn fl-UE u fir-Repubblika tal-Moldova; jinsisti li l-kontinwazzjoni tal-appoġġ politiku u finanzjarju tal-UE tibqa' subordinata għat-twettiq ta' riforma tanġibbli, b'mod partikolari fir-rigward tal-istat tad-dritt u tal-ġudikatura; itenni, f'dan ir-rigward, l-importanza li jiġu implimentati r-riformi prijoritarji kollha maqbula fl-Aġenda ta' Assoċjazzjoni u jiġu rispettati l-kundizzjonalitajiet maqbula għall-iżborż tat-tieni u tat-tielet pagament parzjali tal-assistenza makrofinanzjarja;

9. Jilqa' pożittivament il-kontribut kostruttiv li tagħti r-Repubblika tal-Moldova lill-kooperazzjoni fl-ambitu tas-Sħubija tal-Lvant u jinkoraġġixxi li jkun hemm skambju politiku permanenti u intensifikat fost il-pajjiżi parti mill-FA/DCFTA u l-Kummissjoni dwar ir-riformi relatati mal-assoċjazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tuża korrettament il-mekkaniżmi eżistenti biex tkompli tagħmel monitoraġġ tal-implimentazzjoni konkreta tar-riformi u tiżviluppa mekkaniżmu ta' kundizzjonalità, anki b'parametri ta' riferiment ċari, bl-involviment sinifikattiv tas-soċjetà ċivili, partikolarment fil-livell lokali; iqis bħala essenzjali, f'dan il-kuntest, li jitqawwa l-appoġġ finanzjarju lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jiżvolġu rwol fundamentali fit-trawwim tal-parteċipazzjoni fid-dibattiti pubbliċi u fil-monitoraġġ kemm tal-azzjoni tal-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova kif ukoll tal-effikaċja tal-politiki tal-Unjoni fil-konfront tal-pajjiż; jissuġġerixxi, barra minn dan, li tintuża l-esperjenza miksuba mill-Grupp ta' Appoġġ għall-Ukrajna biex tinħoloq struttura simili għar-Repubblika tal-Moldova, bil-għan li jiżdiedu l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-appoġġ tal-Unjoni;

10. Jissottolinja li s-sitwazzjoni fir-Repubblika tal-Moldova għandha tkun immonitorjata mill-qrib fit-terminu twil, anki matul il-perjodu preelettorali, konformement mal-prassi u mal-istandards normali tal-OSKE/ODIHR, partikolarment fil-perjodu ta' kriżi attwali, billi l-elezzjonijiet presidenzjali li jmiss se jservu ta' test għad-demokrazija u għall-istat tad-dritt fil-pajjiż;

11. Jistieden, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jiżguraw li l-elezzjonijiet presidenzjali previsti għall-1 ta' Novembru 2020 ikunu liberi u ġusti u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jtejbu aktar il-liġi elettorali biex tkun żgurata l-effikaċja tad-dritt tal-vot, il-korrettezza tal-kampanji elettorali, it-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv u tal-kontroll demokratiku, bil-għan li jitħalla skrutinju pubbliku adegwat tal-attività tal-gvern u tal-parlament; jesiġi li l-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jastjenu milli jbiddlu r-regoli u r-regolamenti għal vantaġġ politiku, billi dawn il-prattiki dejjem jispiċċaw joħolqu diżordni politiku u instabbiltà għad-dannu tal-impenn fil-konfront tar-riformi strutturali; jissottolinja, fid-dawl tal-elezzjonijiet futuri, l-importanza tal-leġittimità demokratika tal-gvern, tat-trasparenza fil-formazzjoni ta' koalizzjonijiet, tar-rispett tar-rieda tal-eletturi u l-importanza li l-maġġoranza tal-gvern tirrifletti l-vot tal-poplu;

12. Jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jsaħħu l-mekkaniżmi demokratiċi, inkluża sistema parlamentari multipartitika, u jiżguraw il-libertà, l-indipendenza u l-pluraliżmu tal-midja kif ukoll aċċess ekwu għall-finanzi u għall-midja; jesiġi, f'dan il-kuntest, li l-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jsaħħu r-reżiljenza kontra d-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni min-naħa ta' atturi nazzjonali u barranin, online u offline, u jimplimentaw il-miżuri biex ikun indirizzat il-bżonn saħansitra aktar urġenti li jiġu affrontati x-xiri ta' voti, l-intimidazzjoni fil-konfront tal-osservaturi elettorali, it-tixħim elettorali u prattiki korrotti oħra, kif ukoll l-użu indebitu tar-riżorsi statali, billi dawn il-prattiki jikkompromettu u jfarrku l-isforzi demokratiċi kollha li jagħmlu l-atturi politiċi tar-Repubblika tal-Moldova;

13. Jisħaq fuq il-bżonn ta' rivalità politika b'saħħitha u leali bejn il-kandidati presidenzjali, li tkun impossibbli mingħajr sistema sana u trasparenti ta' finanzjament tal-partiti u ta' finanzjament tal-kampanja presidenzjali;

14. Iħeġġeġ lill-gvern tar-Repubblika tal-Moldova jattwa l-miżuri kollha neċessarji biex jiżgura li ċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova li jgħixu fir-reġjun tat-Transnistrija u barra mir-Repubblika tal-Moldova jkunu jistgħu jieħdu sehem fl-elezzjonijiet b'mod inklużiv, trasparenti u ekwu, mingħajr indħil barrani;

Riformi u qafas istituzzjonali

15. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riformi li wasslu għall-introduzzjoni ta' sistema ta' vjaġġar mingħajr viża mal-Unjoni; josserva li l-programm intuża b'mod estensiv miċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova u jirrappreżenta eżempju tajjeb ħafna ta' kif l-implimentazzjoni tal-FA/DCFTA tolqot ħajjet iċ-ċittadini billi trawwem il-kuntatti interpersonali ma' konċittadini Ewropej oħrajn; jistieden lill-Unjoni u lir-Repubblika tal-Moldova jkomplu jtejbu l-kuntatti u l-iskambji interpersonali biex il-popolazzjoni ta' kull waħda mill-partijiet tiżviluppa stampa pożittiva tal-parti l-oħra;

16. Jilqa' pożittivament il-fatt li mill-2014 aktar minn 2,3 miljun ċittadin tar-Repubblika tal-Moldova bbenefikaw minn sistema ta' vjaġġar mingħajr viża u jinnota li, skont l-aħħar rapport tal-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Moldova għadha tissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa għal-liberalizzazzjoni tal-viżi u li l-moviment mingħajr obbligu ta' viża għadu jġib miegħu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u kulturali kemm għall-Unjoni kif ukoll għar-Repubblika tal-Moldova; jinkoraġġixxi liż-żewġ naħat isostnu l-moviment liberu tal-persuni anki matul il-kriżijiet;

17. Jirrikonoxxi l-isforzi li għamlu l-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet ifformulati fir-rapporti annwali dwar il-mekkaniżmu ta' sospensjoni tal-viżi; jirrakkomanda li titkompla l-implimentazzjoni tal-parametri ta' riferiment marbuta mal-politika tal-liberalizzazzjoni tal-viżi u jistieden lill-awtoritajiet ikomplu dawn l-isforzi biex jissodisfaw il-parametri ta' riferiment għal-liberalizzazzjoni tal-viżi, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fit-tisħiħ tal-ġudikatura, fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus u fl-adozzjoni ta' miżuri konkreti biex tkun indirizzata ż-żieda fl-applikazzjonijiet għal ażil infondati; jinsab imħasseb, f'dan ir-rigward, biż-żieda fin-numru ta' ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova li nqabdu joqogħdu illegalment fiż-żona Schengen+ (żieda ta' 47 %) u biż-żieda fl-applikazzjonijiet għal ażil (żieda ta' 48 %); iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jimplimentaw ulterjorment l-impenji li ħadu fil-kuntest tar-reġim liberalizzat tal-viżi għaż-żona Schengen fil-qasam tal-ġestjoni effikaċi tal-migrazzjoni u jiżguraw id-dritt għal ażil fir-Repubblika tal-Moldova lill-applikanti għal ażil ta' pajjiżi terzi;

18. Jilqa' pożittivament l-adozzjoni min-naħa tal-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova ta' bosta atti leġiżlattivi konformi mal-impenji tal-pajjiż minquxa fil-FA, partikolarment dawk relatati mal-amministrazzjoni pubblika, mal-ġestjoni finanzjarja pubblika u mar-riformi tas-sistema ġudizzjarja; jisħaq fuq l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa ta' dawn l-atti, inkluż billi tiġi adottata leġiżlazzjoni sekondarja;

19. Jilqa' favorevolment il-progress li nkiseb fil-ġestjoni finanzjarja pubblika u jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jħaffu l-implimentazzjoni tar-riformi l-oħra marbuta mal-FA/DCFTA, abbażi ta' titjib tal-istat tad-dritt;

20. Jirrikonoxxi l-passi essenzjali li għamlet ir-Repubblika tal-Moldova biex ittejjeb il-prestazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika; jistieden, għal dan il-għan, lill-gvern tar-Repubblika tal-Moldova jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika għall-perjodu 2016-2020 konformement mal-prinċipji tal-OECD/SIGMA tal-amministrazzjoni pubblika; jinkoraġġixxi barra minn hekk lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jżidu t-trasparenza u jiġġieldu kontra l-korruzzjoni mifruxa fl-amministrazzjoni pubblika kif ukoll jistabbilixxu skola nazzjonali tal-amministrazzjoni pubblika;

21. Jissottolinja li implimentazzjoni aktar effiċjenti u sostenibbli tal-FA tinbet minn amministrazzjoni imparzjali u professjonali tal-istituzzjonijiet u tal-aġenziji statali; itenni, f'dan ir-rigward, it-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' impenn kostanti lejn it-titjib tas-settur pubbliku, sitwazzjoni li taqta' qalb nies kompetenti milli jidħlu f'karriera fl-amministrazzjoni pubblika u jisħaq fuq il-bżonn li tiġi żviluppata amministrazzjoni pubblika professjonali u li ż-żgħażagħ jitħeġġew jidħlu f'karriera fis-settur pubbliku, biex b'hekk tinkiseb amministrazzjoni aktar trasparenti, ħielsa minn nepotiżmi u favoritiżmi li jwasslu għal politiċizzazzjoni kronika;

22. Iħeġġeġ li jingħata bidu mill-aktar fis possibbli għal riforma aktar komprensiva f'dik li hi deċentralizzazzjoni, inkluża r-riforma tas-sistema amministrattiva-territorjali tar-Repubblika tal-Moldova, l-iżvilupp reġjonali u d-deċentralizzazzjoni amministrattiva, bil-possibbiltà li jiġu ġġenerati taxxi lokali; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-bżonn ta' kooperazzjoni usa' u aktar approfondita bejn l-awtoritajiet lokali, ta' numru anqas ta' amministrazzjonijiet lokali u ta' aktar miżuri li jiżguraw lil dawn tal-aħħar aktar indipendenza u anqas spejjeż operattivi; jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jsostnu l-prinċipji tad-demokrazija lokali u tal-awtonomija lokali skont il-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali billi jfornu lill-gvernijiet lokali kompetenzi adegwati u biżżejjed finanzjamenti u billi jiżguraw l-effikaċja tagħhom;

23. Huwa mħasseb bil-livell għoli ta' konċentrazzjoni u politiċizzazzjoni tas-setturi tal-midja u tar-reklamar, li qed iwassal għal livell baxx ta' fiduċja pubblika fil-midja; jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jkomplu r-riforma tas-settur tal-midja partikolarment b'involviment aktar b'saħħtu tas-soċjetà ċivili fil-proċess u jitlob rieżami tal-kodiċi fil-qasam tal-awdjoviżiv u liberalizzazzjoni tas-suq tar-reklamar bi qbil mal-istandards Ewropej marbuta mal-pluraliżmu u mal-libertà tal-midja, kif rakkomandat mill-Kummissjoni u mill-Kummissjoni ta' Venezja, bil-għan li tkun żgurata trasparenza sħiħa tas-sjieda fis-suq tal-midja u tar-reklamar;

24. Huwa tal-fehma li t-tisħiħ tal-pluraliżmu fil-midja u tal-indipendenza tagħha għandu jkun prijorità għall-Unjoni u għar-Repubblika tal-Moldova fl-ambitu tar-relazzjonijiet tagħhom bħala sħab u li dan għandu jkun rifless adegwatament anki fl-allokazzjonijiet finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-appoġġ favur il-midja indipendenti, anki fir-reġjuni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jżommu lura milli japprofittaw mill-pandemija tal-COVID-19 biex jadottaw miżuri li jrażżnu l-libertà tal-kelma u jillimitaw il-kapaċità tal-midja li tirrapporta b'mod indipendenti u imparzjali l-istampa kompluta tal-impatt tal-kriżi tal-coronavirus fuq is-soċjetà; jesprimi tħassib dwar it-tifrix tal-aħbarijiet foloz u tad-diżinformazzjoni fir-Repubblika tal-Moldova matul il-kriżi tal-coronavirus u jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jiġu żviluppati, min-naħa kemm tal-awtoritajiet lokali kif ukoll tal-Unjoni, programmi speċifiċi li jippromwovu l-litteriżmu medjatiku, jiġġieldu kontra d-diżinformazzjoni u jsostnu l-kwalità u l-verifika tal-kontenut medjatiku;

25. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jippromwovu l-libertà u l-indipendenza tal-midja u jiżguraw, anki billi jwettqu awditjar indipendenti, l-effikaċja tal-Kunsill tal-Awdjoviżiv bħala regolatur indipendenti li jiġġieled kontra l-intimidazzjonijiet fil-konfront tal-ġurnalisti, il-politiċizzazzjoni u n-nuqqas ta' trasparenza tal-istituzzjonijiet pubbliċi u ta' regolamentazzjoni, in-nuqqas ta' aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni u għal kontenut medjatiku ta' kwalità kif ukoll jiżgura t-trasparenza tas-sjieda tal-midja;

26. Jissottolinja li l-Unjoni hija l-akbar fornitur ta' għajnuna lir-Repubblika tal-Moldova; josserva bi tħassib kbir il-propaganda kontinwa, il-kampanji ta' diżinformazzjoni u l-messaġġi li jimmalafamaw tal-politiċi fil-poter kontra l-Unjoni, li jagħtu stampa distorta u mhux realistika fuq it-televiżjoni pubblika u fil-midja; jiddispjaċih għall-attakki pubbliċi bħal dawn fuq l-għajnuna u l-immaġni tal-Unjoni peress li jdgħajfu l-implimentazzjoni tal-FA u r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova; jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jtemmu l-kampanji ta' diżinformazzjoni u propaganda kontra l-UE li ċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova b'mod ġenerali huma esposti għalihom u jintensifikaw l-appoġġ fil-ġlieda kontra l-aħbarijiet foloz, il-gwerra ibrida fil-komunikazzjoni, il-kampanji ta' diżinformazzjoni mmirati u d-degradazzjoni tal-programmi tal-midja; jissottolinja li l-involviment politiku fil-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa strutturalment idgħajjef il-libertajiet fundamentali u l-aċċess għall-informazzjoni;

27. Jiddeplora t-tbegħid progressiv mill-perkors Ewropew tal-gvern attwali f'Chișinău, askapitu tal-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-pajjiż u jħeġġeġ lill-partiti politiċi pro-Ewropa kollha jsibu soluzzjonijiet permezz tad-djalogu, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Moldova u biex il-pajjiż jibbenefika bis-sħiħ mill-vantaġġi kollha offruti mill-FA/DCFTA;

28. Jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jagħmlu aktar sforzi sabiex jiżguraw li l-opportunitajiet tal-FA/DCFTA u l-assistenza u l-programmi tal-UE jilħqu l-livell lokali, inkluż fil-partijiet remoti tal-pajjiż, b'mod partikolari fiż-żoni rurali, sabiex l-abitanti jkunu jistgħu jagħmlu pressjoni għal bidliet pożittivi fil-komunitajiet tagħhom, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli għas-sentimenti post-Sovjetiċi u l-manipulazzjoni Russa;

29. Huwa tal-fehma li l-awtoritajiet għandhom jipprovdu informazzjoni trasparenti dwar l-assistenza esterna li beħsiebhom ifittxu u li l-finanzjament mill-Federazzjoni Russa għandu jiġi diskuss b'mod miftuħ fil-Parlament u mal-esperti u s-soċjetà ċivili, inkluż fir-rigward tal-kundizzjonalitajiet ġeostrateġiċi u l-impatt fit-tul fuq l-ekonomija li jirriżulta minn dan it-tip ta' finanzjament; iqis li, fir-rigward tal-kundizzjonalitajiet marbuta mal-assistenza finanzjarja tal-UE, l-awtoritajiet għandhom jipprovdu wkoll l-ispjegazzjonijiet meħtieġa lill-pubbliku; jissottolinja li l-kundizzjonalitajiet tal-UE għandhom jitqiesu bħala opportunitajiet biex jitwettqu r-riformi meħtieġa;

30. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni Russa permezz ta' informazzjoni ta' kwalità bbażata fuq il-fatti u aċċessibbli kif ukoll permezz ta' kampanji pubbliċi li għandhom l-għan li jżidu s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jfittxu kollaborazzjoni aktar fil-fond mal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha sabiex tissaħħaħ l-implimentazzjoni ta' prattiki tajbin u soluzzjonijiet għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, il-propaganda, il-manipulazzjoni u l-influwenza ostili mwettqa minn forzi esterni bil-għan li jifirdu, jiddestabbilizzaw u jdgħajfu l-integrità tal-proċessi politiċi interni u r-relazzjonijiet mal-Unjoni;

31. Jirrikonoxxi l-progress fl-adozzjoni tal-liġi l-ġdida dwar l-organizzazzjonijiet mhux kummerċjali mill-parlament tar-Repubblika tal-Moldova, bħala parti mir-rekwiżiti ta' kundizzjonalità biex tinkiseb l-assistenza makrofinanzjarja tal-UE; jistenna li l-implimentazzjoni rapida u effettiva tagħha se trawwem ir-rispett sħiħ tad-drittijiet u l-libertajiet tas-soċjetà ċivili u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, kif ukoll tal-libertà ta' assoċjazzjoni, u jitlob aktar appoġġ mill-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova fl-iżvilupp tas-soċjetà ċivili; jirrimarka r-rwol ċentrali li għandhom l-NGOs fi kwalunkwe soċjetà demokratika u jesprimi t-tama li l-leġiżlazzjoni l-ġdida ttejjeb it-trasparenza tat-teħid ta' deċiżjonijiet pubbliku u tipprovdi qafas modernizzat għall-funzjonament tas-soċjetà ċivili fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jastjenu minn kwalunkwe pressjoni fuq l-NGOs u atturi ċiviċi oħra; jiddispjaċih għall-fatt li l-uffiċjali politiċi, b'mod ġenerali, juru sfiduċja u ostilità fil-konfront tas-soċjetà ċivili; iħeġġeġ involviment aktar sinifikattiv u attiv tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politiki u l-proċessi ta' implimentazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, li l-NGOs jistgħu jaġixxu bħala għassiesa tagħhom u jżommu lill-istituzzjonijiet rispettivi tal-Istat responsabbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fid-dawl ta' dan, jipprovdu appoġġ politiku, tekniku u finanzjarju lis-soċjetà ċivili u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jistabbilixxu regoli ċari li jgħinu biex jiġi evitat li jingħataw għotjiet lil "GONGOs" (NGOs stabbiliti u ffinanzjati minn gvernijiet permezz ta' mezzi informali);

32. Jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jippromwovu t-trasparenza fit-teħid ta' deċiżjonijiet pubbliku u jiżguraw l-involviment u l-konsultazzjoni xierqa tal-partijiet interessati u tas-soċjetà ċivili fl-istadji kollha, li se jżid ukoll l-iskrutinju pubbliku u l-aċċettabbiltà soċjali tar-riformi mwettqa;

33. Jilqa' l-emendi għal-leġiżlazzjoni elettorali adottati f'Awwissu 2019, u d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Moldova ta' Frar 2020 dwar ir-rekwiżiti territorjali għall-istabbiliment ta' partiti politiċi;

34. Jirrimarka li l-kriżi tal-COVID-19 ħarġet fid-dieher il-fatt li s-sistema tas-saħħa tar-Repubblika tal-Moldova hija sottożviluppata u qed tissielet biex tlaħħaq maż-żieda reċenti fl-għadd ta' każijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-Repubblika tal-Moldova jżidu l-kooperazzjoni dwar ir-reżiljenza għas-saħħa pubblika, jiskambjaw l-aħjar prattiki u jaħdmu mas-soċjetà ċivili, man-negozji u mal-komunitajiet tal-SMEs biex jistabbilixxu strateġiji epidemiċi li jiffukaw fuq l-aktar gruppi vulnerabbli fis-soċjetà; jistieden lill-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova jsaħħaħ is-sistema tal-kura tas-saħħa, itejjeb l-istandards tas-sanità, speċjalment fl-isptarijiet, kif ukoll jipprovdi lill-popolazzjoni tiegħu l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-pandemija b'mod trasparenti u inklużiv;

Kooperazzjoni fil-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) u progress dwar ir-riżoluzzjoni tal-kunflitt tat-Transnistrija

35. Jilqa' l-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova fil-missjonijiet u fl-operazzjonijiet tal-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) u fl-investigazzjonijiet dwar iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberkriminalità kif ukoll il-kooperazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova man-NATO u l-allinjament tagħha mad-Dikjarazzjonijiet tal-PESK tal-UE; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jinkludu lir-Repubblika tal-Moldova f'formati ġodda ta' kooperazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà, it-theddid ibridu u l-investigazzjonijiet dwar iċ-ċiberkriminalità;

36. Jirrikonoxxi l-importanza tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri għall-Moldova u l-Ukrajna (EUBAM) fl-armonizzazzjoni tal-ġestjoni tal-fruntieri u tar-reġim doganali ma' dik tal-Unjoni, anke fir-rigward tas-soluzzjoni tal-kwistjoni tat-Transnistrija;

37. Jirrikonoxxi l-esperjenza u l-għarfien espert uniċi tar-Repubblika tal-Moldova u l-kontribut li tista' tagħti lill-politika ta' sigurtà u ta' difiża kollettiva tal-Unjoni u jħeġġeġ kooperazzjoni aktar profonda fil-politiki ta' difiża relatati mal-UE, inkluża l-parteċipazzjoni fil-PESCO ladarba tiġi ċċarata l-kwistjoni tal-involviment ta' pajjiżi terzi;

38. Itenni l-appoġġ tal-UE għas-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova u għall-isforzi fil-qafas tal-proċess ta' negozjati 5+2 biex tinstab soluzzjoni politika paċifika, dejjiema, komprensiva u politika għall-kunflitt tat-Transnistrija, ibbażata fuq ir-rispett tas-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti fuq livell internazzjonali, bi status speċjali għat-Transnistrija, li tkun tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem anke fit-territorji li bħalissa mhumiex ikkontrollati mill-awtoritajiet kostituzzjonali; ifakkar li, fit-22 ta' Ġunju 2018, l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat riżoluzzjoni li tħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa tirtira t-truppi u l-armamenti tagħha mingħajr kundizzjonijiet mit-territorju tar-Repubblika tal-Moldova u li terġa' tafferma l-appoġġ għall-implimentazzjoni immedjata ta' dik ir-riżoluzzjoni;

39. Iħeġġeġ lill-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova jkompli jippromwovi ambjent favorevoli għas-soluzzjoni tal-kunflitti u jappoġġja attivitajiet li jżidu l-fiduċja u l-kuntatti interpersonali fil-komunitajiet mifrudin minħabba kunflitti;

40. Jirrikonoxxi ż-żieda fl-interdipendenza tas-sigurtà bejn ir-Repubblika tal-Moldova u r-reġjun tagħha tat-Transnistrija u l-istabbiltà tat-tnejn li huma bħala l-fattur ewlieni għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-isfidi tas-sigurtà bħat-theddid ibridu, iċ-ċiberattakki, l-indħil ċibernetiku elettorali, il-kampanji ta' diżinformazzjoni u ta' propaganda, u l-indħil minn partijiet terzi fil-proċessi politiċi, elettorali u demokratiċi oħra;

41. Jilqa' l-isforzi tal-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova biex jestendi l-benefiċċji tad-DCFTA u s-sistema ta' vjaġġar mingħajr viża għar-reġjun tat-Transnistrija, li ppermetta tkabbir sinifikanti fil-mobilità u l-kummerċ mar-reġjun kif ukoll l-attivitajiet kollha li jtejbu l-kollaborazzjoni ekonomika u jżidu l-livell ta' skambji ta' prodotti u servizzi bejn ir-Repubblika tal-Moldova u t-Transnistrija;

42. Iqis li, billi tiggarantixxi aċċess eżenti minn tariffi għas-swieq tal-UE għal negozji tat-Transnistrija rreġistrati fix-xatt tal-Punent ta' Dniester u sottomessi għal kontrolli doganali minn uffiċjali tar-Repubblika tal-Moldova, id-DCFTA rriżultat f'evoluzzjoni enormi fid-direzzjoni tal-kummerċ mill-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika lejn l-Unjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jagħmlu aktar passi lejn il-kummerċ u l-impenn mas-swieq tal-UE sabiex itejbu l-aċċess għas-suq, it-trasparenza, il-prattiki kummerċjali tajbin u jnaqqsu l-kapaċità għall-manipulazzjoni tas-suq u l-monopolizzazzjoni mill-oligarki;

43. Jissottolinja li kull soluzzjoni għall-kwistjoni tat-Transnistrija trid tirrispetta d-dritt sovran tar-Repubblika tal-Moldova li tagħżel l-orjentament tagħha fil-qasam tad-difiża u tal-politika estera;

44. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jikkunsidraw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-pakkett ta' liġijiet rigward l-oqsma tal-prevenzjoni tal-kunflitti u l-ġestjoni tal-kriżijiet li kienu parti min-NAPIAA għall-perjodu 2017-2019;

Stat tad-dritt u governanza tajba

45. Jinsab imħasseb dwar il-progress b'ritmu baxx tar-riformi dwar l-istat tad-dritt u l-istituzzjonijiet demokratiċi; iħeġġeġ lill-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova jlesti r-riformi ġudizzjarji mingħajr dewmien, sabiex jiġu żgurati l-indipendenza, l-imparzjalità u l-effikaċja tal-ġudikatura u tal-istituzzjonijiet speċjalizzati kontra l-korruzzjoni; huwa u jagħmel dan, jistieden lill-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova jiżgura proċess trasparenti ta' abbozzar tal-emendi għall-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Moldova dwar il-Kunsill Suprem tal-Maġistratura, u tal-adozzjoni sussegwenti tagħhom, billi juża preċedenti internazzjonali u prattiki tajba, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja u f'konsultazzjoni mal-esperti tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-UE, is-soċjetà ċivili, u atturi interessati oħra; jiddispjaċih li l-emendi rigward il-ħatra tal-membri tal-Kunsill Suprem tal-Maġistratura ġew adottati bl-għaġla mill-Parlament; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi garantita l-indipendenza tal-Kunsill Suprem tal-Maġistratura u jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jiżguraw għażla u promozzjoni meritokratiċi tal-imħallfin;

46. Jistieden lill-awtoritajiet ikomplu il-konsultazzjonijiet effikaċi sabiex jadottaw kunċett u pjan ta' azzjoni għar-riforma tal-ġustizzja abbażi ta' dijanjosi komprensiva, filwaqt li jiżguraw kunsens wiesa' mill-partijiet ikkonċernati u f'konformità stretta mal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Moldova u l-istandards Ewropej;

47. Jinsab imħasseb dwar il-livell baxx ta' fiduċja fl-integrità u l-effikaċja tal-ġudikatura u dwar is-suxxettibbiltà tal-fergħa ġudizzjarja għal pressjoni politika li xxekkel l-indipendenza tagħha; jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jiżguraw trasparenza fil-proċessi tal-ħatriet tal-ġudikatura u li l-Prosekutur Ġenerali, il-persunal tiegħu u l-prosekuturi pubbliċi b'mod ġenerali jaħdmu indipendentement u jirrispettaw l-ogħla standards ta' professjonalità u integrità;

48. jirrimarka, f'dan ir-rigward, li nuqqas ta' riżorsi u nuqqas ta' għarfien dwar il-governanza tajba, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem qed jinfirxu u qed jaffettwaw ħażin il-funzjonament effikaċi tal-amministrazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova u jistieden lill-Kummissjoni żżid il-finanzjament permezz tal-appoġġ baġitarju disponibbli u l-istrumenti ta' assistenza teknika, immirati lejn it-tisħiħ tal-kapaċità u l-effiċjenza tal-awtoritajiet tal-ġustizzja u tal-infurzar tal-liġi, filwaqt li tqis il-progress fl-implimentazzjoni tar-riformi;

49. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jsaħħu l-indipendenza kompluta tal-Qorti Kostituzzjonali u jiżguraw li din ma tkun soġġetta għall-ebda forma ta' ndħil politiku; jirrifjuta bil-qawwa kwalunkwe tentattiv ta' intimidazzjoni jew pressjoni fuq l-imħallfin tal-Qorti Kostituzzjonali u jikkundanna l-pressjoni enormi, ir-rikatt u l-vessazzjonijiet li l-imħallfin tal-Qorti għaddew minnhom qabel ma taw id-deċiżjoni dwar is-self Russu; jiddispjaċih ħafna dwar it-tentattivi ta' politiċizzazzjoni tal-Qorti Kostituzzjonali u l-inattività tal-prosekuturi u taċ-ċentru kontra l-korruzzjoni fid-difiża tal-indipendenza tal-Qorti Kostituzzjonali;

50. Jinsab imħasseb dwar it-tendenza persistenti fit-tul ta' nuqqas ta' progress f'dik li hikorruzzjoni fir-Repubblika tal-Moldova, u għalhekk iħeġġeġ lill-Gvern iqawwi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-manipulazzjoni tal-Istat, kif ukoll kontra l-ħasil tal-flus, il-kuntrabandu u l-kriminalità organizzata, inkluż it-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova jadotta miżuri konkreti biex isaħħaħ l-indipendenza, l-integrità u l-effikaċja tal-Uffiċċju taċ-Ċentru Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni u tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Kontra l-Korruzzjoni, kif ukoll biex jiżgura d-depolitiċizzazzjoni tal-istituzzjonijiet pubbliċi kontra l-korruzzjoni u tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi; jindika l-ħtieġa għal sforzi sostnuti u konsistenti għall-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni tal-korruzzjoni ta' livell għoli u l-kriminalità organizzata; huwa tal-fehma li dan huwa l-uniku mod biex terġa' tiġi stabbilita l-fiduċja taċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova u tiġi żgurata l-adozzjoni ta' riformi dejjiema fir-Repubblika tal-Moldova; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi ħafna aktar appoġġ konsistenti lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jimmonitorjaw il-frodi u l-attivitajiet ta' ħasil tal-flus;

51. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet iżidu l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u jżarmaw l-iskemi kriminali;

52. Jilqa' l-adozzjoni, fil-21 ta' Mejju 2020, tal-liġi dwar is-sanzjonijiet kontra l-ħasil tal-flus u jitlob li jiġu elaborati malajr linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida, kif ukoll li jsir taħriġ speċjalizzat għall-awtoritajiet ikkonċernati; jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha jżommu sforzi konsistenti fil-ġlieda kontra l-kuntrabandu, il-ħasil tal-flus, iż-żarmar tax-xbieki kriminali u t-tnaqqis tal-influwenza tal-oligarki; jappella għal kooperazzjoni msaħħa mal-Europol, l-Interpol, u organizzazzjonijiet doganali bħad-WCO u n-Networks Kontra l-Korruzzjoni tal-OECD;

53. Jinnota bi tħassib il-konklużjonijiet tar-Rapport ta' Implimentazzjoni tal-Assoċjazzjoni tal-2019 tal-Kummissjoni u tas-SEAE dwar ir-Repubblika tal-Moldova skont liema l-istabbiliment ta' strumenti u korpi li għandhom l-għan li jimpedixxu l-frodi u l-ħasil tal-flus ħa l-ħin; jistenna li l-Gvern il-ġdid jibni fuq il-passi reċenti li ħa l-gvern preċedenti fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kxif ta' skemi kriminali u ta' ħasil tal-flus;

54. Jinnota l-azzjoni li ttieħdet sabiex titkompla l-prosekuzzjoni tal-frodi bankarja enormi, esposta fl-2014, u każijiet oħra ta' ħasil tal-flus; itenni, madankollu, it-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas persistenti li ssir prosekuzzjoni trasparenti ta' dawk kollha responsabbli għall-frodi bankarja esposta fl-2014, kif ukoll tal-irkupru bil-mod tal-assi misruqa; itenni t-tħassib tiegħu li s'issa għadu ma sar l-ebda rkupru sostanzjali tal-assi u jisħaq li jeħtieġ li jittieħdu passi ulterjuri f'din id-direzzjoni; jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jħaffu l-proċess ta' prosekuzzjoni, iressqu lil dawk kollha responsabbli quddiem il-ġustizzja mingħajr aktar dewmien u jirkupraw fondi indebitament approprjati; jistieden lill-Istati Membri joffru lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova appoġġ sostanzjali fl-investigazzjoni tal-każ jekk jitolbu dan;

55. Jilqa' l-adozzjoni, fit-18 ta' Ġunju 2020, tal-liġi l-ġdida biex jiġi abolit il-Programm taċ-Ċittadinanza b'Investiment mill-1 ta' Settembru 2020, fi tmiem il-moratorju eżistenti; huwa tal-fehma li dan huwa pass essenzjali sabiex jitnaqqsu r-riskji ta' korruzzjoni, evażjoni tat-taxxa u ħasil tal-flus fir-Repubblika tal-Moldova; jinnota li sakemm jiġi kkanċellat il-programm, huma biss l-applikazzjonijiet eżistenti li se jkomplu jiġu pproċessati u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja bir-reqqa kif se jsir dan;

56. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jżidu t-trasparenza fil-finanzjament tal-partiti politiċi, u jinvestigaw l-irregolaritajiet kollha b'mod ġust u mingħajr preġudizzji; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi miġġielda l-korruzzjoni fil-klassi politika tar-Repubblika tal-Moldova; jinsab ferm imħasseb dwar l-allegazzjonijiet reċenti skont liema xi Membri tal-Parlament inxtraw sabiex jibdlu l-affiljazzjoni politika tagħhom, kif ukoll l-allegazzjonijiet ta' ħtif, intimidazzjoni u pressjoni fuq ir-rappreżentanti eletti; jirrimarka li dawn l-allegazzjonijiet iridu jiġu investigati u li tali mġiba hija inkompatibbli mal-valuri li huma fil-qalba tal-FA mar-Repubblika tal-Moldova; jiġbed l-attenzjoni wkoll għar-responsabbiltà tal-partiti politiċi li jiġġieldu l-korruzzjoni fi ħdanhom stess; barra minn hekk, jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li l-ebda fond ta' fondazzjonijiet tal-karità ma jintuża fil-kampanja elettorali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jipprojbixxu l-użu tal-fondi amministrattivi favur il-klassi politika fil-poter matul il-kampanja elettorali;

Drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali

57. Jirrikonoxxi t-titjib tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, notevolment bħala riżultat tal-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għall-perjodu 2018-2022; jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jżidu b'mod sinifikanti l-isforzi u jadottaw miżuri ta' implimentazzjoni u leġiżlazzjoni sekondarja sabiex jiddefendu dawk id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, inkluż b'mod partikolari għall-minoranzi u l-gruppi vulnerabbli, bħan-nisa u t-tfal trattati ħażin mit-traffikanti tal-bnedmin, il-minoranzi lingwistiċi, il-persuni b'diżabilità, ir-Rom u l-persuni LGBT+, u b'hekk jirrikonoxxu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem bħala kriterju kritiku u kundizzjoni essenzjali għal soċjetà demokratika; jinsab imħasseb li problemi sinifikanti tad-drittijiet tal-bniedem għadhom mhux solvuti u mhux ikkastigati, bħal pressjonijiet, prosekuzzjonijiet u detenzjonijiet politikament motivati, torturi, detenzjonijiet arbitrarji, kundizzjonijiet ħorox u ta' periklu għall-ħajja fil-ħabsijiet, interferenzi arbitrarji jew illegali fil-privatezza, u l-użu ta' tħaddim furzat jew obbligatorju tat-tfal;

58. Jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni taċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova maqbuda fl-Istati Membri tal-UE minħabba l-kriżi tal-COVID-19 mingħajr protezzjoni soċjali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, fil-kuntest tal-COVID-19, jiżguraw it-trattament ugwali bejn il-ħaddiema staġjonali minn pajjiżi terzi u l-ħaddiema staġjonali li huma ċittadini tal-UE, kif iddikjarat fid-Direttiva 2014/36/UE, filwaqt li jfakkar li dawn il-ħaddiema għandhom l-istess drittijiet tax-xogħol u drittijiet soċjali bħaċ-ċittadini tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw akkomodazzjoni ta' kwalità għall-ħaddiema transfruntiera u staġjonali, li għandha tkun separata mir-remunerazzjoni tagħhom, u jiżguraw faċilitajiet dinjitużi, privatezza tal-inkwilin u kuntratti ta' kera bil-miktub infurzati minn spettorati tax-xogħol, u jistabbilixxu standards f'dan ir-rigward;

59. Jinnota bi tħassib l-implimentazzjoni limitata tal-impenji li jirriżultaw mill-ftehim ta' assoċjazzjoni fl-isfera soċjali, speċjalment fl-oqsma tal-ispezzjoni tax-xogħol, il-miżuri kontra d-diskriminazzjoni, u d-djalogu soċjali; jinsab imħasseb li l-progress fl-indirizzar tal-vulnerabbiltajiet makrofinanzjarji għadu insuffiċjenti biex jagħti spinta sinifikanti lill-istandards tal-ħajja u issa jinsab mhedded mill-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19; jinsisti fuq l-involviment obbligatorju tat-trade unions, kif ukoll tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fl-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni;

60. Jissottolinja li l-Unjoni jeħtiġilha żżomm lir-Repubblika tal-Moldova responsabbli għall-impenji tagħha fir-rigward tad-dimensjoni soċjali tal-FA; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi rapport ta' progress annwali dettaljat dwar l-implimentazzjoni ta' kwistjonijiet soċjali u relatati max-xogħol tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni li mhux biss janalizza t-traspożizzjoni tad-direttivi u n-normi rilevanti tal-Unjoni, iżda anke l-implimentazzjoni reali tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tħaddan proposti ta' esperti tax-xogħol biex jiġi introdott mekkaniżmu li jissanzjona l-ksur tal-istandards miftiehma; jissuġġerixxi li jintuża l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja bħala effett ta' lieva jew kundizzjonalità biex ir-Repubblika tal-Moldova tkun imġiegħla ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-forza tax-xogħol tagħha;

61. Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun tat-Transnistrija, speċjalment fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19;

62. Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-oqsma traskurati tal-FA, li jinkludu oqsma ta' politika importanti bħall-ġeneru, il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-prevenzjoni tal-kriżijiet tas-saħħa;

63. Jissottolinja li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija prekundizzjoni ewlenija għal żvilupp sostenibbli u inklużiv; iħeġġeġ lill-Gvern u lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jimplimentaw miżuri u jkomplu jtejbu r-rappreżentanza tan-nisa u t-trattament ugwali fil-livelli kollha tal-ħajja politika u tas-soċjetà; jitlob lill-Kummissjoni tintegra l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki, il-programmi u l-attivitajiet kollha tagħha fir-rigward tar-Repubblika tal-Moldova u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jippromwovu programmi li jinkludu dimensjoni konsistenti tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, joffru aktar appoġġ lill-gruppi l-aktar żvantaġġati u vulnerabbli fis-soċjetà, jimplimentaw leġiżlazzjoni għall-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda u l-vjolenza fiżika fuq il-gruppi l-aktar vulnerabbli;

64. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul, li r-Repubblika tal-Moldova ffirmat fis-6 ta' Frar 2017, iżda li qed iddum biex tiġi rratifikata minkejja li ssemmiet bħala objettiv espliċitu tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem 2018-2022 u tal-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika 2018-2023; ifakkar li l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet hija mifruxa fir-Repubblika tal-Moldova u żewġ nisa minn kull ħamsa għandhom xogħfa ta' vjolenza fiżika u/jew sesswali minn sieħeb jew mhux minn sieħeb sa mill-età ta' 15-il sena;

65. Jappella għal aktar passi fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u għal żieda sostanzjali fil-kwalità tas-servizzi pprovduti lill-vittmi kif ukoll għal aktar protezzjoni, assistenza u appoġġ għall-vittmi tal-kriminalità, speċjalment it-tfal, matul l-investigazzjonijiet u wara l-proċessi ġudizzjarji; barra minn hekk, jappella għal aktar appoġġ matul ir-reintegrazzjoni soċjali tal-vittmi; jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-aġenziji tal-infurzar tar-Repubblika tal-Moldova u l-Istati Membri, sabiex titnaqqas il-kriminalità transfruntiera, b'mod partikolari t-traffikar tal-bnedmin u t-traffikar tad-drogi illeċiti;

66. Jistieden lill-awtoritajiet jiggarantixxu d-dritt ta' proċess ġust u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-faċilitajiet korrettivi u ta' detenzjoni, inkluż billi jindirizzaw il-provvisti inadegwati tal-kura tas-saħħa; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jiġi pprovdut ambjent sikur għall-ħabsin; jitlob, barra minn dan, miżuri biex tiġi evitata ġustizzja selettiva u politikament motivata;

67. Itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova biex jiżguraw li kull talba għall-estradizzjoni li toriġina minn pajjiż terz tiġi pproċessata b'mod trasparenti filwaqt li jiġu segwiti l-proċeduri ġudizzjarji b'konformità sħiħa mal-prinċipji u mal-istandards Ewropej;

68. Jappella għal miżuri aktar konkreti biex jittejbu l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni u biex tiġi eliminata d-detenzjoni ta' persuni b'diżabilità fi sptarijiet psikjatriċi kontra r-rieda tagħhom; jitlob l-eliminazzjoni sħiħa tat-tortura u t-trattament ħażin fil-ħabsijiet bħala metodu ta' pressjoni fuq avversarji politiċi inkarċerati jew detenuti;

69. Jirrikonoxxi l-miżuri meħuda fil-livell nazzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-tortura, iżda jissottolinja li r-Repubblika tal-Moldova għadha qed tiġi kkundannata ta' spiss fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għat-tortura u t-trattament ħażin; iħeġġeġ għaldaqstant il-ħolqien ta' aġenzija kompletament indipendenti speċifikament għall-investigazzjoni ta' allegazzjonijiet ta' tortura u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-pulizija u minn uffiċjali oħra inkarigati mill-infurzar tal-liġi;

70. Jinsab imħasseb dwar il-preżenza kontinwa fid-dibattitu pubbliku ta' każijiet ta' diskors ta' mibegħda, inkluż minn politiċi kif ukoll minn mexxejja reliġjużi u komunitarji; jissottolinja f'dan ir-rigward li ġew immirati b'mod partikolari n-nisa u l-persuni LGBTI+; jistieden lill-uffiċjali pubbliċi jastjenu milli jinvolvu ruħhom f'diskors ta' mibegħda u jesprimu ruħhom pubblikament kontra d-diskors ta' mibegħda kull meta jokkorri u jistieden lill-awtoritajiet jirfinaw il-qafas ġuridiku u istituzzjonali għall-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda sabiex jiġi miġġieled il-fenomenu bil-mekkaniżmi disponibbli kollha;

71. Ifakkar li fil-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova diġà ġie introdott abbozz ta' liġi li jistabbilixxi leġiżlazzjoni tat-tip Magnitsky; iħeġġeġ lill-korp leġiżlattiv jimxi 'l quddiem bl-eżami tal-liġi li, jekk tiġi adottata, tkun tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus;

Kummerċ u kooperazzjoni ekonomika

72. Huwa tal-fehma li l-assistenza tal-UE lir-Repubblika tal-Moldova għandha tkompli tagħti prijorità lit-titjib tal-istandards tal-ħajja taċ-ċittadini, billi timmira lejn oqsma bħall-aġevolazzjoni tal-iżvilupp tal-SMEs, l-għajnuna liż-żgħażagħ, kif ukoll ir-riforma ġenerali tas-setturi tal-edukazzjoni u tas-saħħa;

73. Jilqa' l-inizjattivi intraprenditorjali li għandhom l-għan li jiżviluppaw is-sitwazzjoni tan-negozji ġodda tar-Repubblika tal-Moldova; jirrikonoxxi, madankollu, li huma bżonn ta' aktar riformi fis-settur pubbliku u assistenza finanzjarja sabiex jinħolqu opportunitajiet ta' impjieg addizzjonali li jħajru liż-żgħażagħ u lill-ħaddiema ta' sengħa jirritornaw lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom;

74. Jistieden lill-Kummissjoni tikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi li jkollhom quddiemhom iż-żgħażagħ fir-Repubblika tal-Moldova billi tinvesti fi programmi li jiffavorixxu liż-żgħażagħ u l-intraprenditorija soċjali u ssaħħaħ ir-rabta bejn ir-riforma tas-sistema edukattiva u d-domandi tas-suq tax-xogħol; jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir investiment fi programmi mmirati lejn iż-żgħażagħ li ġejjin minn żoni rurali, peress li din il-kategorija hija waħda mill-aktar vulnerabbli u nieqsa minn opportunitajiet soċjoekonomiċi, meta mqabbla ma' żgħażagħ minn żoni urbani;

75. Jirrikonoxxi li l-"fenomenu ta' eżodu ta' mħuħ", li spiss huwa kkawżat minn sfiduċja fil-ġudikatura, min-nepotiżmu u min-nuqqas ta' riformi xierqa fil-pajjiż, jirrappreżenta theddida serja għall-futur tar-Repubblika tal-Moldova u jinsab imħasseb dwar l-emigrazzjoni fuq skala kbira taċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova, li taċċentwa x-xejriet demografiċi negattivi; iħeġġeġ lill-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova jimplimenta miżuri ulterjuri biex jimpedixxi u jiġġieled dan il-fenomenu, b'mod partikolari billi joħloq opportunitajiet u jtejjeb il-kundizzjonijiet u l-pagi għall-ħaddiema żgħażagħ f'pajjiżhom, sabiex ikunu jistgħu jirritornaw lura pajjiżhom wara li jkunu studjaw jew tħarrġu barra minn pajjiżhom, u billi jappoġġjaw l-intraprenditorija taż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni tiffoka fuq din il-kwistjoni fil-programmi tagħha;

76. Jilqa' d-diversifikazzjoni tal-ekonomija tar-Repubblika tal-Moldova u ż-żieda sinifikanti fil-kummerċ bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Unjoni, kif ukoll il-fatt li l-Unjoni hija l-akbar investitur fil-pajjiż; jilqa' l-fatt li, fl-2018, l-Unjoni kienet tirrappreżenta 70 % tal-esportazzjonijiet totali tar-Repubblika tal-Moldova u 56 % tal-kummerċ totali tagħha; iħeġġeġ aktar progress f'oqsma bħall-kodiċi doganali, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fosthom l-indikazzjonijiet ġeografiċi, it-titjib fl-istandards sanitarji u fitosanitarji, it-titjib fil-kundizzjonijiet tas-suq fil-qasam tal-enerġija, l-akkwist pubbliku, u l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs;

77. Iħeġġeġ l-implimentazzjoni sħiħa tad-DCFTA sabiex tkompli tiżdied ir-relazzjoni kummerċjali u ta' investiment bilaterali bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova, inkluż billi jitneħħew l-ostakli mhux tariffarji għall-kummerċ, jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-suq uniku u jsir progress fir-rigward tal-integrazzjoni fih; ifakkar li d-DCFTA mar-Repubblika tal-Moldova trid tirrispetta r-regoli stabbiliti fil-kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli, f'konformità mal-impenji internazzjonali, b'mod partikolari l-Ftehim ta' Pariġi, u r-regoli tad-WTO;

78. Ifaħħar l-adozzjoni min-naħa tal-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova tal-approċċ Ewropew LEADER bħala l-bażi għall-politika rurali nazzjonali tagħha; iħeġġeġ, madankollu, lir-Repubblika tal-Moldova, inkluż permezz ta' miżuri dedikati fl-Istrateġija Nazzjonali li jmiss għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, tagħmel tisfrutta b'mod sħiħ l-opportunitajiet ta' esportazzjoni preferenzjali fl-Unjoni permezz ta' kultivazzjoni aktar effiċjenti u sostenibbli tar-raba', kif ukoll aċċess u użu aktar demokratiċi tal-art, biex b'hekk jiġu ġġenerati prodotti agrikoli li jamplifikaw il-vantaġġi agrikoli relattivi tar-Repubblika tal-Moldova;

79. Jilqa' l-approssimazzjoni regolatorja mal-acquis tal-UE, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi lill-istituzzjonijiet u lill-amministrazzjoni pubblika tar-Repubblika tal-Moldova għajnuna teknika u finanzjarja għal dan l-isforz u għall-implimentazzjoni sussegwenti; jisħaq li tali għajnuna għandha tintuża biex jiżdied l-għarfien dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jagħmlu progress aktar rapidu fl-approssimazzjoni għall-FA/DCFTA, inkluż dwar l-istandards tas-saħħa tal-annimali u s-sikurezza tal-ikel;

80. Jilqa' l-Istrateġija Nazzjonali "Digital Moldova 2020", iżda jitlob lill-Kummissjoni tappoġġja u tassisti programmi u riformi li jikkonċernaw il-litteriżmu medjatiku u fl-informazzjoni biex jirriflettu l-era diġitali attwali, kif ukoll ittejjeb il-kooperazzjoni settorjali fl-ekonomija diġitali; jistieden lir-Repubblika tal-Moldova tibni ekonomija tas-suq diġitali affidabbli, issaħħaħ il-ħtieġa għal progress f'data miftuħa, tespandi l-aċċessibbiltà għas-sistemi diġitali u żżid l-aċċess għaċ-ċittadini f'servizzi elettroniċi u soluzzjonijiet ta' komunikazzjoni differenti;

81. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-investiment f'setturi b'potenzjal għall-iżvilupp, it-tkabbir u l-kompetittività fl-UE, b'mod partikolari fit-tliet setturi ta' sinifikat strateġiku (jiġifieri l-enerġija u l-klima sostenibbli, is-suq uniku diġitali u ċ-ċibersigurtà, u t-trasport);

82. Jistieden lill-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova jiffoka wkoll fuq id-dimensjoni soċjali tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli billi jirrispetta u jsaħħaħ l-istandards tax-xogħol, jirratifika u jimplimenta bis-sħiħ il-konvenzjonijiet kollha tal-ILO, u jelimina n-nuqqasijiet li fadal fis-sistema tal-ispezzjoni tax-xogħol kif ukoll billi jindirizza l-limitazzjonijiet u n-nuqqasijiet tas-sistema tal-ispezzjoni tax-xogħol u l-problemi tas-sistema ġudizzjarja, li għandhom impatt negattiv fuq l-infurzar tal-istandards tax-xogħol;

83. Jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jadottaw u jimplimentaw politiki mmirati biex jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-entitajiet minn ġurisdizzjonijiet li ma jimplimentawx standards internazzjonali ta' trasparenza (ġurisdizzjonijiet offshore) jew tan-negozji li huma kkontrollati direttament jew indirettament minn tali kumpaniji mill-kummerċ ma' awtoritajiet pubbliċi (akkwist pubbliku, privatizzazzjoni, konċessjoni, u sħubija pubblika-privata);

84. Jistieden lill-UE tikkunsidra l-possibbiltà li l-pajjiżi li għandhom FA/DCFTA mal-UE jaderixxu maż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA), billi dan ikun ta' benefiċċju għaċ-ċittadini u joffri opportunitajiet ġodda għall-SMEs biex jiżviluppaw;

Enerġija, ambjent u tibdil fil-klima

85. Jistieden lill-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova jkompli jirriforma s-settur tal-enerġija sabiex iżid ir-reżiljenza, it-trasparenza fl-ispejjeż u l-kuntratti fis-settur, u jtejjeb l-indipendenza u l-effiċjenza enerġetika, b'mod partikolari billi jżid l-interkonnessjonijiet tal-enerġija mal-Unjoni, jiddiversifika s-sorsi tal-enerġija, fosthom l-enerġija rinnovabbli, u jnaqqas id-dipendenza mill-fjuwils fossili; jisħaq li dawn l-aspetti kollha huma ta' importanza kbira għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija tal-pajjiż;

86. Jilqa' l-azzjonijiet għat-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u l-indipendenza tar-regolatur tal-enerġija u jinkoraġġixxi l-azzjonijiet meħtieġa u urġenti li għandhom jittieħdu għall-implimentazzjoni tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija, b'mod partikolari fil-qasam tal-gass naturali, u biex tiġi żgurata konformità sħiħa mal-acquis tal-Komunità tal-Enerġija; b'mod partikolari, jistieden lill-Aġenzija Nazzjonali għar-Regolamenti dwar l-Enerġija tar-Repubblika tal-Moldova tapprova r-regoli tas-suq tal-enerġija bbażati fuq kompetizzjoni ġusta u tiżgura l-konformità mill-parteċipanti kollha tas-suq, inklużi l-operaturi Statali tas-suq;

87. Jisħaq fuq l-importanza li tiżdied il-kooperazzjoni infrastrutturali fir-reġjun, anke bil-ħsieb li jiġu diversifikati l-provvisti tal-enerġija tar-Repubblika tal-Moldova, u li tittejjeb il-konnettività tas-settur tal-enerġija tar-Repubblika tal-Moldova filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà ambjentali;

88. Jissottolinja l-importanza tad-diversifikazzjoni tas-sistema tal-elettriku tar-Repubblika tal-Moldova; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jiżguraw l-implimentazzjoni f'waqtha tal-proġett għall-interkonnessjoni tas-sistemi tal-elettriku tar-Repubblika tal-Moldova u r-Rumanija billi jipprovdu l-appoġġ u r-riżorsi meħtieġa;

89. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jkomplu bl-isforzi tagħhom biex isaħħu s-sigurtà tal-enerġija tal-pajjiż u jfaħħar il-finalizzazzjoni tal-gassdott Ungheni – Chișinău sa tmiem l-2020; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tinkludi lir-Repubblika tal-Moldova fit-testijiet tal-istress imwettqa għas-suq intern tal-enerġija;

90. Ifaħħar l-arranġamenti maqbula bejn ir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna u r-Rumanija f'Diċembru 2019 biex jiġu permessi trasferimenti tal-gass lejn l-Ukrajna u r-Repubblika tal-Moldova permezz tal-gassdott Trans-Balkaniku, u l-Pjan ta' Azzjoni ta' Frar 2020 biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni Moldovatransgaz;

91. Jilqa' l-passi meħuda biex is-sistema tal-elettriku tar-Repubblika tal-Moldova tiġi interkonnessa b'mod asinkroniku mal-UE permezz tar-Rumanija, peress li dan huwa pass importanti sinifikanti fit-triq lejn it-tisħiħ u d-diversifikazzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija tar-Repubblika tal-Moldova; Jistieden lill-awtoritajiet kollha jissodisfaw l-objettiv li r-Repubblika tal-Moldova tingħaqad mal-grilja enerġetika tar-Rumanija sal-2024, bl-appoġġ tal-UE;

92. Jilqa' l-pakkett ta' Frar 2019 dwar il-klima u l-ambjent tar-Repubblika tal-Moldova u r-rispons nazzjonali tagħha, li għamilha r-raba' pajjiż fid-dinja li ressaq il-Kontribut Stabbilit fil-Livell Nazzjonali (NDC2) aġġornat tiegħu lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li jinkludi fih ambizzjoni akbar biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra; jappella għal aktar sforzi fir-rigward tal-impenji nazzjonali relatati mal-Ftehim ta' Pariġi tal-2015 għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima fl-oqsma kollha tat-tfassil tal-politika;

93. Jistieden lir-Repubblika tal-Moldova tkompli ssaħħaħ l-impenn tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, b'mod partikolari l-ġestjoni tal-iskart, u l-ġestjoni tal-ilma mix-xmara Dniester, u jistieden ukoll lill-Kummissjoni tiffaċilita l-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u tiżgura li d-DCFTA ma tikkontradix l-objettivi u l-inizjattivi ambjentali stabbiliti fih;

94. Jirrikonoxxi l-importanza ta' aktar modernizzazzjoni tas-sistema edukattiva fir-Repubblika tal-Moldova, kif ukoll ir-rwol dejjem jikber taż-żgħażagħ fis-setturi kollha tal-ħajja, u jistieden lill-UE toffri aktar appoġġ, speċjalment fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV), sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu promossi opportunitajiet fil-volontarjat u l-involviment ċiviku għaż-żgħażagħ u li jsir aktar investiment fiż-żgħażagħ billi jiġi estiż il-finanzjament għar-rappreżentanti tal-Moldova u tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi ta' mobilità eżistenti, bħal Erasmus+, Ewropa Kreattiva u Orizzont 2020;

95. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq konsultazzjoni, tħejji u toħloq programmi mfassla apposta għaċ-ċittadini inkluż kuntatt dirett mal-benefiċjarji permezz tal-pjattaforma online għall-applikazzjoni u r-rappurtar tal-użu tal-fondi magħmula disponibbli minn dawk il-programmi; jitlob, f'dan ir-rigward, li jiġu kkunsidrati l-iskopijiet tal-Patt Ekoloġiku, kif ukoll il-ħtiġijiet ta' kuljum taċ-ċittadini fir-Repubblika tal-Moldova;

Dispożizzjonijiet istituzzjonali

96. Jisħaq li mingħajr id-determinazzjoni sinċiera tal-klassi politika favur ir-riforma tal-pajjiż u l-implimentazzjoni ġenwina tal-FA mal-Unjoni, ma seta' jintlaħaq l-ebda żvilupp reali u dejjiemi; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-atturi politiċi u lill-forzi politiċi kollha fil-pajjiż jikkontribwixxu u jniedu formati multipartitiċi u kollaborazzjoni b'rieda tajba dwar l-għanijiet strateġiċi tar-Repubblika tal-Moldova u b'hekk jikkontribwixxu għall-kwalità tad-demokrazija u għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja tan-nies; iħeġġeġ, fid-dawl ta' dan, lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jagħmlu użu mid-Djalogu Jean Monnet biex jappoġġjaw id-djalogu bejn il-partiti u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet parlamentari;

97. Jitlob lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova, jikkomunikaw aħjar il-vantaġġi tal-FA/DCFTA u tal-assistenza tal-UE liċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova;

98. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika tal-Moldova, issaħħaħ il-monitoraġġ u tqawwi t-tim tal-proġett f'Chișinău, biex tgħin lir-Repubblika tal-Moldova tikkomunika b'mod effettiv l-approssimazzjoni tagħha mad-dritt tal-UE, tiġġieled kontra d-diżinformazzjoni u tippromwovi immaġni pożittivi tal-UE u tar-Repubblika tal-Moldova lill-partijiet ikkonċernati kollha;

°

° °

99. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova.


 

 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ INTERNAZZJONALI (4.9.2020)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar ir-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mal-Moldova

(2019/2201(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Markéta Gregorová

 

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1. Jilqa' r-riżultati pożittivi miksuba fil-kummerċ u fl-ekonomija bl-implimentazzjoni taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA), li tippermetti l-orjentazzjoni mill-ġdid tal-kummerċ tar-Repubblika tal-Moldova (minn issa 'l quddiem il-Moldova) u żieda sinifikanti fil-kummerċ mal-UE, li fl-2019 ammonta għal 54 % tal-kummerċ totali tal-Moldova; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-UE hija l-akbar sieħba kummerċjali tal-Moldova u hija wkoll l-akbar investitur fil-pajjiż; jinnota, barra minn hekk, li l-implimentazzjoni tad-DCFTA kienet ta' benefiċċju għaż-żewġ partijiet, b'mod partikolari għas-setturi agrikoli u tal-ikel;

2. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Moldova jikkunsidraw l-approssimazzjoni regolatorja mal-acquis tal-UE u l-implimentazzjoni u l-infurzar xierqa tal-leġiżlazzjoni rilevanti; jistedinhom ukoll ikomplu bil-progress u jimplimentaw ir-riformi, billi l-implimentazzjoni tad-DCFTA hija opportunità importanti għat-tkabbir tal-ekonomija tal-Moldova u għall-iżvilupp tan-negozju fil-Moldova, inkluża l-estensjoni kontinwa tad-DCFTA u l-benefiċċji tagħha għar-reġjun Transnistrijan, b'referenza partikolari għall-introduzzjoni tal-VAT u l-appoġġ għall-SMEs, li jiffurmaw l-akbar settur fl-ekonomija tal-Moldova;

3. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-għan strateġiku tal-Moldova li jkomplu jisfruttaw il-potenzjal reali offrut mill-kummerċ ħieles mal-UE, ineħħu l-ostakli mhux tariffarji għall-kummerċ, jiffaċilitaw l-aċċess u jagħmlu progress fir-rigward tal-integrazzjoni fis-suq uniku;

4. Jilqa' l-iżborż tat-tieni pagament tal-Assistenza Makrofinanzjarja (AMF) lill-Moldova u jirrikonoxxi l-isforzi li għamlet il-Moldova biex tissodisfa l-kundizzjonalitajiet rilevanti; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-konklużjoni tal-Memorandum ta' Qbil (MtQ) dwar programm eċċezzjonali ġdid tal-AMF tal-UE li għandu l-għan li jiġġieled l-impatt ekonomiku negattiv tal-pandemija tal-COVID-19 u jistenna bil-ħerqa l-implimentazzjoni tal-impenji sottostanti; ifakkar fl-importanza tal-kundizzjonalitajiet tal-AMF, jiġifieri l-għoti ta' assistenza abbażi ta' riformi demokratiċi reali, li jissodisfaw il-kriterji u jwasslu għall-approssimazzjoni tal-acquis, u jfakkar fil-ħtieġa tal-inċentiv "aktar għal aktar"; jesprimi dispjaċir, f'dan ir-rigward, dwar il-livell mhux sodisfaċenti ta' konformità tal-Moldova mar-rekwiżiti tal-UE, speċjalment fir-rigward tas-settur tal-ġustizzja, tar-riforma tal-enerġija u tal-kodiċi doganali, li rriżultaw fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkanċella t-tielet parti tal-AMF lir-Repubblika tal-Moldova; jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-progress fl-investigazzjoni tal-frodi bankarja tal-2014 u l-irkupru tal-assi b'rabta ma' dan, għadu limitat; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi assistenza lill-awtoritajiet tal-Moldova fl-investigazzjoni ta' dan il-każ, jekk ikun meħtieġ, u tfittex għarfien espert indipendenti u tikkoopera mas-soċjetà ċivili tal-Moldova sabiex tivvaluta bis-sħiħ il-progress li sar;

5. Jilqa' l-finalizzazzjoni u l-adozzjoni tal-kodiċi doganali l-ġdid tal-Moldova, li se jikkontribwixxi għal investiment aħjar u klima kummerċjali kompetittiva; jappella għal sforzi akbar u aktar impenn għal governanza tajba u l-approssimazzjoni tal-istandards tal-istat tad-dritt tagħha, b'mod partikolari dawk li għandhom l-għan li jsaħħu l-ġudikatura indipendenti; ifakkar li l-midja indipendenti u depolarizzata mingħajr interferenzi politiċi tikkostitwixxi l-bażi ta' soċjetà demokratika;

6. Jisħaq fuq il-ħtieġa għal riformi biex tittejjeb it-trasparenza, inkluż fil-politiki tal-kummerċ, u jħeġġeġ lill-Moldova tkompli tagħmel progress fil-qasam tal-akkwist pubbliku biex taċċerta l-modernizzazzjoni u tikkumbatti l-korruzzjoni; ifakkar fil-ħtieġa li l-UE u l-Moldova jappoġġjaw b'mod konsistenti l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jimmonitorjaw il-frodi u l-attivitajiet ta' ħasil tal-flus, billi dawn għandhom rwol importanti f'mekkaniżmi regolatorji indipendenti;

7. Jistieden lill-Moldova tirrispetta bis-sħiħ l-objettivi u l-inizjattivi ambjentali stabbiliti fid-DCFTA, kif ukoll l-impenji internazzjonali tagħha għal kummerċ u żvilupp sostenibbli, b'mod partikolari l-Ftehim ta' Pariġi; jilqa' l-pakkett tal-Moldova ta' Frar 2019 dwar il-klima u l-ambjent u r-rispons nazzjonali tagħha, li għamilha r-raba' pajjiż fid-dinja li ressaq il-Kontribut Stabbilit fil-Livell Nazzjonali (NDC2) aġġornat tiegħu lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li jinkludi fih ambizzjoni akbar biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra;

8. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-investiment f'setturi b'potenzjal għall-iżvilupp, it-tkabbir u l-kompetittività fl-UE, b'mod partikolari fit-tliet setturi ta' sinifikat strateġiku (jiġifieri l-enerġija u l-klima sostenibbli, is-suq uniku diġitali u ċ-ċibersigurtà, u t-trasport);

9. Jissottolinja l-importanza ta' implimentazzjoni progressiva tal-istandards sanitarji u fitosanitarji tal-UE, inklużi s-saħħa tal-annimali u s-sikurezza tal-ikel;

10. Jistieden lill-Gvern tal-Moldova jiffoka wkoll fuq id-dimensjoni soċjali tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli billi jindirizza l-limitazzjonijiet u n-nuqqasijiet tas-sistema tal-ispezzjoni tax-xogħol u l-problemi tas-sistema ġudizzjarja, li għandhom impatt negattiv fuq l-infurzar tal-istandards tax-xogħol;

11. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja programmi għaż-żgħażagħ li jiffavorixxu l-intraprenditorija soċjali u tiffoka fuq żgħażagħ minn żoni rurali sabiex issaħħaħ is-sistemi edukattivi u tiżgura li dawn jissodisfaw id-domandi tas-suq tax-xogħol, biex b'hekk jiġu protetti dawk l-aktar vulnerabbli u jiġu żgurati opportunitajiet soċjoekonomiċi adegwati;

12. Jistieden lill-UE tikkunsidra l-possibbiltà li l-pajjiżi tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (AA)/DCFTA jaderixxu maż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA), billi dan ikun ta' benefiċċju għaċ-ċittadini u jipprovdi opportunitajiet ġodda għall-SMEs biex jiżviluppaw;

13. Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-oqsma traskurati tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni, li jinkludu oqsma ta' politika importanti bħall-ġeneru, il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-prevenzjoni tal-kriżijiet tas-saħħa;

14. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika tal-Moldova, issaħħaħ il-monitoraġġ u tqawwi t-tim tal-proġett f'Chisinau, biex tgħin lill-Moldova tikkomunika b'mod effettiv l-approssimazzjoni tagħha mad-dritt tal-UE, tiġġieled kontra d-diżinformazzjoni u tippromwovi immaġni pożittivi tal-UE u tal-Moldova lill-partijiet kollha kkonċernati;

15. Jappella għal aktar titjib fir-rigward tal-konnettività li tiffaċilita l-kummerċ elettroniku u l-kummerċ diġitali u jilqa' l-istrateġija nazzjonali "Digital Moldova 2020" filwaqt li jirrikonoxxi l-isforzi tal-Moldova biex tibni ekonomija tas-suq diġitali ġenwina; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Moldova jappoġġjaw u jassistu l-programmi u r-riformi li għandhom l-għan li jtejbu l-kooperazzjoni settorjali fl-ekonomija diġitali.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

3.9.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

3

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Barry Andrews, Anna-Michelle Asimakopoulou, Tiziana Beghin, Geert Bourgeois, Saskia Bricmont, Udo Bullmann, Jordi Cañas, Daniel Caspary, Anna Cavazzini, Miroslav Číž, Arnaud Danjean, Paolo De Castro, Emmanouil Fragkos, Raphaël Glucksmann, Markéta Gregorová, Enikő Győri, Roman Haider, Heidi Hautala, Danuta Maria Hübner, Herve Juvin, Karin Karlsbro, Maximilian Krah, Danilo Oscar Lancini, Bernd Lange, Margarida Marques, Gabriel Mato, Emmanuel Maurel, Maxette Pirbakas, Carles Puigdemont i Casamajó, Samira Rafaela, Inma Rodríguez-Piñero, Massimiliano Salini, Helmut Scholz, Liesje Schreinemacher, Sven Simon, Dominik Tarczyński, Mihai Tudose, Kathleen Van Brempt, Marie-Pierre Vedrenne, Jörgen Warborn, Iuliu Winkler, Jan Zahradil

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

37

+

ECR

Geert Bourgeois, Emmanouil Fragkos, Dominik Tarczynski, Jan Zahradil

GUE/NGL

Emmanuel Maurel, Helmut Scholz

NI

Tiziana Beghin, Carles Puigdemont i Casamajó

PPE

Anna Michelle Asimakopoulou, Daniel Caspary, Arnaud Danjean, Enikő Győri, Danuta Maria Hübner, Gabriel Mato, Massimiliano Salini, Sven Simon, Jörgen Warborn, Iuliu Winkler

RENEW

Barry Andrews, Jordi Cañas, Karin Karlsbro, Samira Rafaela, Liesje Schreinemacher, Marie-Pierre Vedrenne

S&D

Udo Bullmann, Miroslav Číž, Paolo De Castro, Raphaël Glucksmann, Bernd Lange, Margarida Marques, Inma Rodríguez Piñero, Mihai Tudose, Kathleen Van Brempt

VERTS/ALE

Saskia Bricmont, Anna Cavazzini, Markéta Gregorova, Heidi Hautala

 

3

-

ID

Herve Juvin, , Danilo Oscar Lancini, Maxette Pirbakas

 

2

0

ID

Roman Haider, Maximilian Krah

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 


 

 

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

21.9.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

56

2

10

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alviina Alametsä, Alexander Alexandrov Yordanov, Maria Arena, Petras Auštrevičius, Traian Băsescu, Anna Bonfrisco, Reinhard Bütikofer, Fabio Massimo Castaldo, Włodzimierz Cimoszewicz, Katalin Cseh, Tanja Fajon, Anna Fotyga, Michael Gahler, Kinga Gál, Sunčana Glavak, Raphaël Glucksmann, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Márton Gyöngyösi, Sandra Kalniete, Dietmar Köster, Andrius Kubilius, Ilhan Kyuchyuk, David Lega, Miriam Lexmann, Nathalie Loiseau, Antonio López-Istúriz White, Lukas Mandl, Thierry Mariani, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Sven Mikser, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Gheorghe-Vlad Nistor, Urmas Paet, Demetris Papadakis, Kostas Papadakis, Tonino Picula, Manu Pineda, Kati Piri, Giuliano Pisapia, Jérôme Rivière, María Soraya Rodríguez Ramos, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Andreas Schieder, Radosław Sikorski, Jordi Solé, Sergei Stanishev, Tineke Strik, Hermann Tertsch, Harald Vilimsky, Idoia Villanueva Ruiz, Viola Von Cramon-Taubadel, Thomas Waitz, Charlie Weimers, Isabel Wiseler-Lima, Salima Yenbou, Željana Zovko

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Özlem Demirel, Angel Dzhambazki, Assita Kanko, Arba Kokalari, Dragoş Tudorache, Mick Wallace, Elena Yoncheva, Marco Zanni

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

56

+

PPE

Alexander Alexandrov Yordanov, Traian Băsescu, Michael Gahler, Kinga Gál, Sunčana Glavak, Sandra Kalniete, Andrius Kubilius, David Lega, Miriam Lexmann, Antonio López-Istúriz White, David McAllister, Lukas Mandl, Vangelis Meimarakis, Francisco José Millán Mon, Gheorghe-Vlad Nistor, Radosław Sikorski, Isabel Wiseler-Lima, Željana Zovko, Arba Kokalari

S&D

Maria Arena, Włodzimierz Cimoszewicz, Tanja Fajon, Raphaël Glucksmann, Sven Mikser, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Kati Piri, Giuliano Pisapia, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Andreas Schieder, Sergei Stanishev, Elena Yoncheva

RENEW

Petras Auštrevičius, Katalin Cseh, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Javier Nart, Urmas Paet, María Soraya Rodríguez Ramos, Dragoş Tudorache

Verts/ALE

Alviina Alametsä, Reinhard Bütikofer, Jordi Solé, Tineke Strik, Viola Von Cramon-Taubadel, Thomas Waitz, Salima Yenbou

ECR

Anna Fotyga, Hermann Tertsch, Angel Dzhambazki, Assita Kanko

NI

Fabio Massimo Castaldo, Márton Gyöngyösi

 

2

-

ID

Harald Vilimsky

NI

Kostas Papadakis

 

10

0

S&D

Dietmar Köster

ID

Anna Bonfrisco, Marco Zanni, Thierry Mariani, Jérôme Rivière

ECR

Charlie Weimers

GUE

Manu Pineda, Idoia Villanueva Ruiz, Özlem Demirel, Mick Wallace

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Ottubru 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza