RAPPORT dwar emendi tar-Regoli ta' Proċedura sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tal-Parlament f'ċirkostanzi straordinarji

16.10.2020 - (2020/2098(REG))

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Rapporteur: Gabriele Bischoff 


Proċedura : 2020/2098(REG)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0194/2020
Testi mressqa :
A9-0194/2020
Testi adottati :

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar emendi tar-Regoli ta' Proċedura sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tal-Parlament f'ċirkostanzi straordinarji

(2020/2098(REG))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 236 u 237 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A9-0194/2020),

1. Jiddeċiedi li jemenda r-Regoli ta' Proċedura tiegħu kif jidher hawn taħt;

2. Jenfasizza li l-kriżi sanitarja kkawżata mill-pandemija tal-COVID‑19 uriet li r-Regoli ta' Proċedura jirrikjedu proċeduri aktar żviluppati sabiex jiżguraw il-funzjonament mingħajr limitu tal-Parlament f'tipi differenti ta' ċirkostanzi straordinarji;

3. Jissottolinja l-importanza tal-miżuri temporanji adottati, f'konformità mal-istat tad-dritt, mill-President tiegħu u mill-korpi ta' tmexxija tiegħu fis-sitwazzjoni sanitarja attwali, sabiex jiġu ffaċċjati dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji; jenfasizza li ma kien hemm l-ebda alternattiva għal dawk il-miżuri sabiex tiġi garantita l-kontinwità tal-ħidma tal-Parlament kif rikjest mit-Trattati, u li ppermettew lill-Parlament iwettaq il-funzjonijiet leġiżlattivi, baġitarji u ta' kontroll politiku tiegħu matul il-kriżi f'konformità mal-proċeduri previsti fit-Trattati;

4. Jenfasizza li dawk il-miżuri temporanji kienu ġġustifikati bis-sħiħ u żguraw il-validità tal-votazzjonijiet kollha li ttieħdu matul il-perjodu tal-applikazzjoni tagħhom;

5. Ifakkar fl-importanza li l-Parlament jiżgura, bl-aħjar mod possibbli bil-kapaċitajiet tiegħu, akkomodazzjoni raġonevoli għall-Membri b'diżabilità u l-persunal tagħhom waqt li huwa jkun qed jopera taħt ċirkostanzi straordinarji;

6. Iqis li l-emendi li jidhru hawn taħt għandhom jiġu adottati skont il-proċeduri standard;

7. Jiddeċiedi li dawn l-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum wara dak tal-adozzjoni tagħhom;

8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali, għal skopijiet ta' informazzjoni.

 

Emenda  1

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Titolu XIIIa (ġdid)

 

Test fis-seħħ

Emenda

 

TITOLU XIIIa: ĊIRKOSTANZI STRAORDINARJI

Emenda  2

 

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 237a (ġdid)

 

Test fis-seħħ

Emenda

 

Artikolu 237a

 

Miżuri straordinarji

 

1. Dan l-Artikolu japplika għal sitwazzjonijiet li fihom il-Parlament Ewropew, minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali u imprevedibbli lil hinn mill-kontroll tiegħu, jiġi mxekkel milli jwettaq id-dmirijiet tiegħu u milli jeżerċita l-prerogattivi tiegħu skont it-Trattati, u tkun meħtieġa deroga temporanja mill-proċeduri tas-soltu tal-Parlament stabbiliti band'oħra f'dawn ir-Regoli sabiex jiġu adottati miżuri straordinarji li jippermettulu jkompli jwettaq dawk id-dmirijiet u jeżerċita dawk il-prerogattivi.

 

Tali ċirkostanzi straordinarji għandhom jitqiesu li jeżistu meta l-President jasal għall-konklużjoni, abbażi ta' evidenza affidabbli li tkun ikkonfermata, fejn xieraq, mis-servizzi tal-Parlament, li għal raġunijiet ta' sigurtà jew ta' sikurezza jew b'riżultat tan-nuqqas ta' disponibbiltà ta' mezzi tekniċi, ikun jew se jkun impossibbli jew perikoluż li l-Parlament jiltaqa' f'konformità mal-proċeduri tas-soltu tiegħu kif stabbilit band'oħra f'dawn ir-Regoli u mal-kalendarju adottat tiegħu.

 

2. Meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu ssodisfati, il-President jista' jiddeċiedi, bl-approvazzjoni tal-Konferenza tal-Presidenti, li japplika waħda jew aktar mill-miżuri msemmija fil-paragrafu 3.

 

Jekk ikun impossibbli, minħabba raġunijiet ta' urġenza imperattiva, li l-Konferenza tal-Presidenti titlaqqa' fiżikament jew virtwalment, il-President jista' jiddeċiedi li japplika waħda jew aktar mill-miżuri msemmija fil-paragrafu 3. Tali deċiżjoni għandha tiskadi ħamest ijiem wara l-adozzjoni tagħha sakemm ma tkunx ġiet approvata mill-Konferenza tal-Presidenti f'dik l-iskadenza.

 

B'segwitu ta' deċiżjoni tal-President, approvata mill-Konferenza tal-Presidenti, għadd ta' Membri jew grupp politiku jew gruppi li jilħqu tal-anqas il-limitu minimu medju jistgħu, fi kwalunkwe mument, jitolbu li xi wħud mill-miżuri jew il-miżuri kollha previsti f'dik id-deċiżjoni jiġu ppreżentati individwalment lill-Parlament għall-approvazzjoni mingħajr dibattitu. Il-votazzjoni fil-plenarja għandha titqiegħed fl-aġenda tal-ewwel seduta wara l-jum li fih titressaq it-talba. Ma tista' titressaq l-ebda emenda. Jekk miżura ma tiksibx il-maġġoranza tal-voti mitfugħa, din għandha tiskadi wara l-għeluq tas-sessjoni parzjali. Miżura approvata mill-plenarja ma tistax tkun is-suġġett ta' votazzjoni oħra matul l-istess sessjoni parzjali.

 

3. Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 2 tista' tipprovdi għall-miżuri kollha xierqa li jindirizzaw iċ-ċirkostanzi straordinarji msemmija taħt il-paragrafu 1, u b'mod partikolari għall-miżuri li ġejjin:

 

(a) il-posponiment ta' sessjoni parzjali, seduta jew laqgħa ta' kumitat skedata, għal data aktar tard u/jew il-kanċellazzjoni jew il-limitazzjoni ta' laqgħat ta' delegazzjonijiet interparlamentari u ta' korpi oħra;

 

(b) iċ-ċaqliq ta' sessjoni parzjali, seduta jew laqgħa ta' kumitat mis-sede tal-Parlament għal wieħed mill-postijiet tax-xogħol tiegħu jew għal post estern jew minn wieħed mill-postijiet tax-xogħol tiegħu għas-sede tal-Parlament, għal wieħed mill-postijiet tax-xogħol l-oħra tal-Parlament jew għal post estern;

 

(c) it-twettiq ta' sessjoni parzjali jew ta' seduta fil-bini tal-Parlament iżda b'mod sħiħ jew parzjali fi kmamar tal-laqgħat separati li jippermettu t-tbegħid fiżiku xieraq;

 

(d) it-twettiq ta' sessjoni parzjali, seduta jew laqgħa tal-korpi tal-Parlament taħt ir-reġim ta' parteċipazzjoni remota kif stipulat fl-Artikolu 237c;

 

(e) fil-każ li l-mekkaniżmu ta' sostituzzjoni ad hoc stabbilit fl-Artikolu 209(7) jonqos milli jipprovdi rimedji suffiċjenti għaċ-ċirkostanzi straordinarji li jkunu qed jiġu kkunsidrati, is-sostituzzjoni temporanja mill-gruppi politiċi ta' Membri f'kumitat sakemm il-Membru kkonċernat ma jopponix.

 

4. Deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun limitata fiż-żmien u għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata. Hija għandha tidħol fis-seħħ mal-pubblikazzjoni tagħha fuq is-sit tal-Parlament jew, jekk iċ-ċirkostanzi ma jippermettux tali pubblikazzjoni, bl-aħjar mezzi disponibbli.

 

Il-Membri kollha għandhom jiġu infurmati wkoll b'mod individwali bid-deċiżjoni mingħajr dewmien.

 

Id-deċiżjoni tista' tiġġedded mill-President f'konformità mal-proċedura skont il-paragrafu 2 darba jew aktar għal żmien limitat. Deċiżjoni favur tiġdid għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata.

 

Il-President għandu jirrevoka deċiżjoni adottata skont dan l-Artikolu hekk kif iċ-ċirkostanzi straordinarji msemmija fil-paragrafu 1 li kienu wasslu għall-adozzjoni tagħha jkunu għebu.

 

5. Dan l-Artikolu għandu jiġi applikat biss bħala l-aħħar għażla, u għandhom jintgħażlu u jiġu applikati biss dawk il-miżuri li jkunu strettament meħtieġa biex jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi straordinarji li jkunu qed jiġu kkunsidrati.

 

Meta jiġi applikat dan l-Artikolu, għandu jittieħed kont debitu, b'mod partikolari, tal-prinċipju tad-demokrazija rappreżentattiva, tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-Membri, tad-dritt tal-Membri li jeżerċitaw il-mandat parlamentari tagħhom mingħajr tfixkil, inklużi d-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mill-Artikolu 167 u li jivvutaw b'mod liberu, individwalment u personalment, u tal-Protokoll Nru 6 tat-Trattati.

Emenda  3

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 237b (ġdid)

 

Test fis-seħħ

Emenda

 

Artikolu 237b

 

Tfixkil tal-bilanċ politiku fil-Parlament

 

1. Il-President jista', bl-approvazzjoni tal-Konferenza tal-Presidenti, jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-Membri jew ta' grupp politiku konċernat jekk, abbażi ta' evidenza affidabbli, il-President jasal għall-konklużjoni li l-bilanċ politiku fil-Parlament ikun serjament kompromess minħabba li għadd sinifikanti ta' Membri jew grupp politiku ma jkunux jistgħu jieħdu sehem fil-proċedimenti tal-Parlament skont il-proċeduri normali tiegħu kif stabbiliti band'oħra f'dawn ir-Regoli, minħabba raġunijiet ta' sigurtà jew ta' sikurezza jew b'riżultat tan-nuqqas ta' disponibbiltà ta' mezzi tekniċi.

 

L-għan uniku ta' tali miżuri għandu jkun li jippermetti l-parteċipazzjoni remota tal-Membri kkonċernati bl-applikazzjoni ta' mezzi tekniċi magħżula skont l-Artikolu 237c(1) jew b'mezzi xierqa oħra li jservu l-istess għan.

 

2. Jistgħu jiġu adottati miżuri skont il-paragrafu 1 għall-benefiċċju ta' għadd sinifikanti ta' Membri jekk xi ċirkostanzi eċċezzjonali u mhux prevedibbli lil hinn mill-kontroll tagħhom li jseħħu f'kuntest reġjonali ma jħalluhomx jipparteċipaw.

 

Il-miżuri skont il-paragrafu 1 jistgħu jiġu adottati wkoll għall-benefiċċju tal-membri ta' grupp politiku jekk dak il-grupp ikun talabhom meta n-nuqqas ta' parteċipazzjoni ta' dak il-grupp jirriżulta minn ċirkostanzi eċċezzjonali u imprevedibbli lil hinn mill-kontroll ta' dak il-grupp.

 

3. L-Artikolu 237a(2), it-tieni u t-tielet subparagrafi, u r-regoli u l-prinċipji stipulati fl-Artikolu 237a(4) u (5) għandhom japplikaw skont dan.

Emenda  4

 

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 237c (ġdid)

 

Test fis-seħħ

Emenda

 

Artikolu 237c

 

Reġim ta' parteċipazzjoni remota

 

1. Jekk il-President jiddeċiedi, f'konformità mal-Artikolu 237a(3), punt (d), li japplika r-reġim ta' parteċipazzjoni, il-Parlament jista' jwettaq il-proċeduri tiegħu b'mod remot fost l-oħrajn billi jippermetti li l-Membri kollha jeżerċitaw ċerti drittijiet parlamentari b'mezzi elettroniċi.

 

Jekk il-President jiddeċiedi f'konformità mal-Artikolu 237b li għandhom jintużaw mezzi tekniċi magħżula skont ir-reġim ta' parteċipazzjoni remota, din ir-Regola għandha tapplika biss sa fejn meħtieġ u biss għall-Membri kkonċernati.

 

2. Ir-reġim ta' parteċipazzjoni remota jiżgura li:

 

– il-Membri jkunu jistgħu jeżerċitaw il-mandat parlamentari tagħhom, inkluż, b'mod partikolari, id-dritt tagħhom li jitkellmu fil-plenarja u fil-kumitati, li jivvutaw u jressqu testi, mingħajr tfixkil;

 

– il-voti kollha jintefgħu mill-Membri b'mod individwali u personalment;

 

– is-sistema ta' votazzjoni remota tippermetti li l-Membri jivvutaw abbażi tal-proċedura ordinarja, b'votazzjonijiet b'sejħa tal-ismijiet u b'votazzjonijiet sigrieti u li jivverifikaw li l-voti tagħhom jitqiesu bħala mitfugħa;

 

– tkun applikata sistema ta' votazzjoni uniformi għall-Membri kollha, irrispettivament jekk ikunux preżenti jew le fil-bini tal-Parlament;

 

– l-Artikolu 167 jiġi applikat kemm jista' jkun possibbli;

 

– is-soluzzjonijiet tat-teknoloġija tal-informatika għad-dispożizzjoni tal-Membri u l-persunal tagħhom ikunu "teknoloġikament newtrali";

 

– il-parteċipazzjoni tal-Membri fid-dibattiti u l-votazzjonijiet parlamentari ssir bl-użu ta' mezzi elettroniċi siguri li jkunu ġestiti u sorveljati mis-servizzi tal-Parlament direttament u internament.

 

3. Meta jieħu d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-President għandu jiddetermina jekk dak ir-reġim japplikax għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Membri fil-plenarja biss, jew ukoll għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Membri fil-kumitati u/jew f'korpi oħra tal-Parlament.

 

Fid-deċiżjoni tiegħu l-President għandu jiddetermina wkoll kif id-drittijiet u l-prattiki li ma jistgħux jiġu eżerċitati b'mod xieraq mingħajr il-preżenza fiżika tal-Membri jiġu adattati għal kemm idum ir-reġim.

 

Dawn id-drittijiet u l-prattiki jikkonċernaw, fost l-oħrajn:

 

– il-mod li bih l-attendenza waqt seduta jew laqgħa tiġi magħduda;

 

– il-kundizzjonijiet li skonthom issir talba għal verifika tal-kworum;

 

– it-tressiq tat-testi;

 

– it-talbiet għal qsim u voti separati;

 

– l-allokazzjoni tal-ħin għad-diskorsi;

 

– l-iskedar tad-dibattiti;

 

– il-preżentazzjoni tal-emendi orali u l-oġġezzjonijiet għalihom;

 

– l-ordni tal-votazzjonijiet;

 

– l-iskadenzi u l-limiti ta' żmien għall-istabbiliment tal-aġenda u għal mozzjonijiet ta' proċedura.

 

4. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regoli dwar il-kworum u l-votazzjoni fil-Kamra, il-Membri li jkunu qed jipparteċipaw b'mod remot għandhom jitqiesu li jkunu fiżikament preżenti fil-Kamra.

 

B'deroga mill-Artikolu 171(11), Membri li ma jkunux tkellmu f'dibattitu jistgħu, darba f'kull seduta, iressqu stqarrija bil-miktub, li għandha tiġi mehmuża mar-rapport verbatim tad-dibattitu.

 

Il-President għandu, fejn meħtieġ, jiddetermina l-mod li bih il-Kamra tista' tintuża mill-Membri matul l-applikazzjoni tar-reġim tal-parteċipazzjoni remota, u b'mod partikolari l-għadd massimu ta' Membri li jistgħu jkunu fiżikament preżenti.

 

5. Jekk il-President jiddeċiedi skont il-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, li japplika r-reġim ta' parteċipazzjoni remota għall-kumitati jew għal korpi oħra, il-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu, għandu japplika, mutatis mutandis.

 

6. Il-Bureau għandu jadotta miżuri li jikkonċernaw l-operat u s-sigurtà tal-mezzi elettroniċi użati skont dan l-Artikolu, f'konformità mar-rekwiżiti u l-istandards stabbiliti fil-paragrafu 2.

Emenda  5

Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew

Artikolu 237d (ġdid)

 

Test fis-seħħ

Emenda

 

Artikolu 237d

 

It-twettiq ta' sessjoni plenarja fi kmamar separati tal-laqgħat

 

Jekk il-President jiddeċiedi, f'konformità mal-Artikolu 237a(3), punt (c), li jippermetti li ssir sessjoni plenarja tal-Parlament kompletament jew parzjalment f'aktar minn kamra tal-laqgħat waħda, inkluż, fejn xieraq, l-emiċiklu, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

 

 il-kmamar tal-laqgħat użati f'dan il-kuntest għandhom jitqiesu li kollettivament jikkostitwixxu l-Kamra;

 

 il-President jista', jekk meħtieġ, jiddetermina l-mod li bih jistgħu jintużaw il-kmamar rispettivi tal-laqgħat, sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti ta' tbegħid fiżiku jiġu rrispettati.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

12.10.2020

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

0

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Gabriele Bischoff, Damian Boeselager, Geert Bourgeois, Fabio Massimo Castaldo, Leila Chaibi, Włodzimierz Cimoszewicz, Gwendoline Delbos-Corfield, Pascal Durand, Daniel Freund, Charles Goerens, Esteban González Pons, Sandro Gozi, Brice Hortefeux, Laura Huhtasaari, Giuliano Pisapia, Paulo Rangel, Antonio Maria Rinaldi, Domènec Ruiz Devesa, Helmut Scholz, Antonio Tajani, László Trócsányi, Mihai Tudose, Loránt Vincze, Rainer Wieland

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Jorge Buxadé Villalba, Sophia in ‘t Veld, Miapetra Kumpula-Natri

 


 

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

25

+

GUE/NGL

Leila Chaibi, Helmut Scholz

ID

Gerolf Annemans, Laura Huhtasaari, Antonio Maria Rinaldi

NI

Fabio Massimo Castaldo

PPE

Esteban González Pons, Brice Hortefeux, Paulo Rangel, Antonio Tajani, Loránt Vincze, Rainer Wieland

RENEW

Pascal Durand, Charles Goerens, Sandro Gozi, Sophia in 't Veld

S&D

Gabriele Bischoff, Włodzimierz Cimoszewicz, Miapetra Kumpula Natri, Giuliano Pisapia, Domènec Ruiz Devesa, Mihai Tudose

VERTS/ALE

Damian Boeselager, Gwendoline Delbos Corfield, Daniel Freund

 

 

 

0

-

 

 

 

 

 

3

0

ECR

Geert Bourgeois, Jorge Buxadé Villalba

PPE

László Trócsányi

 

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

- : kontra

0 : astensjoni

 

 

Aġġornata l-aħħar: 11 ta' Novembru 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza