IT-TIENI RAPPORT dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
12.10.2020 - (2019/2060(DEC))
Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Tomáš Zdechovský
1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018[1],
– wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018 (COM(2019)0316 – C9-0055/2019)[2],
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-awditi interni mwettqa fl-2018,
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2018, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet[3],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[4] dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2018, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-13 ta' Mejju 2020[5] li tiddifferixxi d-deċiżjoni ta' kwittanza għas-sena finanzjarja 2018, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li takkumpanjaha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[6], u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012[7], u b'mod partikolari l-Artikoli 59, 118, 260, 261 u 262 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0188/2020),
1. Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għas-sena finanzjarja 2018;
2. Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).
2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0188/2020),
A. billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tkompli tissaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u fl-obbligu ta' rendikont, kif ukoll bl-implimentazzjoni tal-kunċett ta' baġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;
B. billi abbażi tal-eżitu u r-rakkomandazzjonijiet tal-investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF), il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jistenna li jkun infurmat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-Kumitat) dwar il-miżuri meħuda biex jiġu ratifikati l-irregolaritajiet;
1. Jilqa' t-titjib li sar fis-sitwazzjoni ta' riporti relatati mal-linja baġitarja "Membri tal-istituzzjoni u delegati" billi tiġi stabbilita skadenza ta' sitt ġimgħat għall-preżentazzjoni tat-talbiet għal rimborż; japprezza li mill-1 ta' Jannar 2019 lil hawn inkiseb tnaqqis ta' riporti;
2. Jinnota li minħabba numru akbar ta' opinjonijiet u rapporti maħruġa, li talbu aktar involviment min-naħa tal-membri fit-tħejjija, kien hemm spejjeż ogħla għall-ivvjaġġar u rimborżi oħra;
3. Japprezza li l-Kumitat jippjana li jżid b'mod sinifikanti l-baġit tiegħu għall-IT biex ilaħħaq, inaqqas id-distakk vis-a-vis il-korpi l-oħra tal-Unjoni u jimplimenta aktar l-Istrateġija Diġitali għall-Kumitat adottata f'Ġunju 2019; jieħu nota tal-isforzi meħtieġa biex jissaħħu l-kapaċitajiet tan-network u t-tagħmir tal-utent aħħari biex 100 % tal-persunal ikun jista' jaħdem mid-dar;
4. Jinnota li l-istruttura l-ġdida tal-Kumitat, li ilha fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2020, rabtet lis-servizz legali direttament mas-segretarju ġenerali bl-objettivi ddikjarati li jiżdiedu l-viżibilità u l-impatt tas-servizz legali u tippermettilu jipprovdi appoġġ legali fuq bażi orizzontali; jieħu nota tal-ġustifikazzjoni pprovduta mill-Kumitat iżda jinsab imħasseb li l-awtonomija u l-indipendenza sħiħa tas-servizz legali jistgħu jiġu affettwati; jappella lill-Kumitat biex jiżgura li s-servizz legali jiġi involut b'mod uffiċjali u sistematiku fl-aktar kwistjonijiet importanti tal-Kumitat mingħajr ma jħalli d-deċiżjoni dwar jekk għandux jiġi kkonsultat f'idejn is-servizzi differenti; jilqa' l-fatt li ġiet imsaħħa l-kapaċità legali fl-unità tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-membri biex tippermetti t-trattament ta' kwistjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-istatut tal-membri; jinnota r-riflessjonijiet dwar l-eżenzjoni ta' persunal speċjalizzat, inkluż persunal li jagħmel parti mis-servizz legali, mill-politika ta' mobilità tal-Kumitat u jappella lill-Kumitat jirrapporta dwar il-konklużjonijiet ta' dan il-proċess lill-awtorità tal-kwittanza;
5. Jikkonferma li l-Kumitat irċieva ċertifikat "sikur mill-asbestos" għall-bini VMA li jispeċifika li l-bini m'għandux riskju għall-użu normali; jinnota, madankollu, li kien hemm ammont limitat ta' asbestos li ġie kkonfermat b'analiżi ulterjuri; jirrikonoxxi li ftit materjali li fihom il-fibri tal-asbestos jinsabu barra ż-żona tal-uffiċċji tal-bini VMA u li huwa ppjanat li dawk il-materjali jitneħħew kollha matul il-perjodu ta' eżekuzzjoni tax-xogħlijiet ta' rinnovazzjoni;
6. Jappoġġja t-talba tal-Kumitat biex jissaħħu l-isforzi kollha għall-adeżjoni mal-kontenut tal-ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kumitat fl-intier tiegħu, inkluża l-istipulazzjoni li tipprovdi lill-Kumitat b'biżżejjed fondi għall-esternalizzazzjoni tat-traduzzjoni biex jiġu kkumpensati l-postijiet trasferiti lill-Parlament;
Il-qagħda bħalissa
7. Ifakkar li fir-rapport tiegħu ta' Jannar 2020, l-OLAF ikkonkluda li l-president ta' dak iż-żmien tal-Grupp I tal-Kumitat kien responsabbli għal atti ta' fastidju fil-konfront ta' żewġ membri tal-persunal, imġiba mhux xierqa (imġiba ħażina serja) lejn membru tal-Kumitat u membru tal-persunal u imġiba ħażina fil-konfront ta' membri oħra tal-persunal li jaħdmu fis-Segretarjat tal-Grupp I;
8. Ifakkar li l-OLAF jikkonkludi li l-president tal-Grupp I wettaq ksur tal-obbligi li jirriżultaw mir-regoli ta' proċedura tal-Kumitat u tal-kodiċi ta' kondotta tiegħu; ifakkar li l-OLAF jirrakkomanda li l-Kumitat jibda l-proċeduri xierqa fir-rigward tal-membru kkonċernat, kif previst fir-regola 8, il-parti erbgħa, tar-regoli ta' proċedura tal-Kumitat u jieħu l-passi kollha meħtieġa ħalli jevita kwalunkwe każ ieħor ta' fastidju mill-membru kkonċernat fuq il-post tax-xogħol;
9. Jiddeplora l-fatt li diversi membri tal-persunal sofrew atti ta' fastidju psikoloġiku mill-president ta' dak iż-żmien tal-Grupp I għal perjodu ta' żmien twil mingħajr ġustifikazzjoni; jiddispjaċih li l-miżuri fis-seħħ fil-Kumitat kontra l-fastidju naqsu milli jindirizzaw u joffru rimedju aktar malajr għal dan il-każ minħabba l-kariga għolja tal-membru kkonċernat; jiddispjaċih li jista' jingħad li l-miżuri meħuda biex jiġu protetti l-vittmi sa tmiem l-investigazzjoni mill-OLAF kienu spontanji u insuffiċjenti, speċjalment fid-dawl tas-sentenza fil-Kawża F-50/15[8]1a, FS vs Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), li kellha tkun tagħlima għall-Kumitat; jinnota bi tħassib li n-nuqqasijiet fil-proċeduri interni rriżultaw f'nuqqas ta' azzjoni mill-amministrazzjoni tal-Kumitat li sarrfu fi ksur tad-dmir ta' kura u tal-obbligu ta' rapportar lill-OLAF; jappella lill-Kumitat jieħu nota ta' dan fil-qafas tar-reviżjoni li saret tad-deċiżjonijiet rilevanti;
10. Jinnota li l-President tal-Kumitat irċieva r-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF fis-17 ta' Jannar 2020; jinnota li l-każ ġie riferut lill-kumitat konsultattiv dwar l-imġiba tal-Membri tal-Parlament fit-23 ta' Jannar 2020; jinnota wkoll li l-kumitat konsultattiv ippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu fit-28 ta' April 2020, li l-membru kkonċernat kien mistieden jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu u li l-President tal-Kumitat stieden lill-Presidenza estiża tal-Kumitat biex tikkummenta;
11. Jinnota li l-Bureau tal-Kumitat b'maġġoranza ħa d-deċiżjonijiet li jitlob lill-membru kkonċernat jirriżenja mill-funzjonijiet tiegħu bħala president tal-Grupp I u jirtira t-talba tiegħu għall-kariga ta' president tal-Kumitat; jinnota li l-Bureau ddispona lill-membru kkonċernat mill-attivitajiet kollha li jinvolvu l-ġestjoni jew l-amministrazzjoni tal-persunal; jinnota li l-Bureau ħatar lis-segretarju ġenerali biex jieħu l-passi meħtieġa ħalli jiżgura li, jekk jinbdew proċedimenti mill-prosekutur pubbliku kontra l-membru kkonċernat, il-Kumitat jingħaqad ma' dawk il-proċedimenti bħala parti ċivili; jinnota li l-Bureau ħatar lis-segretarju ġenerali biex jikkomunika din id-deċiżjoni lill-OLAF u lill-Parlament; jinnota li din id-deċiżjoni tista', kif xieraq, tiġi kkomunikata wkoll lil istituzzjonijiet jew korpi oħra tal-Istati Membri;
12. Jinnota bi tħassib li d-deċiżjoni tal-Bureau tal-Kumitat rigward il-president ta' dak iż-żmien tal-Grupp I ma setgħetx tiġi inforzata bis-sħiħ permezz tal-proċedimenti interni tal-Kumitat; jinnota li l-membru kkonċernat iddeċieda li jirtira l-kandidatura tiegħu għall-pożizzjoni tal-president tal-Kumitat kważi erba' xhur wara d-deċiżjoni tal-Bureau u sussegwentement biss fuq inizjattiva proprja; jinnota bi tħassib li, minkejja s-sejbiet tal-OLAF u d-deċiżjoni tal-Bureau, il-membru kkonċernat jista' jimponi r-rieda tiegħu u jibqa' l-president tal-Grupp I sa tmiem il-mandat tiegħu; jappella lill-Kumitat ikompli r-reviżjoni tar-regoli ta' proċedura u tal-kodiċi ta' kondotta tal-Kumitat biex fil-futur tiġi evitata din is-sitwazzjoni;
13. Jinnota li l-OLAF issottometta l-każ lill-awtoritajiet Belġjani u li l-prosekutur Belġjan qiegħed iniedi proċedimenti legali kontra l-membru kkonċernat billi l-fastidju psikoloġiku jista' jkun soġġett għal proċeduri kriminali skont il-liġi Belġjana; jinnota li l-plenarja tal-Kumitat iddeċidiet li tneħħi l-immunità tal-membru kkonċernat fil-laqgħa tagħha ta' Lulju 2020 biex tippermetti lill-prosekutur Belġjan jipproċedi bil-proċedimenti legali;
14. Jindika li n-nuqqasijiet tal-Kumitat f'dan il-każ wasslu għal telf materjali ta' fondi pubbliċi fir-rigward tas-servizzi legali, il-liv minħabba mard, il-protezzjoni tal-vittmi, it-tnaqqis fil-produttività, il-laqgħat tal-Bureau u korpi oħra, eċċ.; iqis għaldaqstant li dan huwa każ ta' tħassib rigward l-obbligu ta' rendikont, il-kontroll baġitarju u l-governanza tajba tar-riżorsi umani fl-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni; f'dan is-sens ifakkar li l-Qorti tal-Awdituri tiddikjara fir-Rapport Speċjali 13/2019 tagħha, "L-oqfsa etiċi tal-istituzzjonijiet tal-UE awditjati: hemm lok għal titjib", li l-imġiba etika fl-affarijiet pubbliċi tikkontribwixxi għal ġestjoni finanzjarja aktar soda u żieda fil-fiduċja pubblika, u li kwalunkwe mġiba mhux etika mill-persunal u mill-membri tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni Ewropea tattira livelli għoljin ta' interess pubbliku u tnaqqas il-fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-UE;
15. Huwa sorpriż li s-sit web tal-Kumitat fih dikjarazzjoni mill-membru kkonċernat fil-kapaċità tiegħu bħala president tal-Grupp I li fir-realtà hija xhieda personali ta' awtodifiża u b'fattur aggravanti li l-każijiet huma diġà pendenti jew mistennija quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Unjoni u l-awtoritajiet Belġjani; jiddispjaċih ħafna li n-nuqqas ta' qbil bejn il-presidenza tal-Kumitat u l-presidenza tal-Grupp I saret pubblika b'dan il-mod a spiża kbira għar-reputazzjoni u l-kredibilità tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni;
16. Jilqa' l-fatt li l-Kumitat beda valutazzjoni u riflessjoni fil-fond fir-rigward tal-qafas ġenerali eżistenti li jappoġġja l-politika tiegħu ta' tolleranza żero lejn kwalunkwe mġiba li tista' timmina d-dinjità tal-bniedem; jinnota li dan il-proċess għandu l-għan li jidentifika lakuni potenzjali u tiftix għal aktar titjib fl-interess tal-persunal u tal-membri tiegħu;
17. Jitlob lill-Kumitat iżomm lill-awtorità tal-kwittanza informata dwar kwalunkwe investigazzjoni tal-OLAF li għaddejja bħalissa u dwar il-ftuħ ta' investigazzjonijiet ġodda tal-OLAF dwar il-membri jew il-persunal tal-Kumitat fir-rigward ta' fastidju jew kwalunkwe tħassib ieħor;
18. Jinnota li d-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Persunal mhumiex applikabbli għall-membri tal-Kumitat billi dawn mhumiex impjegati, iżda maħtura bħala membri tal-Kumitat; josserva li din iċ-ċirkostanza ma waqqfitx lil istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni milli jkollhom regoli speċifiċi, adegwati u utli applikabbli għall-membri tagħhom; f'dan is-sens ifakkar, pereżempju, li l-Artikolu 8, parti 4, tal-kodiċi ta' kondotta tal-Kumitat tar-Reġjuni jipprojbixxi lill-membru li wettaq il-ksur milli jiġi elett bħala detentur ta' kariga fil-Kumitat u jekk il-membru diġà jkollu tali kariga dan isarraf fit-tkeċċija tagħhom; jilqa' l-fatt li l-Kumitat huwa lest li jikkunsidra aktar titjib fis-sistema tiegħu wara riflessjoni li issa ilha għaddejja aktar minn sentejn; iqis li dan huwa perjodu twil iżżejjed; jiddispjaċih li, wara l-perjodu msemmi hawn fuq, il-Kumitat jista' biss jissuġġerixxi miżuri ta' sensibilizzazzjoni u taħriġ għall-membri minkejja l-ħtieġa ċara għal aktar miżuri, hekk kif stabbilit fir-rapport tal-Ombudsman Ewropew dwar id-dinjità fil-post tax-xogħol fl-istituzzjonijiet u fl-aġenziji tal-UE (SI/2/2018/AMF) u fir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament;
19. Jitlob lill-Kumitat jinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-proċeduri u l-proċessi li l-Kumitat nieda jew beħsiebu jniedi dwar kif il-każijiet ta' fastidju jew kwistjonijiet simili li jikkonċernaw il-persunal ser jiġu evitati fil-futur biex jiġi żgurat li ma jiġux ripetuti żviluppi sfortunati simili li kkawżaw pubbliċità negattiva u li għamlu ħsara lir-reputazzjoni tal-Kumitat;
20. Jilqa' ż-żieda fl-għadd ta' konsulenti kunfidenzjali biex tittejjeb il-proċedura informali u l-possibbiltà għall-membri tal-persunal li jaqsmu t-tħassib tagħhom dwar kwalunkwe sitwazzjoni perċepita ta' fastidju;
21. Jilqa' b'sodisfazzjon kbir ir-riflessjonijiet tal-Kumitat li ser jirriżultaw fi pjan ta' azzjoni dettaljat għat-tisħiħ tal-politika ta' tolleranza żero għall-fastidju fil-Kumitat biex jiġi żgurat li mġiba bħal din qatt ma tista' tiġi ttollerata; jilqa' u jappoġġja l-pakkett attwali ta' reviżjoni dwar il-fastidju, l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u l-proċeduri dixxiplinari li ser ikomplu jtejbu l-mekkaniżmi li jippermettu lill-persunal jagħmel ilmenti formali ta' fastidju u jtejjeb ir-robustezza tal-istrutturi legali rilevanti; ifakkar, madankollu, li dan il-proċess ġie rrapportat mill-Kumitat lill-Parlament għal diversi snin u li huwa biss issa li jidher li qegħdin jittieħdu miżuri konkreti; jilqa' l-istabbiliment ta' grupp ta' ħidma li jinkludi rappreżentanti mill-amministrazzjoni u mill-kumitat tal-persunal bil-għan li jinġabar l-aktar kontribut mifrux possibbli għat-titjib; jinsab diżappuntat li l-progress tal-Kumitat kien minimu f'dawn l-aħħar snin minkejja r-rakkomandazzjonijiet preċiżi tal-Parlament li ħeġġu lill-Kumitat jintroduċi regoli u proċeduri li jikkonċernaw membri involuti f'każijiet ta' fastidju;
22. Jilqa' l-kontinwazzjoni ta' diversi inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni biex il-persunal ikun infurmat kif xieraq dwar is-segwitu għall-kampanja "Respect@work"; jilqa' l-organizzazzjoni ta' attivitajiet ta' taħriġ maħsuba biex jiżguraw li l-persunal ikun konxju mill-valuri etiċi u organizzattivi rilevanti u mir-regoli u l-proċeduri assoċjati.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
1.10.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
24 2 3 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Matteo Adinolfi, Olivier Chastel, Caterina Chinnici, Lefteris Christoforou, Corina Crețu, Ryszard Czarnecki, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, José Manuel Fernandes, Luke Ming Flanagan, Daniel Freund, Isabel García Muñoz, Cristian Ghinea, Monika Hohlmeier, Pierre Karleskind, Joachim Kuhs, Ryszard Antoni Legutko, Younous Omarjee, Tsvetelina Penkova, Markus Pieper, Sabrina Pignedoli, Petri Sarvamaa, Angelika Winzig, Tomáš Zdechovský |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Hannes Heide, Mikuláš Peksa, Elżbieta Rafalska, Sándor Rónai, Viola Von Cramon-Taubadel |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
24 |
+ |
PPE |
Lefteris CHRISTOFOROU, Tamás DEUTSCH, José Manuel FERNANDES, Monika HOHLMEIER, Markus PIEPER, Petri SARVAMAA, Angelika WINZIG, Tomáš ZDECHOVSKÝ |
S&D |
Caterina CHINNICI, Corina CREȚU, Isabel GARCÍA MUÑOZ, Hannes HEIDE, Tsvetelina PENKOVA, Sándor RÓNAI |
RENEW |
Martina DLABAJOVÁ, Cristian GHINEA, Pierre KARLESKIND |
ID |
Matteo ADINOLFI |
GREENS/EFA |
Daniel FREUND, Mikuláš PEKSA, Viola VON CRAMON-TAUBADEL |
GUE/NGL |
Luke Ming FLANAGAN, Younous OMARJEE |
NI |
Sabrina PIGNEDOLI |
2 |
- |
RENEW |
Olivier CHASTEL |
ID |
Joachim KUHS |
3 |
0 |
ECR |
Ryszard CZARNECKI, Ryszard Antoni LEGUTKO, Elżbieta RAFALSKA |
|
Korrezzjonijiet u intenzjonijiet ta' vot |
+ |
Olivier CHASTEL |
- |
|
0 |
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] ĠU L 57, 28.02.2018.
- [2] ĠU C 327, 30.09.2018, p. 1.
- [3] ĠU C 340, 08.10.2019, p. 1.
- [4] ĠU C 340, 08.10.2019, p. 9.
- [5] Testi adottati, P9_TA-PROV(2020)0120.
- [6] ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
- [7] ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
- [8] 1a Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (It-Tielet Awla) tat-12 ta' Mejju 2016, FS vs Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), F-50/15, ECLI:EU:F:2016:119.