RAPPORT dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-kwistjonijiet li jinħolqu rigward id-drittijiet fundamentali

1.10.2020 - (2020/2022(INI))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Kris Peeters

Proċedura : 2020/2022(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0172/2020


PR_INI

WERREJ

Paġna

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

NOTA SPJEGATTIVA

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAS-SUQ INTERN U L-ĦARSIEN TAL-KONSUMATUR

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-KULTURA U L-EDUKAZZJONI

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET  FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

 


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-kwistjonijiet li jinħolqu rigward id-drittijiet fundamentali

(2020/2022(INI))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

 wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikolu 16 u l-Artikolu 114 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 6, l-Artikolu 7, l-Artikolu 8, l-Artikolu 11, l-Artikolu 13, l-Artikolu 21, l-Artikolu 22, l-Artikolu 23, l-Artikolu 24, l-Artikolu 38 u l-Artikolu 47 tiegħu,

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku)[1],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE ("Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data", (GDPR))[2] ,

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika ("Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika")[3],

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) fid-dawl ta' realtajiet tas-suq li qed jinbidlu[4],

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE ("Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur")[5],

 wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-1 ta' Marzu 2018 dwar miżuri biex jiġi indirizzat b'mod effettiv il-kontenut illegali online[6],

  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tat-Theddida mill-Kriminalità Organizzata fuq l-Internet (IOCTA) tal-Europol tat-18 ta' Settembru 2018,

  wara li kkunsidra l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0172/2020),

A. billi d-drittijiet fundamentali, bħall-protezzjoni tal-privatezza u d-data personali, il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni, kif ukoll il-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni, jeħtieġ li jkollhom l-għeruq tagħhom fil-qalba ta' politika tal-UE li tirnexxi u fit-tul dwar is-servizzi diġitali; billi jeħtieġ li dawn id-drittijiet jiġu kkunsidrati kemm fit-test tal-liġi, kif ukoll fl-ispirtu tal-implimentazzjoni tagħhom;

B. billi t-tipi ta' servizzi diġitali u r-rwoli tal-fornituri ta' servizz diġitali nbidlu drastikament minn meta ġiet adottata d-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku 20 sena ilu;

C. billi l-fiduċja tal-utenti tista' tinkiseb biss permezz ta' servizzi diġitali li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tagħhom, li mhux biss jiżguraw l-adozzjoni tas-servizzi, imma joffru wkoll vantaġġ kompetittiv u mudelli kummerċjali stabbli għall-kumpaniji;

D. billi r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data applikabbli għall-fornituri kollha li joffru servizzi diġitali fit-territorju tal-UE ġew reċentement aġġornati u armonizzati madwar l-UE permezz tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data; billi r-regoli dwar il-privatezza għall-komunikazzjoni elettronika, li huma subsett ta' servizzi diġitali, huma koperti mid-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika u bħalissa qed jiġu riveduti;

E. billi l-ammont tat-tipi kollha ta' kontenut kondiviż li huwa ġġenerat mill-utenti u s-servizzi pprovduti permezz ta' pjattaformi online, inklużi s-servizzi tal-cloud, żdied b'mod esponenzjali u b'pass bla preċedent iffaċilitat minn teknoloġiji avvanzati; billi dan jinkludi kontenut illegali bħal immaġnijiet li juru materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal (CSAM) online u kontenut li huwa legali imma li jista' jkun ta' ħsara għas-soċjetà u d-demokrazija, bħad-diżinformazzjoni dwar ir-rimedji tal-COVID-19;

F. billi d-diskors ta' mibegħda u d-diżinformazzjoni online nfirxu dejjem aktar f'dawn l-aħħar snin peress li l-individwi u l-atturi li jfixklu jagħmlu użu minn pjattaformi online biex ixerrdu l-polarizzazzjoni, li min-naħa tagħha tintuża għal skopijiet politiċi; billi n-nisa, il-persuni ta' kulur, il-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi etniċi jew lingwistiċi jew li huma perċepiti bħala li jagħmlu parti minnhom u l-persuni LGBTIQ spiss ikunu fil-mira ta' diskors ta' mibegħda diskriminatorju, bullying, theddid u jkunu filagu online;

G. billi din it-tendenza ġiet megħjuna minn pjattaformi online li l-mudell tan-negozju tagħhom huwa bbażat fuq il-ġbir u l-analiżi tad-data tal-utenti bil-għan li jiġu ġġenerati aktar traffiku u "clicks", u, minħabba f'hekk, aktar data dwar it-tfassil ta' profili u b'hekk aktar profitt; billi din twassal għall-amplifikazzjoni tal-kontenut sensazzjonalista; billi d-diskors ta' mibegħda u d-diżinformazzjoni jagħmlu ħsara lill-interess pubbliku billi jimminaw id-diskors pubbliku rispettuż u onest, u joħolqu theddid għas-sigurtà pubblika minħabba li jistgħu jinċitaw il-vjolenza fid-dinja reali; billi l-ġlieda kontra tali kontenut hija kruċjali sabiex jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u jiġu difiżi l-istat tad-dritt u d-demokrazija fl-UE;

H. billi l-midja soċjali u pjattaformi oħra ta' distribuzzjoni tal-kontenut jużaw tekniki tat-tfassil ta' profili biex ikollhom fil-mira u jxerrdu l-kontenut tagħhom, kif ukoll ir-reklami; billi d-data miġbura mit-traċċi diġitali ta' individwi tista' tiġi estratta b'modi li jippermettu inferenza preċiża ħafna ta' informazzjoni personali ferm intima, speċjalment meta tali data tingħaqad ma' settijiet oħra ta' data; billi l-iskandli ta' Cambridge Analytica u Facebook urew ir-riskji assoċjati ma' operazzjonijiet ta' pproċessar ta' data opaki ta' pjattaformi online billi żvelaw li ċerti votanti kienu fil-mira fuq livell mikro b'reklamar politiku u, xi drabi, anke b'diżinformazzjoni mmirata;

I. billi l-algoritmi awtomatizzati li jiddeċiedu kif jittrattaw, jipprijoritizzaw, iqassmu u jħassru kontenut ta' partijiet terzi fuq pjattaformi online, inkluż matul kampanji politiċi u elettorali, spiss jirriproduċu tendenzi diskriminatorji eżistenti fis-soċjetà, u b'hekk iwasslu għal riskju għoli ta' diskriminazzjoni għall-persuni diġà affettwati; billi l-użu mifrux tal-algoritmi għat-tneħħija jew l-imblukkar ta' kontenut iqajjem ukoll tħassib dwar l-istat tad-dritt u mistoqsijiet rigward il-legalità, il-leġittimità u l-proporzjonalità;

J. billi numru żgħir ta' fornituri tas-servizzi, li fil-maġġoranza tagħhom mhumiex Ewropej, għandhom setgħa sinifikanti fis-suq u jeżerċitaw influwenza fuq id-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi, is-soċjetajiet u d-demokraziji tagħna billi jikkontrollaw kif jiġu ppreżentati l-informazzjoni, is-servizzi u l-prodotti, u għalhekk għandhom impatt sinifikanti fuq il-funzjonament tal-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħhom; billi d-deċiżjonjiet ta' dawn il-pjattaformi jista' jkollhom konsegwenzi estensivi għal-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni, u għal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja;

K. billi l-approċċ tal-politika biex jiġi indirizzat il-kontenut illegali online fl-UE s'issa ffoka prinċipalment fuq il-kooperazzjoni volontarja u t-tneħħija mitluba b'ordni tal-qorti, iżda għadd dejjem akbar ta' Stati Membri qed jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali ulterjuri biex jindirizzaw il-kontenut illegali b'mod mhux armonizzat; billi dispożizzjonijiet li jindirizzaw ċerti tipi ta' kontenut illegali ġew inklużi fil-leġiżlazzjoni settorjali reċenti fil-livell tal-UE;

L. billi approċċ purament awtoregolatorju tal-pjattaformi ma jipprovdix trasparenza, obbligu ta' rendikont u sorveljanza adegwati; billi approċċ bħal dan la jipprovdi informazzjoni xierqa lill-awtoritajiet pubbliċi, lis-soċjetà ċivili u lill-utenti dwar kif il-pjattaformi jindirizzaw kontenut u attivitajiet illegali u kontenut li jikser it-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom, u lanqas dwar kif jorganizzaw il-kontenut b'mod ġenerali;

M. billi tali approċċ ma jistax jiggarantixxi konformità mad-drittijiet fundamentali u joħloq sitwazzjoni fejn ir-responsabbiltajiet ġudizzjarji huma parzjalment mgħoddija lil partijiet privati, u dan joħloq ir-riskju ta' interferenza mad-dritt għal-libertà ta' espressjoni;

N. billi fl-UE s-sorveljanza u s-superviżjoni regolatorja huma speċifiċi għas-settur; billi koordinazzjoni ulterjuri u aktar komprensiva bejn il-korpi ta' sorveljanza differenti madwar l-UE tkun ta' benefiċċju;

O. billi n-nuqqas ta' data pubblika robusta u komparabbli dwar il-prevalenza ta' kontenut illegali u dannuż online, dwar avviżi u t-tneħħija ordnata mill-qorti u awtoregolatorja tagħhom, u dwar is-segwitu mill-awtoritajiet kompetenti joħloq defiċit ta' trasparenza u responsabbiltà, kemm fis-settur privat kif ukoll f'dak pubbliku; billi hemm nuqqas ta' informazzjoni rigward l-algoritmi użati mill-pjattaformi u mis-siti web u l-mod kif il-pjattaformi jindirizzaw it-tneħħija żbaljata ta' kontenut;

P. billi l-isfruttament sesswali tat-tfal online huwa wieħed mill-forom ta' kontenut illegali li huwa ffaċilitat minn żviluppi teknoloġiċi; billi l-ammont vast ta' materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal li jiċċirkola online joħloq sfidi serji għad-detezzjoni, l-investigazzjoni u, fuq kollox, għall-isforzi ta' identifikazzjoni tal-vittmi; billi, skont l-Europol, ir-rapporti ta' kondiviżjoni online ta' materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal li saru lill-NCMEC ibbażat fl-Istati Uniti żdiedu fl-aħħar sena b'106 %;

Q. billi skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), il-kontenut għandu jitneħħa wara deċiżjoni ġudizzjarja minn Stat Membru; billi l-fornituri ospitanti jistgħu jirrikorru għal għodod u teknoloġiji ta' tfittxija awtomatizzata biex jidentifikaw u jneħħu kontenut li jkun ekwivalenti għal kontenut preċedentement iddikjarat bħala illegali, iżda m'għandhomx ikunu obbligati jimmonitorjaw b'mod ġenerali l-informazzjoni li jaħżnu, jew ifittxu b'mod attiv fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attività illegali, kif previst fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31;

R. billi identifikazzjoni elettronika fdata hija elementari biex jiġi żgurat aċċess sigur għas-servizzi diġitali u jitwettqu tranżazzjonijiet elettroniċi b'mod aktar sikur; billi attwalment 15-il Stat Membru biss innotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-iskema ta' identità elettronika tagħhom għar-rikonoxximent transfruntier fil-qafas tar-Regolament (UE) Nru 910/2014[7];

S. billi l-internet u l-pjattaformi tal-internet għadhom post ewlieni għall-attivitajiet tal-gruppi terroristiċi, u jintużaw bħala għodda għat-tixrid tal-propaganda, għar-reklutaġġ u l-promozzjoni tal-attivitajiet tagħhom;

1. Jemmen fil-benefiċċji soċjetali u ekonomiċi ċari ta' suq uniku diġitali li jiffunzjona għall-UE u l-Istati Membri tagħha; jilqa' dawn il-benefiċċji, u b'mod partikolari t-titjib fl-aċċess għall-informazzjoni u t-tisħiħ tal-libertà ta' espressjoni; jenfasizza l-obbligu importanti li tiġi żgurata ekosistema diġitali ġusta li fiha jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali, kif minquxa fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, speċjalment il-libertà ta' espressjoni u ta' l-informazzjoni, in-nondiskriminazzjoni, il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data, u s-sikurezza tal-utent tiġi żgurata online; jenfasizza l-fatt li l-interventi leġiżlattivi u interventi regolatorji oħra fis-suq uniku diġitali li għandhom l-għan li jiżguraw konformità ma' dan l-obbligu għandhom ikunu strettament limitati għal dak li huwa neċessarju; ifakkar li l-mekkaniżmi ta' tneħħija tal-kontenut li jintużaw barra l-garanziji ta' proċess dovut jiksru l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

2. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta approċċ regolatorju mfassal apposta sabiex tindirizza d-differenzi li għadhom jippersistu bejn id-dinja online u dik offline u l-isfidi li jirriżultaw mid-diversità tal-atturi u s-servizzi offruti online; iqis, f'dan ir-rigward, li huwa essenzjali li jiġu applikati approċċi regolatorji differenti għall-kontenut illegali u legali; jenfasizza li l-kontenut illegali online u r-reati bl-użu tal-internet għandhom jiġu indirizzati bl-istess rigorożità u abbażi tal-istess prinċipji legali bħall-kontenut illegali u l-imġiba kriminali offline, u bl-istess garanziji għaċ-ċittadini; ifakkar li d-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku hija l-qafas legali għas-servizzi online fis-suq intern li jirregola l-ġestjoni tal-kontenut;

3. Iqis li huwa neċessarju li l-kontenut illegali jitneħħa malajr u b'mod konsistenti sabiex jiġu indirizzati r-reati u l-ksur tad-drittijiet fundamentali; iqis li l-kodiċijiet ta' kondotta volontarji jindirizzaw il-kwistjoni b'mod parzjali biss;

4. Jistieden lill-fornituri ta' servizz diġitali jneħħu l-kontenut minn fuq l-internet b'mod diliġenti, proporzjonat u mhux diskriminatorju, u b'kunsiderazzjoni xierqa fiċ-ċirkostanzi kollha għad-drittijiet fundamentali tal-utenti u jqisu l-importanza fundamentali tal-libertà ta' espressjoni u tal-informazzjoni f'soċjetà miftuħa u demokratika bil-għan li jiġi evitat li jitneħħa l-kontenut li mhuwiex illegali; jitlob lill-fornituri ta' servizz diġitali, li fuq l-inizjattiva tagħhom stess ikunu jixtiequ jirrestrinġu ċertu kontenut legali tal-utenti tagħhom, jesploraw il-possibbiltà li jimmarkaw dak il-kontenut, aktar milli jneħħuh minn fuq l-internet, u b'hekk jagħtu lill-utenti l-opportunità li jagħżlu li jaċċessaw dak il-kontenut b'mod li jkunu responsabbli huma nfushom;

5. Jieħu l-pożizzjoni li kwalunkwe miżura ta' tneħħija ta' kontenut b'mandat legali fl-Att dwar is-Servizzi Diġitali għandha tikkonċerna biss il-kontenut illegali, kif definit fil-liġi tal-UE u dik nazzjonali, u li l-leġiżlazzjoni m'għandhiex tinkludi kunċetti u termini mhux definiti peress li dan joħloq inċertezza legali għall-pjattaformi online u jpoġġi d-drittijiet fundamentali u l-libertà ta' espressjoni f'riskju;

6. Jirrikonoxxi, madankollu, li l-ekosistema diġitali kurrenti tinkoraġġixxi wkoll imġiba problematika, bħall-mikrommirar ibbażat fuq karatteristiċi li jesponu vulnerabbiltajiet fiżiċi jew psikoloġiċi, it-tixrid ta' diskors ta' mibegħda, kontenut razzist u diżinformazzjoni, kwistjonijiet emerġenti bħall-abbuż organizzat ta' pjattaformi multipli, u l-ħolqien ta' kontijiet jew manipulazzjoni ta' kontenut online minn algoritmi; jinnota bi tħassib li xi mudelli kummerċjali huma bbażati fuq il-wiri ta' kontenut sensazzjonali u polarizzanti lill-utenti sabiex jiżdied il-ħin ta' viżwalizzazzjoni tagħhom u b'hekk il-profitti tal-pjattaformi online; jenfasizza l-effetti negattivi ta' tali mudelli ta' negozju fuq id-drittijiet fundamentali tal-individwi u għas-soċjetà kollha kemm hi; jitlob li jkun hemm trasparenza fil-politiki ta' monetizzazzjoni tal-pjattaformi online;

7. Jenfasizza, għalhekk, li t-tixrid ta' tali kontenut ta' ħsara għandu jkun ikkontrollat; jemmen bis-sħiħ li l-ħiliet fil-litteriżmu medjatiku, il-kontroll tal-utenti fuq il-kontenut propost lilhom u l-aċċess pubbliku għal kontenut u edukazzjoni ta' kwalità għolja huma kruċjali f'dan ir-rigward; jilqa' għalhekk l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex jinħoloq Osservatorju Ewropew għall-Midja Diġitali li jappoġġja servizzi indipendenti li jivverifikaw il-fatti malajr, iżid l-għarfien pubbliku dwar id-diżinformazzjoni online u jappoġġja l-awtoritajiet pubbliċi inkarigati mill-monitoraġġ tal-midja diġitali;

8. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw inizjattivi edukattivi u tal-midja indipendenti u tas-servizz pubbliku fir-rigward tal-litteriżmu medjatiku u kampanji mmirati ta' sensibilizzazzjoni fis-soċjetà ċivili; jirrimarka li għandha tingħata attenzjoni speċjali lil kontenut dannuż fil-kuntest ta' minorenni li jużaw l-internet, b'mod speċjali fir-rigward tal-esponiment tagħhom għall-bullying ċibernetiku, il-fastidju sesswali, il-pornografija, il-vjolenza jew il-ħsara fuqhom infushom;

9. Jinnota li peress li l-attivitajiet online ta' individwu jippermettu li jkun hemm għarfien profond dwar il-personalità tiegħu u jagħmluha possibbli li dan jiġi mmanipulat, il-ġbir ġenerali u indiskriminat tad-data personali rigward kull użu ta' servizz diġitali jinterferixxi b'mod sproporzjonat mad-dritt għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data personali; jenfasizza, b'mod partikolari, l-impatt negattiv potenzjali tar-reklami mmirati fil-livell mikro u li jagħrfu l-imġiba u tal-valutazzjonijiet tal-individwi, speċjalment minorenni u gruppi vulnerabbli, billi jindaħlu fil-ħajja privata tal-individwi, u joħolqu mistoqsijiet dwar il-ġbir u l-użu tad-data użata biex jiġi ppersonalizzat ir-reklamar, jiġu offruti prodotti jew servizzi jew jiġu stabbiliti l-prezzijiet; jikkonferma li d-dritt tal-utenti li ma jkunux soġġetti għal traċċar mifrux meta jużaw is-servizzi diġitali ġie inkluż fil-GDPR u għandu jiġi infurzat kif xieraq fl-UE kollha; jinnota li l-Kummissjoni pproponiet li tagħmel it-trattament immirat tal-kontenut soġġett għal deċiżjoni opt-in fil-proposta tagħha għal regolament ġdid dwar ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni ta' data personali f'komunikazzjoni elettronika (2017/0003(COD));

10. Iqis li reklamar politiku qarrieqi jew mhux ċar huwa klassi speċjali ta' theddid online minħabba li jinfluwenza l-mekkaniżmi ewlenin li jippermettu l-funzjonament tas-soċjetà demokratika tagħna, b'mod speċjali meta dan il-kontenut jiġi sponsorjat minn partijiet terzi, inklużi atturi barranin; jissottolinja li meta t-tfassil ta' profili jintuża fuq skala li tippermetti li l-immirar politiku fil-livell mikro jimmanipula l-imġiba fil-votazzjoni, dan jista' jimmina b'mod serju l-pedamenti tad-demokrazija; jistieden, għalhekk, lill-fornituri ta' servizz diġitali jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jidentifikaw u jimmarkaw il-kontenut imtella' minn bots soċjali u jistenna li l-Kummissjoni tipprovdi linji gwida dwar l-użu ta' tali teknoloġiji diġitali persważivi fil-kampanji elettorali u fil-politika tar-reklamar politiku; jappella, f'dan ir-rigward, għall-istabbiliment ta' rekwiżiti ta' trasparenza stretti għall-wiri ta' reklamar politiku mħallas;

11. Iqis li huwa neċessarju li l-kontenut illegali jitneħħa b'mod konsistenti u mingħajr dewmien bla bżonn sabiex jiġi indirizzat il-ksur, speċjalment dak relatat mat-tfal u l-kontenut terroristiku, u l-ksur tad-drittijiet fundamentali bis-salvagwardji neċessarji stabbiliti, bħat-trasparenza tal-proċess, id-dritt għal appell u l-aċċess għal rimedju ġudizzjarju effettiv; iqis li l-kodiċijiet ta' kondotta volontarji u l-kundizzjonijiet tal-użu kuntrattwali standard ma għandhomx infurzar adegwat u wrew li huma jindirizzaw il-kwistjoni biss b'mod parzjali; jenfasizza li r-responsabbiltà aħħarija għall-infurzar tal-liġi, għad-deċiżjoni dwar il-legalità ta' attivitajiet online kif ukoll għall-għoti ta' ordnijiet lill-fornituri ta' servizzi ta' hosting biex ineħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għal kontenut illegali jaqgħu f'idejn l-awtoritajiet kompetenti indipendenti;

12. Jirrikonoxxi l-fatt li, filwaqt li n-natura illegali ta' ċerti tipi ta' kontenut tista' faċilment tiġi stabbilita, id-deċiżjoni hija aktar diffiċli għal tipi oħra ta' kontenut peress li jirrikjedu li jitqiesu f'kuntest; iwissi li l-għodod awtomatizzati kurrenti mhumiex kapaċi janalizzaw b'mod kritiku u jifhmu b'mod adegwat l-importanza tal-kuntest għal biċċiet speċifiċi ta' kontenut, u dan jista' jwassal għal tneħħija mhux meħtieġa u jagħmel ħsara lil-libertà ta' espressjoni u l-aċċess għal informazzjoni varjata, inkluż dwar fehmiet politiċi, u b'hekk jirriżulta f'ċensura; jenfasizza li r-rieżami uman tar-rapporti awtomatizzati mill-fornituri tas-servizzi jew mill-kuntratturi tagħhom ma jsolvix għalkollox din il-problema, speċjalment jekk jiġi esternalizzat lil persunal privat li ma jkollux biżżejjed indipendenza, kwalifiki u obbligu ta' rendikont;

13. Jinnota bi tħassib li l-kontenut illegali online jista' jiġi mmultiplikat b'mod faċli u rapidu, u dan għalhekk jamplifika l-impatt negattiv tiegħu f'perjodu ta' żmien qasir ħafna; għalhekk jemmen li l-Att dwar is-Servizzi Diġitali ma għandu jkollu l-ebda obbligu fuq il-fornituri ta' servizzi ta' hosting jew intermedjarji tekniċi oħra biex jużaw għodod awtomatizzati għall-moderazzjoni tal-kontenut;

14. Ifakkar li l-kontenut illegali online m'għandux jitneħħa biss mill-pjattaformi online, iżda għandu jiġi segwit mill-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura fejn ikunu kkonċernati atti kriminali; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tobbliga lill-pjattaformi online jirrapportaw reati serji lill-awtorità kompetenti meta jiksbu għarfien effettiv ta' tali reat; f'dan ir-rigward, jiskopri li f'xi Stati Membri, il-problema ewlenija mhijiex il-fatt li dawn għandhom biss każijiet mhux solvuti, imma anke każijiet mhux mibdija; jitlob li jitneħħew l-ostakli biex jitressqu lmenti quddiem l-awtoritajiet kompetenti; huwa konvint li, minħabba n-natura mingħajr fruntieri tal-internet u d-disseminazzjoni rapida tal-kontenut illegali online, għandha titjieb il-kooperazzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, kif ukoll il-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u tkun ibbażata fuq il-prinċipji tan-neċessità u l-proporzjonalità; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jiġu rrispettati l-ordni legali tal-UE u l-prinċipji stabbiliti tal-kooperazzjoni transfruntiera u l-fiduċja reċiproka; jistieden lill-Istati Membri jarmaw lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji tagħhom bl-għarfien espert, ir-riżorsi u l-għodod meħtieġa biex ikunu jistgħu jittrattaw b'mod effettiv u effiċjenti l-għadd dejjem akbar ta' każijiet li jinvolvu kontenut illegali online u r-riżoluzzjoni tat-tilwim rigward it-tneħħija ta' kontenut minn fuq l-internet, u biex itejbu l-aċċess għall-ġustizzja fil-qasam tas-servizzi diġitali;

15. Jissottolinja li biċċa speċifika ta' kontenut tista' titqies bħala illegali fi Stat Membru wieħed iżda tkun koperta mid-dritt għal-libertà ta' espressjoni f'ieħor; jenfasizza li, sabiex jiġu protetti l-libertà tal-kelma, jiġu evitati l-kunflitti tal-liġijiet, jiġi evitat imblukkar ġeografiku mhux iġġustifikat u ineffettiv u jitqiegħed fil-mira suq uniku diġitali armonizzat, il-fornituri ta' servizzi ta' hosting m'għandhomx ikunu meħtieġa jneħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għal informazzjoni li tkun legali fl-Istat Membru li jkunu stabbiliti fih, jew fejn ikun jgħix jew stabbilit ir-rappreżentant legali maħtur tagħhom; ifakkar li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jinfurzaw biss ordnijiet ta' tneħħija minn awtoritajiet kompetenti indipendenti indirizzati lill-fornituri tas-servizzi stabbiliti fit-territorju tagħhom; iqis li huwa neċessarju li jissaħħu l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri bl-appoġġ tal-Kummissjoni u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni; jappella għal djalogu strutturat bejn l-Istati Membri sabiex jiġi determinat ir-riskju ta' tipi speċifiċi ta' kontenut u jiġu identifikati differenzi potenzjali fil-valutazzjoni ta' tali riskji bejn l-Istati Membri;

16. Jissottolinja li l-kontenut illegali għandu jitneħħa fejn jiġi ospitat, u li intermedjarji ta' sempliċi mezz ta' trażmissjoni ma għandhomx jiġu meħtieġa jimblukkaw l-aċċess għall-kontenut;

17. Jemmen bis-sħiħ li l-qafas legali kurrenti tal-UE li jirregola s-servizzi diġitali għandu jiġi aġġornat bil-ħsieb li jindirizza l-isfidi ppreżentati mill-frammentazzjoni bejn l-Istati Membri u t-teknoloġiji ġodda, bħall-prevalenza tat-tfassil ta' profili u t-teħid tad-deċiżjonijiet algoritmiku li jippenetra fl-oqsma kollha tal-ħajja, kif ukoll li jiżgura ċ-ċarezza legali u r-rispett għad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari l-libertà ta' espressjoni u d-dritt għall-privatezza b'mod li jilqa' għall-isfidi tal-futur meta wieħed iqis l-iżvilupp rapidu tat-teknoloġija;

18. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni biex tintroduċi approċċ armonizzat li jindirizza l-obbligi għall-fornituri ta' servizz diġitali, inklużi għall-intermedjarji online, sabiex jiġu evitati l-frammentazzjoni tas-suq intern u l-infurzar inkonsistenti tar-regolamenti; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-aktar soluzzjonijiet effiċjenti u effettivi għas-suq intern kollu kemm hu, filwaqt li tevita milli toħloq piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa ġodda u żżomm is-suq uniku diġitali miftuħ, ġust, sikur u kompetittiv għall-parteċipanti kollha tiegħu; jenfasizza li r-reġim ta' responsabbiltà għall-fornituri ta' servizz diġitali jrid ikun proporzjonat, ma jridx ikun ta' żvantaġġ għall-kumpaniji żgħar u ta' daqs medju, u ma jridx jillimita b'mod mhux raġonevoli l-innovazzjoni u l-aċċess għall-informazzjoni;

19. Iqis li r-riforma għandha tibni fuq il-pedament sod tal-liġi eżistenti tal-UE u f'konformità sħiħa magħha, speċjalment ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, id-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika, li bħalissa qed tiġi riveduta, u tirrispetta s-supremazija tal-istrumenti speċifiċi għas-settur l-oħra bħad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva; jissottolinja li l-modernizzazzjoni tar-regoli tal-kummerċ elettroniku tista' taffettwa d-drittijiet fundamentali; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkun viġilanti ħafna fl-approċċ tagħha u jħeġġiġha tintegra wkoll l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem fir-reviżjoni tagħha;

20. Jenfasizza li l-kapaċità prattika tal-utenti individwali biex jifhmu u jinnavigaw il-kumplessità tal-ekosistemi tad-data hija limitata ħafna, u bl-istess mod il-kapaċità tagħhom li jidentifikaw jekk l-informazzjoni li jirċievu u s-servizzi li jużaw humiex disponibbli għalihom fuq l-istess termini bħal utenti oħra; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tqiegħed it-trasparenza u n-nondiskriminazzjoni fil-qalba tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali;

21. Jinsisti li l-Att dwar is-Servizzi Diġitali jrid ikollu l-għan li jiżgura livell għoli ta' trasparenza fir-rigward tal-funzjonament tas-servizzi online u ambjent diġitali ħieles mid-diskriminazzjoni; jenfasizza li, minbarra l-qafas regolatorju b'saħħtu eżistenti li jipproteġi l-privatezza u d-data personali, huwa meħtieġ obbligu għall-pjattaformi online biex jiġi żgurat l-użu leġittimu tal-algoritmi; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tiżviluppa reġim ibbażat fuq id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku li jinkwadra b'mod ċar ir-responsabbiltà tal-fornituri tas-servizzi biex jindirizza r-riskji ffaċċjati mill-utenti tagħhom u jipproteġi d-drittijiet tagħhom u jipprevedi obbligu ta' trasparenza u spjegabbiltà tal-algoritmi, penali għall-infurzar ta' tali obbligi, il-possibbiltà ta' intervent mill-bniedem u miżuri oħra bħal awditi indipendenti annwali u testijiet tal-istress speċifiċi li jassistu u jinfurzaw il-konformità;

22. Jenfasizza li xi fornituri ta' servizz diġitali għandhom ikunu jistgħu jidentifikaw l-utenti mingħajr ambigwità b'mod ekwivalenti għas-servizzi offline; jinnota ġbir mhux meħtieġ ta' data personali, bħan-numri tal-mowbajls, minn pjattaformi online fil-punt tar-reġistrazzjoni għal servizz, spiss ikkawżat mill-użu ta' possibbiltajiet ta' reġistrazzjoni unika; jissottolinja li l-GDPR jiddeskrivi b'mod ċar il-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data, u b'hekk jillimita d-data li tinġabar għal dak li huwa strettament meħtieġ għall-iskop; jirrakkomanda li l-pjattaformi online li jappoġġjaw servizz ta' reġistrazzjoni unika b'sehem tas-suq dominanti għandhom ikunu meħtieġa li mill-inqas ikollhom sistema waħda ta' identità miftuħa bbażata fuq qafas nonproprjetarju, deċentralizzat u interoperabbli;

23. Jissottolinja li fejn ċertu tip ta' identifikazzjoni uffiċjali tkun meħtieġa offline, jeħtieġ li tinħoloq sistema ekwivalenti ta' identifikazzjoni elettronika online sigura; jemmen li l-identifikazzjoni online tista' tittejjeb billi tiġi infurzata l-interoperabbiltà transfruntiera tal-identifikazzjonijiet elettroniċi tar-Regolament eIDAS[8] fl-Unjoni Ewropea kollha; jitlob lill-Kummissjoni tesplora l-ħolqien ta' sistema ta' reġistrazzjoni Ewropea unika bħala alternattiva għal sistemi privati ta' reġistrazzjoni unika u tintroduċi obbligu għas-servizzi diġitali li dejjem joffru wkoll għażla ta' reġistrazzjoni manwali, stabbilita b'mod awtomatiku; jissottolinja li dan is-servizz għandu jiġi żviluppat sabiex il-ġbir ta' data ta' reġistrazzjoni identifikabbli mill-fornitur tas-servizz tar-reġistrazzjoni jkun teknikament impossibbli u d-data miġbura tinżamm għal minimu assolut; jirrakkomanda, għalhekk, li l-Kummissjoni tesplora wkoll il-ħolqien ta' sistema ta' verifika għall-utenti tas-servizzi diġitali, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali u l-verifika tal-età, b'mod speċjali għall-minorenni, li la għandha tintuża kummerċjalment u lanqas ma għandha tintuża biex jiġu traċċati l-utenti bejn is-siti; jenfasizza li dawn is-sistemi ta' reġistrazzjoni u ta' verifika għandhom japplikaw biss għal servizzi diġitali li jeħtieġu identifikazzjoni personali, awtentikazzjoni jew verifika tal-età; ifakkar li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiggarantixxu li l-identifikazzjonijiet elettroniċi jkunu siguri, trasparenti, jipproċessaw biss id-data meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-utent u jintużaw għal skop leġittimu biss u ma jintużawx kummerċjalment, u lanqas ma jintużaw biex irażżnu l-aċċess ġenerali għall-internet jew biex jittraċċaw l-utenti bejn is-siti;

24. Iqis li huwa indispensabbli li jkun hemm armonizzazzjoni sħiħa u kjarifika tar-regoli dwar ir-responsabbiltà fil-livell tal-UE biex jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet tal-utenti madwar l-UE; jemmen li dawn ir-regoli għandhom iżommu eżenzjonijiet tar-responsabbiltà għal intermedjarji li ma jkollhomx għarfien effettiv tal-attività illegali jew informazzjoni fuq il-pjattaformi tagħhom; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-liġijiet nazzjonali reċenti li jindirizzaw id-diskors ta' mibegħda u d-diżinformazzjoni jwasslu għal frammentazzjoni dejjem akbar tar-regoli u għal livell aktar baxx ta' protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE;

25. Għal dan il-għan, jappella għal proposti leġiżlattivi li jżommu s-suq uniku diġitali miftuħ u kompetittiv billi jipprovdu rekwiżiti armonizzati għal fornituri ta' servizz diġitali biex japplikaw proċeduri u salvagwardji proċedurali effettivi, koerenti, trasparenti u ġusti biex jiġi indirizzat il-kontenut illegali f'konformità mal-liġi nazzjonali u Ewropea, inkluż permezz ta' proċedura armonizzata ta' avviż u azzjoni;

26. Jemmen, f'dan ir-rigward, li huwa kruċjali għall-pjattaformi online li jkunu forniti b'regoli, rekwiżiti u salvagwardji ċari fir-rigward tar-responsabbiltà għal kontenut ta' partijiet terzi; jipproponi li jitwaqqaf qafas regolatorju komuni sabiex jidentifika u jneħħi b'mod effiċjenti l-kontenut illegali;

27. Jenfasizza li r-regoli dwar il-mekkaniżmi ta' avviż u azzjoni għandhom ikunu kkomplementati b'rekwiżiti għall-pjattaformi biex jieħdu miżuri speċifiċi li jkunu proporzjonati mal-livell ta' firxa tagħhom kif ukoll il-kapaċitajiet tekniċi u operattivi tagħhom sabiex tiġi indirizzata b'mod effettiv l-apparizzjoni ta' kontenut illegali fuq is-servizzi tagħhom; għalhekk jirrikonoxxi, fejn ikun teknoloġikament fattibbli, abbażi ta' ordnijiet sostanzjati b'mod suffiċjenti minn awtoritajiet pubbliċi kompetenti indipendenti, u b'kunsiderazzjoni sħiħa tal-kuntest speċifiku tal-kontenut, li l-fornituri ta' servizz diġitali jistgħu jkunu meħtieġa jwettqu tfittxijiet perjodiċi għal biċċiet distinti ta' kontenut li qorti tkun diġà ddikjarat bħala illegali, dment li l-monitoraġġ u t-tfittxija tal-informazzjoni kkonċernata permezz ta' tali inibizzjoni jkunu limitati għall-informazzjoni li twassal messaġġ li l-kontenut tiegħu jibqa' essenzjalment mhux mibdul meta mqabbel mal-kontenut li jkun wassal għas-sejba tal-illegalità u li jkun fih l-elementi speċifikati fl-inibizzjoni li, f'konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' Ottubru 2019 fil-Kawża C-18/18[9], ikunu identiċi jew ekwivalenti sal-punt li ma jkunx meħtieġ li l-fornitur ospitanti jwettaq valutazzjoni indipendenti ta' dak il-kontenut;

28. Isostni li l-għażla tal-miżuri konkreti għandha titħalla f'idejn il-pjattaformi; jappoġġja approċċ ibbilanċjat ibbażat fuq djalogu mal-partijiet interessati u valutazzjoni tar-riskji mġarrba mill-pjattaformi, kif ukoll katina ċara ta' responsabbiltà biex jiġu evitati piżijiet regolatorji mhux meħtieġa għall-pjattaformi u restrizzjonijiet mhux meħtieġa u sproporzjonati fuq id-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari l-libertà ta' espressjoni, l-aċċess għall-informazzjoni, inkluż dwar ideat politiċi, u d-dritt għall-privatezza; jenfasizza li ċerti obbligi jistgħu jiġu speċifikati aktar mil-leġiżlazzjoni settorjali; jenfasizza li kwalunkwe miżura stabbilita għal dan il-għan ma tistax tikkostitwixxi, la de jure u lanqas de facto, rekwiżit ta' monitoraġġ ġenerali;

29. Jenfasizza l-ħtieġa għal salvagwardji xierqa u obbligi ta' proċess dovut, inkluż rekwiżit għas-sorveljanza u l-verifika tal-bniedem, flimkien mal-proċeduri ta' kontra avviż, biex is-sidien tal-kontenut u l-persuni li jtellgħu l-materjal ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom b'mod adegwat u fil-ħin, u biex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet ta' tneħħija jew ta' mblukkar ikunu legali, preċiżi, fondati sew, jipproteġu lill-utenti u jirrispettaw id-drittijiet fundamentali; jenfasizza li l-persuni li jissottomettu sistematikament u ripetutament avviżi żbaljati jew abbużivi għandhom jiġu sanzjonati; ifakkar li minbarra l-proċeduri ta' kontroavviż u s-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qrati min-naħa tal-pjattaformi skont is-sistema interna tal-ilmenti, għandha tibqa' disponibbli l-possibbiltà ta' rimedju ġudizzjarju effettiv biex jiġi ssodisfat id-dritt għal rimedju effettiv;

30. Jappoġġja l-preservazzjoni tal-qafas kurrenti dwar ir-responsabbiltà limitata għal kontenut u l-prinċipju tal-pajjiż ta' oriġini, iżda jqis li hija essenzjali koordinazzjoni mtejba għat-talbiet ta' tneħħija bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti; jissottolinja li l-kontenut illegali għandu jitneħħa minn fejn ikun ospitat; jenfasizza li tali talbiet għandhom ikunu soġġetti għal salvagwardji legali sabiex jiġi evitat l-abbuż u jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali; jenfasizza li t-talbiet ta' tneħħija min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu speċifiċi u jiddikjaraw b'mod ċar il-bażi ġuridika għat-tneħħija; jenfasizza li mekkaniżmu effettiv ta' sorveljanza u infurzar, inklużi sanzjonijiet proporzjonati li jqisu l-kapaċitajiet tekniċi u operattivi tagħhom, għandu japplika għal dawk il-fornituri tas-servizzi li jonqsu milli jikkonformaw mal-ordnijiet legali;

31. Ifakkar li l-fornituri ta' servizz diġitali jeħtiġilhom li ma jkunux legalment meħtieġa li jżommu d-data personali tal-utenti jew tal-abbonati tagħhom għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi, sakemm ma tiġix ordnata żamma mmirata minn awtorità kompetenti indipendenti b'rispett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni u l-ġurisprudenza tal-QĠUE; ifakkar ukoll li tali żamma tad-data għandha tkun limitata għal dak li huwa strettament meħtieġ fir-rigward tal-kategoriji ta' data li għandha tinżamm, il-mezzi ta' komunikazzjoni affettwati, il-persuni kkonċernati u l-perjodu ta' żamma adottat;

32. Jemmen li sabiex jiġu protetti d-drittijiet fundamentali, l-Att dwar is-Servizzi Diġitali għandu jintroduċi regoli li jkollhom l-għan li jiżguraw li l-kundizzjonijiet tal-użu tal-fornituri ta' servizz diġitali jkunu ċari, trasparenti, ġusti u jkunu disponibbli b'mod faċli u aċċessibbli għall-utenti; jiddeplora l-fatt li l-kundizzjonijiet tal-użu ta' xi pjattaformi tal-kontenut iġiegħlu lill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi jużaw kontijiet personali biex jinvestigaw ċerti lmenti, u dan joħloq theddida kemm għal dawn l-investigazzjonijiet kif ukoll għas-sik   urezza personali, u jitlob li jkun hemm koordinazzjoni aktar effiċjenti bejn l-Istati Membri rigward is-segwitu tal-infurzar tal-liġi dwar kontenut illegali senjalat; ifakkar li l-ordnijiet ta' tneħħija minn awtoritajiet kompetenti indipendenti jridu jkunu dejjem ibbażati fuq il-liġi, mhux fuq il-kundizzjonijiet tal-użu tal-fornituri tas-servizzi;

33. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-utenti jkollhom aċċess għal kontenut varjat u ta' kwalità online bħala mezz biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu infurmati b'mod adegwat; jistenna li l-Att dwar is-Servizzi Diġitali jiżgura li l-kontenut tal-midja ta' kwalità jkun faċli biex jiġi aċċessat u faċli biex jinstab fuq il-pjattaformi ta' partijiet terzi u li t-tneħħija ta' kontenut tkun konformi mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem u tkun limitata għal kontenut li jkun mingħajr dubju illegali jew li jkun instab li huwa illegali minn awtorità kompetenti indipendenti; jenfasizza li l-kontenut legali m'għandu jkun soġġett għall-ebda tneħħija legali jew obbligi ta' mblukkar;

34. Jappoġġja djalogu akbar bejn l-Istati Membri, l-awtoritajiet kompetenti u l-partijiet ikkonċernati rilevanti bil-għan li jiġu żviluppati, evalwati u mtejba l-approċċi ta' liġijiet mhux vinkolanti, bħall-Kodiċi ta' Prattika dwar id-Diżinformazzjoni tal-UE, sabiex jiġu indirizzati aktar il-kategoriji tal-kontenut legali, inkluża d-diżinformazzjoni; jistenna li l-Kummissjoni toħroġ linji gwida, inklużi regoli ta' aktar trasparenza dwar il-moderazzjoni tal-kontenut u l-politika ta' reklamar fi strument speċifiku li jakkumpanja l-Att dwar is-Servizzi Diġitali biex tiżgura li t-tneħħija u l-imblukkar tal-kontenut legali abbażi tat-termini u l-kundizzjonijiet ikunu limitati għall-minimu assolut; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas li jipprojbixxi lill-pjattaformi milli jeżerċitaw it-tieni saff ta' kontroll fuq il-kontenut li jkun ipprovdut taħt ir-responsabbiltà ta' fornitur tas-servizzi tal-midja u li jkun soġġett għal standards speċifiċi u ta' sorveljanza;

35. Jenfasizza, barra minn hekk, li l-utenti għandhom jingħataw aktar għażla u kontroll fir-rigward tal-kontenut li jaraw, inklużi aktar għażliet dwar il-mod kif il-kontenut jiġi kklassifikat lilhom u l-possibbiltà li jagħżlu li ma jipparteċipawx fi kwalunkwe ġestjoni ta' kontenut; jemmen bis-sħiħ li d-disinn u l-prestazzjoni ta' tali sistemi ta' rakkomandazzjoni għandhom ikunu faċli għall-utent u soġġetti għal trasparenza sħiħa;

36. Iqis li l-obbligu ta' rendikont, kemm fis-settur privat kif ukoll pubbliku, u t-tfassil ta' politika bbażat fuq l-evidenza jirrikjedu data robusta dwar l-inċidenza u l-indirizzar ta' attivitajiet illegali u t-tneħħija ta' kontenut illegali online, kif ukoll data robusta dwar l-algoritmi tal-ġestjoni tal-kontenut ta' pjattaformi online;

37. Jappella, f'dan ir-rigward, għal obbligu ta' rappurtar pubbliku annwali, komprensiv u konsistenti għall-pjattaformi, proporzjonat mal-livell ta' firxa u l-kapaċitajiet operattivi tagħhom, b'mod aktar speċifiku dwar il-proċeduri ta' moderazzjoni tal-kontenut tagħhom, inkluża informazzjoni dwar miżuri adottati kontra attivitajiet illegali online u data standardizzata dwar l-ammont ta' kontenut imneħħi u r-raġunijiet u l-bażijiet legali sottostanti, it-tip u l-ġustifikazzjoni tat-talbiet ta' tneħħija rċevuti, l-għadd ta' talbiet li t-twettiq tagħhom kien irrifjutat u r-raġunijiet għal dan; jenfasizza li tali rapporti, li jkopru azzjonijiet meħuda f'sena partikolari, għandhom jiġu ppreżentati sa tmiem l-ewwel kwart tas-sena ta' wara;

38. Jappella, barra minn hekk, għal obbligu ta' rappurtar pubbliku annwali għall-awtoritajiet nazzjonali, inkluża data standardizzata dwar l-għadd ta' talbiet ta' tneħħija u l-bażijiet ġuridiċi tagħhom, dwar l-għadd ta' talbiet ta' tneħħija li kienu soġġetti għal rimedji amministrattivi jew ġudizzjarji, dwar l-eżitu ta' dawn il-proċeduri, billi jissemmew il-każijiet li fihom, kontenut jew attivitajiet speċifikati jkunu ġew identifikati ħażin bħala illegali, u dwar l-għadd totali ta' deċiżjonijiet li jimponu penali, inkluża deskrizzjoni tat-tip ta' penali imposta;

39. Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-frammentazzjoni u n-nuqqas dokumentat ta' riżorsi finanzjarji u umani għall-korpi ta' superviżjoni u ta' sorveljanza; jappella għal kooperazzjoni miżjuda bejn l-Istati Membri fir-rigward tas-sorveljanza regolatorja tas-servizzi diġitali;

40. Iqis li sabiex jiġi garantit infurzar xieraq tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali, is-sorveljanza tal-konformità mal-proċeduri, is-salvagwardji proċedurali u l-obbligi ta' trasparenza stabbiliti f'dan l-att għandhom jiġu armonizzati fis-suq uniku diġitali; jappoġġja, f'dan ir-rigward, infurzar b'saħħtu u rigoruż minn struttura ta' sorveljanza indipendenti tal-UE li jkollha l-kompetenza li timponi multi abbażi ta' valutazzjoni ta' sett definit b'mod ċar ta' fatturi, bħall-proporzjonalità, miżuri tekniċi u organizzattivi, u negliġenza; jemmen li dan għandu jinkludi l-possibbiltà li l-multi jkunu bbażati fuq perċentwal tal-fatturat globali annwali tal-kumpanija;

41. Jenfasizza li l-awditi tal-politiki interni u tal-algoritmi tal-fornituri ta' servizz diġitali għandhom isiru b'kunsiderazzjoni xierqa għad-dritt tal-Unjoni, b'mod partikolari għad-drittijiet fundamentali tal-utenti tas-servizzi, filwaqt li titqies l-importanza tan-nondiskriminazzjoni u l-libertà ta' espressjoni u tal-informazzjoni f'soċjetà miftuħa u demokratika, u mingħajr ma tiġi ppubblikata data kummerċjalment sensittiva; jinsisti dwar il-ħtieġa li jiġi vvalutat, hekk kif isir ilment jew inizjattiva tal-korpi ta' sorveljanza, jekk u kif il-fornituri ta' servizz diġitali jamplifikaw il-kontenut, pereżempju permezz ta' magni ta' rakkomandazzjoni u karatteristiċi ta' ottimizzazzjoni bħal awtokompletar u trending;

42. Iqis li r-rapporti ta' trasparenza mfassla mill-pjattaformi u mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku u analizzati għal tendenzi strutturali fit-tneħħija, id-detezzjoni u l-imblukkar fil-livell tal-UE;

43. Jissottolinja l-importanza li tingħata s-setgħa lill-utenti biex jinfurzaw id-drittijiet fundamentali tagħhom stess online, inkluż permezz ta' proċeduri ta' lmenti faċilment aċċessibbli, imparzjali, trasparenti, effiċjenti u mingħajr ħlas, mekkaniżmi ta' rappurtar għal kontenut illegali u imġiba kriminali għall-individwi u l-kumpaniji, rimedji legali, miżuri edukattivi u sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet ta' protezzjoni tad-data u s-sikurezza online għat-tfal;

44. Jemmen li l-esperjenza tal-passat uriet l-effettività tal-fatt li l-mudelli tan-negozju innovattiv jitħallew javvanzaw u li s-suq uniku diġitali jissaħħaħ billi jitneħħew l-ostakli għall-moviment liberu tas-servizzi diġitali u billi tiġi evitata l-introduzzjoni ta' ostakli nazzjonali ġodda u mhux ġustifikati, u li l-kontinwazzjoni ta' dan l-approċċ tnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq intern; iqis, barra minn hekk, li l-Att dwar is-Servizzi Diġitali jista' joffri opportunitajiet biex jiġu żviluppati l-għarfien u l-ħiliet taċ-ċittadini fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni filwaqt li fl-istess ħin jiggarantixxi livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, inkluż billi jissalvagwardja s-sikurezza online;

45. Jenfasizza l-indispensabbiltà ta' standards miftiehma ta' sigurtà essenzjali fiċ-ċiberspazju sabiex is-servizzi diġitali jipprovdu l-benefiċċji sħaħ tagħhom liċ-ċittadini; jinnota għalhekk il-ħtieġa urġenti li l-Istati Membri jieħdu azzjoni koordinata biex jiżguraw l-iġjene ċibernetika bażika u biex jipprevjenu perikli evitabbli fiċ-ċiberspazju, inkluż permezz ta' miżuri leġiżlattivi;

46. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


NOTA SPJEGATTIVA

Mill-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku ta' 20 sena ilu sal-lum, l-impatt tas-servizzi diġitali fuq il-ħajja tagħna ta' kuljum u l-ammont ta' kontenut iġġenerat mill-utenti żdiedu b'mod drastiku. Għalkemm il-miżura kienet pedament għat-tkabbir tas-servizzi diġitali fl-Unjoni, il-prevalenza ta' kontenut illegali online tal-lum u n-nuqqas ta' trasparenza sinifikanti dwar kif il-fornituri ta' servizz diġitali jindirizzawha, juru li hemm bżonn ta' riforma.

It-triq għall-kooperazzjoni volontarja u l-awtoregolamentazzjoni ġiet esplorata bi ftit suċċess, iżda wriet li hija insuffiċjenti waħedha, kif jidher mill-għadd dejjem jikber ta' Stati Membri li jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali biex jindirizzaw il-kontenut illegali abbażi tal-fatt li l-qafas eżistenti ma jittrattax b'mod suffiċjenti t-tħassib tas-soċjetà.

Ir-Rapporteur għalhekk jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni biex tippreżenta Att dwar Servizzi Diġitali (DSA) ġdid. Dan ir-rapport għandu l-għan li jipprovdi kontribut dwar l-elementi li għandhom jiġu inklużi fid-DSA minn perspettiva ta' drittijiet fundamentali u ta' protezzjoni tad-data.

F'dan ir-rigward, ir-Rapporteur iqis li r-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-data jobbligana li nindirizzaw il-kontenut illegali online bl-istess rigorożità bħall-kontenut offline, mingħajr restrizzjonijiet sproporzjonati fuq il-libertà ta' espressjoni. Dan id-dritt għal-libertà ta' espressjoni jista' jkopri kontenut speċifiku fi Stat Membru wieħed iżda mhux f'ieħor u f'ħafna każijiet jirrikjedi kuntestwalizzazzjoni dettaljata. Din ir-responsabbiltà inevitabbilment tinvolvi interpretazzjoni tal-liġi li ma għandhiex tiġi ddelegata lil kumpaniji privati. Filwaqt li huwa ssottolinjat li mhuwiex fattibbli li l-awtoritajiet pubbliċi jiddiskutu kull parti individwali ta' kontenut, għandu jinstab approċċ koregolatorju sinifikanti.

Ir-Rapporteur jemmen li d-DSA għandu jibbaża ruħu fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni, inklużi l-GDPR u d-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika, u għandu jirrispettahom b'mod sħiħ. Sa fejn huma kkonċernati r-regoli kurrenti stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, ir-Rapporteur jirrakkomanda li jinżammu l-projbizzjoni ta' obbligu ta' monitoraġġ ġenerali, ir-responsabbiltà limitata għall-kontenut u l-klawżola tas-suq intern sabiex jiġu evitati l-konformità żejda u l-piżijiet regolatorji mhux meħtieġa. Biex jiġi indirizzat il-kontenut illegali b'mod aktar effettiv, għandhom jiġu introdotti obbligi legali għall-fornituri ta' servizz diġitali fir-rigward ta' trasparenza sinifikanti, proċeduri armonizzati u salvagwardji proċedurali, obbligu ta' rendikont għall-moderazzjoni tal-kontenut, kif ukoll miżuri proattivi biex jindirizzaw l-apparizzjoni ta' kontenut illegali fis-servizzi tagħhom. Għandu jinħoloq korp tal-Unjoni indipendenti biex jeżerċita sorveljanza fuq l-isforzi proċedurali tal-fornituri ta' servizz diġitali, janalizza jekk huma jew l-algoritmi li jużaw jamplifikawx il-kontenut illegali, jimponi penali proporzjonati meta jkun meħtieġ u jipprovdi analiżi strutturata tat-tneħħija ta' kontenut illegali fil-livell tal-Unjoni.

Il-kontenut illegali m'għandux biss jitneħħa, iżda għandu jkun hemm segwitu mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u mill-ġudikatura. Ir-Rapporteur jappella, f'dan ir-rigward, għal kooperazzjoni mtejba bejn il-fornituri ta' servizz diġitali u l-awtoritajiet kompetenti fl-Unjoni.


 

 

 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAS-SUQ INTERN U L-ĦARSIEN TAL-KONSUMATUR (9.7.2020)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-kwistjonijiet li jinħolqu rigward id-drittijiet fundamentali

(2020/2022(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Adam Bielan



SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni biex tintroduċi approċċ armonizzat li jindirizza l-obbligi għall-fornituri ta' servizz diġitali, inklużi għall-intermedjarji online, sabiex jiġu evitati l-frammentazzjoni tas-suq u l-infurzar inkonsistenti tar-regolamenti; jenfasizza li kwalunkwe miżura ġdida introdotta mill-Att dwar is-Servizzi Diġitali għandha tqis l-impatt possibbli fuq il-funzjonament tas-suq intern, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-utenti madwar l-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tevita "l-esportazzjoni" ta' regolamenti nazzjonali u minflok tipproponi l-aktar soluzzjonijiet effiċjenti u effettivi għas-suq intern kollu kemm hu, filwaqt li tipprova tevita li toħloq piżijiet amministrattivi ġodda u li żżomm is-suq uniku diġitali miftuħ, ġust, sikur u kompetittiv għall-parteċipanti kollha tiegħu;

2. Jemmen li l-Att dwar is-Servizzi Diġitali għandu jikkonforma mal-qafas wiesa' tad-drittijiet fundamentali tal-utenti u tal-konsumaturi fis-suq intern, bħall-protezzjoni tal-privatezza, in-nondiskriminazzjoni u d-dinjità, u li fuq kollox m'għandux idgħajjef il-libertà tal-espressjoni; ifakkar barra minn hekk li l-użu ta' mekkaniżmi ta' tneħħija tal-kontenut mingħajr garanziji ta' proċess ġust huwa ksur tal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

3. Jirrikonoxxi l-ħtieġa li tiġi mmodernizzata l-leġiżlazzjoni fejn meħtieġ sabiex jiġu indirizzati aħjar l-isfidi ppreżentati mit-teknoloġiji li qed jevolvu; jiddikjara, madankollu, li d-dispożizzjonijiet ta' responsabbiltà limitata kif stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku[10] jridu jinżammu fl-Att dwar is-Servizzi Diġitali, inkluż il-prinċipju li ilu li ġie stabbilit li jipprojbixxi l-obbligi ta' monitoraġġ ġenerali, b'mod partikolari sabiex jiġu protetti d-drittijiet fundamentali, fosthom il-libertà tal-espressjoni, u li tinżamm il-libertà li jiġu pprovduti servizzi; jenfasizza l-importanza ta' dawn il-protezzjonijiet biex ikomplu jsaħħu u jipproteġu aħjar il-fiduċja tal-konsumaturi u jippromwovu t-tkabbir tal-kumpaniji Ewropej, b'mod partikolari tal-SMEs u tal-mikrokumpaniji;

4. Jirrikonoxxi li l-intermedjarji online, inklużi l-SMEs, il-mikrokumpaniji u l-atturi l-kbar għandhom kapaċitajiet differenti fir-rigward tal-moderazzjoni tal-kontenut; iwissi li l-piż żejjed fuq in-negozji b'obbligi ġodda sproporzjonati jista' jkompli jfixkel it-tkabbir tal-SMEs u jipprevenihom milli jidħlu fis-suq; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tiggarantixxi l-ftuħ u l-kompetittività tas-suq uniku diġitali;

5. Ifakkar li d-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku hija l-qafas legali għas-servizzi online fis-suq intern li jirregola l-ġestjoni tal-kontenut; jenfasizza li kwalunkwe frammentazzjoni mhux ġustifikata ta' dak il-qafas li tkun ir-riżultat tar-reviżjoni tad-direttiva dwar il-kummerċ elettroniku mill-pakkett dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali għandha tiġi evitata; jinnota li l-pakkett dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali għandu jinkludi wkoll strument ex-ante li jimponi obbligi fuq pjattaformi li huma ta' theddida għal kundizzjonijiet ekwi, sabiex jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq u l-imġiba abbużiva, jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tal-konsumaturi u tissaħħaħ il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, speċjalment għall-SMEs;

6. Jinnota d-differenzi sinifikanti bejn is-servizzi diġitali u għalhekk jitlob li jiġi evitat approċċ ta' universalità, u jemmen li l-Kummissjoni għandha tkompli teżamina, billi fost l-oħrajn tuża l-konsultazzjoni pubblika mnedija qabel il-proposta leġiżlattiva tagħha dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali, il-possibbiltà li jistgħu jkunu meħtieġa dispożizzjonijiet differenti biex jiġu indirizzati servizzi diġitali, ċirkostanzi u sitwazzjonijiet differenti;

7. Ifakkar fil-fatt li d-diżinformazzjoni u l-kontenut miżinformattiv jew ta' ħsara mhux dejjem ikunu illegali; ifakkar li t-tipi ta' kontenut illegali jistgħu jvarjaw bejn l-Istati Membri; jitlob, għalhekk, li jiġi stabbilit proċess ta' avviż u azzjoni definit tajjeb, armonizzat u trasparenti fi ħdan il-prinċipji ta' responsabbiltà limitata attwali filwaqt li jitqiesu d-differenzi sinifikanti bejn il-fornituri ta' servizz diġitali f'termini tal-iskala tal-ilħuq u l-kapaċitajiet operattivi tagħhom, sabiex jiġu evitati piżijiet regolatorji mhux meħtieġa; jappoġġja żieda fid-djalogu bejn l-Istati Membri, l-awtoritajiet kompetenti u l-partijiet ikkonċernati rilevanti bil-għan li jiġu żviluppati, evalwati u mtejba l-approċċ ta' liġijiet mhux vinkolanti, bħall-Kodiċi ta' Prattika dwar id-Diżinformazzjoni madwar l-UE, sabiex jiġu indirizzati aktar id-diżinformazzjoni u kategoriji oħra ta' kontenut ta' ħsara;

8. Jinnota l-proliferazzjoni tal-miżinformazzjoni u d-diżinformazzjoni b'kontenut falz jew qarrieqi, u ta' skemi qarrieqa għall-konsumatur li jinvolvu prodotti mhux sikuri jew kontrafatti; jenfasizza li l-Att dwar is-Servizzi Diġitali għandu jiddistingwi bejn kontenut "illegali" u kontenut "ta' ħsara" u kontenut ieħor; iqis li l-kontenut ta' ħsara m'għandux ikun regolat jew definit fl-Att dwar is-Servizzi Diġitali;

9. Jappella għall-introduzzjoni ta' salvagwardji xierqa, obbligi ta' proċess ġust u għodod ta' kontroavviż li jippermettu lis-sidien tal-kontenut u lil min itella' l-kontenut li jiddefendu d-drittijiet tagħhom b'mod adegwat u f'waqtu, inkluż b'sorveljanza umana, meta jiġu nnotifikati bi kwalunkwe tneħħija; jissottolinja l-fehma tiegħu li d-delega tar-responsabbiltà li jiġu stabbiliti limiti fuq il-libertà tal-espressjoni lil kumpaniji privati hija inaċċettabbli u toħloq riskji kemm għall-individwi kif ukoll għan-negozji. jemmen li t-tneħħija ta' kontenut illegali għandha tiġi segwita, fejn meħtieġ, bl-infurzar tal-liġi jew b'sorveljanza ġudizzjarja, u li jekk proċedura ta' rimedju ġudizzjarju jew ta' kontroavviż tistabbilixxi li l-attività jew l-informazzjoni inkwistjoni mhijiex illegali, l-intermedjarju online għandu jreġġa' lura l-kontenut imneħħi mingħajr dewmien bla bżonn;

10. Jemmen li l-esperjenza tal-passat uriet l-effettività li l-mudell tan-negozju innovattiv jitħalla javvanza u li jissaħħaħ is-suq uniku diġitali billi jitneħħew l-ostakli għall-moviment liberu tas-servizzi diġitali u billi tiġi evitata l-introduzzjoni ta' ostakli nazzjonali ġodda u mhux ġustifikati, u li l-kontinwazzjoni ta' dan l-approċċ tnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq intern; iqis, barra minn hekk, li l-Att dwar is-Servizzi Diġitali jista' joffri opportunitajiet biex jiġu żviluppati l-għarfien u l-ħiliet taċ-ċittadini fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni filwaqt li fl-istess ħin jiggarantixxi livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, inkluż billi jissalvagwardja s-sikurezza online;

11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta, abbażi tal-leġiżlazzjoni eżistenti u ta' data ġdida ta' appoġġ li tirriżulta, fost sorsi oħra, mill-konsultazzjonijiet pubbliċi tagħha, sa liema punt l-Att dwar is-Servizzi Diġitali għandu jindirizza l-isfidi marbuta mal-algoritmi u għodod awtomatizzati oħrajn, speċjalment fir-rigward tat-trasparenza ta' dawn is-sistemi, jew inkella tiddeskrivi liema leġiżlazzjoni għandha tindirizza dawn il-kwistjonijiet; jenfasizza l-importanza tal-aċċess indiskriminat għal diversi kontenut u opinjonijiet, kif ukoll il-fatt li n-networks u l-aċċess għan-network m'għandhomx jiġu imxekkla mingħajr raġunijiet legali ġustifikati.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

7.7.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

0

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Alex Agius Saliba, Andrus Ansip, Alessandra Basso, Brando Benifei, Adam Bielan, Hynek Blaško, Biljana Borzan, Vlad-Marius Botoş, Markus Buchheit, Dita Charanzová, Deirdre Clune, David Cormand, Petra De Sutter, Carlo Fidanza, Evelyne Gebhardt, Alexandra Geese, Sandro Gozi, Maria Grapini, Svenja Hahn, Virginie Joron, Eugen Jurzyca, Arba Kokalari, Marcel Kolaja, Kateřina Konečná, Andrey Kovatchev, Jean-Lin Lacapelle, Maria-Manuel Leitão-Marques, Adriana Maldonado López, Antonius Manders, Beata Mazurek, Leszek Miller, Kris Peeters, Anne-Sophie Pelletier, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Tomislav Sokol, Ivan Štefanec, Kim Van Sparrentak, Marion Walsmann, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, Maria da Graça Carvalho, Edina Tóth, Stéphanie Yon-Courtin

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

41

+

ECR

Adam Bielan, Carlo Fidanza, Eugen Jurzyca, Beata Mazurek

EPP

Pascal Arimont, Maria da Graça Carvalho, Deirdre Clune, Arba Kokalari, Andrey Kovatchev, Antonius Manders, Kris Peeters, Andreas Schwab, Tomislav Sokol, Ivan Štefanec, Edina Tóth; Marion Walsmann

GREENS/EFA

David Cormand, Petra De Sutter, Alexandra Geese, Marcel Kolaja, Kim Van Sparrentak

ID

Alessandra Basso, Markus Buchheit, Virginie Joron, Jean‑Lin Lacapelle

NI

Marco Zullo

RENEW

Andrus Ansip, Vlad‑Marius Botoş, Dita Charanzová, Sandro Gozi, Svenja Hahn, Stéphanie Yon‑Courtin

S&D

Alex Agius Saliba, Brando Benifei, Biljana Borzan, Evelyne Gebhardt, Maria Grapini, Maria‑Manuel Leitão‑Marques, Adriana Maldonado López; Leszek Miller, Christel Schaldemose

 

0

-

 

 

 

3

0

EUL/NGL

Kateřina Konečná, Anne‑Sophie Pelletier

ID

Hynek Blaško

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 


 

 

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-KULTURA U L-EDUKAZZJONI (20.7.2020)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-kwistjonijiet li jinħolqu rigward id-drittijiet fundamentali

(2020/2022(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Petra Kammerevert

 

PA_NonLeg


 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1. Jirrimarka li d-drittijiet fundamentali jikkostitwixxu sistema oġġettiva ta' valuri li tiżgura li l-libertajiet fundamentali tal-komunikazzjoni, bħad-dritt għall-privatezza tal-komunikazzjonijiet, il-libertà u l-pluraliżmu tal-espressjoni, il-libertà tal-informazzjoni, l-arti, ix-xjenza u l-midja, kif ukoll id-dritt għall-proprjetà u l-protezzjoni tagħha, ma jistgħux jinbidlu u jridu jkunu bbilanċjati bejn xulxin, inkluż permezz ta' ftehimiet tal-liġi privata jew termini u kundizzjonijiet tan-negozju;

2. Jenfasizza li l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) għandu jkun kompletament konformi mal-objettiv li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, kif ukoll il-protezzjoni tal-konsumatur, is-sikurezza tal-utent, l-għażla tal-anonimità online u l-libertà tal-kelma u l-protezzjoni tal-proprjetà; jenfasizza li d-drittijiet fundamentali ma japplikawx biss bħala drittijiet difensivi kontra l-Istat, iżda japplikaw ukoll għal dawk li jeżerċitaw is-setgħa tagħhom permezz tal-infrastruttura teknika tagħhom, u b'hekk jillimitaw is-setgħa tagħhom; jenfasizza li d-drittijiet fundamentali jridu għalhekk jimponu wkoll obbligi fuq dawk li jeżerċitaw is-setgħa permezz tal-infrastrutturi tekniċi tagħhom; jenfasizza li għandu jittieħed kont debitu tal-grad ta' dominanza fis-suq, pożizzjoni dominanti jew kważi monopolistika, il-grad ta' dipendenza tal-utent fuq il-provvista u l-interessi affettwati mill-utenti, l-atturi b'saħħithom infushom u partijiet terzi oħra;

3. Jenfasizza l-importanza li l-konsumaturi u l-utenti jiġu megħjuna jiksbu kontroll akbar fuq id-data u l-identità tagħhom stess u jieħdu responsabbiltà għalihom, u jappella għal livell għoli ta' protezzjoni tad-data personali filwaqt li jiżdiedu l-livelli ta' trasparenza u responsabbiltà tas-servizzi diġitali;

4. Jenfasizza li l-kontenut li huwa legali u legalment kondiviż skont id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt nazzjonali jrid jibqa' online u li t-tneħħija ta' tali kontenut m'għandhiex twassal għall-identifikazzjoni ta' utenti individwali jew għall-ipproċessar ta' data personali;

5. Jirrimarka li l-ekosistema tal-midja tbati mill-effetti ta' tfixkil tal-pjattaformi online; jenfasizza li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom l-obbligu li jadottaw qafas legali li jippromwovi l-iżvilupp ta' midja indipendenti u pluralistika;

6. Ifakkar fl-obbligu li l-pjattaformi online u servizzi online oħra jaġixxu b'ħeffa biex ineħħu l-kontenut illegali mill-pjattaformi u s-servizzi tagħhom u jfakkar li dawn il-miżuri ta' protezzjoni obbligatorji joperaw fi ħdan qafas leġiżlattiv u huma soġġetti għal sorveljanza ġudizzjarja; iqis li regoli speċifiċi għas-settur jistgħu jiżguraw aċċess bla xkiel għas-servizzi u l-kontenut tal-midja, kif ukoll javvanzaw il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja;

7. Jitlob li l-miżuri kollha li jistgħu jħallu impatt fuq id-drittijiet fundamentali jkomplu jkunu bbażati fuq is-sorveljanza ġudizzjarja u regolatorja u li l-ebda kompitu ta' awtorità pubblika ma jiġi ttrasferit lil kumpaniji jew individwi privati;

8. Jappella għal soluzzjonijiet ibbilanċjati rigward it-tneħħija tal-kontenut, b'kooperazzjoni bejn il-pjattaformi, l-awtoritajiet regolatorji, id-detenturi tad-drittijiet u l-utenti; jenfasizza li l-kondiviżjoni ta' data konformi mal-GDPR dwar attivitajiet illegali ma' awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u awtoritajiet oħra għandha tkun prijorità għall-pjattaformi, minbarra s-salvagwardji effettivi u xierqa tagħhom stess;

9. Jappella għal trasparenza fil-proċeduri li l-pjattaformi soċjali jużaw biex ineħħu l-kontenut, u għall-prevenzjoni tat-tneħħija ta' kontenut li mhuwiex illegali; jitlob li jkun hemm regoli ċari għal pjattaformi soċjali kbar, li jobbligawhom jivverifikaw il-kontenut immarkat u li jwieġbu għal min itella' l-kontenut b'deċiżjoni motivata jekk il-kontenut tagħhom ikun imblukkat; jappella, għalhekk, għal mekkaniżmi ta' lment u ta' rimedju effiċjenti għal utenti diretti mill-bniedem, filwaqt li jiġi evitat l-abbuż ta' tali mekkaniżmi;

10. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-rapporti ta' trasparenza jsiru disponibbli mill-operaturi tal-pjattaformi li jinkludu informazzjoni dwar l-għadd ta' każijiet fejn il-kontenut ġie identifikat b'mod żbaljat bħala illegali jew ġie kondiviż illegalment, u li l-awtoritajiet kompetenti jipprovdu informazzjoni dwar l-għadd ta' każijiet fejn it-tneħħija wasslet għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati;

11. Jirrimarka li xi kontenut ta' ħsara jew informazzjoni parzjalment preċiża mhux bilfors ikunu illegali; jinnota li l-għodod ta' filtrazzjoni awtomatika jistgħu jwasslu għall-filtrazzjoni ta' kontenut legali; iqis li huwa neċessarju li jiġi żgurat li s-sidien tal-kontenut ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom b'mod adegwat ladarba jitneħħa l-kontenut tagħhom;

12. Jenfasizza li kwalunkwe monitoraġġ tal-kontenut tagħhom applikat mill-pjattaformi online u servizzi oħra għandu jiġi sottomess għal standards rigorużi u trasparenti li jkunu magħrufa mill-utenti u li jippermettu dritt effettiv ta' appell kontra deċiżjonijiet, l-ewwel lil pjattaformi jew servizzi online, iżda wkoll lil awtorità pubblika;

13. Jissuġġerixxi li tingħata attenzjoni partikolari lill-protezzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ u li din il-protezzjoni tiġi ssalvagwardjata wkoll skont il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data, u jitlob li s-servizzi online għall-protezzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ ikunu soġġetti għall-ogħla restrizzjonijiet skont il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data;

14. Jirrimarka li koordinazzjoni, appoġġ jew miżuri supplimentari mhux vinkolanti, bħal kodiċijiet ta' kondotta jew awtoregolamentazzjoni u koregolamentazzjoni, jistgħu jkunu mezzi effettivi ta' regolamentazzjoni dment li l-aġenziji tal-gvern jimmonitorjaw l-impatt tagħhom u li d-dispożizzjonijiet legali jsiru għal regolamentazzjoni tal-istat fejn tali miżuri jkunu ppruvati li huma ineffettivi, peress li ħafna drabi dawn jippermettu reazzjoni rapida għal ċirkostanzi li jinbidlu, inkluż l-involviment ta' parteċipanti mhux tal-UE;

15. Jirrimarka li, fil-prinċipju, l-infurzar, inkluż f'każijiet transfruntiera, huwa r-responsabbiltà tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u ma għandux jiġi trasferit għal-livell Ewropew mingħajr raġuni valida; barra minn hekk, jemmen li l-idea tal-prinċipju tal-pajjiż ta' oriġini se tissaħħaħ jekk l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkollhom għodod effettivi ta' infurzar u proċeduri effiċjenti għall-kooperazzjoni transfruntiera; jenfasizza li dan għandu jkun akkumpanjat fil-livell Ewropew minn proċeduri rapidi u effiċjenti ta' riżoluzzjoni ta' tilwim li jiżguraw paċi legali dejjiema;

16. Jitlob li s-servizzi żviluppati u użati fl-Unjoni jiggarantixxu protezzjoni tal-privatezza u tad-data effettiva u komprensiva, u li l-ogħla livell possibbli ta' libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni, il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u l-privatezza tal-komunikazzjoni, il-promozzjoni tal-opinjoni, id-diversità kulturali u n-newtralità tal-internet f'ambjent diġitali sigur jirrappreżentaw vantaġġi fil-kompetizzjoni globali li ma għandhomx jiġu sottovalutati; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi b'mod sistematiku l-iżvilupp ta' dawn is-servizzi b'mod aktar immirat permezz ta' soluzzjonijiet ċari u effiċjenti li jkunu xierqa għall-era diġitali;

17. Jitlob li jiġu rispettati l-valuri Ewropej, li jippromwovu d-diversità tal-opinjoni, in-newtralità tal-internet, il-libertà tal-kelma, il-protezzjoni tal-proprjetà u l-aċċess għall-informazzjoni, il-pluraliżmu tal-midja u d-diversità kulturali u lingwistika; jitlob li jkun hemm regoli ċari u, sa fejn hu possibbli, applikabbli b'mod uniformi dwar ir-responsabbiltà ta' pjattaforma, il-kontenut illegali jew ta' ħsara, l-obbligu ta' rendikont algoritmiku, ir-reklamar trasparenti u l-ġlieda kontra l-kontenut dannuż, id-diskors ta' mibegħda u d-diżinformazzjoni u t-tixrid tagħha permezz ta' kontijiet foloz jew bot, sabiex jiġu ppreservati d-drittijiet fundamentali u l-libertà;

18. Jenfasizza li kwalunkwe obbligu ġdid fuq il-pjattaformi għandu jkun proporzjonat mas-sehem tas-suq u l-kapaċità finanzjarja tagħhom sabiex tiġi promossa kompetizzjoni ġusta u tiġi appoġġata l-innovazzjoni; jemmen li approċċ bħal dan jgħin biex tissaħħaħ il-pluralità tal-informazzjoni u tal-midja kif ukoll id-diversità kulturali u lingwistika;

19. Jitlob li r-regoli speċifiċi għas-settur, li għandhom l-għan li jwettqu l-objettivi mifruxa mas-soċjetà kollha u li jikkonkretizzawhom għal ċerti setturi, bħad-Direttiva (UE) 2018/1808, id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (AVMSD), jew id-Direttiva (UE) 2019/790, id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur, jieħdu preċedenza fuq ir-regoli ġenerali sabiex jiggarantixxu d-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet fl-ambjent diġitali.

20. Jenfasizza li kwalunkwe dispożizzjoni dwar il-moderazzjoni tal-kontenut għall-fornituri ta' servizzi trid tiżgura rispett sħiħ għal-libertà ta' espressjoni, li skont l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tinkludi "l-libertà ta' opinjoni u l-libertà li tirċievi jew tagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u indipendentement mill-fruntieri", u li l-aċċess għal varjetà wiesgħa ta' opinjonijiet jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' soċjetajiet miftuħa u demokratiċi, anke meta dawk il-fehmiet ikunu kontroversjali jew mhux popolari;

21. Jenfasizza l-ħtieġa li ċ-ċittadini jingħataw aktar kontroll fuq kif tiġi ġestita u protetta d-data personali tagħhom, filwaqt li titqiegħed ukoll aktar responsabbiltà fuq in-negozji fil-prattiki tagħhom dwar il-protezzjoni tad-data;

22. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat u d-dinja akkademika sabiex isaħħu l-kondiviżjoni tal-għarfien, il-promozzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ dwar is-sikurezza, il-privatezza tad-data, l-implikazzjonijiet etiċi u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem b'rabta mal-użu tat-teknoloġija diġitali, ir-robotika u l-intelliġenza artifiċjali (IA);

23. Jemmen li r-responsabbiltà tal-pjattaforma għandha tkun imfassla biex tirrispetta d-daqs tal-operatur u li ssir distinzjoni ċara rigward l-involviment ta' pjattaforma mal-kontenut, abbażi ta' kriterji u aspetti ċari u verifikabbli, bħal funzjonijiet editorjali, għarfien reali u ċertu livell ta' kontroll; iqis ukoll li kwalunkwe sistema proposta għandha tkun akkumpanjata minn garanziji sodi tad-drittijiet fundamentali u sorveljanza pubblika indipendenti u imparzjali adegwata;

24. Jenfasizza li, irrispettivament mill-benefiċċji soċjali pprovduti minn teknoloġiji ġodda, servizzi diġitali u teknoloġiji mmexxija mid-data, inkluża l-IA, il-prijorità ewlenija għandha tkun li jiġu indirizzati u analizzati r-riskji potenzjali għall-valuri demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali.

 


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

13.7.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Christine Anderson, Andrea Bocskor, Vlad-Marius Botoş, Ilana Cicurel, Gilbert Collard, Gianantonio Da Re, Laurence Farreng, Tomasz Frankowski, Romeo Franz, Alexis Georgoulis, Hannes Heide, Irena Joveva, Petra Kammerevert, Niyazi Kizilyürek, Predrag Fred Matić, Dace Melbārde, Victor Negrescu, Niklas Nienaß, Peter Pollák, Marcos Ros Sempere, Domènec Ruiz Devesa, Andrey Slabakov, Massimiliano Smeriglio, Michaela Šojdrová, Sabine Verheyen, Milan Zver

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Isabel Benjumea Benjumea, Marcel Kolaja

Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

Angel Dzhambazki

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

28

+

PPE

Asim Ademov, Isabel Benjumea Benjumea, Andrea Bocskor, Tomasz Frankowski, Peter Pollák, Michaela Šojdrová, Sabine Verheyen, Milan Zver

S&D

Hannes Heide, Petra Kammerevert, Predrag Fred Matić, Victor Negrescu, Marcos Ros Sempere, Domènec Ruiz Devesa, Massimiliano Smeriglio

RENEW

Vlad-Marius Botoş, Ilana Cicurel, Laurence Farreng, Irena Joveva

ID

Gilbert Collard

VERTS/ALE

Romeo Franz, Marcel Kolaja, Niklas Nienaß

ECR

Angel Dzhambazki, Dace Melbārde, Andrey Slabakov

GUE/NGL

Alexis Georgoulis, Niyazi Kizilyürek

 

0

-

 

 

 

2

0

ID

Christine Anderson, Gianantonio Da Re

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

22.9.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

50

6

11

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Magdalena Adamowicz, Malik Azmani, Katarina Barley, Pernando Barrena Arza, Pietro Bartolo, Nicolas Bay, Vladimír Bilčík, Vasile Blaga, Ioan-Rareş Bogdan, Patrick Breyer, Saskia Bricmont, Joachim Stanisław Brudziński, Jorge Buxadé Villalba, Damien Carême, Anna Júlia Donáth, Lena Düpont, Cornelia Ernst, Nicolaus Fest, Jean-Paul Garraud, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Andrzej Halicki, Balázs Hidvéghi, Evin Incir, Sophia in ‘t Veld, Lívia Járóka, Marina Kaljurand, Assita Kanko, Fabienne Keller, Peter Kofod, Moritz Körner, Alice Kuhnke, Jeroen Lenaers, Juan Fernando López Aguilar, Nuno Melo, Roberta Metsola, Nadine Morano, Javier Moreno Sánchez, Maite Pagazaurtundúa, Nicola Procaccini, Paulo Rangel, Diana Riba i Giner, Ralf Seekatz, Michal Šimečka, Birgit Sippel, Sylwia Spurek, Tineke Strik, Ramona Strugariu, Annalisa Tardino, Tomas Tobé, Dragoş Tudorache, Milan Uhrík, Tom Vandendriessche, Bettina Vollath, Jadwiga Wiśniewska, Elena Yoncheva

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Delara Burkhardt, Gwendoline Delbos-Corfield, Kostas Papadakis, Kris Peeters, Anne-Sophie Pelletier, Sira Rego, Rob Rooken, Paul Tang, Tomáš Zdechovský

Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali

Isabel Benjumea Benjumea

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET  FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

50

+

EPP

Magdalena Adamowicz, Isabel Benjumea Benjumea, Vladimír Bilčík, Vasile Blaga, Ioan‑Rareş Bogdan, Lena Düpont, Andrzej Halicki, Balázs Hidvéghi, Lívia Járóka, Jeroen Lenaers, Nuno Melo, Roberta Metsola, Nadine Morano, Kris Peeters, Paulo Rangel, Ralf Seekatz, Tomas Tobé, Tomáš Zdechovský

S&D

Katarina Barley, Pietro Bartolo, Delara Burkhardt, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Evin Incir, Marina Kaljurand, Juan Fernando López Aguilar, Javier Moreno Sánchez, Birgit Sippel, Sylwia Spurek, Paul Tang, Bettina Vollath, Elena Yoncheva

RENEW

Malik Azmani, Anna Júlia Donáth, Sophia in 't Veld, Fabienne Keller, Moritz Körner, Maite Pagazaurtundúa, Michal Šimečka, Ramona Strugariu, Dragoş Tudorache

ID

Peter Kofod

ECR

Joachim Stanisław Brudziński, Assita Kanko, Jadwiga Wiśniewska

EUL/NGL

Pernando Barrena Arza, Cornelia Ernst, Anne‑Sophie Pelletier, Sira Rego

NI

Laura Ferrara

 

6

-

ID

Nicolas Bay, Jean‑Paul Garraud, Tom Vandendriessche

ECR

Rob Rooken

NI

Kostas Papadakis, Milan Uhrík

 

11

0

ID

Nicolaus Fest, Annalisa Tardino

GREENS/EFA

Patrick Breyer, Saskia Bricmont, Damien Carême, Gwendoline Delbos‑Corfield, Alice Kuhnke, Diana Riba i Giner, Tineke Strik

ECR

Jorge Buxadé Villalba, Nicola Procaccini

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Ottubru 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza