RAPPORT Lejn suq uniku aktar sostenibbli għall-impriżi u l-konsumaturi
3.11.2020 - (2020/2021(INI))
Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
Rapporteur: David Cormand
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
Lejn suq uniku aktar sostenibbli għall-impriżi u l-konsumaturi (2020/2021(INI))
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
wara li kkunsidra l-Artikoli 169, 191, 192 u 193 tat-TFUE,
wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern[1],
wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur[2],
wara li kkunsidra d-Direttiva 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta' oġġetti[3],
wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Ġunju 2018 li jistabbilixxi l-Programm għas-suq uniku, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, u għall-istatistika Ewropea (COM(2018)0441),
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti[4],
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 bit-titolu "Il-Patt Ekoloġiku Ewropew" (COM(2019)0640),
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 bit-titolu "Strateġija Ewropea għad-data" (COM(2020)0066),
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari – Għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva" (COM(2020)0098),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 bit-titolu "Ħajja itwal għall-prodotti: benefiċċji għall-konsumaturi u l-kumpaniji"[5],
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 bit-titolu "L-implimentazzjoni tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari: alternattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart"[6],
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew[7],
wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni ta' Ottubru 2018 bit-titolu "Behavioural Study on Consumers' Engagement in the Circular Economy" (Studju ta' Mġiba dwar l-Involviment tal-Konsumaturi fl-Ekonomija Ċirkolari),
wara li kkunsidra r-rapport taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-2019 bit-titolu "Analysis and development of a scoring system for repair and upgrade of products" (Analiżi u żvilupp ta' sistema ta' punteġġ għat-tiswija u l-modernizzazzjoni tal-prodotti),
wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tal-4 ta' Diċembru 2019 bit-titolu "The European environment – state and outlook 2020" (L-ambjent Ewropew – l-istat u l-prospetti 2020),
wara li kkunsidra l-istudju mwettaq f'Marzu 2020 fuq talba tal-Kumitat tiegħu għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur bit-titolu "Promoting product longevity" (Il-promozzjoni tal-lonġevità tal-prodotti),
wara li kkunsidra l-analiżi dettaljata mwettqa f'April 2020 fuq talba tal-Kumitat tiegħu għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bit-titolu "Sustainable Consumption and Consumer Protection Legislation" (Leġiżlazzjoni dwar il-Konsum Sostenibbli u l-Ħarsien tal-Konsumatur),
wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju Ewropew tal-Għaqdiet tal-Konsumaturi (BEUC) tat-18 ta' Awwissu 2015 bit-titolu "Durable goods: More sustainable products, better consumer rights – Consumer expectations from the EU's ressource efficiency and circular economy agenda" (Oġġetti durabbli: prodotti aktar sostenibbli, drittijiet aħjar tal-konsumatur – L-aspettattivi tal-konsumatur mill-effiċjenza tar-riżorsi u l-aġenda tal-ekonomija ċirkolari tal-UE),
wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A9-0209/2020),
A. billi quddiem l-iskarsezza tar-riżorsi naturali u l-proliferazzjoni tal-iskart, jeħtieġ li jiġu stabbiliti skemi sostenibbli ta' produzzjoni u ta' konsum li jqisu l-konfini tal-pjaneta, bl-użu aktar effettiv u sostenibbli tar-riżorsi tagħna bħala prijorità;
B. billi l-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 uriet il-ħtieġa li jiġu stabbiliti mudelli kummerċjali ġodda u aktar reżiljenti u li jiġu appoġġjati n-negozji Ewropej, speċjalment l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), il-mikrointrapriżi u dawk li jaħdmu għal rashom;
C. billi suq uniku sostenibbli jrid jirrifletti t-talba tal-Parlament[8] għall-adozzjoni ta' Patt Ekoloġiku Ewropew ambizzjuż; billi għalhekk huwa essenzjali li tiġi żviluppata strateġija bbażata fuq ir-riċerka biex jiżdiedu d-durabbiltà, l-użu mill-ġdid, it-titjib fil-kwalità u l-possibbiltà ta' tiswija tal-prodotti; billi din l-istrateġija għandha toħloq impjiegi, tkabbir u opportunitajiet ta' innovazzjoni għan-negozji Ewropej, tappoġġja l-kompetittività tagħhom fuq skala globali u tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur;
D. billi strateġija komuni u inklużiva ma tikkorrispondix għal approċċ "wieħed tajjeb għal kulħadd"; billi approċċ differenzjat ibbażat fuq l-ispeċifiċitajiet ta' kull kategorija u settur ta' prodott, kif ukoll fuq l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq, ikun aktar xieraq; billi l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tar-regoli eżistenti huma essenzjali għal suq uniku li jiffunzjona tajjeb u sostenibbli;
E. billi huwa essenzjali li jiġi mobilizzat biżżejjed finanzjament permezz ta' programmi finanzjarji bħall-Programm għas-Suq Uniku, bil-ħsieb ta' tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u l-ekonomija ċirkolari, sabiex jiġu ffinanzjati r-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tal-prodotti sostenibbli, kif ukoll kampanji ta' sensibilizzazzjoni għan-negozji u l-konsumaturi;
F. billi l-konsumaturi huma lesti biex jibdew il-vjaġġ lejn ekonomija ċirkolari u huwa tliet darbiet aktar probabbli li jixtru prodott jekk dan ikun ittikkettat bħala aktar durabbli u li jista' jissewwa skont l-istudju dwar l-imġiba tal-Kummissjoni tal-2018, iżda għad hemm ostakli, inkluża l-asimmetrija tal-informazzjoni; billi informazzjoni ċara, affidabbli u trasparenti dwar il-karatteristiċi ta' prodott, inkluż dwar it-tul tal-ħajja stmat u l-possibbiltà ta' tiswija, hija meħtieġa għas-sensibilizzazzjoni tal-konsumatur u l-kompetizzjoni ġusta fost in-negozji; billi, għalhekk, l-informazzjoni eżistenti għandha tittejjeb, filwaqt li jiġi evitat ammont żejjed ta' informazzjoni;
G. billi t-tul tal-ħajja ta' prodott u l-mod kif jiqdiem huma determinati minn diversi fatturi naturali u artifiċjali, bħall-kompożizzjoni, il-funzjonalità, l-ispiża tat-tiswija, ix-xejriet tal-konsum u l-użu; billi t-tul tal-ħajja stmat ta' prodott irid jitkejjel abbażi ta' testijiet u kriterji oġġettivi li jirriflettu l-kundizzjonijiet ta' użu reali u jrid jiġi stabbilit qabel it-tqegħid tal-prodott fis-suq;
H. billi d-Direttiva (UE) 2019/771 għandha tiġi rieżaminata sal-2024; billi għadd ta' miżuri bl-għan li jinħolqu l-kundizzjonijiet it-tajba biex tiżdied id-durabbiltà tal-prodotti u biex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, kif ukoll ambjent kummerċjali kompetittiv, għandhom jiġu vvalutati bi tħejjija għal dan ir-rieżami; billi l-perjodu ta' sentejn ta' garanzija legali jista' ma jkunx xieraq għall-kategoriji ta' prodott kollha bi previżjoni ta' tul tal-ħajja aktar twil;
I. billi f'riżoluzzjoni preċedenti[9], il-Parlament Ewropew appella għal miżuri biex tiġi rimedjata l-problema tal-obsolexxenza ppjanata ta' oġġetti u software, inkluż l-iżvilupp ta' definizzjoni komuni għall-ittestjar u l-identifikazzjoni ta' prattiki problematiċi; billi hemm il-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija komuni għas-suq uniku u li jiġu previsti ċ-ċertezza tad-dritt u l-fiduċja kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi;
J. billi t-tul tal-ħajja tas-software huwa kruċjali għall-ħajja tal-apparat elettroniku; billi, peress li s-software qed isir obsolet dejjem aktar malajr, jeħtieġ li l-apparat elettroniku jkun jista' jiġi adattat sabiex jibqa' kompetittiv fis-suq[10];
K. billi 79 % taċ-ċittadini tal-UE jaħsbu li l-manifatturi għandhom jintalbu jiffaċilitaw it-tiswija ta' apparati diġitali jew is-sostituzzjoni tal-partijiet individwali tagħhom[11]; billi l-prodotti ta' kwalità għolja jagħtu spinta lill-kompetittività tan-negozji Ewropej;
L. billi stħarriġ li sar f'Diċembru 2015[12] wera li 59 % tal-konsumaturi ma kinux jafu li l-perjodu ta' garanzija legali fl-UE jdum mill-inqas sentejn; billi l-għarfien tal-konsumatur dwar id-drittijiet ta' livell għoli eżistenti fir-rigward tal-garanzija legali jista' jittejjeb u tali titjib jikkontribwixxi għal użu aktar sostenibbli tal-oġġetti;
M. billi ż-żieda fil-popolarità tal-kummerċ elettroniku ħolqot ħtieġa ta' kontroll aħjar tal-konformità tal-oġġetti u s-servizzi li jiġu minn pajjiżi terzi mal-istandards ambjentali u ta' sikurezza tal-UE, kif ukoll mad-drittijiet tal-konsumatur;
N. billi suq uniku sostenibbli jeħtieġ sorveljanza effettiva tas-suq biex jiġi żgurat infurzar xieraq ta' dawn ir-regoli, fejn is-sorveljanza tas-suq u l-awtoritajiet doganali għandhom rwol ewlieni;
O. billi t-tħeġġiġ ta' kultura ta' tiswija u użu mill-ġdid u ż-żieda tal-fiduċja fis-suq tal-oġġetti użati jistgħu joffru sorsi ta' opportunitajiet ekonomiċi u soċjali, joħolqu l-impjiegi u, f'ċirkostanzi speċifiċi, jagħtu spinta lill-kompetittività industrijali; billi f'ċerti każijiet jeżistu ostakli li jipprevjenu lill-konsumaturi milli jagħżlu t-tiswija, bħan-nuqqas ta' aċċess għal spare parts, in-nuqqas ta' standardizzazzjoni u interoperabbiltà, u n-nuqqas ta' disponibbiltà ta' servizzi ta' tiswija; billi dan għandu impatt negattiv fuq is-settur tat-tiswija;
P. billi, skont rapport tal-Ewrobarometru[13], 77 % taċ-ċittadini tal-UE jippreferu jsewwu l-apparati tagħhom milli jissostitwuhom; billi n-negozji tat-tiswija jistgħu jkunu sors ta' impjiegi lokali u ta' għarfien espert speċifiku fl-Ewropa;
Q. billi t-titwil tal-ħajja ta' tip ta' prodott li jkun għaddej minn titjib sostanzjali fl-effiċjenza ambjentali tiegħu għandu jiġi bbilanċjat bl-użu ta' dawn il-prodotti mtejba, u għalhekk m'għandux jirriżulta f'dewmien fl-introduzzjoni ta' teknoloġiji innovattivi li jistgħu jwasslu għal kisbiet ambjentali sostanzjali;
R. billi ż-żieda fid-diġitalizzazzjoni qed tipprovdi lis-soċjetajiet tagħna b'mezzi ġodda għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u qed tgħin biex jinħoloq suq sostenibbli bbażat fuq ir-responsabbiltà, it-trasparenza, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-użu aktar effettiv tar-riżorsi;
S. billi l-pjattaformi online jistgħu jkomplu jwettqu r-responsabbiltà tagħhom li jipprovdu lill-konsumaturi b'informazzjoni affidabbli dwar il-prodotti u s-servizzi li joffru;
T. billi s-settur diġitali jikkontribwixxi għall-innovazzjoni u t-trawwim ta' ekonomija sostenibbli; billi għandu jiġi indirizzat l-impatt fuq l-ambjent f'termini tal-konsum tal-enerġija u tar-riżorsi tal-infrastruttura tiegħu; billi mezzi aktar sostenibbli ta' imballaġġ u konsenja huma kruċjali biex tiġi stabbilita ekonomija ċirkolari;
U. billi l-akkwist pubbliku ekoloġiku u sostenibbli huwa għodda strateġika li tista' tintuża biex tikkontribwixxi, flimkien ma' politiki importanti oħra, għat-tranżizzjoni industrijali tal-Ewropa u biex issaħħaħ ir-reżiljenza u l-awtonomija strateġika miftuħa tagħha; billi l-użu strateġiku tal-akkwist sostenibbli jista' jkun ta' benefiċċju kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi billi jagħti spinta lid-domanda għal prodotti sostenibbli u l-provvista tagħhom u jagħmel dawk il-prodotti kosteffiċjenti u attraenti għall-konsumaturi;
V. billi hemm bżonn li jiġu indirizzati asserzjonijiet ambjentali qarrieqa u li jiġu indirizzati "prattiki ta' greenwashing" permezz ta' metodoloġiji effettivi, inkluż dwar kif tali asserzjonijiet jiġu sostanzjati;
W. billi r-reklamar għandu effett fuq il-livelli u x-xejriet tal-konsum; billi r-reklamar jista' jgħin lin-negozji u lill-konsumaturi jagħmlu għażliet sostenibbli infurmati;
1. Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid tal-Kummissjoni għal Ekonomija Ċirkolari u r-rieda ddikjarata li jiġu promossi prodotti durabbli, li jkunu eħfef biex jissewwew, u li jistgħu jerġgħu jintużaw u jiġu rriċiklati, filwaqt li l-konsumatur jiġi appoġġjat f'din it-tranżizzjoni;
2. Jenfasizza li kwalunkwe strateġija għal suq uniku sostenibbli għandha tgħaqqad b'mod ġust, bilanċjat u proporzjonat il-prinċipji ta' sostenibbiltà, protezzjoni tal-konsumatur u ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna; jenfasizza li kwalunkwe miżura regolatorja potenzjali għandha tkun ibbażata fuq dawn il-prinċipji, għandha tkun ambjentalment kosteffiċjenti u għandha tkun ta' benefiċċju kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi sabiex dawn ikunu jistgħu jħaddnu t-tranżizzjoni ekoloġika fi ħdan is-suq intern; jenfasizza li l-miżuri regolatorji għandhom joħolqu vantaġġi kompetittivi għan-negozji Ewropej, m'għandhomx ipoġġu piż finanzjarju sproporzjonat fuqhom, u għandhom jixprunaw l-innovazzjoni, jinkoraġġixxu l-investimenti f'teknoloġiji sostenibbli, u jsaħħu l-kompetittività Ewropea u, fl-aħħar mill-aħħar, il-protezzjoni tal-konsumatur; jirrimarka li l-miżuri regolatorji kollha previsti għandhom ikunu akkumpanjati b'valutazzjonijiet tal-impatt u għandhom dejjem iqisu l-iżviluppi tas-suq u l-ħtiġijiet tal-konsumaturi;
3. Jistieden lill-Kummissjoni turi ambizzjoni politika b'saħħitha meta tfassal, tadotta u timplimenta l-proposti rilevanti li jmiss, bħal dwar "l-awtonomizzazzjoni tal-konsumatur fit-tranżizzjoni ekoloġika" u inizjattiva politika dwar prodotti sostenibbli, li għandha tkun allinjata bis-sħiħ mal-miri klimatiċi tal-UE u ma' objettivi ambjentali oħra sabiex tittejjeb iċ-ċirkolarità tal-ktajjen tal-valur, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-użu ta' materja prima sekondarja, tiġi minimizzata l-ġenerazzjoni tal-iskart u tinkiseb ekonomija ċirkolari mingħajr tossiċità; jisħaq fuq l-importanza ta' implimentazzjoni f'waqtha u ta' konformità mal-obbligi u l-istandards eżistenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ma tipposponihomx aktar;
4. Jenfasizza li suq uniku li jiffunzjona tajjeb huwa għodda b'saħħitha għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-UE, inkluż fir-rigward tar-rwol tagħha f'ekonomija globalizzata; jenfasizza li t-tlestija u l-approfondiment tas-suq uniku, inkluż permezz tal-infurzar effettiv tal-leġiżlazzjoni eżistenti u billi jiġu indirizzati l-ostakli mhux ġustifikati u sproporzjonati li fadal, huma prekundizzjoni għall-kisba ta' produzzjoni u konsum aktar sostenibbli fl-UE; jappella għal governanza trasparenti tas-suq intern, flimkien ma' monitoraġġ aktar effettiv u mtejjeb; jemmen li l-qafas legali għal suq uniku aktar sostenibbli għandu jrawwem l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta' teknoloġija sostenibbli, jinċentiva lill-kumpaniji biex jagħmlu tranżizzjoni lejn mudelli kummerċjali aktar sostenibbli u b'hekk jikkontribwixxi għal irkupru ekonomiku sostenibbli;
5. Jirrimarka li l-konsum sostenibbli jimxi id f'id mal-produzzjoni sostenibbli u li l-operaturi ekonomiċi għandhom jiġu mħeġġa jikkunsidraw id-durabbiltà tal-prodotti u s-servizzi mill-istadju tad-disinn u meta jitqiegħdu jew jiġu pprovduti fis-suq intern, sabiex tiġi żgurata għażla sikura, sostenibbli, kosteffiċjenti u attraenti għall-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri, li jiddifferenzjaw bejn kategoriji ta' prodotti u għal setturi b'impatt ambjentali sinifikanti, li jtejbu d-durabbiltà tal-prodotti, inklużi it-tul tal-ħajja stmat, l-użu mill-ġdid, it-titjib fil-kwalità, il-possibbiltà ta' tiswija u r-riċiklabbiltà tagħhom;
Id-drittijiet tal-konsumatur u l-ġlieda kontra l-obsolexxenza ppjanata
6. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal, f'konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, strateġija wiesgħa b'miżuri li jiddifferenzjaw bejn kategoriji ta' prodotti u li jqisu l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq biex jappoġġjaw in-negozji u l-konsumaturi u biex jiġu stabbiliti xejriet ta' produzzjoni u konsum sostenibbli; jinnota li din l-istrateġija għandha tinkludi miżuri biex:
a. tiġi speċifikata l-informazzjoni prekuntrattwali li għandha tingħata dwar it-tul tal-ħajja stmat (li għandu jiġi espress fi snin u/jew ċikli ta' użu u li għandu jiġi determinat qabel it-tqegħid fis-suq tal-prodott permezz ta' metodoloġija oġġettiva u standardizzata bbażata fuq kundizzjonijiet ta' użu reali, differenzi f'termini ta' intensità tal-użu u fatturi naturali, fost metrika oħra) u l-possibbiltà ta' tiswija ta' prodott, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li din l-informazzjoni għandha tingħata b'mod ċar u komprensibbli sabiex jiġi evitat li l-konsumaturi jiġu konfużi u li jitgħabbew iżżejjed b'informazzjoni, u din issir waħda mill-karatteristiċi ewlenin ta' prodott skont id-Direttivi 2011/83/UE u 2005/29/KE,
b. jiġu mħeġġa l-iżvilupp u l-armonizzazzjoni ta' tikkettar volontarju, bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, abbażi ta' standards ibbażati fuq ir-riċerka u trasparenti flimkien ma' valutazzjonijiet tal-impatt li juru r-rilevanza, il-proporzjonalità u l-effikaċja fit-tnaqqis tal-impatti ambjentali negattivi u l-protezzjoni tal-konsumaturi; jemmen li dan it-tikkettar jista' jinkludi b'mod partikolari informazzjoni dwar id-durabbiltà u l-possibbiltà ta' tiswija, bħal punteġġ ta' tiswija, u jista' jieħu l-forma ta' indiċi tal-prestazzjoni ambjentali, filwaqt li jitqiesu diversi kriterji matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti skont il-kategorija tal-prodott; iqis li għandu jipprovdi informazzjoni immedjatament viżibbli, ċara u faċli biex tinftiehem lill-konsumaturi fil-mument tax-xiri,
c. jissaħħaħ ir-rwol tal-ekotikketta tal-UE biex tiżdied l-adozzjoni mill-industrija u titqajjem sensibilizzazzjoni fost il-konsumaturi,
d. jiġi vvalutat liema kategoriji ta' oġġetti huma l-aktar adatti biex jiġu mgħammra b'arloġġ tal-użu, abbażi ta' analiżi tal-kosteffiċjenza/effiċjenza ambjentali, bil-għan li jittejbu l-informazzjoni għall-konsumatur u l-manutenzjoni tal-prodott, jitħeġġeġ l-użu fit-tul tal-prodotti permezz ta' użu mill-ġdid iffaċilitat, u tingħata spinta lill-mudelli kummerċjali ta' użu mill-ġdid u ta' oġġetti użati,
e. fit-tħejjija tar-rieżami tad-Direttiva (UE) 2019/771, jiġi vvalutat kif id-durata tal-garanziji legali tista' ssir aktar konformi mat-tul tal-ħajja stmat ta' kategorija ta' prodott, kif ukoll kif estensjoni tal-perjodu ta' inverżjoni tal-oneru tal-provi għal nuqqas ta' konformità ttejjeb il-possibbiltà għall-konsumaturi u n-negozji li jagħmlu għażliet sostenibbli; jitlob li din il-valutazzjoni tal-impatt tikkunsidra l-effetti possibbli ta' tali estensjonijiet potenzjali fuq il-prezzijiet, it-tul tal-ħajja mistenni tal-prodotti, is-sistemi ta' garanzija kummerċjali u s-servizzi ta' tiswija indipendenti,
f. fit-tħejjija tar-rieżami tad-Direttiva (UE) 2019/771, tiġi studjata l-fattibbiltà tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bejjiegħa fir-rigward tal-manifatturi bl-introduzzjoni ta' mekkaniżmu ta' responsabbiltà konġunta tal-manifatturi u l-bejjiegħa fl-ambitu tar-reġim tal-garanzija legali,
g. tiġi indirizzata l-obsolexxenza ppjanata billi titqies iż-żieda, fil-lista stabbilita fl-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE, ta' prattiki li għandhom l-intenzjoni unika li effettivament iqassru t-tul tal-ħajja ta' prodott biex iżidu r-rata ta' sostituzzjoni tiegħu u jillimitaw bla bżonn il-possibbiltà ta' tiswija tal-prodotti, inkluż is-software; jenfasizza li dawn il-prattiki għandhom jiġu definiti b'mod ċar abbażi ta' definizzjoni oġġettiva u komuni, filwaqt li titqies il-valutazzjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha involuti, bħall-istabbilimenti tar-riċerka u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, kummerċjali u ambjentali;
7. Jenfasizza li l-oġġetti b'elementi diġitali jirrikjedu attenzjoni partikolari u li l-elementi li ġejjin għandhom jitqiesu fir-rieżami tad-Direttiva (UE) 2019/771 li għandu jsir sal-2024:
a. l-aġġornamenti korrettivi – jiġifieri aġġornamenti tas-sigurtà u tal-konformità – iridu jkomplu matul it-tul tal-ħajja stmat tal-apparat, skont il-kategorija tal-prodott,
b. l-aġġornamenti korrettivi għandhom jinżammu separati mill-aġġornamenti evoluttivi, li jridu jkunu riversibbli, u ebda aġġornament m'għandu qatt inaqqas il-prestazzjoni jew ir-reattività tal-oġġetti,
c. il-konsumaturi għandhom jiġu infurmati mill-bejjiegħ fil-mument tax-xiri dwar il-perjodu li matulu l-aġġornamenti tas-software pprovduti max-xiri tal-oġġetti jista' jkun mistenni li jiġu pprovduti, b'mod li jkun kompatibbli mal-innovazzjoni u l-iżviluppi futuri possibbli tas-suq, kif ukoll dwar l-ispeċifiċitajiet u l-impatti tagħhom fuq il-prestazzjoni tal-apparat, biex jiġi żgurat li l-oġġetti jżommu l-konformità u s-sigurtà tagħhom;
8. Jenfasizza l-ħtieġa ta' mezzi ta' rimedju sempliċi, effettivi u infurzabbli kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji; jirrimarka li l-konsumaturi fl-UE kollha għandhom jiġu infurmati dwar id-drittijiet u l-mezzi ta' rimedju tagħhom; jitlob finanzjament fil-qafas tal-Programm tas-Suq Uniku tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għal miżuri biex tiġi indirizzata d-diskrepanza fl-informazzjoni u biex l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, kummerċjali u tal-ambjent jingħataw appoġġ għall-inizjattivi tagħhom; iqis li l-Istati Membri għandhom iwettqu kampanji ta' informazzjoni biex iżidu l-protezzjoni u l-fiduċja tal-konsumatur, speċjalment fost il-gruppi vulnerabbli, u jistieden lill-Kummissjoni tagħti lill-konsumaturi informazzjoni adegwata dwar id-drittijiet tagħhom permezz tal-Gateway Diġitali Unika; jenfasizza li l-SMEs, il-mikrointrapriżi u dawk li jaħdmu għal rashom jeħtieġu appoġġ speċifiku, inkluż appoġġ finanzjarju, sabiex jifhmu u jissodisfaw l-obbligi legali tagħhom fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur;
9. Jinnota li ħafna prodotti mqiegħda fis-suq uniku, speċjalment prodotti mibjugħa minn swieq online u importati minn barra l-UE, jonqsu milli jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE relatata mar-rekwiżiti tas-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-prodotti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni b'mod urġenti biex jiżguraw kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji tal-UE fir-rigward tal-kompetituri internazzjonali, kif ukoll biex jiżguraw prodotti sikuri u sostenibbli għall-konsumaturi permezz ta' sorveljanza tas-suq imtejba u standards ta' kontroll doganali ekwivalenti fl-UE kollha kemm għan-negozji tradizzjonali kif ukoll għal dawk online; jirrimarka li sabiex dan il-kompitu jitwettaq, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq iridu jingħataw riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani adegwati f'konformità mar-Regolament (UE) 2019/1020, u jistieden lill-Istati Membri jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura implimentazzjoni xierqa tar-regolament; jissottolinja li l-interazzjoni bejn is-sistema RAPEX u s-swieq u l-pjattaformi online għandha tissaħħaħ b'mod sinifikanti;
Faċilitazzjoni tat-tiswijiet
10. Jitlob li l-informazzjoni li ġejja dwar id-disponibbiltà ta' spare parts, aġġornamenti tas-software u l-possibbiltà ta' tiswija ta' prodott issir disponibbli b'mod ċar u faċilment leġġibbli fil-mument tax-xiri: il-perjodu stmat ta' disponibbiltà mid-data tax-xiri, il-prezz medju tal-ispare parts fil-mument tax-xiri, iż-żminijiet approssimattivi rakkomandati tal-konsenja u t-tiswija, u informazzjoni dwar is-servizzi ta' tiswija u manutenzjoni, meta rilevanti; jitlob, barra minn hekk, li din l-informazzjoni tiġi pprovduta fid-dokumentazzjoni tal-prodott flimkien ma' sommarju tad-difetti l-aktar frekwenti u kif għandhom jissewwew;
11. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi "dritt għat-tiswija" tal-konsumaturi bil-għan li tagħmel it-tiswijiet sistematiċi, kosteffiċjenti u attraenti, filwaqt li tqis l-ispeċifiċitajiet ta' kategoriji differenti ta' prodotti skont il-miżuri li diġà ttieħdu għal diversi apparati domestiċi skont id-Direttiva dwar l-Ekodisinn:
a. billi l-operaturi tal-industrija tat-tiswija, inklużi s-sewwejja indipendenti, u l-konsumaturi jingħataw aċċess mingħajr ħlas għall-informazzjoni meħtieġa dwar it-tiswija u l-manutenzjoni, inkluża informazzjoni dwar għodod dijanjostiċi, spare parts, software u aġġornamenti, meħtieġa biex jitwettqu t-tiswijiet u l-manutenzjoni, filwaqt li jitqiesu l-imperattivi tas-sikurezza tal-konsumatur, mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2016/943,
b. billi titħeġġeġ l-istandardizzazzjoni tal-ispare parts għall-benefiċċju tal-interoperabbiltà u l-innovazzjoni, filwaqt li jitħarsu r-rekwiżiti tas-sikurezza tal-prodotti,
c. billi jiġi stabbilit perjodu minimu obbligatorju għall-forniment ta' spare parts li jirrifletti t-tul tal-ħajja stmat tal-prodott wara li l-unità finali tkun tqiegħdet fis-suq, kif ukoll żminijiet massimi raġonevoli ta' konsenja skont il-kategorija tal-prodott f'konformità mar-regolamenti ta' implimentazzjoni tal-ekodisinn adottati fl-1 ta' Ottubru 2019, li għandhom jiġu estiżi għal firxa usa' ta' prodotti,
d. billi jiġi żgurat li l-prezz ta' spare part ikun raġonevoli, u għalhekk kosteffiċjenti, meta mqabbel mal-prezz tal-prodott sħiħ u li s-sewwejja indipendenti u awtorizzati, kif ukoll il-konsumaturi, ikollhom aċċess għall-ispare parts meħtieġa mingħajr xkiel inġust,
e. billi titħeġġeġ it-tiswija minflok is-sostituzzjoni bl-estensjoni tal-garanziji jew bl-azzerar tal-perjodi ta' garanzija għall-konsumaturi li jagħżlu din l-opzjoni fit-tħejjija tar-rieżami tad-Direttiva (UE) 2019/771 u fid-dawl ta' analiżi tal-kosteffiċjenza kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji, u billi jiġi żgurat li l-bejjiegħa dejjem jinfurmaw lill-konsumaturi dwar l-opzjoni tat-tiswija u d-drittijiet tal-garanzija relatati,
f. billi jiġi vvalutat kif it-tiswijiet jistgħu jiġu ffaċilitati bl-istabbiliment, fil-livell tal-UE, ta' garanzija legali għall-parts sostitwiti minn sewwej professjonali meta l-oġġetti ma jkunux għadhom taħt garanzija legali jew kummerċjali fit-tħejjija tar-rieżami tad-Direttiva (UE) 2019/771,
g. billi l-Istati Membri jiġu inkoraġġiti joħolqu inċentivi, bħal "craftsman's bonus", li jippromwovu t-tiswijiet, b'mod partikolari wara t-tmiem tal-garanzija legali għall-konsumaturi li jagħmlu ċerti xogħlijiet ta' tiswija permezz ta' sewwejja awtorizzati/indipendenti;
Strateġija globali biex tiġi promossa kultura ta' użu mill-ġdid
12. Jilqa' l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni ta' miżuri vinkolanti għall-prevenzjoni tal-qerda ta' oġġetti li ma nbigħux jew li ma ddeterjorawx u li jkunu għadhom jaħdmu biex minflok ikunu jistgħu jerġgħu jintużaw, u ta' miri kwantifikati għall-użu mill-ġdid, inkluż permezz tal-introduzzjoni ta' sistemi ta' depożitu f'konformità mad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart u d-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ; jenfasizza li mudelli kummerċjali sostenibbli ġodda għandhom jingħataw aċċess prijoritarju għal ċentri tal-iskart u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jinċentivaw l-immaniġġjar sostenibbli tal-iskart; jenfasizza l-ħtieġa ta' strateġija li tivvaluta u tindirizza l-ostakli legali għat-tiswija, il-bejgħ mill-ġdid, l-użu mill-ġdid u d-donazzjoni biex jiġi żgurat użu aktar effettiv u sostenibbli tar-riżorsi, kif ukoll għat-tisħiħ tas-suq intern għall-materja prima sekondarja, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 dwar vjeġġi ta' skart, inkluż permezz ta' aktar standardizzazzjoni;
13. Jenfasizza l-importanza li tingħata spinta lill-ekonomija ċirkolari u lill-mudelli kummerċjali sostenibbli biex tiġi minimizzata l-qerda ta' oġġetti u jiġu promossi t-tiswija u l-użu mill-ġdid; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-użu ta' mudelli bħal dawn u tara li jibqgħu kosteffiċjenti u attraenti u tiggarantixxi livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, u tħeġġeġ lill-Istati Membri jqajmu kuxjenza dwar dawn il-mudelli permezz ta' kampanji edukattivi u taħriġ kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji; jenfasizza l-importanza tal-investimenti fir-R&Ż f'dan il-qasam;
14. Jirrimarka dwar l-eżistenza ta' prattiki adottati mill-kumpaniji biex jiskoraġġixxu t-tiswija, li jikkostitwixxu restrizzjoni tad-dritt għat-tiswija u jaffettwaw l-opzjonijiet ta' tiswija tal-konsumaturi; jappella għal approċċ kemm li jissalvagwardja l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kif ukoll li jiżgura appoġġ effettiv għal sewwejja indipendenti, sabiex tiġi promossa l-għażla tal-konsumatur u jinkiseb suq uniku sostenibbli globali;
15. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jinħolqu inċentivi għall-konsumaturi biex jixtru oġġetti użati; jirrimarka li t-trasferiment tal-garanzija f'każ ta' bejgħ mill-ġdid ta' oġġett li għadu kopert jista' jnissel fiduċja akbar tal-konsumatur f'dan is-suq; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, teżamina sa liema punt il-garanzija tax-xerrej għall-ewwel darba tista' tiġi ttrasferita lil xerrejja addizzjonali fil-każ ta' bejgħ sussegwenti, speċjalment fil-kuntest ta' passaport diġitali tal-prodott; jitlob, barra minn hekk, li ssir valutazzjoni tal-ħtieġa li tiġi rieżaminata l-klawżola ta' eċċezzjoni għal prodotti użati taħt ir-reġim tal-garanzija legali previst mid-Direttiva (UE) 2019/771 meta jsir ir-rieżami tad-direttiva, wara valutazzjoni tal-impatt dwar l-effetti possibbli għal mudelli kummerċjali ta' oġġetti użati u bbażati fuq l-użu mill-ġdid;
16. Jappella għal definizzjonijiet ċari għal prodotti rikondizzjonati u rinnovati u biex titħeġġeġ l-introduzzjoni fuq skala wiesgħa ta' sistema volontarja ta' garanziji kummerċjali estiżi għal tali oġġetti sabiex jiġu supplementati l-garanziji legali inizjali u jiġi evitat li l-konsumaturi jiġu esposti għal malprassi;
17. Jenfasizza r-rwol tas-settur tas-servizzi biex jiżdiedu l-aċċessibbiltà tat-tiswijiet u mudelli kummerċjali ġodda oħra; jilqa', b'mod partikolari, l-iżvilupp ta' mudelli kummerċjali li jiddiżakkoppjaw il-konsum mis-sjieda materjali, fejn tinbiegħ il-funzjoni tal-prodott, u jappella għal valutazzjoni robusta tal-impatt tal-ekonomija funzjonali u tal-effetti rebound potenzjali tagħha, kif ukoll l-effetti fuq il-konsumaturi u l-interessi finanzjarji tagħhom, iżda anki l-impatt ambjentali ta' tali mudelli; jenfasizza li l-iżvilupp ta' servizzi bbażati fuq l-internet, forom ġodda ta' kummerċjalizzazzjoni (kirjiet, leasing, prodott bħala servizz, eċċ.) u d-disponibbiltà ta' faċilitajiet ta' tiswija jistgħu jgħinu biex jiġi estiż it-tul tal-ħajja ta' prodott u tiżdied is-sensibilizzazzjoni u l-fiduċja tal-konsumaturi f'tali prodotti; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-iżvilupp ta' dawn il-mudelli kummerċjali ġodda permezz ta' appoġġ finanzjarju mmirat fl-ambitu tal-Programm tas-Suq Uniku u kwalunkwe programm rilevanti ieħor tal-QFP;
18. Jappella għall-iżvilupp ta' kampanji nazzjonali u mekkaniżmi rilevanti biex il-konsumaturi jiġu mħeġġa jestendu t-tul tal-ħajja tal-prodotti permezz tat-tiswija u l-użu ta' oġġetti użati u biex titqajjem kuxjenza dwar il-valur miżjud ta' teknoloġiji innovattivi sostenibbli; jitlob lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali jassistu u jappoġġjaw lill-awtoritajiet kompetenti fil-livell nazzjonali u lokali, kif ukoll lill-kumpaniji u l-assoċjazzjonijiet, kemm teknikament kif ukoll finanzjarjament fl-ambitu tal-Programm tas-Suq Uniku tal-QFP fit-twettiq ta' tali kampanji ta' sensibilizzazzjoni;
19. Jistieden lill-kumpaniji u lill-organizzazzjonijiet kollha jirreġistraw mal-Unità tal-Iskema ta' Mmaniġġjar u Awditjar Ekoloġiċi (EMAS) tal-UE sabiex itejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom; jistenna bil-ħerqa r-rieżami li jmiss tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju, li għandu jtejjeb b'mod sinifikanti d-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-kumpaniji;
Strateġija diġitali għal suq sostenibbli
20. Jilqa' t-tħabbira ta' spazju komuni Ewropew tad-data għal applikazzjonijiet ċirkolari intelliġenti u l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tiżviluppa "passaport tal-prodott" diġitali biex ittejjeb it-traċċabbiltà u l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni ta' prodott, id-durabbiltà, il-kompożizzjoni, l-użu mill-ġdid, it-tiswija, il-possibbiltajiet ta' żarmar u t-trattament ta' tmiem il-ħajja, filwaqt li jitqiesu l-prinċipju tal-proporzjonalità u l-ispejjeż għan-negozji u filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-ħtiġijiet tal-SMEs, il-mikrointrapriżi u dawk li jaħdmu għal rashom; jitlob li dawn l-għodod jiġu żviluppati f'kooperazzjoni mill-qrib mal-industrija u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti;
21. Jieħu nota tal-kontribut tat-teknoloġiji diġitali għall-innovazzjoni u fit-tiswir ta' ekonomija aktar ċirkolari; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa standards u protokolli għall-aċċess għal data interoperabbli u l-użu tagħha sabiex data bejn il-kumpaniji, l-investituri u l-awtoritajiet tiġi kondiviża b'mod effettiv u jiġu pprovduti opportunitajiet ta' negozju ċirkolari ġodda u mmexxija mid-data; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tat-teknoloġiji sostenibbli fil-QFP il-ġdid;
22. Jinnota li, kemm jekk nikkunsidraw il-manifattura kif ukoll jekk nikkunsidraw is-servizzi, is-settur diġitali u l-konsum online għandhom impronta ambjentali, u jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta kif indiċi ta' sostenibbiltà diġitali tal-UE bbażat fuq analiżi taċ-ċikli tal-ħajja tal-prodotti jiffaċilita l-produzzjoni u l-konsum sostenibbli tat-teknoloġiji diġitali; jirrimarka li l-prattiki biex jitnaqqas tali impatt ambjentali, bħat-tnaqqis tal-imballaġġ u l-iżvilupp ta' imballaġġ aktar sostenibbli, għandhom ikunu parti minn strateġija lejn suq uniku sostenibbli;
23. Iżid jgħid li għandu jiżdied l-għarfien dwar l-impronta ambjentali potenzjali ta' data mhux meħtieġa, bħal apps mhux użati, files, videos, ritratti u emails mhux mixtieqa; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt tal-prattiki u l-infrastruttura diġitali f'termini tal-impronta tal-karbonju u ambjentali tagħhom, kif ukoll l-impatt tagħhom fuq il-prattiki tal-konsumatur, u tikkunsidra miżuri xierqa biex tnaqqsu;
24. Jinsisti li l-Kummissjoni għandha tqis id-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar l-istabbiliment ta' sistema ta' ċarġers komuni, sabiex jitnaqqsu l-volumi ta' produzzjoni u l-iskart elettroniku;
Bidliet fl-approċċ meħtieġa mill-awtoritajiet pubbliċi
25. Huwa tal-fehma li l-akkwist pubbliku għandu jsir ċentrali għall-pjan ta' rkupru ekonomiku tal-UE, f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, billi jiġu appoġġjati l-isforzi ta' innovazzjoni tas-settur privat u l-proċessi ta' diġitalizzazzjoni tal-offerti pubbliċi u jiġu stabbiliti l-inċentivi t-tajba biex tingħata spinta lill-produzzjoni u l-konsum sostenibbli; jitlob li tingħata prijorità lill-istimolu tad-domanda għal oġġetti u servizzi ekoloġiċi b'impronta ambjentali iżgħar u l-promozzjoni ta' kriterji soċjali u ambjentali;
26. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat l-użu tal-akkwist pubbliku ambjentali, soċjali u tal-innovazzjoni fit-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u newtrali għall-klima, billi jiġu introdotti kriterji u miri ta' sostenibbiltà fl-offerti pubbliċi; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-impenn tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni permezz ta' miżuri speċifiċi għas-settur u gwida dwar l-akkwist pubbliku ekoloġiku, filwaqt li żżomm il-qafas ta' leġiżlazzjoni attwali dwar l-akkwist pubbliku, u jistieden lill-Kummissjoni tkun ambizzjuża biex il-kriterji sostenibbli fl-akkwist pubbliku jkunu l-għażla awtomatika; jenfasizza l-importanza li jiġu appoġġjati l-prodotti użati, użati mill-ġdid, riċiklati u kkundizzjonati mill-ġdid u programmi ta' software b'konsum baxx tal-enerġija billi jiġu stabbiliti miri għax-xiri pubbliku; jenfasizza l-benefiċċji potenzjali ta' strument għall-iskrinjar tas-sostenibbiltà tal-offerti pubbliċi biex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tagħhom mal-impenji klimatiċi tal-UE u jiġi indirizzat il-"greenwashing";
27. Jenfasizza r-rwol li l-akkwist ekoloġiku u soċjali jista' jkollu fit-tqassir tal-ktajjen tal-provvista, fit-tnaqqis tad-dipendenza fuq pajjiżi terzi u fit-trawwim tas-sostenibbiltà f'setturi kruċjali bħal dawk li jipproduċu l-prodotti mediċinali, l-enerġija u l-ikel; jitlob li jkun hemm reċiproċità effettiva fl-akkwist pubbliku ma' pajjiżi terzi u li jiġi garantit aċċess adegwat għall-akkwist pubbliku għall-SMEs, kif ukoll għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, billi jiġu introdotti, fost l-oħrajn, kriterji preferenzjali għall-għoti;
28. Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-iskemi eżistenti tal-UE biex jakkwistaw b'mod sostenibbli u jitlob lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, ittejjeb il-gwida tagħha u tmexxi bl-eżempju billi tippubblika miri u statistika relatati mal-impatt ambjentali tax-xiri tagħhom; jitlob, barra minn hekk, li jkun hemm obbligi ta' rappurtar għall-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri fir-rigward tal-akkwist pubbliku sostenibbli tagħhom, mingħajr ma jinħoloq piż amministrattiv mhux ġustifikat u filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà;
Kummerċjalizzazzjoni u reklamar responsabbli
29. Jirrimarka li l-konsumaturi jħabbtu wiċċhom ma' asserzjonijiet qarrieqa dwar il-karatteristiċi ambjentali tal-prodotti u s-servizzi, kemm online kif ukoll offline; jirrakkomanda, għalhekk, li jsir monitoraġġ effettiv tal-asserzjonijiet ambjentali magħmula mill-manifatturi u d-distributuri qabel ma prodott jew servizz jitqiegħed fis-suq u li d-Direttiva 2005/29/KE li ġiet emendata reċentement tiġi infurzata permezz ta' miżuri proattivi biex jiġu indirizzati l-prattiki qarrieqa; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida aġġornati għall-implimentazzjoni uniformi ta' din id-Direttiva fir-rigward tal-asserzjonijiet ambjentali biex tipprovdi gwida għal attivitajiet ta' sorveljanza tas-suq;
30. Jitlob l-iżvilupp ta' linji gwida u standards ċari għal asserzjonijiet ekoloġiċi u impenji li jsarrfu f'ċertifikazzjonijiet tal-ekotikketta msaħħa u jilqa' l-proposta leġiżlattiva mħabbra dwar is-sostanzjar ta' asserzjonijiet ekoloġiċi; jirrakkomanda li tiġi vvalutata l-ħtieġa possibbli tal-istabbiliment ta' reġistru pubbliku Ewropew li jelenka l-asserzjonijiet ambjentali awtorizzati u pprojbiti, kif ukoll il-kundizzjonijiet u l-passi li għandhom isiru biex issir asserzjoni; iżid jgħid li l-għoti ta' informazzjoni trasparenti, affidabbli u eżatta jżid il-fiduċja tal-konsumaturi fil-prodotti u s-swieq, u finalment iwassal għal konsum aktar sostenibbli;
31. Jenfasizza li r-reklamar għandu impatt fuq il-livelli u x-xejriet tal-konsum u għandu jinkoraġġixxi għażliet ta' negozju u tal-konsumatur sostenibbli; jisħaq fuq l-importanza ta' reklamar responsabbli li jirrispetta l-istandards pubbliċi dwar l-ambjent u s-saħħa tal-konsumatur; jissottolinja li l-qafas regolatorju attwali li jindirizza r-reklamar qarrieqi jista' jsaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur, speċjalment għal ċerti kategoriji ta' konsumaturi meqjusa vulnerabbli, u jinkoraġġixxi l-produzzjoni u l-konsum sostenibbli;
°
° °
32. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
NOTA SPJEGATTIVA
INTRODUZZJONI
Ma jistax jiġi miċħud li l-Ewropa qed tgħix ferm lil hinn mil-limiti planetarji[14], u li l-konsum Ewropew huwa fil-biċċa l-kbira alimentat minn riżorsi li jiġu estratti u pproċessati barra mill-Ewropa[15]. Għalhekk, is-seba' Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ambjent tal-UE[16] jistabbilixxi bħala objettiv għall-2050 li "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna". Minkejja l-progressi li saru f'dan il-qasam u li huma ta' eżempju għad-dinja, għadna lura ħafna. Skont l-istatistika, fl-2019 l-Overshoot Day tal-UE, li huwa l-jum meta l-impronta ekoloġika tal-kontinent taqbeż il-kapaċità tal-ekosistemi tal-pjaneta, kien l-10 ta' Mejju 2019, u jkunu meħtieġa 2,8 dinjiet biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tagħna jekk l-abitanti kollha tal-pjaneta jikkunsmaw daqs l-Ewropej[17].
Il-kriżi tal-COVID-19 uriet kemm l-ekonomiji tagħna huma fraġli u kemm jistgħu jisfaxxaw malajr minħabba xokkijiet għal għarrieda.
Għalhekk, huwa essenzjali li nibdlu radikalment il-mod kif nipproduċu u nikkunsmaw fl-Ewropa. Il-mod li bih infasslu s-suq uniku tagħna u li bih niżguraw il-ħarsien tal-konsumaturi huwa kwistjoni ewlenija għall-kisba ta' din il-bidla fil-mudell fejn jipprevalu s-sostenibbiltà u l-ġustizzja soċjali.
L-UE diġà ħadet passi f'din id-direzzjoni. Fl-2016, il-Parlament Ewropew adotta kważi b'mod unanimu r-rapport "Ħajja itwal għall-prodotti: benefiċċji għall-konsumaturi u l-kumpaniji (2016/2272 (INI))", bħala segwitu għar-rapport tal-KESE dwar is-suġġett[18]. Bħala parti mill-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari, l-UE diġà ħabbret miżuri għal ekonomija aktar sostenibbli f'termini ta' prevenzjoni tal-iskart[19] kif ukoll f'termini ta' disinn tal-prodotti.
Dawn l-ewwel inizjattivi huma promettenti u juru li regolamentazzjoni f'dan is-sens tintlaqa' tajjeb kemm mill-intrapriżi kif ukoll mill-konsumaturi. Issa hija kwistjoni li nkomplu nibnu fuq din il-bażi biex jinkiseb tibdil reali tal-mudell lejn ekonomija serja u reżiljenti.
Lejn prodotti sostenibbli fl-Ewropa
Il-mudell ekonomiku tagħna huwa bbażat fuq sistema ta' konsum żejjed, li tħeġġeġ lill-produtturi jiffavorixxu sostituzzjoni bla rażan tal-prodotti minħabba l-obsolexxenza prematura tagħhom.
Minħabba li l-biċċa l-kbira tal-impronta tal-karbonju ta' prodott hija attribwibbli għall-proċess ta' manifattura, huwa essenzjali li nerġgħu nikkunsidraw is-sistema tal-produzzjoni tagħna u t-tranżizzjoni lejn prodotti verament sostenibbli. Il-każ tal-ismartphones huwa eżempju ċar: 80 % tal-impronta tal-karbonju tal-apparat huwa ġġenerat waqt il-produzzjoni tiegħu u 15 % biss tat-telefowns jinġabru u jiġu rriċiklati fi tmiem il-ħajja tagħhom.
Il-ħolqien ta' ekonomija ċirkolari jibda mad-disinn tal-prodott. L-ippjanar tal-materjali u tad-disinn tal-prodott jiddetermina jekk il-prodott huwiex se jkun sostenibbli, jekk jistax jissewwa u jekk jistax jiżżarma faċilment u jiġi riċiklat fi tmiem il-ħajja tiegħu. Il-konsumaturi, min-naħa l-oħra, jidhru lesti li jinvolvu ruħhom f'dan il-proċess, iżda jridu jitneħħew ħafna ostakli: diskrepanza fl-informazzjoni, tiswija li għadha għalja u kkumplikata wisq minħabba nuqqas ta' spare parts jew informazzjoni, nuqqas ta' għarfien dwar id-drittijiet tagħhom f'każ ta' prodotti difettużi, eċċ.
Intemmu l-obsolexxenza prematura tal-prodotti
L-għan huwa li tingħata preferenza lill-produtturi li jiddisinjaw prodotti sostenibbli u, bil-maqlub, li jiġu penalizzati dawk li d-disinn tagħhom huwa difettuż u mhux sostenibbli. Il-miżuri maħsuba jinkludu firxa ta' għodod li jvarjaw minn informazzjoni ċara u armonizzata lill-konsumatur għar-repressjoni ta' prattiki kummerċjali żleali li jikkonsistu fit-tqassir apposta tal-ħajja ta' prodott jew fil-prevenzjoni tat-tiswija tiegħu. L-apparat diġitali jeħtieġ attenzjoni speċjali biex ikun żgurat li l-aġġornamenti tas-software ma jwasslux għall-obsolexxenza. Il-kwistjoni tal-allinjament tal-perjodu tal-garanzija legali tal-konformità mat-tul tal-ħajja mistenni tal-prodotti għadha wkoll kwistjoni ewlenija: l-estensjoni tat-tul tal-ħajja tal-prodotti għandha timxi id f'id mal-ħarsien adegwat tal-konsumatur f'każ ta' nuqqas ta' konformità. Dawn il-miżuri kkombinati jridu jippermettu armonizzazzjoni f'livell ogħla tal-kwalità tal-prodott u jiżguraw il-fiduċja tal-konsumatur fis-suq uniku Ewropew billi jagħtuhom drittijiet konformi mal-kwalitajiet irreklamati tal-prodotti.
L-istabbiliment ta' dritt reali għat-tiswija fl-Ewropa
Il-prodotti sostenibbli għandhom ukoll ikunu jistgħu jissewwew sabiex jibqgħu fis-suq għall-itwal żmien possibbli. Wasal iż-żmien li jintemmu l-prattiki li jipprevjenu jew jagħmlu aktar diffiċli t-tiswija tal-prodotti. Bħala medja, 70 % tal-Ewropej jippreferu jsewwu l-prodott tagħhom milli jibdlu prodotti difettużi[20]. Madankollu, sal-lum ħafna mill-bejjiegħa għadhom jippreferu jissostitwixxu l-prodotti.
Għandna niggarantixxu l-liberalizzazzjoni tat-tiswija tal-prodotti fis-suq Ewropew, filwaqt li niżguraw li l-użu tagħha jkun sempliċi u aċċessibbli finanzjarjament. Dan jirrikjedi mhux biss informazzjoni disponibbli mill-bidu dwar kemm jista' jissewwa l-prodott, iżda wkoll informazzjoni sussegwenti għall-katina tal-valur permezz tad-disponibbiltà ta' spare parts, żminijiet qosra ta' tiswija u aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija lill-bejjiegħa, lis-sewwejja indipendenti kif ukoll lill-konsumaturi biex titħeġġeġ it-tiswija personali. B'mod partikolari, is-sewwejja indipendenti huma network ta' impjieg lokali li huwa essenzjali li jiġi appoġġjat. Mhuwiex aċċettabbli li l-mekkaniżmi ta' proprjetà intellettwali jirriżervaw it-tiswija tal-prodotti għad-disinjatur jew id-distributur. Mekkaniżmi ta' appoġġ, loġistiku kif ukoll finanzjarju, għandhom jiġu implimentati għal dan l-għan.
Nixtiequ wkoll nistimulaw il-fiduċja tal-konsumaturi fi prodotti msewwija u nipproponu l-introduzzjoni ta' garanzija fuq iċ-ċertifikati ta' tiswija tal-prodotti.
Lejn kultura ta' użu mill-ġdid
Prodotti sostenibbli u li jistgħu jissewwew huma maħsuba biex jibqgħu fis-suq għal żmien twil u biex jiġu skambjati. Il-fiduċja tal-konsumatur fil-prodotti użati għandha tkun akkumpanjata minn trasparenza kif ukoll minn garanziji fuq il-kundizzjoni tal-prodotti. Għalhekk, ir-rabta tal-garanzija mal-prodott u mhux max-xerrej tippermetti li wieħed jibbenefika aktar mill-protezzjoni legali li għandhom dawn il-prodotti u li tintemm l-idea żbaljata li skontha prodott neċessarjament jitlef il-valur tiegħu meta l-proprjetarju jinbidel. Li tiġi permessa l-estensjoni tal-garanzija f'każ ta' tiswija hija wkoll parti minn din l-inizjattiva ta' fiduċja. Il-qerda prematura tal-oġġetti mhijiex kompatibbli ma' suq sostenibbli. Il-mudelli kummerċjali bbażati fuq il-kiri ta' oġġetti pjuttost milli fuq ix-xiri tagħhom jidhru promettenti, iżda jeħtieġ li jkunu soġġetti għal studji apposta biex tiġi żgurata l-vijabbiltà u s-sostenibbiltà tagħhom.
Diġitalizzazzjoni għas-servizz ta' suq sostenibbli
Id-diġitalizzazzjoni hija għodda li rrivoluzzjonat il-mod kif nikkomunikaw, nipproduċu u nikkunsmaw. Illum, jenħtieġ li nerġgħu nirkupraw il-kontroll fuq id-diġitalizzazzjoni biex niggwidawha lejn futur diġitali mixtieq f'suq sostenibbli. Għal dan l-għan, huwa kruċjali li l-impatt ambjentali u soċjali tat-teknoloġiji jiġi spjegat b'mod ċar biex l-investimenti u l-isforzi fl-innovazzjoni jiġu ggwidati lejn dawk li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u lin-nies. Teknoloġija li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent tiġi ddeterminata permezz ta' analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħha, mill-estrazzjoni tal-materja prima u l-użu mill-ġdid ta' materjal sekondarju sal-ipproċessar tiegħu fi tmiem il-ħajja tiegħu, inklużi l-produzzjoni, it-trasport u l-użu tiegħu. Għandna nivvintaw mill-ġdid il-kunċett ta' innovazzjoni biex nippermettu l-ħolqien ta' diġitalizzazzjoni sostenibbli.
Sabiex jittieħdu deċiżjonijiet infurmati f'termini ta' leġiżlazzjoni, huwa essenzjali li jkun hemm aċċess għal data affidabbli biex jittieħdu deċiżjonijiet pubbliċi. L-aċċess pubbliku għal data marbuta mal-prodotti u mas-servizzi huwa essenzjali biex tiġi garantita l-implimentazzjoni ta' ekonomija ċirkolari, iżda anki għal reazzjoni fil-pront f'każ ta' kriżi, b'mod partikolari tas-saħħa.
Nistgħu nużaw l-għodod diġitali biex nippromwovu suq sostenibbli billi nistabbilixxu bażi tad-data komuni u passaport tal-prodotti. Dan jippermetti traċċar aħjar tal-prodotti u tal-parts tagħhom tul il-katina tal-valur kollha, il-kondiviżjoni ta' informazzjoni bejn il-produtturi u l-konsumaturi, u sorveljanza aktar effettiva tas-swieq.
Fil-każ tat-teknoloġiji, irridu nkunu partikolarment attenti fir-rigward tal-effetti ta' rikorrenza li jġibu magħhom l-avvanzi teknoloġiċi. Għalhekk, il-gwadann fl-effiċjenza ta' teknoloġija għandu tendenza li jrendi prodott jew servizz orħos, u għalhekk iwassal għal żieda fil-konsum u l-produzzjoni. Dan il-fenomenu huwa r-raġuni għaliex, jekk ma jiġux ikkontrollati, il-forzi tas-suq ħieles ma jsawrux b'mod awtomatiku soċjetajiet aktar sostenibbli. Għalhekk neħtieġu għodod regolatorji fis-seħħ biex niżguraw li s-soċjetajiet tagħna jkunu sostenibbli u reżiljenti.
Ir-rwol tal-akkwist pubbliku
L-għodda tal-akkwist pubbliku hija importanti minn ħafna aspetti. L-ewwel nett, l-amministrazzjonijiet għandhom funzjoni ta' mudell u ta' edukazzjoni. Dawn jirrappreżentaw ukoll 16 % tal-PDG Ewropew, u jibagħtu sinjali qawwija lis-swieq biex ibiddlu l-prattiki eżistenti.
Għalhekk, l-implimentazzjoni ta' suq sostenibbli titlob li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jsiru mudelli f'termini ta' sostenibbiltà tal-kriterji tal-akkwist pubbliku, billi jiġu introdotti kriterji ta' sostenibbiltà tal-prodotti kif ukoll persentaġġ ta' riutilizzazzjoni tal-prodott użat. Dan il-kriterju ta' sostenibbiltà jista' jinkludi wkoll li jiġu privileġġati ktajjen tal-valur qosra u prodotti aktar lokali. Peress li l-aspett tal-impjiegi japplika wkoll, l-akkwist pubbliku għandu jiffavorixxi wkoll lill-SMEs, li, minkejja li jammontaw għal total ta' żewġ terzi tal-impjiegi fis-settur privat mhux finanzjarju tal-Ewropa, ħafna drabi jiġu penalizzati mir-regoli tal-akkwist pubbliku.
L-akkwist pubbliku għandu jiffavorixxi lil dawk li huma effiċjenti u innovattivi fid-durabbiltà u s-sostenibbiltà.
Ir-rikonoxximent tar-responsabbiltà tar-reklamar
L-intrapriżi kull sena jonfqu 1,3 triljun f'komunikazzjonijiet kummerċjali u 600 biljun f'reklamar mad-dinja kollha. Għalkemm, storikament, ir-reklamar kellu rwol informattiv biex jiggwida lill-konsumatur fl-għażliet tiegħu, illum sar għandu rwol ta' persważjoni estrema. Dan mhux biss iżid artifiċjalment il-livell ta' konsum globali, imma jidderieġi lill-konsumaturi, mhux lejn l-aktar ditti sostenibbli u responsabbli, iżda lejn dawk li jinvestu somom konsiderevoli fil-kummerċjalizzazzjoni. Barra minn hekk, l-infiq fir-reklamar jikkonċerna prinċipalment numru żgħir ta' kumpaniji, ħafna drabi kumpaniji multinazzjonali kbar. Il-VSEs u l-SMEs ma jistgħux jikkompetu.
B'mod partikolari, is-suq tar-reklamar online kiber b'mod konsiderevoli minn mindu żviluppa l-internet. Sabiex ikompli jiżdied il-bejgħ, ir-rekwiżit ta' reklamar dejjem aktar immirat u personalizzat wassal għal prattiki aggressivi ta' estrazzjoni tad-data personali mill-utenti tal-internet u mit-teknoloġija diġitali. Dan it-tip ta' prattika jwassal għal dak li l-membri tad-dinja akkademika llum jiddeskrivu bħala kapitaliżmu ta' sorveljanza. Huwa essenzjali aktar minn qatt qabel li jiġu garantiti l-prinċipji stabbiliti mill-GDPR, iżda wkoll li jiġu rregolati l-prattiki ta' estrazzjoni sistematika tad-data personali minn min jirreklama.
F'dan il-kuntest, huwa fundamentali li tiġi rikonoxxuta r-responsabbiltà tas-settur tar-reklamar u li l-prattiki tagħhom jiġu rregolati. Dan għandu jibda b'regolamentazzjoni tal-kontenut, li tipprojbixxi asserzjonijiet ekoloġiċi mhux dettaljati, iżda wkoll ir-reklamar ta' prodotti jew servizzi li jagħmlu ħsara lis-saħħa jew lill-ambjent.
Imbagħad, għandu jkun hemm regolamentazzjoni tal-prattiki, billi tiġi regolata l-estrazzjoni massiva ta' data personali dwar il-konsumaturi u dak li jixtru. L-atturi soċjali u ambjentali għandhom jingħataw pjattaforma biex jagħtu l-fehmiet tagħhom.
Fl-aħħar nett, għandu jkun hemm responsabbilizzazzjoni finanzjarja, fejn tkun meħtieġa trasparenza totali fir-rigward tal-infiq tal-intrapriżi fir-reklamar u tiġi stabbilita taxxa Ewropea fuq ir-reklamar.
KONKLUŻJONI
L-għan ta' dan ir-rapport huwa li ngħaddu għal stadju ġdid f'suq uniku fejn il-prodotti u s-servizzi kollha jkunu soċjalment ġusti u ekoloġiċi. Suq b'ekonomija ċirkolari u reżiljenti, fejn il-konsumaturi jkunu żguri li qed jixtru prodotti u servizzi sikuri, aċċessibbli, f'pożizzjoni li jagħmlu għażliet infurmati, u fejn l-aktar produtturi onesti jkunu f'pożizzjoni li jgawdu l-benefiċċji tas-suq, irrispettivament mid-daqs tagħhom jew mill-baġit inizjali tagħhom. Aħna nixtiequ nagħtu s-setgħa lill-konsumaturi u lill-intrapriżi Ewropej onesti biex jiddefendu dinja soċjalment u ekoloġikament mixtieqa.
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AMBJENT, IS-SAĦĦA PUBBLIKA U S-SIKUREZZA TAL-IKEL (17.7.2020)
għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
lejn suq uniku aktar sostenibbli għall-impriżi u l-konsumaturi
Rapporteur for opinion: Pascal Canfin
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jenfasizza li l-pjan ta' rkupru l-ġdid tal-UE għandu jiżgura li l-fondi tal-UE għall-irkupru jintużaw biss b'mod li huwa konsistenti mal-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi wkoll linji gwida tal-UE għall-Istati Membri dwar kif ifasslu l-pjanijiet nazzjonali ta' investiment tagħhom sabiex ikunu konsistenti mal-Ftehim Ekoloġiku Ewropew, mal-Ftehim ta' Pariġi u mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tfassal linji gwida tal-UE dwar kundizzjonijiet ta' ekoloġizzazzjoni fir-rigward tal-biljuni f'għajnuna mill-Istat mogħtija lil kumpaniji kbar bħala riżultat tal-kriżi tal-COVID-19; jenfasizza li l-pjan ta' rkupru l-ġdid u dawn il-linji gwida għandhom jippermettu li l-UE tiffranka u tittrasforma l-ekonomija tagħha (jiġifieri li l-UE toħroġ mill-kriżi u taċċellera t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u l-ekonomija ċirkolari), filwaqt li ħadd ma jitħalla lura;
2. Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi l-inizjattivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, inklużi l-azzjonijiet identifikati fil-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, sabiex tkompli fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, it-telfien tal-bijodiversità u d-degradazzjoni ambjentali; jisħaq fuq l-importanza li tiġi opposta kwalunkwe proposta biex tiġi posposta l-introduzzjoni ta' standards jew konformità aktar stretti ma' obbligi diġà stabbiliti; jikkunsidra li kwalunkwe proposta bħal din għandha tkun soġġetta għal skrutinju kritiku, filwaqt li jitqiesu mhux biss l-interessi kummerċjali tal-kumpaniji kkonċernati iżda anke l-interessi soċjali aktar mifruxa, filwaqt li jiġu segwiti l-objettivi ta' impjieg sħiħ u progress soċjali;
3. Jenfasizza l-importanza li jitqassru l-ktajjen tal-provvista u titnaqqas id-dipendenza minn pajjiżi terzi f'setturi kruċjali bħall-produzzjoni ta' prodotti mediċinali, enerġija u ikel, b'mod partikolari permezz ta' akkwist pubbliku ekoloġiku u soċjali u restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni ta' prodotti mmanifatturati skont standards tax-xogħol u ambjentali baxxi;
4. Jenfasizza li l-proposti leġiżlattivi li jmiss biex jiġi promoss suq uniku aktar sostenibbli għan-negozji u l-konsumaturi għandhom ikunu allinjati b'mod sħiħ mal-objettiv tal-limitazzjoni tat-tisħin globali għal taħt 1,5 °C, u m'għandhomx jikkontribwixxu għat-telfien tal-bijodiversità;
5. Ifakkar li l-Unjoni hija kemm it-tieni l-akbar setgħa ekonomika tad-dinja kif ukoll l-akbar setgħa kummerċjali tad-dinja; jirrimarka li s-suq uniku huwa għodda b'saħħitha li trid tintuża biex jiġu żviluppati prodotti jew teknoloġiji sostenibbli u ċirkolari li se jsiru l-istandards ta' għada, u għaldaqstant iċ-ċittadini jkunu jistgħu jixtru prodotti affordabbli li jkunu aktar sikuri, aktar tajbin għas-saħħa u li jirrispettaw aktar il-pjaneta;
6. Jenfasizza li t-tranżizzjoni lejn newtralità klimatika sa mhux aktar tard minn l-2050 u t-tranżizzjoni lejn ekonomija verament ċirkolari u suq uniku sostenibbli se joħolqu opportunitajiet kummerċjali u impjiegi ġodda u għalhekk jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għal irkupru ekonomiku sostenibbli;
7. Jenfasizza li, fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050, huwa kruċjali li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jivvalutaw b'mod xieraq il-ħtiġijiet tal-impjiegi, inklużi r-rekwiżiti tal-edukazzjoni u t-taħriġ, jippromwovu l-iżvilupp tal-ekonomija u jagħmlu ħilithom biex jiksbu tranżizzjoni ekwa u ġusta;
8. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom mal-partijiet kollha tas-soċjetà u mal-partijiet ikkonċernati, inklużi ċ-ċittadini/il-konsumaturi, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u mhux governattivi, ir-rappreżentanti tan-negozji, it-trade unions u l-ħaddiema biex ikunu jistgħu jieħdu azzjoni lejn il-kisba ta' suq uniku sostenibbli u jingħataw is-setgħa li jagħmlu dan;
9. Jirrimarka li kemm il-produzzjoni sostenibbli kif ukoll il-konsum għandhom jiġu promossi; iqis f'dan ir-rigward li l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi għandha tittejjeb billi tiżdied iċ-ċirkolarità tal-ktajjen ta' valur, jitnaqqas il-konsum tar-riżorsi, tiżdied l-adozzjoni ta' materja prima sekondarja, tiġi mminimizzata l-ġenerazzjoni tal-iskart u jiġu applikati bis-sħiħ il-miżuri stabbiliti fid-Direttiva 2008/98/KE, inkluż billi jitnaqqas il-kontenut tas-sustanzi perikolużi; jisħaq li għandha tiġi żviluppata ekonomija ġdida li tinkludi servizzi ċirkolari;
10. Jistieden lill-Istati Membri jinvestu f'ippjanar aktar sistemiku għat-tfassil ta' proċessi tal-produzzjoni fejn l-iskart minn fluss ta' proċess u produzzjoni wieħed jista' jiġi integrat b'mod effiċjenti bħala riżorsa fi proċess ieħor ta' produzzjoni;
11. Iqis li hemm potenzjal tajjeb biex tiżdied is-sostenibbiltà tas-suq uniku fil-mudelli tal-prodott bħala servizz li għandhom ikomplu jiġu żviluppati wkoll;
12. Jenfasizza li, bħala parti minn ekonomija globalizzata ħafna, l-UE ma tistax issir suq sostenibbli iżolat jekk dan qed jikkawża jew jikkontribwixxi għal prattiki mhux sostenibbli lil hinn mill-fruntieri tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi miżuri trasformattivi fir-rigward tas-sostenibbiltà tal-prodotti, tar-riżorsi u s-servizzi esportati barra l-UE, sabiex tiżgura l-istess standards ta' sostenibbiltà u l-istess ċirkolarità;
13. Jistieden lill-kumpaniji u lill-organizzazzjonijiet kollha jirreġistraw mal-Unità tal-Iskema ta' Mmaniġġjar u Awditjar Ekoloġiċi (EMAS) tal-UE sabiex itejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom; jistenna bil-ħerqa r-rieżami li jmiss tad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju, li għandu jtejjeb b'mod sinifikanti d-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-kumpaniji;
14. Jitlob l-estensjoni tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn biex ikun żgurat li l-prodotti u l-imballaġġ kollu li jitqiegħdu fis-suq tal-UE jkunu jistgħu jiġu aġġornati, użati mill-ġdid, imsewwija u fl-aħħar mill-aħħar ikunu riċiklabbli fl-ogħla livell, sabiex il-valur tal-materjal ma jintilifx; dan irid ikun ibbażat fuq ir-responsabbiltà estiża tal-produttur;
15. Jenfasizza li għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti stretti fuq il-bażi ta' diliġenza dovuta biex jiġi żgurat li l-ebda prodott li jikkawża degradazzjoni ambjentali jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem ma jitqegħidx fis-suq tal-Unjoni;
16. Jirrikonoxxi li huwa essenzjali li n-narattiva fl-industriji tagħna tinbidel minn "min-nieqa sal-qabar" għal "min-nieqa san-nieqa", u li s-sostenibbiltà tissaħħaħ fl-istadji kollha tal-ktajjen tal-provvista, li jirriżulta f'sostenibbiltà ambjentali u soċjali fil-prodott finali kif ukoll fil-manifattura tal-komponenti kollha tiegħu u l-estrazzjoni tal-materja prima;
17. Iqis li huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-"għażla sostenibbli" tkun l-għażla awtomatika – li hija attraenti, affordabbli u aċċessibbli – għall-konsumaturi kollha fl-UE kemm jista' jkun malajr; jilqa' bi pjaċir f'dan ir-rigward l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżviluppa qafas għal politika ta' prodotti sostenibbli li, fost miżuri oħra, se ssaħħaħ u testendi l-ekodisinn sabiex titjieb is-sostenibbiltà tal-prodotti permezz ta' rekwiżiti qabel it-tqegħid fis-suq; jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi r-rekwiżiti minimi tal-prestazzjoni u l-miri – inkluż billi timponi perjodi minimi għall-provvista ta' spare parts skont il-kategorija tal-prodott u ħinijiet tal-kunsinna massimi raġonevoli – għad-disinn, il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti li huma sostenibbli u sikuri, adatti għal użu multiplu, li teknikament ikunu durabbli u jissewwew faċilment, li ma jkollhomx sustanzi perikolużi, u li wara li jsiru skart u jkunu tħejjew għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ, adatti biex ikunu disponibbli jew imqiegħda fis-suq sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni xierqa tal-ġerarkija tal-iskart; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja u tiżviluppa wkoll għodod ekonomiċi li jagħtu vantaġġ ekonomiku lill-"għażla sostenibbli";
18. Jenfasizza li ħajja itwal għal prodotti tippresupponi l-adozzjoni ta' miżuri li jipprojbixxu l-obsolexxenza pprogrammata; jistieden lill-Kummissjoni teżamina rapporti li prodotti bħal smartphones qed jiġu ddisinjati b'mod intenzjonat biex ikollhom ħajja utli qasira ħafna u biex tipproponi miżuri li jipprojbixxu dan il-fenomenu;
19. Jisħaq li l-prevenzjoni, kif definita fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, għandha tkun l-ewwel prijorità f'konformità mal-ġerarkija tal-iskart;
20. Jenfasizza li l-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fit-tranżizzjoni ekoloġika; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa proposti leġiżlattivi dwar l-għodod meħtieġa biex jintlaħaq dan l-għan, inkluż billi tintalab informazzjoni aħjar dwar il-prodott permezz ta' tikkettar obbligatorju dwar id-durabbiltà u t-tiswija ta' prodott (il-ħajja mistennija, id-disponibbiltà ta' spare parts, eċċ.), id-definizzjoni tad-durabbiltà u l-possibbiltà ta' tiswija bħala karatteristiċi ewlenin ta' prodott skont id-Direttivi 2011/83/UE u 2005/29/UE, li jittejbu l-metodoloġiji biex jiġu vverifikati l-asserzjonijiet ekoloġiċi qabel ma prodott jitqiegħed fis-suq, li jiġu estiżi l-garanziji legali allinjati mal-ħajja stmata ta' kategorija ta' prodott u definizzjonijiet, il-projbizzjoni ta' prattiki mmirati biex titnaqqas b'mod intenzjonat il-ħajja ta' prodott, bħall-prevenzjoni ta' tiswija fl-istadju tad-disinn jew it-tnaqqis fir-ritmu tal-prestazzjoni wara aġġornament ta' software (obsolexxenza ppjanata), u l-prevenzjoni tal-greenwashing, billi jiżdiedu mal-Anness I tad-Direttiva 2005/29;
21. Jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi d-dritt tal-persuni fl-UE li l-oġġetti tagħhom jissewwew bi prezz affordabbli permezz ta' sett ta' miżuri speċifiċi, bħall-obbligu li tingħata informazzjoni fil-ħin tax-xiri dwar id-disponibbiltà u l-prezz tal-ispare parts u l-ħin biex jissewwew, biex l-atturi kollha tat-tiswija, inklużi l-konsumaturi, jingħataw aċċess mhux diskriminatorju għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni, tiġi promossa l-istandardizzazzjoni sabiex titrawwem l-interoperabbiltà tal-ispare parts, biex tiġi pprijoritizzata t-tiswija permezz ta' inċentivi mmirati, biex jiġu appoġġjati s-servizzi ta' tiswija permezz ta' inċentivi finanzjarji; jisħaq li dawn l-għodod iridu jkunu bbażati fuq kriterji ambjentali sodi, li jippermettu lill-konsumaturi jivvalutaw b'mod preċiż l-impatt ambjentali tal-prodotti fuq il-bażi taċ-ċiklu tal-ħajja, l-impronta ambjentali, it-tul tal-ħajja u l-kwalità tagħhom; jenfasizza, madankollu, li l-inkoraġġiment ta' konsum sostenibbli huwa biss aspett wieħed tal-kwistjoni u li t-tranżizzjoni lejn iċ-ċirkolarità għandha tibda mill-istadju tal-produzzjoni u l-ekodisinn;
22. Jinnota l-importanza ta' suq intern li jiffunzjona sew għall-immaniġġjar tal-iskart u jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar titjib fil-kundizzjonijiet tas-suq għar-riċiklaġġ; jistieden, għal dan l-għan, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw dan it-titjib, inkluż permezz ta' proposti leġiżlattivi biex tiġi żgurata armonizzazzjoni regolatorja akbar;
23. Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza wkoll b'mod adegwat il-kwalità doppja ta' prodotti u tiżgura li l-persuni kollha fl-Istati Membri jkollhom aċċess għall-istess kwalità ta' oġġetti tal-ikel u prodotti oħra, u li jgawdu drittijiet tal-konsumaturi ugwali, bħad-dritt għat-tiswija, irrispettivament mill-Istat Membru ta' residenza tagħhom;
24. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi informazzjoni komparabbli u armonizzata dwar il-prodott, inkluż it-tikkettar volontarju tal-prodott, kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji, abbażi ta' data fattwali u riċerka tal-konsumatur u f'konsultazzjoni sħiħa mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, filwaqt li jiġi evitat piż eċċessiv fuq l-SMEs;
25. Jitlob l-adozzjoni ta' rekwiżiti tal-ekodisinn għall-firxa l-aktar wiesgħa ta' prodotti, jissottolinja li r-rekwiżiti tal-ekodisinn għandhom ikunu obbligatorji, jitlob l-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għal prodotti mhux tal-enerġija li jkollhom impatt ambjentali importanti, bħat-tessuti u l-għamara;
26. Jitlob li jiġu introdotti u li jintużaw sistemi ta' depożitu obbligatorji bħal dawk maħluqa għall-fliexken, li jippermettu li l-kwalità tal-materjal tinżamm f'bejn wieħed u ieħor l-istess livell minn użu għal ieħor;
27. Jipproponi l-iżvilupp ta' linji gwida u standards ċari għal dikjarazzjonijiet ekoloġiċi u impenji li jissarrfu f'ekotikketti; jistenna bil-ħerqa l-proposta leġiżlattiva ppjanata dwar is-sostanzjar ta' asserzjonijiet ekoloġiċi; iqis li bl-għoti lill-konsumaturi ta' trasparenza u gwida permezz ta' informazzjoni u ekotikkettar preċiżi u responsabbli, il-konsumaturi se jkollhom aktar fiduċja fil-prodotti u s-swieq, li fl-aħħar mill-aħħar iwassal għal konsum sostenibbli;
28. Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-qafas għall-vjeġġi ta' skart isseparat u materjal riċiklat fl-UE u barra minnha f'konformità mad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart bl-għan li jiġu ffaċilitati kundizzjonijiet ekonomiċi vijabbli fis-swieq tar-riċiklaġġ tal-UE u biex tkun żgurata protezzjoni ambjentali effikaċi meta l-iskart jiġi ttrasportat bil-baħar barra mill-UE;
29. Jenfasizza l-importanza tal-involviment tas-settur privat bħala parti kkonċernata responsabbli fit-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli u ċirkolari; jinnota li prattiki industrijali sostenibbli u ċirkolari huma kruċjali biex jintlaħqu l-miri tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Ftehim ta' Pariġi;
30. Jitlob reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Ekotikketta sabiex tittejjeb l-informazzjoni tal-konsumatur dwar il-possibbiltà ta' tiswija, id-disponibbiltà u l-affordabbiltà ta' spare parts u opzjonijiet DIY;
31. Jinnota li s-settur privat tal-immaniġġjar tal-iskart għandu rwol kruċjali fit-tisħiħ tal-ekonomija ċirkolari, u jirrappreżenta 60 % tas-sehem tas-suq għall-iskart domestiku u 75 % għall-iskart industrijali u kummerċjali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistimulaw l-investimenti fis-settur privat u li jsiru minnu biex ikomplu jinċentivaw l-immaniġġjar tal-iskart sostenibbli u jappoġġjaw id-domanda għal materjal riċiklat u prodotti li jkun fihom materjal riċiklat;
32. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-adozzjoni ta' kontenut riċiklat abbażi ta' inizjattivi eżistenti u l-promozzjoni ta' oħrajn ġodda mill-industrija u l-partijiet ikkonċernati;
33. Jikkunsidra wkoll li d-Direttiva dwar l-Ekodisinn tipprovdi potenzjal sinifikanti li għadu mhux sfruttat biex tittejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi; jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-implimentazzjoni u r-reviżjoni tal-miżuri għal dawk il-prodotti bl-akbar potenzjal f'termini tal-iffrankar tal-enerġija kif ukoll tal-ekonomija ċirkolari; jitlob li jsiru analiżijiet fil-fond b'mod sistematiku tal-potenzjal tal-ekonomija ċirkolari waqt studji preparatorji għall-estensjoni ta' miżuri tal-ekodisinn għal kategoriji ta' prodotti oħra;
34. Jenfasizza r-rwol tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (APE) biex titħaffef il-bidla lejn ekonomija sostenibbli u ċirkolari, u l-importanza tal-implimentazzjoni tal-APE matul l-irkupru ekonomiku tal-UE; ifakkar fl-impenji tal-Kummissjoni li tipproponi aktar leġiżlazzjoni dwar l-APE, u jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta ambizzjuża li żżid b'mod sinifikanti l-użu tal-APE, f'konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, sabiex fl-akkwist pubbliku kollu l-għażla ekoloġika għandha tkun l-għażla prestabbilita, bil-prinċipju "ikkonforma jew spjega" , sabiex dan ikun jista' jiġi eżentat biss minħabba raġunijiet aċċettabbli;
35. Jindika li l-ktajjen tal-valur globali jeħtieġ li jiġu ddiversifikati permezz tar-regoli l-ġodda għall-kummerċ elettroniku, il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali, li għandha l-potenzjal li tistimula l-użu ta' beni ambjentali, u r-riforma fil-livell internazzjonali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali biex tittejjeb il-kompetittività u jiġu protetti u ppremjati l-ħidma kreattiva u l-innovazzjoni b'mod aktar effikaċi, bil-ħsieb li jinkiseb suq uniku sostenibbli b'mod aktar profond;
36. Jenfasizza li l-konsumaturi kollha għandu jkollhom id-dritt għal prodotti sikuri li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent jew lis-saħħa tal-bniedem; jitlob eliminazzjoni gradwali rapida u effikaċi u projbizzjoni ta' sustanzi perikolużi użati fis-suq uniku; jenfasizza li dan għandu jkun partikolarment importanti f'dak li jirrigwarda s-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali; jenfasizza li l-iżvilupp ta' suq uniku sostenibbli jrid ikun ibbażat fuq il-ħolqien ta' ekonomija ċirkolari mhux tossika u ambjent li fih is-sustanzi perikolużi ma jintużawx jew ma jiġux riċiklati;
37. Iqis li huwa importanti li titqajjem kuxjenza pubblika dwar id-drittijiet tal-konsumatur u l-importanza ta' konsum sostenibbli ta' prodotti u servizzi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw din is-sensibilizzazzjoni permezz ta' pjattaforma għall-iskambju tal-aħjar prattiki li tinkludi ċ-ċittadini u r-rappreżentanti tas-setturi pubbliċi u privati, l-awtoritajiet lokali, l-akkademja, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, filwaqt li jiżguraw li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għal informazzjoni komprensiva li tinftiehem faċilment.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT MITLUB GĦAL OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
16.7.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
43 6 28 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Nikos Androulakis, Bartosz Arłukowicz, Margrete Auken, Simona Baldassarre, Marek Paweł Balt, Traian Băsescu, Aurelia Beigneux, Monika Beňová, Sergio Berlato, Alexander Bernhuber, Malin Björk, Simona Bonafè, Delara Burkhardt, Pascal Canfin, Sara Cerdas, Mohammed Chahim, Tudor Ciuhodaru, Nathalie Colin-Oesterlé, Miriam Dalli, Esther de Lange, Christian Doleschal, Marco Dreosto, Bas Eickhout, Eleonora Evi, Agnès Evren, Fredrick Federley, Andreas Glück, Catherine Griset, Jytte Guteland, Anja Hazekamp, Martin Hojsík, Pär Holmgren, Yannick Jadot, Adam Jarubas, Petros Kokkalis, Athanasios Konstantinou, Ewa Kopacz, Joanna Kopcińska, Peter Liese, Sylvia Limmer, Javi López, César Luena, Fulvio Martusciello, Liudas Mažylis, Joëlle Mélin, Tilly Metz, Silvia Modig, Dolors Montserrat, Alessandra Moretti, Dan-Ștefan Motreanu, Ville Niinistö, Ljudmila Novak, Grace O’Sullivan, Jutta Paulus, Jessica Polfjärd, Luisa Regimenti, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Sándor Rónai, Rob Rooken, Silvia Sardone, Christine Schneider, Günther Sidl, Linea Søgaard-Lidell, Nicolae Ştefănuță, Edina Tóth, Véronique Trillet-Lenoir, Petar Vitanov, Alexandr Vondra, Mick Wallace, Pernille Weiss, Michal Wiezik, Tiemo Wölken, Anna Zalewska |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Billy Kelleher |
|||
Sostituti skont l-Artikolu 209(7) preżenti għall-votazzjoni finali |
Margarita de la Pisa Carrión, Veronika Vrecionová |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
FIL-KUMITAT MITLUB GĦAL OPINJONI
43 |
+ |
EPP |
Michal WIEZIK |
S&D |
Nikos ANDROULAKIS, Marek Paweł BALT, Monika BEŇOVÁ, Simona BONAFÈ, Delara BURKHARDT, Sara CERDAS, Mohammed CHAHIM, Tudor CIUHODARU, Miriam DALLI, Jytte GUTELAND, Javi LÓPEZ, César LUENA, Alessandra MORETTI, Sándor RÓNAI, Günther SIDL, Petar VITANOV, Tiemo WÖLKEN |
RENEW |
Pascal CANFIN, Fredrick FEDERLEY, Andreas GLÜCK, Martin HOJSÍK, Billy KELLEHER, Frédérique RIES, María Soraya RODRÍGUEZ RAMOS, Nicolae ŞTEFĂNUȚĂ, Linea SØGAARD-LIDELL, Véronique TRILLET-LENOIR |
GREENS/EFA |
Margrete AUKEN, Bas EICKHOUT, Pär HOLMGREN, Yannick JADOT, Tilly METZ, Ville NIINISTÖ, Grace O'SULLIVAN, Jutta PAULUS |
EUL/NGL |
Malin BJÖRK, Anja HAZEKAMP, Petros KOKKALIS, Silvia MODIG, Mick WALLACE |
NI |
Eleonora EVI, Athanasios KONSTANTINOU |
6 |
- |
ID |
Simona BALDASSARRE, Marco DREOSTO, Sylvia LIMMER, Luisa REGIMENTI, Silvia SARDONE |
ECR |
Rob ROOKEN |
28 |
0 |
EPP |
Bartosz ARŁUKOWICZ, Traian BĂSESCU, Alexander BERNHUBER, Nathalie COLIN-OESTERLÉ, Christian DOLESCHAL, Agnès EVREN, Adam JARUBAS, Ewa KOPACZ, Esther de LANGE, Peter LIESE, Fulvio MARTUSCIELLO, Liudas MAŽYLIS, Dolors MONTSERRAT, Dan-Ștefan MOTREANU, Ljudmila NOVAK, Jessica POLFJÄRD, Christine SCHNEIDER, Edina TÓTH, Pernille WEISS |
ID |
Aurelia BEIGNEUX, Catherine GRISET, Joëlle MÉLIN |
ECR |
Sergio BERLATO, Margarita DE LA PISA CARRIÓN, Joanna KOPCIŃSKA, Alexandr VONDRA, Veronika VRECIONOVÁ, Anna ZALEWSKA |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
: astensjoni
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
26.10.2020 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
20 2 23 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Andrus Ansip, Pablo Arias Echeverría, Alessandra Basso, Brando Benifei, Adam Bielan, Biljana Borzan, Vlad-Marius Botoş, Markus Buchheit, Dita Charanzová, Deirdre Clune, David Cormand, Carlo Fidanza, Evelyne Gebhardt, Alexandra Geese, Sandro Gozi, Maria Grapini, Svenja Hahn, Virginie Joron, Eugen Jurzyca, Arba Kokalari, Marcel Kolaja, Kateřina Konečná, Jean-Lin Lacapelle, Maria-Manuel Leitão-Marques, Morten Løkkegaard, Adriana Maldonado López, Antonius Manders, Beata Mazurek, Leszek Miller, Dan-Ştefan Motreanu, Kris Peeters, Anne-Sophie Pelletier, Miroslav Radačovský, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Ivan Štefanec, Róża Thun und Hohenstein, Kim Van Sparrentak, Marion Walsmann, Marco Zullo |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Marc Angel, Pascal Arimont, Marco Campomenosi, Salvatore De Meo, Claude Gruffat |
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
20 |
+ |
S&D |
Marc Angel, Brando Benifei, Biljana Borzan, Evelyne Gebhardt, Maria Grapini, Maria-Manuel Leitão-Marques, Adriana Maldonado López, Leszek Miller, Christel Schaldemose |
RENEW |
Sandro Gozi |
ID |
Virginie Joron, Jean-Lin Lacapelle |
GREENS/EFA |
David Cormand, Alexandra Geese, Claude Gruffat, Marcel Kolaja, Kim Van Sparrentak |
EUL/NGL |
Kateřina Konečná, Anne-Sophie Pelletier |
NI |
Marco Zullo |
2 |
- |
ECR |
Eugen Jurzyca |
NI |
Miroslav Radačovský |
23 |
0 |
EPP |
Pablo Arias Echeverría, Pascal Arimont, Deirdre Clune, Salvatore De Meo, Arba Kokalari, Antonius Manders, Dan-Ştefan Motreanu, Kris Peeters, Andreas Schwab, Ivan Štefanec, Róża Thun und Hohenstein, Marion Walsmann |
RENEW |
Andrus Ansip, Vlad-Marius Botoş, Dita Charanzová, Svenja Hahn, Morten Løkkegaard |
ID |
Alessandra Basso, Markus Buchheit, Marco Campomenosi |
ECR |
Adam Bielan, Carlo Fidanza, Beata Mazurek |
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
: astensjoni
- [1] ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.
- [2] ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64.
- [3] ĠU L 136, 22.5.2019, p. 28.
- [4] ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1.
- [5] Testi adottati, P8_TA(2017)0287.
- [6] ĠU C 433, 23.12.2019, p. 146.
- [7] Testi adottati, P9_TA(2020)0005.
- [8] Testi adottati, P9_TA(2020)0005.
- [9] Testi adottati, P8_TA(2017)0287.
- [10] Testi adottati, P8_TA(2017)0287, premessa S.
- [11] Ewrobarometru Speċjali 503 ta' Diċembru 2019 bit-titolu "Attitudes towards the impact of digitalisation on daily lives" (Attitudnijiet lejn l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq il-ħajja ta' kuljum).
- [12] Stħarriġ li sar f'isem il-Kummissjoni f'Diċembru 2015, bit-titolu "Consumer market study on the functioning of legal and commercial guarantees for consumers in the EU" (Studju tas-suq tal-konsumatur dwar il-funzjonament tal-garanziji legali u kummerċjali għall-konsumaturi fl-UE).
- [13] Ewrobarometru Flash 388 ta' Ġunju 2014 intitolat "Attitudes of Europeans towards waste management and resource efficiency" (Attitudnijiet tal-Ewropej lejn il-ġestjoni tal-iskart u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi).
- [14] L-ambjent Ewropew – L-istat u l-prospetti 2020, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, p. 50
- [15] Ibid, p. 49
- [16] Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna": Fl-2050, ngħixu tajjeb, u fil-limiti ekoloġiċi tal-pjaneta. Il-prosperità tagħna u ambjent b'saħħtu jirriżultaw minn ekonomija innovattiva, ċirkolari fejn ma jinħela xejn u fejn ir-riżorsi naturali huma mmaniġġjati b'mod sostenibbli, u l-bijodiversità hija mħarsa, apprezzata u rrestawrata f'modi li jsaħħu r-reżiljenza tas-soċjetà tagħna. It-tkabbir tagħna b'livelli baxxi ta' karbonju ilu li ġie diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi, u b'hekk twittiet it-triq għal soċjetà globali sikura u sostenibbli."
- [17] EU Overshoot Day, Living Beyond Natures' Limits, 10 ta' Mejju 2019, WWF u Global Footprint Network
- [18] Opinjoni fuq inizjattiva proprja: Lejn konsum aktar sostenibbli: it-tul tal-ħajja tal-prodotti industrijali u t-tiġdid tal-fiduċja permezz tal-informazzjoni tal-konsumaturi
-
[19] Direttiva 2018/851/KE (li temenda d-Direttiva 2008/98/KE)
- [20] Behavioural Study on Consumers' Engagement in the Circular Economy - Final report, Kummissjoni Ewropea, Ottubru 2018, ISBN: 978-92-9200-885-7, p. 11.