IT-TIENI RAPPORT dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima II – Il-Kunsill u l-Kunsill Ewropew

12.10.2020 - (2019/2057(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Tomáš Zdechovský,


Proċedura : 2019/2057(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0189/2020
Testi mressqa :
A9-0189/2020
Dibattiti :
Testi adottati :

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima II – Il-Kunsill u l-Kunsill Ewropew

(2019/2057(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018[1],

 wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018 (COM(2019)0316 – C9-0052/2019)[2],

 wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kunsill lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-awditi interni mwettqa fis-sena 2018,

 wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2018, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet[3],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[4] dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2018 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-13 ta' Mejju 2020[5] li tiddifferixxi d-deċiżjoni ta' kwittanza għas-sena finanzjarja 2018, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li takkumpanjaha,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[6], u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012[7], u b'mod partikolari l-Artikoli 59, 118, 260, 261 u 262 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9–0189/2020),

1. Jiċħad il-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill għas-sena finanzjarja 2018;

2. Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

 


 

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill

(2019/2057(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9–0189/2020),

A. billi l-Kunsill Ewropew u l-Kunsill, bħala istituzzjonijiet tal-Unjoni, jeħtiġilhom ikunu demokratikament responsabbli lejn iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni għall-fondi fdati lilhom biex iwettqu l-kompiti tagħhom;

B. billi l-Parlament huwa l-uniku korp direttament elett fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, bir-responsabbiltà li jagħti l-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea;

C. billi hija meħtieġa proċedura ta' kwittanza miftuħa u trasparenti biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, titwettaq il-ġlieda meħtieġa kontra l-frodi u tiġi garantita t-trasparenza u r-responsabbiltà demokratika lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni fejn kull istituzzjoni tal-Unjoni tkun responsabbli għall-baġit li twettaq;

1. Jisħaq li għal għaxar snin konsekuttivi l-Kunsill irrifjuta li jikkoopera fil-proċedura ta' kwittanza u b'hekk ġiegħel lill-Parlament jirrifjuta li jagħti l-kwittanza; jinnota li d-deċiżjoni dwar jekk għandhiex tingħata l-kwittanza għall-2018 ġiet posposta f'Mejju 2020 b'mod simili għal dak li sar fi snin preċedenti;

2. Jissottolinja li din is-sitwazzjoni mhijiex sostenibbli għall-ebda istituzzjoni: għall-Kunsill minħabba li ma ngħatatlu ebda deċiżjoni pożittiva dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tiegħu mill-2009, u għall-Parlament minħabba li turi nuqqas ta' rispett għar-rwol tal-Parlament bħala awtorità tal-kwittanza u garanti tat-trasparenza u r-responsabbiltà demokratika tal-baġit tal-Unjoni;

3. Jiddikjara li din is-sitwazzjoni tagħmel ħsara lill-fiduċja tal-pubbliku fil-ġestjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni; iqis il-kontinwazzjoni ta' din is-sitwazzjoni bħala detrimentali għar-responsabbiltà tal-Unjoni u l-istituzzjonijiet tagħha;

4. Ifakkar li, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u r-Regolament Finanzjarju, il-Parlament huwa l-unika awtorità ta' kwittanza tal-Unjoni, madankollu, b'rikonoxximent sħiħ tar-rwol tal-Kunsill bħala istituzzjoni li tagħti rakkomandazzjonijiet dwar il-proċedura ta' kwittanza; f'dan ir-rigward, jitlob lill-Kunsill jagħti rakkomandazzjonijiet dwar il-kwittanza fir-rigward tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni;

5. Ifakkar li, skont it-TFUE, l-istituzzjonijiet igawdu awtonomija amministrattiva, l-infiq tagħhom huwa stabbilit f'partijiet separati tal-baġit u huma individwalment responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġits tagħhom;

6. Ifakkar li l-Parlament jagħti kwittanza lill-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Unjoni, abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-dokumenti tekniċi, tat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari u tas-seduti ta' smigħ; jiddispjaċih li l-Parlament ripetutament jiltaqa' ma' diffikultajiet biex jirċievi tweġibiet mill-Kunsill minħabba nuqqas ta' kooperazzjoni, li jirriżulta fiċ-ċaħda tal-kwittanza għal aktar minn 10 snin;

7. Ifakkar li kontroll effettiv tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni jirrikjedi kooperazzjoni leali fost l-istituzzjonijiet; ifakkar fix-xewqa tal-Parlament li jibda negozjati mal-Kunsill bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim reċiprokament sodisfaċenti biex fl-aħħar tingħeleb din is-sitwazzjoni ta' staġnar;

8. Jenfasizza l-ittra mibgħuta mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament fil-25 ta' Mejju 2020 lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill biex jinforma li l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament ingħata mandat mill-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament biex jiftaħ mill-ġdid in-negozjati mal-Kunsill dwar il-proċedura ta' kwittanza;

9. Jinforma li t-tim tan-negozjati tal-Parlament huwa magħmul mill-President tal-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit, is-Sa Monika Hohlmeier; ir-Rapporteur għall-kwittanza tal-Kunsill 2018, is-Sur Tomas Zdechovsky; u l-ewwel Viċi President tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, is-Sa Isabel García Muñoz;

10. Jinforma li fl-20 ta' Frar 2020, it-tim tan-negozjati tal-Parlament ippropona verżjoni aġġornata tad-dokument informali dwar il-kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill matul il-proċedura ta' kwittanza annwali, u din il-proposta kienet annessa mal-ittra msemmija fil-punt 8; jinnota li l-Parlament iqis id-dokument informali bħala l-punt tat-tluq tan-negozjati;

11. Jinforma li d-dokument informali jirrikonoxxi r-rwoli rispettivi iżda differenti taż-żewġ istituzzjonijiet fil-proċedura ta' kwittanza, billi jikkonkludi li l-Parlament u l-Kunsill jeħtieġu bażi fattwali simili biex jagħtu rakkomandazzjoni (il-Kunsill) jew jieħdu deċiżjoni (il-Parlament);

12. Jispjega li l-ittra msemmija fil-punt 8, tistieden lill-Kunsill jissuġġerixxi data xierqa biex jibdew in-negozjati; jinforma li x-xejra pożittiva ta' dan il-proċess ġiet interrotta bil-pandemija tal-COVID-19;

13 Jindika li sakemm ma jkunux għaddejjin negozjati bejn il-partijiet, il-fehmiet tal-Parlament għadhom validi u li n-negozjati bejn il-partijiet huma prekundizzjoni biex tissolva l-kwistjoni;

14. Jinsisti li l-baġit tal-Kunsill Ewropew u l-baġit tal-Kunsill ikunu separati biex jikkontribwixxu għal aktar trasparenza, responsabbiltà u effiċjenza fir-rigward tan-nefqa għaż-żewġ istituzzjonijiet kif rakkomandat mill-Parlament f'ħafna mir-riżoluzzjonijiet tiegħu ta' kwittanza matul l-aħħar snin;

 15. Jinsisti li l-isforzi kkombinati biex jinkiseb ftehim interistituzzjonali dwar reġistru ta' trasparenza obbligatorju għal-lobbyists, aċċessibbli f'format li jinqara mill-magni, huma inevitabbli għal aktar ftuħ fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni u responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni; għal darb'oħra jiddispjaċih ħafna li l-Kunsill ma ssieħebx fl-iskema tar-reġistru ta' trasparenza; jistieden lill-Kunsill ikompli jieħu sehem fid-diskussjonijiet dwar l-istabbiliment ta' reġistru komuni flimkien mal-Parlament, li qabel li jerġa' jibda n-negozjati f'Marzu 2020, u mal-Kummissjoni biex isir obbligu de facto li l-lobbyists jirreġistraw jekk ikunu jridu laqgħat ma' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-Unjoni; jistieden għal darb'oħra lit-timijiet kollha tal-presidenza ta' Stat Membru biex ikunu ta' eżempju fit-tmexxija tagħhom billi jirrifjutaw laqgħat ma' lobbisti mhux irreġistrati;

16. Jilqa' r-rispons pożittiv tal-Kunsill dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman Ewropew fil-każ 1069/2019/MIG dwar l-isponsorship tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea; jieħu nota tal-abbozz ta' gwida mibgħut mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill lid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri fid-29 ta' Ġunju 2020; itenni li kwalunkwe kunflitt ta' interess reali jew perċepit jipperikola r-reputazzjoni tal-Kunsill u tal-Unjoni kollha kemm hija;

17. Jenfasizza l-importanza li ċ-ċittadini jitħallew isegwu l-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni b'mod faċli; ifakkar lill-Kunsill jallinja l-metodi ta' ħidma tiegħu mal-istandards ta' demokrazija parlamentari, kif meħtieġ mit-Trattati; ifakkar lill-Kunsill isegwi b'mod sistematiku r-rakkomandazzjonijiet kollha li jinsabu fid-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew fl-inkjesta strateġika OI/2/2017/TE dwar it-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv tal-Kunsill; ifakkar li l-Parlament ħeġġeġ lill-Ombudsman Ewropew tkompli ssegwi l-inkjesta tagħha;

18. Jappella lill-Kunsill biex iżid l-isforzi ta' trasparenza tiegħu billi, inter alia, jippubblika dokumenti leġiżlattivi tal-Kunsill, inklużi l-minuti tal-laqgħat tal-gruppi ta' ħidma, it-trilogu u dokumenti ta' ħidma importanti, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman; jilqa' t-titjib fis-sit web tal-Kunsill, b'mod partikolari dak relatat mat-trasparenza u l-aċċess għad-dokumenti; jilqa' l-kapitoli ċari dwar it-trasparenza leġiżlattiva, l-aġendi u l-kalendarju tal-laqgħat tal-Kunsill, il-minuti u l-listi ta' votazzjoni; jirrikonoxxi li l-Kunsill ilu jieħu passi biex irawwem kultura aktar b'saħħitha ta' trasparenza;

19. Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar l-isponsorship korporattiv tal-Istati Membri li jkollhom il-Presidenza tal-Unjoni u jirrifletti t-tħassib espress miċ-ċittadini u mill-Membri tal-Unjoni dwar din il-kwistjoni; jinsab imħasseb ħafna dwar il-ħsara possibbli għar-reputazzjoni u r-riskju ta' telf ta' fiduċja li din il-prattika jista' jkollha fuq l-Unjoni, fuq l-istituzzjonijiet tagħha u b'mod speċjali fuq il-Kunsill f'għajnejn iċ-ċittadini tal-Unjoni; barra minn hekk, jirrakkomanda bis-sħiħ li l-Kunsill jipprevedi l-ibbaġitjar tal-Presidenzi, jitlob lill-Kunsill jippreżenta dan it-tħassib lill-Istati Membri, b'mod partikolari lit-trio ta' Presidenzi attwali u jappella lit-trio ta' Presidenzi attwali biex iqis serjament dawn ir-rakkomandazzjonijiet u jirrapporta lura lill-Parlament;

20. Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar l-allegat kunflitt ta' interessi ta' għadd ta' rappreżentanti tal-Istati Membri involuti fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet ta' politika u baġit; jitlob lill-Kunsill jiżgura li r-rappreżentanti tal-Istati Membri li jibbenefikaw personalment minn sussidji tal-Unjoni ma jipparteċipawx fid-diskussjonijiet u l-votazzjonijiet politiċi jew baġitarji relatati.

 


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

1.10.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Matteo Adinolfi, Olivier Chastel, Caterina Chinnici, Lefteris Christoforou, Corina Crețu, Ryszard Czarnecki, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, José Manuel Fernandes, Luke Ming Flanagan, Daniel Freund, Isabel García Muñoz, Cristian Ghinea, Monika Hohlmeier, Pierre Karleskind, Joachim Kuhs, Ryszard Antoni Legutko, Younous Omarjee, Tsvetelina Penkova, Markus Pieper, Sabrina Pignedoli, Petri Sarvamaa, Angelika Winzig, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Hannes Heide, Mikuláš Peksa, Elżbieta Rafalska, Sándor Rónai, Viola Von Cramon-Taubadel

 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

28

+

PPE

Lefteris CHRISTOFOROU, Tamás DEUTSCH, José Manuel FERNANDES, Monika HOHLMEIER, Markus PIEPER, Petri SARVAMAA, Angelika WINZIG, Tomáš ZDECHOVSKÝ

S&D

Caterina CHINNICI, Corina CREȚU, Isabel GARCÍA MUÑOZ, Hannes HEIDE, Tsvetelina PENKOVA, Sándor RÓNAI

RENEW

Olivier CHASTEL, Martina DLABAJOVÁ, Cristian GHINEA, Pierre KARLESKIND

ID

Matteo ADINOLFI

GREENS/EFA

Daniel FREUND, Mikuláš PEKSA, Viola VON CRAMON-TAUBADEL

ECR

Ryszard CZARNECKI, Ryszard Antoni LEGUTKO, Elżbieta RAFALSKA

GUE/NGL

Luke Ming FLANAGAN, Younous OMARJEE

NI

Sabrina PIGNEDOLI

 

1

-

ID

Joachim KUHS

 

0

0

/

/

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Ottubru 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza