Proċedura : 2020/2072(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0170/2020

Testi mressqa :

A9-0170/2020

Dibattiti :

PV 05/10/2020 - 15
CRE 05/10/2020 - 15

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2020)0251

<Date>{29/09/2020}29.9.2020</Date>
<NoDocSe>A9-0170/2020</NoDocSe>
PDF 302kWORD 95k

<TitreType>RAPPORT</TitreType>

<Titre>dwar l-istabbiliment ta' Mekkaniżmu tal-UE għad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali</Titre>

<DocRef>(2020/2072(INL))</DocRef>


<Commission>{LIBE}Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern</Commission>

Rapporteur: <Depute>Michal Šimečka</Depute>

(Inizjattiva – Artikolu 46 tar-Regoli tal-Proċedura)

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS GĦALL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI:
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI
 OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET KOSTITUZZJONALI
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-istabbiliment ta' Mekkaniżmu tal-UE għad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali

(2020/2072(INL))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 295 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra, b'mod partikolari, l-Artikolu 2, l-Artikolu 3(1), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3), l-Artikolu 4(3) u l-Artikoli 5, 6, 7 u 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Artikoli tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) relatati mar-rispett lejn id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Unjoni, u l-promozzjoni u l-protezzjoni tagħhom, inklużi l-Artikoli 70, 258, 259, 260, 263 u 265 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-kriterji ta' Copenhagen, u l-grupp ta' regoli tal-Unjoni li pajjiż kandidat għandu jissodisfa jekk ikun jixtieq jissieħeb fl-Unjoni (l-acquis),

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra l-istrumenti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u r-rakkomandazzjonijiet u r-rapporti tal-Eżami Perjodiku Universali tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll il-ġurisprudenza tal-korpi tat-trattati tan-Nazzjonijiet Uniti u l-proċeduri speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bnedmin,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-8 ta' Marzu 1999,

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet u r-rapporti tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kummissarju Għoli għall-Minoranzi Nazzjonali, ir-Rappreżentant għal-Libertà tal-Media u korpi oħra tal-l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u l-Karta Soċjali Ewropea, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kumitat Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u l-konvenzjonijiet, rakkomandazzjonijiet, riżoluzzjonijiet u rapporti tal-Assemblea Parlamentari, il-Kumitat tal-Ministri, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kummissjoni Ewropea Kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza, il-Kumitat ta' Tmexxija dwar il-Ġlieda Kontra d-Diskriminazzjoni, id-Diversità u l-Inklużjoni, il-Kummissjoni ta' Venezja u korpi oħra tal-Kunsill tal-Ewropa,

 wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea, tat-23 ta' Mejju 2007,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni,

 wara li kkunsidra l-ftehim li jistabbilixxi l-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni,

 wara li kkunsidra l-Lista tal-Kriterji tal-Istat tad-Dritt adottata mill-Kummissjoni ta' Venezja fil-106 Sessjoni Plenarja tagħha, fit-18 ta' Marzu 2018,

 wara li kkunsidra s-sett ta' għodod tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Istati Membri bl-isem "Respecting democracy, rule of law and human rights in the framework of the COVID-19 sanitary crisis" (Ir-Rispett għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem fil-qafas tal-kriżi sanitarja tal-COVID-19) tas-7 ta' April 2020,

 wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2020 mill-organizzazzjonijiet sħab tal-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Promozzjoni tal-Protezzjoni tal-Ġurnaliżmu u s-Sikurezza tal-Ġurnalisti,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Lulju 2019 bit-titolu"It-tisħiħ tal-istat tad-dritt fl-Unjoni - Pjan ta' azzjoni" (COM(2019)0343),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Jannar 2020 li tinkludi l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2020 (COM(2020)0037) u l-Programm ta' Ħidma aġġustat tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2020 (COM(2020)0440),

 wara li kkunsidra t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja 2020 tal-UE,

 wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2019 bit-titolu "It-tisħiħ ulterjuri tal-Istat tad-Dritt fi ħdan l-Unjoni. Is-sitwazzjoni bħalissa u l-passi li jmiss li jistgħu jittieħdu" li pproponiet li jinħoloq Forum annwali dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta' Ġunju 2020 bit-titolu "National developments from a civil society perspective, 2018-2019" (Żviluppi nazzjonali minn perspettiva tas-soċjetà ċivili, 2018-2019),

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali bit-titolu "Challenges facing civil society organisations working on human rights in the EU" (L-isfidi li qed jiffaċċjaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq id-drittijiet tal-bniedem fl-UE), ippubblikat fis-17 ta' Jannar 2018, u rapporti u data oħra tagħha,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi bit-titolu "Beijing +25: the fifth review of the implementation of the Beijing Platform for Action in the EU Member States" (Beijing+25: il-ħames rieżami tal-implimentazzjoni tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing fl-Istati Membri tal-UE), ippubblikat f'Novembru 2019,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill dwar l-iżgurar tar-rispett għall-istat tad-dritt tas-16 ta' Diċembru 2014,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' April 2018 dwar il-ħtieġa li jiġi stabbilit Strument għall-Valuri Ewropej biex jiġu appoġġati l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jippromwovu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-valuri fundamentali fl-Unjoni Ewropea fil-livell lokali u nazzjonali[2],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-17 ta' April 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-ħtieġa ta' mekkaniżmu komprensiv tal-UE għall-protezzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali[4],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2017[5],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2019 dwar ir-rigressjoni attwali tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE[6],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE, b'mod speċifiku f'Malta u fis-Slovakkja[7],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar diskriminazzjoni pubblika u diskors ta' mibegħda kontra persuni LGBTI, inklużi ż-żoni mingħajr LGBTI[8],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni - rapport annwali 2018[9],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020 dwar is-seduti ta' smigħ li għaddejjin bħalissa skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE fir-rigward tal-Polonja u l-Ungerija[10],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha[11],

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet konġunti tal-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili bit-titolu "From blueprint to footprint: Safeguarding media freedom and pluralism through the European Rule of Law Mechanism" (Minn pjan ta' azzjoni għal impronta: Nissalvagwardjaw il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja permezz tal-Mekkaniżmu Ewropew tal-Istat tad-Dritt) ta' April 2020,

 wara li kkunsidra r-rapport tan-Network Ewropew tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem bit-titolu "L-Istat tad-Dritt fl-Unjoni Ewropea" tal-11 ta' Mejju 2020,

 wara li kkunsidra l-preżentazzjoni tal-Grupp ta' Ħidma tan-Network dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija dwar il-Politika Interna tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, tal-4 ta' Mejju 2020 lill-Kummissjoni Ewropea fil-qafas tal-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati għar-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt 2020,

 wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-valur miżjud Ewropew li jakkumpanja r-rapport ta' inizjattiva leġiżlattiva dwar mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali ta' Ottubru 2016,

 wara li kkunsidra l-Valutazzjoni Preliminari tal-Parlament dwar il-valur miżjud Ewropew ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali ta' April 2020,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 46, 54 u 148 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0170/2020),

A. billi l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, kif stipulat fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE); billi dawk il-valuri huma valuri li huma komuni għall-Istati Membri u li l-Istati Membri kollha ssottoskrivew għalihom b'mod ħieles; billi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali huma valuri li jsaħħu lil xulxin;

B. billi l-Unjoni kkodifikat, fil-kriterji ta' adeżjoni tagħha, li s-sħubija fl-Unjoni tirrikjedi li pajjiż kandidat ikun kiseb stabbilità tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, ir-rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom; jirrimarka madankollu li l-Unjoni m'għandhiex għodod effettivi biex issaħħaħ dawk il-kriterji ladarba pajjiż ikun sar parti mill-Unjoni;

C. billi d-deċennju preċedenti ra attakki sfaċċati kontra l-valuri tal-Unjoni f'diversi Stati Membri; billi l-Parlament ilu mill-2011 jindirizza ripetutament dawk l-iżviluppi inkwetanti fir-riżoluzzjonijiet tiegħu, inkluża l-attivazzjoni tal-Artikolu 7 tat-TUE fl-2018; billi l-Parlament ilu jitlob mill-2016 biex isir monitoraġġ komprensiv, preventiv u bbażat fuq l-evidenza f'dan il-qasam permezz ta' mekkaniżmu tal-UE għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

D. billi l-gruppi vulnerabbli bħan-nisa, il-persuni b'diżabilità, ir-Rom, il-persuni LGBTI u l-anzjani għadhom jesperjenzaw nuqqas ta' rispett sħiħ għad-drittijiet tagħhom f'xi Stati Membri, u mhumiex protetti għalkollox mill-mibegħda u d-diskriminazzjoni, bi ksur tal-valuri tal-Unjoni previsti fl-Artikolu 2 tat-TUE u d-dritt ta' nondiskriminazzjoni previst fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta); billi l-miżuri ta' emerġenza meħuda b'rispons għall-pandemija tal-COVID-19 komplew joħolqu l-problemi għad-drittijiet fundamentali u l-kontrolli demokratiċi;

E. billi madwar 10 % miċ-ċittadini tal-Unjoni jappartjenu għal minoranza nazzjonali; billi r-rispett għad-drittijiet tal-minoranzi huwa parti integrali mill-valuri tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 2 tat-TUE; billi l-minoranzi jikkontribwixxu għad-diversità kulturali u lingwistika tal-Unjoni; billi bħalissa ma jeżisti l-ebda qafas legali tal-UE li jiggarantixxi u jimmonitorja d-drittijiet tal-minoranzi;

F. billi l-ksur tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE, mingħajr rispons xieraq u konsegwenzi fil-livell tal-Unjoni, idgħajjef il-koeżjoni tal-proġett Ewropew, id-drittijiet taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni u l-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri;

G. billi l-korruzzjoni timponi theddida serja għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u t-trattament ugwali taċ-ċittadini kollha;

H. billi l-ġurnaliżmu indipendenti u l-aċċess għal informazzjoni pluralistika huma pilastri ewlenin tad-demokrazija; billi l-istat inkwetanti tal-libertà tal-media u l-pluraliżmu fl-Unjoni ma ġiex indirizzat b'mod vigoruż biżżejjed; billi s-soċjetà ċivili hija essenzjali biex kwalunkwe demokrazija tirnexxi; billi t-tnaqqis fl-ispazju għas-soċjetà ċivili jikkontribwixxi għal ksur tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; billi l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom iżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha;

I. billi l-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali huma kruċjali għall-kisba ta' ġustizzja effettiva; billi d-disponibbiltà tal-għajnuna legali u l-livell tat-tariffi tal-qorti jista' jkollhom impatt kbir ħafna fuq l-aċċess għall-ġustizzja; billi l-Karta għandha l-istess valur legali bħat-Trattati; billi skont il-gwida tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri japplikaw il-Karta unikament meta jimplimentaw atti legali tal-Unjoni; madankollu, huwa importanti għat-trawwim ta' kultura komuni legali, ġudizzjarja u tal-istat tad-dritt li d-drittijiet kif minquxa fil-Karta jiġu meqjusa dejjem;

J. billi l-Kummissjoni qed tħejji biex tippubblika r-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt 2020 tagħha, li għandu jiġi segwit minn Strateġija għall-Implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Demokrazija;

K. billi regolament dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni fil-każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, ladarba jiġi adottat, isir għodda indispensabbli għas-salvagwardja tal-istat tad-dritt fl-Unjoni;

L. billi kwalunkwe mekkaniżmu ta' monitoraġġ irid jinvolvi mill-qrib lill-partijiet ikkonċernati attivi fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, inklużi s-soċjetà ċivili, il-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa u tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, l-awtoritajiet rilevanti u l-assoċjazzjonijiet professjonali li jappoġġaw lill-ġudikaturi fit-twettiq indipendenti tal-ġustizzja; billi, għalhekk, huwa meħtieġ finanzjament xieraq tal-Unjoni għas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari permezz tal-Programm Ġustizzja u l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri;

M. billi jeħtieġ li jissaħħu u jiġu ssimplifikati l-mekkaniżmi eżistenti u jiġi żviluppat mekkaniżmu effettiv biex jiġi żgurat li l-prinċipji u l-valuri minquxa fit-Trattati jiġu rrispettati madwar l-Unjoni kollha;

N. billi l-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill ("it-tliet istituzzjonijiet") jaqsmu r-responsabbiltà politika għaż-żamma tal-valuri tal-Unjoni, fil-limiti tal-poteri mogħtija lilhom mit-Trattati; billi ftehim interistituzzjonali bbażat fuq l-Artikolu 295 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiżgura l-arranġamenti meħtieġa biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni tat-tliet istituzzjonijiet f'dak ir-rigward; billi, skont l-Artikolu 295 tat-TFUE, kwalunkwe waħda mit-tliet istituzzjonijiet tista' tipproponi tali ftehim;

1. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-Unjoni tiżviluppa aġenda robusta, komprensiva u pożittiva għall-protezzjoni u t-tisħiħ b'mod effettiv tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali għaċ-ċittadini kollha tagħha; jinsisti li l-Unjoni għandha tibqa' promotur tal-libertà u l-ġustizzja fl-Ewropa u fid-dinja;

2. Iwissi li l-Unjoni qed tiffaċċja kriżi bla preċedent u li qed taggrava tal-valuri fundamentali tagħha, li qed thedded is-sopravivenza fit-tul bħala proġett ta' paċi demokratika; huwa mħasseb b'mod serju dwar iż-żieda u t-tisħiħ tat-tendenzi awtokratiċi u illiberali, li qed ikomplu jaggravaw minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u r-reċessjoni ekonomika, kif ukoll il-korruzzjoni, id-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-Istat, f'diversi Stati Membri; jissottolinja l-perikli ta' din ix-xejra għall-koeżjoni tal-ordni ġuridiku tal-Unjoni, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kollha tagħha, il-funzjonament tas-suq uniku tagħha, l-effikaċja tal-politiki komuni tagħha u l-kredibilità internazzjonali tagħha;

3. Jirrikonoxxi li l-Unjoni għadha strutturalment mhux mgħammra tajjeb biex tindirizza l-ksur u r-rigressjonijiet fir-rigward tad-demokrazija, id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt fl-Istati Membri; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' ħila tal-Kunsill li jagħmel progress sinifikanti fl-infurzar tal-valuri tal-Unjoni fil-proċeduri tal-Artikolu 7 tat-TUE li għaddejjin bħalissa; jinnota li n-nuqqas min-naħa tal-Kunsill li japplika l-Artikolu 7 tat-TUE b'mod effettiv fil-fatt qed jippermetti diverġenza kontinwa mill-valuri previsti fl-Artikolu 2 tat-TUE; jinnota bi tħassib in-natura diżassoċjata tal-għodda tal-Unjoni f'dak il-qasam, u jitlob li dawn jiġu razzjonalizzati u infurzati kif suppost;

4. Jilqa' l-ħidma tal-Kummissjoni dwar ir-Rapport annwali dwar l-Istat tad-Dritt; jilqa' l-fatt li l-korruzzjoni u l-libertà tal-media jiffurmaw parti mill-valutazzjoni annwali; jinnota, madankollu, li dan ma jinkludix l-oqsma tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali; jiddispjaċih b'mod partikolari li l-libertà ta' assoċjazzjoni u t-tnaqqis fl-ispazju tas-soċjetà ċivili ma jagħmlux parti mill-valutazzjoni annwali; jissottolinja bi tħassib li gruppi vulnerabbli, inklużi n-nisa, il-persuni b'diżabilità, ir-Rom, il-persuni LGBTI u l-anzjani għadhom qed jesperjanzaw nuqqas ta' rispett sħiħ tad-drittijiet tagħhom f'xi Stati Membri u mhumiex protetti għalkollox mill-mibegħda u d-diskriminazzjoni, bi ksur tal-valuri tal-Unjoni kif previst fl-Artikolu 2 tat-TUE; ifakkar li l-Parlament talab ripetutament li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' monitoraġġ li jkopri l-kamp ta' applikazzjoni kollu tal-Artikolu 2 tat-TUE; itenni l-ħtieġa ta' mekkaniżmu ta' monitoraġġ oġġettiv u msejjes fuq l-evidenza minqux f'att legali li jorbot lit-tliet istituzzjonijiet ma' proċess trasparenti u regolarizzat, b'responsabbiltajiet definiti b'mod ċar, sabiex il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-valuri kollha tal-Unjoni jsiru parti permanenti u viżibbli mill-aġenda tal-Unjoni;

5. Jipproponi l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (il-"Mekkaniżmu"), abbażi tal-proposta tal-Parlament tal-2016 u r-Rapport tal-Istat tad-Dritt annwali tal-Kummissjoni, li għandu jkun regolat minn ftehim interistituzzjonali bejn it-tliet istituzzjonijiet, li jkun jikkonsisti f'Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali dwar il-valuri tal-Unjoni, li jkopri l-aspetti kollha tal-Artikolu 2 tat-TUE, u japplika b'mod ugwali, oġġettiv u ġust għall-Istati Membri kollha, filwaqt li jirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

6. Jissottolinja li ċ-Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali jeħtieġ li jinkludi rakkomandazzjonijiet ċari u speċifiċi għall-pajjiż, bi skedi ta' żmien u miri għall-implimentazzjoni, li għandhom jiġu segwiti f'rapporti annwali jew urġenti sussegwenti; jisħaq li n-nuqqas ta' implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet irid ikun marbut ma' miżuri konkreti tal-Unjoni, inklużi l-proċeduri skont l-Artikolu 7 tat-TUE, il-proċedimenti ta' ksur u l-kundizzjonalità baġitarja ladarba din tkun fis-seħħ; jirrimarka li r-rakkomandazzjonijiet m'għandhomx ikunu mmirati biss lejn ir-rimedju tal-ksur, iżda għandhom ukoll jippromwovu politiki li jippermettu liċ-ċittadini jibbenefikaw mid-drittijiet u l-valuri tal-Unjoni;

7. Jindika li l-Mekkaniżmu għandu jikkonsolida u jieħu post l-istrumenti eżistenti biex tiġi evitata d-duplikazzjoni, b'mod partikolari r-Rapport annwali dwar l-Istat tad-Dritt, il-Qafas tal-Istat tad-Dritt tal-Kummissjoni, ir-rappurtar annwali tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Karta, id-Djalogu tal-Kunsill dwar l-Istat tad-Dritt u l-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika (CVM), filwaqt li jżid il-komplementarjetà u l-koerenza b'għodod oħra disponibbli, fosthom il-proċeduri skont l-Artikolu 7 tat-TUE, il-proċedimenti ta' ksur u l-kundizzjonalità baġitarja ladarba tkun fis-seħħ; iqis li t-tliet istituzzjonijiet għandhom jużaw is-sejbiet miċ-Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali fil-valutazzjoni tagħhom sabiex jiġi skattat l-Artikolu 7 tat-TUE u tar-Regolament (UE) 2020/xxxx tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri[12]; jenfasizza li r-rwoli u l-prerogattivi ta' kull waħda mit-tliet istituzzjonijiet iridu jiġu rrispettati;

8. Jissottolinja li l-indipendenza ġudizzjarja hija integrali għat-teħid ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji u rekwiżit li jirriżulta mill-prinċipju ta' protezzjoni legali effettiva stabbilit fl-Artikolu 19 tat-TUE; jinsab imħasseb li l-attakki reċenti fuq l-istat tad-dritt kienu jikkonsistu prinċipalment f'tentattivi biex tiġi mhedda l-indipendenza ġudizzjarja, u jenfasizza li kull qorti nazzjonali hija wkoll Qorti Ewropea; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha kontra kwalunkwe tentattiv mill-gvernijiet tal-Istati Membri biex jipperikolaw l-indipendenza tal-qrati nazzjonali u biex tinforma lill-Parlament fil-waqt dwar kwalunkwe sitwazzjoni bħal din;

9. Ifakkar li l-adeżjoni tal-Unjoni mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali hija obbligu previst fl-Artikolu 6(2) tat-TUE; itenni l-ħtieġa għal konklużjoni rapida tal-proċess ta' adeżjoni sabiex jiġi żgurat qafas konsistenti għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem madwar l-Ewropa u biex tissaħħaħ aktar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali fi ħdan l-Unjoni; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni żżid l-isforzi biex timplimenta t-Trattati għalkollox u tikkonkludi l-proċess ta' adeżjoni mingħajr dewmien bla bżonn;

10. Ifakkar fir-rwol indispensabbli li għandhom is-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, il-korpi tal-ugwaljanza u atturi rilevanti oħra fl-istadji kollha taċ-Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali, mill-għoti ta' kontribut għall-faċilitazzjoni tal-implimentazzjoni u l-monitoraġġ; jissottolinja l-ħtieġa li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-atturi li jirrapportaw jingħataw protezzjoni kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-Unjoni, inkluż, fejn ikun meħtieġ, kontra abbużi ta' azzjonijiet mill-qrati, flimkien ma' finanzjament adegwat fil-livelli kollha; jitlob, f'dan ir-rigward, li jinħoloq statut għall-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet transfruntiera Ewropej mingħajr skop ta' qligħ, wara valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa; jenfasizza l-kontribut tal-informaturi għas-salvagwardja tal-istat tad-dritt u għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni[13]; jinnota li l-istatus ta' akkreditazzjoni tal-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-ispazju għas-soċjetà ċivili jistgħu jservu huma stess bħala indikaturi għal skopijiet ta' valutazzjoni; iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali jorganizzaw dibattiti pubbliċi u jadottaw pożizzjonijiet dwar l-eżitu taċ-ċiklu ta' monitoraġġ; jenfasizza li t-taħriġ tal-professjonisti fil-qasam tal-ġustizzja huwa essenzjali għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni xierqa tad-dritt tal-Unjoni, u għaldaqstant, għat-tisħiħ ta' kultura legali komuni fl-Unjoni kollha; iqis li l-istrateġija Ewropea għat-taħriġ ġudizzjarju li jmiss trid tiffoka aktar fuq il-promozzjoni tal-istat tad-dritt u l-indipendenza ġudizzjarja u tinkludi taħriġ dwar kwistjonijiet ta' ħiliet u dawk mhux legali sabiex l-imħallfin ikunu mħejjija aħjar biex jirreżistu l-pressjoni indebita; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jippromwovu u jiffaċilitaw id-djalogu bejn il-qrati u l-prattikanti legali billi jrawmu skambju regolari ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki sabiex jissaħħaħ u jitmexxa 'l quddiem spazju ta' ġustizzja tal-Unjoni bbażat fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat finanzjament adegwat għall-Programm settorjali tal-Ġustizzja u għall-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri fil-QFP li jmiss, peress li dawk il-programmi għandhom l-għan li jipproteġu u jippromwovu l-valuri tal-Unjoni u jiżviluppaw spazju ta' ġustizzja tal-Unjoni msejjes fuq l-istat tad-dritt u li jappoġġaw lis-soċjetà ċivili;

11. Jindika l-komplementarjetà li għandha teżisti bejn it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE, li tippermetti tqabbil bejn is-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri, u l-Mekkaniżmu; jinnota li skont it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tal-2020, għad hemm differenzi sinifikanti fost l-Istati Membri fir-rigward tal-għadd ta' kawżi pendenti, u li l-akkumulazzjoni ta' xogħol b'lura żdiedet f'xi Stati Membri, li mhux l-Istati Membri kollha joffru taħriġ dwar il-ħiliet tal-ICT bil-għan li jadattaw għad-diġitalizzazzjoni u jiffaċilitaw l-aċċess għall-ġustizzja, li l-għajnuna legali saret inqas aċċessibbli f'xi Stati Membri matul is-snin u li l-ugwaljanza tal-ġeneru għadha ma ġietx żgurata fis-sistemi ġudizzjarji fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri;

12. Jafferma mill-ġdid ir-rwol tal-Parlament, f'konformità mal-Artikolu 7 tat-TUE, fil-monitoraġġ tal-konformità mal-valuri tal-Unjoni; itenni t-talba li l-Parlament ikun jista' jippreżenta l-proposta motivata tiegħu lill-Kunsill u li jattendi s-seduti ta' smigħ tal-Artikolu 7 meta jkun il-Parlament li jkun beda l-proċedura, b'rispett għall-prerogattivi ta' kull waħda mit-tliet istituzzjonijiet u l-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera; jistieden lill-Kunsill biex iżomm lill-Parlament infurmat regolarment u involut mill-qrib u biex jaħdem b'mod trasparenti; jemmen li l-Mekkaniżmu, sostnut minn ftehim interistituzzjonali, se jipprovdi l-qafas meħtieġ għal koordinazzjoni aħjar;

13. Huwa tal-fehma li, fuq perjodu twil ta' żmien, it-tisħiħ tal-kapaċità tal-Unjoni li tippromwovi u tiddefendi l-qalba kostituzzjonali tagħha jaf jirrikjedi bidla fit-Trattat; jistenna bil-ħerqa r-riflessjoni u l-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa f'dak ir-rigward; jenfasizza li l-effikaċja tal-proċedura tal-Artikolu 7 tat-TUE għandha tissaħħaħ permezz tar-reviżjoni tal-maġġoranza meħtieġa biex tittieħed azzjoni u t-tisħiħ tal-mekkaniżmu ta' sanzjonar; jistieden lill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa tikkunsidra t-tisħiħ tar-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-protezzjoni tal-valuri fundaturi tal-Unjoni; jitlob reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta' Frar 2007 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali[14], wara valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa, bil-għan li jissaħħaħ u jitkabbar il-mandat tagħha biex ikopri l-valuri kollha msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE;

14. Jemmen bil-qawwa li l-indirizzar tal-kriżi tal-valuri tal-Unjoni, inkluż permezz tal-Mekkaniżmu propost, huwa prekundizzjoni biex terġa' tiġi stabbilita l-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri, biex b'hekk l-Unjoni kollha tkun tista' ssostni u tkompli l-politiki komuni kollha;

15. Jiddispjaċih li l-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 ta' Lulju 2020, dgħajjef il-mekkaniżmu tal-kundizzjonalità baġitarja propost mill-Kummissjoni; itenni t-talba tiegħu li jiġi żgurat li l-ksur sistemiku tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE jsir inkompatibbli mal-finanzjament tal-Unjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi implimentata maġġoranza kwalifikata inversa għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, li mingħajrha, l-effikaċja tal-mekkaniżmu l-ġdid tal-kundizzjonalità baġitarja tkun taħt theddida; jitlob li l-applikazzjoni tal-kundizzjonalità baġitarja tkun akkumpanjata minn miżuri li għandhom l-għan li jnaqqsu kwalunkwe impatt potenzjali fuq il-benefiċjarji individwali tal-finanzjament tal-Unjoni, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jissottolinja li l-mekkaniżmu tal-kundizzjonalità baġitarja ma jistax jiġi ssostitwit unikament miċ-Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali propost; iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew jaġixxi fuq il-wegħda tiegħu li saret fid-Dikjarazzjoni ta' Sibiu tad-9 ta' Mejju 2019 li jipproteġi d-demokrazija u l-istat tad-dritt;

16. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jidħlu mingħajr dewmien f'negozjati mal-Parlament dwar ftehim interistituzzjonali f'konformità mal-Artikolu 295 tat-TFUE; iqis li l-proposta stabbilita fl-Anness hawnhekk tikkostitwixxi bażi xierqa għal dawn in-negozjati;

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u l-proposta li takkumpanjaha lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

 


ANNESS GĦALL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI:

Proposta għal Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tisħiħ tal-Valuri tal-Unjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U L-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 295 tiegħu,

Billi:

(1) Skont l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi ("valuri tal-Unjoni").

(2) Skont l-Artikolu 49 tat-TUE, ir-rispett u l-impenn għall-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni huma kundizzjoni fundamentali tas-sħubija fl-Unjoni. F'konformità mal-Artikolu 7 tat-TUE, l-eżistenza ta' ksur serju u persistenti minn Stat Membru tal-valuri tal-Unjoni tista' twassal għas-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot tar-rappreżentant tal-gvern ta' dak l-Istat Membru fil-Kunsill. Ir-rispett għall-valuri tal-Unjoni jifforma l-bażi ta' livell għoli ta' fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri.

(3) Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ("it-tliet istituzzjonijiet") jirrikonoxxu l-importanza tar-rispett għall-valuri tal-Unjoni. Ir-rispett għall-valuri tal-Unjoni huwa meħtieġ għall-funzjonament tajjeb tal-Unjoni u l-kisba tal-għanijiet tagħha kif stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-TUE. It-tliet istituzzjonijiet huma impenjati favur kooperazzjoni sinċiera reċiproka bil-għan li jippromwovu u jiżguraw ir-rispett għall-valuri tal-Unjoni.

(4) It-tliet istituzzjonijiet jirrikonoxxu l-ħtieġa li tiġi ssimplifikata u tissaħħaħ l-effikaċja tal-għodod eżistenti mfassla biex irawmu l-konformità mal-valuri tal-Unjoni. Għalhekk għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu interistituzzjonali komprensiv u msejjes fuq l-evidenza u li jirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, sabiex titjieb il-koordinazzjoni bejn it-tliet istituzzjonijiet u jiġu kkonsolidati l-inizjattivi meħuda qabel. F'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni tas-6 u s-7 ta' Ġunju 2013, mekkaniżmu bħal dan għandu jopera b'mod trasparenti, abbażi tal-evidenza miġbura b'mod oġġettiv, imqabbla u analizzata u abbażi tal-ugwaljanza tat-trattament bejn l-Istati Membri kollha.

(5) It-tliet istituzzjonijiet jaqblu li huwa meħtieġ Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali dwar il-Valuri tal-Unjoni sabiex jissaħħu l-promozzjoni u r-rispett għall-valuri tal-Unjoni. Iċ-Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali għandu jkun komprensiv, oġġettiv, imparzjali, ibbażat fuq l-evidenza u applikat b'mod ugwali u ġust għall-Istati Membri kollha. L-għan ewlieni taċ-Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali għandu jkun il-prevenzjoni tal-ksur tal-valuri tal-Unjoni u n-nuqqas ta' konformità magħhom kif ukoll li jixħet dawl fuq l-iżviluppi pożittivi u l-iskambju tal-aħjar prattiki, filwaqt li tiġi pprovduta bażi kondiviża għal azzjonijiet oħra mit-tliet istituzzjonijiet. It-tliet istituzzjonijiet jaqblu wkoll li jużaw dan il-Ftehim Interistituzzjonali biex jintegraw l-istrumenti u l-inizjattivi eżistenti relatati mal-promozzjoni u r-rispett għall-valuri tal-Unjoni, b'mod partikolari r-Rapport annwali dwar l-Istat tad-Dritt, id-Djalogu annwali tal-Kunsill dwar l-Istat tad-Dritt u l-Qafas tal-Istat tad-Dritt tal-Kummissjoni, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni u tissaħħaħ l-effikaċja ġenerali.

(6) Iċ-Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali għandu jikkonsisti fi stadju ta' tħejjija, il-pubblikazzjoni ta' rapport annwali ta' monitoraġġ dwar il-konformità mal-valuri tal-Unjoni inklużi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, u stadju ta' segwitu inkluża l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. Iċ-Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali għandu jitwettaq fi spirtu ta' trasparenza u ftuħ bl-involviment taċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili u għandu jkun protett mid-diżinformazzjoni.

(7) It-tliet istituzzjonijiet jikkondividu l-fehma li ċ-Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali għandu jissostitwixxi d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2006/928/KE[15] u 2006/929/KE[16] u jissodisfa, fost l-oħrajn, l-objettivi ta' dawk id-Deċiżjonijiet. Dan il-Ftehim Interistituzzjonali huwa mingħajr preġudizzju għall-Att tal-Adeżjoni tal-2005, b'mod partikolari l-Artikoli 37 u 38 tiegħu.

(8) Iċ-Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali għandu jkun komplementari għal strumenti oħra relatati mal-promozzjoni u t-tisħiħ tal-valuri tal-Unjoni, u koerenti magħhom. B'mod partikolari, it-tliet istituzzjonijiet għandhom jimpenjaw ruħhom li jużaw is-sejbiet tar-rapporti annwali ta' monitoraġġ fil-valutazzjoni tagħhom dwar jekk hemmx riskju ċar ta' ksur serju jew eżistenza ta' ksur serju u persistenti minn Stat Membru tal-valuri tal-Unjoni fil-kuntest tal-Artikolu 7 tat-TUE. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ħadet l-impenn li tuża s-sejbiet tar-rapport annwali ta' monitoraġġ bħala parti mill-valutazzjoni tagħha dwar jekk għandhiex titnieda proċedura ta' ksur u jekk hemmx nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, f' konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2020/xxxx tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[17]. It-tliet istituzzjonijiet jaqblu li r-rapporti annwali ta' monitoraġġ għandhom b'mod aktar ġenerali jiggwidaw l-azzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-valuri tal-Unjoni.

(9) Skont l-Artikolu 295 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), dan il-Ftehim Interistituzzjonali jistabbilixxi biss arranġamenti għall-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, u, skont l-Artikolu 13(2) tat-TUE, dawk l-istituzzjonijiet għandhom jaġixxu fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilhom mit-Trattati, u f'konformità mal-proċeduri, kundizzjonijiet u għanijiet stipulati fihom. Dan il-Ftehim Interistituzzjonali huwa mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-interpretazzjoni awtentika tad-dritt tal-Unjoni,

QABLU DWAR DAN LI ĠEJ

I. GĦANIJIET

1. It-tliet istituzzjonijiet b'dan jaqblu li jippromwovu u jsaħħu r-rispett għall-valuri tal-Unjoni, f'konformità mal-Artikolu 2 tat-TUE, permezz tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni.

II. IĊ-ĊIKLU TA' MONITORAĠĠ ANNWALI

2. It-tliet istituzzjonijiet jaqblu li jorganizzaw f'kooperazzjoni sinċiera u reċiproka Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali dwar il-Valuri tal-Unjoni, li jkopri kwistjonijiet u l-aħjar prattiki fl-oqsma kollha tal-valuri tal-Unjoni. Iċ-Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali għandu jikkonsisti fi stadju ta' tħejjija, il-pubblikazzjoni ta' rapport annwali ta' monitoraġġ dwar il-valuri tal-Unjoni ("Rapport Annwali") inklużi rakkomandazzjonijiet, u stadju ta' segwitu.

3. It-tliet istituzzjonijiet jaqblu li jistabbilixxu Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali permanenti dwar il-Valuri tal-Unjoni ("Grupp ta' Ħidma"). Il-Grupp ta' Ħidma għandu jiffaċilita l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn it-tliet istituzzjonijiet fiċ-Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali. Il-Grupp ta' Ħidma għandu jinforma perjodikament lill-pubbliku dwar il-ħidma tiegħu.

4. Panel ta' esperti indipendenti għandu jagħti pariri lill-Grupp ta' Ħidma u lit-tliet istituzzjonijiet. F'kooperazzjoni mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, il-panel ta' esperti indipendenti għandu jidentifika l-iżviluppi pożittivi u negattivi ewlenin f'kull Stat Membru b'mod imparzjali u jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' metodoloġija għar-Rapport Annwali. It-tliet istituzzjonijiet jistgħu jikkonsultaw lill-panel fi kwalunkwe stadju taċ-Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali.

Stadju preparatorju

5. Fuq bażi annwali, il-Kummissjoni għandha torganizza konsultazzjoni mmirata mal-partijiet ikkonċernati biex tiġbor l-informazzjoni għar-Rapport Annwali. Il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati għandha ssir fl-ewwel trimestru ta' kull sena. Il-konsultazzjoni għandha tkun trasparenti u bbażata fuq metodoloġija ċara u rigoruża adottata mill-Grupp ta' Ħidma. Il-metodoloġija għandha, fi kwalunkwe każ, tinkludi f'forma xierqa l-punti ta' riferiment, bħal pereżempju dawk elenkati fl-Annessi għad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2006/928/KE u 2006/929/KE.

6. Il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati għandha tagħti opportunità lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, lill-istituzzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u l-korpi tal-ugwaljanza nazzjonali, lill-assoċjazzjonijiet u lin-networks professjonali, korpi tal-Kunsill tal-Ewropa u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u l-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, biex jikkontribwixxu għar-Rapport Annwali. Il-Kummissjoni għandha tinkorpora l-informazzjoni pprovduta mill-partijiet ikkonċernati fir-Rapport Annwali. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-kontribuzzjonijiet għall-konsultazzjoni fuq is-sit web tagħha qabel il-pubblikazzjoni tar-Rapport Annwali.

7. Il-Kummissjoni għandha tibbaża fuq l-informazzjoni kollha li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha meta tħejji r-Rapport Annwali, abbażi tal-metodoloġija miftiehma mill-Grupp ta' Ħidma. Ta' rilevanza partikolari f'dan ir-rigward huma r-rapporti u d-data mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni, il-Kunsill tal-Ewropa, inklużi l-Kummissjoni ta' Venezja u l-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni, u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra li jipproduċu studji u valutazzjonijiet rilevanti. Fejn ir-Rapport Annwali kif abbozzat mill-Kummissjoni jiddevja mis-sejbiet tal-panel ta' esperti indipendenti, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tispjega r-raġunijiet tagħha lill-Grupp ta' Ħidma.

8. Ir-rappreżentanti maħtura ta' kwalunkwe waħda mit-tliet istituzzjonijiet, wara li jikkoordinaw fi ħdan il-Grupp ta' Ħidma, għandu jkollhom il-possibbiltà li jwettqu żjarat ta' ġbir ta' informazzjoni fl-Istati Membri bil-għan li jiksbu informazzjoni addizzjonali u kjarifika dwar l-istat tal-valuri tal-Unjoni fl-Istati Membri kkonċernati. Il-Kummissjoni għandha tinkorpora s-sejbiet fir-Rapport Annwali.

9. Il-Kummissjoni għandha tinforma b'mod regolari lill-Grupp ta' Ħidma dwar il-progress li jkun sar matul l-istadju preparatorju.

Rapport Annwali u rakkomandazzjonijiet

10. Il-Kummissjoni għandha tfassal ir-Rapport Annwali abbażi tal-informazzjoni miġbura matul l-istadju preparatorju. Ir-Rapport Annwali għandu jkopri kemm l-iżviluppi pożittivi kif ukoll dawk negattivi relatati mal-valuri tal-Unjoni fl-Istati Membri. Ir-Rapport Annwali għandu jkun imparzjali, ibbażat fuq evidenza miġbura b'mod oġġettiv u jirrispetta t-trattament ugwali bejn l-Istati Membri kollha. Il-profondità tar-rappurtar għandha tirrifletti l-gravità tas-sitwazzjoni inkwistjoni. Ir-Rapport Annwali għandu jinkludi taqsima dwar il-proċeduri ta' ksur li jittrattaw il-valuri tal-Unjoni.

11. Ir-Rapport Annwali għandu jkun fih rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull Stat Membru bil-għan li jissaħħu l-protezzjoni u l-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jispeċifikaw miri konkreti u skedi ta' żmien għall-implimentazzjoni u jqisu kif jixraq kwalunkwe tħassib espress fi proposti motivati adottati fl-ambitu tal-Artikolu 7(1) tat-TUE. Ir-rakkomandazzjonijiet għandhom iqisu d-diversità tas-sistemi politiċi u legali tal-Istati Membri. L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet għandha tiġi vvalutata fir-Rapporti Annwali jew fir-rapporti urġenti sussegwenti, kif ikun xieraq.

12. Ir-Rapport Annwali, inklużi r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, għandu jiġi ppubblikat f'Settembru ta' kull sena. Id-data tal-pubblikazzjoni għandha tkun ikkoordinata bejn it-tliet istituzzjonijiet fil-Grupp ta' Ħidma. Qabel il-pubblikazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-abbozz ta' Rapport Annwali lill-Grupp ta' Ħidma.

Segwitu

13. Mhux aktar tard minn xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiddiskutu l-kontenut tar-Rapport Annwali. Id-diskussjonijiet għandhom isiru pubbliċi. Il-Parlament u l-Kunsill għandhom jadottaw pożizzjonijiet dwar ir-Rapport Annwali permezz ta' riżoluzzjonijiet u konklużjonijiet. Bħala parti mis-segwitu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jivvalutaw u jirriflettu dwar sa liema punt ir-rakkomandazzjonijiet preċedenti ġew implimentati mill-Istati Membri, inkluża l-implimentazzjoni tas-sejbiet rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. It-tliet istituzzjonijiet għandhom jagħmlu użu mill-poteri rispettivi tagħhom skont it-Trattati bil-għan li jikkontribwixxu għal segwitu effettiv. It-tliet istituzzjonijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jippromwovu dibattitu dwar ir-Rapport Annwali fl-Istati Membri, b'mod partikolari fil-parlamenti nazzjonali, b'mod waqtu.

14. Abbażi tas-sejbiet tar-Rapport Annwali, il-Kummissjoni għandha, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill, tidħol fi djalogu ma' Stat Membru wieħed jew diversi, inklużi l-awtoritajiet rilevanti, bil-għan li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress tad-djalogu. Il-Kummissjoni tista', fi kwalunkwe ħin u anke fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, tipprovdi assistenza teknika lill-Istati Membri permezz ta' attivitajiet differenti. Il-Parlament Ewropew għandu jorganizza, b'kooperazzjoni mal-parlamenti nazzjonali, dibattitu interparlamentari dwar is-sejbiet tar-Rapport Annwali.

15. It-tliet istituzzjonijiet għandhom iqisu s-sejbiet tar-Rapport Annwali meta jiddeterminaw il-prijoritajiet ta' finanzjament. B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tinkludi appoġġ immirat għall-atturi nazzjonali li jikkontribwixxu għall-protezzjoni u l-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni, bħall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-media, meta jistabbilixxu l-programmi ta' ħidma annwali rilevanti għall-iżborż ta' fondi tal-Unjoni kemm taħt ġestjoni kondiviża kif ukoll taħt ġestjoni diretta.

16. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 tat-TFUE u l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2020/xxxx u d-dritt ta' terz tal-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni li jippreżentaw lill-Kunsill proposta motivata f'konformità mal-Artikolu 7(1) tat-TUE, it-tliet istituzzjonijiet jaqblu li r-Rapporti Annwali għandhom jiggwidaw l-azzjonijiet tagħhom rigward il-valuri tal-Unjoni.

17. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida u indikaturi addizzjonali biex tindirizza l-kwistjonijiet orizzontali rilevanti li jitfaċċaw miċ-Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali.

Rapport urġenti

18. Meta s-sitwazzjoni fi Stat Membru wieħed jew aktar thedded li ssir ħsara imminenti u serja għall-valuri tal-Unjoni, il-Kummissjoni tista', jew fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, tfassal rapport urġenti dwar is-sitwazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tħejji r-rapport b'konsultazzjoni mal-Grupp ta' Ħidma. Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-rapport urġenti bla dewmien u tagħmlu disponibbli għall-pubbliku mhux aktar tard minn xahrejn wara li tkun saret talba mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Is-sejbiet tar-rapport urġenti għandhom jiġu inkorporati fir-Rapport Annwali li jmiss. Ir-rapport urġenti jista' jispeċifika rakkomandazzjonijiet bl-għan li tiġi indirizzata t-theddida imminenti għall-valuri tal-Unjoni.

III. KOMPLEMENTARJETÀ MA' STRUMENTI OĦRA

19. It-tliet istituzzjonijiet jirrikonoxxu n-natura komplementari taċ-Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali u mekkaniżmi oħra għall-protezzjoni u l-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni, b'mod partikolari l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7 tat-TUE, il-proċeduri ta' ksur u r-Regolament (UE) 2020/xxxx. It-tliet istituzzjonijiet jimpenjaw ruħhom li jqisu l-għanijiet ta' dan il-Ftehim Interistituzzjonali fil-politiki tal-Unjoni.

20. Meta r-Rapport Annwali jidentifika nuqqasijiet sistemiċi fir-rigward ta' valur wieħed jew aktar tal-Unjoni, it-tliet istituzzjonijiet għandhom jimpenjaw ruħhom li jieħdu azzjoni xierqa, mingħajr dewmien, fis-setgħat rispettivi tagħhom kif mogħtija lilhom mit-Trattati. It-tliet istituzzjonijiet jaqblu li s-sejbiet tar-Rapport Annwali għandhom iservu bħala bażi għad-deċiżjoni dwar attivazzjoni jew le tal-proċedura prevista fl-Artikolu 7 tat-TUE u l-varar ta' proċeduri ta' ksur li jittrattaw il-ħarsien tal-valuri tal-Unjoni. It-tliet istituzzjonijiet għandhom iqisu, inter alia, jekk il-politiki tal-Unjoni li jeħtieġu livell għoli ta' fiduċja reċiproka jistgħux jiġu sostnuti fid-dawl tan-nuqqasijiet sistemiċi identifikati fir-Rapport Annwali.

21. Iċ-Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali stabbilit b'dan il-Ftehim għandu jissostitwixxi l-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fir-Rumanija biex jindirizza punti ta' riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE u l-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fil-Bulgarija biex jindirizza punti ta' riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/929/KE u għandu jissodisfa, inter alia, l-għanijiet segwiti minn dawn id-Deċiżjonijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tieħu ħsieb li tħassar dawk id-Deċiżjonijiet fi żmien xieraq.

Arranġamenti komuni għall-Artikolu 7 tat-TUE

22. It-tliet istituzzjonijiet jaqblu li jużaw is-sejbiet tar-Rapport Annwali fil-valutazzjoni tagħhom dwar jekk hemmx riskju ċar ta' ksur serju jew eżistenza ta' ksur serju u persistenti minn Stat Membru tal-valuri tal-Unjoni skont l-Artikolu 7 tat-TUE.

23. Sabiex isaħħu t-trasparenza u l-effiċjenza tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7 tat-TUE, it-tliet istituzzjonijiet jaqblu li jiżguraw li l-istituzzjoni li tibda proposta skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE għandha tkun tista' tippreżenta l-proposta fil-Kunsill u tkun informata u involuta għalkollox fl-istadji kollha waqt il-proċedura. It-tliet istituzzjonijiet jaqblu li jikkonsultaw lil xulxin regolarment fil-Grupp ta' Ħidma dwar proċeduri eżistenti u potenzjali mnedija skont l-Artikolu 7 tat-TUE.

24. It-tliet istituzzjonijiet jaqblu li jfasslu modalitajiet immirati biex itejbu l-effikaċja tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7 tat-TUE. Tali modalitajiet ġodda jistgħu jinkludu skeda regolarizzata ta' seduti ta' smigħ u sessjonijiet dwar is-sitwazzjoni f'dak il-waqt, rakkomandazzjonijiet immirati biex jirrimedjaw tħassib espress fil-proposta motivata u skedi ta' żmien għall-implimentazzjoni.

Arranġamenti komuni għall-kundizzjonalità baġitarja

25. It-tliet istituzzjonijiet jaqblu li jużaw is-sejbiet tar-Rapport Annwali fil-valutazzjoni tagħhom dwar jekk hemmx nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2020/xxxx, kif ukoll fi kwalunkwe valutazzjoni oħra rilevanti għall-finijiet tal-għodod baġitarji eżistenti u futuri. Meta r-Rapport Annwali jidentifika li nuqqas ġeneralizzat fir-rigward tal-istat tad-dritt fi Stat Membru jolqot jew jissogra li jolqot il-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħat notifika bil-miktub lil dak l-Istat Membru f'konformità mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2020/xxxx.

IV. DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

26. It-tliet istituzzjonijiet għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li huma jkollhom il-mezzi u r-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni xierqa ta' dan il-Ftehim Interistituzzjonali.

27. It-tliet istituzzjonijiet għandhom jimmonitorjaw l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim Interistituzzjonali b'mod konġunt u kontinwu, kemm fil-livell politiku permezz ta' diskussjonijiet regolari kif ukoll fil-livell tekniku fil-Grupp ta' Ħidma.

28. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fil-jum li fih jiġi ffirmat.

 


 

NOTA SPJEGATTIVA

Wara li nħolqot b'reazzjoni għal żewġ gwerer dinjija u perjodi ta' ksur kbir tal-valuri tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, l-Unjoni twaqqfet propju fuq dawn il-valuri, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri kollha u jirfdu l-funzjonament sħiħ tal-Unjoni.

 

Kif stabbilit fl-Artikolu 49 tat-TUE, ir-rispett għall-valuri tal-Unjoni huwa kundizzjoni fundamentali għas-sħubija fl-Unjoni; bħala parti mill-proċess ta' adeżjoni, l-Unjoni tivvaluta l-aderenza ta' kandidat mal-valuri tal-Unjoni, inkluż l-impenn tiegħu għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, u s-sħubija ma timmaterjalizzax jekk tali impenn ma jkunx ċar biżżejjed fil-liġi u fil-prattika.

 

Fl-aħħar deċennju seħħew attakki bla mistħija kontra l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u valuri oħra tal-Unjoni f'diversi Stati Membri. Sfortunatament, l-esperjenza wriet li l-istrumenti disponibbli għall-Unjoni, inkluża l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7 tat-TUE, huma ineffettivi u frammentati. Ta' min ifaħħar il-fatt li l-Kummissjoni ħadet passi biex tipproduċi Rapport annwali dwar l-Istat tad-Dritt, l-ewwel darba fl-2020, iżda dak ir-Rapport iħalli barra diversi suġġetti kruċjali, b'mod partikolari d-demokrazija u d-drittijiet fundamentali. Barra minn hekk, il-monitoraġġ annwali tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE għandu jkun ankrat f'att legalment vinkolanti tal-Unjoni, bħal ftehim interistituzzjonali abbażi tal-Artikolu 295 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-abbozz ta' rapport jirrikonoxxi li l-Unjoni għadha strutturalment mhux mgħammra tajjeb biex tindirizza l-ksur u r-rigressjoni fir-rigward tad-demokrazija, id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt fl-Istati Membri; Huwa ta' dispjaċir ukoll li l-Kunsill ma rnexxilux jagħmel progress sinifikanti fl-infurzar tal-valuri tal-Unjoni fil-proċeduri tal-Artikolu 7 tat-TUE li għaddejjin bħalissa, u fil-fatt, dan qed jippermetti devjazzjoni kontinwa mill-valuri previsti fl-Artikolu 2 tat-TUE;

 

Sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' mekkaniżmu komprensiv li jista' jħares b'mod olistiku lejn il-qagħda tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u l-valuri l-oħra kollha tal-Unjoni, filwaqt li fl-istess ħin jinsab konxju mill-ħtieġa li l-Istati Membri kollha jiġu ttrattati bl-istess mod u abbażi ta' kriterji trasparenti u ċari, ir-rapporteur jipproponi li l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament jistabbilixxu b'mod konġunt mekkaniżmu għall-monitoraġġ annwali tal-Istati Membri kollha fir-rigward tal-aderenza tagħhom mal-valuri tal-Unjoni, billi jidħlu fi ftehim interistituzzjonali għal dak il-għan.

 

Il-ftehim interistituzzjonali propost għandu l-għan li jistabbilixxi arranġamenti li se jippromwovu u jsaħħu r-rispett għall-valuri tal-Unjoni permezz tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Dan se jinvolvi Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali li se jkopri l-valuri kollha tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha abbażi ta' kriterji oġġettivi u trasparenti u jwassal għal Rapport Annwali. Il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni se jsiru permezz ta' Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali li se jkun appoġġat minn panel ta' esperti indipendenti. Ir-Rapport Annwali mhux se jħares unikament lejn l-iżviluppi negattivi iżda se jidentifika wkoll l-aħjar prattiki u l-passi pożittivi.

 

Ir-rapporteur huwa konxju mill-ħidma li qed issir, fost l-oħrajn mis-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet u l-korpi nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa u korpi internazzjonali u tal-Unjoni oħra, u jipproponi li jiġi stabbilit b'mod ċar kif il-ħidma tagħhom għandha tinforma r-Rapport Annwali u kif għandhom jiġu inklużi partijiet ikkonċernati bħal dawn. L-abbozz ta' ftehim interistituzzjonali jqis ukoll il-mekkaniżmi u l-proċeduri eżistenti għall-protezzjoni u l-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni, b'mod partikolari l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7 tat-TUE, il-proċeduri ta' ksur u l-abbozz ta' Regolament dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati. Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni u jiġi żgurat li l-passi kollha kontra l-Istati Membri jittieħdu fuq l-istess bażi, ir-rapporteur jipproponi li r-Rapport Annwali jintuża bħala l-bażi għal deċiżjoni dwar attivazzjoni jew le tal-proċedura tal-Artikolu 7 tat-TUE u biex jiġi vvalutat jekk kwalunkwe strument ieħor, inkluż dwar il-kundizzjonalità baġitarja, ikunx xieraq.

 

Ir-rapport huwa bbażat fuq kontribut siewi min-naħa tax-shadow rapporteurs u l-opinjonijiet mill-Kumitati JURI u AFCO. L-aspettattiva hija li l-adozzjoni tal-abbozz ta' riżoluzzjoni mal-abbozz ta' ftehim interistituzzjonali anness ser twassal għal negozjati kostruttivi mal-Kunsill u l-Kummissjoni u fl-aħħar mill-aħħar għal Mekkaniżmu sod tal-UE għad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali.

 


 

 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI (14.9.2020)

<CommissionInt>għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern</CommissionInt>


<Titre>li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-Istabbiliment ta' Mekkaniżmu tal-UE għad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali</Titre>

<DocRef>(2020/2072(INL))</DocRef>

Rapporteur għal opinjoni (*): <Depute>Tiemo Wölken</Depute>

(Inizjattiva – Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura)

 

(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 57 tar-Regoli ta' Proċedura

 

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli:

 biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi l-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali huma kruċjali għall-kisba ta' ġustizzja effettiva f'kawżi ċivili, kummerċjali u amministrattivi għaċ-ċittadini u n-negozji; billi t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tipprovdi data sostantiva dwar dawn il-parametri u tirrappreżenta għodda ta' tqabbil;

B. billi skont l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), li għandha l-istess valur legali bħat-Trattati. billi skont il-gwida tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, il-Karta hija applikata mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri biss meta jimplimentaw il-leġiżlazzjoni Ewropea; madankollu, huwa importanti għat-trawwim ta' kultura komuni legali, ġudizzjarja u tal-istat tad-dritt li d-drittijiet kif minquxa fil-Karta dejjem jiġu kkunsidrati, inkluż fi proċedimenti ċivili u amministrattivi;

1. Iqis li l-mekkaniżmu tal-Unjoni dwar id-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali għandu primarjament ikollu l-għan li jipprevjeni u jindirizza kwalunkwe theddida għal kwalunkwe valur tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 2 tat-TUE qabel ma jirriżulta kwalunkwe riskju ċar ta' ksur fi Stat Membru, u li għandu jiġi skattat l-Artikolu 7 tat-TUE, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità minquxa fl-Artikoli 4 u 5; ifakkar li n-nuqqas ta' konformità mal-valuri tal-UE jaf ikollu impatt negattiv fuq il-proġett Ewropew innifsu, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, peress li dan jista' jnaqqas il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri; jinnota li l-Unjoni ma għandha l-ebda mekkaniżmu legalment vinkolanti stabbilit biex tissorvelja b'mod regolari l-konformità tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni mal-valuri tal-Unjoni. iqis li l-għan ewlieni ta' kwalunkwe mekkaniżmu bħal dan għandu jkun li jipprevjeni u jindirizza kwalunkwe riskju ċar ta' ksur serju ta' dawk il-valuri; iqis, f'dan ir-rigward, li fi kwalunkwe proposta futura għal ftehim interistituzzjonali għal Patt tal-Unjoni għad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali għandha ssir enfasi fuq elementi preventivi u korrettivi; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata oġġettività sħiħa meta jitfasslu metriċi u kriterji ta' evalwazzjoni bħala parti mill-Mekkaniżmu dwar id-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali;

2. Iqis li huwa tal-akbar importanza li r-rieżami perjodiku fil-qafas tad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali jkun ibbażat fuq ir-relazzjoni inseparabbli bejn id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, li jinkludi l-aspetti kollha msemmija fl-Artikolu 7 tal-proposta tal-Parlament għal abbozz ta' ftehim interistituzzjonali dwar Patt tal-Unjoni Ewropea dwar id-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali; jistieden lill-Kummissjoni, bħala Gwardjana tat-Trattati, tkompli tissostanzja r-rappurtar annwali tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Karta billi tistabbilixxi eżerċizzju ta' monitoraġġ u djalogu mal-Istati Membri fil-qafas tal-Mekkaniżmu futur dwar id-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali, bil-għan li tiżgura li l-miżuri u l-prattiki leġiżlattivi u ġudizzjarji nazzjonali fir-rigward tal-liġi ċivili, amministrattiva, kummerċjali u proċedurali jkunu allinjati mad-dispożizzjonijiet tal-Karta;

3. Jenfasizza li l-awtoritajiet pubbliċi kollha fl-Istati Membri jeħtiġilhom dejjem jaġixxu fil-limiti tal-liġi taħt il-kontroll ta' ġudikatura indipendenti u imparzjali u jfakkar li l-prinċipju taċ-ċertezza tad-dritt huwa essenzjali biex tiġi żgurata fiduċja fis-sistemi ġudizzjarji u fl-istat tad-dritt; jissottolinja li l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva minn ġudikatura indipendenti u imparzjali, iċ-ċertezza tad-dritt, l-aċċess għall-ġustizzja, il-projbizzjoni tal-eżerċizzju arbitrarju tas-setgħa eżekuttiva u l-ugwaljanza quddiem il-liġi huma elementi fundamentali indispensabbli tal-istat tad-dritt; jenfasizza li r-rekwiżit li l-qrati jkunu indipendenti huwa essenzjali għad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u għal proċess ġust u biex jiġi żgurat li d-drittijiet kollha, kemm materjali kif ukoll proċedurali, li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni jiġu protetti; jissottolinja li l-indipendenza ġudizzjarja hija integrali għat-teħid ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji u rekwiżit li jirriżulta mill-prinċipju ta' protezzjoni legali effettiva stabbilit fl-Artikolu 19 tat-TUE; itenni t-talba tiegħu li l-istrumenti eżistenti parzjalment applikabbli għall-monitoraġġ ta' dawk il-kwistjonijiet, bħall-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika għar-Rumanija u l-Bulgarija, jiġu sostitwiti b'analiżi bir-reqqa u armonizzata applikabbli għall-Istati Membri kollha;

4. Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-attakki reċenti fuq l-istat tad-dritt kienu jikkonsistu prinċipalment f'tentattivi biex tiġi pperikolata l-indipendenza ġudizzjarja, u dan qajjem dubji dwar il-bażijiet ġuridiċi, politiċi u ekonomiċi nnifishom ta' kif taħdem l-Unjoni Ewropea; jenfasizza li kull qorti nazzjonali hija wkoll qorti Ewropea; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha kontra kwalunkwe tentattiv mill-gvernijiet nazzjonali biex jipperikolaw l-indipendenza tal-ġudikatura tagħhom u biex tinforma lill-Parlament f'waqtu dwar kwalunkwe sitwazzjoni bħal din; jinnota l-konklużjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tal-2020 skont liema ċ-ċittadini jipperċepixxu b'mod preċiż l-interferenza mill-gvern u mill-politiċi bħala r-raġuni ewlenija għan-nuqqas ta' indipendenza fis-sistemi ġudizzjarji rispettivi tagħhom; jiddefendi, f'dan il-kuntest, il-fatt li l-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat jimplika li dawk li jinvestigaw u jiddeċiedu dwar sanzjonijiet dixxiplinari għall-imħallfin għandhom jinħatru b'mod li jkun ħieles minn influwenza politika u li l-imħallfin li huma membri tal-Kunsilli nazzjonali eżistenti għall-Ġudikatura għandhom jiġu proposti, magħżula jew eletti mill-pari tagħhom;

5. Jenfasizza l-importanza tad-Dikjarazzjoni ta' Sibiu ta' Mejju 2019, li fiha l-mexxejja Ewropej ħadu impenn unanimu li jkomplu jħarsu l-istil tal-ħajja tagħna, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea; għal dan il-għan, jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill jagħtu prijorità lill-azzjoni f'dan il-qasam, b'mod partikolari wara l-kriżi tal-COVID-19, li wasslet għal tendenzi awtokratiċi u illiberali f'diversi Stati Membri;

6. Jissottolinja li s-sistema ta' rekwiżiti stabbilita fil-kuntest tal-istat tad-dritt u bbażata fuq il-prinċipju tad-demokrazija oriġinarjament inħolqot u ġiet inkorporata fit-Trattati sabiex ittejjeb il-funzjonament demokratiku u effiċjenti tal-istituzzjonijiet tal-UE u b'hekk tippermettilhom iwettqu l-kompiti tagħhom fi ħdan qafas istituzzjonali uniku;

7. Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha twettaq ir-rwol tagħha li teżamina l-istituzzjonijiet tagħha biex tara jekk il-funzjonament tagħhom huwiex konformi mal-prinċipju tad-demokrazija u l-istat tad-dritt;

8. Jenfasizza li t-taħriġ ta' professjonisti fil-qasam tal-ġustizzja huwa essenzjali għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni xierqa tad-dritt tal-Unjoni u għalhekk għat-tisħiħ ta' kultura legali komuni Ewropea bbażata fuq il-prinċipji tal-fiduċja reċiproka u l-istat tad-dritt; iqis li tali taħriġ irid jiġi ffinanzjat b'mod adegwat u li l-istrateġija Ewropea għat-taħriġ ġudizzjarju li jmiss trid tiffoka aktar fuq l-aċċess għall-ġustizzja, il-promozzjoni tal-istat tad-dritt u l-indipendenza ġudizzjarja u tforni l-istess aċċess b'aktar riżorsi; l-istrateġija trid tinkludi t-taħriġ dwar il-ħiliet u kwistjonijiet mhux legali, sabiex l-imħallfin ikunu mħejjija aħjar biex jirreżistu pressjoni indebita; jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li jiġi żgurat finanzjament adegwat għall-Programmi Settorjali "Ġustizzja" u "Drittijiet u Valuri" fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, peress li dawn il-programmi għandhom l-għan li jippromwovu u jiżguraw l-iżvilupp ta' kultura Ewropea komuni ta' sistemi ġudizzjarji, l-istat tad-dritt u l-valuri tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa standards komuni ta' taħriġ ġudizzjarju u tippromwovi kooperazzjoni istituzzjonali dwar it-taħriġ ġudizzjarju fl-Unjoni; jistieden ukoll lill-Kummissjoni ssaħħaħ aktar l-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni tagħha dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea billi tippromwovi u tiffinanzja moduli ta' taħriġ iffokati fuq il-Karti għall-imħallfin u l-prattikanti legali nazzjonali;

9. Jilqa' l-fatt li, s'issa, in-networks Ewropej kellhom rwol essenzjali fil-promozzjoni ta' skambji ta' ideat u prattiki tajba fi ħdan is-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tidentifika miżuri ulterjuri biex tappoġġja dawn in-networks, bħan-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju, sabiex ikunu jistgħu jiffukaw fuq proġetti li jippromwovu l-istat tad-dritt, b'mod partikolari fl-Istati Membri li qed jiffaċċjaw dawn it-tipi ta' problemi;

10. Jikkundanna l-forom kollha ta' koerċizzjoni, fastidju, pressjoni, intimidazzjoni u/jew vjolenza fiżika jew verbali fuq l-imħallfin u l-prosekuturi, speċjalment fil-ħajja privata tagħhom, fi djarhom jew fl-ambjenti tal-familja tagħhom; iqis li l-avukati u l-imħallfin għandhom ikunu jistgħu jwettqu dmirijiethom mingħajr ma l-awtoritajiet pubbliċi jew l-uffiċjali jikkontestaw il-leġittimità, il-kapaċità jew l-indipendenza tagħhom;

11. Josserva li, fl-Istati Membri u fost it-tipi ta' professjonijiet legali, għad hemm differenzi konsiderevoli fil-livell ta' parteċipazzjoni fit-taħriġ; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika r-raġunijiet għal dawk id-differenzi u tindirizzahom fl-istrateġija Ewropea għat-taħriġ ġudizzjarju li jmiss u tivvaluta l-impatt ta' dawk id-differenzi fuq l-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza tal-ġudikaturi tal-Istati Membri;

12. Jenfasizza l-potenzjal tat-taħriġ ġudizzjarju għat-titjib tad-djalogu bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari permezz tal-użu ta' referenzi għal deċiżjoni preliminari u l-interazzjoni bejn il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-primat tal-liġi tal-Unjoni minquxa fl-Artikolu 5 tat-TUE; ifakkar li d-deċiżjonijiet preliminari jiċċaraw il-mod li bih id-dritt tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi applikat; iqis li l-użu ta' din il-proċedura jagħmel possibbli interpretazzjoni u implimentazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni Ewropea; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jippromwovu u jiffaċilitaw id-djalogu bejn il-qrati u l-prattikanti legali, billi jrawmu skambju regolari ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki sabiex jissaħħaħ u jitmexxa 'l quddiem spazju ta' ġustizzja tal-UE bbażat fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib fost il-korpi responsabbli għas-superviżjoni kostituzzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika miżuri biex tippromwovi u tappoġġja l-proġetti tal-Konferenza tal-Qrati Kostituzzjonali Ewropej;

13. Jinnota l-konklużjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tal-2020 skont liema għad hemm differenzi sinifikanti fost l-Istati Membri fir-rigward tal-għadd ta' kawżi pendenti, u li l-akkumulu ta' xogħol b'lura żdied f'xi Stati Membri; jinnota li l-protezzjoni tal-istat tad-dritt tiddependi fuq l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji u li m'għandux ikun hemm Unjoni b'żewġ veloċitajiet fir-rigward tat-twettiq tal-ġustizzja;

14. Jinnota l-komplementarjetà li għandha teżisti bejn it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE, li tippermetti tqabbil ġenerali bejn is-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri, u r-Rapport ta' Monitoraġġ Annwali dwar il-Valuri tal-Unjoni bħala analiżi kwalitattiva dettaljata tas-sitwazzjoni konkreta f'kull Stat Membru;

15. Jinnota l-konklużjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tal-2020 skont liema mhux l-Istati Membri kollha joffru taħriġ dwar il-ħiliet tal-ICT bil-għan li jadattaw għad-diġitalizzazzjoni u jiffaċilitaw l-aċċess għall-ġustizzja permezz ta' teknoloġiji ġodda, kif ukoll jippermettu lill-imħallfin jiżviluppaw ħiliet, bħall-ġestjoni tal-qorti u l-etika ġudizzjarja, u li l-għadd ta' mħallfin li jirċievu taħriġ bħal dan huwa baxx fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi; f'dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni tagħmel enfasi fuq it-taħriġ tal-ICT fl-istrateġija Ewropea għat-taħriġ ġudizzjarju li jmiss; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tippromwovi diġitalizzazzjoni aktar mgħaġġla fil-livelli kollha tas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri, l-użu tal-intelliġenza artifiċjali bħala mezz biex jittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja, u tappoġġja l-istandardizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-għodod tal-ICT; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-għodod tal-ICT u mezzi oħra stabbiliti mill-Istati Membri għad-dispożizzjoni tal-imħallfin u taċ-ċittadini għal proċeduri aktar mgħaġġla u biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ġustizzja, inkluża l-possibbiltà li l-proċeduri tal-qorti jiġu segwiti online, b'mod partikolari għaċ-ċittadini b'diżabbiltà jew li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli, bħall-minoranzi nazzjonali u l-migranti; barra minn hekk, jinnota l-konklużjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tal-2020 skont liema l-ġbir ta' data madwar il-pajjiż fl-oqsma kollha tal-ġustizzja għadu mhux possibbli fl-Istati Membri kollha u jfakkar li l-aċċess għad-data huwa għodda ta' valutazzjoni siewja u neċessarja;

16. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lill-implimentazzjoni fl-Istati Membri ta' skemi ta' għajnuna legali ffinanzjati b'mod adegwat u lill-kwalità u l-affordabbiltà tal-assistenza legali pprovduta, u kif ukoll it-tul u t-trasparenza tal-proċedimenti legali, u tivvaluta kwalunkwe ostaklu li bħalissa qed jimpedixxi liċ-ċittadini mingħajr riżorsi milli effettivament jiksbu aċċess għall-ġustizzja; bl-istess mod, jistieden lill-Kummissjoni tħares lejn il-kapaċità ta' rkupru tat-tariffi legali peress li dan ukoll jista' jkun deterrent fl-aċċess għall-ġustizzja; jinnota l-konklużjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tal-2020 li skont liema l-għajnuna legali saret inqas aċċessibbli f'uħud mill-Istati Membri matul is-snin; jenfasizza li d-disponibbiltà tal-għajnuna legali u l-livell tat-tariffi tal-qorti jista' jkollhom impatt kbir ħafna fuq l-aċċess għall-ġustizzja, kif ukoll effett dissważiv għall-persuni fil-faqar;

17. Jinnota li l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirrikonoxxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba tal-Unjoni Ewropea; josserva li bl-iżvilupp tal-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea, iċ-ċittadini qegħdin dejjem jiġu kkonfrontati aktar mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, mingħajr ma jkollhom dejjem id-drittijiet proċedurali tagħhom protetti b'mod adegwat. jinnota li r-regoli u l-prinċipji eżistenti dwar l-amministrazzjoni tajba jinsabu mferrxin f'varjetà wiesgħa ta' sorsi; jenfasizza li f'Unjoni li hija soġġetta għall-istat tad-dritt, huwa neċessarju li jkun żgurat li d-drittijiet proċedurali u l-obbligi jkunu dejjem definiti, żviluppati u mħarsa b'mod xieraq. ifakkar fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 u tad-9 ta' Ġunju 2016 għal amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti, iqis li l-Unjoni għandha tmexxi bl-eżempju u tadotta kodiċi ta' proċedura amministrattiva u, f'dan ir-rigward, jistieden għal darb'oħra lill-Kummissjoni tressaq proposta għal regolament dwar il-proċedura amministrattiva għall-Unjoni Ewropea;

18. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra kif jintużaw proċeduri ta' azzjoni kollettiva fl-Istati Membri u tgħin biex jitjiebu l-effikaċja u l-aċċessibbiltà tas-sistemi legali tagħhom, jiġifieri f'termini ta' effiċjenza tal-proċeduri u l-ispejjeż;

19. Jikkundanna kwalunkwe każ fejn l-azzjonijiet tal-qorti jistgħu jiġu abbużati kontra l-valuri u d-drittijiet li kwalunkwe sistema legali tintalab tipproteġi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu nota ta' kwalunkwe każ fejn l-introduzzjoni ta' azzjonijiet tal-qorti u l-ispejjeż finanzjarji li jinvolvu għall-konvenut qed jintużaw fl-Istati Membri għal skopijiet li jmorru kontra kultura tal-istat tad-dritt, bħal, pereżempju, l-eżistenza ta' midja ħielsa u pluralistika u akkademiċi, riċerkaturi, trejdjunjonisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili indipendenti; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tieħu kwalunkwe azzjoni u miżura meħtieġa, f'konformità mas-setgħat mogħtija lilha mit-Trattati, sabiex ittemm tali prattiki u tiżgura r-responsabbiltà ta' dawk li jippermettu li jseħħu tali prattiki;

20. Jenfasizza li l-informaturi għandhom rwol kruċjali fil-protezzjoni tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni[18];

21. Jemmen li l-indirizzar tad-distakk persistenti bejn il-ġeneri u l-promozzjoni tad-diversità, inkluża d-diversità etnika u dik kulturali, fil-kompożizzjoni u l-istruttura tas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri huwa neċessarju biex jissaħħu l-kwalità, l-imparzjalità, l-effikaċja u l-indipendenza tagħhom. jinnota l-konklużjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tal-2020 skont liema n-nisa għadhom jirrappreżentaw inqas minn ħamsin fil-mija tal-imħallfin fil-livell tal-Qrati Supremi fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

10.9.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

3

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Manon Aubry, Gunnar Beck, Geoffroy Didier, Angel Dzhambazki, Ibán García Del Blanco, Jean-Paul Garraud, Esteban González Pons, Mislav Kolakušić, Gilles Lebreton, Jiří Pospíšil, Franco Roberti, Marcos Ros Sempere, Liesje Schreinemacher, Stéphane Séjourné, Raffaele Stancanelli, Marie Toussaint, Adrián Vázquez Lázara, Axel Voss, Marion Walsmann, Tiemo Wölken, Lara Wolters, Javier Zarzalejos

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Heidi Hautala, Ilhan Kyuchyuk, Emil Radev

 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

20

+

EPP

Geoffroy Didier, Esteban González Pons, Jiří Pospíšil, Emil Radev, Axel Voss, Marion Walsmann, Javier Zarzalejos

S&D

Ibán García Del Blanco, Franco Roberti, Marcos Ros Sempere, Tiemo Wölken, Lara Wolters

RENEW

Ilhan Kyuchyuk, Liesje Schreinemacher, Stéphane Séjourné, Adrián Vázquez Lázara

VERTS/ALE

Heidi Hautala, Marie Toussaint

GUE/NGL

Manon Aubry

NI

Mislav Kolakušić

 

3

-

ID

Gunnar Beck, Jean-Paul Garraud, Gilles Lebreton

 

2

0

ECR

Angel Dzhambazki, Raffaele Stancanelli

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 


 

 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET KOSTITUZZJONALI (3.9.2020)

<CommissionInt>għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern</CommissionInt>


<Titre>dwar l-istabbiliment ta' Mekkaniżmu tal-UE għad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali</Titre>

<DocRef>(2020/2072(INL))</DocRef>

Rapporteur għal opinjoni: <Depute>Włodzimierz Cimoszewicz</Depute>

(Inizjattiva – Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura)

 

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli:

- biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1. Ifakkar li l-arkitettura tal-UE dwar l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali ilha fi żvilupp kontinwu sa mill-ħolqien tal-Komunità Ewropea (KE) u ssaħħet kemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll b'emendi għal dik l-arkitettura bis-saħħa ta' trattati suċċessivi, u li, fil-preżent, l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali ġew elevati mit-Trattat ta' Lisbona minn prinċipji komuni għal valuri fundaturi tal-Unjoni; jemmen bil-qawwa li dan il-proċess ta' żvilupp irid ikompli jiġi avvanzat;

2. Ifakkar li l-UE kkodifikat fil-kriterji tal-adeżjoni tagħha li s-sħubija fl-UE tirrikjedi li l-pajjiż kandidat ikollu stabbiltà tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, ir-rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom;

3. Jinnota l-kontradizzjoni li, filwaqt li l-Istati Membri futuri huma eżaminati bir-reqqa qabel ma jaderixxu mal-Unjoni għall-konformità tagħhom ma' dawk il-valuri tal-UE, ikkodifikati fil-kriterji tal-adeżjoni, l-UE hija nieqsa mill-għodod effettivi biex tinforza r-rispett għal dawk il-prinċipji fundamentali ladarba jkunu saru Stati Membri;

4. Jenfasizza li n-nuqqas ta' mekkaniżmi ta' monitoraġġ, evalwazzjoni u superviżjoni għall-prinċipji fundaturi legali tal-UE ma jikkostitwixxix problema jekk l-Istati Membri jirrispettaw dawk il-prinċipji wara l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea;

5. Iqis li s-sitwazzjoni fir-rigward tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali ddeterjorat sostanzjalment f'għadd ta' Stati Membri, ħaġa li hija ta' dispjaċir kbir; jiddeplora l-fatt li l-pandemija tal-COVID-19 intużat ukoll f'uħud mill-Istati Membri biex ikomplu jillimitaw id-drittijiet taċ-ċittadini u l-libertajiet fundamentali kif inkorporati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; jenfasizza l-ħtieġa għal monitoraġġ kontinwu ta' kwalunkwe miżura bħal din bil-ħsieb li dawn il-miżuri jitreġġgħu lura jew jitwaqqfu ladarba ma jibqgħux strettament meħtieġa sabiex tiġi ppreservata s-saħħa pubblika;

6. Jenfasizza li l-istat tad-dritt huwa intrinsikament marbut mar-rispett għad-demokrazija u għad-drittijiet fundamentali u li għalhekk it-tliet prinċipji jridu jiġu mmonitorjati b'mod konġunt;

7. Jissottolinja li l-Unjoni hija bbażata fuq sett ta' prinċipji komuni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, u d-drittijiet fundamentali, kif minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE; jemmen bil-qawwa li hemm bżonn ta' mekkaniżmu ta' monitoraġġ li jkopri bis-sħiħ l-Artikolu 2 tat-TUE u ma joħloqx ġerarkija ta' valuri, iżda jinkludi l-valuri kollha tal-Unjoni, u jiżgura li dawn jiġu vvalutati kif xieraq; jirrimarka b'mod partikolari l-importanza tal-promozzjoni u d-difiża tal-istat tad-dritt li huwa valur ċentrali tal-Unjoni, li hija komunità bbażata fuq id-dritt, u l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva;

8. Ifakkar li l-UE għad m'għandha l-ebda mekkaniżmu effettiv biex timmonitorja, tipprevjeni u ttemm it-theddid sistemiku għall-valuri tal-UE fl-Istati Membri; jinnota f'dan ir-rigward il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ ulterjuri tal-Istat tad-Dritt fl-Unjoni u l-azzjonijiet stabbiliti fiha; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-qafas propost dwar l-istat tad-dritt mingħajr dewmien bla bżonn; iqis li hija meħtieġa riflessjoni dwar kif għandhom jiġu stabbiliti sanzjonijiet futuri li jistgħu jkunu effettivi, dissważivi u proporzjonati;

9. Jissottolinja l-importanza li jitfassal mekkaniżmu oġġettiv u bbażat fuq l-evidenza li jivvaluta d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għal-libertajiet fundamentali b'mod ġust u imparzjali; jirrikonoxxi li l-istabbiliment ta' tali mekkaniżmu jrid ikun marbut mat-tisħiħ tal-funzjonament demokratiku fl-Unjoni; jiddispjaċih li talbiet preċedenti għal djalogu ma' gvernijiet partikolari wasslu biss għal soluzzjonijiet limitati;

10. Ifakkar li l-adeżjoni tal-Unjoni mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali hija obbligu legali skont l-Artikolu 6(2) tat-TUE; itenni l-ħtieġa għal konklużjoni rapida ta' dak il-proċess ta' adeżjoni sabiex jiġi żgurat qafas konsistenti għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem  fl-Ewropa kollha u biex tissaħħaħ aktar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali fi ħdan l-UE; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni żżid l-isforzi biex timplimenta t-Trattati u tikkonkludi n-negozjati mingħajr dewmien bla bżonn;

11. Jinsisti li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jipprattikaw kooperazzjoni sinċiera reċiproka f'konformità mal-Artikolu 13(2) tat-TUE u għalhekk ilkoll għandhom jikkontribwixxu, mingħajr preġudizzju politiku, għad-difiża tal-valuri tal-Unjoni f'konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati; jitlob li dawn l-attivitajiet ikunu regolati minn ftehim interistituzzjonali u li l-mekkaniżmi eżistenti jiġu kkonsolidati, filwaqt li jiġu stabbiliti rapporti annwali tas-sitwazzjonijiet fl-Istati Membri kollha bbażati fuq il-valutazzjoni ta' panel ta' esperti indipendenti, u li jiġu ddeterminati azzjonijiet preventivi u korrettivi;

12. Jemmen li għall-implimentazzjoni effettiva, f'konformità mal-Artikolu 295 tat-TFUE, il-Ftehim Interistituzzjonali futur dwar it-Tisħiħ tal-Valuri tal-Unjoni għandu jistabbilixxi wkoll proċeduri ċari għall-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet f'dan il-qasam; jinnota li l-ħolqien bla bżonn ta' strutturi ġodda jew id-duplikazzjoni għandhom jiġu evitati, u l-integrazzjoni u l-inkorporazzjoni tal-istrumenti eżistenti għandha tkun l-alternattiva ppreferuta;

13. Jenfasizza l-ħtieġa ta' sistema ta' monitoraġġ li ssegwi mill-qrib is-sitwazzjonijiet fl-Istati Membri kollha; jitlob l-inklużjoni ta' dibattitu dwar il-konklużjonijiet tar-rapport annwali fil-Kunsill u f'konferenza interparlamentari organizzata mill-Parlament f'Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali;

14. Jinsisti li ċ-Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali għandu jkun regolat fl-istadji kollha tiegħu mill-prinċipji tat-trasparenza, l-imparzjalità u l-ugwaljanza bejn l-Istati Membri, ikun ibbażat fuq evidenza oġġettiva, indikaturi u kriterji li jistgħu jitkejlu, ikun protett minn kwalunkwe strateġija ta' diżinformazzjoni malizzjuża, u jwassal għal miżuri effettivi u realistiċi, bħall-proċeduri ta' ksur jew sanzjonijiet fejn relevanti;

15 Jenfasizza li l-Kunsill tal-Ewropa għandu rwol kruċjali fil-monitoraġġ tar-rispett tad-demokrazija, id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt fl-Ewropa; jinsisti, għalhekk, li l-konsultazzjonijiet mal-Kunsill u qabel kollox mal-Kummissjoni ta' Venezja għandhom isiru fuq bażi regolari u li l-valutazzjoni tagħhom għandha tinforma l-evalwazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-mekkaniżmu l-ġdid ta' monitoraġġ konġunt.

16. Ifakkar li filwaqt li fil-qafas legali tal-UE l-istat tad-dritt jissemma b'mod espliċitu bħala valur li huwa komuni għall-UE u l-Istati Membri tagħha (l-Artikolu 2 tat-TUE), it-Trattati tal-UE ma jipprovdux definizzjoni tal-kunċett; jirrimarka li l-istat tad-dritt huwa kunċett kumpless u f'ħafna aspetti vag, u għalhekk it-twaqqif taċ-Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali jkun jeħtieġ konsensus dwar il-prinċipji tal-istat tad-dritt komuni għall-Istati Membri kollha; iqis li l-minimu strett tat-tifsira tal-istat tad-dritt huwa sistema fejn il-liġijiet jiġu applikati u infurzati u li fid-definizzjoni tal-kunċett il-Kummissjoni għandha tuża definizzjoni wiesgħa, ibbażata fuq il-prinċipji stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll il-kunċetti u l-prinċipji stabbiliti fil-lista ta' kontroll tal-Istat tad-Dritt tal-Kummissjoni ta' Venezja;

17. Jemmen li kemm fil-proċess ta' stabbiliment tal-Ftehim Interistituzzjonali kif ukoll fl-operazzjoni taċ-Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali, l-istituzzjonijiet għandhom, f'konformità mal-Artikolu 11 tat-TUE, iżommu djalogu miftuħ ma' rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-partijiet ikkonċernati, u l-fehmiet u l-kontributi tagħhom għandhom isiru pubbliċi u jiġu inklużi fir-rapporti annwali; iċ-Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali għandu għalhekk jipprevedi konsultazzjonijiet regolari u miftuħa mas-soċjetà ċivili organizzata fl-istadji kollha taċ-Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali; jissuġġerixxi li istituzzjonijiet, korpi u aġenziji oħra tal-UE, organizzazzjonijiet internazzjonali, networks u assoċjazzjonijiet ġudizzjarji, akkademiċi u gruppi ta' riflessjoni, kif ukoll parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri, għandhom jikkontribwixxu bl-input tagħhom, fejn rilevanti;

18. Jirrimarka li fil-każ tar-Rumanija u l-Bulgarija ġie stabbilit Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika (MKV) meta ssieħbu fl-UE fl-1 ta' Jannar 2007 bħala miżura tranżitorja biex tgħin liż-żewġ pajjiżi jirrimedjaw in-nuqqasijiet fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja, il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u li 13-il sena wara l-adeżjoni tagħhom, il-mekkaniżmu għadu jiġi applikat fil-każ taż-żewġ pajjiżi; iqis li ċ-Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali, li mbagħad japplika bl-istess mod għall-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, għandu jissostitwixxi l-MKV; iqis li l-punti ta' riferiment stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea biex tivvaluta l-progress fil-MKV jistgħu jintużaw fil-qafas taċ-Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali;

19. Jirrikonoxxi li fiċ-Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali, l-Istati Membri għandhom jingħataw l-opportunità li jippreżentaw il-pożizzjonijiet tagħhom b'mod sħiħ, fir-rigward tal-ugwaljanza tal-Istati Membri kollha filwaqt li ma jfixklux l-effiċjenza tal-proċedura; jissottolinja l-importanza ta' approċċ attiv u responsabbli min-naħa tal-Istati Membri għaċ-Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali;

20. Jenfasizza li kwalunkwe mekkaniżmu mhuwiex komplut mingħajr inċentivi pożittivi bħal finanzjament konkret biex jiġu appoġġjati l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu biex javvanzaw id-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt u l-prinċipji demokratiċi; jenfasizza, għalhekk, li sabiex jiġi żgurat suċċess fid-difiża tal-valuri tal-UE, għandu jiġi stabbilit appoġġ finanzjarju xieraq għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jiddefendu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak reġjonali, kif previst fil-proposta għar-Regolament dwar il-programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri, u li għandu jingħata appoġġ ġenerali lill-individwi li jirrapportaw każijiet ta' ksur tal-valuri tal-UE; jenfasizza l-importanza li tiġi rispettata l-Fergħa tal-Valuri tal-Unjoni fil-programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri fil-QFP 2021-2027;

21. Jinsisti li ċ-Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali jkun integrat għalkollox mar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri[19], u b'hekk dan jorbot it-trasferimenti baġitarji mar-riżultati tal-proċess ta' monitoraġġ, filwaqt li jipproteġi l-interessi leġittimi tar-riċevituri u l-benefiċjarji finali tal-fondi tal-Unjoni; iqis li huwa neċessarju li dak ir-Regolament jinkludi kriterji u indikaturi li jkunu dettaljati biżżejjed u li jistgħu jitkejlu, biex ikun jista' jiġi vvalutat il-ksur tal-istat tad-dritt u jiġu attivati s-sanzjonijiet;

22. Iqis li l-valutazzjonijiet imwettqa fil-kuntest taċ-Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali għandhom iservu ta' informazzjoni għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, inkluż li jagħtu rakkomandazzjonijiet dwar jekk għandhomx jinbdew proċeduri ta' ksur sistemiku; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mis-setgħa tagħha f'dan ir-rigward;

23 Jissottolinja, barra minn hekk, li filwaqt li dewmien konsiderevoli fl-għoti ta' sentenzi, b'mod partikolari f'każijiet relatati tal-istat tad-dritt, jista' jirriżulta fi ħsara irriversibbli u gravi kkawżata minn rigress tal-istat tad-dritt, għandha tingħata aktar kunsiderazzjoni lit-tisħiħ tal-potenzjal u r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fid-difiża tal-istat tad-dritt; iqis li alternattiva bħal din tista' tkun li tiġi prevista proċedura aċċelerata fil-każijiet kollha bħal dawn, filwaqt li jiġi applikat b'mod sistematiku provvediment provviżorju; jistieden lill-Kummissjoni titlob b'mod sistematiku lill-Qorti tikkonċedi miżuri provviżorji skont l-Artikolu 279 tat-TFUE fil-każijiet urġenti relatati mal-valuri tal-Unjoni, b'mod partikolari fejn in-nuqqas ta' tali miżuri aktarx li jikkawża ħsara irreparabbli liċ-ċittadini tal-UE jew lill-ordni ġuridiku tal-UE, u tressaq talbiet li jfittxu li tiġi imposta multa f'każijiet ta' nuqqas ta' konformità mal-miżuri interim skont l-Artikolu 260 tat-TFUE;

24. Jinsisti li, flimkien maċ-ċiklu annwali, f'każijiet eċċezzjonali speċifiċi ġġustifikati mill-gravità tal-konsegwenzi possibbli tal-ksur fil-konfront tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali u l-iskala tal-effetti tagħhom, għandu jkun possibbli li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jitolbu lill-Kummissjoni tabbozza rapport urġenti dwar is-sitwazzjoni;

25. Jenfasizza li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa tipprovdi momentum biex tinftiehem aħjar il-ħtieġa li jiġu protetti u indirizzati l-valuri fundaturi tal-Unjoni fi kriżi u għalhekk tista' tipprovdi l-opportunità li jiġi diskuss jekk fit-Trattati għandux jiġi inkorporat proċess għall-infurzar aktar operattiv tagħhom; jissottolinja li l-Konferenza se tagħti spinta ġdida lid-diskussjoni Ewropea dwar it-tisħiħ tad-demokrazija Ewropea;

26 Jipproponi li l-effikaċja tal-Artikolu 7 tissaħħaħ billi tiġi żgurata l-preżenza tal-Parlament fis-seduti ta' smigħ skont l-Artikolu 7, u fil-każ li jsiru bidliet fit-Trattati fil-futur, billi jitneħħa r-rekwiżit għall-unanimità u jissaħħaħ il-mekkaniżmu ta' sanzjoni;

27. Jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tissaħħaħ bl-introduzzjoni ta' strument ta' lment individwali għaċ-ċittadini; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-arbitraġġ ta' kwistjonijiet kostituzzjonali; jipproponi li dawn is-suġġetti jiġu diskussi matul il-Konferenza li jmiss dwar il-Futur tal-Ewropa;

28. Jappella għar-reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta' Frar 2007 dwar l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, bil-ħsieb li jissaħħu l-mandat ta' dik l-Aġenzija u l-kapaċità tagħha li taġixxi biex tiddefendi l-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, u biex tagħti opinjonijiet mhux vinkolanti dwar abbozzi ta' leġiżlazzjoni tal-UE fuq inizjattiva tagħha stess, u biex tippromwovi konsultazzjonijiet sistematiċi mal-Aġenzija.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

1.9.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

5

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Gabriele Bischoff, Damian Boeselager, Fabio Massimo Castaldo, Włodzimierz Cimoszewicz, Gwendoline Delbos-Corfield, Daniel Freund, Charles Goerens, Esteban González Pons, Brice Hortefeux, Laura Huhtasaari, Giuliano Pisapia, Paulo Rangel, Antonio Maria Rinaldi, Domènec Ruiz Devesa, Jacek Saryusz-Wolski, Helmut Scholz, Pedro Silva Pereira, Antonio Tajani, László Trócsányi, Mihai Tudose, Loránt Vincze, Rainer Wieland

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Gilles Boyer, Jorge Buxadé Villalba, Cristian Ghinea, Maite Pagazaurtundúa, Nikolaj Villumsen

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

22

+

GUE/NGL

Helmut Scholz, Nikolaj Villumsen

NI

Fabio Massimo Castaldo

PPE

Esteban González Pons, Brice Hortefeux, Paulo Rangel, Antonio Tajani, Loránt Vincze, Rainer Wieland

RENEW

Gilles Boyer, Cristian Ghinea, Charles Goerens, Maite Pagazaurtundúa

S&D

Gabriele Bischoff, Włodzimierz Cimoszewicz, Giuliano Pisapia, Domènec Ruiz Devesa, Pedro Silva Pereira, Mihai Tudose

VERTS/ALE

Damian Boeselager, Gwendoline Delbos Corfield, Daniel Freund

 

 

5

-

ECR

Jorge Buxadé Villalba, Jacek Saryusz Wolski

ID

Gerolf Annemans, Laura Huhtasaari, Antonio Maria Rinaldi

 

 

1

0

PPE

László Trócsányi

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 


 

 

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

22.9.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

51

14

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Magdalena Adamowicz, Malik Azmani, Katarina Barley, Pernando Barrena Arza, Pietro Bartolo, Nicolas Bay, Vladimír Bilčík, Vasile Blaga, Ioan-Rareş Bogdan, Patrick Breyer, Saskia Bricmont, Joachim Stanisław Brudziński, Jorge Buxadé Villalba, Damien Carême, Anna Júlia Donáth, Lena Düpont, Cornelia Ernst, Laura Ferrara, Nicolaus Fest, Jean-Paul Garraud, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Andrzej Halicki, Balázs Hidvéghi, Evin Incir, Sophia in ‘t Veld, Lívia Járóka, Marina Kaljurand, Fabienne Keller, Peter Kofod, Moritz Körner, Alice Kuhnke, Jeroen Lenaers, Juan Fernando López Aguilar, Nuno Melo, Roberta Metsola, Nadine Morano, Javier Moreno Sánchez, Maite Pagazaurtundúa, Nicola Procaccini, Paulo Rangel, Diana Riba i Giner, Ralf Seekatz, Michal Šimečka, Birgit Sippel, Sylwia Spurek, Tineke Strik, Ramona Strugariu, Annalisa Tardino, Tomas Tobé, Dragoş Tudorache, Milan Uhrík, Tom Vandendriessche, Bettina Vollath, Jadwiga Wiśniewska, Elena Yoncheva

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Delara Burkhardt, Gwendoline Delbos-Corfield, Kostas Papadakis, Kris Peeters, Anne-Sophie Pelletier, Rob Rooken, Paul Tang, Tomáš Zdechovský

Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

Isabel Benjumea Benjumea

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

51

+

PPE

Magdalena ADAMOWICZ, Isabel BENJUMEA BENJUMEA, Vladimír BILČÍK, Vasile BLAGA, Ioan-Rareş BOGDAN, Lena DÜPONT, Andrzej HALICKI, Jeroen LENAERS, Nuno MELO, Roberta METSOLA, Nadine MORANO, Kris PEETERS, Paulo RANGEL, Ralf SEEKATZ, Tomas TOBÉ, Tomáš ZDECHOVSKÝ

S&D

Katarina BARLEY, Pietro BARTOLO, Delara BURKHARDT, Maria GRAPINI, Sylvie GUILLAUME, Evin INCIR, Marina KALJURAND, Juan Fernando LÓPEZ AGUILAR, Javier MORENO SÁNCHEZ, Birgit SIPPEL, Sylwia SPUREK, Paul TANG, Bettina VOLLATH, Elena YONCHEVA

Renew

Malik AZMANI, Anna Júlia DONÁTH, Sophia in 't VELD, Fabienne KELLER, Moritz KÖRNER, Maite PAGAZAURTUNDÚA, Michal ŠIMEČKA, Ramona STRUGARIU, Dragoş TUDORACHE

Greens/EFA

Patrick BREYER, Saskia BRICMONT, Damien CARÊME, Gwendoline DELBOS-CORFIELD, Alice KUHNKE, Diana RIBA I GINER, Tineke STRIK

GUE

Pernando BARRENA ARZA, Cornelia ERNST, Anne-Sophie PELLETIER, Sira REGO

NI

Laura FERRARA

 

14

-

PPE

Balázs HIDVÉGHI, Lívia JÁRÓKA

ID

Nicolas BAY, Nicolaus FEST, Jean-Paul GARRAUD, Annalisa TARDINO, Tom VANDENDRIESSCHE

ECR

Joachim Stanisław BRUDZIŃSKI, Jorge BUXADÉ VILLALBA, Nicola PROCACCINI, Rob ROOKEN, Jadwiga WIŚNIEWSKA

NI

Kostas PAPADAKIS, Milan UHRÍK

 

1

0

ID

Peter KOFOD

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

[1] ĠU C 215, 19.6.2018, p. 162.

[2] ĠU C 390, 18.11.2019, p. 117.

[3] Testi adottati, P8_TA(2019)0407.

[4] Testi adottati, P8_TA(2018)0456.

[5] Testi adottati, P8_TA(2019)0032.

[6] Testi adottati, P8_TA(2019)0111.

[7] Testi adottati, P8_TA(2019)0328.

[8] Testi adottati, P9_TA(2019)0101.

[9] Testi adottati, P9_TA(2020)0007.

[10] Testi adottati, P9_TA(2020)0014.

[11] Testi adottati, P9_TA(2020)0054.

[12] [minflok xxxx daħħal in-numru finali ta' 2018/136(COD) fit-test u kkoreġi r-referenza tal-ĠU fin-nota ta' qiegħ il-paġna] ĠU C ..., ....., p. ....

[13]  ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17.

[14] ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1.

[15]  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta' mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta' riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 56).

[16]  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar it-twaqqif ta' mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fil-Bulgarija sabiex tindirizza punti ta' riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata (ĠU L 354, 4.12.2006, p. 58).

[17] [minflok xxxx daħħal in-numru finali ta' 2018/136(COD) fit-test u kkoreġi r-referenza tal-ĠU fin-nota ta' qiegħ il-paġna] Regolament (UE) .../... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri; ĠU C ..., ....., p. ....

[18]  ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17.

[19] Il-proposta għal Regolament dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri - COM(2018) 324(final).

 

Aġġornata l-aħħar: 2 ta' Ottubru 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza