RAPPORT b'rakkomandazzjonijiet għall-Kummissjoni dwar qafas tal-aspetti etiċi tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati
8.10.2020 - (2020/2012(INL))
Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Ibán García del Blanco
Rapporteurs għall-opinjoni (*):
Urmas Paet, Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Alexandra Geese, Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
Valter Flego, Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Assita Kanko, Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
(*) Kumitati assoċjati – Artikolu 57 tar-Regoli ta' Proċedura
(Inizjattiva – Artikolu 47 tar-Regoli tal-Proċedura)
- MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
- ANNESS GĦALL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI: RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA
- A. PRINĊIPJI U OBJETTIVI TAL-PROPOSTA MITLUBA
- B. TEST TAL-PROPOSTA LEĠIŻLATTIVA MITLUBA
- NOTA SPJEGATTIVA
- OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN
- OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAS-SUQ INTERN U L-ĦARSIEN TAL-KONSUMATUR
- OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAT-TRASPORT U T-TURIŻMU
- OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAL-LIBERTAJIET ĊIVILI, IL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN
- OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
- OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AMBJENT, IS-SAĦĦA PUBBLIKA U S-SIKUREZZA TAL-IKEL
- OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-KULTURA U L-EDUKAZZJONI
- INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
- VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
b'rakkomandazzjonijiet għall-Kummissjoni dwar qafas tal-aspetti etiċi tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1488 tat-28 ta' Settembru 2018 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta għall-Computing ta' Prestazzjoni Għolja Ewropew[1],
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità[2] (Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol[3] (Direttiva dwar it-Trattament Ugwali fl-Impjieg),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)[4] (GDPR), kif ukoll id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI[5],
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet[6],
– wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2018 li jistabbilixxi l-programm Ewropa Diġitali għall-perjodu 2021-2027 (COM(2018)0434),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tad-19 ta' Frar 2020 dwar l-Intelliġenza Artifiċjali - Approċċ Ewropew għall-eċċellenza u għall-fiduċja (COM(2020)0065),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tad-19 ta' Frar 2020 dwar Strateġija Ewropea għad-data (COM(2020)0066),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tad-19 ta' Frar 2020 dwar "Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa" (COM(2020)0067),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar it-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa ta' Ġunju 2020,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar Regoli ta' Dritt Ċivili dwar ir-Robotika[7],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea[8],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2018 dwar is-sistemi ta' armi awtonomi[9],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2018 dwar l-ugwaljanza tal-lingwi fl-era diġitali[10],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2019 dwar politika industrijali Ewropea komprensiva dwar l-intelliġenza artifiċjali u r-robotika[11],
– wara li kkunsidra r-rapport tat-8 ta' April 2019 bit-titolu "Ethics Guidelines for Trustworthy AI" (Linji Gwida tal-Etika għal IA Affidabbli) mill-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-Intelliġenza Artifiċjali mwaqqaf mill-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra l-briefings u l-istudji mħejjija fuq talba tal-Bord għall-Ġejjieni tax-Xjenza u t-Teknoloġija (STOA), ġestit mill-Unità tal-Prospettiva Xjentifika fis-Servizz ta' Riċerka Parlamentari Ewropew, bit-titoli, "What if algorithms could abide by ethical principles?" (X'jiġri jekk l-algoritmi jkunu jistgħu jikkonformaw mal-prinċipji etiċi?), "Artificial Intelligence ante portas: Legal & ethical reflections" (Intelliġenza Artifiċjali ante portas: Riflessjonijiet legali u etiċi), "A governance framework for algorithmic accountability and transparency" (Qafas ta' governanza għall-obbligu ta' rendikont algoritmiku u t-trasparenza), "Should we fear artificial intelligence?" (Għandna nibżgħu mill-intelliġenza artifiċjali jew le?) u "The ethics of artificial intelligence: Issues and initiatives" (L-etika tal-intelliġenza artifiċjali: Kwistjonijiet u inizjattivi),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali, il-Protokoll Nru 12 għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-OECD dwar l-Intelliġenza Artifiċjali adottata fit-22 ta' Mejju 2019,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 47 u 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0186/2020),
Introduzzjoni
A. billi l-iżvilupp, l-introduzzjoni u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali (imsejħa wkoll "IA"), tar-robotika u tat-teknoloġiji relatati jsiru mill-bnedmin, u l-għażliet tagħhom jiddeterminaw il-potenzjal tal-benefiċċju ta' tali teknoloġiji għas-soċjetà;
B. billi l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati li għandhom il-potenzjal li jiġġeneraw opportunitajiet għan-negozji u benefiċċji għaċ-ċittadini u li jistgħu jħallu impatt dirett fuq l-aspetti kollha tas-soċjetajiet tagħna, inklużi d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji u l-valuri soċjali u ekonomiċi, kif ukoll li għandhom influwenza dejjiema fuq l-oqsma kollha ta' attività, qed jiġu promossi u żviluppati malajr;
C. billi l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati se jwasslu għal bidliet sostanzjali fis-suq tax-xogħol u fuq il-post tax-xogħol; billi dawn jistgħu potenzjalment jissostitwixxu l-ħaddiema fl-attivitajiet ripetittivi, jiffaċilitaw is-sistemi ta' ħidma kollaborattiva bejn il-bniedem u l-magni, iżidu l-kompetittività u l-prosperità u joħolqu opportunitajiet ġodda ta' impjieg għall-ħaddiema kwalifikati filwaqt li fl-istess ħin joħolqu sfida serja f'termini ta' riorganizzazzjoni tal-forza tax-xogħol;
D. billi l-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali, tar-robotika u tat-teknoloġiji relatati jista' jikkontribwixxi wkoll biex jintlaħqu l-għanijiet ta' sostenibbiltà tal-Patt Ekoloġiku Ewropew f'ħafna setturi differenti; billi t-teknoloġiji diġitali jistgħu jagħtu spinta lill-impatt tal-politiki fir-rigward tal-protezzjoni ambjentali; billi dawn jistgħu jikkontribwixxu wkoll għat-tnaqqis fil-konġestjoni tat-traffiku u fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra u ta' sustanzi li jniġġsu fl-arja;
E. billi, għas-setturi bħat-trasport pubbliku, jistgħu jintużaw sistemi tat-trasport intelliġenti appoġġjati mill-IA biex jimminimizzaw il-kjuwijiet, jottimizzaw ir-rotot, jippermettu lil nies b'diżabbiltà jkunu aktar indipendenti, u jżidu l-effiċjenza enerġetika u b'hekk isaħħu l-isforzi ta' dekarbonizzazzjoni u jnaqqsu l-impronta ambjentali;
F. billi dawn it-teknoloġiji jġibu opportunitajiet ta' negozju ġodda li jistgħu jikkontribwixxu għall-irkupru tal-industrija tal-Unjoni wara l-kriżi ekonomika u tas-saħħa attwali jekk isir użu akbar minnhom, pereżempju, fl-industrija tat-trasport; billi opportunitajiet bħal dawn jistgħu joħolqu impjiegi ġodda, peress li l-użu ta' dawn it-teknoloġiji għandu l-potenzjal li jżid il-livelli ta' produttività tan-negozji u jikkontribwixxi għal kisbiet fl-effiċjenza; billi l-programmi ta' innovazzjoni f'dan il-qasam jistgħu jippermettu li r-raggruppamenti reġjonali jimxu 'l quddiem;
G. billi l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom responsabbiltà partikolari li jisfruttaw, jippromwovu u jtejbu l-valur miżjud tal-intelliġenza artifiċjali u jiżguraw li t-teknoloġiji tal-IA huma sikuri u jikkontribwixxu għall-benesseri u l-interess ġenerali taċ-ċittadini tagħhom peress li jistgħu jagħtu kontribut kbir biex jintlaħaq l-għan komuni li jittejbu l-ħajjiet taċ-ċittadini u titrawwem il-prosperità fl-Unjoni billi jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' strateġiji u innovazzjoni aħjar f'għadd ta' oqsma u setturi; billi, sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-intelliġenza artifiċjali u biex l-utenti jsiru konxji tal-benefiċċji u l-isfidi li jġibu magħhom it-teknoloġiji tal-IA, jeħtieġ li l-IA jew il-litteriżmu diġitali jiġu inklużi fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, inkluż f'termini tal-promozzjoni tal-inklużjoni diġitali, u jsiru kampanji ta' informazzjoni fil-livell tal-Unjoni li jagħtu rappreżentazzjoni preċiża tal-aspetti kollha tal-iżvilupp tal-IA;
H. billi qafas regolatorju komuni tal-Unjoni għall-iżvilupp, l-introduzzjoni u l-użu ta' intelliġenza artifiċjali, tar-robotika u ta' teknoloġiji relatati ("qafas regolatorju għall-IA") għandu jippermetti liċ-ċittadini jaqsmu l-benefiċċji li jiksbu mill-potenzjal tagħhom, filwaqt li jipproteġi liċ-ċittadini mir-riskji potenzjali ta' tali teknoloġiji u jippromwovi l-affidabbiltà ta' tali teknoloġiji fl-Unjoni u bnadi oħra; billi dak il-qafas għandu jkun ibbażat fuq id-dritt u l-valuri tal-Unjoni u ggwidat mill-prinċipji tat-trasparenza u l-ispjegabbiltà, il-ġustizzja, l-obbligu ta' rendikont u r-responsabbiltà;
I. billi tali qafas regolatorju huwa ta' importanza ewlenija biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-Suq Intern, li tirriżulta minn leġiżlazzjoni nazzjonali differenti u se jgħin biex irawwem l-investiment tant meħtieġ, jiżviluppa infrastruttura tad-data u jappoġġja r-riċerka; billi dan għandu jikkonsisti minn obbligi legali komuni u prinċipji etiċi kif stabbiliti fil-proposta għal Regolament mitlub fl-anness għal din ir-riżoluzzjoni; billi dan għandu jiġi stabbilit skont il-linji gwida għal regolamentazzjoni aħjar;
J. billi l-Unjoni għandha stabbilit qafas legali strett biex tiżgura, fost l-oħrajn, il-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza u n-nondiskriminazzjoni, biex tippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-protezzjoni ambjentali u d-drittijiet tal-konsumaturi; billi qafas legali bħal dan li jikkonsisti minn korp estensiv ta' leġiżlazzjoni orizzontali u settorjali, li tinkludi r-regoli eżistenti dwar is-sikurezza u r-responsabbiltà tal-prodotti, se jkompli japplika fir-rigward tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, għalkemm ċerti aġġustamenti ta' strumenti legali speċifiċi jistgħu jkunu meħtieġa biex jirriflettu t-trasformazzjoni diġitali u jindirizzaw sfidi ġodda maħluqa mill-użu tal-intelliġenza artifiċjali;
K. billi hemm tħassib li l-qafas legali attwali tal-Unjoni, inklużi l-liġi tal-konsumatur u l-acquis dwar l-impjiegi u dak soċjali, il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data, il-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodotti u dwar is-sorveljanza tas-suq, kif ukoll il-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni jistgħu ma jibqgħux adattati għall-iskop li jindirizza b'mod effettiv ir-riskji maħluqa mill-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati;
L. billi minbarra l-aġġustamenti għal-leġiżlazzjoni eżistenti, kwistjonijiet legali u etiċi li għandhom x'jaqsmu mat-teknoloġiji tal-IA għandhom jiġu indirizzati permezz ta' qafas regolatorju tad-dritt tal-Unjoni effettiv, komprensiv u li jibqa' validu fil-futur li jirrifletti l-prinċipji u l-valuri tal-Unjoni kif minquxa fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li għandu joqgħod lura minn regolamentazzjoni żejda, billi jagħlaq biss il-lakuni legali eżistenti, u jżid iċ-ċertezza legali kemm għan-negozji kif ukoll għaċ-ċittadini, jiġifieri billi jinkludi miżuri obbligatorji biex jiġu evitati prattiki li bla dubju jimminaw id-drittijiet fundamentali;
M. billi kwalunkwe qafas regolatorju ġdid jeħtieġ li jqis l-interessi kollha involuti; billi eżami bir-reqqa tal-konsegwenzi ta' kwalunkwe qafas regolatorju ġdid fuq l-atturi kollha f'valutazzjoni tal-impatt għandu jkun prerekwiżit għal passi leġiżlattivi ulterjuri; billi r-rwol kruċjali tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u tan-negozji ġodda speċjalment fl-ekonomija tal-Unjoni jiġġustifika approċċ strettament proporzjonat biex jippermettilhom jiżviluppaw u jinnovaw;
N. billi l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati jista' jkollhom implikazzjonijiet serji fuq l-integrità materjali u immaterjali tal-individwi, tal-gruppi, u tas-soċjetà inġenerali, u ħsara individwali u kollettiva potenzjali trid tiġi indirizzata b'risposti leġiżlattivi;
O. billi, sabiex jiġi rrispettat il-qafas regolatorju tal-Unjoni għall-IA, jista' jkun meħtieġ li jiġu adottati regoli speċifiċi għas-settur tat-trasport tal-Unjoni;
P. billi t-teknoloġiji tal-IA huma ta' importanza strateġika għas-settur tat-trasport, inkluż minħabba li dawn iżidu s-sikurezza u l-aċċessibbiltà tal-modi kollha tat-trasport, u joħolqu opportunitajiet ġodda ta' impjieg u mudelli ta' negozju aktar sostenibbli; billi approċċ tal-Unjoni għall-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati fit-trasport għandu l-potenzjal li jżid il-kompetittività globali u l-awtonomija strateġika tal-ekonomija tal-Unjoni;
Q. billi l-iżball uman għadu involut f'madwar 95 % tal-inċidenti tat-traffiku kollha fl-Unjoni; billi l-Unjoni kellha l-għan li sal-2020 tnaqqas b'50 % il-fatalitajiet annwali fit-toroq fl-UE, meta mqabbla mal-2010, iżda, fid-dawl tal-progress li qed jistaġna, ġeddet l-isforzi tagħha fil-Qafas ta' Politika għas-Sikurezza fit-Toroq għall-2021-2030 tagħha - Il-passi li jmiss lejn "Viżjoni Żero"; billi f'dan ir-rigward, l-IA, l-awtomatizzazzjoni u teknoloġiji ġodda oħra għandhom potenzjal kbir u importanza vitali biex iżidu s-sikurezza fit-toroq billi jnaqqsu l-possibbiltajiet ta' żball uman;
R. billi l-qafas regolatorju tal-Unjoni għall-IA għandu jirrifletti wkoll il-ħtieġa li jiġi żgurat li d-drittijiet tal-ħaddiema jiġu rispettati; billi għandu jittieħed kont tal-Ftehim Qafas dwar id-Diġitalizzazzjoni tas-Sħab Soċjali Ewropej ta' Ġunju 2020;
S. billi l-kamp ta' applikazzjoni tal-qafas regolatorju tal-Unjoni għall-IA għandu jkun adegwat, proporzjonat u vvalutat bir-reqqa; billi dan għandu jkopri firxa wiesgħa ta' teknoloġiji u l-komponenti tagħhom, inklużi algoritmi, software u data użati jew prodotti minnhom, jeħtieġ approċċ immirat ibbażat fuq ir-riskji biex jiġi evitat it-tfixkil tal-innovazzjoni futura u l-ħolqien ta' piżijiet bla bżonn, speċjalment għall-SMEs; billi d-diversità tal-applikazzjonijiet immexxija mill-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati tikkomplika s-sejba ta' soluzzjoni unika adattata għall-ispettru kollu tar-riskji;
T. billi l-analiżi tad-data u l-IA għandhom impatt dejjem akbar fuq l-informazzjoni li tkun aċċessibbli għaċ-ċittadini; billi tali teknoloġiji, jekk jintużaw ħażin, jistgħu jipperikolaw id-drittijiet fundamentali għal-libertà ta' espressjoni u għall-informazzjoni, kif ukoll il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja;
U. billi l-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku tal-qafas regolatorju tal-Unjoni għall-IA għandu jkopri l-komponenti kollha tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati żviluppati, introdotti jew użati fl-Unjoni, inkluż f'każijiet fejn parti mit-teknoloġiji taf tkun lokalizzata barra mill-Unjoni jew ma jkollhiex lokazzjoni speċifika;
V. billi l-qafas regolatorju tal-Unjoni għall-IA għandu jinkludi l-istadji rilevanti kollha, jiġifieri l-iżvilupp, l-introduzzjoni u l-użu tat-teknoloġiji rilevanti u l-komponenti tagħhom, filwaqt li jirrikjedi kunsiderazzjoni xierqa tal-obbligi legali u l-prinċipji etiċi rilevanti u għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet biex jiżgura li l-iżviluppaturi, dawk li jintroduċuhom u l-utenti jkunu konformi bis-sħiħ ma' dawn l-obbligi u l-prinċipji;
W. billi approċċ armonizzat lejn il-prinċipji etiċi relatati mal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati jirrikjedi fehim komuni fl-Unjoni tal-kunċetti li jiffurmaw il-bażi tat-teknoloġiji bħall-algoritmi, is-software, id-data jew ir-rikonoxximent bijometriku;
X. billi l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni hija ġġustifikata mill-ħtieġa li tiġi evitata frammentazzjoni regolatorja jew sensiela ta' dispożizzjonijiet regolatorji nazzjonali mingħajr denominatur komuni u li tiġi żgurata applikazzjoni omoġenja ta' prinċipji etiċi komuni minquxa fil-liġi meta jiġu żviluppati, introdotti u użati intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati ta' riskju għoli; billi huma meħtieġa regoli ċari fejn ir-riskji jkunu sinifikanti;
Y. billi l-prinċipji etiċi komuni huma effiċjenti biss meta jkunu minquxa fil-liġi wkoll, u jiġu identifikati dawk responsabbli għall-iżgurar, il-valutazzjoni u l-monitoraġġ tal-konformità;
Z. billi gwida etika, bħall-prinċipji adottati mill-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, tipprovdi punt ta' tluq tajjeb iżda ma tistax tiżgura li l-iżviluppaturi, dawk li jintroduċuhom u l-utenti jaġixxu b'mod ġust u tiżgura l-protezzjoni effettiva tal-individwi; billi gwida bħal din hija aktar u aktar rilevanti fir-rigward tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati ta' riskju għoli;
AA. billi kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità ta' sorveljanza nazzjonali responsabbli biex tiżgura, tivvaluta u timmonitorja l-konformità tal-iżvilupp, l-introduzzjoni u l-użu ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati ta' riskju għoli mal-qafas regolatorju tal-Unjoni għall-IA; u biex tippermetti diskussjonijiet u skambji ta' fehmiet f'kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u mas-soċjetà ċivili; billi l-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali għandhom jikkooperaw ma' xulxin;
AB. billi sabiex jiġu żgurati approċċ armonizzat fl-Unjoni kollha u l-funzjonament ottimali tas-Suq Uniku Diġitali, il-koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni mill-Kummissjoni, u/jew kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju u aġenzija rilevanti tal-Unjoni li jistgħu jiġu magħżula f'dan il-kuntest, għandha tiġi vvalutata fir-rigward tal-opportunitajiet u l-isfidi l-ġodda, b'mod partikolari dawk ta' natura transfruntiera, li jirriżultaw minn żviluppi teknoloġiċi kontinwi; billi, għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tingħata l-kompitu li ssib soluzzjoni xierqa biex tistruttura tali koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni;
Intelliġenza artifiċjali ċċentrata fuq il-bniedem u magħmula mill-bniedem
1. Huwa tal-fehma li, mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni speċifika għas-settur, huwa meħtieġ qafas regolatorju effettiv u armonizzat ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni, il-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea ("il-Karta") u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u applikabbli, b'mod partikolari, għal teknoloġiji ta' riskju għoli, sabiex jiġu stabbiliti standards ugwali fl-Unjoni kollha u sabiex jiġu protetti b'mod effettiv il-valuri tal-Unjoni;
2. Jemmen li kwalunkwe qafas regolatorju ġdid għall-IA li jikkonsisti f'obbligi legali u prinċipji etiċi għall-iżvilupp, l-introduzzjoni u l-użu ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati għandu jirrispetta bis-sħiħ il-Karta u b'hekk jirrispetta d-dinjità tal-bniedem, l-awtonomija u l-awtodeterminazzjoni tal-individwu, jipprevjeni l-ħsara, jippromwovi l-ġustizzja, l-inklużjoni u t-trasparenza, jelimina l-preġudizzji u d-diskriminazzjoni, inkluż fir-rigward tal-gruppi f'minoranza, u jirrispetta u jikkonforma mal-prinċipji tal-limitazzjoni tal-esternalitajiet negattivi tat-teknoloġija użata, tal-iżgurar tal-ispjegabbiltà tat-teknoloġiji, u tal-garanzija li t-teknoloġiji qegħdin hemm biex iservu lin-nies u mhux biex jissostitwuhom jew jiddeċiedu għalihom, bl-għan aħħari li jiżdied il-benesseri ta' kull bniedem;
3. Jenfasizza l-asimmetrija bejn dawk li jużaw it-teknoloġiji tal-IA u dawk li jinteraġixxu magħhom u huma soġġetti għalihom; jisħaq, f'dan il-kuntest, li l-fiduċja taċ-ċittadini fl-IA tista' tinbena biss fuq qafas regolatorju ta' etika awtomatika u etika ppjanata li jiżgura li kwalunkwe IA li tibda titħaddem tkun tirrispetta bis-sħiħ it-Trattati, il-Karta u d-dritt sekondarju tal-Unjoni; iqis li l-bini fuq approċċ bħal dan għandu jkun konformi mal-prinċipju ta' prekawzjoni li jiggwida l-leġiżlazzjoni tal-UE u għandu jkun fil-qalba ta' kwalunkwe qafas regolatorju għall-IA; jappella, f'dan ir-rigward, għal mudell ta' governanza ċar u koerenti li jippermetti lill-kumpaniji u lill-innovaturi jiżviluppaw aktar l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati;
4. Jemmen li kwalunkwe azzjoni leġiżlattiva relatata mal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati għandha tkun konformi mal-prinċipji tan-neċessità u l-proporzjonalità;
5. Iqis li approċċ bħal dan se jippermetti lill-kumpaniji jintroduċu prodotti innovattivi fis-suq u joħolqu opportunitajiet ġodda filwaqt li jiżgura l-protezzjoni tal-valuri tal-Unjoni billi jwassal għall-iżvilupp ta' sistemi tal-IA li jinkorporaw prinċipji etiċi ppjanati tal-Unjoni; iqis li tali qafas regolatorju bbażat fuq il-valuri jirrappreżenta valur miżjud billi jipprovdi lill-Unjoni vantaġġ kompetittiv uniku u jagħti kontribut sinifikanti għall-benesseri u l-prosperità taċ-ċittadini u n-negozji tal-Unjoni billi jagħti spinta lis-suq intern; jissottolinja li tali qafas regolatorju għall-IA jirrappreżenta wkoll valur miżjud fir-rigward tal-promozzjoni tal-innovazzjoni fis-suq intern; jemmen, pereżempju, li fis-settur tat-trasport, dan l-approċċ jippreżenta lin-negozji tal-Unjoni l-opportunità li jsiru mexxejja globali f'dan il-qasam;
6. Jinnota li l-qafas legali tal-Unjoni għandu japplika għall-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użata jew prodotta minn dawn it-teknoloġiji;
7. Jinnota li l-opportunitajiet ibbażati fuq l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati jiddependu mill-"Big Data", bil-ħtieġa ta' massa kritika ta' data biex tħarreġ l-algoritmi u tirfina r-riżultati; jilqa' f'dan ir-rigward il-proposta tal-Kummissjoni għall-ħolqien ta' spazju komuni tad-data fl-Unjoni biex jissaħħaħ l-iskambju tad-data u tiġi appoġġjata r-riċerka bir-rispett sħiħ tar-regoli Ewropej dwar il-protezzjoni tad-data;
8. Iqis li l-qafas legali attwali tal-Unjoni, b'mod partikolari dwar il-protezzjoni u l-privatezza u d-data personali, jeħtieġ li japplika b'mod sħiħ għall-IA, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati u jeħtieġ li jiġi rieżaminat u skrutinizzat fuq bażi regolari u aġġornat fejn meħtieġ sabiex jiġu indirizzati b'mod effettiv ir-riskji maħluqa minn dawn it-teknoloġiji, u, f'dan ir-rigward, jista' jibbenefika milli jiġi ssupplimentat bi prinċipji etiċi ta' gwida robusti; jirrimarka li, fejn ikun prematur li jiġu adottati atti legali, għandu jintuża qafas legali mhux vinkolanti;
9. Jistenna li l-Kummissjoni tintegra approċċ etiku b'saħħtu fil-proposta leġiżlattiva mitluba fl-anness għal din ir-riżoluzzjoni bħala segwitu għall-White Paper dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, inkluż dwar is-sikurezza, ir-responsabbiltà u d-drittijiet fundamentali, li jimmassimizza l-opportunitajiet u jimminimizza r-riskji tat-teknoloġiji tal-IA; jistenna li l-proposta leġiżlattiva mitluba tinkludi soluzzjonijiet ta' politika għar-riskji ewlenin rikonoxxuti tal-intelliġenza artifiċjali inkluż, fost l-oħrajn, dwar il-ġbir etiku u l-użu tal-Big Data, il-kwistjoni tat-trasparenza algoritmika u tal-preġudizzju algoritmiku; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa kriterji u indikaturi għat-tikkettar tat-teknoloġija tal-IA sabiex tistimula t-trasparenza, l-ispjegabbiltà u l-obbligu ta' rendikont, u tinċentiva t-teħid ta' prekawzjonijiet addizzjonali mill-iżviluppaturi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir investiment fl-integrazzjoni ta' dixxiplini mhux tekniċi fl-istudju u r-riċerka dwar l-IA filwaqt li jitqies il-kuntest soċjali;
10. Iqis li l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati jridu jitfasslu skont il-ħtiġijiet tal-bniedem f'konformità mal-prinċipju li l-iżvilupp, l-introduzzjoni u l-użu tagħhom għandhom dejjem ikunu għas-servizz tal-bnedmin u qatt bil-maqlub, u għandhom ifittxu li jtejbu l-benesseri u l-libertà individwali, kif ukoll li jippreservaw il-paċi, jipprevjenu l-kunflitti u jsaħħu s-sigurtà internazzjonali, filwaqt li fl-istess ħin jimmassimizzaw il-benefiċċji offruti u jipprevjenu u jnaqqsu r-riskji tagħhom;
11. Jiddikjara li l-iżvilupp, l-introduzzjoni u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati ta' riskju għoli, inkluż, iżda mhux esklużivament, mill-bnedmin, għandhom dejjem ikunu ggwidati mill-etika u mfassla sabiex jirrispettaw u jippermettu l-azzjoni u s-sorveljanza mill-bniedem, kif ukoll jippermettu li l-bniedem jerġa' jieħu l-kontroll f'idejh meta jkun hemm bżonn billi jiġu implimentati miżuri ta' kontroll xierqa;
Valutazzjoni tar-riskji
12. Jisħaq li kwalunkwe regolament futur għandu jsegwi approċċ ibbażat fuq ir-riskju differenzjat u orjentat lejn il-futur għar-regolamentazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, u jinkludi standards teknoloġikament newtrali fis-setturi kollha, bi standards speċifiċi għas-settur fejn xieraq; jinnota li, sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni uniformi tas-sistema ta' valutazzjoni tar-riskju u li jkun hemm konformità mal-obbligi legali relatati biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn l-Istati Membri u biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern, hija meħtieġa lista eżawrjenti u kumulattiva ta' setturi ta' riskju għoli u użi jew skopijiet ta' riskju għoli; jisħaq li din il-lista trid tkun is-suġġett ta' evalwazzjoni mill-ġdid regolari u jinnota li, minħabba n-natura dejjem tevolvi ta' dawn it-teknoloġiji, jista' jkun meħtieġ li fil-ġejjieni jiġi evalwat mill-ġdid il-mod li bih issir l-evalwazzjoni tar-riskju tagħhom;
13. Iqis li d-determinazzjoni ta' jekk l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati għandhomx jitqiesu bħala ta' riskju għoli, u għalhekk soġġetti għall-konformità obbligatorja mal-obbligi legali u l-prinċipji etiċi kif stabbiliti fil-qafas regolatorju għall-IA, għandha dejjem issegwi minn valutazzjoni ex ante imparzjali, regolata u esterna bbażata fuq kriterji konkreti u definiti;
14. Iqis, f'dak ir-rigward, li l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati għandhom jitqiesu bħala ta' riskju għoli meta l-iżvilupp, l-introduzzjoni u l-użu tagħhom jinvolvu riskju sinifikanti li jikkawżaw korriment jew ħsara lill-individwi jew lis-soċjetà, bi ksur tad-drittijiet fundamentali u tar-regoli tas-sikurezza kif stipulati fid-dritt tal-Unjoni; iqis li, għall-iskopijiet tal-evalwazzjoni ta' jekk it-teknoloġiji tal-IA jinvolvux tali riskju, għandhom jitqiesu s-settur fejn ikunu żviluppati, introdotti jew użati, l-użu jew l-iskop speċifiku tagħhom u s-severità tal-korriment jew ħsara li jistgħu jkunu mistennija li jseħħu; l-ewwel u t-tieni kriterji, jiġifieri s-settur u l-użu jew l-iskop speċifiku, għandhom jiġu kkunsidrati b'mod kumulattiv;
15. Jissottolinja li l-valutazzjoni tar-riskju ta' dawn it-teknoloġiji għandha ssir fuq il-bażi ta' lista eżawrjenti u kumulattiva ta' setturi b'riskju għoli u ta' użi u skopijiet b'riskju għoli; jemmen bis-sħiħ li għandu jkun hemm koerenza fl-Unjoni fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskju ta' dawn it-teknoloġiji, speċjalment meta jiġu vvalutati kemm fid-dawl tal-konformità tagħhom mal-qafas regolatorju għall-IA kif ukoll skont kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra applikabbli speċifika għas-settur;
16. Iqis li dan l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju għandu jiġi żviluppat b'mod li jillimita l-piż amministrattiv għall-kumpaniji, u b'mod partikolari għall-SMEs, kemm jista' jkun billi jintużaw l-għodod eżistenti; tali għodod jinkludu iżda mhumiex limitati għal-lista tal-Valutazzjoni tal-Impatt fuq il-Protezzjoni tad-Data kif previst fir-Regolament (UE) 2016/679;
Karatteristiċi tas-sikurezza, trasparenza u obbligu ta' rendikont
17. Ifakkar li d-dritt għall-informazzjoni tal-konsumaturi huwa ankrat bħala prinċipju ewlieni skont id-dritt tal-Unjoni u jissottolinja li għalhekk għandu jiġi implimentat bis-sħiħ fir-rigward tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati; huwa tal-fehma li dan għandu jinkludi b'mod speċjali t-trasparenza fir-rigward tal-interazzjoni mas-sistemi ta' intelliġenza artifiċjali, inklużi l-proċessi ta' awtomatizzazzjoni, u fir-rigward tal-mod ta' kif jiffunzjonaw, il-kapaċitajiet, pereżempju kif l-informazzjoni tiġi ffiltrata u ppreżentata, il-preċiżjoni u l-limitazzjonijiet; iqis li tali informazzjoni għandha tingħata lill-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tal-konsumatur;
18. Jissottolinja li l-fiduċja tal-konsumatur hija essenzjali għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' dawn it-teknoloġiji li jistgħu joħolqu riskji inerenti meta jkunu bbażati fuq algoritmi opaki u settijiet ta' data preġudikati; jemmen li l-konsumaturi għandu jkollhom id-dritt li jkunu infurmati b'mod li jinftiehem, fil-ħin, b'mod ċar u aċċessibbli dwar l-eżistenza, ir-raġunament, l-eżitu possibbli u l-impatt għall-konsumaturi tas-sistemi algoritmiċi, dwar kif jistgħu jikkuntattjaw bniedem b'setgħat deċiżjonali, u dwar kif id-deċiżjonijiet tas-sistema jistgħu jiġu vverifikati, ikkontestati u kkoreġuti b'mod sinifikattiv; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġu kkunsidrati u rrispettati l-prinċipji ta' informazzjoni u żvelar li fuqhom inbena l-acquis tal-konsumatur; iqis li huwa meħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni dettaljata lill-utenti finali rigward it-tħaddim ta' sistemi ta' trasport u vetturi appoġġjati mill-IA;
19. Jinnota li huwa essenzjali li l-algoritmi u s-settijiet tad-data użati jew prodotti minn intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati jkunu jistgħu jiġu spjegati u, fejn ikun strettament meħtieġ u b'rispett sħiħ tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, il-privatezza u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u s-sigrieti kummerċjali, ikunu aċċessibbli mill-awtoritajiet pubbliċi bħall-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq; jinnota wkoll li, skont l-ogħla standards tal-industrija possibbli u applikabbli, id-dokumentazzjoni għandha tinħażen minn dawk li jkunu involuti fl-istadji differenti tal-iżvilupp ta' teknoloġiji ta' riskju għoli; jinnota l-possibbiltà li l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jista' jkollhom prerogattivi addizzjonali f'dak ir-rigward; jisħaq f'dan ir-rigward fuq l-importanza ta' inġinerija inversa legali; iqis li jista' jkun hemm bżonn ta' eżami tal-leġiżlazzjoni attwali dwar is-sorveljanza tas-suq biex jiġi żgurat li din tirrispondi b'mod etiku għall-emerġenza tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati;
20. Jitlob li l-iżviluppaturi u dawk li jintroduċu teknoloġiji ta' riskju għoli jkunu meħtieġa, fejn valutazzjoni tar-riskju tindika dan, jipprovdu lill-awtoritajiet pubbliċi d-dokumentazzjoni rilevanti dwar l-użu u d-disinn u l-istruzzjonijiet dwar is-sikurezza, inkluż, fejn strettament meħtieġ u b'rispett sħiħ tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, il-privatezza, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u s-sigrieti kummerċjali, il-kodiċi tas-sors, l-għodod ta' żvilupp u d-data użata mis-sistema; jinnota li dan l-obbligu jippermetti l-valutazzjoni tal-konformità tagħhom mad-dritt tal-Unjoni u mal-prinċipji etiċi u jinnota, f'dak ir-rigward, l-eżempju pprovdut mid-depożitu legali ta' pubblikazzjonijiet ta' librerija nazzjonali; jinnota d-distinzjoni importanti bejn it-trasparenza tal-algoritmi u t-trasparenza tal-użu tal-algoritmi;
21. Jinnota wkoll li, sabiex jiġu rrispettati d-dinjità, l-awtonomija u s-sikurezza tal-bniedem, għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-apparat mediku vitali u avvanzat u l-ħtieġa li awtoritajiet indipendenti ta' fiduċja jżommu l-mezzi meħtieġa biex jipprovdu servizzi lil persuni li jġorru dan l-apparat, fejn l-iżviluppatur jew dak li jintroduċihom oriġinali ma jibqax jipprovdihom; pereżempju, tali servizzi jkunu jinkludu l-manutenzjoni, it-tiswijiet u t-titjib, inklużi aġġornamenti tas-software li jirranġaw il-ħsarat u l-vulnerabbiltajiet;
22. Isostni li l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati ta' riskju għoli, inkluż is-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn teknoloġiji bħal dawn, irrispettivament mill-qasam li fih jiġu żviluppati, introdotti u użati, għandhom jiġu żviluppati bi pjan b'mod sikur, traċċabbli, teknikament robust, affidabbli, etiku u legalment vinkolanti u jkunu soġġetti għal kontroll u sorveljanza indipendenti; iqis b'mod speċjali li l-parteċipanti kollha fil-katina ta' żvilupp u provvista ta' prodotti u servizzi ta' intelliġenza artifiċjali għandhom ikunu legalment responsabbli u jenfasizza l-ħtieġa ta' mekkaniżmi li jiżguraw responsabbiltà u obbligu ta' rendikont;
23. Jissottolinja li r-regolament u l-linji gwida li jikkonċernaw l-ispjegabbiltà, il-kapaċità ta' awditjar, it-traċċabbiltà, u t-trasparenza, kif ukoll, fejn meħtieġ minn valutazzjoni tar-riskju, u strettament meħtieġ u filwaqt li jiġi rrispettat bis-sħiħ id-dritt tal-Unjoni bħal dak li jikkonċerna l-protezzjoni tad-data, il-privatezza, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u s-sigrieti kummerċjali, kif ukoll l-aċċess mill-awtoritajiet pubbliċi għat-teknoloġija, id-data u s-sistemi tal-informatika sottostanti għal dawn it-teknoloġiji, huma essenzjali biex tiġi żgurata l-fiduċja taċ-ċittadini f'dawk it-teknoloġiji, anke jekk il-grad ta' spjegabbiltà huwa relattiv għall-kumplessità tat-teknoloġiji; jinnota li mhux dejjem possibbli li jiġi spjegat għaliex mudell wassal għal riżultat jew deċiżjoni partikolari, l-algoritmi tal-kaxxa s-sewda huma eżempju tajjeb; iqis, għalhekk, li r-rispett ta' dawn il-prinċipji huwa prekundizzjoni biex ikun garantit l-obbligu ta' rendikont;
24. Iqis li ċ-ċittadini, inklużi l-konsumaturi, għandhom ikunu infurmati meta jinteraġixxu ma' sistema li tuża intelliġenza artifiċjali b'mod partikolari biex tippersonalizza prodott jew servizz għall-utenti tagħha, dwar jekk jistgħux, u kif jistgħu, jitfu jew jillimitaw il-personalizzazzjoni;
25. Jirrimarka f'dan ir-rigward li, jekk iridu jkunu affidabbli, l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati magħhom iridu jkunu teknikament robusti u preċiżi;
26. Jisħaq li l-protezzjoni ta' networks ta' IA u robotika interkonnessi hija importanti u jridu jittieħdu miżuri b'saħħithom għall-prevenzjoni ta' ksur tas-sigurtà, tixrid ta' data, avvelenament ta' data, attakki ċibernetiċi u użu ħażin ta' data personali, u dan se jirrikjedi li l-aġenziji, il-korpi u l-istituzzjonijiet rilevanti kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali jaħdmu id f'id u f'kooperazzjoni mal-utenti finali ta' dawn it-teknoloġiji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-valuri tal-Unjoni u r-rispett għad-drittijiet fundamentali jiġu osservati f'kull ħin meta tiġi żviluppata u introdotta t-teknoloġija tal-IA sabiex jiġu żgurati s-sigurtà u r-reżiljenza tal-infrastruttura diġitali tal-Unjoni;
Imparzjalità u nondiskriminazzjoni
27. Ifakkar li l-intelliġenza artifiċjali, skont kif tiġi żviluppata u użata, għandha l-potenzjal li toħloq u ssaħħaħ il-preġudizzji, inkluż permezz ta' preġudizzji inerenti fis-settijiet tad-data sottostanti, u għalhekk, toħloq diversi forom ta' diskriminazzjoni awtomatizzata, inkluża d-diskriminazzjoni indiretta, li tikkonċerna b'mod partikolari lil gruppi ta' persuni b'karatteristiċi simili; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu kwalunkwe miżura possibbli biex jevitaw tali preġudizzji u jiżguraw il-protezzjoni sħiħa tad-drittijiet fundamentali;
28. Huwa mħasseb dwar ir-riskji ta' preġudizzji u diskriminazzjoni fl-iżvilupp, l-introduzzjoni u l-użu ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati ta' riskju għoli, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji; ifakkar li, f'kull ċirkostanza, dawn għandhom jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni, kif ukoll id-drittijiet u d-dinjità tal-bniedem, u l-awtonomija u l-awtodeterminazzjoni tal-individwu, u jiżguraw trattament ugwali u nondiskriminazzjoni għal kulħadd;
29. Jisħaq li t-teknoloġiji tal-IA għandhom jitfasslu biex jirrispettaw, iservu u jipproteġu l-valuri tal-Unjoni u l-integrità fiżika u mentali, jappoġġjaw id-diversità kulturali u lingwistika tal-Unjoni u jgħinu biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet essenzjali; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi evitat kwalunkwe użu li jista' jwassal għal sfurzar dirett jew indirett inammissibbli, jhedded li jimmina l-awtonomija psikoloġika u s-saħħa mentali jew iwassal għal sorveljanza, qerq jew manipulazzjoni inammissibbli;
30. Jemmen bis-sħiħ li d-drittijiet fundamentali tal-bniedem minquxa fil-Karta għandhom jiġu rrispettati b'mod strett sabiex jiġi żgurat li dawn it-teknoloġiji emerġenti ma joħolqux lakuni f'termini ta' protezzjoni;
31. Jafferma li l-preġudizzji possibbli fis-software, l-algoritmi u d-data u d-diskriminazzjoni minnhom jistgħu jikkawżaw ħsara ċara lill-individwi u lis-soċjetà, u għalhekk għandhom jiġu indirizzati billi jitħeġġeġ l-iżvilupp u l-kondiviżjoni ta' strateġiji biex dawn jingħelbu, bħat-tneħħija tal-preġudizzju minn settijiet ta' data fir-riċerka u l-iżvilupp, u bl-iżvilupp ta' regoli dwar l-ipproċessar tad-data; iqis li dan l-approċċ għandu l-potenzjal li jibdel is-software, l-algoritmi u d-data f'assi fil-ġlieda kontra l-preġudizzju u d-diskriminazzjoni f'ċerti sitwazzjonijiet, u forza għal drittijiet ugwali u bidla soċjali pożittiva;
32. Isostni li l-valuri etiċi ta' ekwità, preċiżjoni, kunfidenzjalità u trasparenza għandhom ikunu l-bażi tal-IA, li f'dan il-kuntest jimplika li l-operazzjonijiet tagħhom għandhom ikunu tali li ma jiġġenerawx riżultati preġudikati;
33. Jissottolinja l-importanza tal-kwalità tas-settijiet tad-data użati għall-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati skont il-kuntest tagħhom, speċjalment rigward ir-rappreżentattività tad-data tat-taħriġ, skont it-tneħħija tal-preġudizzju tas-settijiet tad-data, skont l-algoritmi użati u l-istandards tad-data u ta' aggregazzjoni; jisħaq li dawk is-settijiet ta' data għandhom jiġu awditjati mill-awtoritajiet kompetenti kull meta jintalbu biex tiġi żgurata l-konformità tagħhom mal-prinċipji msemmija preċedentement;
34. Jenfasizza li, fil-kuntest tal-gwerra tad-diżinformazzjoni mifruxa, li hija mmexxija b'mod partikolari minn atturi mhux Ewropej, it-teknoloġiji tal-IA jista' jkollhom effetti etikament negattivi billi jisfruttaw preġudizzji fid-data u fl-algoritmi jew billi deliberatament jibdlu d-data ta' tagħlim minn pajjiż terz, u jistgħu jiġu esposti wkoll għal forom oħra ta' manipulazzjoni ħażina perikoluża b'modi imprevedibbli u b'konsegwenzi inkalkolabbli; għalhekk, hemm ħtieġa akbar li l-Unjoni tkompli tinvesti fir-riċerka, l-analiżi, l-innovazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien transfruntier u transsettorjali, sabiex jiġu żviluppati teknoloġiji tal-IA li jkunu bla dubju ta' xejn mingħajr ebda tip ta' tfassil ta' profil, preġudizzju u diskriminazzjoni, u li jistgħu jikkontribwixxu b'mod effettiv għall-ġlieda kontra l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin jirrispettaw il-privatezza tad-data u l-qafas legali tal-Unjoni;
35. Ifakkar fl-importanza li jiġu żgurati rimedji effettivi għall-individwi u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jkunu disponibbli proċeduri u mekkaniżmi ta' valutazzjoni aċċessibbli, affordabbli, indipendenti u effettivi biex jiżguraw rieżami imparzjali mill-bniedem tal-allegazzjonijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet taċ-ċittadini, bħad-drittijiet tal-konsumatur jew drittijiet ċivili, permezz tal-użu ta' sistemi algoritmiċi, kemm jekk joriġinaw minn atturi tas-settur pubbliku kif ukoll jekk joriġinaw minn atturi tas-settur privat; jissottolinja l-importanza tal-abbozz ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE li dwarha ntlaħaq ftehim politiku fit-22 ta' Ġunju 2020, rigward każijiet futuri ta' kontestazzjoni tal-introduzzjoni jew tal-użu kontinwu ta' sistema ta' IA li jinvolvu r-riskju ta' ksur tad-drittijiet tal-konsumatur, jew li jfittxu rimedju għal ksur ta' drittijiet; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi tal-Unjoni u dawk nazzjonali jkollhom biżżejjed fondi biex jgħinu lill-konsumaturi jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal rimedju f'każijiet ta' ksur tad-drittijiet tagħhom;
36. Iqis għalhekk li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun tista' tfittex rimedju għal deċiżjoni magħmula minn intelliġenza artifiċjali, robotika jew teknoloġija relatata li tkun ta' ħsara għaliha bi ksur tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali;
37 Iqis li, bħala l-ewwel punt ta' kuntatt f'każijiet ta' suspett ta' ksur tal-qafas regolatorju tal-Unjoni f'dan il-kuntest, l-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali jistgħu jiġu indirizzati wkoll mill-konsumaturi b'talbiet għal rimedju bil-għan li jiġi żgurat l-infurzar effettiv tal-qafas imsemmi hawn fuq;
Responsabbiltà soċjali u bilanċ bejn il-ġeneri
38. Jenfasizza li l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati soċjalment responsabbli għandhom rwol x'jaqdu biex jikkontribwixxu għas-sejba ta' soluzzjonijiet li jissalvagwardjaw u jippromwovu l-valuri u d-drittijiet fundamentali tas-soċjetà tagħna bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-midja diversa u indipendenti u l-informazzjoni oġġettiva u disponibbli b'mod liberu, is-saħħa u l-prosperità ekonomika, l-opportunitajiet indaqs, id-drittijiet tal-ħaddiema u dawk soċjali, l-edukazzjoni ta' kwalità, il-protezzjoni tat-tfal, id-diversità kulturali u lingwistika, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-litteriżmu diġitali, l-innovazzjoni u l-kreattività; ifakkar fil-ħtieġa li jiġi żgurat li l-interessi taċ-ċittadini kollha, inklużi dawk li huma emarġinati jew jinsabu f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, bħal persuni b'diżabbiltà, jitqiesu u jiġu rrappreżentati b'mod adegwat;
39. Jissottolinja l-importanza li jinkiseb livell għoli ta' litteriżmu diġitali ġenerali u li jingħata taħriġ lil professjonisti b'ħiliet għolja f'dan il-qasam kif ukoll li jiġi żgurat ir-rikonoxximent reċiproku ta' tali kwalifiki fl-Unjoni kollha; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm timijiet varjati ta' żviluppaturi u inġiniera li jaħdmu flimkien mal-atturi ewlenin tas-soċjetà, biex il-preġudizzji bbażati fuq il-ġeneru u l-kultura jinżammu milli jiġu inklużi b'mod involontarju fl-algoritmi, fis-sistemi u fl-applikazzjonijiet tal-IA; jappoġġja l-ħolqien ta' kurrikuli edukattivi u attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni pubblika li jikkonċernaw l-impatt soċjetali, legali u etiku tal-intelliġenza artifiċjali;
40. Jisħaq fuq l-importanza vitali li tiġi ggarantita l-libertà tal-ħsieb u tal-espressjoni, biex b'hekk jiġi żgurat li dawn it-teknoloġiji ma jippromwovux id-diskors ta' mibegħda jew il-vjolenza u b'hekk iqis li t-tfixkil jew ir-restrizzjoni tal-libertà tal-espressjoni eżerċitati diġitalment huma illegali skont il-prinċipji fundamentali tal-Unjoni, ħlief fejn l-eżerċizzju ta' dan id-dritt fundamentali jinvolvi atti illegali;
41. Jisħaq li l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjali u jafferma li l-mudell Ewropew għall-iżvilupp tagħhom irid ikun ibbażat fuq il-fiduċja taċ-ċittadini u fuq koeżjoni soċjali akbar;
42. Jisħaq li l-introduzzjoni ta' kwalunkwe sistema ta' intelliġenza artifiċjali m'għandhiex tillimita bla bżonn l-aċċess tal-utenti għal servizzi pubbliċi bħas-sigurtà soċjali; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tevalwa kif jista' jintlaħaq dan l-għan;
43. Jisħaq fuq l-importanza ta' riċerka u żvilupp responsabbli bil-għan li jiġi massimizzat il-potenzjal sħiħ tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati għaċ-ċittadini u għall-ġid pubbliku; jappella għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha sabiex tiġi żviluppata u appoġġjata l-innovazzjoni responsabbli;
44. Jisħaq li l-għarfien espert teknoloġiku se jkun dejjem aktar importanti u għalhekk se jkun meħtieġ li jiġu aġġornati kontinwament il-korsijiet ta' taħriġ, b'mod partikolari għall-ġenerazzjonijiet futuri, u li jiġi promoss it-taħriġ mill-ġdid vokazzjonali ta' dawk li diġà jinsabu fis-suq tax-xogħol; isostni, f'dan ir-rigward, li l-innovazzjoni u t-taħriġ għandhom jiġu promossi mhux biss fis-settur privat iżda wkoll fis-settur pubbliku;
45. Jinsisti li l-iżvilupp, l-introduzzjoni u l-użu ta' dawn it-teknoloġiji m'għandhom jikkawżaw l-ebda tip ta' korriment jew ħsara lil individwi jew lis-soċjetà jew lill-ambjent u li, għaldaqstant, l-iżviluppaturi, dawk li jintroduċuhom u l-utenti ta' dawn it-teknoloġiji għandhom jinżammu responsabbli għal tali korriment jew ħsara f'konformità mar-regoli ta' responsabbiltà rilevanti tal-Unjoni u nazzjonali;
46. Jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw jekk it-telf ta' impjiegi li jirriżulta mill-introduzzjoni ta' dawn it-teknoloġiji għandux iwassal għal politiki pubbliċi xierqa bħal tnaqqis fil-ħin tax-xogħol;
47. Isostni li huwa meħtieġ bil-qawwa approċċ ta' tfassil ibbażat fuq il-valuri tal-Unjoni u l-prinċipji etiċi biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni soċjali mifruxa tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati; iqis dan l-approċċ, immirat għall-iżvilupp ta' IA affidabbli, etikament responsabbli u teknikament robusta, bħala fattur importanti li jippermetti mobbiltà sostenibbli u intelliġenti li tkun sikura u aċċessibbli;
48. Jiġbed l-attenzjoni għall-valur miżjud għoli li ġej mill-vetturi awtonomi għal persuni b'mobbiltà mnaqqsa, peress li tali vetturi jippermettu lil dawn il-persuni jieħdu sehem b'mod aktar effettiv fi trasport bit-triq individwali u b'hekk jiffaċilitawlhom il-ħajja ta' kuljum tagħhom; jisħaq fuq l-importanza tal-aċċessibbiltà, speċjalment meta jitfasslu sistemi MaaS (Mobbiltà bħala Servizz);
49. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja l-iżvilupp ta' sistemi affidabbli tal-IA sabiex it-trasport isir aktar sikur, aktar effiċjenti, aċċessibbli, affordabbli u inklużiv, inkluż għall-persuni b'mobbiltà mnaqqsa, b'mod partikolari l-persuni b'diżabbiltà, filwaqt li tqis id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-dritt tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri;
50. Iqis li l-IA tista' tgħin biex jintużaw aħjar il-ħiliet u l-kompetenzi tal-persuni b'diżabbiltà u li l-applikazzjoni tal-IA fuq il-post tax-xogħol tista' tikkontribwixxi għal swieq tax-xogħol inklużivi u rati ta' impjieg ogħla għall-persuni b'diżabbiltà;
Ambjent u sostenibbiltà
51. Jiddikjara li l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati għandhom jintużaw mill-gvernijiet u n-negozji għall-benefiċċju tan-nies u tal-pjaneta, jikkontribwixxu għall-kisba ta' żvilupp sostenibbli, għall-preservazzjoni tal-ambjent, in-newtralità klimatika u l-għanijiet tal-ekonomija ċirkolari; l-iżvilupp, l-introduzzjoni u l-użu ta' dawn it-teknoloġiji għandhom jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika, għall-preservazzjoni tal-ambjent, għall-minimizzazzjoni u r-rimedju ta' kwalunkwe ħsara kkawżata lill-ambjent matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom u tul il-katina sħiħa tal-provvista tagħhom f'konformità mad-dritt tal-Unjoni;
52. Minħabba l-impatt ambjentali sinifikanti tagħhom, għall-finijiet tal-paragrafu preċedenti, l-impatt ambjentali tal-iżvilupp, l-introduzzjoni u l-użu ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati jistgħu, fejn rilevanti u xieraq, jiġu evalwati matul il-ħajja tagħhom minn awtoritajiet speċifiċi għas-settur; tali evalwazzjoni tista' tinkludi stima tal-impatt tal-estrazzjoni tal-materjali meħtieġa, u tal-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet ta' gassijiet serra kkawżati mill-iżvilupp, l-introduzzjoni u l-użu tagħhom;
53. Jipproponi li bil-għan li jiġu żviluppati soluzzjonijiet ta' intelliġenza artifiċjali mill-aktar avvanzati responsabbli, il-potenzjal tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati għandu jiġi esplorat, stimulat u massimizzat permezz ta' riċerka u żvilupp responsabbli li jirrikjedu l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha;
54. Jenfasizza l-fatt li l-iżvilupp, l-introduzzjoni u l-użu ta' dawn it-teknoloġiji jipprovdu opportunitajiet għall-promozzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli deskritti min-Nazzjonijiet Uniti, tat-tranżizzjoni tal-enerġija globali u tad-dekarbonizzazzjoni;
55. Iqis li l-objettivi tar-responsabbiltà soċjali, il-bilanċ bejn il-ġeneri, il-ħarsien tal-ambjent u s-sostenibbiltà għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-obbligi ġenerali u settorjali eżistenti f'dawn l-oqsma; jemmen li għandhom jiġu stabbiliti linji gwida ta' implimentazzjoni mhux vinkolanti għall-iżviluppaturi, dawk li jintroduċuhom u l-utenti, speċjalment tat-teknoloġiji ta' riskju għoli, rigward il-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-konformità tagħhom ma' dan ir-Regolament u l-kisba ta' dawk l-objettivi;
56. Jistieden lill-Unjoni tippromwovi u tiffinanzja l-iżvilupp ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati ċċentrati fuq il-bniedem li jindirizzaw l-isfidi ambjentali u klimatiċi u li jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet fundamentali permezz tal-użu ta' inċentivi fiskali, ta' akkwist jew ta' inċentivi oħra;
57. Jisħaq li, minkejja l-marka għolja attwali tal-karbonju tal-iżvilupp, l-introduzzjoni u l-użu ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati, inklużi deċiżjonijiet awtomatizzati u tagħlim bil-magni, dawk it-teknoloġiji jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-impronta ambjentali attwali tas-settur tal-ICT; jissottolinja li dawk it-teknoloġiji relatati u teknoloġiji oħra regolati b'mod xieraq għandhom ikunu faċilitaturi kritiċi biex jintlaħqu l-miri tal-Patt Ekoloġiku, l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU u l-Ftehim ta' Pariġi f'ħafna setturi differenti u għandhom jagħtu spinta lill-impatt tal-politiki li jipprovdu protezzjoni ambjentali, pereżempju l-politiki dwar it-tnaqqis tal-iskart u d-degradazzjoni ambjentali;
58. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju dwar l-impatt tal-marka tal-karbonju tat-teknoloġija tal-IA u l-impatti pożittivi u negattivi tat-tranżizzjoni għall-użu tat-teknoloġija tal-IA mill-konsumaturi;
59. Jinnota li, minħabba l-iżvilupp dejjem akbar ta' applikazzjonijiet tal-IA, li jirrikjedu riżorsi komputazzjonali, tal-ħżin u tal-enerġija, l-impatt ambjentali tas-sistemi tal-IA għandu jiġi kkunsidrat tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;
60. Iqis li f'oqsma bħas-saħħa, fl-aħħar mill-aħħar ir-responsabbiltà trid taqa' fuq persuna fiżika jew ġuridika; jenfasizza l-ħtieġa ta' data ta' taħriġ traċċabbli u pubblikament disponibbli għall-algoritmi;
61. Jappoġġja b'saħħa l-ħolqien ta' Spazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa[12] propost mill-Kummissjoni li għandu l-għan li jippromwovi l-iskambju ta' data dwar is-saħħa u li jappoġġja r-riċerka b'rispett sħiħ tal-protezzjoni tad-data, inkluż l-ipproċessar tad-data b'teknoloġija tal-IA, u li jsaħħaħ u jestendi l-użu u l-użu mill-ġdid tad-data dwar is-saħħa; jinkoraġġixxi t-titjib tal-iskambju transfruntier tad-data dwar is-saħħa, ir-rabta u l-użu ta' tali data permezz ta' repożitorji siguri, federati, tipi speċifiċi ta' informazzjoni dwar is-saħħa, bħal Rekords tas-Saħħa Ewropej (EHRs), informazzjoni ġenomika, u immaġnijiet tas-saħħa diġitali biex jiffaċilitaw l-interoperabbiltà fl-Unjoni kollha ta' reġistri jew bażijiet tad-data f'oqsma bħas-setturi tar-riċerka, tax-xjenza u tas-saħħa;
62. Jenfasizza l-benefiċċji tal-IA għall-prevenzjoni, it-trattament u l-kontroll tal-mard, kif jixhed il-fatt li l-IA bassret l-epidemija tal-COVID-19 qabel id-WHO; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tgħammar b'mod adegwat lill-ECDC bil-qafas regolatorju u r-riżorsi biex jiġbor id-data dwar is-saħħa globali f'ħin reali u anonimizzata meħtieġa b'mod indipendenti flimkien mal-Istati Membri, biex b'hekk, fost għanijiet oħra, jindirizza l-problemi li nkixfu mill-kriżi tal-COVID-19;
Privatezza u rikonoxximent bijometriku
63. Josserva li l-produzzjoni u l-użu tad-data, inkluża data personali bħal data bijometrika, li jirriżultaw mill-iżvilupp, l-introduzzjoni u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, qed jiżdiedu b'mod rapidu, u b'hekk jissottolinjaw il-ħtieġa li jiġu rispettati u infurzati d-drittijiet taċ-ċittadini għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali f'konformità mad-dritt tal-Unjoni;
64. Jirrimarka li l-possibbiltà pprovduta minn dawn it-teknoloġiji għall-użu ta' data personali u mhux personali għall-kategorizzazzjoni u l-mira fuq livell mikro tal-persuni, għall-identifikazzjoni tal-vulnerabbiltajiet tal-individwi, jew għall-isfruttament ta' għarfien predittiv preċiż, trid tiġi kontrobilanċjata minn prinċipji infurzati b'mod effettiv dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza bħall-minimizzazzjoni tad-data, id-dritt li ssir oġġezzjoni għat-tfassil ta' profili u l-kontroll tal-użu ta' data ta' dak li jkun, id-dritt li tinkiseb spjegazzjoni dwar deċiżjoni bbażata fuq l-ipproċessar awtomatizzat u l-privatezza mid-disinn, kif ukoll dawk tal-proporzjonalità, in-neċessità u l-limitazzjoni bbażati fuq skopijiet strettament identifikati f'konformità mal-GDPR;
65. Jenfasizza li meta teknoloġiji ta' rikonoxximent remot, bħar-rikonoxximent ta' karatteristiċi bijometriċi, b'mod partikolari r-rikonoxximent tal-wiċċ, jintużaw mill-awtoritajiet pubbliċi, għal skopijiet sostanzjali ta' interess pubbliku, l-użu tagħhom għandu dejjem jiġi żvelat, ikun proporzjonat, immirat u limitat għal objettivi speċifiċi, ristrett fiż-żmien skont id-dritt tal-Unjoni u għandu jkollu kunsiderazzjoni xierqa għad-dinjità u l-awtonomija tal-bniedem u għad-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta. Il-kriterji u l-limiti għal dak l-użu għandhom ikunu soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju u skrutinju demokratiku u għandhom iqisu l-impatt psikoloġiku u soċjokulturali tiegħu fuq is-soċjetà ċivili;
66. Jinnota li filwaqt li l-introduzzjoni ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati fil-qafas ta' deċiżjonijiet dwar il-poter pubbliku għandha benefiċċji, din tista' tirriżulta f'użu ħażin gravi, bħas-sorveljanza tal-massa, il-policing predittiv u l-ksur tad-drittijiet tal-proċess ġust;
67. Iqis li t-teknoloġiji li jistgħu jipproduċu deċiżjonijiet awtomatizzati, u b'hekk jissostitwixxu d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet pubbliċi, għandhom jiġu ttrattati bl-akbar prekawzjoni, b'mod partikolari fil-qasam tal-ġustizzja u l-infurzar tal-liġi;
68. Jemmen li l-Istati Membri għandu jkollhom rikors għal teknoloġiji bħal dawn biss jekk ikun hemm evidenza bir-reqqa tal-affidabbiltà tagħhom u jekk ikun possibbli jew sistematiku intervent u rieżami sinifikattivi tal-bniedem f'każijiet fejn il-libertajiet fundamentali jkunu f'riskju; jissottolinja l-importanza li l-awtoritajiet nazzjonali jagħmlu valutazzjoni stretta tal-impatt tad-drittijiet fundamentali għas-sistemi ta' intelliġenza artifiċjali introdotti f'dawn il-każijiet, speċjalment wara li dawk it-teknoloġiji jiġu evalwati bħala ta' riskju għoli;
69. Huwa tal-fehma li kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-intelliġenza artifiċjali, mir-robotika jew mit-teknoloġiji relatati fil-qafas tal-prerogattivi tal-poter pubbliku għandha tkun soġġetta għal intervent uman sinifikattiv u proċess dovut, speċjalment wara li dawk it-teknoloġiji jiġu vvalutati bħala ta' riskju għoli;
70. Jemmen li l-avvanz teknoloġiku m'għandux iwassal biex l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati jintużaw biex b'mod awtonomu jieħdu deċiżjonijiet tas-settur pubbliku li jkollhom impatt dirett u sinifikanti fuq id-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadini;
71. Jinnota li l-IA, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u l-kontroll tal-fruntieri jistgħu jtejbu s-sikurezza u s-sigurtà pubblika, iżda jeħtieġu wkoll skrutinju pubbliku estensiv u rigoruż u l-ogħla livell possibbli ta' trasparenza kemm fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskju ta' applikazzjonijiet individwali, kif ukoll ħarsa ġenerali lejn l-użu tal-IA, tar-robotika u tat-teknoloġiji relatati fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u l-kontroll tal-fruntieri; iqis li dawn it-teknoloġiji jġibu magħhom riskji etiċi sinifikanti li jridu jiġu indirizzati b'mod adegwat, meta wieħed iqis l-effetti negattivi possibbli fuq l-individwi f'dak li jirrigwarda b'mod partikolari d-drittijiet tagħhom għall-privatezza, il-protezzjoni tad-data u n-nondiskriminazzjoni; jisħaq li l-użu ħażin tagħhom jista' jsir theddida diretta għad-demokrazija u li l-introduzzjoni u l-użu tagħhom iridu jirrispettaw il-prinċipji tal-proporzjonalità u tan-neċessità, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll id-dritt sekondarju rilevanti tal-Unjoni, bħar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data; jisħaq li l-IA qatt m'għandha tissostitwixxi lill-bnedmin fl-għoti ta' sentenzi; iqis li deċiżjonijiet, bħall-kisba ta' pleġġ jew probation, is-smigħ fil-qorti, jew deċiżjonijiet ibbażati unikament fuq ipproċessar awtomatizzat, li jipproduċu effett legali li jikkonċerna lil individwu jew li jaffettwawh b'mod sinifikanti, iridu dejjem jinvolvu valutazzjoni sinifikattiva u ġudizzju ta' bniedem;
Governanza tajba
72. Jisħaq li l-governanza xierqa tal-iżvilupp, l-introduzzjoni u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, speċjalment it-teknoloġiji ta' riskju għoli inkluż billi jkun hemm stabbiliti miżuri li jiffukaw fuq l-obbligu ta' rendikont u li jindirizzaw ir-riskji potenzjali ta' preġudizzju u diskriminazzjoni, tista' żżid is-sikurezza u l-fiduċja taċ-ċittadini f'dawk it-teknoloġiji;
73. Iqis li qafas komuni għall-governanza ta' dawn it-teknoloġiji, ikkoordinat mill-Kummissjoni u/jew minn kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija rilevanti li jistgħu jinħatru għal dan il-kompitu f'dan il-kuntest, li għandu jiġi implimentat mill-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali f'kull Stat Membru, jiżgura approċċ Ewropew koerenti u jevita frammentazzjoni tas-suq uniku;
74. Josserva li d-data tintuża f'volumi kbar fl-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati u li l-ipproċessar, il-kondiviżjoni u l-aċċess għal tali data u l-użu tagħha jridu jiġu rregolati f'konformità mad-dritt u mar-rekwiżiti tal-kwalità, tal-integrità, tal-interoperabbiltà, tat-trasparenza, tas-sigurtà, tal-privatezza u tal-kontroll stabbiliti fih;
75. Ifakkar li l-aċċess għad-data huwa komponent essenzjali fit-tkabbir tal-ekonomija diġitali; jirrimarka f'dan ir-rigward li l-interoperabbiltà tad-data, billi tillimita l-effetti ta' intrappolament tal-klijentela, għandha rwol ewlieni fl-iżgurar ta' kundizzjonijiet ġusti tas-suq u fil-promozzjoni ta' kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Uniku Diġitali;
76. Jissottolinja l-ħtieġa li jkun żgurat li d-data personali tkun protetta b'mod adegwat, speċjalment data dwar, jew li tkun ġejja minn, gruppi vulnerabbli, bħal persuni b'diżabbiltà, pazjenti, tfal, anzjani, minoranzi, migranti u gruppi oħra f'riskju ta' esklużjoni;
77. Jinnota li l-iżvilupp, l-introduzzjoni u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati mill-awtoritajiet pubbliċi spiss jiġu esternalizzati lil partijiet privati; iqis li dan m'għandu bl-ebda mod jikkomprometti l-protezzjoni tal-valuri pubbliċi u tad-drittijiet fundamentali; iqis li t-termini u l-kundizzjonijiet tal-akkwist pubbliku għandhom jirriflettu l-istandards etiċi imposti fuq l-awtoritajiet pubbliċi, fejn applikabbli;
Il-konsumaturi u s-suq intern
78. Jissottolinja l-importanza ta' qafas regolatorju għall-IA li japplika meta konsumaturi fl-Unjoni jkunu utenti ta' sistema algoritmika jew ikunu soġġetti għaliha, fil-mira tagħha jew iggwidati lejha, irrispettivament mill-post ta' stabbiliment tal-entitajiet li jiżviluppaw, ibigħu jew jużaw is-sistema; jemmen, barra minn hekk, li, fl-interess taċ-ċertezza legali, ir-regoli stabbiliti f'dan il-qafas għandhom japplikaw għall-iżviluppaturi kollha u tul il-katina tal-valur, jiġifieri l-iżvilupp, l-introduzzjoni u l-użu tat-teknoloġiji rilevanti u l-komponenti tagħhom u għandhom jiggarantixxu livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur;
79. Jinnota r-rabta intrinsika bejn l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn dawn it-teknoloġiji, u l-oqsma bħall-internet tal-oġġetti, it-tagħlim bil-magni, is-sistemi bbażati fuq ir-regoli jew il-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet awtomatizzati u assistiti; jinnota wkoll li għandhom jiġu żviluppati sistemi ta' ikoni standardizzati li jispjegaw dawk is-sistemi lill-konsumaturi kull meta dawk is-sistemi jkunu kkumplikati jew ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet li jħallu impatt sinifikanti fuq il-ħajja tal-konsumaturi;
80. Ifakkar li l-Kummissjoni għandha teżamina l-qafas legali eżistenti u l-applikazzjoni tiegħu, inkluż l-acquis tal-liġi tal-konsumatur, il-leġiżlazzjoni dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti, il-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodotti u l-leġiżlazzjoni dwar is-sorveljanza tas-suq, sabiex jiġu identifikati lakuni legali, kif ukoll obbligi regolatorji eżistenti; iqis li dan huwa meħtieġ sabiex jiġi aċċertat jekk dan huwiex kapaċi jwieġeb għall-isfidi l-ġodda maħluqa mill-emerġenza tal-intelliġenza artifiċjali, tar-robotika u tat-teknoloġiji relatati u jekk huwiex kapaċi jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur;
81. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi maħluqa mill-intelliġenza artifiċjali, mir-robotika u mit-teknoloġiji relatati u li jiġi żgurat li l-konsumaturi jingħataw is-setgħa u l-protezzjoni kif xieraq; jissottolinja l-ħtieġa li wieħed iħares lil hinn mill-prinċipji tradizzjonali ta' informazzjoni u ta' żvelar li fuqhom inbena l-acquis tal-konsumatur, peress li se jkunu meħtieġa drittijiet tal-konsumatur aktar b'saħħithom u limitazzjonijiet ċari dwar l-iżvilupp, l-introduzzjoni u l-użu ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati biex jiżguraw li tali teknoloġija tikkontribwixxi biex il-ħajja tal-konsumaturi tkun aħjar u tevolvi b'mod li jirrispetta d-drittijiet fundamentali u tal-konsumatur u l-valuri tal-Unjoni;
82. Jirrimarka li l-qafas leġiżlattiv introdott bid-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE jipprevedi lista armonizzata ta' obbligi għall-produtturi, l-importaturi u d-distributuri, jinkoraġġixxi l-użu ta' standards u jipprevedi diversi livelli ta' kontroll skont kemm huwa perikoluż il-prodott; iqis li dak il-qafas għandu japplika wkoll għal prodotti bl-IA inkorporata;
83. Jinnota li għall-iskop tal-analiżi tal-impatti tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati fuq il-konsumaturi, l-aċċess għad-data jista', meta f'rispett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni, bħal dak li jikkonċerna l-protezzjoni tad-data, il-privatezza u s-sigrieti kummerċjali, jiġi estiż għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti; ifakkar fl-importanza li l-konsumaturi jiġu edukati biex ikunu iktar infurmati u mgħammra b'ħiliet meta jużaw l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, sabiex ikunu mħarsa mir-riskji potenzjali u jiġu rrispettati d-drittijiet tagħhom;
84. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri għat-traċċabbiltà tad-data, filwaqt li żżomm f'moħħha kemm il-legalità tal-akkwist tad-data kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur u d-drittijiet fundamentali, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ id-dritt tal-Unjoni bħal dak li jikkonċerna l-protezzjoni tad-data, il-privatezza, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u s-sigrieti kummerċjali;
85. Jinnota li dawn it-teknoloġiji għandhom ikunu ċċentrati fuq l-utent u mfassla b'tali mod li jippermettu li kulħadd juża prodotti jew servizzi tal-IA, irrispettivament mill-età, is-sess, l-abbiltajiet jew il-karatteristiċi tagħhom; jinnota li l-aċċessibbiltà tagħhom għall-persuni b'diżabbiltà hija ta' importanza partikolari; jinnota li m'għandux ikun hemm approċċ wieħed tajjeb għal kulħadd u għandhom jiġu kkunsidrati l-prinċipji ta' disinn universali li jindirizzaw l-aktar firxa wiesgħa possibbli ta' utenti u li jsegwu l-istandards ta' aċċessibbiltà rilevanti; jisħaq li dan jippermetti li l-individwi jkollhom aċċess ekwu għal attivitajiet tal-bniedem medjati mill-kompjuter u għal teknoloġiji ta' assistenza eżistenti u emerġenti u li jipparteċipaw b'mod attiv fihom;
86. Jisħaq li fejn flus li joriġinaw minn sorsi pubbliċi jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-iżvilupp, l-introduzzjoni jew l-użu ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati, minbarra standards ta' akkwist miftuħ u kkuntrattar miftuħ, tista' tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li l-kodiċi, id-data ġenerata, sakemm ma tkunx personali, u l-mudell imħarreġ jistgħu jkunu magħmula pubbliċi b'mod awtomatiku bi ftehim mal-iżviluppatur, biex tkun garantita t-trasparenza, tissaħħaħ iċ-ċibersigurtà u jkun possibbli l-użu mill-ġdid tagħhom sabiex tiġi mħeġġa l-innovazzjoni; jisħaq li, b'dan il-mod, il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku jista' jiġi sfruttat filwaqt li tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq;
87. Iqis li l-IA, ir-robotika, u t-teknoloġiji relatati għandhom potenzjal enormi li jwasslu opportunitajiet għall-konsumaturi biex ikollhom aċċess għal diversi kumditajiet f'ħafna aspetti ta' ħajjithom flimkien ma' prodotti u servizzi aħjar, kif ukoll jibbenefikaw minn sorveljanza aħjar tas-suq, sakemm jibqgħu japplikaw il-prinċipji, il-kundizzjonijiet (inklużi t-trasparenza u l-kapaċità tal-awditjar) u r-regolamenti kollha applikabbli;
Sigurtà u difiża
88. Jenfasizza li l-politiki ta' sigurtà u ta' difiża tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha huma ggwidati mill-prinċipji minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u dawk tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u minn fehim komuni tal-valuri universali tar-rispett tad-drittijiet invjolabbli u inaljenabbli tal-persuna umana, id-dinjità tal-bniedem, tal-libertà, tad-demokrazija, tal-ugwaljanza u tal-istat tad-dritt; jisħaq li l-isforzi kollha relatati mad-difiża fil-qafas tal-Unjoni jridu jirrispettaw dawk il-valuri universali filwaqt li jippromwovu l-paċi, is-sigurtà u l-progress fl-Ewropa u fid-dinja;
89. Jilqa' l-approvazzjoni, mil-Laqgħa tal-2019 tal-Partijiet Kontraenti Għolja għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Ċerti Armi Konvenzjonali (CCW), ta' 11-il Prinċipju ta' Gwida għall-iżvilupp u l-użu ta' sistemi ta' armi awtonomi; jiddispjaċih, madankollu, dwar in-nuqqas ta' qbil dwar strument legalment vinkolanti li jirregola l-armi awtonomi letali (LAWS), b'mekkaniżmu ta' infurzar effettiv; jilqa' u jappoġġja l-"Ethics Guidelines for Trustworthy AI" ("Linji Gwida tal-Etika għal IA Affidabbli") tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli tal-Kummissjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, ippubblikat fid-9 ta' April 2019 u l-pożizzjoni tiegħu dwar is-sistemi ta' armi awtonomi letali (LAWS); iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji nazzjonali għad-definizzjoni u l-istatus ta' armi awtonomi letali (LAWS) lejn strateġija komprensiva fil-livell tal-Unjoni u biex jippromwovu, flimkien mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni/Viċi President tal-Kummissjoni ("RGħ/VP"), u l-Kunsill, id-diskussjoni dwar il-LAWS fil-qafas tas-CCW tan-NU u f'fora rilevanti oħra u l-istabbiliment ta' standards internazzjonali dwar il-parametri etiċi u legali tal-iżvilupp u l-użu ta' sistemi ta' armi letali kompletament awtonomi, semiawtonomi u kkontrollati b'mod remot; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar is-sistemi ta' armi awtonomi tat-12 ta' Settembru 2018 u jappella għal darb'oħra għall-iżvilupp u l-adozzjoni urġenti ta' pożizzjoni komuni dwar is-sistemi ta' armi letali awtonomi, għal projbizzjoni internazzjonali fuq l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu ta' sistemi ta' armi letali awtonomi li jippermettu li jsiru attakki mingħajr kontroll uman sinifikattiv u mingħajr rispett tal-prinċipju ta' "human-in-the-loop", f'konformità mad-dikjarazzjoni tar-riċerkaturi l-aktar prominenti tal-IA fid-dinja fl-ittra miftuħa tagħhom tal-2015; jilqa' l-ftehim tal-Kunsill u tal-Parlament li jiġu esklużi armi awtonomi letali "mingħajr il-possibbiltà ta' kontroll uman sinifikattiv fuq id-deċiżjonijiet ta' għażla u intervent meta jitwettqu l-attakki" minn azzjonijiet iffinanzjati mill-Fond Ewropew għad-Difiża; jemmen li l-aspetti etiċi ta' applikazzjonijiet oħra tal-IA fid-difiża, bħall-operazzjonijiet ta' intelligence, sorveljanza u rikonjizzjoni (ISR) jew l-operazzjonijiet ċibernetiċi ma jridux jiġu traskurati, u trid tingħata attenzjoni speċjali lill-iżvilupp u l-użu ta' droni f'operazzjonijiet militari;
90 Jissottolinja li t-teknoloġiji emerġenti fis-settur tad-difiża u tas-sigurtà li mhumiex koperti mid-dritt internazzjonali għandhom jiġu ġġudikati bil-prinċipju tar-rispett tal-umanità u l-prinċipji tal-kuxjenza pubblika;
91. Jirrakkomanda li kwalunkwe qafas Ewropew li jirregola l-użu ta' sistemi mħaddma bl-intelliġenza artifiċjali (IA) fid-difiża, kemm f'sitwazzjoni ta' ġlied kif ukoll mhux ta' ġlied, irid jirrispetta r-reġimi legali applikabbli kollha, b'mod partikolari d-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u jrid ikun konformi mad-dritt, il-prinċipji u l-valuri tal-Unjoni, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-disparitajiet f'termini ta' infrastrutturi teknika u ta' sigurtà fl-Unjoni kollha;
92. Jirrikonoxxi li għall-kuntrarju tal-bażijiet industrijali tad-difiża, l-innovazzjonijiet kritiċi tal-IA jistgħu jiġu minn Stati Membri żgħar, u b'hekk, approċċ standardizzat tal-PSDK għandu jiżgura li l-Istati Membri iżgħar u l-SMEs ma jiġux esklużi; jisħaq li ġabra ta' kapaċitajiet komuni tal-IA tal-UE mqabbla mal-kunċetti operattivi tal-Istati Membri tista' tnaqqas il-lakuni tekniċi li jistgħu jħallu barra lill-Istati nieqsa mit-teknoloġija rilevanti, l-għarfien espert tal-industrija jew il-kapaċità li jimplimentaw sistemi tal-IA fil-ministeri tad-difiża tagħhom;
93. Iqis li l-attivitajiet attwali u futuri relatati mas-sigurtà u d-difiża fil-qafas tal-Unjoni se jkunu bbażati fuq l-IA, ir-robotika u l-awtonomija u fuq teknoloġiji relatati, u li IA robusta u affidabbli tista' tikkontribwixxi għal militar modern u effettiv; għalhekk, l-Unjoni jeħtiġilha tassumi rwol ewlieni fir-riċerka u l-iżvilupp ta' sistemi tal-IA fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża; jemmen li l-użu ta' applikazzjonijiet mħaddma bl-IA fis-sigurtà u d-difiża jistgħu joffru għadd ta' benefiċċji diretti lill-kmandant tal-operazzjoni, bħal data miġbura ta' kwalità ogħla, għarfien aħjar tas-sitwazzjoni, teħid aktar rapidu ta' deċiżjonijiet, riskju mnaqqas ta' ħsara kollaterali bis-saħħa ta' networks aħjar ta' kejbils, il-protezzjoni tal-forzi fuq il-post, kif ukoll affidabbiltà akbar tat-tagħmir militari u b'hekk inqas riskju għall-bnedmin u għal vittmi umani; jisħaq li l-iżvilupp ta' IA affidabbli fil-qasam tad-difiża huwa essenzjali biex tiġi żgurata awtonomija strateġika Ewropea fil-qasam tal-kapaċità u dak operattiv; ifakkar li s-sistemi tal-IA qed isiru wkoll elementi ewlenin fil-ġlieda kontra t-theddid emerġenti għas-sigurtà, bħall-gwerra ċibernetika u l-gwerra ibrida kemm fl-isfera online kif ukoll dik offline; jissottolinja, fl-istess ħin, ir-riskji u l-isfidi kollha tal-użu mhux regolat tal-IA; jinnota li l-IA tista' tiġi esposta għal manipulazzjoni, żbalji u ineżattezzi;
94. Jisħaq li t-teknoloġiji tal-IA għandhom, essenzjalment, użu doppju, u l-iżvilupp tal-IA f'attivitajiet relatati mad-difiża jibbenefika minn skambji bejn it-teknoloġiji militari u dawk ċivili; jenfasizza li l-IA f'attivitajiet relatati mad-difiża hija teknoloġija ta' tfixkil trasversali li l-iżvilupp tagħha jista' jipprovdi opportunitajiet għall-kompetittività u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni;
95. Jirrikonoxxi, fil-kuntest tal-gwerra ibrida u avvanzata tal-lum, li l-volum u l-veloċità ta' informazzjoni matul il-fażijiet bikrija ta' kriżi jistgħu jkunu enormi għall-analisti umani u li sistema tal-IA tista' tipproċessa l-informazzjoni biex tiżgura li l-bnedmin li jieħdu deċiżjonijiet ikunu qed isegwu l-ispettru sħiħ ta' informazzjoni f'perjodu ta' żmien xieraq għal rispons rapidu;
96. Jissottolinja l-importanza li jsir investiment fl-iżvilupp tal-kapital uman għall-intelliġenza artifiċjali, filwaqt li jitrawmu l-ħiliet u l-edukazzjoni meħtieġa fil-qasam tat-teknoloġiji tal-IA tas-sigurtà u d-difiża b'enfasi partikolari fuq l-etika ta' sistemi operattivi semiawtonomi u awtonomi, ibbażati fuq l-obbligu ta' rendikont mill-bniedem f'dinja mħaddma bl-IA; jisħaq b'mod partikolari fuq l-importanza li jkun żgurat li l-etiċisti f'dan il-qasam ikollhom ħiliet xierqa u jirċievu taħriġ xieraq; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta mill-aktar fis possibbli t-"Tisħiħ tal-Aġenda għall-Ħiliet" tagħha, imħabbra fil-White Paper dwar l-Intelliġenza Artifiċjali fid-19 ta' Frar 2020;
97. Jisħaq li l-computing kwantistiku jista' jirrappreżenta l-aktar bidla rivoluzzjonarja fil-kunflitti mill-introduzzjoni tal-armi nukleari u b'hekk iħeġġeġ sabiex l-iżvilupp ulterjuri tat-teknoloġiji tal-computing kwantistiku jkun prijorità għall-Unjoni u għall-Istati Membri; jirrikonoxxi li atti ta' aggressjoni, inklużi attakki fuq infrastruttura kritika, megħjuna mill-computing kwantistiku joħolqu ambjent ta' kunflitt fejn il-ħin biex jittieħdu deċiżjonijiet se jkun kompressat b'mod drammatiku minn jiem u sigħat għal minuti u sekondi, u dan iġiegħel lill-Istati Membri jiżviluppaw kapaċitajiet li jipproteġuhom u jħarrġu kemm lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet kif ukoll lill-persunal militari biex jirreaġixxu b'mod effettiv fi żmien qasir bħal dan;
98. Jappella għal investiment akbar fl-IA Ewropea għad-difiża u fl-infrastruttura kritika li ssostniha;
99. Ifakkar li l-parti l-kbira mis-setgħat militari attwali madwar id-dinja diġà huma involuti fi sforzi sinifikanti ta' R&Ż relatati mad-dimensjoni militari tal-intelliġenza artifiċjali; iqis li l-Unjoni jeħtiġilha tiżgura li ma tibqax lura f'dan ir-rigward;
100. Jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-bini tal-kapaċitajiet taċ-ċibersigurtà fil-politika industrijali tagħha sabiex tiżgura l-iżvilupp u l-użu ta' sistemi mħaddma bl-IA u sistemi robotiċi sikuri, reżiljenti u robusti; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-użu ta' protokolli u applikazzjonijiet taċ-ċibersigurtà bbażati fuq il-blockchain biex jittejbu r-reżiljenza, l-affidabbiltà u r-robustezza tal-infrastrutturi tal-IA permezz ta' mudelli diżintermedjati ta' kriptaġġ tad-data; iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati Ewropej jirriċerkaw u jikkonċepixxu karatteristiċi avvanzati li jiffaċilitaw id-detezzjoni ta' sistemi mħaddma bl-IA u sistemi robotiċi korrotti u malizzjużi li jistgħu jimminaw is-sigurtà tal-Unjoni u taċ-ċittadini;
101. Jisħaq li s-sistemi kollha tal-IA fil-qasam tad-difiża jrid ikollhom qafas ta' missjoni konkret u definit b'mod preċiż, li permezz tiegħu l-bnedmin iżommu l-kapaċità ta' detezzjoni u diżinvolviment jew diżattivazzjoni tas-sistemi użati, jekk dawn imorru lil hinn mill-qafas ta' missjoni definit u assenjat minn kmandant uman, jew jipparteċipaw fi kwalunkwe azzjoni eskalatorja jew mhux intenzjonata; iqis li s-sistemi, il-prodotti u t-teknoloġiji mħaddma bl-IA u maħsuba għall-użu militari għandhom ikunu mgħammra b'"reġistratur" biex tiġi rreġistrata kull tranżazzjoni ta' data mwettqa mill-magna;
102. Jissottolinja li r-responsabbiltà sħiħa u l-obbligu ta' rendikont għad-deċiżjoni ta' tfassil, żvilupp, introduzzjoni u użu ta' sistemi tal-IA jridu jkunu f'idejn operaturi umani, peress li jrid ikun hemm monitoraġġ u kontroll sinifikattiv mill-bniedem fuq kwalunkwe sistema tal-armi u intenzjoni umana fid-deċiżjoni li tintuża l-forza fl-eżekuzzjoni ta' kwalunkwe deċiżjoni ta' sistemi ta' armi mħaddma bl-IA li jista' jkollha konsegwenzi letali; jissottolinja li l-kontroll mill-bniedem għandu jibqa' effettiv għall-kmand u l-kontroll ta' sistemi mħaddma bl-IA, billi jiġu segwiti l-prinċipji ta' "human-in-the loop", "human-on-the-loop" u "human-in-command" fil-livell tat-tmexxija militari; jisħaq li s-sistemi mħaddma bl-IA jridu jippermettu li t-tmexxija militari tal-armati tassumi r-responsabbiltà sħiħa tagħha u tagħti rendikont sħiħ għall-użu ta' forza letali u li teżerċita l-livell meħtieġ ta' ġudizzju, li l-magni ma jistax ikollhom, peress li dan il-ġudizzju jrid ikun ibbażat fuq id-distinzjoni, il-proporzjonalità u l-prekawzjoni, fit-teħid ta' azzjoni distruttiva letali jew fuq skala kbira permezz ta' tali sistemi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti oqfsa ċari u traċċabbli ta' awtorizzazzjoni u ta' obbligu ta' rendikont għall-użu ta' armi intelliġenti u ta' sistemi oħra mħaddma bl-IA, bl-użu ta' karatteristiċi uniċi tal-utent bħall-ispeċifikazzjonijiet bijometriċi li jippermettu l-użu esklużivament minn persunal awtorizzat;
Trasport
103. Jenfasizza l-potenzjal tal-użu tal-intelliġenza artifiċjali, tar-robotika u tat-teknoloġiji relatati għall-mezzi awtonomi kollha tat-trasport bit-triq, bil-ferrovija, fuq l-ilma u bl-ajru, u wkoll biex tingħata spinta lill-bidla fid-direzzjoni modali u lill-intermodalità, peress li dawn it-teknoloġiji jistgħu jikkontribwixxu biex tinstab it-taħlita ottimali tal-modi ta' trasport għat-trasport ta' oġġetti u passiġġieri; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-potenzjal tagħhom li jagħmlu t-trasport, il-loġistika u l-flussi tat-traffiku aktar effiċjenti u jagħmlu l-modi kollha tat-trasport aktar sikuri, aktar intelliġenti, u aktar ekoloġiċi; jirrimarka li approċċ etiku għall-IA jista' jitqies ukoll bħala sistema ta' twissija bikrija, b'mod partikolari fir-rigward tas-sikurezza u l-effiċjenza tat-trasport;
104 Jenfasizza l-fatt li l-kompetizzjoni globali bejn il-kumpaniji u r-reġjuni ekonomiċi jfisser li l-Unjoni teħtieġ li tippromwovi l-investimenti u ssaħħaħ il-kompetittività internazzjonali tal-kumpaniji li joperaw fis-settur tat-trasport billi toħloq ambjent favorevoli għall-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' soluzzjonijiet tal-IA u innovazzjonijiet ulterjuri, li fih l-intrapriżi bbażati fl-Unjoni jkunu jistgħu jsiru mexxejja dinjija fl-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-IA;
105. Jisħaq li s-settur tat-trasport tal-Unjoni jeħtieġ aġġornament tal-qafas regolatorju rigward tali teknoloġiji emerġenti u l-użu tagħhom fis-settur tat-trasport u jeħtieġ qafas etiku ċar għall-kisba ta' IA affidabbli, inkluż is-sikurezza, is-sigurtà, ir-rispett għall-awtonomija tal-bniedem, l-aspetti ta' sorveljanza u ta' responsabbiltà, li jżidu l-benefiċċji li huma kondiviżi minn kulħadd u li jkunu essenzjali biex tingħata spinta lill-investiment fir-riċerka u fl-innovazzjoni, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-adozzjoni tal-IA mis-servizzi pubbliċi, l-SMEs, in-negozji ġodda u n-negozji u fl-istess ħin jiżgura l-protezzjoni tad-data kif ukoll l-interoperabbiltà, mingħajr ma jimponi piż amministrattiv bla bżonn fuq in-negozji u l-konsumaturi;
106. Jinnota li l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-IA fis-settur tat-trasport mhux se jkunu possibbli mingħajr infrastruttura moderna, li hija parti essenzjali mis-sistemi intelliġenti tat-trasport; jisħaq li d-diverġenzi persistenti fil-livell ta' żvilupp bejn l-Istati Membri joħolqu r-riskju li r-reġjuni l-anqas żviluppati u l-abitanti tagħhom jiġu mċaħħda mill-benefiċċji li jġib miegħu l-iżvilupp tal-mobbiltà awtonoma; jitlob li l-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tat-trasport fl-Unjoni, inkluża l-integrazzjoni tagħha fin-network 5G, tkun iffinanzjata b'mod adegwat;
107. Jirrakkomanda l-iżvilupp ta' standards tal-IA affidabbli fl-Unjoni kollha għal kull mod ta' trasport, inkluża l-industrija tal-karozzi, kif ukoll għall-ittestjar ta' vetturi li joperaw permezz tal-IA u ta' prodotti u servizzi relatati;
108. Jinnota li s-sistemi tal-IA jistgħu jgħinu biex inaqqsu l-għadd ta' mwiet fit-toroq b'mod sinifikanti, pereżempju permezz ta' ħinijiet ta' reazzjoni aħjar u konformità aħjar mar-regoli; iqis, madankollu, li se jkun impossibbli li l-użu ta' vetturi awtonomi jirriżulta fl-eliminazzjoni tal-inċidenti kollha u jissottolinja li dan iwassal biex l-ispjegabbiltà tad-deċiżjonijiet tal-IA ssir dejjem aktar importanti sabiex jiġu ġġustifikati n-nuqqasijiet u l-konsegwenzi mhux intenzjonati tad-deċiżjonijiet tal-IA;
Impjiegi, drittijiet tal-ħaddiema, ħiliet diġitali u l-post tax-xogħol
109. Jinnota li l-applikazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali, tar-robotika u tat-teknoloġiji relatati fuq il-post tax-xogħol tista' tikkontribwixxi għal swieq tax-xogħol inklużivi u tħalli impatt fuq is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, filwaqt li tista' tintuża wkoll biex tissorvelja, tevalwa, tbassar u tiggwida l-prestazzjoni tal-ħaddiema b'konsegwenzi diretti u indiretti fuq il-karriera tagħhom; billi l-IA għandu jkollha impatt pożittiv fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tkun iggwidata mir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll għad-drittijiet fundamentali u l-valuri tal-Unjoni; billi l-IA għandha tkun iċċentrata fuq il-bniedem, ittejjeb il-benesseri tan-nies u tas-soċjetà u tikkontribwixxi għal tranżizzjoni ekwa u ġusta; dawn it-teknoloġiji għandu għalhekk ikollhom impatt pożittiv fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u jkunu ggwidata mir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll mid-drittijiet fundamentali u l-valuri tal-Unjoni;
110. Jenfasizza l-ħtieġa tal-iżvilupp tal-kompetenzi permezz tat-taħriġ u l-edukazzjoni għall-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom fir-rigward tal-IA fuq il-post tax-xogħol biex jifhmu aħjar l-implikazzjonijiet tas-soluzzjonijiet tal-IA; jisħaq li l-applikanti u l-ħaddiema għandhom jiġu infurmati kif xieraq bil-miktub meta l-IA tintuża waqt il-proċeduri ta' reklutaġġ u f'deċiżjonijiet oħra dwar ir-riżorsi umani u kif f'dan il-każ jista' jintalab li jsir rieżami minn bniedem sabiex deċiżjoni awtomatizzata tkun tista' tinqaleb;
111. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-gwadann tal-produttività minħabba l-iżvilupp u l-użu tal-IA u tar-robotika ma jkunx biss ta' benefiċċju għas-sidien tal-kumpaniji u l-azzjonisti, iżda jibbenefikaw minnu ukoll il-kumpaniji u l-forza tax-xogħol, permezz ta' kundizzjonijiet aħjar ta' xogħol u ta' impjieg, u jservi wkoll lis-soċjetà inġenerali, speċjalment fejn tali gwadann isir għad-detriment tal-impjiegi; jistieden lill-Istati Membri jistudjaw bir-reqqa l-impatt potenzjali tal-IA fuq is-suq tax-xogħol u s-sistemi tas-sigurtà soċjali u jiżviluppaw strateġiji dwar kif tiġi żgurata l-istabbiltà fit-tul permezz tar-riforma tat-taxxi u l-kontribuzzjonijiet kif ukoll miżuri oħra fil-każ ta' dħul pubbliku iżgħar;
112. Jissottolinja l-importanza tal-investiment korporattiv fit-taħriġ formali u informali u fit-tagħlim tul il-ħajja sabiex jappoġġja t-tranżizzjoni ġusta lejn l-ekonomija diġitali; jisħaq, f'dan il-kuntest, li l-kumpaniji li jintroduċu l-IA għandhom ir-responsabbiltà li jipprovdu taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet adegwati għall-impjegati kollha kkonċernati sabiex ikunu jistgħu jitgħallmu kif jużaw l-għodod diġitali u jaħdmu b'co-bots u teknoloġiji ġodda oħra, u b'hekk jadattaw għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu tas-suq tax-xogħol u jibqgħu fl-impjieg;
113. Iqis li għandha tingħata attenzjoni speċjali lil forom ġodda ta' xogħol, bħal xogħol ta' gigs u ta' pjattaformi, li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' teknoloġiji ġodda f'dan il-kuntest; jisħaq li r-regolazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-telexogħol madwar l-Unjoni u l-iżgurar ta' kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg deċenti fl-ekonomija diġitali jridu bl-istess mod iqisu l-impatt tal-IA; jistieden lill-Kummissjoni tikkonsulta mas-sħab soċjali, l-iżviluppaturi tal-IA, ir-riċerkaturi u partijiet ikkonċernati oħra f'dan ir-rigward;
114. Jissottolinja li l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati bl-ebda mod ma jridu jaffettwaw l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali kif rikonoxxuti fl-Istati Membri u fil-livell tal-Unjoni, inkluż id-dritt jew il-libertà tal-istrajkjar jew li tittieħed azzjoni oħra koperta bis-sistemi speċifiċi ta' relazzjonijiet industrijali fl-Istati Membri, skont id-dritt u/jew il-prattika nazzjonali, jew jaffettwaw id-dritt tan-negozjar, ta' konklużjoni u ta' infurzar ta' ftehimiet kollettivi, jew tat-teħid ta' azzjoni kollettiva skont id-dritt u/jew il-prattika nazzjonali;
115. Itenni l-importanza tal-edukazzjoni u t-tagħlim kontinwu biex jiġu żviluppati l-kwalifiki meħtieġa fl-era diġitali u biex tiġi indirizzata l-esklużjoni diġitali; jistieden lill-Istati Membri jinvestu f'edukazzjoni, taħriġ vokazzjonali u sistemi ta' tagħlim tul il-ħajja ta' kwalità għolja, reattivi u inklużivi kif ukoll f'politiki ta' taħriġ mill-ġdid u ta' titjib tal-ħiliet għall-ħaddiema f'setturi li huma potenzjalment affettwati serjament mill-IA; jenfasizza l-ħtieġa li l-forza tax-xogħol attwali u futura tiġi pprovduta l-ħiliet tal-litteriżmu, in-numeriżmu u l-ħiliet diġitali meħtieġa kif ukoll il-kompetenzi fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) u l-ħiliet personali trasversali, bħall-ħsieb kritiku, il-kreattività u l-intraprenditorija; jissottolinja li trid tingħata attenzjoni speċjali lill-inklużjoni tal-gruppi żvantaġġati f'dan ir-rigward;
116. Ifakkar li l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati użati fuq il-post tax-xogħol iridu jkunu aċċessibbli għal kulħadd, abbażi tal-prinċipju tad-disinn għal kulħadd;
Edukazzjoni u kultura
117. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati kriterji għall-iżvilupp, l-introduzzjoni u l-użu tal-IA filwaqt li jiġi kkunsidrat l-impatt tagħhom fuq is-setturi tal-edukazzjoni, il-midja, iż-żgħażagħ, ir-riċerka, l-isport u dawk kulturali u kreattivi, billi jiġu żviluppati u parametri referenzjarji għal prinċipji ta' użi etikament responsabbli u aċċettati tat-teknoloġiji tal-IA li jistgħu jiġu applikati b'mod xieraq f'dawn l-oqsma u jiġu definiti prinċipji għalihom, inkluż reġim ċar ta' responsabbiltà għall-prodotti li jirriżultaw mill-użu tal-IA;
118. Jinnota li kull tifel u tifla jgawdu mid-dritt għal edukazzjoni pubblika ta' kwalità fil-livelli kollha; jappella, għalhekk, għall-iżvilupp, l-introduzzjoni u l-użu ta' sistemi tal-IA ta' kwalità li jiffaċilitaw u jipprovdu għodod edukattivi ta' kwalità għal kulħadd fil-livelli kollha u jisħaq li l-introduzzjoni ta' sistemi ġodda tal-IA fl-iskejjel m'għandhiex twassal għall-ħolqien ta' distakk diġitali usa' fis-soċjetà; jirrikonoxxi l-kontribut potenzjali enormi li l-IA u r-robotika jistgħu jagħtu għall-edukazzjoni; jinnota li s-sistemi ta' tagħlim personalizzati tal-IA m'għandhomx jissostitwixxu r-relazzjonijiet edukattivi li jinvolvu l-għalliema u li l-forom tradizzjonali tal-edukazzjoni m'għandhomx jitħallew jibqgħu lura, filwaqt li fl-istess ħin jirrimarka li l-appoġġ finanzjarju, teknoloġiku u edukattiv, inkluż it-taħriġ speċjalizzat fit-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni jridu jiġu pprovduti lill-għalliema li jfittxu li jiksbu ħiliet xierqa sabiex jadattaw għall-bidliet teknoloġiċi u mhux biss jisfruttaw il-potenzjal tal-IA iżda wkoll jifhmu l-limitazzjonijiet tagħha; jitlob li tiġi żviluppata strateġija fil-livell tal-Unjoni sabiex tgħin fit-trasformazzjoni u l-aġġornament tas-sistemi edukattivi tagħna, tħejji l-istituzzjonijiet edukattivi tagħna fil-livelli kollha u tgħammar lill-għalliema u lill-istudenti bil-ħiliet u l-kapaċitajiet meħtieġa;
119. Jenfasizza li l-istituzzjonijiet edukattivi għandhom jaraw li jużaw is-sistemi tal-IA għal skopijiet edukattivi li jkunu rċevew ċertifikat Ewropew ta' konformità etika;
120. Jenfasizza li l-opportunitajiet ipprovduti mid-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda ma jridux iwasslu għal telf globali ta' impjiegi fis-setturi kulturali u kreattivi, għal traskuraġni fir-rigward tal-konservazzjoni tax-xogħlijiet oriġinali u għal tnaqqis fl-aċċess tradizzjonali għall-wirt kulturali, li għandhom jitħeġġu bl-istess mod; jinnota li s-sistemi tal-IA żviluppati, introdotti u użati fl-Unjoni għandhom jirriflettu d-diversità kulturali tagħha u l-multilingwiżmu tagħha;
121. Jirrikonoxxi l-potenzjal dejjem akbar tal-IA fl-oqsma tal-informazzjoni, il-midja u l-pjattaformi online, inkluż bħala għodda fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni skont id-dritt tal-Unjoni; jissottolinja li, jekk ma tkunx regolata, jista' jkollha wkoll effetti etikament negattivi billi tisfrutta l-preġudizzju fid-data u l-algoritmi li jistgħu jwasslu għat-tixrid ta' diżinformazzjoni u għall-ħolqien ta' bżieżaq tal-informazzjoni; jisħaq fuq l-importanza tat-trasparenza u tal-obbligu ta' rendikont tal-algoritmi użati mill-pjattaformi ta' video-sharing (VSP) kif ukoll il-pjattaformi tal-istreaming, sabiex jiġi żgurat aċċess għal kontenut b'diversità kulturali u lingwistika;
Awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali
122. Jinnota l-valur miżjud li jinħatru awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali nominati f'kull Stat Membru responsabbli għall-iżgurar, il-valutazzjoni u l-monitoraġġ tal-konformità mal-obbligi legali u l-prinċipji etiċi għall-iżvilupp, l-introduzzjoni u l-użu ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati ta' riskju għoli, u b'hekk jikkontribwixxu għall-konformità legali u etika ta' dawn it-teknoloġiji;
123. Jemmen li dawn l-awtoritajiet jeħtiġilhom ikunu rikjesti, mingħajr ma jidduplikaw il-kompiti tagħhom, jikkooperaw mal-awtoritajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni settorjali sabiex jidentifikaw teknoloġiji li huma ta' riskju għoli minn perspettiva etika u sabiex jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa u xierqa fejn dawn it-teknoloġiji jiġu identifikati;
124. Jindika li tali awtoritajiet għandhom jikkooperaw mhux biss bejniethom iżda wkoll mal-Kummissjoni Ewropea u istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti oħra tal-Unjoni sabiex tiġi ggarantita azzjoni transfruntiera koerenti;
125. Jissuġġerixxi li, fil-kuntest ta' tali kooperazzjoni, jiġu żviluppati kriterji komuni u proċess ta' applikazzjoni għall-għoti ta' ċertifikat Ewropew ta' konformità etika, inkluż wara talba minn kwalunkwe żviluppatur, fornitur jew utent ta' teknoloġiji li mhumiex ikkunsidrati bħala ta' riskju għoli li jfittex li jiċċertifika l-valutazzjoni pożittiva tal-konformità mwettqa mill-awtorità ta' sorveljanza nazzjonali rispettiva;
126. Jitlob li awtoritajiet bħal dawn jiġu inkarigati li jippromwovu skambji regolari mas-soċjetà ċivili u l-innovazzjoni fl-Unjoni billi jipprovdu assistenza lir-riċerkaturi, lill-iżviluppaturi u lil partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, kif ukoll lil kumpaniji inqas maturi diġitalment, b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jew in-negozji l-ġodda; b'mod partikolari rigward is-sensibilizzazzjoni u l-appoġġ għall-iżvilupp, l-introduzzjoni, it-taħriġ u l-akkwist tat-talent biex jiġi żgurat trasferiment effiċjenti tat-teknoloġija u aċċess għat-teknoloġiji, il-proġetti, ir-riżultati u n-networks;
127. Jitlob finanzjament suffiċjenti minn kull Stat Membru tal-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali nominati tagħhom u jisħaq fuq il-ħtieġa li l-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza tas-suq jissaħħu f'termini ta' kapaċità, ħiliet u kompetenzi, kif ukoll għal għarfien dwar ir-riskji speċifiċi tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati;
Koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni
128. Jissottolinja l-importanza tal-koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni kif imwettqa mill-Kummissjoni u/jew minn kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju u aġenzija rilevanti tal-Unjoni li jistgħu jiġu nominati f'dan il-kuntest sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni, u l-importanza li jiġi żgurat approċċ armonizzat fl-Unjoni kollha; iqis li l-koordinazzjoni għandha tiffoka fuq il-mandati u l-azzjonijiet tal-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali f'kull Stat Membru kif imsemmi fis-subtaqsima preċedenti, kif ukoll fuq il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fost dawk l-awtoritajiet u l-kontribut għall-kooperazzjoni fir-rigward tar-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam fl-Unjoni kollha; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta u ssib l-aktar soluzzjoni xierqa sabiex tistruttura din il-koordinazzjoni; eżempji ta' istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji eżistenti rilevanti tal-Unjoni huma l-ENISA, il-KEPD u l-Ombudsman Ewropew;
129. Jemmen li tali koordinazzjoni, kif ukoll ċertifikazzjoni Ewropea ta' konformità etika, mhux biss ikunu ta' benefiċċju għall-iżvilupp tal-industrija u l-innovazzjoni tal-Unjoni f'dak il-kuntest, iżda jżidu wkoll is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini tagħna fir-rigward tal-opportunitajiet u r-riskji inerenti għal dawn it-teknoloġiji;
130. Jissuġġerixxi li jinħoloq ċentru ta' għarfien espert, li jġib flimkien id-dinja akkademika, ir-riċerka, l-industrija u esperti individwali fil-livell tal-Unjoni, biex irawwem l-iskambju ta' għarfien u għarfien espert tekniku, u biex jiffaċilita l-kollaborazzjoni fl-Unjoni kollha u lil hinn minnha; jitlob ukoll li dan iċ-ċentru ta' għarfien espert jinvolvi lill-organizzazzjonijiet ta' partijiet ikkonċernati, bħal organizzazzjonijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur, sabiex tiġi żgurata rappreżentazzjoni wiesgħa tal-konsumatur; iqis li minħabba l-impatt sproporzjonat possibbli ta' sistemi algoritmiċi fuq in-nisa u l-minoranzi, il-livelli ta' deċiżjoni ta' tali struttura għandhom ikunu varjati u jiżguraw bilanċ bejn il-ġeneri; jenfasizza li l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżviluppaw strateġiji ta' ġestjoni tar-riskju għall-IA fil-kuntest tal-istrateġiji nazzjonali tagħhom għas-sorveljanza tas-suq;
131. Jipproponi li l-Kummissjoni u/jew kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju u aġenzija rilevanti tal-Unjoni li jistgħu jiġu nnominati f'dan il-kuntest jipprovdu kwalunkwe assistenza meħtieġa lill-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali dwar ir-rwol tagħhom bħala l-ewwel punti ta' kuntatt f'każijiet ta' suspett ta' ksur tal-obbligi legali u l-prinċipji etiċi stabbiliti fil-qafas regolatorju tal-Unjoni għall-IA, inkluż il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni; għandhom jipprovdu wkoll kwalunkwe assistenza meħtieġa lill-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali f'każijiet fejn dawn tal-aħħar iwettqu valutazzjonijiet ta' konformità bil-ħsieb li jappoġġjaw id-dritt taċ-ċittadini li jikkontestaw u jirrimedjaw, jiġifieri billi jappoġġjaw, fejn applikabbli, il-konsultazzjoni ta' awtoritajiet kompetenti oħra fl-Unjoni, b'mod partikolari n-Network ta' Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-korpi nazzjonali għall-protezzjoni tal-konsumatur, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali li jinsabu fi Stati Membri oħra;
132. Jirrikonoxxi r-riżultat siewi tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, li jinkludi rappreżentanti mill-akkademja, mis-soċjetà ċivili u mill-industrija, kif ukoll l-Alleanza Ewropea għall-IA, b'mod partikolari "Il-Linji Gwida dwar l-Etika għall-Intelliġenza Artifiċjali Affidabbli", u jissuġġerixxi li jista' jipprovdi kompetenza lill-Kummissjoni u/jew lil kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija rilevanti tal-Unjoni li jistgħu jinħatru f'dan il-kuntest;
133. Jinnota l-inklużjoni ta' proġetti relatati mal-IA fl-ambitu tal-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP); jemmen li l-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) futur u l-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) jistgħu joffru wkoll oqfsa adattati tajjeb għal proġetti futuri relatati mal-IA li jistgħu jgħinu biex jissimplifikaw aktar l-isforzi tal-Unjoni f'dan il-qasam, u jippromwovu fl-istess ħin l-objettiv tal-Unjoni li ssaħħaħ id-drittijiet tal-bniedem, id-dritt internazzjonali, u s-soluzzjonijiet multilaterali; jisħaq li l-proġetti relatati mal-IA għandhom jiġu sinkronizzati mal-programmi ċivili usa' tal-Unjoni ddedikati għall-IA; jinnota li f'konformità mal-White Paper tal-Kummissjoni Ewropea tad-19 ta' Frar 2020 dwar iċ-ċentri ta' eċċellenza u ta' ttestjar tal-IA, li jikkonċentraw fuq ir-riċerka u l-iżvilupp tal-IA fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, għandhom jiġu stabbiliti bi speċifikazzjonijiet rigorużi li jirfdu l-parteċipazzjoni ta' partijiet ikkonċernati privati u l-investiment min-naħa ta' dawn tal-aħħar;
134. Jieħu nota tal-White Paper tal-Kummissjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali tad-19 ta' Frar 2020 u jiddispjaċih li l-aspetti militari ma tqisux; jistieden lill-Kummissjoni u lir-RGħ/VP jippreżentaw, anke bħala parti minn approċċ ġenerali, strateġija settorjali tal-IA għall-attivitajiet relatati mad-difiża fil-qafas tal-Unjoni, li tiżgura kemm ir-rispett tad-drittijiet taċ-ċittadini kif ukoll l-interessi strateġiċi tal-Unjoni, u li tkun ibbażata fuq approċċ konsistenti li jibda mis-sistemi mħaddma bl-IA sal-użi militari tagħhom, u li tistabbilixxi Grupp ta' Ħidma dwar is-sigurtà u d-difiża fil-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-Intelliġenza Artifiċjali li għandu jindirizza b'mod speċifiku kwistjonijiet ta' politika u ta' investiment, kif ukoll aspetti etiċi tal-IA fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża; jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-VP/RGħ biex jidħlu fi djalogu strutturat mal-Parlament għal dak il-għan;
Ċertifikazzjoni ta' konformità etika Ewropea
135. Jissuġġerixxi li jiġu żviluppati kriterji komuni u proċess ta' applikazzjoni relatati mal-għoti ta' ċertifikat Ewropew ta' konformità etika fil-kuntest tal-koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni, inkluż wara talba minn kwalunkwe żviluppatur, dak li jintroduċihom jew utent ta' teknoloġiji li ma jitqisux bħala ta' riskju għoli li jkun jixtieq jiċċertifika l-valutazzjoni pożittiva tal-konformità mwettqa mill-awtorità ta' sorveljanza nazzjonali rispettiva;
136. Jemmen li ċertifikat Ewropew ta' konformità etika bħal dan għandu jrawwem l-etika permezz tad-disinn tul il-katina kollha tal-provvista ta' ekosistemi ta' intelliġenza artifiċjali; jissuġġerixxi, għalhekk, li din iċ-ċertifikazzjoni tista' tkun, fil-każ ta' teknoloġiji ta' riskju għoli, prerekwiżit obbligatorju għall-eliġibbiltà għal proċeduri ta' akkwist pubbliku dwar l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati;
Kooperazzjoni internazzjonali
137. Huwa tal-fehma li kooperazzjoni transfruntiera effettiva u standards etiċi jistgħu jinkisbu biss jekk il-partijiet ikkonċernati kollha jimpenjaw ruħhom li jiżguraw l-azzjoni u s-sorveljanza mill-bniedem, ir-robustezza teknika u s-sikurezza, it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, id-diversità, in-nondiskriminazzjoni u l-ġustizzja, il-benesseri soċjetali u ambjentali u jirrispettaw il-prinċipji stabbiliti tal-privatezza, tal-governanza tad-data u tal-protezzjoni tad-data, speċifikament dawk minquxa fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
138. Jisħaq li l-obbligi legali u l-prinċipji etiċi tal-Unjoni għall-iżvilupp, l-introduzzjoni u l-użu ta' dawn it-teknoloġiji jistgħu jagħmlu lill-Ewropa mexxejja dinjija fis-settur tal-intelliġenza artifiċjali u għalhekk għandhom jiġu promossi madwar id-dinja billi jkun hemm kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali filwaqt li jitkompla d-djalogu kritiku u bbażat fuq l-etika ma' pajjiżi terzi li jkollhom mudelli alternattivi ta' regolamentazzjoni, ta' żvilupp u ta' użu tal-intelliġenza artifiċjali;
139. Ifakkar li l-opportunitajiet u r-riskji inerenti għal dawn it-teknoloġiji għandhom dimensjoni globali, peress li s-software u d-data li huma jużaw jiġu ta' spiss importati u esportati barra mill-Unjoni, u għalhekk hemm bżonn ta' approċċ ta' kooperazzjoni konsistenti fil-livell internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva biex tivvaluta liema trattati u ftehimiet bilaterali u multilaterali għandhom jiġu aġġustati biex jiġi żgurat approċċ konsistenti u jiġi globalment promoss il-mudell Ewropew ta' konformità etika;
140. Jiġbed l-attenzjoni għall-valur miżjud tal-koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni kif imsemmi hawn fuq f'dan il-kuntest ukoll;
141. Jitlob li jiġu stabbiliti sinerġiji u networks bejn id-diversi ċentri ta' riċerka Ewropej dwar l-IA, kif ukoll fora multilaterali oħra, bħall-Kunsill tal-Ewropa, l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO), l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU), sabiex l-isforzi tagħhom jiġu allinjati u biex jiġi kkoordinat aħjar l-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali, tar-robotika u tat-teknoloġiji relatati;
142. Jissottolinja li l-Unjoni jeħtiġilha tkun minn ta' quddiem fl-appoġġ ta' sforzi multilaterali biex jiġi diskuss, fil-qafas tal-Grupp ta' Esperti Governattivi tas-CCW tan-NU u fora rilevanti oħra, qafas regolatorju internazzjonali effettiv li jiżgura kontroll uman sinifikattiv fuq is-sistemi ta' armi awtonomi sabiex dawk it-teknoloġiji jiġu kkontrollati billi jiġu stabbiliti proċessi ddefiniti tajjeb, ibbażati fuq parametri referenzjarji, u tiġi adottata leġiżlazzjoni għall-użu etiku tagħhom, b'konsultazzjoni ma' partijiet ikkonċernati bħal dawk tal-militar, tal-industrija, tal-infurzar tal-liġi, tal-akkademja u tas-soċjetà ċivili, biex ikun hemm fehim tal-aspetti etiċi relatati u biex jiġu mmitigati r-riskji inerenti ta' tali teknoloġiji u jiġi evitat l-użu għal skopijiet malizzjużi;
143. Jirrikonoxxi r-rwol tan-NATO fil-promozzjoni tas-sigurtà Ewro-Atlantika u jappella għal kooperazzjoni fin-NATO għall-istabbiliment ta' standards komuni u interoperabbiltà tas-sistemi tal-IA fid-difiża; jisħaq li r-relazzjoni transatlantika hija importanti għall-preservazzjoni tal-valuri kondiviżi u fil-ġlieda kontra t-theddid futur u emerġenti;
144. Jisħaq fuq l-importanza tal-ħolqien ta' kodiċi ta' kondotta etiku li jirfed l-użu ta' sistemi li jużaw l-armi mħaddma bl-IA f'operazzjonijiet militari, simili għall-qafas regolatorju eżistenti li jipprojbixxi l-użu ta' armi kimiċi u bijoloġiċi; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tagħti bidu għall-ħolqien ta' standards dwar l-użu ta' sistemi tal-armi mħaddma bl-IA fil-gwerer skont id-dritt umanitarju internazzjonali, u li l-Unjoni għandha tirsisti fuq l-adozzjoni internazzjonali ta' standards bħal dawn; iqis li l-Unjoni għandha tinvolvi ruħha fid-diplomazija tal-IA f'fora internazzjonali ma' sħab tal-istess fehma bħall-G7, il-G20, u l-OECD;
Aspetti finali
145. Jikkonkludi, wara r-riflessjonijiet ta' hawn fuq dwar aspetti relatati mad-dimensjoni etika tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, li d-dimensjonijiet legali u etiċi għandhom ikunu minquxa f'qafas regolatorju effettiv, li jħares 'il quddiem u komprensiv fil-livell tal-Unjoni, appoġġjat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, ikkoordinat u msaħħaħ mill-Kummissjoni u/jew minn kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju u aġenzija rilevanti tal-Unjoni li jistgħu jinħatru f'dan il-kuntest b'mod regolari bl-appoġġ taċ-ċentru ta' kompetenza possibbli msemmi hawn fuq u debitament irrispettat u ċċertifikat fis-suq intern;
146. Skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta għal Regolament dwar prinċipji etiċi għall-iżvilupp, l-introduzzjoni u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati fuq il-bażi tal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u bbażat fuq ir-rakkomandazzjonijiet dettaljati stabbiliti fl-anness għal dan ir-rapport; jirrimarka li l-proposta m'għandhiex iddgħajjef il-leġiżlazzjoni speċifika għas-settur iżda għandha tkopri biss lakuni identifikati;
147. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea, wara li tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, tirrevedi, jekk ikun meħtieġ, il-liġi tal-Unjoni eżistenti applikabbli għall-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati sabiex tiġi indirizzata l-ħeffa tal-iżvilupp tagħhom f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-anness għal dan ir-rapport, billi tevita r-regolamentazzjoni żejda, inkluż għall-SMEs;
148. Jemmen li valutazzjoni u rieżami perjodiċi, fejn meħtieġ, tal-qafas regolatorju tal-Unjoni relatat mal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati se jkunu essenzjali biex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni applikabbli tkun aġġornata bil-pass mgħaġġel tal-progress teknoloġiku;
149. Iqis li l-proposta leġiżlattiva mitluba jkollha implikazzjonijiet finanzjarji jekk jiġi pprovdut xi korp Ewropew inkarigat bil-funzjonijiet ta' koordinazzjoni msemmija hawn fuq biex jiżgura l-mezzi tekniċi u r-riżorsi umani meħtieġa biex iwettaq il-kompiti attribwiti ġodda tiegħu;
150. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati annessi magħha lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.
ANNESS GĦALL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI: RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA
A. PRINĊIPJI U OBJETTIVI TAL-PROPOSTA MITLUBA
I. Il-prinċipji u l-għanijiet ewlenin tal-proposta huma:
˗ li tinbena fiduċja fil-livelli kollha tal-partijiet ikkonċernati involuti u tas-soċjetà fl-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, speċjalment meta dawn jitqiesu li huma ta' riskju għoli;
˗ li jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati fl-Unjoni, inkluż billi jiġu megħjuna n-negozji, in-negozji ġodda u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju biex jivvalutaw u jindirizzaw b'ċertezza r-rekwiżiti u r-riskji regolatorji attwali u futuri matul il-proċess ta' innovazzjoni u ta' żvilupp tan-negozju, u matul il-fażi sussegwenti tal-użu minn professjonisti u individwi privati, billi jitnaqqsu l-piżijiet u l-burokrazija;
˗ li jiġi appoġġjat il-varar tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati fl-Unjoni billi jiġi pprovdut il-qafas regolatorju xieraq u proporzjonat li għandu japplika mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni settorjali eżistenti jew futura, bil-għan li tiġi mħeġġa ċ-ċertezza regolatorja u l-innovazzjoni filwaqt li jiġu ggarantiti d-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tal-konsumatur;
˗ li jiġi appoġġjat l-użu tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati fl-Unjoni billi jiġi żgurat li dawn jiġu żviluppati, varati u użati b'mod li jkun konformi mal-prinċipji etiċi;
˗ li jkunu meħtieġa trasparenza u flussi ta' informazzjoni aħjar fost iċ-ċittadini u fl-organizzazzjonijiet li jiżviluppaw, ivaraw jew jużaw l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati bħala mezz biex jiġi żgurat li dawn it-teknoloġiji jkunu konformi mad-dritt tal-Unjoni, mad-drittijiet u l-valuri fundamentali u mal-prinċipji etiċi tal-proposta għal Regolament mitluba.
II. Il-proposta tikkonsisti mill-elementi li ġejjin:
˗ "Regolament dwar prinċipji etiċi għall-iżvilupp, il-varar u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati"; ir-rwol ta' koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni mill-Kummissjoni u/jew kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċji u aġenzija rilevanti tal-Unjoni li jistgħu jinħatru f'dan il-kuntest u ċertifikazzjoni Ewropea tal-konformità etika;
˗ ir-rwol ta' appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea;
˗ ir-rwol tal-"Awtorità ta' Sorveljanza" f'kull Stat Membru biex jiġi żgurat li l-prinċipji etiċi jiġu applikati għall-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati;
˗ l-involviment u l-konsultazzjoni ta' proġetti ta' riċerka u żvilupp rilevanti u tal-partijiet ikkonċernati, inklużi n-negozji ġodda, l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, in-negozji, is-sħab soċjali u rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivika, kif ukoll l-għoti ta' appoġġ lilhom;
˗ anness li jistabbilixxi lista eżawrjenti u kumulattiva ta' setturi ta' riskju għoli u użi u għanijiet ta' riskju għoli;
III. Ir-"Regolament dwar prinċipji etiċi għall-iżvilupp, il-varar u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati" jibbaża fuq il-prinċipji li ġejjin:
˗ l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati ċċentrati fuq il-bniedem, magħmula mill-bniedem u kkontrollati mill-bniedem;
˗ il-valutazzjoni tal-konformità obbligatorja tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati ta' riskju għoli;
˗ is-sikurezza, it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont;
˗ is-salvagwardji u r-rimedji kontra l-preġudizzju u d-diskriminazzjoni;
˗ id-dritt għal rimedju;
˗ ir-responsabbiltà soċjali u l-bilanċ bejn il-ġeneri fl-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati;
˗ l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati li jkunu ambjentalment sostenibbli;
˗ ir-rispett għall-privatezza u l-limitazzjonijiet fl-użu tar-rikonoxximent bijometriku;
˗ il-governanza tajba relatata mal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, inkluża d-data użata jew prodotta minn tali teknoloġiji.
IV. Għall-finijiet ta' koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni u/jew kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju u aġenzija rilevanti tal-Unjoni li jistgħu jinħatru f'dan il-kuntest għandhom iwettqu l-kompiti ewlenin li ġejjin:
˗ jikkooperaw fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-proposta għal Regolament mitluba u tal-liġi settorjali rilevanti tal-Unjoni;
˗ jikkooperaw rigward il-ħruġ ta' gwida dwar l-applikazzjoni konsistenti tal-proposta għal Regolament mitluba, jiġifieri l-applikazzjoni tal-kriterji għal intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati li għandhom jitqiesu bħala ta' riskju għoli u tal-lista ta' setturi ta' riskju għoli u użi u skopijiet ta' riskju għoli stabbiliti fl-anness għar-Regolament;
˗ jikkooperaw mal-"Awtorità ta' Sorveljanza" f'kull Stat Membru dwar l-iżvilupp ta' ċertifikat Ewropew ta' konformità mal-prinċipji etiċi u l-obbligi legali kif stabbiliti fil-proposta għal Regolament mitluba u fid-dritt rilevanti tal-Unjoni, kif ukoll l-iżvilupp ta' proċess ta' applikazzjoni għal kull żviluppatur, fornitur jew utent ta' teknoloġiji li mhumiex meqjusa bħala ta' riskju għoli li jkun qed ifittex li jiċċertifika l-konformità tagħhom mal-proposta għal Regolament mitluba;
˗ jikkooperaw fir-rigward tal-appoġġ għall-kooperazzjoni transsettorjali u transfruntiera permezz ta' skambji regolari mal-partijiet ikkonċernati u s-soċjetà ċivili, fl-UE u fid-dinja, b'mod partikolari man-negozji, is-sħab soċjali, ir-riċerkaturi u l-awtoritajiet kompetenti, inkluż fir-rigward tal-iżvilupp ta' standards tekniċi fil-livell internazzjonali;
˗ jikkooperaw mal-"Awtorità ta' Sorveljanza" f'kull Stat Membru fir-rigward tal-istabbiliment ta' linji gwida vinkolanti dwar il-metodoloġija li għandha tiġi segwita għall-valutazzjoni tal-konformità li għandha titwettaq minn kull "Awtorità ta' Sorveljanza";
˗ jikkooperaw rigward il-kuntatt mal-"Awtorità ta' Sorveljanza" f'kull Stat Membru u l-koordinazzjoni l-mandat u l-kompiti tagħhom;
˗ jikkooperaw fis-sensibilizzazzjoni, l-għoti ta' informazzjoni u l-involviment tagħhom fi skambji ma' żviluppaturi, fornituri u utenti fl-Unjoni kollha;
˗ jikkooperaw fis-sensibilizzazzjoni, l-għoti ta' informazzjoni, il-promozzjoni tal-litteriżmu diġitali, it-taħriġ u l-ħiliet u l-involviment tagħhom fi skambji ma' disinjaturi, żviluppaturi, fornituri, ċittadini, utenti u korpi istituzzjonali madwar l-Unjoni u internazzjonalment;
˗ jikkooperaw rigward il-koordinazzjoni ta' qafas komuni għall-governanza tal-iżvilupp, il-varar u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati li għandhom jiġu implimentati mill-"Awtorità ta' Sorveljanza" f'kull Stat Membru;
˗ jikkooperaw biex iservu bħala ċentru għall-għarfien espert billi jippromwovu l-iskambju ta' informazzjoni u jappoġġjaw l-iżvilupp ta' fehim komuni fis-Suq Uniku;
˗ jikkooperaw fir-rigward tal-ospitar ta' Grupp ta' Ħidma dwar is-Sigurtà u d-Difiża.
V. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha twettaq il-kompiti li ġejjin:
˗ tfassal u sussegwentement taġġorna, permezz ta' atti delegati, lista komuni ta' teknoloġiji ta' riskju għoli identifikati fl-Unjoni b'kooperazzjoni mal-"Awtorità ta' Sorveljanza" f'kull Stat Membru;
˗ taġġorna, permezz ta' atti delegati, il-lista prevista fl-Anness għar-Regolament.
VI. L-"Awtorità ta' Sorveljanza" f'kull Stat Membru għandha twettaq il-kompiti ewlenin li ġejjin:
˗ tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju stabbilit fil-proposta għal Regolament mitlub f'kooperazzjoni mal-"Awtorità ta' Sorveljanza" fl-Istati Membri l-oħra, kif ukoll ma' awtoritajiet oħra responsabbli għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni settorjali, il-Kummissjoni u/jew kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju u aġenzija rilevanti tal-Unjoni li jistgħu jiġu nnominati f'dan il-kuntest, jiġifieri fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterji tal-valutazzjoni tar-riskju previsti fil-proposta għal Regolament mitlub u tal-lista ta' setturi ta' riskju għoli u ta' użi jew skopijiet ta' riskju għoli stabbiliti fl-anness għalih, u s-superviżjoni sussegwenti tal-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa u xierqa fejn teknoloġiji ta' riskju għoli jiġu identifikati bħala riżultat ta' tali applikazzjoni;
˗ tivvaluta jekk l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn dawn it-teknoloġiji, żviluppati, varati u użati fl-Unjoni għandhomx jitqiesu bħala teknoloġiji ta' riskju għoli f'konformità mal-kriterji tal-valutazzjoni tar-riskju previsti fil-proposta għal Regolament mitlub u fil-lista stabbilita fl-anness għalih;
˗ toħroġ ċertifikat Ewropew ta' konformità mal-prinċipji etiċi u l-obbligi legali kif stabbiliti fil-proposta għar-Regolament mitlub u d-dritt rilevanti tal-Unjoni, inkluż meta dan jirriżulta minn proċess ta' applikazzjoni għal kwalunkwe żviluppatur, fornitur jew utent ta' teknoloġiji li mhumiex meqjusa bħala ta' riskju għoli sabiex jiċċertifika l-konformità tagħhom mal-proposta għal Regolament mitlub, kif żviluppata mill-Kummissjoni u/jew kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju u aġenzija rilevanti tal-Unjoni li jistgħu jinħatru f'dan il-kuntest;
˗ tivvaluta u timmonitorja l-konformità tagħhom mal-prinċipji etiċi u l-obbligi legali kif stabbiliti fil-proposta għal Regolament mitlub u d-dritt rilevanti tal-Unjoni;
˗ tkun responsabbli għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' standards għall-governanza tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, inkluż billi tikkoordina u torganizza djalogu regolari mal-partijiet ikkonċernati kollha u mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili; għal dak il-għan, tikkoopera mal-Kummissjoni u ma' kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju u aġenzija rilevanti tal-Unjoni li jistgħu jinħatru f'dan il-kuntest fir-rigward tal-koordinazzjoni ta' qafas komuni fil-livell tal-Unjoni;
˗ tqajjem kuxjenza, tagħti informazzjoni dwar l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati lill-pubbliku, u tappoġġja t-taħriġ ta' professjonijiet rilevanti, inkluż fil-ġudikatura, biex b'hekk iċ-ċittadini u l-ħaddiema jingħataw il-litteriżmu, il-ħiliet u l-għodod diġitali meħtieġa għal tranżizzjoni ġusta;
˗ isservi bħala l-ewwel punt ta' kuntatt f'każijiet ta' suspett ta' ksur tal-obbligi legali u l-prinċipji etiċi stabbiliti fil-proposta għal Regolament mitlub u twettaq valutazzjoni tal-konformità f'każijiet bħal dawn; fil-kuntest ta' din il-valutazzjoni tal-konformità, hija tista' tikkonsulta u/jew tinforma lil awtoritajiet kompetenti oħra fl-Unjoni, b'mod partikolari n-Network ta' Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, il-korpi nazzjonali għall-protezzjoni tal-konsumatur, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali.
VII. Ir-rwol ewlieni tal-partijiet ikkonċernati għandu jkun li jinvolvu ruħhom mal-Kummissjoni u ma' kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju u aġenzija rilevanti tal-Unjoni li jistgħu jinħatru f'dan il-kuntest u mal-"Awtorità ta' Sorveljanza" f'kull Stat Membru.
B. TEST TAL-PROPOSTA LEĠIŻLATTIVA MITLUBA
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar prinċipji etiċi għall-iżvilupp, il-varar u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1) L-iżvilupp, il-varar u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji, jenħtieġ li jkunu bbażati fuq ix-xewqa li jservu lis-soċjetà. Tali teknoloġiji jistgħu jinvolvu opportunitajiet u riskji, li jenħtieġ li jiġu indirizzati u regolati minn qafas regolatorju komprensiv fil-livell tal-Unjoni, li jirrifletti prinċipji etiċi, li għandhom jiġu mħarsa mill-mument tal-iżvilupp u l-varar ta' tali teknoloġiji sal-użu tagħhom.
(2) Il-konformità ma' tali qafas regolatorju rigward l-iżvilupp, il-varar u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji fl-Unjoni jenħtieġ li jkunu ta' livell li huwa ekwivalenti fl-Istati Membri kollha, sabiex jinħatfu l-opportunitajiet b'mod effiċjenti u jiġu indirizzati r-riskji ta' teknoloġiji bħal dawn b'mod konsistenti, kif ukoll biex tiġi evitata l-frammentazzjoni regolatorja. Jenħtieġ li jiġi żgurat li r-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament jiġu applikati fl-Unjoni kollha b'mod omoġenju.
(3) F'dan il-kuntest, id-diversità attwali tar-regoli u l-prattiki li għandhom jiġu segwiti fl-Unjoni kollha tippreżenta riskju sinifikanti ta' frammentazzjoni tas-Suq Uniku u għall-protezzjoni tal-benesseri u l-prosperità tal-individwi u, b'mod simili, tas-soċjetà, kif ukoll għall-esplorazzjoni koerenti tal-potenzjal sħiħ li l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati għandhom fil-promozzjoni u l-preservazzjoni tal-benesseri u l-prosperità. Id-differenzi fil-grad ta' kif tiġi kkunsidrata d-dimensjoni etika inerenti għal dawn it-teknoloġiji min-naħa tal-iżviluppaturi, dawk li jvarawhom u l-utenti jistgħu jwaqqfuhom milli jiġu żviluppati, varati jew użati b'mod liberu fl-Unjoni u tali differenzi jistgħu jikkostitwixxu ostaklu għal kundizzjonijiet ekwi u għas-segwitu ta' progress teknoloġiku u attivitajiet ekonomiċi fil-livell tal-Unjoni, iwasslu għal distorsjonijiet fil-kompetizzjoni u jimpedixxu lill-awtoritajiet milli jwettqu l-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-assenza ta' qafas regolatorju komuni, li jirrifletti prinċipji etiċi, għall-iżvilupp, il-varar u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati jirriżulta f'inċertezza legali għal dawk kollha involuti, b'mod partikolari l-iżviluppaturi, dawk li jvarawhom u l-utenti.
(4) Madankollu, filwaqt li jikkontribwixxi għal approċċ koerenti fil-livell tal-Unjoni u fil-limiti stabbiliti minnu, dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprovdi marġni ta' manuvrar għall-Istati Membri, inkluż fir-rigward ta' kif għandu jitwettaq il-mandat tal-awtorità ta' sorveljanza nazzjonali rispettiva tagħhom fid-dawl tal-objettivi li għandha tikseb kif stabbilit hawnhekk.
(5) Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni settorjali eżistenti jew futura. Jenħtieġ li jkun proporzjonat fir-rigward tal-objettiv tiegħu sabiex ma jfixkilx bla bżonn l-innovazzjoni fl-Unjoni u jkun f'konformità ma' approċċ ibbażat fuq ir-riskju.
(6) Il-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku ta' tali qafas jenħtieġ li jkopri l-komponenti kollha tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati matul l-iżvilupp, il-varar u l-użu tagħhom fl-Unjoni, inkluż f'każijiet fejn partijiet mit-teknoloġiji jistgħu jkunu barra mill-Unjoni jew ma jkollhomx post speċifiku jew uniku, bħal fil-każ tas-servizzi tal-cloud computing.
(7) Huwa meħtieġ fehim komuni fl-Unjoni ta' kunċetti bħall-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika, it-teknoloġiji relatati u r-rikonoxximent bijometriku sabiex jippermetti approċċ regolatorju unifikat u b'hekk ċertezza tad-dritt kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għall-kumpaniji. Dawn jenħtieġ li jkunu teknoloġikament newtrali u soġġetti għal rieżami kull meta jkun meħtieġ.
(8) Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat il-fatt li hemm teknoloġiji relatati mal-intelliġenza artifiċjali u r-robotika li jippermettu lis-software jikkontrolla l-proċessi fiżiċi jew virtwali, fi grad differenti ta' awtonomija[13]. Pereżempju, għas-sewqan awtomatizzat tal-vetturi, ġew proposti sitt livelli ta' awtomatizzazzjoni tas-sewqan mill-Istandard Internazzjonali SAE J3016.
(9) L-iżvilupp, il-varar u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji, jenħtieġ li jikkomplementaw il-kapaċitajiet umani u mhux jissostitwixxuhom u jiżguraw li l-eżekuzzjoni tagħhom ma tmurx kontra l-aħjar interessi taċ-ċittadini, u li tikkonforma mad-dritt tal-Unjoni, mad-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ("il-Karta"), il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u strumenti Ewropej u internazzjonali oħrajn li japplikaw fl-Unjoni.
(10) Id-deċiżjonijiet li jittieħdu jew li jiġu informati mill-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati jenħtieġ li jibqgħu soġġetti għal rieżami, sinifikattiv, ġudizzju, intervent u kontroll mill-bniedem. Il-kumplessità teknika u operattiva ta' tali teknoloġiji jenħtieġ li qatt ma żżomm lil dak li jvarahom jew l-utent tagħhom milli jkunu jistgħu, tal-inqas, jagħlquhom b'mod sigur, jibdluhom jew iwaqqfuhom milli jaħdmu, jew jerġgħu lura għal stat preċedenti billi jirrestawraw funzjonalitajiet siguri f'każijiet fejn il-konformità mad-dritt tal-Unjoni u mal-prinċipji etiċi u l-obbligi legali stabbiliti f'dan ir-Regolament tkun f'riskju.
(11) L-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati li l-iżvilupp, il-varar u l-użu tagħhom jinvolvu riskju sinifikanti li jikkawżaw korriment jew ħsara lill-individwi jew lis-soċjetà bi ksur tad-drittijiet fundamentali u tar-regoli tas-sikurezza kif stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni, jenħtieġ li jitqiesu bħala teknoloġiji ta' riskju għoli. Għall-finijiet tal-valutazzjoni tagħhom bħala tali, jenħtieġ li jiġi kkunsidrat is-settur fejn jiġu żviluppati, varati jew użati, l-użu jew l-iskop speċifiku tagħhom u s-severità tal-korriment jew ħsara li tista' tkun mistennija li sseħħ. Il-grad ta' severità jenħtieġ li jiġi determinat abbażi tal-firxa tal-korriment jew ħsara potenzjali, l-għadd ta' persuni affettwati, il-valur totali tal-ħsara kkawżata u l-ħsara lis-soċjetà kollha kemm hi. Tipi severi ta' korriment u ħsara huma, pereżempju, ksur tad-drittijiet tat-tfal, tal-konsumaturi jew tal-ħaddiema li, minħabba l-firxa tagħhom, l-għadd ta' tfal, konsumaturi jew ħaddiema affettwati jew l-impatt tagħhom fuq is-soċjetà kollha kemm hi jinvolvu riskju sinifikanti ta' ksur tad-drittijiet fundamentali u tar-regoli tas-sikurezza kif stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprovdi lista eżawrjenti u kumulattiva ta' setturi ta' riskju għoli, u użi u skopijiet ta' riskju għoli.
(12) L-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament, speċifikament dawk li jirrigwardaw teknoloġiji ta' riskju għoli, jenħtieġ li japplikaw biss għall-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji, żviluppati, varati jew użati fl-Unjoni, li, wara l-valutazzjoni tar-riskju prevista f'dan ir-Regolament, jitqiesu bħala ta' riskju għoli. Tali obbligi għandhom jiġu mħarsa mingħajr preġudizzju għall-obbligu ġenerali li kwalunkwe intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġija relatata, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użata jew prodotta minn teknoloġiji bħal dawn, jenħtieġ li jiġu żviluppati, varati u użati fl-Unjoni b'mod iċċentrat fuq il-bniedem u bbażati fuq il-prinċipji tal-awtonomija tal-bniedem u s-sikurezza tal-bniedem skont id-dritt tal-Unjoni u b'rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali bħad-dinjità tal-bniedem, id-dritt għal-libertà u s-sigurtà u d-dritt għall-integrità tal-persuna.
(13) It-teknoloġiji ta' riskju għoli jenħtieġ li jirrispettaw il-prinċipji tas-sikurezza, it-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont, in-nuqqas ta' preġudizzju jew in-nondiskriminazzjoni, ir-responsabbiltà soċjali u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-dritt għal rimedju, is-sostenibbiltà ambjentali, il-privatezza u l-governanza tajba, wara valutazzjoni tar-riskju imparzjali, oġġettiva u esterna mill-awtorità ta' sorveljanza nazzjonali skont il-kriterji previsti f'dan ir-Regolament u fil-lista stabbilita fl-anness għalih. Din il-valutazzjoni jenħtieġ li tqis il-fehmiet u kull awtovalutazzjoni li ssir mill-iżviluppatur jew mill-fornitur.
(14) Il-Kummissjoni u/jew kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju u aġenzija rilevanti tal-Unjoni li jistgħu jinħatru għal dan il-għan jenħtieġ li jħejju linji gwida ta' implimentazzjoni mhux vinkolanti għall-iżviluppaturi, dawk li jvarawhom u l-utenti dwar il-metodoloġija għall-konformità ma' dan ir-Regolament. Meta jagħmlu dan, huma jenħtieġ li jikkonsultaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti.
(15) Jenħtieġ li jkun hemm koerenza fl-Unjoni fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskju ta' dawn it-teknoloġiji, speċjalment fil-każ li jiġu vvalutati kemm fid-dawl ta' dan ir-Regolament kif ukoll f'konformità ma' kwalunkwe leġiżlazzjoni speċifika għas-settur applikabbli. Għaldaqstant, l-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali jenħtieġ li jinfurmaw lil awtoritajiet oħra li jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju skont kwalunkwe leġiżlazzjoni speċifika għas-settur meta dawn it-teknoloġiji jiġu vvalutati bħala ta' riskju għoli wara l-valutazzjoni tar-riskju prevista f'dan ir-Regolament.
(16) Biex ikunu affidabbli, l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati affidabbli, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji jenħtieġ li jiġu żviluppati, varati u użati b'mod sikur, trasparenti u responsabbli skont il-karatteristiċi ta' sikurezza tar-robustezza, ir-reżiljenza, is-sigurtà, il-preċiżjoni u l-identifikazzjoni tal-iżball, l-ispjegabbiltà, l-interpretazzjoni, l-awditjar, it-trasparenza u l-identifikazzjoni, u b'mod li jkun possibbli li l-funzjonalitajiet ikkonċernati jiġu temporanjament diżattivati jew li wieħed imur lura għal stat preċedenti li jirrestawra funzjonalitajiet siguri, f'każijiet ta' nuqqas ta' konformità ma' dawk il-karatteristiċi. It-trasparenza jenħtieġ li tiġi żgurata billi jiġi permess l-aċċess lill-awtoritajiet pubbliċi, meta jkun strettament meħtieġ, għat-teknoloġija, id-data u s-sistemi tal-informatika sottostanti għal dawn it-teknoloġiji.
(17) L-iżviluppaturi, dawk li jvarawhom u l-utenti tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, speċjalment it-teknoloġiji ta' riskju għoli, huma responsabbli fi gradi differenti għall-konformità mal-prinċipji tas-sikurezza, it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont sal-livell tal-involviment tagħhom fit-teknoloġiji kkonċernati, inkluż is-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji. L-iżviluppaturi jenħtieġ li jiżguraw li t-teknoloġiji kkonċernati jkunu ddisinjati u mibnija f'konformità mal-karatteristiċi ta' sikurezza stabbiliti f'dan ir-Regolament, filwaqt li dawk li jvarawhom u l-utenti jenħtieġ li jvaraw u jużaw it-teknoloġiji kkonċernati b'rispett sħiħ għal dawk il-karatteristiċi. Għal dan il-għan, l-iżviluppaturi ta' teknoloġiji ta' riskju għoli jenħtieġ li jevalwaw u jantiċipaw ir-riskji ta' użu ħażin li jistgħu jkunu raġonevolment mistennija fir-rigward tat-teknoloġiji li jiżviluppaw. Huma jeħtiġilhom jiżguraw ukoll li s-sistemi li jiżviluppaw jindikaw il-probabbiltà ta' żbalji jew ineżattezzi sa fejn ikun possibbli u permezz ta' mezzi xierqa, bħal messaġġi ta' ċaħda ta' responsabbiltà.
(18) L-iżviluppaturi u dawk li jvarawhom jenħtieġ li jagħmlu disponibbli għall-utenti kull aġġornament sussegwenti tat-teknoloġiji kkonċernati, b'mod partikolari f'termini ta' software, kif stipulat minn kuntratti jew kif stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali. Barra minn hekk, fejn valutazzjoni tar-riskju tindika hekk, l-iżviluppaturi u dawk li jvarawhom jenħtieġ li jipprovdu lill-awtoritajiet pubbliċi d-dokumentazzjoni rilevanti dwar l-użu tat-teknoloġiji kkonċernati u l-istruzzjonijiet tas-sikurezza f'dak ir-rigward, inkluż, fejn strettament meħtieġ u b'rispett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, il-privatezza u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u s-sigrieti kummerċjali, il-kodiċi tas-sors, l-għodod tal-iżvilupp u d-data użati mis-sistema.
(19) L-individwi għandhom id-dritt li jistennew li t-teknoloġija li jużaw taħdem b'mod raġonevoli u tirrispetta l-fiduċja tagħhom. Il-fiduċja taċ-ċittadini fl-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji, tiddependi mill-fehim u l-komprensjoni tal-proċessi tekniċi. Il-grad ta' spjegabbiltà ta' tali proċessi jenħtieġ li jiddependi mill-kuntest ta' dawk il-proċessi tekniċi, u mis-severità tal-konsegwenzi ta' riżultat żbaljat jew mhux eżatt, u jrid ikun biżżejjed biex wieħed jikkontestahom u jfittex rimedju. Il-kapaċità ta' awditjar, ta' traċċabbiltà u trasparenza jenħtieġ li tindirizza kull nuqqas ta' fehim possibbli ta' tali teknoloġiji.
(20) Il-fiduċja tas-soċjetà fl-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji, tiddependi mill-punt sa fejn huma permessi l-valutazzjoni, il-kapaċità ta' awditjar u t-traċċabbiltà tagħhom fit-teknoloġiji kkonċernati. Meta l-firxa tal-involviment tagħhom tkun tirrikjedi dan, l-iżviluppaturi jenħtieġ li jiżguraw li tali teknoloġiji jiġu ddisinjati u magħmula b'mod li jippermetti tali valutazzjoni, awditjar u traċċabbiltà. Fil-limiti ta' dak li huwa teknikament possibbli, l-iżviluppaturi, dawk li jvarawhom u l-utenti jenħtieġ li jiżguraw li l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati jiġu varati u użati b'rispett sħiħ tar-rekwiżiti ta' trasparenza, u jippermettu l-awditjar u t-traċċabbiltà.
(21) Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, iċ-ċittadini jenħtieġ li jiġu infurmati meta sistema tuża l-intelliġenza artifiċjali, meta sistemi ta' intelliġenza artifiċjali jippersonalizzaw prodott jew servizz għall-utenti tagħha, jekk jistgħux jitfu kif ukoll jillimitaw il-personalizzazzjoni u meta jkollhom teknoloġija awtomatizzata ta' teħid ta' deċiżjonijiet. Barra minn hekk, il-miżuri ta' trasparenza jenħtieġ li jkunu akkumpanjati, sa fejn dan ikun teknikament possibbli, minn spjegazzjonijiet ċari u li jinftiehmu tad-data użata u tal-algoritmu, l-iskop tagħha, l-eżiti tagħha u l-perikli potenzjali tagħha.
(22) Il-preġudizzju fis-software, l-algoritmi u d-data u d-diskriminazzjoni min-naħa tagħhom huma kontra l-liġi u jenħtieġ li jiġu indirizzati billi jiġu rregolati l-proċessi li permezz tagħhom jiġu ddisinjati u varati. Il-preġudizzju jista' joriġina kemm minn deċiżjonijiet infurmati jew magħmula minn sistema awtomatizzata kif ukoll minn settijiet ta' data li fuqhom ikun ibbażat it-tali teħid ta' deċiżjonijiet jew li permezz tagħhom tkun imħarrġa s-sistema.
(23) Is-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti mill-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati jenħtieġ li jitqiesu li mhumiex imparzjali fejn, pereżempju, juru riżultati subottimali fir-rigward ta' kwalunkwe persuna jew grupp ta' persuni, abbażi ta' perċezzjoni personali jew soċjali preġudikata u pproċessar sussegwenti ta' data relatata mal-karatteristiċi tagħhom.
(24) F'konformità mad-dritt tal-Unjoni, is-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti mill-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati jenħtieġ li jitqiesu bħala diskriminatorji meta jipproduċu eżiti li jkollhom effetti negattivi sproporzjonati u jirriżultaw fi trattament differenti ta' persuna jew grupp ta' persuni, inkluż billi jpoġġuhom fi żvantaġġ meta mqabbla ma' oħrajn, abbażi ta' raġunijiet bħall-karatteristiċi personali tagħhom, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva jew raġonevoli u irrispettivament minn kwalunkwe dikjarazzjoni ta' newtralità tat-teknoloġiji.
(25) F'konformità mad-dritt tal-Unjoni, għanijiet leġittimi li, fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, jistgħu jitqiesu li jiġġustifikaw b'mod oġġettiv xi trattament differenzjali bejn persuni jew grupp ta' persuni huma l-protezzjoni tas-sikurezza pubblika, is-sigurtà u s-saħħa, il-prevenzjoni ta' reati kriminali, il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, ir-rappreżentanza ġusta u r-rekwiżiti oġġettivi għal okkupazzjoni professjonali.
(26) Jenħtieġ li l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji, jikkontribwixxu għal-progress sostenibbli. Jenħtieġ li dawn it-teknoloġiji ma jmorrux kontra l-kawża ta' preservazzjoni tal-ambjent jew tat-tranżizzjoni ekoloġika. Huma jistgħu jaqdu rwol importanti fil-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli deskritti min-Nazzjonijiet Uniti bil-ħsieb li l-ġenerazzjonijiet futuri jkunu jistgħu jirnexxu. Dawn it-teknoloġiji jistgħu jappoġġjaw il-monitoraġġ ta' progress adegwat abbażi ta' indikaturi tas-sostenibbiltà u tal-koeżjoni soċjali, u bl-użu ta' għodod ta' riċerka u innovazzjoni responsabbli li jirrikjedu l-mobilizzazzjoni ta' riżorsi mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha biex jappoġġjaw u jinvestu fi proġetti li jindirizzaw dawk l-għanijiet.
(27) Jenħtieġ li l-iżvilupp, il-varar u l-użu ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji, bl-ebda mod ma jikkawżaw bi skop jew jaċċettaw bi pjan korriment jew dannu ta' kwalunkwe tip lill-individwi jew lis-soċjetà. Għaldaqstant, it-teknoloġiji ta' riskju għoli b'mod partikolari jenħtieġ li jiġu żviluppati, varati u użati b'mod soċjalment responsabbli.
(28) Għaldaqstant, l-iżviluppaturi, dawk li jvarawhom u l-utenti jenħtieġ li jinżammu responsabbli, sal-limitu tal-involviment tagħhom fl-intelliġenza artifiċjali, fir-robotika u fit-teknoloġiji relatati kkonċernati, u f'konformità mar-regoli tal-Unjoni u dawk nazzjonali dwar ir-responsabbiltà, għal kwalunkwe korriment jew dannu kkawżat lill-individwi u lis-soċjetà.
(29) B'mod partikolari, l-iżviluppaturi li jieħdu deċiżjonijiet li jiddeterminaw u jikkontrollaw il-kors jew il-manjiera tal-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, kif ukoll dawk li jvarawhom li jkunu involuti fil-varar tagħhom billi jieħdu deċiżjonijiet dwar tali varar u billi jeżerċitaw kontroll fuq ir-riskji assoċjati jew jibbenefikaw minn tali varar, b'funzjoni ta' kontroll jew amministrattiva, jenħtieġ li ġeneralment jitqiesu responsabbli biex jevitaw l-okkorrenza ta' kwalunkwe korriment jew dannu bħal dan u dan billi jistabbilixxu miżuri adegwati matul il-proċess ta' żvilupp u billi jirrispettaw bir-reqqa dawn il-miżuri matul il-fażi ta' varar, rispettivament.
(30) Intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati li jkunu soċjalment responsabbli, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji, jistgħu jiġu ddefiniti bħala teknoloġiji li jikkontribwixxu biex jinstabu soluzzjonijiet li jissalvagwardjaw u jippromwovu għanijiet differenti rigward is-soċjetà, b'mod partikolari d-demokrazija, is-saħħa u l-prosperità ekonomika, l-opportunitajiet ugwali, id-drittijiet tal-ħaddiema u dawk soċjali, midja varjata u indipendenti u informazzjoni oġġettiva u disponibbli liberament, li jippermettu dibattitu pubbliku, edukazzjoni ta' kwalità, diversità lingwistika u kulturali, bilanċ bejn il-ġeneri, litteriżmu diġitali, innovazzjoni u kreattività. Hemm dawk ukoll li huma żviluppati, varati u użati b'kunsiderazzjoni xierqa għall-impatt finali tagħhom fuq il-benesseri fiżiku u mentali taċ-ċittadini u li ma jippromwovux id-diskors ta' mibegħda jew il-vjolenza. Dawn l-għanijiet jenħtieġ li jinkisbu b'mod partikolari permezz ta' teknoloġiji ta' riskju għoli.
(31) Jenħtieġ li l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati jiġu żviluppati, varati u użati wkoll bil-ħsieb li jappoġġjaw l-inklużjoni soċjali, id-demokrazija, il-pluralità, is-solidarjetà, il-ġustizzja, l-ugwaljanza u l-kooperazzjoni u jenħtieġ li l-potenzjal tagħhom f'dak il-kuntest jiġi mmassimizzat u esplorat permezz ta' proġetti ta' riċerka u innovazzjoni. Jenħtieġ li għaldaqstant l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jimmobilizzaw ir-riżorsi ta' komunikazzjoni, amministrattivi u finanzjarji tagħhom bil-għan li jappoġġjaw u jinvestu f'tali proġetti.
(32) Jenħtieġ li l-proġetti relatati mal-potenzjal tal-intelliġenza artifiċjali, tar-robotika u tat-teknoloġiji relatati li jittrattaw il-kwistjoni tal-benesseri soċjali, jitwettqu abbażi ta' għodod ta' riċerka u innovazzjoni responsabbli sabiex tiġi ggarantita konformità mal-prinċipji etiċi ta' dawk il-proġetti mill-bidu nett.
(33) L-iżvilupp, il-varar u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji, jenħtieġ li jqisu l-impronta ambjentali tagħhom. F'konformità mal-obbligi stabbiliti fid-dritt applikabbli tal-Unjoni, jenħtieġ li teknoloġiji bħal dawn ma jikkawżawx ħsara lill-ambjent matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom u tul il-katina kollha tal-provvista tagħhom u jenħtieġ li jiġu żviluppati, varati u użati b'mod li jippreserva l-ambjent, jimmitiga u jirrimedja l-impronta ambjentali tagħhom, jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni ekoloġika u jappoġġja l-kisba tal-objettivi tan-newtralità klimatika u tal-ekonomija ċirkolari.
(34) Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, l-iżviluppaturi, dawk li jvarawhom u l-utenti jenħtieġ li jinżammu responsabbli, sal-limitu tal-involviment rispettiv tagħhom fl-iżvilupp, il-varar jew l-użu ta' kwalunkwe intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġija kkunsidrati bħala ta' riskju għoli, għal kwalunkwe ħsara kkawżata lill-ambjent skont ir-regoli dwar ir-responsabbiltà ambjentali applikabbli.
(35) Jenħtieġ ukoll li dawn it-teknoloġiji jiġu żviluppati, varati u użati bil-ħsieb li jappoġġjaw il-kisba tal-għanijiet ambjentali f'konformità mal-obbligi stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni applikabbli, bħat-tnaqqis fil-produzzjoni tal-iskart, il-limitar tal-marka tal-karbonju, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-preservazzjoni tal-ambjent, u l-potenzjal tagħhom, f'dak il-kuntest, jenħtieġ li jiġi mmassimizzat u esplorat permezz ta' proġetti ta' riċerka u innovazzjoni. Għaldaqstant jenħtieġ li l-Unjoni u l-Istati Membri jimmobilizzaw ir-riżorsi ta' komunikazzjoni, amministrattivi u finanzjarji tagħhom bil-għan li jappoġġjaw u jinvestu f'tali proġetti.
(36) Jenħtieġ li l-proġetti relatati mal-potenzjal tal-intelliġenza artifiċjali, tar-robotika u tat-teknoloġiji relatati li jindirizzaw it-tħassib ambjentali, jitwettqu abbażi ta' għodod ta' riċerka u innovazzjoni responsabbli sabiex mill-bidu tiġi ggarantita l-konformità ta' dawn il-proġetti mal-prinċipji etiċi.
(37) Jenħtieġ li kwalunkwe intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġija relatata, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji, żviluppati, varati u użati fl-Unjoni, jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-privatezza u l-protezzjoni ta' data personali. Jenħtieġ li, b'mod partikolari, l-iżvilupp, il-varar u l-użu tagħhom isir f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[14] u mad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[15].
(38) B'mod partikolari, jenħtieġ li l-limiti etiċi tal-użu ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji, jitqiesu kif dovut meta jintużaw teknoloġiji ta' rikonoxximent mill-bogħod, bħar-rikonoxximent tal-karatteristiċi bijometriċi, b'mod partikolari r-rikonoxximent tal-wiċċ, sabiex individwi jiġu identifikati awtomatikament. Meta dawn it-teknoloġiji jintużaw mill-awtoritajiet pubbliċi għal raġunijiet ta' interess pubbliku sostanzjali, jiġifieri biex tiġi ggarantita s-sigurtà tal-individwi u biex jiġu indirizzati emerġenzi nazzjonali, u mhux biex tiġi ggarantita s-sigurtà tal-proprjetajiet, l-użu jenħtieġ li dejjem ikun żvelat, proporzjonat, immirat u limitat għal objettivi speċifiċi u ristrett fiż-żmien skont id-dritt tal-Unjoni u b'kunsiderazzjoni xierqa għad-dinjità u l-awtonomija tal-bniedem u għad-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta. Il-kriterji u l-limiti għal dak l-użu jenħtieġ li jkunu soġġetti għal rieżami ġudizzjarju u sottomessi għal skrutinju demokratiku u dibattitu li jinvolvi lis-soċjetà ċivili.
(39) Governanza li hija bbażata fuq standards rilevanti ssaħħaħ is-sikurezza u tippromwovi ż-żieda fil-fiduċja taċ-ċittadini fl-iżvilupp, il-varar u l-użu ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji.
(40) L-awtoritajiet pubbliċi jenħtieġ li jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt dwar id-drittijiet fundamentali qabel ma jvaraw teknoloġiji ta' riskju għoli li jipprovdu appoġġ għal deċiżjonijiet li jittieħdu fis-settur pubbliku u li jkollhom impatt dirett u sinifikanti fuq id-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadini.
(41) Fost l-istandards ta' governanza rilevanti eżistenti hemm, pereżempju, il-"Linji Gwida dwar l-Etika għal IA Affidabbli" abbozzati mill-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-Intelliġenza Artifiċjali stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea u kwalunkwe standard tekniku ieħor bħal dawk adottati fil-livell Ewropew mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN), il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) u l-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI) u fil-livell internazzjonali mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) u l-Istitut tal-Inġiniera tal-Elettriku u l-Elettronika (IEEE).
(42) Il-kondiviżjoni u l-użu ta' data minn bosta parteċipanti huma sensittivi u jenħtieġ, għaldaqstant, li l-iżvilupp, il-varar u l-użu ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati jiġu rregolati minn regoli, standards u protokolli rilevanti li jirriflettu r-rekwiżiti tal-kwalità, l-integrità, is-sigurtà, l-affidabbiltà, il-privatezza u l-kontroll. Jenħtieġ li l-istrateġija ta' governanza tad-data tiffoka fuq l-ipproċessar, il-kondiviżjoni u l-aċċess għal tali data, inklużi l-ġestjoni, il-kapaċità ta' awditjar u t-traċċabbiltà xierqa tagħha, u tiggarantixxi l-protezzjoni adegwata ta' data li tappartjeni għal gruppi vulnerabbli, inklużi persuni b'diżabilitajiet, pazjenti, tfal, minoranzi u migranti jew gruppi oħrajn f'riskju ta' esklużjoni. Barra minn hekk, l-iżviluppaturi, dawk li jvarawhom u l-utenti jenħtieġ li jkunu jistgħu, fejn rilevanti, joqogħdu fuq indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni fil-valutazzjoni tas-settijiet tad-data li jużaw għall-finijiet tat-tisħiħ tal-affidabbiltà tat-teknoloġiji li jiżviluppaw, ivaraw u jużaw.
(43) Jenħtieġ li l-Istati Membri jaħtru awtorità amministrattiva indipendenti biex taġixxi bħala awtorità ta' sorveljanza. B'mod partikolari, kull awtorità nazzjonali ta' sorveljanza jenħtieġ li tkun responsabbli għall-identifikazzjoni ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati meqjusa bħala ta' riskju għoli fid-dawl tal-kriterji tal-valutazzjoni tar-riskju previsti f'dan ir-Regolament u għall-valutazzjoni u l-monitoraġġ tal-konformità ta' dawn it-teknoloġiji mal-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament.
(44) Kull awtorità ta' sorveljanza nazzjonali jenħtieġ ukoll li terfa' r-responsabbiltà tal-governanza tajba ta' dawn it-teknoloġiji taħt il-koordinazzjoni tal-Kummissjoni u/jew ta' kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija rilevanti tal-Unjoni li jistgħu jinħatru għal dan il-għan. Għaldaqstant dawn għandhom rwol importanti fil-promozzjoni tal-fiduċja u tas-sikurezza taċ-ċittadini tal-Unjoni, kif ukoll biex jippermettu soċjetà demokratika, pluralistika u ekwa.
(45) Għall-finijiet tal-valutazzjoni tat-teknoloġiji li huma ta' riskju għoli skont dan ir-Regolament u l-monitoraġġ tal-konformità tagħhom miegħu, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali jikkooperaw, fejn applikabbli, mal-awtoritajiet responsabbli għall-valutazzjoni u l-monitoraġġ ta' dawn it-teknoloġiji u għall-infurzar tal-konformità tagħhom mal-leġiżlazzjoni settorjali.
(46) Jenħtieġ li l-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali jinvolvu ruħhom f'kooperazzjoni sostanzjali u regolari bejniethom kif ukoll mal-Kummissjoni Ewropea u ma' istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti oħra tal-Unjoni, sabiex tiġi garantita azzjoni transfruntiera koerenti u jkunu possibbli l-iżvilupp, il-varar u l-użu konsistenti ta' dawn it-teknoloġiji fi ħdan l-Unjoni f'konformità mal-prinċipji etiċi u l-obbligi legali stabbiliti f'dan ir-Regolament.
(47) Fil-kuntest ta' tali kooperazzjoni u bil-ħsieb li tinkiseb armonizzazzjoni sħiħa fil-livell tal-Unjoni, l-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali jenħtieġ li jassistu lill-Kummissjoni fit-tfassil ta' lista komuni u eżawrjenti ta' intelligence artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati ta' riskju għoli f'konformità mal-kriterji previsti f'dan ir-Regolament u fl-Anness għalih. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi żviluppat proċess ta' għoti għall-ħruġ ta' ċertifikat Ewropew ta' konformità etika, inkluż proċess ta' applikazzjoni volontarja għal kull żviluppatur, fornitur jew utent ta' teknoloġiji li ma jkunux ikkunsidrati bħala ta' riskju għoli li jkunu jixtiequ jiċċertifikaw il-konformità tagħhom ma' dan ir-Regolament.
(48) Jenħtieġ li l-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali jiżguraw il-ġbir ta' għadd massimu ta' partijiet ikkonċernati, bħall-industrija, in-negozji, is-sħab soċjali, ir-riċerkaturi, il-konsumaturi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u jipprovdu forum pluralistiku għar-riflessjoni u l-iskambju ta' fehmiet sabiex jinkisbu konklużjonijiet komprensibbli u preċiżi bħala gwida ta' kif il-governanza tiġi rregolata.
(49) Jenħtieġ li l-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali jiżguraw il-ġbir ta' għadd massimu ta' partijiet ikkonċernati, bħall-industrija, in-negozji, is-sħab soċjali, ir-riċerkaturi, il-konsumaturi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u jipprovdu forum pluralistiku għar-riflessjoni u l-iskambju ta' fehmiet, sabiex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u l-kollaborazzjoni bejniethom, b'mod partikolari minn esperti akkademiċi, esperti fir-riċerka, fl-industrija, esperti tas-soċjetà ċivili u esperti individwali, sabiex jinkisbu konklużjonijiet komprensibbli u preċiżi bħala gwida ta' kif il-governanza tiġi rregolata.
(50) Barra minn hekk, jenħtieġ li dawn l-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali jipprovdu gwida u appoġġ amministrattivi professjonali lill-iżviluppaturi, lil dawk li jvarawhom u lill-utenti, b'mod partikolari lill-intrapriżi żgħar u medji jew lin-negozji ġodda, li jiffaċċjaw sfidi fir-rigward tal-konformità mal-prinċipji etiċi u l-obbligi legali stabbiliti f'dan ir-Regolament.
(51) Il-Kummissjoni u/jew kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju u aġenzija rilevanti tal-Unjoni li jistgħu jinħatru għal dan il-għan jenħtieġ li jistabbilixxu linji gwida vinkolanti dwar il-metodoloġija li għandha tintuża mill-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali meta jwettqu l-valutazzjoni tal-konformità tagħhom.
(52) L-iżvelar ta' informazzjoni protetta jwassal il-ksur potenzjali u reali tad-dritt tal-Unjoni għand l-awtoritajiet bil-għan li jipprevjeni korriment, dannu jew ħsara li altrimenti jistgħu jseħħu. Barra minn hekk, il-proċeduri ta' rapportar itejbu l-fluss ta' informazzjoni fi ħdan il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet, u b'hekk itaffu r-riskju li jiġu żviluppati prodotti jew servizzi difettużi jew żbaljati. Jenħtieġ li l-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet li jiżviluppaw, ivaraw jew jużaw intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati, inkluża d-data użata jew prodotta minn dawn it-teknoloġiji, jistabbilixxu mezzi ta' rapportar u jenħtieġ li l-persuni li jirrapportaw ksur jiġu protetti mir-ritaljazzjoni.
(53) L-iżvilupp rapidu ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn dawn it-teknoloġiji, kif ukoll ta' tagħlim awtomatiku tekniku, il-proċessi ta' raġunament u teknoloġiji sottostanti oħra ta' dan l-iżvilupp, huma imprevedibbli. B'hekk, huwa kemm xieraq kif ukoll meħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' rieżami li skontu, flimkien mar-rapportar tagħha dwar l-applikazzjoni tar-Regolament, il-Kummissjoni jeħtiġilha tippreżenta b'mod regolari rapport dwar il-modifika possibbli tal-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
(54) Minħabba li l-objettiv ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta' qafas regolatorju komuni ta' prinċipji etiċi u obbligi legali għall-iżvilupp, il-varar u l-użu ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati fl-Unjoni, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda aktar jista' jintlaħaq, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.
(55) Il-koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni kif stabbilit f'dan ir-Regolament tinkiseb l-aħjar mill-Kummissjoni u/jew kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju u aġenzija rilevanti tal-Unjoni li jistgħu jinħatru f'dan il-kuntest sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni u tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ għalhekk li l-Kummissjoni tingħata l-kompitu li ssib soluzzjoni xierqa biex din il-koordinazzjoni tiġi strutturata fil-livell tal-Unjoni bil-għan li jiġu kkoordinati l-mandati u l-azzjonijiet tal-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali f'kull Stat Membru, jiġifieri fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskju tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, l-istabbiliment ta' qafas komuni għall-governanza tal-iżvilupp, il-varar u l-użu ta' dawn it-teknoloġiji, l-iżvilupp u l-ħruġ ta' ċertifikazzjoni ta' konformità mal-prinċipji etiċi u l-obbligi legali stabbiliti f'dan ir-Regolament, l-appoġġ għal skambji regolari mal-partijiet ikkonċernati u s-soċjetà ċivili u l-ħolqien ta' ċentru ta' għarfien espert, li jlaqqa' flimkien lill-akkademiċi, lir-riċerka, lill-industrija u lil esperti individwali fil-livell tal-Unjoni biex jitrawwem l-iskambju ta' għarfien u kompetenza teknika, u l-promozzjoni tal-approċċ tal-Unjoni permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali u l-iżgurar ta' tweġiba konsistenti mad-dinja kollha għall-opportunitajiet u r-riskji inerenti f'dawn it-teknoloġiji.
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Kapitolu I
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 1
Skop
Il-fini ta' dan ir-Regolament hija li jiġi stabbilit qafas regolatorju tal-Unjoni komprensiv u li jibqa' validu fil-futur ta' prinċipji etiċi u obbligi legali għall-iżvilupp, il-varar u l-użu ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati fl-Unjoni.
Artikolu 2
Kamp ta' applikazzjoni
Dan ir-Regolament japplika għall-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji, li jiġu żviluppati, varati jew użati fl-Unjoni.
Artikolu 3
Kamp ta' applikazzjoni ġeografiku
Dan ir-Regolament japplika għall-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati fejn kwalunkwe parti minnhom tiġi żviluppata, varata jew użata fl-Unjoni, irrispettivament minn jekk is-software, l-algoritmi jew id-data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji jinsabux barra mill-Unjoni jew ma jkollhomx lokazzjoni ġeografika speċifika.
Artikolu 4
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) "intelliġenza artifiċjali" tfisser sistema li hija jew ibbażata fuq software jew inkorporata f'tagħmir tal-hardware, u li turi mġiba intelliġenti billi, fost l-oħrajn, tiġbor, tipproċessa, tanalizza u tinterpreta l-ambjent tagħha, u billi tieħu azzjoni, b'xi grad ta' awtonomija, biex tikseb għanijiet speċifiċi[16];
(b) "awtonomija" tfisser sistema tal-IA li topera billi tinterpreta ċertu input u tuża sett ta' struzzjonijiet stabbiliti minn qabel, mingħajr ma tkun limitata għal dawn l-istruzzjonijiet, minkejja li l-imġiba tas-sistema tkun limitata mill-għan li tkun ingħatat u minn għażliet oħra rilevanti ta' disinn magħmula mill-iżviluppatur tagħha u mmirata biex tilħaq dak l-għan u dawk l-għażliet;
(c) "robotika" tfisser teknoloġiji li jippermettu lil magni kkontrollati b'mod awtomatiku, li jistgħu jiġu pprogrammati mill-ġdid u bi skopijiet multipli[17] iwettqu azzjonijiet fid-dinja fiżika li tradizzjonalment jitwettqu mill-bnedmin inkluż permezz ta' intelliġenza artifiċjali jew teknoloġiji relatati;
(d) "teknoloġiji relatati" tfisser teknoloġiji li jippermettu lil software jikkontrolla, bi grad ta' awtonomija parzjali jew sħiħ, proċess fiżiku jew virtwali, teknoloġiji li kapaċi jidentifikaw data bijometrika, ġenetika jew data oħra, u teknoloġiji li jikkupjaw jew jagħmlu użu ieħor minn karatteristiċi umani;
(e) "riskju għoli" tfisser riskju sinifikanti li jirriżulta mill-iżvilupp, il-varar u l-użu ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati li jikkawżaw korriment jew ħsara lil individwi jew lis-soċjetà bi ksur tad-drittijiet fundamentali u r-regoli tas-sikurezza kif stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni, b'kunsiderazzjoni tal-użu jew tal-iskop speċifiku tagħhom, tas-settur fejn jiġu żviluppati, varati jew użati u tas-severità tal-korriment jew ħsara li tista' tkun mistennija li sseħħ;
(f) "żvilupp" tfisser il-kostruzzjoni u d-disinn ta' algoritmi, il-kitba u d-disinn ta' software jew il-ġbir, il-ħżin u l-ġestjoni ta' data bil-ħsieb tal-ħolqien jew tat-taħriġ ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati jew bil-ħsieb tal-ħolqien ta' applikazzjoni ġdida għal intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati eżistenti;
(g) "żviluppatur" tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tieħu deċiżjonijiet li jiddeterminaw u jikkontrollaw il-perkors jew il-mod tal-iżvilupp ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati;
(h) "varar" tfisser it-tħaddim u l-ġestjoni ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati, kif ukoll it-tqegħid tagħhom fis-suq jew mod ieħor li bih ikunu magħmula disponibbli għall-utenti;
(i) "fornitur" tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun involuta fil-varar speċifiku ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati li jkollha funzjoni ta' kontroll jew ta' ġestjoni billi tieħu deċiżjonijiet, teżerċita kontroll fuq ir-riskju u tibbenefika minn tali varar;
(j) "użu" tfisser kwalunkwe azzjoni relatata ma' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati għajr l-iżvilupp jew il-varar;
(k) "utent" tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tuża intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati għajr għal finijiet ta' żvilupp jew varar;
(l) "preġudizzju" tfisser kwalunkwe perċezzjoni personali jew soċjali preġudikata ta' persuna jew grupp ta' persuni abbażi tax-xeħtiet personali tagħhom;
(m) "diskriminazzjoni" tfisser kwalunkwe trattament differenzjali ta' persuna jew grupp ta' persuni abbażi ta' raġuni li ma għandha ebda ġustifikazzjoni oġġettiva jew raġonevoli u għaldaqstant hija pprojbita mid-dritt tal-Unjoni;
(n) "korriment jew ħsara" tfisser, inkluż fejn ikkawżati minn diskors ta' mibegħda, preġudizzju, diskriminazzjoni jew stigmatizzazzjoni, korriment fiżiku jew mentali, ħsara materjali jew immaterjali bħal telf finanzjarju jew ekonomiku, telf ta' impjieg jew opportunità ta' edukazzjoni, restrizzjoni eċċessiva fuq il-libertà tal-għażla jew tal-espressjoni jew it-telf tal-privatezza, u kwalunkwe ksur tad-dritt tal-Unjoni li jkun ta' detriment għal persuna;
(o) "governanza tajba" tfisser il-mod li bih jiġi żgurat li l-istandards u l-protokolli adegwati u raġonevoli ta' komportament jiġu adottati u osservati mill-iżviluppaturi, dawk li jvarawhom u l-utenti, abbażi ta' sett formali ta' regoli, proċeduri u valuri, u li jippermettilhom li jittrattaw b'mod xieraq il-kwistjonijiet etiċi kif jew qabel ma jinħolqu.
Artikolu 5
Prinċipji etiċi ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati
1. Kwalunkwe intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji, għandhom jiġu żviluppati, varati u użati fl-Unjoni skont id-dritt tal-Unjoni u b'rispett sħiħ tad-dinjità, l-awtonomija u s-sikurezza tal-bniedem u ta' drittijiet fundamentali oħrajn stabbiliti fil-Karta.
2. Kwalunkwe pproċessar ta' data personali li jsir fl-iżvilupp, il-varar u l-użu ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati, inkluża d-data personali derivata minn data mhux personali u data bijometrika, għandu jitwettaq f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE.
3. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jinkoraġġixxu proġetti ta' riċerka maħsuba biex jipprovdu soluzzjonijiet, ibbażati fuq l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, li jfittxu li jippromwovu l-inklużjoni soċjali, id-demokrazija, il-pluralità, is-solidarjetà, il-ġustizzja, l-ugwaljanza u l-kooperazzjoni.
Kapitolu II
Obbligi għal teknoloġiji ta' riskju għoli
Artikolu 6
Obbligi għal teknoloġiji ta' riskju għoli
1. Id-dispożizzjonijiet f'dan il-Kapitolu għandhom japplikaw biss għall-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji, li jiġu żviluppati, varati jew użati fl-Unjoni u li jitqiesu ta' riskju għoli.
2. Kwalunkwe intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġija relatata ta' riskju għoli, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji, għandhom jiġu żviluppati, varati u użati b'mod li jiżgura li ma jiksrux il-prinċipji etiċi stipulati f'dan ir-Regolament.
Artikolu 7
Intelliġenza artifiċjali ċċentrata fuq il-bniedem u magħmula mill-bniedem
1. Kwalunkwe teknoloġija ta' riskju għoli, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji, għandhom jiġu żviluppati, varati u użati b'mod li jiżgura s-sorveljanza sħiħa mill-bniedem fi kwalunkwe ħin.
2. It-teknoloġiji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu żviluppati, varati u użati b'mod li jippermetti li jinkiseb mill-ġdid il-kontroll sħiħ mill-bniedem meta jkun meħtieġ, inkluż permezz tat-tibdil jew tal-waqfien ta' dawk it-teknoloġiji.
Artikolu 8
Sikurezza, trasparenza u obbligu ta' rendikont
1. Kwalunkwe intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġija relatata, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji għandhom ikunu żviluppati, varati u użati b'mod li jiżgura li jkunu:
(a)żviluppati, varati u użati b'mod reżiljenti sabiex jiżguraw livell adegwat ta' sigurtà billi jaderixxu ma' linji bażi minimi taċ-ċibersigurtà proporzjonati għar-riskju identifikat, u livell li jipprevjeni kwalunkwe vulnerabbiltà teknika milli tiġi sfruttata għal skopijiet malizzjużi jew illegali;
(b) żviluppati, varati u użati b'mod sigur li jiżgura li jkun hemm salvagwardji li jinkludu pjan u azzjoni ta' riżerva f'każ ta' riskju ta' sikurezza jew ta' sigurtà;
(c) żviluppati, varati u użati b'mod li jiżgura prestazzjoni affidabbli kif raġonevolment mistenni mill-utent fir-rigward tal-kisba tal-għanijiet u tat-twettiq tal-attivitajiet li jkunu ġew maħsuba għalihom, inkluż billi jiġi żgurat li l-operazzjonijiet kollha jkunu jistgħu jiġu riprodotti;
(d) żviluppati, varati u użati b'mod li jiżgura li l-prestazzjoni tal-għanijiet u tal-attivitajiet tat-teknoloġiji partikolari tkun preċiża; jekk xi ineżattezzi okkażjonali ma jkunux jistgħu jiġu evitati, is-sistema għandha tindika sa fejn ikun possibbli, il-probabbiltà ta' żbalji u ineżattezzi lil dawk li jvarawhom u lill-utenti permezz ta' mezzi xierqa;
(e) żviluppati, varati u użati b'mod li jista' jiġi spjegat faċilment sabiex jiġi żgurat li jista' jkun hemm rieżami tal-proċessi tekniċi tat-teknoloġiji;
(f) żviluppati, varati u użati b'tali mod li jinfurmaw lill-utenti li dawn ikunu qegħdin jinteraġixxu ma' sistemi ta' intelliġenza artifiċjali filwaqt li jiżvelaw kif dovut u b'mod komprensiv il-kapaċitajiet, il-preċiżjoni u l-limitazzjonijiet tagħhom lill-iżviluppaturi, lil dawk li jvarawhom u lill-utenti tal-intelliġenza artifiċjali;
(g) f'konformità mal-Artikolu 6, żviluppati, varati u użati b'mod li jagħmilha possibbli, f'każ ta' nonkonformità mal-fatturi tas-sikurezza stipulati fis-subparagrafi (a) sa (g), li l-funzjonalitajiet ikkonċernati jiġu temporanjament diżattivati u jerġa' jiġi stabbilit stat preċedenti li jirrestawra l-funzjonalitajiet sikuri.
2. F'konformità mal-Artikolu 6(1), it-teknoloġiji msemmija fil-paragrafu 1, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji, għandhom jiġu żviluppati, varati u użati b'mod trasparenti u traċċabbli sabiex l-elementi, il-proċessi u l-fażijiet tagħhom jiġu ddokumentati skont l-ogħla standards possibbli u applikabbli, u sabiex ikun possibbli għall-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali msemmija fl-Artikolu 14 li jivvalutaw il-konformità ta' tali teknoloġiji mal-obbligi stipulati f'dan ir-Regolament. B'mod partikolari, l-iżviluppatur, dak li jvarahom jew l-utent ta' dawk it-teknoloġiji għandu jkun responsabbli għall-konformità, u jkun kapaċi juriha, mal-fatturi tas-sikurezza stipulati fil-paragrafu 1.
3. L-iżviluppatur, dak li jvarahom jew l-utent tat-teknoloġiji msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiżgura li l-miżuri meħuda biex jiżgura l-konformità mal-fatturi tas-sikurezza stabbiliti fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu awditjati mill-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali msemmija fl-Artikolu 14 jew, fejn applikabbli, korpi ta' sorveljanza settorjali nazzjonali jew Ewropej.
Artikolu 9
Imparzjalità u nondiskriminazzjoni
1. Kwalunkwe software, algoritmu jew data użati jew prodotti minn intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati ta' riskju għoli li jiġu żviluppati, varati jew użati fl-Unjoni għandhom ikunu imparzjali u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, ma jiddiskriminawx abbażi ta' razza, ġeneru, orjentazzjoni sesswali, tqala, diżabilità, fatturi fiżiċi jew ġenetiċi, età, minoranza nazzjonali, oriġini etnika jew soċjali, lingwa, reliġjon jew twemmin, fehmiet politiċi jew parteċipazzjoni ċivika, ċittadinanza, status ċivili jew ekonomiku, edukazzjoni jew rekord kriminali.
2. B'deroga mill-paragrafi 1 u 2, u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Unjoni li jirregola d-diskriminazzjoni illegali, kwalunkwe trattament differenzjali bejn persuni jew gruppi ta' persuni jista' jiġi ġġustifikat biss meta jkun hemm mira oġġettiva, raġonevoli u leġittima li tkun kemm proporzjonata kif ukoll meħtieġa sakemm ma tkunx teżisti alternattiva li tikkawża inqas interferenza mal-prinċipju ta' trattament ugwali.
Artikolu 10
Responsabbiltà soċjali u ugwaljanza bejn il-ġeneri
Kwalunkwe intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġija relatata ta' riskju għoli, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji, żviluppati, varati u użati fl-Unjoni, għandhom jiġu żviluppati, varati u użati f'konformità mad-dritt, il-prinċipji u l-valuri rilevanti tal-Unjoni, b'mod li ma jinterferixxix fl-elezzjonijiet jew ma jikkontribwixxix għat-tixrid tad-diżinformazzjoni, jirrispetta d-drittijiet tal-ħaddiema, jippromwovi edukazzjoni ta' kwalità u litteriżmu diġitali, ma jżidx id-distakk bejn il-ġeneri billi jipprevjeni opportunitajiet indaqs għal kulħadd u jirrispetta d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u kwalunkwe limitazzjoni jew eċċezzjoni għalihom.
Artikolu 11
Sostenibbiltà ambjentali
Kwalunkwe intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati ta' riskju għoli, inklużi s-software, algoritmi u data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji, għandhom jiġu vvalutati fir-rigward tas-sostenibbiltà ambjentali tagħhom mill-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali msemmija fl-Artikolu 14 jew, fejn applikabbli, korpi oħrajn ta' sorveljanza settorjali nazzjonali jew Ewropej, billi jiżguraw li jiġu stabbiliti miżuri biex itaffu u jirrimedjaw l-impatt ġenerali tagħhom f'dak li jirrigwarda r-riżorsi naturali, il-konsum tal-enerġija, il-produzzjoni tal-iskart, il-marka tal-karbonju, l-emerġenza tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali applikabbli, kif ukoll ma' kwalunkwe impenn ambjentali internazzjonali ieħor li ħadet l-Unjoni.
Artikolu 12
Rispett għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali
L-użu u l-ġbir ta' data bijometrika għal finijiet ta' identifikazzjoni mill-bogħod f'żoni pubbliċi, bħar-rikonoxximent bijometriku jew tal-wiċċ, iġorr riskji speċifiċi għad-drittijiet fundamentali u għandhom jiġu varati jew użati biss mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri għal finijiet sostanzjali ta' interess pubbliku. Dawk l-awtoritajiet għandhom jiżguraw li tali varar jew użu jiġi żvelat lill-pubbliku u li jkun proporzjonat, immirat u limitat għal objettivi u postijiet speċifiċi u ristrett fiż-żmien, f'konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali, b'mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE, u b'kunsiderazzjoni xierqa għad-dinjità u l-awtonomija tal-bniedem u għad-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta, jiġifieri d-drittijiet għar-rispett tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali.
Artikolu 13
Dritt għal rimedju
Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha d-dritt li tfittex rimedju għal korriment jew ħsara kkawżati mill-iżvilupp, il-varar u l-użu ta' intelliġenza artifiċjali ta' riskju għoli, robotika u teknoloġiji relatati, inklużi software, algoritmi u data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji, li jiksru d-dritt tal-Unjoni u l-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament.
Artikolu 14
Valutazzjoni tar-riskji
1. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji, għandhom jitqiesu bħala teknoloġiji ta' riskju għoli meta, wara valutazzjoni tar-riskju bbażata fuq kriterji oġġettivi bħall-użu jew l-iskop speċifiku tagħhom, is-settur fejn jiġu żviluppati, varati jew użati u s-severità tal-korriment jew tal-ħsara possibbli kkawżati, l-iżvilupp, il-varar jew l-użu tagħhom jinvolvi riskju sinifikanti li jiġi kkawżat korriment jew ħsara li jistgħu jkunu mistennija li jseħħu lil individwi jew lis-soċjetà bi ksur tad-drittijiet fundamentali u r-regoli tas-sikurezza kif stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni.
2. Mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni settorjali applikabbli, il-valutazzjoni tar-riskju tal-intelliġenza artifiċjali, tar-robotika u tat-teknoloġiji relatati, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji, għandha ssir skont il-kriterji oġġettivi previsti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u fil-lista eżawrjenti u kumulattiva stabbilita fl-Anness għal dan ir-Regolament, mill-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali msemmija fl-Artikolu 14 taħt il-koordinazzjoni tal-Kummissjoni u/jew ta' kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju u aġenzija rilevanti oħra tal-Unjoni li jistgħu jinħatru għal dan il-għan fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħhom.
3. F'kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti delegati skont l-Artikolu 15a, tfassal u sussegwentement taġġorna lista komuni ta' teknoloġiji ta' riskju għoli identifikati fl-Unjoni.
4. Il-Kummissjoni għandha wkoll, permezz ta' atti delegati skont l-Artikolu 15a, taġġorna regolarment il-lista prevista fl-Anness għal dan ir-Regolament.
Artikolu 15
Valutazzjoni tal-konformità
1. L-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati ta' riskju għoli għandhom ikunu soġġetti għal valutazzjoni tal-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 12 ta' dan ir-Regolament, kif ukoll għal monitoraġġ sussegwenti, li t-tnejn li huma għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali msemmija fl-Artikolu 17 taħt il-koordinazzjoni tal-Kummissjoni u/jew ta' kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju u aġenzija rilevanti oħra tal-Unjoni li jistgħu jinħatru għal dan il-għan.
2. Is-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn teknoloġiji ta' riskju għoli li jkunu ġew ivvalutati bħala konformi mal-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament skont il-paragrafu 1 għandhom jitqiesu wkoll bħala konformi ma' dawk l-obbligi, sakemm l-awtorità ta' sorveljanza nazzjonali rilevanti ma tiddeċidix li twettaq valutazzjoni fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-iżviluppatur, dak li jvarahom jew l-utent.
3. Mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni settorjali, il-Kummissjoni u/jew kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju u aġenzija rilevanti oħra tal-Unjoni li jistgħu jinħatru speċifikament għal dan il-għan għandhom iħejju linji gwida vinkolanti dwar il-metodoloġija li għandha tintuża mill-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali għall-valutazzjoni tal-konformità msemmija fil-paragrafu 1 sad-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 16
Ċertifikat Ewropew ta' konformità etika
1. Fejn ikun hemm valutazzjoni pożittiva tal-konformità ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati ta' riskju għoli, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji, imwettqa f'konformità mal-Artikolu 7a, l-awtorità ta' sorveljanza nazzjonali rispettiva għandha toħroġ ċertifikat Ewropew ta' konformità etika.
2. Kwalunkwe żviluppatur, fornitur jew utent ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji, li mhumiex meqjusa bħala ta' riskju għoli u li għalhekk mhumiex soġġetti għall-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 12 u għall-valutazzjoni tar-riskju u l-valutazzjoni tal-konformità previsti fl-Artikoli 13 u 14, jistgħu wkoll ifittxu li jiċċertifikaw il-konformità mal-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament, jew ma' parti minnhom fejn dan ikun iġġustifikat min-natura tat-teknoloġija inkwistjoni kif deċiż mill-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali. Ċertifikat għandu jinħareġ biss jekk tkun twettqet valutazzjoni tal-konformità mill-awtorità ta' sorveljanza nazzjonali rilevanti u dik il-valutazzjoni tkun pożittiva.
3. Għall-finijiet tal-ħruġ taċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 2, għandu jiġi żviluppat proċess ta' applikazzjoni mill-Kummissjoni u/jew minn kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju u aġenzija rilevanti oħra tal-Unjoni li jistgħu jinħatru għal dan il-għan.
Kapitolu III
Sorveljanza istituzzjonali
Artikolu 17
Standards ta' governanza u gwida għall-implimentazzjoni
1. L-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati żviluppati, varati jew użati fl-Unjoni għandhom jikkonformaw mal-istandards ta' governanza rilevanti stabbiliti skont id-dritt, il-prinċipji u l-valuri tal-Unjoni mill-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali msemmija fl-Artikolu 17 f'konformità mad-dritt, il-prinċipji u l-valuri tal-Unjoni, taħt il-koordinazzjoni tal-Kummissjoni u/jew ta' kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju u aġenzija rilevanti oħra tal-Unjoni li jistgħu jinħatru għal dan il-għan u f'konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti.
2. L-istandards imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu linji gwida ta' implimentazzjoni mhux vinkolanti dwar il-metodoloġija għall-konformità ma' dan ir-Regolament minn żviluppaturi, fornituri u utenti u għandhom jiġu ppubblikati sad-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
3. Data użata jew prodotta minn intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati li huma żviluppati, varati jew użati fl-Unjoni għandhom jiġu amministrati minn żviluppaturi, fornituri u utenti f'konformità mar-regoli u mal-istandards rilevanti tal-Unjoni, dawk nazzjonali u dawk ta' organizzazzjonijiet Ewropej u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, kif ukoll mal-protokolli rilevanti tal-industrija u tal-kummerċ. B'mod partikolari, l-iżviluppaturi u dawk li jvarawhom għandhom iwettqu, fejn fattibbli, kontrolli tal-kwalità tas-sorsi esterni ta' data użati minn intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati, u għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi ta' sorveljanza għall-ġbir, il-ħżin, l-ipproċessar u l-użu tagħhom.
3. Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-portabbiltà u d-drittijiet tal-persuni li l-użu ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati jkun iġġenera data, il-ġbir, il-ħżin, l-ipproċessar, il-kondiviżjoni tad-data użata jew prodotta minn intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati li huma żviluppati, varati jew użati fl-Unjoni u l-aċċess għaliha għandhom ikunu konformi mar-regoli u mal-istandards rilevanti tal-Unjoni, dawk nazzjonali u dawk ta' organizzazzjonijiet Ewropej u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, kif ukoll mal-protokolli rilevanti tal-industrija u tal-kummerċ. B'mod partikolari, l-iżviluppaturi u dawk li jvarawhom għandhom jiżguraw li dawk il-protokolli jiġu applikati matul l-iżvilupp u l-varar ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati, billi jiddefinixxu b'mod ċar ir-rekwiżiti għall-ipproċessar u l-għoti ta' aċċess għal data użata jew prodotta minn dawn it-teknoloġiji, kif ukoll il-fini, il-kamp ta' applikazzjoni u d-destinatarji tal-ipproċessar u tal-għoti ta' aċċess għal tali data, li lkoll għandhom ikunu verifikabbli u traċċabbli fi kwalunkwe ħin.
Artikolu 18
Awtoritajiet ta' sorveljanza
1. Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità pubblika indipendenti li tkun responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament ("awtorità ta' sorveljanza"), u għat-twettiq tal-valutazzjonijiet tar-riskju u tal-konformità u ċ-ċertifikazzjoni previsti fl-Artikoli 13, 14 u 15, mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni settorjali.
2. Kull awtorità ta' sorveljanza nazzjonali għandha tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament madwar l-Unjoni. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet ta' sorveljanza f'kull Stat Membru għandhom jikkooperaw bejniethom, mal-Kummissjoni u/jew ma' istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti oħra tal-Unjoni li jistgħu jinħatru għal dan il-għan.
3. Kull awtorità ta' sorveljanza nazzjonali għandha sservi bħala l-ewwel punt ta' kuntatt f'każijiet ta' suspett ta' ksur tal-prinċipji etiċi u tal-obbligi legali stabbiliti f'dan ir-Regolament, inkluż trattament diskriminatorju jew ksur ta' drittijiet oħra, bħala riżultat tal-iżvilupp, il-varar jew l-użu ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati. F'każijiet bħal dawn, l-awtorità ta' sorveljanza nazzjonali rispettiva għandha twettaq valutazzjoni tal-konformità bil-għan li tappoġġja d-dritt taċ-ċittadini għal kontestazzjoni u għal rimedju.
4. Kull awtorità ta' sorveljanza nazzjonali għandha tkun responsabbli għas-superviżjoni tal-applikazzjoni tar-regoli u tal-istandards ta' governanza Ewropej, nazzjonali u internazzjonali rilevanti msemmija fl-Artikolu 13 għall-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, inkluż billi tikkoordina mal-ikbar għadd possibbli ta' partijiet ikkonċernati rilevanti. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet ta' sorveljanza f'kull Stat Membru għandhom jipprovdu forum għal skambju regolari mal-partijiet ikkonċernati u bejniethom, mill-akkademji, mir-riċerka, mill-industrija u mis-soċjetà ċivili.
5. Kull awtorità ta' sorveljanza nazzjonali għandha tipprovdi gwida u appoġġ professjonali u amministrattiv dwar l-implimentazzjoni ġenerali tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għall-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati u tal-prinċipji etiċi stabbiliti f'dan ir-Regolament, b'mod speċjali lill-organizzazzjonijiet ta' riċerka u żvilupp rilevanti u lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jew lin-negozji ġodda.
6. Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea bid-dispożizzjonijiet legali li jadotta skont dan l-Artikolu sa [ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data ta' sena wara d-dħul fis-seħħ] u, mingħajr dewmien, kull emenda sussegwenti li taffettwahom.
7. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-prinċipji etiċi stipulati u l-obbligi legali stabbiliti f'dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jappoġġjaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti u lis-soċjetà ċivili, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali, fl-isforzi tagħhom biex jiżguraw rispons f'waqtu, etiku u informat tajjeb għall-opportunitajiet u l-isfidi l-ġodda, b'mod partikolari dawk ta' natura transfruntiera, li jirriżultaw minn żviluppi teknoloġiċi relatati ma' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati.
Artikolu 19
Rapportar ta' ksur u protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw
Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[18] għandha tapplika għar-rapportar ta' ksur ta' dan ir-Regolament u l-protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw ksur bħal dan.
Artikolu 20
Koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni
1. Il-Kummissjoni u/jew kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju u aġenzija rilevanti tal-Unjoni li jistgħu jinħatru f'dan il-kuntest għandu jkollhom il-kompiti li ġejjin:
- jiżguraw valutazzjoni konsistenti tar-riskju tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati msemmija fl-Artikolu 13 li għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali msemmija fl-Artikolu 17 abbażi tal-kriterji oġġettivi komuni previsti fl-Artikolu 7(1) u fil-lista ta' setturi ta' riskju għoli u ta' użi jew skopijiet ta' riskju għoli stabbiliti fl-Anness għal dan ir-Regolament;
- jieħdu nota tal-valutazzjoni tal-konformità u l-monitoraġġ sussegwenti tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati ta' riskju għoli, imsemmija fl-Artikolu 14 li għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali msemmija fl-Artikolu 17;
- jiżviluppaw il-proċess tal-applikazzjoni għaċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 15 li għandu jinħareġ mill-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali msemmija fl-Artikolu 17;
- mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni settorjali, iħejju l-linji gwida vinkolanti msemmija fl-Artikolu 14(3) dwar il-metodoloġija li għandha tintuża mill-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali msemmija fl-Artikolu 17;
- jikkoordinaw l-istabbiliment tal-istandards ta' governanza rilevanti msemmija fl-Artikolu 16 mill-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali msemmija fl-Artikolu 17, inklużi linji gwida ta' implimentazzjoni mhux vinkolanti għall-iżviluppaturi, dawk li jvarawhom u l-utenti dwar il-metodoloġija għall-konformità ma' dan ir-Regolament;
- jikkooperaw mal-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali msemmija fl-Artikolu 17 rigward il-kontribut tagħhom għall-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament fl-Unjoni kollha skont l-Artikolu 17(2);
- iservu bħala ċentru għall-għarfien espert billi jippromwovu l-iskambju ta' informazzjoni relatata mal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati u jappoġġjaw l-iżvilupp ta' fehim komuni fis-Suq Uniku, joħorġu gwidi, opinjonijiet u għarfien espert addizzjonali lill-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali msemmija fl-Artikolu 17, jissorveljaw l-implimentazzjoni tad-dritt rilevanti tal-Unjoni, jidentifikaw l-istandards għall-aħjar prattika u, fejn xieraq, jagħmlu rakkomandazzjonijiet għal miżuri regolatorji; meta jagħmlu dan, jenħtieġ li jikkoordinaw mal-akbar għadd possibbli ta' partijiet ikkonċernati rilevanti u jiżguraw li l-kompożizzjoni tal-livelli ta' deċiżjoni tagħhom tkun diversa u tiżgura l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
- jospitaw Grupp ta' Ħidma dwar is-Sigurtà u d-Difiża li għandu l-għan li jeżamina kwistjonijiet ta' politika u investiment speċifikament relatati mal-użu etiku tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża.
Artikolu 21
Eżerċizzju ta' delega
1. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta' adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 7(3) u (4) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' 5 snin mid-(data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament).
3. Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 7(3) u (4) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe żmien mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwaru fl-istess ħin.
6. Att delegat li jkun ġie adottat skont l-Artikolu 7(3) u (4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu esprimew xi oġġezzjoni fi żmien tliet xhur min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma infurmaw lill-Kummissjoni li ma għandhomx oġġezzjonijiet. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 22
Emenda għad-Direttiva (UE) Nru 2019/1937
Id-Direttiva (UE) Nru 2019/1937 hija emendata kif ġej:
(1) Fl-Artikolu 2(1), jiżdied il-punt li ġej:
"(xi) żvilupp, varar u użu ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati."
(2) Fil-Parti I tal-Anness, jiżdied il-punt li ġej:
"K. Punt (a)(xi) tal-Artikolu 2(1) – żvilupp, varar u użu ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati.
"(xxi) Ir-Regolament [XXX] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prinċipji etiċi għall-iżvilupp, il-varar u l-użu ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati"."
Artikolu 23
Rieżami
Il-Kummissjoni għandha tibqa' tirrieżamina b'mod regolari l-iżvilupp ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji u għandha sa [ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data, tliet snin wara d-dħul fis-seħħ], u kull tliet snin wara din, tibgħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, inkluża valutazzjoni tal-modifika possibbli tal-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 24
Dħul fis-seħħ
1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan għandu japplika minn XX.
2. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS
Lista eżawrjenti u kumulattiva ta' setturi ta' riskju għoli u ta' użi jew skopijiet ta' riskju għoli li jinvolvu riskju ta' ksur tad-drittijiet fundamentali u tar-regoli tas-sikurezza.
Setturi ta' riskju għoli |
Impjiegi Edukazzjoni Kura tas-saħħa Trasport Enerġija Is-settur pubbliku (asil, migrazzjoni, kontrolli tal-fruntieri, ġudikatura u servizzi tas-sigurtà soċjali) Difiża u sigurtà Finanzi, banek, assigurazzjoni
|
Użi jew skopijiet ta' riskju għoli |
Reklutaġġ Klassifikazzjoni u valutazzjoni ta' studenti Allokazzjoni ta' fondi pubbliċi Għoti ta' self Kummerċ, senserija, tassazzjoni, eċċ. Trattamenti u proċeduri mediċi Proċessi elettorali u kampanji politiċi Deċiżjonijiet tas-settur pubbliku li għandhom impatt sinifikanti u dirett fuq id-drittijiet u l-obbligi ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi Sewqan awtomatizzat Ġestjoni tat-traffiku Sistemi militari awtonomi Produzzjoni u distribuzzjoni ta' enerġija Immaniġġjar tal-iskart Kontroll tal-emissjonijiet |
NOTA SPJEGATTIVA
Fil-film "Blade Runner" tal-1982, Rachael, li hija "replikant" li taħdem għal kumpanija li timmanifattura "replikanti", robots umanojdi sensibbli, oħrajn tgħid lil Deckard, bniedem li jaqla' l-għajxien tiegħu billi jelimina r-replikanti li jitilfu l-kontroll:
- ‘It seems you feel our work is not a benefit to the public.’
Deckard iwieġeb:
- ‘Replicants are like any other machine - they’re either a benefit or a hazard. If they’re a benefit, it’s not my problem.’
Benefiċċji u riskji
L-introduzzjoni massiva tal-intelliġenza artifiċjali fil-magni kollha li ninteraġixxu magħhom fil-pubbliku, fuq il-post tax-xogħol u fis-soċjetà se tfisser, jew fil-fatt diġà tfisser, bidla teknoloġika sinifikanti komparabbli biss mal-bidla li ġabet magħha r-Rivoluzzjoni Industrijali fil-passat. Il-ħajja qatt mhu se terġa' tkun l-istess, u se jkun hemm bidliet profondi fis-suq tax-xogħol, fir-relazzjoni tan-nies mal-awtoritajiet pubbliċi, fir-relazzjonijiet personali u anke fl-ambjent tad-dar tagħna – aħsbu ftit dwar x'ifisser attwalment l-"internet tal-oġġetti" fl-apparati kollha fid-djar tagħna. Bidla teknoloġika sinifikanti ta' dan il-livell tippreżentalna d-dilemma li qajjem Blade Runner: kwalunkwe teknoloġija għandha l-benefiċċji u l-perikli tagħha. U meta nitkellmu dwar l-intelliġenza artifiċjali nitkellmu dwar benefiċċji u/jew riskji fuq skala bla preċedent, meta nqisu l-qawwa intrinsika tagħha.
Ir-rwol tal-UE fil-ħolqien ta' qafas legali
Meta aħna, bħala amministrazzjonijiet pubbliċi, ikollna kuntatt ma' dan il-fenomenu, ma nistgħux nieqfu maċ-ċiniżmu professjonali ta' Deckard. Għall-Parlament Ewropew huwa daqstant importanti li jiġu sfruttati l-benefiċċji potenzjali ta' dawn it-teknoloġiji għall-benesseri u l-kompetittività tal-Ewropa daqskemm huwa importanti li jiġu mmonitorjati r-riskji inerenti tagħhom, jew li jiġu antiċipati l-konsegwenzi jekk kwalunkwe wieħed minn dawk ir-riskji fil-fatt iseħħ. Għalhekk nixtiequ nkunu pijunieri fl-istabbiliment legali ta' livell minimu etiku li minn naħa waħda jipproteġi liċ-ċittadini Ewropej minn żvantaġġi possibbli ta' din l-evoluzzjoni teknoloġika u min-naħa l-oħra jipprovdi valur miżjud f'termini ta' fiduċja fl-intelliġenza artifiċjali Ewropea fid-dinja kollha. Limitu etiku li jkun konsistenti mal-prinċipji u l-valuri Ewropej tagħna mnaqqxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u li jkun kompletament konformi mal-missjoni ċivili tal-proġett tagħna. Ir-Regolament tagħna jrid ikun ispirat minn approċċ lejn l-iżvilupp teknoloġiku umanistiku u ċċentrat fuq il-bniedem. Sett ta' regoli li japplika mhux biss għall-intelliġenza artifiċjali żviluppata fl-Ewropa, iżda li jikkostitwixxi wkoll imperattiv regolatorju eżiġenti għal kull min ikollu l-intenzjoni li jopera fl-UE.
Huwa kruċjali li s-sett ta' drittijiet u dmirijiet stabbiliti b'dan il-mod ikun kondiviż mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea. Sensiela ta' regolamenti nazzjonali mingħajr parametru referenzjarju komuni tista' tkun ta' ħsara għas-suq uniku u ddgħajjef l-isforz kollettiv tagħna biex inkunu fuq quddiem nett fit-teknoloġika fid-dinja. Il-ħolqien ta' aġenzija Ewropea li tissorvelja l-iżvilupp ta' dan ir-regolament iwassal għall-armonizzazzjoni tal-oqfsa legali u tekniċi żviluppati f'kull Stat Membru.
Regolament flessibbli u li jħares lejn il-futur
Bi tweġiba għal dawk li jsostnu li dan is-settur għandu jkun awtoregolat, id-djalogu inizjali jista' jservi wkoll biex juri l-ħtieġa ta' involviment pubbliku, bil-għan li jintlaħqu għanijiet li jmorru lil hinn minn sempliċi profittabbiltà ekonomika: l-istituzzjonijiet pubbliċi Ewropej jeħtiġilhom jagħmlu ħilithom biex jevitaw id-diskriminazzjoni (irrispettivament mill-bażi tagħha) fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u jisfruttaw il-potenzjal ta' bidla ta' dawn it-teknoloġiji sabiex javvanzaw lejn soċjetà aktar ġusta, aktar ambjentalment sostenibbli, b'enfasi partikolari, fost għanijiet oħra, fuq l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru. It-test jipprovdi lill-awtoritajiet pubbliċi Ewropej b'mandati espliċiti biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet.
Dan ir-Regolament għandu wkoll l-għan li jgħaqqad sett ta' rekwiżiti ambizzjużi ħafna mas-sempliċità regolatorja, billi jevita l-impożizzjoni ta' sistemi regolatorji kkumplikati u/jew piżijiet burokratiċi kbar fuq l-aġenti involuti. Huwa jfittex ukoll li jistabbilixxi qafas flessibbli biżżejjed biex jakkomoda l-progress f'realtà li dejjem qed tinbidel, filwaqt li jippermetti r-regoli ta' żvilupp fis-settur li jsawru realtajiet dejjem aktar konkreti.
Approċċ komprensiv, li jinkludi l-istabbiliment ta' korpi ta' sorveljanza nazzjonali
Dan ir-Regolament għandu l-għan li jestendi s-sorveljanza għall-oqsma kollha ta' teknoloġija kumplessa ħafna. Huwa jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-evoluzzjoni tat-teknoloġija permezz tat-tagħlim awtomatiku jew l-apprendiment profond. Qed issir enfasi speċjali fuq il-prevenzjoni f'dak li jirrigwarda t-teknoloġiji definiti bħala ta' "riskju għoli", jiġifieri dawk li x'aktarx jikkawżaw riperkussjonijiet negattivi u/jew dawk li jirrikjedu l-użu ta' materjali sensittivi li jiġġustifikaw protezzjoni speċjali (li huma definiti wkoll fir-Regolament). Huwa jirregola wkoll il-kwistjonijiet sensittivi ħafna tad-drittijiet individwali u tat-tekniki ta' rikonoxximent mill-bogħod, u jistabbilixxi ħafna salvagwardji għall-użu tagħhom. Qed jiġi stabbilit ukoll qafas materjali temporanju strett ħafna għal ċirkostanzi eċċezzjonali għall-użu possibbli mill-awtoritajiet pubbliċi f'każ ta' emerġenzi kbar.
Objettiv ieħor tar-Regolament huwa li jinkoraġġixxi liċ-ċittadini kollha, speċjalment lill-persuni u l-gruppi l-aktar involuti jew affettwati minn dawn it-teknoloġiji, biex jipparteċipaw fit-tfassil, l-iżvilupp, il-kontroll u s-sorveljanza ta' dan il-qafas regolatorju. It-test jistabbilixxi mandat, li b'mod espliċitu jiddikjara li huwa obbligatorju, għall-korpi ta' sorveljanza nazzjonali kollha, filwaqt li jiżgura l-appoġġ meħtieġ u kostanti tas-soċjetà ċivili. Bl-istess mod, jistabbilixxi rekwiżiti ambizzjużi f'termini ta' trasparenza u obbligu ta' rendikont għad-disinjaturi, l-operaturi u l-utenti tal-intelliġenza artifiċjali. Jinkludi wkoll obbligi għall-utenti biex iġibu ruħhom b'mod ċiviku u meħtieġa biex jiġi żgurat li jużaw it-teknoloġiji in bona fede.
Komprensibbiltà, trasparenza, obbligu ta' rendikont, responsabbiltà u governanza
Għadna 'l bogħod mill-iżvilupp ta' algoritmu li kapaċi jwassal għal "psikostorja", ix-xjenza fittizja fis-sensiela "Foundation" ta' Isaac Asimov. Il-kunċett ta' rieda ħielsa, karatteristika inaljenabbli tal-umanità, ma jidhirx li huwa mhedded għalissa. Dan jibqa' l-każ, anke jekk dak li huwa involut huwa essenzjalment l-antiċipazzjoni tad-deher tal-kurrenti kbar tal-istorja. L-awtoritajiet demokratiċi tagħna se jkollhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet kollha, kbar u żgħar, meħuda bl-għajnuna ta' teknoloġiji ta' intelliġenza artifiċjali ma jkunux ir-riżultat ta' formuli matematiċi kkumplikati u inaċċessibbli. Il-komprensibbiltà, it-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u r-responsabbiltà se jkunu karatteristiċi indispensabbli tal-intelliġenza artifiċjali li tiġi żviluppata u użata fl-Unjoni Ewropea.
Fil-qosor, l-Unjoni Ewropea jeħtiġilha tkun żona li żżomm il-bilanċ meħtieġ bejn is-salvagwardja tad-drittijiet taċ-ċittadini u t-trawwim tal-iżvilupp teknoloġiku. Ir-regolamentazzjoni tagħna u s-sura li jagħtuha l-korp jew il-korpi ta' sorveljanza jridu jikkostitwixxu eżempju għall-bqija tad-dinja u l-ewwel pass lejn l-iżgurar ta' governanza adegwata ta' dan il-fenomenu fil-livell globali.
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN (24.6.2020)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali
li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar qafas tal-aspetti etiċi tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati
Rapporteur għal opinjoni (*): Urmas Paet
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 57 tar-Regoli ta' Proċedura
(Inizjattiva – Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura)
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli:
– biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jenfasizza li l-politiki ta' sigurtà u ta' difiża tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha huma ggwidati mill-prinċipji minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u dawk tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u minn fehim komuni tal-valuri universali tar-rispett tad-drittijiet invjolabbli u inaljenabbli tal-persuna umana, id-dinjità tal-bniedem, tal-libertà, tad-demokrazija, tal-ugwaljanza u tal-istat tad-dritt; jenfasizza li l-isforzi kollha relatati mad-difiża fi ħdan il-qafas tal-Unjoni jridu jirrispettaw dawk il-valuri universali filwaqt li jippromwovu l-paċi, is-sigurtà u l-progress fl-Ewropa u fid-dinja; huwa tal-fehma li l-użu tal-IA għandu jkun ibbażat fuq sett komuni ta' prinċipji etiċi li skonthom l-użu għandu jkun: responsabbli, ekwu, traċċabbli, affidabbli u governabbli;
2. Jilqa' l-approvazzjoni, mil-Laqgħa tal-2019 tal-Partijiet Kontraenti Għolja għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Ċerti Armi Konvenzjonali (CCW), ta' 11-il Prinċipju ta' Gwida għall-iżvilupp u l-użu ta' sistemi ta' armi awtonomi; jiddispjaċih, madankollu, dwar in-nuqqas ta' qbil dwar strument legalment vinkolanti li jirregola l-armi awtonomi letali (LAWS), b'mekkaniżmu ta' infurzar effettiv; jilqa' u jappoġġja l-"Ethics Guidelines for Trustworthy AI" ("Linji Gwida tal-Etika għal IA Affidabbli") tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli tal-Kummissjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, ippubblikat fid-9 ta' April 2019 u l-pożizzjoni tiegħu dwar is-sistemi ta' armi awtonomi letali (LAWS); iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji nazzjonali għad-definizzjoni u l-istatus ta' sistemi ta' armi awtonomi letali (LAWS) lejn strateġija komprensiva fil-livell tal-Unjoni u biex jippromwovu, flimkien mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni/Viċi President tal-Kummissjoni ("RGħ/VP"), u l-Kunsill, id-diskussjoni dwar il-LAWS fil-qafas tas-CCW tan-NU u f'fora rilevanti oħra u l-istabbiliment ta' standards internazzjonali dwar il-parametri etiċi u legali tal-iżvilupp u l-użu ta' sistemi ta' armi letali kompletament awtonomi, semiawtonomi u operati mill-bogħod; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar is-sistemi ta' armi awtonomi tat-12 ta' Settembru 2018 u jappella għal darb'oħra għall-iżvilupp u l-adozzjoni urġenti ta' pożizzjoni komuni dwar is-sistemi ta' armi letali awtonomi, għal projbizzjoni internazzjonali fuq l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu ta' sistemi ta' armi letali awtonomi li jippermettu li jsiru attakki mingħajr kontroll uman sinifikattiv u mingħajr rispett tal-prinċipju ta' "human-in-the-loop", f'konformità mad-dikjarazzjoni tar-riċerkaturi l-aktar prominenti tal-IA fid-dinja fl-ittra miftuħa tagħhom tal-2015; jilqa' l-ftehim tal-Kunsill u tal-Parlament li jiġu esklużi armi awtonomi letali "mingħajr il-possibbiltà ta' kontroll uman sinifikattiv fuq id-deċiżjonijiet ta' għażla u intervent meta jitwettqu l-attakki" minn azzjonijiet iffinanzjati mill-Fond Ewropew għad-Difiża; jemmen li l-aspetti etiċi ta' applikazzjonijiet oħra tal-IA fid-difiża, bħall-operazzjonijiet ta' intelligence, sorveljanza u rikonjizzjoni (ISR) jew l-operazzjonijiet ċibernetiċi ma jridux jiġu traskurati, u trid tingħata attenzjoni speċjali lill-iżvilupp u l-varar ta' droni f'operazzjonijiet militari;
3. Jirrakkomanda li kwalunkwe qafas Ewropew li jirregola l-użu ta' sistemi mħaddma bl-intelliġenza artifiċjali (IA) fid-difiża, kemm f'sitwazzjoni ta' ġlied kif ukoll mingħajr ġlied, irid jirrispetta r-reġimi legali applikabbli kollha, b'mod partikolari d-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jrid ikun f'konformità mad-dritt, il-prinċipji u l-valuri tal-Unjoni; jisħaq li l-Unjoni għandu jkollha rwol globali biex tkun fuq quddiem fil-ħolqien ta' qafas regolatorju kredibbli u vinkolanti tal-IA msejjes fuq valuri demokratiċi u approċċ iċċentrat fuq il-bniedem; jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha jiżviluppaw mekkaniżmi konġunti biex jivvalutaw malajr u bir-reqqa r-riskji u l-opportunitajiet inerenti relatati mal-IA fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ispirati mill-aħjar prattiki ta' Stati Membri aktar avvanzati, u jipprovdu għall-aġġustament u l-infurzar meħtieġa fejn ikunu neċessarji, filwaqt li jqisu d-differenzi f'termini ta' infrastrutturi tekniċi u ta' sigurtà madwar l-Unjoni;
4. Jirrikonoxxi li għall-kuntrarju tal-bażijiet industrijali tad-difiża, l-innovazzjonijiet kritiċi tal-IA jistgħu jiġu minn Stati Membri żgħar, u b'hekk, approċċ standardizzat tal-PSDK għandu jiżgura li l-Istati Membri iżgħar u l-SMEs ma jiġux esklużi; jisħaq li ġabra ta' kapaċitajiet komuni tal-IA tal-UE mqabbla ma' kunċetti operattivi tal-Istati Membri tista' tnaqqas id-distakki tekniċi li jistgħu jħallu barra l-istati li ma jkollhomx it-teknoloġija rilevanti, l-għarfien espert tal-industrija jew il-kapaċità li jimplimentaw sistemi tal-IA fil-ministeri tad-difiża tagħhom;
5. Jenfasizza li l-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku ta' tali qafas għandu jkopri l-komponenti kollha tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati żviluppati, varati jew użati fl-Unjoni, inkluż f'każijiet fejn parti mit-teknoloġiji taf tkun lokalizzata barra mill-Unjoni jew ma jkollhiex lokazzjoni speċifika;
6. Jissottolinja li t-teknoloġiji emerġenti li mhumiex koperti mid-dritt internazzjonali għandhom jiġu ġġudikati bil-prinċipju tar-rispett tal-umanità u l-prinċipji tal-kuxjenza pubblika; jissottolinja li l-użu u l-etika ta' sistemi mħaddma bl-IA fid-difiża jridu jiġu vvalutati b'mod kostanti, mill-perspettiva tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari s-sikurezza, is-saħħa u s-sigurtà, il-libertà, il-privatezza, l-integrità u d-dinjità tal-bniedem u jiġu mmonitorjati kostantement, speċjalment mill-perspettiva tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħhom, kif ukoll l-impatt tagħhom fuq il-protezzjoni tad-drittijiet universali tal-bniedem; jemmen li l-vantaġġi teknoloġiċi fil-qasam ta' sistemi mħaddma bl-IA fid-difiża jridu jimxu id f'id ma' diskussjoni wiesgħa dwar l-użu tal-IA u l-impatt tagħha fuq is-soċjetajiet u l-komunitajiet u l-benefiċċji potenzjali ekonomiċi u soċjetali, u r-riskji li jirriżultaw mill-użu tal-IA jridu jiġu kkomunikati b'mod xieraq;
7. Iqis li l-attivitajiet attwali u futuri relatati mas-sigurtà u d-difiża fi ħdan il-qafas tal-Unjoni se jkunu bbażati fuq l-IA, ir-robotika u l-awtonomija u fuq teknoloġiji relatati, u li IA robusta u affidabbli tista' tikkontribwixxi għal militar modern u effettiv; għalhekk, l-Unjoni jeħtiġilha tassumi rwol ewlieni fir-riċerka u l-iżvilupp ta' sistemi tal-IA fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża; jemmen li l-użu ta' applikazzjonijiet mħaddma bl-IA fis-sigurtà u d-difiża jistgħu joffru għadd ta' benefiċċji diretti lill-kmandant tal-operazzjoni, bħal data miġbura ta' kwalità ogħla, għarfien aħjar tas-sitwazzjoni, teħid aktar rapidu ta' deċiżjonijiet, riskju mnaqqas ta' ħsara kollaterali bis-saħħa ta' networks aħjar ta' kejbils, il-protezzjoni tal-forzi fuq il-post, kif ukoll affidabbiltà akbar tat-tagħmir militari u b'hekk inqas riskju għall-bnedmin u għal vittmi umani; jisħaq li l-iżvilupp ta' IA affidabbli fil-qasam tad-difiża huwa essenzjali biex tiġi żgurata awtonomija strateġika Ewropea fil-qasam tal-kapaċità u dak operattiv; ifakkar li s-sistemi tal-IA qed isiru wkoll elementi ewlenin fil-ġlieda kontra t-theddid emerġenti għas-sigurtà, bħall-gwerra ċibernetika u l-gwerra ibrida kemm fl-isfera online kif ukoll dik offline; jissottolinja, fl-istess ħin, ir-riskji u l-isfidi kollha tal-użu mhux regolat tal-IA; jinnota li l-IA tista' tiġi esposta għal manipulazzjoni, żbalji u ineżattezzi;
8. Jitlob li jiġu stabbiliti sinerġiji u networks bejn id-diversi ċentri ta' riċerka Ewropej dwar l-IA, kif ukoll fora multilaterali oħra, bħall-Kunsill tal-Ewropa, l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO), l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU), sabiex l-isforzi tagħhom jiġu allinjati u biex jiġi kkoordinat aħjar l-iżvilupp tat-teknoloġija tal-IA;
9. Jisħaq li t-teknoloġiji tal-IA għandhom, essenzjalment, użu doppju, u l-iżvilupp tal-IA f'attivitajiet relatati mad-difiża jibbenefika minn skambji bejn it-teknoloġiji militari u dawk ċivili; jenfasizza li l-IA f'attivitajiet relatati mad-difiża hija teknoloġija ta' tfixkil trasversali li l-iżvilupp tagħha jista' jipprovdi opportunitajiet għall-kompetittività u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni;
10. Jenfasizza li, abbażi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' April 2019 "Nibnu l-Fiduċja fl-Intelliġenza Artifiċjali Ċċentrata Fuq il-Bniedem", li permezz tagħha t-teknoloġija tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u l-bnedmin iżommu l-awtorità fuq sistemi awtomatizzati ta' teħid ta' deċiżjonijiet, filwaqt li tikkomplementa u tappoġġja l-awtonomija tal-bniedem u t-teħid ta' deċiżjonijiet, l-Unjoni teħtieġ qafas regolatorju robust tal-IA li jkun iffukat fuq is-sigurtà u d-difiża, filwaqt li jsegwi perkors ta' responsabbiltà u trasparenza, ta' protezzjoni taċ-ċittadini tagħna u tad-data tagħhom, u ta' difiża tal-valuri tagħna, li l-politiki tagħha jkollhom l-għan li jippreservaw il-paċi, jipprevjenu l-kunflitti u jsaħħu s-sigurtà internazzjonali, filwaqt li jisfruttaw l-opportunitajiet li joffru dawk it-teknoloġiji, kif ukoll tirrealizza li s-sistemi mħaddma bl-IA se jkunu element ewlieni fl-iżviluppi futuri tad-difiża u fil-kapaċitajiet difensivi;
11. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-algoritmi użati fis-sistemi ta' difiża, filwaqt li jżommu l-kunfidenzjalità meħtieġa, ikunu rregolati mill-prinċipju tat-trasparenza, inkluż reġim ċar ta' responsabbiltà għar-riżultati tal-użu tal-IA; jissottolinja li tali algoritmi jridu jiġu kostantement aġġustati għall-progress fit-teknoloġiji tal-IA;
12. Jissottolinja li l-Unjoni jeħtiġilha tkun minn ta' quddiem fl-appoġġ ta' sforzi multilaterali fil-qafas tal-Grupp ta' Esperti Governattivi tas-CCW tan-NU u fora rilevanti oħra, biex jiġi diskuss qafas regolatorju internazzjonali effettiv li jiżgura kontroll uman sinifikattiv fuq is-sistemi ta' armi awtonomi sabiex dawk it-teknoloġiji jiġu kkontrollati billi jiġu stabbiliti proċessi ddefiniti tajjeb, ibbażati fuq parametri referenzjarji, u tiġi adottata leġiżlazzjoni għall-użu etiku tagħhom, b'konsultazzjoni ma' partijiet ikkonċernati bħal dawk tal-militar, tal-industrija, tal-infurzar tal-liġi, tal-akkademja u tas-soċjetà ċivili, biex ikun hemm fehim tal-aspetti etiċi relatati u biex jiġu mrażżna r-riskji inerenti ta' tali teknoloġiji u jiġi evitat l-użu għal skopijiet malizzjużi; dawn jinkludu b'mod partikolari ħsara mhux intenzjonata lill-persuni, kemm materjali kif ukoll immaterjali, bħall-ksur tad-drittijiet fundamentali jew ħsara fiżika; l-Unjoni, filwaqt li taħdem flimkien mal-Istati Membri, jeħtiġilha tiddetermina r-reġimi xierqa ta' responsabbiltà applikabbli għall-innovazzjonijiet fl-IA u għal teknoloġiji oħra immersivi fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, u b'hekk tistabbilixxi bażi ġuridika għall-obbligu ta' rendikont u l-mekkaniżmi ta' traċċabbiltà; jenfasizza li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u l-oqfsa normattivi ma jridu jiġu ssuperati minn ebda avvanz teknoloġiku futur, progress fl-IA u metodi ġodda ta' gwerra u għalhekk iridu jiġu appoġġjati minn skemi ta' monitoraġġ sinifikattivi li għandhom jiġu aġġustati b'mod kostanti biex jiġu evitati lakuni legali jew żoni mhux ċari; jissottolinja li aktar riċerka u żvilupp fl-IA għandhom jiżguraw li s-sistemi mħaddma bl-IA jkunu mgħammra aħjar biex jifhmu kuntesti uniċi;
13. Japprova l-prinċipju ewlieni ta' "etika ppjanata", li permezz tiegħu l-prinċipji etiċi jkunu inkorporati fi prodotti u servizzi tal-IA mill-bidu tal-proċess ta' tfassil;
14. Ifakkar li l-parti l-kbira mis-setgħat militari attwali madwar id-dinja diġà huma involuti fi sforzi sinifikanti ta' R&Ż relatati mad-dimensjoni militari tal-IA; iqis li l-Unjoni jeħtiġilha tiżgura li ma tibqax lura f'dan ir-rigward; jisħaq li għal kwalunkwe applikazzjoni ta' difiża ta' sistemi mħaddma bl-IA, l-Unjoni għandha tistabbilixxi standards tekniċi u organizzattivi, f'konformità mal-prinċipju ta' "Sigurtà mid-Disinn", li jippermettu sorveljanza speċifika mill-bniedem, biex tiġi żgurata r-reżiljenza ta' dawn is-sistemi kontra l-vulnerabbiltajiet li jistgħu jiġu sfruttati minn attakki esterni, attakki ċibernetiċi u influwenza diġitali li jkollhom fil-mira d-data, il-mudell jew l-infrastruttura sottostanti, is-software u l-hardware, kif ukoll il-konformità tagħhom mal-ogħla standards ta' affidabbiltà possibbli, il-monitoraġġ u s-sorveljanza attivi fir-rigward tal-ġbir, il-ħżin u l-isfruttament tad-data operattiva tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja ta' sistema; jenfasizza l-importanza tat-trasparenza u tal-obbligu ta' rendikont tal-algoritmi tal-IA; jinnota d-distinzjoni importanti bejn it-trasparenza tal-algoritmi u t-trasparenza tal-użu tal-algoritmi; jisħaq li s-sistemi u l-applikazzjonijiet tal-IA maħsuba biex jisiltu u jissintetizzaw id-data, u jestrapolaw riżultati minnhom biex jipprovdu informazzjoni għal deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mad-difiża u s-sigurtà nazzjonali, iridu jkunu speċifiċi fil-kamp ta' applikazzjoni u jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-qafas regolatorju kurrenti f'termini ta' ġbir u pproċessar ta' data; jisħaq li l-applikazzjonijiet tal-IA mfassla biex jipproċessaw data għal finijiet ta' intelligence f'attivitajiet relatati mad-difiża għandhom jikkonformaw ma' standards ta' pproċessar tad-data biex jiġu evitati riskji ta' sorveljanza mhux intenzjonata jew ksur ta' drittijiet individwali; jemmen li għal applikazzjonijiet b'riskju għoli ta' teknoloġiji mħaddma bl-IA, bħar-rikonoxximent tal-wiċċ, li m'għandhomx qafas regolatorju definittiv fil-livell tal-UE, l-Unjoni jeħtiġilha tiżgura li l-iżvilupp u l-varar tagħhom ikunu ġusti, proporzjonati u jirrispettaw id-drittijiet tal-individwi; jisħaq li sabiex itaffu r-riskji sproporzjonati tal-policing predittiv, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-infurzar tal-liġi jeħtiġilhom jirrispettaw il-leġiżlazzjoni rilevanti waqt li jiżviluppaw u jvaraw sistemi u teknoloġiji mħaddma bl-IA biex iżommu l-ordni pubbliku; jirrikonoxxi li l-garanti primarju tas-sigurtà Ewro-Atlantika huwa n-NATO u jitlob kooperazzjoni akbar fi ħdan l-Alleanza tan-NATO għall-istabbiliment ta' standards komuni u interoperabbiltà tas-sistemi tal-IA fid-difiża; jisħaq li r-relazzjoni transatlantika hija kruċjali fil-preservazzjoni tal-valuri kondiviżi u fil-ġlieda kontra t-theddid futur u emerġenti;
15. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu adottati dispożizzjonijiet u rekwiżiti ċari ta' affidabbiltà, sikurezza u sigurtà b'ċertifikazzjonijiet xierqa għas-sistemi tal-IA fis-sigurtà u d-difiża, li jiġu introdotti kriterji ta' trasparenza fil-fażijiet diversi, jiġifieri d-disinn, il-produzzjoni u l-operat, u li jitwettqu monitoraġġ kostanti, testijiet regolari u verifika tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu kemm hu; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi żgurata konformità mal-istandards applikabbli u ċ-ċertifikazzjonijiet miksuba meta l-IA timmodifika, pereżempju permezz tat-tagħlim awtomatiku, il-funzjonalità u l-imġiba tas-sistemi li fihom tkun integrata, sabiex b'hekk jiġu żgurati t-traċċabbiltà, l-ispjegabbiltà u l-obbligu ta' rendikont sħaħ tad-deċiżjonijiet li jittieħdu bl-involviment tal-IA u tal-eżiti tagħhom, kif ukoll il-kontroll sinifikattiv mill-bniedem meta tali sistemi jistgħu joqtlu lill-bnedmin;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-bini tal-kapaċitajiet taċ-ċibersigurtà fil-politika industrijali tagħha sabiex tiżgura l-iżvilupp u l-varar ta' sistemi mħaddma bl-IA u sistemi robotiċi sikuri, reżiljenti u robusti; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-użu ta' protokolli u applikazzjonijiet taċ-ċibersigurtà bbażati fuq il-blockchain biex jittejbu r-reżiljenza, l-affidabbiltà u r-robustezza tal-infrastrutturi tal-IA permezz ta' mudelli diżintermedjati ta' kriptaġġ tad-data; iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati Ewropej jirriċerkaw u jikkonċepixxu karatteristiċi avvanzati li jiffaċilitaw id-detezzjoni ta' sistemi mħaddma bl-IA u sistemi robotiċi korrotti u malizzjużi li jistgħu jimminaw is-sigurtà tal-Unjoni u taċ-ċittadini;
17. Jisħaq li s-sistemi kollha tal-IA fil-qasam tad-difiża jrid ikollhom qafas ta' missjoni konkret u definit b'mod preċiż, li permezz tiegħu l-bnedmin iżommu l-kapaċità ta' detezzjoni u diżinvolviment jew diżattivazzjoni tas-sistemi varati, jekk dawn imorru lil hinn mill-qafas ta' missjoni definit u assenjat minn kmandant uman, jew jipparteċipaw fi kwalunkwe azzjoni eskalatorja jew mhux intenzjonata; iqis li s-sistemi, il-prodotti u t-teknoloġiji mħaddma bl-IA u maħsuba għall-użu militari għandhom ikunu mgħammra b'"reġistratur" biex tiġi rreġistrata kull tranżazzjoni ta' data mwettqa mill-magna;
18. Jissottolinja li r-responsabbiltà sħiħa u l-obbligu ta' rendikont għad-deċiżjoni ta' tfassil, żvilupp, varar u użu ta' sistemi tal-IA jridu jkunu f'idejn operaturi umani, peress li jrid ikun hemm monitoraġġ u kontroll sinifikattiv mill-bniedem fuq kwalunkwe sistema tal-armi u intenzjoni umana fid-deċiżjoni li tintuża l-forza fl-eżekuzzjoni ta' kwalunkwe deċiżjoni ta' sistemi ta' armi mħaddma bl-IA li jista' jkollha konsegwenzi letali; jissottolinja li l-kontroll mill-bniedem għandu jibqa' effettiv għall-kmand u l-kontroll ta' sistemi mħaddma bl-IA, billi jiġu segwiti l-prinċipji ta' "human-in-the loop", "human-on-the-loop" u "human-in-command" fil-livell tat-tmexxija militari; jisħaq li s-sistemi mħaddma bl-IA jridu jippermettu li t-tmexxija militari tal-armati tassumi r-responsabbiltà sħiħa tagħha u tagħti rendikont sħiħ għall-użu ta' forza letali u li teżerċita l-livell meħtieġ ta' ġudizzju, li l-magni ma jistax ikollhom, peress li dan il-ġudizzju jrid ikun ibbażat fuq id-distinzjoni, il-proporzjonalità u l-prekawzjoni, fit-teħid ta' azzjoni distruttiva letali jew fuq skala kbira permezz ta' tali sistemi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti oqfsa ċari u traċċabbli ta' awtorizzazzjoni u ta' obbligu ta' rendikont għall-varar ta' armi intelliġenti u ta' sistemi oħra mħaddma bl-IA, bl-użu ta' karatteristiċi uniċi tal-utent bħall-ispeċifikazzjonijiet bijometriċi li jippermettu l-varar esklużivament minn persunal awtorizzat;
19. Jistieden lill-Kummissjoni taħdem flimkien mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri u ma' partijiet ikkonċernati oħra li jipparteċipaw fl-iżvilupp u fil-varar ta' sistemi, prodotti u teknoloġiji mħaddma bl-IA biex jistabbilixxu qafas sikur, sigur u reżiljenti li permezz tiegħu l-kodiċi sors ta' sistemi mħaddma bl-IA jiġi kondiviż, immonitorjat u vverifikat biex jiġu mmitigati devjazzjonijiet potenzjali mill-prinċipji regolatorji u l-qafas etiku li huma fil-bażi tat-teknoloġija tal-IA fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża; jissuġġerixxi lill-Kummissjoni li l-Unjoni jeħtiġilha żżomm is-sjieda tal-proprjetà intellettwali tar-riċerka fuq sistemi, prodotti u teknoloġiji mħaddma bl-IA fis-sigurtà u d-difiża ffinanzjata mill-Unjoni;
20. Jissottolinja li l-Unjoni jeħtiġilha tippromwovi fehim aħjar tal-implikazzjonijiet militari, il-vantaġġi u l-opportunitajiet u d-dgħufijiet tal-IA, tar-robotika u tal-funzjonijiet u l-elementi awtonomi, inkluż il-potenzjal għall-industrija tad-difiża Ewropea, billi taħdem flimkien mal-uffiċjali militari; iqis li l-Unjoni jeħtiġilha tippromwovi l-ksib tal-ħiliet u tal-għarfien meħtieġa dwar il-proċessi tal-iżvilupp tat-teknoloġija u dwar il-metodi operattivi tul il-katina tal-provvista kollha u fiċ-ċiklu kollu tal-ħajja ta' kapaċitajiet militari mħaddma bl-IA; jissottolinja l-ħtieġa urġenti li tiġi stabbilita aktar indipendenza strateġika u teknoloġika Ewropea fil-qasam tas-sistemi mħaddma bl-IA, inkluża l-infrastruttura kritika li hija bbażata fuqha;
21. Jemmen li kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni hija meħtieġa biex jiġu ggarantiti regoli transfruntiera koerenti fl-Unjoni, biex titħeġġeġ il-kollaborazzjoni bejn l-industriji Ewropej u jkun jista' jsir żvilupp u varar ta' teknoloġiji mħaddma bl-IA konsistenti mal-istandards ta' sikurezza u sigurtà preskritti, u l-qafas etiku li jirregola l-iżvilupp u l-varar tat-teknoloġija tal-IA;
22. Jirrikonoxxi, fil-kuntest tal-gwerra ibrida u avvanzata tal-lum, li l-volum u l-veloċità ta' informazzjoni matul il-fażijiet bikrija ta' kriżi jistgħu jkunu enormi għall-analisti umani u li sistema tal-IA tista' tipproċessa l-informazzjoni biex tiżgura li l-bnedmin li jieħdu deċiżjonijiet ikunu qed isegwu l-ispettru sħiħ ta' informazzjoni f'perjodu ta' żmien xieraq għal rispons rapidu;
23. Jissottolinja l-importanza li jsir investiment fl-iżvilupp tal-kapital uman għall-intelliġenza artifiċjali, filwaqt li jitrawmu l-ħiliet u l-edukazzjoni meħtieġa fil-qasam tat-teknoloġiji tal-IA tas-sigurtà u d-difiża b'enfasi partikolari fuq l-etika ta' sistemi operattivi semiawtonomi u awtonomi, ibbażati fuq l-obbligu ta' rendikont mill-bniedem f'dinja mħaddma bl-IA; jisħaq b'mod partikolari fuq l-importanza li jkun żgurat li l-etiċisti f'dan il-qasam ikollhom ħiliet xierqa u jirċievu taħriġ xieraq; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta mill-aktar fis possibbli t-"Tisħiħ tal-Aġenda għall-Ħiliet" tagħha, imħabbra fil-White Paper dwar l-Intelliġenza Artifiċjali fid-19 ta' Frar 2020;
24. Jisħaq li l-computing kwantistiku jista' jirrappreżenta l-aktar bidla rivoluzzjonarja fil-kunflitti mill-introduzzjoni tal-armi nukleari u b'hekk iħeġġeġ sabiex l-iżvilupp ulterjuri tat-teknoloġiji tal-computing kwantistiku jkun prijorità għall-Unjoni u għall-Istati Membri; jirrikonoxxi li atti ta' aggressjoni, inklużi attakki fuq infrastruttura kritika, megħjuna mill-computing kwantistiku joħolqu ambjent ta' kunflitt fejn il-ħin biex jittieħdu deċiżjonijiet se jkun kompressat b'mod drammatiku minn jiem u sigħat għal minuti u sekondi, u dan iġiegħel lill-Istati Membri jiżviluppaw kapaċitajiet li jipproteġuhom u jħarrġu kemm lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet kif ukoll lill-persunal militari biex jirreaġixxu b'mod effettiv fi żmien qasir bħal dan;
25. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tingħeleb il-frammentazzjoni kurrenti fi ħdan l-Unjoni fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali relatata mal-IA, ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-għarfien espert fil-qasam tal-IA, ħaġa li tipperikola l-funzjonament tas-suq intern u l-objettiv li jiġi żgurat żvilupp affidabbli u sigur tal-IA fl-Ewropa; f'dan ir-rigward, jilqa' l-inklużjoni ta' proġetti relatati mal-IA fi ħdan il-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP); jemmen li l-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) futur u l-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) joffru wkoll oqfsa adattati tajjeb għal proġetti futuri relatati mal-IA li jgħinu biex jissimplifikaw aktar l-isforzi tal-Unjoni f'dan il-qasam, u jippromwovu fl-istess ħin l-objettiv tal-Unjoni li ssaħħaħ id-drittijiet tal-bniedem, id-dritt internazzjonali, u s-soluzzjonijiet multilaterali; jisħaq li l-proġetti relatati mal-IA għandhom jiġu sinkronizzati mal-programmi ċivili usa' tal-Unjoni ddedikati għall-IA; jinnota li f'konformità mal-White Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar iċ-ċentri ta' eċċellenza u ta' ttestjar tal-IA, li jikkonċentraw fuq ir-riċerka u l-iżvilupp tal-IA fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, għandhom jiġu stabbiliti bi speċifikazzjonijiet sodi li jirfdu l-parteċipazzjoni ta' partijiet ikkonċernati privati u l-investiment min-naħa ta' dawn tal-aħħar;
26. Jenfasizza li l-Unjoni jeħtiġilha taħdem bla heda għal reżiljenza strateġika sabiex ma terġa' qatt tinqabad mhux imħejjija fi żminijiet ta' kriżi, u jissottolinja li, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-intelliġenza artifiċjali u l-applikazzjoni tagħha għad-difiża u s-sigurtà, dan huwa ta' sinifikat kruċjali; jenfasizza li l-katini ta' provvista għas-sistemi tal-IA fid-difiża u s-sigurtà li jistgħu jwasslu għad-dipendenza teknoloġika għandhom jiġu kkalibrati mill-ġdid, u dawn id-dipendenzi għandhom jitneħħew gradwalment; jappella għal investiment akbar fl-IA Ewropea għad-difiża u fl-infrastruttura kritika li ssostniha;
27. Jenfasizza li l-iżvilupp ta' IA li tirrispetta d-drittijiet fundamentali u li tappoġġja l-interess pubbliku jirrikjedi l-ġbir u l-kondiviżjoni strateġiċi tad-data fl-Unjoni bejn entitajiet privati u pubbliċi, kif ukoll it-tisħiħ ta' ekosistema tal-IA tal-Unjoni, li tinvolvi partijiet ikkonċernati pubbliċi, privati u tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-Kummissjoni trawwem djalogu, kooperazzjoni aktar mill-qrib u sinerġiji fost l-Istati Membri, ir-riċerkaturi, l-akkademiċi, l-atturi tas-soċjetà ċivili u s-settur privat, b'mod partikolari l-kumpaniji u l-intrapriżi ewlenin, u l-militar sabiex ikun hemm proċessi ta' tfassil ta' politika inklużivi fir-rigward tar-regolamenti tal-IA relatati mad-difiża, jiġi sfruttat għalkollox il-potenzjal tal-IA, filwaqt li jitrawwem fehim aħjar tar-riskji u l-benefiċċji, kif ukoll tiġi żgurata sigurtà operattiva massima;
28. Jenfasizza li, fil-kuntest tal-gwerra tad-diżinformazzjoni mifruxa, li hija mmexxija b'mod partikolari minn atturi mhux Ewropej, it-teknoloġiji tal-IA jista' jkollhom effetti etikament negattivi billi jisfruttaw preġudizzji fid-data u fl-algoritmi jew billi deliberatament jibdlu d-data ta' tagħlim minn pajjiż terz, u jistgħu jiġu esposti wkoll għal forom oħra ta' manipulazzjoni ħażina perikoluża b'modi imprevedibbli u b'konsegwenzi inkalkolabbli; għalhekk, hemm ħtieġa akbar li l-Unjoni tkompli tinvesti fir-riċerka, l-analiżi, l-innovazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien transfruntier u transsettorjali, sabiex jiġu żviluppati teknoloġiji tal-IA li jkunu bla dubju ta' xejn nieqsa minn kwalunkwe tip ta' tfassil ta' profil, preġudizzju u diskriminazzjoni, u li jistgħu jikkontribwixxu b'mod effettiv għall-ġlieda kontra l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin jirrispettaw il-privatezza tad-data u l-qafas legali Ewropew;
29. Jisħaq fuq l-importanza tal-ħolqien ta' kodiċi ta' kondotta etiku li jirfed il-varar ta' sistemi li jużaw l-armi mħaddma bl-IA f'operazzjonijiet militari, simili għall-qafas regolatorju eżistenti li jipprojbixxi l-varar ta' armi kimiċi u bijoloġiċi; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tagħti bidu għall-ħolqien ta' standards dwar l-użu ta' sistemi tal-armi mħaddma bl-IA fil-gwerer skont id-dritt umanitarju internazzjonali, u l-Unjoni għandha tirsisti fuq l-adozzjoni internazzjonali ta' standards bħal dawn; iqis li l-Unjoni għandha tinvolvi ruħha fid-diplomazija tal-IA f'fora internazzjonali ma' sħab tal-istess fehma bħall-G7, il-G20, u l-OECD;
30. Jieħu nota tal-White Paper tal-Kummissjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali tad-19 ta' Frar 2020 u jiddispjaċih li l-aspetti militari ma tqisux; jistieden lill-Kummissjoni u lir-RGħ/VP jippreżentaw, anke bħala parti minn approċċ ġenerali, strateġija settorjali tal-IA għall-attivitajiet relatati mad-difiża fil-qafas tal-Unjoni, li tiżgura kemm ir-rispett tad-drittijiet taċ-ċittadini kif ukoll l-interessi strateġiċi tal-Unjoni, u li tkun ibbażata fuq approċċ konsistenti li jibda mis-sistemi mħaddma bl-IA sal-użi militari tagħhom, u li tistabbilixxi Grupp ta' Ħidma dwar is-Sigurtà u d-Difiża fil-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-Intelliġenza Artifiċjali li għandu jindirizza b'mod speċifiku kwistjonijiet ta' politika u ta' investiment, kif ukoll aspetti etiċi tal-IA fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża; jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-VP/RGħ biex jidħlu fi djalogu strutturat mal-Parlament għal dak il-għan.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
22.6.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
60 7 2 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Alviina Alametsä, Maria Arena, Petras Auštrevičius, Traian Băsescu, Lars Patrick Berg, Anna Bonfrisco, Reinhard Bütikofer, Fabio Massimo Castaldo, Susanna Ceccardi, Włodzimierz Cimoszewicz, Katalin Cseh, Tanja Fajon, Anna Fotyga, Michael Gahler, Kinga Gál, Sunčana Glavak, Raphaël Glucksmann, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Márton Gyöngyösi, Sandra Kalniete, Karol Karski, Dietmar Köster, Stelios Kouloglou, Andrius Kubilius, Ilhan Kyuchyuk, David Lega, Miriam Lexmann, Nathalie Loiseau, Antonio López-Istúriz White, Claudiu Manda, Lukas Mandl, Thierry Mariani, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Sven Mikser, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Gheorghe-Vlad Nistor, Urmas Paet, Kostas Papadakis, Tonino Picula, Manu Pineda, Kati Piri, Giuliano Pisapia, Diana Riba i Giner, María Soraya Rodríguez Ramos, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Jacek Saryusz-Wolski, Andreas Schieder, Radosław Sikorski, Sergei Stanishev, Tineke Strik, Hermann Tertsch, Hilde Vautmans, Harald Vilimsky, Idoia Villanueva Ruiz, Thomas Waitz, Witold Jan Waszczykowski, Charlie Weimers, Isabel Wiseler-Lima, Željana Zovko |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Katarina Barley, Nicolas Bay, Arnaud Danjean, Katrin Langensiepen, Hannah Neumann, Mick Wallace |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
60 |
+ |
PPE |
Traian Băsescu, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Kinga Gál, Sunčana Glavak, Sandra Kalniete, Andrius Kubilius, David Lega, Miriam Lexmann, Antonio López‑Istúriz White, Lukas Mandl, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Francisco José Millán Mon, Gheorghe‑Vlad Nistor, Radosław Sikorski, Isabel Wiseler‑Lima, Željana Zovko |
S&D |
Maria Arena, Katarina Barley, Włodzimierz Cimoszewicz, Tanja Fajon, Raphaël Glucksmann, Dietmar Köster, Claudiu Manda, Sven Mikser, Tonino Picula, Kati Piri, Giuliano Pisapia, Nacho Sánchez Amor, Isabel Santos, Andreas Schieder, Sergei Stanishev |
RENEW |
Petras Auštrevičius, Katalin Cseh, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Javier Nart, Urmas Paet, María Soraya Rodríguez Ramos, Hilde Vautmans |
ID |
Anna Bonfrisco, Susanna Ceccardi |
VERTS |
Alviina Alametsä, Reinhard Bütikofer, Katrin Langensiepen, Hannah Neumann, Diana Riba i Giner, Tineke Strik, Thomas Waitz |
ECR |
Anna Fotyga, Karol Karski, Jacek Saryusz‑Wolski, Hermann Tertsch, Witold Jan Waszczykowski, Charlie Weimers |
NI |
Fabio Massimo Castaldo, Márton Gyöngyösi |
7 |
- |
GUE |
Stelios Kouloglou, Manu Pineda, Idoia Villanueva Ruiz, Mick Wallace |
ID |
Nicolas Bay, Thierry Mariani |
NI |
Kostas Papadakis |
2 |
0 |
ID |
Lars Patrick Berg, Harald Vilimsky |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAS-SUQ INTERN U L-ĦARSIEN TAL-KONSUMATUR (8.7.2020)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali
li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-qafas tal-aspetti etiċi tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati
Rapporteur għal opinjoni: Alexandra Geese
(Inizjattiva – Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura)
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 57 tar-Regoli ta' Proċedura
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli:
– biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
A. billi gwida etika, bħall-prinċipji adottati mill-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, tipprovdi punt ta' tluq tajjeb, iżda mhijiex biżżejjed biex tiżgura li n-negozji jaġixxu b'mod ġust u tiggarantixxi protezzjoni effettiva tal-konsumatur;
Kamp ta' applikazzjoni
1. Jissottolinja l-importanza ta' qafas regolatorju tal-UE li jiffoka fuq l-aspetti etiċi tal-intelliġenza artfifċjali (IA), ir-robotika u teknoloġiji relatati li japplika meta konsumaturi fl-Unjoni jkunu utenti ta' sistema algoritmika jew ikunu soġġetti għaliha, fil-mira tagħha jew iggwidati lejha, irrispettivament mill-post ta' stabbiliment tal-entitajiet li jiżviluppaw, ibigħu jew jużaw is-sistema; jemmen, barra minn hekk, li, fl-interess taċ-ċertezza legali, ir-regoli stabbiliti għandhom japplikaw għall-iżviluppaturi kollha u tul il-katina tal-valur, jiġifieri l-iżvilupp, il-varar u l-użu tat-teknoloġiji rilevanti u l-komponenti tagħhom u għandhom jiggarantixxu livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur; itenni l-importanza tal-valuri tal-Unjoni kif imsemmi fit-Trattati rigward l-importanza tal-protezzjoni tad-data personali u ta' kunsens infurmat u espliċitu u jipproponi li dawk ir-regoli jqisu l-lezzjonijiet meħuda mill-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 2016/679[19] (GDPR), li jitqies bħala parametru referenzjarju globali; iqis li rappreżentant legali, stabbilit fl-Unjoni, li lilu jistgħu jiġu indirizzati talbiet, sabiex, pereżempju, ikun jista' jingħata rimedju lill-konsumatur, huwa importanti għall-infurzar ta' qafas regolatorju futur tal-UE;
2. Jinnota li l-qafas regolatorju tal-UE għandu japplika għal sistemi algoritmiċi, inklużi l-oqsma tal-IA, l-internet tal-oġġetti, it-tagħlim awtomatiku, is-sistemi bbażati fuq ir-regoli, il-proċessi awtomatizzati u assistiti ta' teħid ta' deċiżjonijiet u r-robotika; jinnota wkoll li għandhom jiġu żviluppati sistemi ta' ikoni standardizzati li jispjegaw dawk is-sistemi lill-konsumaturi kull meta dawk is-sistemi jkunu kkumplikati jew ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet li jħallu impatt sinifikanti fuq il-ħajja tal-konsumaturi;
3. Jisħaq li l-qafas regolatorju tal-UE jrid ikollu approċċ iċċentrat fuq il-bniedem u jwassal għall-iżvilupp ta' sistemi li jinkorporaw il-valuri etiċi Ewropej mid-disinn; iqis li qafas regolatorju tal-UE li jiffoka fuq il-valuri tal-Unjoni kif imsemmi fit-Trattati jkun jirrappreżenta valur miżjud li jipprovdi lill-Ewropa vantaġġ kompetittiv uniku u jagħti kontribut sinifikanti lill-benesseri u l-prosperità taċ-ċittadini u n-negozji tal-Unjoni, kif ukoll jagħti spinta lis-suq intern; jissottolinja li qafas etiku għall-IA jirrappreżenta wkoll valur miżjud fir-rigward tal-promozzjoni tal-innovazzjoni fis-suq intern;
4. Jirrimarka li l-qafas leġiżlattiv introdott bid-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE[20] jipprevedi lista armonizzata ta' obbligi għall-produtturi, l-importaturi u d-distributuri, jinkoraġġixxi l-użu ta' standards u jipprevedi diversi livelli ta' kontroll skont kemm ikun perikoluż il-prodott; iqis li dak il-qafas għandu japplika wkoll għal prodotti bl-IA inkorporata;
5. Jisħaq li kwalunkwe regolament futur għandu jsegwi approċċ differenzjat ibbażat fuq ir-riskju biex jippermetti l-iżvilupp u l-varar ta' sistemi siguri u affidabbli, bi kriterji u indikaturi ċari, segwiti minn valutazzjoni legali imparzjali abbażi tal-ħsara potenzjali għall-individwu jew il-ksur potenzjali tad-drittijiet tal-individwu kif ukoll għas-soċjetà inġenerali, filwaqt li jitqies il-kuntest speċifiku tal-użu tas-sistema algoritmika; jisħaq li l-obbligi legali u r-rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni għandhom jiżdiedu gradwalment skont il-livell ta' riskju identifikat; jenfasizza li fil-kategoriji tar-riskju l-aktar baxx, m'għandu jkun hemm ebda obbligu legali addizzjonali; jinnota li sistemi algoritmiċi li jistgħu jagħmlu l-ħsara lil individwu jew jikkawżaw ksur potenzjali tad-drittijiet ta' individwu jew ikollhom impatt fuq l-aċċess ta' individwu għall-benefiċċji pubbliċi m'għandhomx jitqiesu li huma fil-kategorija tar-riskju l-aktar baxx; jinnota li l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju għandu jsegwi regoli ċari u trasparenti li jipprovdu ċertezza tad-dritt suffiċjenti filwaqt li jibqgħu validi fil-futur; jitlob implimentazzjoni uniformi tas-sistema ta' klassifikazzjoni tar-riskju u obbligi legali relatati biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fost l-Istati Membri u biex tiġi evitata frammentazzjoni tas-suq intern; jisħaq li l-valutazzjoni tar-riskju ta' sistema speċifika trid tkun soġġetta għal valutazzjoni mill-ġdid regolari;
6. Ifakkar li l-Kummissjoni għandha teżamina l-qafas legali eżistenti u l-applikazzjoni tiegħu, inkluż l-acquis tal-liġi tal-konsumatur, il-leġiżlazzjoni dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti, il-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodotti u l-leġiżlazzjoni dwar is-sorveljanza tas-suq, sabiex jiġu identifikati lakuni legali, kif ukoll obbligi regolatorji eżistenti; iqis li dan huwa meħtieġ sabiex jiġi aċċertat jekk il-qafas legali eżistenti tal-UE huwiex kapaċi jwieġeb għall-IA, ir-robotika u teknoloġiji relatati emerġenti u jekk huwiex kapaċi jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur;
Ġestjoni tad-data
7. Jissottolinja l-importanza ta' qafas etiku u regolatorju tal-UE, li jinkludi b'mod partikolari dispożizzjonijiet li jeħtieġu data ta' kwalità għolja biex is-sistemi algoritmiċi jitħarrġu b'rabta mal-iskop tal-użu tagħhom; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġi żgurat li d-data ta' taħriġ użata tkun rappreżentata u, fejn possibbli, it-tneħħija tal-preġudizzju mis-settijiet ta' data, kif ukoll ta' standards tad-data u ta' aggregazzjoni sabiex il-produzzjoni ta' sistemi algoritmiċi issir aħjar u tingħata spinta lill-fiduċja u l-aċċettazzjoni tal-konsumaturi; jisħaq li dawk is-settijiet ta' data għandhom ikunu jistgħu jiġu awditjati mill-awtoritajiet kompetenti kull meta jintalbu jiżguraw il-konformità tagħhom mal-prinċipji msemmija preċedentement;
Ħarsien tal-konsumatur: trasparenza u spjegabbiltà tal-algoritmi
8. Jissottolinja li l-fiduċja tal-konsumatur hija essenzjali għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-IA, ir-robotika u teknoloġiji relatati li jistgħu jġorru riskji inerenti meta jkunu bbażati fuq algoritmi opaki u settijiet ta' data preġudikati; jemmen li l-konsumaturi għandu jkollhom id-dritt li jkunu infurmati b'mod li jinftiehem, fil-ħin, b'mod ċar u aċċessibbli dwar l-eżistenza, ir-raġunament, l-eżitu possibbli u l-impatt għall-konsumaturi tas-sistemi algoritmiċi, dwar kif jistgħu jikkuntattjaw bniedem b'setgħat deċiżjonali, u dwar kif id-deċiżjonijiet tas-sistema jistgħu jiġu vverifikati, ikkontestati u kkoreġuti b'mod sinifikattiv; ifakkar li l-bnedmin dejjem għandu jkollhom il-possibbiltà li jannullaw deċiżjonijiet awtomatizzati; jemmen li l-konsumaturi għandhom ikunu protetti wkoll bid-dritt li jitfu jew jillimitaw sistema tal-IA li tuża l-personalizzazzjoni fejn possibbli; jisħaq fuq l-importanza tal-proporzjonalità fl-iżvilupp ta' tali qafas ta' trasparenza biex jiġi evitat li jinħoloq piż mhux meħtieġ fuq in-negozji ġodda u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) li joperaw f'setturi b'riskju baxx;
9. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi li jinħolqu minn sistemi algoritmiċi u li jiġi żgurat li l-konsumaturi jkollhom is-setgħa u l-protezzjoni kif xieraq; jissottolinja l-ħtieġa li wieħed iħares lil hinn mill-prinċipji tradizzjonali ta' informazzjoni u ta' żvelar li fuqhom inbena l-acquis tal-konsumatur, peress li se jkunu meħtieġa drittijiet tal-konsumatur aktar b'saħħithom u limitazzjonijiet ċari dwar l-iżvilupp, il-varar u l-użu ta' sistemi algoritmiċi biex jiżguraw li t-teknoloġija tikkontribwixxi biex il-ħajja tal-konsumaturi tkun aħjar u tevolvi b'mod li jirrispetta d-drittijiet fundamentali u tal-konsumatur u l-valuri Ewropej;
10. Iqis li approċċ ta' disinn sensittiv għall-valuri huwa meħtieġ ħafna biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni soċjali mifruxa tal-IA għall-konsumaturi; iqis li l-valuri etiċi ta' ġustizzja, preċiżjoni, kunfidenzjalità u trasparenza għandhom ikunu l-bażi tal-IA, li f'dan il-kuntest jimplika li l-operazzjonijiet tas-sistema għandhom ikunu tali li ma jiġġenerawx riżultati preġudikati inġustament;
11. Ifakkar fl-importanza li tiġi żgurata d-disponibbiltà ta' rimedji effettivi għall-konsumaturi u jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq nazzjonali jiżguraw li jkunu disponibbli proċeduri u strutturi ta' rieżami aċċessibbli, affordabbli, indipendenti u effettivi biex jiżguraw rieżami uman imparzjali tal-allegazzjonijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-konsumatur minn użu ta' sistemi algoritmiċi, kemm jekk joriġinaw minn atturi tas-settur pubbliku kif ukoll jekk joriġinaw minn atturi tas-settur privat; iħeġġeġ li r-riżoluzzjoni tat-tilwim u l-mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv f'konformità mad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE[21] għandhom ikunu disponibbli biex jiġu kkontestati l-introduzzjoni jew l-użu kontinwu ta' sistema li tinvolvi riskju ta' ksur tad-drittijiet tal-konsumatur, jew jiġi rrimedjat ksur tad-drittijiet; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-organizzazzjonijiet nazzjonali u Ewropej tal-konsumaturi jkollhom biżżejjed fondi biex jgħinu lill-konsumaturi jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal rimedju f'każijiet fejn id-deċiżjonijiet ibbażati fuq l-applikazzjonijiet tal-IA jiksru d-drittijiet tal-konsumaturi;
12. Jisħaq li meta fondi joriġinaw minn sorsi pubbliċi jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-iżvilupp jew l-implimentazzjoni ta' sistema algoritmika, minbarra standards ta' akkwist miftuħ u kkuntrattar miftuħ, il-kodiċi, id-data ġġenerata, sakemm ma tkunx personali, u l-mudell imħarreġ jistgħu jkunu pubbliċi b'mod awtomatiku fuq ftehim mal-iżviluppatur, biex tkun garantita t-trasparenza, tissaħħaħ iċ-ċibersigurtà u jkun possibbli l-użu mill-ġdid tagħhom għat-trawwim tal-innovazzjoni; jisħaq li, b'dan il-mod, il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku jista' jiġi sfruttat filwaqt li tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq;
Suq intern: informazzjoni u sensibilizzazzjoni tal-konsumatur
13. Jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat li l-interessi tal-konsumaturi kollha, inklużi konsumaturi li huma emarġinati jew jinsabu f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, bħal persuni b'diżabilità, jitqiesu adegwatament u jiġu rappreżentati f'qafas regolatorju futur tal-UE; jinnota li għall-fini tal-analiżi tal-impatti tas-sistemi algoritmiċi fuq il-konsumaturi, l-aċċess għad-data jista' jiġi estiż għall-partijiet xierqa, b'mod partikolari r-riċerkaturi indipendenti, il-midja u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fejn possibbli permezz ta' Interfaċċi għall-Ipprogrammar tal-Applikazzjonijiet (APIs), filwaqt li tiġi rrispettata bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza u dwar is-sigriet kummerċjali; ifakkar fl-importanza li l-konsumaturi jiġu edukati biex ikunu iktar infurmati u mgħammra b'ħiliet meta jużaw sistemi algoritmiċi, sabiex ikunu mħarsa mir-riskji potenzjali u jiġu rrispettati d-drittijiet tagħhom; iqis li l-IA, l-internet tal-oġġetti, u teknoloġiji emerġenti oħrajn għandhom potenzjal enormi li jwasslu opportunitajiet għall-konsumaturi biex ikollhom aċċess għal diversi kumditajiet li jiffaċilitaw il-ħajja tagħhom ta' kuljum b'diversi modi u jippermettu prodotti u servizzi aħjar, filwaqt li jkunu ta' benefiċċju għall-konsumaturi f'termini ta' trawwim ta' sorveljanza aħjar tas-suq, sakemm jibqgħu japplikaw il-prinċipji, il-kundizzjonijiet (inklużi t-trasparenza u l-kapaċità tal-awditjar) u r-regolamenti kollha applikabbli;
14. Jissottolinja l-importanza li jinkiseb livell għoli ta' litteriżmu diġitali ġenerali u li jingħata taħriġ lil professjonisti b'ħiliet għolja f'dan il-qasam kif ukoll li jiġi żgurat ir-rikonoxximent reċiproku ta' tali kwalifiki fl-Unjoni kollha; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm timijiet varjati ta' żviluppaturi u inġiniera li jaħdmu flimkien mal-atturi ewlenin tas-soċjetà, biex il-preġudizzji bbażati fuq il-ġeneru u l-kultura jinżammu milli jiġu inklużi b'mod involontarju fl-algoritmi, fis-sistemi u fl-applikazzjonijiet tal-IA; jappoġġa l-ħolqien ta' kurrikuli edukattivi u attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni pubblika li jikkonċernaw l-impatt soċjetali, legali u etiku tal-IA;
15. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u tiffinanzja l-iżvilupp ta' IA, robotika u teknoloġiji relatati ċċentrati fuq il-bniedem li jindirizzaw l-isfidi ambjentali u klimatiċi u li jiżguraw aċċess ugwali għad-drittijiet fundamentali u t-tgawdija tagħhom permezz tal-użu ta' inċentivi fiskali, ta' akkwist jew ta' inċentivi oħra;
16. Jissottolinja li l-IA u s-sistemi algoritmiċi għandhom ikunu legalment konformi, robusti, affidabbli u siguri sa mit-tfassil tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-approċċ regolatorju tal-Unjoni għal sistemi algoritmiċi jkun jinkludi miżuri xierqa li jagħmluha possibbli li dawn is-sistemi jkunu soġġetti għal kontroll u sorveljanza indipendenti;
Sorveljanza tas-suq
17. Jitlob l-istabbiliment ta' ċentru Ewropew ta' għarfien espert li jsaħħaħ il-kapaċitajiet tal-Unjoni u li jibni kemm jista' jkun fuq strutturi eżistenti biex jippromwovi l-iskambju ta' informazzjoni relatata mas-sistemi algoritmiċi bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u jappoġġa l-iżvilupp ta' fehim komuni fis-suq uniku billi joħroġ gwidi, opinjonijiet u għarfien espert għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, jindirizza kwistjonijiet potenzjali ta' protezzjoni tal-konsumatur, jidentifika standards għall-aħjar prattika, u, fejn xieraq, jagħmel rakkomandazzjonijiet għal miżuri regolatorji; jitlob ukoll li din l-istruttura tingħata pariri xierqa mill-organizzazzjonijiet ta' partijiet ikkonċernati, bħal organizzazzjonijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur, sabiex tiżgura rappreżentanza xierqa tal-konsumaturi; iqis li minħabba l-impatt sproporzjonat ta' sistemi algoritmiċi fuq in-nisa u l-minoranzi, il-livelli ta' deċiżjoni ta' tali struttura għandhom ikunu diversi u bbilanċjati bejn il-ġeneri; jenfasizza li l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżviluppaw strateġiji ta' ġestjoni tar-riskju għall-IA fil-kuntest tal-istrateġiji nazzjonali tagħhom għas-sorveljanza tas-suq;
18. Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi miżuri għat-traċċabbiltà tad-data, b'kunsiderazzjoni kemm tal-legalità tal-akkwist tad-data kif ukoll tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur u tad-drittijiet fundamentali; jisħaq, sadanittant, li s-settijiet tad-data, l-algoritmi u l-proċessi użati fl-iżvilupp u fil-varar ta' sistemi algoritmiċi, inklużi dawk ta' ġbir ta' data u tikkettar tad-data, għandhom jiġu ddokumentati skont l-istandard tal-industrija; jinnota li huwa essenzjali li d-dokumentazzjoni tal-valutazzjoni tar-riskju, id-dokumentazzjoni tas-software, l-algoritmi u s-settijiet ta' data użati jew prodotti mill-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati jkunu aċċessibbli u spjegabbli għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, filwaqt li jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni u s-sigrieti kummerċjali; jinnota wkoll li tali dokumentazzjoni għandha tinħażen minn dawk li jkunu involuti fl-istadji differenti tal-iżvilupp ta' sistemi algoritmiċi; jinnota li l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għandhom jingħataw prerogattivi addizzjonali f'dak ir-rigward; iqis li jista' jkun hemm bżonn ta' eżami tal-leġiżlazzjoni attwali dwar is-sorveljanza tas-suq biex tiġi evitata l-obsolexxenza tagħha u biex jiġi żgurat li din tirrispondi b'mod etiku għall-IA, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati emerġenti;
19. Jitlob lil kull Stat Membru jaħtar awtorità nazzjonali kompetenti u jipprovdilha finanzjament suffiċjenti għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mas-sistemi algoritmiċi; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza tas-suq jissaħħu f'termini ta' kapaċità, ħiliet, u kompetenzi fl-IA, kif ukoll fl-għarfien dwar ir-riskji speċifiċi tal-IA;
20. Jappella għal koordinazzjoni b'saħħitha tal-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-istabbiliment ta' bord Ewropew ta' sorveljanza tas-suq għas-sistemi algoritmiċi magħmul minn awtoritajiet nazzjonali, biex tiġi żgurata sorveljanza effettiva, kundizzjonijiet Ewropej ekwi u biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern;
21. Jirrikonoxxi r-riżultat siewi tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, b'mod partikolari "Il-Linji Gwida dwar l-Etika għal Intelliġenza Artifiċjali Affidabbli"; jissuġġerixxi li dak il-grupp li jkun jinkludi rappreżentanti mid-dinja akkademika, is-soċjetà ċivili u l-industrija, kif ukoll l-Alleanza Ewropea għall-IA, ikun jista' jipprovdi għarfien espert lill-bord ta' sorveljanza tas-suq Ewropew għal sistemi algoritmiċi;
22. Jinnota li, b'mod partikolari f'oqsma min-negozju għall-konsumatur, is-sistemi għandhom ikunu ċċentrati fuq l-utent u mfassla b'tali mod li jippermettu lil kulħadd juża prodotti jew servizzi tal-IA, irrispettivament mill-età, il-ġeneru, l-abbiltajiet jew il-karatteristiċi tagħhom; jinnota li l-aċċessibbiltà għal din it-teknoloġija għall-persuni b'diżabilità hija ta' importanza partikolari; jinnota li s-sistemi tal-IA m'għandux ikollhom approċċ wieħed tajjeb għal kulħadd u għandhom jikkunsidraw il-prinċipji tad-disinn universali li jindirizzaw il-firxa l-aktar wiesgħa possibbli ta' utenti, skont l-istandards ta' aċċessibbiltà rilevanti; jisħaq li dan jippermetti li l-individwi jkollhom aċċess ekwu għal attivitajiet tal-bniedem medjati mill-kompjuter u għal teknoloġiji ta' assistenza eżistenti u emerġenti u li jipparteċipaw b'mod attiv fihom;
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
7.7.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
39 1 4 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Alex Agius Saliba, Andrus Ansip, Alessandra Basso, Brando Benifei, Adam Bielan, Hynek Blaško, Biljana Borzan, Vlad-Marius Botoş, Markus Buchheit, Dita Charanzová, Deirdre Clune, David Cormand, Petra De Sutter, Carlo Fidanza, Evelyne Gebhardt, Alexandra Geese, Sandro Gozi, Maria Grapini, Svenja Hahn, Virginie Joron, Eugen Jurzyca, Arba Kokalari, Marcel Kolaja, Kateřina Konečná, Andrey Kovatchev, Jean-Lin Lacapelle, Maria-Manuel Leitão-Marques, Adriana Maldonado López, Antonius Manders, Beata Mazurek, Leszek Miller, Kris Peeters, Anne-Sophie Pelletier, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Tomislav Sokol, Ivan Štefanec, Kim Van Sparrentak, Marion Walsmann, Marco Zullo |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Pascal Arimont, Maria da Graça Carvalho, Edina Tóth, Stéphanie Yon-Courtin |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
39 |
+ |
PPE S&D RENEW VERTS/ALE ECR EUL/NGL NI |
Pascal Arimont, Maria da Graça Carvalho, Deirdre Clune, Arba Kokalari, Andrey Kovatchev, Antonius Manders, Kris Peeters, Andreas Schwab, Tomislav Sokol, Ivan Štefanec, Edina Tóth, Marion Walsmann Alex Agius Saliba, Brando Benifei, Biljana Borzan, Evelyne Gebhardt, Maria Grapini, MariaManuel LeitãoMarques, Adriana Maldonado López, Leszek Miller, Christel Schaldemose Andrus Ansip, VladMarius Botoş, Dita Charanzová, Sandro Gozi, Svenja Hahn, Stéphanie YonCourtin David Cormand, Petra De Sutter, Alexandra Geese, Marcel Kolaja, Kimvan Sparrentak Adam Bielan, Carlo Fidanza, Eugen Jurzyca, Beata Mazurek Kateřina Konečná, AnneSophie Pelletier Marco Zullo |
1 |
- |
ID |
Hynek Blaško |
4 |
0 |
ID |
Alessandra Basso, Markus Buchheit, Virginie Joron, JeanLin Lacapelle |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAT-TRASPORT U T-TURIŻMU (16.7.2020)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali
li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar qafas tal-aspetti etiċi tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati
Rapporteur għal opinjoni: Valter Flego
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 57 tar-Regoli ta' Proċedura
(Inizjattiva – Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura)
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
A. billi l-Intelliġenza Artifiċjali (IA) hija forma ta' teknoloġija li għandha importanza strateġika għas-settur tat-trasport u hija mistennija li tkun ta' benefiċċju għaċ-ċittadini u għas-soċjetà, billi ttejjeb il-kwalità tal-ħajja, iżżid il-livell ta' sikurezza fil-mezzi kollha tat-trasport, u toħloq opportunitajiet ġodda ta' impjieg u mudelli ta' negozju aktar sostenibbli; billi l-IA għandha l-potenzjal li tittrasforma s-soċjetà b'mod sinifikanti, partikolarment jekk issir disponibbli u aċċessibbli b'mod wiesa';
B. billi l-potenzjal sħiħ tal-IA fis-settur tat-trasport jista' jiġi sfruttat biss jekk l-utenti jkunu konxji mill-benefiċċji u l-isfidi potenzjali li ġġib magħha tali teknoloġija; billi huwa meħtieġ li din il-kwistjoni tiġi indirizzata fl-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż f'termini ta' promozzjoni tal-inklużjoni diġitali, u li jsiru kampanji ta' informazzjoni fil-livell tal-Unjoni li jagħtu rappreżentazzjoni preċiża tal-aspetti kollha tal-iżvilupp tal-IA;
C. billi approċċ Ewropew għall-IA, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati għandu jkun konformi mal-prinċipji etiċi sabiex jiżgura li l-IA, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati jkunu ċċentrati fuq il-bniedem, isaħħaħ il-benesseri tal-bniedem, is-sikurezza, il-benesseri tas-soċjetà u dik tal-ambjent, jindirizza d-dilemmi etiċi relevanti, jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet, il-valuri u l-prinċipji fundamentali tal-Unjoni, u sabiex ikun għalkollox konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data; billi dan l-approċċ se jkun jeħtieġ li jindirizza wkoll kwistjonijiet rigward il-kwalità ta' settijiet ta' data użati f'sistemi algoritmiċi, kif ukoll l-algoritmi nfushom, u l-istandards tad-data u ta' aggregazzjoni;
D. billi l-IA affidabbli trid tkun ibbażata fuq erba' prinċipji etiċi: ir-rispett għall-awtonomija tal-bniedem, il-prevenzjoni tal-ħsara, il-ġustizzja u l-ispjegabbiltà; billi r-rispett ta' dawk il-prinċipji etiċi jirrikjedi l-adozzjoni ta' regoli speċifiċi għas-settur tat-trasport tal-Unjoni;
E. billi l-iżball uman għadu involut f'madwar 95 % tal-inċidenti tat-traffiku kollha fl-Unjoni; billi l-Unjoni kellha l-għan li sal-2020 tnaqqas b'50 % il-fatalitajiet annwali fit-toroq fl-UE, meta mqabbla mal-2010, iżda, fid-dawl tal-progress li qed jistaġna, ġeddet l-isforzi tagħha fil-Qafas ta' Politika għas-Sikurezza fit-Toroq għall-2021-2030 tagħha - Il-passi li jmiss lejn "Viżjoni Żero"; billi f'dan ir-rigward, l-IA, l-awtomatizzazzjoni u teknoloġiji ġodda oħra għandhom potenzjal kbir u importanza vitali biex iżidu s-sikurezza fit-toroq billi jnaqqsu l-possibbiltajiet ta' żball uman;
F. billi l-IA, l-awtomatizzazzjoni u teknoloġiji ġodda oħra jistgħu jikkontribwixxu wkoll għat-tnaqqis fil-konġestjoni tat-traffiku u l-emissjonijiet ta' gassijiet serra u ta' sustanzi li jniġġsu l-arja;
G. billi l-produzzjoni ta' IA, robotika u tekonoloġiji relatati fis-settur tat-trasport, li huma etikament responsabbli, iċċentrati fuq il-bniedem u teknoloġikament robusti, toffri lin-negozji Ewropej, inklużi l-SMEs, opportunità ta' negozju biex isiru mexxejja globali f'dan il-qasam;
H. billi dawn l-opportunitajiet il-ġodda ta' negozju jistgħu jikkontribwixxu għall-irkupru tal-industrija tal-Unjoni wara l-kriżi ekonomika u tas-saħħa attwali u jistgħu jikkontribwixxu biex jagħmlu użu akbar mit-teknoloġija tal-IA fl-industrija tat-trasport; billi opportunitajiet bħal dawn joħolqu impjiegi ġodda, peress li l-użu tal-IA u tat-teknoloġiji relatati għandu l-potenzjal li jżid il-livelli ta' produttività tan-negozji u jikkontribwixxi għal tijib fl-effiċjenza; billi l-programmi ta' innovazzjoni f'dan il-qasam jistgħu jippermettu li r-raggruppamenti reġjonali jimxu 'l quddiem;
I. billi approċċ Ewropew għall-iżvilupp tal-IA, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati fit-trasport għandu l-potenzjal li jżid il-kompetittività globali u l-awtonomija strateġika tal-ekonomija tal-Unjoni;
J. billi, fir-rigward ta' setturi bħat-trasport pubbliku, jistgħu jintużaw sistemi tal-IA għal sistemi tat-trasport intelliġenti biex jimminimizzaw il-kjuwijiet, jottimizzaw ir-rotot, jippermettu lil nies b'diżabilità jkunu aktar indipendenti, u jżidu l-effiċjenza enerġetika u b'hekk isaħħu l-isforzi ta' dekarbonizzazzjoni u jnaqqsu l-impronta ambjentali;
1. Jenfasizza l-potenzjal tal-użu tal-IA, tar-robotika u tat-teknoloġiji relatati għall-mezzi awtonomi kollha tat-trasport bit-triq, bil-ferrovija, fuq l-ilma u bl-ajru, u wkoll biex tingħata spinta lill-bidla fid-direzzjoni modali u lill-intermodalità, peress li dawn it-teknoloġiji jistgħu jikkontribwixxu biex tinstab it-taħlita ottimali tal-modi ta' trasport għat-trasport ta' oġġetti u passiġġieri; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-potenzjal tagħhom li jagħmlu t-trasport, il-loġistika u l-flussi tat-traffiku aktar effiċjenti u jagħmlu l-modi kollha tat-trasport aktar sikuri, aktar intelliġenti, u aktar ekoloġiċi; jirrimarka li approċċ etiku għall-IA jista' jitqies ukoll bħala sistema ta' twissija bikrija, b'mod partikolari fir-rigward tas-sikurezza u l-effiċjenza tat-trasport;
2 Jenfasizza l-fatt li l-kompetizzjoni globali bejn il-kumpaniji u r-reġjuni ekonomiċi jfisser li l-Unjoni teħtieġ li tippromwovi l-investimenti u ssaħħaħ il-kompetittività internazzjonali tal-kumpaniji li joperaw fis-settur tat-trasport billi toħloq ambjent favorevoli għall-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' soluzzjonijiet tal-IA u innovazzjonijiet ulterjuri, li fih l-intrapriżi bbażati fl-Unjoni jkunu jistgħu jsiru mexxejja dinjija fl-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-IA;
3. Jisħaq li s-settur tat-trasport tal-UE jeħtieġ aġġornament tal-qafas regolatorju rigward tali teknoloġiji emerġenti u l-użu tagħhom fis-settur tat-trasport u jeħtieġ qafas etiku ċar għall-kisba ta' IA affidabbli, inkluż is-sikurezza, is-sigurtà, ir-rispett għall-awtonomija tal-bniedem, l-aspetti ta' sorveljanza u ta' responsabbiltà, li jżidu l-benefiċċji li huma kondiviżi minn kulħadd u li jkunu essenzjali biex tingħata spinta lill-investiment fir-riċerka u fl-innovazzjoni, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-adozzjoni tal-IA mis-servizzi pubbliċi, l-SMEs, in-negozji ġodda u n-negozji u fl-istess ħin jiżgura l-protezzjoni tad-data kif ukoll l-interoperabbiltà, mingħajr ma jimponi piż amministrattiv bla bżonn fuq in-negozji u l-konsumaturi; jisħaq li huwa kruċjali li jiġi żgurat li kwalunkwe aġġornament tal-qafas regolatorju li jikkonċerna dawn it-teknoloġiji emerġenti jkun dejjem ibbażat fuq ħtieġa reali u jikkonforma mal-prinċipju ta' regolamentazzjoni aħjar u f'dan ir-rigward:
a) jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi qafas ċar ta' prinċipji etiċi għall-iżvilupp, il-varar u l-użu ta' IA, robotika u teknoloġiji relatati fis-settur tat-trasport; kwalunkwe IA, robotika u teknoloġija relatata fis-settur tat-trasport trid tiġi żviluppata, varata u użata skont dawk il-prinċipji etiċi;
b) jirrakkomanda l-istabbiliment ta' linji gwida għal klassifikazzjoni armonizzata tar-riskji ta' teknoloġiji mħaddma bl-IA fil-modi kollha tat-trasport, li jkopru l-funzjonijiet tal-vetturi allokati lill-bnedmin u lill-IA, u li jiċċaraw ir-responsabbiltajiet u r-rekwiżiti fir-rigward tas-sikurezza;
c) jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-użu tal-istruttura eżistenti Ewropea tas-sorveljanza tas-suq għal sistemi algoritmiċi, inklużi d-dispożizzjonijiet assoċjati dwar il-protezzjoni tad-data, l-għoti ta' gwida, opinjonijiet u għarfien espert lill-awtoritajiet tal-Istati Membri, inkluż dwar l-interoperabbiltà;
d) jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf skema ta' klassifikazzjoni tar-riskji tal-IA għas-sistemi tat-trasport intelliġenti, f'konformità mal-valutazzjonijiet tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli, sabiex tirreaġixxi aħjar għall-ħtiġijiet emerġenti tas-settur tat-trasport;
e) jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tal-SMEs u tfassal il-leġiżlazzjoni futura b'tali mod li ttejjeb l-opportunitajiet għal dawn l-intrapriżi biex jiżviluppaw u jużaw it-teknoloġija tal-IA;
f) iqis li huwa meħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni dettaljata lill-utenti finali rigward it-tħaddim ta' sistemi ta' trasport u vetturi bbażati fuq l-IA;
4. Jenfasizza li l-approċċ Ewropew għat-teknoloġija tal-IA għandu jikseb il-fiduċja tan-nies, iservi l-interess pubbliku, u jsaħħaħ ir-responsabbiltà soċjali kondiviża; iqis l-iżvilupp ta' IA affidabbli, etikament responsabbli u teknikament robusta bħala fattur importanti li jippermetti mobbiltà sostenibbli u intelliġenti li tkun sikura u aċċessibbli; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi l-użu tal-IA fis-settur tat-trasport u tipproponi, biex jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni jiġu rrispettati, bidliet korrispondenti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mingħajr dewmien u f'kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati kollha fis-settur tat-trasport;
5. Jisħaq li l-iżvilupp u l-varar tal-IA jridu jippermettu servizzi tat-trasport sikuri u aċċessibbli;
6. Jirrakkomanda l-iżvilupp ta' standards tal-IA affidabbli fl-Unjoni kollha għall-modi ta' trasport kollha, inkluża l-industrija tal-karozzi, f'dak li jikkonċerna s-sikurezza, l-interoperabbiltà, ir-robustezza teknika, il-kapaċità ta' tiswija u r-riċiklabbiltà tal-hardware relatat, inkluż biex jiġi indirizzat tħassib relatat mal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, il-privatezza, il-protezzjoni tad-data u t-trasparenza, kif ukoll għall-ittestjar ta' vetturi mħaddma bl-IA u ta' prodotti u servizzi relatati;
7. Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-Istati Membri fuq it-tfassil, l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' standards affidabbli tal-IA fl-Unjoni; jinnota li l-Unjoni għandha l-potenzjal li ssir mexxejja globali fil-promozzjoni ta' approċċ soċjalment responsabbli u sostenibbli għat-teknoloġija tal-IA u l-użu tagħha;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li aġenzija, istituzzjoni jew entità eżistenti relevanti waħda jew diversi fil-livell tal-Unjoni jiġu fdati b'mekkaniżmi ta' monitoraġġ, infurzar u sanzjonar u tesplora kif l-istrumenti eżistenti ta' sorveljanza u kontroll fis-settur tat-trasport jistgħu jkunu mgħammra u użati biex tittieħed azzjoni, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm sorveljanza fil-livell tal-Unjoni u biex il-Kummissjoni tkun tista' tieħu azzjoni jekk sistema ta' IA użata fit-trasport tikser id-drittijiet fundamentali jew il-qafas etiku u ta' sigurtà Ewropew;
9. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja l-iżvilupp ta' sistemi affidabbli tal-IA sabiex it-trasport isir aktar sikur, aktar effiċjenti, aċċessibbli, affordabbli u inklużiv, inkluż għall-persuni b'mobbiltà mnaqqsa, partikolarment persuni b'diżabilità, filwaqt li tqis id-Direttiva (UE) 2019/882[22] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-dritt tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri;
10. Jiġbed l-attenzjoni għall-valur miżjud għoli li ġej mill-vetturi awtonomi għal persuni b'mobbiltà mnaqqsa, peress li tali vetturi jippermettulhom jieħdu sehem b'mod aktar effettiv fi trasport bit-triq individwali u b'hekk jiffaċilitawlhom il-ħajja ta' kuljum tagħhom;
11. Jisħaq fuq l-importanza tal-aċċessibbiltà, speċjalment meta jitfasslu sistemi MaaS (Mobbiltà bħala Servizz);
12. Jissottolinja l-importanza kritika tax-xjenza tad-data sabiex jitfasslu sistemi ta' IA ħielsa mid-diskriminazzjoni u jiġi evitat l-użu ta' data difettuża; barra minn hekk, jirrakkomanda li jiġu segwiti proċeduri għall-ipproċessar tad-data li jkun konformi mal-GDPR u li jirrispettaw il-prinċipji tal-kunfidenzjalità u tan-nondiskriminazzjoni;
13. Jinnota li s-sistemi tal-IA jistgħu jgħinu biex inaqqsu l-għadd ta' mwiet fit-toroq b'mod sinifikanti, pereżempju permezz ta' ħinijiet ta' reazzjoni aħjar u konformità aħjar mar-regoli; iqis, madankollu, li se jkun impossibbli li l-użu ta' vetturi awtonomi jirriżulta fl-eliminazzjoni tal-inċidenti kollha u jissottolinja li dan iwassal biex l-ispjegabbiltà tad-deċiżjonijiet tal-IA ssir dejjem aktar importanti sabiex jiġu ġġustifikati n-nuqqasijiet u l-konsegwenzi mhux intenzjonati tad-deċiżjonijiet tal-IA;
14. Huwa tal-fehma li dejjem irid ikun possibbli li d-deċiżjonijiet tal-IA, kif ukoll kwalunkwe data rilevanti li tirfed dawk id-deċiżjonijiet, jiġu spjegati lill-utenti finali u lil partijiet ikkonċernati oħra f'termini mhux tekniċi;
15. Jinnota li l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-IA fis-settur tat-trasport mhux se jkunu possibbli mingħajr infrastruttura moderna, li hija parti essenzjali mis-sistemi intelliġenti tat-trasport; jisħaq li d-diverġenzi persistenti fil-livell ta' żvilupp bejn l-Istati Membri joħolqu r-riskju li r-reġjuni l-anqas żviluppati u l-abitanti tagħhom jiġu mċaħħda mill-benefiċċji li jġib miegħu l-iżvilupp tal-mobbiltà awtonoma; jitlob li ssir valutazzjoni tal-isfidi għall-futur tas-suq tax-xogħol minħabba l-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-IA fis-settur tat-trasport, u li tiġi ffinanzjata b'mod adegwat il-modernizzazzjoni tal-infrastruttura fl-Unjoni, inkluża l-integrazzjoni tagħha fin-network tal-5G.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
14.7.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
49 0 0 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Magdalena Adamowicz, Andris Ameriks, José Ramón Bauzá Díaz, Izaskun Bilbao Barandica, Marco Campomenosi, Ciarán Cuffe, Jakop G. Dalunde, Johan Danielsson, Andor Deli, Karima Delli, Anna Deparnay-Grunenberg, Ismail Ertug, Gheorghe Falcă, Giuseppe Ferrandino, Mario Furore, Søren Gade, Isabel García Muñoz, Jens Gieseke, Elsi Katainen, Kateřina Konečná, Elena Kountoura, Julie Lechanteux, Bogusław Liberadzki, Benoît Lutgen, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Marian-Jean Marinescu, Tilly Metz, Giuseppe Milazzo, Cláudia Monteiro de Aguiar, Caroline Nagtegaal, Jan-Christoph Oetjen, Philippe Olivier, Rovana Plumb, Dominique Riquet, Dorien Rookmaker, Massimiliano Salini, Barbara Thaler, István Ujhelyi, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Lucia Vuolo, Roberts Zīle, Kosma Złotowski |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Leila Chaibi, Angel Dzhambazki, Markus Ferber, Carlo Fidanza, Maria Grapini, Roman Haider, Alessandra Moretti |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
49 |
+ |
Grupp tal-ECR |
Angel Dzhambazki, Carlo Fidanza, Roberts Zīle, Kosma Złotowski |
Grupp tal-GUE/NGL |
Leila Chaibi, Kateřina Konečná, Elena Kountoura |
Grupp tal-ID |
Marco Campomenosi, Roman Haider, Julie Lechanteux, Philippe Olivier, Lucia Vuolo |
NI |
Dorien Rookmaker, Mario Furore, |
Grupp tal-PPE |
Magdalena Adamowicz, Andor Deli, Gheorghe Falcă, Markus Ferber, Jens Gieseke, Benoît Lutgen, Marian‑Jean Marinescu, Giuseppe Milazzo, Cláudia Monteiro de Aguiar, Massimiliano Salini, Barbara Thaler, Elissavet Vozemberg‑Vrionidi, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska |
Grupp Renew |
José Ramón Bauzá Díaz, Izaskun Bilbao Barandica, Søren Gade, Elsi Katainen, Caroline Nagtegaal, Jan‑Christoph Oetjen, Dominique Riquet |
Grupp tal-S&D |
Andris Ameriks, Johan Danielsson, Ismail Ertug, Giuseppe Ferrandino, Isabel García Muñoz, Maria Grapini, Bogusław Liberadzki, Alessandra Moretti, Rovana Plumb, István Ujhelyi |
Grupp tal-Verts/ALE |
Ciarán Cuffe, Jakop G. Dalunde, Karima Delli, Anna Deparnay‑Grunenberg, Tilly Metz |
0 |
- |
|
|
0 |
0 |
|
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAL-LIBERTAJIET ĊIVILI, IL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN (22.9.2020)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali
li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-qafas tal-aspetti etiċi tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati
Rapporteur għal opinjoni (*): Assita Kanko
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 57 tar-Regoli ta' Proċedura
(Inizjattiva – Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura)
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar tal-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 10, 19, 21 u 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra d-dritt ta' petizzjoni minqux fl-Artikoli 20 u 227 tat-TFUE u fl-Artikolu 44 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (EUCFR),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 21 u 22 tal-EUCFR,
– wara li kkunsidra l-preambolu tat-TUE,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali, il-Protokoll Nru 12 għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji,
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità[23] (Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol[24] (Direttiva dwar it-Trattament Ugwali fl-Impjieg),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)[25] (GDPR), kif ukoll id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI[26],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar Regoli ta' Dritt Ċivili dwar ir-Robotika[27],
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-OECD dwar l-Intelliġenza Artifiċjali adottata fit-22 ta' Mejju 2019,
A. billi l-iżvilupp u d-disinn tal-hekk imsejħa "intelliġenza artifiċjali", tar-robotika u tat-teknoloġiji relatati jsiru mill-bnedmin, u l-għażliet tagħhom jiddeterminaw il-potenzjal tal-benefiċċju ta' din it-teknoloġija għas-soċjetà;
B. billi l-obbligu ta' rendikont algoritmiku għandu jfisser l-implimentazzjoni ta' miżuri tekniċi u operazzjonali li jiżguraw trasparenza, ktajjen ta' responsabbiltà assenjati b'mod ċar, nondiskriminazzjoni permezz ta' teħid ta' deċiżjonijiet awtomatizzat jew permezz ta' kalkolu ta' probabbiltajiet ta' mġiba individwali; billi t-trasparenza għandha tagħti lill-individwi informazzjoni sinifikattiva dwar il-loġika involuta, is-sinifikat u l-konsegwenzi previsti; billi din għandha tinkludi informazzjoni dwar id-data użata għat-taħriġ tal-IA u tippermetti lill-individwi jifhmu u jimmonitorjaw id-deċiżjonijiet li jaffettwawhom;
C. billi hemm tħassib serju li l-qafas legali attwali tal-UE, inkluż l-acquis tal-liġi tal-konsumaturi, il-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodotti u dwar is-sorveljanza tas-suq, kif ukoll il-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni mhux dejjem ikun adattat għall-iskop li jindirizza b'mod effettiv ir-riskji maħluqa mill-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati;
D. billi l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati jista' jkollhom implikazzjonijiet serji fuq oġġetti materjali u immaterjali ta' individwi, gruppi, u tas-soċjetà inġenerali, u dawn il-ħsarat individwali u kollettivi jridu jiġu riflessi fit-tweġibiet leġiżlattivi;
E. billi kwistjonijiet ta' governanza fil-varar tal-IA fis-settur pubbliku jridu jiġu kkunsidrati kif xieraq f'termini tal-implikazzjonijiet tagħha għad-demokrazija, speċjalment il-leġittimità demokratika, l-obbligu ta' rendikont, l-involviment u s-sorveljanza pubbliċi sinifikattivi;
F. billi l-analiżi tad-data u l-IA għandhom impatt dejjem akbar fuq l-informazzjoni li tkun aċċessibbli għaċ-ċittadini; billi tali teknoloġiji, jekk jintużaw ħażin, jistgħu jipperikolaw id-drittijiet fundamentali għall-informazzjoni, kif ukoll il-libertà u l-pluraliżmu tal-media;
G. billi gwida etika, bħall-prinċipji adottati mill-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, tipprovdi punt ta' tluq tajjeb iżda mhijiex biżżejjed biex tiżgura li n-negozji jaġixxu b'mod ġust u tiggarantixxi protezzjoni effettiva tal-konsumatur;
1. Jisħaq li l-prospetti u l-opportunitajiet tal-intelliġenza artifiċjali jistgħu jiġu sfruttati bis-sħiħ miċ-ċittadini, is-settur pubbliku u dak privat, l-akkademja u l-komunità xjentifika biss meta l-fiduċja tal-pubbliku f'dawn it-teknoloġiji tiġi żgurata permezz ta' infurzar qawwi tad-drittijiet fundamentali u konformità mal-liġi attwali tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u ċertezza legali għall-atturi kollha involuti; jisħaq li l-ipproċessar ta' data personali jista' jsir biss skont kwalunkwe bażi ġuridika stabbilita fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/679; iqis li huwa kruċjali li t-trasparenza u l-għoti xieraq ta' informazzjoni lill-udjenzi kkonċernati jkunu fundamentali għall-bini tal-fiduċja min-naħa tal-pubbliku u għall-protezzjoni tad-drittijiet individwali;
2. Jissottolinja li l-konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data, flimkien ma' standards xjentifiċi, etiċi u legali b'saħħithom, u metodi ta' sorveljanza demokratika, ikunu fundamentali biex jiġu stabbiliti l-fiduċja fis-soluzzjonijiet tal-IA u l-affidabbiltà tagħhom; jenfasizza wkoll li l-informazzjoni żvelata mill-IA ma toffrix stampa imparzjali ta' kwalunkwe suġġett u hija affidabbli biss skont kemm tippermetti d-data sottostanti; jenfasizza li l-analiżi predittiva abbażi tal-IA tista' toffri biss probabbiltà statistika u għalhekk mhux dejjem tista' tipprevedi b'mod preċiż l-imġiba individwali; jisħaq, għalhekk, li standards xjentifiċi, etiċi u legali b'saħħithom huma ta' importanza vitali biex jiġi ġestit il-ġbir tad-data u jiġu ġġudikati r-riżultati ta' tali analiżi tal-IA;
3. Jemmen li kwalunkwe qafas ta' prinċipji etiċi għall-iżvilupp, il-varar u l-użu tal-IA, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati għandu jirrispetta bis-sħiħ il-Karta tal-UE dwar id-drittijiet fundamentali u b'hekk jirrispetta d-dinjità tal-bniedem, l-awtonomija u l-awtodeterminazzjoni tal-individwu, jipprevjeni l-ħsara, jippromwovi l-ġustizzja, l-inklużjoni u t-trasparenza, jelimina l-preġudizzji u d-diskriminazzjoni, anke tal-gruppi minoritarji, u jirrispetta u jikkonforma mal-prinċipji li jillimitaw l-esternalitajiet negattivi tat-teknoloġija użata, l-ispjegabbiltà tat-teknoloġiji, u l-garanzija li t-teknoloġiji qegħdin hemm biex iservu lin-nies u mhux biex jissostitwixxuhom jew jiddeċiedu għalihom, bl-għan aħħari li jiżdied il-benesseri ta' kulħadd;
4. Jenfasizza l-asimmetrija bejn dawk li jużaw it-teknoloġiji tal-IA u dawk li jinteraġixxu magħhom u huma soġġetti għalihom; jisħaq, f'dan il-kuntest, li l-fiduċja taċ-ċittadini fl-IA tista' tinbena biss fuq qafas ta' "etika awtomatika u etika ppjanata" li jiżgura li kwalunkwe IA li tibda titħaddem tkun tirrispetta bis-sħiħ il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-dritt tal-Unjoni u t-Trattati u tkun tikkonforma magħhom; iqis li dan għandu jkun konformi mal-prinċipju ta' prekawzjoni li jiggwida l-leġiżlazzjoni tal-UE u għandu jkun fil-qalba ta' kwalunkwe qafas għall-IA; jappella, f'dan ir-rigward, għal mudell ta' governanza ċar u koerenti li jippermetti lill-kumpaniji u lill-innovaturi jiżviluppaw aktar l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati;
5. Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jippromwovu s-sensibilizzazzjoni pubblika dwar ir-riskji u l-opportunitajiet tal-użu tal-IA bħala rekwiżit etiku;
6. Iqis li l-qafas legali attwali tal-Unjoni, b'mod partikolari dwar il-protezzjoni u l-privatezza u d-data personali, jeħtieġ li japplika b'mod sħiħ għall-IA, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati u jiġi rieżaminat u skrutinizzat fuq bażi regolari u aġġornat fejn meħtieġ sabiex jiġu indirizzati b'mod effettiv ir-riskji maħluqa mill-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, u, f'dan ir-rigward, jista' jibbenefika milli jiġi ssupplimentat bi prinċipji etiċi ta' gwida robusti; jirrimarka li, fejn ikun prematur li jiġu adottati atti legali, għandu jintuża qafas legali mhux vinkolanti;
7. Jistenna li l-Kummissjoni tintegra qafas etiku b'saħħtu fil-proposta leġiżlattiva li jmiss bħala segwitu għall-White Paper dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, inkluż dwar is-sikurezza, ir-responsabbiltà u d-drittijiet fundamentali, li jimmassimizza l-opportunitajiet u jimminimizza r-riskji tat-teknoloġiji tal-IA; jistenna li l-proposta leġiżlattiva li jmiss tkun tinkludi soluzzjonijiet ta' politika għar-riskji ewlenin rikonoxxuti tal-Intelliġenza Artifiċjali inkluż, fost l-oħrajn, dwar il-ġbir etiku u l-użu tal-Big Data, il-kwistjoni tat-trasparenza algoritmika u tal-preġudizzju algoritmiku; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa kriterji u indikaturi għat-tikkettar tat-teknoloġija tal-IA sabiex jiġu stimulati t-trasparenza, l-ispjegabbiltà u l-obbligu ta' rendikont, u biex jiġu inċentivati prekawzjonijiet addizzjonali mill-iżviluppaturi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir investiment fl-integrazzjoni ta' dixxiplini mhux tekniċi adattati għall-kuntest soċjali fl-istudju u r-riċerka dwar l-IA;
8. Ifakkar li l-IA, skont kif tiġi żviluppata, użata u applikata, għandha l-potenzjal li toħloq u ssaħħaħ il-preġudizzji, inkluż permezz ta' preġudizzji inerenti fis-settijiet tad-data sottostanti, u għalhekk, toħloq diversi forom ta' diskriminazzjoni awtomatizzata, inkluża d-diskriminazzjoni indiretta, li tikkonċerna b'mod partikolari lil gruppi ta' persuni b'karatteristiċi simili; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu kwalunkwe miżura possibbli biex jevitaw tali preġudizzji u jiżguraw il-protezzjoni sħiħa tad-drittijiet fundamentali;
9. Jinnota li l-qasam tal-IA, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati huwa ferm omoġenu u nieqes mid-diversità; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi żgurat li t-timijiet li jfasslu, jiżviluppaw, jittestjaw, iżommu, ivaraw u jakkwistaw dawn is-sistemi jirriflettu d-diversità tal-użi tagħha u tas-soċjetà inġenerali sabiex jiġi żgurat li l-preġudizzju ma jkunx inkonxjament "inkorporat" f'dawn it-teknoloġiji;
10. Huwa tal-fehma li kooperazzjoni transfruntiera effettiva u standards etiċi jistgħu jinkisbu biss jekk il-partijiet ikkonċernati kollha jimpenjaw ruħhom li jiżguraw l-azzjoni u s-sorveljanza mill-bniedem, ir-robustezza teknika u s-sikurezza, it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, id-diversità, in-nondiskriminazzjoni u l-ġustizzja, il-benesseri soċjetali u ambjentali u jirrispettaw il-prinċipji stabbiliti tal-privatezza, tal-governanza tad-data u tal-protezzjoni tad-data, speċifikament dawk minquxa fir-Regolament (UE) 2016/679 (GDPR);
11. Jappella għal approċċ ibbażat fuq ir-riskju u orjentat lejn il-futur għar-regolamentazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati, inklużi standards teknoloġikament newtrali fis-setturi kollha, bi standards speċifiċi għas-settur fejn xieraq; jemmen bis-saħħa li għandu jiġi applikat qafas etiku fattibbli madwar l-UE għal kull min ikun biħsiebu jiżviluppa jew jopera applikazzjonijiet tal-IA fl-Unjoni biex tiġi evitata l-frammentazzjoni; jistieden lill-Unjoni tippromwovi kooperazzjoni qawwija u trasparenti u kondiviżjoni tal-għarfien bejn is-setturi pubbliċi u privati, biex tinħoloq l-aħjar prattika u jiġu identifikati l-applikazzjonijiet tal-IA b'riskju għoli;
12. Jippromwovi r-Responsabbiltà Diġitali Korporattiva fuq bażi volontarja; l-Unjoni għandha tappoġġja lill-korporazzjonijiet li fuq għażla tagħhom jużaw b'mod etiku t-teknoloġiji diġitali u l-IA fil-kumpaniji tagħhom; l-Unjoni għandha tħeġġeġ lill-korporazzjonijiet biex isiru proattivi billi tistabbilixxi pjattaforma għall-kumpaniji biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom dwar id-diġitalizzazzjoni etika, u tikkoordina l-azzjonijiet u l-istrateġiji tal-kumpaniji parteċipanti;
13. Jisħaq li l-protezzjoni ta' networks ta' IA u robotika interkonnessi hija importanti u għandhom jittieħdu miżuri b'saħħithom għall-prevenzjoni ta' ksur tas-sigurtà, tixrid ta' data, avvelenament ta' data, attakki ċibernetiċi u użu ħażin ta' data personali, u dan se jirrikjedi li l-aġenziji, il-korpi u l-istituzzjonijiet rilevanti kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali jaħdmu id f'id u f'kooperazzjoni mal-utenti finali ta' dawn it-teknoloġiji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-valuri tal-Unjoni u r-rispett għad-drittijiet fundamentali jiġu osservati f'kull ħin meta tiġi żviluppata u varata teknoloġija tal-IA sabiex jiġu żgurati s-sigurtà u r-reżiljenza tal-infrastruttura diġitali tal-UE;
14. Jinnota f'dan ir-rigward id-dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolament 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ENISA u l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà, b'mod partikolari r-rwol tal-ENISA fil-promozzjoni tas-sensibilizzazzjoni pubblika u l-kampanji edukattivi diretti lejn l-utenti aħħarin inkluż dwar it-theddid ċibernetiku potenzjali u l-attivitajiet kriminali online, u fil-promozzjoni ta' miżuri essenzjali ta' protezzjoni tad-data; jirrikonoxxi l-valur miżjud ta' din l-aġenzija tal-UE f'dan ir-rigward;
15. Jisħaq li l-użu malizzjuż tal-IA jista' jkun ta' riskju għall-valuri tad-demokraziji tagħna u għad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas li jippenalizza lil dawk li, bl-użu ta' din it-teknoloġija, ifixklu l-perċezzjoni tar-realtà permezz ta' kampanji ta' diżinformazzjoni, jew li jipprovokaw attakki ċibernetiċi sabiex jiksru ċ-ċibersigurtà diġitali.
16. Jinnota li l-IA, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u l-kontroll tal-fruntieri jistgħu jtejbu s-sikurezza u s-sigurtà pubblika, iżda jeħtieġu wkoll skrutinju pubbliku estensiv u rigoruż u l-ogħla livell possibbli ta' trasparenza kemm fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskju ta' applikazzjonijiet individwali, kif ukoll ħarsa ġenerali lejn l-użu tagħhom tal-IA, tar-robotika u tat-teknoloġiji relatati fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u l-kontroll tal-fruntieri; iqis li dawn it-teknoloġiji jġibu magħhom riskji etiċi sinifikanti li jridu jiġu indirizzati b'mod adegwat, meta wieħed iqis l-effetti negattivi possibbli fuq l-individwi f'dak li jirrigwarda b'mod partikolari d-drittijiet tagħhom għall-privatezza, il-protezzjoni tad-data u n-nondiskriminazzjoni; jisħaq li l-użu ħażin tagħhom jista' jsir theddida diretta għad-demokrazija u li l-varar u l-użu tagħhom iridu jirrispettaw il-prinċipji tal-proporzjonalità u tan-neċessità, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll id-dritt sekondarju rilevanti tal-Unjoni, bħar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data; jisħaq li l-IA qatt m'għandha tissostitwixxi l-bnedmin fl-għoti ta' sentenzi; deċiżjonijiet, bħall-kisba ta' pleġġ jew probation, is-smigħ fil-qorti, jew deċiżjonijiet ibbażati unikament fuq ipproċessar awtomatizzat, li jipproduċu effett legali li jikkonċerna lil individwi jew li jaffettwawhom b'mod sinifikanti, għandhom dejjem jinvolvu valutazzjoni sinifikattiva u l-ġudizzju ta' bniedem;
17. Iwissi li, minħabba l-intrużività ta' deċiżjonijiet u miżuri meħuda mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi – inkluż permezz tal-ipproċessar tad-data u l-IA – f'ħajjet iċ-ċittadini u fid-drittijiet tagħhom, hija meħtieġa kawtela massima sabiex tiġi evitata d-diskriminazzjoni illegali u l-immirar ta' ċerti individwi jew gruppi ta' persuni definiti b'referenza għar-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, il-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru jew l-identità, l-orjentazzjoni sesswali, l-istatus ta' residenza, is-saħħa jew is-sħubija f'minoranza nazzjonali li ta' spiss tkun is-suġġett tat-tfassil tal-profili etniċi jew attivitajiet aktar intensivi tal-pulizija għall-infurzar tal-liġi, kif ukoll individwi li jinzertaw li jiġu definiti minn karatteristiċi partikolari; jappella għal taħriġ xieraq għall-kolletturi tal-ewwel linja tad-data u għall-utenti tal-intelligence derivati mill-IA;
18. Jirrimarka li l-possibbiltà pprovduta minn dawn it-teknoloġiji tal-użu ta' data personali u mhux personali għall-kategorizzazzjoni u l-mira fuq livell mikro tal-persuni, għall-identifikazzjoni tal-vulnerabbiltajiet tal-individwi, jew għall-isfruttament ta' għarfien predittiv preċiż, trid tiġi kontrobilanċjata minn prinċipji infurzati b'mod effettiv dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza bħall-minimizzazzjoni tad-data, id-dritt li wieħed joġġezzjoni għat-tfassil ta' profili u li jkollu kontroll fuq id-data tiegħu, id-dritt li tinkiseb spjegazzjoni dwar deċiżjoni bbażata fuq l-ipproċessar awtomatizzat u l-privatezza mid-disinn, kif ukoll dawk tal-proporzjonalità, in-neċessità u l-limitazzjoni bbażati fuq skop strettament identifikat; jirrimarka li filwaqt li ċerti mudelli ta' policing predittiv huma aktar favur il-privatezza minn oħrajn, bħal meta jsiru previżjonijiet probabilistiċi dwar postijiet jew avvenimenti u mhux dwar persuni individwali, is-sistemi ta' policing predittiv urew li jżidu l-indħil żejjed tal-pulizija fuq il-bażi ta' preġudizzji eżistenti bħat-tfassil ta' profili razzjali, jew fuq sfondi ta' migranti u tal-klassi tal-ħaddiema anke fejn dan ma jikkorrispondix għal livelli ta' kriminalità attwali;
19. Jisħaq li ċ-ċittadini għandhom id-dritt li jafdaw it-teknoloġija li jużaw, u li jafdaw it-teknoloġija li juża ħaddieħor; jisħaq li l-IA u r-robotika mhumiex immuni milli jagħmlu żbalji, u għalhekk jenfasizza l-importanza tad-dritt għal spjegazzjoni meta l-persuni jkunu soġġetti għal teħid ta' deċiżjonijiet algoritmiċi kif ukoll il-ħtieġa li l-algoritmi jkunu trasparenti, peress li t-trasparenza rigward il-loġika sottostanti ta' algoritmu hija rilevanti ħafna għal dawk li jiġu affettwati, sabiex id-drittijiet fundamentali tagħhom jiġu protetti bis-sħiħ; iqis il-ħtieġa li l-leġiżlaturi jirriflettu dwar il-kwistjoni kumplessa tar-responsabbiltà, u li r-responsabbiltà fl-applikazzjonijiet kollha tal-IA għandha dejjem taqa' fuq persuna fiżika jew ġuridika;
20. Jissottolinja li l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati huma teknoloġiji globali u li dawn l-istandards jeħtieġ li jiġu adottati madwar id-dinja sabiex jiġi żgurat li l-iżvilupp futur tagħhom ikun allinjat mal-valuri u mal-istandards etiċi Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha fid-diplomazija dwar l-IA fil-fora internazzjonali ma' sħab tal-istess fehma bħall-Istati Uniti, il-G7, il-G20, u l-OECD biex jiġu stabbiliti standards u linji gwida etiċi komuni għall-iżvilupp tal-IA, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati;
21 Jisħaq li jeħtieġ li jiġi introdott qafas ċar għall-użu tal-IA mill-pjattaformi tal-midja soċjali, bħalma għandhom jiġu introdotti rekwiżiti tat-trasparenza għall-algoritmi użati u l-kalibrazzjoni tagħhom, sabiex jiġu evitati t-tneħħija eċċessiva ta' kontenut u kwalunkwe forma ta' filtrazzjoni jew ċensura tal-internet;
22 Jinnota li l-IA tista' tintuża biex jiġu manipulati karatteristiċi tal-wiċċ u dawk awdjoviżivi, ta' spiss imsejħa deepfakes; ifakkar li din it-teknika tista' tintuża biex jiġu manipulati l-elezzjonijiet, tinfirex id-diżinformazzjoni kif ukoll għal azzjonijiet mhux xierqa oħra; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tuża l-qafas etiku tagħha biex timponi obbligu għall-materjal deepfake kollu jew għal kwalunkwe vidjow sintetiku magħmul b'mod realistiku, li jiddikjara li mhuwiex oriġinali u tintroduċi limitu strett meta jintuża għal skopijiet elettorali;
23. Jissuġġerixxi li jinħoloq ċentru ta' għarfien espert, li jġib flimkien id-dinja akkademika, ir-riċerka, l-industrija u esperti individwali fil-livell tal-Unjoni, sew jekk bħala parti integrali minn tali Aġenzija sew jekk li jkun assoċjat magħha, biex irawwem l-iskambju ta' għarfien u għarfien espert tekniku, u biex jiffaċilita l-kollaborazzjoni madwar l-UE u lil hinn minnha;
24. Ifakkar fl-importanza tad-diveristà lingwistika u kulturali; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tuża l-qafas etiku tagħha biex ma tħallix lill-IA tnaqqas din id-diversità, imma tibqa' toffri aċċess għal varjetà wiesgħa ta' kontenut mingħajr ma jiġu rrappreżentati żżejjed lingwa waħda u/jew mudell kulturali u tikkundanna kull tentattiv mill-algoritmi li jirrestrinġi din id-diversità u joffri biss kontenut li jikkorrispondi għal mudelli diġà eżistenti jew li jistgħu jaġixxu bħala "kamra tal-eku" li timpedixxi l-aċċess għal aktar diversità;
25. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni turi li tkun irrieżaminat, ivvalutat u aġġustat b'mod ċar il-pjan koordinat tagħha dwar l-IA sabiex tindirizza l-implikazzjonijiet serji tal-IA għad-drittijiet fundamentali, u tispjega kif riskji bħal dawn se jiġu mmitigati fl-approċċ leġiżlattiv tal-UE u fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali tal-Istati Membri;
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
22.9.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
55 5 7 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Magdalena Adamowicz, Malik Azmani, Katarina Barley, Pernando Barrena Arza, Pietro Bartolo, Nicolas Bay, Vladimír Bilčík, Vasile Blaga, Ioan-Rareş Bogdan, Patrick Breyer, Saskia Bricmont, Joachim Stanisław Brudziński, Jorge Buxadé Villalba, Damien Carême, Anna Júlia Donáth, Lena Düpont, Cornelia Ernst, Laura Ferrara, Nicolaus Fest, Jean-Paul Garraud, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Andrzej Halicki, Balázs Hidvéghi, Evin Incir, Sophia in ‘t Veld, Patryk Jaki, Lívia Járóka, Marina Kaljurand, Assita Kanko, Fabienne Keller, Peter Kofod, Moritz Körner, Alice Kuhnke, Jeroen Lenaers, Juan Fernando López Aguilar, Nuno Melo, Roberta Metsola, Nadine Morano, Javier Moreno Sánchez, Maite Pagazaurtundúa, Nicola Procaccini, Paulo Rangel, Diana Riba i Giner, Ralf Seekatz, Michal Šimečka, Birgit Sippel, Sylwia Spurek, Tineke Strik, Ramona Strugariu, Annalisa Tardino, Tomas Tobé, Dragoş Tudorache, Milan Uhrík, Tom Vandendriessche, Bettina Vollath, Jadwiga Wiśniewska, Elena Yoncheva |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Delara Burkhardt, Gwendoline Delbos-Corfield, Kostas Papadakis, Kris Peeters, Anne-Sophie Pelletier, Sira Rego, Rob Rooken, Paul Tang, Tomáš Zdechovský |
|||
Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Isabel Benjumea Benjumea |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
55 |
+ |
|
PPE |
Magdalena Adamowicz, Isabel Benjumea Benjumea, Vladimír Bilčík, Vasile Blaga, Ioan‑Rareş Bogdan, Lena Düpont, Andrzej Halicki, Balázs Hidvéghi, Lívia Járóka, Jeroen Lenaers, Nuno Melo, Roberta Metsola, Nadine Morano, Kris Peeters, Paulo Rangel, Ralf Seekatz, Tomas Tobé, Tomáš Zdechovský |
|
S&D |
Katarina Barley, Pietro Bartolo, Delara Burkhardt, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Evin Incir, Marina Kaljurand, Juan Fernando López Aguilar, Javier Moreno Sánchez, Birgit Sippel, Sylwia Spurek, Paul Tang, Bettina Vollath, Elena Yoncheva |
|
RENEW |
|
|
ID |
Peter Kofod |
|
VERTS/ALE |
Patrick Breyer, Saskia Bricmont, Damien Carême, Gwendoline Delbos-Corfield, Alice Kuhnke, Diana Riba I Giner, Tineke Strik |
|
ECR |
Joachim Stanisław Brudziński, Jorge Buxadé Villalba, Assita Kanko, Nicola Procaccini, Jadwiga Wiśniewska |
|
NI |
Laura Ferrara |
5 |
- |
EUL/NGL |
Pernando Barrena Arza, Cornelia Ernst, Anne-Sophie Pelletier, Sira Rego |
NI |
Kostas Papadakis |
7 |
0 |
ID |
Nicolas Bay, Nicolaus Fest, Jean-Paul Garraud, Annalisa Tardino, Tom Vandendriessche |
ECR |
Rob Rooken |
NI |
Milan Uhrík |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI (7.9.2020)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali
b'rakkomandazzjonijiet għall-Kummissjoni dwar qafas tal-aspetti etiċi tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati
Rapporteur għal opinjoni: Lina Gálvez Muñoz
(Inizjattiva – Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura)
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
A. billi l-applikazzjoni tal-Intelliġenza Artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati (IA) fil-ħajja ta' kuljum u fuq il-post tax-xogħol qed tiżdied b'mod kostanti, u b'hekk qed tittrasforma b'mod sinifikanti l-istrutturi soċjoekonomiċi attwali; billi l-IA għandha tkun ta' benefiċċju għaċ-ċittadini u għas-soċjetà billi ttejjeb il-kwalità tal-ħajja, toħloq opportunitajiet ġodda ta' impjieg u ttejjeb il-kompetittività tal-Unjoni; billi l-IA hija parti essenzjali mill-ekonomija diġitali u għandha l-potenzjal li trawwem il-prosperità u tiffaċilita t-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli, jekk tiġi sfruttata tajjeb;
B. billi l-IA tirreferi għal sistemi li juru mġiba intelliġenti billi janalizzaw l-ambjent tagħhom u jieħdu azzjonijiet, b'ċertu grad ta' awtonomija, biex jiksbu għanijiet speċifiċi; billi s-sistemi bbażati fuq l-IA jistgħu jkunu purament ibbażati fuq software, jaġixxu fid-dinja virtwali, pereżempju fis-sura ta' assistenti bil-vuċi, software ta' analiżi tal-immaġnijiet, magni tat-tiftix, sistemi ta' rikonoxximent tad-diskors u tal-wiċċ, jew inkella jistgħu jkunu inkorporati f'apparat hardware, pereżempju robots avvanzati, karozzi awtonomi, droni jew applikazzjonijiet tal-Internet tal-Oġġetti;[28]
C. billi l-IA tikkostitwixxi prijorità strateġika li l-potenzjal sħiħ tagħha jista' jiġi sfruttat biss jekk l-utenti u l-konsumaturi jkunu konxji mill-benefiċċji u l-isfidi potenzjali li din iġġib magħha; billi l-intrapriżi kif ukoll il-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom spiss la jkunu konxji mill-applikazzjonijiet tal-IA u lanqas mill-funzjonijiet u d-data sottostanti tagħhom; billi hemm każijiet ta' applikazzjonijiet tal-IA li jiksru r-regolamenti eżistenti, bħall-protezzjoni tad-data;
D. billi potenzjalment l-IA toffri benefiċċji ekonomiċi u soċjetali kif ukoll opportunitajiet ġodda kemm għan-negozji kif ukoll għall-ħaddiema, filwaqt li fl-istess ħin tqajjem għadd ta' sfidi etiċi, legali u relatati mal-impjiegi; billi l-applikazzjoni tal-IA fuq il-post tax-xogħol tista' tikkontribwixxi għal swieq tax-xogħol inklużivi u tħalli impatt fuq is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, filwaqt li tista' tintuża wkoll biex timmonitorja, tevalwa, tbassar u tiggwida l-prestazzjoni tal-ħaddiema b'konsegwenzi diretti u indiretti fuq il-karriera tagħhom; billi l-IA għandu jkollha impatt pożittiv fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tkun iggwidata mir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll għad-drittijiet fundamentali u l-valuri tal-Unjoni; billi l-IA għandha tkun iċċentrata fuq il-bniedem, ittejjeb il-benesseri tan-nies u tas-soċjetà u tikkontribwixxi għal tranżizzjoni ekwa u ġusta;
E. billi l-IA għandha impatt sinifikanti fuq is-suq tax-xogħol[29]; billi din potenzjalment tista' tissostitwixxi l-ħaddiema li jwettqu attivitajiet ripetittivi, tiffaċilita s-sistemi ta' ħidma kollaborattiva bejn il-bniedem u l-magni, iżżid il-kompetittività u l-prosperità u toħloq opportunitajiet ġodda ta' impjieg għall-ħaddiema kwalifikati; billi x-xenarju tal-impjiegi qed jevolvi b'mod rapidu u huwa mistenni li madwar 65 % tat-tfal tal-lum se jkunu jaħdmu f'tipi ta' impjieg kompletament ġodda u hemm bżonn ta' taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħiliet diġitali, biex jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa' lura u jkun hemm provvista suffiċjenti ta' ħaddiema speċjalizzati[30];
F. billi skont is-CEDEFOP, madwar 43 % tal-impjegati adulti tal-Unjoni esperjenzaw teknoloġiji ġodda fuq il-post tax-xogħol; billi madwar sebgħa minn kull għaxar ħaddiema tal-Unjoni jeħtieġu mill-inqas ħiliet diġitali moderati biex jagħmlu xogħolhom;[31] billi bħala medja, madwar kwart taċ-ċittadini tal-Unjoni m'għandhomx ħiliet diġitali jew għandhom livell baxx ta' ħiliet diġitali; billi d-distakk diġitali għandu aspetti speċifiċi soċjoekonomiċi, ta' ġeneru, età, ġeografiċi u dawk ta' aċċessibbiltà, li jridu jiġu indirizzati; billi 42 % tal-ħaddiema fil-kumpaniji li japplikaw l-IA fil-proċessi tan-negozju tagħhom jemmnu li tali attivitajiet iwasslu għal kwistjonijiet etiċi, li għandhom jiġu indirizzati; billi 28 % ta' min iħaddem jemmnu li l-applikazzjoni tal-IA ma żviluppatx fuq skala sħiħa minħabba nuqqas ta' regoli etiċi dwar din il-kwistjoni;[32]
G. billi l-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat l-importanza tas-soluzzjonijiet diġitali, inkluż it-telexogħol, kif ukoll l-implikazzjonijiet tekniċi u soċjali tagħha; billi m'hemm l-ebda dispożizzjoni komuni fil-livell tal-Unjoni, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-IA fuq il-post tax-xogħol, li tista' twassal għal distorsjonijiet fis-suq u żvantaġġi tal-kompetizzjoni; billi l-IA għandha tkun soġġetta għal qafas regolatorju xieraq;
H. billi l-OECD fasslet rakkomandazzjonijiet dwar l-IA[33];
I. billi l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jinkoraġġixxi l-promozzjoni ta' approċċ etiku u ċċentrat fuq il-bniedem fir-rigward tal-IA[34];
J. billi s-sħab soċjali fil-livell tal-Unjoni kkonkludew ftehim qafas dwar id-diġitalizzazzjoni, li fost oħrajn jinkludi kapitolu dwar "Artificial intelligence and guaranteeing the human in control principle" (L-Intelliġenza artifiċjali u l-garanzija tal-prinċipju "fil-kontroll tal-bniedem")[35];
K. billi xi Stati Membri diġà stabbilew korpi speċjali biex jimmonitorjaw u jivvalutaw l-influwenza tal-IA fuq il-post tax-xogħol;
L. billi l-isforzi biex jiġu indirizzati l-preġudizzji relatati mal-ġeneri u l-inugwaljanza fis-settur diġitali mhumiex biżżejjed; billi d-differenza bejn il-ġeneri tippersisti fid-dominji kollha tat-teknoloġija diġitali u speċjalment fir-rigward tal-IA, u b'hekk tissolidifika trajettorja preġudikata favur l-irġiel għas-settur diġitali fil-futur prevedibbli;
1. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu vvalutati bir-reqqa l-opportunitajiet u l-isfidi ppreżentati mill-applikazzjonijiet tal-IA fil-kumpaniji privati u pubbliċi kif ukoll fl-amministrazzjoni pubblika fir-rigward tal-impjiegi u l-ħaddiema, inkluż l-impatt tagħhom fuq il-bilanc bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, l-organizzazzjoni tax-xogħol u l-flussi ta' ħidma; iqis li huwa indispensabbli li d-djalogu soċjali ma jiġix evitat u li l-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom jiġu kkonsultati u li jirċievu biżżejjed informazzjoni mill-bidu tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jissottolinja li l-implimentazzjoni tal-IA jeħtieġ li jkun trasparenti u li s-sistemi tal-IA fuq il-post tax-xogħol iridu jirrispettaw il-privatezza u d-dinjità tal-ħaddiema;
2. Jindika li valutazzjoni tar-riskju komprensiva għandha ssir qabel l-iżvilupp, il-varar u l-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IA, biex tevalwa l-impatt tagħha fuq id-drittijiet fundamentali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluż f'termini ta' saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll il-konsegwenzi soċjali tagħha; il-valutazzjonijiet għandhom ikopru r-riskji relatati mat-teħid ta' deċiżjonijiet mill-bniedem u d-diskriminazzjoni soċjali, kif ukoll l-evalwazzjoni tar-riskji okkupazzjonali li jinħolqu;
3. Jirrimarka li s-soluzzjonijiet tal-IA għandhom il-potenzjal li jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kwalità tal-ħajja, inkluż bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u aċċessibbiltà aħjar għall-persuni b'diżabilità, li jbassru l-iżvilupp tas-suq tax-xogħol u li jappoġġjaw il-ġestjoni tar-riżorsi umani fil-prevenzjoni tal-preġudizzju tal-bniedem, iżda jistgħu jqajmu wkoll tħassib fir-rigward tal-privatezza u tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, bħad-dritt ta' skonnessjoni, u jwasslu għal sorveljanza u monitoraġġ sproporzjonati u illegali tal-ħaddiema, li jiksru d-dinjità u l-privatezza tagħhom, kif ukoll għal trattament diskriminatorju, inkluż fil-proċessi ta' reklutaġġ, minħabba algoritmi preġudikati, inklużi algoritmi preġudikati skont il-ġeneru jew ir-razza u l-etniċità[36] u algoritmi għad-detriment tal-gruppi vulnerabbli; jinsab imħasseb, barra minn hekk, li l-IA tista' ddgħajjef il-libertà u l-awtonomija tal-persuni u tikkontribwixxi għal problemi tas-saħħa mentali tal-ħaddiema, bħall-eżawriment, "l-istress mit-teknoloġija", l-istrapazz u l-għeja psikoloġiċi; jisħaq li s-soluzzjonijiet tal-IA fuq il-post tax-xogħol iridu jkunu trasparenti, ġusti u jevitaw kwalunkwe implikazzjoni negattiva għall-ħaddiema;
4. Jissottolinja li l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni kollha dwar id-data użata għat-taħriġ, il-mudelli statistiċi u l-prinċipji teoretiċi relatati mas-soluzzjonijiet tal-IA kif ukoll il-validità empirika tar-riżultati tagħhom;
5. Iqis li l-IA tista' tgħin biex jintużaw aħjar il-ħiliet u l-kompetenzi tal-persuni b'diżabilità u li l-applikazzjoni tal-IA fuq il-post tax-xogħol tista' tikkontribwixxi għal swieq tax-xogħol inklużivi u rati ta' impjieg ogħla għall-persuni b'diżabilità;
6. Jisħaq li l-possibbiltajiet teknoloġiċi ġodda, bħall-IA, u l-apprezzament tal-effiċjenza tax-xogħol ma jridux iwasslu għal kapaċitajiet inugwali teknoloġikament imsaħħa, u futur diġitali diżumanizzat; jissottolinja li l-etika tal-innovazzjoni trid issegwi approċċ umanista;
7. Iqis li għandu jkun obbligatorju li l-utenti, inklużi l-ħaddiema, u l-konsumaturi jiġu infurmati meta sistema tuża l-IA, b'mod partikolari fir-rigward ta' prodotti jew servizzi personalizzati, u li jirċievu informazzjoni sinifikattiva, f'forma li tinftiehem faċilment u aċċessibbli, dwar l-aspetti etiċi kollha tal-applikazzjonijiet tal-IA rilevanti għalihom, ħalli jieħdu deċiżjonijiet infurmati; jisħaq fuq l-importanza li wieħed jifhem kif l-algoritmi jipproċessaw u jivvalutaw id-data u kif dan jista' jiġi limitat jew imwaqqaf; jenfasizza l-ħtieġa tal-iżvilupp tal-kompetenzi permezz tat-taħriġ u l-edukazzjoni għall-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom fir-rigward tal-IA fuq il-post tax-xogħol biex jifhmu aħjar l-implikazzjonijiet tas-soluzzjonijiet tal-IA;
8. Jisħaq li l-applikanti u l-ħaddiema jeħtiġilhom jiġu infurmati kif xieraq bil-miktub meta l-IA tintuża waqt il-proċeduri ta' reklutaġġ u f'deċiżjonijiet oħra ta' riżorsi umani u kif f'dan il-każ jista' jintalab li jsir rieżami minn bniedem sabiex deċiżjoni awtomatizzata tkun tista' tinqaleb;
9. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-gwadann tal-produttività minħabba l-iżvilupp u l-użu tal-IA u tar-robotika ma jkunx biss ta' benefiċċju għas-sidien tal-kumpaniji u l-azzjonisti, iżda jibbenefikaw minnu ukoll il-kumpaniji u l-forza tax-xogħol, permezz ta' kundizzjonijiet aħjar ta' xogħol u ta' impjieg, u jservi wkoll lis-soċjetà inġenerali, speċjalment fejn tali gwadann isir għad-detriment tal-impjiegi; jistieden lill-Istati Membri jistudjaw bir-reqqa l-impatt potenzjali tal-IA fuq is-suq tax-xogħol u s-sistemi tas-sigurtà soċjali u jiżviluppaw strateġiji dwar kif tiġi żgurata l-istabbiltà fit-tul permezz tar-riforma tat-taxxi u l-kontribuzzjonijiet kif ukoll miżuri oħra fil-każ ta' dħul pubbliku iżgħar;
10. Jissottolinja l-importanza tal-investiment korporattiv fit-taħriġ formali u informali u fit-tagħlim tul il-ħajja sabiex jappoġġja t-tranżizzjoni ġusta lejn l-ekonomija diġitali; jisħaq, f'dan il-kuntest, li l-kumpaniji li jvaraw l-IA għandhom ir-responsabbiltà li jipprovdu taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet adegwati għall-impjegati kollha kkonċernati sabiex ikunu jistgħu jitgħallmu kif jużaw l-għodod diġitali u jaħdmu b'co-bots u teknoloġiji ġodda oħra, u b'hekk jadattaw għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu tas-suq tax-xogħol u jibqgħu fl-impjieg;
11. Jappella biex jiġi applikat il-prinċipju ta' prekawzjoni fir-rigward tat-teknoloġiji ġodda bbażati fuq l-IA; jissottolinja l-prinċipju fundamentali li l-bnedmin jeħtiġilhom dejjem ikollhom kontroll tal-magni u tal-IA u li jrid jingħata rendikont tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-IA u jkunu jistgħu jiġu kkontestati u, fejn rilevanti, jitreġġgħu lura; jisħaq li l-istandards ta' sikurezza u sigurtà għall-IA jridu jiġu rrispettati u jenfasizza l-importanza ta' verifiki u kontrolli regolari f'dan ir-rigward sabiex jiġi evitat output żbaljat bl-IA; ifakkar li r-responsabbiltà fir-rigward tal-użu tal-IA trid tkun definita b'mod ċar, kemm f'każ ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol kif ukoll f'każ ta' ħsara kkawżata lil partijiet terzi;
12. Jissottolinja li l-IA għandha tkun iċċentrata fuq il-bniedem, trasparenti, sikura u sigura u trid tikkonforma mad-drittijiet fundamentali u l-liġijiet u r-regolamenti applikabbli, inkluż ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR), matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tas-sistema, speċjalment meta tkun implimentata fuq il-post tax-xogħol; jitlob l-iżvilupp ta' sistema ta' ċertifikazzjoni robusta, ibbażata fuq proċeduri ta' ttestjar u ggwidata mill-prinċipju ta' prekawzjoni, li tippermetti lin-negozji juru li l-prodotti tal-IA tagħhom jikkonformaw mad-drittijiet fundamentali u mal-istandards tal-Unjoni;
13. Ifakkar li l-acquis soċjali u tal-impjiegi tal-Unjoni japplika bis-sħiħ għall-IA u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw infurzar xieraq u jindirizzaw kwalunkwe lakuna leġiżlattiva potenzjali; jinnota li l-Unjoni tista' ssir mexxejja globali fil-promozzjoni tal-użu soċjalment responsabbli tal-IA;
14. Jisħaq fuq l-importanza ta' approċċ Ewropew komuni fir-rigward tal-aspetti etiċi tal-IA; jissottolinja li kwalunkwe qafas regolatorju f'dan ir-rigward irid ikun adegwat u bbażat fuq valutazzjoni tal-impatt komprensiva sabiex jiġi evitat li jiġu ostakolati l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi futuri; jitlob, f'dan il-kuntest, qafas regolatorju Ewropew dwar l-aspetti etiċi tal-IA li jkun proporzjonat u li jiffoka b'mod speċjali fuq id-dinja tax-xogħol, inklużi d-drittijiet tal-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol; iqis li għandha tingħata attenzjoni speċjali lil forom ġodda ta' xogħol, bħal xogħol ta' gigs u xogħol fuq il-pjattaformi, li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' teknoloġiji ġodda f'dan il-kuntest; iqis li qafas leġiżlattiv li għandu l-għan li jirregola l-kundizzjonijiet tat-telexogħol madwar l-Unjoni u jiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg deċenti fl-ekonomija diġitali jrid bl-istess mod iqis l-impatt tal-IA; jistieden lill-Kummissjoni tikkonsulta mas-sħab soċjali, l-iżviluppaturi tal-IA, ir-riċerkaturi u partijiet ikkonċernati oħra f'dan ir-rigward;
15. Jissottolinja li l-IA u kwalunkwe leġiżlazzjoni relatata bl-ebda mod ma jridu jaffettwaw l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali kif rikonoxxuti fl-Istati Membri u fil-livell tal-Unjoni, inkluż id-dritt jew il-libertà tal-istrajkjar jew li tittieħed azzjoni oħra koperta bis-sistemi speċifiċi ta' relazzjonijiet industrijali fl-Istati Membri, skont id-dritt u/jew il-prattika nazzjonali, jew jaffettwaw id-dritt tan-negozjar, ta' konklużjoni u ta' infurzar ta' ftehimiet kollettivi, jew tat-teħid ta' azzjoni kollettiva skont id-dritt u/jew il-prattika nazzjonali;
16. Jissottolinja li trid tingħata attenzjoni speċjali lid-data miġbura fuq il-post tax-xogħol bl-għajnuna tal-IA, b'mod partikolari jekk tintuża għad-deċiżjonijiet dwar ir-riżorsi umani; jistieden lis-sħab soċjali fil-livell tal-kumpaniji janalizzaw u jimmonitorjaw b'mod konġunt l-implimentazzjoni tal-IA; jistieden lill-Kummissjoni u lis-sħab soċjali janalizzaw il-ħtieġa ta' dispożizzjonijiet speċjali dwar il-protezzjoni tad-data fuq il-post tax-xogħol fil-kuntest tal-IA; jisħaq li l-ħaddiema huma s-sidien tad-data tagħhom, anke wara t-tmiem ta' relazzjoni ta' impjieg;
17. Iqis li l-Aġenda l-ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa għandha tindirizza l-isfidi tal-adattament u tal-akkwist tal-kwalifiki u tal-għarfien, fid-dawl tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, inklużi l-aspetti etiċi tal-IA; jissottolinja l-ħtieġa li l-aspetti etiċi tal-IA u l-iżvilupp ta' ħiliet għal skopijiet etiċi jkunu parti integrali minn kwalunkwe kurrikulu ta' edukazzjoni u taħriġ għall-iżviluppaturi u n-nies li jaħdmu bl-IA; ifakkar li l-iżviluppaturi, il-programmaturi, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-kumpaniji li jittrattaw l-IA jeħtiġilhom ikunu konxji mir-responsabbiltà etika tagħhom; iqis ukoll li huwa importanti li jiġi żgurat li l-utenti finali u l-konsumaturi jingħataw informazzjoni komprensiva u li jkun hemm skambji regolari bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha f'dan ir-rigward;
18. Itenni l-importanza tal-edukazzjoni u t-tagħlim kontinwu biex jiġu żviluppati l-kwalifiki meħtieġa fl-era diġitali u biex tiġi indirizzata l-esklużjoni diġitali; jistieden lill-Istati Membri jinvestu f'edukazzjoni, taħriġ vokazzjonali u sistemi ta' tagħlim tul il-ħajja ta' kwalità għolja, reattivi u inklużivi kif ukoll f'politiki ta' taħriġ mill-ġdid u ta' titjib tal-ħiliet għall-ħaddiema f'setturi li huma potenzjalment affettwati serjament mill-IA; jenfasizza l-ħtieġa li l-forza tax-xogħol attwali u futura tiġi pprovduta l-ħiliet tal-litteriżmu, in-numeriżmu u l-ħiliet diġitali meħtieġa kif ukoll il-kompetenzi fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) u l-ħiliet personali trasversali, bħall-ħsieb kritiku, il-kreattività u l-intraprenditorija; jissottolinja li trid tingħata attenzjoni speċjali lill-inklużjoni tal-gruppi żvantaġġati f'dan ir-rigward;
19. Jissottolinja li l-IA ma tridx tirrinforza l-inugwaljanzi tal-ġeneri u l-istereotipi tas-sessi billi tittrasforma l-prekunċizzjonijiet u l-preġudizzji analogi f'oħrajn diġitali permezz tal-algoritmi;
20. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-persuni minn sfondi differenti, inklużi n-nisa, iż-żgħażagħ u l-persuni ta' kulur u l-persuni b'diżabilità jiġu inklużi fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-użu tal-IA; ifakkar li t-teknoloġiji bbażati fuq l-IA fuq il-post tax-xogħol iridu jkunu aċċessibbli għal kulħadd, ibbażati fuq il-prinċipju tad-disinn għal kulħadd;
21. Jirrimarka li l-aċċess għas-soluzzjonijiet tal-IA huwa marbut mill-qrib mal-aċċess għal internet b'veloċità għolja u għalhekk il-kopertura tal-broadband għandha tkun prijorità sabiex jiġu evitati d-diskriminazzjoni u l-aċċess mhux ugwali għal dawn it-teknoloġiji;
22. Jinnota li l-opportunitajiet tas-soluzzjonijiet tal-IA jiddependu mill-"Big Data", bil-ħtieġa ta' massa kritika ta' data biex tħarreġ l-algoritmi u tirfina r-riżultati; jilqa' f'dan ir-rigward il-proposta tal-Kummissjoni għall-ħolqien ta' spazju komuni tad-data fl-Unjoni biex jissaħħaħ l-iskambju tad-data u tiġi appoġġjata r-riċerka bir-rispett sħiħ tar-regoli Ewropej dwar il-protezzjoni tad-data.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
7.9.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
46 6 1 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Atidzhe Alieva-Veli, Abir Al-Sahlani, Marc Angel, Dominique Bilde, Gabriele Bischoff, Vilija Blinkevičiūtė, Andrea Bocskor, Milan Brglez, Sylvie Brunet, David Casa, Leila Chaibi, Margarita de la Pisa Carrión, Özlem Demirel, Klára Dobrev, Jarosław Duda, Estrella Durá Ferrandis, Lucia Ďuriš Nicholsonová, Rosa Estaràs Ferragut, Nicolaus Fest, Loucas Fourlas, Cindy Franssen, Heléne Fritzon, Elisabetta Gualmini, France Jamet, Agnes Jongerius, Radan Kanev, Ádám Kósa, Stelios Kympouropoulos, Katrin Langensiepen, Miriam Lexmann, Elena Lizzi, Radka Maxová, Kira Marie Peter-Hansen, Dragoș Pîslaru, Manuel Pizarro, Dennis Radtke, Elżbieta Rafalska, Guido Reil, Daniela Rondinelli, Mounir Satouri, Monica Semedo, Beata Szydło, Eugen Tomac, Romana Tomc, Yana Toom, Marie-Pierre Vedrenne, Nikolaj Villumsen, Marianne Vind, Maria Walsh, Stefania Zambelli, Tomáš Zdechovský |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Lina Gálvez Muñoz, Eugenia Rodríguez Palop |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
46 |
+ |
ECR |
Lucia Ďuriš Nicholsonová, Elżbieta Rafalska, Beata Szydło, Margarita de la Pisa Carrión |
GUE/NGL |
Leila Chaibi, Özlem Demirel, Eugenia Rodríguez Palop, Nikolaj Villumsen |
NI |
Daniela Rondinelli |
PPE |
Andrea Bocskor, David Casa, Jarosław Duda, Rosa Estaràs Ferragut, Loucas Fourlas, Cindy Franssen, Radan Kanev, Ádám Kósa, Stelios Kympouropoulos, Miriam Lexmann, Dennis Radtke, Eugen Tomac, Romana Tomc, Maria Walsh, Tomáš Zdechovský |
Renew |
Abir Al‑Sahlani, Atidzhe Alieva‑Veli, Sylvie Brunet, Dragoș Pîslaru, Monica Semedo, Yana Toom, Marie‑Pierre Vedrenne |
S&D |
Marc Angel, Gabriele Bischoff, Vilija Blinkevičiūtė, Milan Brglez, Klára Dobrev, Estrella Durá Ferrandis, Heléne Fritzon, Lina Gálvez Muñoz, Elisabetta Gualmini, Agnes Jongerius, Manuel Pizarro, Marianne Vind |
Verts/ALE |
Katrin Langensiepen, Kira Marie Peter‑Hansen, Mounir Satouri |
6 |
- |
ID |
Dominique Bilde, Nicolaus Fest, France Jamet, Elena Lizzi, Guido Reil, Stefania Zambelli |
1 |
0 |
Renew |
Radka Maxová |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AMBJENT, IS-SAĦĦA PUBBLIKA U S-SIKUREZZA TAL-IKEL (16.9.2020)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali
b'rakkomandazzjonijiet għall-Kummissjoni dwar qafas tal-aspetti etiċi tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati
Rapporteur għal opinjoni: Adam Jarubas (Inizjattiva – Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura)
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli,
– biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
A. billi l-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri kif iddikjarat fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fir-rispett tal-prinċipju ta' prekawzjoni stabbilit fl-Artikolu 191(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
B. billi l-Artikolu 16 tat-TFUE jiddikjara li kull persuna għandu jkollha d-dritt għall-protezzjoni ta' data personali li tirrigwardaha; billi l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[37] jirreferi għas-sitwazzjoni fejn id-data tintuża biss mill-ipproċessar awtomatizzat, u jirrikonoxxi d-dritt tas-suġġett tad-data li ma jkunx soġġett għal deċiżjoni bbażata unikament fuq ipproċessar awtomatizzat;
C. billi l-kompetizzjoni globali għat-tmexxija fl-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali (IA), li se taffettwa s-sors tal-valuri etiċi u l-istandards li jsawru s-settur madwar id-dinja, qed taqbad ir-ritmu u l-Unjoni Ewropea għandha tagħti eżempju għall-bqija tad-dinja b'qafas regolatorju xieraq biex tipprevjeni wkoll tellieqa potenzjali sal-qiegħ fir-rigward tar-regolamenti nazzjonali;
D. billi din il-kompetizzjoni globali m'għandhiex tkun separata mill-valuri u l-istandards etiċi;
E. billi l-avvanzi mgħaġġla fir-riċerka u fl-innovazzjoni qajmu għadd ta' kwistjonijiet etiċi, legali u soċjali importanti li jaffettwaw ir-relazzjoni bejn ix-xjenza u s-soċjetà; billi din ir-riċerka u l-innovazzjoni jridu jikkonformaw mal-prinċipji etiċi, u mad-dritt nazzjonali, id-dritt tal-Unjoni u dak internazzjonali rilevanti, inklużi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, skont id-dispożizzjonijiet tal-Programmi Ewropej ta' Riċerka;
F. billi l-integrazzjoni tal-big data u t-teknoloġiji tal-IA fis-sistemi tas-saħħa pubblika u f'setturi oħra trid tkun akkumpanjata minn regoli, standards u leġiżlazzjoni xierqa li jipproteġu d-drittijiet fundamentali tal-individwi u jindirizzaw dawn l-isfidi etiċi ġodda;
G. billi bħalissa hemm lakuna notevoli f'termini ta' privattivi u investimenti fl-Unjoni meta mqabbla ma' partijiet oħra tad-dinja;
H. billi l-IA u soluzzjonijiet diġitali emerġenti oħrajn jistgħu jkunu ta' benefiċċju għas-soċjetà fl-oqsma tat-tranżizzjoni ekoloġika, il-protezzjoni tal-ambjent u tal-bijodiversità, iż-żieda fl-effiċjenza tal-agrikoltura, il-ġestjoni tal-iskart, l-ekonomija ċirkolari, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, l-ekoloġizzazzjoni ta' diversi proċessi industrijali, il-ġestjoni u l-effiċjenza tal-enerġija u t-trasport, il-kwalità tal-ilma u tal-arja (eż. grilji intelliġenti u l-elettromobbiltà), il-ġestjoni tar-riskju u l-osservazzjoni tad-dinja, li fiha l-programm Copernicus tal-Unjoni huwa wieħed mill-aqwa, fost oħrajn;
I. billi l-IA tista' tiġi applikata għal kważi kwalunkwe qasam tal-mediċina: ir-riċerka bijomedika, kif jixhed l-antibijotiku Halicin skopert mill-IA jew il-kontributi tal-IA għall-prevenzjoni u għad-dijanjożi aktar bikrija u preċiza tal-kanċer, u terapiji ġodda b'metodi bħall-mediċina predikattiva jew ġenomika, l-edukazzjoni medika, l-assistenza lill-indukraturi, l-appoġġ għall-kura tal-anzjani, il-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet tal-pazjenti, l-iżvilupp aktar effiċjenti tal-mediċini, it-trattament aktar immirat, it-teħid ta' deċiżjonijiet kliniċi, il-mediċina personalizzata, id-dijanjożi u t-trattament psikjatriċi, fir-rivoluzzjoni tal-prosteżi u s-sistemi ta' appoġġ robotiċi, it-telemediċina, it-telekirurġija u t-tisħiħ tal-effiċjenza ġenerali u l-interoperabbiltà tas-sistemi tas-saħħa;
J. billi l-progress diġitali jirrikjedi taħriġ u tħejjija xierqa għall-persunal tas-saħħa u amministrattiv biex jiġi evitat li jkun hemm distakk diġitali, filwaqt li jitqiesu s-soċjetajiet li qed jixjieħu tagħna u l-isfidi potenzjali għas-sistemi tal-kura tas-saħħa;
K. billi hemm tħassib etiku serju dwar l-awtonomija tal-magni;
L. billi s-saħħa diġitali m'għandhiex tneħħi l-element uman mill-kura jew iddgħajjef ir-relazzjoni bejn it-tabib u l-pazjent, iżda għandha tipprovdi assistenza lit-tobba fid-dijanjożi u/jew fil-kura aktar effettiva tal-pazjenti;
M. billi t-teknoloġija tal-IA se tħaffef it-trasformazzjoni diġitali tal-industrija u jkollha rwol essenzjali fis-suċċess tal-ekonomija diġitali f'dinja dejjem aktar konnessa;
N. billi l-qafas legali attwali tal-Unjoni u l-linji gwida dwar l-etika diġà indirizzaw xi sfidi etiċi relatati mal-applikazzjonijiet tal-IA indikati fil-White Paper tal-Kummissjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, eż. proċessi ta' valutazzjoni tar-riskju fis-seħħ għal soluzzjonijiet tas-saħħa bbażati fuq l-IA fis-Suq Uniku; billi oqsma oħra għadhom lura meta mqabbla mal-isfidi etiċi li jridu jiġu identifikati u mitigati peress li l-IA għandha kapaċità tremenda li thedded il-preferenza, is-sikurezza u l-privatezza tal-pazjenti; billi jeħtieġ li jiġu deskritti l-limiti bejn ir-rwoli tal-professjonisti mediċi u tal-kura, u l-magni, fir-rigward tal-kura tal-pazjenti, inkluż il-prinċipju tal-awtonomija robotika sorveljata, u billi jeħtieġ li jkun hemm edukazzjoni kemm tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa kif ukoll tal-pazjenti;
O. billi r-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data għandhom jiġu adattati sabiex jiġu kkunsidrati l-kumplessità u l-interkonnessjoni dejjem jiżdiedu tar-robots ta' kura u mediċi li jistgħu jimmaniġġjaw informazzjoni personali u data medika sensittiva ħafna u għandhom ikunu konsistenti mal-privatezza mid-disinn, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2016/679 dwar il-protezzjoni tad-data;
P. billi soluzzjonijiet li jisħqu fuq il-ħtieġa li tiġi inkluża riċerka xjentifika bħala l-bażi għal strateġiji ta' żvilupp billi jinħolqu repożitorji ta' data medika (eż. data newroloġika u kardjoloġika) u tiġi kondiviża data minn din ir-riċerka jistgħu jipproduċu benefiċċji soċjali tanġibbli fil-kuntest tas-sikurezza u s-saħħa pubblika;
Q. billi s-soluzzjonijiet tal-IA jistgħu jkunu ta' benefiċċju għas-soċjetà fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel, fost l-oħrajn billi jnaqqsu l-użu tal-pestiċidi, jappoġġjaw il-biedja ta' preċiżjoni jew b'mod aktar ġenerali l-Agrikoltura 2.0, fejn l-Unjoni hija fost il-mexxejja fl-applikazzjonijiet tal-IA (eż. għal aġġustamenti awtomatizzati tal-magni għat-tbassir tat-temp jew l-identifikazzjoni tal-mard) li se jippermettu li l-produzzjoni aktar effettiva tiġi kkombinata ma' standards ambjentali ogħla u użu aħjar tar-riżorsi, speċjalment f'oqsma fejn ir-riżorsi tal-ilma huma skarsi u t-tibdil fil-klima għandu impatti serji, kif inhu meħtieġ għall-konformità mal-prijoritajiet tal-Patt Ekoloġiku;
R. billi l-kamp ta' applikazzjoni ta' dak il-qafas għandu jkun adegwat, proporzjonat u vvalutat bir-reqqa; billi għandu jkopri firxa wiesgħa ta' teknoloġiji u l-komponenti tagħhom, inklużi algoritmi, software u data użati jew prodotti mill-IA; billi huwa meħtieġ approċċ immirat ibbażat fuq il-kunċett ta' riskju għoli biex jiġi evitat t-tfixkil fl-innovazzjonijiet futuri fit-twassil ta' benefiċċji tal-applikazzjonijiet tal-IA eż. fil-kura tas-saħħa, il-protezzjoni ambjentali u l-kwalità tal-ikel għaċ-ċittadini;
S. billi huwa essenzjali li jiġu identifikati mezzi effettivi biex jiġu assigurati teknoloġiji diġitali affidabbli, li jagħmilha possibbli li jitgawdew il-benefiċċji tagħhom filwaqt li jiġu protetti d-drittijiet fundamentali u jiġi mħeġġeġ l-iżvilupp ta' soċjetajiet informali, miftuħa, tolleranti u ġusti; billi dan huwa partikolarment importanti fil-każ ta' sistemi ibridi ta' intelliġenza umana/artifiċjali;
T. billi l-magni robotiċi jċajpru d-differenzi bejn suġġetti umani u oġġetti teknoloġiċi; billi dawn mhux biss għandhom implikazzjonijiet soċjali li jridu jiġu evalwati minn perspettiva etika, iżda wkoll jikkontestaw anki l-oqfsa etiċi li abbażi tagħhom iridu jiġu evalwati; billi, kif indikat fir-Rapport tal-Kummissjoni Dinjija dwar l-Etika tal-Għarfien Xjentifiku u tat-Teknoloġija (COMEST), għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-użu ta' robots mediċi, robots infermiera, robots indukraturi għall-persuni anzjani u r-robots għall-kumpanija;
U. billi l-użu ta' robots soċjali u robots għall-kumpanija qed jinfirex b'mod rapidu fil-qasam tal-kura tas-saħħa u, b'mod partikolari, fl-indukrar tal-anzjani; billi r-robots indukraturi għall-anzjani u r-robots għall-kumpanija jistgħu jibdew jokkupaw rwol funzjonali u emozzjonali; billi dawn ir-robots jista' jkollhom rwol fit-tnaqqis tas-solitudni tal-anzjani, fil-prevenzjoni ta' mġiba marbuta mad-dimenzja, fl-istimular tal-attivitajiet konjittivi ta' pazjenti b'mard newrodeġenerattiv jew fit-twettiq ta' ċerti kompiti diffiċli ta' kuljum għall-anzjani; billi r-robots għall-kumpanija jistgħu għalhekk iqanqlu sentimenti foloz, illużorji u mhux reċiprokati, billi jiddeludu u jittrattaw lill-anzjani bħat-tfal;
V. billi r-robots għall-kumpanija jistgħu jintużaw dejjem aktar għal skopijiet sesswali; billi l-użu ta' robots tas-sess li jidhru qishom tfal jew li jkunu pprogrammati biex jiġu abbużati jqajjem implikazzjonijiet etiċi li huma partikolarment ta' tħassib;
Qafas legali u etiku għall-IA:
1. Jisħaq li l-Unjoni jeħtiġilha tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tiggarantixxi li l-valuri etiċi tagħha, kif espressi fl-acquis, japplikaw b'mod effikaċi għall-oqsma kollha tal-IA fit-territorju tagħha u biex tippromwovi l-istandards tagħha madwar id-dinja; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-iżviluppi teknoloġiċi fl-IA jridu dejjem ikunu għall-benefiċċju tal-umanità;
2. Jissottolinja li l-Unjoni jeħtiġilha tieħu l-passi kollha meħtieġa biex iżżid il-fiduċja tas-soċjetà fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-IA, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati; fid-dawl tal-impatt sinifikanti li dawn it-teknoloġiji jista' jkollhom fuq iċ-ċittadini; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi l-linji gwida dwar l-etika għal IA affidabbli u tipproponi miżuri adegwati biex tiżgura li dawk it-teknoloġiji ma jiġġenerawx riżultati inġustament preġudikati għaċ-ċittadini;
3. Jisħaq li ekosistema ta' fiduċja tal-IA tal-Unjoni bbażata fuq id-dritt, kemm jekk tirrigwarda l-applikazzjonijiet tal-protezzjoni ambjentali, tas-saħħa jew tas-sikurezza tal-ikel, estiża mill-qafas tal-etika tal-IA tal-Unjoni, se ssaħħaħ iċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà, tinkoraġġixxi l-involviment tal-partijiet ikkonċernati, iżżid il-volum ta' data fdata u l-adozzjoni mis-suq, tippermetti ekonomiji ta' skala u tappoġġja ekosistema ta' eċċellenza f'dawk is-setturi; huwa tal-fehma li dan se jsaħħaħ il-kompetittività globali tal-Unjoni fis-settur tal-IA u l-potenzjal biex jiġu promossi l-valuri u l-istandards tal-Unjoni;
4 Jinnota li, minħabba l-fatt li r-regolamenti legali jwieġbu aħjar għal sfidi attwali ddefiniti tajjeb u minħabba l-iżvilupp mgħaġġel tal-IA, li jirriżulta fl-inċertezza dwar x'se jġib miegħu l-ġejjieni, qafas etiku komuni, ankrat sew mill-aspett legali, u infurzabbli tal-Unjoni għall-IA se jespandi ekosistema ta' fiduċja għall-partijiet ikkonċernati kollha, kif definit fil-White Paper tal-Kummissjoni, partikolarment fir-rigward tal-protezzjoni ambjentali jew tas-saħħa pubblika, il-ħolqien ta' ambjenti aktar f'saħħithom, riżorsi u servizzi tal-kura tas-saħħa jew applikazzjonijiet aqwa tas-sikurezza tal-ikel, u b'hekk jappoġġja l-ekosistema ta' eċċellenza fiċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà, jipprovdi rispons effikaċi għall-isfidi li għadhom mhux definiti, fost l-oħrajn fl-awli, fil-laqgħat ta' ġestjoni jew fil-laboratorji xjentifiċi;
5. Jinnota li d-definizzjoni tal-IA tirrikjedi aktar ħidma; għalhekk jissottolinja l-importanza ta' approċċ iċċentrat fuq il-bniedem u ta' rieżamijiet regolari dwar l-avvanzi fl-IA u dwar il-qafas etiku, sabiex tiġi promossa regolamentazzjoni proattiva u jiġu ggarantiti l-applikabbiltà tagħha matul iż-żmien u żviluppi ġodda; jissottolinja li hemm ħafna livelli ta' riskju li jevolvu maż-żmien permezz tal-avvanz tat-teknoloġiji tal-IA; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' qafas leġiżlattiv proporzjonat li għandu jevolvi skont il-ħeffa tal-avvanz teknoloġiku; jirrimarka li l-programm Copernicus jista' jservi bħala mudell tal-aħjar prattika fl-iżvilupp ta' settijiet ta' data kbar ta' kwalità għolja bħala input għall-mudelli tal-IA;
6. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' qafas regolatorju li jistipula l-prinċipji etiċi li għandhom jiġu applikati għad-disinn, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-funzjonament ta' din it-teknoloġija, mill-aċċess għad-data sal-monitoraġġ strett tar-riżultati;
7. Jissottolinja li jrid jinstab approċċ bilanċjat għar-regolamentazzjoni, li l-ewwel u qabel kollox jiżgura li l-valuri tagħna ma jiġux kompromessi filwaqt li jiġi evitat il-ħolqien ta' piżijiet amministrattivi bla bżonn, speċjalment għall-SMEs u n-negozji ġodda; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-kompetizzjoni globali fl-IA mhux dejjem issegwi l-istess prinċipji etiċi bħal tal-Unjoni; jenfasizza li l-IA u t-teknoloġiji assoċjati m'għandhomx jitħallew biss għal awtoregolamentazzjoni "ħafifa"; iqis li huwa essenzjali li jkun meħtieġ qafas leġiżlattiv tal-Unjoni li jkun proporzjonat u li jipprovdi appoġġ; jirrimarka li ħafna pajjiżi terzi qed jaħdmu fuq l-oqfsa etiċi tagħhom u li hemm proposti multipli fil-livell globali; huwa konxju li d-diffikultà ewlenija fir-rigward tal-prinċipji etiċi tista' tkun fl-applikazzjoni ta' tali prinċipji aktar milli fl-eżistenza tagħhom;
8. Jappoġġja l-fehma li s-seba' rekwiżiti tal-IA identifikati fil-Linji Gwida dwar l-Etika għal IA Affidabbli tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-IA jikkostitwixxu elementi kostitwenti sodi għal qafas etiku komuni tal-Unjoni għall-IA, b'ankrar legali xieraq, li jindirizzaw, fost l-oħrajn, l-aspetti etiċi tal-applikazzjonijiet tal-IA fl-ambjent, is-saħħa u l-protezzjoni tal-ikel; jitlob li jkun hemm titjib tal-acquis dwar it-trasparenza, it-traċċabbiltà u s-sorveljanza mill-bniedem, li kienu indikati bħala oqsma li jeħtieġu aktar titjib fil-feedback mogħti dwar il-Linji Gwida minn 350 organizzazzjoni; barra minn hekk, iħeġġeġ il-ħolqien ta' qafas etiku tal-Unjoni dwar l-IA fi spirtu ta' ftuħ għax-xogħlijiet ta' sħab internazzjonali oħra li jikkondividu l-valuri tal-Unjoni, eż. in-NU, il-Kunsill tal-Ewropa bil-"Linji Gwida dwar l-Intelliġenza Artifiċjali u l-Protezzjoni tad-Data" tiegħu tal-2019[38], il-Karta Etika Ewropea dwar l-użu tal-intelliġenza artifiċjali fis-sistemi ġudizzjarji u l-ħidma taċ-ċentru ta' riċerka legali tagħha, il-Kumitat Ad Hoc dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (CAHAI), il-Prinċipji dwar l-IA[39] ffirmati mill-membri tal-OECD f'Mejju 2019, id-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-G20 tal-2019 dwar il-Kummerċ u l-Ekonomija Diġitali, li l-anness għaliha fih il-prinċipji għall-IA u l-Inizjattiva Globali tal-IEEE dwar l-Etika ta' Sistemi Awtonomi u Intelliġenti[40];
9. Jappoġġja b'saħħa lill-Kummissjoni fl-istabbiliment ta' qafas etiku komuni tal-Unjoni għall-IA biex jiġġieled in-nuqqasijiet ikkawżati mill-frammentazzjoni tas-suq intern tal-IA, inkluż fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-għarfien espert fl-oqsma tal-ambjent, tas-saħħa pubblika, tal-kura tas-saħħa, u tas-sikurezza tal-ikel, u biex jiġu evitati standards doppji tal-IA fl-Istati Membri kollha għall-IA żviluppata fl-Unjoni u lil hinn minnha, fost l-oħrajn f'oqsma bħall-ġestjoni tad-data tal-konsumatur, il-protezzjoni u l-privatezza fil-grilji intelliġenti, il-ġestjoni tal-iskart, l-aċċess ugwali għas-servizzi u t-teknoloġiji, l-istandards tar-relazzjoni bejn il-pazjent u t-tabib, il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza, inkluża l-interazzjoni tagħhom ma' attivitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp tal-mediċini, ir-responsabbiltà ċivili fil-kura tas-saħħa pubblika assistita bl-IA, u r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta' vetturi jew makkinarju awtonomi; jinnota li fil-livell nazzjonali, il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri ma fihiex regoli armonizzati dwar ir-responsabbiltà li huma applikabbli għall-ħsara jew korriment li jistgħu jirriżultaw mit-teknoloġiji diġitali u komportamentali; jitlob li jkun hemm ankrar u pożizzjonament legali xierqa ta' tali qafas etiku tal-Unjoni għall-IA;
10. Ifakkar, f'dan ir-rigward, li r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2017 dwar ir-Regoli ta' Dritt Ċivili dwar ir-Robotika[41] talbet lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-ħatra ta' Aġenzija Ewropea għall-Intelliġenza Artifiċjali biex, fost l-oħrajn, tiżgura li jkun hemm approċċ armonizzat fl-Unjoni kollha, tiżviluppa kriterji komuni u proċess ta' applikazzjoni relatat mal-għoti ta' ċertifikat Ewropew ta' konformità etika, u biex tindirizza l-opportunitajiet u l-isfidi l-ġodda, b'mod partikolari dawk ta' natura transfruntiera, li jirriżultaw minn żviluppi teknoloġiċi kontinwi; jitlob lill-Kummissjoni tirrifletti jekk il-korpi u l-istituzzjonijiet eżistenti tal-Unjoni humiex biżżejjed għal dawk il-kompiti jew jekk jeħtieġx li jinħoloq korp ġdid għall-Intelliġenza Artifiċjali;
11. Iqis li, għall-applikazzjonijiet kollha tal-IA żviluppati fl-Unjoni u barra minnha, irid ikun iggarantit l-istess livell ta' protezzjoni fl-Unjoni bħalma huwa l-każ bit-teknoloġiji l-oħra kollha, inkluż rimedju ġudizzjarju effettiv għall-partijiet affettwati b'mod negattiv mis-sistemi tal-IA, filwaqt li l-innovazzjoni teknoloġika jeħtieġ li titħalla tkompli tiżviluppa; jikkunsidra wkoll li dan il-qasam ta' riskju tal-IA huwa kruċjali, eż. għas-servizzi tas-saħħa, it-trasport li jinvolvi l-vetturi awtonomi u s-sikurezza tal-ikel; jitlob li jkun hemm distribuzzjoni ċara tal-obbligi, id-drittijiet u r-responsabbiltajiet fost l-operaturi ekonomiċi involuti fit-twassil tal-applikazzjonijiet tal-IA, biex kull obbligu jiġu attribwit lill-attur(i) li huwa/huma l-aktar f'pożizzjoni li jindirizza/w kwalunkwe riskju potenzjali, kemm jekk dan ikun l-iżviluppatur, dak li jvarahom, il-produttur, id-distributur jew l-importatur, il-fornitur tas-servizz, l-utent professjonali jew privat, u f'dan ir-rigward jappella għal rieżami adegwat tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, eż. tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti u għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali; jappoġġja l-pożizzjoni tal-Kummissjoni espressa fil-White Paper li minħabba l-kumplessità tas-sistemi tal-IA, l-iżgurar ta' livell effettiv ta' protezzjoni u ta' rimedju jista' jirrikjedi l-adattament tal-oneru tal-provi meħtieġ mir-regoli nazzjonali dwar ir-responsabbiltà għall-ħsara kkawżata mit-tħaddim tal-applikazzjonijiet tal-IA; huwa tal-fehma li ċ-ċarezza fir-rigward tar-responsabbiltà legali fis-settur tal-IA se ssaħħaħ l-infurzar tal-valuri etiċi tal-Unjoni inkorporati fl-acquis tagħha, iċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà, u l-aċċettazzjoni soċjali li tappoġġja l-iżvilupp ta' ekosistema ta' eċċellenza tal-IA tal-Unjoni billi tiġbor flimkien l-investituri u żżid l-adozzjoni mis-suq;
12. Jenfasizza li ħafna mill-proposti minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni u minn organizzazzjonijiet internazzjonali jduru madwar prinċipji jew kunċetti komuni għall-IA, li huma: iċ-ċentralità madwar il-bniedem, l-affidabbiltà, ir-rispett għall-awtonomija tal-bniedem, il-prevenzjoni tal-ħsara, l-ekwità u li "ħadd ma jitħalla jibqa' lura" u l-ispjegabbiltà; huwa tal-fehma li qafas etiku internazzjonali madwar dawn il-prinċipji jkun ideali; jinsab imħasseb dwar il-progress u l-innovazzjonijiet tal-IA li jwasslu għall-inugwaljanza soċjali jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ma jħallu lil ħadd jibqa' lura fit-tranżizzjoni lejn Ewropa diġitali, u biex jiggarantixxu aċċess ġust, affordabbli u ugwali għal dawn l-innovazzjonijiet speċjalment f'oqsma bħall-kura tas-saħħa;
13. Jirrakkomanda li l-Approċċ Ibbażat fuq ir-Riskju jiġi ssupplimentat b'Valutazzjoni tal-Impatt Algoritmiku li tieħu l-informazzjoni pereżempju mill-Analiżi tal-Impatt Regolatorju (RIA), il-Proċedura ta' Valutazzjoni tar-Riskju tal-GDPR, il-Valutazzjoni tal-Impatt fuq id-Drittijiet tal-Bniedem (HRIA) u li l-pubbliku jkun jista' jara r-riżultati;
14. Jilqa' l-fatt li l-metodoloġija tal-Approċċ Ibbażat fuq ir-Riskju ddefinita fil-White Paper tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020[42] tirrikonoxxi l-kura tas-saħħa, it-trasport u l-enerġija bħala setturi b'riskju għoli b'mod awtomatiku, u tintroduċi rekwiżiti tal-IA elenkati lil hinn mir-regoli eżistenti tal-Unjoni f'dawn is-setturi, sakemm il-mod li bih tintuża l-IA ma jinvolvix riskju sinifikanti; jisħaq li l-qafas etiku tal-Unjoni għall-IA għandu jindirizza b'mod speċjali s-setturi ta' riskju għoli msemmija hawn fuq;
15. Jitlob proċeduri ċari, oġġettivi u trasparenti fil-livell tal-Unjoni biex jiġi stabbilit katalogu pubbliku ta' applikazzjonijiet tal-IA ta' riskju għoli li jinvolvi rieżami perjodiku u mekkaniżmu ta' aġġornament; jitlob li jitqies li l-oneru tal-provi f'dawn il-proċeduri, għall-applikazzjonijiet kollha tal-IA fid-dominji kollha, jitqiegħed fuq l-entità li tfittex li tiżviluppa jew tvara s-sistema tal-IA, sabiex il-katalogu jibqa' miftuħ għall-innovazzjoni u ma jiġix injorat ir-riskju li l-applikazzjonijiet tal-IA jiġu kklassifikati bħala li m'għandhom ebda riskju għoli;
16. Iqis li hemm riskji ta' preġudizzji u diskriminazzjoni fl-iżvilupp, il-varar u l-użu ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati ta' riskju għoli, inklużi s-software, l-algoritmi u d-data użati jew prodotti minn tali teknoloġiji; ifakkar li, f'kull ċirkostanza, dawk it-teknoloġiji għandhom jirrispettaw id-dinjità tal-bniedem u jiżguraw trattament ugwali għal kulħadd; iqis li tali preġudizzju possibbli jista' jiġi indirizzat billi jiġu stabbiliti regoli dwar l-ipproċessar tad-data u jiġu stabbiliti salvagwardji xierqa kontra l-preġudizzju u d-diskriminazzjoni abbażi ta' fatturi soċjali, ekonomiċi, etniċi, razzjali, sesswali, tal-ġeneru, ta' diżabilità jew ta' fatturi oħra; iwissi dwar l-użu ħażin potenzjali ta' applikazzjonijiet dijanjostiċi tal-IA u jitlob kapaċità tal-IA u salvagwardji motivazzjonali;
17 Jilqa' l-inizjattiva volontarja ta' tikkettar għall-IA mhux ta' riskju għoli;
18. Jirrakkomanda miżuri li jinkoraġġixxu l-involviment tal-partijiet ikkonċernati kollha tal-etika tal-IA mis-settur privat, minn gruppi ta' konsumaturi u mill-akkademja għall-formulazzjoni ta' kodiċi etiku mfassal għall-iżviluppi teknoloġiċi, soċjali u politiċi;
19. Jirrimarka li, biex jieħdu d-deċiżjonijiet, ir-robots jużaw algoritmi li jassumu r-rwol ta' valuri u oqfsa etiċi u li l-introduzzjoni tagħhom għandha implikazzjonijiet etiċi importanti fl-oqsma tal-kura tas-saħħa u tar-relazzjonijiet soċjali; huwa mħasseb b'mod partikolari dwar l-użu tar-robots għall-kumpanija għal skopijiet ta' pedofilija u ta' abbuż sesswali; jemmen li għandhom jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet etiċi fid-disinn ta' teknoloġiji robotiċi; jitlob post għall-etika fil-proċess ta' żvilupp ta' dawn il-magni, ibbażat fuq approċċ bħad-disinn sensittiv għall-valuri, b'mod partikolari fir-rigward ta' robots indukraturi għall-anzjani u robots għall-kumpanija; jisħaq li dan l-approċċ għandu jiġi adattat ukoll biex jikkunsidra l-benesseri tal-annimali;
20. Jissottolinja li, minbarra rekwiżiti regolatorji ċari dwar l-obbligu ta' rendikont u r-responsabbiltà, hemm ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata t-trasparenza algoritmika, sabiex ikun possibbli li jiġi rintraċċat il-mument meta "l-affarijiet marru ħażin" u jkun jista' jsir intervent f'waqtu mill-esperti; iqis it-trasparenza algoritmika bħala kruċjali biex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn it-teħid tad-deċiżjonijiet mediċi jsir f'ambjent ta' "black box"; jissottolinja li l-algoritmi black box li jieħdu deċiżjonijiet mhux spjegabbli mhumiex aċċettabbli fi kwalunkwe settur iżda f'kuntest fejn it-teħid ta' deċiżjonijiet tal-IA għandu impatt fuq deċiżjonijiet ta' ħajja jew mewt, il-konsegwenzi ta' falliment algoritmiku jistgħu jkunu gravi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiftħu djalogu mal-partijiet ikkonċernati ewlenin mill-oqsma tal-mediċina, l-IT, il-matematika, il-fiżika, it-teknoloġija tad-data medika, il-psikoloġija klinika, il-bijoinġinerija u l-farmaċewtika biex jistabbilixxu pjattaformi għall-bini tad-djalogu u jivvalutaw l-impatt fuq ir-relazzjoni bejn it-tabib u l-pazjent u t-tneħħija tal-element uman mill-kura medika;
21. Jitlob inizjattivi li jiggwidaw lill-Unjoni li jippromwovu algoritmi interpretabbli, IA spjegabbli (xAI), IA b'raġunament simboliku, tekniki tal-ittestjar tal-IA tat-tip white box, billi jintwera li dawk it-teknoloġiji jistgħu jiġu kkombinati ma' networks newrali profondi u billi jintwerew il-vantaġġi legali, etiċi u ta' spiss kummerċjali tagħha, u billi jiġu promossi wkoll metodi biex jiġu ddeterminati r-riskji konnessi ma' għażliet teknoloġiċi differenti billi jintużaw fost l-oħrajn l-esperjenza tal-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Informazzjoni (ICO) tar-Renju Unit u l-linji gwida tal-Alan Turing Institute "Explaining decisions made with AI" (Spjegazzjoni ta' deċiżjonijiet meħuda bl-IA), li juru li anke sistemi tal-IA newrali kumplessi ħafna jistgħu jiġu interpretati adegwatament;
22. Jitlob li jiġu żgurati t-trasparenza, ir-responsabbiltà, il-possibbiltà ta' awditjar, il-prevedibbiltà u l-obbligu ta' rendikont, billi ċ-ċittadini, il-pazjenti u l-utenti għandhom jiġu infurmati meta jinteraġixxu ma' sistema li tuża l-intelliġenza artifiċjali permezz ta' spjegazzjonijiet ċari u li jinftiehmu tad-data użata, tat-tħaddim tal-algoritmu, tal-iskop tagħha, tal-eżiti tagħha, u tal-perikli potenzjali tagħha; jissottolinja li t-trasparenza u l-ispjegabbiltà huma essenzjali biex tiġi żgurata l-fiduċja f'dawn it-teknoloġiji; iqis li l-ispjegazzjoni għandha tkun ikkomplementata bil-possibbiltà ta' awditjar u t-traċċabbiltà minħabba li r-rispett għal dawn il-prinċipji huwa garanzija għall-obbligu ta' rendikont; jirrimarka li l-applikazzjonijiet tal-IA jistgħu jisbqu lill-bnedmin f'kompiti speċifiċi limitati, filwaqt li jfallu fl-analiżi ġenerali; jitlob li jkun hemm sorveljanza mill-bnedmin, responsabbiltà professjonali u l-prevedibbiltà tas-sistema bil-kapaċità li tiġi kkanċellata s-sistema tal-IA;
23. Iqis li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun tista' tfittex rimedju għal deċiżjoni maħruġa minn IA, robotika jew teknoloġija relatata ta' riskju għoli li tkun ta' ħsara għaliha u li kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-IA għandha tkun soġġetta għal verifika stretta mill-bniedem u għal proċess ġust; jissuġġerixxi li jiġu introdotti salvagwardji relatati mal-użu ta' intelliġenza artifiċjali, robotika u teknoloġiji relatati ta' riskju għoli fil-qafas ta' deċiżjonijiet dwar is-setgħa pubblika, inklużi valutazzjoni perjodika u rieżami possibbli tal-qafas regolatorju biex jinżamm il-pass mal-iżvilupp teknoloġiku, u jissuġġerixxi l-istabbiliment ta' linji gwida vinkolanti dwar il-metodoloġija tal-valutazzjoni tal-konformità li għandha tiġi segwita mill-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali, u l-istabbiliment ta' linji gwida mhux vinkolanti indirizzati lejn l-iżviluppaturi, dawk li jvarawhom u l-utenti;
24. Jilqa' strateġija Ewropea għad-data, li tindirizza l-isfidi li ġejjin għall-Unjoni f'dan il-qasam li huwa kruċjali għall-progress tal-IA, u li tfittex opportunitajiet Ewropej għal vantaġġ kompetittiv fl-ekonomija ta' data ġdida, speċjalment fis-settur dejjem jikber tad-data deċentralizzata u mhux personali li ġejja mill-industrija, in-negozju u s-settur pubbliku u minn apparati fit-tarf tan-network, li hija mistennija li tikkostitwixxi 80 % tal-175 zettabyte fl-2025 u treġġa' lura l-proporzjonijiet attwali;
25. Jitlob li jiġi żgurat finanzjament suffiċjenti għat-trasformazzjoni tal-IA tal-Unjoni; jappoġġja l-ambizzjonijiet stabbiliti fil-White Paper tal-Kummissjoni biex tattira investiment pubbliku u privat ta' EUR 200 biljun fl-IA fl-10 snin li jmiss fl-Unjoni; jilqa' l-attenzjoni mogħtija lid-defiċits tal-ekosistemi tal-IA f'reġjuni inqas żviluppati u lill-ħtiġijiet tal-SMEs u tan-negozji ġodda; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika d-defiċits tal-infrastruttura pubblika u tiffaċilita l-finanzjament tal-IA fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u fl-adattament għalih, fl-enerġiji rinnovabbli u fis-saħħa u tiffaċilita l-aċċess ġeografikament ibbilanċjat għall-finanzjament kollu tal-IA, inkluż għall-SMEs u n-negozji ġodda; jisħaq li l-objettivi l-ġodda tal-Unjoni ma jridux inaqqsu l-impenn tal-Unjoni fil-prijoritajiet stabbiliti tagħha, bħall-PAK, il-Politika ta' Koeżjoni, il-Patt Ekoloġiku u l-Pjan ta' Rkupru mill-COVID-19 "Next Generation EU";
26 Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u tiffinanzja l-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati ċċentrati fuq il-bniedem, li jindirizzaw l-isfidi ambjentali u klimatiċi u li jiżguraw aċċess ugwali għad-drittijiet fundamentali u t-tgawdija tagħhom permezz tal-użu ta' inċentivi fiskali, ta' akkwist pubbliku ekoloġiku, jew ta' inċentivi oħra;
Il-marka tal-karbonju tal-IA:
27. Jinnota li fil-pakkett diġitali ppubblikat fid-19 ta' Frar 2020 il-Kummissjoni tiddikjara li l-ICT illum jirrappreżentaw bejn 5 % u 9 % tal-konsum globali tal-elettriku u 2 % tal-emissjonijiet tas-CO2 u li l-volum ta' data trasferita u maħżuna se jkompli jikber b'mod esponenzjali fis-snin li ġejjin u li jridu jinstabu soluzzjonijiet f'dan ir-rigward; jinnota wkoll li l-istudju taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-2018 "Artificial Intelligence/A European Perspective" (Intelliġenza Artifiċjali/Perspettiva Ewropea) jistma li ċ-ċentri tad-data u t-trażmissjoni tad-data jistgħu jikkostitwixxu bejn 3 u 4 % tal-konsum kollu tal-enerġija tal-Unjoni;
28. Jilqa' l-fatt li l-istrateġija diġitali Ewropea tipproponi miżuri ta' trasformazzjoni ekoloġika għas-setturi diġitali;
29. Jisħaq li minkejja l-marka tal-karbonju kbira attwali tat-tagħlim profond u l-IA nfushom, dawk it-teknoloġiji jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-marka ambjentali attwali tas-settur tal-ICT u tal-iżvilupp tal-IA, tar-robotika, tad-deċiżjonijiet awtomatizzati u tat-tagħlim awtomatiku; jissottolinja li dawk it-teknoloġiji u teknoloġiji relatati oħra regolati b'mod xieraq għandhom ikunu faċilitaturi kritiċi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku, l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU u l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi f'ħafna setturi differenti u għandhom jagħtu spinta lill-impatt tal-politiki li jipprovdu protezzjoni ambjentali, eż. għat-tnaqqis tal-iskart u d-degradazzjoni ambjentali;
30. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju dwar l-impatt tal-marka tal-karbonju tat-teknoloġija tal-IA u l-impatti pożittivi u negattivi tat-tranżizzjoni għall-użu tat-teknoloġija tal-IA mill-konsumaturi;
31. Jinnota li, minħabba l-iżvilupp dejjem jiżdied ta' applikazzjonijiet tal-IA, li jirrikjedu riżorsi komputazzjonali, tal-ħżin u tal-enerġija, l-impatt ambjentali tas-sistemi tal-IA għandu jiġi kkunsidrat tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;
L-impatt tal-IA fuq is-settur tas-saħħa u d-drittijiet tal-pazjenti:
32. Jirrikonoxxi r-rwol ewlieni li l-IA jista' jkollha fis-saħħa u jenfasizza li l-applikazzjonijiet tal-IA fis-saħħa għandhom dejjem ikollhom l-għan li jimmassimizzaw l-opportunitajiet li dawn jistgħu jġibu, bħat-titjib tas-saħħa tal-pazjenti individwali kif ukoll tal-prestazzjoni tas-sistemi tas-saħħa pubblika tal-Istati Membri, mingħajr ma jnaqqsu l-istandards etiċi u mingħajr ma jheddu l-privatezza jew is-sikurezza taċ-ċittadini;
33. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni espress fil-White Paper li teżamina l-isfidi ta' sikurezza u ta' responsabbiltà li huma differenti għall-kura tas-saħħa, eż. is-sistemi tal-IA li jipprovdu informazzjoni medika speċjalizzata lit-tobba jew direttament lill-pazjent u s-sistemi tal-IA li jwettqu huma stess kompiti mediċi direttament fuq pazjent; jitlob eżami korrispondenti tas-setturi elenkati l-oħra li huma b'mod awtomatiku ta' riskju għoli;
34. Iqis li f'oqsma bħas-saħħa, fl-aħħar mill-aħħar ir-responsabbiltà trid taqa' fuq persuna fiżika jew ġuridika; jenfasizza l-ħtieġa ta' data ta' taħriġ traċċabbli u pubblikament disponibbli għall-algoritmi;
35. Jistieden lill-Kummissjoni tibda djalogu settorjali miftuħ u trasparenti li jagħti prijorità lill-kura tas-saħħa sabiex imbagħad tippreżenta pjan ta' azzjoni biex tiffaċilita l-iżvilupp, l-ittestjar u l-introduzzjoni tal-IA fir-riċerka u l-innovazzjoni u l-applikazzjoni wiesgħa tagħha fis-servizzi tas-saħħa pubblika;
36. Iwissi kontra tentattivi biex il-magni jingħataw xi tip ta' "personalità" li tista' tirriżulta fit-tneħħija tar-responsabbiltà tal-bniedem f'każ ta' żbalji fit-trattament;
37. Jappoġġja b'saħħa l-ħolqien ta' Spazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa[43] propost mill-Kummissjoni li għandu l-għan li jippromwovi l-iskambju ta' data dwar is-saħħa u li jappoġġja r-riċerka b'rispett sħiħ tal-protezzjoni tad-data, inkluż l-ipproċessar tad-data b'teknoloġija tal-IA, u li jsaħħaħ u jestendi l-użu u l-użu mill-ġdid tad-data dwar is-saħħa; jappella għat-titjib tal-iskambju transfuntier tad-data dwar is-saħħa, ir-rabta u l-użu tagħha permezz ta' repożitorji siguri, federati, tipi speċifiċi ta' informazzjoni dwar is-saħħa, bħal Rekords tas-Saħħa Ewropej (EHRs), informazzjoni ġenomika, u immaġnijiet tas-saħħa diġitali biex jiffaċilitaw l-interoperabbiltà fl-Unjoni kollha ta' reġistri jew bażijiet tad-data f'oqsma bħas-setturi tar-riċerka, tax-xjenza u tas-saħħa;
38. Jenfasizza li l-pazjenti għandhom ikunu jafu meta u kif ikunu qed jinteraġixxu ma' professjonist uman u meta ma jkunux; jinsisti li l-pazjenti għandu jkollhom il-libertà li jiddeċiedu dwar din l-interazzjoni u għandhom jiġu offruti alternattiva ta' standard ugwali;
39. Iqis li, b'mod partikolari fis-settur tas-saħħa, l-applikazzjonijiet tal-mobile jistgħu jgħinu fil-monitoraġġ tal-mard u huwa utli li r-robots ikunu preżenti biex jappoġġjaw il-ħidma tat-tobba jew tal-assistenti tal-kura tas-saħħa, bil-ħsieb li jittejbu d-dijanjostika u l-kura, filwaqt li jiġi żgurat li ma jitneħħiex l-element uman mill-prattika tal-mediċina u tal-kura tal-pazjenti;
40. Jitlob interoperabbiltà standardizzata tal-Unjoni fl-applikazzjonijiet tas-Saħħa elettronika u l-ħolqien ta' aċċess komuni Ewropew għad-data għall-preskrizzjonijiet, id-dijanjożi u r-rapporti mediċi, faċilment aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni u fl-Istati Membri kollha;
41. Itenni li l-opportunitajiet u r-riskji inerenti għal dawn it-teknoloġiji għandhom dimensjoni globali li tirrikjedi approċċ armonizzat konsistenti fil-livell internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni taħdem f'ambjenti bilaterali u multilaterali biex tappoġġja u tiżgura l-konformità etika;
42. Jenfasizza l-benefiċċji tal-IA għall-prevenzjoni, it-trattament u l-kontroll tal-mard, kif jixhed il-fatt li l-IA bassret l-epidemija tal-COVID-19 qabel id-WHO; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tgħammar b'mod adegwat lill-ECDC bil-qafas legali u r-riżorsi biex jiġbor data meħtieġa dwar is-saħħa globali f'ħin reali u anonimizzata b'mod indipendenti flimkien mal-Istati Membri, biex fost affarijiet oħra tindirizza l-problemi li nkixfu mill-pandemija tal-COVID-19;
43. Jirrimarka li l-użu ta' teknoloġiji ta' traċċar u ta' traċċar tal-kuntatti mill-awtoritajiet pubbliċi matul il-pandemija tal-COVID-19 u emerġenzi potenzjali oħra ta' saħħa jista' jkun f'kunflitt mal-protezzjoni tad-data; ifakkar f'dan ir-rigward il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' April 2020 dwar il-Gwida dwar l-Apps li jgħinu fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 fir-rigward tal-protezzjoni tad-data[44] u l-ħtieġa ta' proporzjonalità, limitazzjoni fiż-żmien, allinjament mal-valuri tal-Unjoni u r-rispett tad-dinjità tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali;
44. Iqis li l-IA u r-robotika jistgħu jipprovdu titjib konsiderevoli fil-kontroll tal-apparat mediku u jiffaċilitaw ix-xogħol ta' kuljum tal-professjonisti tas-saħħa; iqis li għall-apparat mediku kritiku, jeħtieġ li jkun hemm fis-seħħ sistema supplimentari biex tissorvelja u tiżgura l-funzjonalità tal-apparat fi kwalunkwe sitwazzjoni possibbli ta' interferenza u li t-theddid ċibernetiku possibbli fil-kontroll ta' tali apparat jeħtieġ li jitqies u jiġi mmitigat; jisħaq li minbarra l-hackers u t-theddid estern, it-theddid ċibernetiku jista' joriġina wkoll minn żbalji tal-bniedem jew żbalji tas-sistema u li huwa meħtieġ li jkun hemm sistemi supplimentari adegwati stabbiliti u operattivi; iqis ukoll li l-Unjoni għandha toħloq pjan direzzjonali għall-iżvilupp ta' sistema supplimentari għall-IA biex tindirizza l-kwistjonijiet possibbli li jirriżultaw meta l-kontrolli tas-sistema tal-IA jagħmlu żball;
45. Jirrimarka li l-istandards tas-sikurezza stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[45] jistgħu ma jkunux biżżejjed għall-isfidi tas-sistemi tal-IA; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-isfidi f'dan il-qasam u tressaq proposti fejn meħtieġ;
46. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-apparati mediċi mħaddma mill-IA jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-sikurezza u tal-prestazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/745; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li r-Regolament (UE) 2017/745 jiġi implimentat fir-rigward ta' dawk it-teknoloġiji; iqis li huma meħtieġa linji gwida u speċifikazzjonijiet ġodda għall-evalwazzjoni tas-sikurezza u l-effikaċja tas-software, l-IA u l-apparati li jaħdmu bl-apprendiment profond matul iċ-ċiklu kollu tal-użu;
47. Jitlob li jiġi żgurat mandat legali aktar ċar u finanzjament suffiċjenti għall-EMA u għall-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li huma responsabbli għall-mediċini sabiex jappoġġjaw l-innovazzjoni u l-aspetti tas-saħħa pubblika relatati mal-IA fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-mediċina, b'mod partikolari biex jiġbru u janalizzaw data dwar is-saħħa mid-dinja reali li tista' tiġġenera evidenza addizzjonali dwar prodotti mediċinali biex jappoġġjaw ir-R&Ż u biex jottimizzaw l-użu sikur u effettiv tal-mediċini eżistenti fl-interess tal-pazjenti u tas-sistemi ta' kura tas-saħħa Ewropej;
48. Jinsisti li la l-kumpaniji tal-assigurazzjoni u lanqas kwalunkwe fornitur ta' servizz ieħor m'għandhom jitħallew jużaw data minn applikazzjonijiet tas-saħħa elettronika bil-għan li jintroduċu diskriminazzjoni fl-iffissar tal-prezzijiet, għax dan imur kontra d-dritt fundamentali għall-aċċess għall-ogħla standard tas-saħħa li jista' jintlaħaq;
L-IA u l-protezzjoni tad-data:
49. Jilqa' r-rieżami li l-Kummissjoni ppubblikat dan l-aħħar[46] tar-Regolament (UE) 2016/679, u jinnota li l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri ssegwi approċċi differenti meta jimplimentaw derogi mill-projbizzjoni ġenerali għall-ipproċessar ta' kategoriji speċjali ta' data personali, fir-rigward tal-livell ta' speċifikazzjoni u salvagwardji, inkluż għal skopijiet ta' saħħa; jiddikjara, għalhekk, li fl-aħħar mill-aħħar, il-bnedmin għandhom iżommu r-responsabbiltà għat-teħid ta' deċiżjonijiet, speċjalment f'setturi fejn hemm interessi u riskji kbar bħas-saħħa;
50. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li timmonitorja l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 għal teknoloġiji ġodda, inkluż f'inizjattivi futuri possibbli fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali u fl-ambitu tal-Istrateġija tad-Data, u jappoġġja l-appell tal-Kummissjoni lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data biex joħroġ linji gwida dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 fil-qasam tar-riċerka xjentifika, l-IA, il-blockchain, u żviluppi teknoloġiċi possibbli oħrajn;
51. Jitlob li tingħata s-setgħa liċ-ċittadini u lill-pazjenti rigward id-data personali tagħhom biex jiġi żgurat l-infurzar sħiħ u l-interpretazzjoni uniformi tal-qafas legali tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza, speċjalment fl-applikazzjonijiet tal-IA tal-kura tas-saħħa u data sensittiva relatata oħra, biex jiġi rrispettat bis-sħiħ id-"Dritt li wieħed ikun minsi" previst fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/679 u biex jissaħħaħ id-"Dritt għal spjegazzjoni" previst fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2016/679 u rekwiżiti ta' interpretabbiltà ogħla għall-IA ta' riskju għoli;
52. Jenfasizza li l-qafas etiku dwar l-IA għandu jinkludi d-dritt li tinkiseb spjegazzjoni ta' deċiżjoni bbażata fuq ipproċessar awtomatizzat għal persuni li huma s-suġġett ta' tali deċiżjonijiet;
53. Jitlob li jinkiseb bilanċ ġust bejn il-privatezza u l-protezzjoni tad-data u l-utilità tad-data; iqis li huwa importanti għall-avvanz xjentifiku li jiġi żgurat li jkun possibbli li d-data dwar is-saħħa tiġi kondiviża u pproċessata biżżejjed fil-fond u b'dettall suffiċjenti; jitlob li tiġi żgurata l-anonimizzazzjoni tad-data filwaqt li tiġi evitata l-minimizzazzjoni eċċessiva tad-data; jitlob bażijiet tad-data, reġistri u repożitorji interoperabbli u adatti fil-livell tal-UE biex jiffaċilitaw l-użu tad-data dwar is-saħħa fis-setturi tas-saħħa, tal-ambjent u tas-sikurezza tal-ikel;
54. Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li d-data dwar is-saħħa u d-data li tappartjeni għal gruppi vulnerabbli jiġu protetti u jirrimarka li, sa fejn l-applikazzjonijiet tal-IA jipproċessaw data dwar is-saħħa abbażi tal-kunsens tas-suġġett tad-data, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2016/679 għandhom jiġu ssodisfati;
55. Jisħaq li d-data ġġenerata m'għandha bl-ebda mod tikkontribwixxi għal xi tip ta' diskriminazzjoni; jitlob li jkun hemm garanziji li l-ġbir u l-aċċessibbiltà tad-data jkunu dejjem konformi mal-qafas legali tal-Unjoni;
56. Jiġbed l-attenzjoni li r-riskju ta' alterazzjonijiet u manipulazzjoni malizzjużi tad-data, jew tal-possibbiltà ta' hacks jew ta' serq tad-data, jista' jkun partikolarment serju fis-settur tas-saħħa u li dawn l-azzjonijiet jistgħu jintużaw biex jagħmlu ħsara u jiskreditaw lill-individwi jew biex japprofittaw minnhom; jisħaq li għandhom jiġu stabbiliti l-ogħla standards taċ-ċibersigurtà għan-networks rilevanti;
L-impatt tal-IA fuq l-ambjent tax-xogħol u dak soċjali:
57. Jirrimarka li l-qafas etiku tal-OECD iqis it-taqlib fis-suq tax-xogħol; jisħaq li l-awtomatizzazzjoni flimkien mal-IA se żżid il-produttività u għalhekk iżżid il-produzzjoni; josserva li, bħalma seħħ f'rivoluzzjonijiet teknoloġiċi preċedenti, xi impjiegi se jiġu ssostitwiti; jisħaq li ż-żieda fl-użu tar-robotika u tal-IA għandha tnaqqas ukoll l-esponiment tal-bniedem għal kundizzjonijiet dannużi u perikolużi u għandha tgħin ukoll biex jinħolqu aktar impjiegi deċenti u ta' kwalità u tittejjeb il-produttività; jiġbed l-attenzjoni għall-ħidma tal-OECD, li tenfasizza li l-awtomatizzazzjoni tista' tagħti lis-soċjetà l-għażla li tnaqqas l-ammont ta' sigħat maħduma, u b'hekk ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħajja u tas-saħħa tal-ħaddiema;
58. Jiġbed l-attenzjoni wkoll lejn ir-rakkomandazzjonijiet tal-OECD li jħeġġu lill-gvernijiet jaħdmu mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati biex jippromwovu l-użu responsabbli tal-IA fix-xogħol, itejbu is-sikurezza tal-ħaddiema u l-kwalità tal-impjiegi, u jiżguraw li l-benefiċċji tal-IA jiġu kondiviżi b'mod mifrux u ekwu; jissottolinja f'dan il-kuntest li timijiet diversi ta' żviluppaturi u inġiniera li jaħdmu flimkien ma' atturi ewlenin jistgħu jikkontribwixxu biex jiġi evitat preġudizzju kulturali u bejn il-ġeneri u jiġi żgurat li l-benesseri fiżiku u mentali tal-ħaddiema jiġi rispettat fl-algoritmi, is-sistemi u l-applikazzjonijiet tal-IA;
59. Jisħaq li l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet tal-IA jista' jnaqqas l-ispejjeż u jżid il-volum tas-servizzi disponibbli, eż. servizzi tas-saħħa, trasport pubbliku, Agrikoltura 2.0, u jagħmilhom aktar affordabbli għal spettru usa' tas-soċjetà; jisħaq li l-applikazzjonijiet tal-IA jistgħu jirriżultaw wkoll f'żieda fil-qgħad, fi pressjoni fuq is-sistemi tal-kura soċjali u f'żieda fil-faqar; jenfasizza, skont il-valuri stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-ħtieġa li t-trasformazzjoni tal-IA tal-Unjoni tiġi adattata għall-kapaċitajiet soċjoekonomiċi, għal protezzjoni soċjali adegwata, għall-edukazzjoni u l-ħolqien ta' impjiegi alternattivi; jappella biex jiġi kkunsidrat it-twaqqif ta' Fond ta' Aġġustament tal-Unjoni għall-IA li jkun ibbażat fuq l-esperjenza tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) jew tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta li qed jiġi żviluppat bħalissa;
60. Jisħaq ukoll fuq l-importanza tad-djalogu soċjali biex tiġi akkomodata tranżizzjoni ġusta u inklużiva għall-ħaddiema lejn realtajiet ġodda tax-xogħol affettwati mill-IA u l-ħtieġa li l-kumpaniji jinvestu fit-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol tagħhom;
61. Jistieden lill-Istati Membri jallinjaw l-edukazzjoni għall-professjonisti tal-protezzjoni ambjentali, tas-saħħa u tas-sikurezza tal-ikel mal-iżviluppi fl-IA, u biex iżidu s-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji u l-isfidi etiċi assoċjati mal-IA;
62. Jilqa' r-rekwiżiti proposti fil-White Paper għal data għat-taħriġ tal-IA ta' riskju għoli, li jindirizzaw ukoll is-sikurezza – data wiesgħa biżżejjed biex tkopri x-xenarji rilevanti kollha sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet perikolużi bħad-diskriminazzjoni u data rappreżentattiva biżżejjed biex tirrifletti sew l-ambjent soċjali li għalih se tiġi applikata;
63. Jisħaq li s-settur pubbliku għandu jiffoka fuq is-soluzzjoni ta' problemi soċjali aktar milli jiġġenera l-adozzjoni tal-IA għall-fini tagħha stess; jitlob titjib fir-regolamenti u l-linji gwida dwar l-akkwist pubbliku tal-Unjoni, inkluż l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku tal-Unjoni Ewropea, sabiex waqt il-proċeduri ta' evalwazzjoni rilevanti għall-offerti ta' prezz, wieħed iqis jekk kwistjoni partikolari tirrikjedix l-applikazzjoni ta' sistema tal-IA, u tippermettix li jiġi segwit perkors ta' twassil alternattiv f'każijiet fejn l-evalwazzjoni tindika li tali soluzzjoni mingħajr IA tindirizza aħjar il-problema soċjali;
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
10.9.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
77 2 2 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Nikos Androulakis, Bartosz Arłukowicz, Margrete Auken, Simona Baldassarre, Marek Paweł Balt, Traian Băsescu, Aurelia Beigneux, Monika Beňová, Sergio Berlato, Alexander Bernhuber, Malin Björk, Simona Bonafè, Delara Burkhardt, Pascal Canfin, Sara Cerdas, Mohammed Chahim, Tudor Ciuhodaru, Nathalie Colin-Oesterlé, Miriam Dalli, Esther de Lange, Christian Doleschal, Marco Dreosto, Bas Eickhout, Eleonora Evi, Agnès Evren, Fredrick Federley, Pietro Fiocchi, Andreas Glück, Catherine Griset, Jytte Guteland, Teuvo Hakkarainen, Martin Hojsík, Pär Holmgren, Jan Huitema, Yannick Jadot, Adam Jarubas, Petros Kokkalis, Athanasios Konstantinou, Ewa Kopacz, Joanna Kopcińska, Ryszard Antoni Legutko, Peter Liese, Sylvia Limmer, Javi López, César Luena, Fulvio Martusciello, Liudas Mažylis, Joëlle Mélin, Tilly Metz, Silvia Modig, Dolors Montserrat, Alessandra Moretti, Dan-Ștefan Motreanu, Ville Niinistö, Ljudmila Novak, Jutta Paulus, Stanislav Polčák, Jessica Polfjärd, Luisa Regimenti, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Sándor Rónai, Rob Rooken, Silvia Sardone, Christine Schneider, Günther Sidl, Ivan Vilibor Sinčić, Linea Søgaard-Lidell, Nicolae Ştefănuță, Nils Torvalds, Edina Tóth, Véronique Trillet-Lenoir, Alexandr Vondra, Mick Wallace, Pernille Weiss, Michal Wiezik, Tiemo Wölken, Anna Zalewska |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Michael Bloss, Manuel Bompard, Christel Schaldemose |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
77 |
+ |
#PPE# |
Bartosz Arłukowicz, Alexander Bernhuber, Traian Băsescu, Nathalie Colin‑Oesterlé, Christian Doleschal, Agnès Evren, Adam Jarubas, Ewa Kopacz, Peter Liese, Fulvio Martusciello, Liudas Mažylis, Dolors Montserrat, Dan‑Ștefan Motreanu, Ljudmila Novak, Jessica Polfjärd, Stanislav Polčák, Christine Schneider, Edina Tóth, Pernille Weiss, Michal Wiezik, Esther de Lange |
S&D |
Nikos Androulakis, Marek Paweł Balt, Monika Beňová, Simona Bonafè, Delara Burkhardt, Sara Cerdas, Mohammed Chahim, Tudor Ciuhodaru, Miriam Dalli, Jytte Guteland, César Luena, Javi López, Alessandra Moretti, Sándor Rónai, Christel Schaldemose, Günther Sidl, Tiemo Wölken |
Renew |
Pascal Canfin, Fredrick Federley, Andreas Glück, Martin Hojsík, Jan Huitema, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Linea Søgaard‑Lidell, Nils Torvalds, Véronique Trillet‑Lenoir, Nicolae Ştefănuță |
ID |
Simona Baldassarre, Aurelia Beigneux, Marco Dreosto, Catherine Griset, Joëlle Mélin, Luisa Regimenti, Silvia Sardone |
Verts/ALE |
Margrete Auken, Michael Bloss, Bas Eickhout, Pär Holmgren, Yannick Jadot, Tilly Metz, Ville Niinistö, Jutta Paulus |
ECR |
Sergio Berlato, Pietro Fiocchi, Joanna Kopcińska, Ryszard Antoni Legutko, Alexandr Vondra, Anna Zalewska |
GUE/NGL |
Malin Björk, Manuel Bompard, Petros Kokkalis, Silvia Modig, Mick Wallace |
NI |
Eleonora Evi, Athanasios Konstantinou |
2 |
- |
ID |
Sylvia Limmer |
ECR |
Rob Rooken |
2 |
0 |
ID |
Teuvo Hakkarainen |
NI |
Ivan Vilibor Sinčić |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-KULTURA U L-EDUKAZZJONI (3.9.2020)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali
li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar qafas tal-aspetti etiċi tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati
Rapporteur għal opinjoni: Łukasz Kohut
(Inizjattiva – Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura)
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-Kumitat responsabbli:
- biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Ifakkar li l-iżvilupp, il-varar u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali (IA) fis-setturi kulturali u kreattivi, u fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-midja, iż-żgħażagħ u l-politika tal-informazzjoni, mhux biss għandhom il-potenzjal li jqajmu iżda qed iqajmu u se jkomplu jqajmu firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet etiċi li jridu jiġu indirizzati; jisħaq li l-Unjoni għandha tkun minn ta' quddiem fit-triq lejn IA etika ankrata fil-valuri Ewropej, filwaqt li tiżgura l-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali f'Ewropa demokratika, ġusta u sostenibbli; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jinvolvu ruħhom f'riflessjoni fit-tul dwar l-impatt tal-IA fuq id-dibattiti demokratiċi tagħna, is-soċjetajiet tagħna u fuq in-natura stessa tal-bnedmin, sabiex ikunu jistgħu jwittu t-triq għal teknoloġija tal-IA li tirrispetta l-libertà tagħna u ma tfixkilx l-innovazzjoni jew trażżan il-libertà tal-espressjoni;
2. Jemmen bil-qawwa li hemm bżonn li jiġi eżaminat kif l-oqfsa u l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem jistgħu jiggwidaw l-azzjonijiet u l-politiki relatati ma' teknoloġiji diġitali ġodda u emerġenti biex jiġu żgurati l-approċċ antropoċentriku tagħhom u l-aċċessibbiltà tal-benefiċċji tagħhom għal kulħadd; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-iżvilupp, il-varar u l-użu tal-IA jkunu ħielsa mid-diskriminazzjoni, mill-preġudizzju bbażat fuq it-tfassil ta' profili u li tirrifletti l-elementi essenzjali kollha tas-soċjetà; jirrikonoxxi li l-IA u l-awtomatizzazzjoni jaf ikollhom effett fuq l-ekonomija globalizzata li taf tikkonsolida l-inugwaljanzi eżistenti;
3. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati kriterji mfassla apposta għall-iżvilupp, il-varar u l-użu tal-IA fis-setturi tal-edukazzjoni, il-midja, iż-żgħażagħ, ir-riċerka, u dawk kulturali u kreattivi, billi jiġu żviluppati parametri referenzjarji għal użi etikament responsabbli u aċċettati tat-teknoloġiji tal-IA f'dawn l-oqsma u jiġu definiti prinċipji għalihom, inkluż reġim ċar ta' responsabbiltà għall-prodotti li jirriżultaw mill-użu tal-IA; jissottolinja li tali kriterji jridu jkunu adattabbli u aġġustati b'mod kostanti għall-progress fit-teknoloġiji tal-IA sabiex jgħinu wkoll b'mod responsabbli biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-IA; jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa li jiġi indirizzat it-tħassib dwar il-ġbir ta' data personali tal-utenti u dwar il-privatezza, kif ukoll il-kwistjonijiet ta' responsabbiltà f'każijiet fejn proċessi awtomatizzati jwasslu għal eżiti mhux mixtieqa; ifakkar li, biex dawn il-kriterji jingħataw bażi soda, jeħtieġ li jkun mitlub li jiġu osservati l-prinċipji ta' konformità ta' sistema mal-ispeċifikazzjonijiet tagħha, ta' trasparenza, bona fide u ekwità, b'konsultazzjoni mal-kumitati tal-etika kompetenti responsabbli biex jgħinu fit-tħejjija tal-pedamenti f'konformità mal-valuri kulturali u d-dispożizzjonijiet tal-qafas legali tal-Unjoni Ewropea; jinnota li s-sistemi tal-IA huma bbażati fuq software u juru imġiba intelliġenti bbażata fuq l-analiżi tal-ambjent tagħhom; jisħaq li din l-analiżi hija bbażata fuq mudelli statistiċi li l-iżbalji jiffurmaw parti inevitabbli minnhom; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li jiġu stabbiliti sistemi u metodi li jippermettu l-verifika tal-algoritmu, l-ispjegabbiltà tal-algoritmu u l-aċċess għal rimedji; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li jkun hemm regoli vinkolanti li jiżguraw li l-prinċipji tat-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u n-nondiskriminazzjoni jiġu ppreservati; itenni mill-ġdid l-importanza tal-Linji Gwida dwar l-Etika għal IA Affidabbli tal-2019 u s-seba' rekwiżiti ewlenin għall-affidabbiltà tal-IA;
4. Jinnota li kull tifel u tifla jgawdu mid-dritt għal edukazzjoni pubblika ta' kwalità fil-livelli kollha; jappella, għalhekk, għall-iżvilupp, il-varar u l-użu ta' sistemi tal-IA ta' kwalità li jiffaċilitaw u jipprovdu għodod edukattivi ta' kwalità għal kulħadd fil-livelli kollha u jisħaq li l-varar ta' sistemi ġodda tal-IA fl-iskejjel m'għandux iwassal għall-ħolqien ta' distakk diġitali usa' fis-soċjetà;
5. Jinnota li s-sistemi ta' tagħlim personalizzati tal-IA qed jiġu introdotti dejjem aktar fl-iskejjel u fl-universitajiet, u dawn qed ibiddlu gradwalment ir-rwol tal-għalliema fil-proċess tat-tagħlim; jisħaq li din il-bidla għandha tiġi vvalutata bir-reqqa, riflessa fil-kurrikuli b'mod korrispondenti u tkun ankrata minn valuri ċċentrati fuq il-bniedem; jirrikonoxxi l-kontribut potenzjali enormi li l-IA u r-robotika jistgħu jagħtu għall-edukazzjoni; jinnota li s-sistemi ta' tagħlim personalizzati tal-IA m'għandhomx jissostitwixxu r-relazzjonijiet edukattivi li jinvolvu l-għalliema u li l-forom tradizzjonali tal-edukazzjoni m'għandhomx jitħallew jibqgħu lura, filwaqt li fl-istess ħin jirrimarka li l-appoġġ finanzjarju, teknoloġiku u edukattiv, inkluż it-taħriġ speċjalizzat fit-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni jridu jiġu pprovduti lill-għalliema li jfittxu li jiksbu ħiliet xierqa sabiex jadattaw għall-bidliet teknoloġiċi u mhux biss jisfruttaw il-potenzjal tal-IA iżda wkoll jifhmu l-limitazzjonijiet tagħha;
6. Jisħaq li fejn jintuża t-tagħlim awtomatiku fil-proċeduri għall-għażla ta' studenti potenzjali, iridu jiġu implimentati salvagwardji adegwati, inkluż li l-applikanti jiġu infurmati dwar tali proċeduri u d-drittijiet tagħhom f'dan ir-rigward; jinnota li l-algoritmi rilevanti jridu jiġu mħarrġa fuq settijiet wiesgħa ta' data sabiex jiġi evitat li l-algoritmi jiddiskriminaw b'mod inġust kontra ċerti gruppi; huwa tal-fehma li d-deċiżjonijiet rilevanti meħuda bl-għajnuna ta' proċessi awtomatizzati jridu jkunu spjegabbli, inkluż, jekk meħtieġ, lill-istudenti li ma jkunux ġew aċċettati;
7. Jitlob li tiġi żviluppata strateġija tal-IA, tar-robotika u tat-teknoloġiji relatati fil-livell tal-Unjoni sabiex tgħin fit-trasformazzjoni u l-aġġornament tas-sistemi edukattivi tagħna, tħejji lill-istituzzjonijiet edukattivi tagħna fil-livelli kollha u tgħammar lill-għalliema u lill-istudenti bil-ħiliet u l-kapaċitajiet meħtieġa; iqis li hemm bżonn ta' qafas dwar l-etika fl-edukazzjoni; jirrakkomanda l-involviment tas-soċjetà ċivili, l-universitajiet, it-trade unions u l-assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem fil-proċess tat-tfassil ta' qafas bħal dan; jinnota li s-sistemi tal-IA żviluppati, varati u użati fl-Unjoni jridu jirriflettu d-diversità kulturali tagħha u l-multilingwiżmu tagħha; jisħaq li għandu jingħata appoġġ speċjali lill-iżviluppaturi u lill-benefiċjarji tat-teknoloġija minn gruppi żvantaġġati u l-persuni b'diżabilità;
8. Iqis li jridu jingħataw attenzjoni u protezzjoni speċjali lir-rispett tad-drittijiet tal-minorenni, minħabba l-influwenza partikolari tal-edukazzjoni fuq il-futur tagħhom, speċifikament id-dritt għall-privatezza u l-aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità, filwaqt li jiġu żgurati opportunitajiet indaqs f'kull każ; jenfasizza li l-istituzzjonijiet edukattivi għandhom jużaw biss sistemi tal-IA għal skopijiet edukattivi li jkunu ġew awditjati u ċċertifikati bħala etiċi, ta' benefiċċju u li jkunu konsistenti mal-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat u l-akkademja sabiex isaħħu l-kondiviżjoni tal-għarfien u s-sorsi miftuħa;
9. Jinnota li hemm bżonn li jiġi ċċarat il-kunċett tal-oqsma tal-arti u tax-xogħlijiet kulturali u kreattivi, kif ukoll ir-rwol tal-bnedmin bħala ħallieqa u artisti; jenfasizza li l-opportunitajiet ipprovduti mid-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda ma jridux iwasslu għal telf globali ta' impjiegi fis-setturi kulturali u kreattivi, għal traskuraġni fir-rigward tal-konservazzjoni tax-xogħlijiet oriġinali u għal tnaqqis fl-aċċess tradizzjonali għall-wirt kulturali, li għandhom jitħeġġu bl-istess mod;
10. Jirrikonoxxi l-potenzjal dejjem jikber tal-IA fl-oqsma tal-informazzjoni, il-midja u l-pjattaformi online, inkluż bħala għodda b'saħħitha fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni; jinsab imħasseb, madankollu, dwar il-potenzjal li l-IA tintuża ħażin sabiex l-opinjoni pubblika online tiġi mmanipulata; jissottolinja li, jekk ma tkunx regolata, jista' jkollha wkoll effetti etikament negattivi billi tisfrutta l-preġudizzju fid-data u l-algoritmi li jistgħu jwasslu għat-tixrid ta' diżinformazzjoni, għall-ħolqien ta' bżieżaq tal-informazzjoni u għall-isfruttament tal-preġudizzji inkorporati fl-algoritmi tal-IA; ifakkar li edukazzjoni adegwata hija kundizzjoni neċessarja għas-salvagwardja tad-drittijiet taċ-ċittadini fir-rigward tal-libertà tal-informazzjoni, tal-opinjoni u tal-espressjoni; jitlob li jsir użu etiku tat-teknoloġiji tal-IA fil-qasam tal-midja; iwissi dwar ir-riskji taċ-ċensura xprunata mit-teknoloġija u l-ħtieġa ta' qafas etiku biex tiġi protetta l-libertà tal-kelma;
11. Iqis li l-użu ta' ċerti tipi ta' IA, bħar-rikonoxximent tal-wiċċ, l-emozzjoni u s-sistemi ta' detezzjoni tal-imġiba, jista' jkollu effett dannuż, b'mod partikolari fuq ir-rwol tal-midja u tal-ġurnalisti bħala għassiesa tad-demokrazija u b'hekk fuq il-proċessi demokratiċi; jissottolinja, għalhekk, li l-użu ta' dawk is-sistemi fi spazji pubbliċi għandu jkun ristrett jew ipprojbit kull meta jkun meħtieġ; jenfasizza l-ħtieġa li titkompla l-ġlieda kontra l-aħbarijiet foloz, inklużi tekniki bħal "deepfakes", kontra ċ-ċensura u s-sorveljanza awtomatizzata;
12. Jenfasizza l-ħtieġa li titqajjem kuxjenza fost il-pubbliku ġenerali u jkun hemm fehim dwar ir-rwol u l-impatt tal-IA permezz tal-edukazzjoni formali u mhux formali, inklużi studji dwar l-umanità, b'mod partikolari dwar l-użu tal-algoritmi u l-impatt tagħhom, fost l-oħrajn, fuq l-impjiegi u l-privatezza, il-fehim tal-post okkupat mis-sistemi tal-IT fl-għażla, l-interpretazzjoni, il-ħżin u r-rappreżentazzjoni tad-data; huwa favur l-istabbiliment ta' għodod ta' litteriżmu diġitali fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u għalhekk jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jinvestu fl-informazzjoni u l-litteriżmu medjatiku, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ; iqis li l-informazzjoni u l-ħiliet tal-midja huma kruċjali għaċ-ċittadini kollha, inklużi l-gruppi soċjali vulnerabbli, biex ikunu jistgħu jivvalutaw u jifhmu b'mod kritiku żviluppi ġodda inkluż fehim tal-funzjonament tal-IA u l-preġudizzji inerenti tagħha u b'hekk jiżviluppaw forom ġodda ta' ħsieb kritiku; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tippromwovi formati tal-edukazzjoni u tal-edukazzjoni kontinwa relatati mal-IA, ir-robotika u t-teknoloġija;
13. Jinnota d-distinzjoni importanti bejn it-trasparenza tal-algoritmi u t-trasparenza tal-użu tal-algoritmi; jenfasizza l-importanza tat-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont tal-algoritmi użati mill-pjattaformi ta' video-sharing (VSP) kif ukoll il-pjattaformi tal-istreaming, sabiex jiġi żgurat aċċess għal kontenut b'diversità kulturali u lingwistika u jiġi evitat l-għoti ta' privileġġi; jemmen li kull utent għandu jkun infurmat kif xieraq meta jintuża algoritmu biex jirrakkomanda kontenut, u għandu jkun jista' jottimizzah skont l-għażliet tiegħu, u tali algoritmi m'għandhomx jirrestrinġu l-għażla tal-utent; iqis li kwalunkwe utent għandu wkoll ikun jista' jiddiżattiva r-rakkomandazzjoni ta' kontenut mill-IA; jisħaq li tali algoritmi għandhom jitfasslu b'tali mod li jirriflettu d-diversità kulturali tas-soċjetajiet tagħna filwaqt li jiżguraw ftuħ kulturali ġenwin u jiggarantixxu l-libertà tal-kreattività; jinsisti li d-data tal-utenti miġbura mill-IA, bħall-preferenzi kulturali jew il-prestazzjoni edukattiva, m'għandhiex tiġi trażmessa jew użata mingħajr ma jkun jaf il-proprjetarju tagħha;
14. Jinnota li l-isport dejjem laqa' l-innovazzjoni teknoloġika; iqis, madankollu, li l-użu tat-teknoloġiji tal-IA, li qed jinfirex malajr f'kompetizzjonijiet sportivi, qed iqajjem dejjem aktar kwistjonijiet ta' kompetizzjoni ġusta fl-isport fejn dawk it-timijiet bl-akbar riżorsi finanzjarji jistgħu jiksbu l-aħjar teknoloġija, u b'hekk potenzjalment jingħataw vantaġġ inġust; jenfasizza li dawn l-iżviluppi għandhom jiġu mmonitorjati mill-qrib u jisħaq li dan il-qasam jeħtieġ qafas regolatorju li japplika kriterji etiċi u ċċentrati fuq il-bniedem fl-iżvilupp u l-użu tat-teknoloġiji tal-IA; jitlob li jkun hemm trasparenza sħiħa dwar l-algoritmi u t-teknoloġiji użati fl-isport sabiex ikun hemm kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
31.8.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
28 0 2 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Isabella Adinolfi, Christine Anderson, Ilana Cicurel, Gilbert Collard, Gianantonio Da Re, Laurence Farreng, Tomasz Frankowski, Romeo Franz, Hannes Heide, Irena Joveva, Petra Kammerevert, Niyazi Kizilyürek, Predrag Fred Matić, Dace Melbārde, Victor Negrescu, Peter Pollák, Marcos Ros Sempere, Andrey Slabakov, Massimiliano Smeriglio, Michaela Šojdrová, Sabine Verheyen, Salima Yenbou, Milan Zver |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Isabel Benjumea Benjumea, Christian Ehler, Ibán García Del Blanco, Bernard Guetta, Marcel Kolaja, Elżbieta Kruk, Martina Michels |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
28 |
+ |
PPE |
Isabel Benjumea Benjumea, Christian Ehler, Tomasz Frankowski, Peter Pollák, Michaela Šojdrová, Sabine Verheyen, Milan Zver |
S&D |
Ibán García del Blanco, Hannes Heide, Petra Kammerevert, Predrag Fred Matić, Victor Negrescu, Marcos Ros Sempere, Massimiliano Smeriglio |
RENEW |
Ilana Cicurel, Laurence Farreng, Bernard Guetta, Irena Joveva |
ID |
Gilbert Collard |
VERTS/ALE |
Romeo Franz, Marcel Kolaja, Salima Yenbou |
ECR |
Elżbieta Kruk, Dace Melbārde, Andrey Slabakov |
GUE/NGL |
Niyazi Kizilyürek, Martina Michels |
NI |
Isabella Adinolfi |
0 |
- |
- |
- |
2 |
0 |
ID |
Christine Anderson, Gianantonio Da Re |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
1.10.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
20 0 4 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Manon Aubry, Gunnar Beck, Geoffroy Didier, Angel Dzhambazki, Ibán García Del Blanco, Jean-Paul Garraud, Esteban González Pons, Mislav Kolakušić, Gilles Lebreton, Karen Melchior, Jiří Pospíšil, Franco Roberti, Marcos Ros Sempere, Liesje Schreinemacher, Stéphane Séjourné, Raffaele Stancanelli, József Szájer, Marie Toussaint, Adrián Vázquez Lázara, Axel Voss, Tiemo Wölken, Javier Zarzalejos |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Patrick Breyer, Evelyne Gebhardt |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
20 |
+ |
PPE |
Geoffroy Didier, Esteban González Pons, Jiří Pospíšil, József Szájer, Axel Voss, Javier Zarzalejos |
S&D |
Ibán García Del Blanco, Evelyne Gebhardt, Franco Roberti, Marcos Ros Sempere, Tiemo Wölken |
RENEW |
Karen Melchior, Liesje Schreinemacher, Stéphane Séjourné, Adrián Vázquez Lázara |
VERTS/ALE |
Patrick Breyer, Marie Toussaint |
ECR |
Angel Dzhambazki, Raffaele Stancanelli |
NI |
Mislav Kolakušić |