RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-faċilità ta' self għas-settur pubbliku skont il-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta

16.10.2020 - (COM(2020)0453 – C9-0153/2020 – 2020/0100(COD)) - ***I

Kumitat għall-Baġits
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteurs: Johan Van Overtveldt, Henrike Hahn
(Proċedura ta' kumitat konġunt – Artikolu 58 tar-Regoli ta' Proċedura)


Proċedura : 2020/0100(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A9-0195/2020
Testi mressqa :
A9-0195/2020
Votazzjonijiet :
Testi adottati :


 

 

Tifsira tas-simboli użati

 * Proċedura ta' konsultazzjoni

 *** Proċedura ta' approvazzjoni

 ***I Proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-ewwel qari)

 ***II Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tieni qari)

 ***III Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tielet qari)

 

(It-tip ta' proċedura jiddependi mill-bażi ġuridika proposta mill-abbozz ta' att.)

 

 

 

 

 

Emendi għal abbozz ta' att

Emendi tal-Parlament f'żewġ kolonni

 

It-tħassir huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa fil-kolonna tax-xellug. Is-sostituzzjoni hija indikata permezz tat-tipa korsiva u grassa fiż-żewġ kolonni. It-test ġdid huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa fil-kolonna tal-lemin.

 

L-ewwel u t-tieni linji tal-intestatura ta' kull emenda jidentifikaw il-parti tat-test ikkonċernata fl-abbozz ta' att inkwistjoni. Meta emenda tirrigwarda att eżistenti, li l-abbozz ta' att ikollu l-ħsieb li jemenda, l-intestatura jkun fiha wkoll it-tielet u r-raba' linji li jidentifikaw rispettivament l-att eżistenti u d-dispożizzjoni kkonċernata f'dak l-att.

 

Emendi tal-Parlament li jieħdu l-forma ta' test konsolidat

 

Il-partijiet ġodda tat-test huma indikati permezz tat-tipa korsiva u grassa. Il-partijiet imħassra tat-test huma indikati permezz tas-simbolu ▌ jew huma ingassati. Is-sostituzzjoni tintwera billi jiġi indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa t-test il-ġdid u billi jitħassar jew jiġi ingassat it-test sostitwit.

Bħala eċċezzjoni, it-tibdil ta' natura strettament teknika magħmul mis-servizzi fil-preparazzjoni tat-test finali mhuwiex indikat.

 

 

 


WERREJ

Paġna

No table of contents entries found.



ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-faċilità ta' self għas-settur pubbliku skont il-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta

(COM(2020)0453 – C9-0153/2020 – 2020/0100(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2020)0453),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 u l-Artikolu 322(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C9-0153/2020),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta' Settembru 2020[1],

 wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

 wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri tat-30 ta' Settembru 2020[2],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji skont l-Artikolu 58 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0195/2020),

1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sostanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sostanzjali;

3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

 

Emenda  1

EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW[*]

għall-proposta tal-Kummissjoni

---------------------------------------------------------

2020/0100 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-faċilità ta' self għas-settur pubbliku skont il-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 322 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[3],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[4],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1) Il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew fil-11 ta' Diċembru 2019[5], li fasslet il-pjan direzzjonali tagħha lejn politika ġdida ta' tkabbir għall-Ewropa u li tistabbilixxi objettivi ambizzjużi kontra t-tibdil fil-klima u l-ħarsien tal-ambjent. F'konformità mal-objettiv li jinkisbu l-miri l-ġodda tal-Unjoni għall-2030 għall-klima u l-enerġija kif stabbilit fir-Regolament (UE)... /... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1999 (il-Liġi Ewropea dwar il-Klima)] u li tinkiseb in-newtralità klimatika fl-Unjoni sa mhux iktar tard mill-2050 b'mod effettiv u ġust, filwaqt li jsir sforz biex tinkiseb is-sostenibbiltà soċjoekonomika, il-Patt Ekoloġiku Ewropew ippropona Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta, biex jipprovdi mezzi finanzjarji u għarfien biex tiġi ffaċċjata l-isfida klimatika filwaqt li ħadd ma jitħalla lura. Dawk ir-reġjuni u n-nies l-iktar vulnerabbli huma dawk li l-iktar jiġu esposti għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali. Fl-istess ħin, il-ġestjoni tat-tranżizzjoni se twassal għal bidliet strutturali sinifikanti kemm fil-livell reġjonali kif ukoll f'dak nazzjonali. Sabiex tirnexxi, jenħtieġ li t-tranżizzjoni tnaqqas l-inugwaljanzi, toħloq effett ta' impjieg nett b'impjiegi ta' kwalità għolja, u tkun ġusta u soċjalment aċċettabbli għal kulħadd. Jenħtieġ li l-proġetti u l-benefiċjarji jikkonformaw mal-valuri fundamentali tal-Unjoni bbażati fuq it-Trattat, mal-Ftehim ta' Pariġi, u mal-objettiv tan-newtralità klimatika u tal-bijodiversità tal-Unjoni.

(1a) Il-kisba tal-objettivi klimatiċi tal-Unjoni tirrikjedi li jiġu indirizzati mhux biss il-problema tat-tranżizzjoni b'veloċità varjabbli fl-Unjoni fir-rigward tal-azzjoni klimatika, iżda anke r-riskju tad-differenzi soċjoekonomiċi dejjem akbar bejn ir-reġjuni u l-iskuntentizza ta' gruppi soċjali potenzjalment affettwati ħażin. Huwa tal-akbar importanza li l-isforzi jiġu kkonċentrati fuq it-trasformazzjoni ekonomika u r-rivitalizzazzjoni tat-territorji kkonċernati, pereżempju r-reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam, aktar milli wieħed jiddependi fuq il-mobilità tal-ħaddiema u joħloq ir-riskju ta' depopolazzjoni u staġnar ta' reġjuni sħaħ. Sabiex tinżamm koerenza bejn l-objettivi tat-tranżizzjoni u l-prijoritajiet u l-għanijiet tal-Unjoni bħal li tingħata spinta lill-impjiegi, jitnaqqsu l-faqar u l-inugwaljanzi, jenħtieġ li jingħata appoġġ effettiv sabiex l-ekonomiji lokali jiġu ddiversifikati permezz ta' investimenti sodi u jinħolqu impjiegi sostenibbli biex jiġi żgurat li l-ħaddiema impjegati fis-setturi milquta mit-tranżizzjoni jerġgħu jiġu assorbiti fis-suq tax-xogħol lokali.

 (2) Il-Kummissjoni fl-14 ta' Jannar 2020 adottat Komunikazzjoni dwar il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa Sostenibbli[6], li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta li jiffoka fuq dawk ir-reġjuni, il-persuni u s-setturi li bħalissa huma l-aktar milquta mit-tranżizzjoni minħabba li jiddependu fuq il-fjuwils fossili, inklużi l-faħam, il-pit u x-shale bituminuż jew il-proċessi industrijali b'emissjonijiet għoljin ta' gassijiet serra u li għandhom anqas kapaċità li jiffinanzjaw l-investimenti meħtieġa. Dawn ir-reġjuni u s-setturi huma dawk li ġew identifikati mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri fil-pjan ta' tranżizzjoni territorjali ġusta stabbilit skont l-Artikolu 7 tar-Regolament .../... [ir-Regolament dwar il-JTF] u approvat mill-Kummissjoni. Il-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta jikkonsisti fi tliet pilastri: Fond għal Tranżizzjoni Ġusta implimentat taħt ġestjoni kondiviża, skema ddedikata ta' tranżizzjoni ġusta taħt InvestEU, u faċilità ta' self għas-settur pubbliku biex jiġu mmobilizzati investimenti addizzjonali għar-reġjuni kkonċernati. It-tliet pilastri kollha jikkomplementaw lil xulxin biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u jindirizzaw l-isfidi ekonomiċi, soċjali u reġjonali u l-opportunitajiet tat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli, newtrali għall-klima, reżiljenti għat-tibdil fil-klima, effiċjenti fir-riżorsi, u ekonomija ċirkolari sa mhux aktar tard mill-2050.

(3) Il-proposta għall-istabbiliment tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta ġiet adottata mill-Kummissjoni fl-14 ta' Jannar 2020[7]. Għall-ipprogrammar aħjar u l-implimentazzjoni aħjar tal-Fond, għandhom jiġu adottati pjanijiet ta' tranżizzjoni ġusti, li jistabbilixxu l-passi ewlenin u l-iskeda ta' żmien tal-proċess ta' tranżizzjoni lejn il-kisba tal-miri tal-Unjoni għall-klima għall-2030 u ta' ekonomija newtrali għall-klima sa mhux aktar tard mill-2050, b'mod li ma jħalli lil ħadd jibqa' lura, u li jidentifikaw it-territorji l-aktar milquta b'mod negattiv mit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u b'inqas kapaċità li jindirizzaw l-isfidi ta' tranżizzjoni. Il-prinċipju ta' sħubija japplika għat-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-pjanijiet ta' tranżizzjoni territorjali ġusta kif imsemmija fl-Artikolu [7] tar-Regolament (UE) .../... [Ir-Regolament dwar il-JTF]

(3a) Is-settur pubbliku għandu post partikolari fil-proċess li jmexxi t-tranżizzjoni lejn ekonomija tal-Unjoni newtrali għall-klima. Jeħtieġ li jiġi rikonoxxut li l-komponenti ta' ekonomija newtrali għall-klima, bħal sorsi ta' enerġija rinnovabbli u żviluppi usa' b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, l-innovazzjoni transsettorjali u l-investimenti soċjali għandhom valur lil hinn mir-redditi finanzjarji għal żmien qasir u jeħtieġu trattament distint. Wieħed mir-rwoli ewlenin tas-settur pubbliku huwa li jintervjeni meta s-suq ikun qed ifalli.

(4) Jenħtieġ li tiġi pprovduta faċilità ta' self għas-settur pubbliku (il-"Faċilità"). Dan jikkostitwixxi t-tielet pilastru tal-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta, li jappoġġja l-entitajiet tas-settur pubbliku fl-investimenti tagħhom. Jenħtieġ li investimenti bħal dawn jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' żvilupp li jirriżultaw mill-isfidi tat-tranżizzjoni soċjali u ekonomika deskritti fil-pjanijiet territorjali ta' tranżizzjoni ġusta kif approvati, wara konsultazzjoni sinifikanti mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fil-livell reġjonali, mill-Kummissjoni, jikkontribwixxu lejn il-kisba tal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u jkunu konformi mal-objettiv ta' Unjoni newtrali għall-klima sa mhux aktar tard mill-2050. L-attivitajiet previsti għall-appoġġ jenħtieġ li jqisu l-objettivi u l-kriterji, fejn rilevanti, tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[8] [Regolament dwar it-Tassonomija ] u li jikkomplementaw u jiżguraw sinerġiji ma' dawk appoġġjati skont iż-żewġ pilastri l-oħra tal-Mekkaniżmu ta' Transizzjoni Ġusta sabiex jiġi żgurat li t-tliet pilastri kollha jaħdmu biex jilħqu l-istess objettivi. Jenħtieġ li l-Kummissjoni timmonitorja l-komplementarjetà bejn it-tliet pilastri fuq bażi kontinwa u jkollha l-għan li tiżviluppa sinerġiji fejn ikun possibbli. Is-setturi jew ir-reġjuni li huma partikolarment affettwati mit-tranżizzjoni klimatika, iżda li mhumiex speċifikament fil-mira taħt l-ewwel pilastru, jenħtieġ li jibbenefikaw ukoll mill-Faċilità. Jenħtieġ li l-investimenti li jkunu inkonsistenti mal-ilħuq tal-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni ma jkunux eliġibbli għal appoġġ fl-ambitu ta' din il-Faċilità.

(4a) L-effetti ta' tħarbit ekonomiku u soċjali kkawżati mill-kriżi tal-COVID-19 dgħajfu l-kapaċità ta' investiment pubbliku u privat u b'hekk ġew limitati r-riżorsi finanzjarji essenzjali għat-tranżizzjoni lejn Unjoni b'impatt newtrali fuq il-klima u effiċjenti fir-riżorsi. F'dak ir-rigward u fil-qafas tan-Next Generation EU, il-Faċilità jenħtieġ li tikkontribwixxi għat-tnaqqis ta' dan id-distakk u tippermetti lill-Istati Membri jagħmlu l-investimenti neċessarji biex jixprunaw il-kisba tal-prijoritajiet fit-tul tal-Unjoni fil-qasam tas-sostenibbiltà.

(5) Biex jissaħħu l-koeżjoni reġjonali u d-diversifikazzjoni ekonomika tat-territorji milquta mit-tranżizzjoni, il-Faċilità jenħtieġ li tkopri firxa wiesgħa ta' investimenti sostenibbli, bil-kundizzjoni li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-iżvilupp fit-tranżizzjoni lejn il-miri l-ġodda tal-Unjoni għall-klima u l-enerġija għall-2030, kif stabbilit fir-Regolament (UE).../... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1999 (il-Liġi Ewropea dwar il-Klima)] u ekonomija newtrali fil-karbonju u għall-klima u ċirkolari sa mhux aktar tard mill-2050, kif deskritt fil-pjanijiet ta' tranżizzjoni territorjali ġusta. Jenħtieġ li l-investimenti appoġġjati ma jinkludux attivitajiet esklużi skont l-Artikolu [5] tar-Regolament (UE) .../... [Ir-Regolament dwar il-JTF] u jistgħu jkopru d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija u tat-trasport, l-industrija u l-istokk tal-bini, networks ta' tisħin distrettwali sostenibbli għar-reġjuni tal-faħam fi tranżizzjoni, mobilità ekoloġika u sostenibbli, investimenti fir-riċerka u fl-innovazzjoni sostenibbli u fl-attivitajiet ta' diġitalizzazzjoni, inklużi fl-universtitajiet u fl-istituzzjonijiet ta' riċerka, it-trawwim tat-trasferiment tat-teknoloġiji avvanzati u lesti għas-suq, investimenti fid-diġitalizzazzjoni, fl-innovazzjoni diġitali u fil-konnettività diġitali, inklużi l-agrikoltura diġitali u dik ta' preċiżjoni, l-infrastruttura ambjentali intelliġenti fil-ġestjoni tal-iskart, ilma nadif u sikur, is-sanitazzjoni tal-ilma, l-użu ta' teknoloġija nadifa għal enerġija affordabbli u rinnovabbli kif ukoll idroġenu, bijogass u bijometan nodfa fil-limiti tad-disponibbiltà sostenibbli, miżuri ta' effiċjenza enerġetika u ta' integrazzjoni li jinkludu r-rinovazzjoni u l-konverżjonijiet ta' bini, tiġdid u riġenerazzjoni urbani, appoġġ għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, restawr u dekontaminazzjoni tal-art u tal-ekosistema, protezzjoni u restawr tal-bijodiversità u tal-ħabitats naturali, sakemm ma jkunux inklużi fl-ambitu tal-obbligi għal dannu ambjentali skont il-prinċipju ta' min iniġġes iħallas imsemmi fl-Artikolu 191 tat-TFUE, kif ukoll titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid, żvilupp ta' ħiliet ġodda u taħriġ b'enfasi fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-investimenti fil-faċilitajiet tal-kura, u l-ħolqien tal-impjiegi u l-infrastruttura soċjali, inklużi l-faċilitajiet ta' kura u akkomodazzjoni soċjali. L-iżviluppi fl-infrastruttura jistgħu jinkludu wkoll soluzzjonijiet li jwasslu għal reżiljenza msaħħa biex tiflaħ għad-diżastri ekoloġiċi, jiġifieri dawk aggravati mit-tibdil fil-klima, bħall-għargħar, in-nirien fil-foresti u kundizzjonijiet tat-temp li dejjem jinbidlu. L-approċċ ta' investiment komprensiv għandu jkun preferut b'mod partikolari għal territorji bi bżonnijiet importanti ta' tranżizzjoni. L-investimenti f'setturi oħra jistgħu jiġu appoġġjati wkoll jekk ikunu konsistenti mal-pjanijiet ta' tranżizzjoni territorjali ġusta. Billi tappoġġja investimenti li ma jiġġenerawx biżżejjed dħul, il-Faċilità għandha l-għan li tipprovdi lill-entitajiet tas-settur pubbliku riżorsi addizzjonali meħtieġa biex jindirizzaw l-isfidi territorjali, soċjali, ekonomiċi u ambjentali li jirriżultaw mill-aġġustament għat-tranżizzjoni klimatika. Biex jiġu identifikati u vvalutati investimenti b'impatt ambjentali pożittiv għoli eliġibbli taħt il-Faċilità li jistgħu jagħtu kontribut sostanzjali għall-miri tal-Unjoni għall-klima u l-enerġija kif ukoll għaż-żamma tal-bijodiversità, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju ta' "la tagħmilx ħsara", il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis it-tassonomija tal-UE dwar attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli. Assistenza teknika u amministrattiva se tkun disponibbli flimkien ma' investimenti bħal dawn.

(5a) Jenħtieġ li l-objettivi tal-Faċilità jiġu segwiti fil-qafas tal-iżvilupp sostenibbli u l-promozzjoni tal-Unjoni tal-għan li tippreserva, tipproteġi u ttejjeb il-kwalità tal-ambjent kif stabbilit fl-Artikolu 11 u fl-Artikolu 191(1) tat-TFUE, filwaqt li jitqiesu l-prinċipju ta' min iniġġes iħallas u l-impenji miftiehma fl-ambitu tal-Ftehim ta' Pariġi.

(5b) Jenħtieġ li l-prinċipji orizzontali kif stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ("TUE") u fl-Artikolu 10 tat-TFUE, inklużi l-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-TUE, jiġu rrispettati fl-implimentazzjoni tal-Faċilità, filwaqt li jqisu l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrispettaw ukoll l-obbligi tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u jiżguraw l-aċċessibbiltà f'konformità mal-Artikolu 9 tagħha u skont id-dritt tal-Unjoni li jarmonizza r-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà għall-prodotti u s-servizzi. Jenħtieġ li l-Faċilità ma tappoġġjax azzjonijiet li jikkontribwixxu għal kwalunkwe forma ta' segregazzjoni jew esklużjoni, jew tappoġġja infrastruttura li tkun inaċċessibbli għall-persuni b'diżabilità. Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkollhom l-għan li jeliminaw l-inugwaljanzi u li jippromwovu l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u jintegraw il-perspettiva tal-ġeneru, kif ukoll jiġġieldu d-diskriminazzjoni abbażi ta' sess, oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista' tirrifjuta applikazzjonijiet li ma jirrispettawx il-valuri fundamentali u d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, inkluż il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni u opportunitajiet indaqs.

(5c) L-Istati Membri u l-Kummissjoni jenħtieġ li jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-Faċilità tikkontribwixxi għar-rispett u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, għall-eliminazzjoni tal-inugwaljanzi u għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru, f'konformità mal-Artikolu 8 tat-TFUE. Minħabba l-impatt sproporzjonat tal-proċess ta' tranżizzjoni kif ukoll dak tat-tibdil fil-klima fuq in-nisa, huwa importanti li l-objettivi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jiġu kkunsidrati fid-dimensjonijiet kollha u fl-istadji kollha tat-tħejjija, il-monitoraġġ, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-Faċilità b'mod konsistenti u f'waqtu. Huwa għalhekk meħtieġ li l-valutazzjonijiet tal-impatt fuq il-ġeneri, l-ibbaġitjar skont il-ġeneru u l-monitoraġġ tar-riżultati mill-perspettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jkunu parti miċ-ċiklu ta' programmazzjoni.

(5d) It-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika tippreżenta wkoll opportunitajiet ekonomiċi ġodda. It-tranżizzjoni lejn ekonomija msejsa fuq l-enerġija rinnovabbli għandha potenzjal sinifikanti għall-ħolqien tal-impjiegi li, jekk tiġi sfruttata kif xieraq, tista' eventwalment twassal għal livelli għolja ta' impjiegi fit-territorji li bħalissa jiddependu mill-fjuwils fossili. Il-bidla għall-enerġija rinnovabbli tista' tippermetti lill-komunitajiet lokali jsiru parteċipanti attivi u sidien tat-tranżizzjoni enerġetika u jimxu minn mudell b'industrija waħda għal wieħed b'ħafna industriji. B'mod partikolari, ir-rikonverżjoni ta' dawk li kienu siti tal-minjieri għall-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u tal-ħżin, u l-kostruzzjoni ta' infrastruttura tal-enerġija rinnovabbli f'siti bħal dawn jew f'żoni ġirien jistgħu jipprovdu impjiegi ekoloġiċi għall-komunitajiet. Barra minn hekk, tali rikonverżjoni tista' tikkontribwixxi għal reżiljenza u sigurtà tal-enerġija, abbażi ta' mudell ta' sistema tal-enerġija deċentralizzata.

(6) Għal dan ir-Regolament japplikaw ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dawn ir-regoli huma stipulati fir-Regolament Finanzjarju u jiddeterminaw b'mod partikolari l-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz tal-għotjiet, l-akkwist, il-premju, l-implimentazzjoni indiretta, u jipprovdu għal verifiki dwar ir-responsabilità tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 tat-TFUE jikkonċernaw ukoll il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, peress li r-rispett għall-istat tad-dritt huwa prekundizzjoni essenzjali għal ġestjoni finanzjarja soda u effettiva tal-fondi tal-UE. Fil-każ ta' ksur tal-valuri fundamentali fi Stat Membru li jirriżulta fl-adozzjoni ta' miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tfittex li tipprovdi appoġġ dirett għat-tranżizzjoni tar-reġjuni kkonċernati u, bil-qbil mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, jenħtieġ li temporanjament tiġġestixxi l-fondi mar-riċevituri.

(7) Il-Faċilità jenħtieġ li tipprovdi appoġġ fil-forma ta' għotjiet ipprovduti mill-Unjoni flimkien ma' self ipprovdut minn sieħeb finanzjarju. Il-pakkett finanzjarju tal-komponent tal-għotja, implimentat mill-Kummissjoni b'ġestjoni diretta jenħtieġ li jieħu l-forma ta' finanzjament mhux marbut mal-kostijiet, f'konformità mal-Artikolu 125 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-"Regolament Finanzjarju")[9]. Dik il-forma ta' finanzjament jenħtieġ li tgħin biex il-promoturi tal-proġetti jkunu jistgħu jipparteċipaw u jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-Faċilità b'mod effiċjenti meta mqabbla mad-daqs tas-self. Il-komponent tas-self jenħtieġ li jiġi pprovdut mill-Bank Ewropew tal-Investiment ("il-BEI"). Il-Faċilità tista' tiġi estiża wkoll għal sħab finanzjarji oħra li jipprovdu l-komponent ta' self, fejn ikunu disponibbli riżorsi addizzjonali għall-komponent ta' għotja jew fejn ikun meħtieġ għall-implimentazzjoni korretta.

(7a) Il-pandemija tal-COVID-19 żiedet l-importanza tal-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta fir-rigward tal-ħtieġa li jinbnew mill-ġdid l-ekonomiji tar-reġjuni l-aktar milquta mit-tranżizzjoni klimatika. Minħabba l-interdipendenza bejn it-tranżizzjoni klimatika u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli, jeħtieġ li jkun hemm biżżejjed riżorsi bħala parti mill-Faċilità biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima fl-Unjoni sal-2050, li ġew aggravati mill-pandemija tal-COVID-19.

(8) EUR [1 760 000 000] tal-komponent tal-għotja tal-Faċilità mistennija li jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni f'konformità mal-[proposta tal-QFP il-ġdida] għat-tul kollu tal-perjodu finanzjarju, pakkett finanzjarju, li għandu jikkostitwixxi l-ammont primarju ta' referenza, skont it-tifsira tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni f'materji marbuta mal-baġit u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba[10], għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali. ▌▌ ▌

(12) Jenħtieġ li jiġu previsti wkoll riżorsi għal appoġġ ta' konsulenza sabiex jiġu promossi t-tħejjija, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' proġetti, inkluż fl-istadju tal-applikazzjoni.

(13) Biex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jingħataw il-possibbiltà li jibbenefikaw mill-komponent tal-għotjiet sal-ogħla livell possibbli, u bil-fehim li huma r-reġjuni fi tranżizzjoni li jistgħu jiġu affettwati l-aktar finanzjarjament u soċjalment mit-tranżizzjoni, jenħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu biex jistabbilixxi kwoti nazzjonali assenjati li għandhom jiġu rispettati matul l-ewwel stadju, abbażi tal-kriterju ta' distribuzzjoni propost fir-Regolament dwar il-Fond ta' Tranżizzjoni Ġusta. Il-ħtiġijiet tar-reġjuni inqas żviluppati kif imsemmija fl-Artikolu [102(2)] tar-Regolament .../... [is-CPR il-ġdid] jenħtieġ li jitqiesu. Madankollu, sabiex dak l-objettiv jiġi rrikonċiljat mal-ħtieġa li jiġi ottimizzat l-impatt ekonomiku tal-Faċilità u l-implimentazzjoni tagħha, tali allokazzjonijiet nazzjonali ma għandhomx jiġu allokati wara l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027. Minn hemm 'il quddiem, ir-riżorsi disponibbli li jifdal għall-komponent tal-għotja għandhom jiġu pprovduti mingħajr ebda sehem nazzjonali minn qabel u fuq bażi kompetittiva fil-livell tal-Unjoni, filwaqt li tiġi żgurata l-prevedibbiltà għall-investiment u jiġi segwit approċċ ta' konverġenza reġjonali bbażat fuq il-ħtiġijiet u ekwu u li jippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, b'enfasi fuq dawk it-territorji l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni klimatika. Jenħtieġ li jiġi ppubblikat rapport ta' evalwazzjoni interim sal-1 ta' Jannar 2024 biex jiġi pprovdut input fl-allokazzjoni tar-riżorsi li jifdal.

(14) Il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà u l-kriterji ta' prijoritizzazzjoni tal-għoti speċifiċi f'każ li d-domanda taqbeż ir-riżorsi ta' finanzjament skont l-allokazzjonijiet nazzjonali, jenħtieġ li jiġu stabbiliti fil-programm ta' ħidma u fis-sejħa għall-proposti. Dawk il-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà u l-kriterji ta' prijoritizzazzjoni jenħtieġ li jqisu l-kriterji rilevanti stabbiliti mit-Tassonomija tal-UE għal Investiment Sostenibbli u l-prinċipju ta' "tagħmel l-ebda ħsara sinifikanti", u l-kapaċità tal-proġett li jissodisfa l-objettivi u l-ħtiġijiet tal-iżvilupp deskritti fil-pjanijiet ta' tranżizzjoni territorjali ġusta, il-kontribuzzjoni għat-tranżizzjoni klimatika, l-adozzjoni possibbli ta' pjan ta' eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili mill-entità tas-settur pubbliku li tirrikjedi appoġġ f'perjodu ta' żmien kompatibbli mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi, il-kontribut għall-kisba tal-miri tal-Unjoni għall-klima u għall-enerġija tal-2030 u n-newtralità klimatika sal-2050, il-kosteffettività tal-proġett, l-objettiv ġenerali tal-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u l-indirizzar tal-kostijiet ekonomiċi u soċjali tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima fl-Unjoni sa mhux aktar tard mill-2050, filwaqt li jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla lura, u r-rwol tal-għotja għall-affordabbiltà tal-proġett. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru jitqiesu u jiġu promossi fil-programm ta' ħidma. L-Appoġġ tal-Unjoni stabbilit minn dan ir-Regolament għandu għalhekk ikun disponibbli biss lill-Istati Membri b'mill-inqas pjan wieħed ta' tranżizzjoni ġusta adottat. Il-programm ta' ħidma u s-sejħiet għal proposti se jqisu wkoll il-pjanijiet ta' tranżizzjoni territorjali ippreżentati mill-Istati Membri biex jiżguraw li tiġi żgurata l-koerenza u l-konsistenza fost il-pilastri differenti tal-mekkaniżmu.

(14a) Biex jiġi protett il-baġit tal-Unjoni u jiġu onorati l-valuri tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrispettaw l-Istat tad-Dritt u nuqqas ta' stat tad-dritt ġeneralizzat jista' jkun soġġett għas-sospensjoni ta' pagamenti u impenji, tnaqqis fil-finanzjament u projbizzjoni fuq il-konklużjoni ta' impenji ġodda skont ir-Regolament tal-UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri.

(14a) Fuq bażi ad-hoc u soġġett għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni, l-appoġġ tal-Faċilità jista' jingħata lir-reġjuni li għaddejjin minn kriżi kummerċjali mhux prevista b'riżultat ta' azzjonijiet li ttieħdu biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima, sabiex ikun hemm rispons xieraq għal sitwazzjonijiet ta' kriżi li jistgħu jinqalgħu fil-kuntest tat-tranżizzjoni. Dan biex jiġi żgurat li r-reġjuni jistgħu jirċievu appoġġ, anke jekk ma jkunux magħrufa minn qabel bħala reġjuni milquta.

(15) L-appoġġ taħt din il-Faċilità jenħtieġ li jiġi pprovdut biss lil proġetti li jindirizzaw il-kostijiet ekonomiċi u soċjali tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima fl-Unjoni sal-2050 u li ma jiġġenerawx fluss suffiċjenti ta' dħul proprju jew li ma jirċevux finanzjament tal-proġett bl-istess mod jew fi ħdan l-istess perjodu ta' żmien mingħajr l-element tal-appoġġ tal-għotja mill-baġit tal-Unjoni, u, għalhekk ma jkunux jistgħu jinkisbu mingħajr l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni taħt din il-Faċilità. Id-dħul proprju jenħtieġ li jikkorrispondi għal dħul, trasferimenti baġitarji għajr direttament mill-attivitajiet imwettqa mill-proġett, bħal bejgħ, tariffi jew ħlasijiet għall-użu tat-triq u bħala tfaddil inkrementali ġġenerat permezz tat-titjib tal-assi eżistenti.

(15a) Jenħtieġ li l-proġetti appoġġjati fl-ambitu ta' din il-Faċilità jkollhom l-għan li jkunu finanzjarjament vijabbli matul il-perjodu tal-proġett. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-benefiċjarji u s-sħab finanzjarji, timmonitorja l-vijabbiltà finanzjarja tal-proġetti fl-ambitu ta' din il-Faċilità fuq bażi kontinwa.

(16) Peress li l-komponent tal-għotja għandu jirrifletti l-ħtiġijiet ta' żvilupp diverġenti tar-reġjuni madwar l-Istati Membri, tali appoġġ jenħtieġ li jiġi prijoritizzat f'dawk ir-reġjuni. Meta wieħed iqis li l-entitajiet tas-settur pubbliku f'reġjuni inqas żviluppati, kif definiti fl-Artikolu 102(2) tar-Regolament [is-CPR il-ġdid], fir-reġjuni ultraperiferiċi, kif definiti fl-Artikolu 349 tat-TFUE, u f'żoni rurali, skarsament popolati u depopolati ġeneralment jesperjenzaw inqas kapaċità ta' investiment pubbliku, ir-rati tal-għotja applikati għal self ipprovdut lil tali entitajiet jenħtieġ li jkunu komparattivament ogħla.

(17) Biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tal-Faċilità, jista' jkun meħtieġ li jingħata appoġġ konsultattiv għat-tħejjija, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' proġetti. Dan l-appoġġ jenħtieġ li jiġi pprovdut permezz taċ-Ċentru tal-Konsulenza tal-InvestEU u ffinanzjat minn riżorsi mill-baġit tal-Unjoni.

 (18) Biex titħaffef l-implimentazzjoni u biex jiġi żgurat li r-riżorsi jintużaw fil-ħin, dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi salvagwardji speċifiċi li għandhom jiġu inklużi fil-ftehimiet ta' għotja. Fid-dawl ta' dak l-objettiv, il-Kummissjoni, f'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, jenħtieġ li tkun tista' tnaqqas jew ittemm kwalunkwe appoġġ tal-Unjoni f'każ ta' nuqqas serju ta' progress fl-implimentazzjoni tal-proġett. Ir-Regolament Finanzjarju jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni. Biex tiġi żgurata l-koerenza fl-implimentazzjoni ta' programmi ta' finanzjament tal-Unjoni, ir-Regolament Finanzjarju jenħtieġ li japplika għall-komponent tal-għotja u għar-riżorsi għall-appoġġ konsultattiv ipprovdut taħt din il-Faċilità.

(18a) Peress li l-effiċjenza ta' din il-Faċilità tiddependi mill-kapaċitajiet amministrattivi tal-benefiċjarji, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura li l-proġetti jkunu akkumpanjati minn sforzi ta' modernizzazzjoni u diġitalizzazzjoni fl-amministrazzjoni pubblika u fl-għoti tas-servizz komunitarju, li jsaħħu l-innovazzjoni fejn ikun meħtieġ permezz, fost oħrajn, tal-użu ta' strumenti tal-politika ta' koeżjoni.

 

(19) Skont ir-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2988/95, (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE) 2017/1939, jenħtieġ li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti permezz ta' miżuri proporzjonati, inklużi l-prevenzjoni, id-detezzjoni, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet u ta' frodi, l-irkupru ta' fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b'mod mhux korrett u fejn xieraq, l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet amministrattivi. B'mod partikolari, skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 2185/96 u r-Regolament (Euratom, KE) Nru 883/2013, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) jista' jinvestiga u jressaq każijiet ta' frodi u reati kriminali oħrajn li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Skont ir-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi tal-Unjoni għandha tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa lill-Kummissjoni, lill-OLAF u lill-UPPE fir-rigward ta' dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw f'kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), u għandha tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.

(20) Biex jiġu ssupplimentati u emendati ċerti elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, jeħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati fir-rigward tal-istabbiliment tal-kwoti nazzjonali tar-riżorsi disponibbli għal kull Stat Membru b'fattur ridistributtiv għar-reġjuni inqas żviluppati, bl-iżvilupp ta' linji gwida għall-valutazzjoni tal-impatt fuq il-ġeneru, l-iżvilupp tal-programmi ta' ħidma skont ir-Regolament Finanzjarju, l-istabbiliment tad-dettalji tal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà u l-proċeduri tal-għażla biex jintgħażlu s-sħab finanzjarji minbarra l-BEI kif ukoll l-emenda tal-elementi li jinsabu fl-Anness II ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, ukoll fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(21) Biex jiġi stabbilit qafas finanzjarju xieraq għall-komponent ta' għotja ta' din il-Faċilità wara l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027, jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE  biex tistabbilixxi l-allokazzjonijiet nazzjonali disponibbli espressi bħala kwoti tal-pakkett finanzjarju ġenerali tal-Faċilità għal kull Stat Membru skont il-metodoloġija stabbilita fl-Anness I tar-Regolament [ir-Regolament dwar il-JTF]. Is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jingħataw mingħajr il-proċeduri ta' komitoloġija minħabba li l-kwoti jiġu direttament mill-applikazzjoni ta' metodoloġija ta' kalkolu definita minn qabel.

(22) L-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-ingranaġġ tal-investiment pubbliku fit-territorji, l-aktar milquta mit-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u ekonomija ċirkolari billi jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-iżvilupp korrispondenti, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom. Ir-raġunijiet ewlenin f'dan ir-rigward huma d-diffikultajiet biex l-entitajiet pubbliċi jappoġġaw biss l-investimenti li ▌jibbenefikaw minnhom it-territorji l-aktar milquta mit-tranżizzjoni klimatika u li ma jiġġenerawx biżżejjed flussi ta' dħul proprju mingħajr l-appoġġ tal-UE, u l-ħtieġa ta' qafas ta' implimentazzjoni koerenti taħt ġestjoni diretta. Billi dawn l-objettivi jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT

KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jipprevedi l-faċilità ta' self għas-settur pubbliku (il-"Faċilità") bħala appoġġ għall-entitajiet tas-settur pubbliku billi jgħaqqad l-għotjiet mill-baġit tal-Unjoni ma' self mogħti mis-sħab finanzjarji f'konformità mar-regoli, il-politiki u l-proċeduri ta' self tagħhom, u jistabbilixxi l-objettivi tal-Faċilità. Jistabbilixxi wkoll ir-regoli għall-komponent tal-għotjiet ta' għajnuna mill-Unjoni mogħtija taħt din il-Faċilità li jkopru b'mod partikolari l-baġit tagħha għall-perjodu 2021-2027, il-forom ta' appoġġ tal-Unjoni u d-dispożizzjonijiet dwar l-eliġibbiltà.

Il-Faċilità għandha tipprovdi appoġġ għall-benefiċċju tat-territorji tal-Unjoni li jiffaċċjaw sfidi soċjali, ambjentali u ekonomiċi serji li jirriżultaw mill-proċess ta' tranżizzjoni lejn il-miri tal-Unjoni għall-klima u l-enerġija għall-2030, kif stabbiliti fir-Regolament (UE)…/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1999 (il-Liġi Ewropea dwar il-Klima)], u ekonomija ċirkolari u newtrali għall-klima fl-Unjoni sa mhux aktar tard mill-2050. Il-benefiċjarji taħt din il-Faċilità għandhom jikkonformaw mal-valuri fundamentali tal-Unjoni bbażati fuq it-Trattat.

Artikolu 2
Definizzjonijiet

 Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1. "ftehim amministrattiv" tfisser l-istrument legali li jistabbilixxi l-qafas ta' kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u s-sieħeb finanzjarju li jistabbilixxi l-kompiti u r-responsabbiltajiet rispettivi għall-implimentazzjoni tal-Faċilità skont id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament;

2. "benefiċjarju" tfisser entità legali tas-settur pubbliku stabbilita fi Stat Membru bħala korp tal-liġi pubblika, jew bħala korp irregolat mil-liġi privata inkarigati b'missjoni tas-servizz pubbliku, jew intrapriża tal-Istat, intrapriża proprjetà ta' awtorità lokali jew reġjonali, li magħha jkun ġie ffirmat ftehim ta' għotja permezz tal-Faċilità;

3. "sħab finanzjarji" tfisser il-BEI, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra, banek promozzjonali nazzjonali u istituzzjonijiet finanzjarji inklużi dawk privati, li magħhom il-Kummissjoni tiffirma ftehim amministrattiv biex tikkoopera permezz tal-Faċilità;

4. "proġett" tfisser kwalunkwe azzjoni identifikata mill-Kummissjoni bħala eliġibbli, finanzjarjament u teknikament indipendenti, li għandha objettiv predefinit u perjodu stabbilit li matulu trid tiġi implimentata u ffinalizzata, filwaqt li proġetti li jkunu diġà mibdija, imma li ma setgħux jitkomplew minħabba nuqqas ta' riżorsi finanzjarji, jistgħu wkoll ikunu eliġibbli taħt din il-Faċilità;

5 "pjan territorjali ta' tranżizzjoni ġusta" tfisser pjan stabbilit skont l-Artikolu 7 tar-Regolament [ir-Regolament dwar il-JTF], imħejji flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali rilevanti tat-territorji kkonċernati u li fuqu s-sħab soċjali, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tas-settur privat ikunu ġew ikkonsultati, f'konformità mal-prinċipju ta' sħubija imniżżel fl-Artikolu [6] tar-Regolament (UE) … /… [is-CPR il-ġdid], u approvat mill-Kummissjoni;

6. "skema ta' self" tfisser self mogħti lil benefiċjarju minn sħab finanzjarji bil-għan li tiġi ffinanzjata ġabra ta' diversi proġetti identifikati minn qabel taħt il-Faċilità;

6a. "prinċipju ta' addizzjonalità" tfisser l-appoġġ għal proġetti li ma jiġġenerawx biżżejjed flussi ta' dħul proprju biex ikopru l-ispejjeż ta' investiment u jiżguraw finanzjament bl-istess mod jew fi ħdan l-istess skeda ta' żmien mingħajr l-element ta' appoġġ fil-forma ta' għotjiet mill-baġit tal-Unjoni, f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 209(2) tar-Regolament Finanzjarju, u li jikkontribwixxu għall-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3
Objettivi

1. L-objettiv ġenerali tal-Faċilità huwa li tindirizza l-isfidi soċjoekonomiċi serji li jirriżultaw mill-proċess ta' tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima għall-benefiċċju tat-territorji tal-Unjoni identifikati fil-pjanijiet territorjali ta' tranżizzjoni ġusta mħejjijin mill-Istati Membri skont l-Artikolu 7 tar-Regolament [ir-Regolament dwar il-JTF] u li tikkontribwixxi għall-objettivi ta' politika tal-Unjoni, b'mod partikolari l-miri tal-Unjoni għall-klima u l-enerġija għall-2030 u t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima fl-Unjoni sa mhux aktar tard mill-2050, f'konformità mal-impenji tal-Unjoni skont l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi u l-objettivi tal-Unjoni u billi tirrispondi għall-ħtieġa li tissaħħaħ il-kompetittività u jiġi żgurat li t-tranżizzjoni tnaqqas l-inugwaljanzi, toħloq effett net fuq l-impjiegi flimkien mad-Drittijiet Soċjali tal-Pilastru Ewropew u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

2. Il-Faċilità għandu jkollha l-objettiv speċifiku li żżid l-investimenti tas-settur pubbliku, li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-iżvilupp għar-reġjuni identifikati fil-pjanijiet territorjali ta' tranżizzjoni ġusta, billi tiffaċilita l-finanzjament ta' proġetti li ma jiġġenerawx biżżejjed fluss ta' dħul proprju biex ikopru l-ispejjeż tal-investiment fit-tifsira tal-prinċipju ta' addizzjonalità kif imsemmi fil-punt (6a) tal-Artikolu 2.

3. Fit-twettiq tal-objettiv speċifiku msemmi fil-paragrafu 2, dan ir-Regolament jippermetti wkoll l-għoti ta' appoġġ konsultattiv għat-tħejjija, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' proġetti eliġibbli meta meħtieġ, inkluż fl-istadju tal-applikazzjoni tal-proġett. Dan l-appoġġ konsultattiv għandu jiġi pprovdut skont ir-regoli u l-metodi ta' implimentazzjoni għaċ-Ċentru ta' Konsulenza ta' InvestEU stabbilit bl-Artikolu [20] tar-Regolament [ir-Regolament dwar InvestEU].

[Artikolu 4
Baġit

1. Mingħajr preġudizzju għal riżorsi addizzjonali allokati fil-baġit tal-Unjoni għall-perjodu 2021-2027, il-komponent tal-għotja ta' appoġġ ipprovdut taħt din il-Faċilità, inkluż l-appoġġ konsultattiv għat-tħejjija, l-iżvilupp, u l-implimentazzjoni tal-proġetti, għandu jiġi ffinanzjat minn riżorsi mill-baġit tal-Unjoni li jammontaw għal EUR 1 760 000 000 fi prezzijiet kurrenti. ▌▌▌

3. Ir-riżorsi msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu kkomplementati mill-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri, minn pajjiżi terzi u minn korpi mhux tal-Unjoni. Dawn ir-riżorsi għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern skont it-tifsira tal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju. ▌

5. Ammont sa 2 % tar-riżorsi msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jintużaw għall-assistenza teknika u amministrattiva biex tiġi implimentata l-Faċilità, bħal attivitajiet preparatorji, ta' monitoraġġ, ta' kontroll, ta' awditu u ta' evalwazzjoni inklużi sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni korporattiva, kif ukoll infiq u tariffi amministrattivi tas-sħab finanzjarji. Ammonti akbar ta' assistenza teknika u amministrattiva jistgħu jsiru disponibbli fuq talba lill-benefiċjarji li għandhom kapaċitajiet amministrattivi aktar baxxi f'termini ta' tagħmir teknoloġiku, persunal u infrastruttura.

6. Ir-riżorsi inklużi f'dawk imsemmijin fil-paragrafu 1, li jammontaw sa EUR 50 000 000, għandhom jiġu pprovduti għall-attivitajiet stabbiliti fl-Artikolu 3(3).

7. L-impenji baġitarji għal azzjonijiet li jkunu ta' aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jinqasmu fuq diversi snin fi ħlasijiet parzjali annwali.

Artikolu 4a

Aċċess għar-riżorsi

L-aċċess għall-Faċilità għandu jkun jiddependi mill-adozzjoni ta' objettiv nazzjonali lejn il-kisba tan-newtralità klimatika sal-2050. Għal dawk l-Istati Membri li għadhom ma impenjawx ruħhom favur mira nazzjonali ta' newtralità klimatika, għandhom jiġu rilaxxati biss 50 % tal-allokazzjoni nazzjonali tagħhom, filwaqt li l-50 % li jifdal ikunu disponibbli ladarba jkunu adottaw dik il-mira.

KAPITOLU II
L-APPOĠĠ TAL-UNJONI

Artikolu 5
Forom ta' appoġġ mill-Unjoni u metodi ta' implimentazzjoni

1. L-appoġġ tal-Unjoni pprovdut permezz tal-Faċilità għandu jiġi pprovdut fil-forma ta' għotjiet skont it-Titolu VIII tar-Regolament Finanzjarju.

2. L-appoġġ tal-Unjoni pprovdut permezz tal-Faċilità għandu jiġi implimentat b'ġestjoni diretta skont ir-Regolament Finanzjarju.

3. Il-Kummissjoni tista' tiddelega s-setgħat lill-aġenziji eżekuttivi biex timplimenta l-kompiti ta' appoġġ tal-Unjoni taħt il-Faċilità, skont l-Artikolu 69 tar-Regolament Finanzjarju sabiex il-Faċilità tkun effiċjenti u ġestita bl-aqwa mod.

Artikolu 6
Disponibbiltà ta' riżorsi

1. Ir-riżorsi msemmija fl-Artikolu 4(1), wara t-tnaqqis ta' dispożizzjoni għan-nefqa teknika u amministrattiva msemmija fl-Artikolu 4(5), għandhom jintużaw biex jiġu ffinanzjati proġetti skont il-paragrafi 2 u 3.

2. Għal għotjiet mogħtija skont sejħiet għal proposti mnedija mhux aktar tard mit-tul ta' żmien tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QTF) 2021-2027, l-appoġġ mill-Unjoni mogħti għal proġetti eliġibbli fi Stat Membru ma għandux jaqbeż il-kwoti nazzjonali stabbiliti fid-deċiżjoni li għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 4. 

3. Għal għotjiet mogħtija skont sejħiet għal proposti mnedija mill-1 ta' Jannar 2028, l-appoġġ tal-Unjoni għal proġetti eliġibbli għandu jingħata mingħajr l-ebda sehem nazzjonali preallokat u fuq bażi kompetittiva fil-livell tal-Unjoni, sakemm ir-riżorsi li jifdal jiġu eżawriti. L-għoti ta' dawn l-għotjiet għandu jagħti attenzjoni speċjali lir-reġjuni inqas żviluppati kif imsemmi fl-Artikolu [102(2)] tar-Regolament .../... [is-CPR il-ġdid] u jqis il-ħtieġa li tiġi żgurata l-prevedibbiltà tal-investiment u l-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

4. Il-Kummissjoni għandha tadotta ▌att delegat skont l-Artikolu 17 li jistabbilixxi l-kwoti rispettivi għal kull Stat Membru li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-metodoloġija stabbilita fl-Anness I tar-Regolament [ir-Regolament dwar il-JTF] u l-applikazzjoni ta' fattur ridistributtiv li jqis il-ħtiġijiet tar-reġjuni inqas żviluppati kif imsemmi fl-Artikolu [102(2)] tar-Regolament .../... [is-CPR il-ġdid] fil-forma ta' perċentwali tar-riżorsi totali disponibbli msemmija fl-Artikolu 4(1) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 7
Ftehimiet amministrattivi mas-sħab finanzjarji

Il-Kummissjoni u s-sieħeb finanzjarju għandhom jiffirmaw ftehim amministrattiv qabel ma tiġi implimentata l-Faċilità mas-sieħeb finanzjarju msemmi. Il-ftehim għandu jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi rispettivi ta' kull parti fil-ftehim, inkluż dwar arranġamenti ta' awditjar u ta' komunikazzjoni.

 

KAPITOLU III
ELIĠIBBILTÀ

Artikolu 8
Proġetti eliġibbli

1. Huma biss dawk il-proġetti li jikkontribwixxu għall-objettivi msemmija fl-Artikolu 3 u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti hawn taħt li għandhom ikunu eliġibbli għall-appoġġ mill-Unjoni permezz tal-Faċilità:

(a) il-proġetti juru li jkollhom impatt ċar u li jista' jitkejjel u jinkludu, fejn xieraq, indikaturi tal-output meta jindirizzaw l-isfidi soċjali, ekonomiċi, ġeografiċi jew ambjentali serji li jirriżultaw mill-proċess ta' tranżizzjoni lejn il-miri l-ġodda tal-Unjoni għall-klima u l-enerġija għall-2030 u ekonomija ċirkolari u newtrali għall-klima fl-Unjoni sa mhux aktar tard mill-2050 u jikkontribwixxu għall-objettivi u l-ħtiġijiet tat-territorji identifikati fil-pjan territorjali ta' tranżizzjoni ġusta, anke jekk ma jkunux jinsabu f'dawn it-territorji;

(b) il-proġetti ma jirċievu l-ebda appoġġ taħt l-ebda programm ieħor tal-Unjoni għall-istess attivitajiet;

(c) il-proġetti jirċievu self mis-sieħeb finanzjarju permezz tal-Faċilità; ▌

(d) il-proġetti jikkonformaw mal-prinċipju ta' addizzjonalità kif imsemmi fil-punt (6a) tal-Artikolu 2.

(e) il-proġetti jkunu ġew soġġetti għal valutazzjoni tal-impatt fuq il-ġeneru; kif ukoll

(f) il-proġetti ma jikkawżawx ħsara sinifikanti lil wieħed jew aktar mill-objettivi ambjentali msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 2020/852.

1a. B'deroga mill-punt (b) tal-paragrafu 1, il-proġetti li jirċievu appoġġ mill-Unjoni fil-qafas tal-Faċilità jistgħu jirċievu wkoll appoġġ fil-forma ta' għajnuna konsultattiva u teknika għat-tħejjija, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tagħhom minn programmi oħra tal-Unjoni.

1b. Il-Faċilità ma għandhiex tappoġġja attivitajiet li jfixklu l-iżvilupp u l-użu ta' alternattivi b'livell baxx ta' karbonju jew li, fuq żmien fit-tul, iwasslu għal lock-in ta' assi b'intensità qawwija ta' karbonju u li jimminaw il-kisba tal-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni.

 Il-Faċilità m'għandhiex tappoġġja attivitajiet esklużi skont l-Artikolu [5] tar-Regolament (UE) .../... [Ir-Regolament JTF]

1c. Sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta' din il-Faċilità, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami tal-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà deskritti f'dan l-Artikolu sabiex tivvaluta l-impatt tagħhom fuq l-objettivi ambjentali msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2020/852. Bħala parti minn dak ir-rieżami, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet jeħtiġux li jiġu aġġornati biex japplikaw b'mod xieraq il-prinċipju "la tagħmilx ħsara" u kriterji rilevanti oħra stabbiliti mir-Regolament (UE) 2020/852 [ir-Regolament dwar it-Tassonomija] u tieħu l-azzjoni meħtieġa.

1d. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati bi qbil mal-Artikolu 17 biex tissupplimenta dan l-Artikolu billi tistabbilixxi l-linji gwida dwar kif għandha titwettaq il-valutazzjoni tal-impatt imsemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1 u biex tispeċifika l-kontenut u l-format tal-informazzjoni u d-data li għandhom jiġu pprovduti. Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa dawn il-linji gwida f'kooperazzjoni mas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u wara konsultazzjoni mal-esperti u l-partijiet ikkonċernati rilevanti, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet nazzjonali tan-nisa mill-Istati Membri, u għandha tipprevedi dispożizzjonijiet simplifikati bil-għan li tevita li jkun hemm piż amministrattiv eċċessiv jew dewmien fil-proċess tal-għażla.

Artikolu 9
Persuni u entitajiet eliġibbli

Minkejja l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 197 tar-Regolament Finanzjarju, l-entitajiet legali tas-settur pubbliku biss li huma stabbiliti fi Stat Membru bħala korp irregolat bil-liġi pubblika, jew bħala korp irregolat mil-liġi privata inkarigat b'missjoni ta' servizz pubbliku, huma eliġibbli biex japplikaw bħala benefiċjarji potenzjali skont dan ir-Regolament.

KAPITOLU IV
GĦOTJIET

Artikolu 10
Għotjiet

1. L-għotjiet għandhom jieħdu l-forma ta' finanzjament mhux marbut ma' kostijiet f'konformità mal-Artikolu 125(1)(a) tar-Regolament Finanzjarju.

2. L-ammont tal-għotja ma għandux jaqbeż il-15 % tal-ammont tas-self ipprovdut mis-sieħeb finanzjarju permezz ta' din il-Faċilità. Għal proġetti li jinsabu f'territorji f'reġjuni ta' livell NUTS 2 b'PDG per capita li ma jaqbiżx il-75 % tal-medja tal-PDG tal-UE-27, kif imsemmi fl-Artikolu [102(2)] tar-Regolament [is-CPR il-ġdid], l-ammont tal-għotja ma għandux jaqbeż il-25 % tal-ammont tas-self ipprovdut mis-sieħeb finanzjarju.

3. Il-pagamenti ta' għotja aġġudikata jistgħu jinqasmu f'diversi pagamenti marbuta mal-progress fl-implimentazzjoni kif stabbilit fil-ftehim ta' għotja.

Artikolu 11
Tnaqqis jew terminazzjoni tal-għotjiet

1. Minbarra r-raġunijiet speċifikati fl-Artikolu 131(4) tar-Regolament Finanzjarju u wara li jiġi kkonsultat is-sieħeb finanzjarju, l-ammont tal-għotja jista' jitnaqqas jew il-ftehim ta' għotja jista' jiġi tterminat, jekk fi żmien sentejn mid-data tal-iffirmar tal-ftehim ta' għotja, ma jkunx ġie ffirmat il-kuntratt għall-provvisti, x-xogħlijiet jew is-servizzi l-aktar ekonomikament sinifikanti, f'każijiet fejn il-konklużjoni ta' dan il-kuntratt tkun prevista skont il-ftehim ta' għotja.

2. Meta l-appoġġ tal-Unjoni jkun ikkombinat ma' skemi ta' self u meta kuntratti ta' provvista, xogħlijiet jew servizzi ma jkunux previsti, il-paragrafu 1 ma għandux japplika.

F'tali każijiet u wara konsultazzjoni mas-sieħeb finanzjarju, l-ammont tal-għotja jista' jitnaqqas jew il-ftehim tal-għotja jista' jiġi tterminat, u kwalunkwe ammont relatat imħallas jista' jiġi rkuprat, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim tal-għotja.

KAPITOLU V
SERVIZZI TA' APPOĠĠ KONSULTATTIV

Artikolu 12
Servizzi ta' appoġġ konsultattiv

1. L-appoġġ konsultattiv skont dan ir-Regolament għandu jiġi implimentat b'ġestjoni diretta, f'konformità mar-regoli u l-metodi ta' implimentazzjoni għaċ-Ċentru ta' Konsulenza ta' InvestEU stabbilit bl-Artikolu [20] tar-Regolament [ir-Regolament dwar InvestEU].

2. L-attivitajiet meħtieġa biex jappoġġjaw it-tħejjija, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-proġetti għandhom ikunu eliġibbli għall-appoġġ konsultattiv u ffinanzjati skont l-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament.

KAPITOLU VI
PROGRAMMAR, MONITORAĠĠ, EVALWAZZJONI U KONTROLL

Artikolu 13
Programmi ta' ħidma

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 17 biex tissupplimenta dan l-Artikolu billi tistabbilixxi programmi ta' ħidma ▌skont l-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju. Dawk il-programmi ta' ħidma għandhom jispeċifikaw il-kriterji u l-kundizzjonijiet għall-għażla u, f'każ li d-domanda taqbeż ir-riżorsi ta' finanzjament skont l-allokazzjonijiet nazzjonali, għall-prijoritizzazzjoni tal-proġetti, filwaqt li jqisu l-kriterji rilevanti stabbiliti mir-Regolament (UE) 2020/852 [ir-Regolament dwar it-Tassonomija], il-kapaċità tal-proġett li jilħaq l-objettivi u jissodisfa l-ħtiġijiet identifikati fil-pjanijiet territorjali ta' tranżizzjoni ġusta, il-kontribut għat-tranżizzjoni klimatika, filwaqt li jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa' lura, l-adozzjoni possibbli ta' pjan ta' dekarbonizzazzjoni mill-entitajiet tas-settur privat li jitolbu l-finanzjament, inklużi d-dati għall-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili skont kalendarju li jkun kompatibbli mal-miri tal-Ftehim ta' Pariġi, kif ukoll l-objettiv ġenerali li tiġi promossa l-konverġenza reġjonali u territorjali u l-kontribuzzjoni tal-għotja għall-vijabbiltà tal-proġetti. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru jitqiesu u jiġu promossi fil-programm ta' ħidma.

Il-programmi ta' ħidma għandhom jistabbilixxu l-ishma nazzjonali tar-riżorsi, inkluża kwalunkwe riżorsa addizzjonali, għal kull Stat Membru skont l-Artikoli 4(1) u 6(2) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 13a
Għażla ta' sħab finanzjarji minbarra l-BEI

1. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 17 biex tissupplimenta dan l-Artikolu sabiex tistabbilixxi d-dettalji tal-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà u l-proċeduri ta' għażla għal sħab finanzjarji minbarra l-BEI.

2. Il-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà għas-sħab finanzjarji minbarra l-BEI għandhom jirrifflettu l-objettivi tal-Faċilità.

3. B'mod partikolari, meta tagħżel is-sħab finanzjarji, il-Kummissjoni għandha tqis il-kapaċità tagħhom li:

(a) jiżguraw li l-politika u l-istandards tas-self għall-enerġija tagħhom ikunu komparabbli ma' dawk applikati mill-BEI fir-rigward ta' din il-Faċilità;

(b) jimmassimizzaw l-impatt tal-garanzija tal-Unjoni permezz tar-riżorsi proprji;

(c) jiżguraw diversifikazzjoni ġeografika xierqa tal-Faċilità u jippermettu l-finanzjament ta' proġetti iżgħar;

(d) jimplimentaw bir-reqqa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 155(2) u 155(3) tar-Regolament Finanzjarju fir-rigward tal-evitar tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, il-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u l-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx;

(e) jiżguraw it-trasparenza u l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni rigward kull proġett;

(f) jiżguraw il-konsistenza tal-politika tas-self tagħhom mal-miri tal-Unjoni għall-2030 għall-klima u l-enerġija u l-objettiv ta' ekonomija newtrali għall-klima fl-Unjoni sal-2050; kif ukoll

(g) jintegraw l-analiżi tal-fatturi ambjentali, klimatiċi, soċjali u ta' governanza fl-għażla u fl-evalwazzjoni tal-proġetti.

4. Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-riżultati tal-għażla.

 

Artikolu 14
Monitoraġġ u rappurtar

1. L-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li jżommu taħt monitoraġġ l-implimentazzjoni u l-progress tal-Faċilità fir-rigward tal-kisba tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 huma stabbiliti fl-Anness II.

2. Is-sistema tar-rappurtar dwar il-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data li tirrigwarda l-indikaturi msemmija fil-paragrafu 1 tinġabar b'mod effiċjenti, effettiv u fil-ħin. Il-benefiċjarji u s-sħab finanzjarji għandhom jipprovdu d-data lill-Kummissjoni dwar dawn l-indikaturi.

2a. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità f'konformità mal-Artikolu 250 tar-Regolament Finanzjarju. Dak ir-rapport għandu jipprovdi informazzjoni dwar ir-riżultati u l-impatt tal-Faċilità fir-rigward tal-objettivi u l-indikaturi ta' prestazzjoni tagħha, b'mod partikolari l-kontribut tagħha biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta' tranżizzjoni u l-objettivi tas-sostenibbiltà tal-UE inkluż l-impatt tagħha fuq il-klima, l-ambjent, id-dimensjoni soċjali u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, bl-applikazzjoni, meta jkun rilevanti, tal-kriterji tat-tassonomija tal-Unjoni stabbilita bir-Regolament (UE) 2020/852. Għal dak il-għan, is-sħab finanzjarji u l-benefiċjarji għandhom jipprovdu fuq bażi annwali l-informazzjoni u d-data kollha meħtieġa u jirrapportaw regolarment lill-Kummissjoni dwar il-progress lejn il-kisba tal-indikaturi tal-output skont l-Artikolu 8.

3. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 17 biex temenda l-Anness II billi tbiddel l-indikaturi msemmijin fil-paragrafu 1.

Artikolu 15
Evalwazzjoni

1. L-evalwazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità u l-kapaċità tagħha li tilħaq l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 għandhom jitwettqu b'mod f'waqtu biżżejjed biex jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

2. L-evalwazzjoni interim tal-Faċilità għandha titwettaq sal-1 ta' Jannar 2024 u għandha tiġi ppreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, meta jkun mistenni li jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità. L-evalwazzjoni għandha turi b'mod partikolari kif l-appoġġ tal-Unjoni pprovdut permezz tal-Faċilità jkun ikkontribwixxa biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tat-territorji li jimplimentaw il-pjanijiet territorjali ta' tranżizzjoni ġusta, speċjalment fir-rigward tal-addizzjonalità.

3. Fi tmiem il-perjodu ta' implimentazzjoni u sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2031, il-Kummissjoni għandha tressaq quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rapport ta' evalwazzjoni indipendenti finali dwar ir-riżultati u l-impatt fit-tul tal-Faċilità. Is-sħab finanzjarji u l-benefiċjarji għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni d-dokumenti u l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tkun tista' twettaq dik l-evalwazzjoni.

3a. Kemm fl-evalwazzjoni interim kif ukoll f'dik finali, il-Kummissjoni għandha tivvaluta kif l-appoġġ tal-Unjoni pprovdut fil-qafas tal-Faċilità kkontribwixxa biex jintlaħqu l-objettivi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-objettivi tal-politika ta' sostenibbiltà tal-Unjoni, b'mod partikolari l-miri l-ġodda tal-Unjoni għall-2030 għall-klima u l-enerġija kif stabbiliti fir-Regolament (UE).../... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [li jistabbilixxi l-qafas għall-kisba tan-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1999 (il-Liġi Ewropea dwar il-Klima), u t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u newtrali għall-klima fl-Unjoni sa mhux aktar tard mill-2050, filwaqt li tapplika, fejn ikun rilevanti, it-tassonomija tal-Unjoni kif stabbilita bir-Regolament (UE) 2020/852 [Ir-Regolament dwar it-Tassonomija].

Artikolu 16
Awditi

1. L-awditi dwar l-użu tal-appoġġ tal-Unjoni mogħti permezz tal-Faċilità li jitwettaq minn persuni jew minn entitajiet, inklużi oħrajn apparti dawk imqabbda mill-Istituzzjonijiet jew mill-korpi tal-Unjoni, għandhom jiffurmaw il-bażi tal-garanzija kumplessiva skont l-Artikolu 127 tar-Regolament Finanzjarju.

2. Is-sħab finanzjarji u l-benefiċjarji għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni u lil kull awditur nnominat id-dokumenti kollha disponibbli li huma meħtieġa biex dawn iż-żewġ awtoritajiet iwettqu l-obbligi tagħhom.

2a. L-awditi esterni dwar l-użu tal-appoġġ tal-Unjoni mogħti permezz tal-Faċilità għandhom jitwettqu mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 287 tat-TFUE. Il-Qorti tal-Awdituri għandha toħroġ rapport speċjali dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità ladarba r-rata tal-implimentazzjoni tal-proġetti ffinanzjati tilħaq mill-anqas 60 %, iżda sa mhux aktar tard minn.... [daħħal id-data ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament]. Is-sħab finanzjarji u l-benefiċjarji għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri d-dokumenti jew l-informazzjoni kollha disponibbli li huma meħtieġa biex dawn iż-żewġ awtoritajiet iwettqu l-obbligi tagħhom.

Artikolu 17
Eżerċizzju ta' delega

1. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikoli 6, 8, 13, 13a u 14 għandha tingħata lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2028.

3. Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikoli 6, 8, 13, 13a u 14 tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

KAPITOLU VII
DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI

Artikolu 18
Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità

-1a. Is-sħab finanzjarji għandhom jiżvelaw l-informazzjoni finanzjarja kollha rilevanti u kwalunkwe informazzjoni mhux finanzjarja importanti predefinita oħra relatata ma' kull proġett iffinanzjat u għandhom jagħmlu dik l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tagħhom wara l-iffirmar tas-self jew tal-iskema ta' self rilevanti, kif ikun applikabbli.

 Tali informazzjoni li għandha ssir disponibbli għall-pubbliku m'għandhiex tinkludi informazzjoni kummerċjalment sensittiva jew data personali li m'għandhomx jiġu żvelati skont il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

1. Il-benefiċjarji u s-sħab finanzjarji għandhom jiżguraw, sal-ogħla livell possibbli u f'konformità mar-regoli, il-politiki u l-proċeduri tagħhom, li l-appoġġ tal-Unjoni pprovdut permezz tal-Faċilità jkun viżibbli, b'mod partikolari meta jippromwovu l-proġetti u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata lil diversi udjenzi, inkluż lill-midja u lill-pubbliku.

1a. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-opinjonijiet li ħarġet dwar il-proġetti magħżula fil-qafas ta' din il-Faċilità lill-Parlament Ewropew f'konformità mal-Anness II tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni.

2. Il-Kummissjoni għandha twettaq azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni dwar il-Faċilità, tiżgura t-trasparenza u l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni dwar il-proġetti ffinanzjati u r-riżultati tagħhom u għandha tevalwa l-effettività tal-messaġġi. Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Faċilità għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva dwar il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawn ikunu relatati mal-objettivi msemmijin fl-Artikolu 3. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li tiġi organizzata kampanja ta' komunikazzjoni effettiva fil-bidu tal-proċess tal-għażla u li l-informazzjoni dwar is-sejħiet għal proposti ssir disponibbli b'mod dirett għall-awtoritajiet pubbliċi kollha madwar l-UE. Għandha wkoll tiġi promossa b'mod attiv informazzjoni dwar l-appoġġ tekniku u amministrattiv ipprovdut lill-applikanti. Il-Kummissjoni għandha taġġorna b'mod regolari u tippubblika l-lista ta' proġetti li jkunu ntgħażlu jew ġew miċħuda fl-ambitu ta' din il-Faċilità bid-deskrizzjoni tal-kriterji speċifiċi għall-aċċettazzjoni jew iċ-ċaħda.

Artikolu 19
Dispożizzjonijiet tranżitorji

Fejn ikun meħtieġ, l-approprjazzjonijiet jistgħu jiddaħħlu fil-baġit wara l-2027 biex ikopru l-ħlas ta' pagamenti għall-għotjiet ta' appoġġ mill-Unjoni, previsti skont l-Artikolu 6(2), biex jippermettu l-ġestjoni ta' azzjonijiet li ma jkunux tlestew sal-31 ta' Diċembru 2027.

Artikolu 20
Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ […] [fl-għoxrin] jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

 


ANNESS II

Indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni[11]

1. Volum ta' għotjiet mogħtija

2. Volum ta' self iffirmat 

2.1 Self individwali

2.2 Skemi ta' self

3. Investiment totali mobilizzat, maqsum kif ġej:

3.1 Ammont ta' finanzjament privat mobilizzat

3.2 Ammont ta' finanzjament pubbliku mobilizzat

4. Numru ta' proġetti li jirċievu appoġġ, inkluża l-kopertura ġeografika

4.1 Pajjiż

4.2 Reġjun ta' NUTS 2

4.3 Territorju tat-tranżizzjoni ġusta appoġġjat  

5. Numru ta' proġetti li qed jirċievu finanzjament taħt il-Faċilità

6. Numru ta' proġetti skont is-settur

6.1 Trasport

6.2 Infrastruttura soċjali

6.3 Utilitajiet pubbliċi (l-ilma, l-ilma mormi, it-tisħin distrettwali, l-enerġija, il-ġestjoni tal-iskart)

6.4 Appoġġ dirett għat-tranżizzjoni klimatika, id-dekarbonizzazzjoni (enerġija rinnovabbli, effiċjenza fl-enerġija) u objettivi ambjentali oħra

6.5 Protezzjoni ambjentali

 6.6 Infrastruttura urbana (inkluża l-akkomodazzjoni)

 6.6.a Il-kwalità tal-akkomodazzjoni (inkluża l-effiċjenza fl-enerġija)

 6.7 Pajjiżi oħrajn

7. Emissjonijiet tal-gass b'effett serra mnaqqsa, fejn ikunu rilevanti

7a. L-impjieg u r-rata tal-qgħad

7b. Ir-rata ta' depopolazzjoni

7c. Popolazzjoni ta' reġjuni/territorji li jibbenefikaw minn proġetti li jitwettqu fl-ambitu tal-Faċilità

 


 

 

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Novembru 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza