RAPPORT fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar ir-relazzjonijiet mal-Belarussja
28.9.2020 - (2020/2081(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Petras Auštrevičius
ABBOZZ TA' RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar ir-relazzjonijiet mal-Belarussja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3 u 8 u t-Titolu V, b'mod partikolari l-Artikoli 21, 22, 36 u 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), kif ukoll il-Parti Ħamsa tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Belarussja tal-15 ta' Frar 2016,
– wara li kkunsidra t-tnedija tas-Sħubija tal-Lvant fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009 bħala sforz komuni tal-UE u s-sitt sħab Ewropej tal-Lvant tagħha, l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet Konġunti tas-Summits tas-Sħubija tal-Lvant tal-2009 fi Praga, tal-2011 f'Varsavja, tal-2013 f'Vilnius, tal-2015 f'Riga u tal-2017 fi Brussell u l-vidjokonferenza tal-mexxejja tas-Sħubija tal-Lvant li saret fl-2020,
– wara li kkunsidra l-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Belarussja dwar ir-riammissjoni ta' persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2020,
– wara li kkunsidra l-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Belarussja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2020,
– wara li kkunsidra s-sitt ċiklu tad-Djalogu bilaterali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Belarussja li sar fit-18 ta' Ġunju 2019 fi Brussell,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President Josep Borrell u l-Kummissarju għall-Viċinat u t-Tkabbir Olivér Várhelyi tal-10 ta' Awwissu 2020, kif ukoll id-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli f'isem l-Unjoni Ewropea dwar l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Belarussja tal-11 ta' Awwissu 2020,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem tas-SEAE dwar l-iżviluppi reċenti fil-Belarussja tad-19 ta' Ġunju 2020 u d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President Josep Borrell dwar l-elezzjonijiet fil-Belarussja tal-14 ta' Lulju 2020, tas-7 ta' Awwissu 2020 u tas-17 ta' Awwissu 2020,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kelliem tas-SEAE dwar l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt fil-Belarussja, speċjalment tat-30 ta' Lulju 2019, tat-28 ta' Ottubru 2019, tal-20 ta' Diċembru 2019, tal-11 ta' Jannar 2020 u tas-7 ta' Marzu 2020,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Ġunju 2020,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-10 ta' Lulju 2020 tal-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem mingħand ir-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tan-NU dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja, b'mod partikolari dawk tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tat-12 ta' Awwissu 2020, tar-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tat-13 ta' Awwissu 2020 u tal-Kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-21 ta' Awwissu 2020,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-13 ta' Awwissu 2020 tal-President tal-Parlament Ewropew li titlob li tintemm il-vjolenza fil-Belarussja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-17 ta' Awwissu 2020 tal-mexxejja politiċi dwar il-Belarussja mill-gruppi PPE, S&D, Renew Europe, Verts/ALE u ECR fil-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-eżiti ewlenin tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-14 ta' Awwissu 2020 u l-konklużjonijiet tal-President tal-Kunsill Ewropew tad-19 ta' Awwissu 2020 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja wara l-elezzjonijiet presidenzjali tad-9 ta' Awwissu 2020,
– wara li kkunsidra l-ittra miftuħa dwar l-attivitajiet tas-Sorveljanza Diplomatika matul l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2020 fil-Belarussja (Minsk, it-13 ta' Awwissu 2020),
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tal-UE u l-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-Belarussja, b'mod partikolari dawk tal-24 ta' Novembru 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja[1], tas-6 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja[2], tad-19 April 2018 dwar il-Belarussja[3], u tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar id-deterjorament tal-libertà tal-mezzi tax-xandir fil-Belarussja, notevolment il-każ ta' Charter 97[4],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 118 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0167/2020),
A. billi l-azzjonijiet tar-reġim ta' Lukashenka huma kriminali u jmorru kontra l-valuri Ewropej, il-prinċipji tad-demokrazija u r-rieda tal-poplu tal-Belarussja; billi minkejja r-restrizzjonijiet fundamentali fuq il-libertajiet bażiċi u d-drittijiet tal-bniedem li għad hemm fil-Belarussja, il-politika tal-UE dwar l-involviment kritiku mal-Belarussja pproduċiet xi riżultati fil-forma ta' ftehimiet iffirmati u aktar kooperazzjoni f'oqsma bħall-ambjent u l-konnettività, il-kooperazzjoni transfruntiera u l-ġestjoni tal-fruntieri, iżda riżultati huma insuffiċjenti fl-aderenza tar-reġim mal-valuri fundamentali tas-Sħubija tal-Lvant; billi l-azzjonijiet illegali tar-reġim tal-Belarussja jipperikolaw dawn ir-riżultati u billi r-relazzjonijiet UE-Belarussja jridu jkunu soġġetti għal rieżami bir-reqqa fid-dawl tan-nuqqas ta' aderenza tar-reġim mal-impenji tiegħu stess fi ħdan id-dritt internazzjonali u l-ftehimiet tiegħu mal-UE; billi r-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u l-Belarussja ser jiġu definiti fil-Prijoritajiet tas-Sħubija li għandu jintlaħaq qbil dwarhom bejn l-UE u l-awtoritajiet ġodda leġittimi u eletti demokratikament fil-Belarussja, u għandhom ikunu bbażati fuq il-valuri komuni li fuqhom hija msejsa l-UE, jiġifieri d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;
B billi l-poplu tal-Belarussja għandu kemm wirt kif ukoll kultura Ewropea komuni, f'pajjiż li huwa ġar dirett ta' tliet Stati Membri tal-UE; billi s-sitwazzjoni fil-Belarussja jista' jkollha impatt dirett fuq l-UE;
C. billi l-ebda waħda mill-elezzjonijiet parlamentari jew presidenzjali li saru fil-Belarussja mill-1994 sa llum ma kienet ħielsa u ġusta, iżda minkejja dawn il-kundizzjonijiet mhux demokratiċi ħorox, il-poplu tal-Belarussja vvota b'mod ċar għal bidla wara aktar minn għoxrin sena ta' oppressjoni; billi l-elezzjonijiet presidenzjali reċenti la kienu ħielsa u lanqas ġusti u saħansitra kienu mxekkla aktar minn qatt qabel minn nuqqas ta' rispett għal-libertajiet fundamentali ta' għaqda, assoċjazzjoni u espressjoni, filwaqt li saru wara perjodu limitat għall-kampanji elettorali u f'ambjent restrittiv ħafna ikkaratterizzat minn repressjoni li ma pprovdietx kompetizzjoni politika li b'mod ġenerali kienet sinifikanti jew kompetittiva;
D. billi l-awtoritajiet tal-Belarussja ma kkonformawx mal-istandards internazzjonali minimi għal proċess ta' elezzjoni presidenzjali kredibbli, trasparenti, libera u ġusta;
E. billi l-kampanja elettorali presidenzjali kienet mifnija minn interferenza burokratika mifruxa li tiffavorixxi dawk fil-kariga, l-intimidazzjoni u r-ripressjoni fil-konfront ta' kandidati oħra u l-familji u s-sostenituri tagħhom, iċ-ċaħda tar-reġistrazzjoni ta' kandidati li kienu ġabru għadd suffiċjenti ta' firem, diversi arresti u tentattivi biex jissikktu l-ġurnalisti u bloggers indipendenti u biex jingħalqu siti web dissidenti;
F. billi proċess ta' reġistrazzjoni restrittiv u arbitrarju ma ppermettiex li bosta kandidati jipparteċipaw, inkluż l-arresti tal-kandidat presidenzjali ewlieni Viktar Babaryka u ta' Siarhei Tsikhanouski, ir-raġel ta' kandidat ewlieni ieħor, Sviatlana Tsikhanouskaya, u ċ-ċaħda tar-reġistrazzjoni mill-Kummissjoni Elettorali Ċentrali (CEC) ta' kandidat ewlieni tal-oppożizzjoni, Valery Tsapkala, minħabba għadd insuffiċjenti ta' firem validi ta' voti għal aċċess b'ebda possibbiltà ta' appell għal rivalutazzjoni tar-rifjut, b'enfasi fuq l-ostakli sproporzjonati u mhux raġonevoli għall-kandidatura, li jmorru kontra l-impenji tal-OSKE u standards internazzjonali oħra; billi tali esklużjonijiet ta' kandidati llimitaw il-possibbiltà li l-poplu tal-Belarussja jagħżel il-kandidati tiegħu;
G. billi skont id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem għal Elezzjonijiet Ħielsa miżuri ulterjuri jpoġġu fi żvantaġġ lill-kandidati tal-oppożizzjoni, bħar-restrizzjoni ta' postijiet fejn l-attivitajiet elettorali jistgħu jsiru legalment, id-detenzjoni ta' membri tat-timijiet tal-kampanja tal-kandidati, u l-imblukkar ta' kważi l-persuni nominati tal-oppożizzjoni kollha għall-Kummissjonijiet Elettorali Lokali (PECs), li jirriżultaw f'1,1 % tan-numru totali ta' persuni nominati eletti minn partiti tal-oppożizzjoni u 96,7 % minn partiti favur il-gvern;
H. billi l-gvern tal-Belarussja naqas milli joħroġ stedina f'waqtha lill-OSKE/ODIHR għall-osservazzjoni tal-elezzjonijiet presidenzjali tad-9 ta' Awwissu, li wasslet għall-assenza ta' osservaturi internazzjonali indipendenti matul dawk l-elezzjonijiet;
I. billi minħabba restrizzjonijiet imposti mis-CEC fil-qalba tal-pandemija tal-coronavirus, l-osservaturi lokali tal-elezzjoni ma tħallewx iwettqu kompletament id-dmirijiet tagħhom matul il-fażijiet kollha tal-votazzjoni, jiġifieri l-votazzjoni bikrija, il-votazzjoni fil-jum tal-elezzjoni u l-votazzjoni mid-dar; billi l-votazzjoni bikrija ntużat mir-reġim tal-Belarussja biex diversi drabi jesaġera l-parteċipazzjoni tal-votanti filwaqt li ġew dokumentati bosta każijiet ta' votazzjoni furzata ta' ċerti kategoriji ta' votanti, pereżempju ta' persunal militari, uffiċjali pubbliċi, impjegati ta' intrapriżi tal-istat u ċittadini li jgħixu fi djar tal-gvern; billi f'jum l-elezzjoni l-osservaturi lokali tal-elezzjoni ma tħallewx jimmonitorjaw l-għadd tal-voti u l-għadd ta' votanti u r-riżultati tal-elezzjoni mħabbra mill-PECs u mis-CEC kienu differenti b'mod sinifikanti mill-osservazzjonijiet tagħhom;
J. billi pjattaformi indipendenti stabbiliti minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Belarussja (bħal Golos-Belarus2020.org) wettqu stħarriġ indipendenti ta' exit polls u analizzaw il-protokolli ta' aktar minn 200 PEC li ħarġu riżultati ġenwini li indikaw b'mod ċar il-fatt li Sviatlana Tsikhanouskaya kellha maġġoranza assoluta ta' voti (bejn 71,1 % u 97,6 %);
K. billi s-CEC ħabbar lil Aliaksandr Lukashenka bħala r-rebbieħ tal-elezzjoni wara li allegatament kiseb 80,10 % tal-voti, filwaqt li r-rivali ewlenija tiegħu Svetlana Tikhanovskaya kisbet biss 10,12 %; billi l-irregolaritajiet matul il-jiem tal-votazzjoni ġew irrapportati b'mod kostanti, in-nies spiss ġew imċaħħda d-dritt tal-vot tagħhom u l-protokolli mill-PECs ġew iffalsifikati;
L. billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha ma rrikonoxxewx ir-riżultati tal-elezzjonijiet presidenzjali minħabba dubju sostanzjali dwar il-korrettezza tagħhom, ikkundannaw l-użu sproporzjonat u inaċċettabbli tal-forza kontra dimostranti paċifiċi u appoġġaw id-dritt tal-poplu tal-Belarussja li jiddetermina l-futur tiegħu;
M. billi Sviatlana Tsikhanouskaya, il-President elett skont il-poplu tal-Belarussja, ġiet intimidata u mġiegħla titlaq mill-Belarussja jumejn wara l-elezzjonijiet presidenzjali; billi attivisti ċiviċi u politiċi oħra u mexxejja tal-ħaddiema telqu wkoll mill-Belarussja minħabba theddid għas-sikurezza tagħhom jew tal-membri tal-familja tagħhom;
N. billi r-reġim tal-Belarussja jirrifjuta li jibda djalogu nazzjonali mal-poplu u ma jirrikonoxxix il-Kunsill ta' Koordinazzjoni (CC), liema nbeda minn Sviatlana Tsikhanouskaya bl-għan uniku li jiffaċilita tranżizzjoni paċifika u ordnata tal-poter permezz tad-djalogu, u r-reġim qiegħed ifittex li jintimidah u jifirxu billi jkollu fil-mira l-membri tiegħu u jniedi każ kriminali kontrihom; billi membru wieħed biss tal-Presidju tal-Kunsill ta' Koordinazzjoni, Svetlana Alexievich, għadha mhix detenuta jew imkeċċija bil-forza mill-pajjiż mill-awtoritajiet tal-Belarussja;
O. billi l-Belarussja kellha protesti paċifiċi fil-pajjiż kollu, liema huma mingħajr preċedent, li jitolbu elezzjonijiet ġodda ħielsa u ġusti, wara l-elezzjonijiet presidenzjali tad-9 ta' Awwissu u t-tħabbira ta' riżultat iffalsifikat ta' rebħa mill-President fil-kariga; billi l-protesti wasslu għal repressjoni vjolenti b'eluf ta' Belarussi detenuti, mijiet ta' persuni fl-isptar, mill-inqas sitt persuni kkonfermati mejta u għexieren li għadhom neqsin;
P. billi l-Parlament Ewropew jesprimi l-appoġġ tiegħu għat-talbiet tal-poplu tal-Belarussja għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti u għall-kapaċità li jieħu deċiżjonijiet b'mod liberu dwar il-futur ta' pajjiżu;
Q. billi l-Parlament Ewropew jilqa' u jinkoraġġixxi l-organizzazzjoni paċifika sostnuta ta' protesti fil-pajjiż kollu, u jfaħħar ir-rwol u t-tmexxija b'saħħitha tan-nisa tal-Belarussja;
R. wara li kkunsidra x-xhieda maħlufa ta' dimostranti fil-Belarussja dwar il-kundizzjonijiet u t-trattament inumani li għalihom kienu soġġetti matul id-detenzjoni illegali tagħhom, inklużi rapporti ta' swat bla tmiem, atti ta' stupru, trattament degradanti u kundizzjonijiet ta' detenzjoni inumani f'ċelel iffullati mingħajr aċċess għal ilma tax-xorb, ikel, faċilitajiet sanitarji jew assistenza medika; billi l-mexxej tal-oppożizzjoni tal-Belarussja u l-priġunier politiku Paval Sieviaryniec qata' l-polzijiet tiegħu bħala protesta kontra t-tortura u l-kundizzjonijiet inumani ta' detenzjoni; billi bosta nies, wara li nħelsu, spiċċaw l-isptar u wħud ittieħdu f'kura intensiva b'korrimenti bħal dirgħajn miksura, kranju maqsum u vista u smigħ danneġġati, b'uħud minnhom, flimkien mat-trawmi psikoloġiċi mġarrba, ser ikollhom effetti għal ħajjithom kollha, inkluża infertilità;
S. billi f'dawn l-aħħar xhur fil-Belarussja saru prattika komuni rappreżalji kontra avversarji tar-reġim, osservaturi elettorali, ġurnalisti, bloggers, attivisti tas-soċjetà ċivili u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz ta' vjolenza fiżika, ħtif minn persuni mhux magħrufa mingħajr markaturi tal-identifikazzjoni, multi amministrattivi, theddid ta' telf tal-kustodja tat-tfal, proċedimenti kriminali kif ukoll tortura fiżika u psikoloġika;
T. billi l-poplu tal-Belarussja għandu bżonn urġenti ta' assistenza u appoġġ mill-komunità internazzjonali;
U. billi s-sitwazzjoni fil-Belarussja tirrikjedi investigazzjoni internazzjonali urġenti dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra dimostranti paċifiċi u l-użu eċċessiv tal-forza mir-reġim tal-Belarussja;
V. billi l-ambjent għall-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tar-rappreżentanti tal-oppożizzjoni, tas-soċjetà ċivili u tal-midja ddeterjora kontinwament, b'soġġezzjoni sistematika għal intimidazzjoni u fastidju u restrizzjonijiet tal-libertajiet fundamentali; billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem flimkien ma' organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili huma sistematikament miċħuda r-reġistrazzjoni filwaqt li s-sħubija fi gruppi mhux reġistrati u fi gruppi li jirċievu fondi barranin hija kriminalizzata; billi l-avukati tad-drittijiet tal-bniedem huma mċaħħda milli jiddefendu attivisti ċivili u politiċi detenuti, li ma jistgħux jiddependu fuq proċess ġust;
W. billi l-impunità mifruxa tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi tikkontribwixxi għal aktar ksur tad-drittijiet tal-bniedem u ritaljazzjonijiet kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u persuni innoċenti;
X. billi r-Rapport ta' Lulju 2020 tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja ma jinnota ebda titjib kbir fil-protezzjoni legali u regolatorja tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja u, flimkien mal-problemi enfasizzati hawn fuq, jiġbed l-attenzjoni għall-applikazzjoni kontinwa tal-piena tal-mewt, id-diskriminazzjoni prevalenti kontra gruppi vulnerabbli, inklużi n-nisa, il-persuni b'diżabilità, il-minoranzi etniċi u reliġjużi u l-persuni LGBTQI, il-prattika kontinwa ta' xogħol furzat, it-tortura u l-forom oħra ta' trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti ta' persuni detenuti, u d-diskriminazzjoni kontra kelliema tal-lingwa tal-Belarussja;
Y. billi skont l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem tal-Belarussja, hemm aktar minn 50 persuna detenuta għal raġunijiet politiċi fil-Belarussja; billi fost il-membri tal-oppożizzjoni tal-Belarussja miżmuma l-ħabs hemm Mikola Statkevich, kandidat demokratiku fl-elezzjonijiet presidenzjali tal-2010, li kien priġunier minħabba twemmin mill-2011 sal-2017, hemm il-Membri tal-Presidju tal-Kunsill ta' Koordinazzjoni tal-Belarussja Maria Kalesnikava, Liliya Ulasava u Maksim Znak, il-kandidat presidenzjali Viktar Babaryka u l-blogger ta' filmati Siarhei Tsikhanouski;
Z. billi l-Parlament Ewropew jesprimi l-kondoljanzi l-aktar profondi tiegħu dwar l-imwiet ta' Alyaksandr Taraykouski, Alyaksandr Vikhor, Artsyom Parukou, Henadz Shutau u Kanstantsin Shyshmakou lill-familji tagħhom u lin-nazzjon kollu tal-Belarussja;
AA. billi fl-14 ta' Awwissu 2020 ir-reġim tal-Belarussja ċaħad id-dħul fil-pajjiż lil żewġ Membri tal-Parlament Ewropew, Robert Biedroń, President tad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Belarussja, u Petras Auštrevičius, rapporteur permanenti tal-Parlament dwar il-Belarussja, li kellhom iżuru l-pajjiż fuq stedina tas-soċjetà ċivili tal-Belarussja;
AB. billi mill-2014, 18 000 minorenni Belarussi ġew ikkundannati għal perjodi ta' priġunerija sproporzjonatament twal ta' bejn 8 u 15-il sena għal reati mhux vjolenti relatati mad-droga skont l-Artikolu 328 tal-Kodiċi Kriminali; billi matul id-detenzjoni u l-priġunerija, il-minorenni Belarussi jiffaċċjaw għadd kbir ta' ksur tad-drittijiet tagħhom, inklużi vjolenza fiżika u tortura, u jiġu esposti għal kundizzjonijiet ta' xogħol li huma perikolużi għas-saħħa;
AC. billi fl-2016 l-UE neħħiet il-parti l-kbira tas-sanzjonijiet fuq il-Belarussja, bl-eċċezzjoni ta' embargo fuq l-armi u sanzjonijiet kontra erba' individwi, iżda dan ma sarx minħabba li l-Belarussja ssodisfat il-kundizzjonijiet kollha iżda pjuttost bit-tama li tkompli fid-direzzjoni ta' titjib tal-ambjent għall-parteċipazzjoni politika u ċivika u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; billi ma sar ebda progress fl-oqsma tal-governanza demokratika u tad-drittijiet tal-bniedem, b'żieda fir-repressjoni amministrattiva, finanzjarja u fiżika kontra l-oppożizzjoni demokratika, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-ġurnalisti u l-bloggers, u saħansitra l-persuni komuni;
AD. billi l-Kunsill Ewropew qabel fl-2020 li jimponi sanzjonijiet kontra għadd sostanzjali ta' individwi responsabbli għall-vjolenza, ir-repressjoni u l-falsifikazzjoni tar-riżultati tal-elezzjoni fil-Belarussja, li jipprojbixxu li dawn jidħlu fl-UE u li jiffriżaw l-assi finanzjarji tagħhom fl-UE;
AE. billi huwa inaċċettabbli jekk Stat Membru ma jikkundannax mingħajr ambigwità l-falsifikazzjoni, il-vjolenza u r-repressjoni tal-elezzjoni u jqis il-Belarussja ta' Lukashenka bħala stat sieħeb, peress li s-sitwazzjoni fil-Belarussja tirrikjedi l-adozzjoni ta' pożizzjoni soda u ta' prinċipju u l-qbil dwar azzjoni komuni tal-UE;
AF. billi l-awtoritajiet tal-Belarussja ċaħdu li l-COVID-19 infirxet fil-pajjiż, u b'hekk ħlew żmien prezzjuż li seta' jintuża għat-tħejjija u l-protezzjoni tal-popolazzjoni tal-pajjiż u b'mod partikolari l-persunal mediku, ma kkanċellawx avvenimenti tal-massa – b'mod partikolari l-parata militari fid-9 ta' Mejju b'eluf ta' parteċipanti u l-jum annwali tax-xogħol tal-komunità li għalih attendew kwart tal-popolazzjoni tal-Belarussja – u minflok intimidaw lill-ġurnalisti, lill-bloggers, lill-oppożizzjoni demokratika, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-persuni komuni li kkondividew informazzjoni kruċjali dwar il-pandemija u l-miżura ta' prekawzjoni meħtieġa, li wassal għal waħda mill-ogħla rati ta' infezzjoni per capita tal-COVID-19 fl-Ewropa u wassal biex il-Belarussja tkun theddida għas-saħħa fir-reġjun; billi l-gvern u l-president tal-Belarussja naqsu milli jipprovdu fatti dwar il-pandemija u jirreaġixxu fil-ħin għaliha filwaqt li xerrdu b'mod attiv informazzjoni falza li pperikolat is-saħħa taċ-ċittadini tagħha;
AG. billi l-UE ilha f'solidarjetà mal-poplu tal-Belarussja mill-bidu tal-pandemija tal-COVID-19, u allokat EUR 60 miljun lill-pajjiż għall-mitigazzjoni tal-effetti immedjati u diretti tat-tifqigħa, segwiti minn, b'reazzjoni għas-sitwazzjoni ta' wara l-elezzjoni fil-Belarussja, EUR 53 miljun addizzjonali bħala appoġġ għall-poplu tal-Belarussja; billi l-Belarussja qiegħda tesplora l-possibbiltà li tfittex assistenza makrofinanzjarja mill-UE;
AH. billi l-pandemija tal-COVID-19 uriet ir-reżiljenza, id-determinazzjoni qawwija u l-awtoorganizzazzjoni bla preċedent tas-soċjetà tal-Belarussja, b'mod partikolari fid-dawl tar-rispons letarġiku tal-awtoritajiet għall-pandemija u saħansitra l-fatt li ċaħduha flimkien mal-impatt tagħha;
AI. billi m'hemm ebda aġenzija tal-aħbarijiet indipendenti tal-Belarussja rreġistrata fil-pajjiż u l-libertà tal-istampa fil-Belarussja ddeterjorat b'mod sinifikanti mill-2015, hekk kif ikkonfermat kull sena mill-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa, u s-sitwazzjoni marret ħafna għall-agħar mill-elezzjonijiet presidenzjali f'Awwissu 2020; billi l-ftit ġurnalisti indipendenti, bloggers, fotografi jew organizzazzjonijiet tal-midja li huma kapaċi joperaw fil-pajjiż u jiddenunzjaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem huma soġġetti għal fastidju sistematiku u miżuri punittivi, bħal arresti jew bidu ta' investigazzjonijiet kriminali, inkluż fuq akkużi ta' produzzjoni u distribuzzjoni illegali ta' informazzjoni, estremiżmu, diskreditar u insulti lill-president jew ħuliganiżmu, u żdied l-għadd ta' prosekuzzjonijiet għal dikjarazzjonijiet li saru fuq l-internet; billi fl-2000 u fl-2016, żewġ ġurnalisti tad-drittijiet tal-bniedem inqatlu wara r-rapportar attiv tagħhom dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-kritika tal-politiki repressivi tal-gvern awtoritarju tal-Belarussja;
AJ. billi wara l-elezzjonijiet presidenzjali r-reġim tal-Belarussja kompla jżid il-ħakma tiegħu fuq il-libertà tal-midja u d-dritt tal-persuni li jaċċessaw u jikkondividu l-informazzjoni, billi bblokka l-aċċess għall-internet, fixkel l-istampar tal-gazzetti, kif ukoll arresta ġurnalisti lokali u korrispondenti barranin li osservaw jew xandru dimostrazzjonijiet, kif ukoll dawk li kkritikaw il-politika ambjentali tal-istat jew ikkummentaw dwar il-pandemija tal-COVID-19 fil-Belarussja u ssoġġettawhom għal tortura u trattament inuman; billi l-ġurnalisti kienu speċifikament fil-mira u diversi ndarbu filwaqt li xandru r-repressjoni awtorizzata mir-reġim tal-Belarussja fuq dimostranti paċifiċi; billi l-istazzjonijiet televiżivi tal-Istat ma jxandrux il-protesti li għaddejjin jew l-atroċitajiet imwettqa mir-reġim ta' Lukashenka u qegħdin jintużaw biex ixerrdu diżinformazzjoni, jattakkaw u jiskreditaw lil Sviatlana Tsikhanouskaya, lil attivisti politiċi u lil dimostranti paċifiċi; billi wara r-riżenja ta' ġurnalisti mill-istazzjonijiet televiżivi tal-Istat, dawn ġew sostitwiti minn esperti tal-propaganda mir-Russja;
AK. billi l-ġurnalisti indipendenti li jikkooperaw u jaħdmu għall-midja barranija jiġu mħarrka skont l-Artikolu 22.9 tal-Kodiċi ta' Reati Amministrattivi, li jagħmilha illegali li persuna tirċievi premjijiet finanzjarji mill-midja li ma jkunux irreġistrati u akkreditati kif xieraq fil-Belarussja; billi l-istazzjon Belsat TV, li huwa uffiċjalment irreġistrat fil-Polonja, mhuwiex irreġistrat fil-Belarussja u l-attivitajiet tiegħu jinsabu taħt pressjoni u attakk kostanti inkluż permezz ta' detenzjonijiet brutali tal-ġurnalisti tiegħu u multi imposti fuq il-kontributuri tiegħu li sat-18 ta' Ġunju 2020 ammontaw għal USD 101 791;
AL. billi l-Belarussja kienet soġġetta għal pressjoni bla preċedent mir-Russja biex tapprofondixxi l-integrazzjoni tagħha fil-kuntest tal-Istat tal-Unjoni, għad-detriment tas-sovranità tal-Belarussja, li rriżultat inter alia f'konfront kontinwu dwar l-importazzjonijiet taż-żejt u tal-gass mir-Russja;
AM. billi s-26 sena fil-poter ta' Lukashenka kienu kkaratterizzati minn politiki li jdgħajfu s-sovranità u l-indipendenza tal-pajjiż u jdgħajfu l-identità, il-wirt u l-kultura tal-Belarussja;
AN. billi mill-perspettiva tas-sigurtà, il-Belarussja hija marbuta mill-qrib u dipendenti fuq ir-Russja u qiegħda tinvolvi ruħha f'azzjonijiet li huma ta' theddida għall-Istati Membri tal-UE bħall-eżerċizzji militari konġunti mhux trasparenti Zapad 2017, l-eżerċizzji militari konġunti ppjanati Zapad 2021 u l-bini ta' installazzjonijiet nukleari mhux sikuri;
AO. billi wara t-tifqigħa ta' protesti massivi, Aliaksandr Lukashenka għamel kuntatt mar-Russja għal assistenza biex jiżgura s-sopravivenza tar-reġim tal-Belarussja u fittex li jsalva l-immaġni u l-appoġġ pubbliku tiegħu billi ħoloq narrattivi foloz dwar theddid estern għall-Belarussja minn atturi tal-Punent barranin u użahom biex jiġġustifika l-intensifikazzjoni tal-attivitajiet u l-moviment tal-forzi militari tal-Belarussja fir-reġjun ta' Grodno fil-fruntiera mal-Polonja u l-Litwanja, mossa li hija theddida diretta għall-UE u l-Istati Membri tagħha;
AP. billi l-Belarussja, fi sħubija mal-korporazzjoni Russa ROSATOM, qiegħda tibni l-Impjant tal-Enerġija Nukleari (NPP) Astravyets f'post mhux ġustifikat, 20 kilometru 'l bogħod mill-fruntiera esterna tal-UE u 45 kilometru 'l bogħod mill-belt kapitali tal-Litwanja; billi l-bini tal-NPP ta' Astravyets ġie segwit minn nuqqas ta' rispett għall-istandards internazzjonali għas-sikurezza nukleari, ksur serju tas-sikurezza u inċidenti maġġuri, inkluż xogħol kontinwu ta' bini fis-sit minkejja t-tifqigħa tal-COVID-19; billi l-ewwel reattur tal-NPP ta' Astravyets kien ippjanat li jinfetaħ qabel l-elezzjonijiet presidenzjali f'Awwissu 2020 u qabel l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-istress tests imwettqa mill-awtoritajiet tas-sikurezza nukleari tal-UE;
AQ. billi s-sitwazzjoni ekonomika diffiċli, li ser tmur għall-agħar minħabba strajks fuq skala nazzjonali u r-rifjut tar-reġim tal-Belarussja li jibda djalogu nazzjonali mal-poplu tal-Belarussja, tindika li l-mudell ekonomiku tal-Belarussja laħaq il-limiti tiegħu u li l-pajjiż jaf dieħel f'perjodu ta' tranżizzjoni li fih l-UE jista' jkollha rwol ewlieni ta' bbilanċjar;
AR. billi kien hemm żieda kbira fl-involviment mas-soċjetà ċivili tal-Belarussja, inkluż permezz ta' attivitajiet appoġġati mill-UE u intensifikazzjoni tal-kuntatt bejn il-persuni;
1. Jirrakkomanda lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:
Is-sitwazzjoni wara l-elezzjoni fil-Belarussja
(a) li jappoġġaw bis-sħiħ id-deċiżjoni tal-UE u tal-Istati Membri tagħha li ma jirrikonoxxux ir-riżultati elettorali frodulenti kif imħabbra mill-Kummissjoni Elettorali Ċentrali (CEC) tal-Belarussja, minħabba dubju sostanzjali dwar il-korrettezza tal-elezzjonijiet, u li ma jirrikonoxxux lil Aliaksandr Lukashenka bħala president leġittimu tal-pajjiż ladarba l-mandat attwali tiegħu jiskadi mhux aktar tard mill-5 ta' Novembru 2020; li jappellaw lis-Sur Lukashenka jirrispetta r-rieda tal-poplu tal-Belarussja u jirriżenja b'mod paċifiku; li jappellaw lill-Istati Membri kollha jikkundannaw il-frodi elettorali, it-trażżin tal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili, ir-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja, u l-ksur tal-valuri demokratiċi ewlenin u l-istat tad-dritt;
(b) li jinsistu li dawn l-iżviluppi ser ikollhom impatt negattiv fuq ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarussja;
(c) li jappoġġaw b'mod inekwivoku lill-poplu tal-Belarussja fit-talbiet leġittimi tiegħu għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti ġodda li għandhom isiru malajr kemm jista' jkun taħt is-superviżjoni tal-OSKE u tal-osservaturi internazzjonali indipendenti; li jenfasizzaw il-ħtieġa ta' soluzzjoni paċifika u demokratika għal din il-kriżi, sostnuta minn midja indipendenti u ħielsa u soċjetà ċivili b'saħħitha;
(d) li jinsistu fuq il-konformità sħiħa tal-proċessi elettorali fil-Belarussja mal-istandards internazzjonali, mar-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE u mal-opinjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja, u li jappellaw biex il-leġislazzjoni elettorali tar-Repubblika tal-Belarussja tiġi emendata biex tinkludi salvagwardji proċedurali u legali sostanzjali li jtejbu l-inklużività, l-integrità u t-trasparenza matul l-istadji kollha tal-proċess elettorali, u b'mod partikolari li tintroduċi kriterji u mekkaniżmi li jkunu ċari u raġonevoli għar-reġistrazzjoni u l-verifika tal-firem tal-kandidati, tiżgura l-inklużjoni tar-rappreżentanti tal-atturi kollha tal-proċess elettorali fil-kummissjonijiet elettorali u tagħti aċċess ugwali għall-midja lill-parteċipanti kollha;
(e) li jinnotaw li Sviatlana Tsikhanouskaya, li skont l-istħarriġ soċjoloġiku indipendenti rċeviet aktar minn nofs il-voti fl-elezzjoni presidenzjali tal-2020, hija f'għajnejn il-poplu tal-Belarussja l-President elett tagħhom;
(f) li jirrikonoxxu l-Kunsill ta' Koordinazzjoni (CC), imniedi minn Sviatlana Tsikhanouskaya, bħala r-rappreżentant leġittimu tan-nies li qegħdin jitolbu bidla demokratika u l-libertà fil-Belarussja u jinsisti li r-reġim tal-Belarussja jibda djalogu miegħu; li jiddeploraw il-persekuzzjoni tal-membri tal-CC u jitlobu li jaqgħu l-azzjonijiet legali kollha meħuda mill-awtoritajiet kontrihom u jinħelsu dawk kollha detenuti u arrestati;
(g) li jappoġġaw l-isforzi tal-CC għal transizzjoni paċifika u demokratika tal-poter bħala riżultat ta' djalogu nazzjonali inklużiv bejn il-gvern tal-Belarussja u l-oppożizzjoni/is-soċjetà ċivili/il-CC, inklużi r-rappreżentanti tal-knejjes bħala medjaturi rispettati u newtrali; li jipprovdu kwalunkwe assistenza meħtieġa biex jissaħħu l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-CC;
(h) li jinsistu li Aliaksandr Lukashenka jaċċetta l-offerta tal-presidenti attwali u futuri tal-OSKE biex jiġi ffaċilitat id-djalogu nazzjonali biex tissolva l-kriżi politika u s-sitwazzjoni ta' tensjoni fil-pajjiż, u jiżguraw li l-UE tipprovdi assistenza konkreta lill-OSKE għall-proposta tagħha biex tieħu rwol ta' medjazzjoni;
(i) li jesiġu l-waqfien immedjat tal-vjolenza, ir-ripressjoni krudili, it-tortura u r-ripressjoni kontra d-dimostranti paċifiċi; li jappellaw għal investigazzjoni sħiħa tal-UE/internazzjonali tar-reati kontra l-poplu tal-Belarussja mwettqa mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tar-reġim ta' Lukashenka u biex l-awtoritajiet jipprovdu lill-vittmi kollha ta' ksur u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem b'aċċess għall-ġustizzja u jiżguraw id-dritt tagħhom għal rimedju effettiv;
(j) li jikkundannaw it-tattika tar-reġim tal-Belarussja li jifred il-CC b'intimidazzjoni u tkeċċija tal-membri tiegħu, kif ukoll tal-politiċi u tal-attivisti tal-oppożizzjoni, mill-Belarussja biex jitbiegħdu mill-proċessi politiċi interni;
(k) li jappellaw lill-Belarussja biex minnufih u mingħajr kundizzjonijiet teħles u twaqqa' l-akkużi kollha kontra l-priġunieri politiċi kollha u l-membri kollha tas-soċjetà ċivili, il-ġurnalisti u kwalunkwe persuna oħra detenuta b'mod arbitrarju qabel, matul u wara l-kampanja elettorali; li jesiġu r-restawr sħiħ tad-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem u r-rispett tagħhom, inklużi l-libertà tal-istampa, il-libertà tal-għaqda u libertajiet politiċi u ċivili oħra fil-Belarussja;
(l) li jfaħħru l-azzjonijiet meħuda mill-ħaddiema f'bosta fabbriki u istituzzjonijiet fil-pajjiż kollu li ngħaqdu mal-protesti b'diversi modi, inkluż permezz ta' strajk, u jipprovdu l-appoġġ meħtieġ lil dawk minnhom li ġew ikkastigati mir-reġim talli eżerċitaw id-drittijiet demokratiċi tagħhom;
(m) li jibqgħu viġilanti rigward l-arresti, l-għajbien u l-fastidju ta' kandidati, dimostranti, attivisti u ġurnalisti indipendenti, u jsegwu każijiet bħal dawn mal-awtoritajiet tal-Belarussja;
(n) ikomplu jsegwu mill-qrib il-każijiet ta' arresti u għajbien fil-Belarussja, jiġbdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet tal-Belarussja għal dawn il-każijiet u jitlob azzjoni xierqa u immedjata mingħandhom; inedu programm ta' assistenza tal-UE mmirat biex jgħinu lill-vittmi ta' repressjoni politika u vjolenza mill-pulizija, b'mod partikolari b'aċċess għal konsulenza legali, għajnuna materjali u medika, u riabilitazzjoni;
(o) jinsistu fuq investigazzjoni indipendenti u effettiva dwar l-imwiet relatati mal-protesti ta' Alyaksandr Taraykouski, Alyaksandr Vikhor, Artsyom Parukou, Henadz Shutau u Kanstantsin Shyshmakou u mal-qtil ta' personaġġi tal-oppożizzjoni politika Yuriy Zakharenko, Anatoliy Krasovskiy u Victor Honchar li seħħew fl-1999, kif ukoll dwar id-destin u l-post ta' Dmitriy Zavadski fl-2000;
(p) jappellaw lill-Belarussja tintroduċi fil-Kodiċi Kriminali tagħha definizzjoni speċifika ta' tortura skont l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u jiżguraw li tiġi kkastigata b'sanzjonijiet, kif ukoll bidliet leġiżlattivi biex tikkriminalizza l-għajbien infurzat;
(q) li jappellaw lill-awtoritajiet biex, fid-dawl ta' rapporti li l-pulizija qed jipprevjenu l-għajnuna għal dimostranti midruba u qed jarrestaw ħaddiema mediċi, itejbu l-aċċess, id-disponibbiltà u l-kwalità tal-kura tas-saħħa fil-postijiet ta' detenzjoni, b'mod partikolari minħabba l-pandemija tal-COVID-19, kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal mediku;
(r) li jimplimentaw, malajr kemm jista' jkun u fil-qafas ta' koordinazzjoni sinifikanti mas-sħab internazzjonali, is-sanzjonijiet maqbula mill-ministri tal-affarijiet barranin tal-UE u tal-Kunsill Ewropew;
(s) li jżidu s-sanzjonijiet billi jinkludu lil Aliaksandr Lukashenka u għadd sostanzjali ta' uffiċjali ta' grad għoli u medju, kif ukoll membri tas-CEC, fil-grupp ta' persuni li huma responsabbli għall-falsifikazzjoni tar-riżultati tal-elezzjonijiet presidenzjali fil-Belarussja, jew li kellhom sehem fiha, u li huma responsabbli għal għall-ksur tad-drittijiet ċivili u tal-bniedem jew ikkontribwew għalihom; din il-lista għandha tiġi applikata mill-UE kollha kemm hi u għandha tiġi aġġornata u estiża kontinwament skont il-livell ta' reati mwettqa mir-reġim ta' Lukashenka;
(t) li jimponu projbizzjonijiet tal-viża u sanzjonijiet finanzjarji, inkluż l-iffriżar tal-assi, kontra rappreżentanti tar-reġim, individwi sanzjonati kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom;
(u) li joperazzjonalizzaw u jimplimentaw malajr mekkaniżmu ta' sanzjonijiet tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem li jippermetti li jiġu applikati sanzjonijiet simili għal dawk tal-Att Magnitsky tal-Istati Uniti, kontra individwi u kumpaniji involuti fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u li huma responsabbli għal reati oħra, u biex dawn jiġu applikati kontra uffiċjali Belarussi, inklużi investigaturi u mħallfin li jmexxu każijiet kriminali kontra priġunieri politiċi, u individwi u kumpaniji oħra involuti fit-trażżin vjolenti ta' dimostrazzjonijiet u protesti paċifiċi ta' ġbir ta' firem fil-Belarussja bl-użu ta' tortura u trattament ħażin tad-detenuti u l-priġunieri politiċi;
(v) li jikkunsidraw sanzjonijiet settorjali għall-Belarussja li jistgħu jżidu l-pressjoni fuq ir-reġim iżda li m'għandhomx iħallu impatt negattiv fit-tul fuq il-popolazzjoni;
(w) li jimpenjaw ruħhom favur l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Belarussja; li jirrifjutaw bil-qawwa kwalunkwe interferenza esterna sigrieta jew evidenti minn kwalunkwe stat terz, inkluża l-Federazzjoni Russa, b'mod partikolari fil-media tal-istat Belarussu u fil-forzi tas-sigurtà tagħha; li jenfasizzaw li l-protesti Belarussi huma ta' natura prodemokratika u mhux ta' natura ġeopolitika; li jtennu li l-Unjoni Ewropea hija miftuħa biex tiżviluppa aktar ir-relazzjonijiet mal-pajjiż kemm bilateralment kif ukoll fi ħdan il-qafas tas-Sħubija tal-Lvant biss jekk il-Belarussja tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha maqbula preċedentement b'rabta mad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-elezzjonijiet ħielsa u ġusti, id-dritt internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;
(x) li jħeġġu lill-Federazzjoni Russa biex ma tieħu l-ebda azzjoni li thedded is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Belarussja; li jesprimu tħassib dwar il-fatt li hija tuża n-negozjati għall-provvista kontinwa taż-żejt u l-gass lill-Belarussja bħala metodu ta' pressjoni politika; li jiddenunzjaw u jikkundannaw pubblikament l-interferenza ibrida mwettqa mill-Federazzjoni Russa bl-użu ta' metodi, bħad-delegar tal-hekk imsejħa esperti tal-media lill-media tal-istat Belarussu u tal-konsulenti għall-aġenziji militari u tal-infurzar tal-liġi, u biex jiskoraġġixxu t-tkomplija ta' dawn l-azzjonijiet; li jwissu kontra kwalunkwe tentattiv biex tiġi mmilitarizzata s-sitwazzjoni u jiġu pprovokati tensjonijiet mal-pajjiżi ġirien;
(y) li jenfasizzaw li l-eżerċizzju militari tal-forzi armati Belarussi li sar fl-aħħar ta' Awwissu 2020 fil-fruntiera mal-Litwanja u l-Polonja, li kien segwit minn kampanja ta' informazzjoni ostili u qarrieqa, żied bla bżonn it-tensjoni u n-nuqqas ta' fiduċja;
(z) li jirrikonoxxu li filwaqt li l-politika ta' impenn kritiku li kienet segwita minn qabel l-elezzjonijiet presidenzjali frawdolenti tad-9 ta' Awwissu 2020 ġabet magħha xi żviluppi fir-relazzjonijiet bilaterali, il-progress fl-oqsma ewlenin tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali – inklużi l-libertà tal-kelma u tal-espressjoni u l-libertà tal-media, kif ukoll id-drittijiet tax-xogħol – u s-soċjetà ċivili, treġġa' lura matul u wara dawk l-elezzjonijiet, is-sitwazzjoni soċjoekonomika hija kkaratterizzata minn dħul baxx tal-familji u minn rati ta' qgħad għoljin, u l-ekonomija hija staġnata u hija influwenzata ħafna minn intrapriżi tal-istat u mill-korruzzjoni; hekk kif l-UE timpenja ruħha favur approċċ aktar immirat lejn is-Sħubija tal-Lvant u għal rieżami sħiħ tar-relazzjonijiet UE-Belarussja, jikkunsidraw li japplikaw il-prinċipju ta' "inqas għal inqas" fil-każ ta' degradazzjoni ulterjuri tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, li m'għandhiex taffettwa l-involviment u l-appoġġ għas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-mezzi tal-media indipendenti u l-poplu tal-Belarussja, peress li għall-kuntrarju jeħtieġ li titħeġġeġ l-għotja ta' spinta ulterjuri, minn organizzazzjonijiet internazzjonali u minn pajjiżi individwali oħrajn, lill-appoġġ politiku, finanzjarju, teknoloġiku u tal-informazzjoni billi jiġi segwit il-prinċipju ta' "aktar għal aktar" u l-involviment akbar tas-soċjetà ċivili f'inizjattivi u proġetti fil-Belarussja bl-appoġġ tal-UE;
(aa) li jħejju rieżami komprensiv tal-politika tal-UE dwar il-Belarussja, b'enfasi partikolari fuq l-appoġġ tagħha lis-soċjetà ċivili u lill-poplu tal-Belarussja, b'kunsiderazzjoni tax-xenarji differenti li qed jiżviluppaw fil-pajjiż, u jissospendu n-negozjati dwar il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Belarussja sakemm isiru elezzjonijiet presidenzjali ħielsa u ġusti fil-Belarussja; li jinsistu li jeħtieġ li l-UE tirrispondi b'mod magħqud u b'insistenza għas-sitwazzjoni fil-Belarussja wara l-elezzjonijiet presidenzjali;
(ab) li joffru l-alternattiva ta' kooperazzjoni msaħħa u ħafna aktar mill-qrib mal-Belarussja li tinkludi wkoll impenn finanzjarju u tekniku miżjud b'mod sostanzjali mill-UE f'każ li jseħħu l-bidliet demokratiċi, inklużi elezzjonijiet ġodda;
(ac) li jiżviluppaw programm komprensiv għall-Belarussja wara li jsiru l-elezzjonijiet presidenzjali l-ġodda u jorganizzaw konferenza tad-donaturi għal Belarussja demokratika, li tlaqqa' flimkien l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, il-pajjiżi tal-G7, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE, u oħrajn li huma lesti li jwiegħdu pakkett finanzjarju ta' diversi biljuni ta' Euro bħala appoġġ għall-isforzi futuri ta' riforma u r-ristrutturar tal-ekonomija;
(ad) li jwaqqfu minnufih kwalunkwe żborż ta' assistenza finanzjarja tal-UE lill-awtoritajiet illeġittimi tal-Belarussja u jevitaw l-għoti ta' kwalunkwe finanzjament lill-gvern u lil proġetti kkontrollati mill-Istat, fosthom l-għoti ta' assistenza jew finanzjament allokat għas-soċjetà ċivili permezz ta' dawn l-entitajiet; li jistabbilixxu kundizzjonijiet ċari biex jiżguraw li l-appoġġ finanzjarju tal-UE lill-Belarussja ma jispiċċax f'idejn ir-rappreżentanti tar-reġim jew iservi biex jilleġittimizza l-azzjonijiet tiegħu, sakemm ir-reġim ma jwaqqafx kull repressjoni, jiftaħ djalogu maċ-ċittadini u jippermetti elezzjonijiet ħielsa u ġusti ġodda;
(ae) li jiżguraw li l-appoġġ addizzjonali ta' EUR 53 miljun jissodisfa l-ħtiġijiet tal-poplu Belarussu, flimkien mal-għajnuna relatata mal-COVID-19, li tkopri t-trattament mediku taċ-ċittadini Belarussi li sfaw midruba u trawmatizzati bħala riżultat tar-repressjoni brutali fuq id-dimostranti, u għall-aktar każijiet serji li jiffaċilitaw u jappoġġaw it-trattament u l-irkupru fl-Istati Membri tal-UE; li jesprimu l-appoġġ tagħhom għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-attivisti, inklużi dawk li joperaw fl-eżilju, biex jippermettu lil organizzazzjonijiet u lil avukati jipprovdu servizzi legali lill-vittmi tar-reġim Belarussu biex jiddokumentaw u jinvestigaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u għall-ħaddiema Belarussi fuq strajk u għat-trade unions indipendenti, il-media indipendenti u l-ġurnaliżmu investigattiv;
(af) li jiżviluppaw strateġija għat-tqassim tal-fondi tal-UE f'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti demokratiċi tal-poplu Belarussu, l-UE u l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet tas-soċjetà ċivili internazzjonali li għandhom esperjenza ta' ħidma mal-Belarussja;
(ag) li jinsistu li l-programmi ta' appoġġ implimentati permezz tal-BEI, il-BERŻ, il-Bank Dinji, in-NU u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra jridu jkunu kundizzjonali wkoll fuq it-titjib tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija, u fuq l-issodisfar tal-istandards internazzjonali għas-sikurezza nukleari; li jinnotaw u jindirizzaw is-sitwazzjoni li, attwalment, il-programmi implimentati f'kooperazzjoni bejn dawn l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-istrutturi tal-istat fil-Belarussja normalment ma jinkludux partijiet ikkonċernati indipendenti fil-korpi governattivi tagħhom, li jwassal mhux biss biex dawn il-programmi jkollhom biss kisbiet dubjużi, iżda jikkontribwixxu wkoll għall-ispostament tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-istruttura ta' kooperazzjoni mal-UE mill-organizzazzjonijiet pubbliċi tal-Istat (organizzazzjonijiet mhux governattivi organizzati mill-gvern jew GONGOs);
(ah) li jilqgħu d-diversi atti ta' solidarjetà mal-poplu tal-Belarussja, inkluż il-ġbir ta' fondi u l-assistenza karitatevoli u umanitarja; f'dan ir-rigward, jikkundannaw il-waqfien tat-trasport tal-għajnuna umanitarja organizzat minn "NSZZ Solidarnosc";
(ai) li jappoġġaw il-ħidma tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej biex isaħħu l-iżvilupp u r-rwol taċ-ċittadini fit-tiswir tal-affarijiet pubbliċi u fl-għoti tas-setgħa lill-mexxejja politiċi futuri fil-Belarussja;
(aj) li jfakkru lill-awtoritajiet Belarussi li l-UE rreaġixxiet malajr u rrispondiet għall-ħtiġijiet urġenti tal-pajjiż matul il-pandemija tal-COVID-19, billi mmobilizzat aktar minn EUR 60 miljun biex tindirizza l-ħtiġijiet immedjati, bħall-appoġġ għas-settur tas-saħħa u għall-komunitajiet vulnerabbli, kif ukoll il-ħtiġijiet fuq terminu qasir, b'appoġġ għall-irkupru soċjali u ekonomiku;
(ak) li jinsistu li kwalunkwe appoġġ makrofinanzjarju futur tal-UE biex jittaffew il-konsegwenzi ekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19 ikun jiddependi fuq kriterji politiċi u ekonomiċi stretti, b'mod partikolari dawk marbuta mad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, partikolarment it-tmiem tar-repressjoni politika u l-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha; li jinnotaw it-tħassib dwar is-sikurezza nukleari espress minn xi Stati Membri tal-UE u t-theddid ikkawżat mill-kooperazzjoni militari bejn il-Belarussja u r-Russja, u jinsisti li għandhom jittieħdu miżuri adegwati biex jiġi miġġieled il-virus u tiġi protetta l-popolazzjoni;
(al) li jinsistu li tali appoġġ irid jiġi mmonitorjat mill-qrib bil-għan li jiġi evitat kwalunkwe użu ħażin tal-fondi tal-UE bħall-finanzjament ta' mediċini sperimentali jew vaċċini;
(am) li jenfasizzaw il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-isforzi tar-reġim Belarussu biex ixerred id-diżinformazzjoni, billi jpinġi l-appoġġ tal-UE bħala appoġġ għar-reġim; li jesprimu tħassib dwar it-tixrid ta' aħbarijiet foloz u diżinformazzjoni fil-Belarussja matul il-pandemija tal-COVID-19, u jħeġġeġ kemm lill-awtoritajiet Belarussi kif ukoll lill-UE biex jiżviluppaw programmi speċifiċi li jiġġieldu d-diżinformazzjoni u l-propaganda;
(an) li jistiednu lill-awtoritajiet Belarussi biex jirrikonoxxu pubblikament it-theddida ppreżentata mill-pandemija tal-COVID-19, isaħħu s-sistema tal-kura tas-saħħa, jipprovdu liċ-ċittadini b'informazzjoni u bi statistika rilevanti dwar il-pandemija b'mod trasparenti u inklużiv, jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-missjoni esperta tad-WHO fil-Belarussja f'April 2020, itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal mediku, u jtejbu l-aċċess għall-kura tas-saħħa u d-disponibbiltà u l-kwalità tagħha, inkluż f'postijiet ta' detenzjoni;
(ao) li jżommu l-kwistjoni tas-sikurezza nukleari bħala kwistjoni ta' tħassib maġġuri għall-UE minħabba l-konsegwenzi potenzjalment diżastrużi għar-reġjun kollu f'każ ta' inċident; li jittrattaw il-kwistjoni tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari (NPP) ta' Astravets b'urġenza peress li qiegħed joqrob il-bidu tal-operat tiegħu, hekk kif f'Mejju 2020 waslet l-ewwel kunsinna ta' fjuwil nukleari mir-Russja, li diġà ddaħħlet fl-ewwel reattur, filwaqt li għaddejjin preparamenti tekniċi oħra biex tinbeda l-ġenerazzjoni tal-elettriku f'Novembru 2020;
(ap) li jitolbu d-differiment tal-ikkummissjonar ippjanat tal-impjant NPP Astravets sakemm jiġu ssodisfati l-istandards internazzjonali għas-sikurezza nukleari, isiru seduti pubbliċi obbligatorji, u s-sitwazzjoni politika fil-Belarussja tkun stabbilizzat, b'kunsiderazzjoni tal-għadd ta' problemi ta' sikurezza nukleari mhux solvuti identifikati waqt l-istress test, in-nuqqas ta' konklużjoni finali dwar is-sikurezza tal-impjant, kapaċità insuffiċjenti ta' ħżin għall-fjuwil nukleari użat u għar-riżervi tal-enerġija, u s-sitwazzjoni attwali instabbli fil-Belarussja, fatturi li jikkomplikaw il-miżuri ta' rispons fil-każ ta' inċident, peress hemm ċans akbar ta' inċident waqt il-perjodu tal-bidu li fih jibda jitħaddem ir-reattur;
(aq) li jesprimu t-tħassib tagħhom li l-Belarussja mhux se timplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-istress tests imwettqa mill-awtoritajiet tas-sikurezza nukleari tal-UE qabel it-tnedija tal-ewwel reattur tal-NPP Astravyets, filwaqt li jinnota, barra minn hekk, li l-NPP qed jinbena mingħajr ma tiġi żgurata riżerva ta' kontroll sekondarja li hija meħtieġa għall-funzjonament sikur tiegħu;
(ar) li jinsistu fuq ir-rispett sħiħ tal-istandards internazzjonali tas-sikurezza nukleari u ambjentali, il-kooperazzjoni trasparenti, inklużiva u kostruttiva mal-awtoritajiet internazzjonali, u l-forniment ta' kapaċitajiet ta' aċċess u monitoraġġ għal organizzazzjonijiet ambjentali indipendenti fil-Belarussja rigward l-NPP Astravyets, u jorbot l-implimentazzjoni tagħhom mal-iżborż tal-appoġġ finanzjarju tal-UE; li jappoġġaw l-isforzi biex tiġi żgurata s-solidarjetà Ewropea dwar il-kwistjoni tal-projbizzjoni tal-importazzjoni tal-enerġija fis-suq tal-UE mill-NPP Astravets;
Is-sitwazzjoni fil-Belarussja
(as) li jitolbu li jsiru elezzjonijiet ħielsa u ġusti qabel ma jinbeda proċess ta' riforma kostituzzjonali trasparenti u inklużiv, soġġett għal konsultazzjoni pubblika tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha tas-soċjetà Belarussa, bħala opportunità kruċjali biex jiġu introdotti bidliet ġenwini, inkluż fir-rigward tad-drittijiet u l-libertajiet ċivili bażiċi, li jindirizzaw id-dgħufijiet tas-sistema politika attwali, jiżguraw proċess elettorali trasparenti u pluralistiku, u jippermettu lill-poplu Belarussu jiġi rappreżentat f'parlament elett demokratikament u jipparteċipa b'mod attiv fil-ħajja politika u fil-proċessi politiċi;
(at) li jappellaw lill-awtoritajiet biex iżidu t-trasparenza, ineħħu l-ostakli arbitrarji li minħabba fihom l-ebda partit politiku ġdid ma ġie rreġistrat fil-Belarussja sa mill-2000, u jippermettu r-reġistrazzjoni ta' partiti politiċi, ta' organizzazzjonijiet reliġjużi u tas-soċjetà ċivili u ta' trade unions indipendenti, u jtemmu r-restrizzjonjiet applikati għal organizzazzjonijiet stabbiliti u l-persekuzzjoni tal-oppożituri politiċi tar-reġim;
(au) li jindirizzaw il-problemi ffaċċjati mit-trade unions indipendenti, inklużi r-rifjut ta' reġistrazzjoni, il-prosekuzzjoni b'motivazzjoni politika tal-mexxejja tagħhom, u s-sħubija furzata ta' impjegati li għadhom kif ġew ikkuntrattati fi trade unions ikkontrollati mill-istat;
Drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali
(av) li jfaħħru lill-poplu Belarussu għall-kuraġġ u d-determinazzjoni tiegħu u jappoġġa bis-sħiħ ix-xewqa tiegħu għal bidla demokratika, il-ġustizzja soċjali u l-libertà, biex isejsu l-futur ta' pajjiżhom fuq il-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, bil-għan li jiżguraw il-libertà, l-indipendenza, is-sovranità u l-prosperità tar-Repubblika tal-Belarussja;
(aw) li jinsistu fuq il-ħtieġa li l-leġislazzjoni nazzjonali tar-Repubblika tal-Belarussja tiġi emendata sabiex jiġu garantiti d-drittijiet u l-libertajiet ċivili bażiċi, bħal-libertà ta' għaqda, ta' assoċjazzjoni, ta' espressjoni u ta' opinjoni, kif ukoll il-libertà tal-media, u l-konformità ma' ftehimiet internazzjonali u mal-linji gwida tal-OSKE dwar il-libertà ta' għaqda paċifika; li jistiednu lill-Belarussja tikkoopera bis-sħiħ mar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, inklużi żjarat fil-Belarussja, kif ukoll mal-Kumitat tan-NU kontra t-Tortura u mal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, sabiex jitwettqu riformi li ilhom mistennija biex jiġu protetti d-drittijiet tal-bniedem, tissaħħaħ id-demokrazija u tiġi indirizzata l-kwistjoni tat-tortura u t-trattament jew kastig krudili, inuman jew degradanti ieħor ta' persuni detenuti fil-Belarussja;
(ax) li jikkundannaw l-applikazzjoni persistenti tal-piena tal-mewt fil-Belarussja u jkomplu jaħdmu mal-awtoritajiet tal-Belarussja għal moratorju bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni permanenti u pendenti tagħha, u jaħdmu favur id-dritt ta' appell effettiv kontra l-sentenzi tal-mewt; li jħeġġu l-intensifikar tad-dibattitu pubbliku dwar l-abolizzjoni tal-piena kapitali, filwaqt li titwitta t-triq għall-possibbiltà ta' referendum fil-futur dwar din il-kwistjoni;
(ay) li jikkundannaw l-intimidazzjoni u l-persekuzzjoni li għaddejjin tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-personaġġi tal-oppożizzjoni, inklużi dawk li qegħdin jimmiraw għall-presidenza, is-sostenituri u l-membri tal-familja tagħhom, id-dimostranti paċifiċi, l-attivisti tas-soċjetà ċivili, l-osservaturi elettorali, id-difensuri tad-drittijiet ambjentali, il-mexxejja reliġjużi, u l-ġurnalisti u l-bloggers indipendenti, b'mod partikolari t-tattiċi tal-għajbien u multi kbar applikati mill-awtoritajiet; li jappellaw lill-Belarussja twaqqaf din ir-ripressjoni u tiggarantixxi l-kapaċità ta' dawn in-nies li jwettqu l-attivitajiet tagħhom mingħajr biża' ta' rappreżalji u li huma ħielsa minn kull restrizzjoni; li jiddeploraw il-fatt li t-tobba, il-persunal mediku u oħrajn li tkellmu apertament u wissew dwar it-tixrid tal-COVID-19 fil-Belarussja qegħdin jiġu msikkta u intimidati;
(az) li jinnotaw it-tentattivi biex jiġu interrotti u limitati l-attivitajiet tax-xogħol u biex jiġi msikket ir-rappurtar tal-membri taċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem "Viasna", b'mod partikolari Aliaksandr Burakou, Ales Burakou, Raman Kisliak, Uladzimir Vialichkin, Alena Masliukova, Andrei Miadzvedzeu u Siarhej Lacinski, u jappellaw biex jintemmu d-detenzjoni, il-prosekuzzjoni u l-intimidazzjoni tagħhom;
(ba) li jirrikonoxxi l-effett dissważiv tar-ripressjoni fuq is-soċjetà ċivili u r-rwol importanti tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem biex jiżguraw il-monitoraġġ indipendenti, b'mod partikolari matul l-elezzjonijiet;
(bb) li jikkundannaw l-isforzi tar-reġim Belarussu biex jiċħad id-dħul fil-pajjiż għal dawk il-Belarussi li jikkritikawh, bħall-kap tal-Knisja Kattolika tal-Belarussja, l-Arċisqof Tadeusz Kondrusiewicz, kif ukoll il-ġurnalisti indipendenti, il-ħaddiema tad-drittijiet tal-bniedem u r-rappreżentanti tal-komunità internazzjonali, fosthom il-Membri tal-Parlament Ewropew;
(bc) li jiżviluppaw proċedura u kapaċitajiet ċari fost l-Istati Membri tal-UE biex jitħaffu l-eżami u l-ħruġ ta' viżi ta' Schengen u jinħoloq kuritur umanitarju għaċ-ċittadini Belarussi f'każijiet urġenti ta' assistenza medika jew biex ifittxu rifuġju għal raġunijiet politiċi;
(bd) li jikkundannaw id-diskriminazzjoni u l-istigmatizzazzjoni kontinwi diretti kontra persuni b'diżabilità, persuni bl-HIV, minoranzi, persuni LGBTQI, u l-familji ta' detenuti madwar il-Belarussja, u jappella biex jiġi stabbilit korp nazzjonali indipendenti għad-drittijiet tal-bniedem u wkoll Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u biex tiġi adottata leġislazzjoni komprensiva kontra d-diskriminazzjoni;
(be) li jfakkru li l-Belarussja rratifikat il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li skontu, il-leġiżlazzjoni nazzjonali trid tiżgura protezzjoni ugwali u effettiva lill-persuni kollha kontra d-diskriminazzjoni għal kwalunkwe raġuni: razza, kulur, sess, lingwa, reliġjon, twemmin politiku jew twemmin ieħor, oriġini nazzjonali jew soċjali, status tal-proprjetà, u t-twelid jew ċirkostanzi oħra; li jesprimu tħassib li s-sensibilizzazzjoni u l-għarfien tal-uffiċjali tal-gvern, l-imħallfin, il-prosekuturi u l-avukati dwar il-Patt għadhom limitati; li jappellaw lill-awtoritajiet Belarussi jtejbu s-sistema edukattiva u jxerrdu l-informazzjoni fil-media bil-għan li jrawwmu attitudni ta' tolleranza lejn gruppi vulnerabbli;
(bf) li jitolbu azzjoni biex l-isterjotipar kontinwu u d-diskriminazzjoni li jaffettwaw lin-nisa jiġu miġġielda b'mod effettiv, billi, fost miżuri oħra, jtejbu l-ambjent tax-xogħol tagħhom, jippermettu l-aċċess tan-nisa għas-setturi kollha tal-impjieg, inaqqsu d-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi, u jippromwovu l-parteċipazzjoni politika tan-nisa; li jintegraw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fir-relazzjonijiet tal-UE mal-Belarussja;
(bg) li jqajmu l-kwistjoni tad-diskriminazzjoni kontra l-kelliema tal-lingwa Belarussa fil-Belarussja u jappoġġaw inizjattivi li għandhom l-għan li jippromwovu l-użu aktar mifrux tal-lingwa Belarussa fl-edukazzjoni, fil-ħajja pubblika u kulturali u fil-media;
(bh) li jiddeploraw il-prevalenza tax-xogħol furzat, li jiffoka b'mod sproporzjonat fuq kategoriji ta' persuni vulnerabbli, inklużi impjegati ta' intrapriżi u amministrazzjonijiet tal-istat, studenti, persuni miżmuma fl-hekk imsejħa ċentri tat-trattament tax-xogħol, priġunieri u ta' suldati tal-armata regolari; li jappellaw lill-Belarussja tirrevoka l-leġiżlazzjoni kollha li tippermetti x-xogħol furzat u ma ġġiegħelx lill-poplu Belarussu jipparteċipa fil-jum tax-xogħol annwali tal-komunità;
(bi) li jindirizzaw il-kwistjoni ta' kastig sproporzjonat fi ħdan is-sistema legali tal-Belarussja, b'mod partikolari l-Artiklu 328 tal-Kodiċi Kriminali, li skontu l-minorenni jiġu kkastigati għal reati mhux vjolenti relatati mad-drogi b'perjodi ta' priġunerija twal b'mod sproporzjonat;
(bj) li jinkoraġġixxu t-tkomplija tad-Djalogu UE-Belarussja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, iżda jinsistu li l-utilità vera tiegħu ma tiġix biss minn kuntatti istituzzjonali iżda minn progress li jista' jiġi evalwat, li skont l-organizzazzjonijiet parteċipanti tas-soċjetà ċivili tal-Belarussja, mhux qed iseħħ;
(bk) li jimmonitorjaw is-sitwazzjoni tal-libertà tal-media fil-Belarussja u jappoġġaw u joħolqu ambjent tax-xogħol sikur għal media, bloggers u ġurnalisti indipendenti, inklużi dawk li jaħdmu fuq bażi freelance ma' media barranija mhux irreġistrata, kif ukoll għal media bbażata fil-Polonja, bħal Belsat TV, Radju Ewropew għall-Belarussja u Radio Racja, peress li dawn huma sors importanti ta' informazzjoni kemm għall-Belarussja kif ukoll dwar il-Belarussja, u jipprovdu kanal tant meħtieġ għal fehmiet alternattivi;
(bl) li jikkundannaw bil-qawwa s-soppressjoni tal-internet u tal-media, l-imblokki fit-toroq, u l-intimidazzjoni u l-irtirar massiv ta' akkreditazzjonijiet għall-ġurnalisti li għandhom l-għan li jwaqqfu il-fluss ta' informazzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż, kif ukoll iċ-ċaħda tal-aċċess tal-Belarussja għall-media internazzjonali u għall-membri tal-parlament jew tal-gvern tal-komunità demokratika;
(bm) li jfaħħru l-azzjonijiet tal-ġurnalisti u l-impjegati tal-mezzi pubbliċi tal-media li, minkejja l-oppressjoni u t-theddid kontrihom, baqgħu fidili għall-etos ġurnalistiku u komplew jappoġġaw l-oppożizzjoni demokratika minkejja li sussegwentement tkeċċew; li jirrikonoxxu l-ħidma tal-media indipendenti, li jinkludu Charter 97, Belsat TV, Radio Svoboda u oħrajn; li jistiednu lill-UE tuża l-Fond Ewropew għad-Demokrazija u strumenti oħra sabiex tappoġġa dawn l-istabbilimenti u l-ġurnalisti li huma soġġetti għal repressjoni mir-reġim;
(bn) li jopponu b'viġilanza n-narrattivi ta' propaganda u d-diżinformazzjoni mxerrda mill-media tal-istat Belarussu li jakkużaw lill-UE u lill-Istati Membri tagħha b'interferenza fil-proċessi li għaddejjin fil-Belarussja u li dawn huma preżunti li qed jheddu s-sigurtà tal-integrità territorjali tal-pajjiż, kif ukoll kwalunkwe theddid ibridu magħmul minn atturi terzi; li jitlobu t-tneħħija tal-allegati "ġurnalisti" mibgħuta mir-Russja biex jissostitwixxu l-impjegati li rriżenjaw mill-istazzjonijiet televiżivi tal-Istat tal-Belarussja;
Il-kooperazzjoni ekonomika u settorjali
(bo) li jfakkru lill-Belarussja li l-UE hija t-tieni l-akbar sieħeb kummerċjali tagħha u li l-intensifikazzjoni tar-relazzjonijiet ekonomiċi tista' ġġib magħha l-bilanċ tant meħtieġ għall-kummerċ estern tal-Belarussja, li għadu dipendenti ħafna fuq ir-Russja u fuq l-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika;
(bp) li jenfasizzaw l-importanza li jitkompla l-proċess tal-adeżjoni tal-Belarussja mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), peress li dan jinkoraġġixxi l-modernizzazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-ekonomija, jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' ambjent tan-negozju aktar stabbli fil-pajjiż, u jiffaċilita l-kummerċ ibbażat fuq ir-regoli mal-UE;
(bq) li jinnotaw li l-president taċ-Ċina kien l-ewwel li feraħ lil Lukashenka wara l-elezzjonijiet; li jesprimu tħassib dwar iż-żieda fl-investimenti Ċiniżi fl-infrastruttura strateġika, u jwissu dwar l-effett li din id-dipendenza tista' toħloq għall-Belarussja;
(br) li jinnotaw li l-ekonomija Belarussa qed tistaġna u li aktar minn wieħed minn kull ħamsa tal-popolazzjoni qiegħed f'faqar assolut, u li dawn iċ-ċifri aktarx se jiżdiedu minħabba l-kriżi tal-COVID-19; li jinnotaw li l-paga minima fil-Belarussja hija ta' 375 rublu Belarussu fix-xahar jew EUR 137, u li l-pajjiż qed jiffaċċja kriżi demografika, bi tnaqqis fil-popolazzjoni fl-età tax-xogħol u b'migrazzjoni massiva tal-ħaddiema mill-Belarussja;
(bs) li jinnotaw l-effetti ta' ħsara għall-ekonomija Belarussa minħabba r-rifjut minn naħa tar-reġim li jidħol fi djalogu mal-poplu, u partikolarment l-istrajkijiet li għaddejjin madwar il-pajjiż kollu f'intrapriżi tal-istat u l-istrajkijiet tal-għalliema u tal-ħaddiema soċjali u kulturali; li jinnotaw ukoll l-effetti ta' ħsara fuq is-settur tal-IT, li jista' ma jirkuprax il-livell preċedenti tiegħu;
(bt) li jesprimu d-dispjaċir tagħhom għan-nuqqas ta' rieda tal-awtoritajiet Belarussi li jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bħall-Bank Dinji u l-FMI, jew li jimplimentaw riformi li jnaqqsu l-għadd kbir ta' intrapriżi tal-istat, jirriformaw is-settur tan-negozju, jinkoraġġixxu l-imprenditorija, jappoġġaw l-SMEs, inaqqsu d-dejn pubbliku, jesternalizzaw l-ispejjeż realistiċi tal-għajxien lill-popolazzjoni u jtejbu l-kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol;
(bu) li jesprimu t-tħassib tagħhom dwar regolamenti tal-istat li huma ta' ħsara għas-settur privat, b'mod partikolari r-rekwiżit li titħallas paga minima li ma tkunx inqas mill-paga medja tal-għaxar intrapriżi tal-Istat bl-akbar suċċess;
(bv) li jesprimu t-tħassib tagħhom dwar il-korruzzjoni sistemika prevalenti fuq skala kbira fl-istituzzjonijiet pubbliċi u l-kumpaniji tal-istat Belarussu, iħeġġu u jappoġġaw investigazzjonijiet u kampanji ta' informazzjoni kontra l-korruzzjoni, jesprimu tħassib dwar il-fastidju u l-persekuzzjoni ta' ġurnalisti li jirrapportaw każijiet ta' korruzzjoni, u jinsistu fuq ambjent sikur għall-ġurnalisti investigattivi u għall-informaturi;
(bw) li jinsistu li titwettaq investigazzjoni komprensiva dwar il-flussi finanzjarji tal-familja ta' Aliaksandr Lukashenka u tal-assoċjati tiegħu, inklużi l-attivitajiet tal-intrapriżi tal-istat Belarussu f'żoni offshore, kif ukoll dwar l-iskemi ta' korruzzjoni ta' intrapriżi Belarussi;
(bx) li jilqgħu u jinkoraġġixxu d-diversifikazzjoni tal-enerġija tal-Belarussja, u t-tnaqqis tad-dipendenza tagħha fuq ir-Russja permezz ta' importazzjonijiet ta' żejt u gass minn fornituri ġodda, inkluż mit-territorju tal-UE; li jinkoraġġixxu wkoll it-titjib tas-sostenibbiltà ambjentali u l-iżvilupp ta' sorsi alternattivi ta' enerġija;
(by) li jenfasizzaw l-importanza li l-UE tagħti lill-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Ftehim ta' Pariġi tal-2015, u jinkoraġġixxu lill-Belarussja ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mal-UE dwar kwistjonijiet ambjentali bil-ħsieb ta' trasformazzjoni ekoloġika, effiċjenza enerġetika, sostenibbiltà u newtralità klimatika, u biex tuża l-opportunitajiet offruti mis-Sħubija tal-Effiċjenza Enerġetika u Ambjentali tal-Ewropa tal-Lvant, filwaqt li jinsistu li jrid jieqaf il-fastidju ta' attivisti ambjentali; li jistiednu lill-Belarussja żżid l-isforzi fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u timplimenta l-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima fl-oqsma kollha tat-tfassil tal-politika;
(bz) li jenfasizzaw l-inizjattivi fil-qafas tas-Sħubija Ambjentali tad-Dimensjoni tat-Tramuntana (NDEP), li għandhom l-għan li jindirizzaw il-problemi ambjentali l-aktar urġenti fiż-żona;
Il-kuntatti bejn il-persuni
(ca) li jsostnu li l-UE hija interessata fl-akbar ammont ta' kuntatti possibbli bejn in-nies bħala l-aħjar mod kif l-UE u l-Belarussja jersqu eqreb ta' xulxin, kif ukoll biex jiġu promossi l-fehim reċiproku u l-iskambju tal-aħjar prattika; li jippromwovu programmi ta' skambju b'rekord ippruvat, bħall-Iskema ta' Mobilità għal Kuntatti Mmirati bejn il-Persuni (MOST), u jtennu li l-ftehim għall-faċilitazzjoni tal-viża huwa espressjoni tanġibbli ta' din il-politika;
(cb) li jilqgħu l-progress fl-implimentazzjoni tas-Sħubija għall-Mobilità u l-Ftehimiet għall-faċilitazzjoni tal-viżi u r-riammissjoni bħala parti minn ambjent ta' mobilità sikur u ġestit tajjeb bejn l-UE u l-Belarussja;
(cc) li jirrikonoxxu u jagħmlu użu mill-fatt li l-mobilità dejjem akbar bejn l-UE u l-Belarussja żżid l-esponiment taċ-ċittadini għall-valuri Ewropej u s-sostenn għat-trasformazzjoni demokratika;
(cd) li jesploraw possibbiltajiet għal vjaġġar mingħajr viża għal ċittadini Belarussi sabiex il-kuntatt bejn il-persuni ma jibqax ostaġġ tal-prinċipji mhux demokratiċi tal-awtoritajiet Belarussi;
(ce) li jappoġġaw il-kooperazzjoni u l-moviment transfruntier bejn il-Belarussja u l-Istati Membri ġirien tal-UE, b'mod partikolari billi jħeġġu lill-awtoritajiet Belarussi jimplimentaw ir-reġim tat-traffiku lokali tal-fruntiera mal-Litwanja, li jibbenefika lil dawk li jgħixu f'żona ta' 50 kilometru fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera;
(cf) li jirrikonoxxu r-rwol tad-dijaspora Belarussa fil-qawmien demokratiku fil-Belarussja u l-involviment tal-membri tagħha fl-Istati Membri tal-UE bħala atturi importanti fi djalogu nazzjonali fil-Belarussja;
(cg) li jappoġġaw il-kooperazzjoni fl-isfera tal-kultura permezz ta' programmi bħal Ewropa Kreattiva, u b'mod partikolari permezz ta' proġetti mmirati lejn it-trawwim tal-kreattività, li jinvolvu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u inizjattivi fil-livell lokali; li jippromwovu u jimmobilizzaw is-solidarjetà Ewropea mas-soċjetà Belarussa permezz ta' manifestazzjonijiet kulturali;
(ch) li jintensifikaw l-isforzi biex jiżguraw li ż-żgħażagħ fil-Belarussja jkunu jistgħu jibbenefikaw minn edukazzjoni ta' kwalità aħjar permezz ta' progress fl-implimentazzjoni tal-Proċess ta' Bolonja u żieda fil-mobilità akkademika u f'opportunitajiet ta' studju fl-UE permezz tal-programm Erasmus+, li jistgħu jikkontribwixxu, b'mod reali u fit-tul, għal bidla fil-mentalità fil-Belarussja u għat-trasferiment naturali tal-valuri Ewropej lejn il-pajjiż u d-demokratizzazzjoni tiegħu;
(ci) li jappoġġaw liż-żgħażagħ Belarussi li minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-protesti nazzjonali se jkunu mċaħħda mill-edukazzjoni fil-Belarussja, u jipprovdulhom boroż ta' studju biex jistudjaw fl-istituzzjonijiet edukattivi tal-Istati Membri tal-UE;
(cj) li jżommu l-appoġġ finanzjarju tal-UE għall-Università Ewropea tal-Istudji Umanistiċi (EHU), università Belarussa fl-eżilju f'Vilnius;
(ck) li jipprovdu boroż ta' studju għall-akkademiċi li tilfu l-pożizzjonijiet ta' tagħlim u riċerka tagħhom minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-protesti;
(cl) li jappoġġaw programmi edukattivi favur ir-riorjentazzjoni professjonali tal-impjegati taċ-ċivil Belarussi li tkeċċew jew li telqu mis-servizz pubbliku b'mod volontarju;
(cm) li jappoġġaw id-diġitalizzazzjoni tal-edukazzjoni fid-dwal tat-tifqigħa tal-COVID-19 fil-Belarussja;
(cn) li jirrikonoxxu li ħafna mill-ilħna tar-rivoluzzjoni demokratika li għaddejja fil-Belarussja huma gradwati mill-universitajiet tal-Istati Membri tal-UE jew parteċipanti fi programmi differenti appoġġati mill-UE li għandhom l-għan li jżidu l-kwalifiki professjonali tagħhom u jippermettu attivitajiet professjonali;
(co) li jinkoraġġixxu lill-komunità tax-xjenza tal-Belarussja biex iżżid il-kooperazzjoni mal-kontropartijiet Ewropej tagħha u tagħmel użu sħiħ minn Orizzont Ewropa;
(cp) li jsaħħu l-programmi ta' appoġġ għad-demokrazija u l-komunikazzjoni strateġika, u jappoġġaw sensibilizzazzjoni akbar tal-komunitajiet lokali, lil hinn mill-koorti tradizzjonali "pro-Ewropej";
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
21.9.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
60 7 1 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Alviina Alametsä, Alexander Alexandrov Yordanov, Maria Arena, Petras Auštrevičius, Traian Băsescu, Anna Bonfrisco, Reinhard Bütikofer, Fabio Massimo Castaldo, Włodzimierz Cimoszewicz, Katalin Cseh, Tanja Fajon, Anna Fotyga, Michael Gahler, Kinga Gál, Sunčana Glavak, Raphaël Glucksmann, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Márton Gyöngyösi, Sandra Kalniete, Dietmar Köster, Andrius Kubilius, Ilhan Kyuchyuk, David Lega, Miriam Lexmann, Nathalie Loiseau, Antonio López-Istúriz White, Lukas Mandl, Thierry Mariani, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Sven Mikser, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Gheorghe-Vlad Nistor, Urmas Paet, Demetris Papadakis, Kostas Papadakis, Tonino Picula, Manu Pineda, Kati Piri, Giuliano Pisapia, Jérôme Rivière, María Soraya Rodríguez Ramos, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Andreas Schieder, Radosław Sikorski, Jordi Solé, Sergei Stanishev, Tineke Strik, Hermann Tertsch, Harald Vilimsky, Idoia Villanueva Ruiz, Viola Von Cramon-Taubadel, Thomas Waitz, Charlie Weimers, Isabel Wiseler-Lima, Salima Yenbou, Željana Zovko |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Özlem Demirel, Angel Dzhambazki, Assita Kanko, Arba Kokalari, Dragoş Tudorache, Mick Wallace, Elena Yoncheva, Marco Zanni |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
60 |
+ |
EPP |
Alexander Alexandrov Yordanov, Traian Băsescu, Michael Gahler, Kinga Gál, Sunčana Glavak, Sandra Kalniete, Andrius Kubilius, David Lega, Miriam Lexmann, Antonio López-Istúriz White, David McAllister, Lukas Mandl, Vangelis Meimarakis, Francisco José Millán Mon, Gheorghe-Vlad Nistor, Radosław Sikorski, Isabel Wiseler-Lima, Željana Zovko, Arba Kokalari |
S&D |
Maria Arena, Włodzimierz Cimoszewicz, Tanja Fajon, Raphaël Glucksmann, Dietmar Köster, Sven Mikser, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Kati Piri, Giuliano Pisapia, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Andreas Schieder, Sergei Stanishev, Elena Yoncheva |
RENEW |
Petras Auštrevičius, Katalin Cseh, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Javier Nart, Urmas Paet, María Soraya Rodríguez Ramos, Dragoş Tudorache |
ID |
Anna Bonfrisco, Marco Zanni |
GREENS |
Alviina Alametsä, Reinhard Bütikofer, Jordi Solé, Tineke Strik, Viola Von Cramon-Taubadel, Thomas Waitz, Salima Yenbou |
ECR |
Anna Fotyga, Hermann Tertsch, Charlie Weimers, Angel Dzhambazki, Assita Kanko |
NI |
Fabio Massimo Castaldo, Márton Gyöngyösi |
7 |
- |
ID |
Thierry Mariani, Jérôme Rivière |
GUE |
Manu Pineda, Idoia Villanueva Ruiz, Özlem Demirel, Mick Wallace |
NI |
Kostas Papadakis |
1 |
0 |
ID |
Harald Vilimsky |
|
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni