Proċedura : 2020/1996(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0192/2020

Testi mressqa :

A9-0192/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 20/10/2020 - 2

Testi adottati :

P9_TA(2020)0269

<Date>{14/10/2020}14.10.2020</Date>
<NoDocSe>A9-0192/2020</NoDocSe>
PDF 211kWORD 63k

<TitreType>RAPPORT</TitreType>

<Titre>dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni minn Spanja (EGF/2020/001 ES/Is-setturi anċillari għall-bini tal-vapuri fil-Galicia)</Titre>

<DocRef>(COM(2020)0485 – C9-0294/2020 – 2020/1996(BUD))</DocRef>


<Commission>{BUDG}Kumitat għall-Baġits</Commission>

Rapporteur: <Depute>Valérie Hayer</Depute>

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
 NOTA SPJEGATTIVA
 ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
 ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni minn Spanja (EGF/2020/001 ES/Is-setturi anċillari għall-bini tal-vapuri fil-Galicia)

(COM(2020)0485 – C9-0294/2020 – 2020/1996(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0485 – C9-0294/2020),

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1] (ir-Regolament tal-FEG),

 wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[2], u b' mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3] (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

 wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

 wara li kkunsidra l-ittri mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u mill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0192/2020),

A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin ir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; billi din l-għajnuna hija magħmula permezz ta' appoġġ finanzjarju mogħti lill-ħaddiema u lill-kumpaniji li ħadmu għalihom;

B. billi Spanja resqet l-applikazzjoni EGF/2020/001 ES/Is-setturi anċillari għall-bini tal-vapuri fil-Galicia għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara l-għoti ta' 960 sensja[4] fis-setturi ekonomiċi kklassifikati taħt id-Diviżjoni 24 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' metalli bażiċi), 25 (Manifattura ta' prodotti tal-metall iffabbrikat, għajr makkinarju u tagħmir), 30 (Manifattura ta' tagħmir ieħor għat-trasport), 32 (Manifattura oħra), 33 (Tiswija u installazzjoni ta' magni u tagħmir) u 43 (Attivitajiet ta' kostruzzjoni speċjalizzati) fir-reġjun NUTS livell 2 tal-Galicia (ES11) fi Spanja.

C. billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji tal-intervent tal-punt (a) tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-FEG, li jippermetti li applikazzjoni kollettiva li tinvolvi SMEs li jinsabu f'reġjun wieħed tista' tkopri SMEs li joperaw f'setturi ekonomiċi differenti kif definit fil-livell ta' diviżjoni tan-NACE Reviżjoni 2, sakemm l-SMEs ikunu t-tip ta' negozju prinċipali jew uniku f'dak ir-reġjun;

D. billi l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija tar-reġjun li għandu aktar minn 95 % tal-intrapriżi tiegħu b'inqas minn 250 ħaddiem u billi t-38 intrapriża kkonċernati minn din l-applikazzjoni huma SMEs; billi l-Galicia hija parti mill-assoċjazzjoni Atlantika tal-Assi u l-ekonomija tagħha tiddependi b'mod konsiderevoli fuq kumpaniji u ħaddiema transfruntiera;

E. billi l-bini tal-vapuri fil-Galicia jsegwi l-mudell ta' sottokuntrattar tas-settur Ewropew tal-bini tal-vapuri li huwa magħmul l-aktar minn tarzni żgħar u ta' daqs medju, b'perċentwal għoli ħafna ta' sottokuntrattar fil-valur u fl-impjiegi;

F. billi Spanja targumenta li mill-2004 l-Ewropa tilfet il-bini tal-vapuri merkantili tagħha[5] fil-konfront tal-Asja tal-Lvant u li l-kriżi ekonomika u finanzjarja li bdiet fl-2008 rriżultat fi tnaqqis sinifikanti fl-ordnijiet, l-espansjoni tal-bini tal-vapuri fl-Asja u kompetizzjoni globali intensiva[6];

G. billi l-politiki ta' sussidju, it-trattament fiskali preferenzjali bħall-għajnuniet mill-istat u l-kostijiet lavorattivi aktar baxxi fil-pajjiżi tal-Asja tal-Lvant irriżultaw f'telf tas-suq għall-bennejja tal-vapuri fl-Unjoni;

H. billi t-tarzni fil-Galicia jibnu vapuri militari avvanzati teknoloġikament, tankers taż-żejt u tal-kimiċi, bastimenti offshore, bastimenti tar-riċerka oċeanografika u sismika, laneċ tal-irmonk, vapuri tal-passiġġieri u bastimenti tas-sajd;

I. billi l-għeluq tat-tarzna ta' Factorias Vulcano f'Lulju 2019, u t-talba għal kredituri qabel il-falliment mit-tarzna ta' HJ Barreras f'Ottubru 2019 wasslu għas-sensji, billi nofs is-sensji soġġetti għal din l-applikazzjoni seħħew f'kumpaniji li huma kredituri ta' HJ Barreras;

J. billi s-sottokuntratturi għandhom livell għoli ta' speċjalizzazzjoni u għaldaqstant grad għoli ta' dipendenza fuq it-tarzna prinċipali b'interdipendenzi u konsegwenzi fuq l-impjiegi fl-industrija anċillari tal-bini tal-vapuri l-istess daqslikieku l-kumpaniji kienu fi ħdan settur ekonomiku wieħed tan-NACE.

1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-FEG huma ssodisfati, u li Spanja għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 2 054 400 skont dak ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 3 424 000, liema spiża tinkludi n-nefqa għal servizzi personalizzati ta' EUR 3 274 000 u n-nefqa għall-attivitajiet ta' tħejjija, amministrazzjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar ta' EUR 150 000;

2. Jinnota li l-awtoritajiet Spanjoli ressqu l-applikazzjoni fit-13 ta' Mejju 2020, u li, wara li Spanja tat informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fil-11 ta' Settembru 2020 u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess ġurnata;

3. Jinnota li Spanja bdiet toffri servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fit-13 ta' Awwissu 2020 u li għaldaqstant, il-perjodu ta' eleġibbiltà għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se jkun mit-13 ta' Awwissu 2020 sat-13 ta' Awwissu 2021;

4. Jinnota li Spanja bdiet in-nefqa amministrattiva biex timplimenta l-FEG fit-8 ta' Ġunju 2020 u li għaldaqstant, in-nefqa fuq attivitajiet preparatorji, ta' ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar bejn it-8 ta' Ġunju 2020 u t-13 ta' Frar 2023 se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG;

5. Jilqa' l-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tfassal minn Spanja f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali u li permezz ta' ftehim ta' kollaborazzjoni, is-sħab soċjali se jkunu involuti wkoll fl-implimentazzjoni tas-servizzi;

6. Jilqa' l-involviment ta' ASIME u tat-trade unions CCOO[7] u UGT[8], is-sħab soċjali li jipparteċipaw fid-Djalogu Soċjali fil-Galicia, fit-tfassil tal-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati u fl-implimentazzjoni tas-servizzi; jisħaq li s-sħab soċjali għandhom ikunu involuti fil-monitoraġġ tal-miżuri;

7. Iqis li fl-2018, is-settur tat-tarzni u l-industriji anċillari fil-Galicia fl-2018 kellu fatturat annwali ta' madwar EUR 2 000 miljun, 10 000 impjieg dirett u 25 000 impjieg indirett kienu jiddependu fuq il-bini tal-vapuri, filwaqt li s-sena li għaddiet il-fatturat tas-settur naqas bi 11 % u l-għadd ta' impjiegi b'20,8 % (madwar 2000);

8. Jissottolinja li dawk is-sensji seħħew fil-kuntest ta' livell għoli ta' qgħad (11,7 % fl-2019) fir-reġjun tal-Galicia; jilqa', għalhekk, il-miżuri ta' taħriġ mill-ġdid u ta' titjib tal-ħiliet ipprovduti minn dan l-appoġġ tal-FEG biex fil-futur, is-settur tal-bini tal-vapuri reġjonali, l-ekonomija transfruntiera u s-suq tax-xogħol ġenerali, isiru aktar reżiljenti u kompetittivi;

9. Jenfasizza li r-riċerka effettiva, l-ispeċjalizzazzjoni u l-innovazzjoni teknoloġika huma kruċjali biex tissaħħaħ l-industrija Ewropea tal-bini tal-vapuri u biex din tkun tista' tikkompeti fuq skala globali ma' pajjiżi li jiddependu fuq kostijiet lavorattivi aktar baxxi, politiki ta' sussidju u trattament fiskali preferenzjali;

10. Jisħaq li s-servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandhom ikunu mfassla apposta għal kull profil;

11. Jinnota li 94 % tal-benefiċjarji fil-mira huma rġiel u 78,2 % minnhom għandhom bejn 30 u 54 sena. jinnota li s-servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jinkludu: sessjonijiet ta' informazzjoni u workshops preparatorji, gwida okkupazzjonali lejn l-impjieg jew impjieg indipendenti, taħriġ (inkluż taħriġ lejn l-intraprenditorija se jiġu pprovduti għal dawk li għandhom l-għan li jaħdmu għal rashom), tutoring wara l-integrazzjoni mill-ġdid fix-xogħol, għajnuna intensiva għat-tfittix ta' impjieg u varjetà ta' inċentivi;

12. Jilqa' l-inklużjoni ta' inċentivi ta' parteċipazzjoni (sa EUR 400), kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar (EUR 0,19/kilometru flimkien ma' spejjeż addizzjonali bħal pedaġġi u spejjeż tal-parkeġġ), kontribuzzjoni għall-ispejjeż għall-persuni li jindukraw persuni dipendenti (sa EUR 20 għal kull jum ta' parteċipazzjoni), inċentivi għar-rikollokament (ħaddiema dipendenti jew persuni li jaħdmu għal rashom se jirċievu EUR 200 fix-xahar, għal perjodu massimu ta' sitt xhur, sabiex jgħinu lill-benefiċjarji fil-mira f'attivitajiet ta' tiftix ta' impjieg jew ta' taħriġ, bil-kundizzjoni ta' parteċipazzjoni attiva fil-miżuri;

13. Ifakkar li l-azzjonijiet proposti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eleġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG u ma jissostitwixxux miżuri ta' protezzjoni soċjali passivi;

14. Jinnota li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess korpi li jiġġestixxu u jikkontrollaw il-Fond Soċjali Ewropew u li x-Xunta de Galicia[9] se tkun l-entità intermedjarja għall-awtorità ta' ġestjoni;

15. Jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li l-azzjonijiet eleġibbli ma jirċevux assistenza minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni;

16. Itenni li l-għajnuna mill-FEG m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji, skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi;

17. Ifakkar li skont ir-regoli attwali, il-FEG jista' jiġi mobilizzat biex jappoġġja b'mod permanenti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u lil dawk li jaħdmu għal rashom fil-kuntest tal-kriżi globali kkawżata mill-COVID-19 mingħajr ma jiġi emendat ir-Regolament tal-FEG, billi Spanja hija waħda mill-Istati Membri b'impatt negattiv kbir ħafna riżultat tal-pandemija;

18. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma d-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara
applikazzjoni minn Spanja - EGF/2020/001 ES/Is-setturi anċillari għall-bini tal-vapuri fil-Galicia

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[10], u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

 

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[11], u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

 

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

 

Billi:

(1) Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-iskop li jagħti appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li kienu jaħdmu għal rashom u kellhom iwaqqfu l-attività tagħhom minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni, bħala riżultat tal-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew bħala riżultat ta' kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u li jassistihom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2) Il-FEG ma jridx jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013[12].

(3) Fit-13 ta' Mejju 2020, Spanja ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward tal-għoti tas-sensji fis-setturi ekonomiċi kklassifikati taħt il-klassifikazzjoni Statistika tal-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea ("NACE") Reviżjoni 2 Diviżjonijiet: 24 (Manifattura ta' metalli bażiċi), 25 (Manifattura ta' prodotti tal-metall iffabbrikat, għajr magni u tagħmir), 30 (Manifattura ta' tagħmir ieħor għat-trasport), 32 (Manifattura oħra), 33 (Tiswija u installazzjoni ta' makkinarju u tagħmir) u 43 (Attivitajiet ta' kostruzzjoni speċjalizzati) fir-reġjun NUTS livell 2 tal-Galicia (ES11) fi Spanja. Din l-applikazzjoni ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali mogħtija skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Dik l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4) Skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013, l-applikazzjoni ta' Spanja hija meqjusa ammissibbli, billi hija applikazzjoni kollettiva li tinvolvi biss SMEs li jinsabu fir-reġjun tal-Galicia, fejn l-SMEs huma t-tip ewlieni ta' negozju f'dak ir-reġjun u s-sensji għandhom impatt serju fuq l-impjiegi u fuq l-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali.

(5) Għaldaqstant, il-FEG għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 2 054 400 fir-rigward tal-applikazzjoni mressqa minn Spanja.

(6) Biex jittieħed l-inqas żmien possibbli għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, din id-deċiżjoni għandha tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2020, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta' EUR 2 054 400 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tapplika mill-[data tal-adozzjoni tagħha].

Magħmul fi  …,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

 

 

 


NOTA SPJEGATTIVA

I. L-isfond

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi assistenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[13] u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013[14], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala dispożizzjoni fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[15], sabiex jiġi attivat il-Fond, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, lill-awtorità baġitarja, proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II. L-applikazzjoni ta' Spanja u l-proposta tal-Kummissjoni

Fit-13 ta' Mejju 2020, Spanja ressqet applikazzjoni EGF/2020/001 ES/Is-setturi anċillari għall-bini tal-vapuri fil-Galicia għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara 960 sensja[16] fis-setturi anċillari tal-bini tal-vapuri, f'intrapriżi li jinsabu fir-reġjun NUTS livell 2 ta' Galicia (ES11).

Wara l-valutazzjoni tagħha ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li, skont id-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament tal-FEG, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ġew issodisfati.

Fil-11 ta' Settembru 2020, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur Spanja b'appoġġ għar-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' 960 ħaddiem li ngħataw is-sensja minn 38 kumpanija żgħira u ta' daqs medju fis-setturi anċillari għall-bini tal-vapuri fil-Galicia.

Din hija l-ewwel applikazzjoni li se tiġi eżaminata taħt il-baġit tal-2020 u s-seba' waħda fis-settur tal-bini tal-vapuri f'sens usa', bi tnejn ibbażati fuq il-globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ u l-ħamsa l-oħra fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali. Erbgħa minn dawn il-każijiet huma relatati mal-magni u t-tagħmir tal-vapuri, filwaqt li t-tlieta l-oħra huma relatati mat-tarzni.

L-aplikazzjoni tikkonċerna 960 ħaddiem li ngħataw is-sensja u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 2 054 400 mill-FEG lejn Spanja li jirrappreżenta 60 % tal-ispejjeż totali tal-azzjonijiet proposti.

Sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali maġġuri fil-mudelli kummerċjali dinjin minħabba l-globalizzazzjoni, Spanja targumenta li l-industrija marittima globali nbidlet b'mod drammatiku f'dawn l-aħħar 20 sena. Minn perjodu (2002-2008) ta' tkabbir massiv fejn il-parti l-kbira tat-tarzni l-ġodda nbnew fl-Asja għal xejra ta' tnaqqis minn dak iż-żmien 'l hawn. Bħala riżultat tat-tnaqqis fl-ordnijiet u l-espansjoni sinifikanti tal-bini tal-vapuri fl-Asja, is-settur kien qed ibati minn kapaċità żejda globali li tirriżulta f'kompetizzjoni globali iebsa. Fid-dawl tal-kompetizzjoni ħarxa minn pajjiżi tal-Asja tal-Lvant, it-tarzni Ewropej bdew jiffukaw l-attivitajiet tagħhom tal-bini tal-vapuri lejn swieq ġodda u daħlu fis-swieq niċċa tal-bini kumpless tal-vapuri, bħal vapuri tal-passiġġieri u bastimenti oħra li ma jġorrux merkanzija (ONCCV). Fl-2019, il-vapuri tal-passiġġieri, l-ONCCV u l-offshore flimkien kienu jirrappreżentaw 95 % tal-ordnijiet Ewropej.

Is-sitt tipi ta' azzjonijiet li għandhom jiġu offruti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u li għalihom qed jintalab il-kofinanzjament mill-FEG jikkonsistu fi:

a. Sessjonijiet ta' informazzjoni u workshops preparatorji

b. Gwida okkupazzjonali

c. Taħriġ

d. Assistenza intensiva għat-tiftix ta' impjieg

e. Tutoraġġ wara r-riintegrazzjoni fl-impjieg

f. Inċentivi

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eleġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG u ma jissostitwixxux miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.

Spanja pprovdiet l-informazzjoni meħtieġa dwar azzjonijiet li huma obbligatorji għall-intrapriża kkonċernata permezz tal-liġi nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi. Huma kkonfermaw li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhijiex se tissostitwixxi tali azzjonijiet.

III. Il-proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ressqet talba quddiem l-Awtorità Baġitarja għal trasferiment tal-ammont globali ta' EUR 2 054 400 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 04 01). F'każ ta' nuqqas ta' qbil għandha tinbeda l-proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament tal-FEG.

 


 

 

ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

L-Onor. Johan Van Overtveldt

President

Kumitat għall-Baġits

Wiertz 05U012

BRUSSELL

Suġġett: <Titre>Opinjoni dwar il-Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni - EGF/2020/001 ES/Is-setturi anċillari għall-bini tal-vapuri fil-Galicia - Spanja</Titre> <DocRef>(COM(2020)0485 – C9-0294/2020 – 2020/1996(BUD))</DocRef>

 

Sur President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) u l-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG, ippresedut mill-Viċi President tal-Kumitat EMPL Tomáš Zdechovský, eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2020/001 ES/Galicia u adottaw l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma tiegħu huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qed jippreżenta xi kummenti mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-ħlasijiet.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet t'hawn taħt. Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jintegra s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Spanjola:

 

Dejjem tiegħek,

 

 

Lucia Ďuriš Nicholsonová

President tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

SUĠĠERIMENTI

A) Billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (It-Regolament dwar il-FEG) u tirrigwarda 960 ħaddiem li ngħataw is-sensja fis-setturi anċillari għall-bini tal-vapuri, f'intrapriżi li jinsabu fir-reġjun ta' livell 2 ta' NUTS tal-Galicia (ES11);

 

B) Billi Spanja targumenta li mill-2004 l-Ewropa tilfet il-bini tal-vapuri merkantili[17] tagħha lejn l-Asja tal-Lvant u li l-kriżi ekonomika u finanzjarja li bdiet fl-2008 rriżultat fi tnaqqis sinifikanti fl-ordnijiet, l-espansjoni tal-bini tal-vapuri fl-Asja u kompetizzjoni globali intensiva[18];

 

C) Billi d-dħul taċ-Ċina, il-Korea t'Isfel u l-Ġappun fis-suq Ewropew ta' tipi ta' vapuri ta' teknoloġija għolja/kumplessi huwa msaħħaħ minn strateġiji settorjali, politiki ta' sussidju, trattament fiskali preferenzjali bħall-għajnuna mill-istat u inċentivi finanzjarji oħra biex tiġi stimulata d-domanda domestika, spejjeż tax-xogħol aktar baxxi u miżuri ta' appoġġ għall-kumpaniji lokali tat-tagħmir marittimu[19];

 

D) Billi t-tarzni fil-Galicia jibnu vapuri militari avvanzati teknoloġikament, tankers taż-żejt u tal-kimiċi, bastimenti offshore, bastimenti tar-riċerka oċeanografika u sismika, laneċ tal-irmonk, u vapuri tal-passiġġieri, bastimenti tas-sajd;

 

E) Billi l-għeluq tat-tarzna ta' Factorias Vulcano f'Lulju 2019, u t-talba għall-kredituri qabel il-falliment mit-tarzna ta' HJ Barreras f'Ottubru 2019 wasslu għas-sensji, peress li nofs is-sensji soġġetti għal din l-applikazzjoni seħħew f'kumpaniji li huma kredituri ta' HJ Barreras;

 

F) Billi l-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-FEG jippermetti li applikazzjoni kollettiva li tinvolvi SMEs li jinsabu f'reġjun wieħed tista' tkopri SMEs li joperaw f'setturi ekonomiċi differenti kif definit fil-livell ta' diviżjoni tan-NACE Reviżjoni 2, sakemm ikunu l-SMEs li jkunu t-tip ta' negozju prinċipali jew uniku f'dak ir-reġjun;

 

G) Billi s-sottokuntratturi għandhom livell għoli ta' speċjalizzazzjoni u jiddependu fuq it-tarzna prinċipali, li jirriżulta fl-istess konsegwenzi fuq l-impjiegi fl-industrija anċillari tal-bini tal-vapuri daqslikieku l-kumpaniji kienu fi ħdan settur ekonomiku wieħed tan-NACE.

 

1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 huma sodisfatti, u li għalhekk Spanja għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 2 054 400 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 3 424 000;

 

2. Jinnota li l-Kummissjoni osservat l-iskadenza ta' 12-il ġimgħa mill-wasla tal-applikazzjoni kompluta mill-awtoritajiet Spanjoli sa ma ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja fil-11 ta' Settembru, u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess ġurnata;

 

3. Iqis li s-settur tat-tarzni u l-industriji anċillari fil-Galicia fl-2018 kellu fatturat annwali ta' madwar EUR 2 000 miljun, 10 000 impjieg dirett u 25 000 impjieg indirett kienu jiddependu fuq il-bini tal-vapuri, filwaqt li s-sena li għaddiet il-fatturat tas-settur naqas bi 11 % u n-numru ta' impjiegi b'20,8 % (madwar 2000);

 

4. Jinnota li 94 % tal-benefiċjarji fil-mira huma rġiel u 78,2 % minnhom għandhom bejn 30 u 54 sena.  Jinnota li s-servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jinkludu: sessjonijiet ta' informazzjoni u workshops preparatorji, gwida okkupazzjonali lejn l-impjieg jew impjieg indipendenti, taħriġ (inkluż taħriġ lejn l-intraprenditorija se jiġu pprovduti għal dawk li għandhom l-għan li jaħdmu għal rashom), tutoring wara l-integrazzjoni mill-ġdid fix-xogħol, għajnuna intensiva għat-tfittix ta' impjieg u varjetà ta' inċentivi;

 

5. Jilqa' l-inklużjoni ta' inċentivi ta' parteċipazzjoni (sa EUR 400), kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar (EUR 0,19/kilometru flimkien ma' spejjeż addizzjonali bħal pedaġġi u spejjeż tal-parkeġġ), kontribuzzjoni għall-ispejjeż għall-persuni li jindukraw persuni dipendenti (sa EUR 20 għal kull jum ta' parteċipazzjoni), inċentivi għar-rikollokament għal ħaddiema dipendenti jew bħala persuni li jaħdmu għal rashom se jirċievu EUR 200 fix-xahar, għal perjodu massimu ta' sitt xhur , sabiex jgħinu lill-benefiċjarji fil-mira f'attivitajiet ta' tiftix ta' impjieg jew ta' taħriġ, bil-kundizzjoni ta' parteċipazzjoni attiva fil-miżuri;

 

6. Ifakkar li l-azzjonijiet proposti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eleġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG u ma jissostitwixxux miżuri ta' protezzjoni soċjali passivi;

 

7. Jieħu nota tal-konferma ta' Spanja li l-miżuri elenkati hawn fuq soġġetti għall-finanzjament mill-FEG mhumiex se jirċievu kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni. Josserva wkoll li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhux se tissostitwixxi azzjonijiet li l-intrapriża kkonċernata għandha tagħmel skont id-dritt nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi;

 

8. Jilqa' l-involviment ta' ASIME u tat-trade unions CCOO[20] u UGT[21], is-sħab soċjali li jipparteċipaw fid-Djalogu Soċjali fil-Galicia, fit-tfassil tal-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati u fl-implimentazzjoni tas-servizzi; jisħaq li s-sħab soċjali għandhom ikunu involuti fil-monitoraġġ tal-miżuri;

 

9. Jinnota li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tiġi ġestita u kkontrollata mill-istess korpi li jġestixxu u jikkontrollaw l-FSE. Il-Xunta de Galicia[22] se tkun il-korp intermedjarju għall-awtorità ta' ġestjoni.


 

ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Is-Sur Johan Van Overtveldt

President

Kumitat għall-Baġits

BRUSSELL

Suġġett: <Titre>Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għas-setturi anċillari għall-bini tal-vapuri fil-Galicia</Titre> <DocRef>(COM(2020)04852020/1996(COD))</DocRef>

Sur President,

Il-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni minn Spanja – EGF/2020/001 ES/Is-setturi anċillari għall-bini tal-vapuri fil-Galicia (COM(2020)0485) – ġiet riferuta għal opinjoni lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali. Nifhem li hemm il-ħsieb li dalwaqt jiġi adottat rapport dwar din il-proposta fil-Kumitat għall-Baġits.

Din il-proposta timmobilizza l-FEG fir-rigward tal-għoti ta' sensji fis-setturi ekonomiċi kklassifikati taħt il-klassifikazzjoni Statistika tal-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea ("NACE") Reviżjoni 2 Diviżjonijiet: 24 (Manifattura ta' metalli bażiċi), 25 (Manifattura ta' prodotti tal-metall iffabbrikat, għajr magni u tagħmir), 30 (Manifattura ta' tagħmir ieħor għat-trasport), 32 (Manifattura oħra), 33 (Tiswija u installazzjoni ta' makkinarju u tagħmir) u 43 (Attivitajiet ta' kostruzzjoni speċjalizzati) fir-reġjun NUTS livell 2 tal-Galicia (ES11) fi Spanja. Il-mobilizzazzjoni tipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 2 054 400.

Ir-regoli applikabbli għall-kontributi mill-FEG huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020).

Il-koordinaturi tal-kumitat ivvalutaw din il-proposta u talbuni niktiblek biex ninfurmak li l-maġġoranza ta' dan il-kumitat m'għandha l-ebda oġġezzjoni għal din il-mobilizzazzjoni tal-FEG biex jiġi allokat l-ammont imsemmi hawn fuq kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

 

Younous Omarjee 

 


 

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

12.10.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Rasmus Andresen, Clotilde Armand, Robert Biedroń, Anna Bonfrisco, Olivier Chastel, Lefteris Christoforou, David Cormand, Paolo De Castro, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Alexandra Geese, Valentino Grant, Elisabetta Gualmini, Francisco Guerreiro, Valérie Hayer, Eero Heinäluoma, Niclas Herbst, Monika Hohlmeier, Mislav Kolakušić, Moritz Körner, Joachim Kuhs, Zbigniew Kuźmiuk, Hélène Laporte, Pierre Larrouturou, Janusz Lewandowski, Margarida Marques, Silvia Modig, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Andrey Novakov, Jan Olbrycht, Dimitrios Papadimoulis, Karlo Ressler, Bogdan Rzońca, Nicolae Ştefănuță, Nils Torvalds, Nils Ušakovs, Johan Van Overtveldt, Rainer Wieland, Angelika Winzig

 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

37

+

ECR

Zbigniew Kuźmiuk, Bogdan Rzońca

GUE/NGL

Silvia Modig, Dimitrios Papadimoulis

ID

Anna Bonfrisco, Valentino Grant, Hélène Laporte

NI

Mislav Kolakušić

PPE

Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Niclas Herbst, Monika Hohlmeier, Janusz Lewandowski, Siegfried Mureşan, Andrey Novakov, Jan Olbrycht, Karlo Ressler, Rainer Wieland, Angelika Winzig

RENEW

Clotilde Armand, Olivier Chastel, Valérie Hayer, Nicolae Ştefănuță, Nils Torvalds,

S&D

Robert Biedroń, Paolo De Castro, Eider Gardiazabal Rubial, Elisabetta Gualmini, Eero Heinäluoma, Pierre Larrouturou, Margarida Marques, Victor Negrescu, Nils Ušakovs,

VERTS/ALE

 Rasmus Andresen, David Cormand, Alexandra Geese, Francisco Guerreiro,

 

1

-

ID

Joachim Kuhs,

 

2

0

ECR

Johan Van Overtveldt

RENEW

Moritz Körner

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

[1] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

[2] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

[3] ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

[4] Skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-FEG.

[5] Il-bini ta' vapuri merkantili jinkludi l-bini ta' tankers, ta' trasportaturi ta' tagħbija sfuża u bastimenti tal-kontejners.

[6] Sal-2018, iċ-Ċina, (35,5 %) kienet saret il-mexxejja, segwita mill-Ġappun (23,4 %) u mill-Korea t'Isfel (22,7 %), filwaqt li

s-sehem mis-suq tal-Ewropa naqas għal 6,8 % biss. F'termini tal-ktieb tal-ordnijiet fl-2019, iċ-Ċina bħala l-mexxej tas-suq kellha

sehem ta' 34 %, il-Korea t'Isfel 26 % u l-Ġappun 15 %.

 

[7] Il-Federazzjoni tal-Industrija tas-CCOO Galicia.

[8] Il-Federazzjoni tal-Metall, il-Kostruzzjoni u l-Industriji Relatati tal-UGT (MCA-UGT).

[9] Xunta de Galicia u b'mod partikolari l-Consellería de Facenda – Dirección General de política financiera, tesoro y fondos europeos / Servicio de inspección y control de fondos comunitarios b'kooperazzjoni mal-Consellería de Economía, Emprego e Industria – Secretaría Xeral de Emprego/Subdirección Xeral de Relacións Laborais se jkun il-korp intermedjarju għall-awtorità amministrattiva.

[10] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

[11] ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

[12] Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

  Id-data għandha tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.

[13] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

[14] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

[15] ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

[16] Skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-FEG.

[17] Il-bini ta' vapuri merkantili jinkludi l-bini ta' tankers, ta' trasportaturi ta' tagħbija sfuża u bastimenti tal-kontejners.

[18] Sal-2018, iċ-Ċina, (35,5 %) saret il-mexxej, segwita mill-Ġappun (23,4 %) u mill-Korea t'Isfel (22,7 %), filwaqt li

s-sehem mis-suq tal-Ewropa naqas għal 6,8 % biss. F'termini tal-ktieb tal-ordnijiet fl-2019, iċ-Ċina bħala l-mexxej tas-suq kellha

sehem ta' 34 %, il-Korea t'Isfel 26 % u l-Ġappun 15 %.

 

[20] Il-Federazzjoni tal-Industrija tas-CCOO Galicia.

[21] Il-Federazzjoni tal-Metall, il-Kostruzzjoni u l-Industriji Relatati tal-UGT (MCA-UGT).

[22] Xunta de Galicia u b'mod partikolari l-Consellería de Facenda – Dirección General de política financiera, tesoro y fondos europeos / Servicio de inspección y control de fondos comunitarios b'kooperazzjoni mal-Consellería de Economía, Emprego e Industria – Secretaría Xeral de Emprego/Subdirección Xeral de Relacións Laborais se jkun il-korp intermedjarju għall-awtorità amministrattiva.

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Ottubru 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza